Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0263

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-14 ta’ Ġunju 2016.
Il-Parlament Ewropew vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) – Deċiżjoni 2014/198/PESK – Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Unita tat-Tanzanija dwar il-kondizzjonijiet tat-Trasferiment ta’ Pirati Ssuspettati u Proprjetà Ssekwestrata Assoċjata mill-forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea lejn ir-Repubblika Unita tat-Tanzanija – Għażla tal-bażi legali – Obbligu li l-Parlament Ewropew jiġi informat immedjatament u kompletament f’kull stadju tal-proċedura tan-negozjati u tal-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali – Żamma tal-effetti tad-deċiżjoni f’każ ta’ annullament.
Kawża C-263/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:435

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

14 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )

“Rikors għal annullament — Politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) — Deċiżjoni 2014/198/PESK — Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Unita tat-Tanzanija dwar il-kondizzjonijiet tat-Trasferiment ta’ Pirati Ssuspettati u Proprjetà Ssekwestrata Assoċjata mill-forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea lejn ir-Repubblika Unita tat-Tanzanija — Għażla tal-bażi legali — Obbligu li l-Parlament Ewropew jiġi informat immedjatament u kompletament f’kull stadju tal-proċedura tan-negozjati u tal-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali — Żamma tal-effetti tad-deċiżjoni f’każ ta’ annullament”

Fil-Kawża C‑263/14,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fit-28 ta’ Mejju 2014,

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn R. Passos, A. Caiola u M. Allik, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrent,

sostnut minn:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Konstantinidis u R. Troosters kif ukoll minn D. Gauci, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn F. Naert, G. Étienne u M. Bishop kif ukoll minn M.‑M. Joséphidès, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, E. Ruffer, J. Vláčil u J. Škeřik kif ukoll minn M. Hedvábná, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk, C. Meyer-Seitz u U. Persson kif ukoll minn M. Rhodin, E. Karlsson u L. Swedenborg, bħala aġenti,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn J. Kraehling u V. Kaye, bħala aġenti, assistiti minn G. Facenna, barrister,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, A. Arabadjiev, C. Toader, D. Šváby u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas (Relatur), E. Juhász, M. Safjan, M. Berger, E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Settembru 2015,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Ottubru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tiegħu, il-Parlament Ewropew jitlob, minn naħa, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/198/PESK, tal-10 ta’ Marzu 2014, dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Unita tat-Tanzanija dwar il-kondizzjonijiet tat-trasferiment ta’ pirati ssuspettati u proprjetà ssekwestrata assoċjata mill-forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea lejn ir-Repubblika Unita tat-Tanzanija (ĠU 2014, L 108, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) u, min-naħa l-oħra, iż-żamma tal-effetti ta’ din id-deċiżjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

2

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982, daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 1994. Hija ġiet approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE, tat-23 ta’ Marzu 1998, li tirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tat-28 ta’ Lulju 1994 li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni tal-Parti XI tiegħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 3, p. 260).

3

Taħt is-Sezzjoni 1, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali”, tal-Parti VII, intitolata “Ibħra internazzjonali”, tal-imsemmija konvenzjoni, hemm inklużi l-Artikoli 100 sa 107 li jiddefinixxu l-kuntest ġuridiku tal-ġlieda kontra l-piraterija. L-Artikolu 100 tal-istess konvenzjoni jobbliga lill-Istati kollha jikkooperaw għar-repressjoni tal-piraterija. L-Artikoli 101 u 103 tagħha jiddefinixxu l-kunċett ta’ “piraterija” u ta’ “vapur jew ajruplan pirata”.

4

Skont l-Artikolu 105, intitolat “Il-ħtif ta’ vapur jew ajruplan pirata” tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar:

“Fuq l-ibħra internazzjonali, jew f’xi post ieħor il-barra mill-ġurisdizzjoni ta’ xi Stat, kull Stat jista jaħtaf vapur jew ajruplan pirata, jew vapur jew ajruplan maħtuf bil-piraterija u taħt il-kontroll ta’ pirati, u jarresta l-persuni u jaħtaf il-propjetà li jkun hemm abbord. Il-qrati ta’ l-Istat li jwettaq dan il-ħtif jistgħu jiddeċiedu dwar il-penalitajiet li għandhom ikunu mposti, u jista wkoll jiddetermina l-azzjoni li għandha tittieħed fir-rigward tal-vapuri, l-ajruplani jew il-propjeta, bla ħsara għad-drittijiet ta’ partijiet terzi li jaġixxu in bona fede.”

Id-dritt tal-Unjoni

L-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK

5

L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/851/PESK, tal-10 ta’ Novembru 2008, dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ’l barra mix-xtut tas-Somalja (ĠU 2008, L 301, p. 33), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/174/PESK, tat-23 ta’ Marzu 2012 (ĠU 2012, L 89, p. 69) (iktar ’il quddiem l-“Azzjoni Konġunta 2008/851”), hija bbażata fuq l-Artikolu 14, fuq it-tielet paragrafu tal-Artikolu 25 u fuq l-Artikolu 28(3) TUE. Din l-operazzjoni hija magħrufa bħala “operazzjoni Atalanta”.

6

L-Artikolu 1 ta’ din l-azzjoni konġunta, intitolat “Missjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Unjoni Ewropea [...] għandha tmexxi operazzjoni militari b’appoġġ għar-Riżoluzzjonijiet 1814 (2008), 1816 (2008), 1838 (2008), 1846 (2008) u 1851 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti [...] b’mod konsistenti ma’ azzjoni permessa fir-rigward tal-piraterija skont l-Artikolu 100 et seq tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar [...] u permezz, b’mod partikolari, ta’ impenji magħmula ma’ Stati terzi (“Atalanta”) sabiex jikkontribwixxu għal:

l-protezzjoni ta’ bastimenti tal-[Programm Dinji tal-Ikel] [għat-]twassil lill-persuni spostati fis-Somalja, skont il-mandat stabbilit fir-Riżoluzzjoni [tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti] 1814 (2008); u

il-protezzjoni ta’ bastimenti vulnerabbli moderata barra mill-kosta tas-Somalja, u d-deterrenza, prevenzjoni u ripressjoni ta’ atti ta’ piraterija u serq armat barra mill-kosta tas-Somalja, skont il-mandat stabbilit fir-Riżoluzzjonijiet [tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti] 1846 (2008) u 1851 (2008).”

7

L-Artikolu 2 tal-imsemmija azzjoni konġunta, intitolat “Mandat”, jipprovdi:

“Atalanta, bil-kondizzjonijiet stabbiliti mil-liġi internazzjonali applikabbli, b’mod partikolari tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, u mir-Riżoluzzjonijiet 1814 (2008), 1816 (2008) u 1838 (2008) tal-[Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti], u fil-limitu tal-kapaċitajiet disponibbli tagħha, għandha:

[...]

(e)

fid-dawl tal-prosekuzzjonijiet li qed isiru potenzjalment mill-Istati rilevanti skont il-kondizzjonijiet fl-Artikolu 12, taqbad, iżżomm u tittrasferixxi persuni suspetatti li għandhom il-ħsieb, kif imsemmi fl-Artikolu 101 u 103 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, li jikkommettu, li qed jikkommettu jew li kkommettew atti ta’ piraterija jew ta’ serq bl-użu tal-armi fiż-żoni fejn hija preżenti u taqbad il-bastimenti tal-pirati jew tal-ħallelin armati jew il-bastimenti li nħatfu wara att ta’ piraterija jew ta’ serq bl-użu tal-armi u li jinsabu f’idejn il-pirati jew ħallelin armati, kif ukoll il-proprjetà li tinsab abbord;

[...]”

8

L-Artikolu 10 tal-istess Azzjoni Konġunta 2008/851, intitolat “Parteċipazzjoni ta’ Stati terzi”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-[Unjoni] u għall-qafas istituzzjonali uniku, u skont il-linji gwida rilevanti tal-Kunsill Ewropew, Stati terzi jistgħu jiġu mistiedna jipparteċipaw fl-operazzjoni.

[...]

3.   L-arranġamenti dettaljati għall-parteċipazzjoni minn Stati terzi għandhom ikunu s-suġġett ta’ ftehimiet konklużi f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu [37 TUE]. Fejn l-[Unjoni] u Stat terz ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ dan tal-aħħar fl-operazzjonijiet ta’ maniġġar ta’ kriżijiet tal-[Unjoni], id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest ta’ din l-operazzjoni.

[...]

6.   Il-kondizzjonijiet għat-trasferiment, lejn Stat terz li qed jipparteċipa fl-operazzjoni, tal-persuni li nqabdu u ġew miżmuma bil-ħsieb tal-eżerċizzju tal-kompetenza ġurisdizzjonali ta’ dan l-Istat, għandhom jiġu deċiżi mal-konklużjoni jew l-implimentazzjoni tal-istrumenti ta’ ftehim dwar il-parteċipazzjoni msemmija fil-paragrafu 3.”

9

Skont l-Artikolu 12 ta’ din l-azzjoni konġunta, intitolat “Trasferiment ta’ persuni arrestati u miżmuma bil-ħsieb li jiġu proċessati”:

“1.   Abbażi tal-aċċettazzjoni mis-Somalja tal-eżerċitar ta’ ġurisdizzjoni minn Stati Membri jew Stati terzi, minn naħa, u l-Artikolu 105 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, min-naħa l-oħra, persuni suspettati li għandhom il-ħsieb, kif imsemmi fl-Artikoli 101 u 103 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, li jikkommettu, li qed jikkommettu jew li kkommettew atti ta’ piraterija jew ta’ serq bl-użu tal-armi fl-ilmijiet territorjali u interni tas-Somalja jew fl-ibħra internazzjonali, li huma arrestati u miżmuma, bil-ħsieb tal-prosekuzzjoni tagħhom, u l-proprjetà li tkun intużat biex jitwettqu dawn l-atti, għandhom jiġu ttrasferiti:

lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jew ta’ Stat terz parteċipanti fl-operazzjoni, li l-bastiment li jkun qabadhom itajjar il-bandiera tiegħu, jew

jekk dak l-Istat ma jistax, jew ma jixtieqx, jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu, lil Stat Membru jew kwalunkwe Stat terz li jixtieq jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq il-persuni jew il-proprjetà msemmija hawn fuq.

2.   Persuni suspettati li għandhom il-ħsieb, kif imsemmi fl-Artikoli 101 u 103 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, li jikkommettu, li qed jikkommettu jew li kkommettew atti ta’ piraterija jew ta’ serq bl-użu tal-armi li huma arrestati u miżmuma, bil-ħsieb li jiġu proċessati minn Atalanta fl-ilmijiet territorjali, fl-ilmijiet interni jew fl-ilmijiet tal-arċipelagu ta’ Stati oħra fir-reġjun bi ftehim ma’ dawn l-Istati, u l-proprjetà li tkun intużat biex jitwettqu dawn l-atti, jistgħu jiġu ttrasferiti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ikkonċernat, jew, bil-kunsens tal-Istat ikkonċernat, lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat ieħor.

3.   Ebda persuna msemmija fil-paragrafi 1 u 2 jistgħu jiġu trasferiti fi Stat terz sakemm il-kondizzjonijiet għat-trasferiment kienu maqbula ma’ dak l-Istat terz b’mod konsistenti mad-dritt internazzjonali rilevanti, notevolment il-liġi internazzjonali dwar drittijiet tal-bniedem, sabiex tiggarantixxi b’mod partikolari li ħadd ma għandu jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għal tortura jew għal kwalunkwe trattament krudili, inuman jew degradanti.”

Il-Ftehim UE-Tanzanija

10

L-Artikolu 2, intitolat “Definizzjonijiet”, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Unita tat-Tanzanija dwar il-kondizzjonijiet tat-Trasferiment ta’ Pirati Ssuspettati u Proprjetà Ssekwestrata Assoċjata mill-forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea lejn ir-Repubblika Unita tat-Tanzanija (ĠU 2014, L 108, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim UE-Tanzanija”), jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

a)

Forza Navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea (EUNAVFOR)’ għandha tfisser il-kwartieri ġenerali militari tal-UE u l-kontinġenti nazzjonali li jikkontribwixxu għall-operazzjoni ‘Atalanta’ tal-EU, il-bastimenti, l-inġenji tal-ajru u l-assi tagħhom;

[...]

(f)

Persuna ttrasferita’ għandha tfisser kwalunke persuna ssuspettata li għandha l-intenzjoni li twettaq, li qiegħda twettaq jew li wettqet, atti ta piraterija u li ġiet ittrasferita mill-EUNAVFOR lejn it-Tanzanija taħt dan il-Ftehim.”

11

L-Artikolu 1 ta’ dan il-ftehim, intitolat “Għan”, jipprovdi:

“Dan il-Ftehim jiddefinixxi l-kondizzjonijiet u l-modalitajiet għat-trasferiment mill-EUNAVFOR lejn it-Tanzanija ta’ persuni ssuspettati li għandhom l-intenzjoni li jwettqu, li qed iwettqu jew li wettqu atti ta’ piraterija u li jinsabu miżmuma mill-EUNAVFOR, u proprjetà assoċjata ssekwestrata mill-EUNAVFOR, u għat-trattament tagħhom wara tali trasferiment.”

12

Fl-Artikolu 3 tiegħu, l-imsemmi ftehim jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali li jirregolaw, b’mod partikolari, il-modalitajiet u l-kundizzjonijiet ta’ trasferiment lill-awtoritajiet Tanzani, ta’ persuni ssuspettati li wettqu atti ta’ piraterija u li nżammu mill-EUNAVOR, inkluż il-prinċipju ta’ trattament li josserva l-obbligi internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, l-istess ftehim jirregola, fl-Artikolu 4 tiegħu, il-kundizzjonijiet tat-trattament, tal-prosekuzzjoni u tal-proċess ta’ persuni ttrasferiti, filwaqt li jipprovdi, fl-Artikolu 5 tiegħu, li tali persuni ma jistgħux jiġu ġġudikati għal reat li jġorr piena iktar ħarxa minn sentenza ta’ għomor il-ħabs.

13

L-Artikolu 6 tal-Ftehim UE-Tanzanija jikkonċerna l-iskambju ta’ dokumenti u ta’ informazzjoni li għandu jsir fil-kuntest tat-trasferiment tal-imsemmija persuni. L-Artikolu 7(1) ta’ dan il-ftehim jipprovdi li, “[l]-UE u l-EUNAVFOR, [fil]-limiti tal-mezzi u l-kapaċitajiet tagħhom, għandhom jipprovdu l-assistenza kollha lit-Tanzanija bil-ħsieb tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-persuni ttrasferiti”.

14

Skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim UE-Tanzanija, ebda dispożizzjoni ta’ dan il-ftehim ma hija intiża li tidderoga mid-drittijiet l-oħra li jistgħu jgawdu minnhom persuni ttrasferiti skont id-dritt nazzjonali jew internazzjonali applikabbli. L-Artikolu 9 ta’ dan il-ftehim jikkonċerna r-rabta bejn l-awtoritajiet Tanzani u dawk tal-Unjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni ta’ tilwim. Fl-aħħar nett, l-Artikoli 10 u 11 tal-istess ftehim jirregolaw il-modalitajiet ta’ applikazzjoni u d-dħul fis-seħħ tiegħu.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

15

Matul is-sena 2008, b’mod partikolari fir-Riżoluzzjonijiet 1814 (2008), 1816 (2008) u 1838 (2008), il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-“Kunsill tas-Sigurtà”) esprima t-tħassib serju tiegħu dwar it-theddida li l-atti ta’ piraterija u s-serq bl-użu tal-armi mwettqa kontra vapuri kienu jippreżentaw għad-distribuzzjoni tal-għajnuna umanitarja fis-Somalja, għan-navigazzjoni internazzjonali u għas-sigurtà tar-rotot marittimi kummerċjali, kif ukoll għal vapuri vulnerabbli oħra, inklużi dawk intiżi għall-attivitajiet ta’ sajd eżerċitati konformement mad-dritt internazzjonali. Barra minn hekk, il-Kunsill tas-Sigurtà kkonstata, fil-preambolu tar-Riżoluzzjoni 1846 (2008) tiegħu, li l-atti ta’ piraterija u s-serq bl-użu tal-armi mwettqa kontra vapuri fl-ibħra territorjali tar-Repubblika Federali tas-Somalja jew fl-ibħra internazzjonali, lil hinn mill-kosta tagħha, jaggravaw is-sitwazzjoni f’dan il-pajjiż, li tissokta thedded il-paċi internazzjonali u s-sigurtà tar-reġjun.

16

F’dan il-kuntest, il-Kunsill tas-Sigurtà talab, fil-punt 14 ta’ din l-aħħar riżoluzzjoni, lill-Istati kollha, b’mod partikolari lill-Istati tal-bandiera, lill-Istati tal-port u lill-Istati tal-kosta kif ukoll lill-Istati taċ-ċittadinanza tal-vittmi jew tal-persuni li jwettqu atti ta’ piraterija jew serq bl-użu tal-armi u lill-Istati b’ġurisdizzjoni skont id-dritt internazzjonali jew id-dritt nazzjonali tagħhom li jikkooperaw sabiex jiġi ddeterminat l-Istat li għandu ġurisdizzjoni u jieħdu l-miżuri xierqa ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni fil-konfront tal-persuni li wettqu atti ta’ piraterija jew serq bl-użu tal-armi lil hinn mill-kosta tas-Somalja, konformement mad-dritt internazzjonali applikabbli, inkluż id-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u li joffru s-sostenn tagħhom b’mod partikolari billi jipprovdu assistenza fil-qasam tal-loġistika u tar-rimedji ġudizzjarji, fir-rigward ta’ persuni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni u kontroll tagħhom, bħall-vittmi, ix-xhieda u l-persuni miżmuma fil-kuntest ta’ operazzjonijiet imwettqa skont din ir-riżoluzzjoni.

17

Fid-disa’ premessa tar-Riżoluzzjoni 1851 (2008), il-Kunsill tas-Sigurtà jinnota, bi tħassib, li n-nuqqas ta’ mezzi, l-assenza ta’ leġiżlazzjoni interna u l-inċertezzi marbuta mas-sitwazzjoni tal-pirati wara li jinqabdu pprekludew azzjoni internazzjonali iktar robusta kontra l-pirati lil hinn mill-kosta tas-Somalja, u f’ċerti każijiet, wasslu sabiex il-pirati jiġu lliberati mingħajr ma jitħarrku. Fil-punt 3 ta’ din ir-riżoluzzjoni, il-Kunsill tas-Sigurtà stieden ukoll lill-Istati u l-organizzazzjonijiet reġjonali kollha li jiġġieldu kontra l-piraterija lil hinn mill-kosta tas-Somalja jikkonkludu ftehimiet u arranġamenti speċjali mal-pajjiżi lesti li jilqgħu pirati sabiex jimbarkaw aġenti tas-servizzi tal-ġlieda kontra l-kriminalità (“shipriders”) ta’ dawn il-pajjiżi, b’mod partikolari fi ħdan ir-reġjun, sabiex jiffaċilitaw l-iżvolġiment ta’ investigazzjonijiet u ta’ prosekuzzjonijiet ta’ persuni miżmuma fil-kuntest tal-operazzjonijiet tagħhom.

18

B’risposta għal dawn ir-riżoluzzjonijiet differenti, l-Unjoni adottat l-Azzjoni Konġunta 2008/851, li abbażi tagħha hija twettaq, b’effett minn Novembru 2008, l-operazzjoni Atalanta li permezz tagħha hija tikkontribwixxi, b’mod partikolari, għall-ġlieda kontra l-piraterija lil hinn mill-kosti tas-Somalja.

19

Fil-kuntest ta’ din l-operazzjoni militari, fit-22 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bagħat ittra lill-Parlament li fiha sostna li kien neċessarju li jiġu nnegozjati u konklużi ftehimiet internazzjonali ma’ ċerti Stati terzi. Permezz ta’ din l-ittra, il-Kunsill fakkar li, konformement mal-Artikolu 12 tal-Azzjoni Konġunta 2008/851, il-persuni li wettqu jew li huma ssuspettati li wettqu atti ta’ piraterija jew serq bl-użu tal-armi fl-ibħra territorjali tar-Repubblika Federali tas-Somalja jew fl-ibħra internazzjonali, li huma arrestati u miżmuma, bil-għan tal-prosekuzzjoni tagħhom, kif ukoll il-beni li servew sabiex jitwettqu dawn l-atti, jistgħu jiġu ttrasferiti lejn kull Stat terz li jixtieq jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu fir-rigward ta’ dawn il-persuni jew ta’ dawn il-beni, bla ħsara għall-fatt li l-kundizzjonijiet ta’ dan it-trasferiment ikunu ġew miftiehma ma’ dan l-Istat terz konformement mad-dritt internazzjonali applikabbli. Barra minn hekk, il-Kunsill informa lill-Parlament, permezz tal-imsemmija ittra, li r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (iktar ’il quddiem ir-“Rappreżentant Għoli”) kien ġie awtorizzat, fl-istess jum, jagħti bidu għan-negozjati, skont l-Artikolu 37 TUE, sabiex jiġu konklużi ftehimiet ta’ trasferiment mar-Repubblika tal-Mawrizju, mar-Repubblika tal-Możambik, mar-Repubblika tal-Afrika t’Isfel, mar-Repubblika Unita tat-Tanzanija u mar-Repubblika tal-Uganda.

20

Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill indika lill-Parlament li, wara l-konklużjoni tan-negozjati mar-Repubblika Unita tat-Tanzanija, huwa kien adotta d-deċiżjoni kkontestata fl-10 ta’ Marzu 2014.

21

Il-Ftehim UE-Tanzanija ġie ffirmat, fi Brussell, fl-1 ta’ April 2014. It-test ta’ dan il-ftehim kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-11 ta’ April 2014.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22

Il-Parlament jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata, tordna ż-żamma tal-effetti ta’ din id-deċiżjoni sakemm din tiġi ssostitwita u tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

23

Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, prinċipalment, tiċħad ir-rikors bħala infondat u tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż. Sussidjarjament, fil-każ li tintlaqa’ t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill jitlob li l-effetti tagħha jinżammu jew sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ att li jissostitwixxiha jekk dan l-annullament ikun ibbażat fuq l-ewwel motiv invokat mir-rikorrent, jew indefinittivament jekk l-imsemmi annullament ikun ibbażat fuq it-tieni motiv.

24

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Ottubru 2014, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Il-Kummissjoni Ewropea ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Parlament.

Fuq ir-rikors

25

Insostenn tar-rikors tiegħu, il-Parlament jinvoka żewġ motivi. Permezz tal-ewwel motiv, huwa jsostni li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata, żbaljatament, fuq l-Artikolu 37 TUE biss u li, għalhekk, hija ma kellhiex tiġi adottata konformement mal-proċedura speċifika għall-ftehimiet li jikkonċernaw esklużivament il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK), stabbilita fl-ewwel parti tas-sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE, li teskludi kwalunkwe parteċipazzjoni tal-Parlament. Tali deċiżjoni, li l-bażi legali adatta tagħha għandha tkun magħmula mill-Artikoli 37 TUE kif ukoll 82 u 87 TFUE, tista’ biss tiġi adottata konformement mal-proċedura prevista fil-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE, li tipprevedi l-approvazzjoni tal-Parlament. Permezz tat-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 218(10) TFUE, il-Parlament jilmenta li l-Kunsill ma infurmahx immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tan-negozjati u tal-konklużjoni tal-Ftehim UE-Tanzanija.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-għażla żbaljata tal-bażi legali

L-argumenti tal-partijiet

26

Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, il-Parlament isostni li l-Kunsill żbalja meta qies li d-deċiżjoni kkontestata kienet tirrigwarda ftehim internazzjonali li jikkonċerna “esklużivament il-[PESK]” fis-sens tal-ewwel parti tas-sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE. Huwa jallega li, fin-nuqqas ta’ approvazzjoni min-naħa tiegħu, din id-deċiżjoni ġiet adottata bi ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati. Huwa jsostni li l-Ftehim UE-Tanzanija għandu skop doppju sa fejn jirrigwarda kemm il-PESK kif ukoll l-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni mill-pulizija, liema oqsma huma suġġetti għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Konsegwentement, il-Parlament iqis li d-deċiżjoni kkontestata kellu jkollha bħala bażijiet legali l-Artikoli 37 TUE kif ukoll 82 u 87 TFUE u li, għalhekk, hija kellha tiġi adottata skont il-proċedura stabbilita fil-punt(a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE.

27

Il-Parlament jirrileva li l-għażla tal-bażi legali għandha tkun ibbażata fuq fatturi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, fosthom, b’mod partikolari, l-iskop u l-kontenut tal-att inkwistjoni. F’dan ir-rigward, l-iskop tal-Ftehim UE-Tanzanija huwa li jiġi evitat li l-Istati Membri kkonċernati jkunu obbligati jressqu proċeduri kriminali huma stess u li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tagħhom u dawk tar-Repubblika Unita tat-Tanzanija billi jiġi stabbilit kuntest ġuridiku għall-konsenja ta’ persuni ssuspettati lil dan l-Istat terz sabiex jinkariga ruħu mill-investigazzjonijiet u mill-prosekuzzjonijiet. Barra minn hekk, dan il-ftehim jinkludi dispożizzjonijiet li jikkonċernaw direttament il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni mill-pulizija u b’mod partikolari, it-trattament, il-prosekuzzjonijiet u l-proċess ta’ persuni ttrasferiti.

28

Fil-fatt, il-Ftehim UE-Tanzanija ma jikkonċernax esklużivament il-PESK. F’dan ir-rigward, il-Parlament iqis li l-imsemmi ftehim ma jistax jitqies biss bħala aspett tal-missjoni internazzjonali tal-Unjoni intiża li tippreżerva l-paċi, tipprevjeni l-kunflitti u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali. Fil-fatt, l-għan ta’ dan il-ftehim huwa wkoll li jittrasferixxi persuni ssuspettati b’attivitajiet kriminali, li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri u li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni, lill-awtoritajiet tal-ġustizzja u tal-pulizija ta’ Stat terz sabiex jippermetti li dawn jeżerċitaw, fir-rigward ta’ dawn il-persuni ssuspettati, il-poteri ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni tagħhom.

29

F’dan ir-rigward, il-Parlament jenfasizza li l-awtoritajiet tal-pulizija u tal-ġustizzja tal-Istati Membri jistgħu huma stess jeżerċitaw dawn il-poteri. Fil-fatt, fis-sitwazzjoni fejn il-persuni miżmuma jiġu ttrasferiti mhux lill-awtoritajiet Tanzani, iżda lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, l-EUNAVFOR ma twettaqx operazzjoni militari, iżda taġixxi pjuttost bħala awtorità amministrattiva. F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li tali trasferimenti jiġu fdati lil forza navali ma jimplikax li dawn jiġu kklassifikati bħala attivitajiet militari jew ta’ sigurtà u għalhekk, li minn dan jiġi konkluż li dawn it-trasferimenti jaqgħu esklużivament taħt il-PESK.

30

Barra minn hekk, la d-dritt internazzjonali, la r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà u lanqas il-mandat tal-operazzjoni Atalanta stabbilit fl-Azzjoni Konġunta 2008/851 ma jeżiġu t-trasferiment ta’ pirati, miżmuma mill-EUNAVFOR, lejn Stati terzi. F’dan ir-rigward, il-Parlament isostni li l-ewwel parti tal-alternattiva prevista fl-Artikolu 12(1) ta’ din l-azzjoni konġunta hija dik tat-trasferiment ta’ persuni ssuspettati b’atti ta’ piraterija lejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, filwaqt li t-trasferiment tagħhom lejn Stat terz huwa sempliċement it-tieni alternattiva.

31

Il-Parlament jirrileva, insostenn tad-dikjarazzjoni tiegħu li hemm rabta diretta u stretta bejn dan il-ftehim u l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, fis-sens tat-Titolu V tat-Trattat FUE, li l-persuni arrestati u miżmuma, li huma ssuspettati b’atti ta’ piraterija, kif ukoll il-beni ssekwestrati, huma suġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri parteċipanti fl-EUNAVFOR. Fil-fatt, it-trasferiment ta’ tali persuni u ta’ tali beni mill-Unjoni lejn Stat terz, f’dan il-każ lejn ir-Repubblika Unita tat-Tanzanija, għandu l-effett li jċaħħad l-awtoritajiet kompetenti ta’ dawn l-Istati Membri mill-eżerċizzju tal-poteri tagħhom ta’ investigazzjoni, ta’ prosekuzzjoni u ta’ proċess, konformement mad-dritt tagħhom. Il-piraterija taqa’ taħt il-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali, qasam li huwa relatat mal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet marbuta ma’ dan l-ispazju dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni mill-pulizija. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fi ftehim internazzjonali bħall-Ftehim UE-Tanzanija, ma jistgħux jiġu inklużi strumenti ta’ kooperazzjoni marbuta mal-imsemmi spazju, mingħajr ma jsir rikors għal bażi legali li tikkonċerna l-istess spazju.

32

Il-Parlament jirrikonoxxi li l-operazzjoni Atalanta u l-Ftehim UE-Tanzanija jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ ċerti għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 21(1) u (2) TUE. Madankollu, huwa jsostni li s-sempliċi fatt li miżura tfittex li tilħaq dawn l-għanijiet ma jfissirx neċessarjament li dawn jaqgħu esklużivament taħt il-PESK. Bl-istess mod, filwaqt li t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali huwa wkoll għan speċifiku tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni, il-kontenut tal-Ftehim UE-Tanzanija ma jikkonċerna ebda waħda mill-missjonijiet speċifiċi ta’ din il-politika msemmija fl-Artikolu 42(1) u fl-Artikolu 43(1) TUE. Fil-fatt, il-motivazzjoni għall-involviment tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-piraterija huwa l-fatt li dan il-fenomenu jikkostitwixxi theddida għas-sigurtà interna tal-Unjoni.

33

Fir-risposta tiegħu, il-Kunsill isostni li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata korrettament fuq l-Artikolu 37 TUE, fuq l-Artikolu 218(5) u fuq l-ewwel parti tas-sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE, u li l-adozzjoni tal-Ftehim UE-Tanzanija, li jikkonċerna esklużivament il-PESK, ma kinitx teħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament.

34

Fl-ewwel lok, fis-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025), mogħtija wara li ġie ppreżentat dan ir-rikors għal annullament, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/640/PESK, tat-12 ta’ Lulju 2011, dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Mawrizju dwar il-kondizzjonijiet tat-trasferiment ta’ pirati ssuspettati u proprjetà ssekwestrata assoċjata mill-forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea lejn ir-Repubblika tal-Mawrizju u dwar il-kondizzjonijiet tal-pirati ssuspettati wara t-trasferiment (ĠU 2011, L 254, p.1), li l-kontenut tagħha huwa kważi identiku għal dak tad-deċiżjoni kkontestata u li tikkonċerna l-iffirmar ta’ ftehim li t-termini tiegħu huma simili ħafna għal dawk tal-Ftehim UE-Tanzanija, setgħet validament tkun ibbażata fuq l-Artikolu 37 TUE biss.

35

Fit-tieni lok, il-Kunsill iqis li l-motiv ibbażat fuq żball tal-għażla tal-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, minkejja li l-Parlament isostni li l-Ftehim UE-Tanzanija jfittex li jilħaq għanijiet li huma relatati, l-ewwel nett, mal-PESK, u t-tieni nett, mal-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u tal-kooperazzjoni mill-pulizija u konsegwentement, li l-Artikoli 82 u 87 TFUE kellhom, flimkien mal-Artikolu 37 TUE, jikkostitwixxu l-bażijiet legali tad-deċiżjoni kkontestata, huwa madankollu ma jispeċifikax jekk dan it-tieni għan huwiex anċillari. Il-Kunsill isostni li, sa fejn il-Parlament irrikonoxxa, fil-kuntest tal-proċedura li tat lok għas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025), li, fir-rigward tal-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Mawrizju, tal-14 ta’ Lulju 2011, l-għanijiet ta’ dan il-ftehim li ma kinux jaqgħu taħt il-PESK kienu sempliċement anċillari, l-għanijiet identiċi tal-Ftehim UE-Tanzanija huma tal-istess natura. Għaldaqstant, il-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata hija l-Artikolu 37 TUE.

36

Fit-tielet lok, il-Kunsill isostni li d-deċiżjoni kkontestata u l-Ftehim UE-Tanzanija jaqgħu esklużivament taħt il-PESK u ma għandhom ebda għan anċillari marbut mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u mal-kooperazzjoni mill-pulizija. Il-Ftehim UE-Tanzanija, li ġie konkluż fil-kuntest ta’ operazzjoni militari ta’ ġestjoni ta’ kriżi implementata skont il-PESK u intiża għall-ġlieda kontra l-piraterija konformement mar-riżoluzzjonijiet applikabbli tal-Kunsill tas-Sigurtà, ma kienx jikkonċerna l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja fi ħdan l-Unjoni. Fil-fatt, iż-żamma u t-trasferiment ta’ persuni ssuspettati b’atti ta’ piraterija huma sempliċi konsegwenza tal-missjoni ta’ sigurtà tal-operazzjoni Atalanta. Barra minn hekk, peress li dan il-ftehim, permezz tal-kontenut tiegħu, huwa intiż li jippromwovi l-istat ta’ dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, huwa jaqa’ esklużivament taħt il-PESK.

37

Barra minn hekk, il-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali taqa’ taħt il-PESK. F’dan ir-rigward, il-Ftehim UE-Tanzanija ma huwiex intiż li jipproteġi l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, kemm minn perspettiva interna kif ukoll minn perspettiva esterna tal-Unjoni. B’mod partikolari, dan il-ftehim la jċaħħad l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri mill-poteri ta’ investigazzjoni tagħhom u lanqas mill-poter ta’ prosekuzzjoni u ta’ proċess fir-rigward ta’ persuni arrestati u miżmuma mill-forzi implementati fil-kuntest tal-operazzjoni Atalanta, iżda huwa intiż li jevita sitwazzjonijiet ta’ impunità billi joffri l-possibbiltà li l-imsemmija persuni jiġu ttrasferiti lejn Stat fir-reġjun fejn tiżvolġi din l-operazzjoni, meta ebda awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ma tkun tixtieq tressaq proċeduri kontrihom.

38

Fir-replika tiegħu, il-Parlament isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tatx deċiżjoni, fis-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025), dwar il-kwistjoni ta’ jekk id-Deċiżjoni 2011/640 kellux ikollha bħala bażi legali l-Artikolu 37 TUE biss jew, ukoll, dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati. Filwaqt li l-Parlament jaqbel li l-eliminazzjoni tal-piraterija bl-għan li jiġu protetti l-vapuri tikkostitwixxi indubjament l-għan prinċipali tal-operazzjoni Atalanta, konformement mal-Azzjoni Konġunta 2008/851, huwa jsostni li l-azzjonijiet kollha li joriġinaw minn din l-operazzjoni ma jaqgħux awtomatikament taħt il-PESK. Għalhekk, sakemm ma jitqiesx li l-ftehimiet internazzjonali kollha konklużi mill-Unjoni dwar it-trasferiment tal-persuni ssuspettati b’attivitajiet kriminali u arrestati mill-forzi armati tal-Istati Membri jaqgħu esklużivament taħt il-PESK, it-trasferimenti ta’ persuni ssuspettati b’atti ta’ piraterija kif ukoll il-prosekuzzjoni tagħhom skont il-Ftehim UE-Tanzanija ma jistgħux jitqiesu li huma attivitajiet militari. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Ftehim UE-Tanzanija għandu skop doppju u, għalhekk, kellu jkun ibbażat fuq bażi legali doppja.

39

Fil-kontroreplika tiegħu, il-Kunsill isostni wkoll li l-għan tal-operazzjoni Atalanta huwa li tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali, li tiġi implementata fil-kuntest tal-politika tas-sigurtà u tad-difiża komuni, u li l-Ftehim UE-Tanzanija ġie konkluż skont l-Artikolu 12 tal-Azzjoni Konġunta 2008/851. Għaldaqstant, iż-żamma u t-trasferiment ta’ persuni ssuspettati b’atti ta’ piraterija jirriżultaw mill-eżekuzzjoni ta’ din il-missjoni u ma jikkostitwixxux azzjoni distinta ta’ kooperazzjoni mill-pulizija u mill-ġustizzja. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2 tal-Azzjoni Konġunta 2008/851, il-missjonijiet prinċipali tal-operazzjoni Atalanta jikkonsistu fil-protezzjoni ta’ vapuri noleġġati mill-Programm Dinji tal-Ikel u vapuri vulnerabbli oħra, fis-sorveljanza ta’ ċerti żoni, kif ukoll fid-dissważjoni, fil-prevenzjoni u fir-repressjoni, inkluż bl-użu tal-forza, ta’ atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi mwettqa fuq il-baħar. Barra minn hekk, l-operazzjonijiet taż-żamma u tat-trasferiment ta’ persuni ssuspettati b’atti ta’ piraterija, tal-ġbir tad-data personali tagħhom, tat-trażmissjoni lil Interpol ta’ din id-data u tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data miġbura dwar l-attivitajiet tas-sajd huma ta’ natura anċillari.

40

Il-Kunsill jispeċifika li l-miżuri li jikkonċernaw l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, kemm jekk huma interni għall-Unjoni kif ukoll jekk għandhom dimensjoni esterna għaliha, għandhom jittieħdu bil-għan li jiġu promossi l-libertà, sigurtà u ġustizzja fi ħdan l-Unjoni jew fil-fruntieri tagħha. Il-Ftehim UE-Tanzanija ma għandu ebda rabta mal-għanijiet tal-imsemmi spazju. Fil-fatt, waqt it-trasferiment lejn ir-Repubblika Unita tat-Tanzanija ta’ persuna ssuspettata b’atti ta’ piraterija, ebda Stat Membru ma jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu. Barra minn hekk, vapur tal-gwerra li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Istat tal-bandiera tiegħu ma jistax jitqies li huwa parti mit-territorju ta’ dan l-Istat. Barra minn hekk, il-Parlament ma jispjegax kif il-piraterija tikkostitwixxi theddida għas-sigurtà interna tal-Unjoni.

41

Matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Parlament sostna, b’risposta għal domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja, li fis-sitwazzjoni fejn il-bażijiet legali marbuta mal-PESK u mal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja ma jistgħux jiġu amalgamati minħabba l-inkompatibbiltà tal-proċeduri rilevanti, l-Artikoli 82 u 87 TFUE għandhom jikkostitwixxu, waħedhom, il-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

42

Fir-rigward tal-atti adottati fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni dwar il-PESK, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura, b’mod partikolari, abbażi tal-ewwel parti tas-sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 275 TFUE u tal-Artikolu 40 TUE, li l-implementazzjoni ta’ din il-politika ma taffettwax l-applikazzjoni tal-proċeduri u l-portata rispettiva tal-poteri tal-istituzzjonijiet previsti mit-Trattati għall-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni skont it-Trattat FUE. L-għażla tal-bażi legali adatta ta’ att tal-Unjoni għandha importanza ta’ natura kostituzzjonali, peress li r-rikors għal bażi legali żbaljata jista’ jinvalida tali att, b’mod partikolari, meta l-bażi legali adatta tkun tipprovdi proċedura ta’ adozzjoni differenti minn dik li effettivament ġiet segwita (ara, f’dan is-sens, l-opinjoni 2/00, tas-6 ta’ Diċembru 2001, EU:C:2001:664, punt 5).

43

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni, inkluż dak adottat bil-għan tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali bħal dak inkwistjoni fil-kawża ineżami, għandha tkun ibbażata fuq fatturi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, fosthom l-iskop u l-kontenut ta’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Marzu 1987, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, 45/86, EU:C:1987:163, punt 11; tal-11 ta’ Ġunju 1991, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, magħrufa bħala “Diossidu tat-titanju”, C‑300/89, EU:C:1991:244, punt 10; l-opinjoni 2/00, tas-6 ta’ Diċembru 2001, EU:C:2001:664, punt 22, u s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑130/10, EU:C:2012:472, punt 42).

44

Jekk l-eżami ta’ att tal-Unjoni juri li dan l-att għandu żewġ skopijiet jew li għandu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn l-iskopijiet jew minn dawn il-komponenti jista’ jiġi identifikat bħala l-għan jew il-komponent prinċipali filwaqt li l-ieħor huwa biss għan jew komponent anċillari, l-att għandu jkun ibbażat fuq bażi legali waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-iskop jew mill-komponent prinċipali jew predominanti. Eċċezzjonalment, jekk, għall-kuntrarju, jiġi stabbilit li l-att għandu simultanjament diversi għanijiet jew diversi komponenti li huma marbuta inseparabbilment, mingħajr ma wieħed huwa anċillari għal ieħor, b’mod li huma applikabbli diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat, tali miżura għandha tkun ibbażata fuq id-diversi bażijiet legali korrispondenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑178/03, EU:C:2006:4, punti 42 u 43, kif ukoll tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 43).

45

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kontenut tal-Ftehim UE-Tanzanija, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim jiddefinixxu, konformement mal-Artikolu 1 tiegħu, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet li jirregolaw it-trasferiment lejn ir-Repubblika Unita tat-Tanzanija ta’ persuni ssuspettati li għandhom l-intenzjoni li jwettqu, li qegħdin iwettqu jew li wettqu atti ta’ piraterija, miżmuma mill-EUNAVFOR, u ta’ beni ssekwestrati mill-EUNAVFOR, kif ukoll it-trattament ta’ dawn il-persuni wara dan it-trasferiment.

46

Skont l-Artikoli 3 u 4 tal-imsemmi ftehim, fost dawn il-kundizzjonijiet u modalitajiet hemm l-osservanza tal-prinċipji ġenerali, b’mod partikolari dak tat-trattament li josserva l-obbligi internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem. L-istess ftehim jirregola wkoll it-trattament, il-prosekuzzjoni u l-proċess tal-persuni ttrasferiti, filwaqt li jipprovdi, fl-Artikolu 5 tiegħu, li tali persuni ma jistgħux jiġu ġġudikati għal reat li jġorr piena iktar ħarxa minn sentenza ta’ għomor il-ħabs. Barra minn hekk, dan il-ftehim jipprevedi, fl-Artikolu 6 tiegħu, iż-żamma ta’ reġistri u n-notifika ta’ dokumenti marbuta ma’ dawn il-persuni u jipprovdi, fl-Artikolu 7(1) tiegħu, li fil-limiti tal-mezzi u tal-kapaċitajiet tagħhom, l-Unjoni u l-EUNAVFOR għandhom jipprovdu kull assistenza lir-Repubblika Unita tat-Tanzanija għall-finijiet ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni tal-persuni ttrasferiti.

47

Huwa minnu li, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tagħha, ċerti obbligi previsti mill-Ftehim UE-Tanzanija jidhru, prima facie, relatati mal-oqsma tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u tal-kooperazzjoni mill-pulizija transkonfinali, meta jitqiesu individwalment. Madankollu, kif sostniet ukoll l-Avukat Ġenerali, il-fatt li ċerti dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim, meqjusa individwalment, huma relatati ma’ regoli li jistgħu jiġu adottati f’qasam ta’ azzjoni tal-Unjoni, ma huwiex suffiċjenti, fih innifsu, sabiex tiġi ddeterminata l-bażi legali adatta tad-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim UE-Tanzanija rigward l-osservanza tal-prinċipji tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll tad-dinjità tal-bniedem, għandu jiġi enfasizzat li din l-osservanza tapplika għal kull azzjoni tal-Unjoni, inkluż fil-qasam tal-PESK, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet konġunti tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1), tal-Artikolu 21(2)(b) u (3) TUE u tal-Artikolu 23 TUE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm ukoll lok li dan il-ftehim jiġi evalwat fid-dawl tal-iskop tiegħu.

48

Fir-rigward, fit-tieni lok, ta’ dan l-iskop, mit-tielet premessa tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dan il-ftehim ġie konkluż skont l-Artikolu 12 tal-Azzjoni Konġunta 2008/851, li taqa’ taħt il-PESK, sabiex jippermetti t-trasferiment, fil-kuntest tal-operazzjoni Atalanta, ta’ persuni arrestati u miżmuma mill-EUNAVFOR kif ukoll ta’ beni ssekwestrati, lejn Stat terz, f’dan il-każ ir-Repubblika Unita tat-Tanzanija, li jixtieq jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu fir-rigward ta’ dawn il-persuni u dawn il-beni. Kif jirriżulta mit-titolu stess tal-imsemmija azzjoni konġunta, din hija intiża, b’mod partikolari, għar-repressjoni ta’ atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi lil hinn mill-kosta tas-Somalja.

49

Għaldaqstant, il-Ftehim UE-Tanzanija huwa intiż li jistabbilixxi mekkaniżmu essenzjali għall-kontribuzzjoni tat-twettiq effettiv tal-għanijiet tal-operazzjoni Atalanta, b’mod partikolari, sa fejn isaħħaħ sostenibbilment il-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tar-repressjoni ta’ atti ta’ piraterija billi jiddefinixxi kuntest legali tat-trasferiment tal-persuni arrestati u miżmuma, filwaqt li jippermetti l-ġlieda kontra l-impunità ta’ dawn il-persuni, konformement mal-mandat iddefinit mir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà.

50

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kunsill tas-Sigurtà, b’mod partikolari, fil-punt 14 tar-Riżoluzzjoni 1846(2008) tiegħu, talab lill-Istati kollha jikkooperaw sabiex jiġi ddeterminat l-Istat li għandu ġurisdizzjoni u jieħdu l-miżuri xierqa ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni fil-konfront tal-persuni li wettqu atti ta’ piraterija jew serq bl-użu tal-armi lil hinn mill-kosta tas-Somalja. Filwaqt li tirrifletti l-kooperazzjoni prevista mill-Artikolu 100 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, li jissuġġetta lill-Istati kontraenti għal obbligu ta’ kooperazzjoni għar-repressjoni tal-piraterija fl-ibħra internazzjonali, hija bħala element ta’ din l-azzjoni internazzjonali ta’ ġlieda kontra l-atti ta’ piraterija u, b’mod partikolari, kontra l-impunità ta’ persuni li jwettqu tali atti, li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bil-għan tal-iffirmar u tal-konklużjoni tal-Ftehim UE-Tanzanija.

51

Dan il-ftehim, konkluż abbażi tal-Artikolu 12 tal-Azzjoni Konġunta 2008/851, huwa marbut mill-qrib mal-operazzjoni Atalanta, b’mod li, fin-nuqqas ta’ tali operazzjoni, l-imsemmi ftehim ikun mingħajr skop. Peress li l-eżistenza tal-Ftehim UE-Tanzanija hija sempliċement anċillari għall-azzjoni tal-EUNAVFOR, dan il-ftehim ser isir mingħajr skop fil-mument li din il-forza ttemm l-attivitajiet tagħha.

52

L-argument tal-Parlament li jgħid li, fin-nuqqas ta’ Ftehim UE-Tanzanija, l-Istati Membri jkunu f’pożizzjoni li jiżguraw huma stess il-prosekuzzjoni kriminali ta’ persuni arrestati, ma huwiex rilevanti peress li dan il-ftehim huwa intiż, b’mod partikolari, li jrendi tali prosekuzzjonijiet iktar effikaċi billi jiżgura t-trasferiment tal-persuni kkonċernati lejn ir-Repubblika Unita tat-Tanzanija speċifikament meta l-Istat Membru kompetenti ma jkunx jista’ jew ma jixtieqx jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu. Fil-fatt, mingħajr il-konklużjoni preliminari ta’ tali ftehimiet ta’ trasferiment, li hemm riferiment espliċitu għalihom fl-Artikolu 12(3) tal-Azzjoni Konġunta 2008/851, sabiex jiġi ggarantit li t-trattament ta’ persuni ttrasferiti huwa konformi mar-rekwiżiti tad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, ebda persuna arrestata mill-EUNAVFOR ma tista’ tiġi ttrasferita lil Stati terzi tar-reġjun fejn tiżvolġi l-operazzjoni Atalanta, li tista’ ttaqqal, jew saħansitra tostakola, il-funzjonament effikaċi ta’ din l-operazzjoni u t-twettiq tal-għanijiet tagħha.

53

Barra minn hekk, l-EUNAVFOR tista’ biss tittrasferixxi persuni, issuspettati b’atti ta’ piraterija, li hija stess tkun arrestat u żammet fil-kuntest tal-operazzjoni Atalanta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tal-Parlament intiż li jistabbilixxi li l-azzjonijiet assunti minn din il-forza navali jistgħu jitqiesu li huma simili għal dawk tal-awtoritajiet tal-ġustizzja jew tal-pulizija tal-Istati Membri, ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, l-imsemmija azzjonijiet jiżvolġu esklużivament fil-kuntest ta’ operazzjoni speċifika li taqa’ taħt il-PESK u huma marbuta inseparabbilment mal-eżekuzzjoni ta’ tali operazzjoni.

54

Għalhekk, l-eżami tal-iskop tal-Ftehim UE-Tanzanija jikkonferma li l-proċedura ta’ trasferiment tal-persuni arrestati jew miżmuma mill-EUNAVFOR stabbilita minn dan il-ftehim tikkostitwixxi strument li permezz tiegħu l-Unjoni tfittex li tilħaq l-għanijiet tal-operazzjoni Atalanta li jikkonsistu fil-preżervazzjoni tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, b’mod partikolari, sa fejn jippermetti li tiġi evitata l-impunità ta’ persuni li wettqu atti ta’ piraterija.

55

Peress li dan il-ftehim jaqa’ b’mod predominanti taħt il-PESK, u mhux taħt il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali jew il-kooperazzjoni mill-pulizija, id-deċiżjoni kkontestata setgħet validament tiġi bbażata fuq l-Artikolu 37 TUE biss. Għalhekk, l-adozzjoni tagħha skont il-proċedura prevista fl-ewwel parti tas-sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) TFUE kienet korretta.

56

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li l-ewwel motiv jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 218(10) TFUE

L-argumenti tal-partijiet

57

Skont il-Parlament, l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 218(10) TFUE, li jipprovdi li l-Parlament għandu “jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura”, jikkostitwixxi regola proċedurali essenzjali li tapplika għall-ftehimiet internazzjonali kollha konklużi mill-Unjoni, inklużi dawk li jaqgħu taħt il-PESK. Il-Kunsill kiser din ir-regola sa fejn kien biss fit-22 ta’ Marzu 2010 li informa lill-Parlament bil-ftuħ tan-negozjati dwar il-Ftehim UE-Tanzanija, u bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fid-19 ta’ Marzu 2014, disat ijiem wara din l-adozzjoni. Barra minn hekk, la r-Rappreżentant Għoli u lanqas il-Kunsill ma żammew lill-Parlament informat bid-diskussjonijiet li ppreċedew l-imsemmija adozzjoni. Fl-aħħar nett, il-Kunsill la kkomunikalu d-direttivi tan-negozjar, la t-test ta’ din id-deċiżjoni u, saħansitra, lanqas it-test tal-Ftehim UE-Tanzanija.

58

Il-Parlament isostni li din l-assenza ta’ informazzjoni pprekludietu milli jfassal pożizzjoni politika dwar il-kontenut tal-Ftehim UE-Tanzanija u, b’mod iktar ġenerali, milli jeżerċita kontroll parlamentari fuq l-attivitajiet tal-Kunsill. Huwa jsostni li, sakemm l-obbligu stabbilit mill-imsemmija dispożizzjoni jitqies li ma huwiex ta’ natura vinkolanti, dan l-obbligu jikkomplementa l-obbligu separat li l-Parlament għandu jiġi kkonsultat dwar il-PESK, skont l-Artikolu 36 TUE. Barra minn hekk, l-effett utli tal-Artikolu 218(10) TFUE jkun affettwat jekk il-Parlament ikun informat bin-negozjati u bil-konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet internazzjonali biss permezz tal-pubblikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

59

Il-Kunsill ma jikkontestax il-fatt li l-Artikolu 218(10) TFUE japplika wkoll għall-ftehimiet internazzjonali li jikkonċernaw esklużivament il-PESK, iżda jsostni li ma kienx hemm ksur ta’ din id-dispożizzjoni fil-każ ineżami. F’dan ir-rigward, huwa jispjega li l-Parlament huwa informat bid-deċiżjonijiet rilevanti kollha li huwa jadotta abbażi tal-Artikolu 218 TFUE fir-rigward, b’mod partikolari, tal-awtorizzazzjoni tal-ftuħ tan-negozjati, tad-direttivi tan-negozjati, tal-iffirmar u tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali kif ukoll, skont il-każ, tal-applikazzjoni provviżorja ta’ tali ftehim.

60

Fir-rigward tal-Ftehim UE-Tanzanija, il-Kunsill jirrileva, qabelxejn, li huwa kkomunika debitament id-direttivi tan-negozjati lill-Parlament. Fit-22 ta’ Marzu 2010, data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati, il-Kunsill indirizza ittra lill-Parlament li fiha huwa spjega li, konformement mal-Artikolu 12 tal-Azzjoni Konġunta 2008/851, kellhom jiġu konklużi ftehimiet ta’ trasferiment ma’ ċerti Stati terzi u li r-Rappreżentant Għoli kien ġie awtorizzat jagħti bidu għan-negozjati, skont l-Artikolu 37 TUE, ma’ numru ta’ Stati, fosthom ir-Repubblika Unita tat-Tanzanija. Fir-rigward tal-kontenut tal-abbozz tal-Ftehim UE-Tanzanija, il-konoxxenza li l-Parlament kellu tal-ftehimiet ta’ trasferiment konklużi preċedentement ma’ Stati oħra fil-kuntest tal-operazzjoni Atalanta ppermettietlu jeżerċita l-prerogattivi tiegħu li, fi kwalunkwe każ, huma limitati fil-qasam tal-ftehimiet internazzjonali li jaqgħu esklużivament taħt il-PESK.

61

Fir-rigward, sussegwentement, tal-komunikazzjoni lill-Parlament tat-test tad-deċiżjoni kkontestata u ta’ dak tal-Ftehim UE-Tanzanija, il-Kunsill isostni li l-prerogattivi limitati tal-Parlament fil-kuntest tal-proċedura tan-negozjati u tal-konklużjoni tal-ftehimiet internazzjonali fil-qasam tal-PESK għandhom bħala għan prinċipali li jippermettu li dan tal-aħħar jikkontrolla l-bażi legali ta’ dawn il-ftehimiet u li, fil-każ ineżami, dan l-għan kien milħuq sa fejn il-Parlament kien f’pożizzjoni li jwettaq tali kontroll wara li rċieva l-ittra tal-Kunsill tat-22 ta’ Marzu 2010 li tinformah bil-ftuħ tan-negozjati. Barra minn hekk, it-testi tad-deċiżjoni kkontestata u tal-Ftehim UE-Tanzanija kienu neċessarjament ikkomunikati lill-Parlament permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-11 ta’ April 2014, data li kienet tikkostitwixxi l-bidu tat-terminu li fih il-Parlament seta’ jippreżenta rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE.

62

Fl-aħħar nett, il-Kunsill isostni li, sa fejn għandha tingħata informazzjoni dwar l-iżvolġiment tan-negozjati, dan il-kompitu huwa tar-Rappreżentant Għoli u li, konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 218(10) TFUE huwa infondat. Għall-finijiet ta’ kompletezza, il-Kunsill isostni li huwa fiżikament impossibbli li jżomm lill-Parlament informat, matul in-negozjati fil-qasam tal-PESK, bl-iżviluppi kollha li kultant iseħħu malajr u għal għarrieda. Huwa jirrileva li, fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni, fil-kuntest iktar ġenerali tal-operazzjoni Atalanta li minnu tagħmel parti d-deċiżjoni kkontestata, ġiet ikkomunikata lill-Parlament.

63

Fir-replika tiegħu, il-Parlament jirrikonoxxi li huwa kien ġie “immedjatament” informat, fis-sens tal-Artikolu 218(10) TFUE, mill-Kunsill bid-deċiżjoni tiegħu li jawtorizza l-bidu tan-negozjati, fil-jum li fih ġiet adottata. Huwa jsostni, madankollu, li fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata, huwa ma kienx ġie informat, sa fejn din id-deċiżjoni ġiet innotifikata lilu biss disat ijiem wara l-adozzjoni tagħha. Barra minn hekk, il-Kunsill qatt ma kkomunika t-testi tal-imsemmija deċiżjoni u tal-Ftehim UE-Tanzanija. Ir-rekwiżit li l-Parlament jiġi informat “kompletament”, fis-sens tal-Artikolu 218(10) TFUE, ma jistax jiġi ssodisfat bis-sempliċi fatt li l-Kunsill ikkonkluda preċedentement ftehimiet simili. Fi kwalunkwe każ, kontroll mill-Parlament tal-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata ma setax jitwettaq fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ test li jagħti l-possibbiltà lill-Parlament jidentifika l-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward, bħall-għan u l-kontenut tal-ftehim previst. Skont il-Parlament, il-Kunsill kellu jittrażmettilu t-test tal-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill u t-test tal-abbozz tal-ftehim mhux iktar tard mill-4 ta’ April 2012, data li fiha, skont in-negozjati, il-kunsilliera għar-relazzjonijiet esterni tal-Kunsill adottaw dawn it-testi. Wara din id-data, il-Kunsill kien qiegħed sempliċement jistenna l-approvazzjoni ta’ dan l-abbozz mir-Repubblika Unita tat-Tanzanija, li ġiet innotifikata lilu fix-xahar ta’ Frar 2014.

64

Fl-aħħar nett, il-Parlament jikkontesta d-distinzjoni magħmula mill-Kunsill bejn ir-responsabbiltajiet eżerċitati minnu u dawk mogħtija lir-Rappreżentant Għoli minħabba li dan tal-aħħar jippresjedi l-kunsill tal-affarijiet esteri, il-konfigurazzjoni tal-Kunsill inkarigata mill-PESK. Filwaqt li jirreferi għas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025), il-Parlament isostni li l-osservanza tal-Artikolu 218(10) TFUE tikkostitwixxi kundizzjoni tal-validità tad-deċiżjoni ta’ adozzjoni tal-ftehimiet internazzjonali u li huwa l-Kunsill li għandu jiżgura, qabel l-adozzjoni tagħhom, li l-Parlament ġie debitament informat.

65

Fil-kontroreplika tiegħu, il-Kunsill, filwaqt li jqis li terminu ta’ diversi xhur jew ta’ diversi ġimgħat ma jissodisfax ir-rekwiżit li l-Parlament jiġi informat “immedjatament”, fis-sens tal-Artikolu 218(10) TFUE, isostni li terminu ta’ ftit jiem, f’dan il-każ ta’ disat ijiem, li jikkorrispondu għal sebat ijiem ta’ xogħol, ma jistax jitqies li huwa irraġonevoli.

66

Fir-rigward tal-iżvolġiment tan-negozjati li ppreċedew il-konklużjoni tal-Ftehim UE-Tanzanija, il-Kunsill iqis li l-ittra tiegħu tat-22 ta’ Marzu 2010 pprovdiet lill-Parlament b’informazzjoni suffiċjenti li tippermettilu, minn tal-inqas, ifassal opinjoni inizjali dwar il-fondatezza tal-bażi legali indikata mill-Kunsill u jesprimi d-dubji possibbli tiegħu dwar dan is-suġġett. F’dan ir-rigward, il-Kunsill isostni wkoll li, filwaqt li l-fatt li huwa kien ikkonkluda preċedentement ftehimiet simili ma huwiex suffiċjenti, fih innifsu, sabiex jitqies li r-rekwiżiti tal-Artikolu 218(10) TFUE huma ssodisfatti, dan il-fatt u l-informazzjoni inkluża fl-ittra tat-22 ta’ Marzu 2010, meqjusa konġuntament, huma suffiċjenti. Barra minn hekk, il-Kunsill jirrileva li l-mandat ta’ negozjati deskritt f’din l-ittra baqa’ l-istess.

67

Fir-rigward tat-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli, filwaqt li jirrikonoxxi li dan tal-aħħar jippresjedi l-Kunsill tal-affarijiet esteri, il-Kunsill isostni li r-Rappreżentant Għoli ma jaġixxix f’din il-kwalità meta jirrappreżenta lill-Unjoni fil-kuntest tan-negozjati tal-ftehimiet relatati mal-qasam tal-PESK. Għaldaqstant, sa fejn l-iżvolġiment tan-negozjati jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli u mhux tal-Kunsill, huwa biss ir-Rappreżentant Għoli li għandu l-obbligu li jinforma b’dan lill-Parlament. Barra minn hekk, il-Kunsill iqis li l-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni matul in-negozjati ma jistax jestendi għal kull dokument imfassal jew għal kull sessjoni ta’ negozjati, jew anki għax-xogħlijiet preparatorji li jinżammu fi ħdan il-Kunsill. Fl-aħħar nett, il-Kunsill iqis li ma għandux l-obbligu li jivverifika, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, jekk l-Artikolu 218(10) TFUE ġiex effettivament osservat u jekk il-Parlament ġiex għalhekk debitament informat bl-iżvolġiment tan-negozjati li ppreċedew l-adozzjoni ta’ tali ftehim.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

68

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu stabbilit mill-Artikolu 218(10) TFUE, li jipprovdi li l-Parlament għandu “jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura” tan-negozjati u tal-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, japplika għal kull proċedura ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, inklużi l-ftehimiet li jirrigwardaw esklużivament il-PESK (sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 85). L-Artikolu 218 TFUE, sabiex jissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza, ta’ koerenza u ta’ razzjonalizzazzjoni, jipprevedi proċedura unika u ta’ portata ġenerali dwar in-negozjati u l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali mill-Unjoni fl-oqsma kollha tal-azzjoni tagħha, inkluża l-PESK, li kuntrarjament għal oqsma oħra, ma hija suġġetta għal ebda proċedura speċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punti 52 u 72).

69

Filwaqt li huwa minnu li r-rwol mogħti lill-Parlament fil-qasam tal-PESK jibqa’ limitat, peress li din l-istituzzjoni hija eskluża mill-proċedura tan-negozjati u tal-konklużjoni tal-ftehimiet li jirrigwardaw esklużivament il-PESK, xorta jibqa’ l-fatt li l-Parlament ma huwa mċaħħad minn ebda dritt ta’ kontroll fir-rigward ta’ din il-politika tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punti 83 u 84).

70

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-involviment tal-Parlament fil-proċess deċiżjonali huwa r-rifless, fuq il-livell tal-Unjoni, tal-prinċipju demokratiku fundamentali li l-popli għandhom jipparteċipaw fl-eżerċizzju tal-poter permezz ta’ assemblea rappreżentattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 1980, Roquette Frères vs Il‑Kunsill, 138/79, Ġabra p. 3333, punt 33, tal-11 ta’ Ġunju 1991, Diossidu tat-titanju, C‑300/89, EU:C:1991:244, punt 20, u tad-19 ta’ Lulju 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑130/10, EU:C:2012:472, punt 81). Fir-rigward tal-proċedura tan-negozjati u tal-konklużjoni tal-ftehimiet internazzjonali, ir-rekwiżit ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 218(10) TFUE huwa l-espressjoni ta’ dan il-prinċipju demokratiku li fuqu hija bbażata l-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 81).

71

L-għan ta’ dan ir-rekwiżit ta’ informazzjoni huwa li jiġi żgurat, b’mod partikolari, li l-Parlament ikun f’pożizzjoni li jeżerċita kontroll demokratiku fuq l-azzjoni esterna tal-Unjoni u, b’mod iktar speċifiku, li jivverifika li l-għażla tal-bażi legali ta’ deċiżjoni dwar il-konklużjoni ta’ ftehim tkun saret b’osservanza tal-poteri tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 79). F’dan ir-rigward, filwaqt li l-għan tar-rekwiżit li l-Parlament jiġi informat kompletament u immedjatament ma huwiex li jippermetti lil dan tal-aħħar jipparteċipa fin-negozjati u fil-konklużjoni tal-ftehimiet fil-qasam tal-PESK, dan ir-rekwiżit jippermettilu, minbarra li jwettaq verifika tal-bażi legali adatta tal-miżuri adottati fil-kuntest ta’ din il-politika, jeżerċita l-kompetenzi tiegħu stess b’konoxxenza sħiħa tal-azzjoni esterna tal-Unjoni fl-intier tagħha.

72

Fil-fatt, peress li l-Unjoni għandha tiżgura, skont l-Artikolu 21(3) TUE, koerenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tagħha, l-obbligu ta’ informazzjoni li bih huma marbuta l-istituzzjonijiet l-oħra fil-konfront tal-Parlament taħt l-Artikolu 218(1) TFUE jikkontribwixxi sabiex jiġu ggarantiti l-unità u l-koerenza ta’ din l-azzjoni (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il‑Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑266/03, EU:C:2005:341, punt 60 ; l-opinjoni 1/08, tat-30 ta’ Novembru 2009, EU:C:2009:739, punt 136, u s-sentenza tal-20 ta’ April 2010, Il‑Kummissjoni vs L-Isvezja, C‑246/07, EU:C:2010:203, punt 75).

73

Hemm lok li, qabelxejn, jiġi miċħud l-argument tal-Kunsill li jgħid li l-obbligu li jiġi informat il-Parlament bl-iżvolġiment tan-negozjati huwa r-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli u mhux tal-Kunsill stess. Fil-fatt, peress li l-Artikolu 218(2) TFUE jipprovdi li huwa l-Kunsill li għandu jawtorizza l-ftuħ tan-negozjati, jadotta d-direttivi tan-negozjati, jawtorizza l-iffirmar u l-konklużjonijiet tal-ftehim, isegwi li hija wkoll din l-istituzzjoni li għandha, b’mod partikolari fil-kuntest tal-ftehimiet li jirrigwardaw esklużivament il-PESK, tiżgura l-osservanza tal-obbligu stabbilit mill-Artikolu 218(10) TFUE.

74

Fil-każ ineżami, il-Parlament jilmenta li l-Kunsill, fl-ewwel lok, ma informahx bl-iżvolġiment tan-negozjati, fit-tieni lok, li la ttrażmettilu t-test finali tal-Ftehim UE-Tanzanija u lanqas dak tad-deċiżjoni kkontestata u, fit-tielet lok, li informah bl-adozzjoni ta’ din l-aħħar deċiżjoni biss wara disat ijiem mill-adozzjoni tagħha.

75

Fir-rigward, qabelxejn, tal-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ informazzjoni lill-Parlament mingħand il-Kunsill dwar l-iżvolġiment tan-negozjati, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fil-każ ineżami, il-Kunsill informa lill-Parlament biss meta ġie awtorizzat il-ftuħ tan-negozjati u meta dawn ġew konklużi. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fil-punt 86 tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025), li l-obbligu previst fl-Artikolu 218(10) TFUE li l-Parlament ikun immedjatament u kompletament informat fl-istadji kollha tal-proċedura ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, jestendi wkoll għall-istadji li jippreċedu l-konklużjoni ta’ tali ftehim u għalhekk ikopri, b’mod partikolari, il-fażi tan-negozjati.

76

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-portata tal-informazzjoni koperta mill-imsemmija dispożizzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-proċedura ta’ negozjati u ta’ konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali prevista fl-Artikolu 218 TFUE tinkludi, b’mod partikolari, l-awtorizzazzjoni tal-ftuħ tan-negozjati, id-definizzjoni tad-direttivi tan-negozjati, in-nomina tan-negozjatur tal-Unjoni u, skont il-każ, ta’ kumitat speċjali, l-għeluq tan-negozjati, l-awtorizzazzjoni għall-iffirmar tal-ftehim, skont il-każ, id-deċiżjoni ta’ applikazzjoni provviżorja tal-ftehim qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu u l-konklużjoni tal-ftehim.

77

Filwaqt li, skont l-Artikolu 218(10) TFUE, il-Parlament għandu jiġi informat fl-istadji kollha tal-proċedura, il-fatt li l-parteċipazzjoni tiegħu fin-negozjati u fil-konklużjoni ta’ ftehimiet li jaqgħu esklużivament taħt il-PESK hija speċifikament eskluża jfisser li dan ir-rekwiżit ta’ informazzjoni ma jestendix għall-istadji li jagħmlu parti minn proċess preparatorju intern fi ħdan il-Kunsill. F’dan il-kuntest, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-rekwiżit li l-Parlament jiġi informat ma jistax ikun limitat biss għal dawk l-istadji tal-proċedura msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, iżda jestendi wkoll għar-riżultati intermedjarji li jkunu wasslu għalihom in-negozjati. F’dan ir-rigward, kif isostni l-Parlament, dan ir-rekwiżit ta’ informazzjoni jeżiġi li l-Kunsill jikkomunikalu t-test tal-abbozz tal-ftehim u dak tal-abbozz tad-deċiżjoni approvati mill-kunsilliera għar-relazzjonijiet esterni tal-Kunsill inkarigati bin-negozjati, sa fejn it-test ta’ dawn l-abbozzi ġie kkomunikat lill-awtoritajiet Tanzani bil-għan tal-konklużjoni tal-ftehim.

78

Barra minn hekk, fil-każ ineżami, il-Kunsill ma pprovda ebda informazzjoni lill-Parlament dwar l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ negozjati li ppreċediet il-konklużjoni tal-Ftehim UE-Tanzanija, għajr it-trażmissjoni tal-ittra tat-22 ta’ Marzu 2010 li kienet tinformah bil-ftuħ ta’ din il-proċedura. Peress li l-eżerċizzju tal-Parlament tad-dritt tiegħu ta’ kontroll huwa biss konċepibbli b’riferiment għall-kontenut tal-ftehim previst stess, u mhux b’riferiment għal dak ta’ ftehimiet oħra li jistgħu, f’ċerti każijiet, ikollhom karatteristiċi simili (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2008, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑155/07, EU:C:2008:605, punt 74), l-eżistenza ta’ ftehimiet konklużi ma’ Stati oħra li l-Parlament jista’ jkollu konoxxenza tagħhom hija, f’dan ir-rigward, irrilevanti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tal-Kunsill li jgħid li, minħabba l-eżistenza ta’ tali ftehimiet simili preċedenti, il-Parlament kien suffiċjentement informat bl-iżvolġiment tan-negozjati li wasslu għall-Ftehim UE-Tanzija, għandu jiġi miċħud.

79

Sussegwentement, rigward l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill ma ttrażmettiex it-testi tal-Ftehim UE-Tanzanija u tad-deċiżjoni kkontestata lill-Parlament, l-argument tal-Kunsill li jgħid li l-Parlament kien f’pożizzjoni li jeżerċita l-prerogattivi tiegħu meta sar jaf bil-kontenut tat-testi adottati meta ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi miċħud.

80

Kif diġà enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni dwar l-iffirmar u l-konklużjoni ta’ ftehim f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ma hijiex ta’ natura li tirrimedja ksur tal-Artikolu 218(10) TFUE. Fil-fatt, tali pubblikazzjoni hija prevista fl-Artikolu 297 TFUE u tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ pubbliċità li għalihom huwa suġġett att tal-Unjoni għall-finijiet tad-dħul fis-seħħ tiegħu, filwaqt li r-rekwiżit ta’ informazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 218(10) huwa previst sabiex jiġi żgurat li l-Parlament ikun f’pożizzjoni li jeżerċita kontroll demokratiku fuq l-azzjoni estera tal-Unjoni u, b’mod iktar speċifiku, li jivverifika li l-poteri tiegħu huma osservati speċifikament bħala konsegwenza tal-għażla tal-bażi legali ta’ deċiżjoni li tikkonċerna l-konklużjoni ta’ ftehim (sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 79).

81

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-ksur mill-Kunsill tal-Artikolu 218(10) TFUE minħabba li dan informa lill-Parlament tard, jiġifieri disat ijiem wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li jiġi kkonstatat li tali terminu ma jissodisfax, fil-prinċipju, ir-rekwiżit li l-Parlament jiġi informat “immedjatament” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

82

Huwa minnu li ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti ċirkustanzi, informazzjoni li hija trażmessa lill-Parlament f’terminu ta’ ftit jiem tista’ tiġi kklassifikata bħala “immedjata” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. Madankollu, peress li fil-każ ineżami, il-Kunsill la ttrażmetta lill-Parlament it-test tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas dak tal-Ftehim UE-Tanzanija, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, il-Kunsill ma informax lill-Parlament immedjatament u kompletament matul il-proċedura tan-negozjati u tal-konklużjoni ta’ dan il-ftehim.

83

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kunsill kiser l-Artikolu 218(10) TFUE.

84

Peress li l-Parlament ma kienx informat immedjatament u kompletament f’kull stadju tal-proċedura konformement mal-Artikolu 218(10) TFUE, huwa ma kienx f’pożizzjoni li jeżerċita d-dritt ta’ kontroll tiegħu li ngħatalu mit-Trattati fil-qasam tal-PESK u, skont il-każ, li jinvoka l-pożizzjoni tiegħu fir-rigward, b’mod partikolari, tal-bażi legali korretta li fuqha għandu jkun ibbażat l-att inkwistjoni. Il-ksur ta’ dan ir-rekwiżit ta’ informazzjoni, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jippreġudika l-eżerċizzju, mill-Parlament, tal-funzjonijiet tiegħu fil-qasam tal-PESK u konsegwentement jikkostitwixxi ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali (sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 86).

85

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni motiv huwa fondat u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

Fuq iż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata

86

Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Gvern tar-Renju Unit u mill-Kummissjoni, jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li hija tannulla d-deċiżjoni kkontestata, iżżomm l-effetti ta’ din id-deċiżjoni sakemm tiġi ssostitwita.

87

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk tqis li huwa neċessarju, tindika liema mill-effetti ta’ att annullat għandhom jitqiesu li huma definittivi.

88

Għandu jiġi ammess li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma jinżammu l-effetti tagħha jista’ jfixkel l-iżvolġiment tal-operazzjonijiet implementati abbażi tal-Ftehim UE-Tanzanija u, b’mod partikolari, jikkomprometti l-prosekuzzjonijiet u l-proċessi ta’ persuni ssuspettati b’atti ta’ piraterija arrestati mill-EUNAVFOR.

89

Konsegwentement, hemm lok li jinżammu l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata li hija annullata b’din is-sentenza.

Fuq l-ispejjeż

90

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-Artikolu 138(3), jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

91

Peress li f’din il-kawża, kemm il-Parlament kif ukoll il-Kunsill tilfu parzjalment, hemm lok li jiġi deċiż li huma għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

92

Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni, li intervjenew f’din il-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/198/PESK, tal-10 ta’ Marzu 2014, dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Unita tat-Tanzanija dwar il-kondizzjonijiet tat-trasferiment ta’ pirati ssuspettati u proprjetà ssekwestrata assoċjata mill-forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea lejn ir-Repubblika Unita tat-Tanzanija, hija annullata.

 

2)

L-effetti tad-Deċiżjoni 2014/198 għandhom jinżammu fis-seħħ.

 

3)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

4)

Ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top