Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0234

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-14 ta’ Jannar 2016.
    «Ostas celtnieks» SIA vs Talsu novada pašvaldība u Iepirkumu uzraudzības birojs.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/18/KE – Kapaċità ekonomika u finanzjarja – Kapaċitajiet tekniċi u/jew professjonali – Artikoli 47(2) u 48(3) – Speċifikazzjonijiet li jinkludu l-obbligu għal offerent li jikkonkludi kuntratt ta’ partenarjat jew li joħloq soċjetà f’isem kollettiv mal-entitajiet li huwa jibbaża ruħu fuq il-kapaċitajiet tagħhom.
    Kawża C-234/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:6

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    14 ta’ Jannar 2016 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti pubbliċi — Direttiva 2004/18/KE — Kapaċità ekonomika u finanzjarja — Kapaċitajiet tekniċi u/jew professjonali — Artikoli 47(2) u 48(3) — Speċifikazzjonijiet li jinkludu l-obbligu għal offerent li jikkonkludi kuntratt ta’ partenarjat jew li joħloq soċjetà f’isem kollettiv mal‑entitajiet li huwa jibbaża ruħu fuq il-kapaċitajiet tagħhom”

    Fil-Kawża C‑234/14,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākā tiesa (qorti suprema, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ April 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Mejju 2014, fil-proċedura

    “Ostas celtnieks” SIA

    vs

    Talsu novada pašvaldība,

    Iepirkumu uzraudzības birojs,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, F. Biltgen, E. Levits, M. Berger u S. Rodin, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

    Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ April 2015,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal “Ostas celtnieks” SIA, minn J. Ešenvalds, avukat,

    għall-Gvern Latvjan, minn I. Kalniņš u L. Skolmeistare, bħala aġenti,

    għall-Gvern Grieg, minn K. Georgiadis u S. Lekkou, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Tokár u A. Sauka, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Ġunju 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, “Ostas celtnieks” SIA (iktar ’il quddiem “Ostas celtnieks”) u, min-naħa l-oħra, it-Talsu novada pašvaldība (awtorità lokali tad-dipartiment ta’ Talsi) u l-Iepirkumu uzraudzības birojs (uffiċċju ta’ sorveljanza tal-kuntratti pubbliċi) dwar ir-rekwiżiti previsti fl-ispeċifikazzjonijiet relatati ma’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessa 32 tad-Direttiva 2004/18 taqra kif ġej:

    “Sabiex tinkoraġġixxi l-involviment ta’ intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju fis-suq tal-kisbiet ta’ kuntratti pubbliċi, huwa rakkomandat li jiġu inklużi l-disposizzjonijiet għall-subkuntrattar.”

    4

    L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jiddetermina l-ammonti li ’l fuq minnhom japplikaw ir-regoli ta’ koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi li hija tistabbilixxi. F’dak li jirrigwarda l-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, l-Artikolu 7(c) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi l-limitu minimu għal EUR 5186000.

    5

    Skont l-Artikolu 44 tal-istess direttiva:

    “1.   Kuntratti għandhom jingħataw [...] wara li l-adattabilità [idoneità] ta’ operaturi ekonomiċi mhux e[s]klużi [...] ikun ġie mixtarr mill-awtoritajiet kontrattwanti [kontraenti] skond il-kriterji ta’ permessi ekonomiċi u finanzjarji [kapaċità ekonomika u finanzjarja], ta’ stabilità professjonali u teknika jew abilità [konoxxenzi jew kapaċitajiet professjonali u tekniċi] li sar riferiment għalihom fl-Artikoli 47 sa 52 [...]

    2.   L-awtoritajiet kontrattwanti jistgħu jeżiġu li kandidati u dawk li jixħtu l-offerta jilħqu l-livell minimu ta’ kapaċità skont l-Artikoli 47 u 48.

    Il-limitu ta’ l-informazzjoni li sar riferiment għalih fl-Artikoli 47 u 48 u l-livelli minimi ta’ abilità [kapaċità] meħtieġa għal kuntratt speċifiku għandu jkun relatat u proporzjonat mal-kontenut suġġettiv tal-kuntratt.

    [...]”

    6

    L-Artikolu 47 tad-Direttiva 2004/18, intitolat “Stabilità [Kapaċità] ekonomika u finanzjarja”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

    “Operatur ekonomiku jista’, fejn xieraq u għal xi kuntratt partikolari, joqgħod fuq il-ħiliet [kapaċitajiet] ta’ entitajiet oħrajn, bla rigward għan-natura legali tar-rabtiet li hu jkollu magħhom. Huwa għandu f’dak il-każ jipprova lill-awtorità kontrattwanti [kontraenti] li se jkollu għad-disposizzjoni tiegħu ir-riżorsi neċessarji, per eżempju, billi jipproduċi garanzija minn dawk l-entitajiet għal dak l-effett.”

    7

    L-Artikolu 48 tad-Direttiva 2004/18, intitolat “Abilità teknika [Kapaċitajiet tekniċi] u/jew professjonali”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

    “Operatur ekonomiku jista’, fejn xieraq u għal xi kuntratt partikolari, joqgħod fuq il-ħiliet [kapaċitajiet] ta’ entitajiet oħrajn, bla rigward għan-natura legali tar-rabtiet li hu jkollu magħhom. Hu għandu f’dak il-każ jipprova lill-awtorità kontrattwanti [kontraenti] li se jkollu għad-disposizzjoni tiegħu r-riżorsi meħtieġa għat-twettiq tal-kuntratt, per eżempju, billi jipproduċi garanzija mingħand dawk l-entitajiet li jpoġġi r-riżorsi meħtieġa għad-disposizzjoni ta’ l-operatur ekonomiku.”

    Id-dritt Latvjan

    8

    Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-Artikoli 41(3) (“Kapaċità ekonomika u finanzjarja”) u 42(3) (“Kapaċitajiet tekniċi u/jew professjonali”) tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi (Publisko iepirkumu likums, Latvijas Vēstnesis, 2006, Nru 65), li tittrasponi d-Direttiva 2004/18 fid-dritt Latvjan, jipprovdu li l-offerent jista’, jekk dan ikun meħtieġ għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt partikolari, jibbaża ruħu fuq il-kapaċitajiet ta’ imprendituri oħra, irrispettivament min-natura ġuridika tar-rabtiet bejniethom. F’dan il-każ, l-offerent għandu jipprova lill-awtorità kontraenti li ser ikollu r-riżorsi neċessarji sabiex jeżegwixxi l-kuntratt, billi jipproduċi konfermi jew ftehimiet ta’ dawn l-imprendituri.

    9

    Ir-regoli bażiċi ta’ ftehim ta’ partenarjat huma stabbiliti fil-Kapitolu 16 tal-kodiċi ċivili Latvjan, filwaqt li l-kundizzjonijiet imposti fuq l-operaturi ekonomiċi għall-ħolqien u għall-operat ta’ soċjetà f’isem kollettiv jinsabu fit-Titolu IX tal-kodiċi kummerċjali.

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    10

    Kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fix-xahar ta’ Novembru 2011, l-awtorità lokali tad-dipartiment ta’ Talsi nediet proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet dwar it-titjib tal-infrastruttura tat-toroq bil-għan li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-belt ta’ Talsi (iktar ’il quddiem il-“kuntratt inkwistjoni”).

    11

    Il-punt 9.5 tal-ispeċifikazzjonijiet relatati ma’ din il-proċedura kien jipprovdi:

    “[...] fil-każ fejn offerent jibbaża ruħu fuq il-kapaċitajiet ta’ imprendituri oħra, huwa għandu jsemmi lil dawn l-imprendituri kollha u jipprova li ser ikollu r-riżorsi neċessarji. Jekk jiġi deċiż li jiġi konkluż kuntratt ma’ dan l-offerent, dan tal-aħħar għandu, qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt, jikkonkludi ftehim ta’ partenarjat ma’ dawn l-imprendituri u jikkomunika dan il-ftehim lill-awtorità kontraenti. [Dan il-ftehim] għandu jinkludi:

    1)

    klawżola li skontha kull wieħed b’mod separat u kollha in solidum ikun (ikunu) responsabbli mill-eżekuzzjoni tal-kuntratt;

    2)

    [in-nomina tal-]operatur ekonomiku ewlieni, li se jkollu s-setgħat kollha biex jiffirma l-kuntratt u li se jmexxi l-eżekuzzjoni tiegħu;

    3)

    id-deskrizzjoni tal-parti tax-xogħol li għandha titwettaq minn kull parteċipant;

    4)

    il-volum, espress f’perċentwali, tax-xogħol li għandu jitwettaq minn kull parteċipant.

    Il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ partenarjat tista’ tiġi ssostitwita bil-ħolqien ta’ soċjetà f’isem kollettiv.”

    12

    Ostas celtnieks ikkontestat il-validità, b’mod partikolari, ta’ dan il-punt 9.5 tal-ispeċifikazzjonijiet quddiem l-uffiċċju ta’ sorveljanza tal-kuntratti pubbliċi. Madankollu, b’deċiżjoni tat-13 ta’ Frar 2012, dan tal-aħħar ċaħad l-argumenti mqajma minn Ostas celtnieks insostenn tal-ilment tagħha billi kkunsidra li, skont l-imsemmi punt, l-awtorità kontraenti kienet speċifikat leġittimament il‑modalitajiet li skonthom l-offerent kien obbligat jipprova li huwa kellu r-riżorsi neċessarji sabiex jeżegwixxi l-kuntratt inkwistjoni b’mod xieraq.

    13

    Ostas celtnieks ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-administratīvā rajona tiesa (qorti amministrattiva tad-distrett) li, b’deċiżjoni tas-7 ta’ Mejju 2013, laqgħet dan ir-rikors. Fid-deċiżjoni tagħha, dik il-qorti rrilevat b’mod partikolari li, f’dak li jirrigwarda l-punt 9.5 tal-ispeċifikazzjonijiet, la mil-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi u lanqas mid-Direttiva 2004/18 ma kien jirriżulta li l-awtorità kontraenti tista’ timponi fuq offerent l-obbligu li jipproduċi garanzija li jikkonkludi ftehim ta’ partenarjat mal-entitajiet l-oħra li huwa jibbaża ruħu fuq il-kapaċitajiet tagħhom sabiex jeżegwixxu l-kuntratt inkwistjoni u teżiġi li dan l-offerent jikkonkludi tali ftehim jew li joħloq soċjetà f’isem kollettiv ma’ dawn l-entitajiet.

    14

    L-awtorità lokali tad-dipartiment ta’ Talsi u l-uffiċċju ta’ sorveljanza tal-kuntratti pubbliċi ppreżentaw appelli ta’ kassazzjoni minn din id-deċiżjoni quddiem l-Augstākā tiesa (qorti suprema). Insostenn tal-appelli tagħhom, dawn l-awtoritajiet jargumentaw, b’mod partikolari, li r-rekwiżiti previsti fil-punt 9.5 tal-ispeċifikazzjonijiet huma ġġustifikati mill-ħtieġa li jitnaqqas ir-riskju ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni.

    15

    Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra, essenzjalment, li, għall-finijiet tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku, l-awtorità kontraenti għandha tkun tista’ tivverifika l-kapaċità tal-offerent li jeżegwixxi l-kuntratt inkwistjoni. Madankollu hija tistaqsi jekk, għal dan il-għan, id-Direttiva 2004/18 tawtorizzax lill-awtorità kontraenti timponi fuq l-offerenti li jikkonkludu ftehim ta’ partenarjat jew kuntratt ta’ soċjetà mal-imprendituri l-oħra li huma jibbażaw ruħhom fuq il-kapaċitajiet tagħhom insostenn tal-kandidatura tagħhom stess, jew jekk dawn l-offerenti humiex liberi li jagħżlu b’liema mod ser jgħaqqdu l-parteċipazzjoni ta’ dawn l-imprendituri l-oħra mal-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

    16

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākā tiesa (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt, huma jippermettu li tiddaħħal regola fl-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti li tipprevedi li, fil-każ li l-kuntratt jingħata lil offerent li jibbaża ruħu fuq il-kapaċitajiet ta’ imprendituri oħra, dan l-offerent huwa obbligat, qabel l-għoti tal-imsemmi kuntratt, jikkonkludi ma’ dawn l-imprendituri ftehim ta’ partenarjat (li jinkludi l-punti indikati fl-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti) jew joħloq magħhom soċjetà f’isem kollettiv?”

    Fuq id-domanda preliminari

    Osservazzjonijiet preliminari

    17

    Għandu jiġi rrilevat qabelxejn li, filwaqt li wieħed jitlaq mill-ipoteżi li d-Direttiva 2004/18 hija applikabbli fil-kuntest tal-kawża prinċipali, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda element li jippermetti li jiġi vverifikat jekk il-valur tal-kuntratt inkwistjoni jilħaqx il-limitu minimu ta’ applikazzjoni rilevanti stabbilit fl-Artikolu 7(c) tal-imsemmija direttiva.

    18

    Bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Gvern Latvjan madankollu speċifika li l-kuntratt inkwistjoni kien kuntratt għal xogħlijiet ta’ valur ta’ madwar EUR 3 miljun, jiġifieri ammont iktar baxx mill-imsemmi limitu minimu ta’ applikazzjoni.

    19

    Barra minn hekk, skont dan il-gvern, id-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi huma applikabbli wkoll għall-kuntratti għal xogħlijiet, bħall-kuntratt inkwistjoni, li jkunu ta’ ammont iktar baxx mil-limitu minimu stabbilit mid-Direttiva 2004/18.

    20

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ att tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar hija ġġustifikata meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu saru applikabbli għal tali sitwazzjonijiet permezz tad-dritt nazzjonali b’mod dirett u inkundizzjonat, bil-għan li jiġi żgurat trattament identiku għal dawn is-sitwazzjonijiet u għal dawk li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi att (sentenza Generali-Providencia Biztosító, C‑470/13, EU:C:2014:2469, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    21

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, suġġett għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju u bil-għan li tingħatalha risposta utli għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, hemm lok li d-domanda preliminari tiġi eżaminata.

    Fuq id-domanda preliminari

    22

    Permezz tad-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 47(2) u 48(3) tad-Direttiva 2004/18 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li awtorità kontraenti, fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, tista’ timponi fuq offerent li jibbaża ruħu fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra l-obbligu, qabel l-għoti tal-imsemmi kuntratt, li jikkonkludi ftehim ta’ partenarjat ma’ dawn l-entitajiet jew li joħloq soċjetà f’isem kollettiv ma’ dawn tal-aħħar.

    23

    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikoli 47(2) u 48(3) tad-Direttiva 2004/18 jagħtu d-dritt lil kull operatur ekonomiku li jibbaża ruħu, għal kuntratt partikolari, fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, “bla rigward għan-natura legali tar-rabtiet li hu jkollu magħhom”, bil-kundizzjoni li tingħata prova lill-awtorità kontraenti li l-offerent ser ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu r-riżorsi ta’ dawn l-entitajiet li huma neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Swm Costruzioni 2 u Mannocchi Luigino, C‑94/12, EU:C:2013:646, punti 2933).

    24

    Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, tali interpretazzjoni hija konformi mal-għan, li d-direttivi f’dan il-qasam ifittxu li jilħqu, li l-kuntratti pubbliċi jkunu miftuħa għall-iktar kompetizzjoni wiesgħa possibbli għall-benefiċċju mhux biss tal-operaturi ekonomiċi, iżda wkoll tal-awtoritajiet kontraenti. Barra minn hekk, tali interpretazzjoni hija wkoll ta’ natura li tiffaċilita l-aċċess ta’ impriżi żgħar u medji għall-kuntratti pubbliċi, għan li d-Direttiva 2004/18 wkoll tfittex li tilħaq, kif imsemmi fil-premessa 32 tagħha (sentenza Swm Costruzioni 2 u Mannocchi Luigino, C‑94/12, EU:C:2013:646, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    25

    Issa meta, sabiex tagħti prova tal-kapaċitajiet finanzjarji u ekonomiċi kif ukoll tekniċi u/jew professjonali tagħha bil-għan li tiġi ammessa sabiex tipparteċipa fi proċedura ta’ sejħa għal offerti, kumpannija tibbaża ruħha fuq il-kapaċitajiet ta’ organi jew ta’ impriżi li magħhom hija marbuta direttament jew indirettament, tkun xi tkun in-natura ġuridika ta’ dawn ir-rabtiet, hija għandha tipproduċi l-prova li hija “effettivament” għandha għad-dispożizzjoni tagħha r-riżorsi ta’ dawn l-organi jew impriżi li ma jappartjenux lilha personalment u li huma neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Holst Italia, C‑176/98, EU:C:1999:593, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    26

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 44(1) tad-Direttiva 2004/18, hija l-awtorità kontraenti li għandha twettaq il-verifika tal-idoneità tal-offerent sabiex jeżegwixxi kuntratt partikolari. Din il-verifika għandha l-għan, b’mod partikolari, li tagħti lill-awtorità kontraenti l-garanzija li l-offerent effettivament ser ikun jista’ juża r-riżorsi ta’ kwalunkwe natura li fuqhom huwa jibbaża ruħu matul il-perijodu kopert mill-kuntratt (ara, b’analoġija, is-sentenza Holst Italia, C‑176/98, EU:C:1999:593, punt 28).

    27

    Fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, l-Artikoli 47(2) u 48(3) tad-Direttiva 2004/18 la jippermettu li jiġi preżunt li tali offerent għandu jew ma għandux għad-dispożizzjoni tiegħu r-riżorsi neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt u lanqas, inqas u inqas, li jiġu esklużi a priori ċerti modalitajiet ta’ prova (ara, b’analoġija, is-sentenza Holst Italia, C‑176/98, EU:C:1999:593, punt 30).

    28

    Minn dan jirriżulta li l-offerent huwa liberu li jagħżel, minn naħa, in-natura ġuridika tar-rabtiet li huwa għandu l-intenzjoni li jistabbilixxi mal-entità li huwa jibbaża ruħu fuq il-kapaċitajiet tagħha għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt partikolari u, min-naħa l-oħra, il-modalità ta’ prova tal-eżistenza ta’ dawn ir-rabtiet.

    29

    Barra minn hekk, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikoli 47(2) u 48(3) tad-Direttiva 2004/18 jipprovdu espressament li huwa biss bħala eżempju li l-produzzjoni ta’ garanzija minn entitajiet oħra li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-offerent ir-riżorsi neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt tikkostitwixxi prova aċċettabbli tal-fatt li huwa effettivament ser ikollu dawn ir-riżorsi għad-dispożizzjoni tiegħu. Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet bl-ebda mod ma jeskludu li l-offerent jipprova mod ieħor l-eżistenza tar-rabtiet li jgħaqqduh mal-entitajiet l-oħra li huwa jibbaża ruħu fuq il-kapaċitajiet tagħhom għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tajba tal-kuntratt li għalih huwa jissottometti l-offerta.

    30

    F’dan il-każ, l-awtorità lokali tad-dipartiment ta’ Talsi, bħala awtorità kontraenti, qiegħda timponi fuq offerent, jiġifieri Ostas celtnieks, li jibbaża ruħu fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni, li jistabbilixxi ma’ dawn l-entitajiet rabtiet ta’ natura ġuridika speċifika, b’mod li huma biss dawn ir-rabtiet partikolari li, f’għajnejn l-awtorità kontraenti, jistgħu jipprovaw li l-offerent rebbieħ għandu r-riżorsi neċessarji għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex iwettaq sewwa l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.

    31

    Fil-fatt, skont il-punt 9.5 tal-ispeċifikazzjonijiet, l-awtorità kontraenti teżiġi li l-offerent, qabel l-għoti tal-kuntratt pubbliku, jikkonkludi ftehim ta’ partenarjat ma’ dawn l-entitajiet jew joħloq soċjetà f’isem kollettiv ma’ dawn tal-aħħar.

    32

    Għaldaqstant, il-punt 9.5 tal-ispeċifikazzjonijiet jipprevedi biss żewġ modalitajiet li jippermettu lill-offerent jipprova li huwa għandu r-riżorsi neċessarji għad-dispożizzjoni tiegħu għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe modalità oħra ta’ prova tar-rabtiet ġuridiċi eżistenti bejn dan l-offerent u l-entitajiet li huwa jibbaża ruħu fuq il-kapaċitajiet tagħhom.

    33

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, regola bħal dik stabbilita fil-punt 9.5 tal-ispeċifikazzjonijiet twassal manifestament sabiex iċċaħħad id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 47(2) u 48(3) tad-Direttiva 2004/18 minn kull effettività.

    34

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 47(2) u 48(3) tad-Direttiva 2004/18 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li awtorità kontraenti, fil-kuntest tal-ispeċifikazzjonijiet relatati ma’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, tista’ timponi fuq offerent li jibbaża ruħu fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra l-obbligu, qabel l-għoti tal-kuntratt, li jikkonkludi ftehim ta’ partenarjat ma’ dawn l-entitajiet jew li joħloq soċjetà f’isem kollettiv ma’ dawn tal-aħħar.

    Fuq l-ispejjeż

    35

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikoli 47(2) u 48(3) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li awtorità kontraenti, fil-kuntest tal-ispeċifikazzjonijiet relatati ma’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, tista’ timponi fuq offerent li jibbaża ruħu fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra l-obbligu, qabel l-għoti tal-imsemmi kuntratt, li jikkonkludi ftehim ta’ partenarjat ma’ dawn l-entitajiet jew li joħloq soċjetà f’isem kollettiv ma’ dawn tal-aħħar.

     

    Firem


    ( *1 )   Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.

    Top