EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0198

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-12 ta’ Novembru 2015.
Valev Visnapuu vs Kihlakunnansyyttäjä (Helsinki) u Suomen valtio - Tullihallitus.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Helsingin hovioikeus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 34 TFUE u 110 TFUE – Direttiva 94/62/KE – Artikoli 1(1), 7 u 15 – Bejgħ mill-bogħod u trasport ta’ xorb alkoħoliku minn Stat Membru ieħor – Dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb – Eżenzjoni fil-każ li l-imballaġġ jagħmel parti minn sistema ta’ depożitu u ta’ restituzzjoni – Artikoli 34 TFUE, 36 TFUE u 37 TFUE – Rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku – Monopolju ta’ bejgħ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku – Ġustifikazzjoni – Protezzjoni tas-saħħa.
Kawża C-198/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:751

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

12 ta’ Novembru 2015 ( * )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikoli 34 TFUE u 110 TFUE — Direttiva 94/62/KE — Artikoli 1(1), 7 u 15 — Bejgħ mill-bogħod u trasport ta’ xorb alkoħoliku minn Stat Membru ieħor — Dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb — Eżenzjoni fil-każ li l-imballaġġ jagħmel parti minn sistema ta’ depożitu u ta’ restituzzjoni — Artikoli 34 TFUE, 36 TFUE u 37 TFUE — Rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku — Monopolju ta’ bejgħ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku — Ġustifikazzjoni — Protezzjoni tas-saħħa”

Fil-Kawża C‑198/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Helsingin hovioikeus (qorti tal-appell ta’ Helsinki, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ April 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ April 2014, fil-proċedura

Valev Visnapuu

vs

Kihlakunnansyyttäjä,

Suomen valtio - Tullihallitus,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, D. Šváby, A. Rosas, E. Juhász u C. Vajda (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ April 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal V. Visnapuu, minn P. Snell, oikeustieteen kandidaatti,

għall-Gvern Finlandiż, minn S. Hartikainen, bħala aġent,

għall-Gvern Svediż, minn A. Falk u U. Persson, bħala aġenti,

għall-Gvern Norveġiż, minn T. Skjeie u K. Nordland Hansen, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wilms, E. Sanfrutos Cano u I. Koskinen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Lulju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 34 TFUE, 36 TFUE, 37 TFUE u 110 TFUE kif ukoll l-Artikoli 1(1), 7 u 15 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE, tal-20 ta’ Diċembru 1994, dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 13, p. 349).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn V. Visnapuu, li qed jaġixxi f’isem il-kumpannija Estonjana European Investment Group Oü (iktar ’il quddiem “EIG”), u l-Kihlakunnansyyttäjä (prosekutur tad-distrett) dwar il-bejgħ mill-bogħod u t-trasport ta’ xorb alkoħoliku lil konsumaturi Finlandiżi bi ksur ta’ leġiżlazzjonijiet Finlandiżi dwar, b’mod partikolari, id-dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb u l-bejgħ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/62, din hija intiża sabiex tarmonizza l-miżuri nazzjonali dwar l-immaniġġjar tal-imballaġġ u tal-iskart mill-imballaġġ, minn naħa, bil-għan tal-prevenzjoni u tat-tnaqqis tal-effett tagħhom fuq l-ambjent tal-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi u bil-għan li jiġi żgurat għaldaqstant livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u, min-naħa l-oħra, bil-għan li jiġi ggarantit il-funzjonament tas-suq intern u bil-għan tal-prevenzjoni ta’ ostakoli għall-kummerċ kif ukoll ta’ distorzjonijiet u ta’ restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-Unjoni Ewropea.

4

L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li din tapplika fir-rigward tal-imballaġġ kollu mqiegħed fis-suq fl-Unjoni u fir-rigward tal-iskart kollu mill-imballaġġ, li huwa użat jew maħruġ fuq il-livell tal-industrija, tal-kummerċ, tal-uffiċini, tal-ħwienet, ta’ xi servizzi, domestiku jew fuq xi livell ieħor, ikun xi jkun il-materjal li minnu dan huwa magħmul.

5

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/62 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “imballaġġ”. L-ewwel subparagrafu ta’ dan l-artikolu jippreċiża b’mod partikolari li, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, “imballaġġ” iffisser il-prodotti kollha magħmula minn kull tip ta’ materjal intiżi għaż-żamma, għall-protezzjoni, għall-immaniġġjar, għat-twassil u għall-preżentazzjoni tal-merkanzija, minn materja prima sa prodotti pproċessati, mill-produttur sal-utent jew sal-konsumatur.

6

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 94/62 intitolat “Is-sistemi tar-ritorn [restituzzjoni], tal-ġbir u ta’ l-irkupru” jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu stabbiliti sistemi biex jipprovdu:

a)

għar-ritorn [restituzzjoni] u/jew għall-ġbir ta’ l-imballaġġ użat u/jew l-iskart mill-imballaġġ mingħand il-konsumatur, utent finali ieħor, jew mill-gabra finali ta’ l-iskart sabiex jiġi mgħoddi lis-sistemi alternattivi ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart l-aktar addattati;

b)

għall-użu mill-ġdid jew għall-irkupru inkluż ir-riċiklaġġ ta’ l-imballaġġ u/jew l-iskart mill-imballaġġ miġbur, sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti b’din id-Direttiva.

Dawn is-sistemi għandhom ikunu miftuħa għall-parteċipazzjoni ta’ l-operaturi ekonomiċ tas-setturi interessati u għall-parteċipazzjoni ta’ l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti. Għandhom jgħoddu wkoll għall-prodotti importati, taħt kondizzjonijiet mhux diskriminatorji, inklużi l-arranġamenti dettaljati u kull tariffa imposta għall-aċċess għas-sistemi, u għandhom jiġu ddisinjati sabiex jevitaw xkiel għall-kummerċ jew distorsjoni tal-kompetizzjoni f’konformità mat-Trattat [FUE].

2.   Il-miżuri riferiti fil-paragrafu 1 għandhom jiffurmaw parti mill-politika li tkopri l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ kollu u għandhom iqisu, b’mod partikolari, il-ħtiġiet tal-protezzjoni tas-saħħa ambjentali u tal-konsumatur, tas-sigurtà u ta’ l-iġjene; il-protezzjoni tal-kwalità, ta’ l-awtentiċità u l-karatteristiċi tekniċi tal-merkanzija imballata u tal-materjali użati; u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali u kummerċjali.”

7

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 94/62 intitolat “L-istrumenti ekonomiċi”, jipprovdi kif ġej:

“Waqt li jaġixxi fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat, il-Kunsill jadotta strumenti ekonomiċi biex imexxi ’l quddiem l-implimentazzjoni ta’ l-għanijiet stabbiliti b’din id-Direttiva. Fin-nuqqas ta’ miżuri bħal dawn, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri biex jimplimentaw dawn l-għanijiet, skond il-prinċipji li jirregolaw il-politika ambjentali tal-Komunità, fost ħwejjeġ oħra, il-prinċipju li min iniġġeż iħallas, u l-obbligazzjonijiet taħt it-Trattat.”

Id-dritt Finlandiż

Il-liġi dwar id-dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb

8

Skont l-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 1037/2004 dwar id-dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb (eraïden juomapakkausten valmisteverosta annettu laki, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar id-dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb”), id-dazju tas-sisa jammonta għal EUR 51 ċenteżmu għal kull litru ta’ prodott imballat.

9

Skont l-Artikolu 4 ta’ din il-liġi, l-issuġġettar għad-dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb huwa rregolat, b’mod partikolari, mil-Liġi Nru 1469/1994 dwar id-dażju tas-sisa (valmisteverotuslaki, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar id-dazju tas-sisa”).

10

L-Artikolu 6 tal-liġi dwar id-dażju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb jeżenta b’mod partikolari l-imballaġġ ta’ xorb li jagħmel parti minn sistema ta’ restituzzjoni operazzjonali. “Sistema ta’ restituzzjoni operazzjonali” tfisser sistema ta’ depożitu li fil-kuntest tagħha l-persuna li timballa jew l-importatur tax-xorb, li jaġixxu waħedhom jew bil-mod kif indikat fil-Liġi Nru 1072/1993 dwar l-iskart [jätelaki, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar l-iskart”) jew fid-dispożizzjonijiet korrispondenti applikabbli fil-provinċja ta’ Ahvenanmaa (il-Finlandja), jiżguraw l-użu mill-ġdid jew ir-riċiklaġġ tal-imballaġġ ta’ xorb b’mod li jiġi żgurat li l-imballaġġ inkwistjoni jimtela mill-ġdid jew jiġi rriċiklat.

Il-liġi dwar id-dazju tas-sisa

11

Skont l-Artikolu 2(1) tal-liġi dwar id-dazju tas-sisa fis-seħħ fid-data tal-fatti, din il-liġi kienet tirregola, ħlief għal dispożizzjoni kuntrarja, il-ġbir tad-dazju tas-sisa b’mod partikolari fuq l-alkoħol u fuq ix-xorb alkoħoliku.

12

Mill-Artikolu 3(1) tal-liġi dwar id-dazju tas-sisa jirriżulta li l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa huma dawk imsemmija fl-Artikolu 2 ta’ din il-liġi li huma mmanifatturati fil-Finlandja jew importati fil-Finlandja minn Stat Membru ieħor kif ukoll il-prodotti importati minn Stat terz.

13

L-Artikolu 10(1) tal-liġi dwar id-dazju tas-sisa jipprovdi li, jekk ebda rappreżentant fiskali ma jkun ġie indikat fil-kuntest ta’ bejgħ mill-bogħod, il‑bejjiegħ huwa obbligat iħallas id-dazju tas-sisa għall-prodotti riċevuti fil-Finlandja. Meta individwu jkollu rikors għal mezz ieħor għajr għall-bejgħ mill-bogħod sabiex jikseb prodotti fi Stat Membru ieħor u meta dawn il-prodotti huma ttrasportati fil-Finlandja minn individwu ieħor jew minn professjonist, id-dazju tas-sisa huwa dovut mill-individwu, mill-persuna li tipparteċipa fit-trasport jew minn dik li għandha l-prodotti fil-Finlandja. L-Artikolu 10(5) jipprovdi li, fil-każijiet l-oħra barra dawk invokati f’dan l-artikolu, id-dazju tas-sisa huwa dovut minn kull persuna li, għal finijiet kummerċjali jew oħrajn, tirċievi jew iżżomm prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u kienet taf jew kien imissha raġonevolment kienet taf, fid-data li fihom hija rċeviethom jew akkwistathom, li dawn il-prodotti ma kinux ġew intaxxati b’mod korrett fil-Finlandja.

14

L-Artikolu 7(6) tal-liġi dwar id-dazju tas-sisa jiddefinixxi l-bejgħ mill-bogħod bħala bejgħ li fil-kuntest tiegħu persuna li ma hijiex persuna li tieħu ħsieb maħżen jew operatur irreġistrat jew mhux irreġistrat tixtri fi Stat Membru ieħor prodotti suġġetti għad-dazju, li l-bejjiegħ mill-bogħod jew persuna li taġixxi f’ismu tibgħat jew tittrasporta direttament minn Stat Membru ieħor. L-Artikolu 7(6)(a) jiddefinixxi l-bejjiegħ mill-bogħod bħala bejjiegħ li jbigħ prodotti fil-Finlandja skont l-Artikolu 7(6).

15

L-Artikolu 9 tal-liġi dwar id-dazju tas-sisa jipprovdi b’mod partikolari li, qabel l-esportazzjoni ta’ prodotti fil-Finlandja minn Stat Membru ieħor, kull operatur ekonomiku mhux irreġistrat u kull persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa skont l-Artikolu 10(4) ta’ din il-liġi kif ukoll kull bejjiegħ mill-bogħod li ma għandux rappreżentant fiskali fil-Finlandja għandu jiddikjara l-prodotti inkwistjoni mal-amministrazzjoni doganali msemmija fl-Artikolu 25 ta’ din il-liġi u għandu jikkostitwixxi garanzija għall-ħlas tad-dazju tas-sisa impost fuq il-prodotti inkwistjoni.

16

Skont l-Artikolu 18(1) tal-liġi dwar id-dazju tas-sisa, il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa fi Stat Membru ieħor, ittrasportati fil-Finlandja minn Stat Membru ieħor minn individwu, huma eżenti mid-dazju tas-sisa bil-kundizzjoni li dawn ikunu intiżi għall-użu personali ta’ dan l-individwu.

Il-liġi dwar l-iskart

17

Fid-data tal-fatti rilevanti, l-istabbiliment ta’ sistema ta’ restituzzjoni operazzjonali relatata mal-imballaġġ ta’ xorb u l-affiljazzjoni ma’ din is-sistema kienu rregolati mil-liġi dwar l-iskart. Skont l-Artikolu 18g(1) ta’ din il-liġi, produttur, pereżempju persuna li timballa jew importatur, jista’ jwettaq l-obbligi tiegħu billi jikkollabora ma’ produtturi u operaturi oħra, billi jistabbilixxi assoċjazzjoni jew fondazzjoni b’kapaċità ġuridika bħal grupp ta’ produtturi, billi jaffilja ruħu ma’ tali assoċjazzjoni jew billi jidħol fi ftehim magħha.

18

L-Artikolu 18g(2) tal-liġi dwar l-iskart jipprovdi li l-obbligi fi ħdan grupp ta’ produtturi jitqassmu b’mod ekwu bejn il-produtturi u operaturi oħra eventwali, b’kunsiderazzjoni għan-natura u għall-portata tal-attivitajiet, u b’mod li ma jiġix ostakolat il-kummerċ jew li ma jkunx hemm distorzjoni tal-kompetizzjoni. Il-grupp ta’ produtturi għandu jaċċetta bħala soċju, membru jew kontraenti, taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-produtturi li diġà ġew integrati fil-grupp, kull produttur ġdid li fir-rigward tiegħu, minħabba l-produzzjoni żgħira tiegħu jew għal xi raġuni oħra, ikun ekonomikament irraġonevoli li waħdu jiżgura l-użu mill-ġdid, l-irkupru u kull forma oħra ta’ mmaniġġjar tal-iskart.

Il-liġi dwar l-alkoħol

19

L-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 1143/1994 dwar l-alkoħol (alkoholilaki, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar l-alkoħol”) jistabbilixxi li l-għan ta’ din il-liġi huwa l-prevenzjoni tal-effetti negattivi tas-sustanzi alkoħoliċi fuq is-soċjetà, fuq il-ħajja soċjali u fuq is-saħħa billi jiġi kkontrollat il-konsum tal-alkoħol.

20

Skont l-Artikolu 8 tal-liġi dwar l-alkoħol, huwa permess li jiġi importat mingħajr awtorizzazzjoni partikolari xorb alkoħoliku intiż għall-konsum personali jew għal finijiet kummerċjali jew professjonali, filwaqt li s-sistema tal-importazzjoni għal finijiet ta’ konsum personali hija elaborata fl-Artikolu 10. L-Artikolu 8 ta’ din il-liġi jippreċiża wkoll li min juża xorb alkoħoliku għal finijiet kummerċjali jew professjonali għandu bżonn, għall-attività tiegħu, l-awtorizzazzjoni speċjali għall-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku prevista minn din il-liġi.

21

F’dak li jirrigwarda l-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku għal finijiet ta’ konsum personali, li ma hijiex suġġetta għar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li f’diversi linji gwida u komunikazzjonijiet, l-awtoritajiet Finlandiżi ppreċiżaw li, meta individwu jordna tali xorb minn barra l-pajjiż, il-proprjetà fuq dan ix-xorb għandha inkontestabbilment tkun ġiet ittrasferita lilu qabel l-importazzjoni ta’ dan ix-xorb. F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li l-awtur tal-ordni jittrasporta x-xorb alkoħoliku huwa stess jew jafda t-trasport tiegħu lil terz li ma huwiex il-bejjiegħ.

22

L-Artikolu 13(1) tal-Liġi dwar l-alkoħol jipprovdi li, bl-esklużjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 14 ta’ din il-liġi, il-kumpannija Statali ta’ bejgħ tal-alkoħol, Alko Oy (iktar ’il quddiem “Alko”), għandha l-monopolju tal-bejgħ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku.

23

Skont l-Artikolu 13(2) tal-liġi dwar l-alkoħol, Alko għandha d-dritt tbigħ bl-imnut ix-xorb alkoħoliku msemmi fl-Artikolu 13(1) biss f’ħanut tax-xorb alkoħoliku awtorizzat mill-awtoritajiet, li l-lokazzjoni tiegħu hija adatta u li jippermetti li ssir sorveljanza effettiva.

24

Skont l-Artikolu 13(3) tal-liġi dwar l-alkoħol, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(2), Alko tista’ tbigħ bl-imnut xorb alkoħoliku billi tibagħtu lill-klijent jew lix-xerrej skont id-dispożizzjonjiet stabbiliti permezz ta’ digriet.

25

Madankollu l-Artikolu 14 tal-liġi dwar l-alkoħol jistabbilixxi żewġ derogi mill-monopolju li Alko għandha fir-rigward tal-bejgħ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku.

26

L-Artikolu 14(1) tal-liġi dwar l-alkoħol jipprovdi li x-xorb alkoħoliku miksub minn fermentazzjoni u li fih sa massimu ta’ 4.7 % f’volum ta’ alkoħol etiliku jista’ jinbiegħ bl-imnut mhux minn Alko biss, iżda wkoll minn kull persuna li tkun kisbet awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut mill-awtorità kompetenti.

27

Skont l-Artikolu 14(2) il-kummerċ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku miksub minn fermentazzjoni u li ma jaqbiżx it-13 % f’volum ta’ alkoħol etiliku jista’ jiġi eżerċitat minn Alko, iżda wkoll minn kull persuna li l-awtorità kompetenti tkun tatha l-permess tipproduċi l-prodott inkwistjoni, skont kundizzjonijiet stabbiliti mill-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali u s-Saħħa.

28

L-Artikolu 14(3) jipprovdi li awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku tista’ tingħata lil kull persuna meqjusa li tissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji u li għandha l-affidabbiltà meħtieġa.

29

L-Artikolu 14(4) tal-liġi dwar l-alkoħol jippreċiża li l-bejgħ bl-imnut imsemmi fl-Artikolu 14(1) u (2) jista’ jsir biss f’punt ta’ bejgħ awtorizzat mill-awtoritajiet li jissodisfa l-kundizzjonijiet relatati mal-lokazzjoni u maż-żona ta’ bejgħ kif ukoll mal-funzjonament u ma’ fejn il-bejgħ huwa organizzat b’tali mod li tkun tista’ tibqa’ ssir sorveljanza effettiva.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

30

EIG, li s-sede tagħha jinstab fl-Estonja u li hija kkontrollata minn V. Visnapuu amministrat is-site internet www.alkotaxi.eu, li permezz tiegħu residenti Finlandiżi setgħu jixtru diversi marki ta’ xorb alkoħoliku b’livell baxx jew għoli ta’ alkoħol. Wara l-ħlas tal-prodotti mixtrija, EIG kienet tiżgura, fir-rigward ta’ parti mill-klijenti tagħha, il-kunsinna fir-residenzi mill-Estonja lejn il-Finlandja.

31

EIG ma għamlet ebda dikjarazzjoni mal-amministrazzjoni doganali Finlandiża relatata mal-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku, b’mod li ma ġie impost ebda dazju tas-sisa. EIG ma indikatx rappreżentant fiskali fis-sens tal-Artikolu 7(7) tal-liġi dwar id-dazju tas-sisa, li kien ikollu l-possibbiltà jħallas lill-amministrazzjoni doganali Finlandiża d-dazju tas-sisa fuq il-prodotti mibgħuta l-Finlandja. EIG lanqas ma ddikjarat lid-dwana l-prodotti li kellhom jintbagħtu, u lanqas ma pprovdiet garanzija fir-rigward tal-ħlas tad-dazju tas-sisa qabel ma bagħtet il-prodotti l-Finlandja. Barra minn hekk, EIG naqset ukoll milli tħallas id-dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb għall-unitajiet ta’ imballaġġ. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kunsinna lix-xerrej wara l-importazzjoni tax-xorb alkoħoliku, EIG ma kellha ebda awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-ingrossa jew bl-imnut fis-sens tal-Artikolu 8 tal-liġi dwar l-alkoħol.

32

Filwaqt li bbażat ruħha fuq il-proċeduri legali mressqa mill-prosekutur tad-distrett, il-Helsingin käräjäoikeu (qorti tal-ewwel istanza ta’ Helsinki) qieset li kien stabbilit li l-attivitajiet ta’ EIG bejn l-24 ta’ Ġunju u t-18 ta’ Awwissu 2009 wasslu għan-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ dazju tas-sisa fuq l-importazzjoni fil-Finlandja relatat ma’ 4507.30 litru ta’ birra, 1499.40 litru ta’ sajder, 238.70 litru ta’ nbid u 3450.30 litru ta’ spirti. Għaldaqstant, ġie evitat total ta’ EUR 23144.89 bħala dazju tas-sisa fuq ix-xorb alkoħoliku u EUR 5233.52 bħala dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb, li flimkien jammontaw għal EUR 28378.40.

33

Barra minn hekk din il-qorti qieset li V. Visnapuu kien ittrasporta l-volumi ta’ xorb alkoħoliku indikati iktar ’il fuq mill-Estonja għall-Finlandja u li huwa kien biegħhom fil-Finlandja. Għal dan il-motiv, hija kkundannat lil V. Visnapuu għal tmien xhur priġunerija sospiżi għal frodi fiskali serju u għal ksur tal-liġi dwar l-alkoħol. V. Visnapuu kien ukoll ikkundannat iħallas lill-Istat Finlandiż ammont ta’ EUR 28378.40 li jirrappreżenta t-taxxi mhux imħallsa, li miegħu kellhom jiżdiedu l-interessi kif ukoll kumpens għall-ispejjeż proċedurali.

34

Fil-kuntest tal-appell tiegħu quddiem il-qorti tar-rinviju, V. Visnapuu talab, minn naħa, l-annullament tal-proċeduri kriminali u tal-kundanna tiegħu għall-ħlas tad-danni kif ukoll, min-naħa l-oħra, ir-rimbors tal-ispejjeż proċedurali tiegħu, flimkien mal-interessi. Sussidjarament, huwa talab li l-qorti tar-rinviju tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari.

35

Il-qorti tar-rinvju tenfasizza li l-iżvolġiment tal-fatti ma ġiex ikkontestat fl-appell. Klijenti Finlandiżi ordnaw fuq is-sit internet ta’ EIG xorb alkoħoliku u V. Visnapuu, fil-kapaċità ta’ rappreżentant ta’ EIG, ikkunsinna dan ix-xorb lil parti tal-klijenti billi importah mill-Estonja lejn il-Finlandja, filwaqt li huwa ma kellux l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 8(1) tal-liġi dwar l-alkoħol. EIG, li ma stabbilixxietx sistema ta’ riċiklaġġ jew ta’ użu mill-ġdid tal-imballaġġ ta’ xorb u li ma kinitx affiljata ma’ tali sistema, ma għamlitx dikjarazzjoni mal-amministrazzjoni doganali meta dan ix-xorb alkoħoliku wasal fid-destinazzjoni, b’mod li ma ġie impost ebda dazju tas-sisa. Fil-kuntest tal-proċeduri ta’ appell, lanqas ma ġie kkontestat li V. Visnapuu importa l-volumi ta’ xorb alkoħoliku kkonstatati mill-Helsingin käräjäoikeu (qorti tal-ewwel istanza ta’ Helsinki) u li huwa evita t-taxxi msemmija fis-sentenza mogħtija minnha.

36

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali tqajjem diversi domandi fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jiġu distinti skont jekk dawn jikkonċernawx, minn naħa, il-leġiżlazzjoni dwar id-dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb jew, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut għall-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku bil-għan tal-bejgħ mill-ġdid tiegħu fil-Finlandja.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Helsingin hovioikeus (qorti tal-appell ta’ Helsinki) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-legalità tal-leġiżlazzjoni Finlandiża dwar id-dazju tas-sisa fuq [ċertu imballaġġ] ta’ xorb, li tipprovdi li dan id-dażju jitħallas meta l-imballaġġ ma jifformax parti minn sistema ta’ restituzzjoni, għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 110 TFUE minflok tal-Artikolu 34 TFUE? Is-sistema ta’ restituzzjoni għandha tkun sistema ta’ depożitu, li fil-kuntest tagħha l-persuna li tippakkja jew l-importatur ta’ xorb – li jaġixxi waħdu jew skont kif indikat fil-liġi Finlandiża dwar l-iskart jew fid-dispożizzjonijet korrispondenti applikabbli fil-provinċja ta’ Ahvenanmaa [il-Finlandja] – jiżgura l-użu mill-ġdid jew ir-riċiklaġġ tal-imballaġġ ta’ xorb billi jiġi żgurat li l-imballaġġ jimtela’ mill-ġdid jew jintuża bħala materja prima.

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, il-leġiżlazzjoni ċċitata iktar ’il fuq hija konformi mal-Artikolu 1(1), mal-Artikolu 7 u mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 94/62[...], fid-dawl ukoll tal-Artikolu 110 TFUE?

3)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, il-leġiżlazzjoni ċċitata iktar ’il fuq hija konformi mal-Artikolu1(1), mal-Artikolu 7 u mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 94/62[...], fid-dawl ukoll tal-Artikolu 34 TFUE?

4)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, il-leġiżlazzjoni [iċċitata iktar ’il fuq] għandha titqies li hija legali skont l-Artikolu 36 TFUE?

5)

F’sitwazzjoni fejn xerrej Finlandiż jakkwista, permezz tal-internet jew permezz ta’ mezzi oħrajn ta’ bejgħ mill-bogħod, xorb alkoħoliku mingħand bejjiegħ li jopera fi Stat Membru ieħor u li jiżgura l-kunsinna fil-Finlanda, jista’ r-rekwiżit, impost fuq kull min juża xorb alkoħoliku għal finijiet kummerċjali jew għal attivitajiet oħrajn ekonomiċi jeżiġi liċenzja [awtorizzazzjoni] speċjali għal bejgħ bl-imnut għall-attività tiegħu għal dak li jikkonċerna l-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku, jitqies li jikkonċerna l-eżistenza jew il-funzjonament ta’ monopolju, b’tali mod li l-Artikolu 34 TFUE ma jipprekludihx u li huwa għandu għall-kuntrarju jiġi evalwat fid-dawl tal-Artikolu 37 TFUE?

6)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ħames domanda, ir-rekwiżit għal liċenzja huwa kompatibbli mad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-monopolji nazzjonali [kummerċjali] tal-Artikolu 37 TFUE?

7)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ħames domanda, u jekk l-Artikolu 34 għandu jiġi applikat f’dan il-każ, għandha l-leġiżlazzjoni Finlandiża, li tipprovdi li jekk xorb alkoħoliku jiġi ordnat barra mill-pajjiż permezz tal-internet jew permezz ta’ mezzi oħrajn ta’ bejgħ mill-bogħod, l-importazzjoni tiegħu għall-konsum personali jiġi awtorizzat biss jekk il-persuna stess li tordnah jew terz differenti mill-bejjiegħ jittrasportah fil-pajjiż, filwaqt li l każijiet l-oħrajn ta’ importazzjoni huma suġġetti għall-eżistenza ta’ liċenzja skont il-Liġi [...] fuq l-alkoħol, titqies li hija restrizzjoni kwantitattiva jew miżura ta’ effett ekwivalenti kuntrarja għal dan l-artikolu?

8)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda preċendenti, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tista’ titqies li hija ġġustifikata u proporżjonata fid-dawl tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni?”

Fuq id-domandi preliminari

38

Hemm lok li jiġu eżaminati separatament l-ewwel sar-raba’ domandi, li jirrigwardaw il-leġiżlazzjoni dwar id-dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb, u l-ħames sat-tmien domandi, li jirrigwardaw ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut għall-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku bil-għan tal-bejgħ bl-imnut tiegħu fil-Finlandja.

Fuq l-ewwel sar-raba’ domandi

39

Permezz tal-ewwel sar-raba’ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 34 TFUE u 110 TFUE kif ukoll l-Artikoli 1(1), 7 u 15 tad-Direttiva 94/62 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb, iżda tipprevedi eżenzjoni fil-każ li dan l-imballaġġ jagħmel parti minn sistema ta’ restituzzjoni operazzjonali.

Fuq l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat

40

Peress li l-ewwel sar-raba’ domandi magħmula jirrigwardaw kemm dispożizzjonijiet tad-Direttiva 94/62 kif ukoll dispożizzjonijiet tat-Trattat, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, kull miżura nazzjonali f’qasam li kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fuq il-livell tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dik il-miżura ta’ armonizzazzjoni, u mhux fid-dawl ta’ dawk tad-dritt primarju (sentenza UNIC u Uni.co.pel, C‑95/14, EU:C:2015:492, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Għaldaqstant, l-ewwel nett għandu jiġi ddeterminat jekk l-armonizzazzjoni mwettqa mill-Artikoli 1(1), 7 u 15 tad-Direttiva 94/62 hijiex ta’ natura eżawrjenti.

42

Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta dawn id-dispożizzjonijiet billi tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħhom, iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet li tfittex li tilħaq il-leġiżlazzjoni li huma jagħmlu parti minnha (sentenza UNIC u Uni.co.pel, C‑95/14, EU:C:2015:492, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 94/62 hija intiża sabiex tarmonizza l-miżuri nazzjonali dwar l-immaniġġjar tal-imballaġġ u tal-iskart mill-imballaġġ, minn naħa, bil-għan tal-prevenzjoni u tat-tnaqqis tal-effett tagħhom fuq l-ambjent tal-Istat Membri u tal-pajjiżi terzi u bil-għan li jiġi żgurat għaldaqstant livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u, min-naħa l-oħra, bil-għan li jiġi ggarantit il-funzjonament tas-suq intern u bil-għan tal-prevenzjoni ta’ ostakoli għall-kummerċ kif ukoll ta’ distorzjonijiet u ta’ restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-Unjoni.

44

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tiddeċiedi li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 94/62 ma jarmonizzax b’mod eżawrjenti s-sistemi nazzjonali intiżi sabiex jiffavorixxu l-użu mill-ġdid tal-imballaġġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz, C‑309/02, EU:C:2004:799, punt 56, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑463/01, EU:C:2004:797, punt 44). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari rrilevat li dan l-Artikolu 5 jippermetti lill-Istati Membri jiffavorixxu sistemi ta’ użu mill-ġdid tal-imballaġġ biss “f’konformità mat-Trattat” (ara, is-sentenzi Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz, C‑309/02, EU:C:2004:799, punt 58, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑463/01, EU:C:2004:797, punt 46).

45

Bl-istess mod, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 94/62 jipprovdi li s-sistemi ta’ restituzzjoni u/jew ta’ ġbir kif ukoll is-sistemi ta’ użu mill-ġdid jew ta’ rkupru japplikaw ukoll fir-rigward tal-prodotti importati, b’mod mhux diskriminatorju, inkluż f’dak li jirrigwarda l-modalitajiet previsti u t-tariffi eventwalment imposti għall-aċċess għas-sistemi, u għandhom jitfasslu b’mod li jiġu evitati ostakoli għall-kummerċ jew distorzjonijiet tal-kompetizzjoni, “f’konformità mat-Trattat”.

46

Għaldaqstant, u bħall-Artikolu 5 tad-Direttiva 94/62, l-Artikolu 7 tagħha ma jwettaqx armonizzazzjoni b’mod eżawrjenti, iżda, jirreferi għad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat.

47

Fir-rigward tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 94/62, dan ma jwettaqx armonizzazzjoni, iżda jawtorizza lill-Kunsill jadotta strumenti ekonomiċi sabiex jiġi promoss it-twettiq tal-għanijiet iddefiniti minn din id-direttiva jew, fin-nuqqas ta’ tali miżuri, jawtorizza lill-Istati Membri jaġixxu “skond [...] l-obbligazzjonijiet taħt it-Trattat”. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni teħtieġ ukoll l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat.

48

Minn dan li jippreċedi jirriżulta li l-armonizzazzjoni mwettqa mill-Artikoli 1(1), 7 u 15 tad-Direttiva 94/62 ma hijiex ta’ natura eżawrjenti, hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonjiet tiegħu. Għaldaqstant, il-miżuri nazzjonali li jimplementaw dawn l-artikoli għandhom jiġu evalwati fir-rigward mhux biss tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, iżda wkoll tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt primarju.

Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 TFUE jew tal-Artikolu 110 TFUE

49

Peress li l-miżuri nazzjonali li jimplementaw l-Artikoli 1(1), 7 u 15 tad-Direttiva 94/62 għandhom jiġu evalwati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt primarju, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk leġiżlazzjoni li tistabbilixxi dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 34 TFUE u/jew tal-Artikolu 110 TFUE. V. Visnapuu, il-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni Ewropea jqisu li din il-leġiżlazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 110 TFUE.

50

Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-kampijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 34 TFUE u 110 TFUE huma esklużivi minn xulxin. Fil-fatt minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE ma jinkludix l-ostakoli previsti minn dispożizzjonijiet speċifiċi oħra u li l-ostakoli ta’ natura fiskali previsti fl-Artikolu 110 TFUE ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 34 TFUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Tatu, C‑402/09, EU:C:2011:219, punt 33).

51

Piż pekunjarju jikkostitwixxi tassazzjoni interna fis-sens tal-Artikolu 110 TFUE jekk dan jirriżulta minn sistema ġenerali ta’ taxxi interni applikata sistematikament għal kategoriji ta’ prodotti skont kriterji oġġettivi irrispettivament mill-oriġini jew mid-destinazzjoni tal-prodotti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Koornstra, C‑517/04, EU:C:2006:375, punt 16, kif ukoll Stadtgemeinde Frohnleiten u Gemeindebetriebe Frohnleiten, C‑221/06, EU:C:2007:657, punt 31).

52

F’dan il-każ, mill-punti 8 sa 10 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb li jammonta għal EUR 51 ċenteżmu għal kull litru ta’ prodott imballat, iżda li huwa eżentat minn dan id-dazju tas-sisa l-imballaġġ ta’ xorb li jagħmel parti minn sistema ta’ restituzzjoni operazzjonali.

53

Fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li d-dazju tas-sisa inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa piż pekunjarju li jirriżulta minn sistema ġenerali ta’ taxxi interni applikata sistematikament għal kategorija ta’ prodotti, jiġifieri l-imballaġġ ta’ xorb. F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tiddeċiedi li skart intiż sabiex jiġi meqrud għandu jitqies bħala prodotti fis-sens tal-Artikolu 110 TFUE (sentenza Stadtgemeinde Frohnleiten u Gemeindebetriebe Frohnleiten, C‑221/06, EU:C:2007:657, punti 36 sa 38). Għaldaqstant, dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb għandu jitqies bħala impost fuq prodotti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

54

Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan id-dazju tas-sisa huwa impost fuq l-imballaġġ ta’ xorb skont kriterji oġġettivi applikati indipendentament mill-oriġini tiegħu jew mid-destinazzjoni tiegħu. Fil-fatt, dan id-dazju tas-sisa huwa impost kemm fuq l-imballaġġ ta’ xorb ta’ oriġini nazzjonali kif ukoll fuq l-imballaġġ ta’ xorb importat, meta dan l-imballaġġ ma jagħmilx parti minn sistema ta’ restituzzjoni operazzjonali.

55

Minn dan li ntqal jirriżulta li dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi tassazzjoni interna fis-sens tal-Artikolu 110 TFUE. Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, tali dazju tas-sisa għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-Artikolu 110 TFUE, bl-esklużjoni tal-Artikolu 34 TFUE.

Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 110 TFUE

56

Il-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni jqisu li l-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija konformi mal-Artikolu 110 TFUE. Għall-kuntrarju, V. Visnapuu jsostni li din il-leġiżlazzjoni hija diskriminatorja u kuntrarja għall-Artikolu 110 TFUE, peress li bejjiegħ li jopera minn Stat Membru ieħor ma jistax, fil-prattika, jaffilja ruħu ma’ sistema ta’ restituzzjoni operazzjonali.

57

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE, ebda Stat Membru ma għandu jimponi, direttament jew indirettament, fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni, irrispettivament min-natura tagħhom, ogħla minn dawk imposti direttament jew indirettament fuq il-prodotti nazzjonali simili. Skont it-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, ebda Stat Membru ma għandu jimponi fuq il-prodotti tal-Istati Membri l-oħra taxxi interni ta’ tali natura li jipproteġu indirettament prodotti oħra.

58

Fil-kawża prinċipali, mill-ebda element tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li d-dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa ta’ natura li jipproteġi indirettament prodotti nazzjonali għajr l-imballaġġ ta’ xorb, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE. Għaldaqstant, hemm lok li l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun limitata għall-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu u li jiġi eżaminat jekk it-taxxa imposta fuq l-imballaġġ ta’ xorb importat pemezz ta’ dan id-dazju tas-sisa hijiex ogħla minn dik imposta fuq l-imballaġġ ta’ xorb ta’ oriġini nazzjonali.

59

Skont ġurisprudenza stabbilita, ikun hemm ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE meta t-taxxa imposta fuq il-prodott importat u dik imposta fuq il-prodott nazzjonali simili huma kkalkolati b’mod differenti u skont modalitajiet differenti li jwasslu, anki jekk f’ċerti każijiet biss, għal tassazzjoni ogħla tal-prodott importat. Għaldaqstant, skont din id-dispożizzjoni, dazju tas-sisa ma għandux jaffettwa l-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra iktar milli jaffettwa lill-prodotti nazzjonali simili (sentenza Brzeziński, C‑313/05, EU:C:2007:33, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Fil-kawża prinċipali, il-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni ġustament jirrilevaw li l-modalitajiet ta’ impożizzjoni tad-dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb, jiġifieri l-ammont, il-bażi u l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni, huma fformulati b’mod identiku għall-imballaġġ ta’ xorb li joriġina minn Stati Membri oħra u għall-prodotti nazzjonali simili. Għaldaqstant, u kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 79 u 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, ebda diskriminazzjoni diretta fir-rigward tal-imballaġġ ta’ xorb li joriġina minn Stati Membri oħra, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE, ma tista’ tiġi kkonstatata f’dan il-każ.

61

V. Visnapuu madankollu jsostni li l-kundizzjonjiet iddefiniti għall-ibbenefikar mill-eżenzjoni minħabba li l-imballaġġ ta’ xorb jagħmel parti minn sistema ta’ restituzzjoni operazzjonali huma indirettament diskriminatorji, sa fejn bejjiegħ mill-bogħod li jbigħ online minn Stat Membru ieħor qatt ma jista’ jibbenefika minn din l-eżenzjoni.

62

Insostenn ta’ dan l-argument, V. Visnapuu jaffirma li l-affiljazzjoni ma’ sistema ta’ restituzzjoni operazzjonali tirrappreżenta spiża projbittiva għal bejjiegħ mill-bogħod li jbigħ online minn Stat Membru ieħor, minħabba, b’mod partikoli, l-obbligu li jindika ċertu partikolaritajiet fuq l-imballaġġ ta’ xorb u l-obbligu li jikkostitwixxi garanzija u li jħallas miżata ta’ affiljazzjoni. V. Visnapuu jżid li l-ħolqien ta’ sistema tiegħu stess ta’ restituzzjoni operazzjonali ma hijiex għażla ekonomikament vijabbli għal impriża żgħira li tbigħ online, minħabba spejjeż fissi relatati mal-operazzjoni ta’ tali sistema.

63

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li d-diffikultajiet allegati minn V. Visnapuu, anke jekk dawn kellhom jiġu ppruvati, ma jurux differenza fit-trattament bejn l-imballaġġ ta’ xorb li joriġina minn Stati Membri oħra u l-prodotti nazzjonali simili, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE. Fil-fatt, minn dawn id-diffikultajiet, li jiltaqa’ magħhom operatur żgħir li jbigħ mill-bogħod sabiex jaffilja ruħu ma’ sistema ta’ restituzzjoni operazzjonali jew sabiex joħloq tali sistema, ma jistax jirriżulta li l-imballaġġ ta’ xorb li joriġina minn Stati Membri oħra huwa inqas suxxettibbli li jibbenefika mill-eżenzjoni prevista fil-każ li l-imballaġġ jagħmel parti minn tali sistema u, għaldaqstant huwa suġġett għal tassazzjoni ogħla mill-prodotti nazzjonali simili.

64

Barra minn hekk, hekk kif enfasizza l-Gvern Finlandiż waqt is-seduta u hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 89 sa 91 tal-konklużjonjiet tiegħu, tali diffikultajiet huma identiċi għall-operaturi ż-żgħar stabbiliti fil-Finlandja u dawk stabbiliti fi Stat Membru ieħor.

65

Minn dan li ntqal jirriżulta li l-Artikolu 110 TFUE ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1(1), 7 u 15 tad-Direttiva 94/62

66

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikoli 1(1), 7 u 15 jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb. Il-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni jsostnu li din il-leġiżlazzjoni hija konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 94/62.

67

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-imballaġġ ta’ xorb jikkostitwixxi “imballaġġ” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/62, u għaldaqstant jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva skont l-Artikolu 2(1) tagħha.

68

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(1), 7 u 15 tad-Direttiva 94/62 ma tipprekludi leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb.

69

F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 94/62, din id-dispożizzjoni teħtieġ li s-sistemi ta’ restituzzjoni, ta’ ġbir, ta’ użu mill-ġdid jew ta’ rkupru tal-imballaġġ użat u/jew tal-iskart mill-imballaġġ għandhom japplikaw għall-prodotti importati b’mod mhux diskriminatorju u għandhom jiġu ddisinjati b’mod li jiġu evitati ostakoli għall-kummerċ jew distorzjonijiet tal-kompetizzjoni, skont it-Trattat.

70

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li dan l-obbligu jirrigwarda l-funzjonament ta’ tali sistemi u mhux dak ta’ sistema ta’ dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fir-rigward tagħha barra minn hekk ġie kkonstatat, fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, li ma tinvolvi ebda diskriminazzjoni kontra l-imballaġġ ta’ xorb li joriġina minn Stati Membri oħra.

71

Barra minn hekk, il-Gvern Finlandiż sostna f’dan ir-rigward li, skont l-Artikolu 18g(2) tal-liġi dwar l-iskart, l-obbligi fi ħdan grupp ta’ produtturi jitqassmu b’mod ekwu bejn il-produtturi u operaturi oħra eventwali, b’kunsiderazzjoni għan-natura u għall-portata tal-attivitajiet, u b’mod li ma jiġix ostakolat il-kummerċ jew li ma jkunx hemm distorzjoni tal-kompetizzjoni. Din id-dispożizzjoni tobbliga wkoll grupp ta’ produtturi jaċċetta bħala soċju, membru jew kontraenti, taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-produtturi li diġà ġew integrati fil-grupp, kull produttur ġdid li fir-rigward tiegħu, minħabba l-produzzjoni żgħira tiegħu jew għal xi raġuni oħra, ikun ekonomikament irraġonevoli li waħdu jiżgura l-użu mill-ġdid, l-irkupru u kull forma oħra ta’ mmaniġġjar tal-iskart.

72

F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 15 tad-Direttiva 94/62, dan jippermetti lill-Kunsill jadotta “strumenti ekonomiċi biex imexxi ’l quddiem l-implimentazzjoni ta’ l-għanijiet stabbiliti b’din id-Direttiva”. Fl-assenza ta’ miżuri adottati mill-Kunsill, din id-dispożizzjoni tawtorizza lill-Istati Membri jadottaw “miżuri biex jimplimentaw dawn l-għanijiet, skond il-prinċipji li jirregolaw il-politika ambjentali tal-[Unjoni], fost ħwejjeġ oħra, il-prinċipju li min iniġġeż iħallas, u l-obbligazzjonijiet taħt it-Trattat”.

73

Leġiżlazzjoni li tistabbilixxi dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tiġi kklassifikata bħala miżura adottata minn Stat Membru u intiża għat-twettiq tal-għanijiet iddefiniti mid-Direttiva 94/62, fis-sens tal-Artikolu 15 tagħha. Fil-fatt, kif afferma l-Gvern Finlandiż, din il-leġiżlazzjoni tinkoraġġixxi lill-operaturi jaderixxu ma’ sistema ta’ restituzzjoni tal-imballaġġ ta’ xorb jew joħolqu s-sistema ta’ restituzzjoni tagħhom stess, bil-għan li jevitaw il-ħlas ta’ dan id-dazju tas-sisa.

74

Skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 94/62, tali miżura għandha tiġi adottata skont il-prinċipji li jirregolaw il-politika ambjentali tal-Unjoni, fost oħrajn il-prinċipju ta’ “min iniġġeż iħallas”, u b’osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mit-Trattat. Issa, huwa b’mod korrett li l-Gvern Finlandiż ippreċiża, waqt is-seduta, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali timplementa l-prinċipju ta’ min iniġġeż iħallas, peress li d-dazju tas-sisa għandu jitħallas mill-operaturi li ma jaderixxux ma’ sistema ta’ restituzzjoni tal-imballaġġ ta’ xorb. Barra minn hekk, diġà ġie kkonstatat li tali leġiżlazzjoni hija konformi mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 110 TFUE.

75

Minn dan li ntqal jirriżulta li l-Artikoli 1(1), 7 u 15 tad-Direttiva 94/62 ma jipprekludux leġiżlazzjoni li tistabbilixxi dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

76

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel sar-raba’ domandi tkun li l-Artikolu 110 TFUE kif ukoll l-Artikoli 1(1), 7 u 15 tad-Direttiva 94/62 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb, iżda tipprevedi eżenzjoni fil-każ li dan l-imballaġġ jagħmel parti minn sistema ta’ restituzzjoni operazzjonali.

Fuq il-ħames sat-tmien domandi

77

Permezz tal-ħames sat-tmien domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 34 TFUE, 36 TFUE u 37 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha bejjiegħ stabbilit fi Stat Membru ieħor huwa suġġett għar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut għall-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku bil-għan tal-bejgħ bl-imnut tiegħu lil konsumaturi residenti fl-ewwel Stat Membru, meta dan il-bejjiegħ jiżgura t-trasport ta’ dan ix-xorb jew jafda t-trasport tiegħu lil terz.

Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 TFUE jew tal-Artikolu 37 TFUE

78

L-ewwel nett, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandux jiġi evalwat fid-dawl tal-Artikolu 34 TFUE jew tal-Artikolu37 TFUE.

79

Għal dan il-għan, għandu jsir sunt tal-kuntest leġiżlattiv u fattwali tal-kawża prinċipali.

80

L-Artikolu 13 tal-liġi dwar l-alkoħol jistabbilixxi monopolju ta’ natura kummerċjali li fir-rigward tiegħu ngħata dritt ta’ esklużività għall-bejgħ bl-imnut fil-Finlandja ta’ xorb alkoħoliku. Dan il-monopolju ngħata lil Alko.

81

L-Artikolu 14 tal-liġi dwar l-alkoħol jistabbilixxi madankollu żewġ derogi għall-monopolju mogħti lil Alko. Skont l-Artikolu 14(1), ix-xorb alkoħoliku miksub minn fermentazzjoni u li fih sa massimu ta’ 4.7 % f’volum ta’ alkoħol etiliku jista’ jinbiegħ bl-imnut mhux minn Alko biss, iżda wkoll minn kull persuna li tkun kisbet awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut mill-awtorità kompetenti. Skont l-Artikolu 14(2) il-kummerċ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku miksub minn fermentazzjoni u li ma jaqbiżx it-13 % f’volum ta’ alkoħol etiliku jista’ jiġi eżerċitat minn Alko, iżda wkoll minn kull persuna li l-awtorità kompetenti tkun tatha l-permess tipproduċi l-prodott inkwistjoni, skont kundizzjonijiet stabbiliti mill-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali u s-Saħħa.

82

Skont l-Artikolu 8 tal-liġi dwar l-alkoħol, kull persuna li tuża xorb alkoħoliku għal finijiet kummerċjali jew professjonali teħtieġ l-awtorizzazzjoni speċjali prevista minn din il-liġi għall-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku għall-finijiet tal-attività inkwistjoni. Skont l-osservazzjonijiet tal-Gvern Finlandiż, l-awtorizzazzjoni speċjali msemmija fl-Artikolu 8 tal-liġi dwar l-alkoħol tista’, b’mod partikolari, tikkonsisti f’awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut imsemmija fl-Artikolu 14(1) ta’ din il-liġi.

83

Fir-rigward tal-kawża prinċipali, ma huwiex ikkontestat li la EIG u la V. Visnapuu ma kellhom l-awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut meħtieġa skont l-Artikoli 8 u 14 tal-liġi dwar l-alkoħol sabiex jimportaw xorb alkoħoliku bil-għan tal-bejgħ bl-imnut tiegħu lil konsumaturi residenti fil-Finlandja.

84

Huwa fid-dawl ta’ dan il-kuntest li hemm lok li jiġi ddeterminat jekk ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut għall-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku bil-għan tal-bejgħ bl-imnut tiegħu lil konsumaturi residenti fil-Finlandja, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandux jiġi evalwat fid-dawl tal-Artikolu 34 TFUE jew tal-Artikolu 37 TFUE.

85

Skont il-Gvern Finlandiż u dak Norveġiż, is-sistema ta’ monopolju stabbilita fl-Artikolu 13 tal-liġi dwar l-alkoħol għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 37 TFUE, filwaqt li s-sistemi ta’ awtorizzazzjoni previsti fl-Artikolu 14 ta’ din il-liġi għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-Artikolu 34 TFUE. Il-Gvern Żvediż u l-Kummissjoni jqisu li r-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-Artikolu 37 TFUE, filwaqt li V. Visnapuu jqis li dan għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-Artikolu 34 TFUE.

86

Skont ġurisprudenza stabbilita, hemm lok li r-regoli li jirrigwardaw l-eżistenza u l-funzjonament ta’ monopolju jiġu eżaminati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37 TFUE, applikabbli b’mod speċifiku għall-eżerċizzju, minn monopolju nazzjonali ta’ natura kummerċjali, tad-drittijiet ta’ esklużività tiegħu (sentenzi Rosengren et, C‑170/04, EU:C:2007:313, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll ANETT, C‑456/10, EU:C:2012:241, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87

Min-naħa l-oħra, l-effett, fuq il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni, ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li huma separabbli mill-funzjonament tal-monopolju anki jekk għandhom effett fuq dan tal-aħħar, għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-Artikolu 34 TFUE (sentenzi Rosengren et, C‑170/04, EU:C:2007:313, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll ANETT, C‑456/10, EU:C:2012:241, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88

Skont din il-ġurisprudenza huwa neċessarju li jiġi vverifikat jekk ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut għall-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku bil-għan tal-bejgħ bl-imnut tiegħu lil konsumaturi residenti fil-Finlandja, li huwa s-suġġett tal-ħames sat-tmien domandi magħmula, jikkostitwixxix regola li tirrigwarda l-eżistenza u l-funzjonament tal-monopolju jew regola separabbli mill-funzjonament tal-monopolju.

89

Il-funzjoni speċifika assenjata lill-monopolju mill-Artikolu 13 tal-liġi dwar l-alkoħol tikkonsisti fir-riżervazzjoni tal-esklużività għall-bejgħ bl-imnut fil-Finlandja ta’ xorb alkoħoliku. Madankollu, il-bejgħ bl-imnut taż-żewġ kategoriji ta’ xorb alkoħoliku koperti mid-derogi stabbiliti fl-Artikolu 14 tal-liġi dwar l-alkoħol, bejgħ li jista’ jiġi pprattikat minn kull persuna debitament awtorizzata, huwa eskluż mid-drittijiet ta’ esklużività ta’ Alko.

90

Minn dan li ntqal jirriżulta li s-sistema ta’ monopolju stabbilita fl-Artikolu 13 tal-liġi dwar l-alkoħol għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 37 TFUE, sa fejn din tistabbilixxi r-regoli li jirrigwardaw l-eżistenza u l-funzjonament ta’ monopolju nazzjonali ta’ natura kummerċjali.

91

Min-naħa l-oħra, iż-żewġ sistemi ta’ awtorizzazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 14 tal-liġi dwar l-alkoħol ma jirregolawx il-funzjonament tal-monopolju mogħti lil Alko jew l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha ta’ esklużività fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, peress li dawn jipprevedu d-dritt għal persuni oħra barra Alko, debitament awtorizzati, ibigħu bl-imnut ċertu kategoriji ta’ xorb alkoħoliku. Għaldaqstant, dawn iż-żewġ sistemi ta’ awtorizzjoni huma separabbli mill-funzjonament tal-monopolju mogħti lil Alko u għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tal-Artikolu 34 TFUE, hekk kif ġustament sostnew il-Gvern Finlandiż u dak Norveġiż.

92

Issa, il-ħames sat-tmien domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw espressament rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut impost, fil-kawża prinċipali, fuq V. Visnapuu. Tali rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni jaqa’ neċessarjament taħt l-Artikolu 14 tal-liġi dwar l-alkoħol u, għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-Artikolu 34 TFUE u mhux fid-dawl tal-Artikolu 37 TFUE.

93

Madankollu, abbażi tal-konstatazzjonijiet fattwali magħmula fid-deċiżjoni tar-rinviju u miġbura fil-qosor fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li ċertu xorb alkoħoliku importat minn V. Visnapuu, b’mod partikolari spirti, ma kienx kopert miż-żewġ sistemi ta’ awtorizzazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 14 ta’ din il-liġi u, għaldaqstant, kien jaqa’ biss taħt il-monopolju tal-bejgħ bl-imnut mogħti lil Alko abbażi tal-Artikolu 13 ta’ din il-liġi.

94

F’dan ir-rigward, għandu għaldaqstant jitfakkar li, mingħajr ma jeżiġi l-abolizzjoni totali tal-monopolji nazzjonali ta’ xorta kummerċjali, l-Artikolu 37 TFUE jeħtieġ l-aġġustament tagħhom b’mod li tiġi żgurata, fil-kundizzjonijiet ta’ provvista u tas-swieq, l-esklużjoni ta’ kull disriminazzjoni bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri (sentenzi Franzén, C‑189/95, EU:C:1997:504, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Hanner, C‑438/02, EU:C:2005:332, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95

Għaldaqstant, l-Artikolu 37 TFUE jeħtieġ li l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-monopolju jkunu arranġati b’mod li tiġi eskluża kull diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri fil-kundizzjonijiet ta’ provvista u tas-swieq, b’mod li l-kummerċ ta’ merkanzija li toriġina minn Stati Membri oħra ma jkunx żvantaġġat, la fid-dritt u lanqas fil-fatt, meta mqabbel ma’ dak tal-merkanzija nazzjonali u b’mod li l-kompetizzjoni bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri ma tiġix distorta (sentenza Franzén, C‑189/95, EU:C:1997:504, punt 40).

96

Peress li l-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludix biżżejjed informazzjoni f’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-monopolju tal-bejgħ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku mogħti lil Alko abbażi tal-Artikolu 13 tal-liġi dwar l-alkoħol kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet mfakkra iktar ’il fuq.

Fuq l-eżistenza ta’ miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE

97

Fir-rigward ta’ dan li ntqal, hemm lok li jiġi eżaminat jekk leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha bejjiegħ stabbilit fi Stat Membru ieħor huwa suġġett għal rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut għall-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku bil-għan tal-bejgħ bl-imnut tiegħu lil konsumaturi residenti fl-ewwel Stat Membru, meta dan il-bejjiegħ jiżgura t-trasport ta’ dan ix-xorb jew jafda t-trasport tiegħu lil terz, tikkostitwixxix miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE.

98

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-projbizzjoni ta’ miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi, stabbilita fl-Artikolu 34 TFUE, tkopri l-leġiżlazzjoni kollha tal-Istati Membri li tista’ tostakola, b’mod dirett jew indirett, realment jew potenzjalment, il-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Dassonville, 8/74, EU:C:1974:82, punt 5, kif ukoll Rosengren et, C‑170/04, EU:C:2007:313, punt 32).

99

Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi kkonstatat li rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut għall-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jimpedixxi lill-operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra milli jimportaw liberament xorb alkoħoliku fil-Finlandja bil-għan tal-bejgħ bl-imnut tiegħu.

100

B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jimponu diversi kundizzjonijiet sabiex tinkiseb l-awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Minn naħa, l-Artikolu 14(3) tal-liġi dwar l-alkoħol jipprovdi li awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku tista’ tingħata lil kull persuna meqjusa li tissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji u li għandha l-affidabbiltà meħtieġa.

101

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 14(4) tal-liġi dwar l-alkoħol jippreċiża li l-bejgħ bl-imnut imsemmi fl-Artikolu 14(1) u (2) jista’ jsir biss f’punt ta’ bejgħ awtorizzat mill-awtoritajiet li jissodisfa l-kundizzjonijiet relatati mal-lokazzjoni u maż-żona ta’ bejgħ kif ukoll mal-funzjonament u ma’ fejn il-bejgħ huwa organizzat b’tali mod li tkun tista’ tibqa’ ssir sorveljanza effettiva.

102

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut għall-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku bil-għan tal-bejgħ bl-imnut tiegħu lil konsumaturi Finlandiżi, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jostakola l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, sa fejn dan jimpedixxi lill-operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra milli jimportaw liberament xorb alkoħoliku fil-Finlandja bil-għan tal-bejgħ bl-imnut tiegħu.

103

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw jew li jipprojbixxu ċertu modalitajiet ta’ bejgħ li, minn naħa, japplikaw għall-operaturi kollha kkonċernati li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali u, min-naħa l-oħra, jaffettwaw bl-istess mod, kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti nazzjonali u ta’ dawk li joriġinaw minn Stati Membri oħra ma humiex ta’ natura tali li jostakolaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri, fis-sens tal-ġurisprudenza introdotta permezz tas-sentenza Dassonville, (8/74, EU:C:1974:82) (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Keck u Mithouard, C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905, punt 16, kif ukoll Ahokainen u Leppik, C‑434/04, EU:C:2006:609, punt 19).

104

Madankollu, ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jissodisfax l-ewwel kundizzjoni stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Keck u Mithouard (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905, punt 16), li tipprovdi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni għandhom japplikaw fir-rigward tal-operaturi kollha kkonċernati li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali.

105

Fir-rigward, minn naħa, tar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut imsemmi fl-Artikolu 14(1) tal-liġi dwar l-alkoħol, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li dan ma japplikax fir-rigward tal-operaturi kkonċernati kollha li eżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali. Fil-fatt, Alko għandha d-dritt li tbigħ bl-imnut kull tip ta xorb alkoħoliku, inkluż dawk imsemmija fl-Artikolu 14 tal-liġi dwar l-alkoħol, bis-saħħa ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva, jiġifieri l-Artikolu 13 tal-liġi dwar l-alkoħol. Għaldaqstant, Alko ma hijiex obbligata tikseb awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut mill-awtoritajiet kompetenti taħt kundizzjonijiet simili għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 14(3) tal-liġi dwar l-alkoħol.

106

Min-naħa l-oħra, l-awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut imsemmija fl-Artikolu 14(2) tal-liġi dwar l-alkoħol hija disponibbli biss għall-produtturi ta’ xorb alkoħoliku stabbiliti fil-Finlandja, bl-esklużjoni ta’ produtturi stabbiliti fi Stati Membri oħra.

107

Għaldaqstant, ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut għall-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku bil-għan tal-bejgħ bl-imnut tiegħu lil konsumaturi Finlandiżi, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jissodisfax l-ewwel kundizzjoni stabbilita fis-sentenza Keck u Mithouard (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905, punt 16), b’mod li ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk dan ir-rekwiżit jaffettwax, bl-istess mod, kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti nazzjonali u ta’ dawk li joriġinaw minn Stati Membri oħra.

108

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi deċiż li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha bejjiegħ stabbilit fi Stat Membru ieħor huwa suġġett għal rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut għall-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku bil-għan tal-bejgħ bl-imnut tiegħu lil konsumaturi residenti fl-ewwel Stat Membru, meta dan il-bejjiegħ jiżgura t-trasport ta’ dan ix-xorb jew jafda t-trasport tiegħu lil terz, tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE.

Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 36 TFUE

109

Skont l-Artikolu 36 TFUE, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 34 TFUE u 35 TFUE ma għandhomx jipprekludu l-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonjiet ta’ importazzjoni, ta’ esportazzjoni jew ta’ tranżitu, iġġustifikati minn raġunijiet ta’ moralità pubblika, ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika, ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni u tal-annimali jew ta’ preservazzjoni tal-pjanti, ta’ protezzjoni tal-patrimonju nazzjonali ta’ valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku jew ta’ protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali. Madankollu dawn il-projbizzjonijiet jew dawn ir-restrizzjonijiet ma għandhomx jikkostitwixxu la mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija fil-kummerċ bejn l-Istati Membri.

110

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija jista’ jiġi ġġustifikat minħabba raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE jew minħabba rekwiżiti imperattivi. Fiż-żewġ każijiet, il-miżura nazzjonali għandha tkun adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan mixtieq u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Ker-OptikaC‑108/09, EU:C:2010:725, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111

Il-Gvern Finlandiż, dak Żvediż u dak Norveġiż, għall-kuntrarju ta’ V. Visnapuu, iqisu li rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut impost fuq bejjiegħ stabbilit fi Stat Membru ieħor għall-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku bil-għan tal-bejgħ mill-ġdid tiegħu lil konsumaturi residenti fit-territorju nazzjonali, meta dan il-bejjiegħ jiżgura t-trasport ta’ dan ix-xorb jew jafda t-trasport tiegħu lil terz, huwa ġġustifikat mill-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni elenkata fl-Artikolu 36 TFUE. Il-Gvern Finlandiż b’mod partikolari jsostni li l-għan tal-liġi dwar l-alkoħol, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, huwa li tikkontrolla l-konsum tal-alkoħol b’mod li jiġu evitati l-effetti negattivi kkawżati lis-saħħa tal-persuni u lis-soċjetà mis-sustanzi alkoħoliċi, permezz tal-istabbiliment ta’ sistema ta’ monopolju u ta’ awtorizzazzjoni fl-istadju tal-bejgħ bl-imnut.

112

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-Artikolu 14 tal-liġi dwar l-alkoħol, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut tista’ tingħata biss lil persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji u li għandha l-affidabbiltà meħtieġa, skont l-Artikolu 14(3), u li l-bejgħ bl-imnut jista’ jsir biss f’punt ta’ bejgħ awtorizzat mill-awtoritajiet u fejn il-bejgħ huwa organizzat b’tali mod li tkun tista’ tibqa’ ssir sorveljanza effettiva, skont l-Artikolu 14(4).

113

F’dan ir-rigward, il-Gvern Finlandiż isostni li s-sistema ta’ awtorizzazzjoni tal-bejgħ bl-imnut stabbilita tippermetti li tiġi ssorveljata l-osservanza mill-bejjiegħa bl-imnut tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-bejgħ ta’ xorb alkoħoliku, b’mod partikolari l-obbligu ta’ bejgħ biss bejn is-7 ta’ filgħodu u d-9 ta’ billejl, il-projbizzjoni ta’ bejgħ lil persuni li għandhom inqas minn 18-il sena u l-projbizzjoni ta’ bejgħ lil persuni sakrana.

114

Barra minn hekk, dan il-gvern isostni li l-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-ordni pubbliku li lejh hija mmirata l-politika Finlandiża fil-qasam tal-alkoħol ma jistax jintlaħaq permezz ta’ mezzi inqas restrittivi mill-issuġġettar tal-bejgħ bl-imnut għal awtorizzazzjoni minn qabel jew għad-dritt esklużiv tal-monopolju. Fil-fatt, il-fatt li l-bejjiegħa stabbiliti f’Stati Membri oħra jingħataw il-permess ibigħu u jittrasportaw liberament xorb alkoħoliku lir-residenti Finlandiżi ikun joħloq kanal ta’ distribuzzjoni ġdid ta’ dan ix-xorb li ma jkun suġġett għal ebda kontroll min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti.

115

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li leġiżlazzjoni li għandha bħala għan li tikkontrolla l-konsum tal-alkoħol b’mod li tevita l-effetti negattivi kkawżati lis‑saħħa tal-persuni u lis-soċjetà mis-sustanzi alkoħoliċi, u b’hekk tfittex li tiġġieled l-abbuż tal-alkoħol, tirrifletti l-preokkupazzjonijiet ta’ saħħa pubblika u ta’ ordni pubbliku rrikonoxxuti mill-Artikolu 36 TFUE (sentenzi Ahokainen u Leppik, C‑434/04, EU:C:2006:609, punt 28, kif ukoll Rosengren et, C‑170/04, EU:C:2007:313, punt 40).

116

Sabiex preokkupazzjonijiet ta’ saħħa pubblika u ta’ ordni pubbliku jistgħu jiġġustifikaw ostakolu bħal dak li toħloq is-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa madankollu neċessarju li l-miżura inkwistjoni tkun proporzjonata għall-għan li għandu jintlaħaq u la tikkostitwixxi mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija fil-kummerċ bejn l-Istati Membri (sentenza Ahokainen u Leppik, C‑434/04, EU:C:2006:609, punt 29, ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Rosengren et, C‑170/04, EU:C:2007:313, punti 4143).

117

L-ewwel nett, fir-rigward tan-natura proporzjonata tal-miżura, peress li din hija eċċezzjoni għall-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom juru li l-leġiżlazzjoni tagħhom hija neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan invokat u li dan l-għan ma jistax jintlaħaq permezz ta’ projbizzjonijiet jew ta’ limitazzjonijiet li għandhom portata inqas wiesgħa jew li għandhom inqas effett fuq il-kummerċ intrakomunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Ahokainen u Leppik, C‑434/04, EU:C:2006:609, punt 31, u Rosengren et, C‑170/04, EU:C:2007:313, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118

Madankollu, meta miżura nazzjonali taqa’ taħt is-setttur tas-saħħa pubblika, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l‑fatt li s‑saħħa u l‑ħajja tal‑persuni jokkupaw l‑ewwel post fost il-beni u l‑interessi protetti mit‑Trattat u li huma l‑Istati Membri li għandhom jiddetterminaw il‑livell ta’ protezzjoni li huma jixtiequ jagħtu lis‑saħħa pubblika kif ukoll il‑mod li bih dan il‑livell għandu jintlaħaq. Peress li dan jista’ jvarja minn Stat Membru għall-ieħor, l-Istati Membri għandhom jingħataw marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ (sentenzi Ker-OptikaC‑108/09, EU:C:2010:725, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll, f’dan is-sens, Ahokainen u Leppik, C‑434/04, EU:C:2006:609, punti 3233).

119

F’dan il-każ, l-istħarriġ tal-proporzjonalità u tal-ħtieġa tal-miżuri adottati jitlob analiżi taċ-ċirkustanzi ta’ dritt u ta’ fatt li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni fil-Finlandja li l-qorti tar-rinviju hija f’pożizzjoni aħjar mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twettaqha. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, billi tibbaża ruħha fuq l-elementi ta’ liġi u ta’ fatt li hija għandha, jekk is-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex adatta sabiex tiggarantixxi l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-ordni pubbliku, u jekk dan l-għan jistax jintlaħaq b’minn tal-inqas l-istess livell ta’ effettività permezz ta’ miżuri inqas restrittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Ahokainen u Leppik, C‑434/04, EU:C:2006:609, punti 3738 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u Rosengren et, C‑170/04, EU:C:2007:313, punt 55).

120

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat b’mod partikolari li l-Artikolu 14(4) tal-liġi dwar l-alkoħol jistabbilixxi obbligu li l-bejgħ bl-imnut isir f’punt ta’ bejgħ awtorizzat. Hekk kif ikkonferma l-Gvern Finlandiż waqt is-seduta, dan l-obbligu jipprojbixxi lill-persuni awtorizzati abbażi tal-Artikolu 14(1) jew (2) tal-liġi dwar l-alkoħol milli jbigħu mill-bogħod xorb alkoħoliku, meta dawn jiżguraw it-trasport ta’ dan ix-xorb jew jafdaw it-trasport tiegħu lil terz.

121

Għalkemm Alko, bħala prinċipju, hija obbligata wkoll tbigħ bl-imnut minn punt ta’ bejgħ awtorizzat, abbażi tal-Artikolu 13(2) tal-liġi dwar l-alkoħol, mill-Artikolu 13(3) ta’ din il-liġi jirriżulta xorta waħda li Alko tista’ tbigħ bl-imnut xorb alkoħoliku billi tibagħtu lill-klijent jew lix-xerrej skont id-dispożizzjonijiet tad-digriet. Il-Gvern Finlandiż, meta ġie mistoqsi dwar dan waqt is-seduta, ikkonferma li, f’ċertu każijiet, Alko effettivament għandha d-dritt tbigħ xorb alkoħoliku permezz tal-posta.

122

F’dawn iċ-ċirkustanzi hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, b’mod partikolari, jekk l-għan li l-awtoritajiet kompetenti jiġu permessi jissorveljaw l-osservanza tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-bejgħ ta’ xorb alkoħoliku, bħall-obbligu ta’ bejgħ biss bejn is-7 ta’ filgħodu u d-9 ta’ billejl, il-projbizzjoni ta’ bejgħ lil persuni li għandhom inqas minn 18-il sena u l-projbizzjoni ta’ bejgħ lil persuni sakrana, jistax jintlaħaq b’minn tal-inqas l-istess livell ta’ effettività permezz ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni li ma tkunx teħtieġ li l-bejgħ bl-imnut ta’ xorb alkoħoliku jista’ jsir biss f’punt ta’ bejgħ awtorizzat mill-awtoritajiet.

123

It-tieni nett, sabiex preokkupazzjonijiet ta’ saħħa pubblika u ta’ ordni pubbliku jkunu jistgħu jiġġustifikaw miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE, bħar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut fil-kawża prinċipali, huwa wkoll neċessarju li dan ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni la jkun jikkostitwixxi mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija fil-kummerċ bejn l-Istati Membri, kif meħtieġ fl-Artikolu 36 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Ahokainen u Leppik, C‑434/04, EU:C:2006:609, punt 29, kif ukoll Rosengren et, C‑170/04, EU:C:2007:313, punt 41).

124

F’dan ir-rigward, u f’dak li jirrigwarda s-sistema ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut stabbilita fl-Artikolu 14(1) tal-liġi dwar l-alkoħol, li jkopri x-xorb alkoħoliku miksub minn fermentazzjoni u li fih sa massimu ta’ 4.7 % f’volum ta’ alkoħol etiliku, ebda element għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jissuġġerixxi li l-motivi ta’ saħħa pubblika u ta’ ordni pubbliku invokati mill-awtoritajiet Finlandiżi ġew imdawra fir-rigward tal-għan tagħhom u użati b’mod li joħolqu diskriminazzjonijiet fir-rigward ta’ merkanzija li toriġina minn Stati Membri oħra jew li jipproteġu indirettament ċerti prodotti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Ahokainen u Leppik, C‑434/04, EU:C:2006:609, punt 30, kif ukoll Rosengren et, C‑170/04, EU:C:2007:313, punt 42).

125

Fir-rigward tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut stabbilita fl-Artikolu 14(2) tal-liġi dwar l-alkoħol, li tippermetti lill-prodotturi ta’ xorb alkoħoliku jbigħu l-produzzjoni tagħhom stess bil-kundizzjoni li din tinkiseb minn fermentazzjoni u ma taqbiżx it-13 % f’volum ta’ alkoħol etiliku, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li din hija disponibbli biss għall-produtturi stabbiliti fil-Finlandja, bl-esklużjoni tal-produtturi stabbiliti fi Stati Membri oħra.

126

Billi tirriżerva l-ibbenefikar minn din id-deroga għall-prodotturi biss stabbiliti fil-Finlandja, din id-dispożizzjoni jista’ jkollha bħala effett li tipproteġi l-produzzjoni nazzjonali ta’ xorb alkoħoliku miksub minn fermentazzjoni u li ma jaqbiżx it-13 % f’volum ta’ alkoħol etiliku. Madankollu l-eżistenza ta’ tali effett ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-motivi ta’ saħħa pubblika u ta’ ordni pubbliku invokati mill-awtoritajiet Finlandiżi ġew imdawra fir-rigward tal-għan tagħhom u użati b’mod li joħolqu diskriminazzjonijiet fir-rigward ta’ merkanzija li toriġina minn Stati Membri oħra jew li jipproteġu indirettament ċerti prodotti nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 36 TFUE u tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq.

127

Meta ġie mistoqsi dwar dan waqt is-seduta, il-Gvern Finlandiż ippreċiża li din is-sistema ta’ awtorizzazzjoni tfittex li tilħaq, minbarra l-motivi ta’ saħħa pubblika u ta’ ordni pubbliku invokati preċedentament, għan ta’ promozzjoni tat-turiżmu, sa fejn din hija intiża sabiex tippermetti lil numru limitat ta’ produtturi ta’ xorb alkoħoliku stabbiliti fil-Finlandja, li jużaw metodi tradizzjonali u artiġjanali, ibigħu l-produzzjoni tagħhom mill-istess post tal-produzzjoni. Dan il-gvern iċċita, bħala eżempju, ċertu inbejjed magħmula mill-frott żgħir imgerbeb bla għadma prodotti f’irżieżet li jinstabu fit-territorju Finlandiż, li l-konsumaturi jistgħu jixtru mill-post tal-produzzjoni stess. Dan il-gvern żied li ma kinitx taqa’ taħt il-kompetenza tiegħu jawtorizza lill-produtturi ta’ xorb alkoħoliku stabbiliti fi Stati Membri oħra jbigħu il-produzzjoni tagħhom fil-post tal-produzzjoni stess, li skont id-definizzjoni, jinstab barra mit-territorju Finlandiż.

128

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, abbażi taċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, u b’mod partikolari n-natura limitata, tradizzjonali u artiġjanali tal-produzzjoni nazzjonali li tibbenefika minn din id-deroga enfasizzata mill-Gvern Finlandiż fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-motivi ta’ saħħa pubblika u ta’ ordni pubbliku invokati mill-awtoritajiet Finlandiżi ġewx imdawra fir-rigward tal-għan tagħhom u użati b’mod li joħolqu diskriminazzjonijiet fir-rigward ta’ merkanzija li toriġina minn Stati Membri oħra jew li jipproteġu indirettament ċerti prodotti nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 36 TFUE.

129

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ħames sat-tmien domandi tkun li l-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha bejjiegħ stabbilit fi Stat Membru ieħor huwa suġġett għar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut għall-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku bil-għan tal-bejgħ bl-imnut tiegħu lil konsumaturi residenti fl-ewwel Stat Membru, meta dan il-bejjiegħ jiżgura t-trasport ta’ dan ix-xorb jew jafda t-trasport tiegħu lil terz, sakemm din il-leġiżlazzjoni tkun adatta sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan mixtieq, f’dan il-każ, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-ordni pubbliku, sakemm dan l-għan ma jistax jintlaħaq b’minn tal-inqas l-istess livell ta’ effettività permezz ta’ miżuri inqas restrittivi u sakemm din il-leġiżlazzjoni ma tikkostitwixxix la mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija fil-kummerċ bejn l-Istati Membri, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju

Fuq l-ispejjeż

130

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 110 TFUE kif ukoll l-Artikoli 1(1), 7 u 15 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE, tal-20 ta’ Diċembru 1994, dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi dazju tas-sisa fuq ċertu imballaġġ ta’ xorb, iżda tipprevedi eżenzjoni fil-każ li dan l-imballaġġ jagħmel parti minn sistema ta’ restituzzjoni operazzjonali.

 

2)

L-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha bejjiegħ stabbilit fi Stat Membru ieħor huwa suġġett għar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bl-imnut għall-importazzjoni ta’ xorb alkoħoliku bil-għan tal-bejgħ bl-imnut tiegħu lil konsumaturi residenti fl-ewwel Stat Membru, meta dan il-bejjiegħ jiżgura t-trasport ta’ dan ix-xorb jew jafda t-trasport tiegħu lil terz, sakemm din il-leġiżlazzjoni tkun adatta sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan mixtieq, f’dan il-każ, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-ordni pubbliku, sakemm dan l-għan ma jistax jintlaħaq b’minn tal-inqas l-istess livell ta’ effettività permezz ta’ miżuri inqas restrittivi u sakemm din il-leġiżlazzjoni ma tikkostitwixxix la mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija fil-kummerċ bejn l-Istati Membri, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju

 

Firem


( * )   Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.

Top