Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0242

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-25 ta’ Ġunju 2015.
Saatgut-Treuhandverwaltungs GmbH vs Gerhard und Jürgen Vogel GbR et.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Mannheim.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti — Regolament (KE) Nru 2100/94 — Deroga prevista fl-Artikolu 14 — Użu mill-bdiewa tal-prodott tal-ħsad għal finijiet ta’ propagazzjoni mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur — Obbligu ta’ ħlas mill-bdiewa ta’ remunerazzjoni raġonevoli għal dan l-użu — Terminu li fih din ir-remunerazzjoni għandha titħallas sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika mid-deroga — Possibbiltà tad-detentur li jirrikorri għall-Artikolu 94 — Ksur.
Kawża C-242/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:422

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

25 ta’ Ġunju 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti — Regolament (KE) Nru 2100/94 — Deroga prevista fl-Artikolu 14 — Użu mill-bdiewa tal-prodott tal-ħsad għal finijiet ta’ propagazzjoni mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur — Obbligu ta’ ħlas mill-bdiewa ta’ remunerazzjoni raġonevoli għal dan l-użu — Terminu li fih din ir-remunerazzjoni għandha titħallas sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika mid-deroga — Possibbiltà tad-detentur li jirrikorri għall-Artikolu 94 — Ksur”

Fil-Kawża C‑242/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Mannheim (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Mejju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Mejju 2014, fil-proċedura

Saatgut-Treuhandverwaltungs GmbH

vs

Gerhard und Jürgen Vogel GbR,

Jürgen Vogel,

Gerhard Vogel,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, J. L. da Cruz Vilaça u C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Saatgut-Treuhandverwaltungs GmbH, minn K. von Gierke u E. Trauernicht, avukati,

għal Gerhard und Jürgen Vogel GbR, kif ukoll G. u J. Vogel, minn J. Beismann u M. Miersch, avukati,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u C. Schillemans, kif ukoll minn J. Langer, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. von Rintelen u I. Galindo Martín, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-5 ta’ Marzu 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390), u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1768/95, tal-24 ta’ Lulju 1995, li jimplimenta regoli dwar l-eżenzjoni agrikola prevista fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 18, p. 63).

2

Din it-talba tressqet fl-ambitu ta’ tilwima bejn, minn naħa, Saatgut-Treuhandverwaltungs GmbH (iktar ’il quddiem, “STV”), li tirrappreżenta l-interessi tad-detentur tad-drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti għall-varjetà tax-xgħir tax-xitwa Finita, u, min-naħa l-oħra, Gerhard und Jürgen Vogel GbR, kumpannija agrikola, kif ukoll G. u J. Vogel, assoċjati li huma personalment responsabbli għal din il-kumpannija (iktar ’il quddiem flimkien l-“imsieħba Vogel”), dwar il-kultivazzjoni, minn dan tal-aħħar, ta’ din il-varjetà.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 2100/94

3

L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2100/94, intitolat “Drittijiet tad-detentur ta’ dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti u atti pprojbiti”, jipprovdi li:

“1.   Dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti għandu jkollu l-effett li d-detentur jew id-detenturi ta’ dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ ‘id-detentur’, ikollu d-dritt li jagħmel l-atti stabbiliti fil-paragrafu 2.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 15 u 16, l-atti li ġejjin dwar kostitwenti tal-varjetajiet, jew materjal maħsud tal-varjetajiet protetti, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ ’il-materjal’, għandu jeħtieġ l-awtorizzazzjoni tad-detentur:

(a)

produzzjoni jew riproduzzjoni (moltiplikazzjoni);

[...]

Id-detentur jista’ jqiegħed fis-suq l-awtorizzazzjoni tiegħu suġġett għal kondizzjonijiet u limitazzjonijiet.

[...]”

4

L-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Deroga mid-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti”, jipprovdi:

“1.   Minkejja l-Artikolu 13(2), u għall-għanijiet tal-ħarsien tal-produzzjoni agrikola, il-bdiewa huma awtorizzati li jużaw għal għanijiet ta’ propagazzjoni fl-għalqa, fuq l-art tagħhom il-prodott tal-ħsad li jkunu akkwistaw permezz taż-żergħa, fuq l-art tagħhom, materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetajiet minbarra varjetajiet mħallta jew sintetiċi, li jkunu skoperti minn dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti.

2.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom ikunu applikabbli biss għal speċi ta’ pjanti agrikoli ta’:

[...]

(b)

ċereali:

[...]

Hordeum vulgare L. – Xgħir

[...]

3.   Kondizzjonijiet biex jagħtu effett lid-deroga li għaliha jipprovdi l-paragrafu 1 u biex jitħarsu l-interessi leġittimi ta’ dak li jkabbar u tal-bidwi, għandhom ikunu stabbiliti, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, fl-implimentazzjoni tar-regoli bis-saħħa ta’ l-Artikolu 114, fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin:

[...]

bdiewa zgħar ma jkunux meħtieġa li jagħmlu xi ħlas lid-detentur; [...]

[...]

bdiewa oħrajn ikunu meħtieġa li jħallsu ħlas xieraq lid-detentur, li għandu jkun sensibilment aktar baxx mill-ammont li jitħallas għall-produzzjoni liċenzjata ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ l-istess varjetajiet fl-istess qasam; il-livell attwali ta’ dan il-ħlas xieraq jista’ jkun suġġett għall-varjazzjoni matul iż-żmien, meta jittieħed akkont tal-limitu li jista’ jsir użu mid-deroga pprovduta fil-paragrafu 1 dwar il-varjetajiet ikkonċernati,

is-sorveljar ta’ l-aderenza mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu jew mad-dispożizzjonijiet adottati bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu ir-risponsabbiltà esklużiva tad-detenturi; fl-organizzazzjoni ta’ dak is-sorveljar jistgħu ma jipprovdux għall-għajnuna minn korpi uffiċjali,

it-tagħrif relevanti għandu jkun ipprovdut lid-detenturi fuq talba tagħhom, minn bdiewa u dawk li jipprovdu s-servizzi ta’ l-ipproċessar; it-tagħrif relevanti jista’ ugwalment jiġi pprovdut minn korpi uffiċjali involuti fis-sorveljar ta’ produzzjoni agrikola, jekk dak it-tagħrif ikun ġie miksub bil-mezz tat-tagħmil orninarju ta’ xogħolhom, mingħajr piżijiet jew spejjeż addizzjonali. [...]”

5

L-Artikolu 94 ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda l-azzjonijiet tad-dritt ċivili li jistgħu jitressqu f’każ ta’ użu ta’ varjetà ta’ pjanta li jikkostitwixxi ksur, jipprovdi:

“1.   Kull min:

(a)

jafftwa xi wieħed mill-atti stabbiliti fl-Artikolu 13(2) mingħajr ma jkun intitolat biex jagħmel dan, dwar varjetà li għaliha ikun ingħata dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti

[...]

jista’ jiġi mħarrek mid-detentur biex jordna t-tneħħija ta’ dak il-ksur tal-liġi jew biex iħallas kumpens raġonevoli jew it-tnejn.

2.   Kull min jaġixxi intenzjonalment jew b’mod traskurat għandu b’żieda jkun suġġett li jikkumpensa lid-detentur għal kull ħsara li tirriżulta minn dak l-att in kwistjoni. Fil-każi ta’ negliġenza ħafifa, dawk il-pretensjonijiet jistgħu jitnaqqsu skond il-grad ta’ dik in-negliġenza ħafifa, b’dan iżda mhux sal-limitu li jkunu anqas mill-vantaġġ mirbuħ minnhom mill-persuna li jkun għamel dak il-ksur.”

Ir-Regolament Nru 1768/95

6

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1768/95 jipprovdi li dan ir-regolament jistabbilixxi r-regoli ta’ implementazzjoni tal-kundizzjonijiet li jippermettu d-dħul fis-seħħ tad-deroga prevista fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2100/94.

7

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament huwa redatt kif ġej:

“1.   Il-kundizzjonijiet msemmija fl-Artikolu 1 għandhom ikunu implimentati kemm mid-detentur, li jirrappreżenta lil dak li jrabbi, u mill-bidwi b’mod illi jiġu mħarsa l-interessi leġittimi ta’ xulxin.

2.   L-interessi leġittimi ma jitqiesux imħarsa jekk wieħed jew iktar minn dawn l-interessi huma affettwati ħażin mingħajr ma jittieħed kont tal-bżonn illi jinżamm bilanċ ġust bejn kull wieħed minnhom, jew tal-bżonn ta’ proporzjonalità bejn l-għan tal-kondizzjoni relevanti u l-effett attwali ta’ l-implimentazzjoni tagħha.”

8

L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “L-obbligu individwali ta’ ħlas”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2, l-obbligu individwali tal-bidwi li jħallas il-ħlas ġust jinħoloq fil-mument meta hu jagħmel użu mill-prodott tal-ħsad għall-finijiet ta’ riproduzzjoni fl-għalqa.

Id-detentur jista’ jiddetermina l-ġurnata u l-metodu tal-ħlas. Madankollu, m’għandux jiddetermina ġurnata ta’ ħlas li tkun qabel id-data li fiha inħoloq l-obbligu.”

9

L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Bdiewa żgħar”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu, dan li ġej:

“Żoni ta’ l-azjenda tal-bidwi fejn tkabbru pjanti, iżda li huma art imwarrba, fuq bażi temporanja jew permanenti, fis-sena tas-suq li tibda’ mill-30 ta’ Lulju u tispiċċa fit-30 ta’ Ġunju tas-sena kalendarja ta’ wara (is-sena tas-suq), fejn il-ħlas kien ikun dovut, għandhom jitqiesu bħala żoni fejn pjanti għadhom jitkabbru, jekk sussidji jew ħlasijiet ta’ kumpens ingħataw mill-Komunità jew mill-Istat Membru koncernat fir-rigward ta’ dik li ġiet imwarrba.”

10

L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1768/95, intitolat “Abbuż”, jipprovdi:

“Id-detentur jista’ jinvoka d-drittijiet mogħtijin lilu permezz tad-dritt Komunitarju dwar varjetà ta’ pjanti kontra xi persuna li tikser xi kundizzjonijiet jew limitazzjonijiet li qegħdin mad-deroga skond l-Artikolu 14 tar-Regolament bażiku kif imsemmi f’dan ir-Regolament.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

STV hija għaqda ta’ detenturi ta’ drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti protetti li tamministra, partikolarment, id-drittijiet tad-detentur tal-varjetà tax-xgħir tax-xitwa Finita, protetta skont ir-Regolament Nru 2100/94. STV tippubblika fuq is-sit tal-internet tagħha lista li turi l-varjetajiet kollha tal-pjanti protetti li għalihom l-amministrazzjoni tad-drittijiet matul diversi snin ta’ kummerċjalizzazzjoni ġiet fdata lilha, kif ukoll l-ammonti dovuti għall-kultivazzjoni ta’ dawk il-varjetajiet. Barra minn hekk, kull sena, STV titlob, mingħajr ma tispeċifika xi varjetà partikolari, lill-bdiewa sabiex jinfurmawha bil-kultivazzjoni li jista’ jkun hemm ta’ varjetajiet ta’ pjanti protetti li għalihom hija tamministra d-drittijiet billi tibagħtilhom għal dan il-għan formularji ta’ dikjarazzjoni ta’ kultivazzjoni flimkien ma’ gwida li telenka l-varjetajiet kollha li għalihom tamministra d-drittijiet matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kkonċernata, kif ukoll il-proprjetarji u d-detenturi tal-liċenzji tal-użu rispettivi tagħhom. L-imsieħba Vogel, li ma għandhom l-ebda relazzjoni kuntrattwali ma’ STV, ma wiġbux għal dawn it-talbiet għal informazzjoni.

12

Fis-16 ta’ Diċembru 2011, STV saret taf, permezz ta’ fornitur ta’ servizzi tal-ipproċessar, bil-fatt li, matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2010/2011, l-imsieħba Vogel kienu, b’mod partikolari, ipproċessaw 35 kwintali ta’ żrieragħ tal-varjetà tax-xgħir tax-xitwa Finita.

13

Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Mejju 2012, STV talbet lill-imsieħba Vogel, filwaqt li intimathom sabiex iwiġbuha sal-20 ta’ Ġunju 2012, jivverifikaw l-informazzjoni relatata mal-kultivazzjoni tal-varjetà tax-xgħir tax-xitwa Finita li dwarha hija saret taf mill-imsemmi fornitur u jikkomunikawlha l-informazzjoni dwar din il-kultivazzjoni. L-imsieħba Vogel ma wiġbux għal din l-ittra.

14

Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Lulju 2012, STV talbet, mingħand l-imsieħba Vogel, il-ħlas tal-ammont ta’ EUR 262.50 li jikkorrispondi għall-ammont kollu li kien ikun dovut għall-użu b’liċenzja taż-żrieragħ tal-varjetà tax-xgħir tax-xitwa Finita, imsejħa “liċenzja Ċ”, bħala kumpens għall-preġudizzju sofrut minħabba l-kultivazzjoni moħbija ta’ din il-varjetà protetta. Fl-assenza ta’ ħlas, STV ippreżentat kawża, fit-18 ta’ Marzu 2013, għall-ksib tal-imsemmija kumpens fuq il-bażi tal-Artikolu 94(1) u (2) tar-Regolament Nru 2100/94.

15

Insostenn tal-azzjoni tagħha, STV issostni li l-imsieħba Vogel huma marbuta jħallsu remunerazzjoni raġonevoli f’ammont li jikkorrispondi għad-drittijiet kollha tal-liċenzja Ċ, skont l-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94, peress li dawn ipproċedew b’kultivazzjoni “mhux awtorizzata” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u ma jistgħux jibbenefikaw mid-deroga prevista fl-Artikolu 14(1) ta’ dan ir-regolament peress li dawn ma humiex meħlusa mill-obbligu ta’ ħlas tar-remunerazzjoni prevista fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 14(3) ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, STV issostni li dan l-obbligu ta’ ħlas jeżisti indipendentement minn talba għal informazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-varjetà protetta kkonċernata u li l-bidwi għandu jagħmel dan il-ħlas qabel iż-żriegħ, u, fi kwalunkwe każ, qabel tmiem is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li matulha tkun saret il-kultivazzjoni. Hija tqis, barra minn hekk, li l-informazzjoni ppubblikata fuq is-sit tal-internet tagħha u l-gwida li telenka l-varjetajiet protetti kollha li għalihom hija ġiet fdata bl-amministrazzjoni tad-drittijiet, mibgħuta kull sena lill-bdiewa, jippermettulhom li jikkalkolaw huma stess u, konsegwentement, li jħallsu l-ammont dovut għall-kultivazzjoni ta’ dawn il-varjetajiet.

16

L-imsieħba Vogel jiċħdu li huma responsabbli għall-ħlas ta’ ammont li jikkorrispondi għad-drittijiet kollha tal-liċenzja Ċ, bħala kumpens. Huma jqisu li, bħala massimu, huma għandhom iħallsu ammont imnaqqas peress li l-kultivazzjoni kienet “awtorizzata” fis-sens tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2100/94. Huma jsostnu wkoll li ma kinux obbligati li jwieġbu għat-talba għal informazzjoni tal-31 ta’ Mejju 2012 peress li din ma kinitx tirrigwarda s-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kurrenti. Issa, skont l-imsieħba Vogel, jeħtieġ li jkun sar ksur tal-obbligu ta’ informazzjoni sabiex ikun jista’ jitqies li l-kundizzjonijiet tad-dritt għal kumpens huma ssodisfatti.

17

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-affermazzjoni ta’ STV, li l-bidwi għandu jħallas, fuq l-inizjattiva tiegħu stess, ir-remunerazzjoni prevista fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 qabel iż-żriegħ tqajjem dubji, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1768/95. Hija tosserva li jidher li din id-dispożizzjoni tal-aħħar hija kuntrarja għall-kunsiderazzjoni li l-bidwi għandu jħallas bil-quddiem, qabel ma jsir iż-żriegħ, din ir-remunerazzjoni. Barra minn hekk, dik il-qorti tirrileva li jekk din ir-remunerazzjoni setgħet titħallas wara l-kultivazzjoni tal-varjetà protetta, tqum il-kwistjoni dwar id-data li qabilha l-bidwi għandu jħallasha sabiex ikun jista’ jibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2100/94 u b’hekk jevita d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 94 ta’ dan ir-regolament dwar il-ksur. Issa, skont l-istess qorti, id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 2100/94 u Nru 1768/95 ma jipprovdux risposta ċara u preċiża għal din id-domanda li għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex, barra minn hekk, l-opportunità li tirrispondi.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Bochum iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Bidwi li jkun għamel użu minn materjal ta’ propagazzjoni miksub minn varjetà ta’ pjanta protetta, mingħajr ma jkun ikkonkluda kuntratt mal-proprjetarju għal dawn il-finijiet, huwa marbut iħallas kumpens raġonevoli fis-sens tal-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94 u, jekk ikun aġixxa b’intenzjoni jew b’negliġenza, għandu jikkumpensa d-dannu kkawżat mill-ksur tad-drittijiet tal-varjetajiet tal-pjanti fis-sens tal-Artikolu 94(2) tal-imsemmi regolament, fejn, fil-mument tal-użu effettiv tal-prodott tal-ħsad għall-finijiet ta’ propagazzjoni fil-beraħ, huwa ma jkunx għadu ssodisfa l-obbligu tiegħu ta’ ħlas ta’ remunerazzjoni raġonevoli (ammont dovut għall-kultivazzjoni) taħt ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament flimkien mal-Artikoli 5 et seq tar-Regolament Nru 1768/95?

2)

Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-ewwel domanda tkun fis-sens li l-bidwi jista’ jissodisfa l-obbligu tiegħu ta’ ħlas ta’ remunerazzjoni raġonevoli dovuta għall-kultivazzjoni anki wara l-użu effettiv tal-prodott tal-ħsad għall-finijiet tal-propagazzjoni fil-beraħ, l-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li jistabbilixxu terminu li fih il-bidwi li jkun għamel użu minn materjal ta’ propagazzjoni miksub minn varjetà ta’ pjanta protetta għandu jissodisfa l-obbligu ta’ ħlas ta’ remunerazzjoni raġonevoli sabiex il-kultivazzjoni titqies li hija ‘awtorizzata’ fis-sens tal-Artikolu 94(1) flimkien mal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2100/94?”

Fuq id-domandi preliminari

19

Bid-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, f’liema terminu bidwi, li jkun għamel użu minn materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà tal-pjanti protetta miksub permezz tal-kultivazzjoni (żrieragħ tar-razzett), mingħajr ma jkun ikkonkluda għal dan il-għan kuntratt mad-detentur tad-drittijiet tal-varjetà tal-pjanti kkonċernata, huwa marbut li jissodisfa l-obbligu ta’ ħlas tar-remunerazzjoni raġonevoli dovuta, skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94 (iktar ’il quddiem ir-“remunerazzjoni raġonevoli derogatorja”), sabiex ikun jista’ jibbenefika mid-deroga, prevista fl-Artikolu 14, mill-obbligu li jikseb l-awtorizzazzjoni mingħand dan id-detentur.

20

B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2100/94, l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet Komunitarji ta’ varjetà ta’ pjanti hija meħtieġa, fir-rigward tal-kostitwenti tal-varjetajiet jew il-materjal ta’ ħsad tal-varjetà protetta, partikolarment għall-produzzjoni jew għar-riproduzzjoni (propagazzjoni). F’dan il-kuntest, l-Artikolu 14(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi deroga minn dan il-prinċipju sa fejn l-użu tal-prodott tal-ħsad miksub mill-bdiewa, fl-irziezet tagħhom stess, għal finijiet ta’ propagazzjoni fil-beraħ, ma jkunx suġġett għal awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet Komunitarji ta’ protezzjoni meta huma jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet speċifikament indikati fl-Artikolu 14(3) ta’ dan ir-regolament (ara s-sentenza Geistbeck, C‑509/10, EU:C:2012:416, punti 21 u 22).

21

Waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, stipulata fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94, hija l-ħlas ta’ remunerazzjoni raġonevoli derogatorja dovuta, fuq il-bażi ta’ dan l-użu, lid-detentur tad-drittijiet tal-varjazzjoni ta’ pjanti kkonċernata.

22

Il-bidwi li ma jħallasx lil dan id-detentur tali remunerazzjoni meta juża l-prodott tal-ħsad miksub mill-kultivazzjoni ta’ materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà protetta, ma jistax jinvoka l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2100/94 u, għaldaqstant, għandu jitqies li wettaq, mingħajr ma kien awtorizzat, wieħed mill-atti msemmija fl-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, jirriżulta mill-Artikolu 94 tal-istess regolament li dan il-bidwi jista’ jkun suġġett għal azzjoni, imressqa mill-imsemmi detentur, għat-twaqqif tal-ksur jew għall-ħlas ta’ remunerazzjoni raġonevoli jew għat-tnejn li huma. Jekk aġixxa b’mod intenzjonat jew b’negliġenza, il-bidwi huwa marbut ukoll li jikkumpensa d-dannu mġarrab mill-istess detentur (sentenza Schulin, C‑305/00, EU:C:2003:218, punt 71).

23

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, qabelxejn, dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-bidwi kkonċernat għandux iħallas ir-remunerazzjoni raġonevoli derogatorja qabel l-użu effettiv tal-prodott tal-ħsad għal finijiet ta’ propagazzjoni fil-beraħ.

24

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1768/95, li jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ ħlas tar-remunerazzjoni raġonevoli derogatorja, jipprovdi, fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, li, minkejja li d-detentur tad-drittijiet tal-varjetà ta’ pjanti kkonċernata jista’ jiddetermina d-data u l-modalitajiet tal-ħlas, dan il-ħlas ma huwiex madankollu eżiġibbli qabel id-data li fiha l-obbligu tal-ħlas ta’ din ir-remunerazzjoni raġonevoli jinħoloq. Konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, dan l-obbligu jinħoloq meta l-bidwi fil-fatt juża l-prodott tal-ħsad tal-varjetà protetta għal finijiet ta’ propagazzjoni fil-beraħ. Minn dan isegwi li dan il-bidwi jista’ xorta waħda jissodisfa dan l-obbligu wara ż-żriegħ tal-prodott tal-ħsad tal-varjetà protetta, peress li din id-data tal-użu effettiv ta’ dan il-prodott għal finijiet ta’ propagazzjoni fil-beraħ ma tikkostitwixxix it-tmiem tat-terminu li fih il-ħlas tar-remunerazzjoni raġonevoli derogattiva għandu jsir, iżda d-data li minnha din ir-remunerazzjoni ssir eżiġibbli.

25

Għalkemm din id-dispożizzjoni tippermetti li jiġi affermat li l-bidwi jista’ xorta jissodisfa l-obbligu ta’ ħlas tar-remunerazzjoni raġonevoli derogatorja wara li jkun fil-fatt żara’ l-prodott tal-ħsad tal-varjetà protetta, l-istess dispożizzjoni ma tindikax it-terminu li matulu l-bidwi għandu jħallas din ir-remunerazzjoni, meta ebda terminu ma jkun ġie stabbilit għalih, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1768/95, minn dan id-detentur.

26

F’dan ir-rigward, l-imsieħba Vogel u l-Gvern Spanjol isostnu, essenzjalment, li dan it-terminu jista’ jiddekorri b’mod indefinit. Dawn jibbażaw ruħhom speċifikament fuq l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1768/95, billi jirrilevaw f’dan ir-rigward li, għalkemm tirregola l-istabbiliment ta’ dan l-obbligu ta’ ħlas, din id-dispożizzjoni ma tipprevedi ebda terminu.

27

Tali interpretazzjoni ma tistax, madankollu, tiġi aċċettata.

28

Fil-fatt, fl-ewwel lok, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li bidwi, li jkun uża materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà ta’ pjanti protetta miksub permezz tal-kultivazzjoni (żrieragħ tar-razzett), jitħalla jissodisfa, mingħajr ebda limitu ta’ żmien, l-obbligu ta’ ħlas tar-remunerazzjoni raġonevoli derogatorja u, għaldaqstant, li jipprevalixxi ruħu b’mod indefinit mid-deroga prevista fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2100/94 iċaħħad lill-azzjonijiet ġudizzjarji previsti fl-Artikolu 94 ta’ dan ir-regolament mill-effett utli tagħhom. Barra minn hekk, bl-istabbiliment ta’ dawn l-azzjonijiet kontra kull persuna li ma tkunx issodisfat dan l-obbligu ta’ ħlas, l-Artikolu 94 jipprekludi li tali persuna tkun tista’ dejjem tirregolarizza s-sitwazzjoni tagħha, anki wara li d-detentur tad-drittijiet ta’ protezzjoni jiskopri użu bil-moħbi tal-varjetà ta’ pjanti protetta. Minn dan isegwi li hija biss l-eżistenza ta’ terminu għall-ħlas li tista’ tiżgura eżerċizzju effettiv ta’ dawn l-azzjonijiet.

29

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li d-detenturi tad-drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti huma unikament responsabbli għall-kontroll u s-sorveljanza tal-użu ta’ varjetajiet ta’ pjanti protetti fl-ambitu tal-kultivazzjoni awtorizzata, u huma għalhekk dipendenti fuq il-bona fide u l-kooperazzjoni tal-bdiewa kkonċernati (sentenza Geistbeck, C‑509/10, EU:C:2012:416, punt 42). Għalhekk, l-assenza ta’ terminu preċiżament speċifikat, li fih il-bdiewa jkunu marbuta li jissodisfaw l-obbligu ta’ ħlas tar-remunerazzjoni raġonevoli derogatorja, tista’ tinkoraġġixxi lill-bdiewa li jdewmu b’mod indefinit dan il-ħlas bil-tama li jaħarbu minnu. Issa, il-fatt li l-bdiewa jitħallew jonqsu milli josservaw l-obbligi tagħhom lejn id-detenturi jmur kontra l-għan stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1768/95 intiż li jżomm bilanċ raġonevoli bejn l-interessi leġittimi reċiproċi tal-bdiewa u tad-detenturi kkonċernati.

30

Fl-eżami ta’ jekk terminu ta’ ħlas huwiex fil-fatt previst mid-dispożizzjonijiet rilevanti, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1768/95 jirriżulta li s-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li matulha l-ħlas tar-remunerazzjoni jkun dovut tibda fl-1 ta’ Lulju u tispiċċa fit-30 ta’ Ġunju tas-sena kalendarja ta’ wara. Għalkemm din id-dispożizzjoni tikkonċerna d-determinazzjoni taż-żoni użati għall-kultivazzjoni ta’ speċi ta’ pjanti ta’ “bdiewa żgħar”, hija turi li s-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li matulha jkun ġie użat il-materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà ta’ pjanti protetta miksub permezz tal-kultivazzjoni (żrieragħ tar-razzett) ġiet ipperċepita mill-istituzzjoni li minnha joriġina dan ir-regolament, fid-determinazzjoni tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94, bħala t-terminu rilevanti li matulu għandha titħallas ir-remunerazzjoni raġonevoli derogatorja.

31

B’hekk, fin-nuqqas tal-ħlas tar-remunerazzjoni raġonevoli derogatorja f’terminu li jiskadi fit-tmiem tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li matulha jkun sar l-użu tal-materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà ta’ pjanti protetta miksub mill-kultivazzjoni, mingħajr ma jkun ikkonkluda għal dan l-għan kuntratt mad-detentur tad-drittijiet ta’ protezzjoni, bidwi għandu jitqies li wettaq, mingħajr ma kien awtorizzat, wieħed mill-atti previsti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2100/94, u dan jippermetti lid-detentur iressaq l-azzjonijiet previsti fl-Artikolu 94 ta’ dan ir-regolament.

32

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, hemm lok li għad-domandi li saru tingħata r-risposta li, sabiex ikun jista’ jibbenefika mid-deroga, prevista fl-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità [drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti], mill-obbligu li jikseb awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet Komunitarji tal-varjetà ta’ pjanti kkonċernata, bidwi, li jkun uża materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà ta’ pjanti protetta miksub permezz tal-kultivazzjoni (żrieragħ tar-razzett), mingħajr ma jkun ikkonkluda għal dan l-għan kuntratt ma’ dan id-detentur, huwa marbut iħallas ir-remunerazzjoni raġonevoli derogatorja f’terminu li jiskadi fi tmiem is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li matulha jkun sar dan l-użu, jiġifieri sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju wara d-data ta’ żriegħ mill-ġdid.

Fuq l-ispejjeż

33

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Sabiex jibbenefika mid-deroga, prevista fl-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità [drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti], mill-obbligu li jikseb awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet Komunitarji tal-varjetà ta’ pjanti kkonċernata, bidwi, li jkun uża materjal ta’ propagazzjoni ta’ varjetà ta’ pjanti protetta miksub permezz tal-kultivazzjoni (żrieragħ tar-razzett), mingħajr ma jkun ikkonkluda għal dan l-għan kuntratt ma’ dan id-detentur, huwa marbut iħallas ir-remunerazzjoni raġonevoli dovuta, skont ir-raba’ inċiż tal-imsemmi Artikolu 14(3), f’terminu li jiskadi fi tmiem is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li matulha jkun sar dan l-użu, jiġifieri sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju wara d-data ta’ żriegħ mill-ġdid.

 

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top