Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0065

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-21 ta’ Mejju 2015.
Charlotte Rosselle vs Institut national d'assurance maladie-invalidité (INAMI) u Union nationale des mutualités libres (UNM).
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal du travail de Nivelles.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 92/85/KEE — Miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu — Artikolu 11(2) u (4) — Uffiċjal pubbliku li kisbet status mhux attiv għal raġunijiet personali sabiex tibda taħdem bħala impjegat — Rifjut li jagħti lil ħaddiema allowance tal-maternità abbażi li, bħala impjegata, hija ma tkunx temmet il-perijodu ta’ prova li jagħti dritt għal ċerti benefiċċji soċjali.
Kawża C-65/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:339

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

21 ta’ Mejju 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 92/85/KEE — Miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu — Artikolu 11(2) u (4) — Uffiċjal pubbliku li kisbet status mhux attiv għal raġunijiet personali sabiex tibda taħdem bħala impjegat — Rifjut li jagħti lil ħaddiema allowance tal-maternità abbażi li, bħala impjegata, hija ma tkunx temmet il-perijodu ta’ prova li jagħti dritt għal ċerti benefiċċji soċjali”

Fil-Kawża C‑65/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal du travail de Nivelles (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Frar 2014, fil-proċedura

Charlotte Rosselle

vs

Institut national d’assurance maladie-invalidité (INAMI),

Union nationale des mutualités libres (UNM),

fil-preżenza ta’:

Institut pour l’égalité des femmes et des hommes (IEFH),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Jürimäe, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal C. Rosselle, minn L. Markey, avukat,

għall-Union nationale des mutualités libres (UNM), minn A. Mollu,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Diċembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110) u tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, p. 23).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn C. Rosselle u Institut national d’assurance maladie-invalidité (INAMI) u l-Union nationale des mutualités libres (UNM) fir-rigward tar-rifjut li tingħata allowance tal-maternità abbażi li hija ma tkunx temmet il-perijodu ta’ prova previst mid-dritt nazzjonali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 89/391/KEE

3

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE, tat-12 ta’ Ġunju 1989, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349), tistabbilixxi, fl-Artikolu 2(1):

“Din id-Direttiva għandha tgħodd għas-setturi ta’ attività kollha, kemm pubbliċi u kemm privati (industrijali, agrikoli, kummerċjali, amministrattivi, ta’ servizz, edukattivi, kulturali, ta’ serħan etċ.).”

4

L-Artikolu 3(a) ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, it-termini segwenti għandhom ikollhom it-tifsira segwenti:

a)

ħaddiem: kwalunkwe persuna mpjegata minn min iħaddem, inklużi dawk li jkunu għaddejjin minn taħriġ u apprentisti iżda ħaddiema li jaqdu fid-djar ma humiex inklużi.”

5

L-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Il-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni bbażata fuq l-Artikolu 118a tat-Trattat, jadotta d-Direttivi ndividwali, inter alia, fiż-żoni mniżżla fl-Anness.”

Id-Direttiva 92/85

6

Skont id-disa’ u s-sbatax-il premessa tad-Direttiva 92/85:

“Billi l-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa ta’ ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew ħaddiema li qed ireddgħu m’għandhiex tirriżulta fi trattament sfavorevoli għal nisa fis-suq tax-xogħol u lanqas għandha tnaqqas mis-saħħa tad-direttivi rigward trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa;

[…]

Billi, barra minn hekk, il-provvediment ta’ leave tal-maternita’ ma jservu l-ebda skop kemm-il darba ma jkunux akkumpanjati minn ħarsien tad-drittijiet marbuta mal-kuntratt ta’ l-impjieg u/jew drittijiet għal allowance adegwata.”

7

L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“1.   L-iskop ta’ din id-Direttiva, li hija l-għaxar Direttiva individwali fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva [89/391], huwa li jimplementa miżuri li jinkoraġġixxu titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ta’ ħaddiema tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew li qegħdin ireddgħu.

2.   Id-disposizzjonijiet tad-Direttiva [89/391], ħlief għall-Artikolu 2(2) tagħha, għandhom japplikaw kollha fl-intier tagħhom għas-settur kollu li jaqa’ taħt paragrafu 1, mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet aktar strinġenti u/jew speċifiċi li jinsabu f’din id-Direttiva.”

8

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

a)

ħaddiema tqila għandha tfisser ħaddiema tqila li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali;

b)

ħaddiema li welldet reċentement għandha tfisser ħaddiema li welldet reċentement fis-sens tal-leġiżlazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha dwar il-kundizzjoni tagħha skond dik il-liġi u/jew prattika;

ċ)

ħaddiema li qiegħda tredda’ tfisser ħaddiema li qiegħda tredda’ fis-sens tal-leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha skond dik il-liġi u/jew prattika.”

9

L-Artikolu 8 tal-istess direttiva, intitolat “Leave tal-Maternità”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2 huma intitolati għal żmien kontinwu ta’ leave tal-maternità ta’ mill-inqas 14-il ġimgħa, allokati qabel u/jew wara l-ħlas skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali.

2.   Il-leave tal-maternità stipulat fil-paragrafu 1 għandu jinkludi leave tal-maternità obbligatorju ta’ mill-inqas ġimagħtejn qabel u/jew wara l-ħlas skond il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali.”

10

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 92/85, intitolat “Drittijiet marbuta mal-kuntratt ta’ l-impjieg”, jiddisponi:

“Sabiex jiġi garantit għall-ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, l-eserċizzju tad-drittijet tagħhom tal-protezzjoni tas-saħħa kif rikonoxxuti taħt dan l-Artikolu, għandu jiġi provdut illi:

[…]

2)

fil-każ imsemmi fl-Artikolu 8, dan li ġej għandu jiġi żgurat:

a)

id-drittijiet konnessi mal-kuntratt ta’ l-impjieg tal-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, barra minn dawk imsemmija f’punt (b) hawn taħt;

b)

il-manteniment ta’ ħlas ta’, u/jew intitolament, għal allowance xierqa għal, ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2;

3)

l-allowance msemmija fil-punt 2(b) għandha titqies bħala xierqa jekk tiggarantixxi dħul mill-inqas ekwivalenti għal dak li l-ħaddiema kkonċernata kienet tirċievi kieku waqfet temporanjament mill-attivitajiet tagħha għal raġunijiet ta’ saħħa, soġġetta għal kull limitu stabbilit taħt il-leġislazzjoni nazzjonali;

4)

L-Istati Membri jistgħu jissoġġettaw id-dritt għall-ħlas jew għall-allowance msemmija fil-punti 1 u 2 (b) għall-kundizzjoni li l-ħaddiema kkonċernata tissoddisfa l-kondizzjonijiet ta’ eliġibilita’ għal dawn il-benefiċċji skont il-leġislazzjoni nazzjonali.

Dawn il-kundizzjonijiet ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanza jipprovdu għal perijodi ta’ impjieg preċedenti iktar minn12-il xahar immedjatament qabel id-data preżunta tal-ħlas.”

Id-dritt Belġjan

11

Il-Liġi tal-14 ta’ Lulju 1994, dwar l-assigurazzjoni obbligatorja għall-kura tas-saħħa u l-allowances ikkoordinata (Moniteur belge tas-27 ta’ Awwissu 1994, p. 21524), fil-verżjoni tagħha applikabbli fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-14 ta’ Lulju 1994”), tistabbilixxi fl-Artikolu 86(1) tagħha:

“Huma benefiċjarji tad-dritt għall-allowances minħabba inkapaċità għax-xogħol kif iddefiniti fit-Titolu IV, Kapitolu III ta’ din il-liġi kkoordinata u fil-kundizzjonijiet previsti minn din, bħala persuni li jirċievu allowance:

a)

il-ħaddiema suġġetti għal assigurazzjoni obbligatorja u allowances, bis-saħħa tal-Liġi tas-27 ta’ Ġunju 1969, li temenda d-Digriet-Liġi tat-28 ta’ Diċembru 1944, dwar is-sigurtà soċjali għall-ħaddiema inklużi l-ħaddiema li jibbenefikaw minn kumpens (bħala riżultat tat-terminazzjoni irregolari tal-kuntratt ta’ xogħol, tat-terminazzjoni unilaterali tal-kuntratt ta’ xogħol għar-rappreżentanti tal-persunal, tat-terminazzjoni unilaterali tal-kuntratt ta’ xogħol għar-rappreżentanti sindakali jew tat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol bi ftehim) matul il-perijodu kopert minn dan il-kumpens;

b)

il-ħaddiema msemmija iktar ’il fuq matul il-perijodu ta’ mistrieħ imsemmi fl-Artikolu 32(1) u (4);

c)

il-ħaddiema li jinsabu f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 32(1), (3), u (5);

[…]

il-ħaddiema li, matul perijodu ta’ inkapaċità għax-xogħol (jew għall-protezzjoni tal-maternità), kif iddefinit minn din il-liġi kkoordinata, jitilfu l-kwalità ta’ persuna li tirċievi allowance msemmija fi 1°;

fl-iskadenza tal-perijodu ta’ assigurazzjoni kontinwata msemmija fl-Artikolu 32(1) u (6), il-ħaddiema li għandhom il-kwalità msemmija fi 1°, bil-kundizzjoni li dawn ma jistgħux jaħdmu (jew jinsabu f’perijodu ta’ protezzjoni tal-maternità l-iktar tard mill-ewwel jum ta’ xogħol wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ assigurazzjoni kontinwata).”

12

L-Artikolu 112, tal-Liġi tal-14 ta’ Lulju 1994, jipprovdi:

“Huma benefiċjarji tad-dritt għal kumpens tal-maternità kif iddefinit fit-Titolu V, Kapitolu III ta’ din il-liġi kkoordinata u fil-kundizzjonijiet previsti minnha, il-persuni li jirċievu allowance msemmija fl-Artikolu 86(1).”

13

L-Artikolu 116 ta’ din il-liġi jiddisponi:

“Għall-ksib tad-dritt għall-benefiċċji previst taħt it-Titolu V, il-persuni li jirċievu allowance msemmija fl-Artikolu 112 għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikoli 128 sa 132.

Ir-Re jista’, wara konsultazzjoni mal-Kumitat ta’ tmexxija tad-Dipartiment inkarigat mill-kumpens għall-kategoriji ta’ persuni li jirċievu allowance li Huwa jiddefinixxi, jew jipprovdi eżenzjoni mill-perijodu ta’ prova previst fl-Artikolu 128, jew jadattah.”

14

L-Artikolu 128 tal-istess liġi huwa fformulat kif ġej:

“1.   Għall-ksib tad-dritt għall-benefiċċji previst taħt it-Titolu IV, il-persuni li jirċievu allowance msemmija fl-Artikolu 86(1) għandhom itemmu perijodu ta’ prova fil-kundizzjonijiet li ġejjin:

ikunu ħadmu, matul perijodu ta’ sitt xhur qabel id-data tal-kisba tad-dritt, numru ta’ jiem ta’ xogħol li r-Re stabbilixxa. Il-jiem ta’ inattività professjonali assimilati ma’ jiem ta’ xogħol effettivi huma ddefiniti mir-Re. Huwa jiddefinixxi dak li ‘jum ta’ xogħol’ għandu jfisser;

jipproduċu prova, fil-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Re, li fir-rigward ta’ dan l-istess perijodu, il-kontribuzzjonijiet għall-kumpens ikunu effettivament tħallsu, b’dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom jilħqu ammont minimu stabbilit mir-Re jew għandhom, fil-kundizzjonijiet stabbiliti Minnu, ikunu kkompletati minn kontribuzzjonijiet personali.

2.   Ir-Re jiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom il-perijodu ta’ prova jitneħħa jew jitnaqqas.

[…]”

15

Id-Digriet Irjali tat-3 ta’ Lulju 1996, li jimplementa l-Liġi dwar l-assigurazzjoni obbligatorja għall-kura tas-saħħa u l-allowances, ikkoordinat fl-14 ta’ Lulju 1994 (Moniteur belge tal-31 ta’ Lulju 1996, p. 20285), fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali tat-3 ta’ Lulju 1996”), jistabbilixxi fl-Artikolu 203 tiegħu:

“Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 128(1) tal-Liġi [tal-14 ta’ Lulju 1994], il-persuni li jirċievu allowance għandhom jaħdmu, matul perijodu ta’ sitt xhur, mill-inqas mija u għoxrin jum ta’ xogħol […]”

16

L-Artikolu 205(1) u (6) ta’ dan id-digriet irjali jipprovdi:

“Huma eżenti mill-perijodu ta’ prova għad-dritt għall-allowances minħabba inkapaċità għax-xogħol:

[…]

il-persuna li, fil-perijodu ta’ tletin jum wara d-data li fiha r-riżenja volontarja tagħha bħala uffiċjal pubbliku tidħol fis-seħħ, tikseb il-kwalità ta’ persuna li tirċievi allowance fis-sens ta’ 1°(a) jew (c) tal-Artikolu 86(1) tal-Liġi [tal-14 ta’ Lulju 1994], sakemm din kienet impjegata matul perijodu kontinwu ta’ mill-inqas sitt xhur bħala uffiċjal pubbliku. Jekk hija kienet impjegata matul perijodu ta’ inqas minn sitt xhur f’dik il-kapaċità, dan il-perijodu huwa assimilat għal perijodu, ikkunsidrat għall-kalkolu tal-perijodu ta’ prova, previst fl-Artikolu 128 tal-Liġi [tal-14 ta’ Lulju 1994].”

17

L-Artikoli 203 u 205 tad-Digriet Irjali tat-3 ta’ Lulju 1996, jinsabu taħt it-Titolu III, Kapitolu III, Taqsimiet 1 u 2 ta’ dan id-digriet.

18

Il-Liġi tal-20 ta’ Lulju 1991, dwar id-dispożizzjonijiet soċjali u oħrajn (Moniteur belge tal-1 ta’ Awwissu 1991, p. 16951), fil-verżjoni tagħha applikabbli fil-kawża prinċipali, tistabbilixxi fl-Artikolu 7(1) tagħha:

“Dan il-kapitolu huwa applikabbli għal kull persuna:

li r-relazzjoni ta’ xogħol tagħha f’servizz pubbliku jew kwalunkwe organu ieħor tad-dritt pubbliku tispiċċa minħabba li hija unilateralment tintemm mill-awtorità jew għaliex l-att tal-ħatra ġie annullat, irtirat, revokat jew ma ġġeddidx,

u li din ir-relazzjoni ta’ xogħol ma hijiex suġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tas-27 ta’ Ġunju 1969, li temenda d-Digriet-Liġi tat-28 ta’ Diċembru 1944, dwar is-sigurtà soċjali għall-ħaddiema impjegati, fis-sens li din tikkonċerna s-sistema ta’ impjiegi u ta’ qgħad u s-settur ta’ kumpens għall-assigurazzjoni obbligatorja kontra l-mard u l-invalidità.”

19

L-Artikolu 10(1) ta’ din il-liġi jiddisponi:

“Il-persuna li timpjega tħallas lill-Uffiċċju nazzjonali tas-sigurtà soċjali jew lill-Uffiċċju nazzjonali tas-sigurtà soċjali għall-provinċji u għall-gvernijiet lokali, fil-konfront tal-benefiċjarji ta’ dan il-kapitolu:

il-kontribuzzjonijiet dovuti mill-persuna li timpjega u mill-ħaddiem għall-perijodu li jikkorrispondi għall-jiem ta’ xogħol li l-persuna liċenzjata għandha normalment tipprovdi fid-dawl tal-kategorija ta’ età li għalih tappartjeni, sabiex tiġi ammessa għall-benefiċċju ta’ allowances tal-qgħad bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-qgħad;

il-kontribuzzjonijiet dovuti mill-persuna li timpjega u mill-ħaddiem, ikkalkolati fuq perijodu ta’ sitt xhur, għall-ammissjoni tal-persuna kkonċernata għall-benefiċċju tas-sistema tal-assigurazzjoni obbligatorja kontra l-mard u l-invalidità, settur ta’ kumpens u tal-assigurazzjoni tal-maternità.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

20

C. Rosselle bdiet taħdem bħala għalliema f’Ternat (il-Belġju) minn Settembru 2003 u ġiet maħtura uffiċjal pubbliku mill-Komunità Fjamminga minn Settembru 2008.

21

C. Rosselle kisbet status mhux attiv għal raġunijiet personali fil-Komunità Franċiża bħala impjegata, fil-kuntest ta’ klassijiet ta’ immersjoni bil-lingwi mill-1 ta’ Settembru 2009.

22

C. Rosselle wettqet din l-attività sal-11 ta’ Jannar 2010, data li fiha beda l-leave tal-maternità tagħha. Hija welldet fit-2 ta’ Frar 2010.

23

C. Rosselle talbet lill-UNM, organu li miegħu hija msieħba, li titħallas allowance tal-maternità mill-11 ta’ Jannar 2010.

24

Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Frar 2010, l-UNM ċaħdet dik it-talba għar-raġuni li C. Rosselle kienet bidlet l-istatus tax-xogħol tagħha mill-1 ta’ Settembru 2009, fejn bdiet taħdem bħala impjegata wara li kienet uffiċjal pubbliku. Madankollu, skont il-leġiżlazzjoni Belġjana, għandu jitwettaq perijodu ta’ prova ta’ sitt xhur sabiex wieħed jibbenefika minn allowance tal-maternità, kundizzjoni li hija ma kinitx issodisfat bħala impjegata.

25

C. Rosselle ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal du travail de Nivelles, fejn b’mod partikolari invokat id-Direttiva 92/85.

26

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-leġiżlazzjoni Belġjana tipprevedi, fil-każ tal-uffiċjal pubbliku li jirriżenja jew li jitkeċċa, eżenzjoni mill-perijodu ta’ prova sabiex jirċievi ċerti benefiċċji soċjali. Min-naħa l-oħra, tali eżenzjoni ma teżistix fis-sitwazzjoni ta’ uffiċjal pubbliku li jkun kiseb status mhux attiv għal raġunijiet personali, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-benefiċċju relatat mal-leave tal-maternità.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal du travail de Nivelles iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-Digriet Irjali tat-3 ta’ Lulju 1996 li jimplementa l-liġi dwar l-assigurazzjoni obbligatorja għall-kura tas-saħħa u l-allowances, maħruġ fl-14 ta’ Lulju 1994, fis-Sezzjonijiet 1 u 2 tal-Kapitolu III tat-Titolu III tiegħu, jikser id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu u d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid), billi ma jipprovdix dispensa mill-perijodu ta’ prova għall-uffiċjal assenjata fi status mhux attiv għal raġunijiet personali li qiegħda fuq leave tal-maternità, filwaqt li dan huwa l-każ fir-rigward tal-uffiċjal li jirriżenja u tal-uffiċjal li jitkeċċa?”

Fuq id-domanda preliminari

28

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttivi 92/85 u 2006/54 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li Stat Membru jirrifjuta li jagħti lill-ħaddiema allowance tal-maternità minħabba li, bħala uffiċjal pubbliku li tkun kisbet status mhux attiv għal raġunijiet personali sabiex twettaq attività mħallsa, hija ma tkunx laħqet, fil-kuntest ta’ din l-attività mħallsa, il-perijodu ta’ prova previst mid-dritt nazzjonali sabiex tibbenefika minn din l-allowance tal-maternità, anki jekk hija tkun ħadmet għal iktar minn tnax-il xahar immedjatament qabel id-data preżunta tal-ħlas.

Fuq id-Direttiva 92/85

29

Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li ħaddiema jkunu intitolati għal perijodu kontinwu ta’ leave tal-maternità ta’ mill-inqas 14-il ġimgħa allokati qabel u/jew wara l-ħlas konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew il-prattika nazzjonali.

30

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal leave tal-maternità mogħti lill-ħaddiema tqal għandu jitqies li huwa mezz ta’ importanza partikolari għall-ħarsien tad-drittijiet soċjali. Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea qies li l-bidliet essenzjali fil-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-persuni kkonċernati matul il-perijodu limitat ta’ mill-inqas erbatax-il ġimgħa li jippreċedi u jsegwi t-twelid kienu jikkostitwixxu raġuni leġittima sabiex jiġi sospiż l-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħhom, mingħajr ma l-leġittimità ta’ din ir-raġuni tiġi mminata, bi kwalunkwe mod, mill-awtoritajiet pubbliċi jew mill-persuni li jimpjegaw (sentenzi Kiiski, C‑116/06, EU:C:2007:536, punt 49; Betriu Montull, C‑5/12, EU:C:2013:571, punt 48, u D., C‑167/12, EU:C:2014:169, punt 32).

31

Jirriżulta mill-Artikolu 11(2)(b) tad-Direttiva 92/85, li sabiex jiġi ggarantit għall-ħaddiema l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tagħhom kif rikonoxxuti f’dan l-artikolu, huwa previst li fil-każ tal-leave tal-maternità għandha tiġi żgurata ż-żamma ta’ remunerazzjoni u/jew il-benefiċċju ta’ allowance xierqa għall-ħaddiema.

32

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 92/85 jippreċiża li l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw id-dritt għar-remunerazzjoni jew għall-allowance tal-maternità msemmija fil-punt 2(b) ta’ dan l-artikolu għall-kundizzjoni li l-ħaddiema kkonċernata tissoddisfa l-kundizzjonijiet sabiex tkun intitolata għal dawn il-benefiċċji previsti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, b’dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux jistgħu taħt l-ebda ċirkustanza jipprovdu għal perijodi ta’ xogħol preċedenti ta’ iktar minn12-il xahar immedjatament qabel id-data preżunta tal-ħlas.

33

F’dan il-każ, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, li bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex tkun intitolata għal allowance tal-maternità, il-ħaddiema kkonċernata għandha tkun temmet perijodu ta’ prova, fejn b’mod partikolari hija tkun ħadmet, matul perijodu ta’ sitt xhur preċedenti għad-data li fiha tkun intitolata għall-allowance tal-maternità, mill-inqas 120 jum ta’ xogħol.

34

Madankollu, din il-leġiżlazzjoni ma tipprovdix għal eżenzjoni mill-perijodu ta’ prova għall-ksib tal-allowance tal-maternità fil-każ, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ uffiċjal pubbliku assenjat fi status mhux attiv għal raġunijiet personali sabiex iwettaq attività mħallsa, u dan b’differenza mill-każ tal-uffiċjal pubbliku li rriżenja jew li tkeċċa.

35

Għalhekk, fil-kawża prinċipali, bejn id-data li fiha C. Rosselle saret ħaddiema impjegata wara li kienet uffiċjal pubbliku u d-data preżunta tal-ħlas tagħha, hija ma kinitx temmet, bħala ħaddiem impjegat, is-sitt xhur ta’ perijodu ta’ prova mitluba mil-leġiżlazzjoni Belġjana. Minn dan jirriżulta li, anki jekk C. Rosselle ħadmet mingħajr interruzzjoni bħala għalliema għal diversi snin qabel ma ħadet il-leave tal-maternità tagħha, hija ġiet imċaħħda minn kull allowance tal-maternità.

36

Għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 92/85 jipprekludi lil Stat Membru milli jimponi perijodu ta’ prova ta’ sitt xhur mill-ġdid meta uffiċjal pubbliku, bħal C. Rosselle, huwa assenjat fi status mhux attiv sabiex iwettaq attività mħallsa, anki jekk dan l-uffiċjal ħadem iktar minn tnax-il xahar immedjatament qabel id-data preżunta tal-ħlas.

37

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) u (2) tagħha, id-Direttiva 92/85 hija l-għaxar direttiva speċifika fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391 u li d-dispożizzjonijiet ta’ din l-aħħar direttiva, ħlief għall-Artikolu 2(2) tagħha, japplikaw bis-sħiħ għall-qasam kollu msemmi fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 92/85. Issa, bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/391, din l-aħħar direttiva tapplika għas-setturi ta’ attività kollha, kemm pubbliċi u kemm privati. Fl-Artikolu 3(a), l-istess direttiva tiddefinixxi “ħaddiem” bħala kwalunkwe persuna impjegata minn persuna li timpjega, inklużi dawk li jkunu għaddejjin minn perijodu ta’ prova u apprentisti, iżda bl-esklużjoni ta’ domestiċi.

38

Fir-rigward tal-ifformular tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 92/85, għandu jiġi kkonstatat li dan jirreferi għal “perijodi ta’ impjieg preċedenti” bil-plural f’numru ta’ verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni. Dan huwa l-każ b’mod partikolari tal-verżjonijiet bl-Ispanjol (“períodos de trabajo previo”), bl-Ingliż (“periods of previous employment”), bil-Franċiż (“périodes de travail préalable”), bit-Taljan (“periodi di lavoro preliminare”) jew bil-Portugiż (“períodos de trabalho”).

39

Verżjonijiet lingwistiċi oħra, b’mod partikolari l-verżjonijiet bid-Daniż, bil-Ġermaniż jew bl-Olandiż, ma jeskludux l-eżistenza ta’ numru ta’ perijodi ta’ impjieg preċedenti.

40

Barra minn hekk, la t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 92/85 u lanqas l-ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma jistabbilixxu kundizzjonijiet dwar in-natura ta’ dawn il-perijodi ta’ xogħol.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-“perijodi ta’ impjieg preċedenti” msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 92/85 ma jistgħux ikunu limitati għall-impjieg partikolari ta’ qabel id-data preżunta tal-ħlas. Dawn il-perijodi ta’ xogħol għandhom jiġu interpretati bħala li jinkludu l-impjiegi suċċessivi differenti miżmuma mill-ħaddiema kkonċernata qabel dik id-data, inklużi għal persuni li jimpjegaw differenti u taħt status differenti. L-uniku rekwiżit previst minn din id-dispożizzjoni hija li l-persuna kkonċernata tkun eżerċitat impjieg wieħed jew iktar matul il-perijodu meħtieġ mid-dritt nazzjonali biex wieħed ikun intitolat għall-allowance tal-maternità, skont din id-direttiva.

42

Jirriżulta mill-ifformular tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 92/85 li Stat Membru ma jistax jimponi perijodu ta’ prova ta’ sitt xhur mill-ġdid sabiex persuna tkun intitolata għal allowance tal-maternità minħabba s-sempliċi fatt li l-ħaddiema kkonċernata bidlet l-status ta’ impjieg tagħha jew xogħolha.

43

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħed kont mhux biss tat-termini ta’ din, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenzi Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12; TNT Express Nederland, C‑533/08, EU:C:2010:243, punt 44, u Utopia, C‑40/14, EU:C:2014:2389, punt 27).

44

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan tad-Direttiva 92/85, li kienet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 118 A tat-Trattat KEE, li jikkorrispondi għall-Artikolu 153 TFUE, huwa li jippromwovi t-titjib fis-sigurtà u fis-saħħa tal-ħaddiema tqal, li welldu reċentement jew li qed ireddgħu, fuq il-post tax-xogħol (sentenzi Paquay, C‑460/06, EU:C:2007:601, punt 27; Danosa, C‑232/09, EU:C:2010:674, punt 58, u D., C‑167/12, EU:C:2014:169, punt 29).

45

F’dan il-kuntest u hekk kif jirriżulta mis-sbatax-il premessa tad-Direttiva 92/85, sabiex jiġi evitat ir-riskju li d-dispożizzjonijiet dwar il-leave tal-maternità ma jkunux effettivi jekk dawn ma jkunux akkumpanjati minn ħarsien tad-drittijiet marbuta mal-kuntratt ta’ xogħol, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, fl-Artikolu 11(2)(b) tad-Direttiva 92/85, li ż-żamma ta’ ħlas ta’, u/jew intitolament, għal allowance xierqa għall-ħaddiema li għaliha tapplika din id-direttiva għandhom jiġu żgurati fil-każ tal-leave tal-maternità msemmi fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Boyle et, C‑411/96, EU:C:1998:506, punt 30).

46

Issa, li titlob perijodu ta’ prova distint ma’ kull bidla fl-istatus jew fix-xogħol ikun qed idgħajjef il-protezzjoni minima prevista fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 92/85 meta l-ħaddiema kkonċernata ma tkunx temmet il-perijodu ta’ prova ta’ sitt xhur fl-impjieg il-ġdid tagħha, anki jekk hija wettqet perijodi ta’ impjieg iktar minn tnax-il xahar immedjatament qabel id-data preżunta tal-ħlas.

47

Fl-aħħar nett, il-Gvern Belġjan isostni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma timponix li l-ħaddiema kkonċernata tokkupa l-istess impjieg għal sitt xhur qabel kull ħlas, iżda teħtieġ li tkun ħadmet, għal mill-inqas sitt xhur, impjieg wieħed jew iktar sabiex tkun intitolata għas-sigurtà soċjali għall-impjegati. Madankollu, fir-rigward ta’ impjieg eżerċitat fil-kuntest tas-servizz pubbliku, dan ma jiġġenerax il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet għas-sigurtà soċjali tal-impjegati.

48

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fil-każ li l-ħaddiema kkonċernata tkun bidlet impjieg u saret impjegata wara li kienet uffiċjal pubbliku matul il-perijodu msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 92/85, huwa għal kull Stat Membru li jiżgura l-koordinazzjoni tal-organi differenti li jistgħu jintervjenu fil-ħlas tal-allowance tal-maternità.

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, bl-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 92/85, Stat Membru ma jistax jirrifjuta li jagħti lill-ħaddiema allowance tal-maternità minħabba li, bħala uffiċjal pubbliku li tkun kisbet status mhux attiv għal raġunijiet personali sabiex twettaq attività mħallsa, hija ma tkunx laħqet, fil-kuntest ta’ din l-attività mħallsa, il-perijodu ta’ prova previst mid-dritt nazzjonali sabiex tibbenefika minn din l-allowance tal-maternità, anki jekk hija tkun ħadmet għal iktar minn tnax-il xahar immedjatament qabel id-data preżunta tal-ħlas.

Fuq id-Direttiva 2006/54

50

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għad-domanda fir-rigward tad-Direttiva 92/85, ma hemmx lok li tingħata risposta għal din l-istess domanda fir-rigward tad-Direttiva 2006/54.

51

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 92/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jirrifjuta li jagħti lill-ħaddiema allowance tal-maternità minħabba li, bħala uffiċjal pubbliku li tkun kisbet status mhux attiv għal raġunijiet personali sabiex twettaq attività mħallsa, hija ma tkunx laħqet, fil-kuntest ta’ din l-attività mħallsa, il-perijodu ta’ prova previst mid-dritt nazzjonali sabiex tibbenefika minn din l-allowance tal-maternità, anki jekk hija tkun ħadmet għal iktar minn tnax-il xahar immedjatament qabel id-data preżunta tal-ħlas.

Fuq l-ispejjeż

52

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE), għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jirrifjuta li jagħti lill-ħaddiema allowance tal-maternità minħabba li, bħala uffiċjal pubbliku li tkun kisbet status mhux attiv għal raġunijiet personali sabiex twettaq attività mħallsa, hija ma tkunx laħqet, fil-kuntest ta’ din l-attività mħallsa, il-perijodu ta’ prova previst mid-dritt nazzjonali sabiex tibbenefika minn din l-allowance tal-maternità, anki jekk hija tkun ħadmet għal iktar minn tnax-il xahar immedjatament qabel id-data preżunta tal-ħlas.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top