Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0052

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-11 ta’ Ġunju 2015.
Pfeifer & Langen GmbH & Co. KG vs Bundesanstalt für Landwirtschaft und Ernährung.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea — Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 — Artikolu 3(1) — Terminu ta’ preskrizzjoni — Dies a quo — Irregolaritajiet ripetuti — Interruzzjoni tal-preskrizzjoni — Kundizzjonijiet — Awtorità kompetenti — Persuna inkwistjoni — Att intiż għall-investigazzjoni jew għall-azzjoni ġudizzjarja kontra l-irregolarità — Terminu ugwali għad-doppju tat-terminu ta’ preskrizzjoni.
Kawża C-52/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:381

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

11 ta’ Ġunju 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea — Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 — Artikolu 3(1) — Terminu ta’ preskrizzjoni — Dies a quo — Irregolaritajiet ripetuti — Interruzzjoni tal-preskrizzjoni — Kundizzjonijiet — Awtorità kompetenti — Persuna inkwistjoni — Att intiż għall-investigazzjoni jew għall-azzjoni ġudizzjarja kontra l-irregolarità — Terminu ugwali għad-doppju tat-terminu ta’ preskrizzjoni”

Fil-Kawża C-52/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein‑Westfalen (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Jannar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Frar 2014, fil-proċedura

Pfeifer & Langen GmbH & Co. KG

vs

Bundesanstalt für Landwirtschaft und Ernährung,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Jürimäe (Relatur), J. Malenovský, M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑7 ta’ Jannar 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Pfeifer & Langen GmbH & Co. KG, minn D. Ehle, Rechtsanwalt,

għall-Bundesanstalt für Landwirtschaft und Ernährung, minn W. Wolski u J. Jakubiec, bħala aġenti,

għall-Gvern Grieg, minn I. Chalkias kif ukoll minn E. Leftheriotou u O. Tsirkinidou, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Rossi u G. von Rintelen, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Pfeifer & Langen GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Pfeifer & Langen”) u l-Bundesanstalt für Landwirtschaft und Ernährung (Uffiċċju federali għall-agrikoltura u għall-ikel, iktar ’il quddiem il-“BLE”), fir-rigward tar-restituzzjoni tar-rimborsi tal-ispejjeż ta’ ħażna li nġabru indebitament minn Pfeifer & Langen għad-detriment tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KEE) Nru 1998/78

3

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1998/78, tat-18 ta’ Awwissu 1978, li jippreskrivi regoli dettaljati għat-tpaċija ta’ spejjeż ta’ ħażniet għaz-zokkor (ĠU L 351, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1714/88, tat-13 ta’ Ġunju 1988 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 8, p. 70, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1998/78”) jipprovdi:

“Kull persuna li għandha dritt għar-rimbors għandu jikkomunika sa mhux iktar tard mill‑15 ta’ kull xahar lill-Istat Membru inkwistjoni:

a)

it-totalità tal-kwantitajiet f’piż net ta’ zokkor u ta’ xiropp li huwa suġġett għal rimbors li jkun jinsab fil-ħażna tagħha f’nofsillejl fl-aħħar ġurnata tax-xahar li jippreċedi dak tal-komunikazzjoni;

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Ir-Regolament Nru 2988/95

4

It-tielet sal‑ħames premessi tar-Regolament Nru 2988/95 jiddikjaraw:

“[...] atti li huma ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-[Unjoni] għandhom [...] jiġu ribattuti fl-oqsma kollha;

[...] l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-[Unjoni] titlob li jiġu promulgati sett ta’ regoli legali komuni għall-oqsma kollha koperti mill-politika tal-[Unjoni];

[...] mġiba mhux regolari, u l-miżuri u penalitajiet relatati, hemm provdut dwarhom f’regoli settorjali skont dan ir-Regolament.”

5

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.   Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-[Unjoni], qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-[Unjoni].

2.   ‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-[Unjoni] li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-[Unjoni] jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-[Unjoni], jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.”

6

Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Il-perjodu tal-limitazzjoni għall-proċeduri għandu jkun ta’ erba’ snin minn meta l-irregolarità li ssir msemmija f’Artikolu 1(1) tkun ġiet kommessa. Madankollu, ir-regoli settorjali jistgħu jipprovdu għal perjodu iqsar li ma jistax ikun anqas minn tliet snin.

F’każ ta’ irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti, it-terminu tal-limitazjoni għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih tieqaf l-irregolarità. [...]

It-terminu tal-limitazjoni għandu jiġi interrott bi kwalsiasi att ta’ l-awtorità kompetenti, notifikat lill-persuna in kwestjoni, li jkollha x’taqsam ma’ l-investigazzjoni jew proċeduri legali dwar l-irregolarità. It-terminu għandu jibda jiddekorri mill-ġdid wara kull att li jinterrompih.

Madankollu, il-limitazzjoni għandha ssir effettiva mhux aktar tard mil-jum li fih perjodu li jkun id-doppju tal-perjodu tat-terminu jiskadi mingħajr ma l-awtorità kompetenti tkun imponiet penali, ħlief fejn il-proċedura amministrattiva tkun ġiet sospiża skont Artikolu 6(1).”

7

Skont l-Artikolu 4(1) u (4) tal-istess regolament:

“1.   Bħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ miksub b’mod skorrett:

permezz ta’ obbligu li min ikun iħallas jew iħallas lura l-ammonti dovuti jew aċċettati b’mod skorrett,

[...]

4.   Il-miżuri kif hemm provdut f’dan l-Artikolu m’għandhomx jitqiesu bħala penali.”

8

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 2988/95 huwa fformulat kif ġej:

“Mingħajr preġudizzju għall-miżuri amministrattivi u l-penali tal-Komunità adottati abbazi tar-regoli settorjali li jkunu jeżistu fil-waqt tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-imposizzjoni ta’ penalitajiet finanzjarji bħal multi amministrattivi tista’ tiġi sospiża b’deċiżjoni ta’ l-awtorità kompetenti jekk ikunu nbdew proċeduri kriminali kontra l-persuna kkonċernata in konnessjoni mal-istess fatti. Is-sospensjoni tal-proċeduri amministrattivi għandha tissospendi l-perjodu tal-limitazzjoni li hemm provdut f’Artikolu 3.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Pfeifer & Langen, impriża ta’ pproċessar taz-zokkor, ibbenefikat minn rimbors tal-ispejjeż ta’ ħażna ta’ zokkor mill-abjad, fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq taz-zokkor, għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1987/1988 sa 1996/1997.

10

Fid‑9 ta’ Ottubru 1997, kontroll magħmul mill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi għand Pfeifer & Langen żvela li din tal-aħħar kienet naqset milli tindika, fit-talbiet tagħha ta’ rimbors tal-ispejjeż ta’ ħażna għal dawn l-istess snin ta’ kummerċjalizzazzjoni, ċerti kwantitajiet ta’ zokkor prodotti lil hinn mill-kwoti ta’ produzzjoni, jiġifieri z-zokkor C, b’tali mod li hija kienet talbet u kisbet ċertu numru ta’ rimborsi indebiti. Wara li seħħ dan il-kontroll, infetħet investigazzjoni kriminali kontra r-responsabbli ta’ Pfeifer & Langen minħabba frodi fiskali u frodi fuq is-sussidji għall-ħażna taz-zokkor.

11

Fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, ġiet stabbilita kummissjoni speċjali tad-dipartiment tal-investigazzjonijiet doganali, li jinkludi rappreżentanti tal-amministrazzjonijiet differenti kkonċernati, fosthom il-BLE. Fix-xahar ta’ Ottubru 1999, din il-kummissjoni speċjali pproċediet għas-sekwestru, għal evalwazzjoni, ta’ dokumenti li jappartjenu lil Pfeifer & Langen relatati mas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1987/1988 sa 1996/1997. Matul is-sena 2000, l-imsemmija kummissjoni, barra minn hekk, semgħet ix-xhieda ta’ ħafna impjegati ta’ din il-kumpannija.

12

Fix-xahar ta’ Frar 2002, il-BLE stabbilixxiet rapport finali li jirrigwarda l-frodi fuq is-sussidji (iktar ’il quddiem ir-“rapport finali”). Dan ir-rapport ikkonkluda, b’mod partikolari, li l-fatti kkonstatati mill-kummissjoni speċjali jistabbilixxu Pfeifer & Langen talbet u rċeviet somom b’mod indebitu bħala rimbors tal-ispejjeż ta’ ħażna ta’ zokkor mill-abjad għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1987/1988 sa 1996/1997.

13

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Jannar 2003, il-BLE, abbażi tar-rapport finali, annullat parzjalment id-deċiżjonijiet relatati mal-kalkolu tar-rimborsi tal-ispejjeż ta’ ħażna għas-snin ta’ Lulju 1988 sa Ġunju 1989 u rrikjediet minn Pfeifer & Langen ir-restituzzjoni tas-somom miġbura mod indebitu. Għalhekk Pfeifer & Langen ressqet ilment quddiem il-BLE, fejn sostniet b’mod partikolari li l-irregolaritajiet li bihom ġiet akkużata għas-snin 1988/1989 kienu saru preskritti.

14

Matul is-sena 2004, l-awtoritajiet doganali temmew kull azzjoni ġudizzjarja relatata mal-frodi fiskali wara li ntlaħaq ftehim bonarju ma’ Pfeifer & Langen.

15

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Ottubru 2006, il-BLE laqgħet parzjalment l-ilment ta’ Pfeifer & Langen u, konsegwentement, naqset is-somom li kellhom jiġu rrestitwiti. Madankollu dan l-uffiċċju kkunsidra li l-irregolaritajiet relatati mas-snin 1988/1989 ma kinux preskritti, peress li t-terminu ta’ erba’ snin previst fl‑Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 ġie interrot permezz tal-atti varji ta’ istruzzjoni jew ta’ azzjoni ġudizzjarja fir-rigward ta’ dawn l-istess irregolaritajiet, hekk kif adottati mill-kummissjoni speċjali tal-awtoritajiet doganali u mill-prosekuzzjoni. Barra minn hekk, il-BLE ikkunsidrat li l-aġir ta’ Pfeifer & Langen kellu jitqies bħala irregolaritajiet ripetuti, b’tali mod li t-terminu ta’ preskrizzjoni kellu jibda jiddekorri biss mill-aħħar irregolarità kkonstatata, matul is-sena 1997.

16

Fis‑7 ta’ Novembru 2006, Pfeifer & Langen ippreżentat rikors kontra din l-aħħar deċiżjoni tal-BLE quddiem il-Verwaltungsgericht Köln (tribunal amministrattiv ta’ Köln). Fir-rikors tagħha, din il-kumpannija sostniet, b’mod partikolari, li, fir-rigward tal-irregolaritajiet li bihom ġiet akkużata għas-snin 1988/1989, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tmien snin previst fir-raba’ subparagrafu tal‑Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 kien skada fix-xahar ta’ Lulju 1997, mingħajr ma kienet ġiet deċiża ebda sanzjoni kontriha qabel din l-iskadenza.

17

Peress li l-Verwaltungsgericht Köln ċaħdet ir-rikors ta’ Pfeifer & Langen sa fejn jikkonċerna l-preskrizzjoni tal-azzjonijiet, l-imsemmija kumpannija appellat quddiem il-qorti tar-rinviju.

18

Skont din l-aħħar qorti, l-eżitu tal-appell ta’ Pfeifer & Langen jiddependi mill-interpretazzjoni tar-regoli relatati mat-terminu ta’ preskrizzjoni previsti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (tribunal superjuri amministrattiv tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

a)

Fil-qasam tas-sospensjoni tal-preskrizzjoni, l-‘awtoritajiet kompetenti’ fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 huma dawk li għandhom il-kompetenza fil-qasam tal-investigazzjoni jew tal-proċeduri legali, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk dawn akkordawx il-mezzi finanzjarji?

b)

L-att tal-investigazzjoni jew tal-proċeduri legali għandu jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura jew ta’ sanzjoni amministrattiva?

2)

Il-‘persuna in kwistjoni’ fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 tista’ tkun ukoll impjegat ta’ impriża li jkun instema’ bħala xhud?

3)

a)

‘[K]walsiasi att [...] notifikat lill-persuna in kwistjoni, li jkollha x’taqsam ma’ l-investigazzjoni jew proċeduri legali dwar l-irregolarità’ [it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95] għandu jipprevedi żball konkret imwettaq mill-manifattur taz-zokkor fir-reġistrazzjoni tal-produzzjoni taz-zokkor (settijiet ta’ fatti), li normalment huwa previst jew ikkonstatat biss fl-ambitu ta’ investigazzjoni regolarment imwettqa fil-kuntest ta’ organizzazzjoni tas-swieq?

b)

Rapport finali li jagħlaq l-investigazzjoni jew li jevalwa r-riżultati tal-investigazzjoni, li fiha ma ssir ebda mistoqsija oħra fir-rigward ta’ ċerti fatti, jista’ wkoll ikun ‘att ta’ investigazzjoni’ [innotifikat lill-persuna inkwistjoni]?

4)

a)

Il-kunċett ta’ ‘irregolaritajiet ripetuti’ fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jeżiġi li l-atti jew l-ommissjonijiet ikklassifikati bħala irregolaritajiet ikollhom rabta kronoloġika stretta sabiex ikun jista’ jibqa’ jitqies li hemm ‘repetizzjoni’?

b)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva: Din ir-rabta kronoloġika stretta tonqos, inter alia, minħabba li l-irregolarità fir-reġistrazzjoni ta’ kwantità ta’ zokkor isseħħ biss darba matul sena [ta’ kummerċjalizzazzjoni] u din tiġi ripetuta biss matul is-sena [ta’ kummerċjalizzazzjoni] ta’ wara jew sena sussegwenti?

5)

L-element ta’ repetizzjoni fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 jista’ ma jibqax jeżisti minħabba l-fatt li l-awtoritajiet kompetenti, fid-dawl tal-kumplessità tal-fatti, ma ssuġġettawx lill-impriża għal investigazzjoni, skont il-każ għal investgazzoni regolari jew fid-dettall?

6)

Meta jibda jiddekorri t-terminu doppju ta’ preskrizzjoni ta’ 8 snin previst fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 fil-każ ta’ irregolaritajiet kontinwi jew repetuti? Dan it-terminu jibda jiddekorri fi tmiem kull att li għandu jitqies bħala irregolarità [l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament], jew fi tmiem l-aħħar att repetut [it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament]?

7)

It-terminu doppju ta’ 8 snin previst fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jista’ jiġi sospiż b’atti ta’ investigazzjoni jew ta’ proċeduri legali mill-awtoritajiet kompetenti?

8)

Fil-preżenza ta’ settijiet ta’ fatti differenti li jinfluwenzaw l-evalwazzjoni tas-sussidji, it-termini ta’ preskrizzjoni li għandhom jiġu kkalkolati skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandhom jiġu ddeterminati b’mod distint għal kull sett ta’ fatti (irregolaritajiet)?

9)

Id-dekorrenza tat-terminu doppju ta’ preskrizzjoni fis-sens tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 tiddependi mill-għarfien li l-awtoritjaiet ikollhom tal-irregolaritajiet?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

20

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 2988/95 jintroduċi, konformement mal-Artikolu 1 tiegħu, “regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-[Unjoni]” u dan, hekk kif jirriżulta mit-tielet premessa tal-imsemmi regolament, sabiex “atti li huma ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-[Unjoni] jiġu ribattuti fl-oqsma kollha” (ara s-sentenzi Handlbauer, C‑278/02, EU:C:2004:388, punt 31; Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et, C‑278/07 sa C‑280/07, EU:C:2009:38, punt 20, kif ukoll Pfeifer & Langen, C‑564/10, EU:C:2012:190, punt 36).

21

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jistabbilixxi terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjonijiet ta’ erba’ snin mit-twettiq tal-irregolarità jew, fil-każ ta’ irregolarità kontinwa jew ripetuta, mill-ġurnata li fiha ntemmet l-irregolarità. Madankollu, skont din id-dispożizzjoni, il-leġiżlazzjonijiet settorjali jistgħu jipprovdu għal terminu iqsar li ma jistax ikun inqas minn tliet snin.

22

Peress li l-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti fil-kawża prinċipali, ikkostitwita minn regoli tal-Unjoni relatati mat-tpaċija tal-ispejjeż ta’ ħażna fis-settur taz-zokkor u, b’mod partikolari, tar-Regolament Nru 1998/78, ma tipprevedix dispożizzjonijiet partikolari fil-qasam ta’ preskrizzjoni, għandu jiġi applikat it-terminu ta’ erba’ snin imsemmi fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

23

Dan it-terminu huwa applikabbli kemm għall-irregolaritajiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva, fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll għal irregolaritajiet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, suġġetti għal miżura amministrattiva li tikkonsisti fit-tneħħija tal-vantaġġ miksub b’mod indebitu, konformement mal-Artikolu 4 tar-regolament imsemmi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Handlbauer, C‑278/02, EU:C:2004:388, punti 33 u 34; Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et, C‑278/07 sa C‑280/07, EU:C:2009:38, punt 22, kif ukoll Cruz & Companhia, C‑341/13, EU:C:2014:2230, punt 45).

24

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li t-terminu msemmi fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 huwa intiż sabiex jiżgura ċ-ċertezza legali tal-operaturi ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Handlbauer, C‑278/02, EU:C:2004:388, punt 40, kif ukoll SGS Belgium et, C‑367/09, EU:C:2010:648, punt 68). Fil-fatt, huma għandhom ikunu jistgħu jiddeterminaw, minn fost l-operazzjonijiet tagħhom, dawk li huma definittivament magħluqa u dawk li għadhom suġġetti għal azzjoni ġudizzjarja.

25

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ewwel domanda (a)

26

Permezz tal-ewwel domanda (a), il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “awtorità kompetenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jinftiehem bħala l-awtorità li għandha l-kompetenza, skont id-dritt nazzjonali, li tattribwixxi jew li tirkupra s-somom indebitament irċevuti għad-detriment tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

27

F’dan ir-rigward, mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont id-dritt Ġermaniż, il-BLE huwa kompetenti għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ ħażna u għall-irkupru tar-rimborsi indebitament irċevuti, filwaqt li l-awtoritajiet doganali għandhom setgħa ta’ investigazzjoni fil-qasam tal-frodi fuq ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ ħażna. B’hekk dawn l-aħħar awtoritajiet adottaw l-essenzjal tal-atti relatati mal-investigazzjoni u mal-azzjonijiet legali kontra l-irregolaritajiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

28

F’dan il-kuntest, Pfeifer & Langen tqis li BLE biss għandu jiġi kkunsidrat, f’dan il-każ, bħala l-“awtorità kompetenti”, fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, peress li huwa biss għandu s-setgħa ta’ għoti u ta’ rkupru tar-rimborsi tal-ispejjeż ta’ ħażna. Għalhekk l-atti ta’ investigazzjoni jew ta’ azzjoni ġudizzjarja adottati mill-awtoritajiet doganali ma kellhomx bħala effett li jinterrompu l-preskrizzjoni tal-azzjonijiet legali fil-kawża prinċipali.

29

Għandu jitfakkar li, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, il‑preskrizzjoni tal-azzjonijiet ġudizzjarji hija interrotta b’kull att tal-awtorità kompetenti, innotifikat lill-persuna inkwistjoni u li jirrigwarda l-investigazzjoni jew l-azzjoni ġudizzjarja relatata mal-irregolarità.

30

Fir-rigward ta’ din il-formulazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ “awtorità kompetenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jindika lill-awtorità li għandha l-kompetenza sabiex tadotta l-atti ta’ investigazzjoni jew ta’ azzjoni ġudizzjarja inkwistjoni.

31

Min-naħa l-oħra, xejn fil-kliem tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 ma jagħti lil wieħed x’jifhem li din l-awtorità għandha tkun l-istess bħal dik kompetenti sabiex tagħti jew tirkupra s-somom indebitament irċevuti għad-detriment tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

32

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fl-assenza ta’ regoli ta’ dritt tal-Unjoni, huwa kull Stat Membru li għandu l-obbligu jaħtar lill-awtoritajiet kompetenti, skont id-dritt nazzjonali, għall-adozzjoni tal-atti ta’ investigazzjoni jew ta’ azzjoni ġudizzjarja kontra l-irregolaritajiet, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95. Konsegwentement, l-Istati Membri għandhom il-libertà li jagħtu s-setgħa għat-tressiq ta’ azzjonijiet ġudizzjarji kontra l-irregolaritajiet lil awtorità differenti minn dik li tagħti jew tirkupra, f’dan il-każ, ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ ħażna, suġġett għall-ħtieġa li f’din iċ-ċirkustanza dawn l-Istati ma jippreġudikawx l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni.

33

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda (a) għandha tkun li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “awtorità kompetenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jinftiehem bħala l-awtorità li għandha kompetenza, skont id-dritt nazzjonali, li tadotta l-atti ta’ investigazzjoni jew ta’ azzjoni ġudizzjarja inkwistjoni, fejn din l-awtorità tista’ tkun differenti minn dik li tagħti jew li tirkupra s-somom indebitament irċevuti għad-detriment tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Fuq it-tieni domanda

34

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li atti intiżi għall-investigazzjoni jew għall-azzjoni ġudizzjarja kontra irregolarità ġewx innotifikati lill-“persuna in kwistjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta, peress li din tal-aħħar hija persuna ġuridika, dawn l-atti ġew ikkomunikati lil impjegati tal-imsemmija persuna fil-kuntest tas-smigħ tagħhom bħala xhieda.

35

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li numru ta’ impjegati ta’ Pfeifer & Langen instemgħu bħala xhieda matul il-proċedura ta’ investigazzjoni kontra din tal-aħħar. F’dan il-kuntest, din il-qorti tistaqsi jekk huwiex biżżejjed, għall-finijiet tal-interruzzjoni tal-preskrizzjoni tal-azzjonijiet ġudizzjarji kontra l-irregolaritajiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-atti ta’ investigazzjoni jew ta’ azzjoni ġudizzjarja ġewx innotifikati lil dawn il-persuni.

36

Qabel kollox, għandu jiġi osservat li mill-formulazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jirriżulta li l-kunċett ta’ “persuna in kwistjoni” jirreferi għall-operatur ekonomiku ssuspettat li wettaq l-irregolaritajiet suġġetti għal investigazzjoni jew għal azzjoni ġudizzjarja, jiġifieri, f’dan il-każ, Pfeifer & Langen.

37

Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 2988/95 ma jipprovdix regoli speċifiċi relatati mal-modalitajiet dwar kif att ta’ “investigazzjoni jew proċeduri legali”, fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi nnotifikat lill-persuna inkwistjoni.

38

Din il-kundizzjoni għandha titqies li ġiet issodisfatta meta numru ta’ elementi fattwali jippermettu li jiġi konkluż li l-atti ta’ investigazzjoni jew ta’ azzjoni ġudizzjarja kkonċernati jkunu ġew effettivament innotifikati lill-persuna inkwistjoni. Fir-rigward ta’ persuna ġuridika, din il-kundizzjoni hija ssodisfatta jekk l-att ikkonċernat ikun effettivament ġie nnotifikat lil persuna li l-aġir tagħha jista’ jiġi attribwit, konformement mad-dritt nazzjonali, lil din il-persuna ġuridika, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

39

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li atti intiżi għall-investigazzjoni jew għall-azzjoni ġudizzjarja kontra irregolarità ġew innotifikati lill-“persuna in kwistjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta numru ta’ elementi fattwali jippermettu li jiġi konkluż li l-atti ta’ investigazzjoni jew ta’ azzjoni ġudizzjarja kkonċernati effettivament ġew innotifikati lill-persuna inkwistjoni. Fir-rigward ta’ persuna ġuridika, din il-kundizzjoni hija ssodisfatta jekk l-att ikkonċernat ikun effettivament ġie nnotifikat lil persuna li l-aġir tagħha jista’ jiġi attribwit, konformement mad-dritt nazzjonali, lil din il-persuna ġuridika, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ewwel domanda (b) u t-tielet domanda

40

Permezz tal-ewwel domanda (b) u tat‑tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandux jiġi interpretat, minn naħa, fis-sens li att għandu jirrigwarda irregolarità konkreta mwettqa mill-operatur kif ukoll l-adozzjoni ta’ miżura jew ta’ sanzjoni amministrattiva sabiex jiġi kkwalifikat bħala att ta’ “investigazzjoni jew proċeduri legali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, min-naħa l-oħra, jekk rapport, bħar-rapport finali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jevalwa r-riżultati ta’ investigazzjoni dwar suspetti ta’ irregolaritajiet, mingħajr ma jindirizza talba għal informazzjoni addizzjonali lill-persuna inkwistjoni fir-rigward tal-operazzjonijiet imsemmija, jistax jikkostitwixxi att ta’ dan it-tip.

41

Fir-rigward tal-kunċett ta’ att ta’ “investigazzjoni jew proċeduri legali”, fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li terminu ta’ preskrizzjoni, bħal dak previst f’din id-dispożizzjoni, għandu l-funzjoni li jiżgura ċ-ċertezza legali u li tali funzjoni ma tiġix għal kollox issodisfatta li kieku dan it-terminu seta’ jiġi interrott minn kull att ta’ kontroll ta’ natura ġenerali tal-amministrazzjoni nazzjonali mingħajr rabta mas-suspetti ta’ irregolaritajiet li jaffettwaw l-operazzjonijiet iddefiniti bi preċiżjoni suffiċjenti (ara s-sentenza SGS Belgium et, C‑367/09, EU:C:2010:648, punt 68).

42

Min-naħa l-oħra, meta l-awtoritajiet nazzjonali jittrażmettu lil persuna rapport li jispjega irregolarità li għaliha hija kkontribwixxiet b’rabta ma’ operazzjoni speċifika, fejn jitolbuha tagħtihom informazzjoni addizzjonali li tirrigwarda din l-operazzjoni jew ulterjorment timponilha multa b’rabta mal-imsemmija operazzjoni, dawn l-awtoritajiet jadottaw atti suffiċjentement preċiżi intiżi għall-investigazzjoni jew għal azzjoni ġudizzjarja kontra l-irregolarità, fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 (sentenzi SGS Belgium et, C‑367/09, EU:C:2010:648, punt 69, kif ukoll Chambre de commerce et d’industrie de l’Indre, C‑465/10, EU:C:2011:867, punt 61).

43

Għalhekk att għandu jiddefinixxi bi preċiżjoni suffiċjenti l-operazzjonijiet li fuqhom hemm is-suspetti ta’ irregolaritajiet sabiex jikkostitwixxi att ta’ “investigazzjoni jew proċeduri legali”, fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95. Dan ir-rekwiżit ta’ preċiżjoni madankollu ma jirrikjedix li l-imsemmi att isemmi l-possibbiltà tal-impożizzjoni ta’ sanzjoni jew ta’ miżura amministrattiva partikolari.

44

Madankollu l-qorti tar-rinviju tenfasizza li s-sentenzi SGS Belgium et (C-367/09, EU:C:2010:648) kif ukoll Chambre de commerce et d’industrie de l’Indre (C‑465/10, EU:C:2011:867) jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jimplikaw li rapport, bħar-rapport finali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu neċessarjament jinkludi talba għal informazzjoni addizzjonali indirizzata lill-persuna inkwistjoni sabiex tikkostitwixxi att ta’ “investigazzjoni jew proċeduri legali”, fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

45

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, f’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet il-ħsieb telenka, bħala eżempju, atti li fir-rigward tagħhom jista’ jitqies li jiddefinixxu bi preċiżjoni suffiċjenti l-operazzjonijiet li dwarhom hemm suspetti ta’ irregolaritajiet.

46

Minn dan jirriżulta li rapport, bħar-rapport finali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jitqies li huwa att ta’ “investigazzjoni jew proċeduri legali”, fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, jekk jiddefinixxi bi preċiżjoni suffiċjenti l-operazzjonijiet li dwarhom hemm suspetti ta’ irregolaritajiet, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, u dan minkejja l-fatt li huwa ma jinkludix talba għal informazzjoni addizzjonali indirizzata lill-persuna inkwistjoni.

47

Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda (b) u għat-tielet domanda għandha tkun li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li att għandu jiddefinixxi bi preċiżjoni suffiċjenti l-operazzjonijiet li dwarhom hemm suspetti ta’ irregolaritajiet sabiex jiġi kkwalifikat bħala att ta’ “investigazzjoni jew proċeduri legali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Dan ir-rekwiżit ta’ preċiżjoni madankollu ma jirrikjedix li l-imsemmi att isemmi l-possibbiltà tal-impożizzjoni ta’ sanzjoni jew ta’ miżura amministrattiva partikolari. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk ir-rapport inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfax din il-kundizzjoni.

Fuq ir-raba ’ u t-tmien domandi

48

Permezz tar-raba’ u t-tmien domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, numru ta’ irregolaritajiet għandhom ikunu marbuta b’relazzjoni kronoloġika stretta sabiex jitqiesu li jikkostitwixxu irregolarità ripetuta, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, min-naħa l-oħra, irregolaritajiet relatati mal-kalkolu tal-kwantitajiet ta’ zokkor maħżuna mill-manifattur, li seħħew matul snin ta’ kummerċjalizzazzjoni differenti, jagħtu lok għal dikjarazzjonijiet żbaljati dwar l-imsemmija kwantitajiet mill-istess manifattur, u, minħabba f’hekk, il-ħlas ta’ somom indebiti bħala rimbors tal-ispejjeż ta’ ħażna, jistgħu jikkostitwixxu irregolarità ripetuta, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

49

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, irregolarità hija “kontinw[a] jew ripetut[a]”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, meta titwettaq minn operatur li jikseb vantaġġi ekonomiċi minn numru ta’ operazzjonijiet simili li jiksru l-istess dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza Vonk Dairy Products, C‑279/05, EU:C:2007:18, punt 41).

50

Fir-rigward ta’ din id-definizzjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, qabel kollox, dwar il-ħtieġa ta’ relazzjoni kronoloġika stretta bejn żewġ irregolaritajiet jew numru ta’ irregolaritajiet sabiex dawn jikkostitwixxu irregolarità ripetuta fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95. F’dan il-każ, skont din il-qorti, uħud mill-operazzjonijiet li bihom hija akkużata r-rikorrenti seħħew biss matul snin ta’ kummerċjalizzazzjoni differenti.

51

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie indikat fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, it-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 huwa intiż sabiex jiżgura ċertezza legali tal-operaturi, peress li huma għandhom ikunu f’pożizzjoni li jiddeterminaw, minn fost l-operazzjonijiet tagħhom, dawk li huma definittivament magħluqa u dawk li għadhom suġġetti għal azzjoni ġudizzjarja.

52

Issa, hemm lok li jiġi kkunsidrat li irregolaritajiet ma jistgħux jikkostitwixxu irregolarità ripetuta, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, jekk ikunu separati minn perijodu li jkun iktar mit-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin previst fl-ewwel subparagrafu ta’ dan l-istess paragrafu. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, dawn l-irregolaritajiet separati ma jippreżentawx relazzjoni kronoloġika stretta biżżejjed. Fl-assenza ta’ att ta’ investigazzjoni jew ta’ azzjoni ġudizzjarja tal-awtorità kompetenti, operatur jista’ għalhekk leġittimament iqis li l-ewwel waħda minn dawn l-irregolaritajiet saret preskritta. Min-naħa l-oħra, tali relazzjoni kronoloġika teżisti meta t-tul ta’ żmien li jissepara kull irregolarità mill-preċedenti jibqa’ inferjuri għall-imsemmi terminu ta’ preskrizzjoni.

53

Sussegwentement, fir-rigward tal-kwalifika tal-irregolaritajiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fir-rigward tad-dritt nazzjonali tal-prova applikabbli għall-kawża prinċipali u sa fejn ma tiġix ippreġudikata l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni, l-elementi li jikkostitwixxu irregolarità kontinwa jew ripetuta, imfakkra fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, humiex issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Vonk Dairy Products, C‑279/05, EU:C:2007:18, punt 43). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lil din il-qorti, abbażi tal-elementi li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi ta’ interpretazzjoni li jistgħu jippermettu lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi.

54

F’dan ir-rigward, b’mod partikolari, jidher li l-irregolaritajiet li bihom hija akkużata Pfeifer & Langen kollha jikkontribwixxu għan-natura żbaljata tad-dikjarazzjonijiet ipprovduti minn din il-kumpannija fir-rigward tal-kwalifika mogħtija lil parti mill-produzzjoni tagħha ta’ zokkor mill-abjad li għaliha talbet ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ ħażna (kwoti A u/jew B pjuttost milli zokkor C). Għalhekk, dawn l-irregolaritajiet jistgħu jikkostitwixxu ksur ripetut tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1998/78, li jimponi fuq il-manifattur taz-zokkor obbligu ta’ dikjarazzjoni tal-ħażniet eliġibbli għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ ħażna.

55

Għaldaqstant ma jistax jiġi eskluż li l-irregolaritajiet li bihom hija akkużata Pfeifer & Langen fil-kawża prinċipali flimkien jikkostitwixxu irregolarità ripetuta, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, liema fatt għandu madankollu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

56

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ u għat-tmien domandi għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tar-relazzjoni kronoloġika li permezz tagħha irregolaritajiet għandhom ikunu marbuta sabiex jikkostitwixxu irregolarità ripetuta, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa biss rikjest li t-tul ta’ żmien li jissepara kull irregolarità minn dik preċedenti jibqa’ inferjuri għat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-ewwel subparagrafu ta’ dan l-istess paragrafu. Irregolaritajiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, relatati mal-kalkolu tal-kwantitajiet ta’ zokkor maħżuna mill-manifattur, li seħħew matul snin ta’ kummerċjalizzazzjoni differenti, li ta lok għal dikjarazzjonijiet żbaljati tal-imsemmija kwantitajiet minn dan l-istess manifattur, u, minħabba f’hekk, għall-ħlas ta’ somom indebiti bħala rimbors tal-ispejjeż ta’ ħażna, jikkostitwixxu, bħala prinċipju, irregolarità ripetuta, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq il-ħames domanda

57

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kwalifika ta’ numru ta’ irregolaritajiet bħala “irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hijiex eskluża fl-ipoteżi fejn l-awtoritajiet kompetenti ma ssuġġettawx lill-persuna inkwistjoni għal kontrolli regolari u ddettaljati.

58

Skont Pfeifer & Langen, il-BLE naqas mill-obbligu tiegħu ta’ diliġenza billi ma ssuġġettahiex għal kontrolli regolari u ddettaljati matul is-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Hija ssostni li dan l-uffiċċju ma jistax, f’ċirkustanzi bħal dawn, jinvoka n-natura kontinwa jew ripetuta ta’ irregolaritajiet biex idewwem il-preskrizzjoni tal-azzjonijiet ġudizzjarji.

59

Hekk kif inhu mfakkar fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, “irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, huma kkaratterizzati biss mill-fatt li operatur jikseb vantaġġi ekonomiċi minn numru ta’ operazzjonijiet simili li jiksru l-istess dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

60

Minn dan jirriżulta li dan il-kunċett huwa bbażat fuq kriterji oġġettivi, li jaqgħu taħt din il-kategorija ta’ irregolaritajiet, u li huma indipendenti mill-aġir tal-amministrazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-operatur inkwistjoni. B’mod partikolari, il-kwalifika ta’ numru ta’ irregolaritajiet bħala “irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, ma tistax tiddependi mill-fatt li l-awtoritajiet kompetenti ssuġġettawx jew le lill-persuna inkwistjoni għal kontrolli regolari u ddettaljati.

61

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwalifika ta’ numru ta’ irregolaritajiet bħala “irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma hijiex eskluża fl-ipoteżi fejn l-awtoritajiet kompetenti ma ssuġġettawx lill-persuna inkwistjoni għal kontrolli regolari u ddettaljati.

Fuq is-sitta u d-disa ’ domandi

62

Permezz tas-sitt u tad-disa’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li t-terminu previst f’dan is-subparagrafu jiddekorrix, fir-rigward tal-irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti, mill-ġurnata fejn intemmet l-aħħar irregolarità, jew mill-ġurnata fejn kull waħda mill-irregolaritajiet differenti ripetuti twettqet, jew ulterjorment mill-ġurnata fejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ħadu konjizzjoni ta’ dawn l-irregolaritajiet.

63

Qabel kollox, kemm mill-kliem kif ukoll mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jirriżulta li din id-dispożizzjoni timponi, fir-raba’ subparagrafu tagħha, limitu assolut li japplika għall-preskrizzjoni tal-azzjonijiet ġudizzjarji kontra irregolarità, fejn din il-preskrizzjoni tiddekorri sa mhux iktar tard mill-ġurnata fejn terminu ta’ żmien ugwali għad-doppju ta’ dak previst fl-ewwel subparagrafu ta’ din l-istess dispożizzjoni jasal sabiex jiskadi mingħajr ma l-awtorità kompetenti tkun iddeċidiet sanzjoni, ħlief fil-każ fejn il-proċedura amministrattiva tkun ġiet sospiża konformement mal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament.

64

It-terminu previst fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament għalhekk jikkontribwixxi sabiex isaħħaħ iċ-ċertezza legali tal-operaturi ekonomiċi, konformement mal-imperattiv imfakkar fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, billi jipprekludi li l-preskrizzjoni tal-azzjonijiet ġudizzjarji relatati ma’ irregolarità tista’ tiġi mdewma indefinittivament permezz ta’ atti ta’ interruzzjoni ripetuti.

65

Sussegwentement, fir-rigward tad-dies a quo ta’ dan it-terminu, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, u b’mod partikolari mill-assenza tar-regoli speċifiċi f’dan il-qasam, jirriżulta wkoll li dan il-punt ta’ tluq għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-ewwel żewġ subparagrafi ta’ dan l-istess paragrafu.

66

Konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, fil-każ ta’ irregolaritajiet ripetuti, it-terminu ta’ preskrizzjoni għandu jiddekorri mill-ġurnata li fiha ntemmet l-irregolarità. Issa, hekk kif tfakkar fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, meta operatur jwettaq, sabiex jikseb vantaġġ ekonomiku minnhom, numru ta’ operazzjonijiet simili li jiksru l-istess dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, dawn l-operazzjonijiet għandhom jitqiesu li jifformaw l-istess u unika irregolarità kontinwa jew ripetuta. Konsegwentement, il-kunċett ta’ “li fih tieqaf l-irregolarità” imsemmi f’din id-dispożizzjoni, għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għall-ġurnata li fiha ntemmet l-aħħar operazzjoni li tikkostitwixxi l-istess irregolarità ripetuta.

67

Għalhekk, id-data li fiha l-awtoritajiet nazzjonali ħadu konjizzjoni ta’ irregolarità ma tinfluwenzax il-punt tat-tluq tal-imsemmi terminu. Fil-fatt, minbarra l-fatt li xejn fil-kliem tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 ma jippermetti li wieħed jinferixxi interpretazzjoni kuntrarja, għandu jiġi enfasizzat, fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, li l-amministrazzjoni għandha obbligu ġenerali ta’ diliġenza fil-verifika tar-regolarità tal-ħlasijiet li hija twettaq u li huma ta’ oneru fuq il-baġit tal-Unjoni, liema fatt jimplika li hija għandha tieħu l-miżuri intiżi sabiex tirrimedja għall-irregolaritajiet bi prontezza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Ze Fu Fleischhandel u Vion Trading, C‑201/10 u C‑202/10, EU:C:2011:282, punt 44, kif ukoll Cruz & Companhia, C‑341/13, EU:C:2014:2230, punt 62).

68

F’dawn iċ-ċirkustanzi, li wieħed jammetti li t-terminu previst fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jibda jiddekorri biss mill-mument fejn l-amministrazzjoni kkonstatat dawn l-irregolaritajiet jista’ jinkoraġġixxi ċerta inerzja min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex iressqu azzjonijiet ġudizzjarji kontra l-imsemmija irregolaritajiet filwaqt li jesponi lill-operaturi, minn naħa, għal perijodu twil ta’ inċertezza legali u, min-naħa l-oħra, għar-riskju li ma jkunux iktar f’pożizzjoni li jipproduċu l-prova tal-irregolarità tal-operazzjonijiet inkwistjoni fi tmiem tali perijodu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Ze Fu Fleischhandel u Vion Trading, C‑201/10 u C‑202/10, EU:C:2011:282, punt 45, kif ukoll Cruz & Companhia, C‑341/13, EU:C:2014:2230, punt 62).

69

Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, ir-risposta għas-sitta u għad-disa’ domandi għandha tkun li r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu previst minn dan is-subparagrafu jibda jiddekorri, fil-każ ta’ irregolarità kontinwa jew ripetuta, mill-ġurnata fejn din tkun intemmet, tkun liema tkun id-data li fiha l-amministrazzjoni nazzjonali ħadet konjizzjoni ta’ din l-irregolarità.

Fuq is-seba ’ domanda

70

Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-atti ta’ investigazzjoni jew ta’ azzjoni ġudizzjarja adottati mill-awtorità kompetenti u nnotifikati lill-persuna inkwistjoni, konformement mat-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, għandhomx bħala effett li jinterrompu t-terminu previst fir-raba’ subparagrafu tal-istess paragrafu.

71

Hekk kif intqal fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jistabbilixxi limitu assolut li japplika għall-preskrizzjoni tal-azzjonijiet ġudizzjarji kontra irregolarità, fejn din il-preskrizzjoni tiddekorri sa mhux iktar tard mill-ġurnata fejn terminu ta’ żmien ugwali għad-doppju ta’ dak previst fl-ewwel subparagrafu ta’ din l-istess dispożizzjoni jasal sabiex jiskadi mingħajr ma l-awtorità kompetenti tkun iddeċidiet sanzjoni, ħlief fil-każ fejn il-proċedura amministrattiva tkun ġiet sospiża konformement mal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament.

72

Għalhekk, minbarra din l-aħħar ipoteżi, l-atti ta’ investigazzjoni jew ta’ azzjoni ġudizzjarja adottati mill-awtorità kompetenti u nnotifikati lill-persuna inkwistjoni, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, ma għandhomx bħala effett li jinterrompu t-terminu previst mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan l-istess regolament.

73

Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-għan ta’ dan it-terminu, li huwa preċiżament intiż, hekk kif ġie indikat fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, sabiex jipprekludi li l-preskrizzjoni tal-azzjonijiet ġudizzjarji relatati ma’ irregolarità tista’ tiġi mdewma indefinittivament permezz ta’ atti ta’ interruzzjoni ripetuti.

74

Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, ir-risposta għas-seba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-atti ta’ investigazzjoni jew ta’ azzjoni ġudizzjarja adottati mill-awtorità kompetenti u nnotifikati lill-persuna inkwistjoni, konformement mat-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, ma għandhomx bħala effett li jinterrompu t-terminu previst fir-raba’ subparagrafu tal-istess paragrafu.

Fuq l-ispejjeż

75

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat‑18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “awtorità kompetenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jinftiehem bħala l-awtorità li għandha kompetenza, skont id-dritt nazzjonali, li tadotta l-atti ta’ investigazzjoni jew ta’ azzjoni ġudizzjarja inkwistjoni, fejn din l-awtorità tista’ tkun differenti minn dik li tagħti jew li tirkupra s-somom indebitament irċevuti għad-detriment tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.

 

2)

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li atti intiżi għall-investigazzjoni jew għall-azzjoni ġudizzjarja kontra irregolarità ġew innotifikati lill-“persuna in kwistjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta numru ta’ elementi fattwali jippermettu li jiġi konkluż li l-atti ta’ investigazzjoni jew ta’ azzjoni ġudizzjarja kkonċernati effettivament ġew innotifikati lill-persuna inkwistjoni. Fir-rigward ta’ persuna ġuridika, din il-kundizzjoni hija ssodisfatta jekk l-att ikkonċernat ikun effettivament ġie nnotifikat lil persuna li l-aġir tagħha jista’ jiġi attribwit, konformement mad-dritt nazzjonali, lil din il-persuna ġuridika, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

3)

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li att għandu jiddefinixxi bi preċiżjoni suffiċjenti l-operazzjonijiet li dwarhom hemm suspetti ta’ irregolaritajiet sabiex jiġi kkwalifikat bħala att ta’ “investigazzjoni jew proċeduri legali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Dan ir-rekwiżit ta’ preċiżjoni madankollu ma jirrikjedix li l-imsemmi att isemmi l-possibbiltà tal-impożizzjoni ta’ sanzjoni jew ta’ miżura amministrattiva partikolari. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk ir-rapport inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfax din il-kundizzjoni.

 

4)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tar-relazzjoni kronoloġika li permezz tagħha irregolaritajiet għandhom ikunu marbuta sabiex jikkostitwixxu irregolarità ripetuta, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa biss rikjest li t-tul ta’ żmien li jissepara kull irregolarità minn dik preċedenti jibqa’ inferjuri għat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-ewwel subparagrafu ta’ dan l-istess paragrafu. Irregolaritajiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, relatati mal-kalkolu tal-kwantitajiet ta’ zokkor maħżuna mill-manifattur, li seħħew matul snin ta’ kummerċjalizzazzjoni differenti, li ta lok għal dikjarazzjonijiet żbaljati tal-imsemmija kwantitajiet minn dan l-istess manifattur, u, minħabba f’hekk, għall-ħlas ta’ somom indebiti bħala rimbors tal-ispejjeż ta’ ħażna, jikkostitwixxu, bħala prinċipju, irregolarità ripetuta, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

5)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwalifika ta’ numru ta’ irregolaritajiet bħala “irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma hijiex eskluża fl-ipoteżi fejn l-awtoritajiet kompetenti ma ssuġġettawx lill-persuna inkwistjoni għal kontrolli regolari u ddettaljati.

 

6)

Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu previst minn dan is-subparagrafu jibda jiddekorri, fil-każ ta’ irregolarità kontinwa jew ripetuta, mill-ġurnata fejn din tkun intemmet, tkun liema tkun id-data li fiha l-amministrazzjoni nazzjonali ħadet konjizzjoni ta’ din l-irregolarità.

 

7)

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-atti ta’ investigazzjoni jew ta’ azzjoni ġudizzjarja adottati mill-awtorità kompetenti u nnotifikati lill-persuna inkwistjoni, konformement mat-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, ma għandhomx bħala effett li jinterrompu t-terminu previst fir-raba’ subparagrafu tal-istess paragrafu.

 

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top