EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0285

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-4 ta’ Ġunju 2015.
Directeur général des douanes et droits indirects u Directeur régional des douanes et droits indirects d'Auvergne vs Brasserie Bouquet SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Cour de cassation.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tassazzjoni –Direttiva 92/83/KEE — Dazji tas-sisa — Birra — Artikolu 4 — Birreriji żgħar indipendenti — Rati mnaqqsa ta’ dazju — Rekwiżiti — Assenza ta’ produzzjoni b’liċenzja — Produzzjoni skont proċess ta’ manifattura li jappartjeni għal terz u li huwa awtorizzat minnu — Użu awtorizzat tat-trade marks minn dan it-terz.
Kawża C-285/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:353

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

4 ta’ Ġunju 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tassazzjoni — Direttiva 92/83/KEE — Dazji tas-sisa — Birra — Artikolu 4 — Birreriji żgħar indipendenti — Rati mnaqqsa ta’ dazju — Rekwiżiti — Assenza ta’ produzzjoni b’liċenzja — Produzzjoni skont proċess ta’ manifattura li jappartjeni għal terz u li huwa awtorizzat minnu — Użu awtorizzat tat-trade marks minn dan it-terz”

Fil-Kawża C‑285/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Ġunju 2014, fil-proċedura

Directeur général des douanes et droits indirects,

Directeur régional des douanes et droits indirects d’Auvergne

vs

Brasserie Bouquet SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn C. Vajda (Relatur), President tal-Awla, A. Rosas u E. Juhász, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Brasserie Bouquet SA, minn F. Molinié, avukat,

għall-Gvern Franċiż, minn J.-S. Pilczer u D. Colas, bħala aġenti,

għall-Gvern Grieg, minn K. Nasopoulou, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Dintilhac u M. Wasmeier, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 206).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn id-directeur général des douanes et droits indirects [id-Direttur Ġenerali tad-dwana u tad-dazji indiretti] kif ukoll id-directeur régional des douanes et droits indirects d’Auvergne [id-Direttur Reġjonali tad-dwana u tad-dazji indiretti ta’ Auvergne] u Brasserie Bouquet SA (iktar ’il quddiem “Brasserie Bouquet”) dwar l-applikazzjoni tar-rati mnaqqsa ta’ dazju għall-birra mmanifatturata minnha matul is-snin 2007 sa 2010.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

It-tielet, is-seba’ u s-sbatax-il premessi tad-Direttiva 92/83 jipprovdu:

“[...] hu importanti għat-tħaddim xieraq tas-suq intern li jkunu

stabbiliti definizzjonijiet komuni għall-prodotti kollha in kwistjoni;

[...] fil-każ ta’ birra prodotta f’birreriji żgħar indipendenti u ta’ l-alkoħol etiliku prodott f’distilleriji żgħar, jinħtieġu soluzzjonijiet komuni li jippermettu l-Istati Membri japplikaw rati ta’ taxxi mnaqqsa lill-dawk il-prodotti;

[...]

[...] fil-każijiet fejn l-Istati Membri jitħallew japplikaw rati mnaqqsa, dawn ir-rati mnaqqsa m’għandhomx joħolqu distorsjoni ta’ kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern”.

4

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/83 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri jistgħu japplikaw rati mnaqqsa ta’ dazju, li jistgħu jkunu differenzjati skond il-produzzjoni annwali tal-birreriji in kwistjoni, għal birra magħmula minn birreriji żgħar indipendenti fi ħdan il-limiti segwenti:

ir-rati mnaqqsa m’għandhomx ikunu applikati lill-intrapriżi li jipproduċu iżjed minn 200000 ettolitri ta’ birra kull sena,

ir-rati mnaqqsa, li jistgħu jaqgħu taħt ir-rata minima, m’għandhomx ikunu ffissati għal iżjed minn 50 % taħt ir-rata standard nazzjonali tat-taxxa tas-sisa.

2.   Għall-iskopijiet tar-rati mnaqqsa t-terminu “birrerija” għandu jfisser birrerija li hi legalment u ekonomikament indipendenti minn kull birrerija oħra, li tuża bini li jinsab fiżikament lil hinn minn dak ta’ xi birrerija oħra u li ma toperax bil-liċenzja. Madankollu, fejn tnejn jew iżjed birreriji żgħar jikkoperaw, u d-dħul annwali tagħhom flimkien ma jeċċedix l-200 000 ettolitru, dawk il-birreriji jistgħu jkunu trattati bħala birrerija żgħira waħda indipendenti.

3.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li kwalunkwe rata mnaqqsa li huma jistgħu jintroduċu tapplika ugwalment għal birra trasportata fit-territorju tagħhom minn birreriji żgħar indipendenti li jinsabu fl-Istati Membri oħrajn. B’mod partikolari dawn għandhom jassiguraw li l-ebda kunsinna individwali mill-Istati Membri oħra ma teħel qatt iżjed dazju mill-ekwivalenti nazzjonali preċiż tagħha”.

Id-dritt Franċiż

5

L-Artikolu 178‑0a A tal-Anness III tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi, li jittrasponi l-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/83, huwa fformulat fit-termini li ġejjin:

“Għall-applikazzjoni tar-rati mnaqqsa ta’ dazju speċifiku msemmi fil-ħames u fit-tmien paragrafu tal-Artikolu 520A I(a) tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi, birrerija żgħira indipendenti hija birrerija stabbilita fi Stat Membru tal-Komunità Ewropea li tosserva l-kriterji segwenti:

hija tipproduċi annwalment inqas minn 200000 ettolitri ta’ birra;

hija legalment u ekonomikament indipendenti minn kull birrerija oħra;

hija tuża bini li jinsab fiżikament lil hinn minn dak ta’ xi birrerija oħra;

hija ma toperax bil-liċenzja.

Fejn tnejn jew iżjed birreriji żgħar jikkoperaw, u d-dħul annwali tagħhom flimkien ma jeċċedix l-200 000 ettolitru, dawk il-birreriji jistgħu jkunu trattati bħala birrerija żgħira waħda indipendenti.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6

Brasserie Bouquet topera restorant fejn hija tbigħ birra li tipproduċi hija stess.

7

Din il-produzzjoni hija rregolata mill-ftehim tal-10 ta’ Diċembru 1998, magħruf bħala “Kuntratt ta’ affiljazzjoni fis-‘Cercle des 3 brasseurs’” u konkluż ma’ ICO 3 B SARL (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ affiljazzjoni”). Bis-saħħa tal-kuntratt ta’ affiljazzjoni, ICO 3 B SARL awtorizzat lil Brasserie Bouquet sabiex tuża t-trade marks tagħha u s-sinjal tagħha “LES 3 BRASSEURS” u impenjat ruħha sabiex taqsam magħha l-għarfien tagħha u sabiex tipprovidilha, b’mod partikolari, it-tip ta’ ħmira.

8

Min-naħa l-oħra, Brasserie Bouquet għandha tosserva l-obbligi li jissemmew fid-dokument intitolat “Bible du Cercle des 3 brasseurs” li jinkludi dettalji dwar, b’mod partikolari, l-imsemmi għarfien u l-proċess ta’ manifattura fil-mikro-birrerija. Mill-kuntratt ta’ affiljazzjoni jirriżulta wkoll li Brasserie Bouquet hija obbligata li tixtri l-provvisti tagħha, għal ċerti prodotti, esklużivament mingħand ICO 3 B SARL u li għandha tħallasha somma bħala dritt ta’ dħul fiċ-“Cercle des 3 brasseurs” kif ukoll somma b’rata fissa kull xahar.

9

Peress li kienet meqjusa li tissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 178-0 a A tal-Anness III tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi bħala birrerija żgħira indipendenti, Brasserie Bouquet iddikjarat il-kwantitajiet ta’ birra prodotti fl-istabbiliment tagħha quddiem l-amministrazzjoni tad-dwana abbażi tal-bażi tar-rata mnaqqsa ta’ dazju prevista fl-Artikolu 520 A I(a) tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi.

10

L-imsemmija amministrazzjoni nnotifikat lil Brasserie Bouquet inġunzjoni li tikkontesta l-applikazzjoni ta’ din ir-rata mnaqqsa ta’ dazju għall-perijodu mix-xahar ta’ Diċembru 2007 għax-xahar ta’ Novembru 2010 u sussegwentement indirizzatilha avviż għall-irkupru tas-somma li hija kienet qed titlob lura.

11

Peress illi ġie miċħud l-ilment amministrattiv tagħha, sussegwentement anki r-rikors tagħha quddiem it-tribunal de grande instance ta’ Clermont-Ferrand, Brasserie Bouquet appellat quddiem il-Qorti tal-Appell ta’ Riom, liema qorti laqgħet l-appell tagħha. L-amministrazzjoni tad-dwana appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Cour de cassation.

12

Din l-aħħar qorti tosserva li, fid-dawl tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/83 sabiex birrerija tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala birrerija żgħira indipendenti u, għalhekk, tibbenefika mir-rata mnaqqsa ta’ dazju, huwa importanti, għall-finijiet tal-kawża li tressqet quddiemha, li jsir magħruf xi jrid ifisser ir-rekwiżit li ma tipproduċix “b’liċenzja”, kif jidher fl-imsemmi Artikolu 4(2).

13

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-produzzjoni b’liċenzja tinftiehem esklużivament bħala produzzjoni b’liċenzja għall-użu ta’ privattiva jew ta’ trade mark jew jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-produzzjoni b’liċenzja tinftiehem bħala produzzjoni skont proċess ta’ manifattura li jappartjenti għal terz u li huwa awtorizzat minnu?”

Fuq id-domanda preliminari

14

Kif josservaw il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, id-domanda preliminari, kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju, tipproponi żewġ interpretazzjonijiet possibbli tal-kunċett ta’ produzzjoni “b’liċenzja” fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/83, filwaqt li l-kuntratt ta’ affiljazzjoni jinkludi elementi li jaqgħu taħt dawn iż-żewġ interpretazzjonijiet. Fil-fatt, bis-saħħa ta’ dan il-kuntratt, Brasserie Bouquet kienet awtorizzata kemm li tuża t-trade marks ta’ ICO 3 B SARL kif ukoll li tipproduċi birra skont il-proċess ta’ manifattura li jappartjeni lil din tal-aħħar.

15

Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, imwaqqfa permezz tal-Artikolu 267 TFUE, hija ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Minn din il-perspettiva, hija, skont il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li huma ppreżentati lilha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Le Rayon d’Or, C‑151/13, EU:C:2014:185, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

16

F’dan ir-rigward, mir-raġunijiet tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, għall-finijiet ta’ teħid tad-deċiżjoni rigward l-appell li tressaq quddiemha, il-qorti tar-rinviju għandha bżonn li tkun taf jekk il-produzzjoni tal-birra skont ir-rekwiżiti bħal dawk previsti fil-kuntratt ta’ affiljazzjoni tikkostitwixxix produzzjoni “b’liċenzja” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/83.

17

Għalhekk id-domanda għandha tinftiehem fis-sens li tistaqsi essenzjalment jekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ dazju fuq il-birra, ir-rekwiżit previst fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/83 li jgħid li birrerija ma għandhiex tipproduċi b’liċenzja ma huwiex issodisfatt fil-każ li l-birrerija rilevanti tipproduċi l-birra tagħha konformement ma’ ftehim bis-saħħa ta’ liema hija awtorizzata tuża t-trade marks u l-proċess ta’ manifattura ta’ terz.

18

Fir-rigward tal-kunċett ta’ produzzjoni “b’liċenzja”, kif jissemma’ fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/83, jirriżulta, kemm mit-tielet premessa kif ukoll mit-titolu tad-direttiva, li din, sabiex tiżgura t-tħaddim xieraq tas-suq intern, trid jistabbilixxi definizzjonijiet komuni għall-prodotti kollha rilevanti u hija inkluża fil-kuntest ta’ politika ta’ armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku. Sabiex tiġi ggarantita applikazzjoni uniformi tad-Direttiva 92/83, l-interpretazzjoni tal-kunċetti li jinsabu f’din tal-aħħar għandha tkun awtonoma, ibbażata fuq il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni kif ukoll fuq l-għanijiet imħaddna mill-imsemmija direttiva (ara s-sentenza Glückauf Brauerei, C‑83/08, EU:C:2009:228, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19

Barra minn hekk, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/83 jikkostitwixxi deroga mill-applikazzjoni tar-rata normali ta’ dazju fuq il-birra minħabba fl-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa ta’ dazju fuq il-birra magħmula minn birreriji żgħar indipendenti taħt ċerti rekwiżiti. Ir-rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-imsemmija rata mnaqqsa ta’ dazju għandhom, għalhekk, jiġu interpretati b’mod ristrett.

20

Għal dak li jirrigwarda dawn ir-rekwiżiti, l-Artikolu 4(l) jinkludi rekwiżit ta’ natura kwantitattiva, dwar il-produzzjoni annwali massima ta’ birrerija ta’ 200000 ettolitri ta’ birra. L-Artikolu 4(2), li jipprovdi li birrerija żgħira indipendenti hija birrerija li hija legalment u ekonomikament indipendenti minn kull birrerija oħra, li tuża bini li jinsab fiżikament lil hinn minn dak ta’ xi birrerija oħra u li ma toperax bil-liċenzja, għalhekk jipprovdi għal rekwiżit ta’ natura kwalitattiva li jirrigwarda n-natura indipendenti ta’ tali birrerija vis-à-vis kull birrerija oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Glückauf Brauerei, C‑83/08, EU:C:2009:228, punti 22 sa 24).

21

Għal dak li jirrigwarda l-għan tad-Direttiva 92/83 fid-dawl tal-birra prodotta fil-birreriji żgħar indipendenti, mill-premessi seba’ u sbatax ta’ din id-direttiva jirriżulta li din tal-aħħar tixtieq tadotta soluzzjonijiet komuni sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rata mnaqqsa ta’ dazju għal dan il-prodott, filwaqt li jiġi evitat li dawn ir-rati mnaqqsa jwasslu għal distorsjoni ta’ kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern. Għalhekk, l-imsemmija direttiva tevita li l-benefiċċju ta’ tali tnaqqis tat-taxxi tas-sisa jingħata lil birreriji li d-daqs tagħhom u l-kapaċità ta’ produzzjoni tagħhom jistgħu jikkawżaw distorsjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Glückauf Brauerei, C‑83/08, EU:C:2009:228, punti 25 u 26).

22

Konsegwentement, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/83 jeħtieġ li l-birreriji żgħar li l-produzzjoni annwali tagħhom tal-birra hija inqas minn 200000 ettolitri jkunu verament awtonomi minn kull birrerija oħra kemm għal dak li jirrigwarda l-istruttura legali u ekonomika tagħhom kif ukoll għal dak li jirrigwarda l-istruttura tagħhom ta’ produzzjoni, minħabba li jużaw bini li jinsab fiżikament lil hinn minn dak ta’ xi birrerija oħra u ma joperawx taħt liċenzja (sentenza Glückauf Brauerei, C‑83/08, EU:C:2009:228, punt 27).

23

L-assenza tal-produzzjoni b’liċenzja tikkostitwixxi għalhekk waħda mir-rekwiżiti intiżi li jiggarantixxu li l-birrerija żgħira rilevanti tkun verament awtonoma meta mqabbla mal-birrerija l-oħra kollha. Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ produzzjoni “b’liċenzja” għandu jiġi interpretat b’mod li jinkludi l-produzzjoni tal-birra taħt kull forma ta’ awtorizzazzjoni, fejn jirriżulta li l-imsemmija birrerija żgħira ma hijiex kompletament indipendenti minn terz li ta din l-awtorizzazzjoni. Tali huwa l-każ fir-rigward tal-awtorizzazzjoni li tintuża privattiva, trade mark jew proċess ta’ produzzjoni li jappartjeni lil dan it-terz.

24

Minn dan jirriżulta li birrerija li tinsab f’sitwazzjoni bħal dik ta’ Brasserie Bouquet, li tipproduċi l-birra tagħha konformement għall-kuntratt ta’ affiljazzjoni, ma tissodisfax ir-rekwiżit li jidher fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/83 sabiex ma toperax b’liċenzja. Fil-fatt, minn naħa waħda, hija għandha, bis-saħħa ta’ dan il-kuntratt, id-dritt li tuża t-trade marks tal-parti kontraenti tagħha. Min-naħa l-oħra, hija awtorizzata sabiex timmanifattura l-birra tagħha skont il-proċess ta’ produzzjoni li jappartjeni lil ICO 3 B SARL peress li hija tibbenefika, konformement għall-imsemmi kuntratt, mill-għarfien tagħha kif spjegat fid-dokument intitolat “Bible du Cercle des 3 brasseurs”, li jinkludi, b’mod partikolari, id-deskrizzjoni tal-proċess u tal-metodi ta’ manifattura tal-birrer permezz tal-mikro-birrerija.

25

Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda hija li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ dazju fuq il-birra, ir-rekwiżit previst fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 92/83 li jgħid li birrerija ma għandhiex topera b’liċenzja ma huwiex issodisfatt fil-każ li l-birrerija rilevanti timmanifattura l-birra tagħha konformement għall-kuntratt li bis-saħħa tiegħu hija awtorizzata tuża t-trade marks u l-proċess ta’ manifattura ta’ terz.

Fuq l-ispejjeż

26

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ dazju fuq il-birra, ir-rekwiżit previst fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku, li jgħid li birrerija ma għandhiex topera b’liċenzja ma huwiex issodisfatt fil-każ li l-birrerija rilevanti timmanifattura l-birra tagħha konformement għall-kuntratt li bis-saħħa tiegħu hija awtorizzata tuża t-trade marks u l-proċess ta’ manifattura ta’ terz.

 

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top