Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0469

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fil-21 ta’ Jannar 2016.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:47

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    WAHL

    ippreżentati fil-21 ta’ Jannar 2016 ( 1 )

    Kawża C‑469/14

    Masterrind GmbH

    vs

    Hauptzollamt Hamburg-Jonas

    [talba għal deċiżjoni preliminari mill-Finanzgericht Hamburg (qorti tal-finanzi ta’ Hamburg, il-Ġermanja)]

    “Agrikoltura — Regolament (UE) Nru 817/2010 — Ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni — Regolament (UE) Nru 1/2005 — Protezzjoni tal-annimali matul it-trasport — Ħinijiet ta’ vjaġġar u perijodi ta’ mistrieħ — ‘regola14+1+14’ — Rekwiżit ta’ ‘perijodu ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas siegħa’ — Dikjarazzjoni maħruġa mill-veterinarju uffiċjali li t-trasport tal-annimali ma jissodisfax ir-rekwiżiti skont ir-Regolament Nru 1/2005 — Setgħa ta’ korp ta’ Stat Membru differenti responsabbli għall-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni biex jistħarreġ din id-dikjarazzjoni”

    1. 

    Jingħad b’mod popolari, ġeneralment attribwit għal Mahatma Gandhi, li l-kobor ta’ nazzjon u l-progress morali tiegħu jistgħu jiġu ġġudikati bil-mod kif jiġu ttrattati l-annimali tiegħu. Jekk dan huwa l-każ, mela l-kwistjoni li se nikkunsidraw timmerita attenzjoni partikolari.

    2. 

    Il-kawża prinċipali tinvolvi l-legalità ta’ deċiżjoni li tordna l-ħlasijiet lura mill-ġdid fuq l-esportazzjoni fir-rigward ta’ operazzjoni ta’ trasport ta’ annimali ħajjin tal-ifrat mill-Ġermanja għall-Marokk (iktar ’il quddiem “it-trasport inkwistjoni”). Fl-UE, il-ħlasijiet lura għall-esportazzjoni ta’ annimali ħajjin lil pajjiżi terzi, bħala kwistjoni ta’ politika, jiddependu fuq il-konformità mar-regoli fuq il-benesseri tal-annimali matul it-trasport. Qam nuqqas ta’ qbil dwar jekk it-trasport inkwistjoni jikkonformax ma’ dawn ir-regoli.

    3. 

    Il-kwistjoni li qed tiġi kkunsidrata tqajjem żewġ punti distinti: l-ewwel nett, kif għandha tiġi interpretata u applikata r-regola fil-punt 1.4(d) tal-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005 ( 2 ) (iktar ’il quddiem ir-“regola 14+1+14”). It-tieni nett, x’effett għandha dikjarazzjoni maħruġa mill-veterinarju uffiċjali ta’ Stat Membru partikolari fuq l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor.

    4. 

    Fir-rigward tal-aħħar punt, fil-fehma tiegħi dikjarazzjoni bħal dik għandha sempliċement effett persważiv u mhux vinkolanti. Rigward il-punt tal-ewwel, għalkemm hija meħtieġa ċerta prattiċità meta dak li jkun jirrikorri għar-regola 14+1+14, dan ma għandux iwassal għat-tnaqqis tar-rekwiżiti ta’ ħarsien skont ir-Regolament Nru 1/2005.

    I – Il-kuntest legali

    A – Regolament Nru 817/2010 ( 3 )

    5.

    Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1 (“Ambitu”) tar-Regolament Nru 817/2010, il-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni jiddependu fuq il-“konformità, waqt it-trasport tal-annimali lejn l-ewwel post tal-ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali”, mal-Artikoli 3 sa 9 tar-Regolament Nru 1/2005 u l-Annessi msemmijin fih, u mar-Regolament Nru 817/2010 innifsu.

    6.

    Bis-saħħa tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 817/2010 (“Kontrolli ġewwa t-territorju doganali tal-Komunità”), jekk il-veterinarju uffiċjali fil-punt ta’ ħruġ ikun issodisfatt, inter alia, li r-rekwiżiti preskritti fir-Regolament Nru 1/2005 ntlaħqu ġewwa t-territorju doganali tal-UE, “hu għandu jiċċertifika dan b’waħda mill-entrati mniżżla fl-Anness II u billi jiġi ttimbrat u jiġi ffirmat id-dokument li jikkostitwixxi l-evidenza tal-ħruġ mit-territorju doganali tal-[UE], jew fis-Sezzjoni J tal-kopja ta’ kontroll T5 jew fl-iktar post adattat fid-dokument nazzjonali”.

    7.

    L-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 817/2010 (“Proċedura għal ħlas ta’ rifużjonijiet ta’ esportazzjoni”) jgħid, inter alia, li applikazzjonijiet għall-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni għandhom jiġu ssuplimentati bid-dokumenti msemmijin fl-Artikolu 2(3) ta’ dak ir-regolament, “mimli[ja] b’mod dovut”.

    8.

    L-Artikolu 5(1)(c) tar-Regolament Nru 817/2010 (“Nuqqas ta’ pagament ta’ rifużjonijiet ta’ esportazzjoni”) jistabbilixxi, inter alia, li ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ma jitħallsux għal annimali li għalihom, l-awtorità kompetenti tikkunsidra li, “fid-dawl tad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 4(2) u/jew l-elementi l-oħra kollha disponibbli għaliha li jikkonċernaw il-konformità ma’ dan ir-Regolament”, l-Artikoli 3 sa 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 u l-Annessi msemmija fihom ma jkunux ġew rispettati.

    B – Regolament Nru 1/2005

    9.

    L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2005 (“Kondizzjonijiet ġenerali għat-trasport ta’ l-annimali”) fl-ewwel sentenza tiegħu jgħid li l-“ebda persuna m’għandha titrasporta annimali jew twassal li annimali jiġu trasportati b’mod li jista’ jwassal għal korriment jew tbatija bla bżonn”. Barra minn hekk, skont it-tieni sentenza ta’ dik id-dispożizzjoni għandhom jiġu ssodisfatti tmien rekwiżiti ġenerali speċifiċi. Dawn ir-rekwiżiti jinkludu, inter alia, li (i) l-arranġamenti meħtieġa kollha jkunu saru bil-quddiem sabiex jiġi mnaqqas it-tul tal-vjaġġ u sabiex il-ħtiġijiet tal-annimali matul il-vjaġġ ikunu ssodisfatti; (ii) it-trasport isir bla dewmien għall-post ta’ destinazzjoni u li l-kundizzjonijiet tal-benesseri tal-annimali jiġu eżaminati regolarment u miżmuma b’mod xieraq; u (iii) l-ilma, l-għalf u mistrieħ jingħataw lill-annimali f’intervalli xierqa u jkunu xierqa fil-kwalità u l-kwantità għall-ispeċi u d-daqs tagħhom.

    10.

    L-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1/2005 (“Trasportaturi”) jgħid li t-“trasportaturi għandhom jitrasportaw annimali skond ir-regoli tekniċi stabbiliti fl-Anness I”. Il-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005 (“Intervalli tax-xorb u l-ikel, il-ħin tal-vjaġġi u l-perijodi ta’ mistrieħ”) jistabbilixxi r-regoli li ġejjin għal, inter alia, annimali domestiċi tal-ispeċi bovina:

    “1.1.

    Ir-rekwiżiti stabbiliti f’din it-Taqsima japplikaw għall-moviment [...] annimali domestiċi ta’ speċi bovina [...] għajr f’każ ta’ trasport bl-ajru.

    1.2.

    Il-ħin tal-vjaġġi għal annimali ta’ l-ispeċi msemmija f’punt 1.1. m’għandux jeċċedi tmien sigħat.

    1.3

    Il-ħin tal-vjaġġ massimu f’punt 1.2. jista’ jiġi estiż jekk ikunu sodisfatti r-rekwiżiti addizzjonali tal-Kapitoli VI.

    1.4

    L-intervalli ta’ l-ilma u l-ikel, il-ħin tal-vjaġġi u l-perijodi tal-mistrieħ meta jintużaw vetturi tat-triq li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punt 1.3. huma spjegati kif inhu ġej:

    [...]

    (d)

    L-annimali [...] kollha [ħlief għal għoġġiela mhux miftuma, ħrief, gidien u moħor li jixorbu l-ħalib u qżieqeż żgħar mhux miftuma, qżieqeż u Equidae Domestiċi] ta’ l-ispeċi msemmija fil-punt 1.1. għandhom, wara 14-il siegħa ta’ vjaġġar, jingħataw perijodu ta’ mistrieħ ta’ mill-anqas siegħa biżżejjed għalihom b’mod partikolari jingħataw likwidi u jekk hemm bżonn ikel. Wara dan il-perijodu ta’ mistrieħ, jisgħtu jiġu trasportati għal 14-il siegħa oħra.

    1.5

    Wara l-ħin stabbilit tal-vjaġġ, l-annimali għandhom jinħattu, jiġu mitmugħa u misqija u jitħallew jistrieħu għal mill-anqas 24 siegħa.

    [...]

    1.8

    Fl-interess ta’ l-annimali, il-ħin tal-vjaġġi fil-[punti 1.3, u 1.4.] jistgħu jiġu estiżi b’sagħtejn, meħuda in konsiderazzjoni, b’mod partikolari il-qrib lejn il-post tad-destinazzjoni.

    [...]”

    II – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

    11.

    B’dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni tas-16 ta’ Ġunju 2011, Masterrind GmbH (iktar ’il quddiem “Masterrind”) iddikjarat sitt bhejjem tal-ifrat għat-tgħammir u applikat għal pagament bil-quddiem tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni. Dik l-applikazzjoni ntlaqgħet mill-Hauptzollamt Hamburg-Jonas (l-uffiċċju doganali ewlieni ta’ Hamburg-Jonas; iktar ’il quddiem il-“Hauptzollamt”) b’deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2011.

    12.

    L-annimali tgħabbew fuq it-trakk f’Northeim (il-Ġermanja) fl-10.30 fis-16 ta’ Ġunju 2011. Dak it-trakk ħalla s-sit tat-tagħbija għall-ħabta tal-11.30. Fid-19.00 tal-istess jum, wasal f’Wasserbillig (il-Lussemburgu) fejn waqaf għal brejk ta’ siegħa għall-għalf u l-ilma. Wara sagħtejn oħra trasport u sabiex ikun hemm konformità mal-ħinijiet tas-sewqan u l-perijodi ta’ mistrieħ statutorji preskritti fir-Regolament Nru 561/2006 ( 4 ), it-trakk għamel it-tieni waqfa tiegħu għall-għalf u l-ilma għal 10 sigħat f’Épinal (Franza). It-trakk kompla bil-vjaġġ tiegħu l-għada filgħodu għall-ħabta tat-8.00 u wasal fil-port ta’ Sète (Franza) fl-istess jum fis-17.00. Il-vjaġġ minn Northeim sa Sète dam 30 siegħa u 30 minuta. L-annimali mbagħad tgħabbew fuq bastiment biex ikomplu bil-vjaġġ lejn il-Marokk.

    13.

    B’ittra tas-17 Jannar 2012, il-Hauptzollamt informa lill-applikant li l-veterinarju uffiċjali fl-uffiċċju doganali ta’ ħruġ f’Sète kien niżżel fid-dokument ta’ kontroll entrata “Non conforme au contrôle officiel visé à l’article 2 du réglement (CE) no 817/2010” (Ma jikkonformax mal-verifika uffiċjali skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 817/2010), fir-rigward tal-annimali kollha. Il-Hauptzollamt informa lill-applikant ukoll li huwa seta’ jitlob lill-awtorità veterinarja kompetenti Franċiża li tistħarreġ il-legalità tal-entrata tal-veterinarju. Wara laqgħa mal-awtorità veterinarja Franċiża, irriżulta li l-entrata msemmija iktar ’il fuq issir meta l-vjaġġ, inklużi l-ħinijiet ta’ sewqan u l-perijodi ta’ mistrieħ statutorji jaqbżu l-31 siegħa.

    14.

    Fid-dawl ta’ dak li ċċertifika b’mod negattiv il-veterinarju fir-rigward tal-annimali kollha, il-Hauptzollamt kienet tal-fehma li l-applikant ma kienx issodisfa l-kundizzjonijiet li hemm fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 817/2010 u, għaldaqstant, li l-ħlasijiet lura li kienu saru bil-quddiem kellhom jerġgħu jitħallsu mill-ġdid. Għaldaqstant, b’deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2012 li emendat id-deċiżjoni tagħha tat-13 ta’ Lulju 2011, il-Hauptzollamt fittex li jirkupra l-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni li kienu tħallsu lill-applikant bil-quddiem, flimkien ma’ suppliment ta’ 10 %.

    15.

    L-applikant ikkontesta d-deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2012 u, sussegwentement, talab interpretazzjoni mill-Kummissjoni tal-ħinijiet tal-vjaġġ u l-perijodi ta’ mistrieħ kif jidhru fir-Regolament Nru 1/2005. F’ittri ddatati s-7 ta’ Marzu 2013 u s-27 ta’ Lulju 2013, dak li kien id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumaturi (iktar ’il quddiem id-“DG SANCO”) irrisponda li għall-bovini, il-vjaġġ massimu permissibbli kien ta’ 29 siegħa mit-tagħbija, inkluża siegħa brejk fil-vettura. Dan il-perijodu jista’ jiġi estiż b’sagħtejn fl-interessi tal-annimali u wara li tiġi kkunsidrata, b’mod partikolari, il-prossimità tal-post ta’ destinazzjoni. Għaldaqstant, DG SANCO kien tal-fehma li r-regoli jipprovdu ħin tal-vjaġġ massimu ta’ 31 siegħa għall-bovini.

    16.

    Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Lulju 2013, il-Hauptzollamt ċaħad il-kontestazzjoni tal-applikant. Il-Hauptzollamt ikkunsidra lilu nnifsu u lill-applikant bħala marbutin bid-deċiżjoni tal-veterinarju uffiċjali Franċiż, li l-entrata negattiva tiegħu ma kinitx ġiet emendata wara t-tweġibiet li tat il-Kummissjoni. Dan wassal biex l-applikant jiftaħ kawża quddiem il-qorti tar-rinviju fil-21 ta’ Awwissu 2013 fejn talab l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-5 ta’ Ġunju 2012 u tad-19 ta’ Lulju 2013.

    17.

    Il-qorti tar-rinviju tispjega li t-trasport inkwistjoni huwa kkaratterizzat mill-fatt li dan kien maqsum fi tliet stadji tal-moviment fiżiku attwali (l-ivvjaġġar), kull wieħed ma jaqbiżx 14-il siegħa. Dik il-qorti tosserva li meħudin flimkien, l-ewwel u t-tieni stadji ma jaqbżux 14-il siegħa, kif inhu l-każ ukoll għat-tieni u t-tielet stadji meta kkunsidrati flimkien. Issemmi wkoll li meta jingħaqqdu, it-tliet stadji tal-ivvjaġġar ma jaqbżux 28 siegħa. Għaldaqstant tikkunsidra li d-dritt tal-UE ma jipprekludix it-trasport inkwistjoni milli jkun tlesta fi tliet stadji. Iżda l-qorti tar-rinviju tgħid li t-trasport inkwistjoni ġie interrott b’żewġ perijodi ta’ mistrieħ għal total ta’ 11-il siegħa.

    18.

    Fuq dik il-bażi, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra l-eżitu tal-azzjoni ewlenija jiddependi, l-ewwel nett, fuq jekk perijodu ta’ mistrieħ ta’ iktar minn siegħa huwiex permissibbli skont id-dritt tal-UE. It-tieni nett, jekk fl-affermattiv, tqum il-mistoqsija jekk il-Hauptzollamt huwiex marbut bl-entrata magħmula mill-veterinarju uffiċjali fil-punt ta’ ħruġ jew jistax, bl-awtorità tiegħu stess, jiddeċiedi li t-trasport inkwistjoni sar skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2005. Għaldaqstant, billi kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tar-Regolamenti Nru 1/2005 u Nru 417/2010, il-Finanzgericht Hamburg (qorti tal-finanzi ta’ Hamburg) iddeċidiet fl-14 ta’ Ottubru 2014 li tissospendi l-proċeduri u tagħmel dawn id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari.

    “(1)

    Id-dispożizzjoni tal-punt 1.4 tal-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 […] li tipprovdi li wara 14-il siegħa ta’ vjaġġar l-annimali għandhom jingħataw perijodu ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas siegħa li jkun biżżejjed għalihom b’mod partikolari sabiex jingħataw likwidi u jekk hemm bżonn ikel u li, wara dan il-perijodu ta’ mistrieħ, dawn l-annimali jkunu jistgħu jiġu ttrasportati għal 14-il siegħa oħra, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-perijodi ta’ trasport jistgħu jiġu interrotti wkoll b’perijodu ta’ mistrieħ ta’ iktar minn siegħa jew b’diversi perijodi ta’ mistrieħ li tal-inqas wieħed minnhom ikun ta’ siegħa?

    (2)

    L-aġenzija tal-ħlas tal-Istat Membru individwali hija marbuta bl-entrata tal-veterinarju uffiċjali fil-punt tal-ħruġ skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 817/2010 […], bil-konsegwenza li l-legalità ta’ rifjut milli ssir entrata hija suġġetta għal stħarriġ biss mill-awtorità li hija responsabbli għall-azzjonijiet tal-veterinarju tal-fruntiera, jew l-entrata li ssir mill-veterinarju uffiċjali ma hija xejn iktar minn att proċedurali tal-awtorità li jista’ jiġi kkontestat biss flimkien mal-appelli li jistgħu jsiru kontra d-deċiżjonijiet sostantivi tal-aġenzija tal-ħlas?”

    19.

    Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub mill-Hauptzollamt, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ma saret l-ebda seduta.

    III – Analiżi

    A – L-ewwel domanda preliminari magħmula

    1. Rimarki u osservazzjonijiet introduttorji magħmula mill-partijiet li qed jipparteċipaw fil-proċedura tad-deċiżjoni preliminari

    20.

    Minkejja li huma s-suġġett ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi ddettaljati, ir-regoli fuq it-trasport tal-annimali ċertament ma humiex ċari. Għalhekk wieħed ma jiskantax li kienu fil-qalba ta’ litigazzjoni estensiva fil-Qorti tal-Ġustizzja, inklużi diversi talbiet għal deċiżjoni preliminari mill-qorti tar-rinviju nnifisha ( 5 ). Il-kwistjoni li qed tiġi kkunsidrata, li prinċipalment tirrigwarda l-espressjoni “mill-inqas siegħa” li tidher fir-regola 14+1+14, ma hijiex differenti f’dan ir-rigward.

    21.

    Jidher li, fil-proċeduri prinċipali, it-trasport inkwistjoni dam 30½ siegħa. Il-ħin ta’ vjaġġar attwali, li matulu t-trakk kien qed jimxi fiżikament, kien total ta’ 19½ siegħa. Id-digriet tar-rinviju jgħid li s-sewwieq tat-trakk ħa brejk ta’ 10 sigħat sabiex jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament Nru 561/2006. Billi dan ma huwiex imsemmi espliċitament fid-digriet tar-rinviju, għandi nispeċifika li se ssir assunzjoni prattika f’dawn il-konklużjonijiet li l-annimali ma nħattewx matul dan il-perijodu ta’ mistrieħ.

    22.

    Għaldaqstant, fl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk, b’interpretazzjoni korretta tar-regola 14+1+14, hemmx limitu massimu għat-tul tal-perijodi tal-mistrieħ, u jekk jistgħux ikollhom skop li ma jkunx il-benesseri tal-annimali ttrasportati. Fi kliem ieħor: il-fatt li, skont din ir-regola, il-perijodi ta’ mistrieħ għandhom idumu “mill-inqas siegħa” jawtorizzax potenzjalment iż-żamma tal-annimali għal żmien twil ħafna ġewwa vettura stazzjonarja?

    23.

    Il-qorti tar-rinviju ma għamlitx domanda fuq l-interazzjoni bejn ir-regoli dwar il-benesseri tal-annimali matul it-trasport u dawk fuq il-perijodi massimi tas-sewqan u l-perijodi ta’ mistrieħ minimi għas-sewwieqa tat-triq. Għaldaqstant m’iniex se nindirizza din il-kwistjoni f’dawn il-konklużjonijiet.

    24.

    Il-Hauptzollamt għandu l-istess fehma tal-qorti tar-rinviju, li tgħid li jsegwi mill-espressjoni “b’mod partikolari” li tidher fir-regola 14+1+14, li l-interpretazzjoni tad-DG SANCO ta’ din ir-regola (imsemmija fil-punt 15 iktar ’il fuq) ma hijiex neċessarjament korretta. Il-Finanzgericht Hamburg (qorti tal-finanzi ta’ Hamburg) tiffavorixxi interpretazzjoni fis-sens li l-ħin massimu tal-vjaġġ ta’ 28 siegħa jista’ jiġi interrott b’diversi perijodi ta’ mistrieħ, li wieħed minnhom għandu jdum mill-inqas siegħa u li, meta tgħoddhom flimkien, il-perijodi ta’ mistrieħ ma għandhomx jaqbżu 14-il siegħa, billi dak huwa l-limitu massimu għal stadju wieħed ta’ vjaġġar skont r-regola 14+1+14.

    25.

    Il-Gvern Franċiż jissottometti li r-regola 14+1+14 ma tistax tiġi interpretata bħala li tawtorizza perijodu ta’ mistrieħ eċċessivament twil li jikkomprometti l-benesseri tal-annimali. Fil-fehma ta’ dan il-gvern, l-espressjoni “b’mod partikolari”, apparti milli tirreferi għall-għoti lill-annimali ta’ għalf u likwidi, tfisser azzjonijiet intiżi biex jippreservaw il-benesseri tal-annimali. Barra minn hekk, il-Gvern Franċiż ma jikkunsidrax li huwa fattibbli li jinżammu annimali f’vettura għal 10 sigħat mingħajr ma jiġi kkompromess l-għan tar-Regolament Nru 1/2005.

    26.

    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li skont ir-regola 14+1+14, il-ħin massimu tal-vjaġġ possibbli huwa ta’ 29 siegħa, ħlief għas-sitwazzjoni eċċezzjonali msemmija iktar l isfel fil-punt 32. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, perijodu ta’ mistrieħ ma jistax jintuża għal skopijiet li ma jkollhomx x’jaqsmu mal-benesseri tal-annimali. Il-Kummissjoni tissottometti li l-kliem “b’mod partikolari” ma jsostnix fehma diversa billi dan il-kliem huwa segwit bit-termini “jingħataw likwidi u jekk hemm bżonn ikel”.

    2. Evalwazzjoni

    a) Kummenti preliminari

    27.

    Kif se naraw iktar ’l isfel, la l-kliem u lanqas il-kuntest tar-regola 14+1+14 ma jipprovdu tweġiba għall-kwistjoni mqajma iktar ’il fuq fil-punt 22. B’mod partikolari, il-kunċetti li, minn naħa, jidhru fid-definizzjonijiet ipprovduti fit-test ewlieni tar-Regolament Nru 1/2005 u, min-naħa l-oħra, fl-Anness I tiegħu, jintużaw b’mod mhux koerenti u b’mod li ma huwiex konsistenti, kemm internament ġewwa kull dokument u speċjalment fir-rigward ta’ xulxin. Sfortunatament dan wassal għall-ħtieġa li jiġi speċifikat, tul dawn il-konklużjonijiet, is-sett eżatt ta’ regoli li fir-rigward tagħhom jintużaw dawn il-kunċetti.

    28.

    L-inkoerenza msemmija fil-punt preċedenti teħtieġ li l-għan tar-Regolament Nru 1/2005 — li huwa ċar daqs il-kristall — jingħata preċedenza sħiħa. Sabiex isir dan jeħtieġ li r-regola 14+1+14 tiġi interpretata b’mod li jiġi ffissat limitu ċar għall-perijodi ta’ mistrieħ ġewwa vettura wieqfa.

    29.

    Fil-fatt, ma hemmx dubju dwar l-għan tar-Regolament Nru 1/2005: biex jiġi evitat li l-annimali jiġu ttrasportati b’mod li x’aktarx jikkawżalhom korriment jew tbatija bla bżonn ( 6 ). Dan huwa konformi mal-Artikolu 13 TFUE, li jgħid li l-annimali huma esseri sensibbli. Għaldaqstant, dik id-dispożizzjoni teħtieġ li l-UE u l-Membri tagħha, fil-formulazzjoni u l-implementazzjoni tal-politiki agrikoli tal-UE, jieħdu ħsieb sew ir-rekwiżiti tal-benesseri tal-annimali ( 7 ).

    30.

    Madankollu, qabel ma nkompli, hemm bżonn li l-ewwel nett naraw sew ir-regola 14+1+14.

    b) Ir-regola 14+1+14

    31.

    Ir-regola 14+1+14 tifforma parti minn sett ta’ regoli dwar “intervalli tax-xorb u l-ikel, il-ħin tal-vjaġġi u l-perijodi ta’ mistrieħ” fl-Anness I tar-regolament Nru 1/2005. Din tapplika għat-trasport fiżiku ta’ annimali li jużaw vetturi tat-triq li jħarsu ċerti rekwiżiti minimi għall-benesseri tal-annimali (dwar is-saqaf u l-art tal-vettura, il-friex għall-annimali, l-għalf, it-taqsim, ir-regoli tal-età, il-provvista tal-ilma, is-sistemi tal-ventilazzjoni u tan-navigazzjoni). Jekk dawk ir-rekwiżiti jkunu ssodisfatti, allura l-vettura tista’ tittrasporta bovini għal 14-il siegħa imma wara għandhom “jingħataw perijodu ta’ mistrieħ ta’ mill-anqas siegħa biżżejjed għalihom b’mod partikolari jingħataw likwidi u jekk hemm bżonn ikel”, qabel (possibbilment) ma jiġu ttrasportati iżjed għal mhux iktar minn 14-il siegħa oħra. Wara dan, skont il-punt 1.5 tal-Kapitolu V ta’ dak l-anness, il-bovini għandhom jinħattu, jingħataw l-ikel u l-ilma u jitħallew jistrieħu għal mill-inqas 24 siegħa.

    32.

    Bħala eċċezzjoni, skont il-punt 1.8 tal-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005 (iktar ’il quddiem “ir-regola +2”) il-“ħin tal-vjaġġi” totali, kif dan il-kunċett huwa użat fl-anness, jista’ jiġi estiż b’sagħtejn, imma biss jekk dan isir fl-interess tal-annimali. Il-prossimità mill-qrib għall-post tad-destinazzjoni huwa eżempju tipiku ta’ sitwazzjoni fejn li jissapportu sagħtejn oħra vjaġġ jista’ jikkawża inqas tbatija lill-annimali milli joqgħodu jinħattu u jerġgħu jitgħabbew, esperjenza li hija notorjament stressanti ( 8 ).

    33.

    Kif jidher ċar minn dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-regola 14+1+14 ma tgħidx espliċitament kemm jistgħu jdumu l-iktar il-perijodi ta’ mistrieħ, u lanqas x’attivitajiet jistgħu jsiru matul dawn il-perijodi.

    34.

    Għalxejn wieħed jirrikorri għall-ġurisprudenza għaliex lanqas din ma ssolvi din il-kwistjoni: il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha biss biex tiddeċiedi li r-regola 14+1+14 tistabbilixxi “perijodu massimu ta’ trasport ta’ 28 siegħa, interrott minn perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ siegħa wara l-ewwel parti ta’ 14-il siegħa […] Għaldaqstant, [dik ir-regola] għandha tinftiehem fis-sens li tawtorizza perijodu massimu ta’ trasport ta’ 28 siegħa, interrott minn perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ siegħa” ( 9 ).

    35.

    Billi r-regola 14+1+14 ma tipprovdix tweġiba ċara għall-kwistjoni li qed tiġi kkunsidrata, hemm bżonn li jiġu esplorati aspetti oħra tar-Regolament Nru 1/2005.

    c) Kuntestwalizzazzjoni tar-Regolament Nru 1/2005

    36.

    L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2005 jiddefinixxi numru ta’ kunċetti ewlenin għall-finijiet ta’ din l-applikazzjoni. Dawn id-definizzjonijiet jinkludu dik ta’ vjaġġ (“l-operazzjoni tat-trasport sħiħa mill-post tat-tluq għall-post destinat, inkluż kull xogħol ta’ ħatt, akkomodazzjoni u tgħabija f’punti intermedjarji fil-vjaġġ”) u ta’ trasport (“il-moviment ta’ l-annimali magħmul minn mezz tat-trasport wieħed jew aktar u l-operazzjonijiet relatati, inklużi l-ħatt, it-trasferiment u l-mistrieħ, sal-ħatt ta’ l-annimali fil-post ta’ destinazzjoni tkun kompletata”) ( 10 ).

    37.

    B’mod ġenerali, isegwi mid-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2005 li vjaġġ dejjem jiġi ppreċedut u segwit b’bafer minimu ta’ 48 siegħa mistrieħ għall-annimali barra l-vettura ( 11 ). Għaldaqstant, vjaġġ ma jintemmx sakemm l-annimali ma jiġux akkomodati għal 48 siegħa fit-sit tal-ħatt.

    38.

    Issa, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2005 jipprova jżomm dikotomija bejn “vjaġġ” u “trasport”, fis-sens li tal-ewwel ikopri l-operazzjoni loġistika kollha, u tal-aħħar il-moviment fiżiku attwali biss. Madankollu, kuntrarjament għal qabel ( 12 ), il-kunċett ta’ “trasport” issa jinkludi, b’mod mhux mistenni, il-mistrieħ. Għaliex jekk, skont din id-dispożizzjoni, “vjaġġ” huwa s-somma totali tal-perijodi kollha ta’ trasport u mistrieħ, meta żżid il-mistrieħ mal-kunċett ta’ “trasport” toħloq kontradizzjoni dwar xi tkun allura d-differenza attwali bejn vjaġġ u trasport. Dan in-nuqqas apparenti ta’ koerenza għandu implikazzjonijiet għall-interpretazzjoni tat-termini użati fl-Anness I tar-regolament, li se nirreferi għalih fil-punt 46 iktar ’l isfel.

    39.

    L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2005 jiddefinixxi wkoll bħala post ta’ mistrieħ“kull waqfa matul il-vjaġġ li m’huwiex post ta’ destinazzjoni”, kemm jekk l-annimali jinħattew jew le. Madankollu, il-kunċett ta’ perijodu ta’ mistrieħ innifsu, li huwa l-qofol tal-kwistjoni li qed tiġi kkunsidrata, ma ġiex iddefinit. Dwar dan il-punt, il-predeċessur tar-Regolament Nru 1/2005 ( 13 ) kien fih definizzjoni, jiġifieri “perjodu kontinwu matul il-vjaġġ li matulu l-annimali mhumiex qegħdin jiġu mċaqalqa permezz ta’ mezz ta’ trasport”. Iżda, din id-definizzjoni la tindika jekk perijodu ta’ mistrieħ jistax jgħaddi ġewwa l-vettura u lanqas liema skop għandu jservi (jekk hemm). Għaldaqstant, lanqas ma jsolvi l-kwistjoni li qed nikkunsidraw.

    40.

    Imbagħad, niġbed l-attenzjoni għal dispożizzjoni li hija ċentrali għar-Regolament Nru 1/2005, li ġiet iċċitata minn ħafna mill-partijiet li għamlu sottomissjonijiet: l-Artikolu 3. L-ewwel sentenza tiegħu fiha dak li se nsejjaħ “klawżola ġenerali” dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport. Il-klawżola ġenerali hija espressa f’termini obbligatorji u tapplika kull meta japplika r-regolament. Barra minn hekk, il-klawżola ġenerali hija fformulata fin-negattiv, iktar milli fil-pożittiv. Apparti milli teħtieġ li l-imġiba pprojbita tkun tista’ tikkawża ħsara jew tbatija bla bżonn lill-annimali, l-obbligu li wieħed ma jagħmilx hekk ma jiddependix minn fatturi oħrajn, bħal dak li jgħaddi ċertu ammont ta’ ħin jew distanza ġeografika minima.

    41.

    It-tieni sentenza tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2005 jispeċifika ċerti rekwiżiti bażiċi li magħhom irid jikkonforma kull min biħsiebu jittrasporta l-annimali. Dawn ir-rekwiżiti huma fformulati f’termini pożittivi u għandhom jiġu ssodisfatti b’mod konsistenti matul it-“trasport kollu” (kif iddefinit fl-Artikolu 2). Għalkemm l-għażla tal-kliem (“[b]arra minn hekk”) jindika li dawn ir-rekwiżiti japplikaw indipendentement u fuq il-klawżola ġenerali, l-intestatura tal-Artikolu 3 madankollu tindika li l-kundizzjonijiet ġenerali għat-trasport tal-annimali huma kumulattivi.

    42.

    Se nillimita ruħi billi nżid li sabiex jiġi stabbilit jekk l-Artikolu 3 nkisirx — ksur li jista’ bħala prinċipju jagħti lok għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet skont l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2005 — dan jidhirli li jeħtieġ evalwazzjoni komprensiva li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.

    43.

    Fl-aħħar nett, se nirreferi għall-kuntest leġiżlattiv li wassal għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1/2005 fil-punti 51 u 52 iktar ’l isfel.

    d) Il-pożizzjoni meħuda

    44.

    Ir-rimarki li saru iktar ’il fuq iwassluni biex nadotta din il-fehma:

    45.

    L-ewwel nett, bħala punt ta’ pożizzjoni, nixtieq nesprimi l-qbil tiegħi mal-qorti tar-rinviju li r-regola 14+1+14 tippermetti t-teħid ta’ diversi perijodi ta’ mistrieħ, u mhux biss wieħed, sakemm tal-inqas tittieħed siegħa ta’ mistrieħ wara, l-iktar, 14-il siegħa ta’ moviment fiżiku (pereżempju 7+1+7+1½+12½). Altrimenti, jidhirli li r-regola ma tkun tista’ titħaddem xejn: is-sewwieqa jkunu inkoraġġiti li jistennew 14-il siegħa qabel ma jieqfu biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet personali tagħhom. Barra minn hekk, dan jagħti lok għad-domanda jekk waqfa involontarja kkawżata, pereżempju, minn xogħlijiet fit-toroq, konġestjoni tat-traffiku jew fejn ikun hemm traversata tal-ferrovija tidħolx fil-kunċett ta’ “mistrieħ”.

    46.

    Imbagħad, dwar it-tifsira ambigwa ta’ “perijodu ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas siegħa”, l-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005 ma fih l-ebda definizzjonijiet. Għaldaqstant, id-definizzjonijiet ġenerali li jidhru fl-Artikolu 2 tar-regolament preżumibbilment japplikaw.

    47.

    Madankollu, sfortunatament, dawn id-definizzjonijiet sempliċiment ma humiex prattiċi meta tiġi biex tinterpreta l-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005: l-ewwel nett, id-definizzjoni ġenerali ta’ “vjaġġ” fl-Artikolu 2 tar-Regolament tinkludi perijodi ta’ mistrieħ li jittieħdu matul il-vjaġġ. B’kuntrast, dan il-kapitolu jirriferi, fl-intestatura tiegħu, għall-“ħin tal-vjaġġi” u “perijodi ta’ mistrieħ”, bħal donnhom qegħdin f’oppożizzjoni ma’ xulxin. It-tieni nett, l-idea ta’ “vjaġġ”, fl-Artikolu 2 tar-Regolament, bħala xi ħaġa li normalment dan ikollu qabel u wara żewġ perijodi ta’ 48 siegħa (ara l-punt 37 iktar ’il fuq), tidher li tikkontradixxi l-użu tal-kliem “ħin tal-vjaġġ” fil-punt 1.5 ta’ dan il-kapitolu li jgħid li perijodu ta’ mistrieħ ta’ 24 siegħa “jinnewtralizza” l-perijodi ta’ vjaġġar li jkunu saru sa dak il-mument. It-tielet nett, kif imsemmi iktar ’il fuq fil-punt 38, il-kunċett ta’ “trasport” issa jinkludi l-“mistrieħ”. Dan jikkuntrasta mar-regola 14+1+14 li tiddistingwi bejn “perijodi ta’ mistrieħ”, minn naħa, u “vjaġġar” jew “trasport” min-naħa l-oħra ( 14 ).

    48.

    Dan in-nuqqas evidenti ta’ koerenza joħloq il-ħtieġa li r-regola 14+1+14 tiġi interpretata għaliha nnifisha, fid-dawl tal-għan bażiku tar-Regolament Nru 1/2005 nnifsu, l-għan li jissemma iktar ’il fuq fil-punt 29.

    49.

    Ma hemmx dubju li vjaġġi (kif użat fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2005), speċjalment dawk twal, jistgħu jkunu sors ta’ skumdità għall-annimali ttrasportati. Li huwa żgur hu li jidher li r-Regolament huwa bbażat fuq il-premessa li kwalunkwe vjaġġ li jinvolvi l-għeluq u t-tagħbija u l-ħatt ta’ annimali, kif ukoll il-possibbiltà li jiġu mċaħħdin mill-ikel u l-ilma, jikkawżalhom xi ftit tbatija. F’dan is-sens, l-għan tar-regolament huwa sempliċement li jiġi evitat it-trasport li jikkawża jew x’aktarx jikkawża korrimenti u tbatija bla bżonn lill-annimali. Għalhekk, ir-Regolament jaċċetta li jkun hemm xi ftit skumdità għall-annimali matul it-trasport bħala aspett negattiv li huwa neċessarju, iżda jipprova jimminimizzah. Madankollu, din l-iskumdità tista’ tilħaq punt fejn ma tibqax iġġustifikata u ssir tbatija bla bżonn. Imma meta jseħħ dan?

    50.

    Hawnhekk, naqbel mal-Kummissjoni li jekk l-aggregat tal-“ħin tal-vjaġġi u l-perijodi tal-mistrieħ”, kif speċifikat fil-punt 1.4(d) tal-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005, jaqbeż 29 siegħa — jiġifieri jekk wieħed jgħodd it-tliet partijiet komponenti tar-regola 14+1+14 — dan fih innifsu u għaldaqshekk biss jikser ir-Regolament Nru 1/2005 billi x’aktarx jikkawża tbatija bla bżonn lill-annimali. Naturalment, dan huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regola +2.

    51.

    Sabiex insostni l-fehma tiegħi, ngħid li l-ewwel nett, l-għan tar-Regolament Nru 1/2005 huwa b’mod ċar li jiġu mminimizzati, kemm jista’ jkun possibbli, il-vjaġġi twal (kif użat fl-Artikolu 2 tar-regolament) li jinvolvu t-trasport tal-annimali ( 15 ). Jekk jitħallew perijodi ta’ mistrieħ mhux iddefiniti li jgħaddu ġewwa l-vettura li, skont il-punt 1.5 tal-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005, ma jkollhomx l-effett li “jinnewtralizzaw” iż-żmien tal-vjaġġ attwali li jkun sar sa dak il-mument, dan ikun kuntrarju għal dan l-għan. Il-fatt li la l-parir espert għal-limitazzjoni tal-ħin tal-vjaġġ għall-annimali tal-ifrat għal 24 siegħa ( 16 ), u lanqas il-proposta tal-Kummissjoni li tikkonsisti f’limitu ta’ ħin tal-vjaġġ għal 9 sigħat segwit b’perijodu ta’ mistrieħ ta’ 12-il siegħa (li jista’ jiġi rripetut) ( 17 ), ma ġew segwiti mill-Kunsill meta adotta r-Regolament, xejn ma jaffettwa l-fehma tiegħi. Fil-fatt, għalkemm il-Kunsill essenzjalment għażel li ma jibdilx ir-regoli dwar il-ħinijiet tal-vjaġġ u tal-perijodi ta’ mistrieħ li jidhru fil-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628, ma nistax nimmaġina li l-Kunsill filwaqt li ħa “ħsieb sew ir-rekwiżiti tal-benessri tal-annimali” matul il-proċess leġiżlattiv, bis-saħħa tal-Protokoll dwar il-Benesseri tal-Annimali, kellu f’moħħu perijodi ta’ mistrieħ indefiniti ġewwa vettura.

    52.

    Huwa veru li, fis-sentenza Interboves (C‑277/06, EU:C:2008:548), li għaliha rriferew il-partijiet f’din il-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet l-idea li l-“ħinijiet tal-vjaġġ” skont il-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005 jistgħu jaqbżu 28 siegħa. Madankollu, dan ma jibdillix fehmti. Fil-fatt, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat ir-regoli dwar il-ħinijiet tal-vjaġġ u l-perijodi ta’ mistrieħ fid-Direttiva 91/628. Dawn ir-regoli ġew adottati primarjament sabiex jiġu eliminati ostakoli tekniċi għan-negozju f’annimali ħajjin u biex jippermettu organizzazzjonijiet tas-suq joperaw bla xkiel filwaqt li jiġi żgurat ukoll, bħala għan sekondarju, livell sodisfaċenti ta’ protezzjoni għall-annimali kkonċernati ( 18 ). Skont ir-Regolament Nru 1/2005, dan l-ibbilanċjar ta’ għanijiet jidher li nqaleb: l-għan ewlieni tiegħu issa huwa l-protezzjoni tal-annimali, filwaqt li l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni hija anċillarja għalih ( 19 ). Fi kwalunkwe każ, is-sentenza Interboves għandha tinqara b’attenzjoni, billi trasportaturi mingħajr skruplu jistgħu altrimenti jieħdu vantaġġ mid-differenzi inerenti bejn r-regoli fuq it-trasport bit-triq u l-baħar ( 20 ).

    53.

    Għaldaqstant, għar-raġuni li tidher fil-punt preċedenti, il-fatt li l-Avukat Ġenerali Mengozzi qal li t-“tul ta’ żmien ta’ vjaġġ jista’ jkun, per eżempju, ta’ 50 siegħa, jiġifieri żewġ perijodi (massimi) ta’ trasport ta’ 14-il siegħa kull wieħed, interrotti b’perijodu ta’ mistrieħ ta’ 22 siegħa” ( 21 ) ma għandu l-ebda rilevanza fil-kwistjoni li qed nikkunsidraw. Fi kwalunkwe każ, ma ssemma xejn dwar jekk perijodu ta’ mistrieħ ta’ 22 siegħa jistax legalment jgħaddi ġewwa vettura wieqfa.

    54.

    It-tieni, ir-regola +2 tipprovdi li l-“ħinijiet tal-vjaġġ” (mhux “vjaġġ” skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2005) — jiġifieri, il-perijodi kkombinati ta’ moviment fiżiku bejn kull perijodu ta’ mistrieħ ta’ 24 siegħa newtralizzanti, u mhux l-istadji individwali tagħhom — jistgħu jiġu estiżi b’sagħtejn fl-interessi tal-annimali, wara li tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-prossimità tal-post ta’ destinazzjoni. Ir-regola +2 għalhekk donnha tissuġġerixxi li, fis-sitwazzjoni tas-soltu, “ħinijiet tal-vjaġġ” (nerġa’ ngħid: mhux “vjaġġ” skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2005) għandha limitu massimu fiss li, tajjeb jew ħażin, nifhem li huwa 28 siegħa fil-każ tar-regola 14+1+14.

    55.

    Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, “perijodu ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas siegħa” ma jista’ qatt ikollu l-konsegwenza tal-“ħin tal-vjaġġi u l-perijodi tal-mistrieħ” skont ir-regola 14+1+14 li jaqbżu d-29 siegħa (jew fejn japplika, 31 siegħa, bis-saħħa tar-regola +2). Min-naħa l-oħra, “vjaġġ”, kif użat fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2005, jista’ jikkonsisti minn diversi “ħinijiet ta’ vjaġġar u perijodi ta’ mistrieħ” ta’ 29 siegħa skont il-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005, sakemm dawn il-perijodi ta’ 29 siegħa jkunu kull wieħed isseparati minn perijodi ta’ 24 siegħa li fihom l-annimali jinħattu, jintemgħu u jingħataw l-ilma, u jitħallew jistrieħu.

    56.

    Madankollu, apparti minn hekk, huwa wkoll rekwiżit li l-perijodi ta’ mistrieħ ikollhom ċertu għan?

    57.

    Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni targumenta li l-perijodu ta’ mistrieħ ta’ minimu ta’ siegħa jista’ jiġi estiż biss għal raġunijiet li jirrigwardaw il-benesseri tal-annimali. Il-Gvern Franċiż għandu pożizzjoni inqas stretta: il-perijodi ta’ mistrieħ ma għandhomx jaqbżu tul raġonevoli li jekk jinqabeż il-prinċipji bażiċi tal-prevenzjoni tal-korrimenti jew tbatija bla bżonn tal-annimali ma jibqgħux jiġu osservati.

    58.

    Fil-fehma tiegħi, huwa ċar li l-operazzjoni tat-trasport sħiħa, jew “vjaġġ” biex ngħidu hekk — inkluż il-mistrieħ — għandha tikkonforma mar-rekwiżiti kollha tar-Regolament Nru 1/2005. Fil-fatt, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li l-leġiżlatura tal-UE kkunsidrat, fuq il-bażi ta’ studji xjentifiċi u veterinarji kif ukoll evalwazzjonijiet tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE li saret fil-qasam tal-protezzjoni tal-annimali, li ladarba d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament dwar is-saħħa tal-annimali ma jibqgħux jitħarsu, il-benesseri tal-annimali jista’ jitpoġġa f’perikolu u ma jistax jibqa’ ggarantit ( 22 ). Dan ifisser mill-inqas żewġ affarijiet.

    59.

    L-ewwel nett, il-perijodi ta’ mistrieħ għandhom jikkonformaw mal-klawżola ġenerali. Dan jinvolvi dmir biex (potenzjalment) ma jiġix kkawżat korriment jew tbatija bla bżonn lill-annimali, iktar milli obbligu li tittieħed azzjoni esklużivament fl-interess tagħhom. Naturalment, inġenerali, perijodu li matulu l-vettura tkun wieqfa jikkawża inqas tbatija lill-annimali minn perijodu meta tkun miexja: pereżempju, l-annimali ttrasportati ikunu f’riskju iżgħar li jitilfu l-bilanċ tagħhom jew isofru mill-kinetożi ( 23 ). Madankollu, ma nistax neskludi l-possibbiltà li perijodu ta’ mistrieħ li ma jġibx il-“ħinijiet ta’ vjaġġar u perijodi ta’ mistrieħ” totali skont ir-regola 14+1+14 lil hinn minn 29 siegħa xorta jista’ jwassal biex jikkawża korriment jew tbatija bla bżonn lill-annimali. Biex nuża eżempju, ma naħsibx li l-klawżola ġenerali tippermetti li annimali jiġu mċaqilqa fiżikament għal siegħa, segwit minn perijodu ta’ mistrieħ ta’ 27 siegħa mgħoddi ġewwa l-vettura, qabel ma jiġu mċaqilqa għal siegħa oħra.

    60.

    Imbagħad, numru ta’ obbligi stabbiliti fir-Regolament Nru 1/2005 għandhom jiġu ssodisfatti pożittivament u konsistentement matul il-perijodi ta’ mistrieħ. L-ewwel nett, qed nirreferi għal dawk li jirriżultaw mit-tieni sentenza tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2005, kif ukoll ir-rekwiżiti elenkati fl-Anness I tiegħu u b’mod partikolari fil-Kapitolu VI, li japplika għal “vjaġġi twal” kif iddefiniti fl-Artikolu 2 tar-Regolament.

    61.

    Min-naħa tiegħi, ma tantx nista’ nagħti piż żejjed lill-fatt li r-regola 14+1+14 ssemmi li l-annimali għandhom jingħataw “perijodu ta’ mistrieħ biżżejjed għalihom b’mod partikolari jingħataw likwidi u jekk hemm bżonn ikel”. Għalkemm azzjonijiet bħal dawk huma b’mod ċar fl-interess tal-annimali, din l-espressjoni tidher li ma żżid xejn iktar mar-rekwiżiti pożittivi li jirriżultaw diġà mir-Regolament Nru 1/2005 ( 24 ). Barra minn hekk, l-argument kuntrarju huwa ovvju: il-kliem “b’mod partikolari” ma jeskludix espliċitament il-possibbiltà ta’ perijodu ta’ mistrieħ li ma huwiex esklużivament fl-interess tal-annimali. Bħala espressjoni ta’ kompromess politiku, ir-regola 14+1+14 għandha tinftiehem b’ċerta prammatiżmu, kif intwera fil-punt 45 iktar ’il fuq.

    62.

    Id-determinazzjoni ta’ jekk perijodu ta’ mistrieħ jonqosx milli josserva ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament Nru 1/2005 tinvolvi evalwazzjoni fattwali li għandha ssir mill-awtoritajiet nazzjonali u, fl-aħħar mill-aħħar, mill-qrati nazzjonali. Madankollu, infakkar li fil-kuntest ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni, huwa l-esportatur li għandu jipprova li ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ ħlasijiet lura ( 25 ). Kollox ma’ kollox, jidhirli li iktar ma jdum perijodu ta’ mistrieħ, iktar ikun diffiċli biex esportatur jagħmel hekk.

    63.

    Barra minn dan, l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1/2005 (“Dewmien matul it-trasport”) jeħtieġ li fil-każ li “kunsinna ta’ l-annimali matul it-trasport għal aktar minn sagħtejn, l-awtorità kompetenti għandha tassigura li jsiru arranġamenti speċjali għall-kura ta’ l-annimali u, fejn huwa neċessarju, it-tmiegħ, l-ilma, il-ħatt u l-akkommodazzjoni tagħhom”. Ma nara l-ebda raġuni valida għaliex din ir-regola ta’ sagħtejn tista’ ma sservix mutatis mutandis ta’ kejl fir-rigward ta’ trasportaturi meta waqfa tkun attribwibbli lilhom. Barra minn hekk, dan isostni l-fehma li l-idea li bovini jistgħu jinżammu fuq vettura stazzjonarja għal 14-il siegħa mingħajr ma jintħattu, kif issuġġeriet il-qorti tar-rinviju, sempliċement ma hijiex fattibbli.

    64.

    Fir-rigward tal-proċeduri prinċipali, ħadt nota tal-fatt li t-tul tat-trasport inkwistjoni jaqbeż 29 siegħa, u li Masterrind ma invokatx, skont l-informazzjoni li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regola +2. Madankollu, billi l-post ta’ destinazzjoni tat-trasport inkwistjoni kien il-Marokk, niddubita ħafna li jista’ jkun possibbli għal Masterrind li tinvoka r-regola +2. Għaldaqstant, għandi għal xiex naħseb li t-trasport inkwistjoni jikser ir-regola 14+1+14, u li l-azzjoni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    65.

    Fi kwalunkwe każ nikkunsidra li, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, “perijodu ta’ mistrieħ” ta’ 10 sigħat li jiġi mgħoddi ġewwa vettura wieqfa ma jistax ikun iġġustifikat u għaldaqstant jista’ jikkawża tbatija bla bżonn lill-annimali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom seħħ il-perijodu ta’ 10 sigħat ta’ mistrieħ.

    66.

    Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb l-ewwel domanda msemmija fis-sens li, skont interpretazzjoni korretta tar-regola stabbilita fil-punt 1.4 tal-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005, il-“ħinijiet tal-vjaġġ u l-perijodi ta’ mistrieħ” li dan il-punt isemmi jistgħu jinvolvu perijodu ta’ mistrieħ ta’ iktar minn siegħa jew diversi perijodi ta’ mistrieħ, sakemm perijodu ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas siegħa għandu jissepara kull perijodu kkombinat ta’ moviment fiżiku ta’ mhux iktar minn 14-il siegħa u, barra minn hekk, dan ma jiksirx ir-rekwiżiti l-oħra li hemm f’dan ir-regolament. Hija l-Qorti nazzjonali li għandha tivverifika din il-kwistjoni. Madankollu, sakemm l-annimali jaslu fil-post ta’ destinazzjoni, kif iddefinit fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, il-punt 1.5 tal-Kapitolu V tal-Anness I ta’ dan ir-regolament jeħtieġ li huma jinħattu, jintemgħu u jingħataw l-ilma, u jitħallew jistrieħu għal mill-inqas 24 siegħa kull 29 siegħa wara li jkunu tgħabbew għall-ewwel darba fil-post ta’ tluq, kif iddefinit f’din l-istess dispożizzjoni. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà, skont il-punt 1.8 ta’ dan il-kapitolu, li jiġi estiż il-ħin tal-vjaġġ b’sagħtejn fl-interess tal-annimali wara li tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-prossimità tal-post ta’ destinazzjoni.

    B – It-tieni domanda preliminari

    67.

    Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk korp amministrattiv ta’ Stat Membru responsabbli għall-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni huwiex marbut b’dikjarazzjoni, maħruġa minn veterinarju uffiċjali ta’ Stat Membru ieħor, li bis-saħħa tagħha l-vjaġġ (kif użat fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2005) li għalih ġew applikati l-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ma kienx jikkonforma mar-regoli dwar il-benesseri tal-annimali.

    68.

    Kif osservaw il-partijiet f’din il-proċedura, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tindirizza fil-wisa’ din il-mistoqsija.

    69.

    Fis-sentenza Viamex Agrar Handel, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tinterpreta verżjoni preċedenti tar-Regolament Nru 817/2010 ( 26 ). Kuntrarjament għall-approċċ li adotta l-Avukat Ġenerali ( 27 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-preżentazzjoni mill-esportatur, tad-dokumenti msemmijin fir-Regolament Nru 615/98 — issa r-Regolament Nru 817/2010 — ma tikkostitwixxix prova irribattibbli ta’ konformità mar-regoli dwar il-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni applikabbli, jew tal-konformità mar-regoli fuq il-benesseri tal-annimali matul it-trasport. Il-prova pprovduta b’dawk id-dokumenti hija biżżejjed biss sa fejn il-korp tal-ħlas kompetenti ma jkollux għad-dispożizzjoni tiegħu elementi li fid-dawl tagħhom jista’ jsib li r-regoli fuq il-benesseri tal-annimali matul it-trasport ma ġewx imħarsa. L-obbligu li hemm fuq dan il-korp huwa li janalizza l-provi, flimkien ma kull element ieħor disponibbli għalih sabiex jasal għal deċiżjoni dwar jekk dawn ir-regoli tħarsux u jiddeċiedi jekk jingħatawx ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni jew le ( 28 ).

    70.

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li dan ma jagħtix setgħa lill-korp tal-ħlas kompetenti li arbitrarjament jpoġġi f’dubju l-provi mehmuża mill-esportatur mal-applikazzjoni għall-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni. Il-korp tal-ħlas kompetenti jista’ jasal għal deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ konformità biss fuq il-bażi ta’ dokumenti msemmijin fir-Regolament Nru 615/98 — issa r-Regolament Nru 817/2010 — u/jew ta’ kull element oġġettiv ieħor b’implikazzjonijiet għall-benesseri tal-annimali. Ma jistax jillimita ruħu billi jinnota biss suppożizzjonijiet jew dubji dwar il-konformità, imma għandu jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu fuq elementi oġġettivi u speċifiċi dwar il-benesseri tal-annimali u għandu, fi kwalunkwe każ, jagħti r-raġunijiet dwar għaliex jikkunsidra li l-provi pprovduta mill-esportatur ma jippermettulux jikkonkludi li r-regoli tal-benesseri tal-annimali tħarsu ( 29 ).

    71.

    Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata sussegwentement mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Heemskerk u Schaap, liema kawża nstemgħet minnha komposta bħala Awla Manja ( 30 ).

    72.

    Fiż-żewġ kawżi msemmijin iktar ’il fuq, l-esportatur kellu f’idejh dikjarazzjoni tal-veterinarju uffiċjali li tiċċertifika l-konformità tal-bastiment tal-baħar ikkonċernat, u għalhekk it-trasport innifsu, mar-regoli tal-benesseri tal-annimali. Il-proċeduri prinċipali jirrigwardaw is-sitwazzjoni bil-maqlub: il-veterinarju uffiċjali ddikjara li l-vjaġġ ma seħħx f’konformità mar-regoli tal-benesseri tal-annimali matul it-trasport. L-esportatur qed jikkontesta din il-fehma.

    73.

    Issa, kuntrarjament għal dak li l-Hauptzollamt isostni, il-fatt li l-Artikolu 5(1)(c) tar-Regolament Nru 817/2010 jirreferi biss għal sitwazzjonijiet fejn ir-rekwiżiti tal-benesseri tal-annimali ma tħarsux, iktar milli sitwazzjonijiet fejn tħarsu, ma jfissirx loġikament li l-korp ta’ ħlas kompetenti jista’ jiċħad ħlas għal trasport li fil-fatt jissodisfa dawn ir-rekwiżiti. Fil-fatt, skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 817/2010, il-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni għal annimali bovini ħajjin, matul it-trasport tal-annimali lejn l-ewwel post tal-ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali, huwa suġġett għall-konformità mal-Artikoli 3 sa 9 tar-Regolament Nru 1/2005 u l-annessi msemmijin fih, u mar-Regolament Nru 817/2010 nnifsu. Xejn iżjed u xejn inqas. Għaliex fil-fatt, l-għan tal-proċedura tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni — proċedura applikabbli għal ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni mitlubin fir-rigward tal-esportazzjoni ta’ annimali bovini ħajjin — huwa sempliċement biex jiġi żgurat li l-prodott ikkonċernat jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa għall-ħlasijiet lura ( 31 ).

    74.

    Għalhekk, il-fatt li huwa l-esportatur li għandu juri li l-kundizzjonijiet kollha ġew issodisfatti għall-approvazzjoni ta’ talba għal ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni huwa irrilevanti, billi dak sempliċement jirrigwarda l-allokazzjoni tal-oneru tal-prova. Dan ma jibdel xejn il-fatt li l-iskema tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni għandha l-għan li tħeġġeġ deċiżjonijiet li huma korretti fil-merti tagħhom, irrispettivament minn jekk huma japprovawx jew jiċħdux dawn it-talbiet, skont il-prinċipju ġenerali li l-awtoritajiet amministrattivi għandhom jaġixxu skont il-liġi.

    75.

    Iktar minn hekk, irrid nistqarr li għandi diffikultà naċċetta l-fehma li l-validità u l-effetti fil-liġi ta’ dikjarazzjoni, maħruġa mill-veterinarju uffiċjali għall-finijiet tas-sistema legali li minnha jifforma parti r-Regolament Nru 817/2010, huma sempliċement kwistjonijiet tad-dritt tal-Istat Membru fil-punt tal-ħruġ, iktar milli d-dritt tal-UE bħala tali ( 32 ).

    76.

    Għaldaqstant, il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq fil-punti 69 sa 71 tapplika b’mod invers għas-sitwazzjoni inkunsiderazzjoni. Isegwi li dikjarazzjoni maħruġa mill-veterinarju uffiċjali, li tiċċertifika n-nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-benesseri tal-annimali tal-vjaġġ li għalih jintalbu ħlasijiet fuq l-esportazzjoni, ma tikkostitwixxix prova inkonfutabbli.

    77.

    M’iniex persważ minn ċerti argumenti li tressqu biex isostnu l-fehma opposta.

    78.

    L-ewwel nett, għandu jiġi miċħud l-argument li l-Hauptzollamt ressaq li d-dokument msemmi fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru No 817/2010 huwa “mimli b’mod dovut”, u għalhekk suġġett għal stħarriġ skont l-Artikolu 4(2)(a) ta’ dan ir-regolament, biss jekk il-veterinarju uffiċjali fil-punt tal-ħruġ jiċċertifika li r-riżultat tal-verifiki bis-saħħa tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament huma sodisfaċenti. Fl-ewwel lok, il-kliem “mimli b’mod dovut” ma jistax jiġi interpretat bħala li jippreskrivi riżultat partikolari tal-verifiki. Imbagħad, fit-tieni lok, l-Artikolu 2(4) tar-Regolament jgħid li d-dokument msemmi fl-Artikolu 2(3) tiegħu għandu jiġi ċċertifikat bin-numru totali tal-annimali li għalihom dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni kienet aċċettata bi tnaqqis tan-numru ta’ annimali li welldu jew kellhom abort matul it-trasport, mietu jew li għalihom ir-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1/2005 ma kinux osservati.

    79.

    It-tieni nett, ma naċċettax argument li jgħid, fl-interess tal-benesseri tal-annimali, li ma għandux ikun possibbli li jiġu mistħarrġa dikjarazzjonijiet li jsibu ksur tar-regoli fuq il-benesseri tal-annimali matul it-trasport. L-għan li l-benesseri tal-annimali tiġi protetta, ta’ min ifaħħru kemm trid, imma ma jistax jiġġustifika ċaħda ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni meta, kuntrarjament għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità maħruġa mill-veterinarju uffiċjali ta’ Stat Membru ieħor, fil-fatt ma jkunx hemm ksur ta’ dawn ir-regoli.

    80.

    Fl-aħħar nett, argument ibbażat fuq il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, imressaq mill-Hauptzollamt, jidhirli li huwa manifestament infondat. Ma hemmx theddida leġittima għal dawn l-interessi meta r-regoli fuq il-benesseri tal-annimali fil-fatt ġew imħarsin. Barra minn hekk, biex dan l-argument jitqiegħed fil-kuntest, fil-każ ipotetiku ta’ ksur tal-prinċipju ta’ legalità mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkonfermax bl-istess mod l-ammont ta’ multa imposta għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għaliex tibża li jkun hemm telf finanzjarju għall-UE ( 33 ).

    81.

    Hu x’inhu l-każ, kif qalu l-Hauptzollamt, il-Gvern Franċiż u l-qorti tar-rinviju, l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni fiżika u l-istat ta’ saħħa tal-annimali teħtieġ kompetenza teknika speċifika kif ukoll l-esperjenza, u għalhekk il-verifiki għandhom isiru minn veterinarju ( 34 ). Ir-riżultati ta’ dawn il-verifiki jammontaw għal evalwazzjonijiet fis-sit fattwali li jinvolvu evalwazzjonijiet kumplessi u tekniċi tas-saħħa u l-benesseri tal-annimali. Għalhekk isegwi li d-diskrezzjoni li tingħata lill-korp tal-ħlas kompetenti meta jistħarreġ dikjarazzjoni bħal dik li tiċċertifika n-nuqqas ta’ konformità mar-regoli fuq il-benesseri tal-annimali matul it-trasport, ma hijiex illimitata ( 35 ) — pjuttost hija limitata bl-istess mod, mutatis mutandis, kif imsemmi iktar ’il fuq fil-punt 70.

    82.

    Meta jkun qed jikkontesta dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità, l-esportatur għandu juri b’mod konklużiv, bi provi oġġettivi, li l-evalwazzjoni li għamel il-veterinarju uffiċjali ma hijiex affidabbli. Madankollu, is-sempliċi fatt li l-esportatur huwa ta’ fehma differenti minn dik tal-veterinarju uffiċjali fir-rigward tal-istat tal-annimali li għalihom qed jintalbu ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni, ma jfissirx li l-evalwazzjoni tal-veterinarju hija manifestament ħażina jew ibbażata fuq fatti skorretti.

    83.

    Għal dak li jirrigwarda l-konsegwenzi legali tal-konstatazzjonijiet tal-veterinarju uffiċjali, kif indikat il-qorti tar-rinviju, il-kompetenza teknika li għandhom il-veterinarji ma tiġġustifikax l-istess kawtela min-naħa tal-korp tal-ħlas kompetenti. Għalhekk, kull konsegwenza legali li tirriżulta hija suġġetta għal stħarriġ sħiħ.

    84.

    Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar ’il fuq, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi t-tieni domanda preliminari fis-sens li, meta tiġi kkunsidrata applikazzjoni għal ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 817/2010, korp responsabbli għall-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ma huwiex marbut bl-entrata magħmula, skont l-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament, mill-veterinarju uffiċjali. Madankollu, meta dan il-korp jiddeċiedi li ma jsegwix l-evalwazzjoni fattwali magħmula minn dan il-veterinarju dwar is-saħħa u l-benesseri tal-annimali li fuqha hija bbażata din l-entrata, dan għandu jiddependi fuq provi oġġettivi u speċifiċi dwar is-saħħa u l-benesseri tal-annimali. Jekk l-applikazzjoni tiġi miċħuda kollha kemm hi jew parzjalment, dan il-korp għandu, fi kwalunkwe każ, jipprovdi raġunijiet għal dan, peress li huwa l-esportatur li għandu juri, f’dak il-każ, li l-provi li fuqhom dan il-korp ibbaża ruħu huma irrilevanti.

    IV – Konklużjoni

    85.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta għad-domandi preliminari magħmulin mill-Finanzgericht Hamburg (qorti tal-finanzi ta’ Hamburg) fil-Kawża C‑469/14 fis-sens li:

    Interpretazzjoni korretta tar-regola stabbilita fil-punt 1.4 tal-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005, tat-22 ta’ Diċembru 2004, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li temenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97, il-“ħinijiet tal-vjaġġ u l-perijodi ta’ mistrieħ” li jsemmi dan il-punt jistgħu jinvolvu perijodu ta’ mistrieħ ta’ iktar minn siegħa jew diversi perijodi ta’ mistrieħ, sakemm perijodu ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas siegħa għandu jissepara kull perijodu kkombinat ta’ moviment fiżiku ta’ mhux iktar minn 14-il siegħa u, barra minn hekk, dan ma jiksirx ir-rekwiżiti l-oħra li hemm f’dan ir-regolament. Hija l-Qorti nazzjonali li għandha tivverifika din il-kwistjoni. Madankollu, sakemm l-annimali jaslu fil-post ta’ destinazzjoni, kif iddefinit fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, il-punt 1.5 tal-Kapitolu V tal-Anness I ta’ dan ir-regolament jeħtieġ li huma jinħattu, jintemgħu u jingħataw l-ilma, u jitħallew jistrieħu għal mill-inqas 24 siegħa kull 29 siegħa wara li jkunu tgħabbew għall-ewwel darba fil-post ta’ tluq, kif iddefinit f’din l-istess dispożizzjoni. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà, skont il-punt 1.8 ta’ dan il-kapitolu, li jiġi estiż il-ħin tal-vjaġġ b’sagħtejn fl-interess tal-annimali wara li tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-prossimità tal-post ta’ destinazzjoni;

    Meta tiġi kkunsidrata applikazzjoni għal ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 817/2010, tas-16 ta’ Settembru 2010, li jippreskrivi regoli dettaljati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward ta’ rekwiżiti għall-għoti ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni konnessi mal-welfare tal-annimali tal-ifrat ħajjin matul it-trasport, korp responsabbli għall-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ma huwiex marbut bl-entrata magħmula, skont l-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament, mill-veterinarju uffiċjali. Madankollu, meta dan il-korp jiddeċiedi li ma jsegwix l-evalwazzjoni fattwali magħmula minn dan il-veterinarju dwar is-saħħa u l-benesseri tal-annimali li fuqha hija bbażata din l-entrata, dan għandu jiddependi fuq provi oġġettivi u speċifiċi dwar is-saħħa u l-benesseri tal-annimali. Jekk l-applikazzjoni tiġi miċħuda kollha kemm hi jew parzjalment, dan il-korp għandu, fi kwalunkwe każ, jipprovdi raġunijiet għal dan, peress li huwa l-esportatur li għandu juri, f’dak il-każ, li l-provi li fuqhom dan il-korp ibbaża ruħu huma irrilevanti.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005, tat-22 ta’ Diċembru 2004, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li temenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (ĠU 2005 L 3, p. 1).

    ( 3 ) Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 817/2010, tas-16 ta’ Settembru 2010, li jippreskrivi regoli dettaljati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward ta’ rekwiżiti għall-għoti ta’ rifużjonijiet konnessi mal-welfare tal-annimali tal-ifrat ħajjin matul it-trasport (ĠU 2010 L 245, p. 16).

    ( 4 ) Regolament (KE) tal-Parlament u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU 2006 L 102, p. 1).

    ( 5 ) Ara, fir-rigward ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni, inter alia s-sentenzi Viamex Agrar Handel u ZVK, C‑37/06 u C‑58/06, EU:C:2008:18; Viamex Agrar Handel, C‑96/06, EU:C:2008:158; u Viamex Agrar Handel, C‑485/09, EU:C:2011:440.

    ( 6 ) Ara l-premessa 11 tar-Regolament Nru 1/2005.

    ( 7 ) L-Artikolu 13 TFEU jirrifletti l-Protokoll dwar il-protezzjoni u l-benessri tal-annimali anness mat-Trattat ta’ Amsterdam, ĠU 1997 C 340, p. 110 (iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar il-Benessri tal-Annimali”), applikabbli fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 1/2005 (ara wkoll is-sentenza Zuchtvieh-Export, C‑424/13, EU:C:2015:259, punt 35). Jekk miżura tal-UE tieħux biżżejjed inkunsiderazzjoni l-benesseri tal-annimali hija kwistjoni li tista’ tiġi mistħarrġa fil-kuntest tal-prinċipju tal-proporzjonalità, ara s-sentenza Jippes et, C‑189/01, EU:C:2001:420, punti 7985.

    ( 8 ) Ara, inter alia, il-premessa 13 u l-Artikolu 3(d) tar-Regolament Nru 1/2005. Ara wkoll The welfare of animals during transport (details for horses, pigs, sheep and cattle) [Il-benesseri tal-annimali matul it-trasport (dettalji għaż-żwiemel, il-ħnieżer, in-ngħaġ u annimali tal-ifrat)], Rapport tal-Kumitat Xjentifiku dwar is-Saħħa tal-Annimali u l-Benessri tal-Annimali, adottat fil-11 ta’ Marzu 2002, Kummissjoni Ewropea, Direttorat-Ġenerali għas-Saħħa u l-Protezzjoni tal-Konsumaturi, Direttorat C — Opinjonijiet Xjentifiċi, p. 24.

    ( 9 ) Sentenza f’Interboves, C‑277/06, EU:C:2008:548, punti 1516, fir-rigward ta’ regola simili fil-punt 48.4(d) tal-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u li temenda d-Direttivi 90/425/KEE u 91/496/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 12, p.133, kif emendat).

    ( 10 ) Għall-koerenza, jiena ppruvajt naderixxi, f’dawn il-konklużjonijiet, mad-definizzjonijiet ġeneralment elenkati fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2005, inklużi dawk ta’ “vjaġġ” u “trasport”. Madankollu, kif se jidher iktar ’l isfel, dan se jkun dejjem iktar diffiċli. Kif għidt qabel, ippruvajt inkun speċifiku meta meħtieġ.

    ( 11 ) L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2005 jiddefinixxi post tat-tluq bħala l-post li minnu l-annimal jitgħabba fuq mezz tat-trasport fil-każ li kien akkomodat hemmhekk għal mill-anqas 48 siegħa qabel il-ħin tat-tluq. Post ta’ destinazzjoni huwa ddefinit bħala l-post li fih annimal jinħatt minn mezz tat-trasport u jew jiġi akkomodat għal mill-anqas 48 siegħa qabel il-ħin tat-tluq jewinkella jinqatel. Taħt ċerti kundizzjonijiet, ċentri ta’ ġbir jistgħu jitqiesu bħala post tat-tluq mingħajr ma jkollhom għalfejn jissodisfaw ir-rekwiżit tal-48 siegħa. Madankollu, dik l-eċċezzjoni ma testendix għad-definizzjoni ta’ post ta’ destinazzjoni. Għaldaqstant, vjaġġ mill-ewwel post ta’ tagħbija lejn ċentru ta’ ġbir li jikkwalifika bħala post ta’ tluq ma jintemmx formalment sakemm l-annimali ma jiġux akkomodati għal 48 siegħa (jew jinqatlu) fiċ-ċentru ta’ ġbir.

    ( 12 ) Ara l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 91/628, li ddefinixxiet “trasport” bħala “kull ċaqlieq ta’ annimali, effettwat permezz ta’ trasport li jinvolvi t-tagħbija u l-ħatt ta’ l-annimali”.

    ( 13 ) Artikolu 2(2)(h) tad-Direttiva 91/628.

    ( 14 ) Hemm bżonn li jiġi indikat li d-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-punt 1.4(d) tal-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament Nru 1/2005 għandhom nuqqas ta’ konsistenza wkoll kemm internament kif ukoll bejniethom. L-ewwel nett, mhux il-verżjonijiet lingwistiċi kollha jużaw esklużivament il-kelma “trasport” billi ċerti verżjonijiet jużaw kliem li ma huwiex iddefinit (il-Ġermaniż: “Beförderung”, l-Ingliż: “travel”). It-tieni nett, ċerti verżjonijiet lingwistiċi jużaw il-kelma “vjaġġ” minflok “trasport” (it-Taljan: “viaggio”; il-Portugiż: “viagem”; ir-Rumen: “călătorie”).

    ( 15 ) Skont il-premessa 5 tar-Regolament Nru 1/2005, “[g]ħal raġunijiet ta’ benesseri ta’ l-annimal it-trasport ta’ l-annimali fit-tul, li jinkludi annimali għall-qatla, għandu jkun limitat kemm jista’ jkun”, billi vjaġġi twal skont il-premessa 18, “jista’ jkollhom effetti ta’ detriment maġġuri għall-benesseri ta’ l-annimali minn dawk qosra”. Barra minn hekk, it-tieni sentenza tal-Artikolu 3 tar-regolament jipprovdi li t-“trasport [għandu jsir] bla dewmien għall-post destinat u l-kondizzjonijiet tal-benesseri ta’ l-annimali [huma] eżaminati regolarment u miżmuma b’mod xieraq”. Fl-aħħar nett, l-Artkolu 5(3)(a) (“Obbligi ta’ l-ippjanar għat-trasport ta’ l-annimali”) jobbliga lill-organizzaturi li jiżguraw li għal kull vjaġġ, “benesseri ta’ l-annimali ma tkunx kompromessa minn koordinament insuffiċjenti tal-partijiet differenti tal-vjaġġ; u l-kondizzjonijiet tat-temp ikunu meħuda in konsiderazzjoni”.

    ( 16 ) The welfare of animals during transport (details for horses, pigs, sheep and cattle), op. cit., p. 80.

    ( 17 ) Proposta, tas-16 ta’ Lulju 2003, għal Regolament tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ annimali matul it-trasport u operazzjonijiet relatati u li temenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE (COM(2003) 425 finali/3), Anness I, Kapitolu V, punt 1.1(d) (p. 49).

    ( 18 ) Ara t-tielet u r-raba’ premessi tad-Direttiva tal-Kunsill 95/29/KE, tad-29 ta’ Ġunju 1995, li temenda d-Direttiva 91/628/KEE dwar il-protezzjoni tal-annimali matul it-trasport (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 17, p. 466).

    ( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pfotenhilfe-Ungarn, C-301/14, EU:C:2015:793, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata. Is-sentenza Zuchtvieh-Export, C‑424/13, EU:C:2015:259, li tgħid li organizzaturi tat-trasport għandhom juru, qabel ma jirċievu awtorizzazzjoni għat-trasport internazzjonali tal-annimali li jibda fl-UE, li r-rekwiżiti kollha tar-Regolament Nru 1/2005 se jitħarsu, inklużi l-ħinijiet tal-vjaġġ u l-perijodi tal-mistrieħ meta partijiet tal-vjaġġ iseħħu f’pajjiż terz, jipprova kif inqalbet din il-ġerarkija ta’ dawn l-għanijiet politiċi.

    ( 20 ) Bħala eżempju: il-ħin massimu ta’ vjaġġar awtorizzat bit-triq skont ir-regola 14+1+14 mingħajr mistrieħ “newtralizzanti” ta’ 24 siegħa jiġi kważi mgħoddi (27½ siegħa) eżatt qabel ma jitgħabba l-bastiment intra-EU roll-on/roll-off. It-traġitt bil-baħar innifsu jaqbeż 28 siegħa (jekk jeżistu traġitti bħal dawn). Hawnhekk, is-sentenza f’Interboves (C‑277/06, EU:C:2008:548, punti 3338) tidher li tissuġġerixxi li perijodu ta’ mistrieħ ta’ 12-il siegħa huwa biżżejjed biex jiġu “nnewtralizzati” l-55½ sigħat minimi ta’ vjaġġar bit-triq u l-bastiment li ġew qabel eżatt dak il-mistrieħ, li matulhom l-annimali ma tħattewx. F’dan l-eżempju, ma huwiex ċar ukoll jekk, wara 12-il siegħa ta’ mistrieħ “newtralizzanti”, l-annimali jistgħux jiġu ttrasportati għal 28 siegħa oħra bit-triq (sakemm jirċievu minimu ta’ siegħa mistieħ). Fil-każ ta’ trasport b’bastiment roll-on/roll-off għal punt barra l-UE, ma huwa rregolat l-ebda perijodu “newtralizzanti”; ara s-sentenza Schwaninger Martin, C‑207/06, EU:C:2008:414, punti 30 sa 35.

    ( 21 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi f’Interboves, C‑277/06, EU:C:2008:162, punt 18.

    ( 22 ) Ara, f’dan is-sens is-sentenza Viamex Agrar Handel, C‑96/06, EU:C:2008:158, punt 48.

    ( 23 ) Ara, fir-rigward tat-telf tal-bilanċ tal-annimali tal-ifrat matul trasport fuq distanza twila, The welfare of animals during transport (details for horses, pigs, sheep and cattle), op.cit., p. 81.

    ( 24 ) Ara l-Artikolu 3(h) tar-Regolament Nru 1/2005, kif ukoll il-punti 1.3 sa 1.5 u l-punti 2.1 sa 2.3 tal-Kapitolu VI tal-Anness I ta’ dak ir-regolament.

    ( 25 ) Sentenza Heemskerk u Schaap, C‑455/06, EU:C:2008:650, punt 24.

    ( 26 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 615/98, tat-18 ta’ Marzu 1998, li jistabbilixxi regoli speċifiċi ddettaljati ta’ applikazzjoni għas-sistemi ta’ rifużjonijiet għall-esportazzjoni għal dak li jirrigwarda l-benesseri ta’ annimali ħajjin tal-ispeċi tal-ifrat waqt it-trasport (ĠU L 82, p. 19).

    ( 27 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi għas-sentenza Viamex Agrar Handel, C‑96/06, EU:C:2007:680, punti 2930 u d-dispożittiv.

    ( 28 ) Sentenza Viamex Agrar Handel, C‑96/06, EU:C:2008:158, punti 3437 u l-ewwel inċiż tal-parti operattiva.

    ( 29 ) Ibid., punti 39 sa 41, u l-ewwel inċiż tal-parti operattiva.

    ( 30 ) Sentenza Heemskerk and Schaap, C‑455/06, EU:C:2008:650, punti 24 sa 32.

    ( 31 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenza Viamex Agrar Handel, C‑96/06, EU:C:2008:158, punti 3132.

    ( 32 ) F’dan is-sens, għalkemm naqbel li s-sistema legali tar-regolamenti ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni “tat lok għal netwerk Komunitarju” li “jimplika neċessarjament kooperazzjoni bejn l-Istati Membri” (ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi għas-sentenza Viamex Agrar Handel, C‑96/06, EU:C:2007:680, punti 2728), jiena b’kuntrast niddeduċi minn dan bżonn li wieħed ikun jista’ jistħarreġ dikjarazzjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    ( 33 ) Ara l-Artikolu 83 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012 L 298, p. 1).

    ( 34 ) Ara l-premessa 5 tar-Regolament Nru 817/2010.

    ( 35 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Heemskerk u Schaap, C‑455/06, EU:C:2008:650, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    Top