Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0554

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fit-3 ta’ Mejju 2016.
    Proċeduri kriminali kontra Atanas Ognyanov.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Sofiyski gradski sad.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI – Artikolu 17 – Dritt li jirregola l-eżekuzzjoni ta’ kundanna – Interpretazzjoni ta’ regola nazzjonali tal-Istat ta’ eżekuzzjoni li tipprovdi għal tnaqqis tal-piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà minħabba x-xogħol imwettaq mill-persuna kkundannata matul l-inkarċerazzjoni tagħha fl-Istat emittenti – Effetti legali tad-deċiżjonijiet qafas – Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi.
    Kawża C-554/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:319

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOT

    ippreżentati fit-3 ta’ Mejju 2016 ( 1 )

    Kawża C‑554/14

    Proċeduri kriminali

    vs

    Atanas Ognyanov

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofia, il-Bulgarija)]

    “Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI — Artikolu 17 — Dritt li jirregola l‑eżekuzzjoni ta’ miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà — Regola nazzjonali tal-Istat ta’ eżekuzzjoni li tipprovdi għat-tnaqqis tal-piena minħabba xogħol imwettaq mill-persuna kkundannata matul id-detenzjoni tagħha fl-Istat emittenti — Ammissibbiltà — Prinċipju ta’ territorjalità tal-liġi kriminali — Prinċipju tal-individwalizzazzjoni tal-piena — Għan tar-riabilitazzjoni soċjali tal‑persuna kkonċernata — Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi”

    I – Introduzzjoni

    1.

    Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jistieden lill-Qorti tal‑Ġustizzja tanalizza aspett tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali li sal-lum ftit ġie żviluppat mill-ġurisprudenza. Dan jirrigwarda d-dritt u l-modalitajiet applikabbli għall-eżekuzzjoni ta’ priġunerija meta persuna kkundannata tiġi ttrasferita, abbażi tad‑Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI ( 2 ), mill-Istat Membru tal-kundanna ( 3 ) lejn l-Istat Membru ta’ oriġini jew ta’ residenza tiegħu ( 4 ).

    2.

    B’mod partikolari, is-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofia, Il-Bulgarija) tistaqsi dwar ir-regoli applikabbli għall-għoti ta’ tnaqqis tal‑piena.

    3.

    Permezz tas-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2012, Atanas Ognyanov, ċittadin Bulgaru, ġie kkundannat mill-awtoritajiet ġudizzjarji Daniżi għal priġunerija ta’ ħmistax-il sena minħabba t-twettiq ta’ serq aggravat u qtil fit-territorju Daniż. Dan tqiegħed f’detenzjoni f’ħabs Daniż mill-10 ta’ Jannar 2012 sal‑1 ta’ Ottubru 2013, id-data li fiha huwa ġie ttrasferit lill-awtoritajiet ġudizzjarji Bulgari.

    4.

    A. Ognyanov ħadem matul id-detenzjoni tiegħu fid-Danimarka.

    5.

    Is-Sofiyskir gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofia) illum hija mitluba tiddeċiedi dwar kwistjonijiet relatati mal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ din il-piena, u b’mod partikolari dwar il-kumplament tal-piena li għadha trid tiġi eżegwita. Huwa f’dan il-kuntest li tqajmet il‑kwistjoni ta’ tnaqqis tal-piena minħabba xogħol imwettaq mill‑persuna kkonċernata matul id-detenzjoni tagħha fid-Danimarka.

    6.

    Billi l-leġiżlazzjoni Daniża ma tippermettix li jingħata tali tnaqqis tal-piena, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hija għandhiex dritt, skont il-ġurisprudenza tal-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema ta’ kassazzjoni, Il-Bulgarija), tapplika l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha li hija iktar favorevoli għall-perijodu ta’ detenzjoni mwettaq minn A. Ognyanov fid-Danimarka. Fil-fatt, b’applikazzjoni tan-Nakazatelen Kodeks (Kodiċi Kriminali Bulgaru) ( 5 ), jumejn xogħol jikkorrispondu għal tlett’ijiem ta’ priġunerija. B’hekk, il-persuna kkonċernata tibbenefika minn tnaqqis tal-piena mhux ta’ sena, tmien xhur u għoxrin jum, iżda ta’ sentejn, sitt xhur u erba’ u għoxrin jum, fatt li jippermettilu li jerġa’ jikseb il-libertà iktar kmieni ( 6 ).

    7.

    Għal dan il-għan, il-qorti tar-rinviju bbażat lilha nnifisha fuq l‑Artikolu 17 tad-deċiżjoni qafas.

    8.

    Skont din id-dispożizzjoni, l-eżekuzzjoni ta’ piena għandha tkun irregolata bil-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni. Il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea jindika li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ dan l-Istat huma għalhekk l-uniċi kompetenti biex jiddeċiedu dwar il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-piena u biex jiddeterminaw il-miżuri relatati magħha, bil-kundizzjoni li, minn naħa, jitnaqqas il-perijodu kollu ta’ priġunerija diġà skontat fl-Istat emittenti, u min-naħa l-oħra, li jiġi osservat id-dmir ta’ informazzjoni previst fil-paragrafu (3) tal-imsemmija dispożizzjoni.

    9.

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk, skont l-Artikolu 17 tad-deċiżjoni qafas, hija għandhiex dritt tissostitwixxi l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha għal-leġiżlazzjoni Daniża, iktar stretta, b’mod li tagħti lill-persuna kkonċernata tnaqqis tal‑piena minħabba xogħol li hija wettqet qabel it-trasferiment tagħha.

    10.

    F’dawn il-konklużjonijiet, jiena ser nipproponi lill-Qorti tal‑Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 17(1) u (2) tad-deċiżjoni qafas jipprekludu regola nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali, u dan anki jekk din tal-aħħar hija iktar favorevoli għall-persuna kkundannata.

    11.

    L-analiżi tiegħi ser tkun, b’mod partikolari, iggwidata mill‑osservanza ta’ żewġ prinċipji, dak tat-territorjalità tal-liġi kriminali u dak tal-individwalizzazzjoni tal-piena li fuqhom hija bbażata l-liġi kollha tal-eżekuzzjoni tal-pieni. Ser niddefinixxi l-portata ta’ dawn il‑prinċipji u ser nispjega r-raġunijiet li għalihom l-osservanza tagħhom teħtieġ li l-eżekuzzjoni ta’ priġunerija, u b’mod partikolari l-għoti ta’ tnaqqis tal-piena, huma rregolati mid-dritt tal-Istat Membru li fih l-persuna kkundannata kienet effettivament detenuta. Jiena ser ninsisti wkoll dwar l-osservanza neċessarja tas-sovranità nazzjonali tal-Istat emittenti u dwar dak li timplika l-fiduċja reċiproka li l-Istati Membri għandu jkollhom fil-kuntest tal-implementazzjoni tad-deċiżjoni qafas.

    12.

    Għalkemm nirrikonoxxi li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni Bulgara tidher effettivament iktar favorevoli għall-persuna kkonċernata, jiena ser nikkonkludi, madankollu, li fid-dawl tal-kampijiet ta’ kompetenza territorjali rispettivi, l-Istat ta’ eżekuzzjoni ma jistax leġittimament japplika ċerti dispożizzjonijiet tal‑Kodiċi Kriminali tiegħu għall-eżekuzzjoni tal-piena fit-territorju tal-Istat emittenti. Fin-nuqqas tal-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni Bulgara, ir‑regola tar-retroattività tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli inkluża fl‑aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 7 ) ma tistax għalhekk tkun applikata.

    II – Il-kuntest ġuridiku

    A – Id-dritt tal-Unjoni

    1. Id-deċiżjoni qafas

    13.

    Id-deċiżjoni qafas hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ( 8 ) tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, li jipprovdi li d‑deċiżjonijiet ġudizzjarji għandhom jiġu eżegwiti direttament fl-Unjoni kollha mingħajr ebda proċedura ta’ approvazzjoni ( 9 ).

    14.

    Skont il-premessa 9 u l-Artikolu 3(1) tagħha, id-deċiżjoni qafas hija intiża sabiex tiżgura r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi ( 10 ) li jimponu kundanna ( 11 ) li ġġorr piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat emittenti, u dan sabiex tiġi ffaċilitata r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna kkundannata.

    15.

    Peress li huwa neċessarju għal-libertà ta’ moviment, it‑trasferiment tal-persuna kkundannata lejn l-Istat Membru ta’ oriġini jew ta’ residenza tiegħu għandu jagħtih l-opportunità ta’ riabilitazzjoni soċjali billi jagħtih il-possibbiltà li jżomm ir-rabtiet familjari, lingwistiċi u kulturali tiegħu.

    16.

    Wara li jikseb ċertezza li l-eżekuzzjoni tas-sentenza mill-Istat ta’ eżekuzzjoni ser tikkontribwixxi għal dan il-għan, l-Istat emittenti għandu jibgħat lill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat is-sentenza tal-kundanna skont il‑modalitajiet stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5 tad-deċiżjoni qafas.

    17.

    F’dan ir-rigward, huwa għandu jannetti ċertifikat debitament mimli u li l‑mudell tiegħu jinsab fl-Anness I tad-deċiżjoni qafas. Dan iċ-ċertifikat jinkludi tabelli differenti li jippermettu lill-Istat emittenti jagħti informazzjoni dwar l-identità tal-individwu pproċessat u tal-awtorità li tat is-sentenza, in-natura tar-reat imwettaq kif ukoll in-natura u t-tul tal‑kundanna.

    18.

    Taħt it-tabella (i) ta’ dan l-anness, intitolata “Status tas-sentenza li timponi l-[kundanna]”, il-punt (2), li jirrigwarda l-indikazzjonijiet dwar it-tul tal-kundanna, jistieden lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat emittenti jimlew il-punti segwenti:

    “2.1

    Tul totali tal-[kundanna] (f’jiem):

    2.2

    Il-perijodu sħiħ ta’ ċaħda tal-libertà li huwa diġà skontat b’konnessjoni mal-[kundanna] fir-rigward ta’ liema nħarġet is-sentenza (f’jiem):

    […] sa […] (indika d-data li fiha sar il-kalkolu: jj-xx-sena): […]

    2.3

    Numru tal-jiem li għandhom jitnaqqsu mit-tul totali tal-[kundanna] għal raġunijiet oħra minbarra dik prevista fil-punt 2.2 [pereżempju amnistija, maħfra jew miżura ta’ klemenza diġà mogħtija fir‑rigward tal-[kundanna]:

    […] sa […] (indika d-data li fiha sar il-kalkolu: jj-xx-sena): […]

    […]”

    19.

    L-Artikolu 8 tad-deċiżjoni qafas, intitolat “Rikonoxximent tas‑sentenza u [eżekuzzjoni tal-kundanna]” fil-paragrafu (1) tiegħu jipprovdi:

    “L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tirrikonoxxi s-sentenza li tkun ġiet trasmessa skond l-Artikolu 3a u waqt li tiġi segwita l-proċedura taħt l-Artikolu 5, u għandha minnufih tieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-[eżekuzzjoni tal-kundanna], sakemm ma tiddeċidix li tinvoka waħda mir-raġunijiet għal [nuqqas ta’] rikonoxximent jew [eżekuzzjoni tal-kundanna] previsti fl-Artikolu 9”.

    20.

    L-Artikolu 17 tad-deċiżjoni qafas, intitolat “Liġi li tirregola l‑[eżekuzzjoni]”, - li l-interpretazzjoni tiegħu qed tintalab hawn hekk – huwa fformulat kif ġej:

    “1.   L-[eżekuzzjoni tal-kundanna għandha tkun irregolata] bil-liġi ta’ l-Istat ta’ [eżekuzzjoni]. L-awtoritajiet ta’ l-Istat ta’ [eżekuzzjoni] waħedhom għandhom, soġġett għall-paragrafi 2, u 3, jkunu kompetenti biex jiddeċiedu dwar il-proċeduri għall-[eżekuzzjoni] u biex jiddeterminaw il‑miżuri kollha relatati [magħha], inklużi r-raġunijiet għal liberazzjoni bikrija jew kondizzjonata.

    2.   L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ -[eżekuzzjoni] għandha tnaqqas il‑perijodu kollu ta’ ċaħda tal-libertà diġà skontata b’konnessjoni mal‑-[kundanna] li fir-rigward tagħha nħarġet is-sentenza mit-tul ta’ żmien totali taċ-ċaħda tal-libertà li għandu jiġi skontat.

    3.   L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ -[eżekuzzjoni] għandha, fuq talba, tinforma lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti dwar id‑dispożizzjonijiet applikabbli għal liberazzjoni bikrija jew kondizzjonata. L-Istat emittenti jista’ jaqbel ma’ l-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet jew jista’ jirtira ċ-ċertifikat.

    4.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li kwalunkwe deċiżjoni dwar liberazzjoni bikrija jew kondizzjonata tista’ tieħu kont ta’ dawk id‑dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali indikati mill-Istat emittenti, li taħthom il-persuna għandha d-dritt għal liberazzjoni bikrija jew kondizzjonata f’mument speċifiku”.

    21.

    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(1) tagħha, id‑deċiżjoni qafas, b’effett mill-5 ta’ Diċembru 2011, tissostitwixxi l‑Konvenzjoni dwar it-trasferiment ta’ persuni kkundannati, iffirmata fi Strasbourg fil-21 ta’ Marzu 1983 ( 12 ), kif ukoll il-Protokoll Addizzjonali tagħha tat-18 ta’ Diċembru 1997.

    22.

    Id-deċiżjoni qafas kellha, skont l-Artikolu 29(1) tagħha, tkun implementata mill-Istati Membri qabel l-5 ta’ Diċembru 2011. Ir-Renju tad-Danimarka ttrasponiha, li ma huwiex il-każ għar-Repubblika tal‑Bulgarija.

    B – Id-dritt Bulgaru

    23.

    L-Artikolu 41(3) tan-Nakazatelen kodeks (Kodiċi Kriminali) jipprovdi li x-xogħol imwettaq mill-persuna kkundannata għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għal finijiet ta’ tnaqqis tat-tul tal-piena fis-sens li jumejn xogħol għandhom jiġu assimilati ma’ tlett ijiem priġunerija.

    24.

    L-Artikolu 457 tan-Nakazatelno protsesualen Kodeks (Kodiċi ral-Proċedura Kriminali Bulgaru) ( 13 ), intitolat “Riżoluzzjoni tal-qorti dwar kwistjonijiet marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ sentenza”, jipprovdi:

    “1.   Ladarba l-persuna kkundannata tidħol fir-Repubblika tal-Bulgarija jew jiġi stabbilit li tinsab fit-territorju tagħha, il-prosekutur ġenerali għandu jibgħat is-sentenza aċċettata għall-eżekuzzjoni kif ukoll id-dokumenti annessi magħha lis-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofia […]) flimkien ma’ proposta fir-rigward tar-riżoluzzjoni tal-kwistjonijiet marbuta mal-eżekuzzjoni tagħha.

    2.   Is-[Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofia)] għandha tiddeċiedi dwar il‑proposta permezz ta’ digriet waqt seduta li fiha jipparteċipa l‑prosekutur u li matulha l-persuna kkundannata hija msejħa sabiex tidher.

    3.   Id-digriet isemmi n-numru u d-data tas-sentenza li għandha tiġi eżegwita, il-kawża li fiha ngħatat, it-test tal-liġi Bulgara li jipprovdi responsabbiltà għar-reat kriminali mwettaq u t-tul tal-priġunerija deċiż mill-qorti barranija u għandu jiddetermina s-sistema inizjali tal-piena li trid tiġi skontata kif ukoll it-tip tal-faċilità korrettiva.

    4.   Jekk it-tul massimu ta’ priġunerija previst mid-dritt Bulgaru għar-reat kriminali mwettaq ikun inqas mit-tul mogħti fis-sentenza, is-[Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofia)] għandha tnaqqas il-piena mogħtija għal dan it-tul. Jekk id-dritt Bulgaru ma jipprovdix priġunerija għar-reat kriminali mwettaq, [hija għandha] tistabbilixxi piena li tikkorrispondi kemm jista’ jkun għall-kundanna mogħtija fis-sentenza.

    5.   Il-perijodu ta’ detenzjoni provviżorja u tal-piena diġà skontata fl-Istat tal-kundanna għandu jitnaqqas u – jekk il-kundanni huma differenti – dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-iffissar tat-tul tal-piena.

    6.   Il-pieni kumplimentarji mogħtija fis-sentenza għandhom jiġu eżegwiti jekk dawn ikunu previsti fid-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-dritt Bulgaru u ma jkunux ġew eżegwiti fl-Istat tal-kundanna.

    7.   Id-digriet tal-qorti huwa appellabbli quddiem is-Sofiyski Apelativen sad (qorti tal-appell tal-belt ta’ Sofia, Il-Bulgarija)”.

    III – Il-fatti tal-kawża prinċipali

    25.

    A. Ognyanov, ċittadin Bulgaru, ġie kkundannat fid-Danimarka għal piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà ta’ ħmistax-il sena wara li wettaq serq aggravat u qtil fit-territorju Daniż. Huwa tqiegħed f’detenzjoni f’faċilità korrettiva Daniża mill-10 ta’ Jannar 2012 sal-1 ta’ Ottubru 2013, data li fiha huwa ġie ttrasferit lill‑awtoritajiet ġudizzjarji Bulgari.

    26.

    Matul id-detenzjoni tiegħu fid-Danimarka, A. Ognyanov ħadem, speċifikament mit-23 ta’ Jannar 2012 sat-30 ta’ Settembru 2013.

    27.

    L-awtoritajiet ġudizzjarji Daniżi bbażaw lilhom infushom fuq id‑dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni qafas sabiex jipproċedu għat‑trasferiment tal-persuna kkonċernata. B’mod partikolari, huma talbu lill-awtoritajiet Bulgari jinformawhom dwar il-piena li dawn tal-aħħar kienu ser jeżegwixxu u dwar ir-regoli applikabbli fil‑qasam tal-liberazzjoni bikrija. F’dan ir-rigward, huma indikaw espressament li l-leġiżlazzjoni Daniża ma tippermettix tnaqqis tal-piena tal-persuna kkonċernata minħabba xogħol mwettaq minnha matul id‑detenzjoni tagħha. Ma huwiex eskluż, fl-opinjoni tiegħi, li l‑awtoritajiet ġudizzjarji Daniżi kienu ħadu inkunsiderazzjoni x-xogħol imwettaq waqt id-detenzjoni minn A. Ognyanov b’mod ieħor.

    28.

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-awtoritajiet ġudizzjarji Bulgari rrikonoxxew is-sentenza mogħtija mill-awtoritajiet ġudizzjarji Daniżi u aċċettaw li jeżegwixxu l-piena imposta. Għal dan il-għan u skont it-termini tal-Artikolu 457 tan-NPK, il-Prosekutur Ġenerali fil‑Ministeru Pubbliku tal-belt ta’ Sofia talab lill-qorti tar-rinviju sabiex hija tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet marbuta mal-modalitajiet tal-eżekuzzjoni tal-piena, u b’mod partikolari sabiex tiddetermina l-kumplament tal-piena li għad trid tiġi skontata.

    29.

    F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk għandhiex dritt, skont il-ġurisprudenza tal-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema ta’ kassazzjoni) tagħti lill-persuna kkonċernata tnaqqis tal-piena minħabba xogħol mwettaq minnha matul il-priġunerija tagħha fid-Danimarka.

    30.

    Fil-fatt, f’sentenza tat-12 ta’ Novembru 2013, il-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema ta’ kassazzjoni) ikkunsidrat li, għall‑finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 457(5) tan-NPK, ix-“xogħol ta’ interess ġenerali mwettaq fl-Istat tal-kundanna mill-persuna kkundannata Bulgara ttrasferita għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mis‑[Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofia)] bil-ħsieb ta’ tnaqqis tat-tul tal-piena, ħlief jekk it-tul tal-piena li għad irid jiġi skontat iddeterminat mill-Istat emittenti jkun ġie kkalkolat wara t-teħid inkunsiderazzjoni tax-xogħol imwettaq”.

    31.

    Il-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema ta’ kassazzjoni) ibbażat lilha nnifisha fuq it-termini tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni dwar it‑trasferimenti kif ukoll fuq l-ispeċifikazzjonijiet li jinsabu fir-rapport spjegattiv ta’ din il-konvenzjoni.

    32.

    Fl-opinjoni tagħha, it-trasferiment tal-persuna detenuta jimplika, li l-Istat ta’ eżekuzzjoni jingħata l-kompetenza esklużiva għal dak li jirrigwarda l-eżekuzzjoni tal-piena, kemm fil-każ fil-proċess tal-eżekuzzjoni kif ukoll f’dak tal-konverżjoni tal-kundanna.

    33.

    Huwa interessanti li tiġi rrilevata l-motivazzjoni tal-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema ta’ kassazzjoni):

    “Il-leġiżlazzjoni Bulgara tipprevedi l-possibbiltà tat-tnaqqis tal‑piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà abbażi tal-Artikolu 41(3) tan-NK meta ċ-ċittadin Bulgaru ttrasferit ikun wettaq xogħol ta’ interess ġenerali matul il-priġunerija tiegħu. Ma hemm l-ebda dubju li l-persuna kkundannata għandha tibbenefika minn tnaqqis [tal-piena] jekk hija ħadmet wara t-trasferiment tagħha fil‑Bulgarija. Madankollu dan it-teħid inkunsiderazzjoni għandu jsir ukoll jekk hija tkun ħadmet kif previst mid-dispożizzjoni tal-Artikolu 178 taz‑[zakon za izpalnenie na nakazaniyata i zadarzhanieto pod strazha (liġi dwar l-applikazzjoni tal-pieni) ( 14 ) ] fl-Istat tal-kundanna, anki jekk tali teħid inkunsiderazzjoni ma huwiex previst fil-leġiżlazzjoni tiegħu. Fil-fatt, it-twettiq ta’ xogħol proprjament ma huwiex element ta’ priġunerija iżda konsegwenza tal-eżekuzzjoni tagħha. Minn dan jista’ jiġi dedott li t‑teħid inkunsiderazzjoni ta’ xogħol imwettaq bil-ħsieb ta’ tnaqqis tat‑tul tal-piena skont l-Artikolu 41(3) tan-NK ma huwiex marbut mal‑individwalizzazzjoni (determinazzjoni) tal-piena, iżda jirrigwarda att marbut mal-eżekuzzjoni tagħha. Dan jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, li r-regoli tiegħu fil-qasam tal-eżekuzzjoni tal-piena japplikaw fl‑intier tagħhom, inkluż għal dak li jirrigwarda r-raġunijiet u l-forom tal-iskontar tal-piena.

    […] Il-kunsiderazzjoni tax-xogħol magħmul bil-ħsieb ta’ tnaqqis tat-tul tal-piena skont l-Artikolu 41(3) tan-NK tieħu kont tal-effetti pożittivi tax-xogħol fuq il-proċess ta’ edukazzjoni mill-ġdid u riabilitazzjoni tal-persuna kkundannata. L-inklużjoni professjonali tal-persuna kkundannata hija kundizzjoni preliminari importanti għar-riabilitazzjoni tiegħu fis‑soċjetà, peress li l-portata ġuridika tagħha u l-effetti tagħha huma suġġetti għal evalwazzjoni unika, mingħajr ebda distinzjoni skont jekk ix-xogħol twettaqx f’pajjiż barrani jew fit-territorju tar-Repubblika tal‑Bulgarija. Skont il-liġi – abbażi tal-Artikolu 41(3) tan-NK –, il‑perijodu li matulu l-persuna kkundannata wettqet xogħol ta’ interess ġenerali huwa kkunsidrat bħala perijodu ta’ eżekuzzjoni tal-piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà, irrispettivament mill-post fejn twettaq ix-xogħol. It-tnaqqis tal-jiem tax‑xogħol huwa privileġġ legali li ma jikkostitwixxix reviżjoni la tal‑piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà deċiża mill-Istat tal-kundanna u lanqas tat-“tul” ta’ din il‑piena, iżda konsegwenza favorevoli obbligatorjament applikabbli, ibbażata fuq il-fatt stess li l-persuna kkundannata wettqet xogħol ta’ interess ġenerali waqt li kienet qed tiskonta l-piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà tagħha u matul id-detenzjoni tagħha. Għalhekk, dan jirrigwarda, konverżjoni tal-piena [ ( 15 )] fis-sens tal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni dwar it-trasferiment.

    […]

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, sabiex tiġi deċiża l‑kwistjoni tat-trasferiment ta’ ċittadin Bulgaru kkundannat bejn il‑Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Bulgarija u l-awtorità kompetenti tal-Istat l-ieħor, il-ftehim li waslu għalih dawn iż-żewġ partijiet għandu jkun akkumpanjat minn informazzjoni preċiża li tindika jekk il-persuna kkundannata ħadmitx (jew jekk ipparteċipatx f’korsijiet jew taħriġ) matul l-eżekuzzjoni tal-piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà f’faċilità korrettiva […] barra mill-pajjiż, matul dak il-perijodu, u jekk it-tul tal-piena li għad trid tiġi skontata ddeterminat mill-Istat emittenti kienx ikkalkolat wara t-teħid inkunsiderazzjoni tax-xogħol imwettaq barra mill-pajjiż” ( 16 ).

    IV – Id-domandi preliminari

    34.

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sofiyski gradski sad (qorti tal‑belt ta’ Sofia) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Id-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni qafas […] jipprekludu lill-Istat ta’ eżekuzzjoni milli jnaqqas, matul il-proċedura ta’ trasferiment, it-tul tal-piena ta’ priġunerija imposta mill-Istat emittenti, fuq il-bażi tax-xogħol ipprovdut waqt li din il-piena kienet qiegħda tiġi skontata fl-Istat emittenti, b’tali mod li:

    a)

    it-tnaqqis tal-piena jirriżulta mill-applikazzjoni, skont l-Artikolu 17(1) [tad-Deċiżjoni Qafas], tal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ eżekuzzjoni għall-infurzar tal-piena. L-applikazzjoni, għall-infurzar tal-piena, tal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ eżekuzzjoni sa mill-proċedura ta’ trasferiment, fir-rigward ta’ fatti (xogħol ipprovdut f’ħabs tal-Istat emittenti) li seħħew matul il-perijodu li matulu l-persuna kkundannata kienet tinsab taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istat emittenti, hija kompatibbli mad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq;

    b)

    it-tnaqqis tal-piena jirriżulta minn tnaqqis skont l-Artikolu 17(2) [tad-Deċiżjoni Qafas]. Tnaqqis, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, li bis-saħħa tagħha ssir evalwazzjoni legali ġdida tal-fatti li seħħew fl-Istat emittenti (xogħol ipprovdut f’ħabs tal-Istat emittenti), li jikkorrispondi għal perijodu itwal mill-perijodu ta’ priġunerija ordnat inkonformità mal-leġiżlazzjoni ta’ dan tal-aħħar, huwa kompatibbli mad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq?

    2)

    Fil-każ li d-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tad-Deċiżjoni Qafas, jew inkella dispożizzjonijiet oħra tagħha, japplikaw għat‑tnaqqis tal-piena inkwistjoni, huwa meħtieġ li l-Istat emittenti, li jkun għamel talba espliċita f’dan is-sens, jiġi informat u huwa meħtieġ li l-proċedura ta’ trasferiment titwaqqaf jekk dan jopponi għal tali tnaqqis? Fil-każ li jeżisti obbligu ta’ informazzjoni, x’inhi n-natura ta’ din l-informazzjoni: ġenerali u astratta, dwar id-dritt applikabbli, jew inkella dwar it-tnaqqis tal‑piena konkret li l-qorti jkollha l-intenzjoni tagħti lill-persuna kkundannata?

    3)

    Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Artikolu 17(1) u (2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI jipprekludi tnaqqis tal-piena mill-Istat ta’ eżekuzzjoni fuq il-bażi tad-dritt intern ta’ dan tal-aħħar (minħabba xogħol ipprovdut fl-Istat emittenti), id-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali li tapplika, minkejja kollox, il-liġi nazzjonali tagħha, minħabba li tkun inqas ħarxa mill-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI, hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni?”

    35.

    Il-Gvern Ġermaniż, Spanjol, Olandiż, Awstrijak u tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea għamlu l-osservazzjonijiet tagħhom.

    36.

    Ma nistax ma nurix id-dispjaċir tiegħi għall-assenza tal-partijiet fil‑kawża prinċipali u tal-Gvern Bulgaru. Dawn ma ppreżentaw ebda osservazzjonijiet bil-miktub u lanqas ma kienu preżenti waqt is-seduta.

    V – Osservazzjonijiet preliminari

    37.

    Qabel nindirizza l-eżami tad-domandi magħmula mill-qorti tar‑rinviju, għandhom isiru żewġ rimarki sabiex tiġi kkonfermata l‑ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwarhom u l‑utilità tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tad-deċiżjoni qafas.

    38.

    Fl-ewwel lok, għall-kuntrarju ta’ dak li jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, it-trasferiment tal-persuna kkonċernata twettqet mhux abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni qafas, iżda abbażi ta’ dawk tal‑Konvenzjoni dwar it-trasferiment.

    39.

    Dan jirriżulta espressament mit-talba għat-trasferiment ta’ A. Ognyanov maħruġa mill-Ministeru tal-Ġustizzja Daniża, fis-26 ta’ Marzu 2013, u mill-ittri kollha sussegwenti marbuta magħha, inklużi fil‑proċess nazzjonali.

    40.

    L-awtoritajiet ġudizzjarji Daniżi għamlu riferiment b’mod ċar għad‑dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar it-trasferiment fl-assenza ta’ traspożizzjoni tad-deċiżjoni qafas mir-Repubblika tal-Bulgarija.

    41.

    Dan l-element iwassal ipso facto għan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja?

    42.

    Jiena ma naħsibx li dan għandu jkun il-każ.

    43.

    Fil-fatt, jiena naħseb li kien b’mod informat li l-qorti tar-rinviju semmiet, fid-domandi tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni qafas. Fil-fatt, skont l-Artikolu 29(1) ta’ din tal-aħħar, ir‑Repubblika tal-Bulgarija, kellha, fil-prinċipju, tittrasponi d-deċiżjoni qafas sa mhux iktar tard mill-5 ta’ Diċembru 2011. Kien minn din id-data li d-deċiżjoni qafas, skont l-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 26(1) tagħha, kellha għalhekk tissostitwixxi l-Konvenzjoni dwar it-trasferiment kif ukoll il-protokoll addizzjonali tagħha.

    44.

    Peress li t-talba għal trasferiment ta’ A. Ognyanov inħarġet fis-26 ta’ Marzu 2013 u t-trasferiment tiegħu seħħ, wara l-qbil mogħti mill-awtoritajiet ġudizzjarji Bulgari, fl-1 ta’ Ottubru 2013, l‑uniċi dispożizzjonijiet applikabbli għat-trasferiment tal-persuna kkonċernata bejn iż-żewġ Stati Membri kellhom għalhekk ikunu, fil‑prinċipju, dawk previsti mid-deċiżjoni qafas.

    45.

    Għalhekk, il-qorti tar-rinviju għażlet li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domanda għall-interpretazzjoni tad‑dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni qafas.

    46.

    Infakkar li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl‑Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni li għandha tevalwa, fir-rigward tal-partikolaritajiet tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun fil-pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja ( 17 ).

    47.

    Il-preżunzjoni ta’ rilevanza marbuta mad-domandi preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali tista’ tiġi eskluża biss eċċezzjonalment meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba permezz tad-domandi ma kellha l-ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-vertenza fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal‑Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt jew ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha ( 18 ).

    48.

    Madankollu, ebda waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi, ma hija ssodisfatta fil-każ odjern.

    49.

    Għaldaqstant, jiena ma nara ebda ostakolu sabiex il-Qorti tal‑Ġustizzja tiddeċiedi din il-kawża billi tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni qafas.

    50.

    It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li wieħed mill-ostakoli li seta’ javvera ruħu fir-rigward tal-implementazzjoni mill-qorti tar-rinviju tal-obbligu tagħha ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali – u hawn qiegħed nagħmel riferiment għall‑ġurisprudenza tal-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema ta’ kassazzjoni) dwar il-portata tal-Artikolu 41(3) tan-NK – illum tneħħa.

    51.

    Fil-fatt, fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ April 2016, DI ( 19 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi “jinkludi l‑obbligu li tiġi mibdula ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva” ( 20 ).

    52.

    Issa, il-prinċipju rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja huwa impost bl-istess mod fir-rigward tad-deċiżjoni qafas.

    53.

    Infakkar li fil-fatt, fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino ( 21 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-natura vinkolanti tad‑deċiżjonijiet qafas, ifformulati f’termini identiċi għal dawk tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, kif ukoll il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, impost fil-kuntest tal-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali ( 22 ), iwasslu sabiex l-awtoritajiet nazzjonali, u b’mod partikolari l-qrati nazzjonali, jkunu obbligati li jipprovdu interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali ( 23 ). Infakkar li dan l-obbligu huwa inerenti għas-sistema tat-Trattat FUE peress li jippermetti lill-qrati nazzjonali jiżguraw, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta dawn jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom ( 24 ).

    54.

    Għalhekk, interpretazzjoni tal-Artikolu 41(3) tan-NK, b’konformità mal-Artikolu 17(1) tad-deċiżjoni qafas hija, fl-opinjoni tiegħi, perfettament possibbli.

    55.

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma hijiex illimitata, f’dan l-eżerċizzju, bl-osservanza neċessarja tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività. Nafu li dawn il-prinċipji jipprekludu, skont ġurisprudenza stabbilita, li l-“obbligu [ta’ interpretazzjoni konformi] milli jwassal li tiġi ddeterminata jew aggravata, fuq il-bażi tad-deċiżjoni-qafas u indipendentement [mill-eżistenza ta’] liġi adottata għall-implementazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar, ir‑responsabbiltà kriminali ta’ dawk li jiksru d-dispożizzjonijiet tagħha” ( 25 ).

    56.

    Issa, f’din il-kawża, id-dispożizzjoni li hija s-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda mhux il-portata tar-responsabbiltà kriminali tal-persuna kkonċernata, iżda l-metodu tal-eżekuzzjoni tal-piena tagħha, u b’mod partikolari, l-għoti tat-tnaqqis tal-piena.

    57.

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, xejn ma jipprekludi, konsegwentement u fin-nuqqas tat-traspożizzjoni tad-deċiżjoni qafas fil-Bulgarija, lill-qorti tar-rinviju milli tinterpreta r-regoli rilevanti tan-NK sa fejn huwa possibbli fid-dawl tat-test u tal-iskop tad-deċiżjoni qafas bil-għan li jintlaħaq ir-riżultat previst minnha.

    VI – L-analiżi tiegħi

    A – Fuq l-ewwel domanda

    58.

    Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 17(1) u (2) tad‑deċiżjoni qafas għandux ikun interpretat fis-sens li jipprekludi regola nazzjonali li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, tippermetti lill‑Istat ta’ eżekuzzjoni jagħti lill-persuna kkundannata tnaqqis tal-piena minħabba xogħol li hija wettqet matul id-detenzjoni tagħha fl-Istat emittenti.

    59.

    Skont l-Artikolu 17(1) tad-deċiżjoni qafas, l-eżekuzzjoni ta’ kundanna, inkluż għal dak li jirrigwarda r-raġunijiet għal liberazzjoni bikrija jew ikkundizzjonata, hija rregolata mid-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

    60.

    F’din il-kawża, is-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofia) tistaqsi għalhekk jekk hemmx lok li tiġi applikata id-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, l-Artikolu 41(3) tan-NK, għall‑perijodu tad-detenzjoni tal-persuna kkonċernata fid‑Danimarka.

    61.

    It-termini li l-leġiżlatur tal-Unjoni juża fl-ewwel sentenza tal‑Artikolu 17(1) tad-deċiżjoni qafas jistgħu effettivament inisslu dubju dwar it-tqassim tal-kompetenzi marbuta mal-eżekuzzjoni tal-miżuri ta’ priġunerija u x-xogħlijiet preparatorji marbuta ma’ din id-dispożizzjoni ma jipprovdux kjarifiki reali dwar l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni.

    62.

    Minn naħa, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jiddefinixxix dak li għandu jinftiehem bl-“[eżekuzzjoni] ta’ piena”, fis-sens tal-Artikolu 17(1) tad-deċiżjoni qafas.

    63.

    Min-naħa l-oħra, ma jippreċiżax jekk dan jirrigwardax l-eżekuzzjoni tal‑piena mill-mument tal-għoti tas-sentenza fl-Istat emittenti jew jekk jibdix biss mit-trasferiment tal-persuna kkonċernata lejn l-Istat ta’ eżekuzzjoni.

    1. Id-definizzjoni tal-kunċett tal-“[eżekuzzjoni] tal-piena”

    64.

    Id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “[eżekuzzjoni] tal-piena” hija rekwiżit indispensabbli.

    65.

    Fil-fatt, jekk hemm bżonn niddeċiedi dwar il-kompetenzi rispettivi tal‑Istat emittenti u tal-Istat ta’ eżekuzzjoni għal dak li jirrigwarda l-eżekuzzjoni nnifisha ta’ kundanna, għandi preliminarjament, niddefinixxi tali kunċett.

    66.

    Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi li jimponu piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà u eżekuzzjoni effettiva tal-kundanni fi Stat Membru li mhux dak emittenti, dan il-kunċett għandu jiġi ddefinit “fuq livell tal-Unjoni”, għaliex il-kumplessità u, ġieli anki, l-inċertezza tal‑leġiżlazzjonijiet u tal-prattiki ta’ eżekuzzjoni tal-kundanni kriminali jistgħu jirrendu diffiċli dan il-kompitu. Madankollu, l-effettività tal-eżekuzzjoni tal‑pieni hija komponent essenzjali tal-politika kriminali, b’mod ġenerali, u taż-żona ġudizzjarja Ewropea f’materji kriminali, b’mod partikolari.

    67.

    Għandi għalhekk nibda l-analiżi tiegħi bid-definizzjoni tal‑kunċett tal-“[eżekuzzjoni] tal-piena”.

    68.

    Skont l-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni qafas, il-“piena” jew sabiex nuża l-espressjoni użata fil-verżjoni tal-lingwa Franċiża tad-deċiżjoni qafas, il-“condamnation” ( 26 ), tipprevedi piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà għal perijodu ta’ żmien limitat jew mhux limitat mogħtija minn qorti nazzjonali minħabba reat kriminali abbażi ta’ proċeduri kriminali ( 27 ).

    69.

    Il-miżuri li jikkostitwixxu “piena” jaqgħu taħt l-Artikolu 49 tal‑Karta u l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal‑Bniedem u Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 ( 28 ).

    70.

    Il-miżuri intiżi għall-“[eżekuzzjoni] tal-piena” huma intiżi għalhekk għall-implementazzjoni ta’ “piena” jew ta’ “kundanna”. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tqis li dawn il-miżuri ma jifformawx parti integrali mill-“piena” u għalhekk ma jaqgħux taħt l-Artikolu 7 tal‑KEDB ( 29 ).

    71.

    L-eżekuzzjoni ta’ piena sseħħ wara li tingħata kundanna definittiva. Għalhekk tirrigwarda l-aħħar fażi tal-proċess kriminali, dak li fih jingħata effett lis-sentenza.

    72.

    L-eżekuzzjoni tkopri l-miżuri kollha ta’ natura, minn naħa, li jiżguraw l‑eżekuzzjoni materjali tal-piena, bħal mandat ta’ arrest, u min-naħa l-oħra, li jiżguraw ir-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna kkundannata. F’dan il‑kuntest, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għandhom jistabbilixxu l‑modalitajiet relatati mal-iżvolġiment tal-piena u mal‑amministrazzjoni tagħha, billi jiddeċiedu pereżempju, dwar il‑kollokament fl-estern, il-permessi tal-ħruġ, is-semi libertà, it-tqassim u s-sospensjoni tal-piena, miżuri ta’ liberazzjoni bikrija jew kundizzjonata tal-priġunier jew it-tqegħid taħt sorveljanza elettronika. Id-dritt tal‑eżekuzzjoni tal-pieni jkopri wkoll il-miżuri li jistgħu jiġu adottati wara l‑liberazzjoni tal-persuna kkundannata, bħat-tqegħid tagħha taħt sorveljanza ġudizzjarja jew anki l-parteċipazzjoni tagħha fi programmi ta’ riabilitazzjoni, jew miżuri ta’ kumpens favur il-vittmi.

    73.

    Fil-kuntest tal-vertenzi deċiżi, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem spiss kellha quddiemha sitwazzjonijiet li fihom id‑distinzjoni bejn il-piena u l-miżuri intiżi sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni tagħha mhux dejjem kienet netta fil-prattika. Għalhekk għandhom jiġu distinti, minn fost il-miżuri meħuda wara li tingħata kundanna b’mod definittiv, dawk li fir-realtà jistgħu jiddefinixxu mill-ġdid jew jemendaw il-portata tal-piena ( 30 ).

    74.

    Fid-dawl ta’ dan, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “[eżekuzzjoni] tal‑piena” ma hijiex suffiċjenti sabiex tissolva l-problema mqajma minn din il-kawża.

    2. Is-sens u l-portata tal-Artikolu 17 tad-deċiżjoni qafas

    75.

    L-applikazzjoni stretta tal-prinċipju li jipprovdi li l-“[eżekuzzjoni] ta’ [kundanna] għandu jkun irregolat mid-dritt ta’ l-Istat ta’ [eżekuzzjoni]” tqajjem, fiha nnifisha, diffikultà sa fejn l-eżekuzzjoni tal-piena diġà bdiet fit‑territorju tal-Istat emittenti u titkompla fil-ġurisdizzjoni tal-Istat ta’ eżekuzzjoni. Dwar liema “eżekuzzjoni” qegħdin nitkellmu? Il-leġiżlatur tal‑Unjoni jipprevedi l-eżekuzzjoni tal-kundanna fil-mument li tingħata s‑sentenza mill-Istat emittenti jew l-eżekuzzjoni tal-kundanna sa mit‑trasferiment tal-persuna kkundannata lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal‑Istat ta’ eżekuzzjoni?

    76.

    Ir-risposta tinstab jekk nieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji sottostanti tad-deċiżjoni qafas u l-istruttura li fiha jaqa’ l-Artikolu 17 tagħha.

    a) Il-prinċipju tat-territorjalità tal-liġi kriminali

    77.

    L-Artikolu 17 tad-deċiżjoni qafas huwa intiż sabiex jirregola l‑kunflitti tal-liġijiet u tal-kompetenzi marbuta mal-eżekuzzjoni tal-piena, li jirriżultaw b’mod inevitabbli mit-trasferiment tal-persuna kkundannata mill-awtoritajiet tal-Istat emittenti lejn dawk tal-Istat ta’ eżekuzzjoni. Fil-fatt, it-trasferiment ta’ persuna kkundannata jimplika li din bdiet l‑eżekuzzjoni tal-piena tagħha fit-territorju tal-Istat emittenti sabiex tkompliha, jekk ikun il-każ, f’faċilità korrettiva tal-Istat ta’ eżekuzzjoni ( 31 ).

    78.

    Dan jispjega għaliex, skont l-Artikolu 17(2) tad-deċiżjoni qafas, l-Istat ta’ eżekuzzjoni għandu, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kumplament tal-piena li għad trid tiġi skontata fit-territorju tiegħu, inaqqas il‑perijodu ta’ priġunerija “diġà skontat” fl-Istat emittenti.

    79.

    Jekk l-Istat ta’ eżekuzzjoni jitħalla japplika b’mod retroattiv il-liġi tiegħu għall-bidu tal-eżekuzzjoni tal-piena tal-persuna kkonċernata fl-Istat emittenti dan ikun jikser il-prinċipju aċċettat b’mod komuni tat-territorjalità tal-liġi kriminali.

    80.

    Dan il-prinċipju tat-territorjalità tal-liġi kriminali huwa prinċipju komuni għall-Istati Membri kollha. Il-liġi kriminali hija ta’ applikazzjoni territorjali għaliex hija l-espressjoni tas-sovranità tal-Istati Membri. Il-ġurisdizzjoni territorjali tal-qrati f’materji kriminali taqa’ għalhekk, normalment, taħt il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, ta’ natura ta’ ordni pubbliku. Mill-ġurisdizzjoni territorjali tirriżulta b’mod obbligatorju l-liġi nazzjonali applikabbli.

    81.

    Għaldaqstant u bħala prinċipju, il-kwistjoni ma hijiex dwar jekk fl‑interess tal-persuna kkonċernata, huwiex iktar favorevoli li tiġi applikata, skont il-prinċipju tar-retroattività in mitius ( 32 ) kontenut fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, il-leġiżlazzjoni kriminali Bulgara għaliex din hija liġi kriminali iktar favorevoli għall-persuna kkonċernata, pjuttost milli l-leġiżlazzjoni kriminali Daniża. Tali għażla ma teżistix f’sitwazzjoni transkonfinali bħal fil-kawża prinċipali, għaliex l-applikabbiltà tal-liġi kriminali tirriżulta mill-prinċipju nnifsu tat-territorjalità.

    82.

    Il-prinċipju tar-retroattività in mitius stess lanqas jidhirli li huwa applikabbli f’din il-kawża. Fil-fatt, tradizzjonalment dan il-prinċipju għandu l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu fil-qasam tal-kunflitti tal-liġijiet ratione temporis u mhux, bħal f’din il-kawża, fil-qasam tal-kunflitti tal‑liġijiet skont il-post. Għalhekk, mingħajr kontestazzjoni, l-imsemmi prinċipju japplika jekk, wara emenda tal-liġi kriminali Daniża, ir-reat imwettaq minn A. Ognyanov ma jibqax jeżisti wara l-kundanna tiegħu, li tkun għadha pendenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtoritajiet ġudizzjarji Bulgari ma jkollhomx għażla oħra għajr li jilliberaw il-persuna kkonċernata. Mill-banda l-oħra, jekk tkun il-liġi Bulgara li tiddekriminalizza l-att imwettaq mill-persuna kkonċernata, jiena għandi dubji kbar jekk dan iwassalx ipso facto għal-liberazzjoni tiegħu. Fil-fatt, dan l-att huwa ppenalizzat mil-liġi Daniża minħabba d-distorsjoni tal‑ordni pubbliku Daniż, li ma japplikax għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi Bulgara. Barra minn hekk, huwa interessanti li jiġi nnotat li tali ipoteżi jkollha l-effett li tirrendi t-trasferiment impossibbli fir-rigward tal-Artikolu 3(1)(e) tal-Konvenzjoni dwar it-trasferiment.

    83.

    Barra minn hekk jidhirli li d-dispożizzjoni tad-deċiżjoni qafas jikkonfermaw l-opinjoni tiegħi. Fil-fatt, dan it-test ma jeħtieġx l‑inkriminazzjoni doppja għar-reati elenkati fl-Artikolu 7(1) tagħha, u lanqas ma jipprovdiha għar-reati l-oħra ħlief fir-rigward tal-possibbiltà tal-Istat ta’ eżekuzzjoni li jirrikjediha, skont l-Artikolu 7(3) tagħha. Għalhekk, din ir‑regola jidhirli li tikkonferma n-natura territorjali tal-liġi kriminali u twassal sabiex jiġi kkunsidrat bħala mhux xieraq il-prinċipju tar‑retroattività in mitius f’każ bħal dak ta’ din il-kawża.

    b) Il-prinċipju ta’ individwalizzazzjoni tal-piena

    84.

    Id-deċiżjoni qafas għandha bħala għan prinċipali li tiffavorixxi r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuni kkundannati għal piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà billi tippermetti lill-priġunier wara l-kundanna kriminali li jiskonta l-piena tiegħu jew il-bqija tagħha fl-ambjent soċjali ta’ oriġini tiegħu.

    85.

    Dan jirriżulta b’mod ċar mill-premessa 9 u mill-Artikolu 3(1) tad‑deċiżjoni qafas ( 33 ).

    86.

    Dan jimplika li l-miżuri kollha marbuta mal-eżekuzzjoni u l‑amministrazzjoni tal-pieni għandhom ikunu individwalizzati mill-awtoritajiet ġudizzjarji b’mod li jiffavorixxu, fl-osservanza tal-interessi tas-soċjetà u tad-drittijiet tal-vittmi, minbarra l-prevenzjoni tar-reċidività, l-inklużjoni jew ir-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna kkundannata.

    87.

    Fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-Artikolu 17 tad-deċiżjoni qafas, il-prinċipju tal-individwalizzazzjoni tal-piena, li hija waħda mill‑funzjonijiet stess tal-piena, jeħtieġ għalhekk tqassim ċar tal‑kompetenzi bejn l-Istat emittenti u l-Istat ta’ eżekuzzjoni b’mod li jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet dwar l-eżekuzzjoni tal-piena jiġu adottati mill‑awtorità ġudizzjarja li tista’ tevalwa bl-aħjar mod l-aġir tal‑individwu.

    88.

    Dan jippreżumi li huma l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-post tad‑detenzjoni effettiva tal-individwu li għandhom jiddeċiedu dwar il‑miżuri kollha ta’ amministrazzjoni tal-piena, inkluż miżuri ta’ tnaqqis tal-piena li jistgħu jingħataw lill-persuna kkundannata.

    89.

    Dawn huma mingħajr kontestazzjoni l-awtoritajiet li jinsabu qrib tagħha u għalhekk dawk tal-post tad-detenzjoni effettiva ( 34 ).

    90.

    Fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ tnaqqis tal-piena għal xogħol penitenzjarju, din il-miżura ta’ individwalizzazzjoni tagħmel sens biss jekk tkun adottata mill-awtorità li effettivament twettaq is-segwitu u l-evalwazzjoni tax-xogħol tal-individwu.

    91.

    Għalhekk, ma hemm l-ebda sens u l-ebda bażi legali sabiex jiġi applikat l-Artikolu 41(3) tan-NK għall-perijodu ta’ detenzjoni mwettaq minn A. Ognyanov fid-Danimarka, minflok il-leġiżlazzjoni Daniża. Tali inizjattiva, tkun fiha nnifisha, tikser il-prinċipju tal-individwalizzazzjoni tal-piena, sa fejn l-awtoritajiet ġudizzjarji Bulgari jkollhom jagħtu tnaqqis tal-piena lil persuna kkundannata, minn naħa, li huma qatt ma ltaqgħu magħha, u min-naħa l-oħra, li ma segwewx ix-xogħol u lanqas il-progress tagħha. Xejn ma jipprekludi, mill-banda l-oħra, lil dawn l‑awtoritajiet ġudizzjarji Bulgari, li għall-finijiet ta’ evalwazzjoni iktar globali tal-isforzi ta’ riabilitazzjoni soċjali murija mill-individwu, jieħdu inkunsiderazzjoni x-xogħol imwettaq minn A. Ognyanov matul id-detenzjoni tiegħu fid-Danimarka kif ukoll l-evalwazzjoni magħmula, f’dan ir-rigward, mill-korrispondenti tagħhom Daniżi. Dan huwa kriterju fost oħrajn, li jippermetti lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti li jevalwaw jekk huwiex iġġustifikat it-tqegħid tal-individwu taħt is-sistema tal-libertà kundizzjonata.

    92.

    Huwa biss ladarba l-persuna kkonċernata tkun priġuniera f’faċilità korrettiva Bulgara li l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali jkunu jistgħu, jekk ikun il-każ, japplikaw l-Artikolu 41(3) tan-NK. Dan it-tnaqqis tal-piena għandu jsir fil-kuntest ta’ segwitu regolari u personalizzat tal‑individwu u ma għandux ikun, bħal ma donni qed nifhem mis‑sentenza tal-Varhoven kasatsionen sad (Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni), ta’ natura awtomatika ( 35 ).

    93.

    Fid-dawl ta’ dawn l-element kollha, jiena nikkunsidra għalhekk li l-osservanza tal-prinċipji tat-territorjalità tal-liġi kriminali u tal‑individwalizzazzjoni tal-piena li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni qafas teħtieġ li l-eżekuzzjoni ta’ piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà, u b’mod partikolari l-għoti ta’ tnaqqis ta’ piena, ikun irregolat mid-dritt tal-Istat Membru li fih il‑persuna kkundannata tkun effettivament detenuta.

    94.

    Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-istruttura tad‑deċiżjoni qafas li fiha jaqa’ l-Artikolu 17 tagħha.

    c) L-istruttura tad-deċiżjoni qafas

    95.

    L-analiżi tal-istruttura tad-deċiżjoni qafas donnha turi li l‑Artikolu 17 tagħha jistabbilixxi l-prinċipji applikabbli għall-eżekuzzjoni tal‑piena ladarba jitwettaq it-trasferiment tal-persuna kkundannata.

    96.

    L-ewwel nett, għandu jiġi kkunsidrat il-kuntest li fih ġew elaborati l-prinċipji tal-Artikolu 17 tad-deċiżjoni qafas. Fil-fatt, id‑deċiżjoni qafas ġiet adottata abbażi ta’ numru ta’ strumenti eżistenti, u b’mod partikolari abbażi tal-Konvenzjoni dwar it‑trasferiment ( 36 ). Barra minn hekk din tissemma’ fil-premessi 4 u 5 tad‑deċiżjoni qafas.

    97.

    It-termini tal-Artikolu 17(1) tad-deċiżjoni qafas huma, essenzjalment, identiċi għal dawk użati fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni dwar it-trasferiment. Fil-fatt, din l-aħħar dispożizzjoni tippreċiża li “[l]‑[eżekuzzjoni] ta’ [kundanna] għandu jkun irregolat bil-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni u dan l-Istat biss huwa kompetenti biex jieħu d-deċiżjonijiet kollha xierqa”. Issa, punt importanti huwa li l-imsemmija dispożizzjoni hija intitolata “Konsegwenzi tat-trasferiment lejn l-Istat ta’ eżekuzzjoni” ( 37 ).

    98.

    Fid-dawl tal-kuntest li fih ġiet adottata d-deċiżjoni qafas, huwa għalhekk huwa ferm probabbli li, billi intitola l-Artikolu 17 tad‑deċiżjoni qafas “Liġi li tirregola l-[eżekuzzjoni]”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jipprevedi d-dritt li jirregola l-eżekuzzjoni tal-piena “wara t‑trasferiment tal-persuna kkundannata”.

    99.

    It-tieni nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li kull wieħed mill-prinċipji tad-deċiżjoni qafas huwa stabbilit skont ordni ta’ suċċessjoni kronoloġika.

    100.

    Fl-ewwel lok, l-Artikoli 4 sa 14 tad-deċiżjoni qafas jistabbilixxu r-regoli li l-Istati Membri għandhom japplikaw sabiex jipproċedu bit‑trasferiment tal-persuna kkundannata. B’mod partikolari, l-Artikoli 4 sa 6 tad-deċiżjoni qafas jippreċiżaw l-modalitajiet relatati mat‑trażmissjoni tas-sentenza u taċ-ċertifikat lill-Istat ta’ eżekuzzjoni. L-Artikoli 7 sa 14 tagħha jistabbilixxu, imbagħad, il-prinċipji applikabbli għad-deċiżjoni ta’ rikonoxximent tas-sentenza u għad-deċiżjoni tal‑eżekuzzjoni tal-kundanna. L-Artikolu 13 tad-deċiżjoni qafas jindika, f’dan ir-rigward, li l-Istat emittenti għandu jżomm id-dritt li jirtira ċ-ċertifikat “[s]akemm l-[eżekuzzjoni] tal-piena fl-Istat ta’ esekuzzjoni ma [tkunx bdiet]” ( 38 ).

    101.

    Fit-tieni lok, l-Artikolu 15 tad-deċiżjoni qafas jistabbilixxi l‑modalitajiet applikabbli għat-trasferiment tal-persuna kkundannata filwaqt li l-Artikolu 16 tagħha jipprovdi dispożizzjonijiet partikolari f’każ ta’ tranżitu tal-individwu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

    102.

    Dawn id-dispożizzjonijiet jaqgħu għalhekk wara xulxin perfettament b’mod loġiku u l-Artikolu 17 tad-deċiżjoni qafas jikkostitwixxi b’mod manifest l-estensjoni billi jistabbilixxi l-prinċipji applikabbli għall-eżekuzzjoni tal-kundanna “ladarba l-persuna kkundannata tiġi trasferita” lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

    103.

    L-Artikolu 17 tad-deċiżjoni qafas għandu jinqara’ wkoll fid-dawl tar-regoli elenkati fid-dispożizzjonijiet segwenti tad-deċiżjoni qafas, u b’mod partikolari fl-Artikolu 22 tagħha.

    104.

    Dan l-Artikolu 22, intitolat “Konsegwenzi tat-trasferiment tal‑persuna [kkundannata]”, juri b’mod partikolarment tajjeb it‑trasferiment tal‑kompetenzi li neċessarjament jakkumpanja t-trasferiment tal-persuna kkundannata.

    105.

    Il-leġiżlatur tal-Unjoni jindika fil-fatt, fl-Artikolu 22(1) tad‑deċiżjoni qafas, li l-Istat emittenti ma jistax ikompli bl-eżekuzzjoni tal‑kundanna mill-mument li fih “l-[eżekuzzjoni] tagħha fl-Istat ta’ esekuzzjoni jkun beda”. Dan ifisser b’mod ċar ħafna li, mill-mument li fih l-Istat ta’ eżekuzzjoni ma jkunx beda l-eżekuzzjoni tal-piena, l-Istat emittenti jibqa’, għal dan il-għan, kompetenti għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-kundanna. L‑Artikolu 22(2) tad-deċiżjoni qafas jippreċiża, barra minn hekk, li meta l-Istat ta’ eżekuzzjoni jinsab f’impossibbiltà li jeżegwixxi l-piena, minħabba l-ħarba tal-persuna kkundannata, “[i]d-dritt li tiġi [eżegwita] l‑piena għandu jerġa’ jsir ta’ l-Istat emittenti” ( 39 ).

    106.

    Għalhekk huwa biss ladarba s-sentenza tiġi rrikonoxxuta mill-Istat ta’ eżekuzzjoni u ladarba jitwettaq it-trasferiment tal-persuna kkundannata li japplika d-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni għall-eżekuzzjoni stricto sensu tal‑piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà. Sakemm is-sentenza ma tkunx irrikonoxxuta u sakemm il-persuna kkundannata tkun għadha tinsab taħt il-ġurisdizzjoni tal‑awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat emittenti, huwa d-dritt ta’ dan l-aħħar Stat li huwa applikabbli għall-eżekuzzjoni tal-piena. Għalhekk huwa l-Istat emittenti li għandu jiddeċiedi, b’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, il-kwistjonijiet dwar it-tnaqqis tal-piena.

    107.

    It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li, fis-sistema tad-deċiżjoni qafas, huwa l-Istat emittenti li għandu jeżamina jekk hemmx lok li jiġi organizzat it-trasferiment tal-persuna detenuta lejn l-Istat Membru ta’ oriġini jew ta’ residenza tiegħu ( 40 ).

    108.

    Madankollu, peress li t-trasferiment huwa tabilħaqq miżura ta’ eżekuzzjoni tal-piena ( 41 ), jista’ jkun wieħed minn tal-aħħar li jistgħu jkunu adottati mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat emittenti. B’mod partikolari, din hija miżura ta’ individwalizzazzjoni tal-piena li għandha l‑għan li tiffavorixxi r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna kkundannata.

    109.

    Skont l-Artikolu 4(2) tad-deċiżjoni qafas, it-trażmissjoni tas‑sentenza għall-finijiet ta’ rikonoxximent tista’ sseħħ biss meta l‑awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat emittenti, jekk ikun il-każ wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, jkunu ċerti li l-eżekuzzjoni tal-kundanna mill-Istat ta’ eżekuzzjoni ser tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq dan l-għan.

    110.

    Sabiex tinkiseb tali ċertezza, il-leġiżlatur tal-Unjoni jispeċifika, fil-premessa 9 tad-deċiżjoni qafas, li l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat emittenti għandha għalhekk “tieħu kont ta’ elementi bħal, per eżempju, r-rabta tal-persuna ma’ l-Istat ta’ [eżekuzzjoni], jekk hi tikkonsidrahx bħala l-post b’rabtiet familjari, lingwistiċi, kulturali, soċjali jew ekonomiċi u rabtiet oħrajn ma’ l-Istat ta’ [eżekuzzjoni]”.

    111.

    Bl-istess mod bħalma huwa l-Istat emittenti li għandu jagħmel din l‑evalwazzjoni, huwa wkoll dan l-istess Stat li huwa waħdu obbligat li jeżamina jekk, skont il-perijodu ta’ detenzjoni skontat mill-persuna kkonċernata fit-territorju u fid-dawl tal-isforzi tagħha, din għandhiex tibbenefika minn tnaqqis tal-piena mogħtija bl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu.

    112.

    Il-fatt li l-Istat emittenti għandu jindika, fiċ-ċertifikat anness mas‑sentenza, in-numru ta’ jiem addizzjonali li għandhom jitnaqqsu mill-perijodu ta’ priġunerija diġà skontat jikkorrobora din l‑interpretazzjoni.

    113.

    Iċ-ċertifikat huwa tip ta’ formola li tinsab fl-Anness I tad‑deċiżjoni qafas ( 42 ). Din il-formula tinkludi tabelli differenti li għandhom jimtlew mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat emittenti. Dawn it-tabelli jippermettulu li jagħti informazzjoni dwar, b’mod partikolari, l-awtorità li tat is-sentenza, l-individwu pproċessat kif ukoll in-natura tar-reat imwettaq u li jispeċifika n-natura u t-tul tal-kundanna. Din l-informazzjoni għandha tkun iċċertifikata bħala preċiża mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat emittenti ( 43 ). Fil-fatt, din hija informazzjoni essenzjali li għandha tippermetti lill-Istat ta’ eżekuzzjoni jwettaq stħarriġ minimu tas-sentenza ( 44 ) u li għandha, fl-aħħar mill‑aħħar, tiżgura eżekuzzjoni tajba tal-kundanna. L-awtorità ġudizzjarja tal‑Istat ta’ eżekuzzjoni għandha tirrikonoxxi s-sentenza billi tibbaża lilha nnifisha fuq iċ‑ċertifikat mibgħut mill-awtorità ġudizzjarja tal-Istat emittenti li tikkonferma r-regolarità tiegħu u n-natura eżekuttiva tiegħu. Fin‑nuqqas, jekk dan ma jkunx komplut jew ma jkunx preċiż, din tikkostitwixxi motiv ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent tas-sentenza u nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kundanna skont l-Artikolu 9 tad-deċiżjoni qafas.

    114.

    Għall-finijiet tal-analiżi tiegħi, għandu jsir riferiment għall‑informazzjoni mitluba fil-punt 2 tat-tabella (i) tal-mudell taċ‑ċertifikat li jinsab fl-Anness I tad-deċiżjoni qafas dwar it-tul tal‑kundanna. Din l-informazzjoni tiżgura l-effett utli tal-Artikolu 17(2) tad‑deċiżjoni qafas.

    115.

    Fil-punt 2.2 ta’ din it-tabella, l-Istat emittenti għandu jindika, f’numru ta’ jiem, il-perijodu kollu ta’ priġunerija diġà skontat fil‑kuntest tal-piena inkwistjoni. Din tirrigwarda l-piena mingħajr tnaqqis.

    116.

    Għall-kuntrarju, skont il-punt 2.3 tal-imsemmija tabella, dan tal-aħħar huwa liberu wkoll li jnaqqas minn dan il-perijodu numru ta’ jiem addizzjonali għal “raġunijiet oħra li ma humiex dawk previsti fil‑punt 2.2”, u l-leġiżlatur tal-Unjoni jagħmel riferiment, bħala eżempji, għall‑amnestija, maħfra jew għal miżuri ta’ klemenza. Dan il-punt 2.3 jippermetti għalhekk lill-Istat emittenti jagħti indikazzjonijiet addizzjonali meta ċirkustanzi partikolari jkunu diġà waslu għal tnaqqis tal-piena.

    117.

    Dawn l-elementi juru li huwa proprju l-Istat emittenti li għandu jiddeċiedi dwar it-tnaqqis tal-piena marbut mal-perijodu ta’ detenzjoni skontat fit-territorju tiegħu sa fejn, fiċ-ċertifikat, l-Istat emittenti għandu jindika lill-Istat ta’ eżekuzzjoni jekk hemmx lok li jitnaqqas numru ta’ jiem ikbar min-numru ta’ jiem mgħoddija f’detenzjoni b’mod konkret, u jekk ikun il-każ, in-numru ta’ jiem eżatt. It-termini użati mil-leġiżlatur tal-Unjoni dwar in-natura tar-raġunijiet li jistgħu jkunu l-bażi ta’ tnaqqis tal-piena huma manifestament kemxejn vagi. Barra minn hekk, il-lista ta’ dawn ir-raġunijiet ma hijiex eżawrjenti kif juri l-użu tal-avverbju “pereżempju”. Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried ikopri ċ‑ċirkustanzi kollha partikolari bl-iktar mod wiesa’ possibbli, li jistgħu jwasslu għal tnaqqis tal-piena fl-Istati Membri differenti. Għalhekk, huwa raġonevoli li jinftiehem li tnaqqis tal-piena mogħti fir-rigward tal‑progress imwettaq mill-persuna kkundannata jaqa’ fl-imsemmija raġunijiet.

    118.

    Għalhekk fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena konvint li l-Istat ta’ eżekuzzjoni ma jistax jissostitwixxi l-liġi tal-eżekuzzjoni tal-pieni tiegħu, u b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu dwar it-tnaqqis tal‑piena, għal dik tal-Istat emittenti, biex b’hemm japplika t-tnaqqis magħmul minn dan tal-aħħar, b’riskju li jippreġudika b’mod gravi mhux biss il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, iżda wkoll is-sovranità territorjali tar-Renju tad-Danimarka.

    119.

    Fil-fatt, f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir‑Renju tad-Danimarka espressament indika li ma jagħtix tnaqqis tal‑piena minħabba xogħol penitenzjarju. Skont il-prinċipju tal-fiduċja reċiproka li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni qafas, ir-Repubblika tal‑Bulgarija ma għandhiex għalhekk għażla oħra ħlief li tosserva l‑applikazzjoni tad-dritt fis-seħħ fl-Istat emittenti, anki jekk, sabiex nuża t-termini tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge ( 45 )“l-implimentazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha twassal għal soluzzjoni differenti” ( 46 ).

    120.

    Tali inizjattiva, jekk tittieħed, twassal għalhekk b’mod inevitabbli għal telf tal-fiduċja reċiproka li għandu jkollhom l-Istati Membri u tirriskja li tikkomprometti t-twettiq tal-għanijiet previsti mid-deċiżjoni qafas.

    121.

    Barra minn hekk infakkar li d-dritt ta’ punizzjoni jikkostitwixxi wieħed mill-elementi essenzjali tal-Istat u li d-dritt kriminali, inkluż id-dritt tal-eżekuzzjoni tal-pieni, jinsab fil-qalba tas-sovranità nazzjonali. Id-dritt tal-eżekuzzjoni tal-pieni jaqa’ għalhekk fis-setgħa mogħtija lill-Istati li jiddeċiedu dwar il-politika kriminali tagħhom, fatt li jixhed in-natura territorjali tiegħu ( 47 ).

    122.

    Issa, f’din il-kawża, huwa proprju l-ordni pubbliku tar-Renju tad‑Danimarka li A. Ognyanov kiser permezz tal-aġir tiegħu. Għalhekk huma l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ dan l-Istat Membru li huma kompetenti sabiex jiġġudikawh u li jikkundannawh abbażi tar-reati mwettqa. Huwa wkoll proprju fit-territorju Daniż u taħt il-ġurisdizzjoni tal-awtoritajiet Daniżi li inizjalment inbdiet id-detenzjoni ta’ A. Ognyanov.

    123.

    Fid-dawl tal-kampijiet ta’ ġurisdizzjoni territorjali rispettivi, huwa għalhekk evidenti li l-Artikolu 41(3) tan-NK “ma huwiex applikabbli” għall-eżekuzzjoni tal-piena fit-territorju Daniż mingħajr ma jkun hemm ksur tas‑sovranità territorjali tar-Renju tad-Danimarka.

    124.

    Fl-aħħar nett, kieku l-Artikolu 17 tad-deċiżjoni qafas kellu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti l-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni għall-eżekuzzjoni tal-piena fl-Istat emittenti, dan ikun iwassal ukoll għall-ksur tal-prinċipju fundamentali tal-ugwaljanza fit-trattament. Fil‑fatt, persuni li jkunu qegħdin jiskontaw il-piena tagħhom fl-istess faċilità korrettiva, jiġu suġġetti jew mitluba li jkunu suġġetti għal sistemi ġuridiċi differenti fir‑rigward tal-eżekuzzjoni tal-piena tagħhom, u b’mod partikolari fir‑rigward tal-modalitajiet tat-tnaqqis tal-piena.

    125.

    Dan jagħti lok għal sitwazzjonijiet kumplessi li ma jippermettux li tiġi żgurata applikazzjoni xierqa u ġusta tan-normi u ċertament jirriskjaw li ċertament jikkompromettu s-suċċess tad-deċiżjoni qafas.

    126.

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena konsegwentement nikkunsidra li fid-dawl tal‑prinċipji li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni qafas, jiġifieri, minn naħa, il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, u min-naħa l-oħra, il‑prinċipji ta’ territorjalità tal-liġi kriminali u tal-individwalizzazzjoni tal-piena, l-Artikolu 17(1) u (2) tad-deċiżjoni qafas għandu jkun interpretat fis-sens li jipprekludi regola nazzjonali li tippermetti lill‑awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat ta’ eżekuzzjoni jagħtu lill-persuna kkundannata tnaqqis tal-piena minħabba xogħol imwettaq minn din tal‑aħħar matul id-detenzjoni tagħha fl-Istat emittenti.

    127.

    Nirrikonoxxi li tali interpretazzjoni ma tippermettix li ssir distinzjoni bejn id-deċiżjoni qafas ibbażata fuq il-prinċipju tar‑rikonoxximent reċiproku u mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja tradizzjonali magħrufa bħala kooperazzjoni bejn Stati sovrani. Madankollu, din hija, fl-opinjoni tiegħi, l-unika interpretazzjoni possibbli jekk irridu nikkunsidraw b’mod sħiħ l-assenza ta’ armonizzazzjoni tar-regoli dwar l-eżekuzzjoni tal-pieni fl-Unjoni.

    B – Fuq it-tieni domanda

    128.

    It-tieni domanda tirrigwarda l-portata tad-dmir ta’ informazzjoni li għandhom l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat ta’ eżekuzzjoni skont l‑Artikolu 17 tad-deċiżjoni qafas. Din saret f’każ li din id-dispożizzjoni tippermetti lill-awtoritajiet ġudizzjarji Bulgari japplikaw l‑Artikolu 41(3) tan-NK għall-perijodu tad-detenzjoni skontat mill‑persuna kkonċernata fid-Danimarka.

    129.

    Is-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofia) tistaqsi dwar jekk, meta l-awtoritajiet ġudizzjarji Bulgari jkollhom quddiemhom talba f’dan is-sens, għandhomx jinformaw lill‑korrispondenti tagħhom Daniżi bl-applikabbiltà ta’ tali leġiżlazzjoni u, jekk ikun il-każ, dwar in-natura tal-informazzjoni li għandha, f’dan ir-rigward, tkun ikkomunikata.

    130.

    Fid-dawl tar-risposta li jiena nipproponi li tingħata lill-ewwel domanda, inqis li ma huwiex utli li tingħata risposta għat-tieni domanda.

    C – Fuq it-tielet domanda

    131.

    F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 17(1) u (2) tad-deċiżjoni qafas jipprekludi regola nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, permezz tat-tielet domanda tagħha, jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix li din tagħżel li tapplika, “minkejja kollox”, l-Artikolu 41(3) tan-NK għall‑perijodu ta’ detenzjoni skontat minn A. Ognyanov fid-Danimarka għar-raġuni li din hija leġiżlazzjoni inqas ħarxa.

    132.

    Għandu jiġi ammess, li huwa minnu, li t-tnaqqis tal-piena inkwistjoni ma huwiex negliġibbli.

    133.

    Peress li l-leġiżlazzjoni Daniża hija iktar stretta fir-rigward tat‑tnaqqis tal-piena għal xogħol waqt detenzjoni, l-applikazzjoni tal‑Artikolu 41(3) tan-NK għall-perijodu ta’ detenzjoni skontat minn A. Ognyanov fid-Danimarka tippermettilu effettivament li jibbenefika minn tnaqqis tal-piena mhux ta’ sena, tmien xhur u għoxrin jum, iżda ta’ sentejn, sitt xhur u erba’ u għoxrin jum, li jippermettilu li jingħata l-libertà ferm iktar kmieni.

    134.

    Madankollu, il-kwistjoni li tressaq il-qorti tar-rinviju hija bbażata fuq premessa li qabel kollox għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, is-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofia) tistaqsi, fir-realtà, jekk tistax tapplika regola nazzjonali meqjusa madankollu li tmur kontra d-dritt tal‑Unjoni għar-raġuni li hija iktar favorevoli għall-persuna kkonċernata.

    135.

    Din il-kwistjoni tressqet, f’termini differenti, mill-qorti tar‑rinviju fil-kuntest tat-talba għal deċiżjoni preliminari magħmula fil‑Kawża Ognyanov (C‑614/14) pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    136.

    Għalhekk, jiena ser nirrispondi fl-istess termini li użajt fil-kuntest tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Ognyanov ( 48 ), filwaqt li madankollu nżid xi osservazzjonijiet.

    137.

    L-ewwel nett, skont l-Artikolu 280 TFUE, “[i]s-sentenzi tal‑Qorti tal-Ġustizzja […] għandhom saħħa eżekuttiva”. Kif indikajt fil-punt 111 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha quddiemha proċedura abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, ma tagħtix opinjoni konsultattiva. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li sentenza preliminari mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja hija vinkolanti fuq il-qorti nazzjonali, dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tal-atti tal‑istituzzjonijiet tal-Unjoni inkwistjoni, għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali ( 49 ).

    138.

    It-tieni nett, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l‑Artikolu 17(1) u (2) tad-deċiżjoni qafas jipprekludi regola nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha, kif rajna, tinterpreta t-termini tal-Artikolu 41(3) tan-NK fid-dawl tat-test u l-iskop tad-deċiżjoni qafas, billi twarrab jekk ikun hemm bżonn il‑ġurisprudenza stabbilita mill-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema ta’ kassazzjoni), u dan fid-dawl tal-obbligu tagħha ta’ interpretazzjoni konformi.

    139.

    It-tielet nett u fi kwalunkwe każ, infakkar lill-qorti tar-rinviju li, fin-nuqqas tal-applikabbiltà tal-Artikolu 41(3) tan-NK għall-perijodu ta’ detenzjoni skontat mill-persuna kkonċernata fid-Danimarka, ir-regola tar-retroattività tal-liġi kriminali inqas ħarxa li tinsab fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta (prinċipju ta’ retroattività in mitius) ma tistax tapplika.

    140.

    Fl-aħħar u r-raba’ nett, it-tnaqqis tal-piena li fuqha tikkonċentra l-qorti tar-rinviju jnessina li t-trasferiment ta’ A. Ognyanov lejn il‑Bulgarija huwa intiż, fih innifsu, sabiex ikun iktar favorevoli għalih peress li jkun jista’ jiskonta l-kumplament tal-piena tiegħu fl-ambjent soċjali ta’ oriġini tiegħu, u tiġi ffaċilitata għalhekk ir-riabilitazzjoni soċjali tiegħu.

    141.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, u fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-Artikolu 17(1) u (2) tad-deċiżjoni qafas jipprekludi regola nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha għalhekk, skont l-obbligu tagħha ta’ interpretazzjoni konformi, twarrab l-interpretazzjoni tal-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema ta’ kassazzjoni) tal-Artikolu 41(3) tan-NK u ma tapplikax din id-dispożizzjoni għall-perijodu ta’ detenzjoni skontat mill-persuna kkonċernata fid-Danimarka.

    142.

    Wara dawn l-argumenti, nixtieq nislet xi konklużjonijiet dwar it-tqassim tal-kompetenzi stabbiliti mid-deċiżjoni qafas bejn l‑awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat emittenti u dawk tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

    D – L-analiżi tat-tqassim tal-kompetenzi stabbliti mid-deċiżjoni qafas bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat emittenti u dawk tal-Istat ta ’ eżekuzzjoni

    1. Id-dritt li jirregola l-eżekuzzjoni tal-piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà qabel it-trasferiment tal-persuna kkundannata

    143.

    Meta, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l‑individwu ikun, fl-ewwel lok, detenut fl-Istat emittenti, id-dritt applikabbli għall-eżekuzzjoni tal-piena tiegħu huwa evidentement id-dritt ta’ dak l-Istat. Il-miżuri kollha li jirregolaw l-eżekuzzjoni tal-piena tiegħu fit‑territorju tal-imsemmi Stat, kemm jekk jirrigwardaw miżuri dwar l‑eżekuzzjoni tal-kundanna, kif ukoll il-mandat ta’ taħrika, jew dawk dwar l‑amministrazzjoni tal-piena, bħall-għoti tal-libertà, jaqgħu taħt id‑dritt tal-Istat emittenti.

    144.

    Kif rajna, huwa wkoll l-Istat emittenti li għandu jeżamina jekk hemmx lok li jorganizza t-trasferiment tal-priġunier lejn l-Istat Membru ta’ oriġini jew ta’ residenza tiegħu ( 50 ).

    145.

    Issa, it-trasferiment huwa proprjament miżura ta’ eżekuzzjoni tal‑piena, u b’mod partikolari miżura ta’ individwalizzazzjoni intiża sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tiskonta d-detenzjoni tagħha l‑eqreb possibbli għall-ambjent familjari tagħha u fl-ambjent soċjali li fih hija għandha tirriabilità lilha nnifisha ( 51 ).

    146.

    Bl-istess mod li huwa l-Istat emittenti li għandu jagħmel din l‑evalwazzjoni, dan għandu jeżamina wkoll jekk, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu u fid-dawl tal-isforzi mwettqa mill-priġunier, dan jistax jibbenefika minn miżuri oħra ta’ amministrazzjoni tal-piena, inklużi miżuri ta’ tnaqqis tal-piena.

    147.

    Tali tqassim tal-kompetenzi jobbliga l-Istat emittenti jiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mat-tnaqqis tal-piena qabel it‑trasferiment tal-persuna kkundannata ( 52 ).

    148.

    Barra minn hekk, infakkar li dan huwa l-għan innifsu tal-punt 2.3 tat-tabella (i) tal-mudell taċ-ċertifikat li jinsab fl-Anness I tad-deċiżjoni qafas.

    149.

    Fil-fatt, it-trasferiment tal-persuna kkundannata ma għandux iċaħħadha minn kwalunkwe effett utili tat-tnaqqis tal-piena li għalih hija għandha dritt, jekk ikun il-każ, b’applikazzjoni tal-liġi tal-Istat emittenti u tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-qorti kompetenti ( 53 ). L-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat emittenti għandhom għalhekk ikunu kapaċi joħorġu ċertifikat li jispeċifika mhux biss it-tul tal-kundanna u tal-piena eżegwita stricto senso, iżda wkoll dak li tnaqqas bħala tnaqqis tal-piena previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Huma għandhom ikunu jistgħu jipprovdu wkoll xi preċiżjonijiet dwar l-evalwazzjoni li huma għamlu dwar l‑isforzi ta’ adattament tal-individwu.

    150.

    L-Istat ta’ eżekuzzjoni ma jistax għalhekk jissostitwixxi d-dritt tal-eżekuzzjoni tal-pieni tiegħu ma’ dak tal-Istat emittenti, u dan anki meta l-leġiżlazzjoni tiegħu tkun iktar favorevoli għall-persuna kkonċernata, għaliex dan mhux biss jikser it-termini tal-Artikolu 17 tad-deċiżjoni qafas, iżda wkoll jippreġudika b’mod gravi s-sovranità tal-Istat emittenti u, bl-istess mod, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.

    2. It-talba ta’ informazzjoni qabel it-trasferiment

    151.

    Jekk il-persuna kkundannata tiġi ttrasferita fl-Istat ta’ eżekuzzjoni, huwa perfettament loġiku li l-awtoritajiet ġudizzjarji tal‑Istat emittenti jinformaw lilhom infushom dwar id-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam ta’ libertà bikrija jew kundizzjonata, bħal kif previst fl-Artikolu 17(3) tad-deċiżjoni qafas. Għal darb’oħra, għandu jitħares l-ispirtu li huwa l-ordni pubbliku tal-Istat emittenti li kien ippreġudikat bit-twettiq ta’ reat jew delitt. Dan tal-aħħar għandu għalhekk ikun ċert li l-eżekuzzjoni tal-piena fit-territorju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni ser jagħti soluzzjoni xierqa għall-preġudizzju kkawżat lill‑ordni pubbliku fit-territorju tiegħu. L-Istat emittenti jevalwa għalhekk jekk, fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ġodda, il-piena tgawdix b’mod globali mill-koerenza li kienet żgurata fil-jum li ngħatat. Jekk huwa jaħseb li t-trasferiment jista’ jwassal għal dak li huwa jikkunsidra bħala libertà prematura jew jekk jikkunsidra li l-piena mhix ser tibqa’ proporzjonata fir-rigward tar-reat, huwa jista’ jiddeċiedi li ma jittrasferixxix il-persuna kkundannata u li jirtira ċ-ċertifikat.

    152.

    It-talba għal informazzjoni għandha ssir qabel it-trasferiment tal‑individwu, għaliex, ladarba jseħħ it-trasferiment, l-Istat emittenti ma jistax iktar jimponi l-perċezzjoni tiegħu tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni tal-pieni u ma jistax imur lura mid-deċiżjoni tat-trasferiment.

    3. Id-dritt li jirregola l-eżekuzzjoni tal-piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà wara t-trasferiment tal-persuna kkundannata

    153.

    It-trasferiment tal-persuna kkonċernata jwassal awtomatikament u neċessarjament għat-trasferiment simultanju tal-kompetenzi dwar l-eżekuzzjoni tal-piena lill-Istat ta’ eżekuzzjoni, u dan għall-istess raġunijiet imqajma preċedentement. Minn naħa, għaliex l-eżekuzzjoni tal-piena minn issa ’il quddiem ser jitwettaq fit-territorju u taħt il-ġurisdizzjoni ta’ dan l-Istat. Min-naħa l-oħra, għaliex, sa mill-mument ta’ dan it-trasferiment, huma biss l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat ta’ eżekuzzjoni li jistgħu jamministraw il-kundizzjonijiet tal-eżekuzzjoni tal-piena fid-dawl tal-isforzi ta’ riabilitazzjoni tal-persuna kkonċernata kif ukoll tas-sitwazzjoni materjali, familjari u soċjali.

    154.

    Ladarba t-trasferiment jitwettaq, huwa evidenti li wieħed ma jistax jeħtieġ li l-Istat ta’ eżekuzzjoni jitlob l-awtorizzazzjoni tal-Istat emittenti qabel jadotta miżura ta’ individwalizzazzjoni tal-piena li għandha, pereżempju, il-forma ta’ tnaqqis tal-piena jew ta’ libertà bikrija jew kundizzjonata. Kif rajna, il-kwistjonijiet dwar l-eżistenza, il‑modalitajiet tal-eżekuzzjoni kif ukoll il-ġustifikazzjonijiet ta’ sistema ta’ libertà jaqgħu fis-setgħa mogħtija lill-Istati sabiex jiddeċiedu dwar il‑politika kriminali tagħhom. F’tali każ it-talba għall-awtorizzazzjoni tal-Istat emittenti twassal għalhekk għall-ksur tas-sovranità tal-Istat ta’ eżekuzzjoni kif ukoll tal-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja tiegħu.

    155.

    L-Istat ta’ eżekuzzjoni għandu għalhekk jeżegwixxi l-kundanna bħallikieku din ngħatat mill-awtoritajiet ġudizzjarji tiegħu. Dwar l-Istat emittenti, ma hemmx għażla oħra min-naħa tiegħu u skont il-prinċipju tal-fiduċja reċiproka li josserva l-applikazzjoni tad-dritt fis-seħħ fl-Istat ta’ eżekuzzjoni, anki jekk, sabiex nuża għal darb’oħra t-termini tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge ( 54 ), l-implementazzjoni tad-dritt nazzjonali tiegħu twassal għal soluzzjonijiet differenti ( 55 ).

    156.

    Billi adottaw id-deċiżjoni qafas, l-Istati Membri kienu perfettament konxji mid-differenzi eżistenti bejn is-sistema ġuridika tagħhom għal dak li jirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet kriminali. Fir-rigward, pereżempju, tar-regola applikabbli fil-qasam tal-libertà bikrija jew kundizzjonata, f’ċerti Stati Membri, il-persuna kkundannata tingħata l-libertà wara li tiskonta żewġ terzi mill-piena tagħha, filwaqt li f’oħrajn, il-libertà ma tistax tingħata ħlief wara l-eżekuzzjoni ta’ terz tal‑piena. L-Istati Membri kienu għalhekk perfettament konxji li t‑trasferiment ta’ persuna kkundannata jista’ jkollu impatt fuq it-tul konkret tal-priġunerija skontata meta mqabbel mal-piena inizjalment mogħtija u, konsegwentement, fuq id-data tal-liberazzjoni ( 56 ). Barra minn hekk huwa għal din ir-raġuni, u b’mod partikolari sabiex tkun evitata liberazzjoni li l‑Istat emittenti jikklassifika bħala “bikrija” fir-rigward tad-delitt jew reat imwettaq fit-territorju tiegħu, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda r‑“riżerva” tal-Artikolu 17(3) tad-deċiżjoni qafas ( 57 ).

    157.

    Fil-każ fejn l-Istat ta’ eżekuzzjoni japplika regoli iktar stretti, it‑trasferiment tal-persuna kkundannata lejn dan l-Istat, jekk dan ikun minnu, jista’ jwassal de facto għal piena itwal ta’ priġunerija minn dik li kellha tiġi skontata fl-Istat emittenti.

    158.

    Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma toġġezzjonax fir‑rigward tad-dritt għal libertà u sigurtà sanċit fl-Artikolu 5 tal‑KEDB sakemm it-tul tad-detenzjoni ma jeċċedix dik mogħtija skont il-proċedura penali inizjali. Hija ma teskludix, madankollu, li piena ta’ detenzjoni nettament itwal de facto fl-Istat ta’ eżekuzzjoni tista’ twassal għar-responsabbiltà tal-Istat emittenti skont l-Artikolu 5 tal-KEDB, u dan minħabba l-konsegwenzi li huma prevedibbli fil-mument li fih ġie deċiż it-trasferiment ( 58 ).

    VII – Konklużjoni

    159.

    Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmulin mis-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofia, Il-Bulgarija) bil-mod li ġej:

    (1)

    Fid-dawl tal-prinċipji li fuqhom hija bbażata d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI, tas-27 ta’ Novembru 2008, dwar l‑applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl‑Unjoni Ewropea, jiġifieri, minn naħa, il-prinċipju tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u min-naħa l-oħra, il-prinċipji ta’ territorjalità tal-liġi kriminali u tal-individwalizzazzjoni tal-piena, l-Artikolu 17(1) u (2) ta’ din id-deċiżjoni qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru li lilu tiġi trażmessa sentenza għall-finijiet tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni tagħha jagħtu lill-persuna kkundannata tnaqqis tal-piena minħabba xogħol imwettaq minn din tal-aħħar matul id-detenzjoni tagħha fl-Istat Membru li fih ingħatat is-sentenza.

    (2)

    Is-Sofiyski gradski sad (qorti tal-belt ta’ Sofia) għandha, skont l‑obbligu tagħha ta’ interpretazzjoni konformi, twarrab l‑interpretazzjoni mogħtija mill-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema ta’ kassazzjoni, Il-Bulgarija) tal-Artikolu 41(3) tan-Nakazatelen Kodeks (Kodiċi Kriminali Bulgaru) billi ma tapplikax din id-dispożizzjoni għall-perijodu ta’ detenzjoni skontat mill-persuna kkonċernata fid-Danimarka.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Deċiżjoni qafas tal-Kunsill, tas-27 ta’ Novembru 2008, dwar l-applikazzjoni tal‑prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, L 327, p. 27, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni qafas”).

    ( 3 ) Iktar ’il quddiem l-“Istat emittenti”. Skont l-Artikolu 1(ċ) tad-deċiżjoni qafas, dan jirrigwarda l-Istat Membru li fih tkun ingħatat sentenza.

    ( 4 ) Iktar ’il quddiem l-“Istat ta’ eżekuzzjoni”. Skont l-Artikolu 1(d) tad-deċiżjoni qafas, dan jirrigwarda l-Istat Membru li tiġi trażmessa lilu sentenza għall-fini tar‑rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tagħha.

    ( 5 ) Iktar ’il quddiem in-“NPK”.

    ( 6 ) Fil-kuntest tad-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża Ognyanov (C‑614/14), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u tar‑rapport tiegħi, il-prosekutur ġenerali tas-Sofiyska gradska prokuratura (Ministeru Pubbliku tal-Belt ta’ Sofia, Il-Bulgarija) jikkontesta l-kalkolu magħmul mill-qorti tar‑rinviju peress li dan ma jiħux inkunsiderazzjoni l-jiem franki.

    ( 7 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.

    ( 8 ) Premessi 1, 2 u 5 tagħha.

    ( 9 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropea ta’ Tampere tal-15 u 16 ta’ Ottubru 1999.

    ( 10 ) Skont l-Artikolu 1(a) tad-deċiżjoni qafas, il-kunċett ta’ “sentenza” jipprevedi “deċiżjoni finali jew ordni tal-qorti ta’ l-Istat emittenti li timponi piena fuq persuna fiżika”.

    ( 11 ) Skont l-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni qafas, il-kunċett ta’ “[kundanna]” huwa ddefinit bħala “kwalunkwe piena ta’ kustodja jew kwalunkwe miżura li tinvolvi ċaħda tal‑libertà imposta għal perijodu ta’ żmien limitat jew mhux limitat minħabba reat kriminali abbażi ta’ proċedimenti kriminali”.

    ( 12 ) Iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar it-trasferiment”. Din il-Konvenzjoni hija disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-Kunsill tal-Ewropa. Hija kienet irratifikata minn 64 Stat u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1985. Fost l-Istati Membri, ir‑Repubblika tal-Kroazja u r-Repubblika tal-Finlandja biss ma ffirmawhix.

    ( 13 ) Iktar ’il quddiem in-“NPK”.

    ( 14 ) DV Nru 25, tat-3 ta’ April 2009.

    ( 15 ) Fl-opinjoni tiegħi, għall-kuntrarju ta’ dak enfasizzat mill-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema ta’ kassazzjoni), dan huwa każ mhux ta’ “konverżjoni tal-piena”, iżda ta’ tnaqqis tal-piena.

    ( 16 ) Korsiv miżjud minni.

    ( 17 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 28 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

    ( 18 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 29 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

    ( 19 ) C‑441/14, EU:C:2016:278.

    ( 20 ) Punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 21 ) C‑105/03, EU:C:2005:386.

    ( 22 ) Punt 42.

    ( 23 ) Punt 34.

    ( 24 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 25 ) Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (C‑105/03, EU:C:2005:386, punt 45). Minn din is-sentenza jirriżulta li l-“l-obbligu ta’ l-Imħallef nazzjonali li jirreferi għall-kontenut tad-deċiżjoni-qafas meta jinterpreta r-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali tiegħu jsib il-limiti tiegħu fil-prinċipji ġenerali tad-dritt, u b’mod partikolari f’dawk ta’ ċertezza legali u ta’ non-retroattività” (punt 44).

    ( 26 ) Fil-verżjoni tal-lingwa Ingliża tad-deċiżjoni qafas, jintuża biss terminu wieħed, jiġifieri dak ta’ “sentence”, mingħajr ebda distinzjoni bejn il-“peine” jew il‑“condamnation”.

    ( 27 ) Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, “il-punt tat‑tluq ta’ kull evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ ‘piena’ huwa d-determinazzjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni ġietx imposta wara kundanna għar-reat kriminali. Elementi oħra jistgħu jitqiesu rilevanti f’dan ir-rigward: in-natura u l-għan tal‑miżura inkwistjoni, il-klassifikazzjoni tagħha fid-dritt intern, il-proċeduri assoċjati mal-adozzjoni u l-eżekuzzjoni tagħha, kif ukoll il-gravità tagħha […] Il-gravità tal-miżura ma hijiex madankollu deċiżiva fih nnifisha, peress li diversi miżuri mhux kriminali ta’ natura preventiva jista’ jkollhom impatt sostanzjali fuq il‑persuna kkonċernata (ara, f’dan ir-rigward, Qorti EDB, 21 ta’ Ottubru 2013, Del Río Prada vs Spanja, CE:ECHR:2013:1021JUD004275009, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 28 ) Iktar ’il quddiem il-“KEDB”.

    ( 29 ) Qorti EDB, 29 ta’ Novembru 2005, Uttley vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2005:1129DEC003694603, u Del Río Prada vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq.

    ( 30 ) Qorti EDB, 21 ta’ Ottubru 2013, Del Río Prada vs Spanja, CE:ECHR:2013:1021JUD004275009, punti 59, 83, 85 u l‑ġurisprudenza ċċitata kif ukoll 89. F’dik is-sentenza, il-Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal-Bniedem ddeċidiet li l-applikazzjoni tal-modalitajiet l-ġodda ta’ imputazzjoni tat-tnaqqis tal-piena għal xogħol waqt id-detenzjoni għal piena skontata ma tistax tiġi assimilate ma’ miżura marbuta esklużivament mal-eżekuzzjoni tal‑piena imposta. Billi kkawżaw l-estensjoni ta’ kważi disa’ snin ta’ priġunerija, dawn il-modalitajiet ġodda, skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, iġġeneraw definizzjoni mill-ġdid tal-portata tal-“piena” imposta u għandhom, għalhekk, jiġu evalwati fid-dawl tal-garanziji stabbiliti mill-aħħar sentenza tal‑Artikolu 7(1) tal-KEDB (punti 109 u 110).

    ( 31 ) Madankollu, jista’ jiġri li, f’ċerti każijiet, il-persuna kkundannata tkun diġà tinsab fit-territorju tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

    ( 32 ) Skont il-prinċipju tal-legalità tad-delitti u tal-pieni, il-liġi kriminali ma tistax tapplika b’mod retroattiv. Il-prinċipju ta’ retroattività in mitius jikkostitwixxi eċċezzjoni għal dan il-prinċipju billi jordna l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kriminali l-iktar favorevoli għall-persuna kkundannata.

    ( 33 ) Ara wkoll, id-dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-għan ta’ rijabilitazzjoni tad-deċiżjoni qafas, li tipprovdi, “[i]kkunsidrat il-fatt li s-suċċess tar-rijabilitazzjoni, fi Stat li miegħu għandha l-iktar rabtiet stretti, ta’ persuna kkundannata huwa l-għan essenzjali tad-[…] deċiżjoni qafas […] u maqbul li l‑fiduċja reċiproka bejn Stati Membri ma teħtieġx motiv ta’ rifjut ġdid ibbażat fuq l-inkompatibbiltà tar-rikonoxximent tas-sentenza mal-għan ta’ rijabilitazzjoni, il‑Kunsill jenfażizza li dan l-għan għandu jkun element ta’ importanza primarja għall-Istat emittenti kull darba li għandha tittieħed deċiżjoni dwar in-neċessità tat‑trasferiment tas-sentenza u taċ-ċertifikat lill-Istat ta’ eżekuzzjoni” (ara l-Anness II Parti I tad-dokument tal-Kunsill 6070/1/09 REV 1), kif ukoll il-punt 4.1 tar‑Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l‑implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Deċiżjonijiet Qafas 2008/909/ĠAI, 2008/947/ĠAI u 2009/829/ĠAI dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi dwar pieni jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà, dwar sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi u dwar miżuri ta’ superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni provviżorja [COM(2014) 57 finali].

    ( 34 ) Ara l-Avviż tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew intitolata “Rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi finali f’materji kriminali” [COM(2000) 495 finali], li fihom il-Kummissjoni diġà ppreċiżat li “id-deċiżjonijiet dwar l-eżekuzzjoni, li huma bbażati fuq l-aġir tal-priġunier, għandhom jittieħdu mill‑Istat li jinforza l-piena […] Fil-fatt, dawn huma l-awtoritajiet tal-Istati Membru li jinforza d-deċiżjoni li huma f’kuntatt dirett mal-priġunier u għalhekk fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar l-aġir tiegħu” (punt 9.1).

    ( 35 ) Fil-fatt, din tispjega li t-tnaqqis tal-jiem ta’ xogħol jikkostitwixxi “konsegwenza favorevoli applikabbli b’mod obbligatorju, ibbażata fuq il-fatt stess li l-persuna kkundannata wettqet xogħol ta’ interess ġenerali waqt li kienet qed tiskonta l‑priġunerija tagħha u matul id-detenzjoni tagħha” (korsiv miżjud minni).

    ( 36 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 3.2.1.5 tal-Green Paper dwar l-approssimazzjoni, ir‑rikonoxximent reċiproku u l-eżekuzzjoni tas-sanzjonijiet kriminali fl-Unjoni Ewropea [COM(2004) 334 finali].

    ( 37 ) Korsiv miżjud minni.

    ( 38 ) Korsiv miżjud minni.

    ( 39 ) Korsiv miżjud minni.

    ( 40 ) Ara l-Artikolu 4(1) tad-deċiżjoni qafas.

    ( 41 ) Ara, f’dan ir-rigward, Qorti EDB, 27 ta’ Ġunju 2006, Szabó vs l-Iżvezja, CE:ECHR:2006:0627DEC002857803, p. 12.

    ( 42 ) Il-leġiżlatur tal-Unjoni huwa ispirat mit-teknika taċ-ċertifikat stabbilita fl‑Artikolu 54 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

    ( 43 ) Artikolu 5(2) tad-deċiżjoni qafas.

    ( 44 ) Dan għandu jiżgura b’mod partikolari, li d-deċiżjoni li trid tiġi nfurzata ġejja minn awtorità kompetenti skont id-dritt tal-Istat emittenti u taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni qafas.

    ( 45 ) C‑187/01 u C‑385/01, EU:C:2003:87.

    ( 46 ) Punt 33.

    ( 47 ) Ara f’dan ir-rigward, il-Qorti EDB, 21 ta’ Ottubru 2013, Del Río Prada vs Spanja, CE:ECHR:2013:1021JUD004275009, punt 84.

    ( 48 ) C‑614/14, EU:C:2016:111.

    ( 49 ) Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov (C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 29 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

    ( 50 ) Ara l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni qafas.

    ( 51 ) Qorti EDB, 27 ta’ Ġunju 2006, Szabó vs L-Iżvezja, CE:ECHR:2006:0627DEC002857803, p. 14.

    ( 52 ) Fid-dawl tat-tqassim tal-kompetenzi, it-tnaqqis tal-piena għandu jiġi imputat mhux għat-tul totali tal-priġunerija, iżda suċċessivament, għal kull wieħed mill-perijodi ta’ detenzjoni fl-Istat emittenti u fl-Istat ta’ eżekuzzjoni.

    ( 53 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, il-Qorti EDB, 21 ta’ Ottubru 2013, Del Río Prada vs Spanja, CE:ECHR:2013:1021JUD004275009, punt 107.

    ( 54 ) C‑187/01 u C‑385/01, EU:C:2003:87.

    ( 55 ) Punt 33

    ( 56 ) Ara l-istudju tal-IRCP intitolat “Material detention condition, execution of custodial sentences and prisoner transfer in the EU Member States”, 2011. Ara wkoll, il-punt 4.1.8 tal-Green Paper tal-Kummissjoni msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35 ta’ dawn il-Konklużjonijiet fejn din tirrileva li “id-differenzi fil‑leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri għal dak li jirrigwarda t-terminu minimu ta’ priġunerija […] ħolqu diffikultajiet ta’ applikazzjoni u anki rifjut ta’ trasferiment għaliex jistgħu jwasslu għal piena inqas severa jew anki libertà immedjata”. Dawn id-diffikultajiet qamu fl-istess termini fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar it‑trasferiment.

    ( 57 ) Infakkar li skont din id-dispożizzjoni, “[l]-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha, fuq talba, tinforma lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti dwar id-dispożizzjonijiet applikabbli għal liberazzjoni bikrija jew kondizzjonata. L-Istat emittenti jista’ jaqbel ma’ l-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet jew jista’ jirtira ċ-ċertifikat”.

    ( 58 ) Qorti EDB, 27 ta’ Ġunju 2006, Szabó vs L-Iżvezja, CE:ECHR:2006:0627DEC002857803, p. 9. Fil-kawża li waslet għal din is-sentenza, il-persuna kkonċernata setgħet raġonevolment tittama li tiġi lliberata fl-Iżvezja ladarba jiġu skontati żewġ terzi tal-priġunerija tagħha ta’ għaxar snin, jiġifieri wara sitt snin u tmien xhur. Minħabba t-trasferiment tagħha lejn l-Ungerija, hija ma setgħetx tippretendi libertà kundizzjonata ħlief wara li tkun skontat erba’ kwinti minn din il-piena, jiġifieri wara tmien snin. Għalhekk, fid-dritt, il-piena tagħha ma kinitx aggravata, madankollu fil-fatt, il-persuna kkonċernata kellha tiskonta fl-Ungerija piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà ta’ sena u erba’ xhur iktar minn dik li kellha tiskonta fl-Iżvezja. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għandha għalhekk teżamina jekk it-trasferiment tal-persuna kkonċernata lejn l-Ungerija u l‑estensjoni de facto tat-tul tad-detenzjoni tagħha setgħux jikkostitwixxu ksur tal‑Artikolu 5 tal-KEDB. F’dan il-każ, hija kkunsidrat li l-perijodu addizzjonali ta’ detenzjoni li l-persuna kkonċernata tirriskja li tiskonta fl-Ungerija kien ekwivalenti għal 20 % tat-tul li hija setgħet tiskonta fl-Iżvezja. Wara li rrilevat li d-differenza ta’ sena u erba’ xhur ma hijiex negliġibbli, hija ddeċidiet, madankollu, li t-tul tad‑detenzjoni li l-persuna kkonċernata ser tiskonta xorta jibqa’ jaqa’ fil-limiti tal‑piena mogħtija.

    Top