Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0094

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-10 ta’ Marzu 2016.
    Flight Refund Ltd vs Deutsche Lufthansa AG.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Kúria.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas – Regolament (KE) Nru 1896/2006 – Artikoli 17 u 20 – Obbligi ta’ qorti adita għall-identifikazzjoni tal-qorti li territorjalment għandha ġurisdizzjoni biex tisma’ l-proċedura kontenzjuża wara l-oppożizzjoni tal-konvenut tal-ordni ta’ ħlas Ewropea. – Ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tal-oriġini tal-ordni ta’ ħlas Ewropea – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Kreditu bbażat fuq id-dritt għal kumpens abbażi tar-Regolament (CE) Nru 261/2004 minħabba dewmien f’titjira.
    Kawża C-94/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:148

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    10 ta’ Marzu 2016 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas — Regolament (KE) Nru 1896/2006 — Artikoli 17 u 20 — Obbligi ta’ qorti adita għall-finijiet li tistabbilixxi liema qorti hija territorjalment kompetenti biex tisma’ l-proċedura prekontenzjuża wara l-oppożizzjoni tal-konvenut fl-ordni ta’ ħlas Ewropea — Ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini tal-ordni ta’ ħlas Ewropea — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Kreditu bbażat fuq id-dritt għal kumpens abbażi tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 minħabba dewmien f’titjira”

    Fil-Kawża C-94/14,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kúria (Qorti Suprema, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Frar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura

    Flight Refund Ltd

    vs

    Deutsche Lufthansa AG,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, C. Toader, A. Rosas, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u G. Szima, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.-M. Rouchaud-Joët kif ukoll minn A. Sipos u M. Wilderspin, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Ottubru 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU L 399, p. 1).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Flight Refund Ltd (iktar ’il quddiem “Flight Refund”), kumpannija stabbilita fir-Renju Unit, u Deutsche Lufthansa AG (iktar ’il quddiem “Deutsche Lufthansa”), kumpannija stabbilita fil-Ġermanja, dwar kreditu relattiv għall-kumpens mitlub minħabba dewmien f’titjira.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt internazzjonali

    3

    Il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, konkluża f’Montreal fit-28 ta’ Mejju 1999, ġiet iffirmata mill-Komunità Ewropea fid-9 ta’ Diċembru 1999 u approvata f’isimha permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE, tal-5 ta’ April 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Montréal”).

    4

    L-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, intitolat “Dewmien”, jipprovdi:

    “It-trasportatur huwa responsabbli għad-dannu li jirriżulta minn dewmien fit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, il-bagalji jew il-merkanzija. Madanakollu, it-trasportatur m’għandux ikun responsabbli għad-danni kkawżati bid-dewmien jekk jidher illi t-trasport u s-servjenti u l-aġenti tiegħu ħadu l-miżuri kollha li setgħu jintalbu raġjonevolment sabiex jevitaw id-dannu jew li kien impossibbli għalihom li jieħdu dawn il-miżuri.”

    5

    Skont l-Artikolu 33(1) ta’ din il-konvenzjoni:

    “Azzjoni għad-danni għandha tinġieb, skont kif jagħżel l-attur, fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Partijiet, jew quddiem il-qorti tad-domiċilju tat-trasportatur jew tal-post prinċipali tan-negozju tiegħu, jew fejn ikollu post tan-negozju li permezz tiegħu jkun sar il-kuntratt jew quddiem il-qorti fil-post tad-destinazzjoni.”

    Id-dritt tal-Unjoni

    Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004

    6

    L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU L 46, p. 1), bit-titolu “Kanċellazzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1(ċ) tiegħu, li l-passiġġieri kkonċernati għandhom, f’każ li titjira tiġi kkanċellata, fil-prinċipju, dritt għal kumpens mingħand it-trasportatur tal-ajru li jopera konformement mal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament.

    7

    L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Dewmien”, jipprovdi ċerti obbligi fuq it-trasportatur tal-ajru li jopera, fir-rigward tal-assistenza lill-passiġġieri kkonċernati, f’każ ta’ dewmien ta’ titjira.

    8

    L-Artikolu 7 tal-istess Regolament, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(ċ) tiegħu, li, fejn issir referenza għal dan l-Artikolu, il-passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal EUR 600 għat-titjiriet kollha b’distanza superjuri għal 3500 km.

    Ir-Regolament Nru 1896/2006

    9

    Il-premessa 8 tar-Regolament Nru 1896/2006 tipprovdi:

    “L-impedimenti li jirriżultaw għal aċċess għal ġustizzja effiċjenti f’każijiet transkonfini […] jfissru l-ħtieġa ta’ leġislazzjoni Komunitarja li tiggarantixxi parità għall-kredituri u d-debituri fl-Unjoni Ewropea kollha.”

    10

    Skont il-premessa 10 ta’ dan ir-regolament:

    “Il-proċedura stabbilita b’dan ir-Regolament għandha sservi ta’ mezz addizzjonali u fakultattiv għal pretendent, li jibqa’ liberu li jirrikorri għal proċedura prevista fil-liġi nazzjonali. Għaldaqstant, dan ir-Regolament la jissostitwixxi u lanqas jarmonizza l-mekkaniżmi eżistenti għall-irkupru ta’ talbiet mhux ikkontestati taħt il-liġi nazzjonali.”

    11

    Il-premessa 24 tal-imsemmi regolament tipprovdi:

    “Dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni mressqa fil-limitu ta’ żmien għandha ttemm il-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea u għandha twassal għal trasferiment awtomatiku tal-każ għal proċedimenti ċivili ordinarji sakemm il-pretendent ma jitlobx b’mod espliċitu li jtemm il-proċedimenti f’dak il-każ. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament il-kunċett ta’ proċedimenti ċivili ordinarji m’għandux bilfors jiġi interpretat fis-sens tal-liġi nazzjonali.”

    12

    L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1896/2006 jipprovdi:

    “1.   L-għan ta’ dan ir-Regolament hu:

    a)

    li jissimplifika, iħaffef u jnaqqas l-ispejjeż ta’ litigazzjoni f’każijiet transkonfinali fir-rigward ta’ talbiet mhux kontestati ta’ flus permezz tal-ħolqien ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea;

    […]

    2.   Dan ir-Regolament m’ għandux iżomm pretendent milli jsegwi talba fis-sens ta’ l-Artikolu 4 billi jagħmel użu minn proċedura oħra disponibbli taħt il-liġi ta’ Stat Membru jew taħt il-liġi [tal-Unjoni].”

    13

    Skont l-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar huwa ddefinit b’dan il-mod:

    “Dan ir-Regolament għandu japplika għal kwistjonijiet ċivili u kummerċjali f’każijiet transkonfinali tkun liema tkun ix-xorta tal-qorti jew tat-tribunal. M’ għandux jikkonċerna, b’mod partikolari, kwistjonijiet dwar dħul ta’ flus, dwana jew ta amministrazzjoni jew ir-responsabbiltà ta’ l-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità ta’ Stat (“acta iure imperii”).”

    14

    L-Artikolu 5(1) tal-imsemmi Regolament jiddefinixxi “Stat Membru ta’ oriġini” bħala “l-Istat Membru li fih tkun ħarġet ordni ta’ ħlas Ewropea”.

    15

    L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1896/2006 jipprovdi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi ddeterminata skont ir-regoli rilevanti tal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

    16

    L-Artikolu 7(2)(f) tar-Regolament Nru 1896/2006 jipprovdi li applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tinkludi r-raġunijiet għall-ġurisdizzjoni.

    17

    L-Artikolu 16(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “1.   Il-konvenut jista’ jressaq dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea mal-qorti ta’ oriġini bl-użu tal-formola standard F kif stabbilit fl-Anness VI, li għandha tiġi fornuta lilu flimkien ma’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea.

    2.   Id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għandha tintbagħat fi żmien 30 jum min-notifika ta’ l-ordni fuq il-konvenut.

    3.   Il-konvenut għandu jindika fid-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni li hu qed jikkontesta t-talba, mingħajr m’għandu għalfejn jispeċifika r-raġunijiet għal dan.”

    18

    L-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament, intitolat “Effetti tal-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

    “1.   Jekk dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni tiddaħħal fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2), il-proċedimenti għandhom ikomplu qabel il-qrati kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini b’mod konformi mar-regoli ta’ proċedura ċivili ordinarja sakemm il-pretendent ma jkunx talab b’mod espliċitu biex f’dak il-każ jintemmu l-proċedimenti.

    […]

    2.   It-trasferiment għal proċedimenti ċivili ordinarji fi ħdan it-tifsira ta’ paragrafu 1 għandu jiġu regolat mil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini.”

    19

    L-Artikolu 18(1) tal-istess regolament jipprovdi:

    “Jekk fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2), b’ konsiderazzjoni meħuda taż-żmien xieraq li jippermetti li tasal dikjarazzjoni, ma tkun ġiet imressqa l-ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni fil-qorti ta’ oriġini, il-qorti ta’ oriġini għandha mingħajr dewmien tiddikjara l-ordni ta’ ħlas Ewropea esegwibbli, bl-użu tal-formola standard G kif stabbilit fl-Anness VII. Il-qorti ta’ oriġini għandha tivverifika d-data ta’ servizz.”

    20

    L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006, intitolat “Reviżjoni f’każijiet eċċezzjonali”. B’mod partikolari, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li: “[w]ara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16 (2) il-konvenut għandu jkun intitolat […] biex japplika għal reviżjoni ta’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea quddiem il-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini fejn l-ordni ta’ ħlas tkun kjarament inħarġet ħażin, b’kont meħud tar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali oħra”. Skont l-Artikolu 20(3) tal-imsemmi regolament, jekk il-qorti tiddeċiedi li r-reviżjoni tkun iġġustifikata, l-ordni ta’ ħlas Ewropea tkun nulla u mingħajr effett. F’każ kuntrarju, abbażi tal-istess dispożizzjoni, din l-ordni tibqa’ fis-seħħ.

    21

    L-Artikolu 26 tar-Regolament, intitolat “Relazzjoni mal-liġi proċedurali nazzjonali”, jipprovdi:

    “Il-kwistjonijiet proċedurali kollha li ma ġewx ittrattati b’mod speċifiku f’dan ir-Regolament għandhom jiġu rregolati mil-liġi nazzjonali.”

    Ir-Regolament Nru 44/2001

    22

    Ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni stabbiliti permezz tar-Regolament Nru 44/2001 jinsabu fil-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, fl-Artikoli 2 sa 31 ta’ dan tal-aħħar. Fit-Taqsima 7 ta’ dan il-Kapitolu II, intitolata “Prorogazzjoni ta’ ġurisdizzjoni”, l-Artikolu 24 tar-regolament imsemmi jipprovdi:

    “Apparti mill-ġurisdizzjoni li toħroġ minn disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament, qorti ta’ Stat Membru fejn il-konvenut ikun deher għandha jkollha l-ġurisdizzjoni. Din ir-regola m’għandiex tapplika meta d-dehra kienet saret biex ikun ikkontestat il-ġurisdizzjoni, jew meta qorti oħra jkollha ġurisdizzjoni esklussiva bis-saħħa ta’ l-Artikolu 22.”

    Id-dritt Ungeriż

    Il-Kodiċi tal-proċedura ċivili

    23

    Il-Liġi Nru III tal-1952, dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (a polgári perrendtartásról szóló 1952. évi III. törvény, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Ċivili”), tistabbilixxi r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati.

    24

    L-Artikolu 45 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprovdi:

    “1.   F’każ ta’ kunflitt fil-ġurisdizzjoni materjali jew territorjali li jkun jirriżulta minn deċiżjonijiet definittivi, kif ukoll fil-każ li jkun impossibbli li jiġi stabbilit liema hija l-qorti li għandha ġurisdizzjoni territorjali jew inkella meta din, wara rikuża, ma tkunx tista’ tittratta l-kawża, għandha bi prijorità tiġi identifikata l-qorti li għandha ġurisdizzjoni.

    2.   Il-qorti kompetenti biex twettaq din l-identifikazzjoni hija:

    […]

    c)

    fil-każijiet differenti minn dawk taħt (a) u (b), il-Kúria [(Qorti Suprema)].”

    Il-Liġi Nru L tal-2009 dwar proċedura għal ordni ta’ ħlas

    25

    L-Artikolu 59(1) tal-Liġi Nru L tal-2009, dwar proċedura għal ordni ta’ ħlas (a fizetési meghagyásos eljárásról szóló 2009. évi L. törvény), jagħti kompetenza lin-nutara biex joħorġu ordni ta’ ħlas Ewropea stabbilit mir-Regolament Nru 1896/2006.

    26

    B’applikazzjoni tal-Artikolu 38(1) ta’ din il-liġi, in-nutar, f’każ ta’ oppożizzjoni, għandu jibgħat il-fajl relattiv għall-proċedura lill-qorti identifikata mill-applikant fl-applikazzjoni ta’ ordni għal ħlas.

    27

    L-Artikolu 38(3) ta’ din il-liġi jipprovdi li, meta l-applikant ma jkunx identifika l-qorti, in-nutar għandu jibgħat il-fajl lill-qorti li materjalment u territorjalment għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikoli 29, 30 u 40 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    28

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li passiġġier, permezz ta’ kuntratt, ittrasferixxa d-drittijiet għal kumpens tiegħu minħabba d-dewmien ta’ titjira lil Flight Refund, kumpannija speċjalizzata fl-irkupru ta’ dan it-tip ta’ krediti. Din il-kumpannija ppreżentat, quddiem nutar Ungeriż, applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea kontra Deutsche Lufthansa. Flight Refund iġġustifikat l-applikazzjoni tagħha, li tikkonċerna somma ta’ EUR 600 fil-kawża prinċipali, bil-fatt li din kellha d-dritt, wara t-trasferiment tal-kreditu li kien seħħ, li titlob id-danni mingħand Deutsche Lufthansa, minħabba dewmien ta’ iktar minn tliet sigħat tat-titjira LH 7626 li, skont l-informazzjoni pprovduta lin-nutar imsemmi, tgħaqqad l-ajruporti ta’ Newark (l-Istati Uniti) u London Heathrow (ir-Renju Unit).

    29

    In-nutar imsemmi laqa’ din l-applikazzjoni u ħareġ ordni ta’ ħlas kontra Deutsche Lufthansa, mingħajr ma ddetermina l-post tal-konklużjoni tal-kuntratt, dak tal-eżekuzzjoni tiegħu, il-post fejn seħħ il-fatt li kkaġuna d-dannu, dak fejn huwa stabbilit it-trasportatur li permezz tiegħu kien ġie konkluż il-kuntratt, u lanqas id-destinazzjoni tat-titjira kkonċernata. L-istess nutar iddikjara ruħu kompetenti biex joħroġ din l-ordni ta’ ħlas abbażi tal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, minħabba li l-Ungerija hija Stat parti ta’ din il-konvenzjoni.

    30

    Deutsche Lufthansa użat id-dritt ta’ oppożizzjoni tagħha kontra l-ordni msemmija u tosserva li hija ma kinitx topera l-konnessjoni bl-ajru li kienet irreferiet għaliha Flight Refund fl-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas tagħha, peress li t-trasportatur tal-ajru li jopera l-konnessjoni kkonċernata kienet, skont din, il-kumpannija tal-ajru United Airlines, Inc.

    31

    Peress li r-rappreżentant ta’ Flight Refund kien, fuq talba tan-nutar ikkonċernat, iddikjara li ma setax jidentifika l-qorti nazzjonali kompetenti wara li l-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea nbidlet fi proċedura ċivili ordinarja, dan in-nutar irrefera lill-Kúria (Qorti Suprema), sabiex din tidentifika l-qorti li territorjalment għandha ġurisdizzjoni, peress li dan ma setax, abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u fid-dawl tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tiegħu, jidentifika lil din il-qorti.

    32

    Il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiema u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ħames domandi li kienu jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, tar-Regolament Nru 44/2001 u tar-Regolament Nru 1896/2006. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Frar 2014.

    33

    Fis-26 ta’ Settembru 2014, Flight Refund qalet lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-fatt li kienet informat lill-qorti tar-rinviju, b’ittra tal-5 ta’ Marzu 2014, li l-kreditu tagħha kien ibbażat fuq ir-Regolament Nru 261/2004 u mhux fuq id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montreal. Sabiex tikseb preċiżazzjonijiet ulterjuri min-naħa tal-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-21 ta’ Ottubru 2014, iddeċidiet li tippreżenta, b’applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, talba għal kjarifiki lil din il-qorti.

    34

    Fir-risposta tagħha, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Novembru 2014, il-qorti tar-rinviju, fl-ewwel lok, ikkonfermat li l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004, u mhux id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, kienu ġew invokati minn Flight Refund, bħala bażi legali għall-kreditu tagħha. Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju rtirat tlieta mill-ħames domandi li għamlet u rriformulat waħda miż-żewġ domandi li żammet.

    35

    Fit-tieni lok, din il-qorti enfasizzat li ma kellhiex informazzjoni relattiva għat-titjira kkonċernata, ħlief dik li diġà tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha. Din enfasizzat li, fil-kuntest ta’ proċedura li tirrigwarda d-determinazzjoni tal-qorti li territorjalment għandha ġurisdizzjoni, hija ma setgħetx, abbażi tal-liġi nazzjonali, tfittex iktar elementi relattivi għall-mertu tal-kawża.

    36

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju esprimiet dubji dwar ir-regoli tal-ġurisdizzjoni internazzjonali applikabbli għal proċedura ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea ppreżentata għall-finijiet li jiġi invokat kreditu bbażat fuq ir-Regolament Nru 261/2004. Din il-qorti tqis li n-nutar li ħareġ l-ordni ta’ ħlas Ewropea ħareġ l-ordni msemmija bi ksur tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1896/2006 li jgħid li dan kellu jeżamina l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni Ungeriża abbażi tar-Regolament Nru 44/2001.

    37

    B’hekk, il-qorti msemmija tixtieq tikseb preċiżazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni jekk humiex applikabbli, f’dan il-każ, ir-regoli stabbiliti mill-Konvenzjoni ta’ Montreal, dawk stabbiliti mir-Regolament Nru 44/2001 jew inkella regoli differenti dwar il-ġurisdizzjoni, bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1896/2006, li jipprovdu li l-proċedura li ssegwi l-oppożizzjoni tal-konvenut għall-ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tkompli quddiem il-qrati kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini ta’ din l-ordni. Din tistaqsi ruħha wkoll dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-konstatazzjoni tagħha dwar l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ungeriżi.

    38

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kúria (Qorti Suprema) iddeċidiet li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Ordni ta’ ħlas Ewropea li nħarġet bi ksur tal-għan tar-[Regolament Nru 1896/2006] jew minn awtorità li ma għandiex ġurisdizzjoni [internazzjonali] tista’ tiġi eżaminata mill-ġdid ex officio? Jew inkella, il-proċedura kontenzjuża mibdija wara t-tressiq ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għandha, fl-assenza ta’ ġurisdizzjoni, tiġi mitmuma ex officio jew fuq talba?

    2)

    Sa fejn il-qrati Ungeriżi jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jisimgħu l-każ, għandha r-regola rilevanti li tirregola l-ġurisdizzjoni tiġi interpretata fis-sens li l-Kúria [(Qorti Suprema)], meta tassenja ġurisdizzjoni lil qorti, għandha tindika minn tal-inqas qorti waħda li, fl-assenza ta’ ġurisdizzjoni u kompetenza stabbiliti mil-liġi proċedurali tal-Istat Membru, tkun jeħtiġilha tmexxi l-proċeduri fuq il-mertu ta’ każ mibdi wara dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ammissibbiltà

    39

    Il-gvern Ġermaniż iqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli. F’dan ir-rigward, dan il-gvern isostni li mis-sit Internet ta’ Flight Refund, li dan ikkonsulta fid-9 ta’ Ġunju 2014, jirriżulta li din il-kumpannija interrompiet, għal żmien indeterminat, il-funzjonament tas-sit tagħha u li din, fl-istess ħin, issospendiet il-proċeduri fil-kawżi ta’ rkupru li kienu tressqu. Għal din ir-raġuni, il-gvern imsemmi jissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja titlob mingħand il-qorti tar-rinviju informazzjoni relattiva għall-istat tal-proċedura pendenti quddiemha.

    40

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentari u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza (sentenzi Fish Legal u Shirley, C‑279/12, EU:C:2013:853, punt 30, kif ukoll Verder LabTec, C-657/13, EU:C:2015:331, punt 29).

    41

    Issa, fir-rigward tal-inammissibbiltà invokata mill-gvern Ġermaniż, biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju, fir-risposta tagħha għat-talba għal kjarifiki mibgħuta lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja, ikkonfermat li hija dejjem kienet adita bit-talba relattiva għall-identifikazzjoni tal-qorti li territorjalment għandha ġurisdizzjoni biex tisma’ l-proċedura kontenzjuża wara l-oppożizzjoni tal-konvenut tal-ordni ta’ ħlas Ewropea. Għalhekk, ebda prova mill-proċess ma tippermetti li jitqies li l-preżunzjoni ta’ rilevanza li jgawdu minnha d-domandi preliminari tista’, f’dan il-każ, titpoġġa indiskussjoni.

    42

    Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

    Fuq il-mertu

    43

    Qabel ma ssir l-evalwazzjoni tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat li din il-qorti, fir-risposta tagħha għat-talba għal kjarifiki mibgħuta lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja, esprimiet dubji fir-rigward tar-regoli rilevanti li għandhom jiġu applikati għall-finijiet li tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati ta’ Stat Membru biex jisimgħu l-proċedura kontenzjuża relattiva għall-kreditu li wassal għall-ordni ta’ ħlas, li kontrih il-konvenut ressaq oppożizzjoni, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fihom il-kreditur invoka l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 bħala bażi legali għall-kreditu tiegħu. Iktar preċiżament, din il-qorti tistaqsi jekk ir-regoli applikabbli f’dan il-kuntest humiex dawk relattivi għall-ġurisdizzjoni internazzjonali stabbiliti fl-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal jew dawk stabbiliti mir-Regolament Nru 44/2001.

    44

    Barra minn hekk, il-qorti msemmija titlob preċiżazzjonijiet fir-rigward tal-portata tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1896/2006, b’mod partikolari dwar il-punt jekk din id-dispożizzjoni tistax tiġi interpretata fis-sens li tinkludi regola ta’ ġurisdizzjoni favur il-qrati tal-Istat Membru tal-oriġini, fis-sens tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-Regolament, indipendentement mir-regoli stabbiliti mir-Regolament Nru 44/2001.

    45

    F’dan ir-rigward, għandha titfakkar, fl-ewwel lok, il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li d-dritt għal kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa u uniformi tal-passiġġier wara dewmien f’titjira, abbażi tal-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 261/2004, li tinvoka Flight Refund f’dan il-każ, hija indipendenti mill-kumpens għad-dannu stabbilit fil-kuntest tal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Rehder, C-204/08, EU:C:2009:439, punt 27, kif ukoll Nelson et, C-581/10 u C-629/10, EU:C:2012:657, punti 46, 4955).

    46

    B’hekk, peress li d-drittijiet ibbażati rispettivament fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004 u d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montreal jifformaw parti minn kuntesti leġiżlattivi differenti, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali stabbiliti minn din il-konvenzjoni ma japplikawx għat-talbiet imressqa biss abbażi tar-Regolament Nru 261/2004, peress li dawn tal-aħħar għandhom jiġu eżaminati fir-rigward tar-Regolament Nru 44/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rehder, C-204/08, EU:C:2009:439, punti 2728).

    47

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ipoteżi invokata mill-qorti tar-rinviju, imsemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li oppożizzjoni mill-konvenut għall-ordni ta’ ħlas Ewropea, li l-effetti tiegħu huma rregolati mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1896/2006, ma tistax twassal għal estensjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini tal-ordni ta’ ħlas, fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, u b’hekk tfisser li l-konvenut aċċetta, billi fformula tali oppożizzjoni, anki jekk din tinkludi motivi relattivi għall-mertu tal-kawża, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ dan l-Istat Membru biex jisimgħu l-proċedura kontenzjuża relattiva għall-kreditu kkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Goldbet Sportwetten, C-144/12, EU:C:2013:393, punti 38, 4143).

    48

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jitqies li, bid-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar is-setgħat u l-obbligi ta’ qorti bħall-qorti tar-rinviju, abbażi tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tar-Regolament Nru 1896/2006, f’ċirkustanzi li fihom din il-qorti tkun adita bi proċedura relattiva għall-identifikazzjoni ta’ qorti territorjalment kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea u teżamina l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati ta’ dan l-Istat Membru biex jisimgħu l-proċedura kontenzjuża relattiva għall-kreditu li wassal għall-ordni ta’ ħlas imsemmi, li kontriha l-konvenut ressaq oppożizzjoni fit-terminu stabbilit għal dan il-għan.

    49

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament Nru 1896/2006, dan tal-aħħar għandu l-għan, b’mod partikolari, li jissemplifika, iħaffef u jnaqqas l-ispejjeż ta’ litigazzjoni f’każijiet transkonfinali fir-rigward ta’ talbiet pekunjarji mhux ikkontestati permezz tal-ħolqien ta’ proċedura għal ordni għal ħlas Ewropea. Dan ir-regolament għandu japplika, skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, għal kwistjonijiet ċivili u kummerċjali f’każijiet transkonfinali, tkun liema tkun ix-xorta tal-qorti jew tat-tribunal.

    50

    Madankollu, il-proċedura speċjali rregolata bir-Regolament Nru 1896/2006 kif ukoll l-għanijiet imfittxija minnu ma japplikawx meta l-krediti li wasslu għal ordni ta’ ħlas ikunu kkontestati permezz tal-oppożizzjoni prevista fl-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi eco cosmetics u Raiffeisenbank St. Georgen, C-119/13 u C-120/13, EU:C:2014:2144, punt 39, kif ukoll Goldbet Sportwetten, C-144/12, EU:C:2013:393, punti 3142).

    51

    Issa, f’dan il-każ, huwa stabbilit li l-konvenut ressaq oppożizzjoni, fit-terminu stabbilit għal dan il-għan mill-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1896/2006, kontra l-ordni ta’ ħlas Ewropea maħruġa kontrih. Għalhekk, peress li l-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament jikkostitwixxi l-unika dispożizzjoni tal-imsemmi regolament li tirregola l-effetti ta’ tali oppożizzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk din id-dispożizzjoni tippermettix li jiġu ddeterminati s-setgħat u l-obbligi ta’ qorti bħall-qorti tar-rinviju, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi ssir referenza kemm għall-kliem ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll għall-istruttura tal-istess regolament.

    52

    Skont il-kliem tiegħu, l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1896/2006 jillimita ruħu biex jeżiġi, f’każ ta’ oppożizzjoni min-naħa tal-konvenut imressqa fit-terminu stabbilit għal dan il-għan, it-tkomplija awtomatika tal-proċedura quddiem il-qrati kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini tal-ordni għal ħlas, b’mod konformi mar-regoli ta’ proċedura ċivili ordinarja, sa kemm l-applikant ma jkunx talab b’mod espliċitu biex f’dak il-każ jintemmu l-proċeduri.

    53

    Fir-rigward tal-istruttura tar-Regolament Nru 1896/2006, minn qari flimkien tal-premessi 8 u 10 kif ukoll tal-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan tal-aħħar jistabbilixxi proċedura Ewropea ta’ ordni ta’ ħlas li tikkostitwixxi strument komplementari u fakultattiv għall-applikant, mingħajr ma r-regolament imsemmi ma jissostitwixxi jew jarmonizza l-mekkaniżmi ta’ rkupru tal-krediti mhux ikkontestati stabbiliti mid-dritt nazzjonali. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1896/2006 jistabbilixxi strument uniformi ta’ rkupru, li jiżgura kundizzjonijiet identiċi għall-kredituri u għad-debituri fl-Unjoni Ewropea kollha, filwaqt li jipprevedi l-applikazzjoni tad-dritt proċedurali tal-Istati Membri għal kull kwistjoni ta’ proċedura mhux espressament irregolata minn dan ir-regolament.

    54

    Sa fejn mill-kliem tar-Regolament Nru 1896/2006 jirriżulta li dan ma huwiex intiż biex jarmonizza d-drittijiet proċedurali tal-Istati Membri, u fid-dawl tal-portata limitata tal-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, hekk kif ippreċiżat fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata, sa fejn tipprevedi t-tkomplija awtomatika tal-proċedura, f’każ ta’ oppożizzjoni mill-konvenut, konformement mar-regoli tal-proċedura ċivili ordinarja, fis-sens li din ma timponi ebda rekwiżit partikolari relattiv għan-natura tal-qrati li quddiemhom għandha tkompli l-proċedura jew għar-regoli li għandha tapplika tali qorti.

    55

    Isegwi li, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1896/2006 ikunu sodisfatti meta l-proċedura tkompli, wara l-oppożizzjoni tal-konvenut, quddiem qorti bħall-qorti tar-rinviju, li teżamina, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istat Membru tal-oriġini tal-ordni ta’ ħlas Ewropea biex tisma’ l-proċedura ċivili ordinarja relatata mal-kreditu kkontestat, b’applikazzjoni tar-regoli stabbiliti mir-Regolament Nru 44/2001.

    56

    Issa, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, la l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1896/2006 u lanqas xi dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament ma jippermettu li jiġu identifikati s-setgħat u l-obbligi ta’ qorti bħall-qorti tar-rinviju, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fin-nuqqas, fir-Regolament Nru 1896/2006, ta’ regoli espressi relattivi għal din il-kwistjoni proċedurali, din il-kwistjoni tibqa’, konformement mal-Artikolu 26 tal-imsemmi regolament, irregolata mid-dritt nazzjonali.

    57

    Barra minn hekk, sa fejn mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju hija mitluba sabiex tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istat Membru tal-oriġini tal-ordni ta’ ħlas Ewropea biex jisimgħu l-proċedura kontenzjuża relattiva għall-kreditu kkontestat, bl-applikazzjoni għal dan il-għan, hekk kif intqal fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, tar-regoli stabbiliti mir-Regolament Nru 44/2001, għandhom jiġu vverifikati l-obbligi eventwali li jirriżultaw, għal din il-qorti, minn dan ir-regolament.

    58

    F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li r-Regolament Nru 44/2001 ma għandux l-għan li jgħaqqad il-firxa tal-obbligi ta’ stħarriġ li għandhom il-qrati nazzjonali fil-verifika tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħhom. Madankollu, l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali rilevanti ma għandhiex tikser l-effett utli tar-Regolament Nru 44/2001 (ara s-sentenza Kolassa, C-375/13, EU:C:2015:37, punti 5960 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    59

    Fir-rigward tar-rekwiżiti li għandhom jiġu osservati waqt il-proċedura, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament Nru 44/2001 jesprimu l-intenzjoni li jiġi żgurat li, fil-kuntest tal-għanijiet tagħha, il-proċeduri li jwasslu għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji jsiru filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi G, C-292/10, EU:C:2012:142, punt 47, kif ukoll A, C-112/13, EU:C:2014:2195, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    60

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li kemm l-għan ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li jsostni r-Regolament Nru 44/2001, kif ukoll ir-rispett dovut għall-awtonomija tal-qorti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha jeżiġu li l-qorti meħtieġa li tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tkun tista’ teżamina din il-kwistjoni fid-dawl tal-informazzjoni kollha li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, inklużi, jekk ikun il-każ, il-kontestazzjonijiet magħmula mill-konvenut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kolassa, C-375/13, EU:C:2015:37, punt 64).

    61

    F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha biss informazzjoni relattiva għall-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini pprovduta mill-applikant fl-applikazzjoni tiegħu għal ordni ta’ ħlas Ewropea, liema informazzjoni tista’ tkun, skont l-Artikolu 7(2)(f) tar-Regolament Nru 1896/2006, ridotta għal sempliċi indikazzjoni tal-kapijiet ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali, mingħajr ma l-applikant ikun obbligat li jesponi elementi ta’ rabta tal-kreditu invokat fil-kuntest tal-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea fl-Istat Membru li fih dan ressaq tali talba.

    62

    F’dan il-kuntest għandu jiġi rrilevat li l-fajl li għandha quddiema l-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettix li jiġu identifikati r-regoli nazzjonali applikabbli għall-proċedura li l-qorti tar-rinviju għandha quddiema f’dan il-każ. Għalhekk, għalkemm din il-qorti kienet, b’applikazzjoni tad-dritt proċedurali nazzjonali, marbuta li tevalwa l-kompetenza internazzjonali tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini tal-ordni ta’ ħlas esklużivament fid-dawl tal-provi mressqa mill-applikant fl-applikazzjoni tiegħu għall-ordni ta’ ħlas Ewropea, tali proċedura ma tista’ tiggarantixxi la l-effett utli tar-regoli tal-ġurisdizzjoni stabbiliti bir-Regolament Nru 44/2001 u lanqas id-drittijiet tad-difiża li jibbenefika minnhom il-konvenut.

    63

    Fil-fatt, ir-regoli nazzjonali applikabbli għall-proċedura li għandha quddiema l-qorti tar-rinviju f’dan il-każ għandhom jippermettu lil din tal-aħħar li teżamina l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali, b’applikazzjoni tar-regoli stabbiliti mir-Regolament Nru 44/2001, fid-dawl tal-informazzjoni kollha li din teħtieġ għal dan il-għan, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, billi tisma’, jekk ikun il-każ, lill-partijiet dwar dan is-suġġett.

    64

    Kieku dan ma kienx il-każ, ikun mixtieq li din il-qorti jew tinterpreta r-regoli proċedurali tagħha fis-sens li dawn jippermettulha tissodisfa r-rekwiżiti msemmija, jew li tidentifika, hekk kif issuġġeriet il-qorti tar-rinviju stess, qorti li materjalment għandha ġurisdizzjoni biex tisma’ fil-mertu dwar kreditu bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali abbażi tal-proċedura ċivili ordinarja, bħala qorti li territorjalment għandha ġurisdizzjoni, u mitluba, f’dan il-każ, biex tiddeċiedi, jekk ikun il-każ, fuq il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha stess fir-rigward tal-kriterji stabbiliti mir-Regolament Nru 44/2001.

    65

    Finalment, għandha tingħata risposta għall-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju relattivi għall-obbligi tagħha wara l-evalwazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tal-oriġini tal-ordni ta’ ħlas Ewropea li din tkun wettqet fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 62 u 63 ta’ din is-sentenza.

    66

    F’dan ir-rigward, jekk ikun jirriżulta, fl-aħħar tal-verifiki, li l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tal-oriġini tal-ordni ta’ ħlas Ewropea tista’ tiġi stabbilita abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001, qorti bħall-qorti tar-rinviju ma tkunx tista’, mingħajr ma tikser l-effett utli tar-regola stabbilita mill-imsemmi regolament, li abbażi tagħha tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni, ittemm il-proċedura, għall-unika raġuni li din ma tasalx, b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, biex tidentifika qorti li territorjalment għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar il-mertu fir-rigward tal-kreditu kkontestat.

    67

    Fil-fatt, din il-qorti għandha l-obbligu, hekk kif irrileva l-gvern Ungeriż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li tinterpreta d-dritt nazzjonali fis-sens li dan tal-aħħar jippermettilha tidentifika jew li tinnomina l-qorti li territorjalment u materjalment għandha l-ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi fil-mertu dwar il-kreditu li wassal għall-ordni ta’ ħlas li kontrih il-konvenut ippreżenta oppożizzjoni fit-terminu stabbilit għal dan il-għan.

    68

    Barra minn hekk, il-waqfien tal-proċedura kontenzjuża relattiva għall-mertu tal-kreditu kkontestat, meta l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tal-oriġini tal-ordni ta’ ħlas tkun stabbilita abbażi tar-Regolament Nru 44/2001, tikser ukoll l-effett utli tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1896/2006, sa fejn din id-dispożizzjoni tkun teżiġi li l-proċedura tkompli, f’każ ta’ oppożizzjoni mill-konvenut, awtomatikament quddiem il-qrati kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini tal-ordni ta’ ħlas.

    69

    Min-naħa l-oħra, jekk il-qrati tal-Istat Membru tal-oriġini ma jkollhomx ġurisdizzjoni abbażi tar-Regolament Nru 44/2001, ma huwiex neċessarju, kuntrarjament għal dak li tidher li tqis il-qorti tar-rinviju, li terġa tiġi eżaminata ex officio, b’analoġija mal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006, l-ordni ta’ ħlas li kontriha l-konvenut validament ressaq oppożizzjoni.

    70

    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-possibbiltajiet ta’ eżami mill-ġdid tal-ordni ta’ ħlas, previsti fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006, japplikaw biss jekk il-konvenut ma ressaqx oppożizzjoni fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Thomas Cook Belgium, C-245/14, EU:C:2015:715, punti 4748).

    71

    Barra minn hekk, sa fejn sitwazzjoni proċedurali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun, hekk kif jirriżulta mill-punti 55 u 56 ta’ din is-sentenza, irregolata mhux mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1896/2006, iżda mid-dritt nazzjonali, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, inkluż l-Artikolu 20 tiegħu, ma jistgħux japplikaw, lanqas b’analoġija, għal din is-sitwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza eco cosmetics u Raiffeisenbank St. Georgen, C-119/13 u C‑120/13, EU:C:2014:2144, punt 45).

    72

    Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1896/2006, ordni ta’ ħlas li kontriha l-konvenut ikun ressaq oppożizzjoni fit-terminu previst għal dan il-għan ma tistax issir eżekuttiva. Konsegwentement, ikun mixtieq li qorti bħall-qorti tar-rinviju tislet mill-konstatazzjoni tagħha tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tal-oriġini tal-ordni ta’ ħlas Ewropea abbażi tar-Regolament Nru 44/2001, il-konsegwenzi previsti, f’dan il-każ, mid-dritt proċedurali nazzjonali.

    73

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li r-risposti għad-domandi magħmula għandhom ikunu li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi li fihom qorti tkun adita bi proċedura, bħal fil-kawża prinċipali, relattiva għall-identifikazzjoni ta’ qorti li territorjalment għandha ġurisdizzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini tal-ordni ta’ ħlas Ewropea, u teżamina, fiċ-ċirkustanzi msemmija, l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati ta’ dan l-Istat Membru biex jisimgħu l-proċedura kontenzjuża relattiva għall-kreditu li wassal għal tali ordni ta’ ħlas li kontriha l-konvenut ressaq oppożizzjoni fit-terminu stabbilit għal dan il-għan:

    peress li r-Regolament Nru 1896/2006 ma jipprovdix indikazzjonijiet relattivi għas-setgħat u għall-obbligi ta’ din il-qorti, dawn il-kwistjonijiet proċedurali jibqgħu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament, irregolati mil-liġi nazzjonali tal-imsemmi Stat Membru;

    ir-Regolament Nru 44/2001 jeżiġi li l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini tal-ordni ta’ ħlas Ewropea tiġi deċiża b’applikazzjoni tar-regoli proċedurali li jippermettu li jiġi żgurat l-effett utli tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u d-drittijiet tad-difiża, kemm jekk tkun il-qorti tar-rinviju jew qorti li din tal-aħħar tidentifika bħala li qorti li territorjalment u materjalment għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar kreditu bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali abbażi tal-proċedura ċivili ordinarja, li tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni;

    fil-każ li qorti bħall-qorti tar-rinviju tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini tal-ordni ta’ ħlas Ewropea u tikkonkludi li teżisti tali ġurisdizzjoni fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mir-Regolament Nru 44/2001, dan l-aħħar regolament u r-Regolament Nru 1896/2006 jobbligaw lil tali qorti tinterpreta d-dritt nazzjonali fis-sens li dan tal-aħħar jippermettilha tidentifika jew tinnomina qorti li territorjalment u materjalment għandha ġurisdizzjoni biex tisma din il-proċedura, u,

    fil-każ li qorti bħall-qorti tar-rinviju tikkonkludi li ma teżistix tali ġurisdizzjoni internazzjonali, din il-qorti ma hijiex marbuta li terġa’ teżamina din l-ordni ta’ ħlas ex officio, b’analoġija mal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006.

    Fuq l-ispejjeż

    74

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    Id-dritt tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi li fihom qorti tkun adita bi proċedura, bħal fil-kawża prinċipali, relattiva għall-identifikazzjoni ta’ qorti li territorjalment għandha ġurisdizzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini tal-ordni ta’ ħlas Ewropea, u teżamina, fiċ-ċirkustanzi msemmija, l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati ta’ dan l-Istat Membru biex jisimgħu l-proċedura kontenzjuża relattiva għall-kreditu li wassal għal tali ordni ta’ ħlas li kontriha l-konvenut ressaq oppożizzjoni fit-terminu stabbilit għal dan il-għan:

     

    peress li r-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, ma jipprovdix indikazzjonijiet relattivi għas-setgħat u għall-obbligi ta’ din il-qorti, dawn il-kwistjonijiet proċedurali jibqgħu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament, irregolati mil-liġi nazzjonali tal-imsemmi Stat Membru;

     

    ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali jeżiġi li l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini tal-ordni ta’ ħlas Ewropea tiġi deċiża b’applikazzjoni tar-regoli proċedurali li jippermettu li jiġi żgurat l-effett utli tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u d-drittijiet tad-difiża, kemm jekk tkun il-qorti tar-rinviju jew qorti li din tal-aħħar tidentifika bħala qorti li territorjalment u materjalment għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar kreditu bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali abbażi tal-proċedura ċivili ordinarja, li tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni;

     

    fil-każ li qorti bħall-qorti tar-rinviju tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini tal-ordni ta’ ħlas Ewropea u tikkonkludi li teżisti tali ġurisdizzjoni fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mir-Regolament Nru 44/2001, dan l-aħħar regolament u r-Regolament Nru 1896/2006 jobbligaw lil din il-qorti tinterpreta d-dritt nazzjonali fis-sens li dan tal-aħħar jippermettilha tidentifika jew tinnomina qorti li territorjalment u materjalment għandha ġurisdizzjoni biex tisma din il-proċedura, u,

     

    fil-każ li qorti bħall-qorti tar-rinviju tikkonkludi li ma teżistix tali ġurisdizzjoni internazzjonali, din il-qorti ma hijiex marbuta li terġa’ teżamina din l-ordni ta’ ħlas ex officio, b’analoġija mal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

    Top