EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0574

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati l-14 ta’ April 2016.
PGE Górnictwo i Energetyka Konwencjonalna SA vs Prezes Urzędu Regulacji Energetyki.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Ftehimiet ta’ xiri ta’ elettriku fit-tul – Kumpens imħallas fil-każ ta’ xoljiment volontarju – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern – Verifika tal-legalità ta’ għajnuna mill-qorti nazzjonali – Aġġutament annwali tal-ispejjeż mhux rekuperabbli – Mument tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-appartenenza ta’ prodottur ta’ enerġija lil grupp ta’ impriżi.
Kawża C-574/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:261

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fl-14 ta’ April 2016 ( 1 )

Kawża C‑574/14

PGE Górnictwo i Energetyka Konwencjonalna S.A.

vs

Prezes Urzędu Regulacji Energetyki

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (qorti suprema) (il-Polonja)]

“Suq intern tal-elettriku — Għajnuna mill-Istat — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni — Artikolu 107 TFUE — Artikolu 4(3) TUE — Deċiżjoni 2009/287/KE — Metodoloġija tal-ispejjeż mhux rekuperabbli — Kalkolu tal-aġġustament annwali tal-kumpens tal-ispejjeż mhux rekuperabbli — Sitwazzjoni tas-suq rilevanti — Setgħat tal-awtoritajiet u tal-qrati nazzjonali”

1. 

Id-Direttiva 96/92/KE ( 2 ), dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku, stabbiliet il-prinċipju u l-bażijiet għall-ftuħ tas-settur tal-elettriku tal-Istati Membri għall-kompetizzjoni. It-tranżizzjoni gradwali lejn din is-sistema l-ġdida kienet akkumpanjata, f’xi wħud minn dawn l-Istati, minn għajnuna mill-Istat favur l-impriżi tal-elettriku tagħhom.

2. 

F’dan il-kuntest, sa mill-2001, il-Kummissjoni adottat metodoloġija għall-analiżi tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat rilevanti mas-suq intern. B’mod partikolari, hija stabbiliet il-metodu li jirregola l-kalkolu tal-hekk imsejħa spejjeż mhux rekuperabbli (stranded costs) (iktar ’il quddiem, “CTC”), jiġifieri l-ispejjeż – li jistgħu jiġu kkumpensati permezz ta’ għajnuna mill-Istat – li jirriżultaw min-nuqqas ta’ vijabbiltà ekonomika minħabba li l-impriżi tas-settur kellhom josservaw, fil-kuntest tal-mudell il-ġdid miftuħ għall-kompetizzjoni, l-impenji preċedenti tagħhom jew garanziji ta’ provvista tal-elettriku.

3. 

Sussegwentement, skont din il-metodoloġija, il-Kummissjoni kellha tiddeċiedi dwar uħud mill-iskemi ta’ għajnuna mill-Istat għall-impriżi tas-settur tal-elettriku. Waħda minnhom kienet dik li ġiet implementata mir-Repubblika tal-Polonja, u hija s-suġġett ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

4. 

Fl-2007, ir-Repubblika tal-Polonja adottat liġi biex tikkumpensa lill-impriżi li jipproduċu l-elettriku għas-CTC li setgħu jinkorru ( 3 ). B’mod partikolari, f’din il-liġi l-awtoritajiet Pollakki stabbilixxew il-kundizzjonijiet sabiex ikopru l-ispejjeż inkorsi mill-produtturi b’riżultat tat-terminazzjoni bikrija tal-kuntratti konklużi għall-bejgħ tal-elettriku fit-tul. Il-Kummissjoni ddikjarat il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni fid-Deċiżjoni 2009/287/KE ( 4 ) tagħha.

5. 

Id-dibattitu maħluq huwa limitat, fil-qosor, sabiex jiġi deċiż jekk il-ħlas tal-għajnuna mill-Istat awtorizzata mill-Kummissjoni għandux isir skont is-sitwazzjoni “oriġinali” tal-impriżi tal-elettriku benefiċjarji (u l-unitajiet ta’ produzzjoni tagħhom), kif indikat fil-Liġi tal-2007, jew, jekk pjuttost, għandux isir skont is-sitwazzjoni li tkun teżisti fil-mument tal-implementazzjoni tiegħu (f’dan il-każ, is-sena finanzjarja 2009).

6. 

Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ser jippermetti li l-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel nett, tikkonferma d-duttrina tagħha dwar il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni. It-tieni nett, ser tiddeċiedi liema miż-żewġ interpretazzjonijiet proposti mill-partijiet fil-kawża (li huma jsejħu “interpretazzjoni statika u interpretazzjoni dinamika”) għandha tipprevali fl-implementazzjoni tad-Deċiżjoni 2009/287.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-metodoloġija għall-analiżi tal-għajnuna mill-Istat marbuta mas-CTC ( 5 )

7.

Fis-26 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar il-metodoloġija għall-analiżi tal-għajnuna mill-Istat marbuta mas-CTC (iktar ’il quddiem, “Metodoloġija CTC”).

8.

Skont is-sitt paragrafu tal-punt 2 tal-Metodoloġija CTC, l-għan tagħha huwa “li tindika kif il-Kummissjoni beħsiebha tapplika r-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-miżuri ta’ għajnuna maħsuba biex jikkumpensaw l-ispiża ta’ impenn jew garanziji esposti għar-riskju li ma jkunux jistgħu jiġu onorati minħabba [l-ftuħ għall-kompetittività tas-settur Ewropew tal-elettriku stabbilit mid]-Direttiva 96/92/KE” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

9.

Il-punt 3 tal-metodoloġija CTC jiddefinixxi l-impenji jew il-garanziji ta’ operat li jistgħu jiġu kklassifikati bħala CTC u l-paragrafu 3 tiegħu jipprevedi:

“Dawn l-impenji jew garanziji ta’ operat iridu jkunu suġġetti għar-riskju li ma humiex se jkunu onorati minħabba d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/92/KE. Konsegwentement, biex jikkwalifikaw bħala [CTC], l-impenji jew il-garanziji jridu jsiru non-ekonomiċi minħabba l-effetti tad-Direttiva 96/92/KE u jridu jinfluwenzaw il-kompetittività tal-impriża kkonċernata b’mod sinjifikanti. Sitwazzjoni bħal din trid, b’mod partikolari, iġġiegħel lill-impriża kkonċernata tagħmel l-entraturi kontabbli meħtieġa (per eżempju l-proviżjonijiet) maħsuba biex jilqgħu għall-impatt prevedibbli tal-impenji jew il-garanziji.

Speċjalment fejn, bħala riżultat tal-impenji jew il-garanziji kkonċernati, il-vijabbiltà tal-impriżi tista’ tkun ipperikolata minħabba n-nuqqas ta’ għajnuna jew miżuri tranżitorji, l-impenji jew il-garanziji jitqiesu li jissodisfaw il-ħtiġiet stipulati fil-paragrafu preċedenti.

L-effett ta’ dawn l-impenji jew il-garanziji fuq il-kompetittività jew il-vijabbiltà tal-impriżi kkonċernati jkun evalwat fil-livell tal-impriżi konsolidati. Biex impenji jew garanziji jikkostitwixxu [CTC], trid tkun teżisti l-possibbiltà li tiġi stabbilita relazzjoni ta’ kawża u effett bejn id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 96/92/KE u d-diffikultà li għandhom l-impriżi kkonċernati biex jonoraw jew jaċċertaw rispett lejn l-impenji u l-garanziji konċernati. Biex tiġi stabbilita din ir-relazzjoni ta’ kawża u effett, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni kull waqgħa fil-prezzijiet tal-elettriku jew telf fis-suq tal-ishma li jkunu sofrew l-impriżi konċernati. L-impenji u l-garanziji li ma setgħux kienu onorati irrispettivament mid-dħul fis-seħħ tad-direttiva ma jikkostitwixxux [għajnuna CTC]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

10.

Il-punt 4 tal-Metodoloġija CTC jirreferi għall-kalkolu tal-għajnuna mill-Istat permissibbli u l-paragrafu 4.2 tiegħu jipprevedi li:

“L-arranġamenti għall-ħlas tal-għajnuna jridu jippermettu li jitqiesu l-iżviluppi ġejjiena fil-qasam tal-kompetizzjoni. Dawn l-iżviluppi jistgħu jitkejlu b’mod partikolari permezz ta’ fatturi kwantifikabbli (prezzijiet, l-ishma fis-suq, fatturi rilevanti oħra indikati mill-Istat Membru). Minħabba li t-tibdil fil-kondizzjonijiet tal-kompettitività għandhom effett dirett fuq l-ammont [ta’ CTC] eliġibbli, l-ammont tal-għajnuna mħallas għandu bil-fors ikun ikkondizzjonat mill-iżvilupp ta’ kompetizzjoni ġenwina, u fil-kalkolu ta’ għajnuna mħallsa tul perjodu ta’ żmien għandu jitqies it-tibdil fil-fatturi rilevanti biex jitkejjel il-grad miksub ta’ kompetizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

11.

Skont il-paragrafu 4.5 tal-punt 4 tal-Metodoloġija CTC:

“L-akbar ammont ta’ għajnuna li jista’ jitħallas lil impriża partikolari biex ikunu kkumpensati [s-CTC] jrid ikun speċifikat bil-quddiem. Dan għandu jiħu inkunsiderazzjoni ż-żieda fil-produttività li tista’ tagħmel l-impriża.

Bl-istess mod, l-arranġamenti dettaljati għall-ikkalkolar u l-finanzjament ta’ għajnuna maħsuba biex tikkumpensa għal [CTC] kif ukoll il-perjodu massimu ta’ żmien li għalih tista’ titħallas din l-għajnuna jridu jkunu speċifikati b’mod ċar bil-quddiem. In-notifika ta’ din l-għajnuna għandha tispeċifika b’mod partikolari b’liema mod il-kalkolu tas-[CTC] għandu jiħu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tad-diversi fatturi msemmija fil-punt 4.2. [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.

2. Deċiżjoni 2009/287

12.

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2009/87 jipprevedi:

“1.   Il-Ftehimiet tax-Xiri tal-Enerġija bejn Polskie Sieci Elektroenergetyczne S.A. [l-operatur pubbliku tan-netwerk tal-elettriku Pollakk] u l-kumpaniji indikati fl-Anness 1 tal-Att dwar ir-regoli li jirregolaw il-ħlas tal-ispejjeż magħmula minn intrapriżi in konnessjoni mat-terminazzjoni bikrija tal-Ftehimiet tax-Xiri tal-Enerġija jikkostitwixxu [sa mill-adeżjoni tal-Polonja mal-Unjoni Ewropea] għajnuna mill-istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE lill-ġeneraturi tal-elettriku.

2.   L-għajnuna mill-istat imsemmija fl-Artikolu 1(1) ingħatat illegalment u hija inkompatibbli mas-suq komuni.”

13.

Skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2009/87:

“1.   Il-kumpens provdut fl-[LCC] jikkostitwixxi għajnuna mill-istat fis-sens tal-Artikolu [8]7(1) tat-Trattat KE lill-ġeneraturi tal-elettriku elenkati fl-Appendiċi 2 ta’ dak l-[LCC].

2.   L-għajnuna mill-istat imsemmija fl-Artikolu 4(1) hija kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi tal-Metodoloġija [CTC].

3.   L-ammont massimu tal-kumpens provdut fl-[LCC] għandu jkun l-ammont wara li jitnaqqas id-dħul totali ġġenerat mill-assi taħt il-PPAs u li huwa disponibbli biex jitħallsu l-ispejjeż tal-investiment.”

B –Id-dritt nazzjonali

14.

Skont l-Artikolu 2(7) tal-LCC, it-terminu “produttur” ifisser “l-impriża tal-enerġija li twettaq attività ekonomika fis-settur tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u li kkonkludiet kuntratt fit-tul, minbarra Polskie Sieci Elektroenergetyczne S.A., stabbilita f’Varsavja”.

15.

L-Artikolu 2(12) tal-LCC, jiddefinixxi “l-ispejjeż mhux rekuperabbli” bħala “l-ispejjeż tal-produttur li ma humiex koperti mid-dħul mill-bejgħ tal-elettriku ġġenerat, ir-riservi ta’ kapaċità u s-servizzi anċillari fis-suq kompetittiv wara t-terminazzjoni bikrija ta’ kuntratt fit-tul, li jikkostitwixxu spejjeż tal-produttur għall-assi allokati għall-ġenerazzjoni tal-elettriku, inkorsi qabel l-1 ta’ Mejju 2004.”

16.

Skont l-Artikolu 32(1) tal-LCC, “[f’]każ li l-produttur li kkonkluda x-xoljiment ta’ kuntratt jifforma parti minn grupp, meta jinħadmu l-ispejjeż mhux rekuperabbli għandhom jitqiesu d-daqsijiet indikati permezz tal-ittri ‘N’, ‘SD’, ‘R’ u ‘P’, li jirreferi għalihom l-Artikolu 27(1), fir-rigward ta’ kull produttur u kull impriża li jiffurmaw parti mill-grupp li jwettaq attività ekonomika ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku fit-territorju tal-Polonja fl-unitajiet ta’ produzzjoni elenkati fl-Anness 7 tal-[LCC]”.

17.

L-Anness 1 tal-LCC jinkludi lista tal-produtturi li jkunu ffirmaw kuntratti għax-xiri tal-elettriku fit-tul, filwaqt li jsemmi l-unitajiet ta’ produzzjoni kkonċernati minnhom.

18.

L-Anness 2 tal-LCC jistabbilixxi l-ammonti massimi tal-kumpens għas-CTC għal produtturi differenti benefiċjarji tal-għajnuna, fl-1 ta’ Jannar 2007.

19.

L-Anness 7 tal-LCC fih lista tal-unitajiet ta’ produzzjoni meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ispejjeż mhux rekuperabbli tal-produtturi u li jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-aġġustamenti ta’ dawn l-ispejjeż.

II – Il-fatti

20.

Kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-partijiet, il-kumpannija PGE Górnictwo i Energetyka Konwencjonalna S.A. (iktar ’il quddiem, “PGE”') hija produttur tal-elettriku li, inkwantu s-suċċessur tal-kumpannija PGE Zespól Electrowni Dolna Odra, ġiet issurrogata fis-sitwazzjoni ġuridika ta’ din tal-aħħar.

21.

Qabel l-2007, il-kumpannija PGE Zespół Electrowni Dolna Odra, min-naħa tagħha, kienet iffirmat ċerti kuntratti għax-xiri tal-elettriku fit-tul ma’ Polskie Sieci Elektroenergetyczne S.A., filwaqt li impenjat ruħha, bħala korrispettiv, li twettaq ċerti investimenti.

22.

Skont l-imsemmija kuntratti, il-kumpannija PGE Zespół Electrowni Dolna Odra (li sussegwentement saret PGE Górnictwo i Energetyka Konwencjonalna S.A.) daħlet fl-obbligu li toħloq kapaċitajiet ta’ produzzjoni ġodda, li timmodernizza t-tagħmir tagħha u li tipprovdi lil Polskie Sieci Elektroenergetyczne S.A. ammont minimu fiss ta’ elettriku. Din il-kumpannija tal-aħħar (l-operatur pubbliku tas-sistema), min-naħa tagħha, qablet li tixtri, mill-inqas, l-ammont minimu ta’ elettriku miftiehem għal prezz ibbażat fuq il-prinċipju tal-mogħdija tal-ispejjeż fuq il-klijenti.

23.

Wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja mal-Unjoni Ewropea, taħt id-Direttiva 96/92, fl-2007 ġiet adottata l-LCC, li tistabbilixxi dritt għal kumpens għas-CTC. Fil-mument tal-adozzjoni ta’ din il-liġi, PGE kienet tipparteċipa fi grupp ta’ impriżi li kien jinkludi wkoll, flimkien ma’ produtturi oħra tal-enerġija, il-kumpannija PGE Elektrownia Bełchatów S.A. (preċedentement imsemmija Elektrownia Belchatów S.A.; iktar ’il quddiem, “ELB”).

24.

PGE u ELB ma kinux jiffurmaw parti, madankollu, mill-istess grupp ta’ impriżi meta l-kumpannija msemmija l-ewwel iffirmat il-kuntratti għax-xiri tal-elettriku fit-tul. Iż-żewġ kumpanniji, kif diġà għidt, kienu jiffurmaw parti mill-istess grupp ta’ impriżi kemm fid-data tal-approvazzjoni tal-LCC (29 ta’ Ġunju 2007) kif ukoll f’dik tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2009/287 (il-25 ta’ Settembru 2009).

25.

La fl-annessi tal-LCC u lanqas f’dawk tad-Deċiżjoni 2009/287 ma nsibu lill-PGE u lill-ELB indikati bħala kumpanniji integrati fl-istess grupp ta’ impriżi.

26.

Fil-lista (Anness 7 tal-LCC) tal-unitajiet ta’ produzzjoni tal-elettriku meħudin inkunsiderazzjoni għall-allokazzjoni tas-CTC, iċ-ċentri korrispondenti għall-PGE huma indikati separatament minn dawk tal-ELB. Din tal-aħħar tidher, min-naħa tagħha, bħala membru tal-kumpannija holding BOT Górnictwo i Energetyka S.A.

27.

Il-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-LCC jipprovdi għall-ħlas bil-quddiem tal-produttur, li l-ammont tiegħu ma għandux jaqbeż dak indikat fl-LCC stess, kif ukoll clearance annwali mwettaq mill-president tal-Urzędu Regulacji Energetyki (awtorità li tirregola s-settur tal-enerġija; iktar ’il quddiem, “URE”) fuq il-bażi tar-riżultat finanzjarju attwali.

28.

L-Anness 1 tal-LCC jirreferi għall-PGE bħala produttur fis-sens tal-Artikolu 2(7) tal-istess liġi. Skont l-Anness 2 tal-LCC, l-ammont massimu ta’ kumpens għas-CTC għal din il-kumpannija jammonta għal 633496000 PLN.

29.

Permezz ta’ riżoluzzjoni tat-30 ta’ Lulju 2010, il-President tal-URE stabbilixxa l-ammont ta’ 24077793 PLN bħala kumpens annwali favur PGE għall-2009. Huwa għamel dan b’kunsiderazzjoni tar-riżultat finanzjarju tal-ELB, peress li fl-2009 din il-kumpannija kienet fl-istess grupp ta’ impriżi ta’ PGE.

30.

PGE ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-President tal-URE quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie (qorti distrettwali ta’ Varsavja), fejn sostniet li l-Artikolu 32(1) tal-LCC huwa applikabbli biss fil-każ ta’ kumpanniji elenkati bħala li jifformaw parti mill-istess grupp fl-Anness 7 tal-LCC u li, skont dan l-Anness, PGE ma kinitx fl-istess grupp bħal ELB.

31.

Il-qorti distrettwali laqgħet ir-rikors ta’ PGE u fis-sentenza tagħha tal-4 ta’ Ġunju 2010 evalwat l-ammont tal-kumpens annwali għas-CTC għall-2009 għal 116985205 PLN.

32.

L-appell ippreżentat mill-President tal-URE, ġie miċħud mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie (qorti tal-appell ta’ Varsavja), fis-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013. Skont din il-qorti, sabiex ikun jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni r-riżultat finanzjarju ta’ impriża oħra (jiġifieri ELB), din tal-aħħar għandha tkun tifforma parti mill-istess grupp ta’ PGE, skont it-termini tal-Anness 7 tal-LCC, li ma seħħx f’dan il-każ.

33.

Il-President tal-URE ppreżenta appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem is-Sąd Najwyższy (qorti suprema), ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikoli 2(1) u 32 tal-LCC. Huwa sostna li l-LCC għandha tiġi interpretata skont il-Metodoloġija CTC u li, skont il-punti 3.3 u 4.2 ta’ din il-metodoloġija, l-ispejjeż mhux rekuperabbli għandhom jiġu kkalkolati billi titqies l-appartenenza effettiva fil-grupp tal-produtturi tal-enerġija suġġetti għal-LCC fis-sena li tikkorrispondi għall-kumpens.

34.

F’dan il-kuntest, is-Sąd Najwyższy ressqet din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

III – Id-domandi magħmula

35.

It-talba għal deċiżjoni preliminari, irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-11 ta’ Diċembru 2014, hija fformulata kif ġej:

“1)

L-Artikolu 107 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE u mal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-25 ta’ Settembru 2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-Kummissjoni tqis għajnuna mill-Istat bħala kompatibbli mas-suq komuni, il-qorti nazzjonali ma tkunx awtorizzata tivverifika jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali meqjusa bħala għajnuna mill-Istat awtorizzata jikkonformawx mal-prinċipji tal-[Metodoloġija CTC]?

2)

L-Artikolu 107 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE u mal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta ‘Settembru 2007, interpretati fid-dawl tal-punti 3.3 u 4.2 tal-metodoloġija tal-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati [mhux rekuperabbli], għandu jinftiehem fis-sens li, waqt l-implementazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat meqjusa mill-Kummissjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni, l-aġġustament annwali tal-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati għal produtturi li jagħmlu parti minn gruppi ta’ impriżi jitwettaq billi wieħed jippresupponi li l-unika kwistjoni rilevanti hija dik tal-appartenenza tal-produttur fi grupp ta’ impriżi konformement mal-preżentazzjoni fl-annessi tal-att legali evalwat mill-Kummissjoni, jew tabilħaqq fis-sens li għal kull sena li għaliha jitwettaq l-aġġustament tal-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-appartenenza effettiva, f’dak il-mument, tal-benefiċjarju tal-iskema ta’ għajnuna mill-Istat marbuta ma’ spejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati, fi grupp ta’ impriżi flimkien ma’ produtturi oħra li jaqgħu taħt din l-iskema?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

36.

PGE, il-President tal-URE, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni intervjenew fil-proċeduri billi ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

37.

PGE, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni dehru fis-seduta pubblika tas-27 ta’ Jannar 2016.

V – L-argumenti tal-partijiet

A –L-ewwel domanda preliminari

38.

PGE ssostni li, meta l-Kummissjoni evalwat il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, il-qorti nazzjonali ma għandhiex is-setgħa li tivverifika jekk tali għajnuna hijiex konsistenti mal-prinċipji tal-Metodoloġija CTC. Jekk ikun mod ieħor, dan jippreġudika l-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 108 TFUE u, f’dan il-każ, il-qorti nazzjonali tkun tista’ tinjora de facto d-Deċiżjoni 2009/287, possibbiltà li hija espressament eskluża mill-punti 16, 17 u 20 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-infurzar tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat mill-qrati nazzjonali ( 6 ). Għalkemm, meta jkun hemm dubji dwar l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni 2009/87, il-qorti nazzjonali tista’ tuża l-Metodoloġija CTC bħala strument ermenewtiku sabiex tneħħi dawn id-dubji, hija ma hijiex awtorizzata, fid-deċiżjonijiet tagħha, tikkontradixxi d-deċiżjoni nnifisha.

39.

Il-President tal-URE jargumenta li l-qrati nazzjonali għandhom jinterpretaw il-liġijiet interni b’mod li jiggarantixxu l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Għalhekk, fil-fehma tiegħu, fil-kuntest ta’ tilwima dwar l-għoti tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni, il-qorti nazzjonali għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali fid-dawl tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2009/287 u tal-punti 3.3 u 4.2 tal-Metodoloġija CTC.

40.

Il-Gvern Pollakk, fuq il-bażi tal-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni, jemmen ukoll li jista’ jeżisti l-każ fejn, wara li tiġi adottata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, jirriżultaw ċirkustanzi li jfixklu l-implementazzjoni tagħha, ċirkustanza li tirrikjedi l-adozzjoni b’mod konġunt ta’ miżuri mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet nazzjonali. Għal din ir-raġuni, huwa jqis li, f’każ bħal dak preżenti, il-qorti tar-rinviju hija awtorizzata, u anki obbligata, li tivverifika jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-għajnuna awtorizzata jirriflettux il-prinċipji tal-Metodoloġija CTC. B’dan il-mod tiġi żgurata l-implementazzjoni xierqa tad-Deċiżjoni 2009/287 u, finalment, il-protezzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq komuni.

41.

Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, sostanzjalment issostni l-istess pożizzjoni difiża minn PGE. Hija żżid li, wara li evalwat, fid-Deċiżjoni 2009/287, l-iskema Pollakka ta’ CTC (jiġifieri, il-Liġi tal-2007) fuq il-bażi tal-punti 3 u 4 tal-Metodoloġija CTC u wara li ddikjarat li din l-iskema kienet kompatibbli mas-suq intern, il-qorti nazzjonali ma hijiex awtorizzata li tivverifika l-konformità tal-LCC mal-Metodoloġija CTC fiż-żmien tal-ħlas effettiv tal-kumpens.

B –It-tieni domanda preliminari

42.

PGE tqis li l-aġġustament annwali tal-kumpens għandu jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni li kienet teżisti fil-mument li fih il-Kummissjoni eżaminat l-iskema ta’ għajnuna prevista mil-LCC. Skont PGE, sabiex dan jiġi vverifikat, il-Kummissjoni eżaminat u approvat l-iskema ta’ CTC stabbilita fl-LCC, inklużi d-dispożizzjonijiet differenti ta’ din tal-aħħar. Peress li l-Kummissjoni approvat il-metodu ta’ kalkolu tal-kumpens fir-rigward ta’ impriżi kkonsolidati, fi ħdan it-tifsira tal-Anness 7 tal-LCC, għandu jsir riferiment strettament u eskliużivament għar-regoli tal-istess LCC sabiex tiġi stabbilita s-sħubija ta’ kull produttur fi grupp ta’ kumpanniji partikolari.

43.

Il-President tal-URE, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni jiffavorixxu “interpretazzjoni dinamika” tas-sħubija ta’ produttur fi grupp ta’ impriżi, għall-kalkolu annwali tal-kumpens tas-CTC. Fil-fehma tagħhom, il-punti 3.3 u 4.2 tal-Metodoloġija CTC jirreferu għall-iżvilupp futur effettiv tal-kompetizzjoni u, għaldaqstant, għall-kundizzjonijiet reali tas-suq fil-mument tal-ħlas tal-għajnuna mill-Istat. Minn din il-premessa jiddeduċu l-prevalenza tal-kompożizzjoni reali tal-gruppi ta’ impriżi matul is-sena li fiha jsiru l-aġġustamenti. Il-Kummissjoni tispeċifika li, jekk ikun mod ieħor, il-fatt li tiġi adottata l-“interpretazzjoni statika” proposta minn PGE, ikun ifisser li kull bidla fl-istruttura tal-gruppi ta’ impriżi jkollha tinftiehem bħala li ma hijiex koperta mid-Deċiżjoni 2009/287, b’tali mod li l-ħlas ta’ kumpens f’dan il-kuntest il-ġdid jkun jirrikjedi notifika minn qabel fuq il-bażi tal-Artikolu 108 TFUE.

VI – Evalwazzjoni

A –L-ewwel domanda preliminari

44.

L-ewwel waħda mid-domandi magħmula għandha l-għan li tiddetermina jekk l-Artikolu 107 TFUE u l-Artikolu 4(3) TUE, flimkien mad-Deċiżjoni 2009/287 u mal-Metodoloġija CTC, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, ladarba l-Kummissjoni tiddikjara l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, il-qrati nazzjonali jistgħu jivverifikaw, fil-mument tal-implementazzjoni tagħha, jekk tali għajnuna hijiex konformi mal-Metodoloġija CTC.

45.

Ifformulata f’dawn it-termini, li huma t-termini użati mill-qorti tar-rinviju, id-domanda hija astratta wisq tant li jista’ jisħoqqilha biss risposta negattiva.

46.

Hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li hija l-Kummissjoni li għandha l-kompetenza esklużiva li tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni ( 7 ). Il-qrati nazzjonali ma humiex kompletament barra mis-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, iżda r-rwol tagħhom huwa limitat għal li tiġi żgurata l-effettività tal-kontroll preventiv tal-proġetti ta’ għajnuna mill-Istat. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali jeżerċitaw funzjonijiet “kumplimentari iżda distinti” ( 8 ), b’tali mod li filwaqt li “l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li hija suġġetta għal stħarriġ mill-qrati tal-Unjoni, il-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw il-protezzjoni, sad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, tad-drittijiet tal-individwi fil-każ ta’ ksur eventwali, mill-awtoritajiet tal-Istat, tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE” ( 9 ).

47.

Konsegwentement, il-qrati nazzjonali la għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern u lanqas sabiex jevalwaw il-validità tad-deċiżjonijiet meħuda f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni ( 10 ).

48.

Fir-realtà, il-qorti tar-rinviju ma tqajjimx dubji dwar din id-dottrina, u għalhekk id-dubju tagħha ma jippresupponix il-possibbiltà ta’ evalwazzjoni tal-validità tad-Deċiżjoni 2009/287 bħala tali. Lanqas ma tistaqsi jekk il-kontenut tagħha għandux jiġi evalwat mill-ġdid u jekk għandhiex tittieħed deċiżjoni ġdida dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni. B’mod iktar sottili, tixtieq tkun taf jekk, meta tinterpreta u timplementa ad casum il-leġiżlazzjoni nazzjonali (l-LCC) tal-programm ta’ għajnuna li kien is-suġġett tad-Deċiżjoni 2009/287, tistax “taġġusta l-ammont effettiv tal-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-produtturi tal-enerġija skont l-LCC [...] fuq il-bażi tal-premessi li hija bbażata fuqhom id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni” ( 11 ).

49.

Fi kliemha stess, id-domanda tal-qorti tar-rinviju hija jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali “għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-mekkaniżmu ta’ għajnuna previst fl-LCC, li l-kompatibbiltà tiegħu mas-suq komuni ġiet evalwata diġà qabel l-applikazzjoni prattika tiegħu, għandu jitqies a priori bħala konformi mal-Metodoloġija CTC u, għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li din il-kompatibbiltà terġa’ tiġi evalwata, jew jekk għall-kuntrarju, kull għajnuna mill-Istat mogħtija skont l-LCC għandhiex tiġi analizzata mill-awtoritajiet u mill-qrati nazzjonali sabiex jivverifikaw il-kompatibbiltà ta’ din il-metodoloġija mal-implementazzjoni tal-LCC” ( 12 ).

50.

Għalhekk, l-LCC għandha tiġi applikata fuq “mudell interpretattiv” ( 13 ) li jkun “ibbażat” fuq id-Deċiżjoni 2009/287, “flimkien mal-Metodoloġija CTC” ( 14 ). Bil-konsegwenza li l-implementazzjoni ta’ dan il-“mudell” tista’ twassal sabiex, fil-mument tal-eżekuzzjoni tiegħu, għajnuna jkollha tiġi ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, filwaqt li ma kinitx tkun is-suġġett ta’ oġġezzjoni mill-Kummissjoni meta din tevalwa “b’mod ġenerali l-mekkaniżmi tal-programm ta’ għajnuna mill-Istat previst [fl-LCC]” ( 15 ).

51.

Fil-fehma tiegħi, dan l-approċċ ma jistax jiġi aċċettat.

52.

L-iskema ta’ għajnuna tal-LCC ġiet awtorizzata b’mod definittiv bid-Deċiżjoni 2009/287, li fl-Artikolu 4 tagħha l-Kummissjoni, permezz tal-implementazzjoni tal-Metodoloġija CTC, iddeċidiet li l-kumpensi tas-CTC kienu kompatibbli mas-suq komuni. Din id-Deċiżjoni ma tistax sempliċement tkun il-“pedament’ li fuqha jinbena prinċipju ta’ interpretazzjoni ad hoc li, fir-realtà, tkun l-istess Metodoloġija CTC applikata direttament mill-qrati nazzjonali sabiex jintlaħqu riżultati oħra. Operazzjoni simili tippreżupponi l-eżerċizzju, minn dawn tal-aħħar, ta’ kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni.

53.

Madankollu, għalkemm il-Kummissjoni tkun iddeċidiet dwar l-iskema unika stabbilita mil-LCC, huwa possibbli li sussegwentement fil-prattika jirriżultaw ċirkustanzi li jkollhom l-effett li, li kieku kienu magħrufa jew ippreveduti mill-Kummissjoni, kienu jwassluha sabiex tadotta deċiżjoni oħra. Din hija l-preokkupazzjoni li tidher li hija l-bażi tad-domandi tal-qorti tar-rinviju, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

54.

Dan huwa tħassib leġittimu li r-rimedju għalih, madankollu, ma jistax jinvolvi l-attribuzzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ kompetenza li hija esklużivament tal-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, is-soluzzjoni għandha tiġi mfittxija fid-delimitazzjoni tal-funzjonijiet “kumplimentari iżda distinti” li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom f’dan il-qasam, kif imsemmi qabel.

55.

Fir-realtà, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari tista’ ma tkunx utli wisq jekk tiġi ddisassoċjata mis-soluzzjoni għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, dwar l-impatt li jista’ jkollha bidla f’daqqa tal-punti ta’ fatt li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni meta adottat id-Deċiżjoni 2009/287.

56.

Fi kwalunkwe każ, peress li d-domanda ġiet ifformulata f’termini ġeneriċi jew astratti, ir-risposta għaliha tista’ tkun biss negattiva. Meta l-Kummissjoni tiddikjara li għajnuna mill-Istat, skont it-termini ta’ liġi nazzjonali speċifika, hija kompatibbli mas-suq komuni, il-qorti nazzjonali ma għandhiex ġurisdizzjoni li tivverifika jekk il-liġi li tistabbilixxi din l-għajnuna mill-Istat hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Metodoloġija CTC.

B – It-tieni domanda preliminari

57.

Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, għall-kalkolu annwali (jiġifieri, sabiex tistabbilixxi l-ammont li jikkorrispondi għal kull sena li fiha sar l-aġġustament) tal-kumpens CTC dovut lil impriża li tipproduċi l-elettriku, il-fattur primarju għandux ikun: a) is-sħubija tal-produttur fi grupp ta’ impriżi skont is-sitwazzjoni riflessa fl-Annessi tal-LCC jew b) is-sħubija effettiva fi grupp ta’ produtturi differenti minn dak li jirriżulta f’dawn l-annessi jew fl-istess grupp, iżda b’kompożizzjoni differenti ta’ impriżi.

58.

Is-soluzzjoni għandha riperkussjonijiet immedjati fil-każ inkwistjoni. Jekk jiġi aċċettat it-tieni approċċ (li jiffavorixxi “interpretazzjoni dinamika” tal-integrazzjoni fi gruppi ta’ impriżi), l-element rilevanti għall-kalkolu jkunu r-riżultati finanzjarji tal-grupp fis-sena kkonċernata mill-kumpens. Dan huwa l-argument tal-awtorità regolatorja Pollakka tal-enerġija fil-kawża a quo li ddeċidiet, bi qbil ma’ dan l-argument, li tnaqqas l-ammont dovut lil PGE. L-argument oppost huwa dak ta’ PGE u huwa sostnut mill-qrati tal-ewwel istanza u tal-appell, li jipprovdu biss għas-sitwazzjoni deskritta fl-Anness 7 tal-LCC.

59.

It-tieni domanda, għalhekk, hija magħmula f’termini li ma humiex daqstant astratti bħal dawk tal-ewwel. Il-kwistjoni, finalment, hija jekk għall-kalkolu tal-aġġustament annwali tal-kumpens għas-CTC dovut lil PGE matul l-2009 għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod strett, l-unitajiet ta’ produzzjoni u l-impriżi tas-settur tal-elettriku, kif stipulat fl-Anness 7 tal-LCC, jew dawk li, fl-istess sena 2009, kienu jiffurmaw parti mill-grupp ta’ impriżi li miegħu kienet imsieħba PGE, anki fil-każ ta’ unitajiet indikati fl-Anness 7 bħala li huma ta’ grupp differenti minn dan tal-aħħar.

60.

Madankollu, nibża’ li r-risposta għat-tieni domanda ma hijiex se ssolvi l-problema ċentrali tal-kawża a quo, li fir-realità tittratta iktar l-interpretazzjoni u l-implementazzjoni tal-LCC milli dwar id-dritt tal-Unjoni. Kif tiddikjara PGE fl-osservazzjonijiet tagħha (punti 30 u 54), la d-Deċiżjoni 2009/87 u lanqas il-Metodoloġija CTC ma jsolvu waħedhom id-dubji mqajma, iżda r-risposta tiddependi primarjament fuq l-implementazzjoni tal-Artikoli 2 u 32 tal-LCC moqrija flimkien mal-Anness 7 tagħha. Dawn huma d-dispożizzjonijiet li jippermettu li jiġi deċiż jekk ir-riżultat finanzjarju ta’ ELB fl-2009 jistax jinfluwenza, fis-sens ta’ tnaqqis, l-aġġustament tal-kumpens dovut lil PGE, minkejja li, skont l-Anness 7 tal-LCC, l-għajnuna proposta ma ħaditx inkunsiderazzjoni din iċ-ċirkustanza.

61.

Mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, id-Deċiżjoni 2009/287 hija biss “dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà” tal-għajnuna mas-suq intern, mibgħuta lill-awtoritajiet Pollakki sabiex, jekk iqisu li dan huwa xieraq, jagħtu fondi statali lill-impriżi tas-settur tal-elettriku, sa massimu ta’ PLN x miljuni, f’perijodi suċċessivi annwali. Jekk dawn l-awtoritajiet, f’dawn il-perijodi jew f’dawn l-eżerċizzji annwali, jagħżlu li jinterpretaw l-LCC f’termini li jnaqqsu – u mhux iżidu – l-ammont ta’ “nfiq” permess, l-aġir tagħhom ma jistax iwassal għal oġġezzjonijiet ibbażati fuq id-Deċiżjoni 2009/287 stess. Din tal-aħħar, nirrepeti, la “timponi” u lanqas ma teħtieġ l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat u hija limitata li tiddikjara l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

62.

Skont din il-kundizzjoni, li ser ninsisti fuqha iktar ’il quddiem, nantiċipa li miż-żewġ argumenti ppreżentati jiena niffavorixxi b’mod ġenerali, u bħala prinċipju, it-tieni wieħed, jiġifieri “interpretazzjoni dinamika”, skont il-bidla fiċ-ċirkustanzi li seħħet. Id-Deċiżjoni 2009/287 tiffavorixxi l-idea li l-aġġustament annwali tal-kumpens tas-CTC jikkorrispondi għas-sitwazzjoni reali tas-suq fil-mument tal-għoti tagħha, li jinvolvi evalwazzjoni tal-iżvilupp tal-kompetizzjoni u tas-suq innifsu. Il-kompożizzjoni tal-gruppi ta’ impriżi matul is-sena li jirreferi għaliha l-aġġustament tista’ tiżvela, minn din il-perspettiva, pass ’il quddiem jew lura fil-kundizzjonijiet reali tal-kompetizzjoni fis-suq tal-elettriku, fattur ta’ aġġustament li ma huwiex eskluż mid-Deċiżjoni.

63.

Id-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-punti 3.3 u 4.2 tal-Metodoloġija CTC jappoġġjaw it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ wħud miċ-ċirkustanzi li jistgħu jinbidlu. Skont il-punt 3.3, “[b]iex tiġi stabbilita din ir-relazzjoni ta’ kawża u effett, il-Kummissjoni għandha tiħu inkunsiderazzjoni kull waqa’ fil-prezzijiet tal-elettriku jew telf fis-suq tal-ishma li jkunu sofrew l-impriżi konċernati” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn dan, skont il-punt 4.2, “[l-]arranġamenti għall-ħlas tal-għajnuna jridu jippermettu li jitqiesu l-iżviluppi ġejjiena fil-qasam tal-kompetizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dawn l-żviluppi “jistgħu jitkejlu b’mod partikolari permezz ta’ fatturi kwantifikabbli (prezzijiet, l-ishma fis-suq, fatturi rilevanti oħra indikati mill-Istat Membru)” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Finalment, skont l-istess punt, “l-ammont tal-għajnuna mħallas għandu bilfors ikun ikkundizzjonat mill-iżvilupp ta’ kompetizzjoni ġenwina, u fil-kalkolu ta’ għajnuna mħallsa tul perijodu ta’ żmien għandu jitqies it-tibdil fil-fatturi rilevanti biex jitkejjel il-grad miksub ta’ kompetizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

64.

Għandu jiġi preżunt, madankollu, li dawn l-elementi kollha ta’ evalwazzjoni ġew evalwati b’mod prospettiv mill-Kummissjoni sabiex tadotta d-Deċiżjoni 2009/287 u tawtorizza l-iskema ta’ kumpens stabbilita mil-LCC. Il-Kummissjoni stess kienet taf li, billi teżamina l-kompatibbiltà tal-għajnuna CTC mas-suq intern, kienet qiegħda tiddeċiedi dwar l-iskema ta’ kumpens – dik stabbilita mil-LCC – li kellha tapplika fit-tul u li għalhekk kienet suġġetta għal varjabbli konġunturali. Id-data użata fil-mument tal-adozzjoni tal-LCC (li kienet tinkludi, inter alia, dik relatata mal-proprjetà tal-unitajiet ta’ produzzjoni u t-tqegħid tal-impriżi fi gruppi ta’ kumpanniji) ma kellhiex natura invarjabbli.

65.

B’mod partikolari, u fil-każ tagħna hawnhekk, il-Kummissjoni loġikament ma setgħetx tinjora l-possibbiltà ta’ iktar bidliet fil-kompożizzjoni tal-gruppi konsolidati u, magħhom, il-bidla tal-kundizzjonijiet tas-suq, li setgħu jaffettwaw il-kalkolu tal-aġġustament previst mil-LCC. Għalkemm fil-premessa 352 tad-Deċiżjoni 2009/287 jiġi pprovdut li “[i]l-Kummissjoni qiest[qieset] ukoll il-fatt li l-impatt tal-ispejjeż mhux irkuprabbli huwa kkalkolat b’referenza għall-gruppi kkonsolidati”, il-possibbiltà ta’ bidliet fil-kompożizzjoni ta’ dawn il-gruppi ma setgħetx tiġi eskluża.

66.

Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar il-LCC, li hija adottat billi ħadet inkunsiderazzjoni d-data li tinsab fl-Anness 7 ta’ din il-liġi bħala d-data rilevanti għall-kalkolu tas-CTC, ma tipprekludix li l-bidliet sussegwenti jistgħu jaffettwaw l-aġġustament annwali, jekk jaffettwaw fatturi kkontemplati kemm fil-Metodoloġija CTC kif ukoll fid-Deċiżjoni 2009/287 stess.

67.

Is-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fis-settur tal-elettriku kienet waħda minn dawn il-fatturi. Preċiżament għal din ir-raġuni, il-punt 4.3 tal-Metodoloġija CTC ippreveda li “l-Istat Membru jrid jaċċetta li jibgħat rapport annwali lill-Kummissjoni li fih, b’mod partikolari, jiddeskrivi l-iżviluppi fis-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-elettriku tiegħu billi jsemmi, fost ħwejjeġ oħra, it-tibdil osservat fil-fatturi kwantifikabbli rilevanti” ( 16 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont il-premessa 369 tad-Deċiżjoni 2009/287, “[s]kond il-punt 4.3 tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli, l-awtoritajiet Pollakki ntrabtu li jipprovdu lill-Kummissjoni rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-[LCC]”.

68.

Fil-fehma tiegħi, dan huwa mezz ideali biex l-iskema ta’ kumpens CTC, prevista mid-dritt nazzjonali, tiġi adattata skont iċ-ċirkustanzi reali tas-suq tal-elettriku fil-mument tal-konkretizzazzjoni tal-aġġustamenti suċċessivi ta’ din l-għajnuna.

69.

Kull tibdil eventwali fil-lista tal-unitajiet ta’ produzzjoni assenjati lill-impriżi korrispondenti (u, konsegwentement, lill-gruppi ta’ impriżi li fihom huma mseħbin), kif rifless fl-annessi tal-LCC, kien wieħed mill-“fatturi kwantifikabbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali] indikati fil-punt 4.2 tal-Metodoloġija CTC bħala rilevanti sabiex jiġi evalwat “l-iżviluppi ġejjiena fil-qasam tal-kompetizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għalhekk, dan it-tibdil kien informazzjoni rilevanti għad-determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna, li l-kalkolu tagħha kellu jevalwa, “tul perjodu ta’ żmien [,] [...] it-tibdil fil-fatturi rilevanti biex jitkejjel il-grad miksub ta’ kompetizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

70.

Nemmen li d-Deċiżjoni 2009/287, sa fejn tuża l-Metodoloġija CTC, tipprovdi l-mekkaniżmu ta’ aġġustament, maż-żmien, tal-għajnuna mill-Istat mal-iżvilupp tal-fatturi li jiddeterminaw l-aġġustament annwali tagħha. Għalkemm id-Deċiżjoni 2009/287 għażlet “interpretazzjoni dinamika” tal-kompożizzjoni tal-gruppi ta’ kumpanniji u tal-bidliet fil-proprjetà tal-unitajiet ta’ produzzjoni, madankollu hija pprovdiet, għal dan l-istess għan, il-mezz ta’ komunikazzjoni lill-Kummissjoni, min-naħa tal-Istati Membri, tal-varjazzjonijiet li jista’ jkun hemm fi ħdan il-gruppi kkonsolidati, imsemmija fl-annessi tal-LCC.

71.

Peress li l-awtoritajiet Pollakki ma informawx lill-Kummissjoni dwar il-bidliet li seħħew fir-rigward tal-unitajiet elenkati fl-Anness 7 tal-LCC, dawn l-awtoritajiet għandhom josservaw il-kontenut ta’ dak l-Anness fil-forma li fiha kien approvat mill-Kummissjoni permezz tad-Deċiżjoni 2009/287 tagħha. Huma ma jistgħux japplikaw huma nnifishom il-Metodoloġija CTC, fil-mument tat-twettiq tal-aġġustament annwali tal-kumpens, għaliex b’dan il-mod ikunu qed jiżnaturaw id-Deċiżjoni 2009/287 stess.

72.

Fl-att tas-seduta rriżulta li l-awtoritajiet Pollakki kienu ssottomettew, fiż-żmien xieraq, ir-rapport annwali msemmi fil-punt 4.3 tal-Metodoloġija CTC, li kien isemmi l-bidliet fl-istruttura tas-suq tal-elettriku. Il-Kummissjoni, kif iddikjarat mir-rappreżentant tagħha fl-istess att, ħadet nota ta’ dawn il-bidliet u ddeċidiet li, peress li l-awtoritajiet nazzjonali kienu osservaw il-limitu massimu ta’ ħlas stabbilit, ma kienx meħtieġ li tiġi adottata miżura addizzjonali, peress li l-“interpretazzjoni dinamika” tad-Deċiżjoni 2009/287 tippermetti, minnha nfisha, l-aġġustament tal-kalkolu tal-kumpens.

73.

Ladarba l-awtoritajiet Pollakki kkonfermaw il-kompożizzjoni l-ġdida tal-gruppi ta’ impriżi u l-impatt tagħha fuq id-distribuzzjoni taċ-ċentri jew unitajiet ta’ produzzjoni msemmija fl-annessi tal-LCC, il-Kummissjoni setgħet tiddeċiedi dwar l-impatt tagħha fuq il-kalkolu tal-ammont annwali u, eventwalment, b’eżerċizzju tal-kompetenzi esklużivi tagħha, takkomoda d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2009/287 għas-sitwazzjoni l-ġdida tas-suq. Il-ħlas tal-kumpensi, wara l-bdil taċ-ċirkustanzi elenkati fl-LCC, mhux bilfors jeħtieġ il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ kontroll minn qabel previst fl-Artikolu 108 TFUE. B’mod aktar preċiż, dan jinvolvi l-użu tal-proċess ta’ aġġustament previst fid-Deċiżjoni 2009/287 stess, permezz tar-rapport annwali msemmi fil-premessa 369 tagħha, li huwa dak li ġara f’din il-kawża.

74.

It-termini li bihom nissuġġerixxi li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari, fil-fehma tiegħi, huma konformi mal-loġika tas-sistema ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ din l-għajnuna mill-Istat u jirrispettaw, b’mod simultanju, il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, minn naħa, u l-garanzija aħjar tal-effettività ta’ din is-sistema, min-naħa l-oħra, u għalhekk jiżguraw l-adattament tal-kalkolu tal-għajnuna għaċ-ċirkustanzi li jkunu jeżistu meta din effettivament tingħata.

75.

Għandu jkun ċar li l-proposta tiegħi tikkonċerna biss id-dimensjoni Komunitarja tal-iskema ta’ għajnuna tal-LCC. Ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja dik li għandha tinterpreta s-sistema leġiżlattiva pprevista mid-dritt Pollakk sabiex tindirizza l-problemi kkawżati bħala riżultat tat-tranżizzjoni għall-kompetizzjoni fis-suq tal-elettriku nazzjonali. Bla ħsara għal u bil-kundizzjoni li ma jinqabiżx l-ammont tal-għajnuna mill-Istat iddikjarata kompatibbli permezz tad-Deċiżjoni 2009/287, u sakemm il-kontenut ta’ din id-deċiżjoni ma jiġix żnaturat, l-awtoritajiet u l-qrati Pollakki jistgħu jinterpretaw ir-regoli nazzjonali tagħhom stess dwar l-għajnuna CTC fis-sens li jidhrilhom li huwa xieraq. B’mod partikolari, xejn ma jipprekludi li l-interpretazzjoni tagħhom tal-LCC, jew fuq il-bażi tal-kontenut tal-annessi jew fuq il-bażi tal-iżvilupp tal-kundizzjonijiet tas-suq tal-elettriku, tirriżulta f’ammont ikbar jew inqas tal-kumpens CTC annwali, sakemm dan ma jaqbiżx il-limitu li semmejt diġà.

76.

B’dan nixtieq ngħid li d-Deċiżjoni 2009/287 ma għandha l-ebda skop ieħor ħlief li tippermetti l-għajnuna pprovduta mill-awtoritajiet nazzjonali, ladarba l-Kummissjoni tikkonstata li din tkun kompatibbli mas-suq intern. Minn din iċ-ċirkustanza ma jirriżultax, mill-perspettiva tal-Artikolu 107 TFUE, dritt suġġettiv dwar ir-riċeviment tal-għajnuna mill-benefiċjarji eventwali tagħha. Il-kwistjoni ta’ jekk ikunx jeżisti dan id-dritt suġġettiv, u sa liema punt, għandha tiġi stabbilita mil-liġijiet nazzjonali, skont kif jinterpretawhom il-qrati kompetenti.

77.

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Pollakki, għalkemm bl-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni sabiex tingħata l-għajnuna kkontestata, jistgħu iktar tard, għal raġunijiet ta’ natura strettament interna u artikolata fuq id-dritt nazzjonali tagħhom, inaqqsuha jew anke jneħħuha, bla ħsara għar-restrizzjonijiet imposti mir-regoli kostituzzjonali tagħhom stess. B’mod parallel, deċiżjoni tal-qrati nazzjonali li, meta jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom, inaqqsu l-ammonti ta’ fondi pubbliċi li l-għoti tagħhom lill-impriżi fis-settur tal-elettriku jkun ġie ddikjarat kompatibbli mas-suq intern (f’dan il-każ, sabiex jaġġustaw il-kumpens annwali billi jnaqqsu l-ammont li jirriżulta mid-Deċiżjoni 2009/287) lanqas ma tkun kundannabbli skont l-Artikolu 107 TFUE.

78.

Għalhekk, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari tingħata f’żewġ modi: a) l-Artikolu 107 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, mal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2009/287 u mal-punti 3.3 u 4.2 tal-Metodoloġija CTC, ma jipprekludix li l-aġġustament annwali tas-CTC isir skont is-sitwazzjoni tal-gruppi ta’ impriżi, kif indikat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-iskema ta’ għajnuna mill-Istati awtorizzata mill-Kummissjoni, u b) hija l-qorti nazzjonali li għandha tinterpreta d-dritt intern tagħha sabiex tindirizza, skont dan id-dritt, il-konsegwenzi tal-bidliet li jsiru fil-kompożizzjoni tal-gruppi ta’ impriżi tas-settur tal-elettriku li jibbenefikaw minn għajnuna mill-Istat, sakemm l-istabbiliment tal-ammont ta’ din l-għajnuna, wara l-aġġustament dovut minħabba ċ-ċirkustanzi l-ġodda, ma jaqbiżx l-ammont massimu speċifikat fid-Deċiżjoni 2009/287 u lanqas ma jiżnaturaha.

VII – Konklużjoni

79.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari magħmula tkun li:

“1)

L-Artikolu 107 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, u mal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2009/287/KE tal-Kummissjoni, tal-25 ta’ Settembru 2007, dwar għajnuna mill-istat mogħtija mill-Polonja bħala parti mill-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija u dwar l-għajnuna mill-istat li l-Polonja qed tippjana li tagħti dwar il-kumpens għat-terminazzjoni volontaria tal-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija, għandu jiġi interpretat fis-sens li meta l-Kummissjoni tiddikjara li għajnuna mill-istat hija kompatibbli mas-suq intern, il-qorti nazzjonali ma hijiex kompetenti sabiex tivverifika jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu din l-għajnuna humiex konformi mal-linji gwida tal-Metodoloġija CTC.

2)

L-Artikolu 107 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, mal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2009/287 u mal-punti 3.3 u 4.2 tal-Metodoloġija CTC, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-aġġustament annwali tas-CTC isir skont is-sitwazzjoni tal-gruppi ta’ kumpanniji, kif indikat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-iskema ta’ għajnuna mill-Istati awtorizzata mill-Kummissjoni. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tinterpreta d-dritt intern tagħha sabiex tindirizza, skont dan id-dritt, il-konsegwenzi tal-bidliet li jsiru fil-kompożizzjoni tal-gruppi ta’ impriżi tas-settur tal-elettriku li jibbenefikaw minn għajnuna mill-Istat, sakemm l-istabbiliment tal-ammont ta’ din l-għajnuna, wara l-aġġustament dovut minħabba ċ-ċirkustanzi l-ġodda, ma jaqbiżx l-ammont massimu speċifikat fid-Deċiżjoni 2009/287 u lanqas ma jiżnaturaha.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 3).

( 3 ) Liġi tad-29 ta’ Ġunju 2007, dwar il-kundizzjonijiet għall-irkupru tal-ispejjeż inkorsi mill-produtturi għat-terminazzjoni bikrija tal-ftehimiet tax-xiri ta’ elettriku fit-tul (Ustawa o zasadach pokrywania kosztów powstałych u wytwórców w związku z przedterminowym rozwiązaniem umów długoterminowych sprzedaży mocy i energii elektrycznej, Dz. U. no 130, pos. 905 kif emendata (iktar ’il quddiem, “LCC” jew “Liġi tal-2007”).

( 4 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-25 ta’ Settembru 2007, dwar għajnuna mill-istat mogħtija mill-Polonja bħala parti mill-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija u dwar l-għajnuna mill-istat li l-Polonja qed tippjana li tagħti dwar il-kumpens għat-terminazzjoni volontaria tal-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija (ĠU 2009, L 83, p. 1).

( 5 ) Ittra tal-Kummissjoni SG(2001) D/290869, tas-6 ta’ Awwissu 2001, http://ec.europa.eu/competition/state_aid/legislation/specific_rules.html. Il-formulazzjoni tal-paragrafi fit-test bl-Ispanjol hija differenti minn dik li teżisti fil-verżjoni Pollakka (http://www.uokik.gov.pl/pomoc_publiczna_2.php#faq330).

( 6 ) ĠU 2009, C 85, p. 1.

( 7 ) Għal kollha, b’mod ġenerali, is-sentenza Lucchini (C‑119/05, EU:C:2007:434), punti 51 u 52.

( 8 ) Kawża Deutsche Lufthansa (C‑284/12, EU:C:2013:755), punt 27.

( 9 ) Sentenzi Deutsche Lufthansa (C‑284/12, EU:C:2013:755), punt 28, li tiċċita s-sentenzi van Calster et (C‑261/01, EU:C:2003:571), punt 75, u Transalpine Ölleitung in Österreich (C‑368/04, EU:C:2006:644), punt 38.

( 10 ) Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Lucchini (C‑119/05, EU:C:2007:434), punt 53, “[b]ħala prinċipju, jekk [għalkemm] il-qrati nazzjonali jistgħu jkollhom jeżaminaw il-validità ta’ att Komunitarju, madankollu huma ma għandhomx ġurisdizzjoni li jistabbilixxu huma stess l-invalidità ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji (sentenza […] Foto-Frost, 314/85 [EU:C:1987:452], punt 20). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja biss għandha ġurisdizzjoni li tistabbilixxi l-invalidità ta’ att Komunitarju (sentenzi […] Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest, C‑143/88 u C‑92/89, [EU:C:1991:65], punt 17, [u] […] IATA u ELFAA, C‑344/04, [EU:C:2006:10], punt 27”.

( 11 ) Digriet tar-rinviju, paġna 13 [tad-digriet oriġinali bl-Ispanjol].

( 12 ) Digriet tar-rinviju, paġna 14 [tad-digriet oriġinali bl-Ispanjol].

( 13 ) Digriet tar-rinviju, paġna 16 [tad-digriet oriġinali bl-Ispanjol].

( 14 ) Loc. ult. cit.

( 15 ) Digriet tar-rinviju, paġna 14 [tad-digriet oriġinali bl-Ispanjol].

( 16 ) Il-punt 4.3 ikompli jgħid li dan ir-rapport, “jagħti dettalji dwar kif ġew ikkalkolati [s-CTC] meqjusa għas-sena rilevanti kif ukoll jispeċifika l-ammonti ta’ għajnuna mħallsa”.

Top