EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0033

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-17 ta’ Settembru 2015.
Mory SA, en liquidation et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Rikors għal annullament – Artikolu 263 TFUE – Ammissibbiltà – Għajnuna illegali u inkompatibbli – Obbligu ta’ rkupru – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li ma testendix l-obbligu ta’ rkupru għax-xerrejja tal-benefiċjarju tal-għajnuna – Interess ġuridiku – Rikors għad-danni u għall-irkupru tal-għajnuna quddiem il-qrati nazzjonali – Locus standi – Appellant li ma huwiex ikkonċernat individwalment.
Kawża C-33/14 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:609

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

17 ta’ Settembru 2015 ( *1 )

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Rikors għal annullament — Artikolu 263 TFUE — Ammissibbiltà — Għajnuna illegali u inkompatibbli — Obbligu ta’ rkupru — Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li ma testendix l-obbligu ta’ rkupru għax-xerrejja tal-benefiċjarju tal-għajnuna — Interess ġuridiku — Rikors għad-danni u għall-irkupru tal-għajnuna quddiem il-qrati nazzjonali — Locus standi — Appellant li ma huwiex ikkonċernat individwalment”

Fil-Kawża C‑33/14 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-22 ta’ Jannar 2014,

Mory SA, fi stralċ, stabbilita f’Pantin (Franza),

Mory Team, fi stralċ, stabbilita f’Pantin,

Superga Invest, li qabel kienet Compagnie française superga d’investissement dans le service (CFSIS), stabbilita f’Miraumont (Franza),

irrappreżentati minn B. Vatier u F. Loubières, avukati, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Maxian Rusche u B. Stromsky, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ April 2015,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, Mory SA, Mory Team u Superga Invest qegħdin jitolbu l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Mory et vs Il‑Kummissjoni (T‑545/12, EU:T:2013:607, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”), li permezz tiegħu hija ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 2401 finali, tal-4 ta’ April 2012, dwar ix-xiri tal-attiv tal-grupp Sernam fil-kuntest tal-amministrazzjoni kkontrollata tiegħu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

L-appellanti jippreżentaw ruħhom bħala li kienu kompetituri diretti ta’ Financière Sernam kif ukoll tas-sussidjarji tagħha, Sernam Services u Aster (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“grupp Sernam”). Mory SA u Mory Team (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“kumpanniji Mory”) kienu attivi fis-settur tad-distribuzzjoni tradizzjonali u tad-distribuzzjoni espressa qabel ma tqiegħdu fi stralċ ġudizzjarju. Superga Invest, li qabel kienet Compagnie française superga d’investissement dans le service (CFSIS), kienet l-azzjonista prinċipali tal-kumpanniji Mory.

3

Permezz tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2001, dwar l-għajnuna mill-Istat NN 122/2000 (ex NJ 140/2000) (ĠU C 199, p. 15), il-Kummissjoni approvat għajnuna għar-ristrutturazzjoni tal-grupp Sernam (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Sernam 1”).

4

Permezz tad-Deċiżjoni 2006/367/KE, tal-20 ta’ Ottubru 2004, dwar l-għajnuna mill-Istat parzjalment eżegwita minn Franza favur l-impriża Sernam (ĠU 2006, L 140, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Sernam 2”), il-Kummissjoni kkonfermat li l-għajnuna approvata permezz tad-Deċiżjoni Sernam 1 kienet kompatibbli mas-suq intern taħt ċerti kundizzjonijiet. Hija rrilevat ukoll li l-preżenza ta’ għajnuna supplimentari hija inkompatibbli mas-suq intern u konsegwentement għandha tkun irkuprata mir-Repubblika Franċiża.

5

Permezz tal-ittra tagħha tas-16 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Franċiża bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tal-applikazzjoni minn din tal-aħħar tad-Deċiżjoni Sernam 2. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-9 ta’ Jannar 2009 (ĠU C 4, p. 5).

6

Fis-27 ta’ Ġunju 2011, il-kumpanniji Mory tqiegħdu fi stat ta’ amministrazzjoni kkontrollata mit-Tribunal de commerce de Bobigny (Qorti tal-Kummerċ ta’ Bobigny) (Franza).

7

Fil-31 ta’ Jannar 2012, Financière Sernam u Sernam Services tqiegħdu fi stat ta’ amministrazzjoni kkontrollata mit-Tribunal de commerce de Nanterre (Qorti tal-Kummerċ ta’ Nanterre) (Franza).

8

Fit-3 ta’ Frar 2012, Aster tqiegħdet fi stralċ ġudizzjarju bit-tkomplija tal-attività mit-Tribunal de commerce de Pontoise (Qorti tal-Kummerċ ta’ Pontoise) (Franza).

9

Fid-9 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2012/398/UE, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.12522 (C 37/08) – Franza – Applikazzjoni tad-Deċiżjoni “Sernam 2” (ĠU L 195, p. 19, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Sernam 3”). L-Artikolu 1 tad-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni jindika li l-grupp Sernam ibbenefika minn għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern (iktar ’il quddiem l-“għajnuna inkwistjoni”). Skont l-Artikolu 2 ta’ dan id-dispożittiv, ir-Repubblika Franċiża kellha tirkupra l-għajnuna kollha inkwistjoni mingħand dan il-grupp.

10

Fl-istess ġurnata, intbagħtu żewġ offerti ta’ xiri lill-amministratur ġudizzjarju tal-grupp Sernam, l-ewwel waħda minn Geodis Calberson (iktar ’il quddiem “Calberson”), is-sussidjarja tal grupp Geodis (iktar ’il quddiem “Geodis”) attiva fis-settur tad-distribuzzjoni, u t-tieni waħda minn BMV. L-offerta ta’ xiri ta’ Calberson kienet suġġetta għall-kundizzjoni li “ebda obbligu ta’ ħlas lura tal-għajnuna illegali [inkwistjoni] kollha jew parti minnha mħallsa [lill-grupp Sernam] ma jista’ jiġi ttrasferit flimkien mal-attiv irkuprat jew minħabba x-xiri, jew jiġi impost fuq ix-xerrej”. L-offerta ppreżentata minn BMV ma kellhiex tali kundizzjoni, iżda kienet ippreżentata bħala inseparabbli mill-offerta ppreżentata minn Calberson u ma tibqax valida jekk l-offerta ta’ din tal-aħħar tiġi rrifjutata.

11

Fit-23 ta’ Marzu 2012, ir-Repubblika Franċiża talbet lill-Kummissjoni tikkonferma li l-obbligu ta’ rimbors tal-għajnuna inkwistjoni ma huwiex estiż għal Geodis u għal BMV, f’każ ta’ xiri minnhom ta’ parti mill-attiv tal-grupp Sernam.

12

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat lir-Repubblika Franċiża li ma kienx hemm lok li jiġi estiż l-obbligu ta’ rimbors impost fuq il-grupp Sernam skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Sernam 3, fuq Geodis u BMV, minħabba fl-assenza ta’ kontinwità ekonomika bejn il-grupp Sernam u dawn iż-żewġ xerrejja potenzjali. Il-Kummissjoni ppreċiżat, fil-punt 54 tad-deċiżjoni kkontestata, li din ma kinitx tirrigwarda jekk l-investiment li jirrigwarda x-xiri ta’ ċertu attiv tal-grupp Sernam kienx ġie avżat jew le u li konsegwentement hija ma kinitx tippreġudika l-evalwazzjoni ta’ dan l‑investiment fir-rigward tal-Artikolu 107(1) TFUE.

13

Fl-10 ta’ April 2012, Calberson ippreżentat offerta ġdida ta’ xiri lill-amministratur ġudizzjarju tal-grupp Sernam li ma tinkludix il-kundizzjoni li tirrigwarda l-offerta tagħha ta’ rkupru inizjali.

14

Fit-13 ta’ April 2012, it-Tribunal de commerce de Nanterre laqa’ l-offerti ta’ xiri ppreżentati minn Calberson kif ukoll minn BMV u ordna t-trasferiment favur tagħhom ta’ ċertu attiv ta’ Sernam Services b’effett mis-7 ta’ Mejju 2012.

15

Fl-10 ta’ Lulju 2012, il-kumpanniji Mory tqiegħdu fi stralċ ġudizzjarju mit-Tribunal de commerce de Bobigny.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

16

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Diċembru 2012, l-appellanti ressqu rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

17

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali minħabba, minn naħa, li l-appellanti ma werewx li huma kellhom interess ġuridiku kontra d-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, li huma ma kinux individwalment ikkonċernati minn din id-deċiżjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

18

Skont id-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-appellanti ma kinux ġġustifikaw l-interess ġuridiku tagħhom kontra d‑deċiżjoni kkontestata u li, għalhekk, ir-rikors tagħhom kellu jiġi ddikjarat inammissibbli għal dan il-motiv biss, mingħajr ma jkun hemm il-bżonn li tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni li kienet ibbażata fuq il-fatt li ma kinux individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li la r-rikors ippreżentat mill-kumpanniji Mory, fil-25 ta’ April 2007, quddiem it-Tribunal administratif de Paris (Qorti Amministrattiva ta’ Pariġi) (Franza), intiż għall-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, u lanqas ir-rikors ippreżentat minnhom, fis-7 ta’ Mejju 2013, quddiem it-Tribunal de commerce de Paris (Qorti tal-Kummerċ ta’ Pariġi), intiż għall-kundanna solidali, b’mod partikolari, tal-grupp Sernam u ta’ Geodis sabiex jikkumpensaw id-danni li dawn il-kumpanniji kkawżawlhom, ma kienu suxxettibbli li jipprovduhom b’tali interess ġuridiku.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19

Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat;

tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiġi eżaminata fuq il-mertu, u

tirriżerva l-ispejjeż.

20

Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

21

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Mejju 2014, Calberson talbet, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li tintervjeni f’din il kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

22

B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Frar 2015, din it-talba ġiet miċħuda.

Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

23

Wara li ġew ippreżentati l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, l-appellanti, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Ġunju 2015, talbu li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. Insostenn ta’ din it-talba, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-argumenti l-ġodda ppreżentati mill-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tiegħu dwar, b’mod partikolari, il-kwalifika tad-deċiżjoni kkontestata, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-locus standi fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, u l-implikazzjonijiet ta’ dawn l-argumenti fl-eżami tal-appell jistħoqqilhom l-organizzazzjoni ta’ dibattitu kontradittorju, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu d-deċiżjoni li tiddeċiedi b’mod definittiv fuq it-tilwima.

24

Għandu jitfakkar li la l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprevedu l-possibbiltà li l-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (ara s-sentenza Vnuk, C‑162/13, EU:C:2014:2146, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Skont t-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu d-dmir li pubblikament bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa jipproponi konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il‑Qorti tal‑Ġustizzja la hija marbuta bil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas bil-motivazzjoni li tagħti lok għall-imsemmija konklużjonijiet (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26

Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ma’ parti mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu liema jkunu l-mistoqsijiet li jkun qed jeżamina hawn, ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi bażi li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 62).

27

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (sentenza Nordzucker, C‑148/14, EU:C:2015:287, punt 24).

28

Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, kemm matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura kif ukoll fil-fażi orali ta’ din, l-appellanti u l-Kummissjoni invokaw l-argumenti kollha tagħhom ta’ fatt u ta’ dritt insostenn tat-talbiet tagħhom, inkluż f’dak li jirrigwarda l-locus standi fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tieħu deċiżjoni u li dawn l-elementi kienu s-suġġett tad-dibattiti li seħħew quddiemha.

29

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq l-appell

30

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw żewġ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-interess ġuridiku tagħhom għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, peress li l-Qorti Ġenerali naqset milli tikkonstata li huma kienu direttament u individwalment ikkonċernati b’din id-deċiżjoni.

31

Preliminarjament, l-appellanti jsostnu li ma teżistix linja ta’ separazzjoni bejn il-kunċetti ta’ interess ġuridiku u ta’ “interess dirett u individwali”. Dawn iż-żewġ kunċetti jingħaqdu flimkien, anki totalment, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn parti li ma hijiex id-destinatarja ta’ deċiżjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Ikun illoġiku li jiġi kkunsidrat li persuna direttament u individwalment ikkonċernata minn deċiżjoni ma jkollha ebda interess ġuridiku. Bl-istess mod, ikun inkonċepibbli li persuna jista’ jkollha interess ġuridiku mingħajr ma tkun direttament u individwalment ikkonċernata minn deċiżjoni. Billi kkunsidrat li dawn iż-żewġ kunċetti huma distinti, il-Qorti Ġenerali kisret ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Il-prova li persuna hija direttament u individwalment ikkonċernata waħedha hija biżżejjed sabiex tistabbilixxi l-ammissibbiltà tar-rikors tagħha.

Fuq l-ewwel motiv

L-argumenti tal-partijiet

32

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet numru ta’ żbalji ta’ liġi fil-kuntest tal-eżami li fih ikkonkludiet li ma stabbilixxietx l-interess ġuridiku tagħhom għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

33

Fl-ewwel lok, l-appellanti jsostnu li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa vvizzjat b’numru ta’ kontradizzjonijiet u żbalji ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punti 29 sa 35 tad-digriet appellat, li l-parteċipazzjoni ta’ Mory fil-proċedura amministrattiva minn qabel għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma kinitx suxxettibbli li tipprovdihom b’interess ġuridiku.

34

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali tikkontradixxi ruħha peress li, b’mod partikolari hija invokat, fil-punt 31 tad-digriet appellat, insostenn tad-deċiżjoni tagħha li l-appellanti ma kellhomx interess ġuridiku, il-ġurisprudenza fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat li appellant għandu dejjem juri li d-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat tista’ taffettwa l-pożizzjoni tiegħu fis-suq, waqt li fil-punt 57 ta’ dan id-digriet affermat li l-Kummissjoni ma kinitx iddikjarat ruħha, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-eżistenza u l-kompatibbiltà ta’ għajnuna eventwali fuq il-bażi tal-Artikolu 108 TFUE.

35

Sussegwentement, il-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 33 tad-digriet appellat, li tgħid li l-kwistjoni tal-metodi ta’ rkupru tal-għajnuna inkwistjoni tirrigwarda biss lill‑Kummissjoni u lill-Istat Membru kkonċernat mill-irkupru, twassal sabiex, bħala regola, jiġi eskluż li parti, minbarra dan l-Istat Membru, għandha interess ġuridiku kontra deċiżjoni li tirrigwarda l-metodi ta’ rkupru ta’ din l-għajnuna. Tali analiżi tikkontradixxi d‑dispożizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jipprovdi li rikors kontra deċiżjoni huwa miftuħ għal kull parti direttament u individwalment ikkonċernata minnha.

36

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kompliet bil-konfużjoni, minn naħa, bejn il-kunċetti ta’ “interess ġuridiku” u ta’ “persuna interessata” u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata, peress li d-digriet appellat jikkwalifika din kultant bħala deċiżjoni sui generis, kultant bħala deċiżjoni li tirrigwarda biss fuq metodi ta’ rkupru ta’ għajnuna jew, kultant, anki bħala deċiżjoni dwar l-eżistenza jew l-assenza ta’ trasferiment ta’ għajnuna inkompatibbli u dwar evażjoni ta’ deċiżjoni ta’ rkupru. Dawn il-konfużjonijiet huma intiżi sabiex jevitaw li juru l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma adottax, fit-tmiem tad-digriet appellat, l-istess approċċ bħal dak li kien segwit fis-sentenza Ryanair vs Il‑Kummissjoni (T‑123/09, EU:T:2012:164).

37

Fit-tieni lok, l-appellanti jqisu li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni meta ddeċidiet, fil-punti 36 sa 51 tad-digriet appellat, li r-rikorsi ppreżentati quddiem il-qrati nazzjonali għall-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni u għall-kumpens għad-danni ma jagħtuhom ebda interess ġuridiku quddiem il-qorti tal-Unjoni.

38

L-ewwel nett, l-appellanti jsostnu, f’dan ir-rigward, li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta ddeċidiet li interess ġuridiku kontra deċiżjoni tal-Unjoni jista’ jiġi ġġustifikat biss bil-preżentata ta’ rikors għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali. Dan l-interess jista’ fil-fatt jirriżulta wkoll minn rikors intiż għall-ksib ta’ rkupru effettiv ta’ għajnuna mill-Istat Membru kkonċernat. Iżda f’din il-kawża, Mory ippreżentat tali rikors quddiem it-Tribunal administratif de Paris sabiex iġġiegħel lill-Istat Franċiż jirkupra l-għajnuna inkwistjoni mingħand il-benefiċjarji suċċessivi tagħhom kollha, inklużi Geodis. La huwa għall-Kummissjoni jew għall-Qorti Ġenerali li jikkontestaw ir-rilevanza u l-interess tal-appellanti fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ladarba din ġiet introdotta b’mod validu u tieħu l-kors tagħha.

39

Sussegwentement, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-interess ġuridiku tagħhom ma kienx stabbilit minħabba li l-appellanti ma kienu ħadu ebda passi matul diversi snin sabiex jiksbu kumpens għad-dannu li jirriżulta mid-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-għajnuna inkwistjoni. Il-preżentata tar-rikors għad-danni quddiem it-Tribunal de commerce de Paris saret possibbli biss bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni Sernam 3 li ddikjarat l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern. Barra minn hekk, dan ir-rikors tħabbar waqt ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u ġie ppreżentat qabel l-adozzjoni tad-digriet appellat. F’kull każ, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx twettaq l-analiżi tagħha fuq il-fondatezza tar-rikors għad-danni kontra Geodis minflok dik tal-qorti nazzjonali sabiex tikkunsidra li din il-kawża kienet ser tfalli u li s-suċċess tar-rikors għal annullament ippreżentat quddiemha kien mingħajr rilevanza fuq is-suċċess tar-rikors għad-danni pendenti quddiem il-qrati nazzjonali.

40

Fl-aħħar nett, l-appellanti kkunsidraw li rikors għad-danni quddiem il-qorti nazzjonali kontra Geodis huwa leġittimu, peress li din tal-aħħar għandha titqies bħala l-benefiċjarja attwali tal-għajnuna inkwistjoni u, bħala tali, hija debitriċi tal-obbligu li tikkumpensa l-konsegwenzi tad-danni għall-kumpanniji Mory, solidalment mal-benefiċjarji suċċessivi tal-imsemmija għajnuna u min tahom, jiġifieri Société nationale des chemins de fer français (SNCF). Barra minn hekk, kieku d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi annullata, l-appellanti jkunu jistgħu jinvokaw quddiem il-qorti nazzjonali t-teorija tad-dritt Franċiż tal-“arrikkiment indebitu” fil-konfront ta’ Geodis.

41

Fit-tielet lok, l-appellanti jikkontestaw lill-Qorti Ġenerali li ċaħdet l-eżistenza ta’ interess ġuridiku ta’ Superga Invest billi rrifjutat li tikkunsidra li dan jirriżulta mill-interess ġuridiku tal-kumpanniji Mory li tagħhom Superga Invest hija l-azzjonista prinċipali.

42

Fir-raba’ lok, l-appellanti jikkontestaw lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet, fil-punti 54 sa 58 tad-digriet appellat, li huma ma ġewx imċaħħda mid-dritt proċedurali tagħhom li jiksbu l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE.

43

L-ewwel nett, l-appellanti jallegaw li, filwaqt li kienu indikaw lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ riskji ta’ evażjoni li jirriżultaw mit-tranżizzjoni ta’ bejgħ inkwistjoni, din l-istituzzjoni, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, skartat il-ftuħ ta’ proċedura ta’ eżami fid-dettall u ppreġudikat id-drittijiet proċedurali tagħhom. L-appellanti kienu għalhekk imċaħħda mill-possibbiltà li jiksbu eżami fid-dettall, mhux ta’ għajnuna ġdida, iżda tal-applikazzjoni abbużiva tad-Deċiżjoni Sernam 3.

44

Sussegwentement, l-appellanti jikkunsidraw li l-Qorti Ġenerali deliberatament evitat li teżamina jekk dawn kinux direttament u individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi evitata l-kwistjoni tan-natura ta’ din id-deċiżjoni kkontestata, ikklassifikata mill-Kummissjoni bħala deċiżjoni sui generis. Peress li kienu effettwati individwalment minn din id-deċiżjoni, l-appellanti setgħu jikkontestawha sabiex il-Qorti Ġenerali tivverifika jekk il-Kummissjoni kinitx kompetenti sabiex tadotta din l-istess deċiżjoni, minkejja l-assenza ta’ bażi legali.

45

Fl-aħħar nett, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 33 tad-digriet appellat, li d-deċiżjoni kkontestata, peress li tirreferi, mhux fuq il-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern, iżda fuq il-metodi ta’ rkupru tal-għajnuna inkwistjoni, tikkonċerna biss lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru li huwa responsabbli għall-obbligu ta’ rkupru. Il-kwistjoni ma hijiex dik dwar jekk ingħatatx għajnuna ġdida lil Geodis, iżda jekk il-kundizzjonijiet li fihom għandu jopera x-xiri tal-attiv ta’ Sernam minn Geodis jikkostitwixxux applikazzjoni korretta tad-Deċiżjoni Sernam 3 jew, għall-kuntrarju, applikazzjoni abbużiva ta’ din id-deċiżjoni. Peress li modalità ta’ rkupru tista’ tikkostitwixxi applikazzjoni abbużiva ta’ deċiżjoni ta’ rkupru ta’ għajnuna, il-Kummissjoni għandha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali jekk ikollha dubji serji f’dan ir-rigward.

46

Skont il-Kummissjoni, l-allegazzjonijiet tal-appellanti huma infondati għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, fil-mument tal-preżentata tar-rikors għal annullament, il-kumpanniji Mory kienu fi stralċ u għalhekk ma kinux iktar kompetituri tal-ebda impriża. Min-naħa l-oħra, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma tippreżentax interess reali fil-kuntest ta’ rikors għad-danni quddiem il-qorti nazzjonali minħabba fid-dannu kompetittiv li huma jkunu sofrew fil-passat.

47

Il-Kummissjoni ssostni, preliminarjament, li l-argumenti żviluppati fl-ewwel lok u fir-raba’ lok fil-kuntest ta’ dan l-aggravju jirrigwardaw il-locus standi tal-appellanti u mhux l-interess ġuridiku tagħhom. Dawn l-argumenti ma jistgħux juru għalhekk li huma għandhom interess ġuridiku kontra d-deċiżjoni kkontestata.

48

Għall-bqija, il-Kummissjoni tqis li la r-rikors għal irkupru u lanqas ir-rikors għad-danni ppreżentati quddiem il-qrati nazzjonali ma jipprovdu lill-appellanti b’interess ġuridiku quddiem il-qorti tal-Unjoni.

49

F’dak li jirrigwarda l-ewwel wieħed fost dawn ir-rikorsi, ippreżentat quddiem it-Tribunal administratif de Paris, il-Kummissjoni ssostni li, peress li l-kumpanniji Mory jeżistu biss għall-bżonnijiet ta’ stralċ tagħhom, huwa eskluż li dawn jista’ jkollhom interess ġuridiku fl-istabbiliment mill-ġdid tal-pożizzjoni kompetittiva tagħhom permezz tal-irkupru tal-għajnuna illegali inkwistjoni. Fir-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti invokaw biss il-possibbiltà li jressqu kawża għad-danni sabiex jippruvaw jiġġustifikaw interess ġuridiku. Barra minn hekk, l-appellanti ma jistgħux jinvokaw fl-appell l-argument li r-rikors għal irkupru quddiem it-Tribunal administratif de Paris jirrigwarda wkoll l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni minn Geodis. Fil-fatt, din l-estensjoni tar-rikors kienet saret wara li ngħata d-digriet appellat u r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali ma kienx jinkludi dan l-argument.

50

Sussidjarjament, il-Kummissjoni tikkunsidra li ma huwa stabbilit imkien li r-rikors quddiem it-Tribunal administratif de Paris għandu xi bażi jew xi ċans ta’ suċċess fid-dritt nazzjonali. Barra minn hekk, skont din l-istituzzjoni jidher li insegwitu għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni Sernam 3, din il-qorti nazzjonali timmilita lejn digriet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni. Fil-fatt, ladarba l-Kummissjoni ddeċidiet, bħal f’din il-kawża, billi ddikjarat l-għajnuna inkwistjoni inkompatibbli mas-suq intern u ordnat l-irkupru tagħha, il-proċedura mibdija preċedentement quddiem il-qorti nazzjonali titlef l-għan tagħha.

51

F’dak li jirrigwarda t-tieni rikors, ippreżentat quddiem it-Tribunal de commerce de Paris, il-Kummissjoni ssostni li ma huwiex biżżejjed biex tiġġustifika interess għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, li l-appellant quddiem il-qorti tal-Unjoni jieħu vantaġġ minn rikors għad-danni li jista’ jiġi ppreżentat fil-futur jew, jekk applikabbli, li jkun diġà ġie ppreżentat quddiem qorti nazzjonali fuq il-bażi li l-annullament ta’ din id-deċiżjoni mill-qorti tal-Unjoni tiffaċilita t-tmiem b’suċċess tar-rikors tagħha għad-danni, mingħajr ma turi, barra minn hekk, li dan huwa raġonevolment suxxettibbli li jirriżulta fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. F’dan il-kuntest, jekk il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tissostitwixxi lill-qorti nazzjonali sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu tar-rikors għad-danni mressqa quddiem il-qorti nazzjonali, hija madankollu għandha tivverifika jekk l-appellanti stabbilixxewx l-eżistenza ta’ interess reali sabiex jitolbu l-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni insostenn ta’ dan ir-rikors għad-danni.

52

F’din il-kawża, il-Kummissjoni kkunsidrat li tali prova kienet nieqsa. L-evalwazzjoni magħmula fuq dan il-punt mill-Qorti Ġenerali hija eżatta, liema, barra minn hekk, tirriżulta mill-qasam fattwali li huwa barra mill-kontroll tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. L-appellanti ppreżentaw ir-rikors tagħhom għad-danni biss sabiex iwieġbu l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fl-eċċezzjoni tagħha ta’ inammissibbiltà iktar minn sena wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Sernam 3. Fir-rigward tal-possibbiltà li tinvoka fil-konfront ta’ Geodis argument ibbażat fuq it-teorija tad-dritt Franċiż tal-“arrikkiment indebitu” huwa wkoll manifestament inammissibbli għaliex huwa tressaq għall-ewwel darba fil-kuntest tal-appell. F’kull każ, ebda argument serju ma ġie ppreżentat insostenn ta’ din it-teorija.

53

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat, fil-punt 53 tad-digriet appellat, li, peress li l-kumpanniji Mory ma kinux iktar attivi, huma ma kinux ser isofru minn kwalunkwe kwistjoni kompetittiva li Superga Invest ser issofri l-konsegwenzi tagħha.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

54

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi meta ddeċidiet li huma ma stabbilixxewx l-interess ġuridiku tagħhom għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

55

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn din tal-aħħar ikollha interess li tara li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippreżupponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Koninklijke FrieslandCampina, C‑519/07 P, EU:C:2009:556, punt 63; ACEA vs Il‑Kummissjoni, C‑319/09 P, EU:C:2011:857, punt 67; Stichting Woonpunt et vs Il‑Kummissjoni, C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punt 67, kif ukoll Stichting Woonlinie et vs Il‑Kummissjoni, C‑133/12 P, EU:C:2014:105, punt 54).

56

L-interess ġuridiku ta’ appellant għandu jkun ċert u attwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Koninklijke FrieslandCampina, C‑519/07 P, EU:C:2009:556, punt 65, u Planet vs Il‑Kummissjoni, C‑564/13 P, EU:C:2015:124, punt 34). Dan ma jistax jikkonċerna sitwazzjoni futura u ipotetika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Stroghili vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, 204/85, EU:C:1987:21, punt 11, kif ukoll Cañas vs Il‑Kummissjoni, C‑269/12 P, EU:C:2013:415, punti 16 u 17).

57

Dan l-interess għandu, fid-dawl tal-iskop tar-rikors, jeżisti fil-mument tal-preżentata tiegħu taħt piena ta’ inammissibbiltà u jippersisti sakemm tingħata deċiżjoni ġudizzjarja u fin-nuqqas ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Abdulrahim vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punt 61, kif ukoll Cañas vs Il‑Kummissjoni, C‑269/12 P, EU:C:2013:415, punt 15).

58

L-interess ġuridiku jikkostitwixxi għalhekk il-kundizzjoni essenzjali u primarja għal kull azzjoni ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, id-digriet S. vs Il‑Kummissjoni, 206/89 R, EU:C:1989:333, punt 8, u s-sentenza Andechser Molkerei Scheitz vs Il‑Kummissjoni, C‑682/13 P, EU:C:2015:356, punt 27).

59

Barra minn hekk, l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra att li tiegħu hija ma hijiex destinatarja, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, hija suġġetta għall-kundizzjoni li tkun rikonoxxuta l-locus standi, li tirriżulta f’żewġ każijiet. Minn naħa, tali rikors jista’ jitressaq sakemm dan l-att jinteressaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ eżekuzzjoni jekk dan jikkonċernaha direttament (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 19, u Stichting Woonpunt et vs Il‑Kummissjoni, C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punt 44).

60

F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 59 tad-digriet appellat, ikkonkludiet li r-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ippreżentat mill-appellanti huwa inammissibbli, għall-unika raġuni li huma ma kinux iġġustifikaw l-interess ġuridiku tagħhom, mingħajr ma eżaminat, barra minn hekk, jekk dawn l-appellanti kellhomx ukoll il-locus standi fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni.

61

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li r-raġunijiet li fuqhom il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 29 sa 35 u 55 sa 58 tad-digriet appellat, minn naħa, li Mory ma kinitx individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, li l-appellanti ma ġewx imċaħħda, fl-assenza ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, mill-benefiċċju tad-drittijiet proċedurali tagħhom, ma jsostnux id-dispożittiv ta’ dan id-digriet, peress li dawn ir-raġunijiet huma konnessi mal-eżami tal-locus standi u mhux tal-interess, hekk kif il-Qorti Ġenerali sostniet hija stess fil-punti 30 u 34 ta’ dan id-digriet.

62

F’dan ir-rigward, huwa żbaljat li l-appellanti jsostnu li l-unika ċirkustanza li persuna fiżika jew ġuridika hija direttament u individwalment ikkonċernata neċessarjament turi l-interess ġuridiku tagħha. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punti 55 sa 59 ta’ din is-sentenza, l-interess ġuridiku u l-locus standi jikkostitwixxu kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà distinti li persuna fiżika jew ġuridika għandhom jissodisfaw b’mod kumulattiv sabiex ikunu ammissibbli sabiex jippreżentaw rikors għal annullament skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Stichting Woonpunt et vs Il‑Kummissjoni, C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punti 67 u 68, kif ukoll Stichting Woonlinie et vs Il‑Kummissjoni, C‑133/12 P, EU:C:2014:105, punti 54 u 55).

63

Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-argument tal-appellanti fil-kuntest tal-ewwel aggravju insostenn tal-appell tagħhom, peress li jikkontesta li fid-digriet appellat ġie kkunsidrat li l-appellanti ma jibbenefikawx minn locus standi, għandu jiġi miċħud bħala parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat.

64

Fit-tieni lok, l-ewwel aggravju tal-appellanti għandu jiġi eżaminat peress li huwa dirett kontra l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 36 sa 51 tad-digriet appellat, li permezz tagħhom din ċaħdet l-argument ta’ dawn l-appellanti li l-interess ġuridiku tagħhom jirriżulta, f’dan il-każ, mir-rikors ippreżentat mill-kumpanniji Mory, fil-25 ta’ April 2007, quddiem it-Tribunal administratif de Paris, intiż għall-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, kif ukoll mir-rikors għad-danni ippreżentat minnhom, fis-7 ta’ Mejju 2013, quddiem it-Tribunal de commerce de Paris, intiż għall-kundanna solidali, b’mod partikolari, tal-grupp Sernam u ta’ Geodis sabiex jikkumpensaw id-danni li dawn tal-aħħar ikkawżaw lill-appellanti.

65

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset, minn naħa, fil-punti 39 u 40 tad-digriet appellat, li r-rikors intiż għall-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni ippreżentat quddiem il-qorti nazzjonali ma kienx jirrigwarda kumpens għal dannu li l-appellanti jallegaw li sostnew.

66

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali, wara li enfasizzat, fil-punt 41 tad-digriet appellat, li l-appellanti ma kienu ħadu ebda passi matul diversi snin sabiex jiksbu kumpens għad-dannu li jirriżulta mid-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-għajnuna inkwistjoni, iddeċidiet, fil-punti 42 sa 49 ta’ dan id-digriet, li r-rikors għad-danni ppreżentat minnhom quddiem it-Tribunal de commerce de Paris, wara l-preżentata tar-rikors għal annullament quddiem il-qorti tal-Unjoni, ma kienx jagħtihom interess ġuridiku quddiem din tal-aħħar, peress li ma kinitx stabbilixxiet li Geodis kienet suxxettibbli li tikkawżalhom dannu, b’tali mod li huma kienu għalhekk fondati fl-azzjoni għal responsabbiltà kontra din quddiem il-qorti nazzjonali.

67

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, qieset, fil-punti 44 u 45 tad-digriet appellat, li, peress li assumiet l-attivitajiet tal-grupp Sernam f’data wara t-tqegħid fl-amministrazzjoni kkontrollata tal-kumpanniji Mory, dan ix-xiri ma huwiex ir-raġuni tat-tqegħid fi stralċ ġudizzjarju tagħhom u li għalhekk, Geodis ma tistax tkun responsabbli għas-sitwazzjoni finanzjarja ħażina tagħhom. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 47 ta’ dan id-digriet, li lanqas ma kien stabbilit li Geodis, għas-sempliċi fatt li xtrat attiv tal-grupp Sernam, setgħet, teoretikament, tinżamm responsabbli fid-dritt nazzjonali tal-allegat dannu li dan il-grupp ikkawża lill-appellanti. Fl-aħħar nett, sa fejn l-appellanti jsostnu li d-dannu li jista’ jikkawżalhom Geodis billi jixtri uħud mill-attiv tal-grupp Sernam mingħajr ma jkollu għalfejn iħallas lura l-għajnuna inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 48 ta’ dan id-digriet, li peress li l-kumpanniji Mory kienu waqqfu l-attività ekonomika kollha wara t-tqegħid tagħhom fi stralċ, huma ma setgħu jbatu ebda dannu ulterjuri kkawżat mix-xerrej.

68

L-ewwel nett għandu jiġi osservat li għalkemm huwa minnu li l-Qorti Ġenerali biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata l-fatti u, bħala prinċipju, sabiex teżamina l-provi li tikkunsidra insostenn ta’ dawn il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha, peress li l-Qorti Ġenerali kkwalifikat in-natura ġuridika tagħhom u minnhom irriżultaw konsegwenzi fil-liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punti 64 u 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, il-kwistjoni jekk, fid-dawl ta’ tali fatti u provi, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata mill-qorti tal-Unjoni hija tali li tikkostitwixxi benefiċċju lill-appellanti fil-kuntest ta’ rikors quddiem il-qrati nazzjonali, peress li setgħu jistabbilixxu l-interess ġuridiku tagħhom quddiem il-qorti tal-Unjoni, hija kwistjoni ta’ liġi li taqa’ taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja eżerċitat fil-kuntest ta’ appell.

69

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, rikors għal annullament jista’ jżomm interess bħala bażi għal eventwali rikors għad-danni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Könecke Fleischwarenfabrik vs Il‑Kummissjoni, 76/79, EU:C:1980:68, punt 9; Franza et vs Il‑Kummissjoni, C‑68/94 u C‑30/95, EU:C:1998:148, punt 74; id-digriet Lech‑Stahlwerke vs Il‑Kummissjoni, C‑111/99 P, EU:C:2001:58, punti 19 u 20; Il‑Kummissjoni vs Provincia di Imperia, C‑183/08 P, EU:C:2009:136, punt 30, kif ukoll is-sentenza Abdulrahim vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punt 64).

70

Il-persistenza ta’ tali interess ġuridiku għandu jiġi evalwat in concreto, fid-dawl, b’mod partikolari tal-konsegwenzi tal-allegata illegalità u tan-natura tad-dannu allegatament subit (sentenza Abdulrahim vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punt 65).

71

F’din il-kawża, hekk kif jirriżulta essenzjalment mill-punt 46 tad-digriet appellat, id-dannu allegat mill-appellanti jirriżulta mill-fatt li l-grupp Sernam ibbenefika matul għaxar snin minn għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern, mogħtija mir-Repubblika Franċiża u li l-Kummissjoni, wara d-Deċiżjoni Sernam 3, ordnat il-ħlas lura tagħha.

72

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Franċiża li dan l-obbligu ta’ ħlas lura ma huwiex estiż għal Geodis f’każ ta’ xiri minnhom ta’ parti mill-attiv tal-grupp Sernam, peress li, fl-assenza ta’ kontinwità ekonomika, ma huwiex stabbilit li Geodis effettivament gawdiet mill-għajnuna inkwistjoni.

73

Minn dan jirriżulta li, minħabba l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, Geodis, li effettivament sussegwentement xtrat ċertu attiv tal-grupp Sernam, hija eżenti minn dan l-obbligu ta’ ħlas lura, peress li ma tistax tkun meqjusa bħala benefiċjarja tal-għajnuna inkwistjoni.

74

Hekk kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 91 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan il-fatt waħdu jista’ juri li l-appellanti għandhom interess li jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, peress li r-rikors tagħhom għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali, sa fejn dan huwa intiż għall-ksib ta’ kumpens għad-danni li jallegaw li sostnew bħala riżultat tal-għoti tal-għajnuna inkwistjoni hija preċiżament ibbażata fuq il-premessa li Geodis għandha, bħala x-xerrejja, tiġi kkunsidrata bħala benefiċjarja ta’ din.

75

Fil-fatt, peress li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kienet suxxettibbli li jkollha l-konsegwenza li Geodis issa għandha tiġi kkunsidrata bħala benefiċjarja tal-għajnuna inkwistjoni, li l-għoti tagħha kkawża l-allegat dannu lill-appellanti, tali annullament ikun minnu nnifsu ta’ natura li jżid l-opportunitajiet ta’ suċċess tar-rikors għad-danni ppreżentat quddiem it-Tribunal de commerce de Paris peress li huwa dirett kontra Geodis u għalhekk jipprovdilhom vantaġġ fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

76

F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 47 tad-digriet appellat, ma jistax ikun meħtieġ li l-appellanti juru li, skont id-dritt nazzjonali, Geodis tista’ effettivament tiġi kkunsidrata bħala responsabbli tal-allegat dannu kkawżat għall-unika raġuni li hija fil-fatt xtrat l-attiv tal-grupp Sernam. Fil-fatt, ma huwiex għall-qorti tal-Unjoni, għall-finijiet tal-eżami tal-interess ġuridiku quddiemha, li tevalwa l-probabbiltà tal-fondatezza ta’ rikors ippreżentat quddiem il-qrati nazzjonali skont id-dritt nazzjonali u, għalhekk, li tissostitwixxi lil dawn f’tali evalwazzjoni. Madankollu, huwa neċessarju, iżda suffiċjenti li, jekk jirnexxi, ir-rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni jkun suxxettibbli li jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu. Dan huwa l-każ f’din il-kawża, hekk kif jirriżulta mill-punti 74 u 75 ta’ din is-sentenza.

77

Huwa wkoll mingħajr rilevanza, b’differenza minn dak li l-Qorti Ġenerali indikat fil-punt 48 tad-digriet appellat, li l-kumpanniji Mory kienu waqqfu l-attività ekonomika kollha wara t-tqegħid tagħhom fi stralċ, peress li d-dannu allegat mill-appellanti hekk kif il-Kummissjoni nnifisha ammettiet matul is-seduta, jirriżulta preċiżament mid-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-għoti tal-għajnuna inkwistjoni matul perijodu li fih huwa stabbilit li l-kumpanniji Mory wettqu attività ekonomika fis-suq ikkonċernat u li għalhekk kienu qed jikkompetu mal-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna.

78

Għall-istess raġuni, huwa irrilevanti li x-xiri minn Geodis ta’ ċertu attiv tal-grupp Sernam li sar wara d-data li fiha l-kumpanniji Mory tqiegħdu f’amministrazzjoni kkontrollata, ċirkustanza innotata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 44 u 45 tad-digriet appellat, ma kinitx il-kawża tat-tqegħid ta’ dawn l-aħħar kumpanniji fi stralċ ġudizzjarju.

79

Għandu jingħad ukoll li huwa wkoll żbaljat li l-Kummissjoni tikkontesta lill-appellanti, fl-istadju ta’ dan l-appell, li ppreżentaw ir-rikors tagħhom għad-danni quddiem il-qorti nazzjonali f’data sussegwenti għal dik tal-preżentata tar-rikors tagħhom għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 56 u 69 ta’ din is-sentenza, li l-eventwalità ta’ rikors għad-danni hija suffiċjenti sabiex tibbaża tali interess ġuridiku, sa fejn dan ma jkunx ipotetiku. F’din il-kawża, huwa stabbilit li l-appellanti ħabbru l-preżentata ta’ dan ir-rikors għad-danni fir-rikors tagħhom ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali u li dan, hekk kif jirriżulta mill-punt 42 tad-digriet appellat, kien effettivament ġie ppreżentat qabel l-adozzjoni tad-digriet appellat.

80

Barra minn hekk, għandu jiġi wkoll osservat li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, minnu nnifsu, ukoll x’aktarx jagħti vantaġġ lill-appellanti fil-kuntest tar-rikors ippreżentat quddiem it-Tribunal administratif de Paris sabiex iġiegħel lill-Istat Franċiż jirkupra l-għajnuna inkwistjoni, peress li dan l-annullament għandu l-effett li Geodis mhux neċessarjament hija iktar eżenti mill-obbligu ta’ ħlas lura li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li l-annullament ta’ din tal-aħħar tkun ta’ natura li żżid l-opportunitajiet ta’ suċċess ta’ dan ir-rikors quddiem it-Tribunal administratif de Paris.

81

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 40 tad-digriet appellat, li dan l-aħħar rikors ma kienx ta’ natura tali li jipprovdi lill-appellanti b’interess ġuridiku għar-raġuni li dan ma kienx intiż għall-kumpens għad-danni allegatament sostnuti, bl-interess ġuridiku jista’ jirriżulta, hekk kif l-Avukat Ġenerali qies fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn kull azzjoni quddiem il-qrati nazzjonali li fil-kuntest tagħha l-eventwali annullament tal-att ikkontestat quddiem il-qorti tal-Unjoni jista’ jipprovdi vantaġġ għall-appellant.

82

F’dan ir-rigward, huwa żbaljat li l-Kummissjoni ssostni li r-rikors ippreżentat mill-appellanti quddiem it-Tribunal administratif de Paris ma jistabbilixxix l-interess ġuridiku tal-appellanti quddiem il-qrati tal-Unjoni peress li dan ir-rikors huwa biss intiż sabiex jirkupra l-għajnuna inkwistjoni mhux minn Geodis iżda mill-grupp Sernam. Fil-fatt, jirriżulta b’mod ċar mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li dan ir-rikors huwa estiż għall-benefiċjarji suċċessivi tal-għajnuna inkwistjoni. Barra minn hekk, peress li l-appellanti jagħmlu referenza espliċita għal din l-estensjoni tar-rikors tagħhom fis-sottomissjonijiet tagħhom bil-miktub quddiem il-Qorti Ġenerali, huwa meħtieġ li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda fuq il-bażi li dan l-argument tal-appellanti ma kienx ġie ppreżentat fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

83

Barra minn hekk, jekk ma jistax ċertament jiġi eskluż li l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Sernam 3, sa fejn din tordna l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, jew il-waqfien tal-attivitajiet ekonomiċi tal-kumpanniji Mory, tista’ skont il-każ taffettwa l-interess ġuridiku tal-appellanti quddiem it-Tribunal administratif de Paris, din iċ-ċirkustanza hija, madankollu, mingħajr ebda impatt, kuntrarjament għal dak sostnut mill-Kummissjoni b’mod partikolari matul is-seduta, fuq l-interess ġuridiku ta’ dawn l-istess appellanti quddiem il-qorti tal-Unjoni, peress li, jekk tirnexxi, ir-rikors għal annullament ippreżentat quddiem din tista’ tinfluwenza l-eżitu tar-rikors quddiem il-qorti nazzjonali intiż għall-ksib tal-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni.

84

Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq, b’mod partikolari fil-punti 77, 78 u 83 ta’ din is-sentenza, li l-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 52 sa 54 tad-digriet appellat, li Superga Invest, bħala azzjonista prinċipali tal-kumpanniji Mory, ma kinitx stabbilit l-interess ġuridiku tagħha, peress li, minħabba li dawn l-aħħar kumpanniji ma kinux iktar attivi, huma ma kinux ser isofru minn kwalunkwe kwistjoni kompetittiva li Superga Invest ser issofri l-konsegwenzi tagħha. Peress li l-interess ġuridiku ta’ Superga Invest jingħaqad ma’ dak tal-kumpanniji, din tiddisponi wkoll, permezz tal-identiċità tal-motivi, minn tali interess quddiem il-qorti tal-Unjoni.

85

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-appellanti ma kinux stabbilixxew l-interess ġuridiku tagħhom, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sabiex jiksbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

86

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-ewwel aggravju invokat mill-appellanti insostenn tal-appell tagħhom jiġi ddikjarat fondat.

87

Konsegwentement, id-digriet appellat għandu jiġi annullat, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi eżaminat it-tieni aggravju invokat mill-appellanti insostenn tal-appell tagħhom.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

88

Konformement mal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Hija tista’ għalhekk jew tiddeċiedi definittivament hija stess il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

89

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandha l-elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi b’mod definittiv fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni matul il-proċedura fl-ewwel istanza.

90

Fl-ewwel lok, minħabba fil-motivi esposti fil-punti 74 sa 85 ta’ din is-sentenza, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda peress li din tikkontesta lill-appellanti nuqqas ta’ interess ġuridiku.

91

Fit-tieni lok, sa fejn din l-eċċezzjoni tikkontesta lill-appellanti nuqqas ta’ locus standi, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie diġà indikat fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprevedi żewġ każijiet fejn il-locus standi huwa rrikonoxxut lil persuna fiżika jew ġuridika sabiex tippreżenta rikors kontra att li tiegħu hija ma hijiex destinatarja. Minn naħa, tali rikors jista’ jitressaq sakemm dan l-att jikkonċernaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ eżekuzzjoni jekk dan jikkonċernaha direttament.

92

Id-deċiżjoni kkontestata, li kienet indirizzata lir-Repubblika Franċiża, ma tikkostitwixxix att regolatorju skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għalhekk ma hijiex att ta’ portata ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 56), għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk l-appellanti humiex direttament u individwalment ikkonċernati mill-imsemmija deċiżjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

93

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja persuni differenti minn dawk li huma d-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jippretendu li huma individwalment ikkonċernati ħlief jekk din id-deċiżjoni taffettwahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għalihom jew minħabba ċirkustanzi li fihom huma jistgħu jiġu identifikati fost persuni oħrajn u, b’hekk, jiġu identifikati individwalment bħal fil-każ ta’ destinatarju ta’ tali deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223; Sniace vs Il‑Kummissjoni, C‑260/05 P, EU:C:2007:700, punt 53; 3F vs Il‑Kummissjoni, C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punt 29, kif ukoll T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 63).

94

Peress li r-rikors fl-ewwel istanza jirrigwarda deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 108 TFUE, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi preliminari tal-eżami tal-għajnuna stabbilita fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, li għandha biss l-għan li l-Kummissjoni tkun tista’ tasal għal opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra, il-fażi tal-eżami stipulata fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Huwa biss fil-kuntest ta’ din il-fażi, li hija intiża sabiex tippermetti li l-Kummissjoni tkun tista’ tiġbor informazzjoni kompleta dwar id-data kollha tal-kawża, li t-Trattat jobbliga lill-Kummissjoni tintima lill-persuni ikkonċernati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza 3F vs Il‑Kummissjoni, C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95

Minn dan jirriżulta li, meta, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl‑Artikolu 108(2) TFUE, il-Kummissjoni tikkonstata, permezz ta’ deċiżjoni meħuda abbażi tal-paragrafu 3 tal-istess artikolu, li għajnuna mill-Istat hija kompatibbli mas-suq intern, il-benefiċjarji ta’ dawn il-garanziji proċedurali jistgħu biss jiksbu l-osservanza ta’ din il-proċedura jekk ikollhom il-possibbiltà jikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni. Għal dawn ir-raġunijiet, din il-qorti tiddikjara li rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni bħal din, ippreżentat minn persuna interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, huwa ammissibbli meta l-awtur ta’ dan ir-rikors ifittex, bil-preżentata tiegħu, li jiġu mħarsa d-drittijiet proċedurali li huwa għandu taħt din id-dispożizzjoni tal-aħħar (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi 3F vs Il‑Kummissjoni, C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 47).

96

Il-Qorti tal‑Ġustizzja kellha l-opportunità tippreċiża li tali persuni interessati huma l-persuni, l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet li jistgħu jiġu effettwati fl-interessi tagħhom permezz tal-għoti ta’ għajnuna, jiġifieri, b’mod partikolari, l-impriżi li jikkompetu mal-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna u l-organizzazzjonijiet professjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza 3F vs Il‑Kummissjoni, C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97

Min-naħa l-oħra, jekk l-appellanti jikkontestaw il-fondatezza ta’ deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 108(3) TFUE jew insegwitu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali, is-sempliċi fatt li hija tista’ titqies bħala persuna interessata fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu ma huwiex biżżejjed biex ir-rikors jiġi kkunsidrat ammissibbli. Din il-persuna jkollha tipprova li hija għandha status partikolari fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 93 ta’ din is-sentenza. B’mod partikolari, dan ikun il-każ meta l-pożizzjoni tal-appellant fis-suq tkun effettwata sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C‑78/03 P, EU:C:2005:761, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 30).

98

F’dan ir-rigward, huma partikolarment irrikonoxxuti bħala individwalment ikkonċernati minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, minbarra l-impriża benefiċjarja, l-impriżi kompetituri ta’ din tal-aħħar li kellhom rwol attiv f’din il-proċedura, sa fejn il-pożizzjoni tagħhom fis-suq hija sostanzjalment effettwata mill-miżura ta’ għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata (ara s-sentenza Sniace vs Il‑Kummissjoni, C‑260/05 P, EU:C:2007:700, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99

Fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ tali assenjazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tippreċiża li s-sempliċi fatt li att bħad-deċiżjoni kkontestata jista’ jeżerċita ċerta influwenza fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni li jeżistu fis-suq rilevanti u li l-impriża kkonċernata kienet tinsab f’relazzjoni kompetittiva mal-benefiċjarju ta’ dan l-att ma tista’ fl-ebda każ tkun suffiċjenti sabiex l-imsemmija impriża tista’ tiġi kkunsidrata bħala individwalment ikkonċernata mill-imsemmi att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 47).

100

Għalhekk, impriża ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-kwalità tagħha ta’ kompetitriċi fir-rigward tal-impriża benefiċjarja, iżda għandha tistabbilixxi, barra minn hekk, li hija tinsab f’ċirkustanzi ta’ fatt li jindividwalizzawha b’mod analogu mad-destinatarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenza British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 48).

101

F’din il-kawża, hekk kif jirriżulta mill-punt 72 ta’ din is-sentenza, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Franċiża li dan l-obbligu ta’ ħlas lura ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli impost fuq dan l-Istat Membru permezz tad-deċiżjoni Sernam 3 ma huwiex estiż għal Geodis f’każ ta’ xiri minnhom ta’ parti mill-attiv tal-grupp Sernam, peress li, fl-assenza ta’ kontinwità ekonomika, ma huwiex stabbilit li Geodis effettivament gawdiet mill-għajnuna inkwistjoni.

102

Barra minn hekk, jirriżulta espressament mill-punt 54 tad-deċiżjoni kkontestata li din ma tirrigwardax biss in-notifika riċevuta jew le tal-investiment magħmul minn Geodis, li jirrigwarda x-xiri ta’ attiv tal-grupp Sernam u konsegwentement ma kinitx tippreġudika l-evalwazzjoni ta’ dan l‑investiment mill-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikolu 107(1) TFUE.

103

Minn dan jirriżulta li l-għajnuna li, skont id-deċiżjoni kkontestata, ma tistax tiġi rkuprata mix-xerrej ta’ parti mill-attivi tal-benefiċjarju inizjali tagħhom, hija preċiżament u biss dik l-għajnuna li diġà kienet is-suġġett tad-Deċiżjoni Sernam 3.

104

Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 147 u 169 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-deċiżjoni kkontestata għandha għalhekk tiġi kkunsidrata bħala deċiżjoni konnessa u komplementari għad-Deċiżjoni Sernam 3, sa fejn hija tippreċiża l-portata tal-kwalità tal-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni u għalhekk dik tad-debitur tal-obbligu li jħallasha lura, wara li jkun seħħ xi avveniment wara l-adozzjoni ta’ din deċiżjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, ix-xiri minn terz ta’ parti mill-attiv tal-benefiċjarju inizjali ta’ din l-għajnuna.

105

Madankollu, huwa stabbilit li d-Deċiżjoni Sernam 3 ġiet adottata mill-Kummissjoni wara l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

106

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appellanti jistgħu jiġu kkunsidrati bħala individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jekk b’mod partikolari juru li l-pożizzjoni tagħhom fis-suq hija sostanzjalment effettwata mill-għoti tal-għajnuna inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li l-appellanti jistgħu jitqiesu bħala partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE għaldaqstant ma jibqax suffiċjenti għall-ammissibbiltà tar-rikors.

107

F’dan il-każ, l-appellanti jsostnu li l-kumpanniji Mory huma individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata, peress li, billi l-Kummissjoni ma fetħitx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni ċaħdet lil dawn tal-aħħar mid-drittijiet proċedurali mogħtija lilhom fl-Artikolu 108(2) TFUE, b’mod partikolari sabiex jargumentaw dwar in-nuqqas ta’ kompetenza ta’ din l-istituzzjoni li tadotta din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, il-kumpanniji Mory werew l-eżistenza ta’ interess ġuridiku. Ukoll, huma pparteċipaw fil-proċedura amministrattiva li waslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni Sernam 3 u lejliet l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata staqsew lill-Kummissjoni dwar il-bażi legali li din kienet ser tuża għal dan il-għan. Barra minn hekk, dawn il-kumpanniji huma l-uniċi li ppreżentaw rikors quddiem il-qrati Franċiżi sabiex iġiegħlu lill-awtoritajiet Franċiżi jirkupraw l-għajnuna inkwistjoni mingħand il-benefiċjarji tagħhom u, bħal Superga Invest, huma ppreżentaw rikors quddiem dawn il-qrati sabiex jiksbu l-kumpens għad-danni sostnuti minħabba fl-għoti ta’ din l-għajnuna.

108

Barra minn hekk, l-appellanti jsostnu, għall-fini ta’ dan, li l-pożizzjoni ta’ kompetizzjoni tal-kumpanniji Mory hija sostanzjalment effettwata bl-għajnuna inkwistjoni. Dawn il-kumpanniji kienu saħansitra sfurzati jwaqqfu l-attivitajiet tagħhom għal raġunijiet li huma jqisu relatati mal-għoti ta’ din l-għajnuna. Fir-rigward ta’ Superga Invest, hija wkoll issofri, bħala azzjonista tal-kumpanniji Mory, mill-effetti antikompetittivi ta’ din l-għajnuna, speċjalment minħabba li hija tista’ tiddeċiedi li hija stess tipprova tidħol fis-suq ikkonċernat.

109

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 62, 97 u 98 ta’ din is-sentenza, l-allegat ksur tad-drittijiet proċedurali mill-kumpanniji Mory fl-Artikolu 108(2) TFUE, l-interess ġuridiku tagħhom u r-rwol attiv tagħhom fil-kuntest tal-proċedura li waslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni Sernam 3 u tad-deċiżjoni kkontestata ma humiex ta’ natura tali, f’din il-kawża, sabiex jiġu identifikati fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fir-rigward tal-fatt li l-appellanti ppreżentaw rikorsi quddiem il-qrati nazzjonali sabiex, minn naħa, iġiegħlu lill-awtoritajiet Franċiżi jirkupraw l-għajnuna inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, jiksbu l-kumpens għad-danni sostnuti minħabba fl-għoti ta’ din, dan il-fatt lanqas ma jista’, bħala tali, ikun suffiċjenti sabiex dawn jiġu individwalizzati fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li kull persuna tista’ potenzjalment tippreżenta tali rikorsi.

110

Barra minn hekk, jekk l-appellanti jallegaw, anki jekk biss għall-fini ta’ dan, li l-pożizzjoni ta’ kompetizzjoni tal-kumpanniji Mory hija sostanzjalment effettwata bl-għajnuna inkwistjoni, b’mod partikolari peress li dawn il-kumpanniji kienu sfurzati jwaqqfu l-attivitajiet tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li, la fir-rikors tagħhom fl-ewwel istanza u lanqas fil-kuntest ta’ dan l-appell, huma ma pproduċew provi li jsostnu din l-allegazzjoni. Barra minn hekk, huma ma pprovdew lill-Qorti tal-Ġustizzja l-ebda data dwar l-istruttura tas-suq inkwistjoni u l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom f’dan is-suq. Fir-rigward ta’ Superga Invest, huwa stabbilit li ma eżerċitatx iktar attività fis-suq ikkonċernat u li għalhekk hija ma tistax tiġi kklassifikata bħala kompetitriċi tal-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni. Barra minn hekk, peress li l-kumpanniji Mory ma werewx li l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom kienet effettwata sostanzjalment minn din l-għajnuna, Superga Invest ma jistax ikollha għalhekk locus standi minħabba fil-kwalità tagħha ta’ unika azzjonista ta’ dawn.

111

Konsegwentement, l-ebda wieħed mill-appellanti ma jista’ jiġi kkunsidrat bħala individwalment ikkonċernat mid-deċiżjoni kkontestata, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

112

Għalhekk, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors għal annullament ippreżentat mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali, invokata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura tal-ewwel istanza, għandha tintlaqa’ peress li din l-eċċezzjoni tikkontesta lill-appellanti nuqqas ta’ locus standi u, għalhekk, għandu jiġi miċħud dan ir-rikors bħala inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

113

Skont l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(2) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn tal-aħħar, jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jitqassmu l-ispejjeż.

114

Peress li l-appell ġie milqugħ, iżda r-rikors għal annullament tagħhom ġie miċħud, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kemm dwar il-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-appell.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Mory et vs Il‑Kummissjoni (T‑545/12, EU:T:2013:607) huwa annullat.

 

2)

Ir-rikors għal annullament ippreżentat minn Mory SA, Mory Team u Superga Invest kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 2401 final, tal-4 ta’ April 2012, dwar ix-xiri tal-attiv tal-grupp Sernam fil-kuntest tal-amministrazzjoni kkontrollata tiegħu, hija miċħuda bħala inammissibbli.

 

3)

Mory SA, Mory Team, Superga Invest u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess kemm dwar il-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-appell.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top