Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0072

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-9 ta’ Settembru 2015.
    X vs Inspecteur van Rijksbelastingdienst u T.A. van Dijk vs Staatssecretaris van Financiën.
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof te 's-Hertogenbosch u Hoge Raad der Nederlanden.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ħaddiema migranti – Sigurtà soċjali – Leġiżlazzjoni applikabbli – Baħħara tax-xmara Rhein – Ċertifikat E 101 – Saħħa probatorja – Talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja – Obbligu ta’ rinviju.
    Kawżi magħquda C-72/14 u C-197/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:564

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    9 ta’ Settembru 2015 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ħaddiema migranti — Sigurtà soċjali — Leġiżlazzjoni applikabbli — Baħħara tax-xmara Rhein — Ċertifikat E 101 — Saħħa probatorja — Talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja — Obbligu ta’ rinviju”

    Fil-Kawżi magħquda C‑72/14 u C‑197/14,

    li għandha bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Qorti tal-Appell ta’ Bois-le-Duc (Gerechtshof te ‘s-Hertogenbosch, il-Pajjiżi l-Baxxi) u l-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi (Hoge Raad der Nederlanden), permezz ta’ deċiżjonijiet tas-7 ta’ Frar u tat-28 ta’ Marzu 2014, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, fl-10 ta’ Frar u fit-18 ta’ April 2014, fil-proċeduri

    X

    vs

    Inspecteur van Rijksbelastingdienst (C‑72/14),

    u

    T. A. van Dijk

    vs

    Staatssecretaris van Financiën (C‑197/14),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, J. L. da Cruz Vilaça u C. Lycourgos, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Wahl,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal X u T.A. van Dijk, minn M. van Dam, advocaat,

    għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman, M. de Ree u H. Stergiou kif ukoll minn J. Langer, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

    għall-Gvern Elleniku, minn E.-M. Mamouna, M. Tassopoulou u A. Samoni-Rantou, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u W. Roels, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Mejju 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif ukoll tal-Artikoli 10c sa 11a, 12a u 12b tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, fil-verżjoni tagħhom emendata u aġġornata permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3) kif emendati permezz tar-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005 (ĠU L 117, p. 1, iktar ’il quddiem, rispettivament, ir-“Regolament Nru 1408/71” u r-“Regolament Nru 574/72”) kif ukoll l-interpretazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE.

    2

    Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, minn naħa, X u l-Inspecteur van Rijksbelastingdienst (Spettur tal-awtorità tat-taxxa nazzjonali) u, min-naħa l-oħra, T.A. van Dijk u l-iStaatssecretaris van Financien (Segretarju tal-Istat għall-Finanzi) dwar l-istimi tat-taxxa li jikkonċernawhom rispettivament.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt internazzjonali

    3

    Il-Ftehim dwar is-sigurtà soċjali għall-baħħara tax-xmara Rhein, adottat mill-Konferenza intergovernattiva inkarigata tirrevedi l-Ftehim tat-13 ta’ Frar 1961 dwar is-sigurtà soċjali għall-baħħara tax-xmara Rhein, iffirmat f’Geneva fit-30 ta’ Novembru 1979 (iktar ’il quddiem, il-“Ftehim tal-baħħara tax-xmara Rhein”) jipprevedi, fl-Artikolu 2(1) tiegħu:

    “Bla ħsara għall-Artikolu 9(2) u għall-Artikolu 54, dan il-ftehim japplika, fit-territorju tal-Partijiet Kontraenti, għall-persuni kollha li huma jew li kienu suġġetti bħala baħħara tax-xmara Rhein għal-leġiżlazzjoni ta’ waħda jew iktar mill-Partijiet Kontraenti, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom jew għas-superstiti tagħhom.”

    Id-dritt tal-Unjoni

    Ir-Regolament Nru 1408/71

    4

    L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprevedi li dan ir-regolament fil-prinċipju jissostitwixxi kwalunkwe konvenzjoni dwar is-sigurtà soċjali li torbot esklużivament lil Stati Membri, jew għall-inqas żewġ Stati Membri u Stat jew diversi Stati oħra.

    5

    Taħt it-titolu “Dispożizzjonijiet internazzjonali mhux affetwati minn dan ir-Regolament”, l-Artikolu 7(2)(a) tar-Regolament 1408/71 jipprevedi li minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim tal-baħħara tax-xmara Rhein jibqgħu applikabbli.

    6

    It-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, li jinkludi l-Artikoli 13 sa 17A, jinkludi r-regoli dwar id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali.

    Ir-Regolament Nru 574/72

    7

    Taħt it-titolu “L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-regolament sabiex tiġi stabbilita l-leġislazzjoni applikabbli”, it-Titolu III tar-Regolament Nru 574/72 jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikoli 13 sa 17 tar-Regolament Nru 1408/71.

    8

    B’mod partikolari, l-Artikoli 10c sa 11a, 12a u 12b tar-Regolament Nru 574/72 jipprevedu li l-istituzzjoni indikata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu tibqa’ tapplika skont l-Artikoli 13(2)(d), 14(1)(a) u (2)(a) u (b), 14a(1)(a), (2) u (4), 14b(1), (2) u (4), 14c(a), 14e u 17 tar-Regolament Nru 1408/71, toħroġ ċertifikat imsejjaħ “ċertifikat E 101”, li jiċċertifika li l-ħaddiem ikkonċernat huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru.

    Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

    Kawża C‑72/14

    9

    X huwa ċittadin Olandiż li, matul is-sena 2006, kien jgħix fil-Pajjiżi l-Baxxi u kien jaħdem bħala tmunier fuq bastiment bil-magna rreġistrat fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    10

    Matul is-sena 2006, l-imsemmi bastiment kien ibaħħar b’mod kummerċjali mhux biss fuq ix-xmara Rhein, iżda wkoll, l-iktar ta’ spiss, f’passaġġi tal-ilma interni oħrajn.

    11

    Barra minn hekk, matul is-sena 2006, X kien jinsab fil-ktieb tal-pagi ta’ impriża stabbilita fil-Lussemburgu.

    12

    Fil-25 ta’ Novembru 2004, il-Ministru tat-Trasport u tal-Amministrazzjoni tal-Ilma (il-ministerie van Verkeer en Waterstaat) ħareġ ċertifikat li l-bastiment jagħmel parti min-navigazzjoni tax-xmara Rhein (Rijnvaartverkaring), kif imsemmi fl-Artikoli 1(h) u 5(1) tal-liġi dwar it-trasport fil-passaġġi tal-ilma interni (Wet vervoer binnenvaart), lis-sid tal-bastiment, impriża stabbilita f’Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi).

    13

    X talab lill-istituzzjoni kompetenti tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu sabiex jiġi affiljat mal-iskema tas-sigurtà soċjali Lussemburgiża, talba li ntlaqgħet minn din l-istituzzjoni. Fl-1 ta’ Marzu 2006, l-Assoċjazzjoni tal-fondi ta’ assigurazzjoni għall-mard fil-Lussemburgu ħarġet ċertifikat E 101 għal X fir-rigward tal-attivitajiet tiegħu.

    14

    X stabbilixxa dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għas-sena 2006, abbażi ta’ dħul taxxabbli ta’ EUR 31647 mill-attività professjonali tiegħu. Fid-dikjarazzjoni tiegħu, X talab eżenzjoni mill-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u tnaqqis sabiex jevita t-taxxa doppja. Fil-kuntest tad-determinazzjoni tat-taxxa, l-Ispettur tal-awtorità fiskali nazzjonali la laqa’ l-eżenzjoni u lanqas it-tnaqqis mitluba. Barra minn hekk, huwa rrettifika l-kalkolu tat-taxxa.

    15

    B’dan il-mod, ġiet stabbilita stima ta’ taxxa dovuta minn X, fir-rigward tat-taxxa tad-dħul u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għas-sena 2006, abbażi ta’ dħul taxxabbli ta’ EUR 28914 minn xogħlu.

    16

    Ir-rikorrent ressaq ilment kontra, b’mod partikolari, id-deċiżjoni li tirrifjuta l-eżenzjoni mill-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għas-sena inkwistjoni. L-Ispettur tal-awtorità fiskali nazzjonali ċaħad dan l-ilment bħala infondat.

    17

    X ressaq kawża kontra d-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment tiegħu quddiem il-qorti distrettwali ta’ Breda (Rechtbank Breda), li ddikjaratha infondata. Għalhekk, X ippreżenta appell mis-sentenza tal-qorti distrettwali ta’ Breda quddiem il-Qorti tal-Appell ta’ Bois-le-Duc.

    18

    Il-Qorti tal-Appell ta’ Bois-le-Duc tqis li l-qorti distrettwali ta’ Breda kienet iġġustifikata meta ddeċidiet li X għandu jiġi kkunsidrat bħala baħħar tax-xmara Rhein fis-sens tal-Ftehim dwar il-baħħara tax-xmara Rhein u li, għalhekk, ir-regoli ta’ deżinjazzjoni inklużi f’dan il-ftehim għandhom japplikaw għalih. B’dan il-mod, il-Qorti tal-Appell ta’ Bois-le-Duc tistaqsi fuq il-portata li jista’ jkollu ċ-ċertifikat E 101 maħruġ fl-1 ta’ Marzu 2006 mill-istituzzjoni Lussemburgiża kompetenti sabiex toħroġ dan it-tip ta’ ċertifikat.

    19

    Huwa f’dawn il-ċirkustanzi li l-Qorti tal-Appell ta’ Bois-le-Duc iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Fis-sentenza FTS (C‑202/97, EU:C:2000:75), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ċertifikat E 101 maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru huwa meħtieġ [vinkolanti] fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali ta’ Stati Membri oħra, anki fil-każ fejn dan iċ-ċertifikat ma jkunx materjalment eżatt. Din il-konklużjoni tapplika wkoll f’każijiet bħal dan, fejn ir-regoli ta’ deżinjazzjoni tar-regolament ma japplikawx?

    2)

    Għall-finijiet tar-risposta għal din id-domanda, għandu impatt il-fatt li l-istituzzjoni kompetenti, li ma kellhiex l-intenzjoni li toħroġ ċertifikat E 101, madankollu użat, għal raġunijiet amministrattivi, konxjament u intenzjonalment, dokumenti li jienu jippreżentaw ruħhom, mill-forma u mill-kontenut tagħhom, bħala ċertifikati E 101, filwaqt li l-persuna interessata kienet taħseb u setgħet raġonevolment taħseb li kisbet tali ċertifikat?”

    Kawża C‑197/14

    20

    Matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u t-30 ta’ Ġunju 2007, T.A. van Dijk li dak iż-żmien kien jgħix fil-Pajjiżi l-Baxxi, kien impjegat ma’ Christa Intershipping Sàrl, kumpannija stabbilita fil-Lussemburgu. B’mod partikolari, matul dan il-perijodu, T.A. van Dijk kien jaħdem bħala kaptan fuq bastiment ta’ navigazzjoni interna fit-territorju ta’ diversi Stati Membri, prinċipalment fuq ix-xmara Rhein u t-tributarji tagħha kif ukoll fuq il-passaġġi navigabbli interni tagħha lejn il-baħar.

    21

    L-awtoritajiet Lussemburgiżi ħarġu ċertifikat E 101 lil T.A. van Dijk li juri li l-liġi Lussemburgiża dwar is-sigurtà soċjali hija applikabbli għalih mill-1 ta’ Settembru 2004, skont ir-Regolament Nru 1408/71.

    22

    T.A. van Dijk ġie nnotifikat bi stima tat-taxxa fuq id-dħul għas-sena 2007, dwar il-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali kif ukoll bi stima tat-taxxa dwar il-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni tal-kura tas-saħħa għall-istess sena, kkalkolati fuq id-dħul tiegħu. Dawn l-istimi tat-taxxa ġew ikkonfermati mill-awtoritajiet fiskali Olandiżi wara lment ta’ T.A. van Dijk.

    23

    Wara li ressaq kawża kontra d-deċiżjonijiet li ċaħdu l-ilment tiegħu quddiem il-qorti distrettwali ta’ la Haye (Rechtbank te ‘s-Gravenhage) u peress li din tal-aħħar ikkonfermat l-istima tat-taxxa inkwistjoni, T.A. van Dijk appella minn din is-sentenza quddiem il-Qorti tal-Appell ta’ la Haye (Gerechtshof te ‘s-Gravenhage).

    24

    Il-Qorti tal-Appell ta’ la Haye ikkonfermat is-sentenza tal-qorti distrettwali ta’ la Haye. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Appell ta’ la Haye ddeċidiet li l-persuna kkonċernata kellha titqies bħala baħħar tax-xmara Rhein taħt il-Ftehim tal-baħħara tax-xmara Rhein u li, skont l-Artikolu 11(2), tal-imsemmi ftehim, l-iskema Olandiża tas-sigurtà soċjali kienet applikabbli għaliha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Appell ta’ La Haye iddeċidiet li l-ebda valur legali ma seta’ jiġi attribwit liċ-ċertifikat E 101 inkwistjoni peress li ġie maħruġ fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1408/71, li ma kienx applikabbli għal T.A. van Dijk, skont l-Artikolu 7(2)(a) tal-imsemmi regolament.

    25

    T.A. van Dijk ippreżenta appell fil-kassazzjoni kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Appell ta’ la Haye quddiem il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi.

    26

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi fuq il-portata taċ-ċertifikat E 101 f’ kawża simili għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    27

    Fil-fatt, fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Ottubru 2012 (Nru 12/04012, ECLI:NL:HR:2013:CA0827), il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi ddeċidiet li ma jista’ jingħata l-ebda valur lill-ħruġ ta’ ċertifikat E 101 u li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali ma nkisirx, minħabba li l-persuna kkonċernata kellha titqies bħala baħħar tax-xmara Rhein skont l-Artikolu 1(m) tal-Ftehim tal-Baħħara tar-Rhein, suġġett, għaldaqstant, mhux għar-Regolament Nru 1408/71, iżda għall-imsemmi ftehim.

    28

    Il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi tat din is-sentenza mingħajr ma ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari minħabba li kkunsidrat li s-soluzzjoni ma kienet tħalli l-ebda lok għal dubju raġonevoli.

    29

    Min-naħa l-oħra, permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Frar 2014 (Nru 13/00040, ECLI:NL:GHSHE:2014:248, V‑N 2014/12,15), il-Qorti tal-Appell ta’ Bois-le-Duc ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi preliminari li huma s-suġġett tal-Kawża C‑72/14.

    30

    Għalhekk, sa fejn ir-risposta għal dawn id-domandi tista’ tkun rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima quddiemha, il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi tistaqsi jekk tistax tiddeċiedi fuq din it-tilwima, skont is-sentenza tagħha tal-11 ta’ Ottubru 2013, mingħajr ma tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u mingħajr ma tistenna r-risposta ta’ din il-qorti għad-domandi preliminari magħmula mill-Qorti tal-Appell ta’ Bois-le-Duc.

    31

    B’mod partikolari, il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi tistaqsi jekk, ladarba hija tqis li s-soluzzjoni għall-kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tqajmet quddiemha hija tant ovvja li ma hemm lok għal ebda dubju raġonevoli, il-kundizzjonijiet ifformulati fil-punt 16 tas-sentenza Cilfit et (283/81,EU:C:1982:335) jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ssodisfatti.

    32

    Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Fil-kuntest ta’ domanda preliminari mressqa minn qorti nazzjonali inferjuri, il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi, bħala qorti suprema, għandha tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari jew għandha tistenna r-risposta mogħtija għad-domanda preliminari magħmula mill-qorti nazzjonali inferjuri, meta hija tqis li l-applikazzjoni xierqa tad-dritt tal-Unjoni fuq il-punt li dwaru hija ġiet adita tkun ċara b’evidenza li ma tħalli ebda dubju raġonevoli fir-rigward tal-mod li bih din id-domanda għandha tintwieġeb?

    2)

    Fil-każ li l-ewwel domanda teħtieġ risposta pożittiva, l-awtoritajiet Olandiżi kompetenti fil-qasam tas-sigurtà soċjali huma marbuta b’attestazzjoni E 101 maħruġa mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, anki fil-każ fejn din l-attestazzjoni tikkonċerna baħri tad-dgħajjes tax-xmara Rhein, u għalhekk, skont l-Artikolu 7(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli – punt kopert mill-attestazzjoni – għandhom jiġu injorati?”

    33

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-24 ta’ Frar 2015, il-Kawżi C‑72/14 u C‑197/14 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

    Fuq id-domandi preliminari

    Osservazzjonijiet preliminari

    34

    Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma baħħara tax-xmara Rhein, li nħarġilhom ċertifikat E 101 mill-istituzzjoni kompetenti sabiex toħroġ dan it-tip ta’ ċertifikati fil-Lussemburgu.

    35

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑72/14 jirriżulta wkoll li l-imsemmija istituzzjoni kkunsidrat li, skont ir-regoli ta’ deżinjazzjoni previsti fil-ftehim tal-baħħara tax-xmara Rhein, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien suġġett għall-liġi Lussemburgiża u li, fl-assenza fil-kuntest tal-imsemmi ftehim ta’ formola ekwivalenti għaċ-ċertifikat E 101, l-imsemmija istituzzjoni użat iċ-ċertifikat E 101 sabiex tiċċertifika l-affiljazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali mal-iskema tas-sigurtà soċjali Lussemburgiża.

    36

    Huwa abbażi ta’ dawn il-premessi li għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qrati tar-rinviju, u s-sentenza preżenti ma tinkludi l-ebda evalwazzjoni dwar il-klassifikazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali inkwantu baħħara tax-xmara Rhein u lanqas dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali li hija applikabbli għalihom.

    Dwar id-domandi fil-Kawża C‑72/14 u t-tieni domanda fil-Kawża C‑197/14

    37

    Permezz tad-domandi fil-Kawża C‑72/14 u t-tieni domanda fil-kawża C‑197/14, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikoli 10c sa 11a, 12a u 12b tar-Regolament Nru 574/72 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ċertifikat maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru, fil-forma ta’ ċertifikat E 101, sabiex jiċċertifika li ħaddiem huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni soċjali ta’ dan l-Istat Membru, meta dan il-ħaddiem jaqa’ taħt il-Ftehim tal-baħħara tax-xmara Rhein, huwa obbligatorju għall-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra u jekk il-fatt li l-istituzzjoni li ħarġet iċ-ċertifikat ma kellha l-ebda intenzjoni li toħroġ ċertifikat E 101 reali, iżda użat il-formola standard ta’ dan iċ-ċertifikat minħabba raġunijiet amministrattivi huwiex ta’ rilevanza f’dan ir-rigward.

    38

    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li ċ-ċertifikat E 101 jikkorrispondi għal formola standard maħruġa, skont it-Titolu III tar-Regolament Nru 574/72, mill-istituzzjoni indikata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li l-leġislazzjoni tas-sigurtà soċjali tiegħu hija applikabbli, sabiex tiċċertifika l-issuġġettar tal-ħaddiema migranti, li jkunu f’waħda mis-sitwazzjonijiet koperti minn ċerti dispożizzjonijiet tat-Titolu III tar-Regolament 1408/71, għal-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru, kif jirriżulta mill-punti 7 u 8 tas-sentenza preżenti.

    39

    Għalhekk jidher li l-użu taċ-ċertifikat E 101 huwa rilevanti biss fil-każ ta’ applikazzjoni tar-regoli relatati mad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali, stabbiliti fit-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, għall-ħaddiema kkonċernati, u dan huwa kkorroborat bir-riferimenti inklużi fil-formola standard, li ma jkoprux sitwazzjonijiet oħra għajr dawk li jikkonċernaw ħaddiema li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Titolu II.

    40

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ċertifikat bħal dan, sa fejn joħloq preżunzjoni ta’ regolarità tal-affiljazzjoni tal-ħaddiema kkollokati mal-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru fejn l-impriża li kkollokat dawn il-ħaddiema hija stabbilita, huwa obbligatorju għall-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li fih dawn il-ħaddiema huma kkollokati (sentenza Herbosch Kiere, C‑2/05, EU:C:2006:69, punt 24).

    41

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, sakemm dan ma jiġix irtirat jew iddikjarat bħala invalidu mill-awtoritajiet tal-Istat Membru li jkunu ħarġuh, iċ-ċertifikat E 101 jorbot lill-istituzzjoni kompetenti u lill-qrati tal-Istat Membru li fih il-ħaddiema huma kkollokati (sentenza Herbosch Kiere, C‑2/05, EU:C:2006:69, punt 33).

    42

    Barra minn hekk, sa fejn iċ-ċertifikat E 101 huwa obbligatorju għal din l-istituzzjoni kompetenti, xejn ma jiġġustifika l-fatt li l-persuna li titlob is-servizzi ta’ ħaddiem ma taġixxix fuq l-imsemmi ċertifikat. Jekk hija jkollha dubji dwar il-validità taċ-ċertifikat, din il-persuna għandha madankollu tinforma lill-istituzzjoni inkwistjoni b’dan. (sentenza Banks et, C‑178/97, EU:C:2000:169, punt 47).

    43

    Għandu, madankollu, jiġi enfasizzat li l-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 40 sa 42 tas-sentenza preżenti tirreferi għal sitwazzjonijiet li fihom iċ-ċertifikati E 101 jkunu nħarġu fir-rigward ta’ ħaddiema li jaqgħu taħt it-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71.

    44

    Madankollu, iċ-ċertifikati E 101 inkwistjoni fil-kawża prinċipali nħarġu fir-rigward ta’ baħħara tax-xmara Rhein, kif ġie osservat fil-punt 34 tas-sentenza preżenti.

    45

    Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li l-Artikolu 7(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprevedi li, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, skont liema dan tal-aħħar jissostitwixxi, fil-prinċipju, kwalunkwe konvenzjoni tas-sigurtà soċjali li torbot esklużivament lil Stati Membri, jew mill-inqas lil żewġ Stati Membri u Stat wieħed jew diversi Stati oħra, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar is-sigurtà soċjali għall-baħħara tax-xmara Rhein jibqgħu applikabbli.

    46

    Minn dan isegwi li l-baħħara tax-xmara Rhein ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, iżda taħt dak tal-Ftehim għall-baħħara tax-xmara Rhein, b’tali mod li d-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali li hija applikabbli għalihom ma titwettaqx skont it-Titolu II tar-Regolament iżda skont l-imsemmi ftehim.

    47

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ċertifikat maħruġ minn istituzzjoni ta’ Stat Membru, sabiex jiċċertifika l-issuġġettar ta’ ħaddiem ikklassifikat bħala baħħar tax-xmara Rhein għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, bħaċ-ċertifikati inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistax jitqies bħala ċertifikat E 101, anki jekk jieħu l-forma tiegħu, u irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk dan ikunx inħareġ mill-istituzzjoni indikata mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71 sabiex toħroġ dan it-tip ta’ ċertifikat.

    48

    Għaldaqstant, tali ċertifikat ma jistax jipproduċi l-effetti speċifiċi taċ-ċertifikat E 101, fosthom l-effett vinkolanti fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ Stati Membri oħra għajr dak tal-istituzzjoni li ħarġet tali ċertifikat.

    49

    F’dan il-kuntest, il-fatt li l-istituzzjoni emittenti ma kellhiex l-intenzjoni li toħroġ ċertifikat E 101, iżda użat formola standard ta’ referenza għal raġunijiet amministrattivi huwa, f’dan il-każ, irrilevanti għar-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula.

    50

    Fi kwalunkwe każ, għandu jingħad ukoll li l-fatt li ċertifikat li jikkonċerna baħħar tax-xmara Rhein, li jkun inħareġ f’forma ta’ ċertifikat E 101, bħal dawk fil-kawża prinċipali, ma jipproduċix l-effetti li jirriżultaw minn ċertifikat E 101 ma jfissirx madankollu li ċ-ċertifikat ma għandu l-ebda effett legali.

    51

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi fil-Kawża C‑72/14 u għat-tieni domanda fil-Kawża C‑197/14, għandha tkun li l-Artikolu 7(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll l-Artikoli 10c sa 11a, 12a u 12b tar-Regolament Nru 574/72 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ċertifikat maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru, fil-forma ta’ ċertifikat E 101, sabiex jiċċertifika li ħaddiem huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni soċjali ta’ dan l-Istat Membru, meta dan il-ħaddiem jaqa’ taħt il-Ftehim għall-baħħara tax-xmara Rhein, ma jorbotx lill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra. Il-fatt li l-istituzzjoni emittenti ma kellhiex l-intenzjoni li toħroġ ċertifikat E 101 reali, iżda użat il-formola standard ta’ dan iċ-ċertifikat minħabba raġunijiet amministrattivi huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

    Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑197/14

    52

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑197/14, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li kontra d-deċiżjonijiet tagħha ma tistax titressaq azzjoni ġudizzjarja taħt id-dritt nazzjonali, bħall-imsemmija qorti tar-rinviju, hija marbuta tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja meta qorti nazzjonali ta’ grad inferjuri, f’kawża simili għal dik li biha qed tiġi adita u dwar eżattament l-istess kwistjoni, tkun għamlet domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, jew jekk hijiex marbuta tistenna r-risposta mogħtija għal din id-domanda.

    53

    L-Artikolu 267 TFUE jagħti ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi, b’mod preliminari, kemm dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni kif ukoll dwar il-validità ta’ dawn l-atti. Dan l-artikolu jipprevedi, fit-tieni paragrafu tiegħu, li qorti nazzjonali tista’ tagħmel dawn id-domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk hija tikkunsidra li deċiżjoni dwar dan il-punt hija meħtieġa sabiex tagħti s-sentenza tagħha, u, fit-tielet paragrafu tiegħu, li hija mitluba tagħmel dan jekk ma tistax titressaq azzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjonijiet tagħha skont id-dritt nazzjonali (sentenza Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 40).

    54

    Għandu jitfakkar, b’mod partikolari, li l-obbligu li ssir domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja previst mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, fir-rigward tal-qrati nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom li kontrihom ma tistax titressaq azzjoni ġudizzjarja huwa parti mill-kooperazzjoni, stabbilita biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa u l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha, bejn il-qrati nazzjonali, fil-kapaċità tagħhom ta’ qrati responsabbli għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u l-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335, punt 7).

    55

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li qorti li d-deċiżjonijiet tagħha ma tistax titressaq azzjoni ġudizzjarja kontrihom taħt id-dritt nazzjonali, hija marbuta, meta kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni titqajjem quddiemha, li tissodisfa l-obbligu tagħha li tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm ma tikkonstatax li l-kwistjoni mqajma hija irrilevanti jew li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni diġà ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja jew li l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni hija tant ovvja li ma hemm lok għal ebda dubju raġonevoli. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-eżistenza ta’ tali eventwalità għandha tiġi evalwata skont il-karatteristiċi speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni, id-diffikultajiet partikolari li tippreżenta l-interpretazzjoni u skont ir-riskju ta’ diverġenzi fil-ġurisprudenza fi ħdan l-Unjoni (sentenza Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335, punt 21).

    56

    F’dan il-każ, peress li qorti nazzjonali ta’ grad inferjuri mill-qorti tar-rinviju għamlet domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistaqsi fuq kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni simili għal dik li tqajmet quddiem il-qorti tar-rinviju u li tirrigwarda eżattament l-istess kwistjoni, tqum il-kwistjoni dwar jekk tali ċirkustanza tostakolax is-sodisfazzjon tar-rekwiżiti li jirriżultaw mis-sentenza Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335), sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ acte clair, u, b’mod partikolari, ir-rekwiżit li l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni tkun tant ovvja li ma jkun hemm lok għal ebda dubju raġonevoli.

    57

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali li tkun qed tisma’ l-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Eon Aset Menidjmunt, C‑118/11, EU:C:2012:97, punt 76).

    58

    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335) tħalli lill-qorti nazzjonali biss ir-responsabbiltà li tevalwa jekk l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni tkunx tant ovvja li ma jkun hemm lok għal ebda dubju raġonevoli u, konsegwentement, li tiddeċiedi li ma tirreferix lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda ta’ interpretazzjoni ta’ dritt tal-Unjoni li tqajmet quddiemha (sentenza Intermodal Transports, C‑495/03, EU:C:2005:552, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata) u li ssolviha taħt ir-responsabbiltà proprja tagħha (sentenza Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335, punt 16).

    59

    Minn dan jirriżulta li huma biss il-qrati nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom ma tistax titressaq azzjoni ġudizzjarja kontrihom taħt id-dritt nazzjonali li għandhom jiddeterminaw, taħt ir-responsabbiltà proprja tagħhom u b’mod indipendenti, jekk humiex fil-preżenza ta’ acte clair.

    60

    B’dan il-mod, jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, qorti suprema ta’ Stat Membru għandha, ċertament, tieħu inkunsiderazzjoni fl-eżami tagħha l-fatt li qorti ta’ grad inferjuri tkun għamlet domanda preliminari, li għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jibqa’ l-fatt li tali ċirkustanza ma tistax, minnha nnifisha, tipprekludi lill-qorti suprema nazzjonali milli tikkonkludi, wara eżami li jissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mis-sentenza Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335), li hija fil-preżenza ta’ acte clair.

    61

    Fl-aħħar nett, sa fejn il-fatt li qorti ta’ grad inferjuri għamlet domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-istess kwistjoni bħal dik imqajma fit-tilwima mressqa quddiem il-qorti nazzjonali li tiddeċiedi b’mod finali ma jimplikax, minnu nnifsu, li l-kundizzjonijiet tas-sentenza Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335) ma jistgħux jibqu jiġu ssodisfatti, b’tali mod li l-qorti msemmija l-aħħar tista’ tiddeċiedi li tastjeni li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja u ssolvi l-kwistjoni mqajma quddiemha taħt ir-responsabbiltà tagħha, għandu jiġi kkunsidrat li tali fatt lanqas ma jobbliga lill-qorti nazzjonali suprema tistenna r-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari magħmula mill-qorti ta’ grad inferjuri.

    62

    Din il-konstatazzjoni hija, barra minn hekk, ikkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-Artikolu 267 TFUE ma jipprekludix li d-deċiżjonijiet ta’ qorti li d-deċiżjonijiet tagħha ma tistax titressaq azzjoni ġudizzjarja kontrihom taħt id-dritt nazzjonali u li tkun adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari, jibqgħu suġġetti għar-rimedji ġudizzjarji normali previsti mid-dritt nazzjonali, li jippermettu lil qorti ta’ grad superjuri tiddeċiedi hija stess it-tilwima li kienet is-suġġett ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari u b’hekk tassumi r-responsabbiltà li tiżgura r-rispett tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet Nationale Loterij, C‑525/06, EU:C:2009:179, punti 6 sa 8).

    63

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑197/14 għandha tkun li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma tistax titressaq azzjoni ġudizzjarja kontrihom taħt id-dritt nazzjonali, bħalma hija l-qorti tar-rinviju, ma hijiex obbligata li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja għas-sempliċi raġuni li qorti nazzjonali ta’ grad inferjuri għamlet, f’kawża simili għal dik quddiemha u fuq eżattament l-istess kwistjoni, domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas ma hija obbligata tistenna r-risposta għal din id-domanda.

    Fuq l-ispejjeż

    64

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 7(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif ukoll l-Artikoli 10c sa 11a, 12a u 12b tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, fil-verżjoni tagħhom emendata u aġġornata permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendati permezz tar-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ċertifikat maħruġ mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru, fil-forma ta’ ċertifikat E 101, sabiex jiġi ċċertifikat li ħaddiem huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni soċjali ta’ dan l-Istat Membru, meta dan il-ħaddiem jaqa’ taħt il-Ftehim dwar is-sigurtà soċjali għall-baħħara tax-xmara Rhein, adottat mill-Konferenza intergovernattiva inkarigata tirrevedi l-Ftehim tat-13 ta’ Frar 1961 dwar is-sigurtà soċjali għall-baħħara tax-xmara Rhein, iffirmat f’Geneva fit-30 ta’ Novembru 1979, ma jorbotx lill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra. Il-fatt li l-istituzzjoni emittenti ma kellhiex l-intenzjoni li toħroġ ċertifikat E 101 reali, iżda użat il-formola standard ta’ dan iċ-ċertifikat minħabba raġunijiet amministrattivi huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

     

    2)

    It-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma tistax titressaq azzjoni ġudizzjarja kontrihom taħt id-dritt nazzjonali, bħalma hija l-qorti tar-rinviju, ma hijiex obbligata li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja għas-sempliċi raġuni li qorti nazzjonali ta’ grad inferjuri għamlet, f’kawża simili għal dik quddiemha u fuq eżattament l-istess kwistjoni, domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u lanqas ma hija obbligata tistenna r-risposta għal din id-domanda.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top