Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0255

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Lulju 2015.
    Robert Michal Chmielewski vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Dél-alföldi Regionális Vám- és Pénzügyőri Főigazgatósága.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kecskeméti Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 1889/2005 – Kontrolli ta’ flus kontanti deħlin fl-Unjoni Ewropea jew ħerġin mill-Unjoni Ewropea – Artikoli 3 u 9 – Obbligu ta’ dikjarazzjoni – Ksur – Sanzjonijiet – Proporzjonalità.
    Kawża C-255/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:475

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    16 ta’ Lulju 2015 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KE) Nru 1889/2005 — Kontrolli ta’ flus kontanti deħlin fl-Unjoni Ewropea jew ħerġin mill-Unjoni Ewropea — Artikoli 3 u 9 — Obbligu ta’ dikjarazzjoni — Ksur — Sanzjonijiet — Proporzjonalità”

    Fil-Kawża C‑255/14,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kecskeméti közigazgatási és munkaügyi bíróság (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Mejju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Mejju 2014, fil-proċedura

    Robert Michal Chmielewski

    vs

    Nemzeti Adó- és Vámhivatal Dél-alföldi Regionális Vám- és Pénzügyőri Főigazgatósága,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, J. L. da Cruz Vilaça u C. Lycourgos, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

    Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Marzu 2015,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għan-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Dél-alföldi Regionális Vám- és Pénzügyőri Főigazgatósága, minn B. Gyenge, bħala aġent,

    għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u G. Koós kif ukoll minn M. M. Tátrai, bħala aġenti,

    għall-Gvern Belġjan, minn J.‑C. Halleux kif ukoll minn M. Jacobs u C. Pochet, bħala aġenti,

    għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Grønfeldt u A. Sipos, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Mejju 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 65 TFUE u 9 tar-Regolament (KE) Nru°1889/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ottubru 2005, dwar kontrolli ta’ flus kontanti deħlin fil-Komunità jew ħerġin mill-Komunità (ĠU L 309, p. 9).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn R. M. Chmielewski u n-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Dél-alföldi Regionális Vám- és Pénzügyőri Főigazgatósága (id-Direttorat Ġenerali tad-Dwana u tal-Finanzi tar-reġjun ta’ Del-alföld tal-Uffiċċju nazzjonali tat-taxxa u tad-dwana) rigward il-multa imposta fuqu minn dan tal-aħħar talli ma ddikjarax is-somma ta’ flus kontanti li kien qed iġorr meta daħal fit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessi 1 sa 3, 5, 6 u 13 tar-Regolament Nru 1889/2005 huma fformulati kif ġej:

    “(1)

    Wieħed mill-kompiti tal-Komunità huwa li tippromwovi l-iżvilupp armonjuż, bilanċjat u sostenibbli ta’ l-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità kollha billi tistabbilixxi suq komuni u unjoni ekonomika u monetarja. Għal dak l-għan is-suq intern jinkludi spazju mingħajr fruntieri interni li fih jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital.

    (2)

    L-introduzzjoni fis-sistema finanzjarja tar-rikavat ta’ attivitajiet illegali u l-investiment ta’ dan ir-rikavat wara l-‘ħasil’ (money laundering) tiegħu huma dannużi għall-iżvilupp ekonomiku san u sostenibbli. Għaldaqstant, id-Direttiva tal-Kunsill 91/308/KEE ta’ l-10 ta’ Ġunju 1991 dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus [ĠU L 166, tat-28.6.1991, p. 77.] introduċiet mekkaniżmu Komunitarju li jimpedixxi l-ħasil tal-flus billi jissorvelja t-transazzjonijiet li jsiru permezz ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji u ċerti tipi ta’ professjonijiet. Billi hemm ir-riskju li l-applikazzjoni ta’ dak il-mekkaniżmu jwassal għal żieda fil-movimenti ta’ flus kontanti għal finijiet illeċiti, id-Direttiva 91/308[...] għandha tiġi supplimentata b’sistema ta’ kontroll fuq il-flus kontanti li jidħlu fil-Komunità jew joħorġu mill-Komunità.

    (3)

    Fil-preżent tali sistemi ta’ kontroll huma applikati biss minn ftit Stati Membri, li jaġixxu skond il-liġi nazzjonali. Id-differenzi fil-liġijiet huma dannużi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. L-elementi bażiċi għandhom għalhekk jiġu armonizzati fuq il-livell Komunitarju sabiex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ kontroll fuq movimenti ta’ flus kontanti li jaqsmu l-fruntieri tal-Komunità. Tali armonizzazzjoni ma għandhiex, madankollu, tolqot il-possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw, skond id-dispożizzjonijiet eżistenti tat-Trattat, kontrolli nazzjonali fuq movimenti ta’ flus kontanti fi ħdan il-Komunità.

    [...]

    (5)

    Għaldaqstant, il-flus kontanti li kwalunkwe persuna fiżika ġġorr meta tkun dieħla fil-Komunità jew ħierġa mill-Komunità għandhom ikunu suġġetti għall-prinċipju ta’ dikjarazzjoni obbligatorja. Dan il-prinċipju għandu jippermetti lill-awtoritajiet tad-dwana jiġbru informazzjoni dwar tali movimenti ta’ flus kontanti u, fejn xieraq, jittrasmettu tali informazzjoni lil awtoritajiet oħrajn. [...]

    (6)

    Fid-dawl ta’ l-għan preventiv u tal-karattru deterrent tiegħu, l-obbligu ta’ dikjarazzjoni għandu jiġi sodisfatt meta persuna tidħol fil-Komunità jew toħroġ mill-Komunità. Madankollu, sabiex l-azzjoni ta’ l-awtoritajiet tiġi ffukata fuq movimenti sinifikattivi ta’ flus kontanti, biss dawk il-movimenti ta’ 10000 euro jew iżjed għandhom ikunu suġġetti għal tali obbligu. Għandu jiġi speċifikat ukoll li l-obbligu ta’ dikjarazzjoni japplika għall-persuna fiżika li ġġorr il-flus kontanti, mingħajr ma jitqies jekk dik il-persuna hijiex jew le l-proprjetarju.

    [...]

    (13)

    Is-setgħat ta’ l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġu supplimentati bl-obbligu ta’ l-Istati Memrbi li jistabbilixxu pieni. Madankollu, il-pieni għandhom jiġu imposti biss fin-nuqqas li ssir dikjarazzjoni skond dan ir-Regolament.”

    4

    Skont l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament:

    “Dan ir-Regolament għandu jikkumplimenta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/308[...] dwar transazzjonijiet li jsiru permezz ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu u ċerti professjonijiet billi jistabbilixxi regoli armonizzati għall-kontroll, mill-awtoritajiet kompetenti, ta’ flus kontanti deħlin fil-Komunità jew ħerġin mill-Komunità.”

    5

    L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

    “1.   Kwalunkwe persuna fiżika dieħla fil-Komunità jew ħierġa mill-Komunità u li ġġorr flus kontanti ta’ valur ta’ 10000 euro jew iżjed għandha tiddikjara dik is-somma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li minnu tidħol fil-Komunità jew toħroġ mill-Komunità skond dan ir-Regolament. L-obbligu ta’ dikjarazzjoni ma jkunx ġie sodisfatt jekk l-informazzjoni provduta ma tkunx korretta jew ma tkunx kompleta.

    2.   Id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tikkontjeni dettalji dwar:

    [...]

    e)

    il-provenjenza u l-użu intiż tal-flus kontanti;

    [...]”

    6

    L-Artikolu 4(2) tal-istess regolament jgħid:

    “Fejn ikun hemm nuqqas ta’ konformità ma’ l-obbligu ta’ dikjarazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3, jistgħu jiġu miżmuma flus kontanti permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali.”

    7

    L-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1889/2005 jipprevedi:

    “Kull Stat Membru għandu jintroduċi l-pieni li għandhom japplikaw fejn ikun hemm nuqqas ta’ konformità ma’ l-obbligu ta’ dikjarazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3. Tali pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

    Id-dritt Ungeriż

    8

    Skont l-Artikolu 1 tal-Liġi Nru XLVIII tal-2007, adottata sabiex jiġi implementat ir-[Regolament Nru 1889/2005], fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem, il-“liġi Nru XLVIII”), l-awtorità tad-dwana hija kompetenti għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1889/2005.

    9

    L-Artikolu 3 tal-Liġi Nru XLVIII jipprevedi li, għall-finijiet tal-kontroll tal-moviment ta’ flus kontanti, l-awtorità tad-dwana hija awtorizzata, fil-kuntest tas-setgħat tagħha bħala awtorità doganali, tikkontrolla l-persuni fiżiċi, il-bagalji tagħhom u l-mezzi ta’ trasport tagħhom biex tivverifika t-twettiq tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni previst fl-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament.

    10

    L-Artikolu 5/A(1) tal-Liġi Nru XLVIII jipprevedi:

    “Kull persuna fiżika li tkun dieħla jew ħierġa mill-Komunità li twettaq b’mod żbaljat jew mhux komplut l-obbligu ta’ dikjarazzjoni previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament [Nru 1889/2005] fir-rigward tal-flus kontanti li tkun qed tittrasporta, kif iddefinit fl-Artikolu 2(2) [ta’ dan] ir-regolament, jew li ma tissodisfah bl-ebda mod, għandha, skont l-Artikolu 9 [tal-imsemmi] regolament, tħallas fuq il-post multa ffissata f’[forinti Ungeriżi (HUF)] ta’ ammont ekwivalenti

    a)

    għal 10 % tas-somma ta’ flus kontanti fil-pussess tagħha, meta din tkun ta’ EUR 10000 jew iktar, iżda ma tkunx taqbeż l-EUR 20000,

    b)

    għal 40 % tas-somma ta’ flus kontanti fil-pussess tagħha, meta din tkun iktar minn EUR 20000 iżda ma tkunx taqbeż il-EUR 50000,

    c)

    għal 60 % tas-somma ta’ flus kontanti fil-pussess tagħha, meta din tkun iktar minn EUR 50000.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    11

    Fid-9 ta’ Awwissu 2012, R. M. Chmielewski daħal fit-territorju Ungeriż mis-Serbja, mingħajr ma ddikjara s-somma ta’ flus kontanti li kien qed iġorr miegħu, jiġifieri ammont totali ta’ EUR 147492, li kien jinkludi BGN 249150 (lev Bulgaru), TRY 30000 (lira Torka) u RON 29394 (leu Rumen).

    12

    B’deċiżjoni tal-4 ta’ Ottubru 2013, in-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Dél-alföldi Regionális Vám- és Pénzügyőri Főigazgatósága kkundanna lil R. M. Chmielewski għall-ħlas ta’ multa amministrattiva ta’ HUF 24532000 għaliex ma kienx osserva l-obbligu li huwa impost fuqu mir-Regolament Nru 1889/2005 u mil-Liġi Nru XLVIII, minħabba li ma kienx iddikjara l-imsemmija somma meta daħal fit-territorju tal-Unjoni.

    13

    R. M. Chmielewski ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju billi sostna, b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru XLVIII kienu jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni.

    14

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kecskeméti közigazgatási és munkaügyi bíróság (qorti għal kawżi amministrattivi u tax-xogħol ta’ Kecskemét) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-ammont tal-multa amministrattiva ffissata skont l-Artikolu 5/A tal-Liġi Nru XLVIII [...], adottata għall-finijiet tal-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1889/2005, huwa konformi mar-rekwiżit impost bl-Artikolu 9(1) [ta’ dan ir-regolament], jiġifieri li s-sanzjoni introdotta mid-dritt nazzjonali għandha tkun effettiva u dissważiva, filwaqt li tkun proporzjonata meta mqabbla mal-ksur imwettaq u mal-għan li għandu jintlaħaq?

    2)

    L-Artikolu 5/A tal-Liġi Nru XLVIII ma huwiex, minħabba l-ammont tal-multa li huwa jipprevedi, kuntrarju għall-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet moħbija għall-moviment liberu tal-kapital, prevista fl-Artikolu 65(3) tat-[TFUE] u tat-Trattat [UE]?”

    Fuq id-domandi preliminari

    15

    Bid-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 65(3) TFUE u 9(1) tar-Regolament Nru 1889/2005 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, sabiex tissanzjona ksur tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni previst fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, timponi l-pagament ta’ multa amministrattiva li l-ammont tagħha huwa ta’ 60 % tas-somma ta’ flus kontanti mhux iddikjarata, meta din is-somma tkun iktar minn EUR 50000.

    16

    Sa fejn ir-Regolament Nru 1889/2005 jistabbilixxi regoli armonizzati rigward il-kontroll tal-movimenti ta’ flus kontanti deħlin fl-Unjoni jew ħerġin mill-Unjoni, għandha tiġi eżaminata l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

    17

    Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tal-imsemmi regolament, moqri flimkien mal-premessi 1 sa 3 tal-istess regolament, dan tal-aħħar għandu, fil-kuntest tal-promozzjoni ta’ żvilupp ekonomiku armonjuż, ibbilanċjat u sostenibbli fl-Unjoni kollha, l-għan li jikkompleta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/308 billi jistabbilixxi regoli armonizzati rigward il-kontroll tal-movimenti ta’ flus kontanti deħlin fl-Unjoni jew ħerġin mill-Unjoni.

    18

    Skont il-premessi 2, 5 u 6 tar-Regolament Nru 1889/2005, dan huwa intiż sabiex jipprevjeni, jiddiswadi u jevita l-introduzzjoni fis-sistema finanzjarja tar-rikavat ta’ attivitajiet illegali u l-investiment ta’ dan ir-rikavat wara l-ħasil tiegħu permezz, b’mod partikolari, ta’ prinċipju ta’ dikjarazzjoni obbligatorja ta’ tali movimenti li tippermetti l-ġbir ta’ informazzjoni dwar dawn.

    19

    Għal dan l-għan, l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi l-obbligu, għall-persuni fiżiċi kollha li jkunu deħlin jew ħerġin mill-Unjoni u li jkunu qed iġġorru ammont ta’ flus kontanti ta’ EUR 10000 jew iktar, li jiddikjaraw dan l-ammont.

    20

    Skont l-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament, kull Stat Membru għandu jipprevedi sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu ta’ dikjarazzjoni. Skont din id-dispożizzjoni, is-sanzjonijiet previsti b’dan il-mod għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    21

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minn sistema stabbilita b’din il-leġiżlazzjoni, l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jagħżlu s-sanzjonijiet li jidhrilhom li huma xierqa. Huma madankollu marbuta li jeżerċitaw is-setgħa tagħhom f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u mal-prinċipji ġenerali tiegħu, u, konsegwentement, f’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara s-sentenzi Ntionik u Pikoulas, C‑430/05, EU:C:2007:410, punt 53, u Urbán, C‑210/10, EU:C:2012:64, punt 23).

    22

    B’mod partikolari, il-miżuri amministrattivi jew repressivi permessi ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti permezz ta’ din il-leġiżlazzjoni (ara s-sentenzi Ntionik u Pikoulas, C‑430/05, EU:C:2007:410, punt 54, kif ukoll Urbán, C‑210/10, EU:C:2012:64, punti 24 u 53).

    23

    F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-ħruxija tas-sanzjonijiet għandha tkun proporzjonata mal-gravità tal-ksur li fir-rigward tiegħu huma imposti, b’mod partikolari billi jiżguraw effett realment dissważiv, filwaqt li josservaw il-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità (ara s-sentenzi Asociația Accept, C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 63, u LCL Le Crédit Lyonnais, C‑565/12, EU:C:2014:190, punt 45).

    24

    Fir-rigward tat-tilwima fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li n-natura effettiva u dissważiva tas-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 5/A tal-Liġi Nru XLVIII la ġiet ikkontestata quddiem il-qorti tar-rinviju u lanqas quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    25

    F’dan il-kuntest, biżżejjed jiġi kkonstatat li sanzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidhru li huma xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti permezz tar-Regolament Nru 1889/2005 u sabiex jiżguraw implementazzjoni effettiva tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni previst fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, għaliex huma tali li jiddiswadu lill-persuni kkonċernati milli jiksru dan l-obbligu.

    26

    Barra minn hekk, sistema skont liema l-ammont tas-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament ivarja skont dak tas-somma ta’ flus kontanti mhux iddikjarata ma tidhirx, bħala regola ġenerali, li hija sproporzjonata minnha nnifisha.

    27

    Fir-rigward tal-proporzjonalità tas-sanzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li l-ammont tal-multi previsti minn din huwa progressiv skont id-daqs tas-somma ta’ flus kontanti mhux iddikjarata.

    28

    Bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni Ewropea, il-kundizzjoni ta’ proporzjonalità li għandhom jissodisfaw is-sanzjonijiet introdotti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1889/2005 ma teżiġix li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi konkreti u partikolari ta’ kull każ.

    29

    Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 79 sa 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, skont l-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni rigward l-għażla tas-sanzjonijiet li huma jadottaw sabiex jiżguraw l-osservanza tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni previst fl-Artikolu 3 tal-istess regolament, sakemm ksur ta’ dan l-obbligu jkun jista’ jiġi ssanzjonat b’mod sempliċi, effettiv u effikaċi, u dan mingħajr ma l-awtoritajiet kompetenti jkollhom neċessarjament jieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra, bħall-intenzjonalità jew ir-reċidiva.

    30

    Madankollu, fid-dawl tan-natura tal-ksur ikkonċernat, jiġifieri ksur tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni previst fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1889/2005, multa li l-ammont tagħha jikkorrispondi għal 60 % tas-somma ta’ flus kontanti mhux iddikjarata, meta din is-somma tkun ta’ iktar minn EUR 50000, ma tidhirx li hija proporzjonata. Fil-fatt, tali multa tmur lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-osservanza ta’ dan l-obbligu u sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-għanijiet segwiti permezz ta’ dan ir-regolament.

    31

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sanzjoni prevista fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1889/2005 ma hijiex intiża sabiex tissanzjona eventwali attivitajiet frawdolenti jew illegali, iżda biss ksur tal-imsemmi obbligu.

    32

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-premessi 3 u 15 tal-imsemmi regolament, dan tal-aħħar huwa intiż sabiex jiżgura kontroll iktar effikaċi tal-movimenti ta’ flus kontanti deħlin fl-Unjoni jew ħerġin mill-Unjoni, sabiex tiġi prekluża l-introduzzjoni fis-sistema finanzjarja tar-rikavat ta’ attivitajiet illegali, filwaqt li jiġu osservati l-prinċipji rrikonoxxuti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    33

    Għandu jiġi osservat ukoll li l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1889/2005 jipprevedi l-possibbiltà li jinżammu, permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva u b’mod konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-flus kontanti li ma kinux is-suġġett tad-dikjarazzjoni prevista fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari sabiex l-awtoritajiet nazzjonali jitħallew iwettqu l-kontrolli u l-verifiki neċessarji marbuta mal-provenjenza ta’ dawn il-flus kontanti, l-użu li huwa previst għalih u d-destinazzjoni ta’ dan. B’dan il-mod, sanzjoni li tikkonsisti f’multa ta’ ammont inqas, flimkien ma’ miżura ta’ żamma tal-flus kontanti li ma ġewx iddikjarati, skont l-Artikolu 3, tista’ tilħaq l-għanijiet segwiti permezz tal-imsemmi regolament mingħajr ma taqbeż il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għal dan l-għan. F’dan il-każ, mill-proċess imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tipprevedix tali possibbiltà.

    34

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 65(3) TFUE.

    35

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1889/2005 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, sabiex tissanzjona ksur tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni previst fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, timponi l-ħlas ta’ multa amministrattiva li l-ammont tagħha huwa ta’ 60 % tas-somma ta’ flus kontanti mhux iddikjarata, meta din is-somma tkun ta’ iktar minn EUR 50000.

    Fuq l-ispejjeż

    36

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1889/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ottubru 2005, dwar kontrolli ta’ flus kontanti deħlin fil-Komunità jew ħerġin mill-Komunità għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, sabiex tissanzjona ksur tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni previst fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, timponi l-ħlas ta’ multa amministrattiva li l-ammont tagħha huwa ta’ 60 % tas-somma ta’ flus kontanti mhux iddikjarata, meta din is-somma tkun ta’ iktar minn EUR 50000.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

    Top