EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CJ0016
Judgment of the Court (Third Chamber) of 23 April 2015.#Property Development Company NV v Belgische Staat.#Request for a preliminary ruling from the Hof van Beroep te Gent.#Reference for a preliminary ruling — Taxation — Sixth VAT Directive — Article 11A — Application of goods treated as a supply for consideration — Application of a building for an activity exempt from VAT — Taxable amount for that application — Interim interest paid during the construction of the building.#Case C-16/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-23 ta’ April 2015.
Property Development Company NV vs Belgische Staat.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Hof van Beroep te Gent.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tassazzjoni — Sitt Direttiva tal-VAT — Artikolu 11 A — Użu ta’ oġġett meqjus bħala kunsinna magħmula bi ħlas — Użu ta’ proprjetà immobbli għal attività eżentata mill-VAT — Valur taxxabbli għal dan l-użu — Interessi fuq kapital misluf imħallsa fiż-żmien tal-kostruzzjoni tal-proprjetà immobbli.
Kawża C-16/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-23 ta’ April 2015.
Property Development Company NV vs Belgische Staat.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Hof van Beroep te Gent.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tassazzjoni — Sitt Direttiva tal-VAT — Artikolu 11 A — Użu ta’ oġġett meqjus bħala kunsinna magħmula bi ħlas — Użu ta’ proprjetà immobbli għal attività eżentata mill-VAT — Valur taxxabbli għal dan l-użu — Interessi fuq kapital misluf imħallsa fiż-żmien tal-kostruzzjoni tal-proprjetà immobbli.
Kawża C-16/14.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:265
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
23 ta’ April 2015 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tassazzjoni — Sitt Direttiva tal-VAT — Artikolu 11 A — Użu ta’ oġġett meqjus bħala kunsinna magħmula bi ħlas — Użu ta’ proprjetà immobbli għal attività eżentata mill-VAT — Valur taxxabbli għal dan l-użu — Interessi fuq kapital misluf imħallsa fiż-żmien tal-kostruzzjoni tal-proprjetà immobbli”
Fil-Kawża C‑16/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-hof van beroep te Gent (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Jannar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Jannar 2014, fil-proċedura
Property Development Company NV
vs
Belgische Staat,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Property Development Company NV, minn M. Vanden Broeck u S. Geluyckens, avukati, |
— |
għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u J.‑C. Halleux, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Grieg, minn K. Paraskevopoulou u M. Skorila, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Finlandiż, minn S. Hartikainen, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u G. Wils, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 A tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23 u rettifika ĠU L 149, p. 26, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Property Development Company NV (iktar ’il quddiem “Prodeco”) u l-Belgische Staat dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) li waslet għall-użu ta’ proprjetà immobbli għal attività ta’ kiri. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Is-Sitt Direttiva tħassret u ġiet issostitwita, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti inkwistjoni, il-kawża prinċipali tibqa’ rregolata mis-Sitt Direttiva. |
4 |
Skont l-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva: “Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti [għall-VAT]: 1. il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali; 2. l-importazzjoni ta’ oġġetti.” |
5 |
L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva kien jipprevedi: “1. ‘Persuna taxxabbli’ tfisser kull persuna li b’mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2 [...] 2. L-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti u persuni li jagħtu [jipprovdu servizzi] [...]. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu wkoll jitqies bħala attività ekonomika. [...]” |
6 |
It-Titolu V tas-Sitt Direttiva kien intitolat “Operazzjonijiet taxxabbli” u kien jinkludi l-Artikoli 5 sa 7 ta’ din id-direttiva, li kienu intitolati, rispettivament “Provvista ta’ oġġetti”, “Provvista ta’ servizzi” u “Importazzjoni”. |
7 |
L-Artikolu 5 tas-Sitt Direttiva kien ifformulat hekk: “1. ‘Provvista ta’ oġġetti’ tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà korporali. [...] 6. L-applikazzjoni minn persuna taxxabbli ta’ oġġetti li jifformaw parti mill-assi tan-negozju tagħha għall-użu privat tagħha jew tal-persunal tagħha, jew biex issir it-tneħħija tagħhom mingħajr ħlas, jew b’mod iktar ġenerali, l-applikazzjoni tagħhom għal skopijiet barra dawk tan-negozju tagħha, fejn il-[VAT] fuq l-oġġetti in kwistjoni jew il-partijiet komponenti tagħhom kienet deduċibbli setgħet titnaqqas kollha jew parti minnha, għandhom jitqiesu bħala provvisti bi ħlas. Iżda applikazzjonijet biex jingħataw kampjuni jew rigali ta’ valur żgħir għall-iskopijiet tan-negozju tal-persuna taxxabbli m’għandhomx ikunu hekk meqjusa. 7. Stati Membri jistgħu iqisu bħala provvisti bi ħlas:
[...]” |
8 |
L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “A. Fit-territorju tal-pajjiż 1. L-ammont taxxabbli għandu jkun:
2. L-ammont taxxabbli għandu jinkludi:
[...]” |
9 |
L-Artikoli 18, 73 u 74 tad-Direttiva 2006/112 jikkorrispondu, rispettivament, għall-Artikoli 5(7), 11 A(1)(a) u 11 A(1)(b) tas-Sitt Direttiva. |
Id-dritt Belġjan
10 |
Skont l-Artikolu 12(1) tal-Liġi tat-3 ta’ Lulju 1969 li tistabbilixxi l-Kodiċi tat-taxxa fuq il-valur miżjud (Belgisch Staatsblad, tas-17 ta’ Lulju 1969, p. 7046), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi VAT”): “Li ġej jitqiesu bħala kunsinni magħmula bi ħlas: [...]
[...]” |
11 |
Permezz tal-punt 3 tal-Artikolu 12(1), il-leġiżlatur Belġjan ried jagħmel użu mill-possibbiltà offerta mill-Artikolu 5(7)(a) u (b) tas-Sitt Direttiva. |
12 |
L-Artikolu 26 tal-Kodiċi VAT jistabbilixxi li: “Għall-provvista ta’ oġġetti u servizzi, it-taxxa hija kkalkolata fuq dak kollu li jikkostitwixxi l-korrispettiv miksub jew li ser jinkiseb mill-fornitur tal-oġġett jew tas-servizz mingħand ix-xerrej tal-oġġett jew tas-servizz jew mingħand terz, inkluż is-sussidji marbuta direttament mal-prezz ta’ dawn it-tranżazzjonijiet. Huma b’mod partikolari inklużi fil-valur taxxabbli, il-flus li l-fornitur tal-oġġett jew tas-servizzi jieħu inkunsiderazzjoni bħala spejjeż tal-kummissjoni, tal-assigurazzjoni u tat-trasport, għax-xerrej tal-oġġett jew tas-servizz, sew jekk dawn l-ispejjeż huma u sew jekk ma humiex is-suġġett ta’ nota ta’ debitu separata jew ta’ ftehim separat. It-taxxi, id-dazji, l-imposti u l-ħlasijiet huma wkoll inklużi fil-valur taxxabbli.” |
13 |
L-Artikolu 33(1) tal-istess kodiċi jipprovdi li: “Il-valur taxxabbli għandu jkun:
[...]” |
14 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22(a) tad-Digriet Irjali tat-8 ta’ Ottubru 1976 dwar il-kontijiet annwali tal-impriżi (Belgisch Staatsblad, tad-19 ta’ Ottubru 1976, p. 13460), kif ukoll l-Artikolu 38 tad-Digriet Irjali tat-30 ta’ Jannar 2001 li jimplementa l-Kodiċi tal-kumpanniji (Belgisch Staatsblad tas-6 ta’ Frar 2001, p. 30008), jistabbilixxu: “L-interessi fuq kapital misluf sabiex jiffinanzjaw assi mhux tanġibbli u assi tanġibbli jistgħu jiġu inklużi fil-valur tax-xiri tagħhom, iżda biss sakemm dawn jirrigwardaw il-perijodu ta’ qabel l-użu effettiv ta’ dawn l-assi”. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
15 |
Prodeco, bejn is-sena 1991 u s-sena 1994, bniet proprjetà immobbli b’uffiċċji bl-intenzjoni li tbigħha. Hija, konsegwentement, ikkalkolat din l-immobbli fl-istokkijiet tagħha. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ dawn l-istokkijiet, konformement mar-regoli tal-evalwazzjoni ddefiniti minnha, Prodeco rreġistrat l-interessi fuq kapital misluf fl-attiv. |
16 |
Dawn l-interessi fuq kapital misluf kienu l-interessi mħallsa, bir-rata tas-self konkluż għall-finijiet tal-kostruzzjoni tal-imsemmija proprjetà immobbli, fuq l-ammonti ta’ dan is-self rilaxxati matul l-imsemmija kostruzzjoni. |
17 |
Prodeco naqqset il-VAT li hija ħallset fuq il-kunsinni u l-provvisti ta’ servizzi fir-rigward tal-kostruzzjoni tal-immobbli. |
18 |
Sakemm inbiegħet l-immobbli inkwistjoni, li fl-aħħar seħħ matul is-sena 2000, Prodeco, fis-snin 1995 u segwenti, kriet partijiet minn din il-immobbli. Matul din l-attività ekonomika, hija injorat fid-dikjarazzjonijiet fiskali tagħha l-applikabbiltà tal-punt 3 tal-Artikolu 12(1) tal-Kodiċi VAT, ħaġa li ġiet ikklassifikata bħala ksur ta’ din id-dispożizzjoni meta saret il-verifika mill-awtorità tat-taxxa Belġjana matul is-sena 1998. |
19 |
Prodeco ħallset parti mill-ammont tal-VAT mitluba mill-awtorità tat-taxxa Belġjana, jiġifieri EUR 1178489, somma li tikkorrispondi għat-total tal-VAT li kienet preċedentement imnaqqsa fuq il-kontijiet irċevuti rigward il-kostruzzjoni tal-immobbli. |
20 |
Hija madankollu rrifjutat li tħallas il-parti l-oħra tal-ammont tal-VAT mitluba wkoll mill-awtorità tat-taxxa Belġjana, jiġifieri EUR 554416.67. Dan l-ammont ġie kkalkolat abbażi tal-interessi mħallsa minn Prodeco fil-kuntest tas-self li ppermetta li tiġi ffinanzjata l-kostruzzjoni tal-immobbli. |
21 |
Fis-sena 2004, ħarġet miżura ta’ infurzar kontra Prodeco rigward dan l-aħħar ammont tal-VAT. Hija oġġezzjonat għal din l-ordni quddiem ir-rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Antwerpen), li ċaħdet din l-oppożizzjoni permezz tas-sentenza tad-9 ta’ Mejju 2008. |
22 |
Prodeco appellat minn din is-sentenza quddiem il-hof van beroep te Antwerpen (Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen). Permezz tas-sentenza tas-16 ta’ Frar 2010, din il-qorti ddikjarat l-appell fondat għal dak li jirrigwarda l-interessi fuq kapital misluf li, skont din il-qorti, ma jagħmlux parti mill-valur taxxabbli f’każ ta’ applikazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 12(1) tal-Kodiċi VAT. |
23 |
L-awtorità tat-taxxa Belġjana ppreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra l-imsemmija sentenza. Permezz tas-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2012, il-Hof van Cassatie (Qorti tal-Kassazzjoni) annullat din l-istess sentenza sa fejn din tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-interessi fuq kapital misluf u rrinvijat il-kawża quddiem il-hof van beroep te Gent (Qorti tal-Appell ta’ Gent). |
24 |
Il-hof van beroep te Gent osservat li, sabiex timmotiva d-deċiżjoni tagħha skont liema l-interessi fuq kapital misluf għandhom jagħmlu parti mill-valur taxxabbli, il-Hof van Cassatie bbażat ruħha fuq is-sentenza Muys’ en De Winter’s Bouw- en Aannemingsbedrijf (C‑281/91, EU:C:1993:855). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta fornitur ta’ oġġetti jew ta’ servizzi jagħti lill-klijent tiegħu sospensjoni ta’ pagament tal-prezz, permezz tal-pagament ta’ interessi, sal-mument tal-kunsinna, dawn l-interessi jikkostitwixxu element tal-korrispettiv miksub għall-kunsinna ta’ oġġetti jew għall-provvisti ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva. |
25 |
Il-hof van beroep te Gent tqis li, anki jekk il-Hof van Cassatie ħadet deċiżjoni ċara, tibqa’ xorta waħda l-kwistjoni dwar jekk l-interessi fuq kapital misluf għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni jew le. |
26 |
Skont il-hof van beroep te Gent, is-sentenza Muys’ en De Winter’s Bouw- en Aannemingsbedrijf (C‑281/91, EU:C:1993:855) rigward l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva, ma hijiex neċessarjament rilevanti f’każ bħal dak ineżami fil-kawża prinċipali. L-interessi fuq kapital misluf għandhom pjuttost jiġu kkunsidrati bħala li jagħmlu parti mill-“prezz ta’ kemm jiġi” [tal-ispiża], li jissemma’ fost il-valuri ta’ riferiment imsemmija fl-Artikolu 11A(1)(b) tas-Sitt Direttiva, jew jiġu kklassifikati bħala “spejjeż inċidentali” fis-sens ta’ dan l-Artikolu 11A(2). |
27 |
L-Artikolu 35(4) tar-Raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KE, tal-25 ta’ Lulju 1978, ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 21), jikkostitwixxi indizju favur din il-konklużjoni. Din id-dispożizzjoni, li ġiet trasposta fid-dritt Belġjan permezz tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22a tad-Digriet Irjali tat-8 ta’ Ottubru 1976 dwar il-kontijiet annwali tal-impriżi, tistabbilixxi li “l-interessi fuq kapital imsellef biex jiffinanzja l-produzzjoni ta’ attiv fiss jistgħu jingħaddu ma’ l-ispejjeż tal-produzzjoni sa fejn huma għandhom x’jaqsmu mal-perjodu tal-produzzjoni”. |
28 |
Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ newtralità għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni. F’dan ir-rigward, il-hof van beroep te Gent tiġbed l-attenzjoni fuq il-fatt li l-interessi fuq kapital misluf ma humiex suġġetti għall-VAT u ma setgħux għaldaqstant, għal kuntrarju tal-kunsinni u tas-servizzi li joriġinaw mill-kostruzzjoni tal-immobbli, ikunu s-suġġett ta’ tnaqqis tal-VAT. |
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-hof van beroep te Gent iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-interessi fuq kapital misluf li, skont l-Artikolu 35(4) tar-Raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE, jistgħu jiġu inklużi fl-ispejjeż ta’ produzzjoni sa fejn jikkonċernaw il-perijodu ta’ produzzjoni, jagħmlu parti mill-bażi taxxabbli għal applikazzjoni għal użu privat fis-sens tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva, jiġifieri mill-“prezz ta’ kemm jiġi [tal-ispiża]” imsemmi fl-Artikolu 11A(1)(b) tas-Sitt Direttiva u/jew mill-ispejjeż inċidentali msemmija fl-Artikolu 11A(2) tal-istess direttiva?” |
30 |
Permezz tal-ittra tat-8 ta’ Ottubru 2014, ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja bagħat lill-qorti tar-rinviju talba għall-kjarifiki, intiża b’mod partikolari sabiex isir magħruf jekk it-tranżazzjoni taxxabbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwardax, skont l-evalwazzjoni ta’ din il-qorti, is-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva jew, pjuttost, waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 7 ta’ dan l-artikolu. Il-qorti tar-rinviju ġiet mistiedna wkoll sabiex tivverifika jekk il-valur ta’ riferiment rilevanti fil-kawża prinċipali huwiex il-prezz tal-ispiża jew, pjuttost, il-prezz tax-xiri ta’ oġġetti simili. |
31 |
Fir-risposta tagħha, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Frar 2015, il-qorti tar-rinviju speċifikat li l-użu minn Prodeco tal-proprjetà immobbli inkwistjoni għall-attività ekonomika, eżentata mill-VAT, li tikkonsisti fil-kiri ta’ din il-proprjetà immobbli, tirrigwarda s-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(7)(b) tas-Sitt Direttiva u li, fost il-valuri ta’ riferiment imsemmija fl-Artikolu 11A tas-Sitt Direttiva, dak rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali huwa l-prezz tax-xiri ta’ oġġetti simili fis-sens ta’ dan l-Artikolu 11A(1)(b). |
Fuq id-domanda preliminari
32 |
Fid-dawl tar-risposta tal-qorti tar-rinviju għat-talba għall-kjarifiki tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domanda magħmula għandha tinftiehem fis-sens li l-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk l-Artikolu 11A(1)(b) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-valur taxxabbli għall-kalkolu tal-VAT fuq applikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 5(7)(b) ta’ din id-direttiva, ta’ proprjetà immobbli li l-persuna taxxabbli ordnat sabiex tinbena, għandux jinkludi l-interessi fuq kapital misluf imħallsa matul il-kostruzzjoni. |
33 |
Għandu jitfakkar qabel kollox, li d-dispożizzjoni pprovduta fl-Artikolu 11A(1)(b) tas-Sitt Direttiva, skont liema l-valur taxxabbli għat-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(6) u (7) ta’ din id-direttiva huwa kkostitwit minn “prezz tax-xiri ta’ l-oġġetti jew ta’ oġġetti simili jew, fl-assenza tal-prezz tax-xiri, il-prezz ta’ kemm jiġi, determinat fiż-żmien tal-provvista”, titbiegħed mid-dispożizzjoni ġenerali stabbilita fl-Artikolu 11A(1)(a) ta’ din id-direttiva, skont liema l-valur taxxabbli għat-tranżazzjonijiet suġġetti għall-VAT għandu jkun “dak kollox li jikkostitwixxi l-konsiderazzjoni li kien jew irid jinkiseb mill-fornitur [...] mix-xerrej, mill-klijenti jew mit-tielet parti” (ara b’analoġija, fir-rigward tal-Artikoli 73 u 74 tad-Direttiva 2006/112, sentenza Marinov, C‑142/12, EU:C:2013:292, punt 31). |
34 |
Fil-fatt, it-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(6) u (7) tas-Sitt Direttiva jikkonsistu, b’mod partikolari, f’użu ta’ oġġetti minn persuna taxxabbli għall-bżonnijiet privati tagħha jew tal-persunal tagħha jew, bħal f’dan il-każ, f’użu għal attività ekonomika eżentata mill-VAT. F’dawn il-każijiet kollha ta’ assimilazzjoni ma’ kunsinna magħmula bi ħlas, l-ebda korrispettiv reali li jista’ jservi bħala valur taxxabbli għall-kalkolu tal-VAT ma tħallas lil din il-persuna taxxabbli mingħand ix-xerrej, il-klijent jew terz, bil-konsegwenza li d-dispożizzjoni ġenerali stabbilita fl-Artikolu 11A(1)(a) tal-imsemmija direttiva ma tistax tapplika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Campsa Estaciones de Servicio, C‑285/10, EU:C:2011:381, punti 26 u 27). |
35 |
Sussegwentement, għandu jiġi osservat li, fiċ-ċirkustanza fejn l-oġġetti li huma suġġetti għal użu jew applikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 5(6) u (7) tas-Sitt Direttiva nxtraw mill-persuna taxxabbli, il-valur taxxabbli għall-kalkolu tal-VAT fuq dan l-użu jew applikazzjoni huwa, skont l-Artikolu 11A(1)(b) tas-Sitt Direttiva, ikkostitwit mill-prezz tax-xiri ta’ dawn l-oġġetti. Għal dan il-għan, il-frażi “prezz tax-xiri tal-oġġetti” għandha tinftiehem bħala li tirreferi għall-valur residwu tal-oġġetti fil-mument tal-użu jew tal-applikazzjoni tagħhom (sentenzi Fischer u Brandenstein, C‑322/99 u C‑323/99, EU:C:2001:280, punt 80; kif ukoll Marinov, C‑142/12, EU:C:2013:292, punt 32). |
36 |
Fir-rigward tal-kriterju, imsemmi fl-istess dispożizzjoni, tal-“prezz tax-xiri ta’ oġġetti simili”, jirriżulta mill-interpretazzjoni pprovduta fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza li dan il-kriterju jippermetti li jiġi stabbilit il-valur taxxabbli għal użu jew applikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 5(6) u (7) tas-Sitt Direttiva f’każijiet fejn l-oġġetti li huma s-suġġett ta’ dan l-użu jew ta’ din l-applikazzjoni ma nkisbux permezz ta’ xiri mill-persuna taxxabbli. |
37 |
Għall-bqija, jirriżulta, mingħajr ambigwità mill-imsemmi Artikolu 11A(1)(b) li huwa biss fin-nuqqas tal-prezz tax-xiri tal-oġġetti jew ta’ oġġetti simili li l-valur taxxabbli huwa kkostitwit mill-“prezz ta’ kemm jiġi”. |
38 |
Konsegwentement, fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirrigwarda applikazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 5(7)(b) tas-Sitt Direttiva, ta’ proprjetà immobbli li l-persuna taxxabbli ma xtratx iżda li ordnat sabiex tinbena, u li hija kkaratterizzata miċ-ċirkustanza li jeżistu oġġetti simili fis-suq, huwa f’konformità kompleta mal-Artikolu 11A(1)(b) tas-Sitt Direttiva li l-qorti tar-rinviju kkonstatat li l-valur taxxabbli rilevanti għall-kalkolu tal-VAT fuq dan l-użu huwa kkostitwit mill-prezz tax-xiri, fil-mument tal-imsemmi użu, ta’ proprjetà immobbli simili. |
39 |
Għall-finijiet tal-kalkolu bbażat fuq dan il-valur taxxabbli, huwa rilevanti l-fatt li l-oġġetti, li l-prezz tax-xiri tagħhom jittieħed inkunsiderazzjoni, ikunu proprjetajiet immobbli li s-sitwazzjoni, id-dimensjoni u l-karatteristiċi l-oħra essenzjali tagħhom ikunu simili għal dawk tal-proprjetà immobbli inkwistjoni (ara, b’analoġija, sentenza Gemeente Vlaardingen, C‑299/11, EU:C:2012:698, punt 30). |
40 |
Minn naħa l-oħra, ma hijiex rilevanti l-kwistjoni ta’ jekk il-prezz tax-xiri tal-proprjetajiet immobbli li huma simili jinkludux jew le l-interessi fuq kapital misluf li kienu, jekk ikun il-każ, tħallsu meta saret il-kostruzzjoni ta’ dawn il-proprjetajiet immobbli. Fil-fatt, għal kuntrarju tal-kriterju tal-prezz tal-ispiża, li l-Artikolu 11A(1)(b) tas-Sitt Direttiva jipprevedi bħala valur taxxabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ prezz tax-xiri, il-kriterju tal-prezz tax-xiri tal-oġġetti simili jippermetti lill-awtorità tat-taxxa li tibbaża ruħha fuq il-prezzijiet tas-suq ta’ dan it-tip ta’ oġġett fil-mument tal-użu tal-proprjetà inkwistjoni, mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ eżami fid-dettall ta’ liema huma l-elementi ta’ valur li wasslu għal dawn il-prezzijiet. |
41 |
Għall-istess raġuni, l-interessi fuq kapital misluf effettivi mħallsa mill-persuna taxxabbli stess fiż-żmien tal-kostruzzjoni tal-proprjetà immobbli inkwistjoni, huma, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, irrilevanti għall-istabbiliment tal-valur taxxabbli. |
42 |
Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, fl-ebda każ, il-valur taxxabbli msemmi fl-Artikolu 11A(1)(b) tas-Sitt Direttiva ma jista’ jinkludi valur li fuqu l-persuna taxxabbli diġà ħallset il-VAT mingħajr ma setgħet tnaqqsu sussegwentement. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel il-verifiki meħtieġa f’dan ir-rigward (sentenzi Gemeente Vlaardingen, C‑299/11, EU:C:2012:698, punti 31 sa 33, u Gemeente ‘s-Hertogenbosch, C‑92/13, EU:C:2014:2188, punt 35). |
43 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 11A(1)(b) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-valur taxxabbli għall-kalkolu tal-VAT fuq applikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 5(7)(b) ta’ din id-direttiva, ta’ proprjetà immobbli li l-persuna taxxabbli ordnat sabiex tinbena, huwa kkostitwit mill-prezz tax-xiri, fil-mument ta’ din l-applikazzjoni, tal-proprjetajiet immobbli li s-sitwazzjoni, id-dimensjoni u l-karatteristiċi l-oħra essenzjali tagħhom ikunu simili għal dawk tal-proprjetà immobbli inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-kwistjoni ta’ jekk parti minn dan il-prezz tax-xiri toriġinax mill-ħlas tal-interessi fuq kapital misluf hija irrilevanti. |
Fuq l-ispejjeż
44 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 11A(1)(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-valur taxxabbli għall-kalkolu tat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq applikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 5(7)(b) ta’ din id-direttiva, ta’ proprjetà immobbli li l-persuna taxxabbli ordnat sabiex tinbena, huwa kkostitwit mill-prezz tax-xiri, fil-mument ta’ din l-applikazzjoni, tal-proprjetajiet immobbli li s-sitwazzjoni, id-dimensjoni u l-karatteristiċi l-oħra essenzjali tagħhom ikunu simili għal dawk tal-proprjetà immobbli inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-kwistjoni ta’ jekk parti minn dan il-prezz tax-xiri toriġinax mill-ħlas tal-interessi fuq kapital misluf hija irrilevanti. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.