This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CJ0168
Judgment of the Court (Second Chamber) of 15 October 2015.#Grupo Itevelesa SL and Others v Oca Inspección Técnica de Vehículos SA and Generalidad de Cataluña.#Request for a preliminary ruling from the Tribunal Supremo.#Reference for a preliminary ruling — Articles 49 TFEU and 51 TFEU — Freedom of establishment — Directive 2006/123/EC — Scope — Services in the internal market — Directive 2009/40/EC — Access to vehicle roadworthiness testing activities — Exercise by a private body — Activities connected with the exercise of official authority — Prior authorisation scheme — Overriding reasons relating to the public interest — Road safety — Territorial distribution — Minimum distance between roadworthiness testing centres — Maximum market share — Justification — Whether appropriate for the purpose of achieving the objective pursued — Coherence — Proportionality.#Case C-168/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-15 ta’ Ottubru 2015.
Grupo Itevelesa SL et vs Oca Inspección Técnica de Vehículos SA u Generalidad de Cataluña.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 49 TFUE u 51 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Direttiva 2006/123/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2009/40/KE – Aċċess għall-attivitajiet ta’ testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq – Eżerċizzju minn korp privat – Attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika – Skema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel – Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali – Sigurtà fit-toroq – Tqassim territorjali – Distanza minima bejn iċ-ċentri fejn isiru t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq – Sehem tas-suq massimu – Ġustifikazzjoni – Natura adegwata sabiex jintlaħaq l-għan segwit – Koerenza – Proporzjonalità.
Kawża C-168/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-15 ta’ Ottubru 2015.
Grupo Itevelesa SL et vs Oca Inspección Técnica de Vehículos SA u Generalidad de Cataluña.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 49 TFUE u 51 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Direttiva 2006/123/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2009/40/KE – Aċċess għall-attivitajiet ta’ testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq – Eżerċizzju minn korp privat – Attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika – Skema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel – Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali – Sigurtà fit-toroq – Tqassim territorjali – Distanza minima bejn iċ-ċentri fejn isiru t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq – Sehem tas-suq massimu – Ġustifikazzjoni – Natura adegwata sabiex jintlaħaq l-għan segwit – Koerenza – Proporzjonalità.
Kawża C-168/14.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:685
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
15 ta’ Ottubru 2015 ( * )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikoli 49 TFUE u 51 TFUE — Libertà ta’ stabbiliment — Direttiva 2006/123/KE — Kamp ta’ applikazzjoni — Servizzi fis-suq intern — Direttiva 2009/40/KE — Aċċess għall-attivitajiet ta’ testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq — Eżerċizzju minn korp privat — Attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika — Skema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel — Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali — Sigurtà fit-toroq — Tqassim territorjali — Distanza minima bejn iċ-ċentri fejn isiru t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq — Sehem tas-suq massimu — Ġustifikazzjoni — Natura adegwata sabiex jintlaħaq l-għan segwit — Koerenza — Proporzjonalità”
Fil-Kawża C‑168/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Qorti suprema (Tribunal Supremo, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Marzu 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ April 2014, fil-proċedura
Grupo Itevelesa SL,
Applus Iteuve Technology,
Certio ITV SL,
Asistencia Técnica Industrial SAE
vs
OCA Inspección Técnica de Vehículos SA,
Generalidad de Cataluña,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Ewwel Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, J. L. da Cruz Vilaça, A. Arabadjiev (Relatur), C. Lycourgos u J.‑C. Bonichot, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Wahl,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Marzu 2015,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Grupo Itevelesa SL, minn J. Lavilla Rubira, M. Alvarez-Tólcheff, T. Puente Méndez, M. Barrantes Diaz u S. Rodiño Sorli, avukati, |
— |
għal Applus Iteuve Technology, minn A. Vázquez Guillén, procurador, kif ukoll minn J. Folguera Crespo, L. Moscoso del Prado González u A. Guerra Fernández, avukati, |
— |
għal Certio ITV SL, minn R. Sorribes Calle, procuradora, kif ukoll minn J. Just Sarobé u R. Miró Miró, avukati, |
— |
għal Asistencia Técnica Industrial SAE, minn M. Marsal i Ferret, M. Ortíz-Cañavate Levenfeld u I. Galobardes Mendonza, avukati, |
— |
għal OCA Inspección Técnica de Vehículos SA, minn J. Macias Castaño, A. Raventós Soler u M. Velasco Muñoz Cuellar, avukati, |
— |
għall-Generalidad de Cataluña, minn N. París Domenech, avukat, |
— |
għall-Gvern Spanjol, minn M. Sampol Pucurull, bħala aġent, |
— |
għall-Irlanda, minn S. Kingston, L. Williams u A. Joyce, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Svediż, minn N. Otte Widgren, A. Falk, C. Meyer‑Seitz, U. Persson, K. Sparrman, L. Swedenborg, F. Sjövall u E. Karlsson, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe u J. Rius, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Ġunju 2015,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 TFUE u 51 TFUE, tal-Artikoli 2(2)(d) u (i), 3, 9, 10 u 14 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar is-servizzi”), kif ukoll tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Mejju 2009, dwar testijiet tal-kondizzjoni ta’ vetturi u tal-karrijiet tagħhom għat-triq (ĠU L 141, p. 12). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Grupo Itevelesa SL (iktar ’il quddiem “Itevelesa”), Applus Iteuve Technology (iktar ’il quddiem “Applus”), Certio ITV SL (iktar ’il quddiem “Certio”) u Asistencia Técnica Industrial SAE (iktar ’il quddiem “ATI”) u, min-naħa l-oħra, OCA Inspección Técnica de Vehículos SA (iktar ’il quddiem “OCA”) dwar il-legalità ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali dwar it-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva dwar is-servizzi
3 |
Skont il-premessa 21 tad-Direttiva dwar is-servizzi, is-“[s]ervizzi ta’ trasport, inkluż trasport urban, taxis u ambulanzi kif ukoll servizzi fil-portijiet, għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva”. |
4 |
Il-premessa 33 ta’ din id-direttiva tindika, b’mod partikolari, li s-servizzi ta’ ċertifikazzjoni u ta’ ttestjar huma koperti mill-imsemmija direttiva. |
5 |
Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva dwar is-servizzi, din tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali li jippermettu li jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri kif ukoll il-moviment liberu tas-servizzi, filwaqt li tiggarantixxi livell għoli ta’ kwalità għas-servizzi. |
6 |
Konformement mal-Artikolu 2(2)(d) tagħha, din id-direttiva ma tapplikax għas-“servizzi fil-qasam tat-trasport inklużi servizzi tal-port, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu [VI] tat-Trattat [FUE]”. |
7 |
Skont l-Artikolu 2(2)(i) tagħha, l-imsemmija direttiva ma tapplikax għall-“attivitajiet li huma konnessi ma’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità uffiċjali kif stipulat fl-Artikolu [51 TFUE]”. |
8 |
L-Artikolu 3(1) ta’ din l-istess direttiva jispeċifika: “Jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jmorru kontra dispożizzjoni ta’ att Komunitarju ieħor li jirregola aspetti speċifiċi ta’ aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fis-setturi speċifiċi jew għal professjonijiet speċifiċi, id-dispożizzjoni ta’ l-att Komunitarju l-ieħor jipprevalu u għandhom japplikaw f’dawk is-setturi jew professjonijiet speċifiċi. [...]” |
9 |
L-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar is-servizzi, intitolat “Skemi ta’ awtorizzazzjoni”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri m’għandhomx jissoġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha għal skema ta’ awtorizzazzjoni ħlief jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:
[...] 3. Din is-sezzjoni m’għandhiex tapplika għal dawk l-aspetti ta’ skemi ta’ awtorizzazzjoni li huma regolati direttament jew indirettament minn strumenti Komunitarji oħrajn.” |
10 |
L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet biex tingħata l-awtorizzazzjoni”, jeżiġi li l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq kriterji li jistabbilixxu l-limiti tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet kompetenti sabiex din is-setgħa ma tintużax b’mod arbitrarju, u jistabbilixxi l-lista ta’ dawn il-kriterji. |
11 |
L-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ħtiġijiet ipprojbiti”, jipprovdi dan li ġej: “L-Istati Membri m’għandhomx jissuġġettaw l-aċċess għal, jew l-eżerċizzju ta’, attività ta’ servizz fit-territorju tagħhom għal konformità ma’ xi waħda minn dawn li ġejjin: [...]
[...]” |
Id-Direttiva 2009/40
12 |
Il-premessa 2 tad-Direttiva 2009/40 hija fformulata kif ġej: “Fil-qafas tal-politika tat-trasport komuni, ċertu traffiku tat-triq fi ħdan il-Komunità għandu jopera taħt l-iktar ċirkostanzi favorevoli fir-rigward ta’ kemm is-sigurtà kif ukoll il-kondizzjonijiet kompetittivi li japplikaw għal trasportaturi fl-Istati Membri.” |
13 |
Il-premessa 5 ta’ din id-direttiva tiddikjara: “L-istandards minimi Komunitarji u l-metodi li għandhom jintużaw għall-ittestjar tal-elementi previsti f’din id-Direttiva għandhom għalhekk ikunu definiti f’Direttivi separati.” |
14 |
Il-premessa 26 tal-imsemmija direttiva tispeċifika li l-għanijiet segwiti minn din id-direttiva huma l-“armonizzazzjoni tar-regoli dwar testijiet ta’ vetturi għat-triq, il-prevenzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi ta’ fuq it-triq u l-garanzija ta’ kontrolli u manutenzjoni adegwati ta’ vetturi [...]”. |
15 |
Skont l-Artikolu 1(2) ta’ din l-istess direttiva, “[i]l-kategoriji tal-vetturi li għandhom jiġu ttestjati, il-frekwenza tat-testijiet tal-kondizzjoni għat-triq u l-elementi li għandhom jiġu ttestjati huma elenkati fl-Annessi I u II”. |
16 |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/40 jipprovdi: “It-testijiet tal-kondizzjoni għat-triq previsti f’din id-Direttiva għandhom jitwettqu mill-Istat Membru, jew minn korp pubbliku inkarigat mill-Istat jew minn korpi jew stabbilimenti indikati u direttament immexxija mill-Istat, inklużi korpi privati awtorizzati kif dovut. B’mod partikolari, fejn stabbilimenti indikati bħala ċentri ta’ ttestjar tal-vetturi ukoll iwettqu tiswijiet fuq vetturi bil-mutur, l-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz biex jassiguraw l-objettività u l-kwalità għolja tal-ittestjar tal-vettura.” |
Id-Direttiva 2014/45/UE
17 |
Id-Direttiva 2014/45/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ April 2014, dwar testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali għal vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom u li tħassar id-Direttiva 2009/40/KE (ĠU L 127, p. 51), tipprovdi, fil-premessa 3 tagħha, dan li ġej: “L-ittestjar tal-affidabilità stradali huwa parti minn reġim usa’ mfassal biex jiżgura li l-vetturi jinżammu f’kondizzjoni sikura u aċċettabli ambjentalment matul l-użu tagħhom. [...]” |
18 |
Skont il-premessa 43 tad-Direttiva 2014/45: “L-affidabilità stradali għandha impatt dirett fuq is-sikurezza fit-toroq u, għalhekk, għandha tiġi reveduta perjodikament. [...]” |
19 |
L-Artikolu 4(2) ta’ din l-istess direttiva jipprovdi dan li ġej: “It-testijiet tal-affidabbiltà stradali għandhom jitwettqu mill-Istat Membru tar-reġistrazzjoni tal-vettura jew minn korp pubbliku fdat bil-kompitu minn dak l-Istat jew minn korpi jew stabbilimenti nominati u sorveljati minn dak l-Istat Membru, inkluż korpi privati awtorizzati.” |
Id-dritt Spanjol
20 |
L-Artikoli 35 sa 37 tal-Liġi Nru 12/2008, dwar is-sigurtà industrijali (Ley 12/2008 de seguridad industrial), adottata fil-31 ta’ Lulju 2008 mill-Parlament tal-Katalunja (BOE Nru 204, tat-23 ta’ Awwissu 2008, p. 14194, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 12/2008”), jispeċifikaw: “Artikolu 35. Funzjonijiet tal-operaturi taċ-ċentri fejn isiru t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq L-operaturi taċ-ċentri fejn isiru t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq għandhom il-funzjonijiet segwenti:
[...] Artikolu 36. Kundizzjonijiet imposti fuq l-operaturi taċ-ċentri fejn isiru t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq 1. L-operaturi taċ-ċentri fejn isiru t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet segwenti sabiex ikunu jistgħu jintervjenu fit-territorju Katalan:
[...] Artikolu 37. Awtorizzazzjoni tal-operaturi taċ-ċentri fejn isiru t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq 1. L-Aġenzija Katalana għas-sigurtà industrijali [Agencia Catalana de Seguridad Industrial] hija inkarigata li tawtorizza l-operaturi ta’ ċentri fejn isiru t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq. L-awtorizzazzjoni, mogħtija individwalment lil kull ċentru, għandha tinħareġ skont il-proċedura prevista permezz ta’ regolament. 2. Sabiex jiġi żgurat servizz adegwat għall-volum ta’ vetturi eżistenti, kif ukoll sabiex tiġi ggarantita l-oġġettività u l-kwalità tat-testijiet, il-Gvern jista’ jiffissa, permezz ta’ digriet, in-numru neċessarju ta’ ċentri fejn isiru t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq u n-numru ta’ linji ta’ testijiet li għandu jkollu kull ċentru, fejn dawn in-numri għandhom jiġu kkalkolati fuq il-bażi tal-volum ta’ vetturi eżistenti, u jista’ jiddetermina fejn għandhom ikunu jinstabu permezz ta’ pjan territorjali. [...] 3. Sabiex tiġi ggarantita kompetizzjoni effettiva bejn l-operaturi, il-Gvern għandu jiffissa, permezz ta’ digriet, distanzi minimi ta’ kompatibbiltà bejn ċentri tal-istess impriża jew tal-istess grupp ta’ impriżi. Dawn id-distanzi huma intiżi sabiex tiġi żgurata l-assenza ta’ dominazzjoni territorjali minn operatur wieħed, fid-dawl tal-karatteristiċi tad-diversi siti taċ-ċentri fejn isiru t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq. [...]” |
21 |
Id-Digriet Nru 30/2010, dwar l-approvazzjoni tar-regolament li jimplementa l-Liġi Nru 12/2008, tal-31 ta’ Lulju 2008, dwar is-sigurtà industrijali (decreto 30/2010, por el que se aprueba el reglamento de desarrollo de la Ley 12/2008, de 31 de julio, de seguridad industrial), adottat fit-2 ta’ Marzu 2010 mill-Gvern tal-Generalidad ta’ Katalunja (Generalidad de Cataluña) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 30/20102), u d-Digriet Nru 45/2010, dwar l-approvazzjoni tal-pjan territorjali ta’ ċentri ġodda fejn isiru t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq fil-Katalunja għall-perijodu 2010-2014 (decreto 45/2010, por el que se aprueba el Plan territorial de nuevas estaciones de inspección técnica de vehículos de Cataluña para el periodo 2010-2014), adottat fit-30 ta’ Marzu 2010 minn dan l-istess gvern (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 45/2010”), jimplementaw id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 12/2008 fir-rigward tas-siti taċ-ċentri fejn isiru t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq . |
22 |
L-Artikolu 73 sa 75 tad-Digriet Nru 30/2010 jipprovdu dan li ġej: “Artikolu 73. Konformità mal-pjan territorjali u garanzija ta’ kontinwità 73.1 Sabiex jiġi ggarantit servizz adegwat għall-pubbliku u servizz ta’ testijiet li jissodisfa d-domanda eżistenti u li jkun konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 36(1)(a) tal-Liġi [Nru 12/2008], l-operaturi ta’ ċentri fejn isiru t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq għandhom jikkonformaw ruħhom mal-pjan territorjali taċ-ċentri fejn isiru t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq fis-seħħ. [...] Article 74. Sehem tas-suq massimu 74.1 Skont l-Artikolu 36(1)(b) tal-Liġi [Nru 12/2008], ebda impriża u ebda grupp ta’ impriżi awtorizzati sabiex jipprovdu s-servizz ta’ testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq fil-Katalunja ma jista’ jkollhom sehem tas-suq ikbar min-nofs tat-total. [...] 74.2 Is-sehem tas-suq għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tan-numru ta’ linji ta’ testijiet awtorizzati għal kull ċentru fiss li jkollu kull operatur fil-konfront tan-numru totali ta’ linji eżistenti fil-Katalunja. Artikolu 75. Distanzi minimi ta’ kompatibbiltà 75.1 Sabiex tiġi ggarantita kompetizzjoni effettiva bejn l-operaturi, konformement mal-Artikolu 37(3) ta’ dan id-digriet u mal-Artikolu 36(1)(c) tal-Liġi [Nru 12/2008], id-distanzi reali bejn iċ-ċentri fejn isiru t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq awtorizzati tal-istess impriża jew tal-istess grupp ta’ impriżi ma jistgħux ikunu inqas minn:
75.2 Għall-finijiet ta’ dawn ir-regoli, distanza reali tfisser id-distanza minima li wieħed ikollu jgħaddi minnha, filwaqt li juża t-toroq pubbliċi eżistenti, sabiex imur minn ċentru għal ieħor, fid-data tal-awtorizzazzjoni mill-Aġenzija Katalana għas-sigurtà industrijali. 3. Fir-rigward taċ-ċentri eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet, id-distanzi previsti fil-paragrafu 1(a) jistgħu jitnaqqsu b’mhux iktar minn 20 %.” |
23 |
L-Artikolu 79(1)(c) tad-Digriet Nru 30/2010 jispeċifika li l-operaturi taċ-ċentri fejn isiru testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq jistgħu jimmobilizzaw il-vetturi fil-każijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni applikabbli u konformement mal-istruzzjonijiet u mal-protokolli adottati mill-Aġenzija Katalana għas-sigurtà industrijali. |
24 |
Il-preambolu tad-Digriet Nru 45/2010 jipprovdi dan li ġej: “[...] Huwa neċessarju li l-provvista tas-servizz ta’ testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq tiġi aġġustata għall-ħtiġijiet eżistenti, kemm f’termini ta’ kopertura taż-żoni territorjali fejn attwalment din il-provvista ma hijiex biżżejjed, sabiex is-servizz ikun iktar qrib l-utenti, u kemm f’termini ta’ tnaqqis tad-defiċit fis-servizz li jeżisti fiż-żoni fejn iċ-ċentri fejn isiru t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq huma l-iktar saturati u fejn iż-żmien ta’ stennija huwa l-itwal. Għandu jiġi evitat, fid-dawl tal-karatteristiċi territorjali tas-servizz ta’ testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq, li, minħabba raġunijiet ta’ sempliċi profittabbiltà tas-servizz, il-provvista tkun ikkonċentrata biss fuq żona partikolari, għad-detriment ta’ żoni oħra tat-territorju li ma humiex koperti minħabba volum ta’ karozzi iżgħar, sitwazzjoni din li tkun ta’ preġudizzju għall-utenti. Barra minn hekk, fiż-żoni fejn id-domanda tkun iktar b’saħħitha minħabba d-densità fil-volum ta’ vetturi, konċentrazzjoni qawwija ta’ ċentri tista’ twassal lill-operaturi sabiex jikkompetu billi jnaqqsu l-livell ta’ eżiġenza tagħhom, b’tali mod li jkun hemm tnaqqis fil-kwalità tas-servizz.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
25 |
Fil-5 ta’ Mejju 2010, OCA, waħda mill-operaturi Spanjoli li jiżguraw it-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq, ippreżentat, quddiem il-Qorti superjuri tal-ġustizzja ta’ Katalunja (Tribunal Superior de Justicia de Cataluña), rikors amministrattiv intiż għall-annullament parzjali tad-Digriet Nru 30/2010 kif ukoll għall-annullament totali tad-Digriet Nru 45/2010, minħabba li l-leġiżlazzjoni li tirregola l-operaturi ta’ testijiet fil-qasam tas-sigurtà industrijali, li tissuġġettahom għal skema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva, kif ukoll id-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet u tal-obbligi ta’ din l-iskema ta’ awtorizzazzjoni huma kuntrarji għad-Direttiva dwar is-servizzi. |
26 |
Erba’ operaturi oħra ta’ testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq, Itevelesa, Applus, Certio u ATI kif ukoll il-Generalidad ta’ Katalunja ppreżentaw osservazzjonijiet insostenn tal-validità tad-digrieti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
27 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ April 2013, il-Qorti superjuri tal-ġustizzja ta’ Katalunja laqgħet l-imsemmi rikors u annullat, minn naħa, id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Nru 30/2010 li jirregolaw l-iskema ta’ awtorizzazzjoni tal-operaturi taċ-ċentri fejn isiru t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq (iktar ’il quddiem l-“operaturi”) u, min-naħa l-oħra, id-Digriet Nru 45/2010 fl-intier tiegħu, minħabba li din l-iskema kienet kuntrarja għal-Liġi Nru 17/2009, dwar l-aċċess liberu għall-attivitajiet ta’ servizzi u l-eżerċizzju tagħhom (Ley 17/2009 sobre el libre acceso a las actividades de servicios y su ejercicio), tat-23 ta’ Novembru 2009, li tittrasponi d-Direttiva dwar is-servizzi fid-dritt Spanjol. |
28 |
Itevelesa, Applus, Certio u ATI ppreżentaw appelli quddiem il-Qorti suprema kontra din id-deċiżjoni. Dik il-qorti laqgħet it-talba tal-Generalidad ta’ Katalunja sabiex titqies bħala parti li għandha interess fil-proċedura bħala konvenuta. |
29 |
Fil-kuntest ta’ dawn l-appelli, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva dwar is-servizzi għall-attivitajiet ta’ testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq sa fejn l-Artikolu 2(2)(d) ta’ din id-direttiva jista’, fil-fehma tagħha, ikun is-suġġett ta’ żewġ interpretazzjonijiet differenti. Skont interpretazzjoni minnhom, l-installazzjonijiet ta’ testijiet tekniċi jitqiesu li huma marbuta mas-sigurtà fit-toroq u b’hekk ikunu jaqgħu taħt il-politika komuni tat-trasport. Skont l-interpretazzjoni l-oħra, is-servizzi ta’ testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq, li huma pprovduti minn impriżi kummerċjali bħala korrispettiv għal ħlas min-naħa tal-utent, jitqiesu bħala li huma servizzi ta’ ċertifikazzjoni jew ta’ ttestjar u ta’ verifika li, konformement mal-premessa 33 tal-imsemmija direttiva, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. |
30 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk is-setgħa li, bħala miżura kawtelatorja, jiġu immobilizzati l-vetturi, li għandhom l-operaturi, taqax taħt “attivitajiet li huma konnessi ma’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità uffiċjali”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(i) tad-Direttiva dwar is-servizzi. |
31 |
Dik il-qorti tqajjem ukoll il-kwistjoni tar-relazzjoni bejn din id-direttiva u d-Direttiva 2009/40 għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk l-aċċess għall-attivitajiet ta’ testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq jistax jiġi suġġett għal skema ta’ awtorizzazzjoni. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑438/08, EU:C:2009:651), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2009/40 ma kienet tinkludi ebda dispożizzjoni dwar l-aċċess għall-attivitajiet ta’ spezzjoni ta’ vetturi. |
32 |
Fl-aħħar nett, id-dubji tal-qorti tar-rinviju jikkonċernaw l-obbligu tal-operaturi, fil-kuntest tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni implementata permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li jikkonformaw ruħhom mal-pjan territorjali li jillimita, għal raġunijiet marbuta man-neċessità li tiġi ggarantita kopertura territorjali adegwata, mal-kwalità tas-servizz u mal-kompetizzjoni bejn operaturi, in-numru ta’ ċentri fejn isiru t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq fuq il-bażi ta’ żewġ kriterji marbuta, l-ewwel wieħed, mar-rekwiżit ta’ distanza minima bejn iċ-ċentri tal-istess impriża jew tal-istess grupp ta’ impriżi u, it-tieni wieħed, mal-projbizzjoni li xi ħadd ikollu sehem tas-suq ta’ iktar minn 50 %. F’dan ir-rigward, skont il-qorti tar-rinviju, l-awtorità Katalana tal-kompetizzjoni qieset li dawn il-kriterji ma kinux iġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u li dan il-pjan territorjali kien jillimita l-kompetizzjoni b’mod mhux ġustifikat minħabba li kien jillimita l-aċċess ta’ operaturi ġodda għas-suq. |
33 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Qorti suprema ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
34 |
Applus u ATI jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li t-tilwima fil-kawża prinċipali ma tinkludix elementi transkonfinali u tikkonċerna sitwazzjoni purament interna. |
35 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali – li, skont il-formulazzjoni tagħha, tapplika mingħajr ebda distinzjoni għaċ-ċittadini Spanjoli u għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra –, ma hijiex, bħala regola ġenerali, ta’ natura li tista’ taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet dwar il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE ħlief sa fejn tapplika għal sitwazzjonijiet li jkollhom rabta mal-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sokoll-Seebacher, C‑367/12, EU:C:2014:68, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
36 |
Madankollu, bl-ebda mod ma jista’ jiġi eskluż, fil-kawża ineżami, li impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra minbarra r-Renju ta’ Spanja kienu jew huma interessati fil-provvista, f’dan l-aħħar Stat Membru, ta’ servizzi ta’ testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq. |
37 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq il-mertu
Fuq l-ewwel domanda
38 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-Direttiva dwar is-servizzi tapplikax għall-attivitajiet ta’ testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq. |
39 |
Għandu jitfakkar, qabel kollox, li, skont l-Artikolu 2(2)(d) tagħha, din id-direttiva ma tapplikax għas-“servizzi fil-qasam tat-trasport inklużi servizzi tal-port, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu [VI] tat-Trattat [FUE]”. |
40 |
Peress li l-kunċett ta’ “servizzi fil-qasam tat-trasport”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma huwiex iddefinit b’mod espliċitu fid-Direttiva dwar is-servizzi, għandha għaldaqstant tiġi ddefinita l-portata tiegħu. |
41 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva dwar is-servizzi, għandu jiġi enfasizzat li t-termini użati f’din id-dispożizzjoni fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha tagħha, ħlief f’dik bil-Ġermaniż, jiġifieri “servizzi fil-qasam tat-trasport”, għandhom portata usa’ minn dik tal-espressjoni “[s]ervizzi ta’ trasport”, kif użata fil-premessa 21 ta’ din id-direttiva sabiex tkopri t-“trasport urban, taxis u ambulanzi kif ukoll servizzi fil-portijiet”. |
42 |
Fir-rigward ta’ din id-diverġenza lingwistika, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala l-unika bażi għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma tista’ tingħata prijorità fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom fil-fatt jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet redatti fil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ differenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara s-sentenza Kurcums Metal, C‑558/11, EU:C:2012:721, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Issa, kif indikat fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li l-verżjonijiet lingwistiċi kollha tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva dwar is-servizzi, ħlief għall-verżjoni bil-Ġermaniż, jużaw espliċitament il-kliem “servizzi fil-qasam tat-trasport”, li għandhom jiġu applikati. L-istruttura ġenerali u l-għan tal-imsemmija dispożizzjoni jikkorroboraw din il-konklużjoni. |
44 |
Fil-fatt, mill-ħidma preparatorja għall-adozzjoni tad-Direttiva dwar is-servizzi jirriżulta li l-esklużjoni dwar is-“servizzi fil-qasam tat-trasport” kienet ifformulata, intenzjonalment, b’termini maħsuba sabiex jikkorrispondu mal-formulazzjoni tal-Artikolu 51 KE, li sar l-Artikolu 58 TFUE, li l-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi li l-“moviment liberu tas-servizzi fil-qasam tat-trasport għandu jiġi regolat mid-dispożizzjonijiet ta’ l-intestatura dwar it-trasport”. |
45 |
B’hekk, l-użu tat-termini “servizzi fil-qasam tat-trasport” jirrifletti l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea li l-esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva dwar is-servizzi ma tkunx limitata għall-mezzi tat-trasport bħala tali biss. |
46 |
Għaldaqstant, din l-esklużjoni għandha tiġi interpretata, bħalma josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, fis-sens li ma tkoprix biss kull att fiżiku tal-moviment tal-persuni jew tal-merkanzija minn post għal ieħor permezz ta’ vetturi, inġenji tal-ajru jew tal-ilma, iżda wkoll kull servizz intrinsikament marbut ma’ tali att. |
47 |
Huwa minnu li l-attività ta’ testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq għandha natura aċċessorja għas-servizz ta’ trasport. Madankollu, tali testijiet jitwettqu bħala kundizzjoni preliminari u indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività prinċipali li huwa t-trasport, kif jirriżulta mill-għan ta’ sigurtà fit-toroq li huwa r-raġuni wara l-attività ta’ testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq. |
48 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan tad-Direttiva 2009/40 dwar l-attività ta’ testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq li, minkejja li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑438/08, EU:C:2009:651, punt 26), ma fiha ebda dispożizzjoni li tikkonċerna r-regoli dwar l-aċċess għall-attività ta’ testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq, tirregola l-kontenut ta’ din l-attività u hija intiża espliċitament, kif tiddikjara l-premessa 2 tagħha, li tiggarantixxi s-sigurtà fit-toroq. Tali għan jirriżulta wkoll espliċitament mill-premessi 3 u 43 tad-Direttiva 2014/45, li ħadet post id-Direttiva 2009/40. |
49 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttivi 2009/40 u 2014/45 ġew adottati fuq il-bażi, fil-każ tal-ewwel waħda, tal-Artikolu 71 KE u, fil-każ tat-tieni waħda, tal-Artikolu 91 TFUE, dispożizzjonijiet dawn li t-tnejn li huma jinsabu, fi ħdan it-Trattat KE u t-Trattat FUE rispettivament, fit-Titolu intitolat “It-Trasport” u jikkostitwixxu l-bażi legali li tawtorizza espliċitament lil-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi l-“miżuri li jtejbu s-sigurtà fit-trasport”. Issa, mill-ħidma preparatorja għall-adozzjoni tad-Direttiva dwar is-servizzi jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li s-servizzi rregolati mid-dispożizzjonijiet meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 71 KE jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
50 |
Għaldaqstant, l-attivitajiet ta’ testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq għandhom jinftiehmu bħala “servizzi fil-qasam tat-trasport”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva dwar is-servizzi. |
51 |
Sa fejn il-qorti tar-rinviju tosserva li l-imsemmija attivitajiet jistgħu jixxebbhu ma’ attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni jew ta’ ttestjar, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li dawn tal-aħħar huma, skont il-premessa 33 tad-Direttiva dwar is-servizzi, koperti minn din id-direttiva huwa bla ħsara, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, għall-esklużjoni ġenerali tas-servizzi fil-qasam tat-trasport mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva. |
52 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva dwar is-servizzi ma tapplikax għall-attività taċ-ċentri fejn isiru t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq, li, sa fejn taqa’ taħt is-servizzi fil-qasam tat-trasport, lanqas ma hija suġġetta, konformement mal-Artikolu 58(1) TFUE, għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. |
53 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment, li japplikaw direttament għat-trasport, u mhux bl-intervent tat-Titolu ta’ dan it-trattat dwar it-trasport (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Yellow Cab Verkehrsbetrieb, C‑338/09, EU:C:2010:814, punt 33). |
54 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva dwar is-servizzi għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attivitajiet ta’ testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
Fuq it-tieni domanda
55 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-kwistjoni ta’ jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-attivitajiet taċ-ċentri fejn isiru t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq, bħal dawk li huma s-suġġett tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-Katalunja, jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fid-dawl tas-setgħa ta’ immobilizzazzjoni li għandhom l-operaturi ta’ dawn iċ-ċentri fil-każ li minn dawn it-testijiet jirriżulta li l-vetturi jkollhom difetti ta’ sigurtà li jimplikaw perikolu imminenti. |
56 |
Għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward tal-attivitajiet taċ-ċentri fejn isiru t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq eżerċitati minn korpi privati fil-Portugall, li d-deċiżjoni jekk jiġux iċċertifikati jew le t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq ma kellha ebda awtonomija deċiżjonali li tappartjeni lill-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika u kienet meħuda fil-kuntest ta’ sorveljanza mill-Istat (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑438/08, EU:C:2009:651, punt 41). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li dawn il-korpi ma għandhomx, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom, setgħa ta’ koerċizzjoni, peress li s-sanzjonijiet marbuta man-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar l-ispezzjoni tal-vetturi huma r-responsabbiltà tal-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑438/08, EU:C:2009:651, punt 44). |
57 |
F’dan il-każ, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/40 jipprovdi espliċitament li, meta l-Istati Membri jagħżlu li jikkonferixxu l-attivitajiet ta’ testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq lil korpi privati, dawn tal-aħħar għandhom ikunu taħt is-superviżjoni diretta tal-Istat. |
58 |
Kienet preċiżament din is-superviżjoni mill-Istat li ġiet implementata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, peress li l-Artikolu 79(1)(c) tad-Digriet Nru 30/2010 jindika li d-deċiżjoni li tiġi immobilizzata vettura tista’ tiġi adottata biss “fil-każijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni applikabbli” u “konformement mal-istruzzjonijiet u mal-protokolli adottati mill-Aġenzija Katalana għas-sigurtà industrijali”. |
59 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-elementi mgħoddija mill-qorti tar-rinviju bi tweġiba għal talba għal kjarifika magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li l-proprjetarju ta’ vettura immobilizzata għandu l-possibbiltà li jressaq ilment quddiem awditur tekniku, li jkun uffiċjal tal-amministrazzjoni responsabbli għas-superviżjoni u għall-kontroll taċ-ċentri fejn isiru t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq, u li dan l-awditur jista’ jibdel id-deċiżjoni ta’ immobilizzazzjoni. Barra minn hekk, fil-każ ta’ oġġezzjoni mill-proprjetarju tal-vettura għall-immobilizzazzjoni ta’ din tal-aħħar, huma biss l-awtoritajiet tal-Gvern tal-Generalidad ta’ Katalunja li huma kompetenti fil-qasam tat-traffiku u tal-pulizija li għandhom is-setgħa jadottaw miżuri ta’ koerċizzjoni jew ta’ restrizzjoni fiżika. |
60 |
Il-possibbiltà li jimmobilizzaw vettura li għandhom l-operaturi taċ-ċentri fejn isiru t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq fil-każ li jidentifikaw difetti li jimplikaw perikolu imminenti hija għalhekk suġġetta għal sorveljanza mill-awtoritajiet kompetenti u ma hija marbuta ma ebda setgħa ta’ koerċizzjoni jew ta’ restrizzjoni fiżika. Għaldaqstant, din il-possibbiltà ma tistax titqies li taqa’, bħala tali, direttament u speċifikament fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. |
61 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attivitajiet taċ-ċentri fejn isiru t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq, bħal dawk li huma s-suġġett tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jaqgħux fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, minkejja l-fatt li l-operaturi ta’ dawn iċ-ċentri għandhom setgħa ta’ immobilizzazzjoni fil-każ li minn dawn it-testijiet jirriżulta li l-vetturi jkollhom difetti ta’ sigurtà li jimplikaw perikolu imminenti. |
Fuq it-tielet u r-raba’ domandi
62 |
Permezz tat-tielet u tar-raba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 49 TFUE jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżerva l-attività ta’ testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq għal dawk l-operaturi biss li jkollhom awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel, li l-ħruġ tagħha huwa suġġett għall-osservanza, minn dawn l-operaturi, ta’ pjan territorjali li jinkludi kundizzjoni ta’ distanza minima u kundizzjoni dwar sehem tas-suq massimu. |
63 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel sabiex tiġi eżerċitata l-attività ta’ testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tindika li d-Direttiva 2009/40 ma tinkludi ebda dispożizzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal din l-attività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑438/08, EU:C:2009:651, punt 26). |
64 |
Issa, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni f’dan ir-rigward, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu l-imsemmija kundizzjonijiet għalkemm huma xorta waħda marbuta li jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam b’osservanza tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nasiopoulos, C‑575/11, EU:C:2013:430, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
65 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/40 jikkonferma espliċitament din il-kompetenza tal-Istati Membri billi jispeċifika li t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq jistgħu jitwettqu minn korpi jew stabbilimenti privati li jkunu indikati mill-Istat, li jkunu awtorizzati sabiex iwettquhom u li jaġixxu taħt is-superviżjoni tal-Istat. |
66 |
Għaldaqstant, għalkemm id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li Stat Membru jissuġġetta l-attività ta’ testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, xorta waħda jibqa’ l-fatt li tali skema ta’ awtorizzazzjoni għandha, kif indikat fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, tosserva d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikolu 49 TFUE. |
67 |
Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 49 TFUE jipprekludi restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment, jiġifieri kull miżura nazzjonali li tista’ tostakola jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mit-Trattat FUE. Il-kunċett ta’ restrizzjoni jkopri l-miżuri meħuda minn Stat Membru li, għalkemm japplikaw mingħajr ebda distinzjoni, jaffettwaw l-aċċess għas-suq għall-impriżi ta’ Stati Membri oħra u b’hekk jostakolaw il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SOA Nazionale Costruttori, C‑327/12, EU:C:2013:827, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
68 |
F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissuġġetta l-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel għall-osservanza ta’ kundizzjonijiet li jeżiġu li ċ-ċentri tal-istess impriża jew ta’ istess grupp ta’ impriżi għandhom ikunu konformi ma’ ċerti distanzi minimi u ma għandux ikollhom sehem tas-suq ta’ iktar minn 50 %. |
69 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, tali regoli jistgħu jostakolaw u jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju, minn operaturi ta’ Stati Membri oħra, tal-attivitajiet tagħhom fit-territorju tal-Katalunja permezz ta’ stabbiliment permanenti. |
70 |
Għaldaqstant, l-imsemmija leġiżlazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE. |
71 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux ikunu oġġettivament ġustifikati. |
72 |
Fil-fatt, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment, li japplikaw mingħajr diskriminazzjoni marbuta man-nazzjonalità, jistgħu jkunu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bil-kundizzjoni li jkunu adegwati sabiex jiggarantixxu li jintlaħaq l-għan segwit u bil-kundizzjoni li ma jmorrux lil hinn minn dak li jkun neċessarju sabiex jintlaħaq tali għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ottica New Line di Accardi Vincenzo, C‑539/11, EU:C:2013:591, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
73 |
Fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tapplika mingħajr ebda distinzjoni għall-operaturi kollha. |
74 |
Fir-rigward, it-tieni nett, tal-għanijiet segwiti mill-imsemmija leġiżlazzjoni, il-Generalidad ta’ Katalunja u l-Gvern Spanjol isostnu li, billi tippermetti kopertura territorjali adegwata, billi tiggarantixxi l-kwalità tas-servizz u billi tiffavorixxi l-kompetizzjoni, din il-leġiżlazzjoni hija intiża, kif jirriżulta espliċitament mill-preambolu tad-Digriet Nru 45/2010, kemm sabiex tipproteġi lill-konsumaturi u kemm sabiex tiżgura s-sigurtà fit-toroq. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm il-protezzjoni tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Attanasio Group, C‑384/08, EU:C:2010:133, punt 50, kif ukoll Essent et, C‑105/12 sa C‑107/12, EU:C:2013:677, punt 58) u kemm in-neċessità li tiġi żgurata s-sigurtà fit-toroq (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑438/08, EU:C:2009:651, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata) jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment. |
75 |
Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat, it-tielet nett, li l-kundizzjonijiet restrittivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif deskritti fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, huma adegwati sabiex jiggarantixxu li jintlaħqu l-għanijiet segwiti u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet. |
76 |
Għandu jiġi żgurat b’mod partikolari li l-mod kif il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ssegwi l-imsemmija għanijiet ma huwiex ikkaratterizzat minn inkonsistenzi. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod ġenerali kif ukoll id-diversi regoli rilevanti jkunu adegwati sabiex jiggarantixxu li jintlaħaq l-għan mixtieq biss jekk fil-verità jkunu jirriflettu l-intenzjoni li dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ottica New Line di Accardi Vincenzo, C‑539/11, EU:C:2013:591, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
77 |
F’dan ir-rigward, fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti nazzjonali, li għandha ġurisdizzjoni esklużiva fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali u fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tiddetermina jekk u sa fejn din il-leġiżlazzjoni tissodisfa dawn ir-rekwiżiti. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, li r-rwol tagħha huwa li tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli, għandha l-ġurisdizzjoni li tagħtiha indikazzjonijiet misluta mill-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, li jkunu ta’ natura li jippermettu lill-qorti nazzjonali tieħu deċiżjoni (sentenza Sokoll-Seebacher, C‑367/12, EU:C:2014:68, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
78 |
F’dan il-każ, l-ewwel kundizzjoni, li, kif jirriżulta mill-Artikolu 75(1) tad-Digriet Nru 30/2010, timponi l-osservanza ta’ distanzi minimi bejn iċ-ċentri fejn isiru t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq, għandha allegatament l-għan, kif indikat fil-preambolu tad-Digriet Nru 45/2010, li tinkoraġġixxi lill-operaturi sabiex isibu siti fiż-żoni iżolati tat-territorju. Madankollu, billi teżiġi l-osservanza ta’ distanzi minimi bejn ċentri li ma jappartjenux lil impriżi kompetituri iżda lill-istess impriża jew lill-istess grupp ta’ impriżi, mill-informazzjoni ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma huwa stabbilit li tali kundizzjoni tippermetti, fiha nfisha, li jiġi ssodisfatt tali għan, u dan iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li l-Generalidad ta’ Katalunja, matul is-seduta, ma indikatx li dawn l-operaturi huma meħtieġa jsibu siti f’dawn iż-żoni iżolati. |
79 |
Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, li tipprojbixxi lill-operaturi milli jkollhom sehem tas-suq ta’ iktar minn 50 % fis-suq tas-servizzi ta’ testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta li din il-kundizzjoni hija intiża li tiggarantixxi l-kwalità tas-servizzi ta’ testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq u, b’hekk, li tiżgura l-protezzjoni tal-konsumaturi. |
80 |
Issa, tali kundizzjoni, sa fejn jista’ jkollha impatt fuq l-attività diġà eżistenti taċ-ċentri fejn isiru t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq fil-Katalunja kif ukoll fuq l-istruttura tas-suq, ma tidhirx għalhekk li hija a priori ta’ natura li tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-konsumaturi. |
81 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fir-rigward tal-għan marbut mal-kwalità tas-servizz, li l-kontenut tas-servizzi ta’ testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq huwa s-suġġett, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni. |
82 |
Fil-fatt, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/40, moqri flimkien mal-Annessi I u II tagħha, jipprevedi regoli preċiżi dwar il-vetturi li għandhom ikunu suġġetti għat-testijiet, dwar il-perijodiċità tat-testijiet u dwar il-punti li għandhom ikunu obbligatorjament suġġetti għal testijiet, b’mod li jiżgura, kif tenfasizza essenzjalment il-premessa 26 tal-imsemmija direttiva, standard ta’ kwalità għas-servizzi ta’ testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq fi ħdan l-Unjoni. Dawn ir-regoli jikkostitwixxu, skont il-premessa 5 ta’ din l-istess direttiva, normi u metodi minimi, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-istħarriġ ta’ proporzjonalità. |
83 |
Għalhekk, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika li ż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex ikun awtorizzat l-eżerċizzju tal-attività ta’ testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq huma adegwati sabiex jiggarantixxu li jintlaħqu l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u ta’ sigurtà fit-toroq b’mod koerenti u sistematiku. |
84 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet u għar-raba’ domandi hija li l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-awtorizzazzjoni ta’ ftuħ minn impriża jew minn grupp ta’ impriżi ta’ ċentru fejn isiru testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq għall-kundizzjoni, minn naħa, li jkun hemm distanza minima bejn dan iċ-ċentru u ċ-ċentri diġà awtorizzati ta’ din l-impriża jew ta’ dan il-grupp ta’ impriżi u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija impriża jew l-imsemmi grupp ta’ impriżi ma jkollhomx, fil-każ li tingħata tali awtorizzazzjoni, sehem tas-suq ta’ iktar minn 50 %, sakemm ma jiġix stabbilit, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li din il-kundizzjoni hija verament adegwata sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u ta’ sigurtà fit-toroq u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dan l-iskop. |
Fuq l-ispejjeż
85 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( * ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.