Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0283

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-28 ta’ Jannar 2016.
CM Eurologistik GmbH u Grünwald Logistik Service GmbH (GLS) vs Hauptzollamt Duisburg u Hauptzollamt Hamburg-Stadt.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Finanzgericht Düsseldorf u Finanzgericht Hamburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 158/2013 – Validità – Dazju antidumping stabbilit fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat li joriġina miċ-Ċina – Eżekuzzjoni ta’ sentenza li kkonstatat l-invalidità ta’ regolament preċedenti – Ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni inizjali li tirrigwarda d-determinazzjoni tal-valur normali – Stabbiliment mill-ġdid tad-dazju antidumping abbażi tal-istess data – Perijodu ta’ investigazzjoni li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni.
Kawżi magħquda C-283/14 u C-284/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:57

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

28 ta’ Jannar 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (UE) Nru 158/2013 — Validità — Dazju antidumping stabbilit fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat li joriġina miċ-Ċina — Eżekuzzjoni ta’ sentenza li kkonstatat l-invalidità ta’ regolament preċedenti — Ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni inizjali li tirrigwarda d-determinazzjoni tal-valur normali — Stabbiliment mill-ġdid tad-dazju antidumping abbażi tal-istess data — Perijodu ta’ investigazzjoni li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni”

Fil-Kawżi magħquda C‑283/14 u C‑284/14,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi ta’ Düsseldorf, il‑Ġermanja) u mill-Finanzgericht Hamburg (qorti tal-finanzi ta’ Hamburg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet, rispettivament, tal-4 ta’ Ġunju 2014 u tal-1 ta’ April 2014, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Ġunju 2014, fil-proċeduri

CM Eurologistik GmbH

vs

Hauptzollamt Duisburg (C‑283/14)

u

Grünwald Logistik Service GmbH

vs

Hauptzollamt Hamburg-Stadt (C‑284/14),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, J. Malenovský (Relatur), M. Safjan, A. Prechal u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Mejju 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal CM Eurologistik GmbH u Grünwald Logistik Service GmbH (GLS), minn K. Landry, avukat,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn S. Boelaert, bħala aġent, assistita minn B. O’Connor u S. Crosby, solicitors, kif ukoll minn S. Gubel, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Maxian Rusche u R. Sauer, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Settembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw il-validità tar‑Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 158/2013, tat-18 ta’ Frar 2013, li jimponi mill-ġdid dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 49, p. 29).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest tal-kawżi bejn, rispettivament, CM Eurologistik GmbH (iktar ’il quddiem “Eurologistik”) u l-Hauptzollamt Duisburg (uffiċċju prinċipali doganali ta’ Duisburg, il‑Ġermanja) u Grünwald Logistik Service GmbH (GLS) (iktar ’il quddiem “GLS”) u l-Hauptzollamt Hamburg-Stadt (uffiċċju prinċipali doganali tal-belt ta’ Hamburg, il-Ġermanja) rigward il-ġbir, minn dawn l‑awtoritajiet doganali, ta’ dazju antidumping fuq l-importazzjoni minn dawn il-kumpanniji ta’ mandolin ippriżervat li joriġina miċ-Ċina.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”), li daħal fis-seħħ fil-11 ta’ Jannar 2010, ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005, tal-21 ta’ Diċembru 2005 (ĠU L 175M, p. 287, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 384/96”). Ir-Regolament bażiku jikkodifika u jadotta, f’termini analogi għal dawk tar-Regolament Nru 384/96, id-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar.

4

L-Artikolu 1 tar-Regolament bażiku, imsejjaħ “Il-Prinċipji”, jipprovdi:

“1.   Dazju kontra dumping jista’ jiġi applikat għal kwalunkwe prodott oġġett ta’ dumping li l-liberazzjoni tiegħu għal ċirkulazzjoni ħielsa fil-Komunità tikkawża ħsara.

2.   Prodott għandu jiġi kkunsidrat bħala oġġett ta’ dumping jekk il-prezz ta’ l-esportazzjoni tiegħu għall-Komunità ikun inqas minn prezz paragonabbli għal prodott simili, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, kif stabbilit għall-pajjiż esportatur.

[...]”

5

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku, intitolat “Tistabbilixxi dumping”:

“A. Valur normali

1.   Il-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti mill-pajjiż esportatur.

[...]

7.   

a)

Fil-każ ta’ l-importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx l-ekonomija tas-suq [...], il-valur normali għandu jiġi stabilit fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jew il-prezz minn dan il-pajjiż terz għall-pajjiżi l-oħra, inkluża l-Komunità, jew fejn dawn ma jkunux possibbli, fuq kull bażi oħra raġjonevoli, inkluż il-prezz attwalment imħallas jew li jrid jitħallas fil-Komunità għal prodott simili, aġġustat kif xieraq jekk meħtieġ għalbiex jinkludi marġni ta’ profitt raġjonevoli.

Għandu jiġi magħżul pajjiż terz xieraq b’ekonomija tas-suq b’manjiera li ma tkunx irraġjonevoli, filwaqt jitqies kull tagħrif ta’ min joqgħod fuqu li jkun disponibbli fiż-żmien tal-għażla. [...]

[...]”

6

L-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, intitolat “Il-bidu tal-proċeduri” jipprevedi, fil-paragrafu 9 tiegħu:

“Fejn, wara konsultazzjoni, ikun jidher li hemm biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta’ proċeduri, il-Kummissjoni għandha tagħmel hekk fi żmien 45 ġurnata minn meta jkun sar l-ilment u għandha tippubblika notifikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Fejn ma tkunx ġiet ippreżentata evidenza biżżejjed, min jagħmel l-ilment għandu, wara konsultazzjoni, jiġi b’hekk infurmat fi żmien 45 ġurnata mid-data li fiha l-ilment jiġi mressaq lill-Kummissjoni.”

7

L-Artikolu 6 tar-Regolament bażiku, intitolat “L-investigazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Wara l-bidu tal-proċeduri, il-Kummissjoni, li taġixxi f’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri, għandha tibda investigazzjoni fil-livell Komunitarju. Investigazzjoni bħal din għandha tkopri kemm id-dumping kif ukollil-ħsara u dawn għandhom jiġu investigati fl-istess ħin. Għall-iskop ta’ sejba rappreżentattiva, perjodu ta’ investigazzjoni għandu jiġi magħżul li, fil-każ ta’ dumping għandu, normalment, ikopri perjodu ta’ mhux inqas min sitt xhur immedjatament qabel l-bidu tal-proċeduri. Informazzjoni li għandha x’taqsam ma perjodu wara l-perjodu ta’ investigazzjoni ma għandhiex, normalment, tiġi kkunsidrata.

[...]

9.   Għall-proċeduri mibdija skond l-Artikolu 5(9), investigazzjoni għandha, kull fejn possibbli, tiġi konkluża fi żmien sena. Fi kwalunkwe każ, investigazzjonijiet bħal dawn għandhom fil-każijiet kollha jiġu konklużi fi żmien 15-il xahar mill-bidu, skond is-sejbiet magħmula skond l-Artikolu 8 għall-attivitajiet jew is-sejbiet magħmula skond l-Artikolu 9 għal azzjoni definittiva.”

8

Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament bażiku, intitolat “Id-dewmien, ir-reviżjonijiet u r-rifużjonijiet”:

“1.   Miżura kontra d-dumping għandha tibqa’ infurzata biss sakemm, u sal-punt li, huwa meħtieġ li jiġi oppost d-dumping li jkun qiegħed jikkawża ħsara.

2.   Miżura definittiva kontra d-dumping għandha tiskadi ħames snin wara l-impożizzjoni tagħha jew ħames snin mid-data tal-konklużjoni ta’ l-iktar reviżjoni riċenti li kopriet kemm id-dumping kif ukoll il-ħsara, sakemm ma jiġix stabbilit f’reviżjoni li d-data ta’ skadenza kienet x’aktarx twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza tal-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara. [...]

[...]

3.   Il-bżonn ta’ l-impożizzjoni kontinwa ta’ miżuri tista’ tiġi riveduta wkoll, fejn garantita, fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni […].

Reviżjoni interim għanda tinbeda fejn it-talba jkun fiha evidenza biżżejjed li l-impożizzjoni kontinwa tal-miżura ma għadhiex aktar neċessarja biex twieġeb għall-bejgħ taħt il-prezz u/jew li l-ħsara x’aktarx ma titkompliex jew ma terġax tiġri li kieku l-miżura kellha titneħħa jew tiġi mibdula, jew li l-miżura eżistenti mhix, jew ma għadhiex iktar, biżżejjed sabiex tirribatti għall-bejgħ taħt il-prezz li jkun qiegħed jikkawża ħsara.

[...]”

9

L-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku, imsejjaħ “Revoka”, jipprovdi:

“Ir-Regolament (KE) Nru 384/96 huwa mħassar.

Madanakollu, it-tħassir tar-Regolament (KE) Nru 384/96 m’għandux jippreġudika l-validita’ tal-proċedimenti mibdija taħtu.

[...]”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-fatti li wasslu għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 158/2013

10

Il-Kummissjoni introduċiet miżuri ta’ protezzjoni provviżorji kontra importazzjonijiet ta’ mandolin ippriżervat billi addotat ir-Regolament (KE) Nru 1964/2003, tas-7 ta’ Novembru 2003, li jimponi miżuri ta’ salvagwardja provviżorji kontra l-importazzjoni ta’ ċertu frott taċ-ċitru ippreparat jew ippriżervat (jiġifieri mandolin, eċċ.) (ĠU L 290, p. 3). Dan ir-regolament daħal fis-seħħ fid-9 ta’ Novembru 2003 u kien applikabbli sal-10 ta’ April 2004.

11

Fir-rigward tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 3285/94, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 518/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 17) u tal-Kunsill (KE) Nru 519/94, tas-7 ta’ Marzu 1994, dwar regoli komuni għal importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi u li jirrevoka r-Regolamenti (KEE) Nru 1765/82, 1766/82 u 3420/83 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 3), il-Kummissjoni adottat, fis-7 ta’ April 2004, ir-Regolament (KE) Nru 658/2004, li timponi miżuri ta’ salvagwardja definittivi kontra l-importazzjoni ta’ ċertu frott taċ-ċitru preparat jew priservat (jiġifieri mandolin, eċċ.) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 51, p. 101), li kien applikabbli mill-11 ta’ April 2004 sat-8 ta’ Novembru 2007.

12

Qabel l-iskadenza ta’ dawn il-miżuri ta’ protezzjoni, il-federazzjoni Spanjola tal-industrija li tipproċessa frott u ħaxix ressqet talba għal estensjoni ta’ dawn il-miżuri, li ġiet miċħuda mill-Kummissjoni.

13

Fis-6 ta’ Settembru 2007, din il-federazzjoni sussegwentement ressqet ilment għal dumping quddiem il-Kummissjoni li jikkonċerna l-importazzjoni ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat li joriġina miċ-Ċina.

14

Billi qieset li dan l-ilment kien jinkludi provi suffiċjenti, il-Kummissjoni ppubblikat, fl-20 ta’ Ottubru 2007, l-avviż ta’ bidu ta’ proċedura ta’ anti-dumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (bħal madolin, eċċ.) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C 246, p. 15).

15

Dan l-avviż kien jindika li l-prodotti msemmija huma l-mandolin (inklużi l-varjetajiet tangerines u satsumas), klementini, wilkings u ibridi taċ-ċitru simili oħrajn ippreparati jew ippreżervati, mingħajr spirti miżjuda, biz-zokkor jew sustanza ta’ ħlewwa miżjuda, jew mingħajr, kif huma ddefiniti taħt l-intestatura 2008 tan-Nomenklatura Magħquda li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1549/2006, tas-17 ta’ Ottubru 2006 (ĠU L 301, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NM”), li joriġinaw miċ-Ċina, normalment iddikjarati taħt is-subintestaturi 2008 30 55, 2008 30 75 u ex 2008 30 90 tan-NM. Dan l-avviż jippreċiża, madankollu, li dawn is-subintestaturi tan-NM jissemmew b’mod purament indikattiv. F’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-valur normali ta’ dan il-frott taċ-ċitru, il-Kummissjoni tesponi fl-avviż tagħha li, fl-assenza ta’ produzzjoni tal-prodott ikkonċernat barra mill-Komunità u miċ-Ċina, ħlief għall-produtturi-esportaturi li jipprovdu provi suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li joperaw fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq, u skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-lanjant stabbilixxa l-valur normali għaċ-Ċina fuq “bażi oħra raġjonevoli”, jiġifieri l-prezzijiet effettivament imħallsa jew li għandhom jitħallsu fil-Komunità għal prodott simili “aġġustat[i] kif xieraq”.

16

Fl-4 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 642/2009, li jimponi dazju provviżorju anti-dumping fuq l-importazzjoni ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippreżervat (l-aktar il-mandolin, eċċ) li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 178, p. 19). Mill-premessa 12 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-investigazzjoni intiża li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dumping kienet tkopri l-perijodu inkluż bejn l-1 ta’ Ottubru 2006 u t-30 ta’ Settembru 2007, filwaqt li l-eżami għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-dannu kopra l-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2002 sat-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni. Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-valur normali tal-prodott ikkonċernat, il-premessi 38 sa 45 ta’ dan ir-regolament jesponu li, minħabba l-assenza ta’ kooperazzjoni ta’ produtturi ta’ pajjiżi terz, il-valur normali ġie stabbilit, għall-produtturi esportaturi kollha tal-kampjun, fuq bażi raġonevoli ieħor, jiġifieri l-prezzijiet effettivament imħallsa jew li għandhom jitħallsu fil-Komunità għal prodott simili.

17

Fit-18 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament (KE) Nru 1355/2009, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 350, p. 35), li daħal fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2008. Skont il-premessa 17 ta’ dan ir-regolament, ma kien tressaq ebda argument li seta’ jikkontesta l-metodu użat għad-determinazzjoni tal-valur normali. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tesponi li l-użu ta’ data dwar il-prezzijiet ta’ pajjiż importatur ieħor jew informazzjoni ppubblikata ma setax jikkostitwixxi soluzzjoni raġonevoli peress li, fl-assenza ta’ kooperazzjoni ta’ “pajjiż analogu” din l-informazzjoni ma setgħetx tiġi vverifikata skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(8) tar-Regolament bażiku. Ukoll, il-premessa 18 tar-Regolament Nru 1355/2008 jindika li l-premessi 38 sa 45 tar-Regolament Nru 642/2008 huma kkonfermati.

18

B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fit-23 ta’ Marzu 2009, żewġ impriżi kkonċernati mid-dazju antidumping stabbilit bir-Regolament Nru 1355/2008 ppreżentaw rikors intiż għall-annullament ta’ dan ir-regolament.

19

B’sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, Zhejiang Xinshiji Foods u Hubei Xinshiji Foods vs Il‑Kunsill (T‑122/09, EU:T:2011:46), il-Qorti Ġenerali laqgħet dan ir-rikors, billi ddeċidiet li r-Regolament Nru 1355/2005 kien ivvizzjat minn ksur tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll minn nuqqas ta’ motivazzjoni. Konsegwentement, hija annullat dan ir-regolament sa fejn japplika għaż-żewġ kumpanniji rikorrenti f’din il-kawża.

20

Parallelament, fl-okkażjoni ta’ kawża bejn GLS u l-uffiċċju prinċipali doganali ta’ Hamburg dwar il-ġbir minn din l-awtorità fiskali tad-dazju antidumping stabbilit bir-Regolament Nru 1355/2008, il-Finanzgericht Hamburg (qorti tal-finanzi tal-belt ta’ Hamburg), fil-11 ta’ Mejju 2010, għamlet domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-validità ta’ dan ir-regolament.

21

Bis-sentenza GLS (C‑338/10, EU:C:2012:158), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ir-Regolament Nru 1355/2008 invalidu.

22

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat f’din is-sentenza li, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet ta’ provenjenza minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni, li għandha tmexxi l-investigazzjoni u tadotta r-regolamenti antidumping provviżorji, u l-Kunsill, li għandu jadotta r-regolamenti antidumping definittivi, għandhom jeżaminaw jekk huwiex possibbli li jiġi ddeterminat il-valur normali tal-prodott ikkonċernat abbażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq jew tal-prezz ipprattikat minn tali pajjiż terz b’destinazzjoni lejn pajjiżi oħra. Huwa biss jekk tali determinazzjoni tirriżulta impossibbli li l-valur normali jista’ jiġi stabbilit b’riferiment għal bażi raġonevoli ieħor. Konsegwentement, matul l-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1355/2008, il-Kummissjoni jmissha eżaminat, bid-diliġenza meħtieġa kollha, l-informazzjoni li hija kellha sabiex tfittex, fost il-pajjiżi b’ekonomija tas-suq, “pajjiż analogu”. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li jirriżulta mill-istatistiċi ta’ Eurostat (uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea) li kienu jeżistu, matul is-snin 2002/2003 sa 2006/2007, importazzjonijiet mhux insinjifikattivi fl-Unjoni Ewropea ta’ prodotti li jaqgħu taħt is-subintestaturi 2008 30 55, 2008 30 75 u ex 2008 30 90 tan-NM, li kienu ġejjin minn pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, b’mod partikolari mill-Iżrael, mis-Sważiland, mit-Tajlandja u mit-Turkija. Fil-fatt, dawn l-istatistiċi kienu jirreferu għat-data li ġejja f’dak li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ dawn il-prodotti (f’tunnellati):

Volum

2002/2003

2003/2004

2004/2005

2005/2006

2006/2007 (PE)

Iċ-Ċina

51 282,60

65 895,00

49 590,20

61 456,30

56 157,20

L-Iżrael

4 247,00

3 536,20

4 045,20

3 634,90

4 674,00

Is-Sważiland

3 903,10

3 745,30

3 785,70

3 841,00

3 155,50

It-Turkija

2 794,30

3 632,30

3 021,40

2 273,80

2 233,60

It‑Tajlandja

235.80

457.90

485.10

532.50

694.80

23

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni jmissha eżaminat fuq inizjattiva tagħha stess jekk wieħed minn dawn il-pajjiżi b’ekonomija tas-suq setax jikkostitwixxi “pajjiż analogu”, fis-sens tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Kunsill u l-Kummissjoni kienu kisru r-rekwiżiti li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni sa fejn huma kienu ddeterminaw il-valur normali tal-prodott ikkonċernat abbażi tal-prezzijiet effettivament imħallsa jew li għandhom jitħallsu fl-Unjoni għal prodott simili mingħajr ma pproduċew prova tad-diliġenza kollha meħtieġa sabiex dan il-valur jiġi stabbilit abbażi tal-prezzijiet applikati għal dan l-istess prodott f’pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq.

24

F’din l-okkażjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fil-punt 35 tas-sentenza GLS (C‑338/10, EU:C:2012:158), bi tweġiba għal argument li kkontesta r-rilevanza tal-istatistiċi ta’ Eurostat, li, minn naħa, dawn l-istatistiċi li l-produzzjoni tagħhom ġiet mitluba kienu relatati mal-prodott ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, paragun bejn l-istatistiċi msemmija fir-Regolament Nru 642/2008 dwar l-importazzjonijiet miċ-Ċina tal-prodott ikkonċernat u l-istatistiċi kkomunikati lill-Qorti tal-Ġustizzja kien juri li dawn tal-aħħar kienu jirrigwardaw esklużivament l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat.

25

Fid-19 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea avviż li jikkonċerna l-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (jiġifieri l-mandolin, eċċ.) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u dwar il-ftuħ mill-ġdid parzjali ta’ investigazzjoni tal-anti-dumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (jiġifieri l-mandolin, eċċ.) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU C 175, p. 19), li fih hija tindika li ddeċidiet li terġa’ tiftaħ l-investigazzjoni antidumping u li “l-ftuħ mill-ġdid huwa limitat fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għall-implimentazzjoni tas-sejba tal-[Qorti tal-Ġustizzja] [fis-sentenza GLS (C‑338/10, EU:C:2012:158)]”. Dan l-avviż jinforma wkoll lill-awtoritajiet doganali li, fid-dawl ta’ din is-sentenza, l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott ikkonċernat ma kinux iktar suġġetti għad-dazji antidumping u li d-dazji miġbura għall-prodott inkwistjoni skont ir-Regolament Nru 1355/2008 kellhom jiġu rrimborsati jew jinħafru.

26

Fit-18 ta’ Frar 2013, il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 158/2013. Dan tal-aħħar daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Frar 2013 u skada fil-31 ta’ Diċembru 2013.

27

Il-premessi 32, 33, 43, 47, 48, 54 u 86 tar-Regolament Nru 158/2013 huma fformulati kif ġej:

“(32)

[...] [I]s-sentenza [GLS (C-338/10, EU:C:2012:158) fir-rigward tad-determinazzjoni ta’] pajjiż analogu interpretat l-istatistika kkomunikata mill-Kummissjoni lill-Qorti fis-27 ta’ Lulju 2011 bħala data li hija relattiva biss għall-prodott ikkonċernat. Madankollu, il-Kummissjoni eżaminat mill-ġdid l-ambitu sħiħ ta’ kull kodiċi NM inkluż f’dik l-istatistika u għandu jiġi nnutat li dik l-istatistika tirrigwarda firxa ta’ prodotti usa’ mill-prodotti li huma l-oġġett tal-miżuri, billi inkludiet il-kodiċijiet NM sħaħ 2008 30 55, 2008 30 75 u 2008 30 90. Id-dejta statistika li tkopri biss il-prodott ikkonċernat jew il-prodott simili (għall-kodiċijiet NM 2008 30 55 u 2008 30 75), għall-pajjiżi msemmijin hawn fuq waqt il-perijodu ta’ investigazzjoni hija din li ġejja:

Pajjiż

Volum ta’ importazzjonijiet (tunnellati)

((f’tunnellati) | (tunnellati)

[Iċ-Ċina]

49 791,30

It‑Tajlandja

666.10

It-Turkija

151.20

l-Iżrael

4.80

is-Swaziland

0

(33)

Fil-kodiċi NM 2008 30 0, l-istatistika tinkludi prodotti oħrajn, apparti l-prodott ikkonċernat. Bħala konsegwenza, ma tista’ tittieħed l-ebda konklużjoni dwar l-importazzjonijiet tal-prodott simili fir-rigward tal-kodiċi NM. Għaldaqstant, ma jistax jiġi konkluż, permezz tal-istatistika, li l-prodott simili kien impurtat fi kwantitajiet sinifikanti mill-Iżrael jew minn Sważiland matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

[...]

(43)

[...] [G]ħandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ddeċidiet li terġa’ tiftaħ l-investigazzjoni inizjali b’mod limitat, ristretta għall-identifikazzjoni possibbli ta’ pajjiż analogu. Hija ma ddefinixxietx perijodu ta’ investigazzjoni ġdid, għall-kuntrarju tal-approċċ li ttieħed fil-kawża li wasslet għas-sentenza f’Industrie des poudres sphériques v il-Kunsill [(C‑458/98 P, EU:C:2000:531)]. Dan kien ibbażat fuq il-kunsiderazzjoni li minħabba li d-dazji ta’ antidumping kienu fis-seħħ, kull dejta miġbura waqt il-perijodu ta’ investigazzjoni l-ġdid kienet waħda distorta bl-eżistenza ta’ dawn id-dazji antidumping, partikolarment fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ħsara. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-punti mqajmin mill-partijiet dwar l-allegat nuqqas ta’ dumping f’dan il-punt jistgħu jiġu diskussi b’mod aktar xieraq fil-qafas ta’ reviżjoni interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. Filwaqt li fl-investigazzjoni inizjali l-analiżi tal-eżistenza ta’ ħsara ssir b’mod ex post għall-perijodu tal-investigazzjoni, l-analiżi tal-ħsara waqt reviżjoni interim issir b’mod prospettiv, billi l-ħsara osservata tul il-perijodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni x’aktarx tiġi influwenzata mill-fatt li hemm dazju ta’ antidumping fis-seħħ.

[...]

(47)

Fis-sentenza [GLSC‑338/10, EU:C:2012:158], il-Qorti rreferiet b’mod speċifiku għal erba’ pajjiżi li minnhom, skont id-dejta tal-Eurostat, seta’ kien hemm importazzjoni sinifikanti fl-Unjoni bil-kodiċijiet NM 2008 30 55, 2008 30 75 u ex 2008 30 90. Dawn il-pajjiżi huma l-Iżrael, is-Sważiland, it-Tajlandja u t-Turkija. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni kkuntattjat lill-awtoritajiet ta’ dawn il-pajjiżi permezz tal-Missjonijiet tagħhom għall-Unjoni Ewropea. Kollha ġew ikkuntattjati qabel il-ftuħ parzjali mill-ġdid tal-investigazzjoni u għal darba oħra meta kien se jsir il-ftuħ mill-ġdid. Il-Missjonijiet ikkonċernati, kif ukoll id-Delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għal dawk l-erba’ pajjiżi, intalbu jidentifikaw il-produtturi domestiċi possibbli tal-prodott simili u, jekk kien hemm, biex jgħinuhom jiksbu l-kooperazzjoni tagħhom.

(48)

Għalkemm ġew ikkuntattjati darbtejn, il-Missjonijiet tas-Sważiland u t-Tajlandja għall-Unjoni Ewropea ma bagħtu l-ebda tweġiba. Waslu tweġibiet mingħand il-Missjonijiet tal-Iżrael u tat-Turkija. Il-Missjoni tat-Turkija tat l-indirizzi ta’ sitt produtturi allegati, filwaqt li l-Missjoni tal-Iżrael infurmat lis-servizzi tal-Kummissjoni li ma kienx hemm produzzjoni tal-prodott simili fl-Iżrael tul il-[perijodu ta’ investigazzjoni] (u li fil-preżent ma kienx hemm produzzjoni bħal din).

[...]

(54)

Wara li ġew ikkunsidrati l-kummenti li għamlu l-partijiet, l-analiżi tagħhom u, minkejja l-isforzi sinifikanti tas-servizzi tal-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn produtturi potenzjali f’pajjiżi terzi, ġie konkluż li ma setax jiġi determinat valur normali abbażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq kif inhu preskritt fl-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

[...]

(86)

Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tagħhom li l-analiżi tal-ħsara għandha tkun ibbażata fuq dejta aktar reċenti [...], huwa osservat li dejta oħra aktar reċenti se tkun influwenzata mill-fatt li d-dazju ta’ antidumping kien fis-seħħ. Għaldaqstant, l-istrument xieraq biex tiġi analizzata dejta aktar reċenti huwa reviżjoni interim kif inhu preskritt fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku u mhux investigazzjoni ġdida [...]”

Il-fatti li wasslu għall-Kawża C‑283/14

28

CM Eurologistik tipprovdi servizzi ta’ warehousing u ta’ distribuzzjoni. Fl-20 ta’ Marzu 2013, CM Eurologistik poġġiet f’warehouse doganali debitament awtorizzat 48000 kaxxa ta’ 24 laned ta’ priżerva ta’ mandolin mingħajr spirti miżjuda u biz-zokkor (13.95 %), ta’ 312 gramma (g) kull waħda, li jaqgħu taħt is-subintestatura 2008 30 75 90 tal-kodiċi TARIC (tariffa integrata tal-Komunitajiet Ewropej), li joriġinaw miċ-Ċina. Hija kompliet mill-ġdid sabiex tqiegħed l-istess kwantità ta’ merkanzija f’din il-warehouse fil-25 ta’ Marzu 2013.

29

Fix-xahar ta’ April 2013, CM Eurologistik ħarġet, fi tliet okkażjonijiet, l-ekwivalenti f’laned ta’ priżerva ċċitati iktar ’il fuq madwar 19296 kilogramma (kg) mill-mandolin mill-warehouse doganali u, sussegwentement, ippreżentat dikjarazzjoni ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera għal dawn il-prodotti.

30

B’avviż tas-7 ta’ Mejju 2013, l-uffiċċju prinċipali doganali ta’ Duisburg stabbilixxa l-ammont tad-dazju antidumping dovut minn CM Eurologistik għal EUR 9657.99.

31

CM Eurologistik ressqet ilment kontra dan l-avviż minħabba l-invalidità tar-Regolament Nru 158/2013.

32

B’deċiżjoni tad-9 ta’ Settembru 2013, dan l-uffiċċju, billi qies li kien marbut bir-Regolament Nru 158/2013, u li ma kien wettaq ebda żball fl-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, ċaħad dan l-ilment.

33

CM Eurologistik ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi ta’ Düsseldorf), billi invokat l-istess motiv bħal dak imqajjem fl-ilment tagħha.

34

Il-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domanda preliminari lill-Qorti tal‑Ġustizzja:

“Ir-Regolament Nru 158/2013 huwa validu?”

Il-fatti li wasslu għall-Kawża C‑284/14

35

GLS timporta fl-Unjoni Ewropea priżervi ta’ mandolin ta’ provenjenza miċ-Ċina.

36

B’avviż tat-3 ta’ April 2013, l-uffiċċju prinċipali doganali tal-belt ta’ Hamburg impona dazji fuq l-importazzjoni fuq GLS, li minnhom EUR 62983.52 kienu dazji doganali, abbażi tar-Regolament Nru 158/2003.

37

Fit-30 ta’ April 2013, GLS ressqet ilment quddiem dan l-uffiċċju kontra dan l-avviż minħabba l-invalidità tar-Regolament Nru 158/2013.

38

B’deċiżjoni tal-24 ta’ Mejju 2013, dan l-uffiċċju ċaħad dan l-ilment bħala infondat. F’dik l-okkażjoni, dan indika li ma kienx kompetenti sabiex jeżamina l-validità tar-regolamenti adottati minn istituzzjonijiet Ewropej.

39

Fis-26 ta’ Ġunju 2013, GLS ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Finanzgericht Hamburg (qorti tal-finanzi ta’ Hamburg).

40

Il-Finanzgericht Hamburg (qorti tal-finanzi ta’ Hamburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ir-Regolament Nru 158/2013 huwa validu minkejja li ma saritx investigazzjoni tal-antidumping indipendenti ftit qabel id‑data ta’ adozzjoni tiegħu, iżda kien hemm sempliċement kontinwazzjoni ta’ investigazzjoni tal-antidumping li kienet diġà saret dak iż-żmien għall-perijodu bejn l-1 ta’ Ottubru 2006 u t-30 ta’ Settembru 2007, fejn din l-investigazzjoni kienet madankollu tmexxiet, skont ma stabbilixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha GLS(C‑338/10, EU:C:2012:158), bi ksur tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 384/96, li kellu bħala konsegwenza li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’din is-sentenza, [ikkonstatat l-invalidità tar-]Regolament Nru 1355/2008, li kien ġie adottat wara din l-investigazzjoni?”

41

B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Lulju 2014, il-Kawżi C‑283/14 u C‑284/14 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u tal-proċedura orali, kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

42

Mill-motivazzjoni tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-dubji espressi mill-qrati tar-rinviju dwar il-validità tar-Regolament Nru 158/2003 jingħaqdu parzjalment. Fid-dawl tan-natura ta’ dawn id-dubji, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domandi rispettivi tagħhom, li għandhom jiġu parzjalment eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju essenzjalment jistaqsu jekk ir-Regolament Nru 158/2013 huwiex invalidu minħabba raġunijiet ta’:

l-assenza ta’ dispożizzjonijiet fir-Regolament Nru 384/96 jew fir-Regolament bażiku sussegwenti tiegħu, li jipprevedu espressament il-possibbiltà li l-proċedura wara li regolament antidumping ikun ġie ddikjarat invalidu tinfetaħ mill-ġdid;

ksur tal-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku;

ksur tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku;

l-irregolarità tar-raġuni mressqa fir-Regolament Nru 158/2013 sabiex tiġi ġġustifikata d-deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jinżamm il-perijodu ta’ referenza inizjali; u

il-ksur tal-Artikolu 266 TFUE.

43

Fl-osservazzjonijiet tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jeċċepixxu żewġ motivi oħra ta’ invalidità tar-Regolament Nru 158/2013, essenzjalment ibbażati fuq il-ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament bażiku kif ukoll fuq il-ksur tal-Artikolu 2(7)(a) ta’ dan ir-regolament.

44

Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, b’tali mod li hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 26).

45

Minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta wkoll li l-Artikolu 267 TFUE ma jipprovdix rimedji ġudizzjarji għall-partijiet f’kawża pendenti quddiem il-qorti nazzjonali, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja bħala prinċipju ma tistax teżamina l-validità ta’ att tal-Unjoni fir-rigward ta’ motiv wieħed invokat quddiemha minn waħda minn dawn il-partijiet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46

F’dawn il-kundizzjonijiet, ma hemmx lok li l-eżami tal-validità tar-Regolament Nru 158/2013 jiġi estiż fir-rigward tal-motivi possibbli ta’ invalidità mhux imsemmija mill-qrati tar-rinviju.

Fuq l-assenza ta ’ dispożizzjonijiet, fir-Regolament Nru 384/96 jew fir-Regolament bażiku sussegwenti tiegħu, li espressament jipprevedu l-possibbiltà li l-proċedura wara li regolament antidumping ikun ġie ddikjarat invalidu tinfetaħ mill-ġdid

47

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑284/14 essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 158/2013 huwiex invalidu minħabba d-deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li l-proċedura tinfetaħ mill-ġdid, minkejja li la r-Regolament Nru 384/96 u lanqas ir-Regolament bażiku sussegwenti tiegħu ma jipprevedu tali possibbiltà.

48

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija skont l-Artikolu 267 TFUE, l‑invalidità ta’ att tal-Unjoni, id-deċiżjoni tagħha għandha bħala konsegwenza legali li timponi fuq l-istituzzjonijiet ikkonċernati li jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jirrimedjaw l-illegalità kkonstatata, fejn l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 266 TFUE f’każ ta’ sentenzi ta’ annullament japplika b’analoġija għas-sentenzi li jiddikjaraw att tal-Unjoni bħala invalidu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Sabiex jissodisfaw dan l-obbligu, l-istituzzjonijiet ikkonċernati huma obbligati josservaw mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza ta’ annullament jew ta’ invalidità, iżda wkoll il-motivi li wasslu għal dan u li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tiegħu, fis-sens li huma indispensabbli sabiex jiġi stabbilit is-sens eżatt ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv. Fil-fatt, huma dawn il-motivi li, minn naħa, jidentifikaw id-dispożizzjoni kkunsidrata bħala illegali u, min-naħa l-oħra, juru r-raġunijiet tal-illegalità kkonstatata fid-dispożittiv u li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tissostitwixxi l-att annullat jew invalidat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Asteris et vs Il‑Kummissjoni, 97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, EU:C:1988:199, punt 27; Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑415/96, EU:C:1998:533, punt 31; kif ukoll L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑417/06 P, EU:C:2007:733, punt 50).

50

Fid-dawl ta’ dan, għandu jitfakkar li, minn naħa, l-Artikolu 266 TFUE jobbliga biss lill-istituzzjonijiet li adottaw l-att annullat li jieħdu l-miżuri li jwasslu għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament (sentenza Il‑Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C‑310/97 P, EU:C:1999:407, punt 50) u, min-naħa l-oħra, li l-annullament ta’ att tal-Unjoni ma jaffettwax neċessarjament l-atti preparatorji tiegħu (sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C-238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C-247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 73).

51

Konsegwentement, ħlief sa fejn l-irregolarità kkonstatata tkun ivvizzjat b’nullità l-proċedura kollha, dawn l-istituzzjonijiet jistgħu, sabiex jiġi adottat att intiż li jissostitwixxi att annullat jew invalidat preċedenti, jiftħu mill-ġdid il-proċedura fl-istadju meta din l-irregolarità tkun twettqet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑417/06 P, EU:C:2007:733, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Fid-dawl ta’ dawk li ntqal, ma huwiex neċessarju li l-possibbiltà li l-proċedura tinfetaħ mill-ġdid tkun espressament prevista mil-leġiżlazzjoni applikabbli sabiex l-istituzzjonijiet awturi ta’ att annullat jew invalidat ikunu jistgħu jirreferu għaliha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà setgħet tikkonstata, mingħajr ma tirreferi għal bażi legali speċifika, li tali possibbiltà kienet infetħet għalihom wara sentenza li annullat regolament li stabbilixxa dazji antidumping (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Industrie des poudres sphériques vs Il‑Kunsill, C‑458/98 P, EU:C:2000:531, punti 82 u 94).

53

Fil-kawżi prinċipali, l-irregolarità kkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza GLS (C‑338/10, EU:C:2012:158) kienet ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx eżaminat fuq inizjattiva tagħha stess jekk wieħed mill-pajjiżi msemmija f’statistiċi ta’ Eurostat disponibbli waqt l-investigazzjoni seta’ jikkostitwixxi pajjiż analogu fis-sens tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku u li, għaldaqstant, il-Kunsill u l-Kummissjoni ma kinux ipproduċew prova tad-diliġenza kollha meħtieġa sabiex jiġi stabbilit il-valur normali tal-prodott ikkonċernat abbażi tal-prezzijiet applikati għal dan l-istess prodott f’pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq.

54

Peress li tali irregolarità affettwat il-proċedura mhux kollha kemm hi, iżda unikament f’dak li jikkonċerna l-stabbiliment ta’ dan il-valur normali, il-Kunsill u l-Kummissjoni setgħu jiddeċiedu, sabiex tiġi eżegwita s-sentenza GLS (C‑338/10, EU:C:2012:158), li ma jiftħux mill-ġdid il-proċedura ħlief fl-istadju tal-investigazzjoni relatata mal-istabbiliment ta’ dan il-valur normali, u dan anki jekk tali possibbiltà ma hijiex espressament prevista la mir-Regolament Nru 384/96 u lanqas mir-Regolament bażiku sussegwenti tiegħu.

55

Isegwi li ċ-ċirkustanza li la r-Regolament Nru 384/96 u lanqas ir-Regolament bażiku sussegwenti tiegħu ma jipprevedi l-possibbiltà, għall-Kunsill u għall-Kummissjoni, li jiftħu mill-ġdid il-proċedura wara li regolament antidumping ikun ġie ddikjarat invalidu ma tistax twassal għall-invalidità tar-Regolament Nru 158/2013.

Fuq il-ksur allegat tal-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku

56

Il-qrati tar-rinviju essenzjalment jistaqsu jekk ir-Regolament Nru 158/2003 huwiex invalidu minħabba li l-investigazzjoni ngħalqet iktar minn ħmistax-il xahar wara l-ftuħ tagħha, billi tali ċirkustanza, fil-fehma tagħhom, tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku.

57

F’dan ir-rigward, hekk kif dan ġie invokat fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, f’każ ta’ irregolarità li seħħet, bħal fil-kawżi prinċipali, matul l-investigazzjoni, l-istituzzjonijiet ikkonċernati għandhom ikunu jistgħu jiftħu mill-ġdid il-proċedura fl-istadju tal-investigazzjoni meta tkun twettqet l-irregolarità.

58

Ċertament, mill-Artikolu 6(9) jirriżulta li, meta tinfetaħ proċedura antidumping, l-investigazzjoni li ssegwi għandha, fi kwalunkwe każ, tieqaf f’terminu ta’ ħmistax‑il xahar mill-ftuħ tagħha.

59

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan l-Artikolu 6(9), sa fejn jirreferi espressament għall-proċeduri miftuħa skont l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku, huwa intiż biss għall-proċeduri inizjali u mhux dawk minn fost dawn il-proċeduri li nfetħu mill-ġdid wara sentenza ta’ annullament jew ta’ invalidità.

60

Barra minn hekk, minkejja li t-terminu ta’ ħmistax-il xahar previst f’din id-dispożizzjoni għandu bħala għan li jiżgura trattament malajr tal-proċeduri previsti fir-Regolament bażiku, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(9) ta’ dan ir-regolament prevista mill-qrati tar-rinviju fil-prattika twassal sabiex ittawwal indebitament il-proċeduri previsti f’dan ir-regolament billi tobbliga lill-istituzzjonijiet li jibdew kompletament mill-ġdid dawn il-proċeduri wara tali sentenza u, għalhekk, li jiddewwem l-għeluq tagħhom.

61

Minn dan kollu jirriżulta li peress li l-proċedura inkwistjoni kienet ġiet suġġetta għal ftuħ mill-ġdid, it-terminu ta’ ħmistax-il xahar previst għall-proċeduri inizjali ma jistax japplika għaliha, b’tali mod li ma hemmx lok li r-Regolament Nru 158/2013 jiġi ddikjarat invalidu għar-raġuni invokata mill-qrati tar-rinviju.

Fuq il-ksur allegat tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku

62

Il-qrati tar-rinviju essenzjalment jistaqsu jekk ir-Regolament Nru 158/2013 huwiex invalidu minħabba li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping, il-Kunsill u l-Kummissjoni ddeċidew li ma jwettqux investigazzjoni ġdida abbażi ta’ perijodu ta’ referenza aġġornat, peress li tali ċirkustanza tikkostitwixxi, skont dawn, ksur tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku.

63

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan l-Artikolu 6(1) jipprevedi li l-perijodu ta’ referenza użat għall-investigazzjoni għandu normalment ikopri perijodu ta’ tul minimu ta’ sitt xhur immedjatament preċedenti l-ftuħ tal-proċedura.

64

Issa, sabiex tiġi eżegwita s-sentenza GLS (C‑338/10, EU:C:2012:158), il-Kunsill u l-Kummissjoni ddeċidew li jiftħu mill-ġdid il-proċedura fl-istadju tal-investigazzjoni intiża sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping, filwaqt li jinżamm il-perijodu ta’ referenza inizjali.

65

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi, rigward l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2423/88, tal-11 ta’ Lulju 1988, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping jew ta’ sussidji minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU L 209, p. 1), li d-dispożizzjonijiet tiegħu kienu analogi għal dawk tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku, li r-regoli ta’ determinazzjoni tal-perijodu ta’ referenza li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-investigazzjonijiet antidumping stabbiliti f’din id-dispożizzjoni huma indikattivi u mhux imperattivi (sentenza Industrie des poudres sphériques vs Il‑Kunsill, C‑458/98 P, EU:C:2000:531, punt 88).

66

Ċertament, kif jirrilevaw il-qrati tar-rinviju, mill-punt 92 tas-sentenza Industrie des poudres sphériques vs Il‑Kunsill (C‑458/98 P, EU:C:2000:531) jirriżulta li l-investigazzjoni għandha titmexxa abbażi ta’ informazzjoni daqstant attwali daqskemm huwa possibbli sabiex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti dazji antidumping li huma xierqa sabiex jipproteġu l-industrija Komunitarja kontra l-prattiki ta’ dumping.

67

Madankollu, mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku jirriżulta li, abbażi ta’ data dwar l-istess perijodu ta’ referenza, l-istituzzjonijiet ikkonċernati jistgħu jżommu, matul ħames snin, dazji antidumping xierqa sabiex l-industrija Komunitarja tiġi protetta kontra l-prattiki ta’ dumping.

68

Issa, f’’dan il-każ, jekk l-istituzzjonijiet ibbażaw ruħhom, sabiex jadottaw ir-Regolament Nru 158/2003, fuq data dwar il-perijodu ta’ referenza li serva sabiex jiġi adottat ir-Regolament Nru 1355/2008, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 158/2013 kien limitat sabiex jistabbilixxi mill-ġdid dazji antidumping għal tul ta’ żmien li matulu r-Regolament Nru 1355/2008, iddikjarat invalidu fis-sentenza GLS (C‑338/10, EU:C:2012:158), imissu pproduċa effetti.

69

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-kuntest speċifiku tal-kawżi preżenti fejn l-istituzzjonijiet kienu obbligati li jieħdu azzjoni fuq il-konsegwenzi ta’ sentenza ta’ invalidità billi jirrimedjaw illegalità li affettwat biss parti mill-proċedura mibdija, id-data miġbura matul l-investigazzjoni kienet tikkostitwixxi informazzjoni li baqgħet suffiċjentement attwali, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, sabiex jiġi ġġustifikat l-istabbiliment ta’ dazji antidumping sad-data ta’ skadenza tar-Regolament Nru 158/2013.

70

Isegwi li, wara l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura, il-Kunsill u l-Kummissjoni setgħu, mingħajr ma jiksru l-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku, jastjenu milli jirreferu għal perijodu ta’ referenza aġġornat bl-iskop li jiġi ddeterminat il-valur normali tal-prodott ikkonċernat. Konsegwentement, ir-Regolament Nru 158/2013 ma jistax jiġi ddikjarat invalidu minħabba l-assenza ta’ investigazzjoni ġdida.

Fuq l-irregolarità allegata tal-motiv imressaq fir-Regolament Nru 158/2013 sabiex tiġi ġġustifikata d-deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jinżamm il-perijodu ta ’ referenza inizjali

71

Il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑283/14 essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 158/2013 huwiex invalidu sa fejn, fil-premessi 43 u 86 tar-Regolament Nru 158/2013, dan jirreferi, sabiex tiġi ġġustifikata l-għażla tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jinżamm il-perijodu ta’ referenza inizjali, għal motiv irregolari, fil-fehma tagħha, jiġifieri li kull investigazzjoni li tirrigwarda perijodu iktar reċenti bilfors li kienet distorta minħabba dazji antidumping stabbiliti bir-Regolament Nru 642/2008, sussegwentement, bir-Regolament Nru 1355/2008 u li, konsegwentement, l-istrument l-iktar xieraq sabiex tiġi analizzata data iktar reċenti huwa eżami mill-ġdid intermedjarju skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

72

Din il-qorti tirrileva, minn naħa, li matul il-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali, inkluż bejn l-1 ta’ Ottubru 2006 u t-30 ta’ Settembru 2007, miżuri ta’ salvagwardja kienu applikati wkoll skont ir-Regolamenti Nru 1964/2003 u Nru 658/2004. Issa, dan ma pprekludiex lil dawn l-istituzzjonijiet milli jservu ruħhom minnu bħala perijodu ta’ referenza. Min-naħa l-oħra, sa fejn l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku jammetti li eżami mill-ġdid intermedjarju jista’ jiġi applikat billi jitqies li huwa perijodu ta’ referenza perijodu li matulu kien jeżisti dazju antidumping, dan għandu jkun l-istess fl-ipoteżijiet ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura antidumping.

73

Madankollu, ġie kkonstatat fil-punti 54 u 70 ta’ din is-sentenza li, sabiex tiġi eżegwita s-sentenza GLS (C‑338/10, EU:C:2012:158), il-Kunsill u l-Kummissjoni setgħu validament jiddeċiedu li jiftħu mill-ġdid il-proċedura unikament fl-istadju tal-investigazzjoni relatata mal-istabbiliment tal-valur normali tal-prodott ikkonċernat u li ma jirreferux għal perijodu ta’ referenza aġġornat. F’dawn il-kundizzjonijiet, iċ-ċirkustanza jekk titqies li hija stabbilita li r-Regolament Nru 158/2013 jibbaża ruħu, fil-premessi 43 u 86 tiegħu fuq motiv irregolari sabiex tiġi ġġustifikata l-għażla tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jinżamm il-perijodu ta’ referenza inizjali ma hijiex ta’ natura li tqajjem dubju dwar din il-konstatazzjoni. Konsegwentement, ir-Regolament Nru 158/2013 ma jistax jiġi ddikjarat invalidu minħabba r-raġuni invokata preċedentement.

Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 266 TFUE

74

Il-qrati tar-rinviju jistaqsu jekk ir-Regolament Nru 158/2013 huwiex invalidu minħabba li dan kien ġie adottat bi ksur tal-Artikolu 266 TFUE, sa fejn, fil-premessi 32 u 33 ta’ dan ir-regolament, il-Kunsill u l-Kummissjoni kkunsidraw, kuntrarjament għall-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza GLS (C‑338/10, EU:C:2012:158), li s-subintestatura 2008 30 90 tan-NM kienet tinkludi prodotti oħra barra l-prodott ikkonċernat u, sussegwentement, ikkonstataw volumi oħra ta’ importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat differenti minn dawk li jidhru f’din is-sentenza.

75

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 266 TFUE, fl-ipoteżi fejn l-att jiġi annullat jew invalidat, huma biss l-istituzzjonijiet li jkunu adottaw dan l-att li huma obbligati li jieħdu l-miżuri implikati mill-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza.

76

Konsegwentement, l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeċiedu miżuri li għandhom jiġu implementati sabiex tittieħed azzjoni fuq il-konsegwenzi ta’ sentenza ta’ annullament jew ta’ invalidità, peress li huwa mifhum, hekk kif dan ġie espost fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, li dawn il-miżuri għandhom ikunu kompatibbli mad-dispożittiv tas-sentenza inkwistjoni u mal-motivi li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tiegħu.

77

Ċertament, f’dan il-każ, sabiex tiġi eżegwita s-sentenza GLS (C‑338/10, EU:C:2012:158), il-Kunsill u l-Kummissjoni wettqu analiżi fil-fond ta’ ċerta data statistika ta’ Eurostat dwar il-volumi ta’ importazzjonijiet imsemmija f’din is-sentenza. Issa, fi tmiem din l-analiżi, sa fejn dawn wettqu evalwazzjoni differenti tan-natura tal-prodotti li jaqgħu taħt is-subintestatura 2008 30 90 tan-NM, dawn l-istituzzjonijiet ikkonstataw li ċerti volumi ta’ importazzjonijiet kienu differenti minn dawk imsemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja.

78

Madankollu, għall-finijiet li tiġi kkonstatata l-invalidità tar-Regolament Nru 1355/2008, il-Qorti tal-Ġustizzja ma qisitx neċessarju, fis-sentenza GLS (C‑338/10, EU:C:2012:158), li tagħmel analiżi fil-fond tal-kontenut ta’ din id-data. Hija kkonstatat li din kienet tipprovdi indikazzjonijiet li kienu intiżi juru li l-prodott ikkonċernat kien ġie maħdum fi kwantitajiet li ma kinux insinjifikattivi fil-pajjiżi b’ekonomija tas-suq bħall-Iżrael, is-Sważiland, it-Tajlandja u t-Turkija u li minn dan seta’ jiġi dedott li l-Kummissjoni kienet naqset milli teżamina fuq inizjattiva tagħha stess jekk wieħed mill-pajjiżi msemmija f’statistiċi ta’ Eurostat disponibbli waqt l-investigazzjoni setax jikkostitwixxi pajjiż analogu fis-sens tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

79

Għalhekk, il-konstatazzjonijiet imwettqa mill-Qorti tal-Ġustizzja rigward prodotti li jaqgħu, fl-istatistiċi ta’ Eurostat, taħt is-subintestatura 2008 30 90 tan-NM jew rigward volumi ta’ importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat imsemmija f’dawn l-istess statistiċi kienu jorbtu lill-istituzzjonijiet sa fejn jimplikaw li, bħal ma l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fil-punt 34 tas-sentenza GLS (C‑338/10, EU:C:2012:158), il-Kummissjoni jmissha eżaminat fuq inizjattiva tagħha stess jekk wieħed mill-pajjiżi li hija ssemmi setax jikkostitwixxi pajjiż analogu fis-sens tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

80

Issa, minkejja l-interpretazzjoni ta’ dawn l-istatistiċi li jidhru fil-premessi 31 sa 33 tar-Regolament Nru 158/2013, jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 47 sa 48 ta’ dan ir-regolament li l-istituzzjonijiet tassew ħadu inkunsiderazzjoni konstatazzjonijiet imwettqa mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq dan is-suġġett billi wettqu verifiki meħtieġa għal kull wieħed mill-pajjiżi msemmija f’dawn l-istatistiċi, hekk kif analizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza GLS (C‑338/10, EU:C:2012:158).

81

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u billi jiġi kkunsidrat, kuntrarjament għall-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza GLS (C‑338/10, EU:C:2012:158), li s-subintestatura 2008 30 90 tan-NM kienet tinkludi prodotti oħra minbarra l-prodott ikkonċernat u, sussegwentement, billi kkunsidraw volumi ta’ importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat oħra barra dawk li jidhru f’din is-sentenza, il-Kunsill u l‑Kummissjoni ma kisrux l-Artikolu 266 TFUE.

82

Isegwi li ma hemmx lok li r-Regolament Nru 158/2013 jiġi ddikjarat invalidu minħabba li jikser l-Artikolu 266 TFUE.

83

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-eżami tad-domandi magħmula ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tar-Regolament Nru 158/2013.

Fuq l-ispejjeż

84

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-eżami tad-domandi magħmula ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 158/2013, tat-18 ta’ Frar 2013, li jimponi mill-ġdid dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top