Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0593

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fit-12 ta’ Mejju 2016.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:336

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    KOKOTT

    tat-12 ta’ Mejju 2016 ( 1 )

    Kawża C‑593/14

    Masco Denmark ApS,

    Damixa ApS

    vs

    Skatteministeriet

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vestre Landsret (qorti tal-appell reġjonali tal-Punent, id-Danimarka)]

    “Leġiżlazzjoni fiskali — Libertà ta’ stabbiliment (Artikolu 43 KE) — Taxxa nazzjonali fuq il-kumpanniji — Dħul minn interessi — Self lil sussidjarja — Eżenzjoni fiskali fil-każ ta’ projbizzjoni tat-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ interessi ta’ sussidjarja sottokapitalizzata — Kumpanniji omm b’sussidjarji mhux residenti — Projbizzjoni tat-tnaqqis tal-interessi imposta minn Stat Membru ieħor”

    I – Introduzzjoni

    1.

    L-istrateġija ta’ evażjoni fiskali minn gruppi internazzjonali kienet tassew preokkupanti għall-komunità internazzjonali f’dawn l-aħħar snin. Possibbiltà klassika ta’ trasferiment tal-qligħ minn Stat għal ieħor hija l-finanzjament ta’ sussidjarji barranin permezz ta’ self minflok kapital proprju. B’dan il-mod, il-qligħ ta’ sussidjarja jista’ jitnaqqas parzjalment mit-tassazzjoni fl-Istat ta’ residenza tagħha u minflok jiġi ntaxxat, fil-forma ta’ dħul minn interessi, fl-Istat ta’ residenza tal-kumpannija omm taħt kundizzjonijiet possibbilment iktar favorevoli.

    2.

    Din il-possibbiltà ta’ trasferiment tal-qligħ tikkostitwixxi l-isfond tat-talba għal deċiżjoni preliminari Daniża preżenti. L-awtorità fiskali Daniża tipprova tiġġieled kontra dan it-trasferiment permezz ta’ projbizzjoni tat-tnaqqis tal-interessi applikabbli għall-hekk imsejħa sussidjarji sottokapitalizzati, li fir-rigward tagħhom teżisti preżunzjoni li l-kumpannija omm tagħhom fil-fatt għandha tipprovdilhom iktar kapital proprju. Il-projbizzjoni tat-tnaqqis għandha l-effett li l-qligħ ta’ sussidjarji Daniżi għandu jiġi ntaxxat fid-Danimarka mingħajr ma jitnaqqsu l-pagamenti ta’ interessi eżaġerati. Iżda sabiex tiġi evitata tassazzjoni doppja fid-Danimarka tal-pagamenti ta’ interessi, f’dan il-każ, id-dħul minn interessi korrispondenti huma eżentati mit-taxxa għall-kumpannija omm Daniża.

    3.

    Madankollu, il-kumpanniji omm Daniżi huma mċaħħda minn tali eżenzjoni jekk is-sussidjarja tagħhom tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor u hemmhekk tkun suġġetta wkoll għal projbizzjoni tat-tnaqqis tal-interessi. Issa l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċċara jekk tali leġiżlazzjoni, intiża sabiex tipprevjeni trasferiment ta’ qligħ hijiex kompatibbli mal-libertà ta’ stabbiliment. F’dan ir-rigward, l-għan huwa, b’mod partikolari, li tiġi żgurata l-koerenza tal-ġurisprudenza tagħna fil-qasam tat-tassazzjoni diretta.

    II – Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    4.

    Fil-perijodu rilevanti għall-kawża prinċipali, l-Artikolu 43 KE ( 2 ) (issa l-Artikolu 49 TFUE ( 3 )) kien jirregola d-dritt ta’ stabbiliment kif ġej:

    “Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn taħt ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ l-istabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandhom jiġu projbiti. Tali projbizzjoni għandha testendi ruħha wkoll għal restrizzjonijiet fuq l-istabbiliment ta’ aġenziji, fergħat u sussidjarji, minn ċittadini ta’ Stat Membru stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

    Il-libertà ta’ l-istabbiliment tinkludi d-dritt li tibda u teżerċita attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasa, kif ukoll li tikkostitwixxi u tmexxi impriżi u b’mod partikolari kumpanniji li jaqgħu taħt it-tifsira ta’ l-Artikolu 48, paragrafu 2, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-liġijiet tal-pajjiż ta’ l-istabbiliment, għaċ-ċittadini tiegħu stess, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu dwar il-kapital.”

    5.

    L-Artikolu 48 KE (issa: l-Artikolu 54 TFUE) jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment kif ġej:

    “Il-kumpanniji jew ditti stabbiliti konformement mal-liġijiet ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċju reġistrati jew it-tmexxija ċentrali jew is-sede prinċipali ġewwa l-Unjoni, għandhom, għall-fini ta’ dan il-Kapitolu jkunu meqjusa bħala persuni fiżiċi ċittadini ta’ l-Istati Membri”.

    […]”

    Id-dritt nazzjonali

    6.

    Fir-Renju tad-Danimarka, tinġabar taxxa fuq il-kumpanniji fuq id-dħul ta’ kumpanniji Daniżi, li jinkludi d-dħul minn interessi.

    7.

    Skont l-Artikolu 11(1) tas-Selskabsskattelov (liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji, iktar ’il quddiem, l-“SSL”), kumpannija Daniża li hija membru fi grupp fil-prinċipju ma tistax, fil-prinċipju tinvoka l-ispejjeż tal-interessi għal djun interni tal-grupp bħala spejjeż operattivi, jekk hija tkun sottokapitalizzata. Teżisti sottokapitalizzazzjoni meta l-proporzjon bejn l-ammont tad-dejn u l-kapital proprju tal-kumpannija tkun ta’ iktar minn 4:1.

    8.

    Jekk tkun tapplika l-projbizzjoni tat-tnaqqis għall-ispejjeż tal-interessi prevista fl-Artikolu 11(1) tal-SSL, skont il-paragrafu 6 ta’ din id-dispożizzjoni, ir-riċevitur tal-pagamenti ta’ interessi jiġi eżentat mit-tassazzjoni fuq id-dħul ta’ interessi korrispondenti.

    III – Il-kawża prinċipali

    9.

    Il-kawża prinċipali tikkonċerna l-kalkolu tat-taxxa fuq il-kumpanniji Daniża għall-kumpannija Daniża Damixa ApS (iktar ’il quddiem, “Damixa”) għas-snin 2005 u 2006, b’mod partikolari t-teħid inkunsiderazzjoni għal finijiet fiskali ta’ ċertu dħul minn interessi. F’dak iż-żmien, Damixa kienet sussidjarja ta’ Masco Denmark ApS, li flimkien magħha kienet suġġetta għal tassazzjoni konġunta ta’ grupp ta’ kumpanniji, u għalhekk hija wkoll rikorrenti fil-kawża prinċipali.

    10.

    Damixa kienet għamlet self lis-sussidjarja 100 % tagħha stabbilita fil-Ġermanja, Damixa Armaturen GmbH. Minn dan hija rċeviet dħul ta’ interessi f’ammont totali ta’ DKK 9584745 fis-snin 2005 u 2006. Dawn l-interessi ma ġewx irrikonoxxuti bħala spejjeż operattivi, iżda ġew ittrattati bħala dividendi mqassma mis-sussidjarji Ġermaniżi tagħha, minħabba li hija kienet meqjusa li hija sottokapitalizzata skont il-liġi Ġermaniża (proporzjon bejn l-ammont tad-dejn u tal-kapital proprju ta’ iktar minn 1.5:1).

    11.

    F’dan il-każ, l-amministrazzjoni fiskali Daniża ma tara li hemm l-ebda lok għal applikazzjoni tal-eżenzjoni fiskali għal dħul minn interessi skont l-Artikolu 11(6) tal-SSL. Dan għaliex l-eżenzjoni tirrikjedi li l-ispejjeż tal-interessi jkunu suġġetti għal projbizzjoni tat-tnaqqis mid-debitur tal-interessi skont l-Artikolu 11(1) tal-SSL. Din il-projbizzjoni tat-tnaqqis madankollu tapplika biss għal kumpanniji li huma suġġetti għat-taxxa Daniża, u b’hekk, bħala regola, tapplika biss għal kumpanniji stabbiliti fid-Danimarka.

    12.

    Għall-kuntrarju, Damixa tqis li din ir-regola tostakola l-libertà ta’ stabbiliment tagħha. Dan minħabba li finalment hija tiġi rrifjutata eżenzjoni fiskali biss minħabba li s-sussidjarja tagħha, li mingħandha tirċievi d-dħul minn interessi, hija stabbilita fi Stat Membru ieħor.

    IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    13.

    Fid-19 ta’ Diċembru 2014, il-Vestre Landsret (qorti tal-appell reġjonali tal-Punent, id-Danimarka) li sadanittant ġiet adita bit-tilwima, għamlet id-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE:

    L-Artikolu 43 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 48 KE (li saru l-Artikolu 49 TFUE u l-Artikolu 54 TFUE rispettivament), jipprekludi Stat Membru milli ma jagħtix eżenzjoni fiskali għall-interessi riċevuti [dħul minn interessi] minn kumpannija residenti fil-każ li kumpannija li tifforma parti mill-istess grupp ta’ kumpanniji, residenti fi Stat Membru ieħor, ma tkunx tista’ tnaqqas mit-taxxa l-ispiża għall-ħlas tal-interessi korrispondenti minħabba r-regoli (bħal dawk fis-seħħ f’dan il-każ) fl-Istat Membru kkonċernat li jillimitaw id-dritt għal tnaqqis tal-interessi mħallsa fil-każ ta’ sottokapitalizzazzjoni, meta dan l-ewwel Stat Membru jagħti eżenzjoni fiskali għall-interessi riċevuti minn kumpannija residenti fil-każ li kumpannija residenti oħra li tifforma parti mill-istess grupp ta’ kumpanniji ma tkunx tista’ tnaqqas mit-taxxa l-ispiża għall-ħlas tal-interessi korrispondenti skont ir-regoli nazzjonali (bħal dawk fis-seħħ f’dan il-każ) li jillimitaw it-tnaqqis ta’ tali spejjeż fil-każ ta’ sottokapitalizzazzjoni?

    14.

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ir-Renju tad-Danimarka kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar din id-domanda u nstemgħu wkoll fis-seduta tat‑3 ta’ Marzu 2016.

    V – Analiżi legali

    15.

    Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk hijiex kompatibbli mal-libertà ta’ stabbiliment sitwazzjoni fejn Stat Membru jeżenta mit-taxxa d-dħul minn interessi li kumpannija omm tirċievi mingħand is-sussidjarja tagħha, meta l-ispejjeż tal-interessi korrispondenti tas-sussidjarja jkunu suġġetti fil-leġiżlazzjoni fiskali ta’ dan l-Istat Membru għal projbizzjoni ta’ tnaqqis minħabba sottokapitalizzazzjoni, iżda mhux meta s-sussidjarja tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor u meta, fil-kuntest tat-tassazzjoni mwettqa f’dan l-Istat Membru l-ieħor, il-pagamenti ta’ interessi lanqas ma jistgħu jitnaqqsu minħabba sottokapitalizzazzjoni.

    A – Restrizzjoni tal-libertà ta ’ stabbiliment

    16.

    L-Artikolu 43 KE, flimkien mal-Artikolu 48 KE, jipprojbixxi restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment ta’ kumpanniji ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Din il-projbizzjoni ma tapplikax biss għall-Istat ospitanti, iżda wkoll għall-Istat ta’ oriġini tal-kumpannija ( 4 ). Għalhekk, ikun hemm restrizzjoni, fil-prinċipju ipprojbita, tal-libertà ta’ stabbiliment, meta l-Istat ta’ oriġini jittratta kumpannija omm residenti b’sussidjarja mhux residenti b’mod inqas favorevoli minn kumpannija omm residenti li jkollha sussidjarja residenti ( 5 ).

    17.

    Fil-każ preżenti, għall-ewwel jidher li Damixa ġiet żvantaġġata b’dan il-mod. Filwaqt li hija ġiet irrifjutata eżenzjoni fiskali għall-pagamenti ta’ interessi mwettqa mis-sussidjarja mhux residenti tagħha, għalkemm din tal-aħħar ma tistax tiddikjara l-interessi bħala spejjeż operattivi fil-kuntest tat-taxxa fuq id-dħul tagħha, hija kienet tgawdi minn eżenzjoni fiskali kieku s-sussidjarja tagħha kienet residenti li t-tnaqqis tal-interessi tagħha wkoll ikun ipprojbit.

    18.

    Madankollu, leġiżlazzjoni bħal dik Daniża, fl-aħħar mill-aħħar, ma tirrestrinġix il-libertà ta’ stabbiliment ta’ Damixa, minħabba li l-iżvantaġġ li jirriżulta għaliha ma huwiex ikkawżat biss mir-Renju tad-Danimarka. Din il-perspettiva tirriżulta mill-prinċipju ta’ awtonomija stabbilit fil-ġurisprudenza (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima 1) u barra minn hekk ma jitqajjimx dubju sostanzjali dwarha mil-linja ġurisprudenzjali żviluppata mis-sentenza Manninen (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima 2).

    1. Il-prinċipju ta’ awtonomija

    19.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li Stat Membru ma jistax jiġi obbligat, abbażi tal-libertajiet fundamentali, jieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali tiegħu, il-konsegwenzi possibbilment sfavorevoli li jirriżultaw mill-aspetti speċifiċi ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor ( 6 ). Dan għaliex, skont ġurisprudenza stabbilita, il-libertà ta’ stabbiliment b’mod partikolari ma tobbligax lil Stat Membru jistabbilixxi r-regoli fiskali tiegħu skont dawk ta’ Stat Membru ieħor sabiex tiġi ggarantita, fis-sitwazzjonijiet kollha, tassazzjoni li telimina kull diskrepanza li tirriżulta mil-liġijiet fiskali nazzjonali ( 7 ).

    20.

    Dan il-“prinċipju ta’ awtonomija” ( 8 ) finalment ifisser li Stat Membru ma jiksirx il-libertajiet fundamentali fejn trattament inqas favorevoli f’sitwazzjoni transkonfinali jirriżulta biss meta jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli tal-leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru ieħor. Dan għaliex is-sistemi fiskali individwali tal-Istati Membri għandhom jitqiesu b’mod awtonomu ( 9 ).

    21.

    Għaldaqstant, fuq il-bażi ta’ dan il-prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja pereżempju ddeċidiet li Stat Membru ma huwiex obbligat jagħmel il-ġbir tat-taxxa proprju tiegħu dipendenti fuq jekk Stat Membru ieħor jiġborx taxxa fuq l-istess tranżazzjoni ( 10 ).

    22.

    Ukoll fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ awtonomija, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest tal-hekk imsejħa taxxa ta’ ħruġ, li Stat Membru ma għandux jieħu inkunsiderazzjoni d-deprezzament fuq l-assi ta’ kumpannija li jirriżulta wara t-trasferiment tas-sede tagħha fi Stat Membru ieħor skont jekk l-Istat Membru ospitanti jipprevedix jew le t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan id-deprezzament fil-leġiżlazzjoni fiskali tiegħu ( 11 ).

    23.

    Skont il-prinċipju ta’ awtonomija, it-teħid inkunsiderazzjoni transkonfinali tat-telf lanqas ma jista’ jiddependi fuq jekk l-Istat Membru l-ieħor jipprevedix, fil-leġiżlazzjoni fiskali tiegħu, li s-sussidjarja mhux residenti ma tista’ tittrasferixxi l-ebda telf ( 12 ) jew li b’mod ġenerali ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni telf li jirriżulta mill-bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tinsab f’dan l-Istat ( 13 ).

    24.

    F’dawn il-każijiet kollha, it-trattament inqas favorevoli tas-sitwazzjoni transkonfinali huwa, mill-inqas ugwalment attribwibbli lill-Istat Membru l-ieħor u għalhekk huwa l-konsegwenza tat-tqassim tal-kompetenza fiskali bejn l-Istati Membri ( 14 ) jew tal-eżerċizzju parallel tagħha ( 15 ). Iżda trattament inqas favorevoli li jirriżulta biss mill-effett kombinat tad-dispożizzjonijiet ta’ żewġ Stati Membri, ma jista’ jiġi imputat lill-ebda wieħed mill-Istati Membri bħala restrizzjoni għal libertà fundamentali ( 16 ).

    25.

    F’dan ir-rigward, it-tassazzjoni doppja ta’ sitwazzjonijiet transkonfinali minn żewġ Stati Membri hija eżempju partikolarment ċar, li skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkostitwixxix ksur tal-libertajiet fundamentali ( 17 ), għalkemm l-effetti negattivi għas-suq intern huma evidenti. Tali tfixkil fis-suq intern minħabba l-aġir awtonomu ta’ żewġ Stati Membri madankollu ma jistax jiġi evitat permezz tal-libertajiet fundamentali, iżda biss permezz tal-adozzjoni ta’ atti legali speċifiċi fuq il-livell tal-Unjoni ( 18 ) jew, bħala t-tieni l-aħjar alternattiva attwalment prevalenti, permezz ta’ ftehimiet bilaterali jew multilaterali bejn l-Istati Membri ( 19 ).

    26.

    Fil-każ preżenti, teżisti conditio sine qua non tat-trattament inqas favorevoli tal-istabbiliment transkonfinali ta’ Damixa, fil-fatt li l-leġiżlazzjoni fiskali Ġermaniża barranija, li għaliha hija suġġetta s-sussidjarja tagħha, tipprevedi projbizzjoni tat-tnaqqis tal-interessi. Mingħajr din ir-regola, li hija imputabbli għal Stat Membru ieħor, min-naħa l-oħra ma jkun jista’ jiġi kkonstatat l-ebda trattament inqas favorevoli ta’ sitwazzjoni transkonfinali meta mqabbla ma’ dik nazzjonali. Fil-fatt, fl-assenza tal-projbizzjoni li jitnaqqsu l-interessi prevista minn Stat Membru ieħor, is-sussidjarja mhux residenti tista’ tinvoka l-pagamenti ta’ interessi lill-kumpannija omm Damixa inkwantu spejjeż operattivi fil-kuntest tat-tassazzjoni tagħha, bħalma huwa normalment il-każ. Skont is-sistema fiskali Daniża, il-kumpannija omm li s-sussidjarji tagħha jistgħu jnaqqsu l-pagamenti ta’ interessi inkwantu spejjeż operattivi ma għandhom, madankollu, l-ebda dritt għall-eżenzjoni tad-dħul minn interessi korrispondenti tagħhom, indipendentement mill-fatt li s-sussidjarja tagħhom hija residenti jew le.

    27.

    Jekk, għal kuntrarju, fil-każ preżenti jingħad li hemm restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment mil-leġiżlazzjoni Daniża, ir-Renju tad-Danimarka jkun obbligat, bla ħsara għal ġustifikazzjoni ta’ din ir-restrizzjoni, li jissuġġetta kull darba eżenzjoni fiskali, fis-sitwazzjonijiet transkonfinali, għall-eżistenza fil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor ta’ projbizzjoni għall-persuni taxxabbli tiegħu li jnaqqsu l-interessi. Dan ikun jikkontradixxi b’mod ċar il-ġurisprudenza li ġiet esposta dwar il-prinċipju ta’ awtonomija.

    2. Is-sentenza Manninen

    28.

    Is-sentenza Manninen ( 20 ) ukoll hija konformi mal-prinċipju ta’ awtonomija, u l-importanza tagħha sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari ġie diskuss b’mod intensiv mill-partijiet, għalkemm din kienet diġà ngħatat fis-sena 2004 qabel l-iżvilupp tal-prinċipju ta’ awtonomija fil-ġurisprudenza tagħna.

    29.

    Fis-sentenza Manninen, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tat-tassazzjoni tad-dħul minn dividendi ta’ azzjonisti residenti, kienet ikkonstatat ksur tal-moviment liberu tal-kapital. Il-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali fil-prinċipju kienet tipprevedi li l-azzjonisti jirċievu kreditu fiskali fl-ammont tat-taxxa fuq il-kumpanniji, li l-kumpannija li jkollhom sehem fiha tkun diġà ħallset għall-profitti mqassma. Madankollu, l-azzjonisti ta’ kumpanniji mhux residenti kienu esklużi minn din il-miżura għall-prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja ekonomika tal-qligħ tal-kumpannija. Imputazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji li kienu ħallsu l-kumpanniji mhux residenti fi Stat Membru ieħor f’dan il-każ ma kinitx possibbli. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat restrizzjoni tal-investimenti transkonfinali, li għaliha hija wkoll ma setgħet issib ebda ġustifikazzjoni.

    30.

    Jekk dan jiġi applikat għall-każ preżenti, issa jista’ jiġi argumentat li anki t-tassazzjoni miżjuda ta’ sussidjarja minħabba projbizzjoni tat-tnaqqis tal-interessi tikkostitwixxi taxxa li għandha tiġi “imputata” fir-rigward tal-azzjonist residenti, jiġifieri l-kumpannija omm, filwaqt li ma jiġix intaxxat id-dħul minn interessi fir-rigward tal-azzjonisti. Minn dan il-paragun jirriżulta li anki fil-każ preżenti – l-istess bħal fis-sentenza Manninen – għandha tiġi ammessa restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment, peress li l-“imputazzjoni” ma hijiex possibbli għall-ishma barranin. Dan iqiegħed f’dubju l-validità tal-prinċipju ta’ awtonomija.

    31.

    Minkejja dan għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-motivazzjoni tas-sentenza tagħha dak iż-żmien kienet fehmet il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata espressament fis-sens li l-imputazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa minn kumpannija fuq id-dħul tal-azzjonist tagħha fl-aħħar tkun twassal sabiex id-dħul minn dividendi rċevut mill-azzjonist jiġi eżentat mit-taxxa ( 21 ). L-Istat Membru kkonċernat b’hekk kien l-uniku wieħed responsabbli għat-trattament inqas favorevoli tal-ishma barranin, li fir-rigward tagħhom finalment ma kienet prevista l-ebda eżenzjoni fiskali għad-dħul minn dividendi. Interpretata b’dan il-mod, is-sentenza Manninen hija kunsiderevolment differenti mill-każ preżenti. Dan għaliex l-eżenzjoni fiskali Daniża tal-kumpanniji omm ma tapplikax b’mod ġenerali, iżda tapplika biss meta s-sussidjarji tagħhom ikunu suġġetti għal projbizzjoni tat-tnaqqis tal-interessi, li fil-każ tas-sussidjarji mhux residenti jiddependi madankollu mil-leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru ieħor.

    32.

    Din l-interpretazzjoni tas-sentenza Manninen madankollu tista’ tkun kontradetta mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tqisx li l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat li jeżenta mit-taxxa wkoll id-dividendi kollha ta’ kumpannija mhux residenti fir-rigward tal-azzjonisti. Għall-kuntrarju, skont ġurisprudenza stabbilita, hija t-taxxa fuq il-kumpanniji effettivament imħallsa fl-Istat Membru fejn hija stabbilita l-kumpannija li għandha tiġi imputata fuq it-taxxa tal-azzjonist ( 22 ). F’dan ir-rigward, jista’ jitqies li hemm kontradizzjoni tal-prinċipju ta’ awtonomija minħabba li l-portata ta’ din l-imputazzjoni effettivament tiddependi mill-ammont tat-taxxa barranija u għaldaqstant mil-leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru ieħor.

    33.

    Il-kontradizzjoni allegata madankollu tissolva jekk jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja b’dan il-mod tat konċessjoni lill-Istat Membru biss fir-rigward tal-għażla tal-mezz li bih għandu jiġi eliminat il-ksur ikkonstatat. L-Istat Membru kkonċernat, fir-rigward tal-ishma f’kumpanniji mhux residenti, ma għandux jipprevedi wkoll eżenzjoni sabiex jiġi evitat ksur tal-moviment liberu tal-kapital, iżda huwa suffiċjenti jekk huwa jwettaq imputazzjoni biss tat-taxxa fuq il-kumpanniji barranija effettiva ( 23 ). Il-fatt li, għall-kuntrarju, l-imputazzjoni tat-taxxa barranija bħala tali – u b’hekk id-dipendenza mis-sistema fiskali ta’ Stat Membru ieħor – ma hijiex rikjesta mil-libertajiet fundamentali abbażi tal-linja ġurisprudenzjali tas-sentenza Manninen huwa evidenti b’mod partikolari mill-fatt li l-azzjonist f’każ transkonfinali jrid jiġi eżentat mill-iktar mit-taxxa fuq id-dħul mid-dividendi tiegħu, iżda ma għandu ebda l-dritt għar-rimbors tal-ammont żejjed tat-taxxa fuq il-kumpanniji barranija ( 24 ).

    3. Konklużjoni

    34.

    Leġiżlazzjoni bħal dik Daniża dwar l-eżenzjoni fiskali tad-dħul minn interessi li tiddependi minn projbizzjoni tat-tnaqqis tal-interessi għaldaqstant ma tikkostitwixxix restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment u konsegwentement ma tiksirx l-Artikoli 43 u 48 KE.

    B – Sussidjarjament: ġustifikazzjoni ta ’ restrizzjoni eventwali

    35.

    Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ madankollu tassumi li hemm restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment ta’ Damixa, ikun hemm imbagħad lok li jiġi eżaminat jekk it-trattament inqas favorevoli tagħha huwiex iġġustifikat.

    36.

    Ġustifikazzjoni għat-trattament inqas favorevoli ta’ Damixa tista’ tinstab fil-fatt li fil-każ tagħha l-projbizzjoni tat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-interessi tas-sussidjarja tagħha teżisti fil-kuntest tat-taxxa fuq id-dħul barranija u mhux fi ħdan is-sistema tat-taxxa fuq il-kumpanniji Daniża.

    1. It-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri

    37.

    L-ewwel nett, f’dan ir-rigward wieħed għandu jżomm f’moħħu l-ġustifikazzjoni rrikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha tal-preżervazzjoni tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri ( 25 ). Skont din il-ġurisprudenza, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jeżerċitaw u jipproteġu s-setgħa ta’ tassazzjoni assenjata lilhom ( 26 ). Il-miżuri adottati fuq din il-bażi jmorru lil hinn mis-sempliċi interess ta’ Stat Membru li jevita t-tnaqqis tad-dħul fiskali tiegħu, li bħala tali ma huwiex raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ( 27 ), għaliex huma intiżi sabiex jipprevjenu trasferiment mhux iġġustifikat tal-bażi taxxabbli minn Stat Membru għal ieħor.

    38.

    Fil-każ preżenti teżisti l-karatteristika partikolari li s-setgħa ta’ tassazzjoni ma ġietx stabbilita mill-Istati Membri permezz ta’ ftehim jew unilateralment bħalma huwa l-każ normalment ( 28 ), iżda permezz ta’ att legali tal-Unjoni. Fil-fatt, l-interessi li rċeviet Damixa mingħand is-sussidjarja Ġermaniża tagħha evidentement jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/49/KE ( 29 ). L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-direttiva jattribwixxi d-dritt ta’ tassazzjoni għal tali interessi lill-Istat Membru tal-kreditur tal-interessi, billi jeżenta l-interessi mit-taxxa fl-Istat tal-oriġini.

    39.

    Għalkemm id-Direttiva 2003/49, skont l-Artikolu 4(1)(a) tagħha, ma tipprekludix lill-Istat tal-oriġini milli jintaxxa b’mod eċċezzjonali l-ispejjeż tal-interessi, bħala tqassim tal-profitti kif jista’ jseħħ permezz ta’ projbizzjoni tat-tnaqqis tal-interessi u minkejja l-fatt li t-tassazzjoni tas-sussidjarja li hija influwenzata direttament minn projbizzjoni ta’ tnaqqis tal-interessi, ma hijiex is-suġġett tal-Artikolu 1(1) tagħha ( 30 ), id-Direttiva madankollu tindika biċ-ċar li l-Istat Membru tal-kreditur tal-interess għandu jkollu s-setgħa ta’ tassazzjoni tal-ispejjeż tal-interessi transkonfinali ( 31 ).

    40.

    Din is-setgħa ta’ tassazzjoni eżistenti tar-Renju tad-Danimarka eżistenti fil-każ preżenti madankollu ma tingħatax jekk il-fatt li Stat tal-oriġini bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jintaxxa l-pagament ta’ interessi permezz ta’ projbizzjoni tat-tnaqqis tal-intressi jwassal sabiex id-Danimarka jkollha tirrinunzja s-setgħa ta’ tassazzjoni tagħha, billi tipprevedi eżenzjoni fiskali anki għal każijiet bħal dawn. Huwa minnu li l-atti tal-Unjoni fil-qasam tal-leġiżlazzjoni fiskali bħad-Direttiva 2003/49 huma suġġetti wkoll għall-obbligi relatati mal-libertajiet fundamenali ( 32 ). Iżda jekk il-ġustifikazzjoni għal tfixkil fil-libertajiet fundamentali fil-leġiżlazzjoni fiskali diġà jkollha torjenta ruħha mat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni mill-Istati Membri ( 33 ), dan għandu japplika a fortiori għal tqassim fuq il-livell tal-Unjoni.

    41.

    Peress li ma tista’ tiġi identifikata l-ebda miżura inqas restrittiva mir-restrizzjoni tal-eżenzjoni fiskali preżenti għall-pagamenti ta’ interessi minn sussidjarji residenti sabiex jiġi evitat trasferiment tas-setgħa ta’ tassazzjoni lejn l-Istat tal-oriġini kuntrarjament għat-tqassim stabbilit fid-Direttiva 2003/49, din il-miżura b’hekk hija ġġustifikata biex jiġi protett it-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri.

    2. Il-koerenza fiskali

    42.

    Barra minn hekk, l-esklużjoni ta’ sussidjarji mhux residenti mill-eżenzjoni fiskali tista’ tkun iġġustifikata wkoll għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-koerenza fiskali ( 34 ).

    43.

    Għal dan il-għan, jeħtieġ li tiġi stabbilita rabta diretta bejn vantaġġ fiskali u t-tpaċija ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ taxxa partikolari ( 35 ). F’dan ir-rigward, in-natura diretta ta’ din ir-rabta għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan segwit mil-leġiżlazzjoni fiskali inkwistjoni ( 36 ). Jekk jiġu ssodisfatti dawn il-kundizzjonijiet, il-persuna taxxabbli tista’ tiġi mċaħħda mill-vantaġġ fiskali fil-każ li lanqas ma tkun suġġetta għall-piż li s-sistema ta’ tassazzjoni ta’ Stat Membru torbot b’mod inseparabbli mal-vantaġġ fiskali mitlub.

    44.

    F’dan il-każ, tali rabta diretta tista’ tiġi kkonstatata bejn l-eżenzjoni fiskali Daniża tad-dħul minn interessi tal-kumpannija omm u l-projbizzjoni tat-tnaqqis Daniża għall-ispejjeż tal-interessi tas-sussidjarja. Damixta għaldaqstant titlob li tibbenefika mill-vantaġġ tal-eżenzjoni fiskali tad-dħul minn interessi tagħha, mingħajr ma s-sussidjarja tagħha ma hija suġġeta għall-piż marbut direttament ma’ dan il-vantaġġ u li jieħu l-forma ta’ projbizzjoni Daniża tat-tnaqqis tal-interessi.

    45.

    Dan ma huwiex kontradett mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat diversi drabi li ma teżistix relazzjoni diretta fis-sens tal-koerenza fiskali, inter alia, meta jkunu kkonċernati diversi persuni taxxabbli ( 37 ). Fil-fatt – kif diġà spjegajt iktar fid-dettal bnadi oħra ( 38 ) – tali rabta diretta xorta tista’ teżisti b’mod eċċezzjonali jekk – bħalma huwa l-każ hawnhekk – tranżazzjoni ekonomika identika jkollha effetti simetriċi fuq żewġ persuni taxxabbli. Fis-sentenza Papillon b’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet din il-fehma wkoll b’mod impliċitu u rilevanti għal dak il-każ. F’din is-sentenza, ġie kkonstatat li teżisti rabta diretta bejn il-vantaġġ tal-konsolidazzjoni tal-bilanċi tal-kumpanniji kollha fi ħdan il-grupp u l-piż fiskali tan-newtralizzazzjoni ta’ ċerti tranżazzjonijiet bejn il-kumpanniji fi ħdan grupp ( 39 ). Hawnhekk il-vantaġġi kif ukoll l-iżvantaġġi kienu jikkonċernaw kull darba diversi kumpanniji fi ħdan grupp.

    46.

    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza l-iktar reċenti, l-esklużjoni tal-eżenzjoni fiskali fil-każ ta’ sussidjarji mhux residenti, li huma suġġetti għal projbizzjoni barranija tat-tnaqqis tal-interessi, ukoll hija proporzjonata. Dan peress li l-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-kuntest iddeċidiet li jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll sitwazzjonijiet barranin, li ma humiex suġġetti għat-tassazzjoni proprja, dan ikun jikkontradixxi l-għan ta’ regola li, bħalma huwa l-każ ukoll fil-każ preżenti, hija intiża sabiex tipprevjeni t-tassazzjoni doppja fi ħdan sistema fiskali ta’ Stat Membru ( 40 ).

    47.

    Għaldaqstant, l-aspett tal-preżervazjoni tal-koerenza fiskali jiġġustifika wkoll ir-restrizzjoni tal-eżenzjoni fiskali preżenti għad-dħul ta’ pagamenti ta’ interessi ta’ sussidjarji suġġett mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għal projbizzjoni ta’ tnaqqis tal-interessi.

    VI – Konklużjoni

    48.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta segwenti għad-domanda tal-Vestre Landsret (qorti tal-appell reġjonali tal-Punent, id-Danimarka):

    L-Artikolu 43 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 48 KE, ma jipprekludix Stat Membru milli jirrifjuta li jagħti lil kumpannija residenti eżenzjoni fiskali għad-dħul minn interessi fil-każ fejn kumpannija li tifforma parti mill-istess grupp ta’ kumpanniji, residenti fi Stat Membru ieħor, ma tkunx intitolata għal tnaqqis mit-taxxa għall-ispiża korrispondenti skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Istat Membru li jillimitaw it-tnaqqis tal-interessi f’każ ta’ sottokapitalizzazzjoni, filwaqt li jagħti eżenzjoni fiskali lil kumpannija residenti għad-dħul minn interessi fil-każ li kumpannija li tifforma parti mill-istess grupp ta’ kumpanniji, li hija residenti, ma tkunx tista’ tnaqqas mit-taxxa l-ispiża korrispondenti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw it-tnaqqis tal-interessi f’każ ta’ sottokapitalizzazzjoni.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

    ( 2 ) Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, fil-verżjoni tat-Trattat ta’ Amsterdam (ĠU 1997, C‑340, p. 173).

    ( 3 ) Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2012, C‑326, p. 47).

    ( 4 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Daily Mail u General Trust (81/87, EU:C:1988:456, punt 16), tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punt 35), tas-17 ta’ Lulju 2014, Nordea Bank Danmark (C‑48/13, EU:C:2014:2087, punt 18) u tal-14 ta’ April 2016, Sparkasse Allgäu (C‑522/14, EU:C:2016:253, punt 20).

    ( 5 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 1999, X u Y (C‑200/98, EU:C:1999:566, punti 27 u 28), tas-27 ta’ Novembru 2008, Papillon (C‑418/07, EU:C:2008:659, punti 3132), tat-12 ta’ Ġunju 2014, SCA Group Holding et. (C‑39/13 sa C‑41/13, EU:C:2014:1758, punti 23 sa 27), Nordea Bank Danmark (C‑48/13, EU:C:2014:2087, punt 19) u tat-2 ta’ Settembru 2015, Groupe Steria (C‑386/14, EU:C:2015:524, punt 15).

    ( 6 ) Ara s-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2008, Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt (C‑157/07, EU:C:2008:588, punt 49) u tas-7 ta’ Novembru 2013, K (C‑322/11, EU:C:2013:716, punt 79).

    ( 7 ) Sentenzi tat-28 ta’ Frar 2008, Deutsche Shell (C‑293/06, EU:C:2008:129, punt 43), tat-23 ta’ Ottubru 2008, Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt (C‑157/07, EU:C:2008:588, punt 50) u tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punt 62); ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2007, Columbus Container Services (C‑298/05, EU:C:2007:754, punt 51) u tal-10 ta’ Ġunju 2015, X (C‑686/13, EU:C:2015:375, punt 33) fir-rigward tal-għażla bejn diversi Stati Membri ta’ stabbiliment; ara, b’mod speċifiku dwar it-tassazzjoni doppja, is-sentenzi tal-15 ta’ April 2010, CIBA (C‑96/08, EU:C:2010:185, punt 28), tal-1 ta’ Diċembru 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑253/09, EU:C:2011:795, punt 83) u tal-21 ta’ Novembru 2013, X (C‑302/12, EU:C:2013:756, punt 29); ara, barra minn hekk, fir-rigward tal-obbligi ta’ dikjarazzjoni previsti mil-leġiżlazzjoni fiskali, is-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Sparkasse Allgäu (C‑522/14, EU:C:2016:253, punt 31); ara, addizzjonalment, dwar il-moviment liberu tal-kapital, is-sentenzi tat-12 ta’ Frar 2009, Block (C‑67/08, EU:C:2009:92, punt 31) u tat-8 ta’ Diċembru 2011, Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C‑157/10, EU:C:2011:813, punt 39).

    ( 8 ) B’rabta mal-prinċipji ċċitati, il-Qorti tal-Ġustizzja tkellmet diversi drabi dwar “ċerta awtonomija” tal-Istati Membri fil-qasam tad-dritt tal-fiskalità diretta; ara s-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2007, Columbus Container Services (C‑298/05, EU:C:2007:754, punt 51), tat-12 ta’ Frar 2009, Block (C‑67/08, EU:C:2009:92, punt 31) u tal-1 ta’ Diċembru, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑253/09, EU:C:2011:795, punt 83).

    ( 9 ) Dan japplika wkoll fis-sens oppost: Il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tikser ukoll il-libertajiet fundamentali meta żvantaġġ ikkawżat minnha biss jiġi kkumpensat mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor; ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda SCA Group Holding et (C‑39/13 sa C‑41/13, EU:C:2014:104, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata); ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta (C‑379/05, EU:C:2007:655, punt 78).

    ( 10 ) Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Frar 2009, Block (C‑67/08, EU:C:2009:92, punti 28 sa 31) u tal-15 ta’ April 2010, CIBA (C‑96/08, EU:C:2010:185, punt 28).

    ( 11 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punti 6162).

    ( 12 ) Ara s-sentenza tat-3 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑172/13, EU:C:2015:50, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 13 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, K (C‑322/11, EU:C:2013:716, punti 79 sa 81).

    ( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2008, Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt (C‑157/07, EU:C:2008:588, punti 5152).

    ( 15 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2006, Kerckhaert u Morres (C‑513/04, EU:C:2006:713, punt 20) kif ukoll tal-15 ta’ April 2010, CIBA (C‑96/08, EU:C:2010:185, punt 25).

    ( 16 ) L-effetti tal-prinċipju ta’ awtonomija jitqiesu li jeskludu r-restrizzjoni ta’ libertà fundamentali fis-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2007, Columbus Container Services (C‑298/05, EU:C:2007:754, punti. 50 sa 54), tat-12 ta’ Frar 2009, Block (C‑67/08, EU:C:2009:92, punti 23 sa 31), tal-10 ta’ Ġunju 2015, X (C‑686/13, EU:C:2015:375, punti 33 sa 35) u tal-14 ta’ April 2016, Sparkasse Allgäu (C‑522/14, EU:C:2016:253, punti 24 sa 32); il-prinċipju ta’ awtonomija madankollu ġie ttrattat fil-kuntest tal-ġustifikazzjoni ta’ restrizzjoni fis-sentenzi tat-28 ta’ Frar 2008, Deutsche Shell (C‑293/06, EU:C:2008:129, punti 41 sa 44), tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punti 50 sa 64), tal-1 ta’ Diċembru 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑253/09, EU:C:2011:795, punti 81 sa 83) u tas-7 ta’ Novembru 2013, K (C‑322/11, EU:C:2013:716, punti 74 sa 82).

    ( 17 ) Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Damseaux (C‑128/08, EU:C:2009:471, punt 34), tal-15 ta’ April 2010, CIBA (C‑96/08, EU:C:2010:185, punt 28), tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel und Österreichische Salinen (C‑436/08 u C‑437/08, EU:C:2011:61, punt 170) kif ukoll tal-21 ta’ Novembru 2013, X (C‑302/12, EU:C:2013:756, punt 29).

    ( 18 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2006, Kerckhaert u Morres (C‑513/04, EU:C:2006:713, punt 22), tas-6 ta’ Diċembru 2007, Columbus Container Services (C‑298/05, EU:C:2007:754, punt 45), tat-12 ta’ Frar 2009, Block (C‑67/08, EU:C:2009:92, punt 30) u tal‑15 ta’ April 2010, CIBA (C‑96/08, EU:C:2010:185, punt 27).

    ( 19 ) Ara pereżempju s-sentenzi tat-28 ta’ Frar 2008, Deutsche Shell (C‑293/06, EU:C:2008:129, punti 4142) kif ukoll tat-23 ta’ Ottubru 2008, Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt (C‑157/07, EU:C:2008:588, punti 4849).

    ( 20 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen (C‑319/02, EU:C:2004:484).

    ( 21 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004 (C‑319/02, EU:C:2004:484, punti 20 u 44).

    ( 22 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen (C‑319/02, EU:C:2004:484, punt 54); ara wkoll, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C‑446/04, EU:C:2006:774, punt 70), tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et (C‑292/04, EU:C:2007:132, punt 15), tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen (C‑436/08 u C‑437/08, EU:C:2011:61, punt 61) kif ukoll tat-30 ta’ Ġunju 2011, Meilicke et (C‑262/09, EU:C:2011:438).

    ( 23 ) Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen (C‑319/02, EU:C:2004:484, punt 46).

    ( 24 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C‑446/04, EU:C:2006:774, punt 52).

    ( 25 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C‑446/03, EU:C:2005:763, punt 45), tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punt 45) u tas-6 ta’ Ottubru 2015, Finanzamt Linz (C‑66/14, EU:C:2015:661, punt 41).

    ( 26 ) Ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Nordea Bank Danmark (C‑48/13, EU:C:2014:153, punti 38 sa 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 27 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1998, ICI (C‑264/96, EU:C:1998:370, punt 28), tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen (C‑319/02, EU:C:2004:484, punt 49) u tas-16 ta’ Ġunju 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑10/10, EU:C:2011:399, punt 40).

    ( 28 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2009, Aberdeen Property Fininvest Alpha (C‑303/07, EU:C:2009:377, punt 25), tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus (C‑371/10, EU:C:2011:785, punt 45) u tas-6 ta’ Ottubru 2015, Finanzamt Linz (C‑66/14, EU:C:2015:661, punt 41).

    ( 29 ) Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/49/KE, tat-3 ta’ Ġunju 2003, dwar sistema komuni ta’ tassazzjoni applikabbli għall-pagamenti ta’ imgħax u ta’ royalties bejn kumpaniji assoċjati ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 380).

    ( 30 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Scheuten Solar Technology (C‑397/09, EU:C:2011:499, punti 3031).

    ( 31 ) Ara wkoll ir-raba’ premessa tad-Direttiva 2003/49/KE.

    ( 32 ) Ara, f’dan is-sens, dwar id-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 147), is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2015, Groupe Steria (C‑386/14, EU:C:2015:524, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 33 ) Ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Nordea Bank Danmark (C‑48/13, EU:C:2014:153, punti 35 sa 37 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 34 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1992, Bachmann (C‑204/90, EU:C:1992:35, punt 28), tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen (C‑319/02, EU:C:2004:484, punt 42), tas-27 ta’ Novembru 2008, Papillon (C‑418/07, EU:C:2008:659, punt 43), tat-12 ta’ Ġunju 2014, SCA Group Holding et (C‑39/13 sa C‑41/13, EU:C:2014:1758, punt 33) u tas-17 ta’ Diċembru 2015, Timac Agro Deutschland (C‑388/14, EU:C:2015:829, punt 39).

    ( 35 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 1995, Svensson u Gustavsson (C‑484/93, EU:C:1995:379, punt 18), tas-16 ta’ Lulju 1998, ICI (C‑264/96, EU:C:1998:370, punt 29), tad-29 ta’ Marzu 2007, Rewe Zentralfinanz (C‑347/04, EU:C:2007:194, punt 62), tat‑13 ta’ Novembru 2012, Test Claimants in the FII Group Litigation (C‑35/11, EU:C:2012:707, punt 58) u tas-17 ta’ Diċembru 2015, Timac Agro Deutschland (C‑388/14, EU:C:2015:829, punt 39).

    ( 36 ) Ara pereżempju s-sentenzi tat-28 ta’ Frar 2008, Deutsche Shell (C‑293/06, EU:C:2008:129, punt 39), tas-17 ta’ Novembru 2009, Presidente del Consiglio dei Ministri (C‑169/08, EU:C:2009:709, punt 47) u tas-17 ta’ Diċembru 2015, Timac Agro Deutschland (C‑388/14, EU:C:2015:829, punt 39); ara, b’mod simili, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen (C‑319/02, EU:C:2004:484, punt 43).

    ( 37 ) Ara pereżempju s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, F. E. Familienprivatstiftung Eisenstadt (C‑589/13, EU:C:2015:612, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 38 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Manninen (C‑319/02, EU:C:2004:164, punti 50 sa 65).

    ( 39 ) Ara s-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Papillon (C‑418/07, EU:C:2008:659, punti 45 sa 50).

    ( 40 ) Ara s-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑253/09, EU:C:2011:795, punti 8182).

    Top