This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CJ0257
Judgment of the Court (Ninth Chamber) of 17 September 2015.#C. van der Lans v Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV.#Request for a preliminary ruling from the Rechtbank Amsterdam.#Reference for a preliminary ruling — Air transport — Passengers’ rights in the event of delay or cancellation of a flight — Regulation (EC) No 261/2004 — Article 5(3) — Denied boarding and cancellation — Long flight delay — Compensation and assistance to passengers — Extraordinary circumstances.#Case C-257/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tas-17 ta’ Settembru 2015.
Corina van der Lans vs Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Rechtbank Amsterdam.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Drittijiet tal-passiġġieri fil-każ ta’ dewmien jew ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 5(3) – Rifjut ta’ imbark u kanċellazzjoni ta’ titjira – Dewmien twil ta’ titjira – Kumpens u assistenza għall-passiġġieri – Ċirkustanzi straordinarji.
Kawża C-257/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tas-17 ta’ Settembru 2015.
Corina van der Lans vs Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Rechtbank Amsterdam.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Drittijiet tal-passiġġieri fil-każ ta’ dewmien jew ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 5(3) – Rifjut ta’ imbark u kanċellazzjoni ta’ titjira – Dewmien twil ta’ titjira – Kumpens u assistenza għall-passiġġieri – Ċirkustanzi straordinarji.
Kawża C-257/14.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:618
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
17 ta’ Settembru 2015 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trasport bl-ajru — Drittijiet tal-passiġġieri fil-każ ta’ dewmien jew ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira — Regolament (KE) Nru 261/2004 — Artikolu 5(3) — Rifjut ta’ imbark u kanċellazzjoni ta’ titjira — Dewmien twil ta’ titjira — Kumpens u assistenza għall-passiġġieri — Ċirkustanzi straordinarji”
Fil-Kawża C‑257/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-qorti ta’ Amsterdam (Rechtbank Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ April 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Mejju 2014, fil-proċedura
Corina van der Lans
vs
Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn K. Jürimäe, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur) u M. Safjan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Mejju 2015,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV, minn P. Eijsvoogel, P. Huizing, R. Pessers u M. Lustenhouwer, advocaten, |
— |
għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u M. Noort, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, D. Colas, u R. Coesme kif ukoll minn M. Hours, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri bħala aġent, assistita minn C. Colelli, avvocato dello Stato, |
— |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Christie, bħala aġent, assistit minn J. Holmes, barrister, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Wilman u N. Yerrell, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li [...] jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn C. van der Lans u l-kumpannija tal-ajru Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV (iktar ’il quddiem “KLM”) dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tikkumpensa lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li t-titjira tagħha ġarrbet dewmien. |
Il-kuntest ġuridiku
3 |
Ir-Regolament Nru 261/2004 fih b’mod partikolari l-premessi segwenti:
[...]
|
4 |
L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Skop”, jipprevedi fil-paragrafu 1(b) tiegħu li: “1. Dan ir-Regolament għandu japplika: [...]
|
5 |
L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi li: “1. Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom: [...]
[...] 3. Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin. [...]” |
6 |
L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jipprevedi li: “1. Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:
Fid-determinazzjoni tad-distanza, il-bażi għandha tkun l-aħħar destinazzjoni ġo liema l-fatt li l-persuna ma tħallietx titla’ jew il-kanċellazzjoni ser iddewwem il-wasla tal-passiġġier wara l-ħin skedat. 2. Meta passiġġieri huma offruti possibili[t]à oħra biex jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom fuq titjira alternattiva skond l-Artikolu 8, il-ħin tal-wasla ta’ liema ma taqbiżx il-ħin tal-wasla skedat tat-titjira rreġistrata oriġinarjament[:]
il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera jista’ jnaqqas il-kumpens previst fil-paragrafu 1 bi 50 %. 3. Il-kumpens imsejjaħ fil-paragrafu 1 għandu jiġi mħallas fi flus, permezz ta’ trasferiment tal-bank elettroniku, ordnijiet tal-bank jew ċekkijiet tal-bank jew, bil-ftehim iffirmat tal-passiġġier, f’irċevuti tal-vjaġġ u/jew servizzi oħrajn. 4. Id-distanzi mogħtija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu mkejlin permezz tal-metodu tal-great circle route.” |
7 |
L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprevedi li: “F’każijiet fejn trasportatur ta’ l-ajru li jopera jħallas kumpens jew jilħaq l-obbligazzjonijiet oħra li għandu d-dmir iwettaq taħt dan ir-Regolament, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma jista’ jiġi interpretat li jirrestrinġi d-dritt tiegħu li jfittex kumpens minn kwalunkwe persuna, inklużi partijiet terzi, skond il-liġi applikabbli. Partikolarment, dan ir-Regolament m’għandu bl-ebda mod jirrestrinġi d-dritt tal-trasportatur ta’ l-ajru li jopera biex ifittex rimbors minn operatur tat-tour jew persuna oħra ma’ liema l-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt. B’mod simili, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma tista’ tiġi interpretata li tirrestrinġi d-dritt ta’ operatur tat-tour jew ta’ parti terza, barra minn passiġġier, ma’ liema trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt, biex ifittex rimbors jew kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond il-liġijiet applikabbli rilevanti.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
8 |
C. van der Lans kellha riżervazzjoni għal biljett tal-ajru fuq titjira operata minn KLM. Din it-titjira, b’destinazzjoni lejn Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), kellha titlaq minn Quito (l-Ekwador), fit-13 ta’ Awwissu 2009 fid-09.15, ħin lokali. Madankollu, it-tluq seħħ l-għada fis-19.30, ħin lokali. L-ajruplan użat għall-imsemmija titjira wasal f’Amsterdam b’dewmien ta’ 29 siegħa. |
9 |
Dan id-dewmien huwa dovut, skont KLM, għall-fatt li, fl-ajruport ta’ Guayaquil (l‑Ekwador), li minnu dan l-ajruplan kellu jitlaq sabiex imur lejn Amsterdam b’waqfa ġewwa Quito u Bonaire (l-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi), ġie kkonstatat, matul il-proċedura ta’ “push back”, li fiha ajruplan fuq l-art jiġi mbuttat lura minn vettura, li waħda mill-magni ta’ dan l-ajruplan ma bdietx taħdem, minħabba l-fatt li l-karburant ma kienx qed jilħaq il-magna. |
10 |
Skont KLM, mill-“aircraft technical log” jirriżulta li seħħew varji difetti. Żewġ komponenti kienu difettużi, jiġifieri l-pompa tal-karburant u l-unità idromekkanika. Dawn il-komponenti, li ma kinux disponibbli fi Guayaquil, kellhom jiġu ttrasportati bl-ajru minn Amsterdam, sabiex, sussegwentement, jiġu installati fl-ajruplan ikkonċernat, li telaq minn Quito bid-dewmien imsemmi fil-punt 8 ta’ din is-sentenza. |
11 |
L-imsemmija komponenti ma kinux is-suġġett ta’ eżami iktar iddettaljat sabiex jiġi ddeterminat il-kawża tal-inċident, billi tali eżami seta’ jitwettaq biss mill-produttur tagħhom. |
12 |
C. van der Lans ippreżentat rikors quddiem il-qorti ta’ Amsterdam intiż sabiex tingħata kumpens ta’ EUR 600 minħabba dan id-dewmien. |
13 |
KLM tikkontesta din it-talba u tinvoka l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, fil-każ ta’ “ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin”. |
14 |
Skont KLM, il-komponenti difettużi ma kinux qabżu t-tul tal-ħajja medja tagħhom. Barra minn hekk, il-produttur tagħhom ma ta ebda indikazzjoni speċifika li setgħu jseħħu ċertu difetti ladarba dawn il-komponenti jilħqu ċertu tul ta’ ħajja. KLM issostni, barra minn hekk, li l-imsemmija komponenti ma kinux ġew spezzjonati qabel it-tluq, matul il-“preflight check” ġenerali, iżda li kienu ġew spezzjonati matul l-aħħar “check A”, li twettqet madwar xahar qabel it-titjira inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
15 |
Skont C. van der Lans, KLM ma tistax tinvoka l-okkorrenza, f’dan il-każ, ta’ ċirkustanzi straordinarji. Fil-fatt, id-dewmien ta’ din it-titjira ġie kkawżat minn problema teknika. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fis-sentenza Wallentin-Hermann (C‑549/07, EU:C:2008:771), li hija inerenti għall-attività tat-trasportatur tal-ajru li jiġu riżolti problemi tekniċi u li dawn tal-aħħar ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala ċirkustanzi straordinarji. |
16 |
Il-kawża prinċipali tirrigwarda il-kwistjoni dwar jekk l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 tistax tiġi invokata minn KLM f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
17 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tixtieq tikkjarifika l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kliem “ċirkostanzi staordinarji” u “il-miżuri raġonevoli kollha” li jinsab f’din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, il-premessa 14 tar-Regolament Nru 261/2004 u l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenza Wallentin-Hermann (C‑549/07, EU:C:2008:771). |
18 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti ta’ Amsterdam iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
19 |
Il-Gvern Franċiż jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari għar-raġuni li, skont l-Artikolu 3(1)(b) tiegħu, ir-Regolament Nru 261/2004 ma huwiex applikabbli għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn id-dritt Ekwadorjan jipprevedi diġà sistema ta’ kumpens u ta’ assistenza għall-passigieri tal-ajru li jkunu vittmi ta’ rifjut ta’ imbark, ta’ kanċellazzjoni jew ta’ dewmien ta’ titjira, li minnha C. van der Lans tista’ tibbenefika. |
20 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rifjut li tingħata deċiżjoni fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss, b’mod partikolari, meta jkun jidher b’mod manifest li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni suġġetta għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex rilevanti (sentenza Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid, C‑484/08, EU:C:2010:309, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
21 |
F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 jirriżulta li dan tal-aħħar japplika għall-passiġġieri li jkunu qed jivvjaġġaw minn pajjiż terz lejn Stat Membru bil-kundizzjoni li, minn naħa, it-trasportatur tal-ajru li jopera t-titjira jkun trasportatur tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, il-passiġġieri kkonċernati ma jibbenefikawx minn benefiċċji jew minn kumpens u minn assistenza f’dan il-pajjiż terz. |
22 |
Għal dak li jirrigwarda l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, huwa stabbilit li KLM hija trasportatur tal-Unjoni. |
23 |
Għal dak li jirrigwarda t-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi osservat li teżisti diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004. Fil-fatt, ċerti verżjonijiet, b’mod partikolari dik Ċeka, Ġermaniża, Ingliża, Taljana u Olandiża, jużaw rispettivament il-kliem “obdrželi”, “erhalten”, “received”, “ricevuto” u “ontvangen”. Għaldaqstant, dawn jistgħu jinqraw b’mod li huma jeskludu l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament biss fil-każ li l-passiġġieri kkonċernati jkunu kisbu effettivament benefiċċji jew kumpens u assistenza fil-pajjiż terz ikkonċernat. |
24 |
Min-naħa l-oħra, verżjonijiet lingwistiċi oħra, bħal, b’mod partikolari, dik Spanjola (“disfruten de”), Franċiża (“bénéficient”) u Rumena (“beneficiat de”) jissuġġerixxu minflok li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 hija immedjatament eskluża fil-każ li l-passiġġieri kkonċernati jibbenefikaw minn dritt għal benefiċċji jew għal kumpens u għal assistenza f’dan il-pajjiż terz, indipendentement mill-fatt jekk jibbenefikawx minnhom jew le. |
25 |
Issa, in-neċessità ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teżiġi, fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tagħha, li d-dispożizzjoni inkwistjoni tiġi interpretata skont il-kuntest u l-għan tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi DR u TV2 Danmark, C‑510/10, EU:C:2012:244, punt 45, kif ukoll Bark, C‑89/12, EU:C:2013:276, punt 40). |
26 |
F’dan ir-rigward, biżżejjed jitfakkar li r-Regolament Nru 261/2004, hekk kif jirriżulta b’mod ċar mill-premessi 1 u 2, huwa intiż li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri (ara s-sentenzi IATA u ELFAA, C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 69, kif ukoll Emirates Airlines, C‑173/07, EU:C:2008:400, point 35). |
27 |
Issa, għalkemm l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl ta’ dan l-għan, ċertament ma jitlobx li jintwera li l-passiġġier ikkonċernat ikun kiseb effettivament benefiċċji jew kumpens u assistenza f’pajjiż terz, is-sempliċi possibbiltà li persuna tibbenefika minnhom ma tistax madankollu, fiha nnifisha, tiġġustifika li l-imsemmi regolament ma jkunx applikabbli għal dan il-passiġġier. |
28 |
Fil-fatt, ma jistax jiġi aċċettat li passiġġier jista’ jiġi miċħud mill-protezzjoni mogħtija mir-Regolament Nru 261/2004 fil-każ biss li huwa jista’ jibbenefika minn ċertu kumpens f’pajjiż terz, mingħajr ma jiġi stabbilit jekk dan tal-aħħar jikkorrispondix għall-għan tal-kumpens iggarantit minn dan ir-regolament u jekk il-kundizzjonijiet li għalihom il-benefiċċju huwa suġġett kif ukoll il-modalitajiet differenti għall-implementazzjoni tiegħu, humiex ekwivalenti għal dawk previsti mill-imsemmi regolament. |
29 |
Issa, il-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti la li jiġi ddeterminat jekk l-għan tal-kumpens previst mid-dritt tal-pajjiż terz ikkonċernat jikkorrispondix għal dak tal-kumpens iggarantit mir-Regolament Nru 261/2004 u lanqas jekk il-kundizzjonijiet li għalihom il-benefiċċju ta’ tali kumpens huwa suġġett kif ukoll il-modalitajiet differenti għall-implementazzjoni tiegħu humiex ekwivalenti għal dawk previsti minn dan ir-regolament. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ. |
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex eskluż li d-dispożizzjoni li l-interpretazzjoni tagħha hija mitluba tapplika f’dan il-każ. |
31 |
Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies bħala ammissibbli. |
Fuq il-mertu
32 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, din tal-aħħar għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Minn din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, skont il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jsirulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Le Rayon d’Or, C‑151/13, EU:C:2014:185, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
33 |
Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, l-għaxar domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandhom jinftiehmu b’mod li jittrattaw, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li problema teknika, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tkunx mistennija, li ma tkunx dovuta għal manutenzjoni difettuża u li ma tkunx ġiet skoperta matul kontrolli regolari ta’ manutenzjoni, taqax taħt il-kunċett ta’ “ċirkostanzi staordinarji” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u, jekk iva, liema huma l-miżuri raġonevoli li t-trasportatur tal-ajru għandu jieħu sabiex jiffaċċjahom. |
34 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabel xejn, li, skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, trasportatur tal-ajru li jopera t-titjira ma huwiex obbligat iħallas kumpens skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jekk ikun jista’ juri li l-kanċellazzjoni tkun ġiet ikkawżata minn ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk ikunu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha. |
35 |
Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, billi jikkostitwixxi deroga għall-prinċipju tad-dritt għal kumpens tal-passiġġieri, dan l-Artikolu 5(3) għandu jiġi interpretat b’mod strett (sentenza Wallentin-Hermann, C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 20). |
36 |
Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, problemi tekniċi li ajruplan jista’ jkollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali problemi jistgħu jitqiesu fost in-numru ta’ ħsarat mhux mistennija fir-rigward tas-sigurtà tat-titjira u li jistgħu jaqgħu taħt tali ċirkustanzi. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li ċ-ċirkustanzi madwar l-okkorrenza ta’ dawn il-problemi ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, sakemm dawn ma jkunux relatati ma’ avveniment li, bħal dawk elenkati fil-premessa 14 ta’ dan ir-regolament, ma huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u jmur lil hinn mill-kontroll effettiv tiegħu minħabba n-natura jew l-oriġini tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wallentin-Hermann, C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 23). |
37 |
Issa, billi l-funzjonament ta’ ajruplani jwassal inevitabbilment għal problemi tekniċi, it-trasportaturi tal-ajru jiffaċċjaw regolarment, fil-kuntest tal-attività tagħhom, tali problemi. F’dan ir-rigward, problemi tekniċi li jirriżultaw matul il-manutenzjoni tal-ajruplani jew minħabba nuqqas ta’ din il-manutenzjoni ma jistgħux jikkostitwixxu, fihom infushom, “ċirkostanzi straordinarji” msemmija fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wallentin-Hermann, C‑549/07, EU:C:2008:771, punti 24 u 25). |
38 |
Madankollu, ċerti problemi tekniċi jistgħu jaqgħu taħt dawn iċ-ċirkustanzi straordinarji. Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, fis-sitwazzjoni fejn jiġi rrilevat mill-produttur tal-apparati li jikkostitwixxu l-flotta tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat, jew minn awtorità kompetenti, li dawn l-apparati, meta jkunu diġà qed jintużaw, ikollhom difett moħbi ta’ manifattura li jaffettwa s-sigurtà tat-titjiriet. L-istess jgħodd għall-preżenza ta’ ħsarat ikkawżati lill-ajruplani minn atti ta’ sabotaġġ jew ta’ terroriżmu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wallentin-Hermann, C‑549/07, EU:C:2008:771, punti 26). |
39 |
F’dan il-każ, KLM tippreċiża, liema fatt għandu madankollu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li l-problema teknika inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonsisti fi ħsara fil-magna tal-apparat ikkonċernat, dovuta għall-fatt li numru mill-komponenti tagħha kienu difettużi, liema komponenti ma kinux qabżu t-tul tal-ħajja medja tagħhom u li għalihom il-produttur ma kien ta ebda indikazzjoni speċifika li setgħu jseħħu ċertu difetti ladarba dawn jilħqu ċertu tul ta’ ħajja. |
40 |
F’dan ir-rigward, jidher, qabel xejn, li hekk kif jirriżulta mill-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, tali problema teknika taffettwa biss ajruplan speċifiku. Barra minn hekk, ma jirriżulta bl-ebda mod mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-produttur tal-apparati li jikkostitwixxu l-flotta tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat jew awtorità kompetent kienu kixfu li mhux biss dan l-ajruplan speċifiku iżda wkoll ajruplani oħra ta’ din il-flotta li kellhom difett moħbi ta’ manifattura li jaffettwa s-sigurtà tat-titjiriet, liema fatt għandu f’kull każ jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Jekk dan huwa minnu, l-ipoteżi ġurisprudenzjali invokata fil-punt 38 ta’ din is-sentenza ma tkunx tapplika f’dan il-każ. |
41 |
Sussegwentement, għandu jiġi osservat, minn naħa, li ħsara, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikkawżata mill-ħsara prematura ta’ ċerti komponenti ta’ ajruplan, tikkostitwixxi, ċertament, avveniment mhux mistenni. Madankollu, tali ħsara tibqa’ intrinsikament marbuta mas-sistema ta’ funzjonament kumplessa ħafna tal-apparat, liema sistema tintuża mit-trasportatur tal-ajru f’kundizzjonijiet, b’mod partikolari tat-temp, li spiss huma diffiċli jekk mhux estremi, fejn barra minn hekk huwa sottointiż li kull komponent ta’ ajruplan jista’ jinbidel. |
42 |
Għaldaqstant, għandu jitqies li, fil-kuntest tal-attività ta’ trasportatur tal-ajru, dan l-avveniment mhux mistenni huwa inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru, billi dan it-trasportatur jiffaċċja, regolarment, dan it-tip ta’ problemi tekniċi mhux previsti. |
43 |
Min-naħa l-oħra, il-prevenzjoni ta’ tali ħsara jew it-tiswija li tirriżulta minnha, inkluża s-sostituzzjoni ta’ komponent difettuż b’mod prematur, ma tmurx lil hinn mill-kontroll effettiv tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat, peress li huwa dan tal-aħħar li għandu jiżgura l-manutenzjoni u l-funzjonament tajjeb tal-ajruplani li huwa juża għall-finijiet tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu. |
44 |
Konsegwentement, problema teknika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċirkostanzi staordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004. |
45 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, anki jekk, skont iċ-ċirkustanzi, trasportatur tal-ajru jqis li jista’ jinvoka n-nuqqas tal-produttur ta’ ċerti komponenti difettużi, l-għan prinċipali tar-Regolament Nru 261/2004, li huwa intiż li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri, kif ukoll l-interpretazzjoni stretta li għandha tingħata lill-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament jipprekludu li dan it-trasportatur tal-ajru jkun jista’ jiġġustifika r-rifjut eventwali tiegħu li jikkumpensa lill-passiġġieri li jkunu ġarrbu inkonvenjenti serji billi jinvoka, f’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ “ċirkostanzi staordinarji”. |
46 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligi imposti mir-Regolament Nru 261/2004 huma bla ħsara għall-fatt li l-imsemmi trasportatur jitlob kumpens mingħand kull persuna li kkawżat id-dewmien, inklużi terzi, kif stipulat fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, tali kumpens jista’ jnaqqas, jew saħansitra jeskludi, l-ispiża finanzjarja sostnuta mill-imsemmi trasportatur bħala riżultat ta’ dawn l-obbligi (sentenza Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
47 |
Issa, ma jistax jiġi immedjatament eskluż li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 261/2004 jista’ jiġi invokat u applikat fir-rigward ta’ produttur fin-nuqqas, sabiex titnaqqas, jew saħansitra tiġi eskluża, l-ispiża finanzjarja sostnuta minn trasportatur tal-ajru bħala riżultat tal-obbligi tiegħu li jirriżultaw minn dan ir-regolament. |
48 |
Sa fejn problema teknika, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma taqax taħt il-kunċett ta’ “ċirkostanzi staordinarji”, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, dwar il-miżuri raġonevoli li t-trasportatur tal-ajru kellu jieħu sabiex jiffaċċjahom. |
49 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li problema teknika, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tkunx mistennija, li ma tkunx dovuta għal manutenzjoni difettuża u li ma tkunx ġiet skoperta matul kontrolli regolari ta’ manutenzjoni, ma taqax taħt il-kunċett ta’ “ċirkostanzi staordinarji” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq l-ispejjeż
50 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li [...] jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li problema teknika, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tkunx mistennija, li ma tkunx dovuta għal manutenzjoni difettuża u li ma tkunx ġiet skoperta matul kontrolli regolari ta’ manutenzjoni, ma taqax taħt il-kunċett ta’ “ċirkostanzi staordinarji” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.