Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0486

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fil-15 ta’ Diċembru 2015.
    Proċeduri kriminali kontra Piotr Kossowski.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen – Artikoli 54 u 55(1)(a) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Ammissibbiltà ta’ proċeduri kriminali kontra imputat fi Stat Membru wara l-għeluq tal-proċedura kriminali mibdija kontrih fi Stat Membru ieħor mill-uffiċċju tal-prosekutur mingħajr investigazzjoni fid-dettall – Assenza ta’ evalwazzjoni fil-mertu tal-każ.
    Kawża C-486/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:812

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOT

    ippreżentati fil-15 ta’ Diċembru 2015 ( 1 )

    Kawża C‑486/14

    Proċeduri kriminali

    vs

    Piotr Kossowski

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (qorti reġjonali superjuri ta’ Ħamburg, il‑Ġermanja)]

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Konvenzjoni li timplementa l‑ftehim ta’ Schengen — Artikoli 54 u 55(1)(a) — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 50 u 52(1) — Prinċipju ta’ ne bis in idem — Validità tar-riżerva għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem — Acquis ta’ Schengen — Prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku — Fiduċja reċiproka — Proċeduri kriminali fi Stat Membru ieħor kontra l-istess persuna u minħabba l-istess fatti — Kunċett tal-‘istess ksur’ — Kunċett ta’ ‘sentenza definittiva’ — Eżami fil-mertu — Dritt tal-vittmi”

    1. 

    Din il-kawża tqajjem, għall-ewwel darba, il-kwistjoni tal-validità tar-riżervi għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, previsti fl‑Artikolu 55 tal-Konvenzjoni li timplementa l-ftehim ta’ Schengen ( 2 ), fir-rigward tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

    2. 

    B’mod partikolari, il-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (qorti reġjonali superjuri ta’ Ħamburg) tistaqsi jekk il-possibbiltà offruta lill-Istati Membri, skont l-Artikolu 55(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, li ma japplikawx dan il-prinċipju meta l-fatti previsti minn sentenza ta’ pajjiż barrani jkunu seħħu totalment jew parzjalment fit‑territorju tagħhom stess tikkostitwixxix restrizzjoni tal‑Artikolu 50 tal-Karta, awtorizzata bl-Artikolu 52(1) tagħha.

    3. 

    Din il-kawża hija wkoll opportunità għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża l-ġurisprudenza tagħha dwar il-kunċett ta’ “sentenza definittiva”, fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KFS u l‑Artikolu 50 tal-Karta.

    4. 

    F’dawn il-konklużjonijiet, ser nesponi r-raġunijiet li jwassluni sabiex nargumenta li r-riżerva prevista fl-Artikolu 55(1)(a) tal‑Konvenzjoni ta’ Schengen għandha tkun iddikjarata invalida. Imbagħad ser nispjega għaliex, fl-opinjoni tiegħi, il-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KFS u fl-Artikolu 50 tal‑Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li digriet li ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri adottat mill-uffiċċju tal-prosekutur u li jagħlaq il‑proċedura ta’ investigazzjoni ma jistax jikkwalifika bħala “sentenza definittiva”, fis-sens ta’ dawn l-artikoli, meta jirriżulta b’mod manifest mill-motivazzjoni tagħha li l-elementi li jikkostitwixxu s-sustanza tas‑sitwazzjoni legali nnifisha, bħas-smigħ tal-vittma u dak tax-xhieda, ma kinux eżaminati mill-awtoritajiet ġudizzjarji kkonċernati.

    I – Il-kuntest ġuridiku

    A – Id-dritt tal-Unjoni

    5.

    Il-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa stabbilit fil-Karta. B’hekk, l‑Artikolu 50 tagħha jipprevedi kif ġej:

    “L-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl‑Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi.”

    6.

    Barra minn hekk, l-Artikolu 52(1) tal-Karta jindika li “[k]ull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”.

    7.

    L-Artikolu 54 tal-KFS jipprovdi li “[p]ersuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’Parti Kontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’Parti Kontraenti oħra għall-istess azzjonijiet sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali [piena], din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is‑sentenza”.

    8.

    L-Artikolu 55 tal-KFS jistabbilixxi:

    “1.   Parti Kontraenti tista’, meta tirratifika, taċċetta jew tapprova din il‑Konvenzjoni, tiddikjara li hija m’hijiex marbuta bl-Artikolu 54 f’wieħed jew iżjed minn dawn il-każijiet li ġejjin:

    a)

    meta l-azzjonijiet relatati mas-sentenza ta’ pajjiż barrani jkunu seħħu totalment jew parzjalment fit-territorju tagħha stess; f’dan l-aħħar każ, madankollu, din l-eċċezzjoni m’għandhiex tapplika jekk l‑azzjonijiet ikunu seħħu parzjalment fit-territorju tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza;

    […]

    4.   L-eċċezzjonijiet li kienu s-soġġett ta’ dikjarazzjoni taħt il-paragrafu 1 m’għandhomx japplikaw meta l-Parti Kontraenti konċernata tkun, in konnessjoni ma’ l-istess azzjonijiet, talbet lill-parti Kontraenti l-oħra biex tressaq il-prosekuzzjoni jew tkun estradiet lill-persuna konċernata.”

    9.

    Skont din id-dispożizzjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet ir-riżerva segwenti fir-rigward tal-Artikolu 54 tal-KFS:

    “Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma hijiex marbuta bl-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni

    a)

    meta l-azzjonijiet relatati mas-sentenza ta’ pajjiż barrani jkunu seħħu totalment jew parzjalment fit-territorju tagħha stess” ( 3 ).

    10.

    Flimkien mal-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat‑Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam ( 4 ), il-KFS ġiet inkorporata fid-dritt tal‑Unjoni.

    B – Id-dritt Pollakk

    11.

    L-Artikolu 282 tal-Liġi tas-6 ta’ Ġunju 1997 li tinkludi l-Kodiċi Kriminali (ustawa – Kodeks karny), tas-6 ta’ Ġunju 1997 ( 5 ), jipprevedi li kull min bil-għan li jikseb vantaġġ pekunjarju, bi vjolenza jew b’theddida għall-integrità fiżika jew għall-ħajja jew bi ksur vjolenti tad-dritt ta’ patrimonju, iġiegħel persuna oħra tneħħi l-patrimonju tagħha jew il‑patrimonju ta’ ħaddieħor jew twaqqaf attività ekonomika jkun ssanzjonat b’piena ta’ ħabs minn sena sa għaxar snin.

    12.

    L-Artikolu 327(2) tal-Liġi tas-6 ta’ Ġunju 1997 li tinkludi l-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali (ustawa – Kodeks postępowania karnego), tas-6 ta’ Ġunju 1997 ( 6 ), jindika li proċedura ta’ investigazzjoni magħluqa b’mod definittiv tista’ terġa’ tinfetaħ biss, permezz ta’ digriet tal-uffiċċju tal-prosekutur, kontra persuna li kienet suġġetta għal proċedura ta’ investigazzjoni bħala persuna suspettata meta jirriżultaw elementi fattwali jew ta’ prova essenzjali, li ma kinux magħrufa matul il-proċedura preċedenti.

    13.

    Skont l-Artikolu 328(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, l‑uffiċċju tal-prosekutur jista’ jannulla deċiżjoni definittiva li tagħlaq il‑proċedura ta’ investigazzjoni kontra persuna li kienet suġġetta għal proċedura ta’ investigazzjoni bħala persuna suspettata meta jikkonstata li l-għeluq tal-proċedura ta’ investigazzjoni ma kienx fondat. Skont l‑Artikolu 328(2) ta’ dan il-Kodiċi, wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ sitt xhur mid-data li fiha l-għeluq tal-proċedura ta’ investigazzjoni sar definittiv, l-uffiċċju tal-prosekutur jista’ jannulla jew ivarja d-deċiżjoni jew il-motivazzjoni tiegħu biss favur is-suspettat.

    II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    14.

    Fil-kawża prinċipali, l-uffiċċju tal-prosekutur ta’ Ħamburg (Staatsanwaltschaft Hamburg) fetaħ proċedura ta’ investigazzjoni kontra P. Kossowski, fejn akkużah li fit-2 ta’ Ottubru 2005 f’Ħamburg (il-Ġermanja), huwa wettaq atti fuq il-vittma li, skont id-dritt kriminali Ġermaniż, jikklassifikaw bħala estorsjoni ekwivalenti għal serq aggravat. B’hekk, wara li hedded lill-vittma, ġegħilha tiffirma kuntratt ta’ bejgħ fir-rigward tal-vettura tagħha u sfurzaha ssuq sa pompa tal-petrol, P. Kossowski ħarab b’din il-vettura.

    15.

    Fl-20 ta’ Ottubru 2005, waqt kontroll fit-toroq f’Kołobrzeg (il‑Polonja), l-awtoritajiet Pollakki waqqfu l-imsemmija vettura misjuqa minn P. Kossowski u talbu lil dan tal-aħħar sabiex jeżegwixxi piena ta’ ħabs li kien diġà ġie kkundannat għaliha fil-Polonja f’kawża oħra. Wara li għamel tiftix dwar il-vettura, l-uffiċċju tal-prosekutur tad-distrett ta’ Kołobrzeg (Prokuratura Rejonowa w Kołobrzegu) fetaħ ukoll proċedura ta’ investigazzjoni kontra P. Kossowski dwar l-akkuża ta’ estorsjoni ekwivalenti għal serq aggravat fir-rigward tal-atti mwettqa f’Ħamburg fit-2 ta’ Ottubru 2005. Huwa għalhekk stabbilit li din il-proċedura u dik mibdija mill-uffiċċju tal-prosekutur ta’ Ħamburg jirrigwardaw l-istess fatti.

    16.

    Fil-kuntest tal-assistenza ġudizzjarja, l-uffiċċju tal-prosekutur reġjonali ta’ Koszalin (Prokuratura Okręgowa w Koszalinie, il-Polonja) talab lill‑uffiċċju tal-prosekutur ta’ Ħamburg kopja tal-fajl tal‑investigazzjoni. Dan tal-aħħar, wara li talab li jkun informat bl‑iżviluppi ulterjuri previsti mill-awtoritajiet Pollakki, bagħat kopja tal‑fajl fix-xahar ta’ Awwissu 2006.

    17.

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2008, l-uffiċċju tal‑prosekutur tad-distrett ta’ Kołobrzeg indika li ser iwaqqaf il‑proċedura kriminali pendenti kontra P. Kossowski minħabba l-assenza ta’ akkużi suffiċjenti. Id-digriet li ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri kien immotivat bil-fatt li huma rrifjuta li jagħti xhieda, u li peress li l‑vittma u xhud ta’ hearsay kienu jirrisjedu fil-Ġermanja, ma setgħux jinstemgħu matul il-proċedura ta’ investigazzjoni u li l-indizji tal‑vittma, parzjalment impreċiżi u kontradittorji, għaldaqstant ma setgħux jiġu vverifikati.

    18.

    Fl-24 ta’ Lulju 2009, l-uffiċċju tal-prosekutur ta’ Ħamburg ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew kontra P. Kossowski u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet lir-Repubblika tal-Polonja l-estradizzjoni tiegħu permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Settembru 2009.

    19.

    Permezz ta’ deċiżjoni tas-Sąd Okręgowy w Koszalinie (qorti reġjonali tad-distrett ta’ Koszalin, il-Polonja) tas-17 ta’ Settembru 2009, l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest ġiet miċħuda peress li d-deċiżjoni tal-uffiċċju tal-prosekutur tad-distrett ta’ Kołobrzeg li jwaqqaf il-proċedura kriminali kienet finali fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 607p(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.

    20.

    Fis-7 ta’ Frar 2014, P. Kossowski, li kien għadu mfittex fil‑Ġermanja, ġie arrestat f’Berlin (il-Ġermanja). Fis-17 ta’ Marzu 2014, ħareġ att ta’ akkuża kontra tiegħu mill-uffiċċju tal-prosekutur ta’ Ħamburg għall-atti li wettaq fit-2 ta’ Ottubru 2005.

    21.

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ġunju 2014, il-Landgericht Hamburg (qorti reġjonali ta’ Ħamburg, il-Ġermanja) irrifjutat li tiftaħ il-proċedura kontra P. Kossowski, billi kkunsidrat li l-azzjoni pubblika kienet intemmet, fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KFS, permezz ta’ deċiżjoni tal-uffiċċju tal-prosekutur tad-distrett ta’ Kołobrzeg. Il-Landgericht Hamburg (qorti reġjonali ta’ Ħamburg) kienet diġà rtirat il-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra P. Kossowski fit-2 ta’ April 2014 u dan tal-aħħar, li kien tqiegħed taħt detenzjoni provviżorja, kien ġie lliberat.

    22.

    L-uffiċċju tal-prosekutur ta’ Ħamburg appella mid-deċiżjoni tal-Landgericht Hamburg (qorti reġjonali ta’ Ħamburg) quddiem il‑Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (qorti reġjonali superjuri ta’ Ħamburg) li minħabba dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal‑Unjoni rilevanti f’dan il-każ, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Ir-riżervi li saru fi żmien ir-ratifika mill-partijiet kontraenti tal‑[KFS] skont l-Artikolu 55(1)(a) tagħha – speċifikament, ir-riżerva li għamlet ir-Repubblika Federali tal‑Ġermanja fir-rigward tal-punt (a) meta ppreżentat l-att ta’ ratifika tagħha, li hija ma hijiex marbuta bl-Artikolu 54 tal‑[KFS], “meta l-azzjonijiet relatati mas-sentenza ta’ pajjiż barrani jkunu seħħu totalment jew parzjalment fit-territorju tagħha stess […]” – għandhom jibqgħu fis-seħħ wara l-inklużjoni tal-acquis ta’ Schengen fi ħdan il-qafas legali tal-Unjoni Ewropea permezz tal-Protokoll ta’ Schengen […] kif miżmum fis-seħħ mill-Protokoll ta’ Schengen anness mat-Trattat ta’ Lisbona? Dawn l-eċċezzjonijiet huma limitazzjonijiet proporzjonati tal-Artikolu 50 tal-[Karta] fis-sens tal-Artikolu 52(1) [tagħha]?

    2)

    Fil-każ ta’ risposti fin-negattiv:

    Il-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 54 tal-[KFS] u fl‑Artikolu 50 tal-[Karta] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-prosekuzzjoni ta’ persuna akkużata fi Stat Membru – f’dan il-każ, [fir]-Repubblika Federali tal-Ġermanja – meta l-prosekuzzjoni tagħha fi Stat Membru ieħor – f’dan il-każ [fir]-Repubblika tal-Polonja – tkun ingħalqet mill‑prosekutur, mingħajr ma jkunu twettqu obbligi imposti bħala sanzjoni u mingħajr ebda investigazzjoni fid-dettall, għal raġunijiet fattwali, fin-nuqqas ta’ raġunijiet suffiċjenti sabiex l‑akkużat ikun issuspettat bir-reat, u tkun tista’ tinfetaħ mill-ġdid biss jekk ikun hemm għarfien ta’ ċirkustanzi sinjifikattivi li ma kinux magħrufa preċedentement, meta dawn iċ-ċirkustanzi ġodda fil-fatt ma jkunux jeżistu?”

    III – L-analiżi tiegħi

    23.

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk wara l-inklużjoni tal-acquis ta’ Schengen fid-dritt tal-Unjoni u fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta, ir-riżerva prevista fl‑Artikolu 55(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen tibqax valida.

    24.

    Fil-każ fejn tali riżerva ma tibqax valida, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl‑Artikolu 54 tal-KFS u fl-Artikolu 50 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li digriet li ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri adottat mill-uffiċċju tal-prosekutur u li jagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni jistax jiġi kklassifikat bħala “sentenza definittiva”, fis‑sens ta’ dawn l-artikoli, meta dan ikun ġie adottat mingħajr ma nstemgħu l-vittma u x-xhud matul din il-proċedura.

    A – Fuq il-validità tal-Artikolu 55(1)(a) tal-KFS

    25.

    Qabel xejn, għandha tiġi skartata l-ipoteżi difiża mill‑Kummissjoni Ewropea, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ( 7 ) u waqt is-seduta, li tipprovdi li l-eżami tal-ewwel domanda mressqa mill‑qorti tar-rinviju jista’ jkun superfluwu. Il-Kummissjoni tfakkar li l‑Artikolu 55(4) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen jipprevedi li “[l]‑eċċezzjonijiet li kienu s-soġġett ta’ dikjarazzjoni taħt il-paragrafu 1 m’għandhomx japplikaw meta l-Parti Kontraenti konċernata tkun, in konnessjoni ma’ l-istess azzjonijiet, talbet lill-parti Kontraenti l-oħra biex tressaq il-prosekuzzjoni jew tkun estradiet lill-persuna konċernata”. Issa, skont il-Kummissjoni, il-fatt li l-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi kkooperaw mal-awtoritajiet ġudizzjarji Pollakki, u bagħtulhom kopja tal-fajl ta’ investigazzjoni tagħhom u ma opponewx għall-eventwali proċedura kriminali Pollakka jikkostitwixxi b’mod impliċitu talba għall‑prosekuzzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    26.

    Jiena ma naqbilx ma’ din l-analiżi.

    27.

    Qabelxejn għandu jiġi ppreċiżat li l-ġurisdizzjoni territorjali tal‑qrati fil-qasam kriminali jkollha, normalment, fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, natura ta’ ordni pubblika. Mill-ġurisdizzjoni territorjali tirriżulta b’mod obbligatorju l-liġi nazzjonali applikabbli, peress li d‑dritt kriminali ma jirrikonoxxix it-teorija ta’ status personali. It‑territorjalità tal-liġi kriminali hija, fil-fatt, waħda mill-espressjonijiet ta’ sovranità tal-Istati Membri. Konsegwentement, u fil-prinċipju, l‑għażla bejn il-liġi kriminali Ġermaniża u l-liġi kriminali Pollakka ma jidhirlix li tista’ tkun ir-riżultat tal-logħba ta’ mekkaniżmu impliċitu kif issuġġerit mill-Kummissjoni. Din l-għażla ma jidhirlix li tista’ tirriżulta ħlief minn talba espliċita magħmula mill-qorti ta’ Stat Membru u aċċettata b’mod espliċitu mill-ieħor.

    28.

    Imbagħad, mill-fajl mibgħut mill-qorti tar-rinviju lill-Qorti tal‑Ġustizzja jidher li xejn ma jindika li saret tali talba, kienet x’kienet il-forma li setgħet tieħu. Għall-kuntrarju, l-uffiċċju tal-prosekutur ta’ Ħamburg jippreċiża, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l‑uffiċċju tal-prosekutur reġjonali ta’ Koszalin ma ntalabx jerġa’ jibda l-proċeduri. Jekk ma’ dan jiżdied li r-risposta ta’ dan tal-aħħar tirreferi espliċitament għall-investigazzjonijiet li kellhom isiru sabiex tkun tista’ tiġi adita l-qorti u li ma sarux, minn hemm tirriżulta l-prova li huwa qatt ma qies ruħu li huwa inkarigat mill-proċeduri. F’każ kuntrarju, kien sempliċement jitlob lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti Ġermaniżi jisimgħu lill-persuni li x-xhieda tagħhom kienet nieqsa.

    29.

    Għandu jiġi kkunsidrat ukoll li meta bagħat kopja tal-fajl ta’ investigazzjoni, l-uffiċċju tal-prosekutur ta’ Ħamburg talab espressament li jkun informat bl-iżviluppi ulterjuri li kienu maħsuba mill‑awtoritajiet ġudizzjarji Pollakki ( 8 ).

    30.

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-uffiċċju tal-prosekutur ta’ Ħamburg bagħat biss kopja tal-fajl tal-investigazzjoni u mhux l-oriġinali, li huwa żamm. Din l-attitudni tal-uffiċċju tal-prosekutur ta’ Ħamburg fil-fatt hija konformi ma’ prattika ġudizzjarja ta’ prudenza fundamentali normalment osservata mill-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni li tikkonsisti li proċeduri jinbdew biss abbażi tal-oriġinal tal-fajl tal-investigazzjoni li tagħha huwa l‑bażi. Din ir-regola, imnissla mill-prattika, hija attitudni ta’ prevenzjoni ta’ proċeduri doppji u għalhekk forma ta’ difiża sabiex tipprevjeni bl‑iktar mod possibbli l-ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem li, fl-ewwel loġika tiegħu, huwa intiż fundamentalment sabiex jevita l-proċeduri doppji li jirriżultaw f’kundanni doppji.

    31.

    Għal dawn ir-raġunijiet kollha jiena nikkunsidra li l-uffiċċju tal‑prosekutur ta’ Ħamburg ma jistax jitqies li huwa svestit mill-ġurisdizzjoni tiegħu.

    32.

    Hawnhekk, għandha tiġi eżaminata l-validità tar-riżerva prevista fl-Artikolu 55(1)(a) tal-KFS wara l-inklużjoni tal‑acquis ta’ Schengen fid-dritt tal-Unjoni u fid-dawl tal-Artikoli 50 u 52(1) tal-Karta. Dwar dan l-aħħar punt, nippreċiża li din ir-riżerva tikkostitwixxi limitazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, fis-sens tal‑Artikolu 52(1) tal-Karta, peress li l-ispjegazzjonijiet relatati magħha, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 50 tagħha, isemmu espressament l‑Artikoli 54 sa 58 tal-KFS fost id‑dispożizzjonijiet li huma previsti mill-klawżola orizzontali tal‑Artikolu 52(1) tal-Karta.

    33.

    Fir-rigward tal-ewwel punt indirizzat mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-konsegwenzi tal-inklużjoni tal-acquis ta’ Schengen dwar il‑validità tal-Artikolu 55(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, jiena naħseb li, a priori, din l-inklużjoni fiha nnifisha ma għandhiex effett li tirrendi din id-dispożizzjoni invalida.

    34.

    Fil-fatt, il-KFS kienet inkluża fid-dritt tal‑Unjoni permezz tal-Protokoll ta’ Schengen bħala l-“acquis ta’ Schengen”, kif iddefinit fl-anness ta’ dan il-protokoll. Mill-Artikolu 2 tad‑Deċiżjoni 1999/436/KE ( 9 ) u mill-Anness A tagħha jirriżulta li l‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea fassal l-Artikoli 34 TUE u 31 TUE bħala l-bażi legali tal-Artikoli 54 sa 58 tal-KFS u għalhekk, f’dan hemm inkluż ukoll, l-Artikolu 55 tagħha.

    35.

    Għalkemm ma huwiex ikkontestat li r-riżerva prevista fl‑Artikolu 55(1)(a) tal-KFS tifforma parti mill‑acquis ta’ Schengen u saret parti integrali mid-dritt tal-Unjoni, il‑kwistjoni tibqa’ dwar jekk il-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni huwiex kompatibbli mal-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni kif jirriżulta, minn naħa waħda, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, min-naħa l‑oħra mit-termini tal-Karta, it-tnejn sussegwenti kemm għat-tfassil tal-KFS kif ukoll għall‑inklużjoni tagħha fir-rigward tal-acquis ta’ Schengen. Fil-fatt, l‑ewwel paragrafu tal-preambolu tal-Protokoll ta’ Schengen kien jippreċiża li huwa jirrigwarda b’dan il-mod, “b’mod partikolari, li jippermetti lill‑Unjoni Ewropea ssir iktar malajr spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja”. Għalhekk huwa evidenti li integrat f’dan il-għan, l-acquis ta’ Schengen ma jistax imur kontra dan l-ispazju. Għandi nfittex għalhekk jekk f’dan il-każ, ir-riżerva invokata tikkostitwixxix ostakolu għall‑ħolqien tal-imsemmi spazju u, jekk neċessarju, nipproponi jew li tiġi skartata jew li tiġi interpretata, jekk possibbli f’sens konformi mal‑volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

    36.

    L-ewwel bażi storika tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, irrikonoxxuta kmieni ħafna, hija l-protezzjoni tal-individwu kontra l‑arbitrarjetà li tikkonsisti f’diversi deċiżjonijiet kontra l-istess individwu dwar l-istess fatti taħt klassifikazzjonijiet differenti.

    37.

    L-ewwel invokazzjonijiet ta’ dan il-prinċipju jinsabu fl-epoka Rumana fejn il-projbizzjoni tal-praetor tatha l-forma espressiva tagħha: “bis de eadem re ne sit actio”. Ma huwiex ikkontestat li l-imsemmi prinċipju jikkostitwixxi wieħed mid-drittijiet fundamentali taċ-ċittadin quddiem is-setgħa li tingħata deċiżjoni. Sar prinċipju essenzjali tad-dritt kriminali.

    38.

    Filwaqt li jikkonserva dan l-aspett fundamentali ta’ difiża tal‑libertajiet individwali, fil-kuntest tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja l-prinċipju ta’ ne bis in idem irċieva wkoll skop ieħor, dak li jiżgura l-moviment liberu.

    39.

    Din id-dimensjoni wasslet neċessarjament sabiex jingħata applikazzjoni transnazzjonali fi ħdan l-Unjoni. Għalhekk, qamet ukoll in-neċessità ta’ għaqda bejn is-sistemi differenti ta’ ġustizzja kriminali tal-Istati Membri, kollha leġiżlazzjonijiet ikkaratterizzati kemm minn punti li ma jistgħux jiġu injorati ta’ approssimazzjoni kif ukoll minn differenzi mhux kontestabbli, b’mod partikolari ta’ natura proċedurali. Sabiex jingħelbu d-diffikultajiet li jirriżultaw mid-diversità ta’ sistemi li la kienu suġġetti għal armonizzazzjoni u lanqas għal approssimazzjoni – li għalihom, barra minn hekk, l-Istati Membri huma, b’mod ġenerali, ostili fil-qasam tad-dritt kriminali – il-Qorti tal‑Ġustizzja applikat il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku.

    40.

    Fil-fatt, l-Istati Membri, magħquda waqt il-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, ikkunsidraw dan il-prinċipju bħala l‑bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja. It-Trattat ta’ Lisbona jistabbilixxih bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fl-Unjoni fil‑qasam kriminali ( 10 ).

    41.

    Fis-sentenza tagħha Gözütok u Brügge ( 11 ), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li “l-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KIFS, indipendentament mill-fatt li jiġi applikat għall-proċeduri ta’ estinzjoni ta’ l-azzjoni pubblika li jinvolvu l-intervent ġudizzjarju jew le, jimplika neċessarjament illi teżisti fiduċja reċiproka bejn l-Istati membri fil-konfront tas-sistemi ta’ ġustizzja penali rispettivi tagħhom u li kull wieħed minnhom jaċċetta l-applikazzjoni tad-dritt penali fis-seħħ fl-Istati membri l-oħra, anke meta t-twettiq tad-dritt nazzjonali propju jwassal għal soluzzjoni differenti” ( 12 ).

    42.

    Jiena nenfasizza l-frażi “jimplika neċessarjament”, għaliex fl-opinjoni tiegħi għandha sinjifikattiv partikolari. Fil-fatt jekk wieħed jikkunsidra, li fil-linji preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li fit‑Trattat tal-UE u fil-KFS ma hemm xejn li jissuġġetta l-operat tal-prinċipju ta’ ne bis in idem għal armonizzazzjoni jew għal approssimazzjoni minn qabel tal‑leġiżlazzjonijiet, dan ifisser li l-operat ta’ dan il-prinċipju, li sar fundamentali bħala rekwiżit tal-applikazzjoni konkreta tal-libertà ta’ moviment, jimponi, fil-fatt, li l-Istati Membri jkollhom fiduċja reċiproka. Id-diverġenzi tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ma jistgħux għalhekk ikunu ta’ ostakolu għall-operat tal-imsemmi prinċipju ( 13 ).

    43.

    Il-leġiżlatur tal-Unjoni ried, billi jirrikorri għall-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, jegħleb id-diffikultajiet kważi insormontabbli rreġistrati minħabba, b’mod partikolari, il-fallimenti tat-tentattivi preċedenti ta’ approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali. Min-naħa tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja siltet minnhom il-konsegwenzi fil-ġurisprudenza tagħha. Għalhekk il-formula użata għandha tinftiehem bħala li tfisser li l-fiduċja reċiproka ma hijiex il-preliminari tal-operat tar-rikonoxximent reċiproku, iżda l-konsegwenza ( 14 ) imposta fuq l-Istati Membri bl-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju. Fi kliem ieħor, l‑applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jimponi lill-Istati Membri li jafdaw reċiprokament lil xulxin ikunu x’ikunu d‑differenzi tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali rispettivi tagħhom.

    44.

    Is-saħħa tal-prinċipju hekk espress hija ġġustifikata mill‑kwistjoni li tikkostitwixxi l-ħolqien tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għall-ħolqien tal-Unjoni. Fil-fatt, dan l-ispazju, jidher bħala dimensjoni kumplementarja għall‑ispazju uniku ta’ moviment u ta’ attività ekonomika, peress li jipprovdi qafas legali li jinkludi d-drittijiet individwali taċ-ċittadini tal-Unjoni. B’hekk, huwa jintrabat mingħajr kontestazzjoni mal-kunċett ta’ ċittadinanza tal-Unjoni li għalih jikkontribwixxi sabiex jagħtih dimensjoni konkreta.

    45.

    Huwa għalhekk fid-dawl ta’ dan il-ħolqien ġurisprudenzjali li l‑validità tar-riżerva prevista fl-Artikolu 55(1)(a) tal-KFS miżmuma mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tkun evalwata llum. Is-saħħa partikolari mogħtija lill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għandha twassal għat-twarrib tagħha?

    46.

    Għalkemm, kif fakkart preċedentement, din ir-riżerva ma saritx ineffettiva minħabba s-sempliċi fatt tal-inklużjoni tal-acquis ta’ Schengen fid-dritt tal-Unjoni, madankollu hija ma tistax taħdem kontrih.

    47.

    Ir-riferiment magħmul mill-Gvern Ġermaniż, waqt is-seduta, għall-kunċett ta’ utilità jew ta’ neċessità jidhirli li jikkostitwixxi approċċ xieraq.

    48.

    Fil-fatt, ma hemm l-ebda dubju li t-tgawdija tar-riżerva prevista fl-Artikolu 55(1)(a) tal-KFS għandha l-effett li xxejjen il-kontenut tal-prinċipju ta’ ne bis in idem. Fid-dawl tal‑kunsiderazzjonijiet fuq imsemmija dwar ir-rabta ta’ dan il-prinċipju ma’ dak ta’ rikonoxximent reċiproku u dwar l-importanza fundamentali ta’ dan tal‑aħħar għall-ħolqien tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, din il-kunsiderazzjoni waħedha hija suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li din ir‑riżerva għandha tkun iddikjarata invalida.

    49.

    Madankollu, eċċezzjoni għal din id-dikjarazzjoni tista’ ssir biss jekk tkun iġġustifikata min-neċessità li l-imsemmija riżerva tingħata effett utli fis-sens ta’ interess superjuri li ma għandux effett kuntrarju għat-tfassil tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

    50.

    Huwa għalhekk, li minn din il-perspettiva ser nistudja, abbażi tal-argumenti tal-Gvern Ġermaniż, l-eventwalità tal-eżistenza ta’ utilità jew neċessità possibbli ta’ din l-istess riżerva.

    51.

    F’dan ir-rigward, jiena tal-opinjoni li r-riferiment għall-kunċett ta’ utilità jew ta’ neċessità jwassal għall-konklużjoni li r-riżerva prevista fl-Artikolu 55(1)(a) tal-KFS hija inutli, għaliex effettivament ma għadhiex neċessarja minħabba l-effett tal-applikazzjoni ġusta tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont id-dispożizzjonijiet tal-Karta, li ser nesponi issa.

    52.

    L-espressjonijiet użati mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddefinixxi l-kundizzjonijiet materjali tal-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem ma għandhomx iwassluna għal żball u fuq kollox ma għandhomx ikunu sseparati mill-kuntest tal-istat ta’ progress attwali ta’ din il-ġurisprudenza u ferm iktar mit-test tal-Karta, li evidentement huwa applikabbli hawnhekk.

    53.

    It-test tal-KFS juża l-kunċett ta’ “l-istess azzjonijiet”. Min-naħa tagħha, il-Karta tuża dak tal-“istess reat [ksur]”. Huwa evidentement dan l-aħħar kunċett –li t-tifsira tiegħu hija inkluża fil-ġurisprudenza żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ħolqien ġurisprudenzjali tagħha tar-regoli ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem – li għandu jiġi kkunsidrat.

    54.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ħarġet mill-kunċett tal-“istess atti” perċezzjoni mhux purament materjali, iżda, għall-kuntrarju, ġuridika. Fis-sentenza tagħha Mantello ( 15 ), hija għolliet dan il-kunċett għal grad ta’ “kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni”. Għall-Qorti tal-Ġustizzja, l-istess bħal fil-Karta, l-identiċità tal-fatti espressa fil-KFS ma hija xejn għajr is-similarità tal-ksur, similarità li tiġi evalwata mhux bil-kunsiderazzjoni tal-klassifikazzjonijiet partikolari f’kull leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda fir-rigward tas-sustanza nnifisha tad-diversi ksur ikkonċernat.

    55.

    B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet il-kundizzjonijiet tal‑identiċità tal-fatti billi ppreċiżat li jirrigwarda fatti li huma essenzjalment l-istess (għalhekk mingħajr kunsiderazzjoni tal‑espressjonijiet tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali), marbutin b’mod inseparabbli ma’ xulxin fiż-żmien, fl-ispazju u mill-“għan” tagħhom ( 16 ). Billi għamlet dan, il-Qorti tal-Ġustizzja tat, f’din il-forma, definizzjoni klassika tal-kunċett ta’ ksur billi rreferiet għal identiċità tal-att meħud fit-tifsira, is-sustanza, li turi l-intenzjoni kriminali tal-awtur tagħha. Fil-fatt, att ma jistax jieħu klassifikazzjoni ta’ reat speċifiku, jiġifieri ma jistax jiġi konfuż ma’ xi reat ieħor, jekk ikun distakkat mill‑għan tiegħu, jiġifieri mill-intenzjoni tiegħu. Bejn ġrieħi kkawżati involontarjament u oħrajn magħmula volontarjament, id-differenza ma hijiex tal-grad, iżda tan-natura, minkejja li t-tieni waħda tkun wasslet għal konsegwenzi inqas gravi minn dik tal-ewwel.

    56.

    Nenfasizza l-kelma “għan”, għaliex x’inhu l-għan tal-att jekk mhux l-iskop tiegħu, il-portata tiegħu, jiġifieri l-intenzjoni li biha huwa twettaq? Jekk l-għan tal-att huwa li l-awtur tiegħu japproprja ruħu volontarjament mill-beni ta’ ħaddieħor, jekk dan huwa dak li ried jagħmel, allura huwa ħati ta’ serq u huwa proprju bl-intenzjoni li titwettaq din l-approprjazzjoni li twettaq l-att.

    57.

    Permezz tal-kunsiderazzjoni tal-għan tal-att fid-definizzjoni tiegħu ta’ dik li hija l-identiċità materjali tal-fatti fis-sens tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għall-kunċett klassiku tal-ksur u timxi fuq “l-istess linja” tal-frażi tal-Karta, qabel stess ma din tal‑aħħar daħlet fis-seħħ. Barra minn hekk, fil-ġurisprudenza tagħha, il‑Qorti tal-Ġustizzja sikwit użat espressament il-kunċett ta’ intenzjoni bħala element li jifforma parti mid-definizzjoni tal-kunċett tal-istess azzjonijiet ( 17 ).

    58.

    Issa wasal il-mument li ndur fuq l-eżempju pprovdut mill-Gvern Ġermaniż fis-seduta.

    59.

    Dan il-Gvern ikkunsidra sitwazzjoni fejn individwu ta’ nazzjonalità barranija li kien wettaq, fil-Ġermanja, reat ta’ vjolenza ispirat mill-apoloġija tan-nażismu jiġi kkundannat fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu għal dawn l-atti ta’ vjolenza bl-applikazzjoni ta’ liġi li tinjora, fil‑klassifikazzjoni tagħha, iċ-ċirkustanza partikolari ta’ apoloġija tan-nażismu. F’dan il-każ, skont il-Gvern Ġermaniż, ir-riżerva prevista fl‑Artikolu 55(1)(a) tal-KFS għandha tapplika. Jiena ma naqbilx.

    60.

    L-intenzjoni, fis-sens klassiku tat-terminu, fid-dritt kriminali hija ġeneralment iddefinita bħala l-volontà li jintlaħaq għan. F’dan is-sens, hija differenti mill-motiv li huwa r-raġuni għaliex l-awtur wettaq il-ksur. Il-motiv huwa, b’mod ġenerali, indifferenti fl-istadju tal‑klassifikazzjoni, fis-sens li huwa ma jitteħidx inkunsiderazzjoni għad-definizzjoni legali tal-att materjali punibbli. Jekk wieħed jisraq minħabba bżonn ta’ ikel jew b’regħba, is-serq xorta twettaq. L-għan tal‑att materjali jikkonsisti fl-approprjazzjoni tal-ħaġa ta’ ħaddieħor. Huwa b’din l-intenzjoni li l-awtur iwettqu. Il-motiv ta’ din l‑approprjazzjoni frawdolenti jinsab, pereżempju, fl-istat ta’ bżonn jew fir-regħba għal gwadann. Ir-reat huwa identiku fiż-żewġ każijiet, jikkostitwixxi serq u l-qorti tagħmel differenza billi tieħu inkunsiderazzjoni l-motiv sabiex tistabbilixxi l-piena li hija tagħti jew li ma tagħtix lill-awtur, jekk ikun il-każ.

    61.

    Madankollu, huwa possibbli li Stat Membru jikkunsidra li att imwettaq b’motiv partikolari, f’dan il-każ apoloġija tan-nażismu, jikkawża fl-ordni pubbliku tiegħu inkwiet partikolari u jrid jistabbilixxi reat speċifiku għalih billi jagħmel mill-motiv, li jispira l-att iżda li huwa oġġettiv fit-twettiq tiegħu, element li jikkostitwixxi reat speċifiku marbut ma’ piena xierqa. Dan huwa perfettament legali u leġittimu, għaliex jirrigwarda l-ordni pubbliku tiegħu u għalhekk valuri tan‑nazzjon tiegħu. Minkejja dan, fl-inkriminazzjoni partikolari tagħha, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkunsidrat l-apoloġija ta’ nażismu bħala wieħed mill-karatteristiċi tal-element materjali tar-reat.

    62.

    F’dan l-istadju għandu jiġi enfasizzat li din l-interpretazzjoni bl‑ebda mod ma hija kontradittorja mal-pożizzjoni ċara tal-Qorti tal‑Ġustizzja li tippreċiża li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biss l‑identiċità materjali tal-fatti irrispettivament mill-klassifikazzjonijiet u mill-interessi protetti. Fil-fatt, il-kwistjoni li għadni kif eżaminajt ma tikkonsistix fit-talba dwar liema interessi huma protetti, iżda tfittex jekk, ikunu x’ikunu l-klassifikazzjonijiet użati, hemmx żewġ reati li huma jew ma humiex, essenzjalment l-istess.

    63.

    Issa jekk ma jkunx hemm l-istess reat, kif din l-espressjoni għandha tinftiehem bl-applikazzjoni simultanja tal-Karta u tal‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja, allura s-sitwazzjoni eżaminata tkun tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.

    64.

    Il-kwistjoni dwar jekk id-differenza ta’ klassifikazzjoni tkoprix differenza essenzjali fir-rigward tad-definizzjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja hija evidentement fil-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-fatti, jiġifieri l-qorti nazzjonali, ħlief meta tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja f’każ ta’ dubju dwar kunċett li jikkostitwixxi, kif rajna, kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni.

    65.

    Ikun hemm oġġezzjoni li l-implementazzjoni konkreta tista’ tkun sors ta’ diffikultajiet. Meta d-differenza tar-reat titqajjem meta jkun diġà hemm l-ewwel kundanna fi Stat Membru ieħor, kif ser nipproċedu? U iktar u iktar jekk piena diġà ġiet eżegwita?

    66.

    Il-prinċipji li qajjimt iwassluni sabiex niddikjara legali proċeduri mibdija fit-tieni lok peress li d-differenza invokata tipprekludi l-prinċipju ta’ ne bis in idem. Barra minn hekk, ma jistax jiġi injorat li, għalkemm globalment differenti, ir-reati inkwistjoni huma parzjalment identiċi. Ċertament ikun kritikabbli li jiġi aċċettat kumulu pur u sempliċi tal-kundanni finalment deċiżi fiż-żewġ Stati Membri. Is‑soluzzjoni, sempliċi u implementata f’diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali, hija li tiġi eżegwita biss l-ikbar kundanna. Jidhirli li din hija l-unika soluzzjoni li tkopri b’mod aċċettabbli, fir-rigward tal-prinċipji, il-varjetà ta’ sitwazzjonijiet reali kollha possibbli. X’jiġri peró, meta wieħed mir-reati diġà kien issanzjonat fi Stat Membru u l-piena ġiet eżegwita? Skont din il-prattika, jekk l-ewwel piena eżegwita tkun l‑ikbar waħda, ebda “suppliment” ma jista’ jiġi impost fuq l‑ikkundannat. Jekk jirriżulta li din hija l-iżgħar waħda, l-ikkundannat jeżegwixxi biss id-differenza bejn dik diġà eżegwita u dik imposta sussegwentement.

    67.

    Jidhirli li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-riżerva prevista fl-Artikolu 55(1)(a) tal-KFS effettivament ma għadha tippreżenta ebda neċessità, kemm f’dan il-każ kif ukoll fil-każijiet l‑oħra kollha. Fil-fatt, ladarba l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Karta jiżguraw l-osservanza tad-differenza sostantiva tar-reati, il-fatt li Stat Membru ikun permess jevita l-prinċipju ta’ ne bis in idem f’ċirkustanzi differenti jwassal sabiex jixxejjen il-kontenut u tiġi kkontestata s-sistema li fuqha huwa bbażat l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

    68.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena tal‑opinjoni li r-riżerva prevista fl-Artikolu 55(1)(a) tal-KFS ma tosservax il-kontenut essenzjali tal-prinċipju ta’ ne bis in idem kif stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta u għandha għalhekk, tkun iddikjarata invalida.

    B – Fuq il-kunċett ta sentenza definittiva

    69.

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KFS u u fl-Artikolu 50 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis‑sens li digriet li ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri adottat mill‑uffiċċju tal-prosekutur u li jagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni jistax jikkwalifika bħala “sentenza definittiva”, fis-sens ta’ dawn l‑artikoli, meta jiġi adottat mingħajr ma l-vittma u x-xhud ikunu nstegħmu matul din il-proċedura.

    70.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha diversi drabi l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar il-kunċett ta’ sentenza definittiva. B’hekk, mill‑ġurisprudenza tagħha jirriżulta li l-elementi essenzjali li għandhom jiġu vverifikati, sabiex jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjoni inkwistjoni tistax tikkwalifika bħala “definittiva”, huma s-segwenti. Id-deċiżjoni għandha tkun ingħatat wara l-evalwazzjoni tal-mertu tal-każ u għandha twassal għall‑estinzjoni, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, tal-azzjoni pubblika mibdija kontra l-awtur tar-reat ( 18 ).

    71.

    Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, digriet li ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri mogħti wara investigazzjoni li matulha jkunu ġew miġbura u eżaminati diversi mezzi ta’ prova għandu jiġi kkunsidrat li huwa s‑suġġett ta’ evalwazzjoni tal-mertu, sa fejn jimplika deċiżjoni finali dwar in-natura insuffiċjenti ta’ dawn il-provi u jeskludi kull possibbiltà li l-kawża terġa’ tinfetaħ fuq il-bażi tal-istess sensiela ta’ indizji ( 19 ).

    72.

    Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, din il-ġurisprudenza għandha tkun applikata fil-każ sottomess f’din il-kawża ( 20 ). Ma naqbilx ma’ din l‑opinjoni.

    73.

    Mid-digriet li ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri inkwistjoni fil‑kawża prinċipali jirriżulta li dan ġie adottat għaliex P. Kossowski kien irrifjuta li jixhed, għaliex il-vittma u x-xhud ta’ hearsay kienu jirrisjedu fil‑Ġermanja, tant li dawn ma setgħux jinstemgħu matul il-proċedura ta’ investigazzjoni, u għaliex l-indizji tal-vittma, parzjalment impreċiżi u kontradittorji, ma setgħux jiġu vverifikati.

    74.

    Is-sustanza nnifisha tal-prinċipju ta’ ne bis in idem tinsab fir‑rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li teħtieġ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri. Dan jipprekludi, madankollu, li l-Istati Membri jivverifikaw jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem humiex effettivament issodisfatti, b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk hemmx deċiżjoni dwar il-mertu?

    75.

    Il-kunċett tal-“mertu tal-kawża” jista’ jqajjem l-idea ta’ eżami ddettaljat u kritiku tal-proċedura inkwistjoni. L-Istat Membru li jwettaq dan l-eżami “jiddeċiedi”, b’xi mod, dwar il-proċedura tal-Istat Membru l-ieħor qabel jirrikonoxxi jekk jaċċettahx jew le. Dan ifisser li terġa’ tiġi stabbilita l-eżekuzzjoni, li hija inaċċettabbli għaliex din tneħħi kull sens mill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u tolqot b’mod dirett l-idea ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja nnifisha.

    76.

    Barra minn hekk, li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru jiġu sfurzati jeżegwixxu b’għajnejhom magħluqa kull deċiżjoni mingħajr ebda dritt ta’ kunsiderazzjoni żgur li jkun ta’ natura li jaffettwa r‑rikonoxximent reċiproku f’każijiet fejn, oġġettivament, ikun hemm kwistjonijiet evidenti.

    77.

    Fil-fatt, ma jkun ta’ ebda użu li l-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi r‑rekwiżiti tal-validità tal-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem jekk il-preżenza tagħhom ma tistax tkun oġġettivament ikkonstatata. Barra minn hekk dan huwa dan l-iskop tat-trasparenza tad‑deċiżjonijiet ġudizzjarji, li tikkostitwixxi wieħed mill-elementi tal‑istat tad-dritt, li miegħu tikkorrispondi n-neċessità ta’ motivazzjoni tad‑deċiżjonijiet ġudizzjarji. Fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, din it-trasparenza hija element indispensabbli għad-djalogu tal-qrati u tal‑prosekuturi.

    78.

    B’hekk, meta mill-motivazzjoni, li ma tistax tkun nieqsa, ta’ deċiżjoni li t-teħid inkunsiderazzjoni tagħha huwa kkontestat, jirriżulta b’mod li ma jistax jiġi injorat li r-rekwiżiti stabbiliti mill-Qorti tal‑Ġustizzja ma humiex issodisfatti, il-qorti kkonċernata bl‑applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem ikollha dritt ma tapplikax dan il-prinċipju, suġġett, f’każ ta’ dubju, għad-domandi li hija għandha tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja – diliġenza li f’dan il-każ jirriżulta li saret.

    79.

    Minn qari sempliċi tal-elementi stabbiliti fid-deċiżjoni Pollakka, jirriżulta, mingħajr kontestazzjoni, li l-mertu tal-kawża ma ġiex indirizzat. Fil-fatt, din id-deċiżjoni ssemmi li l-akkużat ma kienx ikkoopera u ma spjegax ruħu, li l-konfrontazzjoni, li kienet tidher neċessarja minħabba impreċiżjonijiet li qamu fix-xhieda tal-vittma, ma saritx u li x-xhud ma nstemax, minħabba li, b’mod partikolari, dawn il-persuni kienu joqogħdu fil-Ġermanja, u ebda miżura ta’ assistenza ġudizzjarja ma ntalbet f’dan ir-rigward. Għalhekk jidher evidenti li l-elementi li jikkostitwixxu s-sustanza nnifisha tas-sitwazzjoni legali li għandhom quddiemhom l-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi u Pollakki ma ġewx eżaminati mill-awtoritajiet ġudizzjarji Pollakki.

    80.

    Barra minn hekk, jekk l-istabbiliment ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja reali jseħħ permezz ta’ rikonoxximent reċiproku tad‑deċiżjonijiet ġudizzjarji u, għalhekk, permezz tan-neċessità ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, dan ma jistax isir għad-detriment tal‑garanzija tal-osservanza tad-drittijiet fundamentali u, b’mod partikolari, tad‑drittijiet tal-vittma. L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem fl-ebda każ ma jista’ jwassal għar-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet manifestament kuntrarji għad-drittijiet fundamentali.

    81.

    Fil-kawża prinċipali huwa ċar li d-drittijiet tal-vittma ma ġewx osservati, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ, id-dritt għall‑informazzjoni u d-dritt għall-kumpens ( 21 ).

    82.

    Fil-fatt, mill-motivazzjoni tad-digriet li ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri fil-kawża prinċipali jirriżulta li l-vittma ma nstemgħetx. Barra minn hekk, id-deċiżjoni li ma ssirx prosekuzzjoni ġiet innotifikata b’terminu ta’ risposta totalment insuffiċjenti – terminu ta’ sebat ijiem – sabiex, fi Stat Membru li ma huwiex dak tar-residenza tiegħu, huwa jkollu żmien, jekk ikun il-każ, jittraduċih u jieħu parir sabiex imbagħad, jippreżenta eventwalment azzjoni, liema azzjoni, li tirrigwarda l-fatti f’dan il-każ, jippreżumi konoxxenza tad-dokumenti tal-proċedura, li f’dan il‑każ kien manifestament impossibbli.

    83.

    Barra minn hekk, id-dritt kriminali, għalkemm huwa intiż sabiex jissanzjona l-ksur tal-ordni pubbliku, huwa intiż ukoll sabiex jippermetti lill-vittma tikseb kumpens għad-dannu li jirriżulta mit-twettiq tal-fatti li jikkostitwixxu l-element materjali tal-ksur. Din hija raġuni addizzjonali sabiex jiġi kkunsidrat li din id-darba, fid-dawl tad-dritt essenzjali tal-vittmi, id-deċiżjoni Pollakka ma setgħetx ikollha l-effett mogħti mill-prinċipju ta’ ne bis in idem li l-konsegwenza tiegħu allegatament kienet li ċċaħħad lill-vittma minn kull dritt ta’ kumpens.

    84.

    Konsegwentement, jiena nqis li l-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KFS u fl-Artikolu 50 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li digriet li ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri adottat mill-uffiċċju tal-prosekutur u li jagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni ma jistax jiġi kklassifikat bħala “sentenza definittiva”, fis-sens ta’ dawn l-artikoli, meta jirriżulta b’mod ċar mill-motivazzjoni tiegħu li l-elementi li jikkostitwixxu s-sustanza nnifisha tas-sitwazzjoni ġuridika, bħas-smigħ tal-vittma u dak tax-xhud, ma kinux eżaminati mill-awtoritajiet ġudizzjarji kkonċernati.

    IV – Konklużjoni

    85.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Hanseatisches Oberlandesgericht Hamburg (qorti reġjonali superjuri ta’ Ħamburg) kif ġej:

    1)

    Ir-riżerva prevista fl-Artikolu 55(1)(a) tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir‑Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990, ma tosservax il-kontenut essenzjali tal-prinċipju ta’ ne bis in idem kif stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u għandha għalhekk, tkun iddikjarata invalida.

    2)

    Il-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 54 ta’ din il‑Konvenzjoni u fl-Artikolu 50 ta’ din il-Karta għandu jiġi interpretat fis‑sens li digriet li ma hemmx lok li jinfetħu proċeduri adottat mill-uffiċċju tal-prosekutur u li jagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni ma jistax jiġi kklassifikat bħala “sentenza definittiva”, fis-sens ta’ dawn l-artikoli, meta jirriżulta b’mod ċar mill-motivazzjoni tiegħu li l-elementi li jikkostitwixxu s-sustanza nnifisha tas-sitwazzjoni ġuridika, bħas-smigħ tal-vittma u dak tax-xhud, ma kinux eżaminati mill-awtoritajiet ġudizzjarji kkonċernati.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Konvenzjoni tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9, iktar ’il quddiem il-“KFS”).

    ( 3 ) BGBl. 1994 II, p. 631.

    ( 4 ) ĠU 1997, C 340, p. 93, iktar ’il quddiem il-“Protokoll ta’ Schengen”.

    ( 5 ) Dz. U. tal-1997, Nru 88, pożizzjoni 553.

    ( 6 ) Dz. U. tal-1997, Nru 89, pożizzjoni 555, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali”.

    ( 7 ) Punt 69.

    ( 8 ) Ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 9 ) Deċiżjoni tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 1999, li tiddetermina, b’konformita mad‑disposizzjonijiet relevanti tat-Trattat li jistabbilxxi l-Komunita Ewropea u t‑Trattat dwar l-Unjoni Ewropea l-bażi legali għal kull waħda mid-disposizzjonijiet jew deċisjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis ta’ Schengen (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 152).

    ( 10 ) Ara l-Artikolu 82(1) TFUE. Ara wkoll l-Artikolu 67 TFUE.

    ( 11 ) C‑187/01 u C‑385/01, EU:C:2003:87.

    ( 12 ) Punt 33. Korsiv miżjud minni.

    ( 13 ) Barra minn hekk, wieħed jinnota li t-Trattat FUE jipprovdi bażi legali għall‑approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet bl-għan waħdieni li jiffaċilita l-operat tal-fiduċja reċiproka.

    ( 14 ) Jekk le, id-diffikultajiet preċedenti li wieħed ried jevita jerġgħu jqumu b’mod inevitabbli.

    ( 15 ) C‑261/09, EU:C:2010:683.

    ( 16 ) Ara s-sentenzi Kraaijenbrink (C‑367/05, EU:C:2007:444, punti 2627 u l‑ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Mantello (C‑261/09, EU:C:2010:683, punt 39 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

    ( 17 ) F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Kretzinger (C‑288/05, EU:C:2007:441), għamlet riferiment għall-intenzjoni sabiex tikkaratterizza l-identità tal-fatti materjali.

    ( 18 ) Ara s-sentenza M (C‑398/12, EU:C:2014:1057, punti 2831 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).

    ( 19 ) Ibidem (punt 30).

    ( 20 ) Ara l-punti 50 et seq tal-osservazzjonijiet tagħha.

    ( 21 ) Ara l-Artikoli 3, 4 u 9 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/220/JAI, tal-15 ta’ Marzu 2001, dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19 Vol. 4, p. 72).

    Top