EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0599

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fit-22 ta’ Settembru 2016.
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea vs Liberation Tigers of Tamil Eelam (LTTE).
Appell – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Ġlieda kontra t-terroriżmu – Miżuri restrittivi adottati kontra ċerti persuni u entitajiet – Iffriżar ta’ fondi – Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK – Artikolu 1(4) u (6) – Regolament (KE) Nru 2580/2001 – Artikolu 2(3) – Żamma ta’ organizzazzjoni fil-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi – Kundizzjonijiet – Bażi fattwali ta’ deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi – Deċiżjoni adottata minn awtorità kompetenti – Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża C-599/14 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:723

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-22 ta’ Settembru 2016 ( 1 )

Kawża C‑599/14 P

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

vs

Liberation Tigers of Tamil Ealam (LTTE)

‘‘Appell — Miżuri restrittivi għall-prevenzjoni tat-terroriżmu — Żamma ta’ individwi, gruppi u entitajiet fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 — Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK — Artikolu 1(4) u (6) — Proċedura — Tifsira ta’ ‘awtorità kompetenti’ — Rwol ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet ta’ Stati terzi — Użu ta’ informazzjoni disponibbli fid-dominju pubbliku — Drittijiet tad-difiża — Obbligu ta’ motivazzjoni’

1. 

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea appella mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawżi magħquda T‑208/11 u T‑508/11 ( 2 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) li annullat serje ta’ miżuri ta’ implementazzjoni tal-Kunsill sa fejn, bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, dawn kienu jinkludu lil-Liberation Tigers of Tamil Eelam (iktar ’il quddiem “LTTE”) fil-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet li għalihom, jew għall-benefiċċju tagħhom, huwa pprojbit li jiġu pprovduti servizzi finanzjarji. Il-Qorti Ġenerali annullat dawk il-miżuri għal raġunijiet relatati, inter alia, mal-motivazzjoni insuffiċjenti tagħhom u mar-raġunijiet li l-Kunsill kien straħ fuqhom għaż-żamma ta’ LTTE f’dik il-lista.

2. 

Il-Kunsill jissottometti li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi:

iddeċidiet żbaljatament li fil-motivazzjoni l-Kunsill għandu juri li kien ivverifika li l-attività tal-awtorità li kienet ħarġet il-lista fl-Istat terz issir b’garanziji suffiċjenti;

evalwat l-użu mill-Kunsill ta’ informazzjoni fid-dominju pubbliku; u

ma kkonkludietx li l-lista setgħat tkun valida abbażi tal-ordni ta’ proskrizzjoni tal-2001 tar-Renju Unit. ( 3 )

Il-kuntest ġuridiku

Pożizzjoni Komuni 2001/931

3.

Il-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK tal-Kunsill ( 4 ) kienet adottata sabiex iġġib fis-seħħ ir-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Skont din ir-riżoluzzjoni, l-Istati kollha għandhom ma jħallux ikun hemm u għandhom irażżnu l-finanzjament ta’ atti terroristiċi u jiffriżaw mingħajr dewmien fondi u assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra ta’, inter alia, persuni li jwettqu, jew jipprovaw iwettqu, atti terroristiċi jew jieħdu sehem jew jiffaċilitaw sabiex jitwettqu atti terroristiċi. ( 5 )

4.

L-Artikolu 1(1) jipprevedi li “[il-]Pożizzjoni Komuni taħdem flimkien mad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli li ġejjin lill-persuni, gruppi u entitàjiet involuti f’atti terroristiċi u mniżżla fl-Anness” ( 6 ).

5.

L-Artikolu 1(2) jiddefinixxi “persuni, gruppi u entitàjiet involuti f’atti terroristiċi” bħala li jinkludu “gruppi u entitàjiet ikkontrollati direttament jew indirettament minn dawn il-persuni, gruppi jew entitàjiet li jaġixxu f’isem jew immexxija minn dawn il-persuni, gruppi u entitàjiet, inklużi fondi li ġejjin jew iġġenerati minn proprjeta jew ikkontrollati direttament jew indirettament minn dawn il-persuni u persuni, gruppi u entitàjiet assoċjati.” L-Artikolu 1(3) jiddefinixxi “att terroristiku” għall-finijiet tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. ( 7 )

6.

L-Artikolu 1(4) jipprevedi li l-lista tal-Anness

“[…] għandha tinbena fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew materjali fir-relevanza li turi deċiżjoni ittieħdet minn awtorità kompetenti b’rispett [fir-rigward] ta’ nies, gruppi u entitàjiet konċernati, irrispettivament minn jekk din tikkonċernax jew le x’ta bidu għall-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni għall-att terroristiku, attentat, tipparteċipa jew tiffaċilita dan it-tip ta’ att ibbażat fuq xhieda serja [provi serji] u kredibbli jew indikazzjonijiet jew kundanna għal dawn l-atti. Il-persuni, gruppi jew entitàjiet identifikati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li huma relatati mat-terroriżmu u kontra min tkun ordnat is-sanzjonijiet jistgħu jkunu inklużi fil-lista.

Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, ‘awtorita kompetenti’ għandha tfisser awtorita ġudizzjarja, jew, fejn awtoritajiet ġudizzjarji li m’għandhomx kompetenza fil-qasam konċernat f’dan il-paragrafu, awtorità kompeteneti ekwivalenti f’dak il-qasam.”

7.

L-Artikolu 1(6) jipprevedi li “[g]ħandha ssir reviżjoni ta’ l-ismijiet tal-persuni jew entitàjiet fil-lista ta’ l-Anness, għall-inqas darba kull sitt xhur biex jiġi assigurat li hemm raġunijiet biex jinżammu fuq il-lista”.

8.

Skont l-Artikoli 2 u 3, rispettivament, (dik li qabel kienet) il-Komunità Ewropea, li aġixxiet fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilha (dak iż-żmien) mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, “għandha tordna l-iffriżar tal-fondi u assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi ta’ persuni, gruppi u entitàtjiet elenkati fl-Anness” u “għandha tassigura li fondi u assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi u finanzjarji u servizzi relatati ma jkunux disponibbli direttament jew indirettament għall-benefiċċju ta’ persuni, gruppi u entitàjiet elenkati fl-Anness”.

9.

L-Anness tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 kien fih il-lista inizjali ta’ persuni, gruppi u entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1. Din il-lista ma kinitx tinkludi lil LTTE.

Regolament Nru 2580/2001

10.

Il-premessi 3 u 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 ( 8 ) jagħmlu riferiment għar-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-KSNU. Il-premessa 5 tgħid li tkun meħtieġa (dik li qabel kienet) azzjoni mill-Komunità sabiex jiġu implementati l-aspetti tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (iktar ’il quddiem “PESK”) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Skont il-premessa 6, dan ir-Regolament huwa miżura meħtieġa fuq (dak li qabel kien) il-livell Komunitarju u komplimentarju għal proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji dwar organizzazzjonijiet terroristiċi fl-Unjoni Ewropea u f’pajjiżi terzi.

11.

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2580/2001 jiddefinixxi “[l]-iffriżar ta’ fondi, assi finanzjarji u risorsi ekonomiċi oħra” bħala “[…] li ma jitħalliex kull moviment, trasferiment, alterazzjoni, użu ta’ jew innegozjar f’fondi f’kull mod li jirriżulta f’xi bidla fil-volum, ammont, lok, proprjetà, pussess, karattru, jew destinazzjoni tagħhom jew bidla oħra li jagħmilha possibbli li l-fondi jiġu użati, inkluż l-amministrazzjoni ta’ portafoll”. Skont l-Artikolu 1(4), id-definizzjoni ta’ “att terroristiku” għall-finijiet tar-Regolament Nru 2580/2001 hija dik li tinsab fl-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

12.

L-Artikolu 2(3) jgħid li l-Kunsill għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jemenda l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet li għalihom japplika r-Regolament Nru 2580/2001 (iktar ’il quddiem il-“lista tal-Artikolu 2(3)”), skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(4), (5) u (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Dan jistipula, b’mod partikolari, li l-lista għandha tkun magħmula minn:

“[…]

ii)

persuni legali, gruppi jew entitajiet li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu, jipparteċipaw fi jew jiffaċilitaw l-għamil ta’ xi att ta’ terroriżmu;

[…]”

13.

LTTE kien tqiegħed għall-ewwel darba fil-lista annessa mal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 mill-Pożizzjoni Komuni 2006/380/PESK ( 9 ). Tqiegħed fl-istess jum fil-lista tal-Artikolu 2(3) bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/379/KE ( 10 ). LTTE ma kkontestax dak it-tqegħid inizjali fil-lista. Huwa baqa’ fil-lista tal-Artikolu 2(3) minħabba serje ta’ deċiżjonijiet u regolamenti (inklużi r-regolamenti kkontestati ( 11 )), li lkoll ħassru u ssostitwew dawk li kienu ġew qabilhom. Meta LTTE fetaħ l-ewwel kawża tiegħu ( 12 ) fil-Qorti Ġenerali, huwa talab l-annullament tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 83/2011, sa fejn dan kien jirrigwarda lil LTTE. Dan ir-regolament kien fis-seħħ f’dak iż-żmien u kien jinkludi lil LTTE fil-punt 2.17 fil-lista tal-Artikolu 2(3) ( 13 ). Meta LTTE fetaħ it-tieni kawża ( 14 ), huwa talab l-annullament tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 687/2011 (li kien ħassar, inter alia, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 83/2011) sa fejn kien jirrigwarda lil LTTE ( 15 ).

14.

Il-premessi ta’ kull wieħed mir-regolamenti kkontestati jindikaw li l-Kunsill kien ipprovda lill-persuni, gruppi u entitajiet kollha (fejn kien prattikament possibbli) b’motivazzjoni li kienet tispjega għaliex huma kienu elenkati fir-regolament preċedenti. Dawn jistipulaw li l-Kunsill kien għarraf lill-persuni, gruppi u entitajiet elenkati fir-regolament preċedenti bil-fatt li huwa kien iddeċieda li jżommhom fil-lista. Barra minn dan, huma jispjegaw li dawn il-persuni, gruppi u entitajiet ġew informati li kien possibbli tintalab dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet tal-Kunsill li huma jitqiegħdu fil-lista (meta ma tkunx diġà ġiet ikkomunikata waħda lilhom). Skont dawn il-premessi l-Kunsill kien qies, meta kien għamel reviżjoni kompleta tal-lista tal-Artikolu 2(3), kull osservazzjoni sottomessa lilu mingħand dawk ikkonċernati.

15.

Il-Qorti Ġenerali ddeskriviet il-kontenut tal-motivazzjoni b’rabta mar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 83/2011 kif ġej:

“167.

Dawn il-motivi jibdew permezz ta’ paragrafu li fih il-Kunsill, l-ewwel nett, jiddeskrivi r-rikorrenti bħala ‘grupp terroristiku’ fformat fl-1976 u jiġġieled għal Stat Tamil separat fit-Tramuntata u fil-Lvant tas-Sri Lanka, it-tieni nett, jiddikjara li r-rikorrenti wettqet ‘ċertu numru ta’ atti terroristiċi inklużi attakki u azzjonijiet ta’ intimidazzjoni ripetuti kontra ċivili, attakki frekwenti kontra għanijiet governattivi, diżordni ta’ proċessi politiċi, ħtif ta’ persuni u assassinji politiċi’ u, it-tielet nett, jissottometti li, ‘minkejja li d-disfatta militari riċenti tal-LTTE dgħajfet sinjifikatament l-istruttura tagħha, l-intenzjoni probabbli ta’ din l-organizzazzjoni hija li tkompli l-attakki terroristiċi fis-Sri Lanka’ (l-ewwel paragrafi tal-motivi tar-regolamenti kkontestati).

168.

Sussegwentement, il-Kunsill jelenka f’lista l-‘attivitajiet terroristiċi’ li r-rikorrenti, fl-opinjoni tiegħu, wettqet, minn Awwissu 2005 sa April 2009, jew — skont ir-regolamenti kkontestati —, sa Ġunju 2010 (it-tieni paragrafi tal-motivi tar-regolamenti kkontestati).

169.

Wara li qies li ‘dawn l-atti jaqgħu taħt l-Artikolu 1(3)(a),(b), (c), (f) u (g), tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u twettqu bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(3)(i) u (iii), tal-imsemmija pożizzjoni komuni’, u li l-‘[l-LTTE] taqa’ taħt l-Artikolu 2(3)(ii) tar-Regolament Nru 2580/2001’ (it-tielet u r-raba’ paragrafi tal-motivi tar-regolamenti kkontestati), il-Kunsill jirreferi għal deċiżjonijiet li l-awtoritajiet Brittaniċi u Indjani adottaw fl-1992 [2001] u fl-2004, kontra r-rikorrenti ·inklużi żewġ deċiżjonijiet tar-Renju Unit (iktar ’il quddiem “UK”). Deċiżjoni waħda hija tas-Segretarju tal-Istat tal-Ministeru tal-Intern tal-UK (iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Intern”) tad-29 ta’ Marzu 2001 li pproskriviet lil LTTE bħala grupp involut fit-terroriżmu skont l-Att dwar it-Terroriżmu tal-2000 tar-Renju Unit (iktar ’il quddiem l-“ordni ta’ proskrizzjoni tal-2001 tar-Renju Unit”)· (il-ħames u s-sitt paragrafi tar-Regolamenti ta’ Implementazzjoni Nri 83/2011 sa 125/2014), kif ukoll fl-2012 (is-sitt u s-seba’ paragrafi tal-motivi tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 790/2014).

170.

Rigward id-deċiżjonijiet Brittaniċi u — biss fil-motivi tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 790/2014 — deċiżjonijiet Indjani, il-Kunsill jirreferi għall-fatt li huma ġew irreveduti regolarment jew huma suġġetti għal reviżjoni jew appell.

171.

Minn dawn il-kunsiderazzjoni, il-Kunsill jiddeduċi li “[i]d-deċiżjonijeit li ttieħdu fir-rigward ta’ [LTTE] kienu għaldaqtant ittieħdu minn awtoritajiet kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931” (is-seba’ paragrafi tal-motivi tar-regolamenti kkontestati).

172.

Fl-aħħar nett, il-Kunsill ‘jikkonstata li d-deċiżjonijiet imsemmija […] għadhom fis-seħħ u […] iqis li l-motivi li ġġustifikaw l-inklużjoni ta’ [LTTE] fil-lista [ta’ ffriżar ta’ fondi] jibqgħu validi’ (it-tmien paragrafi tal-motivi tar-regolamenti kkontestati). Minn dan il-Kunsill jikkonkludi li r-rikorrenti għandhom ikomplu jidhru fil-lista (id-disa’ paragrafi tal-motivi tar-regolamenti kkontestati).”

Sommarju tal-proċedura fl-ewwel istanza u s-sentenza appellata

16.

Fil-11 ta’ April 2011, LTTE fetaħ kawża (irreġistrata bħala Kawża T‑208/11) fil-Qorti Ġenerali li biha kkontesta l-inklużjoni tiegħu fil-lista tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 83/2011. Wara li LTTE nżamm fil-lista annessa mar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 687/2011, huwa fetaħ kawża oħra (irreġistrata bħala Kawża T‑508/11) li biha talab l-annullament ta’ dan ir-regolament għall-istess raġunijiet. Wara li dan ir-regolament tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1375/2011 ( 16 ) u LTTE nżamm fil-lista tal-Artikolu 2(3), LTTE talab li l-Kawżi T‑208/11 u T‑508/11 jingħaqdu. Talab li jkun jista’ jemenda t-talbiet fiż-żewġ kawżi sabiex ikunu jkopru wkoll ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1375/2011. Il-kawżi ngħaqdu b’digriet tal-15 ta’ Ġunju 2012. Matul il-proċeduri, hekk kif kienu adottati miżuri ġodda ta’ implementazzjoni, LTTE talab li jsiru aġġustamenti għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-annullament mitlub sabiex jiġu inklużi r-Regolamenti ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 542/2012 ( 17 ), Nru 1169/2012 ( 18 ), Nru 714/2013 ( 19 ), Nru 125/2014 ( 20 ) u Nru 790/2014 ( 21 ). Flimkien mar-regolamenti ta’ implementazzjoni l-oħra, dawn flimkien jikkostitwixxu r-“regolamenti kkontestati”. Il-Qorti Ġenerali aċċettat dawn l-aġġustamenti.

17.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi intervjenew fiż-żewġ kawżi insostenn tal-Kunsill, li talab lill-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors ta’ LTTE u tikkundannah għall-ispejjeż. Fil-Kawża T‑208/11, il-Gvern tar-Renju Unit intervjena wkoll insostenn tal-Kunsill.

18.

LTTE ippreżenta sitt aggravji li kienu japplikaw fiż-żewġ kawżi; aggravju addizzjonali wieħed kien rilevanti biss għall-Kawża T‑508/11. Huma biss l-aggravji minn tielet sa sitta li huma rilevanti għal dan l-appell.

19.

Permezz tat-tielet aggravju tiegħu (ma kien hemm ebda deċiżjoni meħuda minn awtorità kompetenti), LTTE sostna li l-motivi għar-regolamenti kkontestati kellhom riferimenti għal deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet tar-Renju Unit u tal-Indja li ma kinux ekwivalenti għal deċiżjonijiet ta’ awtorità kompetenti għall-finijiet tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Li kieku l-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li d-deċiżjonijiet tar-Renju Unit kienu deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti, LTTE ilmenta li dawk id-deċiżjonijiet ma kinux ibbażati fuq provi jew indizji serji u kredibbli; il-motivi lanqas ma identifikaw il-bażijiet għal dawk id-deċiżjonijiet. Li kieku l-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li deċiżjoni ta’ awtorità ta’ Stat terz (jiġifieri l-Indja) kienet deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti, LTTE ssottometta li d-deċiżjonijiet Indjani li kienu jiddikjarawh illegali ma kinux suġġetti għal stħarriġ minn qorti Indjana, kif meħtieġ skont il-liġi Indjana. Il-motivazzjoni lanqas ma għamlet riferiment għal dan il-fatt jew xort’oħra wriet li d-deċiżjonijiet Indjani kienu deċiżjonijiet adottati minn awtorità kompetenti. F’kull każ, id-deċiżjonijiet Indjani ma kinux ibbażati fuq provi jew indizji serji u kredibbli u l-bażijiet għal dawk id-deċiżjonijiet ma kinux inklużi fil-motivazzjoni. LTTE ssottometta wkoll li l-awtoritajiet Indjani ma kinux sors affidabbli ta’ informazzjoni minħabba l-parzjalità tagħhom.

20.

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-oġġezzjoni ta’ LTTE li l-awtoritajiet tar-Renju Unit u tal-Indja ma kinux awtoritajiet kompetenti ( 22 ). Il-Qorti Ġenerali għamlet riferiment għall-ġurisprudenza li kienet tikkonferma li awtorità amministrattiva tista’ tkun awtorità kompetenti u li l-fatt li deċiżjoni kienet tikkostitwixxi deċiżjoni amministrattiva ma huwiex fih innifsu deċiżiv ( 23 ). Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, għalkemm kien hemm preferenza għal deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet ġudizzjarji, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 “[…] bl-ebda mod ma jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ deċiżjonijiet minn awtoritajiet amministrattivi, meta, minn naħa, dawn l-awtoritajiet huma effettivament investiti, fid-dritt nazzjonali, bil-kompetenza li jadottaw deċiżjonijiet restrittivi kontra gruppi involuti fit-terroriżmu u, min-naħa l-oħra, meta dawn l-awtoritajiet, għalkemm biss amministrattivi, jistgħu madankollu jitqiesu bħala “ekwivalenti” għall-awtoritajiet ġudizzjarji” ( 24 ). Barra minn dan, ġurisprudenza eżistenti wriet ukoll li l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma kinitx teħtieġ li d-deċiżjoni tittieħed fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali; tali deċiżjonijiet setgħu jagħmlu parti wkoll minn proċedura li jkollha l-għan li jiġu adottati miżuri preventivi ( 25 ) F’din il-kawża, id-deċiżjonijiet tar-Renju Unit u tal-Indja kienu jagħmlu parti minn proċeduri nazzjonali li kellhom l-għan li jimponu miżuri preventivi jew punittivi b’rabta mal-ġlieda kontra t-terroriżmu.

21.

Wara li kkonstatat li s-Segretarju tal-Intern kien awtorità kompetenti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li awtorità ta’ Stat terz setgħet tiġi rrikonoxxuta bħala awtorità kompetenti skont it-tifsira tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ( 26 ). Il-Qorti Ġenerali kienet sabet li r-rekwiżit essenzjali li jiġi vverifikat jekk kienx hemm deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali li tissodisfa d-definizzjoni tal-Artikolu 1(4) kienet iktar u iktar importanti fil-każ ta’ deċiżjonijiet adottati minn awtoritajiet ta’ Stat terz. Hija nnotat li ħafna Stati terzi ma humiex marbuta bil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u li ebda wieħed minnhom ma huwa suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-Qorti Ġenerali, għalhekk, iddeċidiet li l-Kunsill għandu, qabel ma jaġixxi abbażi ta’ deċiżjoni ta’ awtorità ta’ Stat terz, jivverifika b’attenzjoni li l-leġiżlazzjoni rilevanti ta’ dak l-Istat tiżgura protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li tkun ekwivalenti għal dik iggarantita skont id-dritt tal-Unjoni. Ma jistax ikun hemm provi li l-Istat terz jonqos fil-prattika milli japplika dik il-leġiżlazzjoni. Il-Qorti Ġenerali żiedet li, fin-nuqqas ta’ ekwivalenza bejn il-livell ta’ protezzjoni żgurat mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat terz u d-dritt tal-Unjoni, konstatazzjoni li awtorità nazzjonali ta’ Stat terz għandha l-istatus ta’ awtorità kompetenti skont it-tifsira tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 tkun timplika differenza fit-trattament bejn persuni koperti mill-miżuri tal-Unjoni għall-iffriżar ta’ fondi abbażi ta’ jekk id-deċiżjonijiet li fuqhom ikunu bbażati dawk il-miżuri jkunux inħarġu minn awtoritajiet ta’ Stati terzi jew ta’ Stati Membri ( 27 ).

22.

Fil-każ inkwistjoni l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-motivi għar-regolamenti kkontestati ma kellhom ebda prova li kienet tissuġġerixxi li l-Kunsill kien wettaq tali verifika bir-reqqa ( 28 ). Il-Qorti Ġenerali ma aċċettatx ukoll l-argument tal-Kunsill li, kieku din kienet inklużjoni inizjali fil-lista (iktar milli inklużjoni mill-ġdid), kien ikun hemm motivazzjoni b’iktar dettalji li kienet tkun tirrifletti evalwazzjoni inizjali iktar iddettaljata tal-leġiżlazzjoni Indjana. F’dan l-isfond, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tielet aggravju sa fejn kellu rabta mal-awtoritajiet Indjani u ċaħditu sa fejn kien jirrigwarda l-awtoritajiet tar-Renju Unit ( 29 ).

23.

Il-Qorti Ġenerali mbagħad eżaminat mir-raba’ sas-sitt aggravji, meħuda flimkien mat-tieni aggravju. Dawn l-aggravji kienu:

assenza ta’ eżami mill-ġdid meħtieġ mill-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ir-raba’ aggravju);

ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (il-ħames aggravju);

ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (is-sitt aggravju); u

il-klassifikazzjoni żbaljata ta’ LTTE bħala organizzazzjoni terroristika fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (it-tieni aggravju).

24.

Il-Qorti Ġenerali ddeskriviet dawn l-aggravji bħala li jsostnu l-allegazzjoni li l-Kunsill kien ibbaża r-regolamenti kkontestati fuq lista ta’ atti li l-Kunsill innifsu attribwixxa lil LTTE, iktar milli fuq deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti. It-tieni u r-raba’ aggravji kienu jirrigwardaw l-allegazzjoni li l-imputazzjoni ta’ attivitajiet terroristiċi lil LTTE f’dak l-elenkar fil-lista ma kellhiex bażi fattwali u legali suffiċjenti. Il-ħames u s-sitt aggravji kienu jirrigwardaw l-allegazzjoni li il-motivazzjoni kien fiha diversi lakuni sabiex ir-regolamenti kkontestati jippermettu li LTTE torganizza difiża effikaċi u sabiex il-qrati tal-Unjoni jkunu jistgħu jeżerċitaw stħarriġ ġudizzjarju ( 30 ).

25.

Il-Qorti Ġenerali l-ewwel stabbilixxiet ( 31 ) il-prinċipji u l-ġurisprudenza li abbażi tagħhom hija kienet lesta tqis il-motivi mressqa mill-Kunsill fir-regolamenti kkontestati ( 32 ). Hija kkonstatat li l-Kunsill kien ibbaża dawk ir-regolamenti fuq informazzjoni li huwa kien ġabar mill-istampa u mill-internet, mhux minn evalwazzjonijiet li kien hemm f’deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti ( 33 ). Skont il-Qorti Ġenerali, ir-raġunament tal-Kunsill kien kif ġej: (i) il-Kunsill kien huwa nnifsu kklassifika lil LTTE bħala organizzazzjoni terroristika u imputalu serje ta’ atti ta’ vjolenza li l-Kunsill kien ħa mill-istampa u mill-internet; (ii) wara, il-Kunsill kien qal li l-atti imputati lil LTTE kienu atti terroristiċi skont it-tifsira tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li LTTE kien grupp terroristiku; u (iii) fl-aħħar nett il-Kunsill kien għamel riferiment għal deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet tar-Renju Unit u tal-Indja li, fir-rigward tar-Regolamenti ta’ Implementazzjoni Nri 83/2011 sa 125/2014, kienu jeżistu qabel l-atti imputati ( 34 ).

26.

Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kunsill ma kienx identifika, fil-motivi għar-regolamenti ta’ implementazzjoni, deċiżjonijiet sussegwenti ta’ reviżjoni nazzjonali jew deċiżjonijiet oħra ta’ awtoritajiet kompetenti li attwalment eżaminaw u kkonfermaw l-atti speċifiċi deskritti fil-bidu ta’ dawk il-motivi. Il-Kunsill sempliċement ikkwota d-deċiżjonijiet nazzjonali inizjali u qal biss li kienu baqgħu fis-seħħ. Kien biss fir-rigward tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 790/2014 li l-Kunsill semma deċiżjonijiet nazzjonali sussegwenti għall-atti speċifikament imputati lil LTTE. Hemmhekk, madankollu, il-Kunsill kien naqas milli juri li dawk id-deċiżjonijiet attwalment eżaminaw u kkonfermaw l-atti speċifiċi msemmija fil-bidu ta’ dawk il-motivi ( 35 ). Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti Ġenerali ddistingwiet dan il-każ, fejn il-Kunsill kien wettaq l-imputazzjonijiet fattwali indipendenti tiegħu fuq il-bażi tal-istampa jew tal-internet, minn każijiet fejn il-bażi fattwali tar-regolamenti tal-Kunsill kienu oriġinaw minn deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti ( 36 ). Għalhekk, skont il-Qorti Ġenerali, il-Kunsill kellu l-intenzjoni jeżerċita l-funzjonijiet ta’ awtorità kompetenti. Madankollu, dawn il-funzjonijiet la kienu fil-kompetenza tal-Kunsill skont il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u lanqas fil-mezzi tiegħu ( 37 ).

27.

Il-Qorti Ġenerali sabet li l-approċċ tal-Kunsill kien jikser is-sistema ta’ żewġ livelli stabbilita mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Skont il-Qorti Ġenerali kull att terroristiku ġdid li l-Kunsill idaħħal fil-motivazzjoni tiegħu matul il-proċess ta’ reviżjoni kellu jkun is-suġġett ta’ eżami u deċiżjoni minn awtorità kompetenti skont it-tifsira ta’ din il-Pożizzjoni Komuni ( 38 ).

28.

Il-Qorti Ġenerali ma laqgħatx l-argument tal-Kunsill li n-nuqqas ta’ riferiment (fil-motivi għar-regolamenti kkontestati) għal deċiżjonijiet speċifiċi ta’ awtoritajiet kompetenti li kienu speċifikament eżaminaw u kkonfermaw l-atti deskritti fil-bidu nett ta’ dawk il-motivi kien attribwibbli lil LTTE, li seta’ u missu kkontesta l-miżuri restrittivi li kienu jirrigwardawh f’livell nazzjonali. Dan huwa hekk għaliex: (i) l-obbligu li deċiżjonijiet dwar iffriżar ta’ fondi jkunu bbażati fuq sisien fattwali ma huwiex suġġett għal azzjoni mill-persuna jew grupp ikkonċernat; (ii) l-argument ikkonferma li l-Kunsill kien fil-fatt straħ fuq informazzjoni li kien ġabar mill-istampa u mill-internet; u (iii) l-argument kompla jissuġġerixxi li d-deċiżjonijiet nazzjonali dwar iffriżar ta’ fondi li l-Kunsill kien straħ fuqhom setgħu huma stess, la ma kienx hemm kontestazzjoni mill-parti kkonċernata skont id-dritt nazzjonali, ma kienu bbażati fuq ebda att speċifiku ta’ terroriżmu ( 39 ).

29.

Il-Qorti Ġenerali ma kinitx konvinta bl-argument tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li obbligu li l-bażi fattwali tar-regolamenti dwar iffriżar ta’ fondi għandha tirriżulta minn deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti jista’ jwassal, fin-nuqqas ta’ tali deċiżjonijiet, għat-tneħħija mhux iġġustifikata ta’ persuni jew gruppi mil-lista tal-Artikolu 2(3), meqjus ukoll il-fatt li r-reviżjoni fl-Istati Membri tista’ tkun differenti mir-reviżjoni ta’ kull sitt xhur fil-livell tal-Unjoni. Dak l-argument kien inkonsistenti mal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li teħtieġ li l-bażi fattwali tad-deċiżjoni tal-Unjoni tkun ibbażata fuq informazzjoni li tkun ġiet speċifikament eżaminata u kkonfermata f’deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

30.

Skont is-sistema ta’ żewġ livelli, huma l-Istati Membri li għandhom jittrażmettu regolarment lill-Kunsill, u huwa l-Kunsill li għandu jiġbor, id-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti adottati f’dawk l-Istati Membri, kif ukoll il-motivi għal dawk id-deċiżjonijiet. Jekk, minkejja dik it-trażmissjoni ta’ informazzjoni, deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti dwar att speċifiku li jista’ jikkostitwixxi att terroristiku ma kienx disponibbli għall-Kunsill, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kunsill, fl-assenza ta’ mezzi tiegħu stess ta’ investigazzjoni, għandu jitlob lil awtorità kompetenti nazzjonali sabiex tevalwa dak l-att, bil-għan li tittieħed deċiżjoni minn dik l-awtorità. Għal dan il-fini, il-Kunsill jista’ jikkuntattja kemm lit-tmienja u għoxrin Stat Membru, b’mod partikolari lill-Istati Membri li jkunu diġà eżaminaw is-sitwazzjoni tal-persuna jew tal-grupp ikkonċernati, kif ukoll lil Stat terz li jkun jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Il-Qorti Ġenerali aċċettat li d-deċiżjoni inkwistjoni ma għandiex neċessarjament tittieħed mill-awtorità nazzjonali li perjodikament tirrivedi t-tqegħid tal-persuna jew tal-grupp ikkonċernati fil-lista nazzjonali relatata ma’ fondi ffriżati. F’kull każ, il-fatt li l-waqt ta’ meta ssir ir-reviżjoni perjodika fil-livell nazzjonali huwa differenti minn dak li jkun fis-seħħ fil-livell tal-Unjoni ma jistax jiġġustifika li l-Istat Membru kkonċernat jipposponi l-eżami tal-azzjoni inkwistjoni li l-Kunsill ikun talab. Is-sistema ta’ żewġ livelli u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jfissru li l-Istati Membri għandhom jaġixxu mingħajr dewmien jekk il-Kunsill jitlobhom jevalwaw att li jista’ jikkostitwixxi att terroristiku u, fejn ikun jixraq, awtorità kompetenti għandha tieħu deċiżjoni skont it-tifsira tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ( 40 ).

31.

Il-Qorti Ġenerali kompliet tgħid li n-nuqqas ta’ kull att terroristiku ġdid matul perijodu partikolari ta’ sitt xhur bl-ebda mod ma jfisser li l-Kunsill għandu jirtira l-persuna jew il-grupp ikkonċernat mil-lista tal-Artikolu 2(3). Il-Kunsill jista’ jżomm il-persuna kkonċernata f’dik il-lista, anki wara l-waqfien tal-attività terroristika fis-sens strett, jekk iċ-ċirkustanzi jkunu jiġġustifikaw dan ( 41 ).

32.

Il-Qorti Ġenerali żiedet tgħid li l-ħtieġa ta’ bażi fattwali f’deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti ma tfissirx li jkun hemm riskju li persuna jew grupp jinżamm mingħajr ġustifikazzjoni fil-lista tal-Artikolu 2(3). Il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma tinkludi ebda obbligu li jintużaw deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti sabiex persuna jew grupp ma jinżammx fil-lista tal-Artikolu 2(3). Tali deċiżjoni ma hijiex suġġetta għall-istess rekwiżiti proċedurali, anki jekk, fil-maġġoranza tal-każi, hija seħħ fid-dawl ta’ deċiżjonijiet favorevoli adottati fil-livell nazzjonali ( 42 ).

33.

Il-Qorti Ġenerali, għalhekk, annullat ir-regolamenti kkontestati sa fejn kienu jikkonċernaw lil LTTE, abbażi tal-fatt li r-Regolament Nru 2580/2001 japplika fil-każ ta’ kunflitt armat (li ma huwiex rilevanti għal dan l-appell ( 43 )) u li l-Kunsill kien kiser kemm l-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni ( 44 ).

Talbiet u sottomissjonijiet fl-appell

34.

Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni ( 45 ) u mill-Gvernijiet ta’ Franza, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit, jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiddeċiedi b’mod definittiv il-kwistjonijiet li huma s-suġġett tal-appell tiegħu billi tiċħad ir-rikorsi u tikkundanna lil LTTE għall-ispejjeż tal-Kunsill fil-Kawżi magħquda T‑208/11 u T‑508/11 u f’dan l-appell. LTTE jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli, tikkonferma s-sentenza appellata u tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

35.

Fis-seduta tat-3 ta’ Mejju 2016, dawn il-partijiet kollha ppreżentaw ukoll sottomissjonijiet orali.

36.

Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu l-Kunsill jissottometti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kunsill kien obbligat juri, fil-motivazzjoni mibgħuta lil LTEE, li huwa kien ivverifika li l-attività tal-awtorità li kienet ħarġet il-lista fl-Istat terz kienet saret b’garanziji suffiċjenti. L-argumenti prinċipali tal-Kunsill jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej: il-motivazzjoni għandha tkun ġejja minn informazzjoni li tkun ta’ għajnuna għal LTTE sabiex jifhem għaliex kien jinsab fil-lista, b’mod partikolari, l-aġir li kkawża l-inklużjoni fil-lista. Il-motivazzjoni ma għandha tagħmel riferiment għal ebda informazzjoni oħra, inkluża informazzjoni relatata mal-evalwazzjoni tal-Kunsill tal-garanziji proċedurali rilevanti applikabbli għad-deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti ta’ Stat terz li huwa jkun straħ fuqha. Isegwi wkoll li l-assenza ta’ informazzjoni dwar dik l-evalwazzjoni fil-motivazzjoni ma tfissirx li l-Kunsill ikun naqas li jagħmel tali evalwazzjoni.

37.

LTTE jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel aggravju. Il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta kkonstatat li fil-motivazzjoni ma kien hemm l-ebda riferiment għad-drittijiet tad-difiża jew għad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. LTTE iqis li l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 tipprovdi bażi legali sabiex il-Kunsill ikun meħtieġ jivverifika kemm il-leġiżlazzjoni kif ukoll il-prattika ta’ Stat terz, sabiex jistabbilixxi jekk l-istandards tad-drittijiet tad-difiża u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva humiex konformi ma’ dawk iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni japplikaw għall-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u għar-regolamenti ta’ implementazzjoni. Għalhekk, kull deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 1(4) għandha tittieħed skont dawn id-drittijiet. Individwi ma għandhomx ikunu mistennija jkunu familjari mal-garanziji proċedurali fi Stati terzi. Barra minn dan, kull analiżi li tirrigwarda Stati terzi għandha tiġi deskritta fil-motivazzjoni biss jekk ir-riżultat tal-evalwazzjoni tal-Kunsill ikun pożittiv.

38.

Permezz tat-tieni aggravju tiegħu il-Kunsill jissottometti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tal-użu ta’ informazzjoni fid-dominju pubbliku.

39.

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta ppreżumiet li l-Kunsill għandu jipprovdi regolarment raġunijiet ġodda li jiġġustifikaw għaliex l-appellat jibqa’ suġġett għal miżuri restrittivi, u li — minkejja l-ordni ta’ proskrizzjoni tal-2001 tar-Renju Unit u l-iffriżar ta’ assi mill-Unjoni — kien hemm sensiela regolari ta’ deċiżjonijiet minn awtoritajiet nazzjonali li l-Kunsill jista’ u għandu jqis matul ir-reviżjoni tiegħu kull sitt xhur.

40.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ma aċċettatx l-użu li l-Kunsill għamel ta’ materjal minn sors miftuħ f’ċirkustanzi fejn l-informazzjoni ċċitata mill-Kunsill kienet użata sabiex jiġi ddeterminat jekk — minkejja l-fatt li l-Kunsill seta’ jkompli jżomm fil-lista lil LTTE abbażi tad-deċiżjonijiet eżistenti ta’ awtoritajiet kompetenti — huwa għandux ikompli jżomm lil LTTE fil-lista.

41.

It-tielet nett, għalkemm il-Qorti Ġenerali qalet li l-Kunsill kellu jitlob lil awtorità kompetenti tistħarreġ il-materjal tal-istampa, ma hemmx bażi għal tali proċedura fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931, fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Al-Aqsa jew xi mkien ieħor. F’kull każ, il-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali twassal għal sitwazzjoni mhux prattikabbli.

42.

Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta kkonkludiet li r-rifjut tagħha li taċċetta l-użu li l-Kunsill għamel ta’ materjal minn sors miftuħ kellu bilfors jirriżulta fl-annullament tar-regolamenti kkontestati.

43.

LTTE iwieġeb li l-atti elenkati fil-motivazzjoni ma kinux oriġinaw minn deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti minħabba li kull att elenkat kien ġie wara d-deċiżjonijiet nazzjonali. Dan jikkonferma li d-deċiżjoni li LTTE jinżamm fil-lista tal-Artikolu 2(3) setgħet kienet ibbażata biss fuq informazzjoni pprovduta mill-istampa u mill-internet. Il-Qorti Ġenerali ma rritenietx li l-Kunsill għandu jipprovdi raġunijiet ġodda sabiex jiġġustifika għaliex l-appellat kellu jibqa’ suġġett għal miżuri restrittivi fuq bażi regolari. Hija sempliċement stabbiliet li, jekk il-Kunsill jagħżel li jipprovdi raġunijiet ġodda, dawk ir-raġunijiet għandhom ikunu joriġinaw minn deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti. Il-Qorti Ġenerali sewwa kkonstatat li, meta għamel evalwazzjoni indipendenti abbażi ta’ informazzjoni pprovduta mill-istampa u mill-internet, il-Kunsill effettivament ipprova jeżerċita funzjoni ta’ awtorità kompetenti.

44.

Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, il-Kunsill jissottometti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma kkonkludietx li l-ordni ta’ proskrizzjoni tal-2001 tar-Renju Unit setgħet isservi bħala deċiżjoni valida skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. L-ewwel nett, fil-kawża PMOI ( 46 ) il-Qorti Ġenerali kkonstatat li ordni bħal dik kienet deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti nazzjonali. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kunsill kellu jkollu quddiemu l-elementi kollha użati mis-Segretarju tal-Intern meta pproskriva lil LTTE.

45.

LTTE jissottometti li, jekk ebda wieħed mill-atti terroristiċi li wasslu lis-Segretarju tal-Intern jipproskrivi lil LTTE ma kien magħruf mill-Kunsill, il-Kunsill ma setax jivverifika jekk l-ordni ta’ proskrizzjoni tal-2001 tar-Renju Unit kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. F’dak il-każ, il-Qorti Ġenerali min-naħa tagħha ma setgħetx tivverifika jekk il-provi użati kinux fattwalment preċiżi, affidabbli u konsistenti. Ikun ifisser ukoll li ebda waħda mill-partijiet involuti ma tkun tista’ teżamina jekk kinitx ittieħdet deċiżjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4). Barra minn dan, l-argument tal-Kunsill li jista’ ma jkunx realistiku li jintalab li ċerta informazzjoni li tkun il-bażi ta’ deċiżjoni nazzjonali tiġi kondiviża, huwa ipotetiku. F’dawn il-proċeduri ma jidhirx li l-informazzjoni (jekk kien hemm) li hija l-bażi tal-ordni ta’ proskrizzjoni tal-2001 tar-Renju Unit kienet ristretta.

Analiżi

Osservazzjonijiet preliminari

46.

Dan l-appell essenzjalment jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja (terġa’) tqis l-arkitettura tal-mekkaniżmu li permezz tiegħu jinżammu miżuri restrittivi tal-Unjoni skont il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001, kif ukoll il-funzjoni tal-Istati Membri u ta’ Stati terzi f’dik l-iskema.

47.

F’dik l-iskema tista’ ssir distinzjoni bejn: (i) l-inklużjoni inizjali fil-lista u (ii) id-deċiżjoni li persuna, entità jew grupp tinżamm fil-lista tal-Artikolu 2(3). Fir-rigward tal-ewwel tip ta’ deċiżjoni, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 tistabbilixxi l-proċedura li l-Kunsill għandu japplika u l-materjali li fuqhom huwa jista’ jistrieħ. Ebda regola bħal din ma hija stabbilita għat-tieni tip ta’ deċiżjoni. Huwa dan it-tip ta’ deċiżjoni li kien is-suġġett tar-rikors ta’ LTTE quddiem il-Qorti Ġenerali u li huwa inkwistjoni f’dan l-appell.

48.

L-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jipprevedi biss li għandu jkun hemm reviżjoni regolari tal-ismijiet ta’ persuni u ta’ gruppi fil-lista tal-Artikolu 2(3) sabiex jiġi żgurat li jkun hemm raġunijiet sabiex jinżammu fil-lista. Il-kwistjonijiet ċentrali f’dan l-appell huma kif il-Kunsill jista’ jistabbilixxi li tali raġunijiet jeżistu u x’għandu jikkomunika l-Kunsill lill-persuni jew gruppi kkonċernati.

49.

Mill-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ raġunijiet sabiex persuna jew grupp jinżamm f’din il-lista, il-Kunsill għandu jneħħihom jew iħassarhom mil-lista ( 47 ). F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li LTTE ma ssottomettiex huwa stess osservazzjonijiet u provi lill-Kunsill li jistgħu jaffettwaw ir-raġunijiet għall-inklużjoni tiegħu fil-lista tal-Artikolu 2(3) u possibbilment jirriżultaw fit-tħassir tiegħu mil-lista. Fil-kuntest ta’ tip differenti ta’ miżura restrittiva, il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet li, meta tali osservazzjonijiet u provi jiġu pprovduti u jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-emendar tar-raġunijiet sabiex persuna tiġi inkluża fil-lista fid-deċiżjoni meħuda fil-qafas tal-PESK, l-emenda għandha tidher ukoll fir-regolament adottat skont it-TFUE ( 48 ).

50.

Ebda waħda miż-żewġ partijiet ma kkontestat il-parti tas-sentenza dwar l-ewwel motiv ta’ LTTE, fiż-żewġ kawżi, li r-Regolament Nru 2580/2001 ma japplikax għall-kunflitt bejn LTTE u l-Gvern tas-Sri Lanka minħabba li d-dritt umanitarju internazzjonali biss jirregola dak il-kunflitt armat (u, għalhekk, anki atti mwettqa f’dak il-kuntest). Din il-kwistjoni, madankollu, tqajmet fil-Kawża C‑158/14 A et.

51.

Fis-sottomissjonijiet tiegħu l-Kunsill jagħmel enfasi kunsiderevoli fuq il-fatt li LTTE qatt ma kkontesta xi waħda mid-deċiżjonijiet nazzjonali li fuqhom il-Kunsill straħ jew ir-regolamenti tal-Kunsill li bihom huwa kien inizjalment ġie inkluż u sussegwentement miżmum fil-lista tal-Artikolu 2(3). Madankollu, kif nifhimha jiena, reviżjoni ta’ regolament tal-Kunsill tinvolvi eżami ta’ jekk il-Kunsill kienx konformi mar-regoli applikabbli tad-dritt tal-Unjoni, inklużi kundizzjonijiet stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u mad-drittijiet fundamentali. Xejn f’dawk ir-regoli ma jagħmel din ir-reviżjoni dipendenti fuq jekk il-parti kkonċernata kinitx l-ewwel ikkontestat id-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti quddiem il-forum nazzjonali xieraq.

52.

Fis-seduta l-Kunsill ġie mistoqsi jekk kienx meħtieġ li jiġi indirizzat l-ewwel aggravju. Dan l-aggravju jirrigwarda r-rekwiżit ta’ motivazzjoni għal deċiżjoni li tadotta miżuri restrittivi. Huwa minnu li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li, għall-inqas, waħda mir-raġunijiet imsemmija hija suffiċjentement iddettaljata u speċifika, il-fatt li ma jkunx jista’ jingħad l-istess dwar ir-raġunijiet l-oħra ma jistax jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni ( 49 ). Dan ifisser li, f’din il-kawża, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi (fil-kuntest tat-tieni u/jew tat-tielet aggravju) li l-Qorti Ġenerali żbaljat, u tikkonstata li r-regolamenti kkontestati kienu bbażati sewwa fuq, pereżempju, l-ordni ta’ proskrizzjoni tal-2001 tar-Renju Unit u mmotivati b’mod suffiċjenti, ma jkunx għalhekk meħtieġ li jitqies ukoll jekk il-motivazzjonijiet sabiex wieħed jistrieħ fuq id-deċiżjonijiet ta’ Stati terzi kinux suffiċjenti. Madankollu, meqjusa l-importanza sistemika tal-kwistjoni li hija l-bażi tal-ewwel aggravju u possibbilment ir-rilevanza tagħha għal kawżi oħra, ser neżamina l-ewwel aggravju irrispettivament mill-merti tal-aggravji l-oħra.

L-ewwel aggravju

53.

L-ewwel aggravju jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kunsill għaliex juża deċiżjoni ta’ awtorità ta’ Stat terz bħala bażi sabiex juri li għad hemm raġunijiet sabiex organizzazzjoni, bħal LTTE, tinżamm fil-lista tal-Artikolu 2(3). Dan l-aggravju jassumi li l-Qorti Ġenerali kienet korretta meta aċċettat li, sakemm il-Kunsill, qabel ma aġixxa abbażi ta’ dik id-deċiżjoni, kien ivverifika sewwa li l-leġiżlazzjoni rilevanti ta’ dak l-Istat terz tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża u ta’ dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ekwivalenti għal dawk iggarantiti skont id-dritt tal-Unjoni, tali deċiżjoni tista’ tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Jekk il-Kunsill jistax jistrieħ f’kull każ fuq deċiżjoni ta’ awtorità ta’ Stat terz u, jekk huwa hekk, taħt liema kundizzjonijiet, huma kwistjonijiet li ma humiex quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’dan l-appell.

54.

Il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma għandha ebda rekwiżit espress ta’ motivazzjoni. Il-bażi għal dan ir-rekwiżit tinsab xi mkien ieħor. Għalhekk, skont l-Artikolu 296 TFUE, il-Kunsill għandu jispjega espressament u fid-dettall ir-raġunijiet speċifiċi għaż-żamma ta’ grupp, bħal LTTE, fil-lista tal-Artikolu 2(3). Din l-ispjegazzjoni għandha tipprovdi informazzjoni suffiċjenti sabiex l-entità affettwata ħażin mill-att tkun tista’ tifhem ir-raġunijiet għaliex hija tibqa’ tinżamm f’dik il-lista u sabiex il-qrati tal-Unjoni jkunu jistgħu jistħarrġu d-deċiżjoni ( 50 ). Dan l-obbligu huwa espressjoni ulterjuri tad-dritt fundamentali korrispondenti skont l-Artikolu 47 tal-Karta ( 51 ).

55.

L-obbligu ta’ motivazzjoni huwa rekwiżit proċedurali essenzjali. Dan l-obbligu huwa separat mill-kwistjoni tal-provi tal-aġir allegat. Din il-kwistjoni hija relatata mal-legalità sostantiva tal-att u tinvolvi evalwazzjoni tal-verità tal-fatti deskritti f’dak l-att u l-karatterizzazzjoni ta’ dawk il-fatti bħala provi li jiġġustifikaw l-użu ta’ miżuri restrittivi kontra l-persuna kkonċernata ( 52 ).

56.

B’mod partikolari, meta jimponi miżura ta’ ffriżar to fondi, il-Kunsill għandu, fil-motivazzjoni għal dak l-att, “[…] jidentifika r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li abbażi tagħhom il-Kunsill jikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu, li l-persuna kkonċernata għandha tkun is-suġġett ta’ tali miżura” ( 53 ). Il-Kunsill għandu jidentifika wkoll “[…] ir-raġunijiet individwali, speċifiċi u konkreti, li għalihom l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw li l-persuna kkonċernata għandha tkun suġġetta għal miżuri restrittivi […]” ( 54 ). Il-kwistjoni ta’ jekk rekwiżiti speċifiċi għandhomx jiġu ssodisfatti bil-motivazzjoni tkun tiddependi fuq iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, b’mod partikolari mill-kontenut tal-miżura inkwistjoni, min-natura tar-raġunijiet mogħtija u mill-interess li d-destinatarji tal-miżura, jew partijiet oħra li jkunu kkonċernati direttament u individwalment minnha, jista’ jkollhom li jiksbu spjegazzjonijiet. Il-motivazzjoni ma jeħtiġilhiex li neċessarjament tqis il-fatti u l-punti ta’ liġi rilevanti kollha. Dan minħabba li l-kwistjoni ta’ jekk motivazzjoni tkunx suffiċjenti għandha tiġi evalwat fir-rigward mhux biss tal-kliem tagħha imma wkoll tal-kuntest tagħha u tar-regoli legali kollha rilevanti għall-materja inkwistjoni ( 55 ).

57.

Jixraq, għalhekk, li nibda billi neżamina t-tip ta’ att inkwistjoni u l-motivi li fuqhom jista’ jkun ibbażat.

58.

It-tqegħid u ż-żamma ta’ persuna jew grupp fil-lista tal-Artikolu 2(3) jinvolvi evalwazzjoni tar-riskju li dawn huma jew jistgħu jkunu involuti f’atti terroristiċi kif iddefiniti fl-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. L-evalwazzjoni inizjali għandha tkun ibbażata, skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, fuq “informazzjoni preċiża jew materjali fir-relevanza” li turi li awtorità kompetenti tkun ħadet deċiżjoni dwar il-persuni, il-gruppi u l-entitajiet ikkonċernati. It-test tal-Artikolu 1(4) joffri xi ftit ta’ gwida dwar is-suġġett ta’ dawk id-deċiżjonijiet. L-importanti huwa li tkun ittieħdet deċiżjoni minn awtorità kompetenti, “irrispettivament” minn jekk dik id-deċiżjoni tkunx tikkonċerna, minn naħa, xi jkun instiga investigazzjonijiet jew prosekuzzjoni għal att terroristiku, attentat, parteċipazzjoni jew faċilitazzjoni sabiex jitwettaq att bħal dan abbażi ta’ provi jew indizji serji u kredibbli jew indikazzjonijiet, jew, min-naħa l-oħra, kundanna għall-att ta’ terroriżmu, jew għal attentat għal twettiq, parteċipazzjoni jew faċilitazzjoni ta’ att bħal dan. Dawn tal-aħħar kellhom ukoll neċessarjament ikunu bbażata fuq provi serji u kredibbli ( 56 ). F’kull każ, il-Kunsill għandu jkun issodisfatt li jkun hemm“xhieda serja [provi serji] u kredibbli jew indikazzjonijiet” ( 57 ). Dan ifisser li l-Kunsill ma jeħtiġlux ikollu disponibbli għalih l-elementi kollha li fuqhom tkun straħet awtorità kompetenti sabiex tadotta deċiżjoni (eżekuttiva jew ġudizzjarja), bħall-ordni ta’ proskrizzjoni tal-2001 tar-Renju Unit f’din il-kawża. Dan huwa hekk minħabba li l-Kunsill ma jistax jistħarreġ de novo s-serjetà u l-kredibbiltà tal-provi jew tal-indikazzjonijiet li fuqhom tkun ibbażata deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti. Madankollu, huwa jista’ u għandu jistħarreġ jekk id-deċiżjoni kinitx ibbażata fuq provi u jekk l-awtorità tkunx qieset dawk il-provi bħala serji u kredibbli. Dak li l-Kunsill ma jistax jagħmel huwa li jeżamina huwa nnifsu l-provi. Minflok, l-għan tal-istħarriġ tal-Kunsill ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti (kemm tal-Istati Membri kif ukoll ta’ Stati terzi) huwa limitat għal verifika ta’ jekk, bħala materja tad-dritt tal-Unjoni, tali deċiżjonijiet jikkostitwixxux bażi suffiċjenti għall-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi tal-UE.

59.

Isegwi li, abbażi tal-kontenut tal-miżura biss, il-motivazzjoni għal deċiżjoni inizjali sabiex persuna jew grupp jiġi inkluż fil-lista tal-Artikolu 2(3) għandha tikkomunika mill-inqas: (i) ir-raġunijiet individwali, speċifiċi u konkreti sabiex jitqies li hemm riskju li persuna jew grupp jista’ jkun involuti f’atti terroristiċi kif iddefiniti fl-Artikolu 1(3) u, għalhekk, li għandhom jiġu adottati miżuri restrittivi ( 58 ), u (ii) id-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti, skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4), li kienu użati bħala bażi għal dawk ir-raġunijiet. Iż-żewġ elementi jaffettwaw il-legalità tal-miżura. Mingħajr il-komunikazzjoni taż-żewġ elementi, il-persuna jew il-grupp ikkonċernat ma jkunx jista’ jsir jaf fuq liema raġunijiet sostantivi huwa jkun tqiegħed fil-lista u jekk il-Kunsill kienx konformi mal-kundizzjonijiet statutorji applikabbli għall-inklużjoni fil-lista; u l-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’ twettaq l-istħarriġ tagħha. Għalhekk ma naqbilx mal-Kunsill li l-motivazzjoni għandha tkun limitata għal informazzjoni dwar l-aġir li jkun wassal lill-Kunsill sabiex iqiegħed fil-lista lil LTTE, anki jekk il-Kunsill huwa korrett li l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa rekwiżit li huwa separat mill-kwistjoni dwar il-provi tal-aġir allegat ( 59 ).

60.

L-ewwel aggravju jikkonċerna t-tieni element: huwa suffiċjenti, meta wieħed jistrieħ fuq deċiżjonijiet ta’ awtorità kompetenti ta’ Stati terzi, li tiġi identifikata biss id-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti skont it-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(4)?

61.

Fl-opinjoni tiegħi, ma huwiex.

62.

Meta l-Kunsill jistrieħ fuq deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jaġixxu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huwa sottointiż li dawk l-awtoritajiet għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali applikabbli fl-Unjoni Ewropea. Għalhekk, l-istandards ta’ protezzjoni u l-livell ta’ protezzjoni — bħala materja tad-dritt tal-Unjoni — huma stabbiliti sewwa u huma suġġetti għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. Meta jistrieħ fuq id-deċiżjonijiet tagħhom, il-Kunsill normalment ikun iġġustifikat meta jassumi li dawk id-deċiżjonijiet ikunu ttieħdu b’konformità ma’ drittijiet fundamentali applikabbli, b’mod partikolari, id-drittijiet tad-difiża u protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Madankollu, din il-preżunzjoni ma hijiex assoluta. Fl-Opinjoni 2/13 il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri jeżiġi li, partikolarment fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, kull wieħed minn dawn l-Istati għandu jqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha jkunu konformi mad-dritt tal-Unjoni, partikolarment dwar id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni ( 60 ). Fi kliem ieħor, il-prinċipju huwa wieħed ta’ fiduċja reċiproka, iżda mhux ta’ fiduċja reċiproka għamja, jiġri x’jiġri.

63.

L-istess kunsiderazzjoni għandha tapplika f’dan il-kuntest. Għalhekk, meta l-Kunsill iqis li jkun hemm provi li juru riskju reali li deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti ma tkunx ġiet adottata b’konformità ma’ dawn id-drittijiet f’każ speċifiku inkwistjoni, huwa ma jistax jistrieħ fuq dik id-deċiżjoni għall-finijiet ta’ adozzjoni ta’ miżuri restrittivi skont il-Pożizzjoni Komuni 2001/931, mingħajr evalwazzjoni ulterjuri. Kif esprimejtha fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, “[…] peress li d-deċiżjoni tal-Kunsill innifsu dwar l-iffriżar tal-fondi trid tirrispetta dawn id-drittijiet jekk din trid tegħleb xi oġġezzjoni sussegwenti quddiem il-Qorti tal-Unjoni Ewropea, fil-fehma tiegħi l-Kunsill għandu jiżgura ruħu ·fir-rigward tal-konformità ma’ dawn id-drittijiet fil-livell tal-Unjoni Ewropea· qabel ma jadotta d-deċiżjoni tiegħu” ( 61 ). F’ċirkustanzi oħra (iktar normali), huwa jista’ jassumi li jkun hemm konformità mad-drittijiet fundamentali rilevanti u, għalhekk, ikun jista’ jistrieħ fuq dik id-deċiżjoni sabiex jinkludi persuna jew grupp fil-lista tal-Artikolu 2(3).

64.

Isegwi li fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ta’ awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, jista’ jkun biżżejjed għall-Kunsill li jidentifika fil-motivazzjoni tiegħu d-deċiżjoni li fuqha jkun straħ u jispjega għaliex tkun deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti skont it-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Abbażi ta’ dik il-motivazzjoni, il-persuna jew grupp ikkonċernat mbagħad tiġi informata li l-Kunsill ikun aġixxa fuq il-preżunzjoni li jkunu ġew irrispettati d-drittijiet fundamental applikabbli u li ma kienx hemm ċirkustanzi eċċezzjonali tali li huwa ma setax jistrieħ fuq din il-preżunzjoni. Fejn il-Kunsill kellu provi li juru riskju reali li d-drittijiet fundamentali ma kinux irrispettati, huwa għandu juri li huwa sodisfatt li kien hemm konformità ma’ drittijiet fundamentali u jagħmel dan ċar fil-motivazzjoni.

65.

Is-sitwazzjoni hija differenti meta l-Kunsill jiddeċiedi li jistrieħ fuq deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti ta’ Stat terz. Dawk l-awtoritajiet ma jaġixxux fl-istess limitazzjonijiet bħal dawk tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali, anki jekk il-protezzjoni legali tagħhom ta’ drittijiet fundamentali tista’ tkun, minn tal-inqas, ekwivalent għal dik iggarantita mid-dritt tal-Unjoni. Il-Kunsill innifsu jaċċetta li huwa għandu jkun issodisfatt li deċiżjoni ta’ awtorità ta’ Stat terz tkun ittieħdet f’ċirkustanzi fejn drittijiet fundamentali jkunu ngħataw protezzjoni f’livell minn tal-inqas ekwivalenti għal dak applikabbli skont id-dritt tal-Unjoni (u li jkunu jirregolaw deċiżjonijiet ekwivalenti ta’ awtoritajiet tal-Istati Membri).

66.

Apparti l-preżunzjoni ġenerali li Stati terzi jirrispettaw l-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali (li jista’ jinkludi impenji fir-rigward ta’ drittijiet tal-bniedem), ma hemmx bażi sabiex jiġi preżunt il-livell ta’ protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali li huwa ggarantit fi Stat terz u jekk ikunx “minn tal-inqas ekwivalenti għal” dak tal-Unjoni Ewropea. Filwaqt li r-regoli tad-dritt internazzjonali (inkluża, b’mod partikolari, il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem) li jorbtu lil Stat terz jistgħu jkunu indikattivi, għandu wkoll jitqies id-dritt nazzjonali. Huwa l-Kunsill li għandu jivverifika jekk il-livell ta’ protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali jkunx minn tal-inqas ekwivalenti għal dak skont id-dritt tal-Unjoni u jekk ikunx hemm provi li jindikaw il-possibbiltà li d-deċiżjoni inkwistjoni setgħet ma kinitx adottata f’konformità mal-istandard ta’ protezzjoni rilevanti u applikabbli.

67.

Fl-opinjoni tiegħi, dan ifisser li l-Kunsill għandu d-dmir li jeżamina (i) liema regoli tad-dritt nazzjonali ta’ dak l-Istat terz japplikaw għad-deċiżjoni inkwistjoni (inkluża kull regola tad-dritt internazzjonali li tkun tagħmel parti mid-dritt nazzjonali); (ii) liema standards u livell ta’ protezzjoni huma pprovduti minn dawk ir-regoli (inkluż jekk ikunx disponibbli l-istħarriġ amministrattiv jew ġudizzjarju tad-deċiżjoni, sabiex b’dan il-mod ikun iggarantit id-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva) u jekk dawk ir-regoli humiex ekwivalenti għall-protezzjoni ggarantita skont id-dritt tal-Unjoni; u (iii) jekk ikunx hemm provi li jindikaw il-possibbiltà li d-deċiżjoni inkwistjoni setgħet ma kinitx adottata f’konformità mal-istandard ta’ protezzjoni rilevanti u applikabbli. Madankollu, mhux bħall-Qorti Ġenerali, ma narax il-ħtieġa li l-Kunsill jivverifika sistematikament jekk l-Istat terz fil-prattika jonqosx li japplika l-leġiżlazzjoni tiegħu li tipproteġi d-drittijiet tad-difiża u jiggarantixxix protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Dan la huwa meħtieġ u lanqas ma huwa suffiċjenti sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’każ speċifiku, il-Kunsill ikunx iġġustifikat jistrieħ fuq deċiżjoni speċifika ta’ awtorità kompetenti.

68.

Lanqas ma naqbel mat-tħassib tal-Kunsill li hemm riskju ta’ ndħil fis-sistema politika ta’ Stat terz u mas-suġġeriment tiegħu li tali riskji jistgħu jiġu evitati jekk il-Kunsill kellu jitħalla jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu dwar is-sistema legali ta’ dak l-Istat matul proċeduri ġudizzjarji sussegwenti; b’mod partikolari fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu li huma koperti mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 62 ). Fl-opinjoni tiegħi, l-evalwazzjoni tal-Kunsill hija limitata għall-verifika tal-ekwivalenza bejn il-liġijiet ta’ Stat terz u l-liġijiet tal-Unjoni u għall-garanziji disponibbli f’każ speċifiku. L-għan tagħha ma huwiex li tiġi vverifikata l-konformità ta’ Stat terz ma’ regoli tad-dritt internazzjonali li jorbtuh, jew ma’ liġijiet domestiċi ta’ Stati oħra. Barra minn dan, il-kunsiderazzjonijiet li jistgħu jwasslu lill-Kunsill sabiex jistrieħ fuq id-deċiżjonijiet ta’ awtorità ta’ Stat terz għandhom jiġu magħrrfa lill-persuna jew lill-grupp ikkonċernat biss meta l-Kunsill isib li jkun hemm ekwivalenza. Jekk ir-riżultat ta’ dik l-evalwazzjoni jkun fin-negattiv, il-Kunsill ma jistax jistrieħ fuq id-deċiżjoni tal-awtorità tal-Istat terz u ebda parti mill-evalwazzjoni tal-Kunsill ma ssir disponibbli lill-persuna jew grupp ikkonċernat jew tinħareġ fid-dominju pubbliku.

69.

Għal dawn l-istess raġunijiet, ma hemmx bażi sabiex wieħed jirrikorri għall-komunikazzjoni tal-motivazzjoni biss f’osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati fi proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. F’kull każ, l-obbligu ta’ motivazzjoni jimplika d-dritt korrispondenti tal-parti affettwata ħażin li tirċievi raġunijiet: dan id-dritt ma jistax ikun suġġett għall-fatt li l-ewwel jiġi kkontestat ir-regolament tal-Kunsill quddiem il-qrati tal-Unjoni. Permezz ta’ dan id-dritt il-persuna kkonċernata tkun tista’ ssir taf bl-elementi essenzjali li fuqhom hija bbażata l-miżura li tkun affettwata ħażin u, għalhekk, tkun tista’ tikkontesta dik il-miżura; u mhux bil-maqlub ( 63 ).

70.

Meta dik l-evalwazzjoni tkun pożittiva, il-Kunsill imbagħad għandu jindika, fil-motivazzjoni, ir-raġunijiet tiegħu għaliex ikun iddeċieda li d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti ta’ Stat terz kienet adottata fl-osservanza tal-istandards ta’ protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali ekwivalenti għal dawk li japplikaw, bħala materja tad-dritt tal-Unjoni, għal deċiżjonijiet meħuda minn awtoritajiet tal-Istati Membri. Ma huwiex, għalhekk, suffiċjenti li jiġi inkluż biss riferiment għad-deċiżjoni.

71.

Dan ma jfissirx li l-Kunsill għandu jiżvela fil-motivazzjoni r-raġunijiet kollha tal-analiżi tiegħu u jippreżenta evalwazzjoni ġenerali u sħiħa tad-dritt u tal-prattika kostituzzjonali u kriminali ta’ Stat terz. Minflok, huwa għandu jgħid fi kliem ċar għaliex, f’dan il-każ li jinvolvi deċiżjoni partikolari ta’ awtorità kompetenti, il-liġi tal-Istat terz tipprovdi għal livell ta’ protezzjoni ekwivalenti, minn tal-inqas, għad-drittijiet tad-difiża u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u għandu jikkomunika s-sorsi legali tad-drittijiet li fuqhom ikun straħ.

72.

Il-Kunsill jidher ukoll li qiegħed jiddistingwi, insostenn tal-ewwel aggravju tiegħu, bejn id-deċiżjoni li biha huwa inizjalment kien qiegħed fil-lista persuna jew grupp u deċiżjonijiet sussegwenti li bihom huwa jżommhom fil-lista tal-Artikolu 2(3). Ser neżamina din id-distinzjoni f’iktar dettall fil-kuntest tat-tieni aggravju. Għar-raġunijiet spjegati f’dik il-parti ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 64 ), inqis li meta l-Kunsill jistrieħ fuq deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti ta’ Stat terz meta jiddeċiedi li jżomm persuna jew grupp fil-lista tal-Artikolu 2(3), huwa għandu jipprovdi motivazzjoni suffiċjenti għaliex ikun straħ fuq dik id-deċiżjoni.

73.

Għalhekk ma nsibx żball fl-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali li fuqha hija bbażata l-konstatazzjoni tagħha li l-Kunsill ma kien ipprovda ebda evalwazzjoni tal-livelli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża jew ta’ protezzjoni ġudizzjarja pprovduta mil-leġiżlazzjoni Indjana, u li r-referenza biss għal sezzjonijiet ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi u għal reviżjoni perjodika mill-Ministru tal-Affarijiet Interni Indjan ma hijiex suffiċjenti. Il-fatt li nqis li l-Qorti Ġenerali żbaljat sa fejn hija ssuġġeriet li l-Kunsill għandu l-obbligu ġenerali li jeżamina fil-prattika u fl-astratt l-applikazzjoni effettiva minn Stat terz tal-leġiżlazzjoni tiegħu li tipproteġi d-drittijiet tad-difiża u l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jibdilx dik il-konklużjoni.

74.

L-ewwel aggravju għandu, għalhekk, jiġi miċħud għaliex infondat.

It-tieni aggravju

Introduzzjoni

75.

It-tieni aggravju tal-Kunsill jirrigwarda primarjament il-motivi li fuqhom il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jżomm persuna jew grupp fil-lista tal-Artikolu 2(3) u r-rekwiżit li dawn il-motivi jiġu inklużi fil-motivazzjoni. Dan l-aggravju huwa bbażat essenzjalment fuq tliet argumenti: (i) il-Qorti Ġenerali assumiet b’mod żbaljat li l-Kunsill għandu regolarment jipprovdi raġunijiet ġodda li jiġġustifikaw għaliex il-parti kkonċernata għandha tibqa’ suġġetta għal miżuri restrittivi; (ii) il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod żbaljat li l-Kunsill ma jistax jistrieħ fuq materjali fid-dominju pubbliku li ma jkunux ġew inkorporati f’deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti; u (iii) il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li tannulla d-deċiżjoni kkontestata minħabba li l-Kunsill ma setax jistrieħ fuq materjali fid-dominju pubbliku.

76.

Ser nindirizza kull argument wieħed wara l-ieħor.

Għandu l-Kunsill jipprovdi regolarment raġunijiet ġodda li jiġġustifikaw għaliex grupp jibqa’ suġġett għal miżuri restrittivi?

77.

Naqbel mal-Kunsill li, meta jiġi sabiex jiddeċiedi li jżomm persuna jew entità kkonċernata fil-lista tal-Artikolu 2(3), il-Kunsill ma huwiex dejjem meħtieġ li jipprovdi raġunijiet ġodda (jiġifieri fatti ġodda indirizzati f’deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti jew deċiżjoni ġdida ta’ tali awtorità relatata ma’ fatti li l-Kunsill ikun straħ fuqhom qabel) sabiex iżomm lil dik il-parti fil-lista. Dan jista’ xi drabi jkun meħtieġ, iżda mhux dejjem.

78.

Il-bażi sabiex ikun hemm inklużjoni fil-lista skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 hija li jkun hemm deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti “b’rispett [fir-rigward] ta’ nies, gruppi u entitàjiet konċernati, irrispettivament minn jekk din tikkonċernax jew le x’ta bidu għall-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni għall-att terroristiku, attentat, tipparteċipa jew tiffaċilita dan it-tip ta’ att ibbażat fuq xhieda serja [provi serji] u kredibbli jew indikazzjonijiet jew kundanna għal dawn l-atti”. Il-provi għandhom ikunu magħmula minn informazzjoni jew materjal preċiżi.

79.

Inklużjoni inizjali fil-lista hija għalhekk ibbażata fuq deċiżjonijiet dwar fatti passati. L-għan tar-riferiment għal deċiżjoni nazzjonali huwa “[…] li tiżgura li d-deċiżjoni tal-Kunsill tittieħed fuq il-bażi fattwali suffiċjenti li tippermetti lil dan tal-aħħar li jikkonkludi dwar l-eżistenza ta’ periklu li, fin-nuqqas ta’ teħid ta’ miżuri inibittivi, il-persuna kkonċernata tibqa’ tkun implikata f’attivitajiet terroristiċi’’ ( 65 ). Il-funzjoni tagħha hija li “[…] tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ provi jew indizzji serji u kredibbli tal-implikazzjoni tal-persuna kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi, ikkunsidrati bħala affidabbli mill-awtoritajiet nazzjonali” ( 66 ). Għal inklużjoni inizjali fil-lista, dawn id-deċiżjonijiet, għalhekk, jintużaw sabiex jiġi evalwat ir-riskju ta’ atti terroristiċi jew l-involviment f’tali atti għall-futur ( 67 ). Ma hemmx ġustifikazzjoni sabiex jiġu ffriżati fondi minħabba atti (terroristiċi) meta ma jkunx hemm (iktar) riskju li jseħħu atti bħal dawn.

80.

Abbażi ta’ din l-evalwazzjoni, huwa mbagħad il-Kunsill li għandu jiddeċiedi fejn jistabbilixxi l-livell ta’ protezzjoni kontra dan ir-riskju u li jevalwa jekk persuna jew grupp partikolari jippreżentax tali riskju (possibbilment anki jekk ma jkunx wettaq atti terroristiċi għal xi żmien) ( 68 ). Dan imbagħad jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi. L-evalwazzjoni tar-riskju f’każ speċifiku għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u l-informazzjoni li jkun hemm fid-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti. Fid-dawl tas-sistema ta’ żewġ livelli li fuqha hija bbażata l-Pożizzjoni Komuni 2001/931, dawn id-deċiżjonijiet huma l-bażi waħdanija sabiex jintwera li hemm raġunijiet sabiex persuna, entità jew grupp jitqiegħdu fil-lista. Il-Kunsill għandu jivverifika jekk id-deċiżjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 tkunx suffiċjentement preċiża (i) sabiex tkun identifika l-persuna jew il-grupp ikkonċernat u (ii) sabiex jiġi stabbilita eventwali rabta (kif deskritt fl-Artikolu 1(2) ta’ din il-Pożizzjoni Komuni) bejn il-persuna jew grupp ikkonċernat u atti terroristiċi kif iddefiniti fl-Artikolu 1(3) tagħha. Il-Kunsill għandu jqis ukoll il-waqt kemm tad-deċiżjoni, kif ukoll tal-fatti li hija jkollha x’taqsam magħhom sabiex jiddetermina jekk dawn jistabbilixxux riskju attwali (u possibbilment futur ta’ terroriżmu li jkun jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi.

81.

Isegwi li, filwaqt li l-Kunsill għandu diskrezzjoni fl-evalwazzjoni tar-riskju ta’ terroriżmu, meta jistabbilixxi l-livell ta’ protezzjoni u fl-għażla tal-mezzi li permezz tagħhom huwa jindirizza dan ir-riskju, huwa jista’ jinkludi persuni, gruppi u entitajiet fil-lista tal-Artikolu 2(3) biss meta jkun hemm raġunijiet suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li dawn il-persuni, gruppi u entitajiet juru r-rabta meħtieġa ma’ atti jew attivitajiet terroristiċi. Għalhekk huwa jeżerċita diskrezzjoni fl-eżami tiegħu tad-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti u tal-fatti u l-provi li fuqhom dawn ikunu bbażati. Madankollu, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma tipprovdix li, meta jieħu d-deċiżjoni inizjali ta’ inklużjoni fil-lista, il-Kunsill innifsu għandu setgħat investigattivi jew setgħat oħra ta’ konstatazzjoni ta’ fatti ( 69 ). Konsegwentement, il-Kunsill ma għandux diskrezzjoni jagħżel il-bażi sabiex jistabbilixxi l-motivi għall-inklużjoni fil-lista. Din il-bażi għandha tinstab fid-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti.

82.

L-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jipprovdi sabiex issir reviżjoni tal-lista tal-Artikolu 2(3) f’intervalli regolari (għall-inqas darba kull sitt xhur). L-għan ta’ din ir-reviżjoni huwa li jiġi żgurat li jibqa’ jkun hemm raġunijiet għaż-żamma ta’ persuna jew grupp fil-lista. Hija ma toffri ebda gwida ulterjuri dwar xi jkunu dawk ir-raġunijiet u fuq xiex għandhom ikunu bbażati.

83.

Fil-fehma tiegħi, il-motivi (jiġifieri r-raġunijiet) għall-inklużjoni inizjali fil-lista u wara għaż-żamma ta’ persuna jew grupp fil-lista tal-Artikolu 2(3) għandhom ikunu l-istess: persuni, entitajiet jew gruppi jistgħu jinżammu f’dik il-lista biss sakemm ir-riskju ta’ atti u attivitajiet terroristiċi u l-involviment tagħhom fihom jibqa’ jeżisti. Ir-raġuni għall-arkitettura b’żewġ livelli tal-mekkaniżmu ta’ inklużjoni fil-lista hija l-istess irrispettivament minn kemm persuna jew grupp ddum tidher fil-lista. Fi kliem ieħor, wara inklużjoni inizjali fil-lista, ma jistax ikun hemm preżunzjoni li persuna jew entità fil-lista tkun tissodisfa l-motivi għall-inklużjoni fil-lista jekk u sakemm ma titlobx li titneħħa mil-lista u tipproduċi provi ta’ fatti ġodda sabiex issostni dik it-talba.

84.

Minflok, il-Kunsill għandu funzjoni superviżorja x’jaqdi. Huwa l-Kunsill li għandu jivverifika, fil-kuntest tar-reviżjoni tiegħu, jekk ikunx għad baqa’ raġunijiet, ibbażati fuq fatti u provi, għal inklużjoni fil-lista. Fil-kawża Al-Aqsa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-istħarriġ ta’ jekk persuna jew entità għandhiex tibqa’ fil-lista, il-kwistjoni essenzjali hija “[…] jekk, sa mill-inklużjoni tal-isem ta’ din il-persuna fl-imsemmija lista jew sa mill-eżami mill-ġdid preċedenti, is-sitwazzjoni fattwali tbiddlet b’tali mod li din ma tippermettix iktar l-istess konklużjoni dwar l-implikazzjoni tal-persuna inkwistjoni f’attivitajiet terroristiċi” ( 70 ). Għalhekk, l-importanti huwa jekk ikunux irriżultaw fatti jew provi ġodda jew jekk l-evalwazzjoni tkunx inbidlet mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar l-involviment ta’ dik il-persuna (fil-finanzjament) tat-terroriżmu ( 71 ). F’parti oħra ta’ dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għall-kwistjoni ta’ jekk kienx hemm provi “li jindikaw li […] is-sitwazzjoni fattwali jew l-evalwazzjoni ta’ din mill-awtoritajiet nazzjonali tbiddlet f’dak li jirrigwarda l-implikazzjoni tal-appellanta fil-finanzjament ta’ attivitajiet terroristiċi” ( 72 ).

85.

Ninterpreta dawk il-punti tal-kawża Al-Aqsa bħala li jiffokaw l-iktar fuq x’jista’ jġiegħel lill-Kunsill ineħħi persuna jew grupp mil-lista tal-Artikolu 2(3). Għalhekk awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li, fid-dawl ta’ fatti u provi ġodda, persuna jew grupp ma jkunx involut iktar fil-finanzjament tat-terroriżmu. Inkella, il-Kunsill innifsu jistà jiskopri fatti li jwassluh sabiex jerġa’ jqis id-deċiżjoni preċedenti tiegħu u possibbilment ineħħi lil persuna jew lil grupp mil-lista tal-Artikolu 2(3).

86.

F’din il-kawża l-kwistjoni mqajma mit-tieni aggravju hija jekk il-Kunsill għandux juri (u jinkludi fil-motivazzjoni) raġunijiet ġodda sabiex iżomm persuna jew grupp fil-lista tal-Artikolu 2(3). Fl-opinjoni tiegħi, ma jistax, minn naħa, ikun hemm regola assoluta li tagħti l-jedd lill-Kunsill iżomm persuna jew grupp fil-lista tal-Artikolu 2(3) biss meta jkun hemm deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti meħuda mill-Kunsill jew magħrufa minnu wara l-inklużjoni inizjali jew preċedenti fil-lista. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni(jiet) inizjali użata(i) bħala bażi għall-inklużjoni inizjali fil-lista mhux dejjem tkun suffiċjenti.

87.

Il-kwistjoni ta’ jekk deċiżjoni ġdida ta’ awtorità kompetenti tkunx meħtieġa jew le, u, għalhekk, jekk għandiex tiġi inkluża fil-motivazzjoni, tiddependi fuq għadd ta’ fatturi.

88.

Meta l-Kunsill jadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 1(6) mingħajr ma jkun straħ fuq deċiżjoni ġdida ta’ awtorità kompetenti, huwa għandu jkun issodisfatt li d-deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti li jkun straħ fuqha qabel sabiex jadotta d-deċiżjoni inizjali jew deċiżjoni sussegwenti sabiex iżomm persuna jew grupp fil-lista tal-Artikolu 2(3) għadha bażi suffiċjenti sabiex jintwera li jkun hemm raġunijiet li jsir hekk. Għalhekk, abbażi tal-fatti u l-provi li kienu l-bażi tad-deċiżjoni(jiet) preċedenti tal-awtorità kompetenti (anki jekk dawk id-deċiżjonijiet kienu sussegwentement tħassru għal raġunijiet mhux relatati ma’ dawk il-fatti u l-provi li juru involviment f’atti jew f’attivitajiet terroristiċi ( 73 )), il-Kunsill għandu juri li l-fatti u l-provi li fuqhom kienet(kienu) ibbażata(i) d-deċiżjoni(jiet) (inizjali jew preċedenti) tal-awtorità kompetenti għadhom jiġġustifikaw l-evalwazzjoni tiegħu li l-persuna jew il-grupp ikkonċernat jippreżenta riskju ta’ terroriżmu u li, konsegwentement, miżuri preventivi huma ġġustifikati. B’mod sempliċi, ir-riskju u l-ħtieġa ta’ miżuri preventivi li tirriżulta minn dan ir-riskju għandhom ikunu għadhom jeżistu.

89.

Minħabba li deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti neċessarjament għandhom rabta ma’ fatti li jkunu seħħew qabel dawk id-deċiżjonijiet, isegwi li iktar ma jkun twil il-perijodu bejn dawk il-fatti u dawk id-deċiżjonijiet, minn naħa, u d-deċiżjoni ġdida għaż-żamma ta’ persuna jew entità fil-lista tal-Artikolu 2(3), min-naħa l-oħra, ikbar ikun l-obbligu tal-Kunsill li jivverifika b’mod diliġenti jekk, fiż-żmien li fih jagħmel ir-reviżjoni tiegħu, il-konklużjoni tiegħu tibqax tkun ibbażata validament fuq dik id-deċiżjoni u fuq il-fatti li jkunu l-bażi tagħha ( 74 ). Meta d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti tkun ġiet imġedda jew estiża, il-Kunsill għandu jivverifika fuq liema bażi dan kien sar. Isegwi, għalhekk, li l-analiżi tal-Kunsill ma tistax tkun għalkollox identika għal dik magħmula meta kienet adottata deċiżjoni preċedenti skont l-Artikolu 1(6) ibbażata fuq l-istess deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti. Minn tal-inqas, ikun meħtieġ li jitqies kemm ikun għadda żmien. Dan għandu wkoll jiġi rifless fil-motivazzjoni.

90.

Meta l-persuna jew il-grupp li jkun affettwat ħażin ikun issottomettiet lill-Kunsill informazzjoni bi tweġiba għal deċiżjoni preċedenti ta’ inklużjoni fil-lista jew għall-motivazzjoni għad-deċiżjoni ta’ inklużjoni fil-lista li jkun imiss, il-Kunsill għandu wkoll iqis dik l-informazzjoni ( 75 ) u għandu jispjega fil-motivazzjoni tiegħu għad-deċiżjoni l-ġdida ta’ inklużjoni fil-lista r-raġuni għaliex dik l-informazzjoni ma tibdilx l-evalwazzjoni tiegħu.

91.

Meta deċiżjoni rilevanti ġdida ta’ awtorità kompetenti tkun disponibbli u magħrufa mill-Kunsill, din l-istituzzjoni għandha mbagħad tivverifika fuq liema fatti u provi dik id-deċiżjoni kienet ibbażata u jekk tistax tintuża sabiex jintwera li jkun għad baqa’ raġunijiet sabiex persuna jew grupp jinżamm fil-lista tal-Artikolu 2(3). F’dan ir-rigward, ir-responsabbiltajiet tal-Kunsill (inkluż fir-rigward tal-motivazzjoni tiegħu) ikunu differenti skont jekk id-deċiżjoni nazzjonali tkunx qiegħda sempliċement iġġedded jew testendi d-deċiżjoni ta’ qabel tal-awtorità kompetenti li l-Kunsill ikun preċedentement straħ fuqha jew jekk tkunx deċiżjoni ġdida għalkollox, possibbilment ta’ awtorità kompetenti oħra ta’ (possibbilment) Stat Membru (ieħor) li tkun ibbażata fuq fatti u provi oħra.

92.

Diġà spjegajt dak li nqis li huma l-kundizzjonijiet li taħthom persuni jew gruppi jistgħu jkunu inklużi fil-lista tal-Artikolu 2(3) abbażi ta’ deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti ta’ Stat terz ( 76 ). Jiena tal-istess fehma dwar deċiżjonijiet skont l-Artikolu 1(6). Fejn deċiżjonijiet preċedenti ta’ inklużjoni fil-lista kienu diġà bbażati fuq tali deċiżjonijiet ta’ Stat terz u l-Kunsill kien preċedentement wera li dawk il-kundizzjonijiet kienu ssodisfatti, ma nqisx li l-Kunsill għandu jerġa jesponi dawk il-fatti u l-provi kollha fil-motivazzjoni l-ġdida meta huwa jkompli jistrieħ fuq dawk id-deċiżjonijiet. Anzi, il-Kunsill għandu jispjega (i) għaliex, fil-waqt li fih jiġi sabiex jiddeċiedi jekk iżommx persuna jew grupp fil-lista tal-Artikolu 2(3), dawk id-deċiżjonijiet ikunu għadhom juru li jkun hemm raġunijiet sabiex dik il-persuna jew dak il-grupp jibqa’ jidher fil-lista, u (ii) għaliex huwa jkun għadu ssodisfatt li dawk id-deċiżjonijiet kienu adottati fl-osservanza tal-istandards ta’ protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali għall-inqas ekwivalenti għal dawk li japplikaw, bħala materja tad-dritt tal-Unjoni, għal deċiżjonijiet meħuda minn awtoritajiet tal-Istati Membri. Meta l-Kunsill jistrieħ fuq deċiżjoni ġdida tal-istess Stat terz, il-kwistjoni ta’ sa fejn il-Kunsill għandu jesponi l-fatti u l-provi rilevanti għal darb’oħra tkun tiddependi minn kemm dik id-deċiżjoni l-ġdida tkun taqbel mad-deċiżjoni ta’ qabel. Madankollu, f’kull każ il-Kunsill għandu juri li l-kundizzjonijiet li taħthom persuni jew gruppi jistgħu jiġu inklużi fil-lista tal-Artikolu 2(3) abbażi ta’ tali deċiżjoni għadhom issodisfatti.

93.

F’din il-kawża, huwa minnu li l-Qorti Ġenerali dehret (fil-punti 175 sa 177 tas-sentenza appellata) li kienet qiegħda teżiġi li l-Kunsill jipproduċi deċiżjonijiet nazzjonali iktar reċenti u li jagħmel riferiment għall-motivi ta’ dawk id-deċiżjonijiet, mingħajr ma l-ewwel eżaminat jekk il-Kunsill kienx wera li kien għad hemm raġunijiet għaż-żamma ta’ LTTE fil-lista tal-Artikolu 2(3) abbażi tad-deċiżjonijiet eżistenti ta’ awtoritajiet kompetenti li huwa kien straħ fuqhom preċedentement.

94.

Madankollu, meta dawk il-punti jinqraw flimkien mal-punt 196 tas-sentenza appellata, jirriżulta ċar li l-Qorti Ġenerali sabet ukoll li l-Kunsill kien sempliċement iċċita d-deċiżjonijiet inizjali ta’ awtoritajiet kompetenti u kien qal, mingħajr xejn iktar, li kienu baqgħu fis-seħħ; u li fir-rigward tal-atti speċifiċi li huwa kien identifika (li kienu seħħew wara dawk id-deċiżjonijiet), il-Kunsill ma kienx straħ fuq deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti. F’dawk iċ-ċirkustanzi, kull deċiżjoni ta’ awtoritajiet kompetenti li wieħed ikun straħ fuqha kellha evidentement tkun different u iktar reċenti mid-deċiżjonijiet inizjali li l-Kunsill għamel riferiment għalihom. Il-Qorti Ġenerali aċċettat li kienu ssemmew deċiżjonijiet iktar reċenti fir-rigward tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 790/2014, iżda sabet li l-Kunsill ma kienx wera kif dawk id-deċiżjonijiet kienu eżaminaw u kkonfermaw l-atti speċifiċi li l-Kunsill għamel riferiment għalihom. Fil-punt 204 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali għamlitha saħansitra iktar ċara li l-Kunsill ma setax jiġġustifika ż-żamma ta’ persuna jew grupp fil-lista tal-Artikolu 2(3) abbażi ta’ atti terroristiċi ġodda mingħajr ma dawk l-atti jkunu s-suġġett ta’ eżami u ta’ deċiżjoni minn awtorità kompetenti.

95.

F’dan il-kuntest inqis li l-Qorti Ġenerali kienet iġġustifikata meta kkonstatat li, minħabba li ma kienx hemm deċiżjoni ġdida jew deċiżjoni oħra ta’ awtorità kompetenti relatata mal-lista ta’ atti terroristiċi li l-Kunsill kien għamel riferiment għaliha, li kienet tifforma bażi sodisfaċenti sabiex isostni li kien hemm raġunijiet sabiex LTTE jitqiegħed fil-lista, il-Kunsill kien prekluż milli jistrieħ fuq lista ta’ attakki terroristiċi allegatament imwettqa minn din l-organizzazzjoni mingħajr ma dawk il-fatti ntwerew f’deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti.

Jista’ l-Kunsill jistrieħ fuq materjali ta’ sors miftuħ sabiex jiddeċiedi li jżomm grupp fil-lista tal-Artikolu 2(3)?

96.

Mill-konklużjoni tiegħi isegwi li peress li l-Kunsill, meta ddeċieda li jżomm lil LTTE fil-lista tal-Artikolu 2(3), kien prekluż milli jistrieħ fuq lista ta’ attakki terroristiċi allegatament imwettqa minn LTTE mingħajr ma dawk il-fatti ma jkunu dehru f’deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti, li l-Kunsill bħala prinċipju (lanqas) ma jista’ jistrieħ fuq informazzjoni dwar attakki ġodda li tkun disponibbli fid-dominju pubbliku bħala bażi sabiex jintwera li hemm raġunijiet sabiex persuna, entità jew grupp jinżamm fil-lista tal-Artikolu 2(3).

97.

It-tieni argument tal-Kunsill insostenn tat-tieni aggravju tiegħu iqajjem il-kwistjoni jekk hemmx eċċezzjonijiet għal dak il-prinċipju. Meta jiġi sabiex jiddeċiedi li jżomm persuna jew grupp fil-lista tal-Artikolu 2(3), jista’, madankollu, il-Kunsill jistrieħ fuq raġunijiet ibbażati fuq fatti u provi misjuba xi mkien ieħor milli f’deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti?

98.

Fl-opinjoni tiegħi, ma jistax.

99.

Karatteristika essenzjali tas-sistema ta’ żewġ livelli li hija l-bażi tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 hija li l-Kunsill ma jistax huwa nnifsu jsib fatti li mbagħad ikunu jistgħu jifformaw il-bażi sabiex persuna jew grupp jiġi suġġett għal miżuri preventivi tal-Unjoni. Lanqas ma għandu s-setgħat investigattivi meħtieġa sabiex jagħmel hekk ( 77 ). Minflok, huwa jista’ jinkludi persuna jew entità fil-lista tal-Artikolu 2(3) biss meta l-fajl jindika li tkun ittieħdet deċiżjoni minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali u, bla ħsara għal ċerti kundizzjonijiet, minn awtorità amministrattiva. Dan ir-rekwiżit jeżisti sabiex ikun żgurat li persuna jew entità tiġi inkluża fil-lista biss fuq bażi fattwali suffiċjentement soda ( 78 ). Il-premessa hija li, minn naħa, deċiżjonijiet ta’ dawn l-awtoritajiet, skont id-dritt nazzjonali, jistabbilixxu jew jistħarrġu u jikkonfermaw provi jew indikazzjonijiet serji u kredibbli li persuna jew grupp ikun involut f’atti jew f’attivitajiet terroristiċi. Min-naħa l-oħra, il-persuna jew il-grupp ikkonċernat igawdi drittijiet fundamentali ta’ difiża u protezzjoni ġudizzjarja effettiva fir-rigward ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

100.

Kif nifhimha jiena, din ir-raġuni hija ugwalment rilevanti għad-deċiżjoni li persuna jew grupp jinżamm fil-lista tal-Artikolu 2(3). Ir-raġunijiet għal din id-deċiżjoni għandu jkollhom bażi fattwali suffiċjentement soda. Jekk il-Kunsill innifsu jitħalla jsib provi jew indikazzjonijiet ta’ involviment (passat jew futur) f’atti u f’attivitajiet terroristiċi li l-Kunsill qies li kienu koperti skont l-Artikolu 1(2) u (3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ikun ifisser differenza fit-trattament bejn, minn naħa, persuni jew gruppi li jinżammu fil-lista tal-Artikolu 2(3) abbażi ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti u, min-naħa l-oħra, dawk li jinżammu f’din il-lista abbażi ta’ fatti misjuba mill-Kunsill fuq inizjattiva proprja (anki jekk il-Kunsill ikun straħ ukoll, sa ċertu punt, fuq deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti). Din l-aħħar kategorija mbagħad tkun tgawdi inqas drittijiet ta’ smigħ xieraq u protezzjoni ġudizzjarja effettiva fir-rigward tal-fatti misjuba mill-Kunsill. Din il-kategorija tkun tista’ biss tirrikorri għall-qrati tal-Unjoni sabiex tikkontesta il-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Kunsill. Filwaqt li, skont is-sistema ta’ żewġ livelli, kontestazzjoni hija bħala prinċipju possibbli kemm fil-livell nazzjonali (tad-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti) u fil-livell tal-Unjoni (tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar inklużjoni fil-lista). Jekk il-Kunsill jistrieħ fuq tali informazzjoni jew materjal, għalhekk, ikun hemm ir-riskju li l-persuna jew il-grupp ikkonċernat jiġi mċaħħad mid-dritt fundamentali li tikseb stħarriġ minn qorti nazzjonali ta’ deċiżjoni li tkun affettwata ħażin (filwaqt li meta deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti tkun disponibbli, persuna jew grupp ikollu dan id-dritt). Ikun pjuttost biss għall-qrati tal-Unjoni li jwettqu dan l-istħarriġ. Għalhekk, il-Kunsill ma jistax jinkludi persuna jew grupp fil-lista tal-Artikolu 2(3) għax ikollu rapport mill-istampa li jkun jgħid “hu għamilha” jew “hu qal li hu għamilha”. Tali deċiżjoni ma tistax tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Lanqas ma tista’ tiġi rrikonċiljata mal-istat tad-dritt.

101.

Jista’ jkun hemm oġġezzjoni li insistenza li l-Kunsill ma jistax jisrieħ fuq informazzjoni inkriminatorja disponibbli faċilment fid-dominju pubbliku huwa approċċ wisq formalistiku u rigoruż. Fl-opinjoni tiegħi, din l-oġġezzjoni għandha tfalli.

102.

Tajjeb infakkar li l-konsegwenzi ta’ inklużjoni fil-lista huma serji ħafna. Fondi u assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra jiġu ffriżati. “L-iffriżar ta’ fondi, assi finanzjarji u risorsi ekonomiċi oħra” tfisser “[…] li ma jitħalliex kull moviment, trasferiment, alterazzjoni, użu ta’ jew innegozjar f’fondi f’kull mod li jirriżulta f’xi bidla fil-volum, ammont, lok, proprjetà, pussess, karattru, jew destinazzjoni tagħhom jew bidla oħra li jagħmilha possibbli li l-fondi jiġu użati, inkluż l-amministrazzjoni ta’ portafoll” ( 79 ). Għal persuna, entità jew grupp li jissemma fil-lista tal-Artikolu 2(3), il-ħajja ekonomika normali tiġi sospiża. Ma jidhirx li jkun mhux raġonevoli li ssir insistenza li, fejn il-konsegwenzi jkunu tali, il-proċeduri segwiti għandhom ikunu rigorużi u għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tad-difiża u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

103.

Barra minn dan, huwa diffiċli timmaġina kif b’mod preċiż “titnaqqax” eċċezzjoni għall-prinċipju li l-Kunsill ma jistax jistrieħ fuq informazzjoni dwar attakki ġodda disponibbli fid-dominju pubbliku bħala bażi sabiex jintwera li hemm raġunijiet għaż-żamma ta’ persuna, grupp jew entità fil-lista tal-Artikolu 2(3). Fejn għandu wieħed jiġbed il-linja? Prova waħda “solida” hija biżżejjed jew, jekk ikun hemm il-ħtieġa ta’ iktar minn prova waħda iżolata, kemm ikunu meħtieġa? Dikjarazzjoni pubblika minn kelliem magħruf, indikat b’ismu, għall-grupp (jekk wieħed jassumi dejjem li tali persuna teżisti) li espressament jieħu r-responsabbiltà għal attakk, għandha l-valur probatorju meħtieġ? Jista’ dak l-istess valur probatorju jiġi attribwit lil dikjarazzjoni pubblika minn xi ħadd li jallega li jitkellem f’isem il-grupp? Xi tkun il-pożizzjoni jekk ikun hemm rapporti fl-istampa li jissuġġerixxu li l-individwu li jkun wettaq l-attakk (u li jkun miet meta jkun twettaq, b’tali mod li ma jistax jiġi interrogat) jiġi allegat li kien “ispirat” mill-grupp, jew li jkun “ħalef lealtà” lejh? Dan il-fatt jagħmel lill-grupp suffiċjentement responsabbli b’tali mod li ismu għandu jinżamm fil-lista tal-Artikolu 2(3)?

104.

Ċertament huwa inevitabbli li l-Kunsill jikseb informazzjoni, mal-medda normali tal-ġrajjiet, dwar l-involviment (li jista’ jkun hemm) ta’ persuni jew gruppi f’atti u f’attivitajiet terroristiċi. Is-sors ta’ dik l-informazzjoni jista’ jkun pubbliku jew privat. Id-dmir tal-kooperazzjoni leali li fuqu hija bbażata s-sistema ta’ żewġ livelli stabbilita fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931, jeżiġi li l-Kunsill jgħarraf lill-Istati Membri b’informazzjoni u provi li huwa jsir jaf bihom u li huwa jqis li jistgħu jkunu rilevanti għal awtoritajiet kompetenti. Huwa minnu li l-Pożizzjoni Komuni 2001/931, bħala tali, ma tinkludix rekwiżit li meta l-Istati Membri jirċievu tali informazzjoni mingħand il-Kunsill, huma għandhom minnufih jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jibdew il-proċess sabiex tittieħed deċiżjoni formali ġdida minn awtorità kompetenti li tkun tirrigwarda l-fatti u l-persuni koperti mill-informazzjoni li l-Kunsill ikun ikkomunikalhom. Dan espost, l-istess dmir ta’ kooperazzjoni leali — kif nifhimha jiena — madankollu jkun jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jwieġbu b’mod xieraq għal talba mill-Kunsill intiża għal evalwazzjoni tal-informazzjoni kkomunikata. Ovvjament, meta jkun okkupat bil-proċess kull sitt xhur ta’ reviżjoni l-Kunsill ikollu f’każijiet bħal dawn jippjana żmien suffiċjenti sabiex jitlob u jikseb tweġiba mingħand l-Istat(i) Membr(i) inkwistjoni b’rabta mal-informazzjoni li huwa (huma) jkun(u) ikkomunika(w). Dan jidher li huwa prezz aċċettabbli x’jitħallas sabiex jiġi żgurat rispett tad-drittijiet fundamentali tad-difiża u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

105.

Jekk il-Kunsill kellu jitħalla jistrieħ fuq raġunijiet ibbażati fuq fatti u provi misjuba xi mkien ieħor milli f’deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti, għandi wkoll dubji dwar kif tali proċess jaħdem fil-prattika.

106.

Ejja nassumu li l-Kunsill ikollu disponibbli għalih materjal minn sors affidabbli jew oriġinali (kemm jekk pubbliku jew privat) li allegatament jinkludi jew jirreġistra dikjarazzjoni tal-persuna jew tal-grupp ikkonċernat fis-sens li dan jirrikonoxxi involviment (passat jew futur) f’atti jew f’attivitajiet terroristiċi li l-Kunsill iqis li jkunu koperti mill-Artikolu 1(2) u (3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. L-iktar l-iktar il-Kunsill jista’ jikkonstata preliminarjament, abbażi ta’ dak il-materjal, li huwa kellu fil-pussess tiegħu bażi suffiċjentement solida u fattwali sabiex jiddeċiedi li jkun għad baqa’ raġunijiet għaż-żamma ta’ dik il-persuna jew ta’ dak il-grupp fil-lista tal-Artikolu 2(3) (irrispettivament minn kull deċiżjoni rilevanti ta’ awtoritajiet kompetenti). Il-Kunsill ikollu mbagħad jinkludi dik l-informazzjoni u dawk il-provi fil-motivazzjoni kkomunikata lill-parti milquta ħażin qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni sussegwenti skont it-tifsira tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ( 80 ). Huwa probabbli fil-prattika li dik il-parti taċċetta espressament il-fatti (ħżiena) attribwiti lilha mill-Kunsill? Madankollu din tkun l-unika bażi li fuqha l-Kunsill ikun jista’ validament jew (i) jistrieħ fuq dawk il-fatti fin-nuqqas ta’ deċiżjoni (preċedenti jew ġdida) ta’ awtorità kompetenti jew (ii) jgħaqqad dawk il-fatti ma’ deċiżjoni preċedenti ta’ awtorità kompetenti li jkun diġà straħ fuqha. Nistqarr li jiena ftit xettiku dwar jekk il-persuna jew il-grupp ikkonċernat ikollux interess li jforni lill-Kunsill b’tali konferma espressa konvenjenti.

107.

Għalhekk ma nistax nissottoskrivi għal regola permissiva li tippermetti lill-Kunsill li, sabiex iżomm persuna jew grupp fil-lista tal-Artikolu 2(3), jistrieħ fuq “fatti” magħrufa pubblikament u provi dwarhom misjuba f’artikoli fl-istampa jew mill-internet. Il-karattru pubbliku ta’ fatt u d-disponibbiltà pubblika ta’ provi dwaru huma bħala tali bażi insuffiċjenti sabiex tiġi aċċettata eċċezzjoni għar-regola ġenerali li l-Kunsill għandu jistrieħ fuq deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti. Fl-aħħar nett, nixtieq nenfasizza li l-pożizzjoni tiegħi tapplika biss għal deċiżjonijiet li bihom il-Kunsill iżomm persuna jew grupp fil-lista tal-Artikolu 2(3). Il-Kunsill ma huwiex marbut bl-istess limitazzjonijiet meta jiddeċiedi li jneħħi persuna jew grupp minn dik il-lista.

108.

Għalhekk, lanqas ma naċċetta t-tieni argument insostenn tat-tieni aggravju.

Il-Qorti Ġenerali kienet iġġustifikata li tannulla l-miżuri kkontestati?

109.

Bl-argument finali tiegħu insostenn tat-tieni motiv, il-Kunsill essenzjalment jargumenta li, jekk huwa ma setax jistrieħ fuq materjal ta’ sors miftuħ, allura l-konklużjoni kellha tkun li ma kienx hemm bidla fis-sitwazzjoni fattwali u li, għalhekk, huwa seta’ jibqa’ jżomm lil LTTE fil-lista. Jekk dan huwa korrett, isegwi li l-Qorti Ġenerali ma misshiex annullat ir-regolamenti kkontestati minħabba, inter alia, li hija kienet irrifjutat li taċċetta l-użu mill-Kunsill ta’ materjal minn sors miftuħ.

110.

Ma naqbilx.

111.

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali annullat ir-regolamenti kkontestati, sa fejn dawn kienu jikkonċernaw lil LTTE, minħabba li l-Kunsill kien kiser kemm l-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni.

112.

It-tieni nett, ma naċċettax il-loġika li fuqha huwa bbażat l-argument tal-Kunsill li jgħid li, minħabba li ma jista’ jittieħed ebda qies tal-atti l-iktar reċenti kif iddokumentati fl-istampa, allura jsegwi li ma kienx hemm bidla fis-sitwazzjoni fattwali u li, għalhekk, LTTE seta’ jinżamm fil-lista tal-Artikolu 2(3). Diġà spjegajt għaliex inqis li ma hemmx bażi għaliex wieħed għandu jassumi li hemm raġunijiet għaliex persuna jew grupp elenkat għandu jinżamm fil-lista sakemm is-sitwazzjoni fattwali tinbidel b’tali mod li hemm raġunijiet (pożittivi) sabiex dik il-persuna jew dak il-grupp jitneħħa mil-lista. Iż-żmien jgħaddi u s-sitwazzjoni fattwali neċessarjament tinbidel. Anki meta ma jkunx hemm deċiżjoni oħra jew ġdida ta’ awtorità kompetenti (li tkun tkopri fatti oħra), il-Kunsill għandu, madankollu, jistħarreġ jekk, abbażi tal-fatti u l-provi fid-deċiżjoni li fuqha jkun straħ fuqha preċedentement, jibqax ikun hemm riskju ta’ involviment f’atti terroristiċi u, għalhekk, raġuni għal inklużjoni fil-lista. Dan jimplika wkoll li, f’din il-kawża l-Kunsill kien jeħtieġlu jispjega għaliex l-ordni ta’ proskrizzjoni tal-2001 tar-Renju Unit kienet għadha bażi suffiċjenti għad-deċiżjoni tiegħu u l-Qorti Ġenerali missha indirizzat dan l-argument. Il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali b’rabta mal-ordni ta’ proskrizzjoni tal-2001 tar-Renju Unit huma s-suġġett tat-tielet aggravju tal-Kunsill.

Konklużjoni

113.

Għalhekk ma naċċettax it-tieni aggravju għax huwa infondat.

It-tielet aggravju

114.

It-tielet aggravju tal-Kunsill huwa li l-Qorti Ġenerali żbaljat minħabba li ma kkonkludietx li l-inklużjoni ta’ LTTE fil-lista setgħet kienet valida abbażi tal-ordni ta’ proskrizzjoni tal-2001 tar-Renju Unit. Quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kunsill kien argumenta li dik l-ordni kienet suffiċjenti fiha nfisha.

115.

L-ewwel argument tal-Kunsill hawnhekk huwa li l-Qorti Ġenerali kienet diġà aċċettat f’kawżi preċedenti li dik l-istess ordni kienet deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ( 81 ). Dan huwa minnu (u lanqas ma jidher li kien ikkontestat) u, tabilħaqq, fil-punt 120 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali straħet espressament fuq dik il-ġurisprudenza meta aċċettat li dik l-ordni kienet deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti. Il-punti 205 u 206 tas-sentenza appellata, li fuqhom il-Kunsill jistrieħ meta jġib dan l-argument, fil-fatt jirrigwardaw il-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-użu mill-Kunsill ta’ atti, bħala raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu li jżomm lil LTTE fil-lista tal-Artikolu 2(3), li ma kinux is-suġġett ta’ deċiżjoni minn awtorità kompetenti.

116.

It-tieni argument tal-Kunsill huwa li l-Qorti Ġenerali żbaljat, fil-punti 206 sa 208 tas-sentenza appellata, meta kkonstatat li l-Kunsill ma setax jistrieħ fuq l-ordni ta’ proskrizzjoni tal-2001 tar-Renju Unit mingħajr ma kellu aċċess għall-fatti u għall-evalwazzjonijiet li fuqhom hija bbażata dik id-deċiżjoni. Kif nifhimha jiena, il-Qorti Ġenerali ma għamlet ebda tali konstatazzjoni. Fil-punti ċċitati, il-Qorti Ġenerali indirizzat argument tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar għaliex il-motivi tar-regolamenti kkontestati ma jagħmlux riferiment għal deċiżjonijiet speċifiċi ta’ awtoritajiet kompetenti li jeżaminaw u jikkonfermaw l-atti li l-Kunsill straħ fuqhom fil-bidu tal-motivazzjoni tiegħu (jiġifieri, kif poġġietha l-Qorti Ġenerali, serje ta’ atti ta’ vjolenza li l-Kunsill ħa mill-istampa u mill-internet u attribwihom lil LTTE). L-istituzzjonijiet argumentaw li LTTE seta’ u kellu jikkontesta l-miżuri restrittivi fuq livell nazzjonali. Il-Qorti Ġenerali ma aċċettatx dawk l-argumenti minħabba li: (i) meta l-Kunsill juża atti terroristiċi bħala bażi fattwali għad-deċiżjoni tiegħu stess, il-Kunsill għandu jidentifika, fil-motivi għad-deċiżjoni tiegħu, id-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti li speċifikament jeżaminaw u jikkonstataw bħala ppruvati dawk l-atti terroristiċi ( 82 ); (ii) dawk l-argumenti kienu kkonfermaw li l-Kunsill kien fil-fatt straħ fuq informazzjoni li huwa kien ġabar mill-istampa u mill-internet ( 83 ); u (iii) dawk l-argumenti kienu ssuġġerew li d-deċiżjonijiet nazzjonali li l-Kunsill kien straħ fuqhom setgħu ma kinux ibbażati fuq xi att speċifiku ta’ terroriżmu, jekk ma tkun tqajmet l-ebda tilwima mill-parti kkonċernata ( 84 ). Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kunsill, xejn f’dawk il-punti (u ċertament mhux fil-punt 206) ma jissuġġerixxi li l-Qorti Ġenerali kienet eżiġiet li l-Kunsill ikollu quddiemu l-elementi kollha li s-Segretarju tal-Intern kien straħ fuqhom meta pproskriva lil LTTE.

117.

Huwa wkoll f’dak il-kuntest li għandhom jinftiehmu l-argumenti tal-Kunsill dwar jekk parti bħal LTTE tkunx obbligata titlob stħarriġ ġudizzjarju minn qrati nazzjonali. Madankollu, dawk l-argumenti huma irrilevanti għat-tielet aggravju tal-Kunsill li essenzjalment jirrigwarda n-nuqqas tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi li r-regolamenti kkontestati kienu madankollu validi minħabba li kienu bbażati fuq l-ordni ta’ proskrizzjoni tal-2001 tar-Renju Unit.

118.

Huwa impliċitu fit-tielet aggravju tal-Kunsill li, peress li kkonfermat l-ewwel aggravju ta’ LTTE biss sa fejn kien jikkonċerna lill-awtoritajiet Indjani u peress li ma aċċettatx l-użu mill-Kunsill ta’ atti li ma kinux is-suġġett ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti, il-Qorti Ġenerali kellha, madankollu, tikkonstata li l-ordni ta’ proskrizzjoni tal-2001 tar-Renju Unit kienet tikkostitwixxi bażi suffiċjenti għar-regolamenti kkontestati. Minn dan kien isegwi li difetti fir-rigward tar-raġunijiet l-oħra ma setgħux jiġġustifikaw l-annullament ta’ dawk ir-regolamenti.

119.

Il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali li r-regolamenti kkontestati fil-fatt għamlu riferiment għalihom (hekk, b’mod partikolari, l-ordni ta’ proskrizzjoni tal-2001 tar-Renju Unit) essenzjalment jippruvaw iwieġbu l-mistoqsija jekk l-atti li l-Kunsill attribwixxa lil LTTE fl-ewwel u fit-tieni paragrafi tal-motivi għar-regolamenti kkontestati — li l-Qorti Ġenerali sabet li kienet il-motivazzjoni fattwali u li kellha rwol deċiżiv fl-evalwazzjoni tal-Kunsill ( 85 ) — kinux is-suġġett ta’ dawk id-deċiżjonijiet. B’mod tant evidenti, ma setgħux ikunu minħabba li d-deċiżjonijiet kienu ttieħdu qabel l-atti attribwiti ( 86 ).

120.

Filwaqt li l-Qorti Ġenerali aċċettat li l-Kunsill kien iċċita, fil-motivi tar-Regolamenti ta’ Implementazzjoni Nri 83/2011 sa 125/2014, id-deċiżjonijiet inizjali nazzjonali (b’mod partikolari, l-ordni ta’ proskrizzjoni tal-2001 tar-Renju Unit), hija sabet li l-Kunsill kien qal biss li dawk id-deċiżjonijiet kienu baqgħu fis-seħħ ( 87 ).

121.

Il-Qorti Ġenerali ma ġibdet, bi kliem ċar, ebda konklużjoni minn dak il-fatt. Għalhekk, filwaqt li Kunsill huwa żbaljat li jallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-ordni ta’ proskrizzjoni tal-2001 tar-Renju Unit ma setgħetx, jew ma setgħetx iktar, tkun deċiżjoni valida ta’ awtorità kompetenti, huwa inqas ċar jekk il-Qorti Ġenerali fil-fatt naqsitx milli tindirizza l-kwistjoni (li b’mod ċar kienet quddiemha, ibbażata fuq l-argumenti ta’ LTTE insostenn tar-raba’ sas-sitt talbiet tiegħu, meqjusa flimkien mat-tieni talba) jekk il-Kunsill kienx ibbaża r-regolamenti kkontestati mhux tant fuq deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti iżda fuq lista ta’ atti direttament attribwiti mill-Kunsill lil LTTE ( 88 ).

122.

Jista’ jkun possibbli li t-tielet aggravju jiġi miċħud abbażi tal-fatt li peress li l-Qorti Ġenerali annullat ir-regolamenti kkontestati, hija impliċitament ikkonkludiet li, irrispettivament mid-deċiżjoni Indjana u mid-diversi atti sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali li l-Kunsill attribwixxa lil LTTE mingħajr riferiment għad-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti, l-ordni ta’ proskrizzjoni tal-2001 tar-Renju Unit ma setgħetx tkun bażi indipendenti u suffiċjenti għar-regolamenti kkontestati.

123.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, din l-interpretazzjoni tas-sentenza appellata hija wisq ġeneruża. Naqbel mal-Kunsill li, wara li sabet li xi wħud mir-raġunijiet miġjuba ma setgħux jiġġustifikaw id-deċiżjoni sabiex LTTE jinżamm fil-lista u li għalhekk din kellha tiġi annullata, il-Qorti Ġenerali kellha tgħaddi sabiex espressament teżamina r-raġunijiet l-oħra u tivverifika jekk waħda minn dawk ir-raġunijiet kinitx suffiċjenti minnha nfisha sabiex issostni d-deċiżjoni ( 89 ). Huwa biss jekk anki dawn ir-raġunijiet l-oħra ma jkunux suffiċjentement iddettaljati u speċifiċi sabiex jifformaw il-bażi għal inklużjoni fil-lista li r-regolamenti kkontestati jkunu jistgħu jiġu annullati. Madankollu, il-Qorti Ġenerali hawnhekk naqset milli tagħmel tali konstatazzjonijiet. Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali essenzjalment kien limitat għal konstatazzjoni ta’ fatt, jiġifieri li l-Kunsill kien sempliċement iċċita d-deċiżjonijiet nazzjonali ta’ qabel u qal li kienu baqgħu validi. Għal din ir-raġuni t-tielet aggravju għandu jintlaqa’ u d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali għandha tiġi annullata.

124.

Fortunatament, l-istat tal-proċeduri f’din il-kawża jippermetti li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti, skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sentenza finali fil-materja. Fil-kuntest tal-ħames u s-sitt aggravju, LTTE argumenta li l-motivazzjoni għar-regolamenti kkontestati ma kinitx kompleta; dik il-motivazzjoni ma ppermettietx li huwa jipprepara difiża effettiva u li l-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ dawk ir-regolamenti.

125.

Spjegajt f’parti oħra f’dawn il-konklużjonijiet għaliex inqis li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod korrett li l-Kunsill ma setax, meta ddeċieda li jżomm lil LTTE fil-lista tal-Artikolu 2(3), jistrieħ (fil-motivazzjoni tiegħu) fuq (i) deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet ta’ Stati terzi mingħajr ma jgħid il-motivi li għalihom iddeċieda li dawk id-deċiżjonijiet kienu adottati fl-osservanza tal-istandards ta’ protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali ekwivalenti għal dawk li japplikaw, bħala materja tad-dritt tal-Unjoni, għal deċiżjonijiet meħuda minn awtoritajiet tal-Istati Membri, u fuq (ii) diversi atti ġodda li ma kinux ġew evalwati u stabbiliti minn deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti. Dan iħalli l-kwistjoni ta’ jekk kienx suffiċjenti li l-Kunsill jgħid, fil-motivi għar-regolamenti kkontestati, li d-deċiżjonijiet inizjali tal-awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari l-ordni ta’ proskrizzjoni tal-2001 tar-Renju Unit, kienu baqgħu validi jew li kienet ittieħdet deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti.

126.

Għar-raġunijiet li diġà spjegajt ( 90 ), inqis li dan ma kienx suffiċjenti. Għalhekk nikkonkludi li l-miżuri kkontestati għandhom ikunu annullati għal din ir-raġuni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jkunx meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina t-talbiet l-oħra mressqa minn LTTE fl-ewwel istanza.

Konklużjoni

127.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, nikkonkludi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

tilqa’ l-appell tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea;

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawżi magħquda T‑208/11 u T‑508/11;

tannulla r-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 83/2011, tal-31 ta’ Jannar 2011, Nru 687/2011, tat-18 ta’ Lulju 2011, Nru 1375/2011, tat-22 ta’ Diċembru 2011, Nru 542/2012, tal-25 ta’ Ġunju 2012, Nru 1169/2012, tal-10 ta’ Diċembru 2012, Nru 714/2013, tal-25 ta’ Lulju 2013, Nru 125/2014, tal-10 ta’ Frar 2014, u Nru 790/2014, tat-22 ta’ Lulju 2014, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nri 610/2010, 83/2011, 687/2011, 1375/2011, 542/2012, 1169/2012, 714/2013 u 125/2014 sa fejn dawk il-miżuri jikkonċernaw lil-Liberation Tigers of Tamil Eelam;

tikkundanna, skont l-Artikoli 138(3) u 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Kunsill għall-ispejjeż tiegħu u għal żewġ terzi tal-ispejjeż sostnuti mil-Liberation Tigers of Tamil Eelam f’dan l-appell;

tikkundanna, skont l-Artikoli 138(3) u 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, lil-Liberation Tigers of Tamil Eelam għall-kumplament tal-ispejjeż sostnuti minnu f’dan l-appell;

tikkundanna, skont Artikoli 138(1) u 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, lil-Kunsill għall-ispejjeż tiegħu u għal dawk sostnuti mil-Liberation Tigers of Tamil Eelam fl-ewwel istanza, u

tikkundanna, skont l-Artikoli 140(1) u 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Gvernijiet ta’ Franza, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit u lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż rispettivi tagħhom.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014 fil-kawża LTTE vs Il-Kunsill, EU:T:2014:885.

( 3 ) Ara l-punt 15 iktar ’il quddiem.

( 4 ) Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217), kif emendata. Ara l-premessa 2.

( 5 ) Punt 1(a) u (c) tar-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-KSNU.

( 6 ) Ara l-punt 6 iktar ’il quddiem.

( 7 ) “Att terroristiku” huwa wieħed mill-azzjonijiet intenzjonali elenkati fl-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li, minħabba n-natura tiegħu jew il-kuntest tiegħu, jista’ jagħmel ħsara gravi lil pajjiż jew lil organizzazzjoni internazzjonali, kif iddefinit bħala offiża skont id-dritt nazzjonali, meta jitwettaq bil-għan li: (i) jintimida serjament lil popolazzjoni, jew (ii) indebitament jostakola lil gvern jew lil organizzazzjoni internazzjonali milli jwettqu jew ma jwettqux kull att, jew (iii) jiddestabilizza serjament jew jeqred l-istrutturi politiċi, kostituzzjonali, ekonomiċi jew soċjali fundamentali ta’ pajjiż jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali. Ara ulterjorment il-Kawża C‑158/14 A et li dwara għandi nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi fid-29 ta’ Settembru 2016.

( 8 ) Regolament tal-Kunsill, Nru 2580/2001, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 207), kif emendat.

( 9 ) Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill, tad-29 ta’ Mejju 2006, li taġġorna l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ĠU 2006, L 144, p. 25).

( 10 ) Deċiżjoni tal-Kunsill, tad-29 ta’ Mejju 2006, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 u li tħassar id-Deċiżjoni 2005/930/KE (ĠU L 294M, p. 169). Ara l-Artikolu 1 u l-punt 2.17 tal-lista l-ġdida introdotta b’dan ir-regolament.

( 11 ) Ara l-punt 16 iktar ’il quddiem.

( 12 ) Jiġifieri l-Kawża T‑208/11.

( 13 ) Regolament ta’ Implementazzjoni, tal-31 ta’ Jannar 2011, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 610/2010 (ĠU 2011, L 28, p. 14).

( 14 ) Jiġifieri l-Kawża T‑508/11.

( 15 ) Regolament ta’ Implementazzjoni, tat-18 ta’ Lulju 2011, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 610/2010 u (UE) Nru 83/2011 (ĠU 2011, L 188, p. 2).

( 16 ) Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 687/2011 (ĠU 2011, L 343, p. 10).

( 17 ) Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ġunju 2012, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1375/2011 (ĠU 2012, L 165, p. 12).

( 18 ) Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill, tal-10 ta’ Diċembru 2012, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 542/2012 (ĠU 2012, L 337, p. 2).

( 19 ) Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill, tal-25 ta’ Lulju 2013, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1169/2012 (ĠU 2013, L 201, p. 10).

( 20 ) Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill, tal-10 ta’ Frar 2014, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 714/2013 (ĠU 2014, L 40, p. 9).

( 21 ) Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill, tat-22 ta’ Lulju 2014, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 125/2014 (ĠU 2014, L 217, p. 1). Ara l-punt 16 iktar ’il quddiem.

( 22 ) Punti 104 u 110 tas-sentenza appellata.

( 23 ) Fil-punti 105 u 106 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali għamlet riferiment għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Al-Aqsa”), punti 66 sa 77, u għas-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2010 fil-kawża Al-Aqsa vs Il-Kunsill, T‑348/07, EU:T:2010:373, punt 88, u tat-23 ta’ Ottubru 2008 fil-kawża People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża PMOI”), punti 144 u 145.

( 24 ) Punt 107 tas-sentenza appellata.

( 25 ) Punt 113 tas-sentenza appellata.

( 26 ) Punti 126 sa 136 tas-sentenza appellata.

( 27 ) Punti 131 sa 140 tas-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali straħet fuq is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2009 fil-kawża Sison vs Il-Kunsill, T‑341/07, EU:T:2009:372, punti 9395.

( 28 ) Punt 141 tas-sentenza appellata.

( 29 ) Punt 152 tas-sentenza appellata.

( 30 ) Punt 155 tas-sentenza appellata.

( 31 ) Punti 157 sa 165 tas-sentenza appellata.

( 32 ) Deskritti fil-punti 167 sa 172 tas-sentenza appellata.

( 33 ) Punt 186 tas-sentenza appellata.

( 34 ) Punti 187 sa 195 tas-sentenza appellata.

( 35 ) Punt 196 tas-sentenza appellata.

( 36 ) B’mod partikolari, il-punti 199 sa 201 tas-sentenza appellata.

( 37 ) Punti 197 u 198 tas-sentenza appellata.

( 38 ) Punti 203 u 204 tas-sentenza appellata.

( 39 ) Punti 204 u 208 tas-sentenza appellata.

( 40 ) Punti 209 sa 214 tas-sentenza appellata.

( 41 ) Punti 215 u 216 tas-sentenza appellata.

( 42 ) Punti 217 u 218 tas-sentenza appellata.

( 43 ) Ara l-punt 50 iktar ’il quddiem.

( 44 ) Punt 225 tas-sentenza appellata.

( 45 ) L-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni kienu limitati għat-tieni u t-tielet talbiet. Qalet li hija kienet taqbel kompletament mas-sottomissjonijiet tal-Kunsill fir-rigward tal-ewwel talba.

( 46 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża PMOI, punt 144.

( 47 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011 fil-kawża Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 72.

( 48 ) Sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016 fil-kawża National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill, C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 55.

( 49 ) Sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013 fil-kawża Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Kala Naft”), punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 50 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012 fil-kawża Il-Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Il-Kunsill vs Bamba”), punti 49 u 50 u l-ġurisprudenza ċċitata. Dwar il-fini tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013 fil-kawża Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Kadi II”), punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 51 ) Ara, b’mod ġenerali, is-sentenza Kadi II, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll is-sentenza Il-Kunsill vs Bamba, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 52 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Il-Kunsill vs Bamba, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 53 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Il-Kunsill vs Bamba, punt 52.

( 54 ) Ara s-sentenza Kadi II, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 55 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Il-Kunsill vs Bamba, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 56 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:482, punti 198 sa 201207.

( 57 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:482, punt 136.

( 58 ) Ara, b’mod ġenerali, is-sentenza Kadi II, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza Il-Kunsill vs Bamba, punt 52; u s-sentenza Al-Aqsa, punt 142.

( 59 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Il-Kunsill vs Bamba, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 60 ) Opinjoni 2/13, tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 191 u l-ġurisprudenza ċċitata. Dwar x’jistgħu jkunu tali ċirkustanzi eċċezzjonali, ara s-sentenza tal-5 ta’ April 2016 fil-kawża Aranyosi, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 88 sa 104.

( 61 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Franza v People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:482, punt 202.

( 62 ) Skont din id-dispożizzjoni: “Il-proċedura miktuba tikkonsisti fil-komunikazzjoni lill-partijiet u lill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni li d-deċiżjoni tagħhom tkun qiegħda tiġi mistħarrġa, ta’ applikazzjonijiet, stqarrijiet dwar il-każ, difiżi u osservazzjonijiet, u ta’ repliki, jekk ikun hemm, kif ukoll ta’ skritti u dokumenti miġjuba sabiex isaħħu l-każ jew ta’kopji awtentikati tagħhom.”

( 63 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Kadi II, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 64 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 86 sa 96 iktar ’il quddiem.

( 65 ) Sentenza Al-Aqsa, punt 81. Ara wkoll il-punt 68.

( 66 ) Sentenza Al-Aqsa, punt 104.

( 67 ) Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża PMOI, punt 110.

( 68 ) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża PMOI, punt 112. Isegwi wkoll li n-nuqqas ta’ deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti ma tistax tkun iġġustifikata għar-raġuni li, minħabba li persuna jew grupp ikun (diġà) inkluż fil-lista tal-Artikolu 2(3), ikun inqas probabbli li dik il-persuna jew grupp iwettaq atti terroristiċi u, għalhekk, ikun suġġett għal deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti.

( 69 ) Sentenza Al-Aqsa, punt 69.

( 70 ) Sentenza Al-Aqsa, punt 82.

( 71 ) Sentenza Al-Aqsa, punt 83.

( 72 ) Sentenza Al-Aqsa, punt 111; Ara wkoll il-punt 90.

( 73 ) Dan kien il-każ fis-sentenza Al-Aqsa, punti 83 sa 90.

( 74 ) Dwar tip differenti ta’ sanzjoni, ara, b’analoġija, is-sentenza Kadi II, punt 156.

( 75 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:482, punt 89.

( 76 ) Ara l-punti 60 sa 73 iktar ’il fuq.

( 77 ) Sentenza Al-Aqsa, punt 69.

( 78 ) Sentenza Al-Aqsa, punt 68.

( 79 ) Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2580/2001.

( 80 ) Sentenza Kadi II, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 81 ) B’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża PMOI, punt 144.

( 82 ) Punt 206 tas-sentenza appellata.

( 83 ) Punt 207 tas-sentenza appellata.

( 84 ) Punt 208 tas-sentenza appellata.

( 85 ) Punt 202 tas-sentenza appellata.

( 86 ) Punt 195 tas-sentenza appellata.

( 87 ) Punt 196 tas-sentenza appellata.

( 88 ) Ara l-punt 155 tas-sentenza appellata.

( 89 ) Sentenza Kala Naft, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 90 ) Ara l-punti 77 sa 91 iktar ’il fuq.

Top