EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0561

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati l-20 ta’ Jannar 2016.
Caner Genc vs Integrationsministeriet.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Østre Landsret.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Deċiżjoni Nru 1/80 – Artikolu 13 – Klawżola ta’ ‘standstill’ – Riunifikazzjoni tal-familja – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi kundizzjonijiet ġodda iktar restrittivi fil-qasam tar-riunifikazzjoni tal-familja għal membri tal-familja mhux ekonomikament attivi ta’ ċittadini Torok ekonomikament attivi li jirrisjedu u li għandhom dritt ta’ residenza fl-Istat Membru inkwistjoni – Kundizzjoni ta’ rabta suffiċjenti biex tippermetti integrazzjoni b’suċċess.
Kawża C-561/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:28

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fl-20 ta’ Jannar 2016 ( 1 )

Kawża C‑561/14

Caner Genc

vs

Integrationsministeriet

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (qorti tal-appell tar-reġjun tal-Lvant, id-Danimarka)]

“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Deċiżjoni Nru 1/80 — Moviment liberu tal-ħaddiema — Riunifikazzjoni tal-familja — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi kundizzjonijiet ġodda iktar restrittivi fil-qasam tar-riunifikazzjoni tal-familja għall-membri mhux ekonomikament attivi tal-familja ta’ ċittadini Torok ekonomikament attivi li jirrisjedu u li għandhom dritt ta’ residenza fl-Istat Membru inkwistjoni — Klawżola ta’ ‘Standstill’ — Kamp ta’ applikazzjoni — Restrizzjoni ġdida — Ġustifikazzjoni — Raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali — Proporzjonalità”

1. 

B’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1/80”), adottata mill-kunsill ta’ assoċjazzjoni stabbilit mill-ftehim dwar il-ħolqien ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, iffirmat, fit-12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963, (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija”) ( 2 ). Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn C. Genc, ċittadin Tork, u l-awtoritajiet Daniżi dwar iċ-ċaħda, minn dawn tal-aħħar, tal-applikazzjoni tiegħu għal permess ta’ residenza fir-rigward tar-riunifikazzjoni tal-familja.

I – Introduzzjoni

2.

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, C. Genc, huwa ċittadin Tork li twieled fl-1991. Missieru, ukoll ta’ nazzjonalità Torka, ilu stabbilit fid-Danimarka mis-sena 1997 u hemmhekk ilu jibbenefika minn permess ta’ residenza għal żmien indeterminat mis-sena 2001. Wara d-divorzju tal-ġenituri tiegħu fl-1997 u minkejja li missieru kiseb il-kustodja legali, C. Genc kompla jgħix fit-Turkija, fid-dar tan-nanniet tiegħu, u kien jara lil ommu regolarment. Iż-żewġ ħutu l-kbar ilhom jibbenefikaw minn permess ta’ residenza fid-Danimarka mix-xahar ta’ Mejju 2003.

3.

C. Genc, fil-5 ta’ Jannar 2005, ippreżenta applikazzjoni għal permess ta’ residenza fid-Danimarka biex jingħaqad ma’ missieru, li kien ħaddiem impjegat f’dan il-pajjiż.

4.

Fix-xahar ta’ Awwissu 2006, l-Udlændingeservice, li issa sar l-Udlændingestyrelsen (uffiċċju Daniż tal-migrazzjonijiet) ċaħad l-applikazzjoni tiegħu. C. Genc għalhekk ressaq ilment quddiem il-ministeru tal-integrazzjoni li kkonferma d-deċiżjoni ta’ rifjut fit-18 ta’ Diċembru 2006. Dan il-ministeru b’mod partikolari sostna li C. Genc qatt ma mar id-Danimarka, li qatta’ ħajtu kollha fit-Turkija fejn mar l-iskola, li jitkellem biss bit-Tork u li f’dawn l-aħħar sentejn ra lil missieru b’mod sporadiku biss biex jikkonkludi li ma hemm l-ebda element ta’ rabta mas-soċjetà Daniża u lanqas ma hemm jew ma jista’ jkun hemm rabta suffiċjenti mad-Danimarka li tippermetti l-integrazzjoni b’suċċess. Dan il-ministeru nnota wkoll li lanqas il-missier ta’ C. Genc ma seta’ jitqies li huwa integrat partikolarment tajjeb jew bħala li huwa stess għandu rabta suffiċjenti mas-soċjetà Daniża u li, fi kwalunkwe każ, huwa seta’ jmur fit-Turkija biex iżur lil ibnu.

5.

Fis-17 ta’ Settembru 2007, il-ministeru tal-integrazzjoni rrifjuta l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni ta’ rifjut tiegħu. Fid-9 ta’ Diċembru 2011, il-qorti tal-prim’istanza, adita b’talba għal annullament minn C. Genc, ċaħdet ir-rikors. Għalhekk, C. Genc ippreżenta appell quddiem il-qorti tar-rinviju.

6.

Kemm l-analiżi tal-uffiċċju Daniż tal-migrazzjonijiet kif ukoll dik tal-ministeru tal-integrazzjoni jibbażaw fuq il-bażi tal-Artikolu 9(13) tal-liġi dwar il-barranin (udlændingeloven, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-barranin”). Skont din id-dispożizzjoni, introdotta fl-2004 ( 3 ), “[i]l-permess ta’ residenza [...], fil-każ fejn l-applikant u wieħed mill-ġenituri tiegħu jirrisjedu fil-pajjiż ta’ oriġini jew f’pajjiż ieħor, jista’ jingħata biss jekk l-applikant ikollu jew jista’ jkollu rabta suffiċjenti mad-Danimarka li tippermetti integrazzjoni b’suċċess. Dan ma japplikax, madankollu, jekk l-applikazzjoni tiġi ppreżentata f’terminu ta’ sentejn mid-data li fiha l-persuna residenti fit-territorju Daniż tkun issodisfat il-kundizzjonijiet [għall-għoti ta’ permess ta’ residenza], jew jekk, raġunijiet speċifiċi ħafna, b’mod partikolari l-unità tal-familja, jitolbu interpretazzjoni kuntrarja” ( 4 ).

7.

L-evalwazzjoni diskrezzjonali li jwettqu l-awtoritajiet kompetenti biex jiddeterminaw jekk applikant għandux jew jistax ikollu rabta suffiċjenti mad-Danimarka – jiġifieri evalwazzjoni tal-possibbiltajiet ta’ suċċess tal-integrazzjoni tiegħu fis-soċjetà Daniża – għandha tqis, skont il-kliem tal-qorti tar-rinviju, ċertu numru ta’ parametri, fosthom iż-żmien u n-natura tar-residenzi preċedenti fid-Danimarka tal-wild minuri, il-pajjiż li fih il-wild minuri qatta’ l-parti l-kbira ta’ ħajtu, il-pajjiż fejn mar l-iskola, il-lingwa li jitkellem u l-livell ta’ influwenza, matul tfulitu, tal-valuri u tar-regoli Daniżi. Jitqies ukoll, matul din l-evalwazzjoni, il-livell ta’ integrazzjoni fis-soċjetà Daniża u r-rabtiet minsuġa ma’ din tal-aħħar tal-ġenitur li l-wild minuri jitlob li jingħaqad miegħu. Il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għal ċertu numru ta’ każijiet fejn ma tkunx meħtieġa l-prova ta’ rabta suffiċjenti mad-Danimarka, pereżempju meta l-wild minuri jew wieħed mill-ġenituri jkunu morda jew ikollhom diżabbiltà jew inkella meta r-rifjut ta’ awtorizzazzjoni tar-riunifikazzjoni jmur kontra l-impenji internazzjonali tad-Danimarka jew l-aħjar interessi tal-wild minuri fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ New York dwar id-drittijiet tat-tfal, iffirmata fl-20 ta’ Novembru 1989, u rratifikata mill-Istati Membri kollha.

8.

Il-qorti tar-rinviju tinnota li dan ir-rekwiżit ta’ rabta suffiċjenti mad-Danimarka ġie introdott, fl-ordinament ġuridiku Daniż, fl-2004. Madankollu, mill-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jirriżulta li “[l]-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija ma jistgħux jintroduċu restrizzjonijiet ġodda dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg tal-ħaddiema u tal-membri tal-familja tagħhom li jinsabu fit-territorju rispettiv tagħhom f’sitwazzjoni regolari f’dak li jikkonċerna r-residenza u l-impjieg”.

9.

Din tistaqsi għalhekk dwar jekk din il-klawżola ta’ “Standstill” tapplikax ukoll għall-kundizzjonijiet li fihom il-ħaddiema impjegati Torok, li jappartjenu għas-suq regolari tax-xogħol, jistgħu jitolbu li jingħaqdu, fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, mal-membri tal-familja tagħhom ekonomikament mhux attivi. L-imsemmija qorti tqis li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt ma hijiex ċara ħafna. Fl-ipoteżi fejn l-Artikolu 9(13) tal-liġi dwar il-barranin jikkostitwixxi restrizzjoni ġdida, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, il-qorti tar-rinviju tixtieq tikseb kjarifiki mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tan-natura tat-test li għandu jitwettaq biex jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija restrizzjoni tistax tkun iġġustifikata.

10.

Huwa f’dawn il-kundizzjonijiet li, quddiem diffikultà marbuta mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-Østre Landsret (qorti tal-appell tar-reġjun tal-Lvant) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u, permezz ta’ deċiżjoni li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Diċembru 2014, tagħmel lil din tal-aħħar id-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Ir-regola ta’ ‘standstill’ inkluża fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 [...] u/jew ir-regola ta’ ‘standstill’ li tinsab fl-Artikolu 41(1) tal-protokoll addizzjonali [iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972 (iktar ’il quddiem il-‘Protokoll Addizzjonali’) [ ( 5 )] […] għandhom jiġu interpetati fis-sens li kundizzjonijiet ġodda li jirrestrinġu l-aċċess għar-riunifikazzjoni tal-familja fir-rigward tal-membri tal-familja li ma jkunux ekonomikament attivi, b’mod partikolari l-ulied minuri ta’ ċittadini Torok li jkunu ekonomikament attivi u li jkunu jirrisjedu u jkollhom permess ta’ residenza fi Stat Membru, jaqgħu taħt l-obbligu ta’ Standstill fid-dawl:

a)

tal-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tar-regoli ta’ ‘standstill’ fis-sentenzi Derin [(C‑325/05, EU:C:2007:442)], Ziebell [(C‑371/08, EU:C:2011:809), Dülger (C‑451/11, EU:C:2012:504)], u Demirkan [(C‑221/11, EU:C:2013:583)],

b)

tal-għan u tal-kontenut tal-ftehim [ta’ assoċjazzjoni KEE-Turkija] ta’ Ankara kif ġew interpretati fis-sentenzi Ziebell [(C‑371/08, EU:C:2011:809)] u Demirkan [(C‑221/11, EU:C:2013:583)], kif ukoll fid-dawl:

tal-fatt li l-Ftehim u l-protokolli u deċiżjonijiet marbuta miegħu ma jinkludux dispożizzjonijiet dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja

u

tal-fatt li r-riunifikazzjoni tal-familja [...] dejjem kienet irregolata b’atti ta’ dritt derivat, attwalment bid-Direttiva dwar ir-residenza (Direttiva 2004/38/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5. Vol. 5, p. 46])?

2.

Fir-risposta għall-ewwel d-domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tindika jekk eventwali dritt derivat għar-riunifikazzjoni tal-familja fir-rigward tal-membri tal-familja ta’ ċittadini Torok ekonomikament attivi li jkollhom permess ta’ residenza u jkunu jirrisjedu fi Stat Membru jiswiex għall-membri tal-familja ta’ ħaddiema Torok fis-sens tal-Artikolu [13] tad-Deċiżjoni 1/80 [jew] jekk dan japplikax biss għall-membri tal-familja ta’ ħaddiema Torok, li jaħdmu għal rashom fis-sens tal-Artikolu 41(1) tal-protokoll addizzjonali?

3.

F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda u għat-tieni domanda il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tindika jekk ir-regola ta’ ‘standstill’ inkluża fl-Artikolu 13 [...] tad-Deċiżjoni 1/80 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li restrizzjonijiet ġodda li jkunu ‘iġġustifikat[i] minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, […] intiż[i] sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq l-għan leġittimu mixtieq u [li ma jmorrux] lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan jintlaħaq’ (lil hinn minn dak indikat fl-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni 1/80) huma leġittimi?

4.

F’każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab b’mod partikolari tindika:

a)

skont liema linji gwida jeħtieġ li jsiru t-test tar-restrizzjoni u l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità. Il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tindika jekk għandhomx jiġu segwiti l-istess prinċipji misluta mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja fil-kuntest tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni li huma bbażati fuq id-Direttiva dwar ir-residenza (Direttiva 2004/38) u d-dispożizzjonijiet tat-Trattat, jew jekk hemmx lok li ssir evalwazzjoni differenti;

b)

jekk jeħtieġ li ssir evalwazzjoni differenti minn dik li tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja fil-kuntest tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tindika jekk hemmx lok li jsir riferiment għall-evalwazzjoni tal-proporzjonalità mwettqa fil-kuntest tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali[,iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950,] fuq id-dritt tar-rispett tal-ħajja tal-familja fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – u jekk dan ma huwiex il-każ allura liema huma l-prinċipji li japplikaw,

ċ)

irrispettivament mill-metodu ta’ evalwazzjoni li għandu jiġi applikat, Regola bħal dik [tal-Artikolu 9(13) tal- liġi dwar il-barranin] – li tistabbilixxi li r-riunifikazzjoni tal-familja bejn persuna li tkun ċittadin ta’ pajjiż terz u li jkollha permess ta’ residenza u tirrisjedi fid-Danimarka u l-wild minuri tagħha hija suġġetta, fil-każ fejn il-wild minuri u l-ġenitur tiegħu jkunu jirrisjedu fil-pajjiż ta’ oriġini jew f’pajjiż ieħor, għall-kundizzjoni li l-wild minuri jkollu, jew ikollu l-possibbiltà li jistabbilixxi, rabta mad-Danimarka li tkun suffiċjenti sabiex tippermetti l-integrazzjoni b’suċċess fil-pajjiż – tista’ tiġi kkunsidrata li hija ‘iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, […] intiża sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq l-għan leġittimu mixtieq u [li ma tmurx] lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex dan jintlaħaq’?”

11.

Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari bbenefika minn osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Daniż u tal-Kummissjoni Ewropea. Waqt is-seduta li saret quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Ottubru 2015, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, il-Gvern Daniż u l-Gvern Awstrijak kif ukoll il-Kummissjoni żviluppaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

II – Analiżi ġuridika

A – Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

12.

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u dwar il-portata tal-obbligu ta’ “Standstill” inkluż fih. B’mod partikolari, din tistaqsi jekk restrizzjoni ġdida fir-rigward tal-aċċess għar-riunifikazzjoni tal-familja tal-membri ekonomikament mhux attivi ta’ ħaddiem Tork tistax taqa’ taħt l-imsemmi obbligu u jekk id-dritt idderivat għar-riunifikazzjoni tal-familja li ġie rrikonoxxut fis-sentenza Dogan ( 6 ) għall-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jeżerċita l-libertà ta’ stabbiliment għandux jiġi stabbilit ukoll fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema Torok.

13.

Fil-kuntest tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Daniż, li jidher li jittrażmetti t-tħassib tal-qorti tar-rinviju, stieden b’mod espliċitu lill-Qorti tal-Ġustizzja taqleb il-ġurisprudenza tagħha Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:2066). Bl-analiżi ta’ ċertu numru ta’ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja bl-interpretazzjoni tal-klawżoli ta’ “Standstill” – irrispettivament minn jekk huwiex l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali jew l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 – dan il-gvern ipprova juri li l-pożizzjoni meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza hija iżolata u ma tidhirx koerenti mas-sentenzi preċedenti tagħha. Id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja dejjem tqies li huwa barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ “Standstill”, sas-sentenza Dogan ( 7 ). Il-Gvern Daniż isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tabbanduna tali ġurisprudenza biex terġa’ lura għall-essenza purament ekonomika tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u tal-atti differenti adottati abbażi tiegħu, bħalma ġie rikonoxxut fis-sentenza Demirkan ( 8 ).

14.

Qabel ma nispjega għaliex, fil-fehma tiegħi, id-dubji tal-qorti tar-rinviju u t-tħassib tal-Gvern Daniż huma bbażati fuq qari żbaljat tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li, fil-fehma tiegħi, ma stabbilixxietx dritt idderivat għar-riunifikazzjoni tal-familja, nixtieq nerġa’ lura għall-obbligu ta’ “Standstill” kif interpretat u ddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja.

1. Kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar l-obbligu ta’ “Standstill” tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

15.

Huwa stabbilit li missier C. Genc kien jeżerċita attività bħala persuna impjegata fil-mument meta r-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal permess ta’ residenza. Is-sitwazzjoni tal-missier C. Genc hija għalhekk marbuta mal-moviment liberu tal-ħaddiema u taqa’ esklużivament taħt l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ( 9 ).

16.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-imsemmi artikolu, li dan għandu effett dirett ( 10 ) u li dan għandu jinqara fid-dawl tal-kuntest li fih jidħlu d-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-deċiżjoni ( 11 ).

17.

Fir-rigward tal-kuntest, hija ġurisprudenza stabbilita li l-għan tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija huwa l-promozzjoni tat-tisħiħ kontinwu u ekwilibrat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti, permezz, b’mod partikolari, tal-moviment liberu tal-ħaddiema ( 12 ) li għandu jinkiseb b’mod gradwali ( 13 ). Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-Deċiżjoni Nru 1/80, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din hija intiża li “tiffavorixxi l-integrazzjoni gradwali fl-Istat Membru ospitanti ta’ ċittadini Torok li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti f’waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni u li, għaldaqstant, jibbenefikaw mid-drittijiet li din id-deċiżjoni tagħtihom” ( 14 ) u li, “bla ħsara għas-sitwazzjoni partikolari tal-membri tal-familja awtorizzati li jingħaqdu ma’ ħaddiem Tork diġà legalment preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru, l-imsemmija deċiżjoni għandha bħala għan essenzjali l-integrazzjoni progressiva tal-ħaddiema Torok għal dan tal-aħħar permezz tal-eżerċizzju ta’ impjieg regolari fil-prinċipju mingħajr interruzzjoni” ( 15 ).

18.

Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ukoll fuq ir-rabtiet bejn il-klawżola ta’ “Standstill” tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali u dik tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Minkejja formulazzjoni notevolment differenti ( 16 ), hija ddeċidiet li dawn iż-żewġ klawżoli jsegwu l-istess għan, jiġifieri l-implementazzjoni progressiva tal-moviment liberu tal-ħaddiema, tal-libertà ta’ stabbiliment jew tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi bil-projbizzjoni tal-introduzzjoni ta’ ostakoli ġodda sabiex il-kisba progressiva tal-imsemmija libertajiet ma ssirx iktar diffiċli ( 17 ). Għaldaqstant, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom l-istess tifsira ( 18 ), l-istess natura ( 19 ) u għandhom jiġu interpretati b’mod konverġenti ( 20 ). Għalhekk ma hemmx raġuni li tiġi rrikonoxxuta portata inqas wiesgħa tal-klawżola ta’ “Standstill” dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fil-konfront tal-ekwivalenti tagħha dwar il-libertà ta’ stabbiliment jew dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ( 21 ). Peress li l-kunsiderazzjonijiet espressi mill-Qorti tal-Ġustizzja marbuta mal-klawżola ta’ “Standstill” tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali huma wkoll validi fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, “[i]l-portata tal-obbligu ta’ ‘standstill’ li jinsab f’dan l-Artikolu 13 għandha tinfirex bl-istess mod għal kwalunkwe ostakolu ġdid għall-moviment liberu tal-ħaddiema li jaggrava l-kundizzjonijiet eżistenti f’data partikolari” ( 22 ).

19.

Ladarba l-Qorti tal-Ġustizzja tkun stabbilixxiet l-effett dirett tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u tkun ippreċiżat li l-portata tiegħu kellha tkun l-istess bħal dik tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, kien jonqos li tiġi ddeterminata l-importanza ta’ dan. Għall-Qorti tal-Ġustizzja, il-klawżola ta’ “Standstill”“ma toperax bħala regola sostantiva, billi tirrendi inapplikabbli l-liġi sostantiva rilevanti li tissostitwixxi, iżda bħala regola ta’ natura kważi proċedurali, li tistabbilixxi, ratione temporis, liema huma d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li għandhom jiġu kkunsidrati meta tkun qed tiġi evalwata s-sitwazzjoni ta’ ċittadin Tork li jixtieq jagħmel użu” mill-moviment liberu tal-ħaddiema fi Stat Membru ( 23 ). Din tinkludi obbligu aċċettat mill-partijiet kontraenti li legalment ifisser dmir li ma titteħidx azzjoni ( 24 ).

20.

Il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament fakkret ukoll li l-klawżola ta’ “Standstill”, fiha nnifisha, ma toħloqx drittijiet ( 25 ) u lanqas ma hija ta’ natura li fir-rigward ta’ ċittadin Tork toħloq dritt għall-eżerċizzju ta’ attività bħala persuna impjegata jew dritt ta’ residenza li jikkostitwixxi l-korollarju ( 26 ), peress li d-dritt ta’ dħul fit-territorju ta’ Stat Membru ma jistax jiġi dedott mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni iżda, għall-kuntrarju, jibqa’ rregolat mid-dritt nazzjonali ( 27 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk irrikonoxxiet li “[d]-Deċiżjoni Nru 1/80 bl-ebda mod ma taffettwa l-kompetenza tal-Istati Membri li jirrifjutaw lil ċittadin Tork id-dritt li jidħol fit-territorju tagħhom u li hemmhekk jokkupa l-ewwel xogħol imħallas” ( 28 ). Din tirregola, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni tal-ħaddiema Torok diġà regolarment integrati fis-suq tax-xogħol tal-Istati Membri ( 29 ). Iżda, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ammettiet li l-klawżola ta’ “Standstill” tista’ tikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza taċ-ċittadini Torok fit-territorju tal-Istati Membri sa fejn din tikkostitwixxi l-korollarju tal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika ( 30 ).

21.

Konkretament, l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprojbixxi b’mod ġenerali l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe miżura interna ġdida li jkollha l-għan jew l-effett li tissuġġetta l-eżerċizzju minn ċittadin Tork tal-moviment liberu tal-ħaddiema fit-territorju nazzjonali għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk applikabbli fid-data ta’ dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80 fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat ( 31 ). Din l-istess dispożizzjoni tipprekludi wkoll l-introduzzjoni fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, mid-data tad-dħul fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat tad-Deċiżjoni Nru 1/80, ta’ kwalunkwe restrizzjoni ġdida għall-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema, inklużi dawk li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet dwar il-mertu u/jew dwar proċedura fir-rigward tal-ewwel ammissjoni fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru taċ-ċittadini Torok li jixtiequ jagħmlu użu minn din il-libertà ( 32 ).

22.

F’dan l-istadju tal-analiżi, nikkonstata li l-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx li, indirettament, il-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza tal-membri, li ma jibbenefikawx minn drittijiet skont id-Deċiżjoni Nru 1/80, tal-familja ta’ ċittadini Torok ekonomikament attivi, jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ “Standstill”, bil-kundizzjoni li tkun stabbilita rabta bejn l-eżerċizzju tal-attività ekonomika ta’ dawn tal-aħħar u l-imsemmi dħul u l-imsemmija residenza. Issa, hija preċiżament din ir-rabta li ġiet ikkonfermata fis-sentenza Dogan ( 33 ).

2. Dimensjoni soċjali tad-Deċiżjoni Nru 1/80, “dimensjoni ekonomika” tar-riunifikazzjoni tal-familja u obbligu ta’ “Standstill”

23.

It-tema tar-riunifikazzjoni tal-familja, fil-fatt, ma hijiex injorata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija dwar il-klawżoli ta’ “Standstill” fil-kuntest tal-assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija (iktar ’il quddiem l-“Assoċazzjoni KEE-Turkija”). Fid-dawl tar-rabta konsustanzjali li teżisti bejn l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika u d-drittijiet mogħtija liċ-ċittadini Torok li jeżerċitawhom fit-territorju ta’ Stat Membru, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[r]-riunifikazzjoni tal-familja ma tikkostitwixxix dritt għall-membri tal-familja tal-ħaddiem immigrant Tork, iżda tiddependi, għall-kuntrarju, minn deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali meħuda biss b’applikazzjoni tal-liġi tal-Istat Membru kkonċernat, bla ħsara għall-kundizzjoni li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali” ( 34 ). Għaldaqstant, id-Deċiżjoni Nru 1/80 arrikkixxiet b’mod ċar l-Assoċjazzjoni KEE-Turkija b’dimensjoni soċjali ( 35 ). L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 barra minn hekk jagħmel parti mid-“dispożizzjonijiet soċjali” tal-imsemmija deċiżjoni li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa evidenza tal-fatt li l-moviment liberu tal-ħaddiema, li kellu jinkiseb gradwalment, laħaq “pass ieħor” ( 36 ). Bl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet “soċjali” tad-Deċiżjoni Nru 1/80, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li r-riunifikazzjoni tal-familja li jibbenefikaw minnha l-ħaddiema Torok li jagħmlu parti mis-suq tax-xogħol tal-Istati Membri tikkontribwixxi kemm għat-titjib tal-kwalità tar-residenza tagħhom kif ukoll għall-integrazzjoni tagħhom f’dawn l-Istati u, minħabba dan, tippromwovi l-koeżjoni ekonomika u soċjali tas-soċjetà kkonċernata ( 37 ). Madankollu, din ir-riunifikazzjoni tal-familja ma hijiex inkundizzjonata u l-affermazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha titqiegħed fil-kuntest tas-sentenza tagħha Dülger ( 38 ). Issa, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar l-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 li jelenka d-drittijiet tal-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork la jagħmel parti mis-suq regolari tax-xogħol li ġew awtorizzati jingħaqdu miegħu. Għalkemm, f’kuntest ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Deċiżjoni Nru 1/80 ma tagħmilx l-aċċess tagħhom għat-territorju ta’ Stat Membru fir-rigward tar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ ħaddiem Tork diġà legalment preżenti f’dan l-Istat dipendenti fuq l-eżerċizzju ta’ attività bħala persuna impjegata ( 39 ), din ippreċiżat, fir-rigward b’mod partikolari tal-Artikolu 13 tal-imsemmija deċiżjoni, li dan tal-aħħar jirreferi “għall-ħaddiema u għall-membri tal-familja tagħhom li jinsabu fit-territorju rispettiv tagħhom f’sitwazzjoni regolari fir-rigward tar-residenza u tal-impjieg” ( 40 ).

24.

Issa, infakkar f’dan l-istadju tal-analiżi li r-rikorrent fil-kawża prinċipali għadu ma jinsabx fit-territorju Daniż, iżda jitlob li jingħaqad ma’ missieru. Is-sitwazzjoni tiegħu ma hijiex koperta mill-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u huwa stess għalhekk ma jistax jinvoka l-Artikolu 13 tal-imsemmija deċiżjoni.

25.

Is-sentenza Dogan ( 41 ), li l-Gvern Daniż appella li tinqaleb għaliex tikkostitwixxi ksur fil-konfront tal-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, taqa’ taħt il-linja ta’ din tal-aħħar. Din is-sentenza ma rrikonoxxietx dritt awtonomu għar-riunifikazzjoni tal-familja għall-membri tal-familja tal-ħaddiema Torok, u lanqas ma rrikonoxxiet lill-konjuġi tal-imsemmi ħaddiem, li ma kinitx għadha daħlet fit-territorju tal-Istat Membru fejn dan jeżerċita l-libertà ekonomika tiegħu, id-dritt li tinvoka l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, bħalma barra minn hekk kont stedintha jien, li dan l-artikolu seta’ jiġi invokat biss miċ-ċittadin Tork ekonomikament attiv, stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru u għalhekk l-uniku benefiċjarju tad-drittijiet stabbiliti mit-testi li jirregolaw il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija ( 42 ). Barra minn hekk, ma huwiex partikolarment innovattiv li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, dejjem fis-sentenza tagħha Dogan ( 43 ), li l-klawżola ta’ “Standstill” setgħet tiġi invokata fil-konfront ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-kundizzjonijiet ta’ dħul fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja tal-konjuġi ta’ ċittadin Tork stabbilit f’dan l-Istat Membru. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kienet aċċettat tali invokabbiltà fis-sentenza Toprak u Oguz ( 44 ).

26.

Fir-rigward tar-ritorn mixtieq mill-Gvern Daniż għall-ġurisprudenza Demirkan ( 45 ), għandu jiġi kkonstatat li dan il-preċedent ma huwiex rilevanti għall-kawża hawnhekk. Dak il-każ jirrigwarda bint il-konjuġi minn unjoni preċedenti, ta’ nazzjonalità Torka, li xtaqet tingħaqad mar-raġel ta’ ommha, ċittadin u residenti Ġermaniż, fil-Ġermanja u l-kwistjoni dwar jekk setax jitqies li hija setgħet tinvoka l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali sa fejn hija, ladarba waslet fit-territorju Ġermaniż, ma kinitx ser tipprovdi, iżda kienet ser tkun benefiċjarja ta’ servizzi. F’din il-kawża u għall-kuntrarju ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, ma kienx hemm inkwistjoni ħaddiem Tork diġà stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru u li hemmhekk diġà jeżerċita libertà ekonomika.

27.

Minkejja n-natura “soċjali” tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 1/80, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk, fil-ġurisprudenza tagħha, ma neħħietx għalkollox ir-rabta bejn l-eżerċizzju ta’ libertà ekonomika u d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja. Għalhekk, bħalma diġà kelli l-okkażjoni li nikkonstata, huwa biss sa fejn il-leġiżlazzjoni fil-qasam tar-riunifikazzjoni tal-familja taffettwa s-sitwazzjoni tal-ħaddiema Torok li jkun hemm lok li din tiddaħħal fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ( 46 ).

28.

Issa, fid-dawl ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Dogan ( 47 ), id-deċiżjoni ta’ ċittadin Tork li jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea biex fih jeżerċita attività bħala persuna impjegata b’mod stabbli tista’ tiġi influwenzata negattivament meta l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru trendi diffiċli jew impossibbli r-riunifikazzjoni tal-familja, b’mod li l-imsemmi ċittadin jista’ jiġi obbligat li jagħżel bejn l-attività tiegħu fl-Istat Membru kkonċernat u l-ħajja ta’ familja tiegħu fit-Turkija.

29.

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li jiġi konkluż li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn huwa stabbilit li din tagħmel iktar diffiċli r-riunifikazzjoni tal-ħaddiem impjegat Tork, stabbilit regolarment fit-territorju ta’ Stat Membru, mal-ulied minuri tiegħu billi tagħmel il-kundizzjonijiet tal-ewwel ammissjoni tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat iktar iebsa fil-konfront ta’ dawk applikabbli fil-mument tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ( 48 ), tikkostitwixxi restrizzjoni ġdida għall-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema Torok, fis-sens tal-Artikolu 13 tal-imsemmija deċiżjoni.

B – Fuq it-tielet u r-raba ’ domandi

30.

Permezz tat-tielet u r-raba’ domandi tagħha li wkoll ser neżaminahom flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk restrizzjoni ġdida, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tistax tiġi ġġustifikata u, jekk dan huwa l-każ, hija tistaqsi dwar il-kundizzjonijiet li fihom għandha tiġi evalwata n-natura proporzjonata. Għalkemm dan il-kompitu, fil-prinċipju, huwa rriżervat lill-qrati nazzjonali, il‑qorti tar-rinviju tistieden b’mod ċar lill-Qorti tal-Ġustizzja tieħu pożizzjoni dwar it-test ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-Artikolu 9(13) tal-liġi dwar il-barranin. Madankollu, qabel ma tittieħed pożizzjoni dwar dan il-punt, għandu jiġi ddeterminat jekk hemmx preżenza ċara ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika r-restrizzjoni l-ġdida.

1. Fuq il-promozzjoni ta’ integrazzjoni b’suċċess bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali

31.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li restrizzjoni li “jkollha l-għan jew l-effett li tissuġġetta l-eżerċizzju min-naħa ta’ ċittadin Tork tal-moviment liberu tal-ħaddiema fit-territorju nazzjonali għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80 hija pprojbita ħlief sakemm tirrileva limitazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 14 ta’ din id-deċiżjoni jew sakemm tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan leġittimu li jkun irid jintlaħaq u ma tkunx tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarji sabiex dan jintlaħaq” ( 49 ). Skont il-konverġenza fl-interpretazzjoni li tipprevali bejn il-klawżoli ta’ “Standstill”, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat dan l-approċċ fis-sentenza Dogan ( 50 ) rigward restrizzjonijiet ġodda fis-sens tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat b’mod ċar li restrizzjoni ġdida tista’ tiġi ġġustifikata mhux biss mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, jiġifieri l-ordni pubbliku, is-sigurtà u s-saħħa pubbliċi, iżda wkoll minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li huma raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni ta’ ostakoli magħrufa sew fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-libertajiet fundamentali. Għalkemm fis-sentenza Demir ( 51 ), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-għan ta’ prevenzjoni ta’ dħul u ta’ residenza irregolari jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, din ħalliet il-kwistjoni miftuħa rigward il-prevenzjoni taż-żwiġijiet forzati u l-promozzjoni tal-integrazzjoni fis-sentenza Dogan ( 52 ).

32.

Issa, f’din il-kawża, il-Gvern Daniż isostni li l-Artikolu 9(13) tal-liġi dwar il-barranin għandu jitqies li huwa ġġustifikat minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, jiġifieri li tiġi ggarantita integrazzjoni b’suċċess.

33.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tidhirx partikolarment eżiġenti fir-rigward tal-istabbiliment ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ( 53 ). Nosserva li, fis‑sentenza Demir ( 54 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkuntentat ruħha b’konstatazzjoni, li ma kinitx ippreċeduta minn prova. Minbarra dan, bħalma osservajt iktar ’il fuq, din lanqas ma ħadet pożizzjoni dwar dan il-punt fis-sentenza Dogan ( 55 ).

34.

Qed inxaqleb sabiex nikkunsidra li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taġixxi b’dan il-mod, huwa wkoll biex tirrikonoxxi l-marġni ta’ manuvra li għandhom l-Istati Membri f’dan il-qasam. Minħabba dawn il-kunsiderazzjonijiet, qed inxaqleb ukoll li naċċetta li, fiha nnifisha, il-promozzjoni ta’ integrazzjoni b’suċċess tista’ tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, u dan speċjalment meta l-għoqda Gordjana ta’ din il-kawża tinsab iktar fin-natura adegwata, neċessarja u proporzjonata tar-restrizzjoni l-ġdida milli fir-raġuni ta’ ġustifikazzjoni ta’ din tal-aħħar.

35.

Għall-finijiet kollha utli, għalhekk ser nillimita ruħi li ninnota li t-tħassib dwar l-integrazzjoni ma huwiex barrani għad-dritt tal-Unjoni ( 56 ) u li dan ma jidhirx, inkwantu tali, kuntrarju għall-għan imfittex mill-Assoċjazzjoni KEE‑Turkija. Ir-raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali invokata mill-Gvern Daniż għalhekk, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, tidher ammissibbli.

2. L-Artikolu 9(13) tal-liġi dwar il-barranin huwa xieraq biex jiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq?

a) Determinazzjoni tal-portata tat-test ta’ proporzjonalità

36.

B’mod preliminari, għandha tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju li tistaqsi jekk it-test ta’ proporzjonalità li għandu jitwettaq, sabiex jiġi ddeterminat sa fejn restrizzjoni ġdida fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 hija ammissibbli, għandux jixbah dak li jista’ jitwettaq fil-kuntest tal-istħarriġ tal-osservanza tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

37.

Dwar dan il-punt, jidhirli loġiku nikkonferma li t-test li għandu jiġi applikat huwa dak li jipprevali f’każ ta’ ksur ta’ waħda mil-libertajiet ekonomiċi stabbiliti mit-Trattat. Dan jirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni nnifisha tal-imsemmi test bħalma ġie fformulat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha Demir ( 57 ) u Dogan ( 58 ). Dan huwa spjegat ukoll mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja manifestament u volontarjament għażlet li tibbaża r-raġunament tagħha, b’mod partikolari fis-sentenza Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:2066), mhux fuq il-qasam tad-drittijiet fundamentali, iżda, għall-kuntrarju, fuq dak tal-libertajiet ekonomiċi bħal dawk li jibbenefikaw minnhom iċ-ċittadini Torok fil-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-Assoċjazzjoni KEE-Turkija u li għalihom ir-riunifikazzjoni tal-familja tidher biss bħala “korollarja” jew “estensjoni” ( 59 ).

38.

Għal darba oħra ( 60 ), li jitqies li l-Artikolu 9(13) tal-liġi dwar il-barranin jikkostitwixxi restrizzjoni ġdida fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma jfissirx li jxekkel b’mod dirett id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja tal-missier tar-rikorrent fil-kawża prinċipali. Għall-kuntrarju, dan ifisser li l-possibbiltà offerta lilu li jeżerċita attività bħala persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni u li jżomm din l-attività tista’ tiġi affettwata mill-fatt li ibnu l-minuri, li għandu l-kustodja legali tiegħu, ma jkunx jista’ jew ser ikun jista’ iktar diffiċilment jingħaqad miegħu. Bħalma l-analiżi dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni ġdida dejjem twettqet permezz tal-priżma tal-moviment liberu tal-ħaddiem Tork li huwa l-missier tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, il-ġustifikazzjoni possibbli tal-imsemmija restrizzjoni għandha tiġi eżaminata fl-istess kundizzjonijiet li fihom huma eżaminati l-ostakoli għal dan il-moviment liberu.

39.

It-traspożizzjoni, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tat-test li l-Qorti tal-Ġustizzja tapplika fil-preżenza ta’ ostakolu ma jidhirlix li tmur ’il bogħod wisq fl-assimilazzjoni bejn id-drittijiet rikonoxxuti lill-ħaddiema Torok u dawk irrikonoxxuti liċ-ċittadini tal-Unjoni, peress li, fi kwalunkwe każ, il-partijiet fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni qablu li jispiraw ruħhom mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal‑ħaddiema ( 61 ) u li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipji aċċettati fil-kuntest tal-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom jiġu trasposti, sa fejn possibbli, għaċ-ċittadini Torok li jibbenefikaw mid-drittijiet irrikonoxxuti mid-Deċiżjoni Nru 1/80 ( 62 ).

40.

Wara li dan ġie ppreċiżat, issa ngħaddi għall-eżami tal-Artikolu 9(13) tal-liġi dwar il-barranin.

b) Applikazzjoni f’dan il-każ

41.

Skont il-kliem tal-qorti tar-rinviju u l-osservazzjonijiet tal-Gvern Daniż, l-Artikolu 9(13) tal-liġi dwar il-barranin jeżiġi li l-wild minuri, li jippreżenta applikazzjoni għal permess ta’ residenza sabiex jingħaqad ma’ wieħed mill-ġenituri tiegħu diġà stabbilit fit-territorju Daniż, ikollu jew jista’ jkollu rabta suffiċjenti mad-Danimarka biex tkun tista’ ssir integrazzjoni b’suċċess. Dan ir-rekwiżit, impost għall-ulied minuri li għandhom iktar minn 6 snin ( 63 ), huwa meħtieġ biss fir-rigward tal-applikazzjonijiet ippreżentati mill-inqas sentejn wara li l-ġenitur residenti fid-Danimarka jkun irċieva l-permess ta’ residenza definittiv tiegħu u fil-każ fejn il-wild minuri jirrisjedi fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu mal-ġenitur l-ieħor. Skont it-termini tal-leġiżlatur Daniż, l-għan ta’ tali rekwiżit huwa li jipprekludi li l-ġenituri jagħżlu li jħallu l-wild minuri fil-pajjiż ta’ oriġini, b’mod li dan jirċievi fih edukazzjoni konformi mal-kultura tal-imsemmi pajjiż u ma jiġix influwenzat bir-regoli u bil-valuri Daniżi.

42.

Kemm mill-kummenti spjegattivi tal-abbozz ta’ liġi dwar il-barranin kif ukoll min-noti dwar il-prassi, riprodotti parzjalment fil-proċess, jirriżulta li sabiex jiġi ddeterminat jekk l-applikant għandux rabta suffiċjenti mad-Danimarka, l-evalwazzjoni li għandha titwettaq mill-awtoritajiet kompetenti Daniżi hija evalwazzjoni diskrezzjonali, li tqis diversi kriterji sabiex tistabbilixxi tip ta’ dijanjosi u/jew tbassir dwar il-possibbiltajiet ta’ integrazzjoni tal-applikant.

43.

Għal dan l-għan, għandha titqies l-informazzjoni disponibbli kollha dwar it-tul u dwar in-natura tar-residenzi tal-wild minuri fid-Danimarka u fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, dwar il-post fejn qatta’ l-parti l-kbira ta’ tfulitu, dwar il-post fejn mar l-iskola ( 64 ) u dwar il-lingwi li jitkellem tajjeb. L-awtoritajiet Daniżi għandhom jiddeterminaw ukoll jekk il-livell ta’ influwenza tal-valuri u tar-regoli Daniżi huwiex suffiċjenti sabiex teżisti jew tkun tista’ teżisti rabta suffiċjenti mas-soċjetà Daniża. Għandu jitqies ukoll il-livell ta’ integrazzjoni u ta’ tar-rabta stretta tal-ġenitur diġà preżenti fid-Danimarka mal-imsemmija soċjetà u tan-natura reali tar-relazzjonijiet tiegħu mal-applikant ( 65 ).

44.

L-awtoritajiet Daniżi huma miċħuda mis-setgħa diskrezzjonali tagħhom f’sensiela ta’ każijiet eċċezzjonali li għalihom ma tkunx meħtieġa prova ta’ rabta suffiċjenti mad-Danimarka biex tkun tista’ titwettaq integrazzjoni b’suċċess f’dan il-pajjiż. Il-permess ta’ residenza, fil-prinċipju, jingħata lill-wild minuri, minkejja li l-applikazzjoni tiġi ppreżentata iktar minn sentejn wara li l-ġenitur diġà preżenti f’dan l-Istat Membru jkun irċieva l-permess ta’ residenza tiegħu, fil-każijiet li ġejjin, jiġifieri jekk l-imsemmi wild minuri, il-ġenitur residenti fl-Istat ta’ oriġini jew il-ġenitur residenti fid-Danimarka jkun marid jew ikollu diżabbiltà serja, jekk il-ġenitur residenti fid-Danimarka ma kellux għarfien sa dakinhar dwar il-post eżatt ta’ residenza tal-wild minuri; jekk il-ġenitur residenti fid-Danimarka minn dak iż-żmien kien jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-manteniment jew ta’ domiċilju; jekk il-ġenitur residenti fid-Danimarka, fi kwalunkwe każ, ma jistax jirrisjedi fl-Istat ta’ oriġini u ta’ residenza tal-wild minuri tiegħu jew jekk ir-rifjut tar-riunifikazzjoni tal-familja kien jidher li jmur kontra l-impenji internazzjonali tad-Danimarka jew l-aħjar interessi tal-wild minuri, fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ New York dwar id-drittijiet tat-tfal, iffirmata fl-20 ta’ Novembru 1989 u rratifikata mill-Istati Membri kollha.

45.

Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni għandha tiġi rrifjutata jekk l-awtoritajiet jikkonstataw li l-ġenitur residenti fid-Danimarka jkun żamm lura deliberatament milli jġib lill-wild minuri sabiex dan jirċievi edukazzjoni konformi mal-kultura tal-pajjiż ta’ oriġini. Għalhekk titqies l-età tal-applikant, peress li l-possibbiltà ta’ talba għar-riunifikazzjoni tal-familja hija miftuħa sakemm l-imsemmi applikant ikollu 15‑il sena.

46.

Spjegata b’dan il-mod, ir-ratio legis tal-Artikolu 9(13) tal-liġi dwar il-barranin tidher meqjusa peress li l-awtoritajiet Daniżi, filwaqt li jipproċedu għal interpretazzjoni diskrezzjonali ta’ kull każ, għandhom iqisu diversi kriterji. Barra minn hekk, f’ċerti każijiet, ma huwiex meħtieġ li tiġi prodotta l-prova tar-realtà jew tal-possibbiltà ta’ rabta suffiċjenti mas-soċjetà Daniża.

47.

Il-Gvern Daniż isostni li din l-assenza ta’ natura awtomatika fir-rekwiżit ta’ rabta suffiċjenti hija biżżejjed biex il-leġiżlazzjoni inkwistjoni titqies li hija proporzjonata, konformement ma’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Dogan ( 66 ). Għalkemm huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’din is-sentenza, iddeċidiet li dispożizzjoni li tipprevedi li n-nuqqas ta’ prova ta’ konoxxenzi lingwistiċi suffiċjenti jwassal awtomatikament għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ, tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex ( 67 ), wieħed ma jistax jiddeduċi li miżura li tipprevedi tali eżami tal-imsemmija ċirkustanzi tirnexxi, b’din il-kundizzjoni biss, fil-prova ta’ proporzjonalità ( 68 ).

48.

Peress li jeħtieġ li jiġi estiż ulterjorment ir-raġunament dwar in-natura proporzjonata tal-Artikolu 9(13) tal-liġi dwar il-barranin, huwa importanti li tiġi analizzata s-sistematika tiegħu. Issa, huwa ċar li kemm mit-test kif ukoll mill-prassi nazzjonali jirriżulta li dan l-artikolu jibbaża fuq preżunzjoni fundamentali, u, fil-fehma tiegħi, diffiċilment konfutabbli, tal-inkompatibbiltà tal-kulturi. Għall-wild minuri li twieled u trabba fi Stat terz, prattikament min-natura stess ma jkunx jista’ jiġi iktar integrat. Ninnota wkoll li mill-applikanti huwa meħtieġ li juru ċertu livell ta’ influwenza tar-regoli u tal-valuri Daniżi, li ma huma ddefiniti mkien. Issa, bis-suppożizzjoni li l-liġi dwar il-barranin tapplika għaċ-ċittadini Amerikani, pereżempju, l-awtoritajiet Daniżi jiġġudikaw bl-istess severità applikazzjoni “tardiva” ta’ riunifikazzjoni? Jikkundannaw, bl-istess ebusija, li l-wild minuri nżamm deliberatament għall-itwal żmien possibbli fil-kultura ta’ oriġini tiegħu, li għalhekk jitnaqqsu fix-xejn il-possibbiltajiet kollha tiegħu ta’ integrazzjoni?

49.

Nammetti għalhekk li m’iniex konvint bil-konnessjoni li hija stabbilita bejn residenza twila fi Stat terz u integrazzjoni impossibbli. Ma għandniex ninsew li s-sitwazzjoni ekonomika ta’ dawn il-familji spiss tispjega l-assenza ta’ residenzi iktar frekwenti fl-Ewropa u li dan ma jirrigwardax biss għażla preferenzjali kulturali ipotetika iżda wkoll, u jista’ jkun fuq kollox, restrizzjoni ekonomika reali.

50.

M’iniex iktar konvint mid-distinzjoni li ssir, fis-sistemi ta’ applikazzjoni għal residenza, bejn l-applikazzjonijiet ippreżentati fis-sentejn wara l-għoti ta’ permess ta’ residenza lill-ġenitur residenti fid-Danimarka – aċċettati awtomatikament – u dawk ippreżentati wara dan it-terminu ta’ sentejn. Il-mogħdija ta’ dan it-terminu jidhirli li ma hijiex relatata mal-perspettivi ta’ integrazzjoni futura, speċjalment meta hawnhekk nitkellmu dwar ulied minuri. Jidhirli li hemmhekk hemm ċertu nuqqas ta’ koerenza bejn il-miżura nazzjonali u l-għan allegatament imfittex.

51.

Fil-fatt, nimmaġinaw li missier C. Genc ingħata l-permess ta’ residenza tiegħu għal żmien indeterminat meta ibnu kellu seba’ snin u nofs. Ejjew nimmaġinaw li ibnu qatt ma rrisjeda fid-Danimarka, qatta’ tfulitu kollha fit-Turkija u jitkellem bit-Tork biss, bħalma jidher li huwa l-każ fil-kawża prinċipali. Ejjew nimmaġinaw li dan il-wild minuri ppreżenta l-applikazzjoni tiegħu meta kellu 10 snin. Dawn is-sitt xhur supplimentari ( 69 ) mqatta’ fit-Turkija, huma ta’ natura li jibdlu f’dan il-punt il-possibbiltajiet ta’ integrazzjoni tal-wild minuri fis-soċjetà Daniża li, minn issa, teħtieġ li juri rabta suffiċjenti, filwaqt li, sakemm kellu disa’ snin u nofs, il-permess ta’ residenza tiegħu probabbilment kien jingħatalu mingħajr ma wieħed jista’ għaldaqstant jgħid li kellu rabta iktar stretta mad-Danimarka?

52.

Jekk l-Artikolu 9(13) tal-liġi dwar il-barranin għandu iktar l-għan ta’ ġlieda kontra s-sitwazzjonijiet ta’ riunifikazzjoni tardiva, għalhekk l-istabbiliment ta’ kriterju ta’ età jidhirli iktar xieraq, minkejja mhux suffiċjenti.

53.

Fl-aħħar nett, għalkemm, bħalma semmejt iktar ’il fuq, l-awtoritajiet Daniżi huma msejħa jistabbilixxu “dijanjosi” dwar l-istat ta’ influwenza tal-wild minuri, ninnota li din id-dijanjosi ma hija akkumpanjata minn ebda miżura “terapewtika”, jekk wieħed irid iħaddem il-metafora medika. Iktar milli jopponi rifjut li jibbaża fuq tbassir pessimist ta’ nuqqas ta’ integrazzjoni, forsi wieħed jista’ jimmaġina l-għoti ta’ permess ta’ residenza għal żmien determinat fejn it-tiġdid ikun ikkundizzjonat mill-attendenza, mill-wild minuri, għal korsijiet tal-lingwa jew għal edukazzjoni ċivika Daniżi.

54.

Ċertament, l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet Daniżi, fil-mument li jiddeċiedu li jagħtu permess ta’ residenza fuq il-bażi tal-Artikolu 9(13) tal-liġi dwar il-barranin, hija ggwidata minn diversi kriterji. Madankollu dawn tal-aħħar huma kemm numerużi wisq kif ukoll mhux preċiżi biżżejjed biex ikunu jistgħu jitbassru u tiġi evitata prassi amministrattiva ta’ rifjut sistematiku. Intenni li, pereżempju, inqis assolutament problematiku li r-regoli u l-valuri Daniżi ma humiex spjegati b’mod ċar. L-imsemmija kriterji li ser ikunu l-bażi tal-evalwazzjoni tal-awtoritajiet Daniżi huma elenkati fil-kummenti spjegattivi iżda, għall-parti l-kbira minnhom, hemm indikat li dawn ma humiex, meta meqjusa b’mod iżolat, determinanti ( 70 ) b’tali mod li wieħed jista’ jistaqsi jekk dawn humiex kumulattivi, li f’dan il-każ il-livell ta’ rekwiżit ikun għoli ħafna. Barra minn hekk, u bħalma rrilevajt, il-manipulazzjoni ta’ dawn il-kriterji ma hijiex neċessarjament koerenti għalkollox mal-għan imfittex, peress li ma jintweriex tassew kif in-nuqqas ta’ ssodisfar ta’ dawn il-kriterji jikkostitwixxi ostakolu serju u essenzjali għall-integrazzjoni b’suċċess tal-wild minuri.

55.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li r-restrizzjoni l-ġdida li jikkostitwixxi l-Artikolu 9(13) tal-liġi dwar il-barranin tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq l-għan ta’ integrazzjoni b’suċċess. Għalhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprekludi dispożizzjoni, introdotta wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija deċiżjoni, li timponi fuq l-ulied minuri, li jitolbu li jingħaqdu mal-ġenitur Tork tagħhom li jeżerċita attività bħala persuna impjegata fid-Danimarka, filwaqt li jkun għadda terminu ta’ sentejn wara li l-imsemmi ġenitur ikun irċieva l-permess ta’ residenza tiegħu, li juru li huma għandhom jew jista’ jkollhom rabta suffiċjenti ma’ dan l-Istat Membru.

III – Konklużjoni

56.

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposti li ġejjin għad-domandi magħmula mill-Østre Landsret (qorti tal-appell tar-reġjun tal-Lvant):

1)

Leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn huwa stabbilit li din tagħmel iktar diffiċli r-riunifikazzjoni tal-ħaddiem impjegat Tork, stabbilit regolarment fit-territorju ta’ Stat Membru, mal-ulied minuri tiegħu billi tagħmel il-kundizzjonijiet tal-ewwel ammissjoni tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat iktar iebsa fil-konfront ta’ dawk applikabbli fil-mument tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni, adottata mill-kunsill ta’ assoċjazzjoni stabbilit mill-ftehim dwar il-ħolqien ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, iffirmat, fit-12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963, tikkostitwixxi restrizzjoni ġdida għall-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema Torok, fis-sens tal-Artikolu 13 tal-imsemmija deċiżjoni.

2)

L‑Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprekludi dispożizzjoni, introdotta wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija deċiżjoni, li timponi fuq l-ulied minuri, li jitolbu li jingħaqdu mal-ġenitur Tork tagħhom li jeżerċita attività bħala persuna impjegata fid-Danimarka, filwaqt li jkun għadda terminu ta’ sentejn wara li l-imsemmi ġenitur ikun irċieva l-permess ta’ residenza tiegħu, li juru li huma għandhom jew jista’ jkollhom rabta suffiċjenti ma’ dan l-Istat Membru.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10.

( 3 ) Permezz tal-Liġi Nru 427 dwar l-emenda tal-liġi dwar il-barranin u tal-liġi dwar l-integrazzjoni (lov nr. 427 om ændring af udlændingeloven og integrationsloven), tad-9 ta’ Ġunju 2004.

( 4 ) Huwa għalhekk li l-Artikolu 9(13) tal-liġi dwar il-barranin kien ġie fformulat fil-mument tal-fatti wara l-emenda introdotta mil-Liġi Nru 324 dwar l-emenda tal-liġi dwar il-barranin, tal-liġi dwar il-konklużjoni u x-xoljiment taż-żwieġ u tal-liġi dwar ir-ripatrijazzjoni (lov nr. 324 af 18. maj 2005 om ændring af udlændingeloven, lov om ægteskabs indgåelse og opløsning og repatrieringsloven) tat-18 ta’ Mejju 2005. Din id-dispożizzjoni ġiet emendata wkoll fl-2012 u sussegwentement iddaħħlet fl-Artikolu 9(16) ta’ din il-liġi. Ser inkompli nirreferi, f’dawn il-konklużjonijiet, għall-Artikolu 9(13) tal-liġi dwar il-barranin, peress li dan jippersonifika l-istat tad-dritt Daniż applikabbli fil-mument meta l-amministrazzjoni ddeċidiet, għall-ewwel darba, dwar l-applikazzjoni ta’ C. Genc. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, sa minn din l-emenda leġiżlattiva adottata fl-2012, l-imsemmi artikolu ma għadux iktar applikabbli għall-applikazzjonijiet għal permess ta’ residenza ppreżentati minn, jew għal, ulied minuri taħt is-sitt snin.

( 5 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 41.

( 6 ) C‑138/13, EU:C:2014:2066.

( 7 ) C‑138/13, EU:C:2014:2066.

( 8 ) C‑221/11, EU:C:2013:583.

( 9 ) Fir-rigward tal-qasam ta’ applikazzjoni rispettiv tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li, għalkemm “dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom l-istess tifsira, kull waħda minnhom ingħatat qasam partikolari, b’mod li ma jistgħux japplikaw konġuntament” [sentenza Dereci et (C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata)].

( 10 ) Sentenza Savas (C‑37/98, EU:C:2000:224, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Sentenza Abatay et (C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572, punt 91).

( 12 ) Sentenza Ziebell (C‑371/08, EU:C:2011:809, punt 63).

( 13 ) Ara l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Ara, ukoll, is-sentenzi Savas (C‑37/98, EU:C:2000:224, punt 63); Ziebell (C‑371/08, EU:C:2011:809, punt 65); u Demirkan (C‑221/11, EU:C:2013:583, punt 50).

( 14 ) Sentenza Derin (C‑325/05, EU:C:2007:442, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Sentenza Abatay et (C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572, punt 90).

( 16 ) Sentenza Abatay et (C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:570, punt 69).

( 17 ) Ara s-sentenzi Abatay et (C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572, punt 72), Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (C‑92/07, EU:C:2010:228, punt 48), Toprak u Oguz (C‑300/09 u C‑301/09, EU:C:2010:756, punt 52) kif ukoll Dereci et (C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 94).

( 18 ) Sentenzi Abatay et (C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572, punt 70) kif ukoll Dereci et (C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 81).

( 19 ) Sentenzi Abatay et (C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572, punt 71) kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (C‑92/07, EU:C:2010:228, punt 48).

( 20 ) Sentenzi Toprak u Oguz (C‑300/09 u C‑301/09, EU:C:2010:756, punt 54) kif ukoll Dereci et (C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 94).

( 21 ) Sentenza Abatay et (C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572, punt 73).

( 22 ) Sentenza Toprak u Oguz (C‑300/09 u C‑301/09, EU:C:2010:756, punt 54).

( 23 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi Tum u Dari (C‑16/05, EU:C:2007:530, punt 55) kif ukoll Dereci et (C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 89).

( 24 ) Sentenzi Savas (C‑37/98, EU:C:2000:224, punt 47), Abatay et (C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572, punt 58); Tum u Dari (C‑16/05, EU:C:2007:530, punt 46), kif ukoll Dereci et (C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 87).

( 25 ) Sentenza Demirkan (C‑221/11, EU:C:2013:583, punt 58).

( 26 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi Savas (C‑37/98, EU:C:2000:224, punt 64) kif ukoll Abatay et (C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572, punt 62).

( 27 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Tum u Dari (C‑16/05, EU:C:2007:530, punt 54).

( 28 ) Sentenza Unal (C‑187/10, EU:C:2011:623, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 29 ) Ara s-sentenza Savas (C‑37/98, EU:C:2000:224, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 30 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Demirkan (C‑221/11, EU:C:2013:583, punt 55).

( 31 ) Ara s-sentenza Demir (C‑225/12, EU:C:2013:725, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għal konklużjoni simili misluta mill-Qorti tal-Ġustizzja marbuta mal-klawżola ta’ “Standstill” tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, ara s-sentenzi Savas (C‑37/98, EU:C:2000:224, punt 69); Abatay et (C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572, punt 66); Soysal u Savatli (C‑228/06, EU:C:2009:101, punt 47), kif ukoll Demirkan (C‑221/11, EU:C:2013:583, punt 39). Fl-aħħar nett, biex kollox ikun komplet, inżid li l-eżistenza ta’ restrizzjoni ġdida tiġi evalwata kemm fil-konfront tad-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80 fl-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll fil-konfront tal-leġiżlazzjoni iktar favorevoli adottata wara l-imsemmi dħul fis-seħħ, ara s-sentenzi Toprak u Oguz (C‑300/09 u C‑301/09, EU:C:2010:756, punti 49 u 56) kif ukoll Dereci et (C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 94).

( 32 ) Ara s-sentenza Demir (C‑225/12, EU:C:2013:725, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 33 ) C-138/13, EU:C:2014:2066.

( 34 ) Sentenza Derin (C‑325/05, EU:C:2007:442, punt 64).

( 35 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Pehlivan (C‑484/07, EU:C:2011:395, punt 45).

( 36 ) Sentenzi Abatay et (C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572, punt 77) kif ukoll Dülger (C‑451/11, EU:C:2012:504, punt 48).

( 37 ) Ara s-sentenzi Dülger (C‑451/11, EU:C:2012:504, punt 42) u Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:2066, punt 34).

( 38 ) C‑451/11, EU:C:2012:504.

( 39 ) Ara s-sentenza Abatay et (C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572, punt 82).

( 40 ) Sentenza Abatay et (C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572, punt 84).

( 41 ) C‑138/13, EU:C:2014:2066.

( 42 ) Ara l-punt 32 tas-sentenza Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:2066) u l-punti 20 et seq tal-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża (C‑138/13, EU:C:2014:287).

( 43 ) C‑138/13, EU:C:2014:2066.

( 44 ) C‑300/09 u C‑301/09, EU:C:2010:756.

( 45 ) C‑221/11, EU:C:2013:583.

( 46 ) Ara l-punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:287).

( 47 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:2066, punt 35).

( 48 ) Ara l-punt 2.6 tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Għalkemm jikkontesta li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jista’ jiġi applikat għal dan it-tip ta’ leġiżlazzjoni, il-Gvern Daniż irrikonoxxa, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 9(13) tal-liġi dwar il-barranin, introdott fl-2004, jagħmel il-leġiżlazzjoni iktar iebsa minn dik preċedenti u, għalhekk, jikkostitwixxi restrizzjoni ġdida.

( 49 ) Sentenza Demir (C‑225/12, EU:C:2013:725, punt 40).

( 50 ) Ara l-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:287) u l-punt 37 tas-sentenza Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:2066).

( 51 ) Sentenza Demir (C‑225/12, EU:C:2013:725, punt 41).

( 52 ) Ara l-punt 38 tas-sentenza Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:2066).

( 53 ) F’dan ir-rigward, setgħet tiġi kkritikata għal ċertu nuqqas ta’ severità: ara Hatzopoulos, V., “Exigences essentielles, impératives ou impérieuses: une théorie, des théories ou pas de théorie du tout?”, Revue trimestrielle de droit européen, 1998, p. 191; Martin, D., “Discriminations, entraves et raisons impérieuses dans le traité CE: trois concepts en quête d’identité”, Cahiers de droit européen, 1998, p. 261 u p. 561; Barnard, C., “Derogations, justifications and the four freedoms: is state interest really protected?” f’The outer limits of European Union law, Hart Publishing, 2009, p. 273.

( 54 ) C‑225/12, EU:C:2013:725.

( 55 ) C‑138/13, EU:C:2014:2066. Għal lista mhux eżawrjenti ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, ara, b’mod partikolari, il-premessa 40 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36).

( 56 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 79(4) TFUE. Il-promozzjoni ta’ integrazzjoni b’suċċess tista’ titqarreb ukoll lejn l-għan ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali msemmi mhux biss fl-Artikolu 4(2)(ċ) TFUE u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 174 TFUE, iżda wkoll fil-premessi 4 u 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224). Ninnota wkoll li l-Avukat Ġenerali Kokott, f’kuntest ieħor, ammettiet li leġiżlazzjoni li tipprevedi l-integrazzjoni tal-persuni li jibbenefikaw mir-riunifikazzjoni tal-familja ssegwi għanijiet leġittimi [ara l-punti 33 u 34 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża K u A (C‑153/14, EU:C:2015:186)].

( 57 ) C‑225/12, EU:C:2013:725.

( 58 ) C‑138/13, EU:C:2014:2066.

( 59 ) Gazin, F., “Regroupement familial dans le cadre de l’accord d’association UE‑Turquie”, Europe, Ottubru 2014, kumment 394.

( 60 ) Ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 61 ) Ara l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

( 62 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi Nazli (C‑340/97, EU:C:2000:77, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Ziebell (C‑371/08, EU:C:2011:809, punti 58, 66 u 68).

( 63 ) Wara l-emenda leġiżlattiva adottata fl-2012.

( 64 ) Madankollu, minn nota li tiddeskrivi l-prassi dwar l-Artikolu 9(13) tal-liġi dwar il-barranin, riprodotta parzjalment fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jirriżulta li residenza jew perijodu ta’ skola fid-Danimarka għal inqas minn sena ma jitqisux.

( 65 ) Madankollu, il-fatt li l-ġenitur diġà preżenti fid-Danimarka jkollu l-kustodja legali tal-wild minuri ma huwiex determinanti. Jidher ukoll li, fil-prattika, ma tingħatax importanza għall-fatt dwar jekk l-ulied minuri li ngħaqdu diġà mal-ġenitur tagħhom preżenti fit-territorju Daniż irnexxewx, jew le, fl-integrazzjoni tagħhom.

( 66 ) C‑138/13, EU:C:2014:2066.

( 67 ) Ara s-sentenza Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:2066, punt 38).

( 68 ) Huwa interessanti wkoll li jiġi nnotat li r-rappreżentant ta’ C. Genc, waqt is-seduta, sostna li ma ngħatat l-ebda dispensa biex tintwera rabta suffiċjenti mas-soċjetà Daniża u li, fil-prattika, it-talbiet kollha bbażati fuq l-Artikolu 9(13) tal-liġi dwar il-barranin kienu ġew miċħuda.

( 69 ) Fir-rigward tad-data sakemm huwa seta’ jippreżenta applikazzjoni mingħajr ma tkun meħtieġa l-prova ta’ rabta suffiċjenti.

( 70 ) Dan huwa, fi kwalunkwe każ, dak li jirriżulta min-nota li tiddeskrivi l-prassi tal-2007.

Top