Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0080

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-30 ta’ April 2015.
    Union of Shop, Distributive and Allied Workers (USDAW) u B. Wilson vs WW Realisation 1 Ltd et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division).
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Tkeċċijiet kollettivi — Direttiva 98/59/KE — Punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) — Kunċett ta’ ‘stabbiliment’ — Metodi ta’ kalkolu tan-numru ta’ ħaddiema mkeċċija.
    Kawża C-80/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:291

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla)

    30 ta’ April 2015 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Tkeċċijiet kollettivi — Direttiva 98/59/KE — Punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) — Kunċett ta’ ‘stabbiliment’ — Metodi ta’ kalkolu tan-numru ta’ ħaddiema mkeċċija”

    Fil-Kawża C‑80/14,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Frar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Frar 2014, fil-proċedura

    Union of Shop, Distributive and Allied Workers (USDAW),

    B. Wilson

    vs

    WW Realisation 1 Ltd, fi stralċ,

    Ethel Austin Ltd,

    Secretary of State for Business, Innovation and Skills,

    IL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla),

    komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, A. Rosas, E. Juhász (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Wahl,

    Reġistratur: I. Illéssy, amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Novembru 2014,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Union of Shop, Distributive and Allied Workers (USDAW) u B. Wilson, minn D. Rose, QC, u I. Steele, barrister, b’mandat minn M. Cain, solicitor,

    għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Christie, bħala aġent, assistit minn T. Ward, QC, u J. Holmes, barristers,

    għall-Gvern Spanjol, minn L. Banciella Rodríguez‑Miñón u M. J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér u G. Koós kif ukoll minn A. Pálfy, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren u R. Vidal Puig kif ukoll minn J. Samnadda, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Frar 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, tal-20 ta’ Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar redundancies [tkeċċijiet] kollettivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 327).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Union of Shop, Distributive and Allied Workers (USDAW) u B. Wilson u WW Realisation 1 Ltd, fi stralċ (iktar ’il quddiem “Woolworths”) u, min-naħa l-oħra, USDAW u Ethel Austin Ltd (iktar ’il quddiem “Ethel Austin”) kif ukoll is-Secretary of State for Business, Innovation and Skills (Is-Segretarju tal-Istat għan-Negozju, l-Innovazzjoni u l-Ħiliet, iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat għan-negozju”) dwar il-legalità tar-redundancies [tkeċċijiet] li wettqu Woolworths u Ethel Austin. Is-Segretarju tal-Istat għan-negozju ġie involut fil-kwistjoni prinċipali minħabba l-fatt li, fil-każ li Woolworths jew Ethel Austin jiġu kkundannati għall-ħlas tal-allowances imsejħa ta’ protezzjoni iżda li ma jkunux jistgħu jħallsu dawn l-allowances, is-Segretarju tal-Istat għan-negozju jkun obbligat li jħallas, lill-impjegati li jkunu ppreżentaw rikors, l-ammont tal-allowance li huwa jqis xieraq, fi ħdan il-limitu massimu ffissat mil-liġi, bħala kumpens għal dan id-dejn.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Mill-ewwel premessa tad-Direttiva 98/59 jirriżulta li din ikkonsolidat id-Direttiva tal-Kunsill 75/129/KEE, tas-17 ta’ Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar redundancies [tkeċċijiet] kollettivi (ĠU L 48, p. 29).

    4

    Skont it-tieni premessa tad-Direttiva 98/59/KE, huwa importanti li jkun hemm iżjed protezzjoni għall-ħaddiema fil-każ ta’ redundancies [tkeċċijiet] kollettivi waqt li jittieħed kont tal-bżonn ta’ żvilupp ibbilanċjat, ekonomiku u soċjali fl-Unjoni Ewropea.

    5

    Il-premessi 3 sa 4 ta’ din id-direttiva jistabbilixxu:

    “(3)

    Billi, minkejja ż-żieda ta’ konverġenza, jibqgħu differenzi bejn id-dispożizzjonijiet fl-Istati Membri dwar l-arranġamenti prattiċi u l-proċeduri għal din ir-redundancy u l-miżuri intenzjonati biex iserrħu mill-konsegwenzi tar-redundancy tal-ħaddiema;

    (4)

    Billi dawn id-differen[z]i jistgħu jkollom effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern.”

    6

    Il-premessa 7 tal-imsemmija direttiva tenfasizza n-neċessità li tiġi nkoraġġuta l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies [tkeċċijiet] kollettivi.

    7

    L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “It-tifsiriet u l-iskop”, jipprovdi:

    “1.   Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

    (a)

    redundancies kollettivi’ ifisser tkeċċijiet mix-xogħol minn min iħaddem għal raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati meta, skond l-għażla tal-Istati Membri, in-numru tar-redundancies huwa:

    (i)

    jew, fuq perijodu ta’ 30 ġurnata:

    mill-inqas 10 fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw iżjed minn 20 u inqas minn 100 impjegat,

    mill-inqas 10 % tan-numru ta’ ħaddiema fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw mill-inqas 100 iżda inqas minn 300 ħaddiem,

    mill-inqas 30 fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw 300 ħaddiema jew iżjed;

    ii)

    jew, fuq perijodu ta’ 90 ġurnata, mill-inqas 20, ikun xi jkun in-numru ta’ impjegati li jaħdmu fl-istabbilimenti inkwistjoni;

    [...]

    Għall-iskop tal-kalkolu tan-numru tar-redundancies kif previst fis-subparagrafu tal-punt (a), it-termini ta’ kuntratt tax-xogħol li jsir fuq l-inizjattiva ta’ min iħaddem għal raġuni waħda jew iktar li mhumiex relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati għandhom ikunu assimilati mar-redundancies sakemm, hemm mill-inqas ħames redundancies.

    2.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal:

    a)

    redundancies kollettivi effettwat taħt kuntratti tax-xogħol konklużi għal perjodi limitati taż-żmien jew għal xogħlijiet speċifiċi ħlief meta dan il-redundancies iseħħ qabel id-data ta’ skadenza jew il-kompletazzjoni ta’ dawn il-kuntratti;

    [...]”

    8

    Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59:

    “1.   Meta dak li jħaddem ikun qed jikkontempla redundancies kollettivi, huwa għandu jibda konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi żmien tajjeb bl-iskop li jintlaħaq ftehim.

    2.   Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom, mill-inqas, ikopru mezzi u miżuri li jevitaw redundancies kollettivi jew tnaqqis ta’ numri ta’ impjegati affettwati, u biex jittaffew il-konsegwenzi billi jkun hemm rikors għal miżuri soċjali magħhom immirati, inter alia, li jgħinu għall-impjieg jew it-taħriġ mll-ġdid tal-ħaddiema mingħajr xogħol.

    [...]

    3.   Sabiex jgħinu r-rappreżentanti tal-ħaddiema biex jagħmlu proposti kostruttivi, min iħaddem għandu fi żmien tajjeb matul il-konsultazzjonijiet:

    a)

    ifornihom bl-informazzjoni rilevanti kollha u

    b)

    f’kull każ jagħtihom notifka bil-miktub:

    i)

    tar-raġunijiet għar-redundancies ipproġettati;

    ii)

    tan-numri tal-kategoriji ta’ ħaddiema li se jisfaw bla xogħol;

    iii)

    tan-numri u l-kategoriji tal-ħaddiema normalment impjegati;

    iv)

    tal-perijodu meta r-redundancies ipproġettati għandhom jiġu effettwati;

    v)

    tal-kriterji proposti għas-selezzjoni tal-ħaddiema li se jisfaw bla xogħol sakemm u safejn il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali jagħtu l-poter għal dan lil min iħaddem;

    vi)

    tal-metodu għall-kalkolu ta’ xi pagamenti tar-redundancy ta’ xort’ oħra minn dawk ikkawżati mil-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali.

    Min iħaddem għandu jgħaddi lill-awtorità pubblika kompetenti kopja ta’, mill-inqas, l-elementi tal-kommunikazzjoni bil-miktub li hemm previsti fl-ewwel subparagrafu, l-punt (b), is-subpunti (i) sa (v).

    [...]”

    9

    L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “Kull min iħaddem għandu jinnotifika lill-awtorità pubblika kompetenti bil-miktub dwar kull pjan ta’ redundancies kollettivi.

    [...]

    Din in-notifika għandu jkollha l-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna r-redundancies kollettivi u l-konsultazzjonijiet ippjanati mar-rappreżentanti tal-ħaddiema previsti fl-Artikolu 2, u partikolarment ir-raġunijiet għar-redundancy, in-numru ta’ ħaddiema li ser jisfgħu mingħajr xogħol, in-numru ta’ ħaddiema normalment impjegati u l-perijodu li fih il-redundancy għandu jiġi effettwat.”

    10

    L-Artikolu 4 (1) u (2) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Il-redundancies kollettivi pproġettati nnotifikati lill-awtorità pubblika kompetenti m’għandhomx iseħħu qabel 30 ġurnata wara n-notifika msemmija fl-Artikolu 3(1) bla ħsara għal xi dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet individwali fir-rigward ta’ l-avviż tat-tkeċċija mix-xogħol.

    L-Istati Membri jistgħu jagħtu l-poter lill-awtorità pubblika kompetenti sabiex tnaqqas il-perijodu msemmi fis-subparagrafu preċedenti.

    2.   Il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jintuża mill-awtorità pubblika kompetenti sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi kkawżati mir-redundancies kollettivi proġettati.”

    11

    L-Artikolu 5 tal-istess direttiva jipprovdi:

    “Din id-Direttiva ma għandhiex taffetwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma iktar favorevoli għal ħaddiema jew li jippromovu jew li jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettivi iktar favorevoli għall-ħaddiema”.

    Id-dritt tar-Renju Uniti

    12

    It-Trade Union and Labour Relations (Consolidated) Act tal-1992 (Liġi tat-Trade Union u Relazzjonijiet Industrijali, iktar ’il quddiem it-“TULRCA”), hija intiża li timplementa l-obbligi tar-Renju Unit bis-saħħa tad-Direttiva 98/59.

    13

    L-Artikolu 188(1) tat-TULRCA huwa fformulat kif ġej:

    “Meta l-persuna li timpjega jkollha l-intenzjoni li tkeċċi, għal raġuni ekonomika, 20 impjegat jew iktar bħala impjegati żejda fi stabbiliment wieħed matul perijodu ta’ 90 jum jew inqas, hija tkun obbligata li tikkonsulta, dwar dawn it-tkeċċijiet, il-persuni kollha li jirrappreżentaw b’mod leġittimu lill-impjegati li jistgħu jkunu affettwati mit-tkeċċijiet previsti jew minn miżuri marbuta ma’ dawn it-tkeċċijiet.

    14

    Skont l-Artikolu 189(1) tat-TULRCA, fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ wieħed mill-obbligi tal-persuna li timpjega rigward din il-konsultazzjoni, tista’ titressaq azzjoni quddiem l-Employment Tribunal (Tribunal Industrijali) fuq din il-bażi mis-sindakat tal-ħaddiema kkonċernat, f’każ ta’ nuqqas li jirrigwarda r-rappreżentanti ta’ sindakat tal-ħaddiema, jew, f’kull każ ieħor, mill-impjegati vittmi tan-nuqqas jew mill-impjegati kollha mkeċċija għar-raġuni ekonomika. Fil-każ li r-rikors ikun fondat, il-ħlas tal-allowance msejħa ta’ protezzjoni (“protective award”), bħala indennizz, jista’ jiġi ordnat bis-saħħa tal-Artikolu 189(2) tat-TULRCA.

    15

    L-Artikolu 189(3) tat-TULRCA jipprovdi li l-allowance msejħa ta’ protezzjoni hija intiża li toffri indennizz lil kull impjegat li kien tkeċċa jew li kellu jitkeċċa għal raġuni ekonomika u li fir-rigward tiegħu, fil-kuntest ta’ din it-tkeċċija jew proposta għal tkeċċija, il-persuna li timpjega b’mod partikolari naqset milli twettaq wieħed mill-obbligi dwar il-konsultazzjoni.

    16

    Skont l-Artikolu 190(1) tat-TULRCA, meta tingħata l-allowance imsejħa ta’ protezzjoni, kull impjegat li jibbenefika minnha għandu bħala prinċipju d-dritt għall-ħlas ta’ remunerazzjoni mill-persuna li timpjegah għall-perijodu protett.

    17

    L-Artikolu 192(1) tat-TULRCA jipprovdi li impjegat li jista’ jibbenefika minn allowance imsejħa ta’ protezzjoni jista’ jressaq azzjoni quddiem l-Employment Tribunal minħabba l-fatt li l-persuna li timpjega ma ħalsitux ir-remunerazzjoni kollha jew parti minnha li kienet dovuta. Fil-każ li r-rikors jintlaqa’, dan it-tribunal jordna lill-persuna li timpjega sabiex tħallsu l-ammont ta’ remunerazzjoni dovuta, skont l-Artikolu 192(3) tat-TULRCA.

    18

    Il-parti XII tal-Employment Rights Act 1996 (Liġi dwar id-drittijiet tal-impjegati, iktar ’il quddiem l-“ERA”) hija intiża li timplementa l-obbligi tar-Renju Unit bis-saħħa tad-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU L 283, p. 36).

    19

    L-Artikolu 182 tal-ERA jipprovdi:

    “Fil-każ li, fuq talba bil-miktub tal-impjegat, is-Segretarju tal-Istat [kompetenti] jikkonstata

    a)

    li l-persuna li timpjega lill-impjegat hija fi stat ta’ insolvenza,

    b)

    li l-impjieg tal-impjegat ġie tterminat, u

    c)

    li, fid-data rilevanti, l-impjegat kellu dritt għall-ħlas tad-dejn kollu jew parti minnu msemmi fil-parti XII tal-[ERA],

    huwa jista’, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 186, jitlob lin-National Insurance Fund (Fond tal-Assigurazzjoni Nazzjonali) sabiex iħallas lill-impjegat is-somma li huwa jqis li hija dovuta lilu fir-rigward ta’ dawn id-djun.”

    20

    L-Artikolu 183 tal-ERA jirrigwarda ċ-ċirkustanzi meta persuna li timpjega tinsab fi stat ta’ insolvenza.

    21

    Bis-saħħa tal-Artikolu 184(1)(a) tal-ERA, id-djun imsemmija fil-parti XII tal-ERA jinkludu kull ħlas pendenti tas-salarju għal ġimgħa jew għal diversi ġimgħat (tmienja l-iktar).

    22

    L-Artikolu 184(2) tal-ERA jispeċifika li r-remunerazzjonijiet li jirriżultaw minn allowance msejħa ta’ protezzjoni skont l-Artikolu 189 tat-TULRCA għandhom jiġi kkunsidrati bħala ħlasijiet pendenti tas-salarju.

    23

    L-Artikolu 188 tal-ERA jipprovdi li kull min jippreżenta rikors għall-ħlas skont l-Artikolu 182 tal-ERA jista’ jressaq azzjoni quddiem l-Employment Tribunal fil-każ li s-Segretarju tal-Istat għan-negozju jonqos milli jħallas jew iħallas ammont inferjuri għal dak li kellu jingħata. Fil-każ li dan it-tribunal jikkonstata li s-Segretarju tal-Istat għan-negozju għandu jħallas skont l-Artikolu 182, huwa jagħti deċiżjoni f’dan is-sens u jistabbilixxi l-ammont tal-ħlas li għandu jingħata.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    24

    Woolworths u Ethel Austin kienu attivi fis-settur tal-bejgħ bl-imnut fuq skala kbira fit-territorju nazzjonali kollu, u kienu joperaw bosta ħwienet taħt it-trade marks rispettivi “Woolworths” u “Ethel Austin”. Dawn il-kumpanniji, li saru insolventi, ġew suġġetti għal proċeduri ta’ stralċ, fatt li wassal għall-adozzjoni ta’ proċeduri għar-regolamentazzjoni tal-impjieg li kienu jaffettwaw eluf ta’ ħaddiema fir-Renju Unit kollu.

    25

    F’dan il-kuntest, USDAW, bħala organizzazzjoni sindakali, ippreżentat rikorsi quddiem il-Liverpool Employment Tribunal u l-London Central Employment Tribunal, kontra dawn iż-żewġ kumpanniji, f’isem id-diversi eluf ta’ membri tagħha, ħaddiema preċedenti mal-imsemmija kumpanniji u mkeċċija għal raġunijiet ekonomiċi.

    26

    USDAW għandha iktar minn 430000 membru fir-Renju Unit li għandhom professjonijiet differenti.

    27

    B. Wilson kienet impjegata f’wieħed mill-ħwienet tal-katina “Woolworths” f’Saint Ives (ir-Renju Unit) u rappreżentanta tal-USDAW fil-forum nazzjonali tal-ħaddiema (magħruf bħala “Colleague circle”) stabbilit minn Woolworths sabiex tkun taf bid-diversi kwistjonijiet, li jirrigwardaw b’mod partikolari konsultazzjonijiet minn qabel fil-każ ta’ tkeċċijiet kollettivi.

    28

    Il-USDAW u B. Wilson talbu li l-persuni li jimpjegaw jiġu kkundannati sabiex iħallsu l-allowances ta’ protezzjoni lill-ħaddiema mkeċċija minħabba l-fatt li l-proċedura ta’ konsultazzjoni minn qabel l-adozzjoni tal-proċeduri għar-regolamentazzjoni tal-impjieg, prevista mit-TULRCA, ma kinitx saret.

    29

    Konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ERA, fil-każ li Woolworths jew Ethel Austin jiġi kkundannati sabiex iħallsu l-allowances ta’ protezzjoni, iżda ma jkunux jistgħu jwettqu dan l-obbligu, ħaddiem jista’ jitlob għal dan il-ħlas mingħand is-Segretarju tal-Istat għan-negozju li jkun obbligat li jagħtih indennizz fil-limitu massimu ffissat mil-liġi, bħala ħlasijiet pendenti tas-salarju. Fil-każ li l-imsemmi Segretarju tal-Istat ma jħallasx dan l-indennizz, l-Employment Tribunal jordnalu biex jagħmel dan, fuq talba tal-ħaddiem ikkonċernat.

    30

    Permezz tad-deċiżjonijiet, rispettivi, tat-2 ta’ Novembru 2011 u tat-18 ta’ Jannar 2012, il-Liverpool Employment Tribunal u l-London Central Employment Tribunal, taw il-benefiċċju tal-allowance imsejħa ta’ protezzjoni lil ċertu numru ta’ ħaddiema mkeċċija ta’ Woolworths u ta’ Ethel Austin. Madankollu, madwar 4500 ħaddiema preċedenti ma ngħatawx tali benefiċċju minħabba l-fatt li kienu ħadmu fi stabbiliment b’inqas minn 20 ħaddiem u li kull stabbiliment kellu jitqies separatament.

    31

    Il-USDAW u B. Wilson appellaw minn dawn id-deċiżjonijiet quddiem l-Employment Appeal Tribunal (Tribunal tal-Appell Industrijali), li ddeċieda, permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Mejju 2013, li qari tal-Artikolu 188(1) tat-TULRCA li jkun kompatibbli mad-Direttiva 98/59 ikun jirrikjedi t-tħassir tat-termini “fl-istabbiliment”, konformement mal-obbligu tal-qorti nazzjonali, skont is-sentenza Marleasing (C‑106/89, EU:C:1990:395), skont liema l-qorti hija obbligata li tinterpreta d-dritt nazzjonali fid-dawl tat-test u tal-iskop tad-direttiva kkonċernata. Dan it-tribunal iddeċieda wkoll li, minn naħa, il-USDAW u B. Wilson setgħu jibbenefikaw mill-effett dirett tad-drittijiet ibbażati fuq id-Direttiva 98/59 minħabba l-fatt li s-Segretarju tal-Istat għan-negozju kien parti mill-kawża u, min-naħa l-oħra, li huwa kien obbligat iħallas l-allowances ta’ protezzjoni li kull ħaddiem. Mill-imsemmija deċiżjoni jirriżulta wkoll li l-obbligu ta’ konsultazzjoni minn qabel huwa applikabbli minn meta persuna li timpjega jkollha l-intenzjoni li tkeċċi 20 ħaddiem jew iktar minħabba raġunijiet ekonomiċi, matul perijodu ta’ 90 ġurnata jew inqas, indipendentement mill-istabbilimenti li fihom huma jaħdmu.

    32

    Huwa f’dan il-kuntest li s-Segretarju tal-Istat għan-negozju talab li jkun jista’ jappella quddiem il-qorti tar-rinviju, liema permess ingħata mill-Employment Appeal Tribunal permezz tad-digriet tas-26 ta’ Settembru 2013.

    33

    Il-qorti tar-rinviju tindika li l-partijiet fil-kawża prinċipali jaqblu fuq il-fatt li, meta ġiet trasposta d-Direttiva 98/59, ir-Renju Unit għażel is-soluzzjoni prevista fil-punt (a)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva.

    34

    Din il-qorti tispeċifika li l-USDAW u B. Wilson isostnu quddiemha li l-kunċett ta’ “tkeċċija kolletiva”, li jissemma’ fil-punt (a)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59, ma jistax jillimita ruħu għall-każ fejn minn tal-inqas 20 ħaddiem minn kull stabbiliment jitkeċċew matul perijodu ta’ 90 ġurnata, iżda jinkludi sitwazzjoni fejn minn tal-inqas 20 ħaddiem impjegat mill-istess persuna li timpjega jitkeċċew matul perijodu ta’ 90 ġurnata, indipendentement min-numru ta’ ħaddiema li jaħdmu fl-istabbilimenti inkwistjoni, jiġifieri l-istabbilimenti fejn seħħew dawn it-tkeċċijiet.

    35

    Il-USDAW u B. Wilson isostnu, sussidjarjament, li, anki jekk din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 98/59 kellha tinqara bħala li tirreferi għal minn tal-inqas 20 ħaddiem li jitkeċċew minn kull stabbiliment, il-kunċett ta’ “stabbiliment” għandu jinftiehem li jfisser in-negozju kollu ta’ bejgħ bl-imnut eżerċitat rispettivament minn Woolworths u Ethel Austin. Fil-fatt, huwa n-negozju kollu ta’ bejgħ bl-imnut li jikkostitwixxi unità ekonomika.

    36

    Skont il-USDAW u B. Wilson, il-fatt li jiġi kkunsidrat li kull ħanut jikkostitwixxi stabbiliment, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, iwassal għal riżultati inġusti u arbitrarji meta, bħal fil-każ ineżami, bejjiegħ bl-imnut kbir jispiċċa kważi għal kollox l-attivitajiet tiegħu, billi jkeċċi numru kbir ta’ ħaddiema minn diversi fergħat ta’ bejgħ, uħud jimpjegaw 20 ħaddiem jew iktar, oħrajn inqas. F’każ bħal dan, ma jkunx normali fil-fatt li l-ħaddiema fil-ħwienet l-iktar kbar jibbenefikaw minn proċedura ta’ konsultazzjoni minn qabel it-tkeċċija kollettiva tagħhom u li dawk li jaħdmu fi ħwienet iżgħar huma mċaħħda minn tali proċedura.

    37

    Il-USDAW u B. Wilson jissottomettu wkoll li peress li, indipendentement mill-ħanut li fih huma jaħdmu, il-ħaddiema jagħmlu parti mill-istess proċedura ta’ tkeċċija u li l-għan tad-Direttiva 98/59 huwa li jsaħħaħ il-protezzjoni tal-ħaddiema, tali interpretazzjoni tad-Direttiva 98/59 tħeġġeġ lill-persuni li jimpjegaw sabiex jaqsmu l-attivitajiet tagħhom b’tali mod li jkunu jistgħu jaħarbu l-obbligi previsti f’din id-direttiva.

    38

    Il-USDAW u B. Wilson jikkunsidraw li, peress li s-Segretarju tal-Istat għan-negozju huwa responsabbli għall-ħlas tal-allowances ta’ protezzjoni, konformement mad-Direttiva 2008/94, huma għandhom id-dritt li jinvokaw l-effetti tad-Direttiva 98/59, bis-saħħa tal-prinċipju tal-effett vertikali dirett li japplika għal din id-direttiva.

    39

    Quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Segretarju tal-Istat għan-negozju, fil-waqt li jirreferi għas-sentenzi Rockfon (C‑449/93, EU:C:1995:420) u Athinaïki Chartopoiïa (C‑270/05, EU:C:2007:101), issostni li l-kunċett tal-“istabbiliment”, fis-sens tal-punt (a)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59, jirreferi għall-unità li magħha ħaddiem ikun assenjat sabiex jaqdi d-dmirijiet tiegħu u li huwa xieraq li l-istess tifsira li huwa għandu fis-sens tal-punt (a)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tingħata lil dan il-kunċett.

    40

    Is-Segretarju tal-Istat għan-negozju jżid li, li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq li l-imsemmi punt (a)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) jirreferi għall-ħaddiema kollha impjegati mill-persuna li timpjega, kien jagħmel użu minn terminu differenti minn dak tal-“istabbiliment”, pereżempju dak ta’ “impriża” jew ta’ “persuna li timpjega”.

    41

    Minn dan jirriżulta li, li kieku 19-il ħaddiem impjegat fi stabbiliment jitkeċċa, ma hemmx “tkeċċija kollettiva”, fis-sens tad-Direttiva 98/59, filwaqt li, li kieku 20 ħaddiem jitkeċċa, id-drittijiet iggarantiti minn din id-direttiva japplikaw.

    42

    F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1

    a)

    Il-frażi ‘mill-inqas 20’ fl-Artikolu 1(1)(a)[(ii)] tad-Direttiva 98/59/KE [...] tirreferi għan-numru ta’ tkeċċijiet fl-istabbilimenti kollha tal-persuna li timpjega fejn it-tkeċċijiet isiru fuq perijodu ta’ 90 ġurnata, jew tirreferi għan-numru ta’ tkeċċijiet f’kull stabbiliment individwali?

    b)

    Fil-każ li l-Artikolu 1(1)(a)(ii) jirreferi għan-numru ta’ tkeċċijiet f’kull stabbiliment individwali, x’inhi t-tifsira tal-kunċett ta’ “stabbiliment”? B’mod partikolari, il-kunċett ta’ “stabbiliment” għandu jinftiehem li jfisser in-negozju rilevanti kollu ta’ bejgħ bl-imnut, bħala unità unika ekonomika u ta’ negozju, jew dik il-parti minn dan in-negozju li tkun qiegħda tikkontempla li tagħmel tkeċċijiet, iktar milli unità li magħha ħaddiem ikun assenjat sabiex jaqdi d-dmirijiet tiegħu, bħalma huwa kull ħanut individwali?

    2)

    F’ċirkustanzi fejn impjegat jitlob il-benefiċċju tal-allowance imsejħa ta’ protezzjoni kontra persuna li timpjega privata, l-Istat Membru [kkonċernat] jista’ jibbaża ruħu fuq jew jinvoka l-fatt li d-Direttiva [98/59] ma tagħtix lok għal drittijiet direttament effettivi kontra l-persuna li timpjega f’ċirkustanzi fejn:

    a)

    li kieku mhux għan-nuqqas tal-Istat Membru li jimplementa sewwa id-Direttiva, il-persuna li timpjega kienet tkun responsabbli għall-ħlas ta’ allowance imsejħa ta’ protezzjoni lill-impjegat, minħabba n-nuqqas ta’ din il-persuna li timpjega li tikkonsulta skont id-Direttiva; u

    b)

    peress li l-persuna li timpjega tkun insolventi, fil-każ ta’ ordni għall-ħlas tal-allowance imsejħa ta’ protezzjoni kontra l-persuna li timpjega privata u dan ma jiġix issodisfat mill-persuna li timpjega, u ssir talba lill-Istat Membru, dan l-Istat Membru jkun huwa stess responsabbli għall-ħlas tal-allowance imsejħa ta’ protezzjoni lill-impjegat skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplementa d-Direttiva 2008/94/KE, bla ħsara għal kwalunkwe limitazzjoni ta’ responsabbiltà imposta fuq l-istituzzjoni ta’ garanzija tal-Istat Membru skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva?”

    Fuq id-domandi preliminari

    43

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, minn naħa, il-kunċett tal-“istabbiliment” li jissemma’ fil-punt (a)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 għandux jiġi interpretat bl-istess mod bħal kunċett tal-“istabbiliment” fil-punt (a)(i) ta’ dan l-istess subparagrafu u, min-naħa l-oħra, jekk il-punt (a)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-obbligu ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-ħaddiema f’każ ta’ tkeċċija, matul il-perijodu ta’ 90 ġurnata, ta’ mill-inqas 20 ħaddiem fi stabbiliment partikolari ta’ impriża, u mhux meta n-numru kumulattiv ta’ tkeċċijiet fl-istabbilimenti kollha jew f’uħud mill-istabbilimenti ta’ impriża matul l-istess perijodu jilħaq jew jeċċedi l-20 ħaddiem.

    44

    Kif jirriżulta kemm mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, meta ġiet trasposta d-Direttiva 98/59, ir-Renju Unit għażel il-limitu applikabbli tad-direttiva li jissemma’ fil-punt (a)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva. Bis-saħħa tad-dritt nazzjonali applikabbli, meta persuna li timpjega għandha l-intenzjoni li tkeċċi minn tal-inqas 20 ħaddiem fi stabbiliment, matul perijodu ta’ 90 ġurnata, hija għandha tosserva l-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-ħaddiema f’dan ir-rigward.

    45

    Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett tal-“istabbiliment”, li ma huwiex iddefinit fid-Direttiva 98/59, jikkostitwixxi kunċett ta’ dritt tal-Unjoni u ma jistax jiġi ddefinit b’riferiment għal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rockfon, C‑449/93, EU:C:1995:420, punt 25). Huwa għandu, għal dan il-għan, jiġi interpretat b’mod awtonomu u uniformi fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Athinaïki Chartopoiïa, C‑270/05, EU:C:2007:101, punt 23).

    46

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat il-kunċett tal-“istabbiliment” jew tal-“istabbilimenti” li jissemma’ fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59.

    47

    Fil-punt 31 tas-sentenza Rockfon (C‑449/93, EU:C:1995:420), il-Qorti tal-Ġustizzja, meta għamlet riferiment għall-punt 15 tas-sentenza Botzen et. (186/83, EU:C:1985:58), osservat li r-relazzjoni ta’ xogħol hija essenzjalment ikkaratterizzata mir-rabta li teżisti bejn il-ħaddiem u l-parti tal-impriża fejn huwa qiegħed jaqdi l-funzjoni tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet, fil-punt 32 tas-sentenza Rockfon (C‑449/93, EU:C:1995:420), li hemm lok li l-kunċett tal-“istabbiliment” li jissemma’ fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 jiġi interpretat bħala li jirreferi, skont iċ-ċirkustanzi, għall-unità fejn il-ħaddiema kkonċernati mit-tkeċċija qegħdin jaqdu l-funzjoni tagħhom. Il-fatt li l-unità inkwistjoni għandha amministrazzjoni li tista’ tieħu ħsieb b’manjiera indipendenti t-tkeċċijiet kollettivi ma huwiex essenzjali għad-definizzjoni tal-kunċett tal-“istabbiliment”.

    48

    Mill-punt 5 tas-sentenza Rockfon (C‑449/93, EU:C:1995:420) jirriżulta li r-Renju tad-Danimarka, l-Istat Membru tal-qorti li ressqet talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża li waslet għal din is-sentenza, kien għażel is-soluzzjoni prevista fil-punt (a)(i) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva.

    49

    Fis-sentenza Athinaïki Chartopoiïa (C‑270/05, EU:C:2007:101), il-Qorti tal-Ġustizzja tat definizzjoni iktar ċara tal-kunċett tal-“istabbiliment”, b’mod partikolari, billi qieset, fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 98/59, tista’ b’mod partikolari tikkostitwixxi “stabbiliment”, fil-kuntest ta’ impriża, entità distinta, li tippreżenta ċerta permanenza u stabbiltà, li lilha tiġi assenjata l-eżekuzzjoni ta’ waħda jew diversi funzjonijiet iddeterminati u li tiddisponi minn grupp ta’ ħaddiema, mezzi tekniċi u ċerta struttura ta’ organizzazzjoni li tippermetti t-twettiq ta’ dawn il-funzjonijiet.

    50

    Permezz tal-użu tat-termini “entità distinta” u “fil-kuntest ta’ impriża”, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-kunċetti ta’ “impriża” u ta’ “stabbiliment” huma differenti u li l-istabbiliment jikkostitwixxi normalment parti minn impriża. Madankollu dan ma jipprekludix il-fatt li, fil-każ li l-impriża ma għandhiex diversi unitajiet distinti, l-istabbiliment u l-impriża jistgħu jkunu l-istess.

    51

    Fil-punt 28 tas-sentenza Athinaïki Chartopoiïa (C‑270/05, EU:C:2007:101), peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li d-Direttiva 98/59 tikkonċerna l-effetti soċjo-ekonomiċi li t-tkeċċijiet kollettivi jistgħu jikkawżaw f’kuntest lokali u f’ambjent soċjali partikolari, l-entità kkonċernata ma għandhiex neċessarjament ikollha tip ta’ awtonomija legali u lanqas awtonomija ekonomika, finanzjarja, amministrattiva jew teknoloġika sabiex tkun tista’ tiġi meqjusa bħala “stabbiliment”.

    52

    Konsegwentement, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, meta “impriża” tinkludi diversi entitajiet li jissodisfaw il-kriterji msemmija fil-punti 47, 49 u 51 ta’ din is-sentenza, hija l-entità fejn il-ħaddiema kkonċernati mit-tkeċċija qegħdin jaqdu l-funzjoni tagħhom li tikkostitwixxi l-“istabbiliment”, fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59.

    53

    Din il-ġurisprudenza tapplika f’din il-kawża.

    54

    Għandu jiġi kkonstatat li t-tifsira tat-termini “stabbiliment” jew “stabbilimenti” li jissemmew fil-punt (a)(i) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 hija l-istess bħal dawk tat-termini “stabbiliment” jew “stabbilimenti” li jissemmew fil-punt (a)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva.

    55

    F’dan ir-rigward, il-fatt, osservat matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li t-terminu “stabbiliment” jintuża fil-plural b’mod partikolari fil-verżjonijiet fil-lingwa Ingliża, Spanjola, Franċiża u Taljana ta’ din id-dispożizzjoni huwa mingħajr rilevanza. Fil-fatt, f’dawn il-verżjonijiet lingwistiċi, it-terminu “stabbilimenti” jintuża fil-plural kemm fil-punt (a)(i) kif ukoll fil-punt (a)(ii) tal-imsemmija dispożizzjoni. Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, numru ta’ verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-punt (a)(ii) tad-Direttiva 98/59 jużaw dan it-terminu fis-singular, fatt li jeskludi l-interpretazzjoni li l-limitu previst f’din l-aħħar dispożizzjoni tirreferi għall-“istabbilimenti” kollha ta’ “impriża”.

    56

    L-għażla fil-punt (a)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59, bl-eċċezzjoni għad-differenza tal-perijodi li matulhom it-tkeċċijiet seħħew, tidher li hija alternattiva sostanzjali ekwivalenti għall-għażla fil-punt (a)(i) ta’ din l-istess dispożizzjoni.

    57

    Ma jeżisti l-ebda element fil-formulazzjoni tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 li jissuġġerixxi li hemm lok li tingħata tifsira differenti lit-termini “stabbiliment” jew “stabbilimenti” li jissemmew fl-istess subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni.

    58

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kawża li waslet għas-sentenza Athinaïki Chartopoiïa (C‑270/05, EU:C:2007:101), il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx jekk ir-Repubblika Ellenika kinitx għażlet is-soluzzjoni prevista fil-punti (a)(i) jew (a)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59. Id-dispożittiv ta’ din is-sentenza jirreferi għall-punt (a) tal-Artikolu 1(1) mingħajr ma jagħmel distinzjoni bejn l-għażliet li jidhru fil-punti (a)(i) jew (a)(ii) ta’ din id-dispożizzjoni.

    59

    Il-fatt li l-leġiżlatur joffri għażla lill-Istati Membri bejn l-għażliet li jissemmew rispettivament fil-punti (a)(i) u (a)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 jindika li l-kunċett ta’ “stabbiliment” ma jistax ikollu portata kompletament differenti skont l-għażla tal-Istat Membru kkonċernat għal alternattiva waħda jew għall-alternattiva l-oħra li qed tiġi proposta lilu.

    60

    Barra minn hekk, differenza ta’ tali portata tmur kontra n-neċessità li tiġi nkoraġġuta l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies [tkeċċijiet] kollettivi, neċessità li hija enfasizzata fil-premessa 7 tad-Direttiva 98/59.

    61

    Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju dwar jekk il-punt (a)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 jeħtieġx li jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tkeċċijiet li jseħħu f’kull stabbiliment, ikkunsidrat separatament, fil-każ li ssir interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li tkun teħtieġ it-teħid inkunsiderazzjoni tan-numru totali tat-tkeċċijiet li saru fl-istabbilimenti kollha ta’ impriża, tali interpretazzjoni ċertament iżżid in-numru tal-ħaddiema li jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni tad-Direttiva 98/59, fatt li jkun jikkorrispondi għal wieħed mill-għanijiet ta’ dik id-direttiva.

    62

    Madankollu, għandu jitfakkar li din id-direttiva għandha bħala għan mhux biss li żżid il-protezzjoni għall-ħaddiema fil-każ ta’ redundancies [tkeċċijiet] kollettivi, iżda wkoll minn naħa, li tassigura protezzjoni simili għad-drittijiet tal-ħaddiema fl-Istati Membri differenti u min-naħa l-oħra li twettaq approssimazzjoni tal-ispejjeż li dawn ir-regoli ta’ protezzjoni jikkawżaw għall-impriżi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑383/92, EU:C:1994:234, punt 16; Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑55/02, EU:C:2004:605, punt 48, u Confédération générale du travail et, C‑385/05, EU:C:2007:37, punt 43).

    63

    Issa, interpretazzjoni tal-kunċett l-“istabbiliment” bħal dik invokata fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, minn naħa, tmur kontra l-għan intiż li jiżgura protezzjoni kumparabbli tad-drittijiet tal-ħaddiema fl-Istati Membri kollha u, min-naħa l-oħra, tikkawża spejjeż differenti ħafna għall-impriżi li jridu jissodisfaw l-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni skont l-Artikoli 2 sa 4 ta’ din id-direttiva skont l-għażla tal-Istat Membru kkonċernat, fatt li jmur kontra wkoll l-għan segwit mil-leġiżlatur tal-Unjoni li huwa li jagħmel kumparabbli dawn l-ispejjeż fl-Istati Membri kollha.

    64

    Għandu jingħad ukoll li din l-interpretazzjoni tkun tinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/59 mhux biss grupp ta’ ħaddiema li huma affettwati mit-tkeċċija kollettiva, iżda, fil-każ ineżami, ħaddiem wieħed ta’ stabbiliment — eventwalment ta’ stabbiliment li jinsab f’belt separata u distanti mill-istabbilimenti l-oħra tal-istess impriża — fatt li jmur kontra l-kunċett ta’ “tkeċċija kollettiva”, fis-sens ordinarju ta’ din l-espressjoni. Barra minn hekk, it-tkeċċija ta’ dan l-unika ħaddiem twassal għall-proċeduri ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni previsti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/59, dispożizzjonijiet li ma humiex adattati għal tali każ individwali.

    65

    Madankollu għandu jitfakkar li d-Direttiva 98/59 tistabbilixxi protezzjoni minima rigward l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema f’każ ta’ tkeċċijiet kollettivi (ara s-sentenza Confédération générale du travail et., C‑385/05, EU:C:2007:37, punt 44). F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva ta l-għażla lill-Istati Membri sabiex japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma iktar favorevoli għal ħaddiema jew li jippromovu jew li jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettivi iktar favorevoli għall-ħaddiema.

    66

    Fil-kuntest ta’ din l-għażla, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/59 jippermetti b’mod partikolari lill-Istati Membri sabiex jagħtu l-protezzjoni prevista minn din id-direttiva mhux biss lill-ħaddiema ta’ stabbiliment, fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva, li kienu mkeċċija jew li ser jitkeċċew, iżda wkoll lill-ħaddiema kollha affettwati minn din it-tkeċċija ta’ impriża jew ta’ parti minn impriża tal-istess persuna li timpjega, fejn it-terminu “impriża” jinftiehem bħala li jkopri t-totalità tal-unitajiet distinti ta’ impjieg ta’ din l-impriża jew ta’ din il-parti ta’ impriża.

    67

    Għalkemm l-Istati Membri huma għalhekk intitolati li jipprovdi regoli iktar favorevoli lill-ħaddiema abbażi tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/59, huma madankollu huma marbuta mal-interpretazzjoni awtonoma u uniformi tal-kunċett tad-dritt tal-Unjoni, l-“istabbiliment” li jissemma’ fil-punti (a)(i) u (a)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, kif jirriżulta mill-punt 52 ta’ din is-sentenza.

    68

    Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li d-definizzjoni fil-punti (a)(i) u (a)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tkeċċijiet li jsiru f’kull stabbiliment ikkunsidrat separatament.

    69

    L-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat lill-kunċett tal-“istabbiliment”, imfakkar fil-punti 47, 49 u 51 ta’ din is-sentenza, hija ikkorraborata mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/14/KE, tal-11 ta’ Marzu 2003, li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ l-impjegati fil-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 219), fejn l-Artikolu 2(a) u (b) jistabbilixxi wkoll distinzjoni ċara bejn il-kunċetti tal-“impriża” u tal-“istabbilimenti”.

    70

    Fil-każ ineżami, jirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja li, peress li t-tkeċċijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali saru fi ħdan żewġ gruppi ta’ negozju ta’ bejgħ bl-imnut li jeżerċitaw l-attività tagħhom minn ħwienet li jinsabu f’lokalitajiet differenti fit-territorju nazzjonali kollu, li jħaddmu fil-maġġur parti tal-każijiet inqas minn 20 ħaddiem, l-Employment Tribunals ikkunsidraw lill-ħwienet, fejn kienu jaħdmu l-ħaddiema affettwati mit-tkeċċija, bħala “stabbilimenti” separati. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża prinċipali, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 47, 49 u 51 ta’ din is-sentenza.

    71

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li minn naħa, il-kunċett tal-“istabbiliment” li jidher fil-punt (a)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħall-kunċett li jidher fil-punt (a)(i) ta’ dan l-istess subparagrafu u, min-naħa l-oħra, li l-punt (a)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-obbligu ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-ħaddiema f’każ ta’ tkeċċija, matul il-perijodu ta’ 90 ġurnata, ta’ mill-inqas 20 ħaddiem fi stabbiliment partikolari ta’ impriża, u mhux meta n-numru kumulattiv ta’ tkeċċijiet fl-istabbilimenti kollha jew f’uħud mill-istabbilimenti ta’ impriża matul l-istess perijodu jilħaq jew jeċċedi l-20 ħaddiem.

    72

    Peress li l-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja ma indikax li d-dritt tar-Renju Unit inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienx konformi mad-Direttiva 98/59, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

    Fuq l-ispejjeż

    73

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il‑Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Il-kunċett tal-“istabbiliment” li jidher fil-punt (a)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, tal-20 ta’ Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar redundancies [tkeċċijiet] kollettivi, għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħall-kunċett li jidher fil-punt (a)(i) ta’ dan l-istess subparagrafu.

     

    Il-punt (a)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-obbligu ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-ħaddiema f’każ ta’ tkeċċija, matul il-perijodu ta’ 90 ġurnata, ta’ mill-inqas 20 ħaddiem fi stabbiliment partikolari ta’ impriża, u mhux meta n-numru kumulattiv ta’ tkeċċijiet fl-istabbilimenti kollha jew f’uħud mill-istabbilimenti ta’ impriża matul l-istess perijodu jilħaq jew jeċċedi l-20 ħaddiem.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top