This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CJ0191
Judgment of the Court (Second Chamber) of 28 April 2016.#Borealis Polyolefine GmbH and Others v Bundesminister für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft and Others.#Requests for a preliminary ruling from the Landesverwaltungsgericht Niederösterreich, Raad van State and Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio.#References for a preliminary ruling — Scheme for greenhouse gas emission allowance trading in the European Union — Directive 2003/87/EC — Article 10a(5) — Method for allocating allowances — Free allocation of allowances — Method for calculating the uniform cross-sectoral correction factor — Decision 2011/278/EU — Article 15(3) — Decision 2013/448/EU — Article 4 — Annexe II — Validity.#Joined Cases C-191/14, C-192/14, C-295/14, C-389/14 and C-391/14 to C-393/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-28 ta’ April 2016.
Borealis Polyolefine GmbH et vs Bundesminister für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft et.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich, mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) u mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea – Direttiva 2003/87/KE – Artikolu 10a(5) – Metodu tal-allokazjoni ta’ kwoti – Allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti – Mod ta’ kalkolu tal-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali uniformi – Deċiżjoni 2011/278/UE – Artikolu 15(3) – Deċiżjoni 2013/448/UE – Artikolu 4 – Anness II – Validità.
Kawżi magħquda C-191/14, C-192/14, C-295/14, C-389/14 u C-391/14 sa C-393/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-28 ta’ April 2016.
Borealis Polyolefine GmbH et vs Bundesminister für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft et.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich, mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) u mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea – Direttiva 2003/87/KE – Artikolu 10a(5) – Metodu tal-allokazjoni ta’ kwoti – Allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti – Mod ta’ kalkolu tal-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali uniformi – Deċiżjoni 2011/278/UE – Artikolu 15(3) – Deċiżjoni 2013/448/UE – Artikolu 4 – Anness II – Validità.
Kawżi magħquda C-191/14, C-192/14, C-295/14, C-389/14 u C-391/14 sa C-393/14.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:311
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
28 ta’ April 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni Ewropea — Direttiva 2003/87/KE — Artikolu 10a(5) — Metodu tal-allokazjoni ta’ kwoti — Allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti — Mod ta’ kalkolu tal-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali uniformi — Deċiżjoni 2011/278/UE — Artikolu 15(3) — Deċiżjoni 2013/448/UE — Artikolu 4 — Anness II — Validità”
Fil-Kawżi magħquda C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich (qorti amministrattiva reġjonali tan-Nofsinhar tal-Awstrija, l-Awstrija), mir-Raad van State (Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) u mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet, rispettivament, tal-10 ta’ April 2014 (Kawżi C‑191/14 u C‑192/14), tal-11 ta’ Ġunju 2014 (Kawża C‑295/14) u tat-3 ta’ Lulju 2014 (Kawżi C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14) li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ April, fis-16 ta’ Ġunju u fit-18 ta’ Awwissu 2014, fil-kawżi
Borealis Polyolefine GmbH
vs
Bundesminister für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft (C‑191/14),
OMV Refining & Marketing GmbH
vs
Bundesminister für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft (C‑192/14),
DOW Benelux BV et
vs
Staatssecretaris van Infrastructuur en Milieu (C‑295/14),
Esso Italiana Srl,
Eni SpA,
Linde Gas Italia Srl
vs
Comitato nazionale per la gestione della direttiva 2003/87/CE e per il supporto nella gestione delle attività di progetto del protocollo di Kyoto,
Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare,
Ministero dell’Economia e delle Finanze,
Presidenza del Consiglio dei Ministri,
fil-preżenza ta’:
Edison SpA (C‑389/14),
Api Raffineria di Ancona SpA
vs
Comitato nazionale per la gestione della direttiva 2003/87/CE e per il supporto nella gestione delle attività di progetto del protocollo di Kyoto,
Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare,
Ministero dello Sviluppo economico,
fil-preżenza ta’:
Edison SpA (C‑391/14),
Lucchini in Amministrazione Straordinaria SpA
vs
Comitato nazionale per la gestione della direttiva 2003/87/CE e per il supporto nella gestione delle attività di progetto del protocollo di Kyoto,
Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare,
Ministero dello Sviluppo economico,
fil-preżenza ta’:
Cofely Italia SpA (C‑392/14),
u
Dalmine SpA
vs
Comitato nazionale per la gestione della direttiva 2003/87/CE e per il supporto nella gestione delle attività di progetto del protocollo di Kyoto,
Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare,
Ministero dello Sviluppo economico,
fil-preżenza ta’:
Cofely Italia SpA,
Buzzi Unicem SpA (C‑393/14),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Ewwel Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, J. L. da Cruz Vilaça, A. Arabadjiev, C. Lycourgos u J.‑C. Bonichot (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Settembru 2015,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Borealis Polyolefine GmbH, minn B. Windisch-Altieri, Rechtsanwältin, u G. van Thuyne, advocaat, |
— |
għal OMV Refining & Marketing GmbH, minn B. Windisch‑Altieri, Rechtsanwältin, u G. van Thuyne, advocaat, |
— |
għal DOW Benelux BV, minn G. J. Maas-Cooymans u B. Ebben, advocaten, |
— |
għal Esso Nederland BV u ExxonMobil Chemical Holland BV, minn P. Wytinck, V. Y. Van ’t Lam, A. ten Veen u B. Hoorelbeke, advocaten, |
— |
għal Yara Sluiskil BV et, minn L. Spaans, H. van Geen u G. van Thuyne, advocaten, |
— |
għal BP Raffinaderij Rotterdam BV et, minn N. H. van den Biggelaar u I. F. Kieft, advocaten, |
— |
għal Esso Italiana Srl, minn A. Capria, E. Gardini u A. Lirosi, avvocati, |
— |
għal Eni SpA, minn L. Torchia, V. Vecchione u G. Fortuna, avvocati, |
— |
għal Linde Gas Italia Srl, minn L. Biamonti, P. De Caterini u A. Lo Gaglio, avvocati, |
— |
għal Api Raffineria di Ancona SpA, minn F. Carabba Tettamanti u G. Zurlo, avvocati, |
— |
għal Lucchini in Amministrazione Straordinaria SpA u Dalmine SpA, minn F. Bucchi u V. La Rosa, avvocati, |
— |
għal Buzzi Unicem SpA, minn M. Protto u C. Vivani, avvocati, |
— |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. Bulterman, C. S. Schillemans, M. de Ree u J. Langer, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis u L. Banciella Rodríguez-Miñón, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. White, C. Hermes, K. Mifsud‑Bonnici, E. Manhaeve u L. Pignataro‑Nolin, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Novembru 2015,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna, minn naħa, il-validità tal-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE, tas‑27 ta’ April 2011, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 130, p. 1), u, min-naħa l-oħra, il-validità tal-Artikolu 4 u tal-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/448/UE, tal-5 ta’ Settembru 2013, dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 240, p. 27). |
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, minn naħa, impriżi li jipproduċu gassijiet serra u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet sera (iktar ’il quddiem il-“kwoti”) fl-Italja, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fl-Awstrija dwar il-validità tad-deċiżjonijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti għall-perijodu bejn l-2013 u l-2020, adottati b’implementazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali uniformi (iktar ’il quddiem il-“fattur ta’ korrezzjoni”), previst fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009 (ĠU L 140, p. 63) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 2003/87
3 |
L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi: “Din id-Direttiva għandha tapplika għall-emissjonijiet mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I u għall-gassijiet serra elenkati fl-Annes II.” |
4 |
L-Artikolu 3(e), (f), (t) u (u) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi b’dan il-mod it-termini segwenti:
[...]
|
5 |
L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87, intitolat “Kwantità ta’ kwoti madwar il-Komunità kollha”, jipprovdi: “Il-kwantità ta’ kwoti madwar il-Komunità maħruġa kull sena mill-2013 għandha tonqos f’mod lineari min-nofs il-perjodu mill-2008 sal-2012. Il-kwantità għandha tonqos b’fattur lineari ta’ 1,74 % meta mqabbel mal-medja tal-kwanitità totali annwali tal-kwoti maħruġa mill-Istati Membri konformement mad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-pjanijiet nazzjonali tal-allokazzjoni għall-perjodu mill-2008 sal-2012. Sat-30 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-kwantità assoluta tal-kwoti għall-2013 mal-Komunità kollha, ibbażata fuq il-kwantitajiet totali tal-kwoti maħruġa jew li jridu jinħarġu mill-Istati Membri konformement mad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-pjanijiet nazzjonali tal-allokazzjoni tagħhom għall-perjodu mill-2008 sal-2012. [...]” |
6 |
L-Artikolu 9a tal-imsemmija direttiva, intitolat “Aġġustament tal-kwantità ta’ kwoti madwar il-Komunità kollha”, huwa fformulat kif ġej: “1. Fir-rigward ta’ istallazzjonijiet imdaħħla fl-iskema Komunitarja matul il-perjodu mill-2008 sal-2012 taħt l-Artikolu 24(1), il-kwantità tal-kwoti li għandhom jinħarġu mill-1 ta’ Jannar 2013 għandha tiġi aġġustata biex tirrefletti l-kwantità medja annwali tal-kwoti maħruġa fir-rigward ta’ dawn l-istallazzjonijiet matul il-perjodu tal-inklużjoni tagħhom, aġġustat bil-fattur lineari msemmi fl-Artikolu 9. 2. Fir-rigward ta’ istallazzjonijiet li jwettqu attivitajiet imniżżla fl-Anness I, li ddaħħlu biss fl-iskema Komunitarja mill-2013 ’il quddiem, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi ta’ tali istallazzjonijiet jippreżentaw lill-awtorità kompetenti rilevanti data tal-emissjonijiet verifikata b’mod indipendenti u sostanzjat kif inhu xieraq sabiex tiġi kkunsidrata għall-kwantità tal-kwoti ta’ aġġustament tal-Komunità kollha li għandha tinħareġ. Kwalunkwe data għandha tiġi ppreżentata, sat-30 ta’ April 2010, lill-awtorità kompetenti rilevanti konformement mad-dispożizzjonijiet adottati l-Artikolu 14(1). Jekk id-data ppreżentata tiġi pprovata kif suppost, sat-30 ta’ Ġunju 2010 l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea dwar dan u l-kwantità tal-kwoti li għandhom jinħarġu, aġġustati bil-fattur lineari msemmi fl-Artikolu 9, tiġi aġġustata kif meħtieġ. Fil-każ ta’ istallazzjonijiet li jkollhom emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra oħra barra s-CO2, l-awtorità kompetenti tista’ titlob għal ammont iktar baxx tal-emissjonijiet abbażi tal-potenzjal tat-tnaqqis tal-emissjoni ta’ dawk l-istallazzjonijiet. 3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-kwantitiajiet aġġustati msemmija fil-paragrafi 1 u 2 sat-30 ta’ Settembru 2010. [...]” |
7 |
L-Artikolu 10(1) tal-istess direttiva jipprovdi: “Mill-2013 ’il quddiem, l-Istati Membri għandhom jirkantaw il-kwoti kollha li ma ġewx allokati mingħajr ħlas taħt l-Artikolu 10a u 10c. Sal-31 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni għandha tiddetermina u tippubblika ammont stmat tal-kwoti li jridu jiġu rkantati.” |
8 |
L-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87, intitolat “Regoli tranżitorji madwar il-Komunità kollha għal allokazzjoni gratis armonizzata”, huwa fformulat hekk: “1. Sal-31 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni għandha tadotta, miżuri ta’ implimentazzjoni sabiex ikunu applikabbli mal-Komunità kollha li jkunu kompletament armonizzati għall-allokazzjoni tal-kwoti msemmija fil-paragrafi 4, 5, 7 u 12 inkluża kwalunkwe dispożizzjoni neċessarja għall-applikazzjoni armonizzata tal-paragrafu 19 ta’ dan l-Artikolu. Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju kif stipulat fl-Artikolu 23(3). Il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom, safejn ikun fattibbli, jiddeterminaw punti ta’ riferiment ex ante Komunitarji sabiex jiżguraw li l-allokazzjoni sseħħ b’mod li tagħti inċentivi għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gass serra u għal teknika ta’ effiċjenza fl-enerġija, billi tqis it-teknika l-aktar effiċjenti, is-sostituti, il-proċessi alternattivi ta’ produzzjoni, il-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, l-irkupru effiċjenti tal-enerġija mill-gassijiet tal-iskart, l-użu tal-bijomassa u tal-ġabra u l-ħażna tas-CO2, fejn dawn il-faċilitajiet ikunu disponibbli, u ma għandhiex tipprovdi inċentivi biex jiżdiedu l-emissjonijiet. M’għandha ssir ebda allokazzjoni gratis fir-rigward ta’ kwalunkwe produzzjoni tal-elettriku, ħlief għall-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 10c u l-elettriku prodott mill-gassijiet tal-iskart. Fil-prinċipju, għal kull settur u subsettur, il-punt ta’ riferiment għandu jiġi kkalkulat għall-prodotti aktar milli għall-inputs, sabiex jiġu mmassimizzati kemm jista’ jkun it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-iffrankar mill-effiċjenza enerġetika matul kull proċess ta’ produzzjoni tas-settur jew subsettur ikkonċernat. Fid-definizzjoni tal-prinċipji għall-istabbiliment tal-punti ta’ riferiment ex ante f’setturi u subsetturi individwali, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-partijiet interessati, inklużi s-setturi u subsetturi kkonċernati. Mal-approvazzjoni mill-Komunità ta’ ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima li jwassal għal tnaqqis mandatorju tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra paragunabbli ma’ dawk tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha tirrivedi dawk il-miżuri li jipprovdu li l-allokazzjoni gratis isseħħ biss meta din tkun ġustifkata kompletament fid-dawl ta’ dak il-ftehim. 2. Fid-definizzjoni tal-prinċipji għall-istabbiliment tal-punti ta’ riferiment f’setturi jew subsetturi individwali, il-punt ta’ bidu għandu jkun ir-rendiment medju tal-istallazzjonijiet li jiffurmaw l-ogħla 10 % tal-aktar istallazzjonijiet effiċjenti f’settur jew subsettur fil-Komunità fis-snin 2007-2008. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-partijiet interessati, inklużi s-setturi u subsetturi kkonċernati. Ir-Regolamenti taħt l-Artikoli 14 u 15 għandhom jipprovdu għal regoli armonizzati dwar il-monitoraġġ, l-irrappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra relatati mal-produzzjoni bil-ħsieb li jiġu ddeterminati punti ta’ riferiment ex ante. 3. Suġġett għall-paragrafi 4 u 8, u minkejja l-Artikolu 10c allokazzjoni bi ħlas biss tingħata għal ġeneraturi tal-elettriku, għal istallazzjonijiet għall-ġbir tas-CO2, għal pajpijiet għat-trasport tas-CO2 jew għal siti tal-ħażna tas-CO2. 4. Għandha tingħata allokazzjoni gratis għal tisħin distrettwali kif ukoll għal koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja kif definita bid-Direttiva 2004/8/KE għal domanda li tkun ekonomikament iġġustifikata fir-rigward tal-produzzjoni tat-tisħin u t-tkessiħ. F’kull sena wara l-2013, l-allokazzjoni totali għal istallazzjonijiet bħal dawn fir-rigward tal-produzzjoni tas-sħana għandha tiġi aġġustata bil-fattur lineari msemmi fl-Artikolu 9. 5. L-ammont massimu ta’ kwoti li huwa l-bażi għall-kalkolu ta’ allokazzjonijiet għal istallazzjonijiet li ma jkunux koperti mill-paragrafu 3 u li ma jkunux istallazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq ma għandux jaqbeż is-somma ta’:
Għandu japplika [fattur ta’ korrezzjoni] jekk meħtieġ. [...] 7. Ħamsa fil-mija tal-kwantità totali tal-kwoti determinati taħt l-Artikoli 9 u 9a matul il-perjodu mill-2013 sal-2020 għandhomjiġu riżervati għal istallazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq, bħala l-massimu li jista’ jiġi allokat lill-istallazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq konformement mar-regoli adottati taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. [...] L-allokazzjonijiet għandhom jiġu aġġustati bil-fattur lineari msemmi fl-Artikolu 9. Ma tista’ ssir ebda allokazzjoni gratis fir-rigward ta’ kwalunkwe produzzjoni tal-elettriku minn istallazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq. [...] 11. Suġġett għall-Artikolu 10b, l-ammont ta’ kwoti allokati gratis taħt il-paragrafi 4 sa 7 ta’ dan l-Artikolu fl-2013 għandu jkun 80 % tal-kwantità determinata konformement mal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 u mbagħad l-allokazzjoni gratis għandha tonqos kull sena b’ammonti ugwali sakemm jirriżulta f’allokazzjoni gratis ta’ 30 % fl-2020, bil-ħsieb li tintlaħaq sitwazzjoni fejn ma jkun hemm l-ebda allokazzjoni gratis fl-2027. [...]” |
9 |
L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi: “Sat-28 ta’ Frar ta’ kull sena, l-awtoritajiet kompetenti għandhom joħorġu l-kwantità tal-kwoti li għandhom jiġu distribwiti għal dik is-sena, ikkalkolata taħt l-Artikoli 10, 10a u 10c.” |
10 |
L-Artikolu 23(3) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.” |
Id-Direttiva 2009/29/KE
11 |
Il-premessi 3, 5, 13, 14, 19 u 21 tad-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ĠU L 140, p. 63) huma fformulati hekk:
[...]
[...]
[...]
[...]
|
Id-Deċiżjoni 2011/278
12 |
Il-premessi 21 u 32 tad-Deċiżjoni 2011/278 huma fformulati hekk:
[...]
|
13 |
L-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2011/278 huwa fformulat b’dan il-mod: “[...] 2. Għall-fini ta’ din il-kalkolazzjoni, l-Istati Membri għandhom l-ewwel jiddeterminaw in-numru annwali preliminari tal-[kwoti] allokati mingħajr ħlas lil kull subinstallazzjoni separatament kif ġej:
[...] 9. L-ammont annwali totali finali ta’ [kwoti] allokati mingħajr ħlas lil kull installazzjoni eżistenti, għajr l-installazzjonijiet koperti mill-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva [2003/87], għandu jkun l-ammont annwali totali preliminari ta’ [kwoti] allokati mingħajr ħlas lil kull installazzjoni eżistenti skont il-paragrafu 7 immultiplikat bil-[fattur ta’ korrezzjoni] kif stabbilit skont l-Artikolu 15(3). Għal installazzjonijiet koperti mill-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva [2003/87], u eliġibbli għall-allokazzjoni ta’ [kwoti] mingħajr ħlas, l-ammont annwali totali finali ta’ [kwoti] allokati mingħajr ħlas għandu jikkorrispondi għall-ammont annwali totali preliminari ta’ [kwoti] allokati mingħajr ħlas lil kull installazzjoni eżistenti skont il-paragrafu 7 u aġġustat kull sena bil-fattur lineari msemmi fl-Artikolu 10a(4) tad-Direttiva [2003/87], bl-użu tal-ammont annwali totali preliminari ta’ [kwoti] allokati mingħajr ħlas għall-installazzjoni kkonċernata għall-2013 bħala referenza. [...]” |
14 |
L-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni 2011/278, intitolat “Miżuri nazzjonali ta’ Implimentazzjoni”, jipprovdi: “1. Skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva [2003/87], sat-30 ta’ Settembru 2011, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni lista ta’ installazzjonijiet koperti mid-Direttiva [2003/87] fit-territorju tagħhom, inklużi installazzjonijiet identifikati skont l-Artikolu 5, permezz ta’ mudell elettroniku pprovdut mill-Kummissjoni. [...] 3. Mal-wasla tal-lista msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-inklużjoni ta’ kull installazzjoni fil-lista u l-ammonti annwali totali preliminari tal-[kwoti] allokati mingħajr ħlas relatati. Man-notifika minn kull Stat Membru tal-ammonti annwali totali preliminari ta’ [kwoti] allokati mingħajr ħlas matul il-perjodu 2013 sa 2020, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-[fattur ta’ korrezzjoni] kif imsemmi fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva [2003/87]. Dan għandu jkun stabbilit mit-tqabbil tas-somma tal-ammonti annwali totali preliminari ta’ [kwoti] allokati mingħajr ħlas lil installazzjonijiet li mhumiex ġeneraturi tal-elettriku kull sena matul il-perjodu mill-2013 sal-2020 mingħajr l-applikazzjoni tal-fatturi msemmija fl-Anness VI bl-ammonti annwali ta’ kwoti li huwa kkalkolat skont l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva [2003/87] għal installazzjonijiet li mhumiex ġeneraturi tal-elettriku jew installazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq, waqt li jitqies is-sehem rilevanti tal-kwantità totali annwali fl-Unjoni kollha, kif stabbilit skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva, u l-ammont ta’ emissjonijiet rilevanti li huma inklużi biss fl-iskema tal-Unjoni mill-2013 ’il quddiem. 4. Jekk il-Kummissjoni ma twarrabx l-iskrizzjoni ta’ installazzjoni f’din il-lista, inklużi l-ammonti annwali totali preliminari korrispondenti ta’ [kwoti] allokati mingħajr ħlas lil din l-installazzjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipproċedi għad-determinazzjoni tal-ammont annwali finali ta’ [kwoti] allokati mingħajr ħlas għal kull sena matul il-perjodu mill-2013 sal-2020 skont l-Artikolu 10(9) ta’ din id-Deċiżjoni. […]” |
Id-Deċiżjoni 2013/448
15 |
Il-premessi 22, 23 u 25 tad-Deċiżjoni 2013/448 huma fformulati kif ġej:
[...]
|
16 |
L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2013/448 jipprovdi: “Il-[fattur ta’ korrezzjoni] msemmi fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva [2003/87] u ddeterminat skont l-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni [2011/278] huwa stabbilit fl-Anness II ma’ din id-Deċiżjoni.” |
17 |
L-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 jipprevedi: |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
Fil-Kawżi C‑191/14 u C‑192/14
18 |
Borealis Polyolefine GmbH (iktar ’il quddiem “Borealis”) u OMV Refining & Marketing GmbH (iktar ’il quddiem “OMV”) huma intitolati għal allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti għas-snin bejn l-2013 u l-2020. Permezz ta’ deċiżjonijiet, il-Bundesminister für Land und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft (Ministru Federali għall-Agrikoltura, għall-Foresti, għall-Ambjent u għall-Ilma) iddetermina, billi applika l-fattur ta’ korrezzjoni, il-kwantità definittiva tal-kwoti li għandhom jiġu allokati lil Borealis u lil OMV għal dan il-perijodu. |
19 |
Borealis u OMV, fil-Kawża C-191/14 u fil-Kawża C-192/14 rispettivament, ippreżentaw rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il- Landesverwaltungsgericht Niederösterreich (qorti amministrattiva reġjonali tan-Nofsinhar tal-Awstrija). Insostenn tar-rikorsi tagħhom, huma jsostnu b’mod partikolari li d-Deċiżjonijiet 2011/278 u 2013/448 huma parzjalment invalidi. Fil-fatt, l-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278, li jispeċifika l-modalitajiet ta’ kalkolu tal-fattur ta’ korrezzjoni, kif ukoll l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2013/448, li permezz tiegħu l-Kummissjoni stabbilixxiet dan il-fattur, jemendaw elementi essenzjali tad-Direttiva 2003/87 u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 10a(5) ta’ din tal-aħħar. B’hekk, l-ewwel żewġ dispożizzjonijiet huma illegali u d-deċiżjonijiet nazzjonali li fihom ġie applikat dan il-fattur huma wkoll illegali. |
20 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich (qorti amministrattiva reġjonali tan-Nofsinhar tal-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fil-Kawża C‑295/14
21 |
L-iStaatssecretaris van Infrastructuur en Milieu (Segretarju tal-Istat għall-Infrastruttura u għall-Ambjent) alloka, permezz tad-deċiżjoni provviżorja tat‑2 ta’ Lulju 2012, kwoti mingħajr ħlas lil diversi impriżi għall-perijodu mis-sena 2012 sas-sena 2020. Huwa emenda din id-deċiżjoni permezz tad-deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 2013 billi applika l-fattur ta’ korrezzjoni previst fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87. |
22 |
Din id-deċiżjoni tal-aħħar kienet is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat). Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑295/14 isostnu, b’mod partikolari, li d-Deċiżjoni 2013/448 hija illegali sa fejn tiffissa l-fattur ta’ korrezzjoni mingħajr ma tosserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 2003/87. Barra minn hekk, huma jikkontestaw il-validità tal-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278 li jispeċifika r-regoli dwar id-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni, previsti fl-Artikolu 10a(5) tal-istess direttiva. |
23 |
Ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat) iqis li ċerti argumenti mqajma mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑295/14 sabiex jikkontestaw il-validità tad-Deċiżjonijiet 2013/448 u 2011/278 jistgħu jkunu fondati. Madankollu, huwa jfakkar li mis-sentenza TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90) jirriżulta li individwu ma jistax jeċċepixxi, quddiem qorti nazzjonali, l-illegalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ li dan l-individwu seta’, mingħajr ebda dubju, jitlob l-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea. F’dan il-każ, ma huwiex eskluż li dawn ir-rikorrenti huma individwalment ikkonċernati peress li jagħmlu parti minn grupp limitat ta’ operaturi ekonomiċi. |
24 |
Fir-rigward tal-mertu, ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat) għandu dubju dwar il-kwistjoni ta’ jekk id-Deċiżjoni 2013/448 tikkostitwixxix miżura ta’ implementazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, li kien imissha ġiet adottata konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju li għaliha jagħmel riferiment l-Artikolu 23(3) ta’ din id-direttiva. Madankollu, din il-qorti tispjega li ma hijiex qiegħda teskludi li l-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278, li kienet adottata konformement ma’ din il-proċedura, jista’ jikkostitwixxi l-bażi legali tad-Deċiżjoni 2013/448. |
25 |
Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87, ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat) iqis li ma jistax jiġi eskluż li din id-dispożizzjoni teżiġi, fid-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-emissjonijiet marbuta, minn naħa, mal-produzzjoni tal-elettriku minn gassijiet tal-iskart u, min-naħa l-oħra, mas-sħana prodotta permezz tal-koġenerazzjoni. Jekk ikun il-każ, din id-dispożizzjoni tmur kontra l-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278 u, għaldaqstant, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2013/448. Fil-fatt, mill-imsemmi Artikolu 15(3) jirriżulta li huma biss l-emissjonijiet tal-installazzjonijiet li ma jiġġenerawx elettriku li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni. |
26 |
Ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat) iqis, barra minn hekk, li d-determinazzjoni tal-kwantità massima ta’ kwoti li tista’ tiġi allokata mingħajr ħlas, fis-sena, b’effett mis-sena 2013 tista’ tkun kuntrarja għall-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87. Madankollu, dik il-qorti ddeċidiet li ma tagħmilx domanda preliminari f’dan ir-rigward. Fil-fatt, hija tqis li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bagħat lill-Kummissjoni d-data kollha neċessarja sabiex tikkalkola din il-kwantità. Minn din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 9a(2) tad-Direttiva 2003/87, jirriżulta li hija tikkonċerna l-emissjonijiet biss mill-installazzjonijiet li kienu suġġetti għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti b’effett mill-2013. Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu li l-emissjonijiet iġġenerati f’installazzjonijiet li, qabel din id-data, kienu diġà koperti mill-iskema għall-iskambju ta’ kwoti, huma rilevanti għad-determinazzjoni tan-numru massimu ta’ kwoti li jistgħu jiġu allokati mingħajr ħlas. |
27 |
Skont ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat), id-Deċiżjoni 2013/448 tista’ tkun illegali wkoll minħabba l-fatt li d-data mgħoddija lill-Kummissjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9a(2) tad-Direttiva 2003/87, moqri flimkien mal-Artikolu 14(1) tagħha, ma kinitx inġabret konformement mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012, tal-21 ta’ Ġunju 2012, dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87 (ĠU L 181, p. 30) |
28 |
Fir-rigward tal-kwistjoni jekk id-Deċiżjoni 2013/448 hijiex suffiċjentement motivata, ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat) iqis li, minn naħa, din id-deċiżjoni ma tinkludix l-elementi rilevanti kollha sabiex jiġi kkalkolat il-fattur ta’ korrezzjoni u li, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑295/14 ma kinux f’pożizzjoni li jkunu jafu d-data rilevanti kollha. |
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fil-Kawżi C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14
30 |
Quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio) ġew ippreżentati diversi rikorsi dwar, b’mod partikolari, il-validità tad-Deċiżjonijiet Nri 29/2013, 10/2014 u 16/2014 tal-Comitato nazionale per la gestione della direttiva 2003/87/CE e per il supporto nella gestione delle attività di progetto del protocollo di Kyoto (Kumitat nazzjonali għall-ġestjoni tad-Direttiva 2003/87/KE u għas-sostenn fil-ġestjoni tal-attivitajiet ta’ proġetti tal-Protokoll ta’ Kyoto), adottati skont id-Deċiżjoni 2013/448. |
31 |
Quddiem l-imsemmija qorti qiegħed jiġi sostnut, essenzjalment, li dawn id-deċiżjonijiet tal-Kumitat nazzjonali għall-ġestjoni tad-Direttiva 2003/87/KE u għas-sostenn fil-ġestjoni tal-attivitajiet ta’ proġetti tal-Protokoll ta’ Kyoto huma illegali sa fejn fihom jiġi applikat il-fattur ta’ korrezzjoni li, min-naħa tiegħu, ma huwiex konformi mal-Artikolu 10a(5) ta’ din id-direttiva. |
32 |
F’dan ir-rigward, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio) tqis li, bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2013/448, il-Kummissjoni emendat elementi essenzjali tad-Direttiva 2003/87. Hija tosserva li, skont l-Artikolu 10a(5) ta’ din id-direttiva, il-fattur ta’ korrezzjoni għandu jiġi ddeterminat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet tal-installazzjonijiet li ma humiex koperti mill-Artikolu 10a(3) tal-imsemmija direttiva. Mir-riferiment għal din id-dispożizzjoni tal-aħħar jirriżulta li l-Kummissjoni kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni, sabiex tiddetermina dan il-fattur, l-emissjonijiet iġġenerati mill-attivitajiet kollha li ma humiex koperti minn din id-dispożizzjoni. Dan huwa l-każ tal-emissjonijiet marbuta, minn naħa, mal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn gassijiet tal-iskart u, min-naħa l-oħra, mas-sħana prodotta permezz tal-koġenerazzjoni. L-approċċ tal-Kummissjoni ħoloq relazzjoni asimetrika bejn l-emissjonijiet li jistgħu jibbenefikaw minn allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti u l-kwoti effettivament allokati. Tali nuqqas ta’ simetrija huwa kuntrarju għall-għanijiet tad-Direttiva 2003/87 kif jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-Artikolu 10a tagħha. |
33 |
Barra minn hekk, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio) tqis li l-applikazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni tista’ tippreġudika l-aspettattivi leġittimi tal-operaturi li jkollhom, fl-aħħar mill-aħħar, in-numru ta’ kwoti allokati b’mod provviżorju, qabel l-applikazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni. |
34 |
Fir-rigward tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni 2013/448, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio) tqis li din hija insuffiċjenti. Fl-assenza ta’ informazzjoni dwar id-data konkretament użata mill-Kummissjoni, din id-deċiżjoni ma tippermettix li wieħed jifhem ir-raġunijiet għaliex kienet meħtieġa l-applikazzjoni ta’ fattur ta’ korrezzjoni daqstant għoli bħal dak stabbilit fiha. |
35 |
Barra minn hekk, din id-deċiżjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni l-bidla fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “installazzjoni ta’ kombustjoni” li saret fl-aħħar tal-ewwel perijodu ta’ skambju (2005 sa 2007). Huwa minnu li l-Kummissjoni ppreċiżat li l-emissjonijiet iġġenerati minn ċerti attivitajiet ta’ kombustjoni li jitwettqu f’installazzjonijiet li ma kinux assimilati għal “installazzjonijiet ta’ kombustjoni” minn ċerti Stati Membri kellhom jitqiesu bħala tali u kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’effett mis-sena 2008. Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, din l-istituzzjoni ddeterminat il-fattur ta’ korrezzjoni fuq il-bażi biss tal-emissjonijiet irreġistrati fil-ġurnal indipendenti tat-tranżazzjonijiet matul is-snin bejn l-2005 u l-2007, li ma kinux jinkludu l-emissjonijiet minn dawn l-installazzjonijiet. |
36 |
Skont it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio), l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 matul is-sena 2013 ikkawżat ukoll żball li jista’ jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni 2013/448. Fil-fatt, id-data pprovduta mill-Istati Membri skont l-Artikolu 9a(2) ta’ din id-direttiva u użata mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina s-somma msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(5) ta’ din l-istess direttiva hija inkoerenti. B’mod partikolari, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kkomunika lill-Kummissjoni biss id-data dwar l-emissjonijiet tal-installazzjonijiet li kienu suġġetti għad-Direttiva 2003/87 għall-ewwel darba b’effett mis-sena 2013. Minbarra din id-data, ir-Renju tal-Belġju u r-Repubblika Franċiża kkomunikaw ukoll data dwar l-emissjonijiet tal-installazzjonijiet li kienu preċedentement koperti mid-Direttiva 2003/87, li jirriżultaw mill-attivitajiet li kienu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva b’effett mis-sena 2013. Barra minn hekk, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio) tosserva li d-Deċiżjoni 2013/448 ma kinitx adottata konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikoli 10a(1) u 23(3) tad-Direttiva 2003/87 u, għalhekk, tista’ tkun invalida. |
37 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Tgħaqqid għall-finijiet tas-sentenza
38 |
Fid-dawl tal-konnessjoni bejn dawn id-domandi kollha, ikkonfermata matul il-proċedura orali, dawn il-kawżi għandhom, konformement mal-Artikolu 54 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jintgħaqqdu għall-finijiet tas-sentenza. |
Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali
39 |
Wara li l-Avukat Ġenerali ppreżentat il-konklużjonijiet tagħha fit-12 ta’ Novembru 2015, BP Raffinaderij Rotterdam BV et, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Marzu 2016, talbu li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. Insostenn ta’ din it-talba, dawn l-impriżi jsostnu, essenzjalment, li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10a(5)(b) tad-Direttiva 2003/87 li ngħatat fl-imsemmija konklużjonijiet hija żbaljata. |
40 |
Għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (sentenza Nordzucker, C‑148/14, EU:C:2015:287, punt 24). |
41 |
Dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, bħall-intervenjenti l-oħra, BP Raffinaderij Rotterdam BV et ressqu, matul il-fażi bil-miktub u l-fażi orali tal-proċedura, l-argumenti tagħhom dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10a(5)(b) tad-Direttiva 2003/87. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li għandha informazzjoni biżżejjed sabiex tkun tista’ tiddeċiedi u li ma huwiex meħtieġ li din il-kawża tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argumenti li ma ġewx indirizzati. |
42 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
43 |
Permezz tal-ewwel domanda tiegħu, ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat) jesprimi dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità tad-Deċiżjoni 2013/448 fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li żviluppat mis-sentenza TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90). |
44 |
Barra minn hekk, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jqis li l-impriżi li jipproduċu emissjonijiet ta’ gassijiet serra huma kkonċernati direttament mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2013/448 li jiffissa l-fattur ta’ korrezzjoni. Skontu, dan il-fattur jimplika tnaqqis ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas u, fl-applikazzjoni tiegħu, l-Istati Membri ma għandhom ebda setgħa diskrezzjonali. Barra minn hekk, dawn l-impriżi huma kkonċernati wkoll individwalment mill-imsemmija deċiżjoni fis-sens tas-sentenza Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni (C‑132/12 P, EU:C:2014:100). Bħala possessuri ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ emissjoni, huma jagħmlu parti minn grupp magħluq ta’ operaturi. F’din il-kwalità huma kienu ġew allokati kwoti mingħajr ħlas u b’mod provviżorju mill-awtoritajiet nazzjonali. Peress li l-applikazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni timplika tnaqqis ta’ dawn il-kwoti, id-Deċiżjoni 2013/448 tibdel id-drittijiet preċedentement miksuba minn dawn l-impriżi. |
45 |
Għaldaqstant, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, li ma kkontestawx id-Deċiżjoni 2013/448 quddiem il-Qorti Ġenerali konformement mal-Artikolu 263 TFUE, ma jistgħux jikkontestaw indirettament il-validità ta’ din id-deċiżjoni permezz ta’ talba għal deċiżjoni preliminari. |
46 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li sabiex parti tkun tista’ ssostni, quddiem il-qorti nazzjonali adita minnha, l-invalidità ta’ dispożizzjonijiet li jinsabu f’att tal-Unjoni huwa meħtieġ li din il-parti ma kellhiex id-dritt li tippreżenta, skont l-Artikolu 263 TFUE, rikors dirett kontra dawn id-dispożizzjonijiet (ara s-sentenzi TWD Textilwerke Deggendorf, C‑188/92, EU:C:1994:90, punt 23, u Valimar, C‑374/12, EU:C:2014:2231, punt 28). |
47 |
Madankollu, minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex tkun tista’ tiġi invokata din l-inammissibbiltà, ma għandu jkun hemm ebda dubju dwar l-ammissibbiltà ta’ din il-parti li tippreżenta tali rikors għal annullament. |
48 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprovdi li “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”. |
49 |
L-applikabbiltà tal-ewwel u tat-tielet partijiet ta’ din id-dispożizzjoni tista’ tiġi eskluża mill-ewwel. Fil-fatt, għandu jiġi osservat, minn naħa, li d-Deċiżjoni 2013/448 hija att ta’ portata ġenerali li d-destinatarji tiegħu huma l-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, li dawn tal-aħħar għandhom, konformement mal-Artikoli 15(4) u 10(9) tad-Deċiżjoni 2011/278, jadottaw miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sabiex jimplementaw il-fattur ta’ korrezzjoni stabbilit fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2013/448, moqri flimkien mal-Anness II tagħha. |
50 |
Minn dan isegwi li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali setgħu jippreżentaw rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni 2013/448 fil-każ biss li din kienet tikkonċernahom direttament u individwalment. |
51 |
Fir-rigward tat-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jiġifieri l-fatt li wieħed ikun ikkonċernat individwalment mill-att inkwistjoni, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-persuni li ma jkunux id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jsostnu li huma kkonċernati individwalment fil-każ biss li din id-deċiżjoni taffettwahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni fattwali li tikkaratterizzahom fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, għalhekk, tindividwalizzahom b’mod simili għal dak ta’ destinatarju (sentenzi Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, 223, kif ukoll T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 63). |
52 |
Is-sempliċi possibbiltà li jiġu ddeterminati, b’mod ftit jew wisq preċiż, in-numru jew saħansitra l-identità tal-persuni li għalihom tapplika miżura bl-ebda mod ma timplika li dawn il-persuni għandhom jitqiesu li huma kkonċernati individwalment minn din il-miżura meta din l-applikazzjoni titwettaq bis-saħħa ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni (sentenza Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni, C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punt 58). |
53 |
Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta d-deċiżjoni taffettwa grupp ta’ persuni li kienu identifikati jew li setgħu jiġu identifikati fil-mument meta ttieħed dan l-att u fuq il-bażi ta’ kriterji partikolari għall-membri tal-grupp, dawn il-persuni jistgħu jkunu kkonċernati individwalment minn dan l-att sa fejn jagħmlu parti minn grupp limitat ta’ operaturi ekonomiċi u li dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari meta d-deċiżjoni temenda d-drittijiet miksuba mill-individwu preċedentement għall-adozzjoni tagħha (sentenza Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni, C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punt 59). |
54 |
F’dan il-każ, id-Deċiżjoni 2013/448, sa fejn tiddetermina l-fattur ta’ korrezzjoni, taffettwa lir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali fil-kwalità oġġettiva tagħhom ta’ operaturi ta’ installazzjonijiet li jipproduċu emissjonijiet ta’ gassijiet serra, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tagħhom. |
55 |
Barra minn hekk, id-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni permezz tad-Deċiżjoni 2013/448 ma twassalx, fiha nfisha, sabiex tibdel id-drittijiet miksuba mill-imsemmija rikorrenti qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni peress li l-allokazzjoni mingħajr ħlas definittiva ta’ kwoti teħtieġ li qabel jiġi ffissat il-fattur ta’ korrezzjoni. Fil-fatt, skont id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 10a(5) u 11(2) tad-Direttiva 2003/87, minn naħa, u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(9) tad-Deċiżjoni 2011/278, min-naħa l-oħra, huwa billi japplikaw dan il-fattur ta’ korrezzjoni li l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-kwantità totali finali ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas. |
56 |
Dawn il-kunsiderazzjonijiet dwar id-Deċiżjoni 2013/448 japplikaw mutatis mutandis għall-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278 li l-validità tagħha wkoll qiegħda tiġi kkontestata. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni, li hija indirizzata kemm lill-Istati Membri u kemm lill-Kummissjoni, tirriproduċi, essenzjalment, il-modalitajiet tad-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni previsti fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87. |
57 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma jistax jitqies li rikors dirett, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kontra d-Deċiżjonijiet 2011/278 u 2013/448 kien ikun mingħajr ebda dubju ammissibbli. |
58 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli sa fejn jikkonċernaw kemm l-eżami tal-validità tad-Deċiżjoni 2013/448 u kemm l-eżami tal-validità tad-Deċiżjoni 2011/278. |
Fuq il-validità tad-Deċiżjoni 2011/278
59 |
Permezz tal-ewwel sar-raba’ domandi fil-Kawżi C‑191/14 u C‑192/14, permezz tat-tielet domanda fil-Kawża C‑295/14 u permezz tal-ewwel domanda fil-Kawżi C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, il-qrati tar-rinviju qegħdin essenzjalment jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni fuq il-validità tal-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278 sa fejn din id-dispożizzjoni teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-emissjonijiet tal-produtturi tal-elettriku fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-kwantità annwali massima ta’ kwoti fis-sens tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 (iktar ’il quddiem il-“kwantità annwali massima ta’ kwoti”). |
60 |
Sa fejn din il-kwantità hija determinanti għall-fattur ta’ korrezzjoni, l-invalidità ta’ din id-dispożizzjoni ser taffettwa, bħala konsegwenza, il-validità tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2013/448 u tal-Anness II tagħha, li permezz tagħhom il-Kummissjoni stabbilixxiet dan il-fattur. |
61 |
Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jqisu li mill-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 jirriżulta li l-Kummissjoni, meta ddeterminat il-fattur ta’ korrezzjoni, kien imissha inkludiet l-emissjonijiet ta’ ċerti produtturi tal-elettriku fil-kwantità annwali massima ta’ kwoti. Huma jsostnu, b’mod iktar preċiż, li l-esklużjoni tal-emissjonijiet marbuta mal-produzzjoni tal-elettriku minn gass tal-iskart u tas-sħana permezz tal-koġenerazzjoni hija kuntrarja għal din id-dispożizzjoni. |
62 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-fattur ta’ korrezzjoni huwa ddeterminat meta dan ikun meħtieġ mir-riżultat tal-operazzjonijiet aritmetiċi previsti fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87. Minn din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278, jirriżulta li l-Kummissjoni hija meħtieġa tqabbel, minn naħa, il-kwantità provviżorja ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas lill-installazzjonijiet li ma humiex koperti mill-Artikolu 10a(3) ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, il-kwantità annwali massima ta’ kwoti. L-ammont ta’ din il-kwantità tal-aħħar jikkorrispondi għas-somma tal-kwantitajiet ta’ emissjonijiet msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(5) ta’ din l-istess direttiva. |
63 |
Huwa biss fil-każ li l-kwantità provviżorja ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas lill-installazzjonijiet li ma humiex koperti mill-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87 taqbeż il-kwantità annwali massima ta’ kwoti li l-Kummissjoni għandha tiddetermina l-fattur ta’ korrezzjoni fuq il-bażi tar-riżultat ta’ dan il-paragun. |
64 |
Fir-rigward tal-esklużjoni tal-emissjonijiet tal-produtturi tal-elettriku mill-kwantità annwali massima ta’ kwoti, din tirriżulta mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87, li huwa limitat għall-“istallazzjonijiet li ma jkunux koperti mill-paragrafu 3 [ta’ dan l-artikolu]”. Fil-fatt, dan il-paragrafu 3 jirreferi għall-produtturi tal-elettriku, għall-installazzjonijiet għall-ġbir tas-CO2, għall-pajpijiet għat-trasport tas-CO2 kif ukoll għas-siti għall-ħażna tas-CO2 u jipprovdi li dawn l-installazzjonijiet, bħala prinċipju, huma esklużi minn kull allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti. |
65 |
Minn dan jirriżulta li r-riferiment fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 għall-“istallazzjonijiet li ma jkunux koperti mill-paragrafu 3” għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għall-installazzjonijiet li la huma produtturi tal-elettriku, la huma installazzjonijiet għall-ġbir ta’ CO2, la huma pajpijiet għat-trasport ta’ CO2, u li lanqas ma huma siti għall-ħażna ta’ CO2. |
66 |
Il-fatt li l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87 tapplika bla ħsara għar-regoli previsti f’dispożizzjonijiet oħra ma jistax idgħajjef din il-konstatazzjoni. Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tagħha, l-esklużjoni tal-installazzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni mill-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti tirriżulta direttament minn din ir-regola ta’ prinċipju, li għaliha ssir eċċezzjoni f’dispożizzjonijiet oħra li jippermettu li ssir deroga minnha. |
67 |
Barra minn hekk, il-valuri msemmija fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 huma bbażati fuq data storika. Matul il-perijodi ta’ referenza, b’differenza mill-produtturi tal-elettriku, l-installazzjonijiet għall-ġbir ta’ CO2, il-pajpijiet għat-trasport ta’ CO2 u s-siti għall-ħażna msemmija fl-Artikolu 10a(3) ta’ din id-direttiva ma kinux jeżistu, kif osservat il-Kummissjoni matul is-seduta. Għaldaqstant, sabiex tadotta l-miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tal-Artikolu 10a(1) tal-imsemmija direttiva bil-għan li timplementa l-Artikolu 10a(5) tagħha, il-Kummissjoni setgħet b’mod validu tinterpreta r-referenza f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar għall-“istallazzjonijiet li ma jkunux koperti mill-paragrafu 3” fis-sens li tkopri biss dawk l-installazzjonijiet li ma humiex produtturi tal-elettriku. |
68 |
Għaldaqstant, billi ma jippermettix li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet tal-produtturi tal-elettriku fid-determinazzjoni tal-kwantità annwali massima ta’ kwoti, l-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278 huwa konformi mat-termini tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87, moqri flimkien mal-Artikolu 10a(3) ta’ din id-direttiva tal-aħħar. |
69 |
Din l-interpretazzjoni hija konformi wkoll mal-istruttura tad-Direttiva 2003/87 kif ukoll mal-għanijiet tagħha. |
70 |
Fil-fatt, l-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278 jirrifletti d-dikotomija stabbilita, b’mod partikolari, fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) u fl-Artikolu 10a(3) sa (5) tad-Direttiva 2003/87. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, għandha ssir distinzjoni bejn l-installazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 10a(3) ta’ din id-direttiva u l-installazzjonijiet l-oħra li jiġġeneraw emissjonijiet ta’ gassijiet serra (iktar ’il quddiem l-“installazzjonijiet industrijali”). Fost tal-ewwel jinsabu, b’mod partikolari, il-produtturi tal-elettriku fis-sens tal-Artikolu 3(u) tal-imsemmija direttiva. |
71 |
Konformement ma’ din id-distinzjoni, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(9) tad-Deċiżjoni 2011/278, il-fattur ta’ korrezzjoni għandu jiġi applikat biss għall-kwantità provviżorja ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas lill-installazzjonijiet industrijali. Fir-rigward tal-installazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87 u li madankollu jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(9) tad-Deċiżjoni 2011/278 jipprevedi li l-kwantità definittiva ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas għandha tirriżulta mill-aġġustament tal-kwantità annwali totali provviżorja permezz tal-fattur lineari previst fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87 biss. |
72 |
Minkejja d-distinzjoni ċara bejn il-produtturi tal-elettriku u l-installazzjonijiet industrijali, dawn tal-aħħar jistgħu jirċievu kwoti mingħajr ħlas fir-rigward ta’ ċerti emissjonijiet li jkunu marbuta mal-produzzjoni tal-elettriku. Madankollu, dawn l-emissjonijiet ma jittiħdux inkunsiderazzjoni fil-kwantità annwali massima ta’ kwoti. |
73 |
Fil-fatt, fir-rigward tal-produzzjoni tal-elettriku minn gass tal-iskart, mill-premessa 32 tad-Deċiżjoni 2011/278 jirriżulta li l-Kummissjoni, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, ħadet inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet li huma marbuta mal-irkupru effikaċi tal-enerġija minn gassijiet tal-iskart. Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Kummissjoni, għal dan il-għan, aġġustat ċerti punti ta’ riferiment ta’ prodotti, fosthom, b’mod partikolari, dawk għall-kokk, għall-ħadid mhux maħdum imdewweb u għall-minerali sinterizzati. L-iskop tal-Kummissjoni huwa li b’dan il-mod tinkoraġġixxi lill-impriżi jużaw mill-ġdid jew ibigħu l-gassijiet tal-iskart iġġenerati fil-fabbrikazzjoni ta’ dawn il-prodotti. Fil-fatt, mill-istess premessa 32 jirriżulta li l-użu mill-ġdid tagħhom, fi proċess ieħor minn installazzjoni industrijali, għandu bħala prinċipju jagħti dritt għall-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas supplimentari. Għalkemm il-kombustjoni ta’ dawn il-gassijiet minn produttur tal-elettriku ma tagħtix dritt għal tali allokazzjoni, il-bejgħ tagħhom lil tali produttur jippermetti lill-produttur tal-gassijiet tal-iskart jiffranka l-kwoti. |
74 |
Peress li l-kwantità annwali provviżorja ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas lill-installazzjonijiet industrijali tirriżulta, skont l-Artikolu 10(2) tad-Deċiżjoni 2011/278, b’mod partikolari, mill-multiplikazzjoni tal-livell ta’ attività storika tagħhom bil-punti ta’ riferiment li jinsabu fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni, fosthom dawk għall-kokk, għall-ħadid mhux maħdum imdewweb u għall-minerali sinterizzati, din il-kwantità żdiedet skont l-aġġustamenti magħmula mill-Kummissjoni. Madankollu, sa fejn il-gassijiet tal-iskart jkunu nħarqu minn produtturi tal-elettriku, l-emissjonijiet korrispondenti ma jkunux ittieħdu inkunsiderazzjoni fl-istabbiliment tal-kwantità annwali massima ta’ kwoti. |
75 |
Fir-rigward tal-produzzjoni tas-sħana permezz tal-koġenerazzjoni, mill-Artikolu 10a(3) u (5) tad-Direttiva 2003/87 jirriżulta li l-emissjonijiet iġġenerati minn produtturi tal-elettriku, inklużi dawk tal-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni li jipproduċu l-elettriku, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kwantità annwali massima tal-kwoti. Għall-kuntrarju, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87 jipprevedi li l-modalitajiet ta’ allokazzjoni tal-kwoti għandhom jinkoraġġixxu l-użu ta’ tekniki effikaċi sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u sabiex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika, bl-użu, b’mod partikolari, tal-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja. F’dan il-kuntest, il-premessa 21 tad-Deċiżjoni 2011/278 tgħid li, sabiex jiġi żgurat li n-numru ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas ikun indipendenti mill-entità li tipproduċi s-sħana, il-kwoti għandhom jiġu allokati lill-konsumatur tas-sħana. |
76 |
Kif l-Avukat Ġenerali osservat fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fatt li l-installazzjonijiet li jipproduċu huma stess is-sħana u dawk li jixtru din is-sħana mingħand installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni huma ttrattati bl-istess mod jiffaċilita l-ġestjoni tal-użu tas-sħana fil-kuntest tal-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti. Bħala prinċipju, sabiex jiġu allokati kwoti lil dawn l-installazzjonijiet, ma huwiex meħtieġ li jiġu eżaminati individwalment is-sorsi tal-provvista tas-sħana u l-kwantità ta’ sħana li toriġina minn kull sors. Barra minn hekk, dan il-mekkaniżmu jikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi promoss l-użu ta’ tekniki bħalma hija l-koġenerazzjoni peress li, bl-użu tas-sħana li toriġina minn installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni, l-installazzjonijiet industrijali jiffrankaw kwoti li jkunu jistgħu jbigħu. |
77 |
Dan it-teħid inkunsiderazzjoni asimetriku tal-emissjonijiet marbuta mal-produzzjoni tal-elettriku minn gassijiet tal-iskart u mis-sħana permezz tal-koġenerazzjoni jimplika żieda fil-fattur ta’ korrezzjoni li, kif ġie kkonstatat fil-punti 62 u 63 ta’ din is-sentenza, jirriżulta minn paragun bejn, minn naħa, is-somma tal-kwantitajiet annwali totali provviżorji ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas lill-installazzjonijiet industrijali u, min-naħa l-oħra, il-kwantità annwali massima ta’ kwoti. |
78 |
Huwa minnu li, minħabba dawn l-asimetriji, il-fattur ta’ korrezzjoni jista’ jillimita l-effetti tal-miżuri meħuda mill-Kummissjoni skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87. Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw uħud mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, il-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa twettaq trattament simetriku ta’ dawn l-emissjonijiet meta stabbilixxiet il-kwantità annwali massima ta’ kwoti. Għall-kuntrarju, mill-punti 62 sa 68 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-esklużjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ din il-kwantità, tal-emissjonijiet iġġenerati mill-produtturi tal-elettriku tirriżulta mill-Artikolu 10a(5) ta’ din id-direttiva, li ma jagħti ebda setgħa diskrezzjonali lill-Kummissjoni f’dan ir-rigward. |
79 |
Barra minn hekk, tali trattament asimetriku tal-emissjonijiet huwa konformi mal-għan prinċipali tad-Direttiva 2003/87 ta’ protezzjoni tal-ambjent permezz ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 31). |
80 |
F’dan ir-rigward, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-istess direttiva jirriżulta li din id-direttiva tipprevedi tnaqqis ikbar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sabiex jintlaħqu l-livelli ta’ tnaqqis li huma meqjusa bħala xjentifikament meħtieġa sabiex jikkontribwixxu għal-limitazzjoni tal-bidla klimatika. |
81 |
Għal dan il-għan, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessi 3 u 5 tad-Direttiva 2009/29, id-Direttiva 2003/87 hija intiża li tnaqqas, sas-sena 2020, l-emissjonijiet globali ta’ gassijiet serra tal-Unjoni b’minn tal-inqas 20 % fil-konfront tal-livelli tagħhom fis-sena 1990, f’kundizzjonijiet ekonomikament effikaċi. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda żewġ mekkaniżmi. L-ewwel wieħed, stabbilit permezz tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87 jikkonsisti, konformement mal-premessi 13 u 14 tad-Direttiva 2009/29, fit-tnaqqis tal-kwantità tal-kwoti disponibbli b’mod lineari bl-applikazzjoni ta’ fattur ta’ 1.74 % fil-konfront tat-total annwali medju ta’ kwoti maħruġ mill-Istati Membri konformement mad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-allokazzjoni ta’ kwoti għall-perijodu bejn is-sena 2008 u s-sena 2012. It-tieni mekkaniżmu huwa dak tal-bejgħ b’irkant tal-kwoti li għandu jippermetti wkoll li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’kundizzjonijiet ekonomikament effikaċi. |
82 |
Konformement mal-premessa 19 tad-Direttiva 2009/29, mill-Artikoli 10(1) u 10a(3) tad-Direttiva 2003/87 jirriżulta li, mis-sena 2013, il-bejgħ bl-irkant tal-kwoti sar in-norma għall-produtturi tal-elettriku. Fir-rigward tal-installazzjonijiet li jibbenefikaw minn kwoti mingħajr ħlas wara din id-data, konformement mal-Artikolu 10a(11) tad-Direttiva 2003/87, moqri fid-dawl tal-premessa 21 tad-Direttiva 2009/29, il-kwantità allokata ta’ dawn il-kwoti għandha titnaqqas gradwalment sabiex matul is-sena 2027 ma jkunx għad hemm iktar kwoti mingħajr ħlas. |
83 |
Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 57 u 58 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fattur ta’ korrezzjoni jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Minn naħa, dan il-fattur jimplementa t-tnaqqis lineari tal-kwoti disponibbli previst fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87. Min-naħa l-oħra, peress li l-kwantità annwali massima ta’ kwoti ma tiħux inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet marbuta mal-produzzjoni tal-elettriku, dan il-fattur jiżgura li l-kwantità tal-kwoti mingħajr ħlas allokati b’mod definittiv lill-installazzjonijiet industrijali ma tinkludix dawn l-emissjonijiet. B’hekk, il-fattur ta’ korrezzjoni huwa intiż li jikkumpensa t-teħid inkunsiderazzjoni tal-emissjonijiet marbuta mal-produzzjoni tal-elettriku minn gassijiet tal-iskart u mis-sħana permezz tal-koġenerazzjoni fid-determinazzjoni tan-numru provviżorju ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas. |
84 |
Il-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 62 sa 83 ta’ din is-sentenza jgħoddu wkoll għad-Deċiżjoni 2013/448 sa fejn fiha ġie ddeterminat il-fattur ta’ korrezzjoni konformement mal-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278. |
85 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li mill-eżami tal-ewwel sar-raba’ domandi fil-Kawżi C‑191/14 u C‑192/14, tat-tielet domanda fil-Kawża C‑295/14 u tal-ewwel domanda fil-Kawżi C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14 ma rriżulta ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278 sa fejn din id-dispożizzjoni teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-emissjonijiet tal-produtturi tal-elettriku għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kwantità annwali massima ta’ kwoti. |
Fuq il-validità tad-Deċiżjoni 2013/448
86 |
Permezz tad-disa’ domanda fil-Kawżi C‑191/14 u C‑192/14, kif ukoll tal-ħames domanda fil-Kawżi C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, il-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich (qorti amministrattiva reġjonali tan-Nofsinhar tal-Awstrija) u t-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio) qegħdin essenzjalment jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni fuq il-validità tal-Artikolu 4 u tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 sa fejn il-fattur ta’ korrezzjoni hemmhekk stabbilit huwa bbażat fuq data inkoerenti. |
87 |
Fil-fatt, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jqisu li l-Kummissjoni wettqet numru ta’ żbalji fid-determinazzjoni tal-kwantità annwali massima ta’ kwoti. Dawn l-iżbalji, skonthom, jirriżultaw minn interpretazzjonijiet diverġenti tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 li jikkonċerna, fil-fehma tagħhom, l-emissjonijiet kollha “li huma inklużi fl-iskema Komunitarja mill-2013 ’il quddiem [biss]” mill-Istati Membri. |
88 |
L-istess żbalji ġew invokati mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali quddiem ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat). Madankollu, dik il-qorti ma għamlitx domandi f’dan ir-rigward lill-Qorti tal-Ġustizzja. Hija tqis li d-data dwar l-emissjonijiet tal-installazzjonijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi li ntbagħtet lill-Kummissjoni hija konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87. Din id-dispożizzjoni, skontha, teżiġi li huma biss l-emissjonijiet tal-installazzjonijiet li kienu suġġetti għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti biss b’effett mis-sena 2013 li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-kwantità annwali massima ta’ kwoti. |
89 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-diversi verżjonijiet lingwistiċi ma jaqblux. Filwaqt li l-verżjoni bil-Franċiż tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 tirreferi għall-“émissions [...] qui ne sont incluses dans le système communautaire qu’à partir de 2013” [“emissjonijiet [...] li huma inklużi fl-iskema Komunitarja mill-2013 ’il quddiem biss”], verżjonijiet lingwistiċi oħra, fosthom b’mod partikolari il-verżjoni Spanjola, Daniża, Ġermaniża, Ingliża, Taljana, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovena u Svediża, jirreferu għall-“emissjonijiet minn installazzjonijiet li huma inklużi fl-iskema Komunitarja mill-2013 ’il quddiem biss”. |
90 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita l-ħtieġa ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teżiġi, fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tagħha, li d-dispożizzjoni inkwistjoni tiġi interpretata fid-dawl tal-kuntest u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li tikkostitwixxi element tagħha (sentenza Nike European Operations Netherlands, C‑310/14, EU:C:2015:690, punt 17). |
91 |
Il-fatt li l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 jirreferi biss għall-“emissjonijiet minn installazzjonijiet li huma inklużi fl-iskema Komunitarja mill-2013 ’il quddiem biss”, u mhux għall-emissjonijiet kollha inklużi minn dik id-data jirriżulta mill-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, l-Artikolu 9a(2) tal-imsemmija direttiva, introdott f’din tal-aħħar bis-saħħa tal-punt 10 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/29, huwa intiż li jiżgura, kif jirriżulta mill-premessa 14 ta’ din id-direttiva tal-aħħar, l-aġġustament tal-kwantità ta’ kwoti maħruġa għall-Komunità sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet iġġenerati mill-installazzjonijiet inklużi fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti b’effett mis-sena 2013. |
92 |
Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 ġie estiż b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013 b’mod li jinkludi, b’mod partikolari, l-emissjonijiet mill-produzzjoni tal-aluminju u minn ċerti setturi tal-industrija kimika. Għal dan il-għan, l-Anness I tad-Direttiva 2003/87, li jelenka l-kategoriji ta’ attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, ġie emendat permezz tad-Direttiva 2009/29. Għaldaqstant, il-kwantità ta’ kwoti li għandha tinħareġ għall-Unjoni kollha ġiet aġġustata, konformement mal-Artikolu 9a(2) tad-Direttiva 2003/87, bl-inklużjoni tal-emissjonijiet minn “istallazzjonijiet li jwettqu attivitajiet imniżżla fl-Anness I [ta’ din id-direttiva u] li ddaħħlu biss fl-iskema Komunitarja mill-2013 ’il quddiem”. |
93 |
Il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 jieħu inkunsiderazzjoni l-aġġustament tal-kwantità tal-kwoti maħruġa għall-Komunità kollha sabiex jirrifletti, fil-kwantità annwali massima ta’ kwoti, iż-żieda korrispondenti fil-kwantità provviżorja ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas lill-installazzjonijiet industrijali. B’hekk, minħabba l-konnessjoni bejn din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 9a(2) tal-istess direttiva, l-użu ta’ data differenti jkun inkoerenti. |
94 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, meta stabbilixxiet il-kwantità annwali massima ta’ kwoti, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni biss, konformement mal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87, l-emissjonijiet tal-installazzjonijiet inklużi fl-iskema Komunitarja b’effett mis-sena 2013. B’hekk, din id-dispożizzjoni tipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-emissjonijiet li jirriżultaw mill-attivitajiet li jinsabu fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87 mis-sena 2013 ’il quddiem sa fejn dawn l-emissjonijiet ġew iġġenerati minn installazzjonijiet suġġetti għall-iskema għall-iskambju tal-kwoti qabel din id-data. |
95 |
Madankollu, mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet pprovduti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura orali jirriżulta li din l-istituzzjoni kienet, minn tal-inqas parzjalment, ħadet inkunsiderazzjoni emissjonijiet tal-installazzjonijiet suġġetti għall-iskema għall-iskambju ta’ kwoti qabel is-sena 2013 sabiex tiddetermina l-kwantità annwali massima ta’ kwoti. Għaldaqstant, din tal-aħħar ma hijiex konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 sa fejn hija għolja wisq. |
96 |
Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument tal-Kummissjoni fis-sens li d-Direttiva 2003/87 ma tippermettilhiex li temenda d-data kkomunikata lilha mill-Istati Membri skont l-Artikolu 9a(2) tal-istess direttiva. |
97 |
Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tinkludi obbligu doppju. Minn naħa, l-Istati Membri għandhom jiġbru d-data dwar l-emissjonijiet tal-installazzjonijiet li huma integrati fl-iskema għall-iskambju tal-kwoti mill-2013 ’il quddiem biss u, min-naħa l-oħra, din id-data għandha tintbagħat lill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tadotta l-miżuri meħtieġa mid-Direttiva 2003/87. B’hekk, din l-istituzzjoni kien imissha żgurat li l-Istati Membri jikkomunikawlha d-data rilevanti sabiex tkun tista’ twettaq l-obbligi tagħha stess. Minn tal-inqas, sa fejn din id-data ma kinitx tippermettilha tiddetermina l-kwantità annwali massima ta’ kwoti u, għaldaqstant, il-fattur ta’ korrezzjoni, hija kien imissha talbet lill-Istati Membri jwettqu l-korrezzjonijiet meħtieġa. |
98 |
Peress li, kif ġie kkonstatat fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni ma ddeterminatx il-kwantità annwali massima ta’ kwoti konformement mar-rekwiżiti tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87, il-fattur ta’ korrezzjoni stabbilit fl-Artikolu 4 u fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 huwa wkoll kuntrarju għal din id-dispożizzjoni. |
99 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta għad-disa’ domanda fil-Kawżi C‑191/14 u C‑192/14 kif ukoll għall-ħames domanda fil-Kawżi C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14 għandha tkun li l-Artikolu 4 u l-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 huma invalidi. |
Fuq id-domandi l-oħra
100 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għad-disa’ domanda fil-Kawżi C‑191/14 u C‑192/14 kif ukoll għall-ħames domanda fil-Kawżi C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi l-oħra dwar il-validità tal-Artikolu 4 u tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448. |
Fuq il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti ta ’ din is-sentenza
101 |
Il-Kummissjoni talbet li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Artikolu 4 u l-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 li jistabbilixxu l-fattur ta’ korrezzjoni huma invalidi, l-effetti tas-sentenza jiġu limitati ratione temporis. |
102 |
Din it-talba tirrifletti wkoll it-tħassib espress mil-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich (qorti amministrattiva reġjonali tan-Nofsinhar tal-Awstrija), permezz tas-sitt u tas-seba’ domandi tagħha, kif ukoll mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio), permezz tat-tieni domanda tagħha, domandi li permezz tagħhom dawn il-qrati jistaqsu dwar il-konsegwenzi li għandhom jintrabtu mal-invalidità tal-Artikolu 4 u tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448. |
103 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta jkun iġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali, il-Qorti tal-Ġustizzja tgawdi, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, applikabbli wkoll, b’analoġija, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar l-evalwazzjoni tal-validità tal-atti tal-Unjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 267 TFUE, minn setgħa diskrezzjonali sabiex tindika, f’kull każ partikolari, liema huma l-effetti tal-att ikkonċernat li għandhom jitqiesu li huma definittivi (sentenza Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 93). |
104 |
F’dan il-każ, id-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni u l-applikazzjoni tiegħu mill-Istati Membri jikkostitwixxu stadji neċessarji għall-implementazzjoni tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti stabbilita mid-Direttiva 2003/87. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 83 ta’ din is-sentenza, dan il-fattur jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ din id-direttiva, fosthom it-tnaqqis tal-kwantità ta’ kwoti disponibbli. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 55 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-kwantità totali finali ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas billi japplikaw il-fattur ta’ korrezzjoni. |
105 |
Minn dan jirriżulta, l-ewwel nett, li l-annullament tal-fattur ta’ korrezzjoni jista’ jdaħħal inkwistjoni l-allokazzjonijiet finali kollha magħmula fl-Istati Membri qabel din is-sentenza fuq il-bażi ta’ leġiżlazzjoni meqjusa li kienet valida. B’hekk, id-dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-Artikolu 4 u tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 timplika r-riskju li jinħolqu konsegwenzi gravi għal numru għoli ta’ relazzjonijiet legali stabbiliti in bona fide. Dawn il-kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali jistgħu jiġġustifikaw limitazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ din id-dikjarazzjoni. |
106 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-Artikolu 4 u tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 ser tipprekludi, fl-assenza ta’ fattur ta’ korrezzjoni applikabbli, l-allokazzjoni tal-kwoti matul il-perijodu sussegwenti għad-data tal-għoti ta’ din is-sentenza. Il-vojt legali temporanju li ser jirriżulta minn dan jista’ jipperikola l-implementazzjoni tal-iskema għall-iskambju tal-kwoti stabbilita permezz tad-Direttiva 2003/87 u, għaldaqstant, il-kisba tal-għanijiet tagħha. Fil-fatt, kwalunkwe interruzzjoni fl-iskambju tal-kwoti tmur kontra l-għan prinċipali ta’ din id-direttiva, jiġifieri l-protezzjoni tal-ambjent permezz ta’ tnaqqis tal-gassijiet serra (ara, b’analoġija, is-sentenza Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 61). |
107 |
Madankollu, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija fuq il-bażi tal-Artikolu 267 TFUE, l-invalidità ta’ att legali tal-Unjoni, id-deċiżjoni tagħha għandha bħala konsegwenza legali li tobbliga lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-Unjoni jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jirrimedjaw l-illegalità kkonstatata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 124). |
108 |
Fit-tielet lok, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta tuża l-possibbiltà li tillimita għall-passat l-effetti ta’ dikjarazzjoni preliminari ta’ invalidità ta’ att tal-Unjoni, għandha tiddetermina jekk eċċezzjoni għal din il-limitazzjoni ratione temporis tal-effett, mogħtija lis-sentenza tagħha, tistax tkun prevista favur il-parti fil-kawża prinċipali li tkun ippreżentat, quddiem il-qorti nazzjonali, rikors kontra l-miżuri nazzjonali ta’ implementazzjoni tal-att tal-Unjoni, jew jekk, għall-kuntrarju, anki fir-rigward ta’ din il-parti, dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-att tal-Unjoni li jkollha effett biss fil-futur tikkostitwixxix rimedju adegwat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Roquette Frères, C‑228/92, EU:C:1994:168, punt 25). |
109 |
Peress li l-invalidità kkonstatata fil-punt 99 ta’ din is-sentenza ser twassal lill-Kummissjoni sabiex twettaq reviżjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni skont l-Artikolu 10a(1) u (5) tad-Direttiva 2003/87, ma huwiex eskluż li din ir-reviżjoni twassal għal tnaqqis fil-kwantità annwali massima ta’ kwoti kif ukoll għal żieda korrelattiva fil-fattur ta’ korrezzjoni. |
110 |
Għaldaqstant, ma hemmx lok li ssir eċċezzjoni għall-partijiet rikorrenti fil-kawżi prinċipali fir-rigward tal-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-Artikolu 4 u tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448. |
111 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-effetti tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-Artikolu 4 u tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 għandhom jiġu limitati ratione temporis, minn naħa, b’tali mod li din id-dikjarazzjoni jkollha effett biss meta jintemm perijodu ta’ għaxar xhur mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tadotta l-miżuri meħtieġa u, min-naħa l-oħra, b’tali mod li l-miżuri adottati sakemm jintemm dan il-perijodu fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet invalidati ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati. |
Fuq l-ispejjeż
112 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qrati tar-rinviju, huma dawn il-qrati li jiddeċiedu fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwi tal-kawża: il-Ġermaniż, l-Olandiż u t-Taljan.