EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0076

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-14 ta’ April 2015.
Mihai Manea vs Instituția Prefectului județul Brașov - Serviciul Public Comunitar Regim de Permise de Conducere și Inmatriculare a Vehiculelor.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Braşov.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Taxxi interni — Artikolu 110 TFUE — Taxxa miġbura mill-Istat Membru fuq il-karozzi mal-ewwel reġistrazzjoni tagħhom jew mal-ewwel trasferiment tad-dritt għall-proprjetà — Newtralità bejn il-karozzi użati li joriġinaw minn Stati Membri oħra u l-karozzi nazzjonali simili disponibbli fis-suq nazzjonali.
Kawża C-76/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:216

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

14 ta’ April 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Taxxi interni — Artikolu 110 TFUE — Taxxa miġbura mill-Istat Membru fuq il-karozzi mal-ewwel reġistrazzjoni tagħhom jew mal-ewwel trasferiment tad-dritt għall-proprjetà — Newtralità bejn il-karozzi użati li joriġinaw minn Stati Membri oħra u l-karozzi nazzjonali simili disponibbli fis-suq nazzjonali”

Fil-Kawża C‑76/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Braşov (ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Jannar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Frar 2014, fil-proċedura

Mihai Manea

vs

Instituția Prefectului județul Brașov – Serviciul public comunitar regim de permise de conducere și înmatriculare a vehiculelor,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, M. Ilešič (Relatur), L. Bay Larsen, T. von Danwitz u J.‑C. Bonichot, Presidenti ta’ Awla, A. Arabadjiev, M. Safjan, D. Šváby, M. Berger, A. Prechal, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Manea, minn R. Cătălin, avukat,

għall-Gvern Rumen, minn R. H. Radu, bħala aġent, kif ukoll minn V. Angelescu u D. M. Bulancea, bħala konsulenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u G.‑D. Bălan, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Frar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 110 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn M. Manea u l-Instituția Prefectului județul Brașov – Serviciul public comunitar regim de permise de conducere și înmatriculare a vehiculelor fir-rigward ta’ taxxa li l-ħlas tagħha ntalab mingħand M. Manea għar-reġistrazzjoni fir-Rumanija ta’ karozza użata li toriġina minn Stat Membru ieħor.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-“istandards Ewropej dwar it-tniġġis” jirriflettu l-limiti aċċettabbli ta’ emissjonijiet ta’ gass tal-egżost prodotti minn karozzi ġodda mibjugħa fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. L-ewwel minn dawn l-istandards (komunement magħruf bħala “standard Euro 1”) ġie introdott permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 91/441/KEE, tas-26 ta’ Ġunju 1991, li temenda d-Direttiva 70/220/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ miżuri li għandhom jittieħdu kontra t-tniġġis tal-arja b’emissjonijiet minn vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 10, p. 329), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1992. Minn dak iż-żmien ’l hawn, ir-regoli f’dan il-qasam saru progressivament iżjed stretti, bil-għan li tittejjeb il-kwalità tal-arja fl-Unjoni.

4

Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Settembru 2007, li tistabbilixxi kwadru [qafas] għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (“Direttiva Kwadru” [Qafas]) (ĠU L 263, p. 1), tagħmel distinzjoni bejn il-vetturi ta’ kategorija M, li tinkludi l-“[karozzi] b’minn ta’ l-inqas erba’ roti mfassla u mibnija għall-ġarr ta’ passiġġieri”, u dawk tal-kategorija N, li tinkludi, l-“[karozzi] b’minn ta’ l-inqas erba’ roti mfassla u mibnija għall-ġarr ta’ merkanzija”. Dawn il-kategoriji huma s-suġġett ta’ subdiviżjonijiet skont in-numru ta’ postijiet bilqiegħda u l-piż massimu (kategorija M), jew skont il-piż massimu biss (kategorija N).

Id-dritt Rumen

5

Il-Liġi Nru 343/2006 li temenda u tikkompleta l-Liġi Nru 571/2003 dwar il-kodiċi fiskali (Legea nr. 343/2006 pentru modificarea şi completarea Legii nr. 571/2003 privind Codul fiscal), tas-17 ta’ Lulju 2006 (Monitorul Oficial al României, Parti I, no 662 tal-1 ta’ Awwissu 2006), introduċiet, fil-kodiċi fiskali, taxxa speċjali fuq il-karozzi, applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2007, eżiġibbli mal-ewwel reġistrazzjoni tal-vettura fir-Rumanija (iktar ’il quddiem it-“taxxa speċjali”).

6

Id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 50/2008, li jistabbilixxi t-taxxa fuq it-tniġġis tal-karozzi (Ordonanță de Urgență a Guvernului nr. 50/2008 pentru instituirea taxei pe poluare pentru autovehicule), tal-21 ta’ April 2008 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 327 tal-25 ta’ April 2008, iktar ’il quddiem l-“OUG Nru 50/2008”), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2008, stabbilixxa taxxa fuq it-tniġġis għall-karozzi tal-kategoriji M1 sa M3 u N1 sa N3. L-obbligu ta’ ħlas ta’ din it-taxxa kien tnissel b’mod partikolari mal-ewwel reġistrazzjoni ta’ tali vettura fir-Rumanija.

7

L-OUG Nru 50/2008 ġie emendat diversi drabi, qabel ma tħassar bil-Liġi Nru 9/2012 dwar it-taxxa fuq l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa tal-karozzi (Legea nr. 9/2012 privind taxa pentru emisiili poluante provenite de la autovehicule), tas-6 ta’ Jannar 2012 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 17 tal-10 ta’ Jannar 2012), li kienet daħlet fis-seħħ fit-13 ta’ Jannar 2012.

8

Bħall-OUG Nru 50/2008, il-Liġi Nru 9/2012 kienet tistabbilixxi taxxa fuq it-tniġġis għall-karozzi tal-kategoriji M1 sa M3 u N1 sa N3.

9

Skont l-Artikolu 4(1) tal-Liġi Nru 9/2012, l-obbligu ta’ ħlas ta’ din it-taxxa tnissel b’mod partikolari mal-ewwel reġistrazzjoni ta’ karozza fir-Rumanija.

10

Skont l-Artikolu 4(2) ta’ din il-liġi, l-obbligu ta’ ħlas tal-imsemmija taxxa kien tnissel ukoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, mal-ewwel trasferiment tad-dritt għall-proprjetà, fir-Rumanija, fuq karozza użata. Din id-dispożizzjoni kienet ifformulata kif ġej:

“L-obbligu tal-ħlas tat-taxxa jitnissel ukoll mal-ewwel trasferiment fir-Rumanija tad-dritt għall-proprjetà fuq karozza użata, li għaliha ma tkunx tħallset it-taxxa speċjali fuq il-karozzi tal-passiġġieri u l-karozzi prevista mil-Liġi Nru 571/2003, kif sussegwentement emendata u kkompletata, u lanqas it-taxxa fuq it-tniġġis għall-karozzi, u li ma tagħmilx parti mill-kategorija ta’ vetturi eżentati jew esklużi mill-ħlas ta’ dawn it-taxxi, skont dispożizzjonijiet fis-seħħ meta ssir ir-reġistrazzjoni.”

11

Il-kunċett tal-“ewwel trasferiment tad-dritt għall-proprjetà” kien jirrigwarda, hekk kif kien jispeċifika l-Artikolu 2(i) tal-Liġi Nru 9/2012, l-“ewwel trasferiment tad-dritt għall-proprjetà fuq il-karozza użata, imwettaq wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi […]”.

12

Madankollu, id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 1/2012, li jissospendi l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 9/2012 dwar it-taxxa fuq l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa tal-karozzi u ħlas lura tat-taxxa mħallsa skont dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2) ta’ din il-liġi (Ordonanța de Urgență a Guvernului nr. 1/2012 pentru suspendarea aplicării unor dispoziții ale Legii nr. 9/2012 privind taxa pentru emisiile poluante provenite de la autovehicule, precum şi pentru restituirea taxei achitate în conformitate cu prevederile art. 4 alin. 2 din lege), tat-30 ta’ Jannar 2012 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 79 tal-31 ta’ Jannar 2012, iktar il-quddiem l-“OUG Nru 1/2012”), li daħal fis-seħħ fil-31 ta’ Jannar 2012, kien issospenda l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) tal-Liġi Nru 9/2012 sal-1 ta’ Jannar 2013. L-OUG Nru 1/2012 kien, barra minn hekk, ippreveda li l-persuni taxxabbli li kienu ħallsu din it-taxxa skont l-imsemmi Artikolu 4(2) matul il-perijodu bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 9/2012 u dik tad-dħul fis-seħħ tal-OUG Nru 1/2012, għandhom dritt għall-ħlas lura tagħha.

13

L‑Artikolu 6 tal‑Liġi Nru 9/2012 kien jistipula:

“1.   Is-somma li tikkostitwixxi t-taxxa hija kkalkolata abbażi tal-elementi previsti fl-Annessi Nri 1 sa 5, kif ġej:

a)

għall-karozzi fil-kategorija M1 u li jissodisfaw l-istandard tal-emissjonijiet Euro 3, Euro 4, Euro 5 jew Euro 6:

1)

għall-karozzi li jissodisfaw l-istandard tal-emissjonijiet Euro 5, Euro 4 jew Euro 3, it-taxxa hija kkalkolata abbażi tal-emissjonijiet tad-dijossidu karboniku (CO2), tat-taxxa għall-emissjonijiet li jniġġsu mfissra f’euro għal kull gramma ta’ CO2, prevista fl-Anness Nru I, tal-istandard tal-emissjonijiet u tat-taxxa għall-emissjonijiet li jniġġsu mfissra f’euro għal kull ċentimetru kubu prevista fl-Anness Nru 2, kif ukoll tal-perċentwali ta’ tnaqqis tat-taxxa prevista fit-tieni kolonna tat-tabella tal-Anness Nru 4, skont il-formula segwenti:

Somma = [(A × B × 30 %) + (C × D × 70 %) ] × (100 - E) %

fejn:

A = valur ikkombinat tal-emissjonijiet ta’ CO2, imfissra fi grammi kull km;

B = taxxa għall-emissjonijiet li jniġġsu, imfissra f’euro għal kull gramma ta’ CO2, prevista fit-tielet kolonna tat-tabella tal-Anness Nru 1;

C = daqs tal-magna (kapaċità tal-maġna);

D = taxxa għall-emissjonijiet li jniġġsu skont id-daqs tal-magna, prevista fit-tielet kolonna tat-tabella tal-Anness Nru 2;

E = perċentwali ta’ tnaqqis tat-taxxa, prevista fit-tieni kolonna tat-tabella tal-Anness Nru 4;

2)

għall-karozzi li għandhom standard tal-emissjonijiet Euro 6, it-taxxa hija ddeterminata abbażi tal-formula prevista fil-punt 1, sa mid-dħul fis-seħħ tal-istandard Euro 6 għar-reġistrazzjoni, il-bejgħ u t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi ġodda […];

b)

għall-karozzi tal-kategorija M1 li għandhom standard tal-emissjonijiet li ma huwiex Euro, jew li huwa Euro 1 jew Euro 2, u li għalihom ma huwa speċifikat l-ebda valur ikkombinat ta’ emissjonijiet ta’ CO2, skont il-formula:

Somma = C × D × (100 – E) : 100;

fejn:

C = daqs tal-magna (kapaċità tal-maġna);

D = taxxa għall-emissjonijiet li jniġġsu skont id-daqs tal-magna, prevista fit-tielet kolonna tat-tabella tal-Anness Nru 2;

E = perċentwali ta’ tnaqqis tat-taxxa, prevista fit-tieni kolonna tat-tabella tal-Anness Nru 4;

[…].

3.   Il-perċentwali ta’ tnaqqis tat-taxxa [...] hija stabbilita skont l-età tal-karozza.

4.   Waqt il-kalkolu tat-taxxa, tnaqqis addizzjonali għall-perċentwali ta’ tnaqqis prevista fl-Anness 4 jingħta skont id-differenzi bejn il-livelli normali tal-elementi li servew bħala bażi għall-istabbiliment tal-perċentwali fissa, jekk il-persuna li titlob ir-reġistrazzjoni jew, jekk ikun il-każ, l-ewwel trasferiment tad-dritt għall-proprjetà fuq karozza użata tiddikjara, b’responsabbiltà għaliha, li l-kilometraġġ annwali medju tal-vettura inkwistjoni huwa ogħla mill-kilometraġġ annwali medju meqjus li huwa standard għall-kategorija ta’ vettura inkwistjoni, skont ir-regoli metodoloġiċi ta’ applikazzjoni tal-[Liġi Nru 9/2012 dwar it-taxxa fuq l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa tal-karozzi (Normele metodologice de aplicare a Legii nr. 9/2012 privind taxa pentru emisiile poluante provenite de la autovehicule, Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 29 tat-13 ta’ Jannar 2012, iktar il-quddiem ir-‘regoli metodoloġiċi’)]. F’dan il-każ, il-kalkolu tat-taxxa jsir abbażi tal-perċentwali ta’ tnaqqis li jirriżulta mill-perċentwali prevista fl-Anness Nru 4 miżjuda bil-perċentwali ta’ tnaqqis addizzjonali prevista fl-Anness Nru 5. Peress li l-perċentwali l-ġdida ta’ tnaqqis hija ogħla minn 90 %, il-perċentwali ta’ tnaqqis applikata hija ta’ 90 %.

5.   Is-somma li tirrappreżenta t-taxxa li għandha titħallas, ikkalkolata skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 tista’ wkoll tiġi aġġustata meta l-persuna li titlob ir-reġistrazzjoni jew, jekk ikun il-każ, l-ewwel trasferiment tad-dritt għall-proprjetà fuq karozza użata tipproduċi l-prova, abbażi ta’ kontroll tekniku mwettaq mir-Regia Autonomă ‘Registrul Auto Român’ [(Kontroll Awtonomu ‘Reġistru Rumen tal-karozzi’)], li d-deprezzament tal-karozza użata huwa ogħla, skont ir-[regoli metodoloġiċi].

6.   L-età tal-karozza użata hija kkalkolata skont id-data tal-ewwel reġistrazzjoni tagħha.

7.   Meta l-persuna li titlob ir-reġistrazzjoni jew l-ewwel trasferiment tad-dritt għall-proprjetà fuq il-karozza ma tistax tipprova d-data tal-ewwel reġistrazzjoni tagħha, it-taxxa hija kkalkolata skont is-sena tal-manifattura.”

14

Skont l-Artikolu 9 tal-Liġi Nru 9/2012:

“1.   Is-somma mħallsa abbażi tat-taxxa tista’ tiġi kkontestata meta l-persuna li ser tirreġistra jew titrasferixxi d-dritt għall-proprjetà fuq karozza użata tkun tista’ tipproduċi l-prova li l-vettura tagħha ddepprezzat b’perċentwali ħafna ikbar minn dik li tinsab fit-tieni kolonna tal-iskala prevista fl-Anness Nru 4.

2.   L-evalwazzjoni tal-livell ta’ deprezzament issir abbażi tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-perċentwali ta’ tnaqqis imsemmija fl-Artikolu 6(4).

3.   Fil-każ ta’ kontestazzjoni, il-karatteristiċi tal-karozza użata previsti fil-paragrafu 2 huma stabbiliti, fuq it-talba tal-persuna taxxabbli, b’kontroll tekniku bi ħlas mir-Regia Autonomă ‘Registrul Auto Român’ [(Kontroll Awtonomu ‘Reġistru Rumen tal-karozzi’)], abbażi tal-proċedura prevista mir-[regoli metodoloġiċi].

4.   It-tariffa sabiex isir il-kontroll tekniku hija ffissata mir-Regia Autonomă ‘Registrul Auto Român’ skont operazzjonijiet neċessarji għall-kontroll u ma tistax taqbeż l-ispejjeż tagħhom.

5.   Ir-riżultat tal-kontroll tekniku huwa mogħti f’dokument redatt mir-Regia Autonomă ‘Registrul Auto Român’, li jinkludi l-informazzjoni li tikkorrispondi ma’ kull wieħed mill-elementi previsti fil-paragrafu 2 u l-perċentwali ta’ tnaqqis li tirriżulta minnu.

6.   Id-dokument dwar ir-riżultat tal-kontroll tekniku redatt mir-Regia Autonomă ‘Registrul Auto Român’ għandu jiġi ppreżentat mill-persuna taxxabbli lill-awtorità fiskali kompetenti.

7.   Meta d-dokument imsemmi fil-paragrafu 6 jiġi rċevut, l-awtorità fiskali kompetenti għandha twettaq kalkolu ġdid tas-somma li għandha titħallas bħala taxxa, li jista’ jwassal għar-rimbors tad-differenza fil-konfront tat-taxxa mħallsa mar-reġistrazzjoni jew it-trasferiment tad-dritt għall-proprjetà fuq karozza użata.

[…]”

15

L‑Artikolu 11 tal‑Liġi Nru 9/2012 kien jistipula:

“Il-Persuna li ma tkunx issodisfatta mit-tweġiba mogħtija għall-kontestazzjoni tista’ tressaq l-ilment tagħha quddiem il-qrati kompetenti, skont kif stabbilit bil-liġi.”

16

L-Anness Nru 4 tal-Liġi Nru 9/2012 kien jipprevedi:

“Skala f’perċentwali ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq it-tniġġis

Età tal-vettura Perċentwali ta’ tnaqqis (%)

Ġdida 0

≤ xahar 3

> xahar sa 3 xhur inklużi 5

> 3 xhur sa 6 xhur inklużi 8

> 6 xhur sa 9 xhur inklużi 10

> 9 xhur sa sena inkluża 13

> sena sa sentejn inklużi 21

> sentejn sa 3 snin inklużi 28

> 3 snin sa 4 snin inklużi 33

> 4 snin sa 5 snin inklużi 38

> 5 snin sa 6 snin inklużi 43

> 6 snin sa 7 snin inklużi 49

> 7 snin sa 8 snin inklużi 55

> 8 snin sa 9 snin inklużi 61

> 9 snin sa 10 sena inklużi 66

> 10‑snin sa 11‑il sena inklużi 73

> 11-il sena sa 12-il sena inklużi 79

> 12‑il sena sa 13‑il sena inklużi 84

> 13‑il sena sa 14‑sena inklużi 89

> 14‑il sena 90”.

17

L-Artikolu 6(1) tar-regoli metodoloġiċi kien jipprevedi:

“Is-somma li tirrappreżenta t-taxxa li għandha titħallas, ikkalkolata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tal-liġi, tista’ tiġi aġġustata meta l-karozza li fir-rigward tagħha tkun mitluba waħda mill-operazzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tal-liġi tkun taqa’ barra mill-parametri ta’ riferiment għal karozza meqjusa standard u li huma:

a)

il-kilometraġġ medju annwali standard:

M1 – 15000 km;

N1 – 30000 km;

M2 u N2 – 60000 km;

M3 u N3 – 100000 km;

b)

l-istat ġenerali standard speċifiku għal karozza li tissodisfa l-kundizzjonijiet tekniċi kollha imposti matul l-approvazzjoni u l-ispezzjoni teknika perjodika, skont il-liġi fis-seħħ, u li l-bodi tagħha ma jurix sinjal ta’ sadid jew ta’ deterjorament, li ma nżebegħtx mill-ġdid, u li l-aċċessorji tagħha huma f’kundizzjoni tajba u mhux iddeterjorati u l-elementi ta’ ġol-vettura huma fi stat tajjeb;

c)

it-tagħmir standard: kundizzjonatur tal-arja, ABS u airbag;

d)

l-età tal-vettura.”

18

Il-Liġi Nru 9/2012 baqgħet fis-seħħ sal-14 ta’ Marzu 2013 inkluż.

19

Id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 9/2013 fuq il-bolla ambjentali għall-karozzi (Ordonanța de urgență nr. 9/2013 privind timbrul de mediu pentru autovehicule), tad-19 ta’ Frar 2013 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 119 tal-4 ta’ Marzu 2013), li ħassar il-Liġi Nru 9/2012, daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Marzu 2013.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

Fil-bidu tas-sena 2013 M. Manea xtaq jirreġistra fir-Rumanija karozza użata li kien xtara fi Spanja. Din il-vettura taqa’ fost il-vetturi tal-kategorija M1. Din kienet ġiet irreġistrata bħala vettura ġdida fi Spanja fis-sena 2005.

21

Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Marzu 2013, l-awtorità Rumena kompetenti ssuġġettat ir-reġistrazzjoni għall-ħlas tat-taxxa prevista mil-Liġi Nru 9/2012.

22

Peress li qies li l-Liġi Nru 9/2012 hija inkompatibbli mal-Artikolu 110 TFUE, M. Manea ressaq kawża quddiem it-Tribunalul Braşov, sabiex din tordna lill-imsemmija awtorità tirreġistra l-vettura inkwistjoni mingħajr ma teżiġi l-ħlas tal-imsemmija taxxa.

23

Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2013, it-Tribunalul Braşov ċaħdet dan ir-rikors. M. Manea appella din id-deċiżjoni quddiem il-Curtea de Apel Braşov.

24

Filwaqt li speċifikat li, skont il-ġurisprudenza tagħha, il-Liġi Nru 9/2012 hija kompatibbli mal-Artikolu 110 TFUE, il-Curtea de Apel Braşov indikat li qorti tal-appell Rumena oħra kienet tat sentenza li tgħid mod ieħor u li, konsegwentement, kienet meħtieġa deċiżjoni preliminari min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Braşov iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 9/2012 u tal-għan tat-taxxa prevista minn din il-liġi, huwa neċessarju li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 110 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru tal-Unjoni jistabbilixxi taxxa fuq l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa applikabbli għall-vetturi bil-mutur [karozzi] barranin kollha mar-reġistrazzjoni tagħhom fl-imsemmi Stat, taxxa li hija applikabbli wkoll mat-trasferiment tad-dritt għall-proprjetà fuq il-vetturi bil-mutur nazzjonali, bl-eċċezzjoni tal-każ fejn tali taxxa jew taxxa simili tkun diġà tħallset?

2)

Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 9/2012 u tal-għan tat-taxxa prevista minn din il-liġi, huwa neċessarju li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 110 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru tal-Unjoni jistabbilixxi taxxa fuq l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa applikabbli għall-vetturi bil-mutur barranin kollha mar-reġistrazzjoni tagħhom fl-imsemmi Stat, taxxa li, fil-każ ta’ vetturi bil-mutur nazzjonali, hija dovuta biss mat-trasferiment tad-dritt għall-proprjetà fuq tali vettura, li għandu bħala konsegwenza li vettura barranija ma tistax tintuża mingħajr ħlas tat-taxxa, filwaqt li vettura nazzjonali tista’ tintuża b’mod illimitat fiż-żmien mingħajr ħlas tat-taxxa, sal-mument tat-trasferiment tad-dritt għall-proprjetà fuq l-imsemmija vettura, jekk iseħħ tali trasferiment?”

26

Il-Gvern Rumen talab, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li din tiltaqa’ f’Awla Manja.

Fuq id-domandi preliminari

27

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 110 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, minn naħa, li Stat Membru jistabbilixxi taxxa fuq il-karozzi imposta fuq il-vetturi użati li jiġu importati mal-ewwel reġistrazzjoni tagħhom f’dan l-Istat Membru u fuq vetturi diġà rreġistrati fl-imsemmi Stat Membru mal-ewwel trasferiment f’dan l-Istat tad-dritt għall-proprjetà fuq dawn tal-aħħar, u min-naħa l-oħra, li dan l-Istat Membru jeżenta minn din it-taxxa l-vetturi diġà rreġistrati li fir-rigward tagħhom tkun tħallset taxxa preċedentement fis-seħħ.

28

Għandu jitfakkar li l-għan tal-Artikolu 110 TFUE huwa li jiżgura l-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Dan huwa intiż sabiex ineħħi kull forma ta’ protezzjoni li tista’ tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ taxxi interni, b’mod partikolari dawk diskriminatorji fir-rigward ta’ prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑47/88, EU:C:1990:449, punt 9; Brzeziński, C‑313/05, EU:C:2007:33, punt 27; Kalinchev, C‑2/09, EU:C:2010:312, punt 37; u X, C‑437/12, EU:C:2013:857, punt 26).

29

Għal dan il-għan, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE jipprekludi lil kull Stat Membru milli jimponi fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni ogħla minn dawk imposti fuq prodotti simili nazzjonali. Din id-dispożizzjoni tat-Trattat hija intiża li tiggarantixxi n-newtralità tat-taxxi interni fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn il-prodotti li jinsabu diġà fis-suq nazzjonali u l-prodotti importati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑47/88, EU:C:1990:449, punti 8 u 9; Weigel, C‑387/01, EU:C:2004:256, punt 66; kif ukoll X, C‑437/12, EU:C:2013:857, punt 29).

30

Sabiex isir magħruf jekk taxxa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, toħloqx diskriminazzjoni, hemm bżonn, fid-dawl tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju u tal-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-ewwel nett jiġi eżaminat jekk din it-taxxa hijiex newtrali fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn il-karozzi użati li joriġinaw minn Stati Membri oħra minbarra r-Rumanija u l-vetturi simili Rumeni li ġew irreġistrati fit-territorju nazzjonali mingħajr ma tħallset taxxa għal dan il-għan. Sussegwentement, hemm lok li tiġi eżaminata n-newtralità tal-imsemmija taxxa bejn il-karozzi użati li joriġinaw minn Stati Membri minbarra r-Rumanija u l-vetturi simili nazzjonali li ġew suġġetti għal taxxa mar-reġistrazzjoni tagħhom.

31

F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-karozzi użati li joriġinaw minn Stati Membri oħra, li jikkostitwixxu l-“prodotti ta’ Stati Membri oħra”, fis-sens tal-Artikolu 110 TFUE, huma l-vetturi offerti għall-bejgħ fl-Istati Membri l-oħra li ma humiex l-Istat Membru kkonċernat u li jistgħu, fil-każ ta’ xiri minn resident ta’ dan l-aħħar Stat Membru, jiġu importati u mqiegħda fiċ-ċirkulazzjoni fih, filwaqt li l-vetturi simili nazzjonali, li jikkostitwixxu l-“prodotti [...] nazzjonali” fis-sens tal-Artikolu 110 TFUE, huma l-karozzi użati tal-istess tip, bl-istess karatterisitiċi u bl-istess livell ta’ użu li huma offerti għall-bejgħ f’dan l-Istat Membru (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑47/88, EU:C:1990:449, punt 17; Kalinchev, C‑2/09, EU:C:2010:312, punti 32 u 40; kif ukoll Tatu, C‑402/09, EU:C:2011:219, punt 55).

32

Konsegwentement, ma hemmx lok li n-newtralità meħtieġa mill-Artikolu 110 TFUE tiġi eżaminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni karozzi li jiċċirkulaw fir-Rumanija li ma humiex għall-bejgħ. Hekk kif espona l-Avukat Ġenerali fil-punt 16 tal-konklużjonijiet tiegħu, minħabba l-fatt innifsu li ma humiex disponibbli fis-suq, dawn il-vetturi ma jinsabux f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni ma vetturi oħra, indipendentement minn jekk humiex dawk disponibbli fis-suq nazzjonali jew dawk disponibbli fis-suq ta’ Stati Membri oħra.

In-newtralità tat-taxxa fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn il-karozzi użati li joriġinaw minn Stati Membri oħra u l-vetturi simili nazzjonali diġà rreġistrati fl-Istat Membru kkonċernat mingħajr ħlas ta ’ taxxa

33

Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 110 TFUE, u b’mod partikolari għall-ħtiġijiet tal-paragun bejn it-tassazzjoni tal-vetturi użati li jiġu importati u t-tassazzjoni tal-vetturi użati li diġà jinsabu fit-territorju nazzjonali, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss ir-rata tat-taxxa, iżda wkoll il-bażi ta’ stima u r-regoli ddettaljati tagħha (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Id‑Danimarka, C‑47/88, EU:C:1990:449, punt 18; Nunes Tadeu, C‑345/93, EU:C:1995:66, punt 12; u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑74/06, EU:C:2007:534, punt 27).

34

Iktar preċiżament, Stat Membru ma jistax jiġbor taxxa fuq il-karozzi użati importati stmata fuq valur ogħla mill-valur reali tal-vettura, bil-konsegwenza ta’ tassazzjoni ogħla minn dik tal-karozzi simili disponibbli fis-suq nazzjonali. Għalhekk, sabiex tiġi evitata tassazzjoni diskriminatorja, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni d-deprezzament reali tal-karozzi (sentenzi Weigel, C‑387/01, EU:C:2004:256, punt 70, u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑74/06, EU:C:2007:534, punt 28).

35

Dan it-teħid inkunsiderazzjoni ma għandux neċessarjament jagħti lok għal evalwazzjoni jew għal kontroll ta’ kull vettura. Fil-fatt, billi jevita piż inerenti għal tali sistema, Stat Membru jista’ jiffissa, permezz ta’ skali fissi stabbiliti permezz ta’ liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva u kkalkolati abbażi ta’ kriterji bħall-età tal-vettura, il-kilometraġġ, l-istat ġenerali, il-metodu ta’ propulsjoni, it-trade mark jew il-mudell tal-vettura, valur tal-karozzi użati li, bħala regola ġenerali, ikun qrib ħafna l-valur reali tagħhom (sentenzi Gomes Valente, C‑393/98, EU:C:2001:109, punt 24; Weigel, C‑387/01, EU:C:2004:256, punt 73; Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑74/06, EU:C:2007:534, punt 29; u Tatu C‑402/09, EU:C:2011:219, punt 41).

36

Dawn il-kriterji oġġettivi li jservu sabiex jiġi evalwat id-deprezzament tal-karozzi ma ġewx elenkati mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod imperjuż. Għalhekk, dawn ma għandhomx neċessarjament jiġu applikati kumulattivament. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ skala bbażata fuq kriterju ta’ deprezzament wieħed biss, bħall-età tal-karozza, ma tiggarantixxix li l-iskala tirrifletti d-deprezzament reali ta’ dawn il-vetturi. B’mod partikolari, fl-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kilometraġġ, tali skala ma twassalx, bħala regola ġenerali, għal stima approssimattiva raġonevoli tal-valur reali tal-karozzi użati importati (sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑74/06, EU:C:2007:534, punti 37 sa 43, u Tatu, C‑402/09, EU:C:2011:219, punt 42).

37

F’dan il-każ, mill-proċess imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta bla ebda dubju li l-ammont tat-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa ffissat, minn naħa, skont parametri li jirriflettu sa ċertu punt it-tniġġis ikkawżat mill-karozza, bħad-daqs tal-magna tagħha u l-istandard Euro li din tikkorrispondi għalih, u, min-naħa l-oħra, billi jiġi kkunsidrat id-deprezzament ta’ din il-vettura. Dan id-deprezzament, li jwassal għat-tnaqqis tal-ammont miksub abbażi tal-parametri ambjentali, huwa ddeterminat mhux biss skont l-età tal-vettura (element E fil-formularji stipulati fl-Artikolu 6(1) tal-Liġi Nru 9/2012), iżda wkoll, kif jirriżulta mill-Artikolu 6(4) tal-Liġi Nru 9/2012 u mill-Artikoli 6(1) tar-regoli metodoloġiċi, mill-kilometraġġ medju annwali ta’ din tal-aħħar, bil-kundizzjoni li l-persuna taxxabbli tkun ippreżentat dikjarazzjoni li tindika dan il-kilometraġġ. Barra minn hekk, jekk il-persuna taxxabbli tqis li l-età u l-kilometraġġ medju annwali ma jirriflettux, b’mod korrett u suffiċjenti, id-deprezzament reali tal-vettura, hija tista’, skont l-Artikolu 9 tal-Liġi Nru 9/2012, titlob li dan jiġi ddeterminat permezz ta’ kontroll li l-ispejjeż tiegħu, imħallsa mill-persuna taxxabbli, ma jistgħux jaqbżu l-ispiża tal-operazzjonijiet marbuta mal-kontroll.

38

Billi tintroduċi, fil-kalkolu tat-taxxa, l-età tal-vettura u l-kilometraġġ medju annwali tagħha, u billi żżid ma dawn il-kriterji t-teħid inkunsiderazzjoni b’mod fakultattiv, bi spejjeż li ma humiex eċċessivi, tal-istat ta’ din il-vettura u tat-tagħmir tagħha permezz ta’ kontroll mill-awtorità kompetenti fil-qasam tar-reġistrazzjoni tal-karozzi, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiggarantixxi li l-ammont tat-taxxa jitnaqqas skont stima approssimattiva raġonevoli tal-valur reali tal-vettura (ara, b’analoġija, is-sentenza Tatu, C‑402/09 EU:C:2011:219, punt 44).

39

Din il-konklużjoni hija kkorroborata miċ-ċirkustanza li, fl-iskali fissi li jinsabu fl-Anness Nru 4 tal-Liġi Nru 9/2012, ittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tnaqqis annwali tal-valur tal-karozzi huwa normalment ogħla minn 5 % u li dan id-deprezzament ma huwiex lineari, b’mod partikolari fl-ewwel snin tat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni, fejn dan jirriżulta ferm ogħla mis-snin sussegwenti (ara, b’analoġija, is-sentenza Tatu, C‑402/09, EU:C:2011:219, punt 45).

40

Barra minn hekk, il-leġiżlatur Rumen seta’ ġustament iqis li l-kriterji ta’ deprezzament dwar l-istat tal-karozza u tat-tagħmir tagħha setgħu jiġu debitament applikati biss billi ssir spezzjoni individwali ta’ din il-vettura minn espert u li, sabiex il-kontrolli ma jkunux wisq frekwenti u għalhekk ma jkunux, kemm amministrattivament kif ukoll finanzjarjament, ta’ piż fuq is-sistema stabbilita, l-ispejjeż tal-kontroll jiġu sostnuti mill-persuna taxxabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza Tatu, C‑402/09, EU:C:2011:219, punt 46).

41

Bil-kontra tat-taxxa speċjali miġbura matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2008, tat-taxxa fuq it-tniġġis miġbura abbażi tal-OUG Nru 50/2008 matul il-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2008 sat-12 ta’ Jannar 2012 u tat-taxxa fuq it-tniġġis miġbura abbażi tal-Liġi Nru 9/2012 hekk kif applikabbli matul il-perijodu mit-13 ta’ Jannar 2012 sal-1 ta’ Jannar 2013, it-taxxa fuq it-tniġġis miġbura abbażi tal-Liġi Nru 9/2012, kif applikabbli matul il-perijodu sussegwenti li jestendi sal-14 ta’ Marzu 2013 u rilevanti fil-kawża prinċipali, kienet imposta skont l-istess metodu ta’ kalkolu, minn naħa, fuq il-karozzi użati li joriġinaw minn Stati Membri oħra mal-ewwel reġistrazzjoni tagħhom fir-Rumanija u, min-naħa l-oħra, fuq il-karozzi diġà rreġistrati fir-Rumanija mal-ewwel trasferiment tad-dritt għall-proprjetà fuq dawn il-vetturi użati f’dan l-Istat Membru, meta l-ebda taxxa ma kienet tħallset fil-mument tar-reġistrazzjoni tagħhom fl-imsemmi Stat Membru.

42

Minn dan isegwi li l-oneru fiskali li jirriżulta mill-Liġi Nru 9/2012, kif applikabbli matul il-perijodu rilevanti fil-kawża prinċipali, kien l-istess kemm għall-persuni taxxabbli li xtraw karozza użata li toriġina minn Stat Membru ieħor minbarra r-Rumanija u li rreġistrawha f’dan l-aħħar Stat Membru, kif ukoll għall-persuni taxxabbli li fir-Rumanija xtraw karozza użata li kienet ġiet irreġistrata f’dan l-Istat qabel l-1 ta’ Jannar 2007 mingħajr ma tħallset taxxa u li fir-rigward tagħha kellu jsir l-ewwel trasferiment tad-dritt għall-proprjetà, peress li din l-aħħar vettura kienet, meta nġabret it-taxxa stabbilita bil-Liġi Nru 9/2012, tal-istess tip, kellha l-istess karatteristiċi u tal-istess livell ta’ użu bħal vettura li toriġina minn Stat Membru ieħor.

43

Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li skema ta’ taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija newtrali fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn il-karozzi użati li joriġinaw minn Stati Membri oħra minbarra r-Rumanija u l-vetturi simili nazzjonali diġà rreġistrati fl-Istat Membru kkonċernat mingħajr ma tkun tħallset taxxa f’dan ir-rigward.

In-newtralità tat-taxxa fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn il-karozzi użati li joriġinaw minn Stati Membri oħra u l-vetturi simili nazzjonali diġà rreġistrati fl-Istat Membru kkonċernat bi ħlas ta ’ taxxa

44

Huwa paċifiku li, matul il-perijodu rilevanti fil-kawża prinċipali, l-effett tal-Artikolu 4(2) tal-Liġi Nru 9/2012 kien li jeżenta mit-taxxa l-ewwel trasferiment tad-dritt għall-proprjetà fuq il-vetturi użati nazzjonali li r-reġistrazzjoni tagħhom fir-Rumanija, qabel il-perijodu rilevanti f’din il-kawża kienet tat lok għall-ħlas tat-taxxa speċjali (reġistrazzjoni bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u t-30 ta’ Ġunju 2008), tat-taxxa fuq it-tniġġis abbażi tal-OUG Nru 50/2008 (reġistrazzjoni bejn l-1 ta’ Lulju 2008 u t-12 ta’ Jannar 2012) jew tat-taxxa fuq it-tniġġis abbażi tal-Liġi Nru 9/2012 kif parzjalment sospiża bl-OUG Nru 1/2012 (reġistrazzjoni bejn it-13 ta’ Jannar 2012 u l-1 ta’ Jannar 2013).

45

Issa, mid-deċiżjonijiet preliminari mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi relatati mat-taxxa miġbura mar-reġistrazzjoni ta’ karozzi użati fir-Rumanija abbażi tal-OUG Nru 50/2008 u mat-taxxa miġbura mar-reġistrazzjoni ta’ karozzi użati fir-Rumanija abbażi tal-Liġi Nru 9/2012 kif parzjalment sospiża mill-OUG Nru 1/2012, jirriżulta mingħajr ebda dubju li dawn it-taxxi kienu inkompatibbli mal-Artikolu 110 TFUE u kellhom għalhekk, bħala prinċipju, jiġu rrimborsati bl-interessi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Tatu, C‑402/09, EU:C:2011:219; Nisipeanu, C‑263/10, EU:C:2011:466; Irimie, C‑565/11, EU:C:2013:250; id-digriet Câmpean u Ciocoiu, C‑97/13 u C‑214/13, EU:C:2014:229; kif ukoll is-sentenza Nicula, C‑331/13, EU:C:2014:2285). Hekk kif jirriżulta mill-punti 2, 3 u 26 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, it-taxxa speċjali miġbura matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2008 kellha karatteristiċi identiċi għal dawk, inkompatibbli mal-Artikolu 110 TFUE, tal-OUG Nru 50/2008 u tal-Liġi Nru 9/2012 kif parzjalment sospiża mill-OUG Nru 1/2012.

46

Għalhekk, jidher li l-Artikolu 4(2) tal-Liġi Nru 9/2012 eżenta mit-taxxa stabbilita minn din il-liġi, it-trasferiment tad-dritt għall-proprjetà fuq karozzi użati nazzjonali li r-reġistrazzjoni tagħhom fir-Rumanija, bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-1 ta’ Jannar 2013, tat lok għall-ħlas ta’ taxxa li hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u li għandha, għalhekk, tiġi rrimborsata bl-interessi.

47

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-fatt li karozzi użati li ġew suġġetti għal taxxa preċedentement applikabbli li, sussegwentement, ġiet iddikjarata li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, tiġi eżentata minn taxxa ġdida, ma jistax jissostitwixxi r-rimbors bl-interessi ta’ din it-taxxa.

48

Barra minn hekk, l-effett ta’ tali eżenzjoni kien li l-ewwel trasferiment, matul il-perijodu rilevanti fil-kawża prinċipali, tad-dritt għall-proprjetà fuq il-karozzi użati nazzjonali rreġistrati fir-Rumanija bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-1 ta’ Jannar 2013, ma kienx suġġett għall-ħlas tat-taxxa inkwistjoni filwaqt li din it-taxxa nġabret mingħajr eċċezzjoni mar-reġistrazzjoni fir-Rumanija, matul il-perijodu rilevanti fil-kawża prinċipali, ta’ vetturi simili li joriġinaw minn Stati Membri oħra. Għalhekk, eżenzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiffavorixxi l-bejgħ ta’ vetturi użati nazzjonali u tiskoraġġixxi l-importazzjoni ta’ vetturi simili.

49

Barra minn hekk, kif iddeċidiet ripetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ammont tat-taxxa miġbura mar-reġistrazzjoni ta’ karozza jiġi inkorporat fil-valur ta’ din il-vettura. Meta vettura rreġistrata bi ħlas ta’ taxxa fi Stat Membru tinbiegħ, sussegwentement, bħala vettura użata f’dan l-Istat Membru, il-valur fis-suq tagħha jinkludi l-ammont residwali tat-taxxa fuq ir-reġistrazzjoni. Jekk l-ammont tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni impost fuq vettura użata importata tal-istess tip, bl-istess karatteristiċi u bl-istess livell ta’ użu jeċċedi l-imsemmi ammont residwali, ikun hemm ksur tal-Artikolu 110 TFUE. Fil-fatt, din id-differenza fl-oneru fiskali tirriskja li tiffavorixxi l-bejgħ ta’ vetturi użati nazzjonali u li għalhekk tiskoraġġixxi l-importazzjoni ta’ vetturi simili (sentenza X, C‑437/12, EU:C:2013:857, punti 30 sa 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Issa, peress li l-ammont tat-taxxa miġbura mar-reġistrazzjoni tal-karozzi użati nazzjonali għandu, f’dan il-każ, jiġi rrimborsat bl-interessi, b’tali mod li terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni eżistenti qabel il-ġbir ta’ dan l-ammont, dan għandu, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, jitqies li ma għadux inkorporat fil-valur fis-suq ta’ dawn il-vetturi. Konsegwentement, l-ammont residwali ta’ din it-taxxa, li jinsab fil-valur tal-vetturi użati nazzjonali rreġistrati bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-1 ta’ Jannar 2013, huwa żero u għalhekk huwa neċessarjament inqas mit-taxxa ta’ reġistrazzjoni imposta fuq vettura użata importata tal-istess tip, bl-istess karatteristiċi u bl-istess livell ta’ użu. Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 50 iktar ’il fuq, tali sitwazzjoni hija inkompatibbli mal-Artikolu 110 TFUE.

51

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 110 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens:

li ma jipprekludix li Stat Membru jistabbilixxi taxxa fuq il-karozzi imposta fuq il-vetturi użati li jiġu importati mal-ewwel reġistrazzjoni tagħhom f’dan l-Istat Membru u l-vetturi diġà rreġistrati fl-imsemmi Stat Membru mal-ewwel trasferiment f’dan l-istess Stat Membru tad-dritt għall-proprjetà fuq dawn tal-aħħar;

li jipprekludi li dan l-Istat Membru jeżenta minn din it-taxxa l-vetturi diġà rreġistrati li fir-rigward tagħhom tħallset taxxa preċedentement fis-seħħ li ġiet iddikjarata inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

Fuq l-effetti ratione temporis tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

52

Fil-każ fejn fis-sentenza li għandha tingħata jiġi deċiż li skema ta’ taxxa, bħal dik stabbilita bil-Liġi Nru 9/2012 matul il-perijodu rilevanti fil-kawża prinċipali, hija inkompatibbli mal-Artikolu 110 TFUE, il-Gvern Rumen talab lill-Qorti tal-Ġustizzja tillimita ratione temporis l-effetti tas-sentenza tagħha.

53

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, għandha tiċċara u tispeċifika t-tifsira u l‑portata ta’ din ir-regola, hekk kif għandha jew kif kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument tad-dħul fis‑seħħ tagħha. Minn dan isegwi li r-regola hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata għal relazzjonijiet ġuridiċi ċerti u stabbiliti qabel is-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni, jekk barra minn hekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li jippermettu li titressaq kawża quddiem il-qrati kompetenti fir-rigward tal-applikazzjoni tal-imsemmija regola (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Blaizot et, 24/86, EU:C:1988:43, punt 27; Skov u Bilka, C‑402/03, EU:C:2006:6, punt 50; kif ukoll Brzeziński, C‑313/05, EU:C:2007:33, punt 55).

54

Għalhekk, huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tasal sabiex tillimita l-possibbiltà li tiġi invokata dispożizzjoni li hija tkun interpretat. Sabiex tali limitazzjoni tkun tista’ tiġi deċiża, huwa neċessarju li jkunu ssodisfatti żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji (sentenzi Skov u Bilka, C‑402/03, EU:C:2006:6, punt 51, kif ukoll Kalinchev, C‑2/09, EU:C:2010:312, punt 50).

55

Fir-rigward tar-riskju ta’ diffikultajiet serji, għandu jitfakkar li l-eżistenza ta’ konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw għal Stat Membru minn sentenza mogħtija fir-rigward ta’ talba għal deċiżjoni preliminari ma tiġġustifikax, minnha nnifisha, li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati ratione temporis (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Bidar, C‑209/03, EU:C:2005:169, punt 68, u Brzeziński, C‑313/05, EU:C:2007:33, punt 58). Huwa l-Istat Membru li jitlob tali limitazzjoni li għandu jipproduċi, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ċifri li jistabbilixxu r-riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji (sentenzi Brzeziński, C‑313/05, EU:C:2007:33, punti 59 u 60, kif ukoll Kalinchev, C‑2/09, EU:C:2010:312, punti 54 u 55).

56

Fir-rigward tar-riperkussjonijiet ekonomiċi li jistgħu jirriżultaw minn inkompatibbiltà tal-iskema ta’ taxxa stabbilita bil-Liġi Nru 9/2012 matul il-perijodu rilevanti mal-Artikolu 110 TFUE, il-Gvern Rumen ippreżenta stima li tgħid li r-rimbors bl-interessi tas-somom miġbura abbażi ta’ din il-liġi fuq l-imsemmi perijodu kien jammonta għal RON 181349488.05. Din ir-riperkussjoni ekonomika għandha, skont dan il-Gvern, titqies li hija serja fid-dawl tad-diffikultajiet ekonomiċi tar-Rumanija.

57

Għandu jiġi kkonstatat li l-istima ppreżentata minn dan il-Gvern ma tippermettix, minnha nnifisha, li jiġi konkluż li l-ekonomija Rumena tirriskja li tiġi serjament ippreġudikata bir-riperkussjonijiet ta’ din is-sentenza. Għalhekk il-kundizzjoni li tirrigwarda l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji ma għandhiex titqies li hija stabbilita.

58

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li jiġi vverifikat jekk il-kriterju ta’ bona fide tal-partijiet ikkonċernati huwiex issodisfatt.

59

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li ma hemmx lok li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati ratione temporis.

Fuq l-ispejjeż

60

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 110 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens:

 

li ma jipprekludix li Stat Membru jistabbilixxi taxxa fuq il-karozzi imposta fuq il-vetturi użati li jiġu importati mal-ewwel reġistrazzjoni tagħhom f’dan l-Istat Membru u l-vetturi diġà rreġistrati fl-imsemmi Stat Membru mal-ewwel trasferiment f’dan l-istess Stat Membru tad-dritt għall-proprjetà fuq dawn tal-aħħar,

 

li jipprekludi li dan l-Istat Membru jeżenta minn din it-taxxa l-vetturi diġà rreġistrati li fir-rigward tagħhom tħallset taxxa preċedentement fis-seħħ li ġiet iddikjarata inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

Top