EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0125

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-3 ta’ Settembru 2015.
Iron & Smith kft vs Unilever NV.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trade mark — Reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali identika jew simili għal trade mark Komunitarja preċedenti — Trade mark Komunitarja li għandha reputazzjoni fl-Unjoni Ewropea — Portata ġeografika tar-reputazzjoni.
Kawża C-125/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:539

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

3 ta’ Settembru 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trade mark — Reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali identika jew simili għal trade mark Komunitarja preċedenti — Trade mark Komunitarja li għandha reputazzjoni fl-Unjoni Ewropea — Portata ġeografika tar-reputazzjoni”

Fil-Kawża C‑125/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék (Qorti ta’ Budapest, L-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Marzu 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Marzu 2014, fil-proċedura

Iron & Smith kft

vs

Unilever NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, K. Jürimäe, J. Malenovský, M. Safjan, u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Frar 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Iron & Smith kft, minn A. Krajnyák u N. Kovács, ügyvédek,

għal Unilever NV, minn P. Lukácsi u B. Bozóki, ügyvédek,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér u M. Ficsor, bħala aġenti,

għall-Gvern Daniż, minn C. Thorning, M. Wolff u M. Lyshøj, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, F-X. Bréchot u D. Segoin, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. Beeko, bħala aġent, assistita minn N. Saunders, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Béres u F. W. Bulst, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Marzu 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Iron & Smith kft (iktar ’il quddiem “Iron & Smith”) u Unilever NV (iktar ’il quddiem “Unilever”) dwar il-bidla tad-deċiżjoni tas-Szellemi Tulajdon Nemzeti Hivatala (Uffiċċju tal-proprjetà intellettwali, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) li permezz tagħha dan tal-aħħar ċaħad l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ippreżentata minn Iron & Smith.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1), jipprovdi:

“1.   It-trade mark ta’ prodotti jew servizzi li tkun irreġistrata skont il-kundizzjonijiet li jinsabu f’dan ir-Regolament u bil-mod kif jipprovdi dan l-istess Regolament tissejjaħ minn issa ’l quddiem ‘trade mark Komunitarja’.

2.   It-trade mark Komunitarja għandha karattru unitarju. Hija għandha jkollha l-istess effett fil-Komunità kollha: ma tistax tiġi reġistrata, trasferita jew ċeduta, jew tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni li tirrevoka d-drittijiet tal-proprjetarju jew li tiddikjaraha bħala invalida, u lanqas ma jista’ jiġi projbijt l-użu tagħha, sakemm mhux fir-rigward tal-Kommunità kollha. Dan il-prinċipju għandu japplika sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor.”

4

Skont l-Artikolu 9(1)(c) ta’ dan ir-regolament:

“1.   It-trade mark Komunitarja tagħti lill-proprjetarju d-drittijiet esklussivi fiha. Il-proprjetarju għandu l-jedd li jipprojbixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fil-kummerċ:

[...]

(c)

kull sinjal li huwa identiku għal jew li jixbaħ lit-trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata, meta din tal-aħħar għandha reputazzjoni fil-Komunità u fejn l-użu mingħajr raġuni valida tas-sinjal ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

5

Skont l-Artikolu 15(1) tal-imsemmi regolament:

“[j]ekk, fi żmien ħames snin wara r-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma jkunx għamel użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata, jew jekk dan l-użu jkun ġie sospiż għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, it-trade mark Komunitarja għandha tkun soġġetta għas-sanzjonijiet li jipprovdi dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet xierqa għal dan in-nuqqas ta’ użu”.

6

L-Artikolu 51 tal-istess regolament jipprovdi, fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

“Id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja għandhom jiġu ddikjarati bħala revokati malli ssir applikazzjoni lill-Uffiċċju [għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)] jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni:

(a)

jekk, għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, ma jkunx sar użu ġenwin mit-trade mark fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata, u ma jkunx hemm raġunijiet siewja għal dan in-nuqqas ta’ użu; […]”

7

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/95 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Trade mark m’għandhiex tiġi reġistrata jew, jekk reġistrata, għandha tkun suxxettibbli għal dikjarazzjoni ta’ nullità:

[...]

(b)

jekk minħabba l-identità tagħha, jew similarità, għat-trade mark preċedenti u l-identità jew similarità tal-merkanzija jew is-servizzi koperti mit-trade marks, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku; il-possibbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

2.   L-espressjoni “trade marks preċedenti” fis-sens tal-paragrafu 1 tfisser:

(a)

trade marks tas-segwenti tipi b’data ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tkun preċedenti għad-data ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark, tenut kont, fejn ikun il-każ, tal-prijoritajiet pretiżi fir-rigward ta’ dawk it-trade marks;

(i)

trade marks Komunitarji;

[...]

3.   Addizzjonalment, trade mark m’għandhiex tiġi reġistrata jew, jekk reġistrata, għandha tkun suxxettibbli għal-dikjarazzjoni ta’ nullità jekk hija tkun identika, jew simili, għal trade mark Komunitarja preċedenti fis-sens tal-paragrafu 2 u għandha tiġi, jew ġiet, reġistrata għal merkanzija jew servizzi li mhumiex simili għal dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja preċedenti hi reġistrata, fejn it-trade mark Komunitarja preċedenti ikollha reputazzjoni fil-Komunità u fejn l-użu tat-trade mark ta’ l-aħħar, mingħajr raġuni valida, tieħu vantaġġ żleali minn, jew tippreġudika, il-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark Komunitarja preċedenti.

[...]”

Id-dritt Ungeriż

8

Mill-Artikolu 4(1)(c) tal-Liġi Nru XI tal-1997 relatat mal-protezzjoni tat-trade marks u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (a védjegyek és a földrajzi árujelzők oltalmáról szóló 1997. évi XI. törvény, iktar ’il quddiem il-“Vt”) jirriżulta li trade mark hija rrifjutata r-reġistrazzjoni jekk hija identika jew simili għal trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni fit-territorju nazzjonali u jekk hija intiża li tiġi rreġistrata għal merkanzija jew servizzi differenti minn dawk li għalihom it-trade mark preċedenti hija rreġistrata, meta l-użu tagħha jieħu vantaġġ żleali minn, jew jippreġudika, il-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tagħha.

9

Skont l-Artikolu 76/C(2) tal-imsemmija liġi, matul l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(c) tagħha, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni trade mark Komunitarja preċedenti li tgawdi minn “reputazzjoni” fl-Unjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Permezz ta’ applikazzjoni ppreżentata fit-13 ta’ April 2012, Iron & Smith talbet mingħand l-Uffiċċju r-reġistrazzjoni bħala trade mark nazzjonali tas-sinjal figurattiv bil-kulur “be impulsive”. Unilever oġġezzjonat għal din l-applikazzjoni. F’dan ir-rigward, hija invokat, billi pprofittat ruħha fost oħrajn mill-Artikolu 4(1)(c) tal-Vt, it-trade marks verbali preċedenti, Komunitarja u internazzjonali tagħha Impulse.

11

Peress li Unilever ma ppruvatx li dawn it-trade marks kienu magħrufa sew fl-Ungerija, ir-reputazzjoni tagħhom bħala trade marks internazzjonali ma setgħetx tiġi stabbilita. Madankollu, fir-rigward tat-trade mark Komunitarja invokata insostenn tal-oppożizzjoni, l-Uffiċċju kkonstata li, ladarba Unilever ippromwoviet u biegħet kwantitajiet kbar ta’ prodotti protetti mit-trade mark inkwistjoni fir-Renju Unit u fl-Italja, ir-reputazzjoni tat-trade mark Komunitarja kienet ippruvata għal parti sostanzjali tal-Unjoni. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, l-Uffiċċju kkonstata li kien hemm riskju li l-użu mingħajr raġuni valida ta’ din it-trade jippermetti li jittieħed vantaġġ żleali mill-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark Komunitarja. Is-sinjal figurattiv li qed issir applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark fil-fatt jista’ jevoka t-trade mark ta’ Unilever fl-ispirtu tal-konsumaturi normalment informati.

12

Għaldaqstant, Iron & Smith ressqu talba intiża għall-bidla tad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni, li fiha kkritikat prinċipalment l-Uffiċċju talli kien kuntent bil-fatt li l-merkanzija ta’ Unilever kienet tirrappreżenta parti mis-suq ta’ 5 % fir-Renju Unit u ta’ 0.2 % fl-Italja biex jikkunsidra li r-reputazzjoni tat-trade mark Komunitarja kienet ippruvata.

13

Billi eżaminat l-Artikoli 4(1)(c) u 76/C(2) tal-Vt, kif ukoll l-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2008/95, il-qorti tar-rinviju waslet għall-konklużjoni li dawn id-dispożizzjonijiet ma joffrux indikazzjoni fuq il-kwistjoni ta’ x’inhu t-territorju ġeografiku pertinenti, fi ħdan l-Unjoni, biex jiġi kkunsidrat li trade mark Komunitarja tgawdi minn reputazzjoni. Barra minn hekk, wieħed jagħmel id-domanda biex ikun jaf jekk, anki fil-preżenza ta’ tali reputazzjoni, jista’ jiġi previst li, meta tali trade mark ma hijiex magħrufa fl-Istat Membru kkonċernat, l-użu tat-trade mark wara mingħajr raġuni valida ma jippermettix li jittieħed vantaġġ żleali minn, jew jiġi ppreġudikat, il-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark Komunitarja preċedenti.

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Törvényszék iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Għall-finijiet tal-prova tar-reputazzjoni ta’ trade mark Komunitarja fis-sens tal-Artikolu 4(3) tad-[Direttiva 2008/95], huwa suffiċjenti li din it-trade mark tkun tgawdi minn reputazjoni fi Stat Membru wieħed, inkluż il-każ fejn l-applikazzjoni għal trade mark nazzjonali, li fir-rigward tagħha tkun saret l-oppożizzjoni fuq il-bażi ta’ din ir-reputazzjoni, tkun ġiet ippreżentata f’pajjiż ieħor li ma jkunx l-Istat Membru inkwistjoni?

2)

Fil-kuntest tal-kriterji territorjali użati fl-eżami tar-reputazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, jista’ jsir użu mill-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-użu ġenwin tat-trade mark Komunitarja?

3)

Meta l-proprjetarju tat-trade mark Komunitarju preċedenti jkun ipprova r-reputazzjoni tat-trade mark tiegħu f’pajjiżi – li jkopru parti sostanzjali mit-territorju tal-Unjoni Ewropea – li ma jinkludux l-Istat Membru fejn ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal trade mark nazzjonali, jista’ dan jiġi obbligat, minkejja dan il-fatt, li jressaq prova konklużiva wkoll fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru?

4)

Fil-każ li r-risposta għad-domanda preċedenti tkun negattiva, jista’ jkun il-każ, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tas-suq intern, li trade mark li tkun ġiet użata b’mod intensiv f’parti sostanzjali mill-Unjoni Ewropea ma tkunx magħrufa mill-pubbliku nazzjonali rilevanti u li, minħabba f’hekk, it-tieni kundizzjoni meħtieġa għar-raġuni ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tad-[Direttiva 2008/95] ma tkunx ġiet issodisfatta, jiġifieri ma jkunx hemm probabbiltà li t-trade mark nazzjonali tieħu vantaġġ żleali mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni ta’ din it-trade mark preċedenti jew li tippreġudikahom; u jekk iva, liema huma l-elementi li tagħhom il-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja għandu jġib il-prova sabiex il-kundizzjoni hawn fuq imsemmija tkun issodisfatta?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel tliet domandi

15

Permezz tal-ewwel tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, liema huma l-kundizzjonijiet, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex trade mark Komunitarja tista’ tkun, bis-saħħa tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2008/95, ikkunsidrata li tgawdi reputazzjoni fl-Unjoni.

16

Għandu jiġi rrilevat li l-frażi “ikollha reputazzjoni fil-Komunità”, li tidher fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2008/95 għandha l-istess tifsira bħall-frażi identika li tidher fl-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, li hija identika għall-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146).

17

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “reputazzjoni” jassumi ċertu livell ta’ għarfien fi ħdan il-pubbliku rilevanti, li għandu jiġi kkunsidrat li ntlaħaq meta t-trade mark Komunitarja hija magħrufa minn parti sinjifikattiva tal-pubbliku kkonċernat mill-prodotti jew servizzi koperti minn din it-trade mark (ara s-sentenza PAGO International, C‑301/07, EU:C:2009:611, punti 21 u 24).

18

Fl-eżami ta’ din il-kundizzjoni, il-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra l-elementi kollha rilevanti tal-każ, jiġifieri, b’mod partikolari, is-sehem mis-suq li għandha t-trade mark, l-intensità, il-portata ġeografika u t-tul ta’ żmien tal-użu tagħha, kif ukoll l-ammont tal-investimenti li saru mill-kumpannija sabiex tippromwoviha (is-sentenza PAGO International, C‑301/07, EU:C:2009:611, punt 25).

19

Fil-livell territorjali, il-kundizzjoni dwar ir-reputazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala sodisfatta meta t-trade mark Komunitarja għandha reputazzjoni f’parti sostanzjali tat-territorju tal-Unjoni, peress li tali parti tista’, jekk ikun il-każ, tikkorrispondi, fost oħrajn, għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PAGO International, C‑301/07, EU:C:2009:611, punti 27 u 29).

20

Għaldaqstant, peress li r-reputazzjoni ta’ trade mark Komunitarja preċedenti hija stabbilita fuq parti sostanzjali tat-territorju tal-Unjoni, li tista’, jekk ikun il-każ, tikkoinċidi mat-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss, għandu jiġi kkunsidrat li din it-trade mark tgawdi minn “reputazzjoni fl-[Unjoni]”, fis-sens tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2008/95, u ma jistax jeħtieġ mill-proprjetarju ta’ din it-trade mark li jipproduċi l-prova ta’ din ir-reputazzjoni fit-territorju tal-Istat Membru fejn l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali sussegwenti, li kienet is-suġġett ta’ oppożizzjoni, ġiet ippreżentata.

21

Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-eżistenza tal-użu ġenwin tat-trade mark Komunitarja fl-Unjoni, bħall-Artikoli 15(1) u 51 tar-Regolament Nru 207/2009, huma għandhom għan differenti mid-dispożizzjonijiet relatati mal-protezzjoni estiża mogħtija lit-trade marks li jgawdu minn reputazzjoni fl-Unjoni, bħal, fost oħrajn, l-Artikolu 9(1)(c) ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Leno Merken, C‑149/11, EU:C:2012:816, punt 53). Filwaqt li din id-dispożizzjoni tal-aħħar tirrigwarda l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-protezzjoni estiża lil hinn mill-kategoriji tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom ġiet irreġistrata trade mark Komunitarja, l-espressjoni “użu ġenwin” li tidher fl-Artikoli 15(1) u 51 tar-Regolament Nru 207/2009 tindika r-rekwiżit minimu ta’ użu li kull trade mark għandha tissodisfa sabiex tiġi protetta.

22

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li huwa impossibbli li jiġi ddeterminat a priori, b’mod astratt, liema portata territorjali għandha tintuża sabiex jiġi ddeterminat jekk l-użu ta’ din it-trade mark għandha jew le karattru ġenwin (ara s-sentenza Leno Merken, C‑149/11, EU:C:2012:816, punt 55).

23

Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-ħtieġa tal-użu ġenwin tat-trade mark Komunitarja u, fost oħrajn, il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza, għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ dan l-użu ġenwin, jiġu distinti dispożizzjonijiet u kriterji relatati mar-reputazzjoni ta’ tali trade mark fl-Unjoni.

24

Konsegwentement, il-kriterji li ġew stabbiliti mill-ġurisprudenza li jikkonċernaw l-użu ġenwin tat-trade mark Komunitarja ma humiex, bħala tali, rilevanti biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “reputazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2008/95.

25

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel tliet domandi għandha tkun li l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2008/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta r-reputazzjoni ta’ trade mark Komunitarja preċedenti tkun stabbilita f’parti sostanzjali tat-territorju tal-Unjoni, li tista’, jekk ikun il-każ, tikkoinċidi mat-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss li ma għandux neċessarjament ikun dak fejn tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali sussegwenti, għandu jitqies li din it-trade mark tgawdi minn reputazzjoni fl-Unjoni. Il-kriterji li ġew stabbiliti mill-ġurisprudenza li jikkonċernaw l-użu ġenwin tat-trade mark Komunitarja ma humiex, bħala tali, rilevanti biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “reputazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva.

Fuq ir-raba ’ domanda

26

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, f’liema kundizzjonijiet l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2008/95 huwa applikabbli, peress li t-trade mark Komunitarja preċedenti diġà kisbet reputazzjoni f’parti sostanzjali tat-territorju tal-Unjoni, iżda mhux mingħand il-pubbliku rilevanti tal-Istat Membru li fih saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali sussegwenti, ikkonċernata mill-oppożizzjoni.

27

Bis-saħħa tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2008/95, fejn it-trade mark Komunitarja preċedenti jkollha “reputazzjoni fil-Komunità” u fejn l-użu tat-trade mark tal-aħħar, mingħajr raġuni valida, analoga għat-trade mark Komunitarja u intiża li tiġi rreġistrata għall-prodotti jew servizzi li ma jistgħux jitqabblu ma’ dawk koperti mit-trade mark Komunitarja tieħu vantaġġ żleali minn, jew tippreġudika, il-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark Komunitarja preċedenti, din it-trade mark sussegwenti tiġi miċħuda l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

28

Meta l-pubbliku kkonċernat ma jwettaqx rikonċiljazzjoni bejn it-trade mark Komunitarja preċedenti u t-trade mark nazzjonali sussegwenti, jiġifieri ma jistabbilixxix rabta bejniethom, l-użu tat-trade mark sussegwenti ma jippermettix, fid-dawl tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2008/95, li jittieħed vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, jew li jkun ta’ detriment għalihom (ara, b’analoġija, is-sentenza Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punti 30 u 31).

29

Ukoll, jekk jitqies li t-trade mark Komunitarja preċedenti ma tkunx magħrufa mill-pubbliku rilevanti tal-Istat Membru li fih saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali sussegwenti, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, li l-użu ta’ din it-trade mark nazzjonali ma tippermettix, fil-prinċipju, li jittieħed vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, jew li jkun ta’ detriment għalihom.

30

Min-naħa l-oħra, anki jekk it-trade mark Komunitarja preċedenti ma hijiex magħrufa minn parti sinjifikanti tal-pubbliku rilevanti tal-Istat Membru li fih saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali sussegwenti, madankollu ma jistax jiġi eskluż li parti kummerċjalment sinjifikanti ta’ dan tal-aħħar jagħraf l-imsemmija trade mark u jistabbilixxi rabta bejn din u t-trade mark nazzjonali sussegwenti.

31

Ċertament, l-eżistenza ta’ rabta bħal din għandha tiġi evalwata b’mod globali, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni (ara s-sentenza Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punt 41), ma tistax tkun suffiċjenti, waħedha, sabiex jiġi konkluż li teżisti xi waħda mill-forom ta’ ħsara msemmija fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2008/95 (ara, b’analoġija, is-sentenza Intel Corporation, C-252/07, EU:C:2008:655, punt 32). Sabiex jibbenefika mill-protezzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti għandu jagħti prova tal-fatt li l-użu tat-trade mark sussegwenti “[j]ieħu vantaġġ inġust mill-, jew [ikun] ta’ detriment għall-[karattru distintiv] jew ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti” u, għaldaqstant, juri l-eżistenza jew ikun ta’ ħsara effettiva u attwali għat-trade mark tiegħu skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2008/95, jew, fin-nuqqas ta’ dan, ikun ta’ probabbiltà serja li tali ħsara ser tiġri fil-futur. F’dan il-każ, huwa l-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti li għandu jistabbilixxi li teżisti raġuni valida għall-użu ta’ din it-trade mark (ara, b’analoġija, is-sentenza Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punti 37 u 39).

32

L-eżistenza ta’ wieħed mit-tipi ta’ ħsara previsti fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2008/95, jew ta’ possibbiltà serja li ħsara bħal din isseħħ fil-futur għandha, kif tagħmel l-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade marks f’kunflitt, tiġi evalwata b’mod globali, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni, (ara, b’analoġija, is-sentenza Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punt 68).

33

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fost oħrajn, li iktar mal-evokazzjoni tat-trade mark preċedenti mit-trade mark sussegwenti tkun immedjata u b’saħħitha, iktar ma jkun kbir ir-riskju li l-użu attwali jew futur tat-trade mark sussegwenti jieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, jew ikun ta’ detriment għalihom (ara s-sentenza Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punt 67).

34

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li, meta t-trade mark Komunitarja preċedenti tkun diġà kisbet reputazzjoni f’parti sostanzjali tat-territorju tal-Unjoni, iżda mhux mal-pubbliku rilevanti tal-Istat Membru li fih tkun saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali sussegwenti, ikkonċernata mill-oppożizzjoni, il-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja jista’ jibbenefika mill-protezzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2008/95 meta jidher li parti kummerċjalment sinjifikattiva tal-imsemmi pubbliku jagħraf din it-trade mark, jistabbilixxi rabta bejnha u t-trade mark nazzjonali sussegwenti, u li teżisti, fid-dawl tal-fatturi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni, jew ħsara effettiva u attwali għat-trade mark Komunitarja, skont din id-dispożizzjoni, jew, fin-nuqqas ta’ dan, probabbiltà serja li tali ħsara ser tiġri fil-futur.

Fuq l-ispejjeż

35

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta r-reputazzjoni ta’ trade mark Komunitarja preċedenti tkun stabbilita f’parti sostanzjali tat-territorju tal-Unjoni Ewropea, li tista’, jekk ikun il-każ, tikkoinċidi mat-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss li ma għandux neċessarjament ikun dak fejn tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali sussegwenti, għandu jitqies li din it-trade mark tgawdi minn reputazzjoni fl-Unjoni Ewropea. Il-kriterji li ġew stabbiliti mill-ġurisprudenza li jikkonċernaw l-użu ġenwin tat-trade mark Komunitarja ma humiex, bħala tali, rilevanti biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “reputazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva.

 

2)

Meta t-trade mark Komunitarja preċedenti tkun diġà kisbet reputazzjoni f’parti sostanzjali tat-territorju tal-Unjoni Ewropea, iżda mhux mal-pubbliku rilevanti tal-Istat Membru li fih tkun saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali sussegwenti, ikkonċernata mill-oppożizzjoni, il-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja jista’ jibbenefika mill-protezzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2008/95 meta jidher li parti kummerċjalment sinjifikattiva tal-imsemmi pubbliku jagħraf din it-trade mark, jistabbilixxi rabta bejnha u t-trade mark nazzjonali sussegwenti, u li teżisti, fid-dawl tal-fatturi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni, jew ħsara effettiva u attwali għat-trade mark Komunitarja, skont din id-dispożizzjoni, jew, fin-nuqqas ta’ dan, probabbiltà serja li tali ħsara ser tiġri fil-futur.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

Top