Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0428

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Wathelet, ippreżentati l-10 ta’ Settembru 2015.
    DHL Express (Italy) Srl u DHL Global Forwarding (Italy) SpA vs Autorità Garante della Concorrenza e del mercato.
    Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Consiglio di Stato.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-kompetizzjoni – Artikolu 101 TFUE – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Settur tal-ispedizzjonijiet internazzjonali tal-merkanzija – Awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni – Valur legali tal-istrumenti tan-netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni – Programm mudell ta’ dan in-netwerk fil-qasam tal-klemeneza – Talba għall-immunità mressqa quddiem il-Kummissjoni – Talba sommarja għal immunità mressqa quddiem l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni – Rabta bejn dawn iż-żewġ talbiet.
    Kawża C-428/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:587

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    WATHELET

    ippreżentati fl-10 ta’ Settembru 2015 ( 1 )

    Kawża C‑428/14

    DHL Express (Italy) Srl,

    DHL Global Forwarding (Italy) SpA

    vs

    Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l‑Italja)]

    “Politika tal-kompetizzjoni — Artikolu 101 TFUE — Akkordju — Settur tal-ispedizzjoni internazzjonali tal-merkanzija — Klemenza — Kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri (l-ANKs) — Netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni (NEK) — Programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK — In-natura vinkolanti jew le tal-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK għall-ANKs — Relazzjoni bejn talba għall-immunità ppreżentata lill-Kummissjoni u talba sommarja għall-immunità ppreżentata lil xi ANK”

    I – Introduzzjoni

    1.

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja mill-Consiglio di Stato (kunsill tal-Istat, l-Italja) fit-18 ta’ Settembru 2014, tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 4(3) TUE, kif ukoll tal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l‑implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl‑Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] ( 2 ).

    2.

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn DHL Express (Italy) Srl u DHL Global Forwarding (Italy) Srl (iktar ’il quddiem flimkien “DHL”), li huma sussidjarji ta’ Deutsche Post AG, u l-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (awtorità responsabbli mill-osservanza tal-kompetizzjoni u tar-regoli tas-suq, iktar ’il quddiem l-“Autorità”).

    II – Il-kuntest ġuridiku

    A – Ir-Regolament Nru 1/2003

    3.

    Il-premessa 15 tar-Regolament Nru 1/2003 tistabbilixxi:

    4.

    L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1/2003, intitolat “Koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri” huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità f’koperazzjoni qariba.

    2.   Il-Kummissjoni ħa tittrażmetti lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri kopji tad-dokumenti l-aktar importanti miġbura bl-għan li japplikaw l-Artikoli 7, 8, 9, 10 u l-Artikoli 29(1). Mat-talba ta’ l‑awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri, il-Kummissjoni tipprovdiha b’kopji ta’ dokumenti eżistenti u neċessarji oħra għall-istima tal-każ.

    3.   L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri ħa ikollhom, meta jagixxu taħt l-Artikolu 81 [KE] jew l-Artikolu 82 [KE], tinforma il‑Kummissjoni bil-kitba qabel u mingħajr l-ebda telf ta’ ħin wara il-bidu ta’ l-ewwel miżuri formali investigattivi. Din l-informazzjoni tista’ tiġi mqegħda għad-disposizzjoni ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ Stati Membri oħra.

    4.   Mhux aktar tard minn 30 ġurnata qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tirrikjedi li ksur jinġab fit-temm, aċċettazzjoni ta’ rbit jew irtirar tal‑benefiċju ta’ l-eżenzjoni ġenerali tar-Regolament, l-awtoritajiet tal‑kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri ħa tinforma il-Kummissjoni. Għal dak il-għan, ħa jipprovdu l-Kummissjoni b’summarju fuq il-każ, id-deċiżjoni maħsuba jew, fl-assenza ta’ dan, kwalunkwe dokumenti oħra li jindikaw x’azzjoni ħa tiġi meħuda. Din l-informazzjoni tista’ tiġi mqegħda għad-disposizzjoni ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ Stati Membri oħra. Mat-talba tal-Kummissjoni, l-awtorità tal-kompetizzjoni li qed taggixxi ħa tqiegħed għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni dokumenti oħra li huma neċessarji għall-istima tal-każ. L-informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni tista’ tiġi mqegħda għad-disposizzjoni ta’ l‑awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri l-oħra. Awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali jistgħu ukoll jiskambjaw informazzjoni neċessarja bejniethom għall-istima ta’ każ li qed jinnegozjawħ taħt l‑Artikolu 81 [KE] jew l-Artikolu 82 [KE].

    5.   L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri jistgħu jikkonsultaw lil Kummissjoni fuq xi każ li jinvolvi l-applikazzjoni tal‑liġi tal-Komunità.

    6.   L-inizjazzjoni mil-Kummissjoni tal-proċeduri għall-adottazzjoni ta’ deċiżjoni taħt Kapitolu III jirrileva l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l‑Istati Membri tal-kompetenzi tgħhom li japplikaw l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE]. Jekk l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru qed tagixxi diġa fuq il-każ, il-Kummissjoni għandha tibda proċeduri wara li tikkonsulta lil dik l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali”.

    B – Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ( 3 )

    5.

    Il-punt 1 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-NEK jistabbilixxi:

    6.

    Skont il-punt 38 ta’ din il-komunikazzjoni:

    C – Il-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK

    7.

    Fil-kuntest tan-NEK ġie adottat programm mudell fil-qasam tal‑klemenza matul is-sena 2006 (iktar ’il quddim il-“programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006”). Dan il-programm, li ma kienx ippubblikat u li huwa disponibbli biss fil-lingwa Ingliża, Franċiża u Ġermaniża, jista’ jiġi kkonsultat fis-sit tal-internet tal-Kummissjoni ( 4 ). Huwa kien rivedut f’Novembru tal-2012 ( 5 ) (iktar ’il quddiem il‑“programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2012”) u għalhekk wara li seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, inkluża d-deċiżjoni kkontestata tal-Awtorità.

    8.

    Il-punt 5 tal-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006 dwar l-immunità mill-multi “Tip 1A” jipprevedi:

    9.

    Mill-punt 2 tan-noti ta’ spjega annessi mal-programm mudell fil‑qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006 jirriżulta li “[l]-għan tal-programmi ta’ klemenza huwa li jappoġġjaw lill-awtortajiet tal‑kompetizzjoni fl-isforzi tagħhom sabiex jikxfu u jwaqqfu l-kartelli u jissanzjonaw lil dawk li jipparteċipaw fihom. L-awtoritajiet tal‑kompetizzjoni jikkunsidraw li assistenza mogħtija volontarjament sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet tirrapreżenta valur intrinsiku għall-prosperità ekonomika tad-diversi Stati Membri, kif ukoll għas-suq komuni u li f’ċerti każijiet din tista’ tiġġustifika, jew l-immunità (tip 1A u 1B), jew tnaqqis tal-ammont tal-multa (tip 2)”.

    10.

    Il-punti 22 sa 25 tal-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tas-2006 jirrigwardaw it-“[t]albiet sommarji fil-kawżi tat‑tip 1A” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    11.

    Il-punt 22 tal-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006 jipprevedi li “[m]eta l-Kummissjoni tkun ‘partikolarment f’pożizzjoni tajba’ sabiex teżamina kawża skont il-punt 14 tal-Komunikazzjoni dwar in-netwerk, l-impriża li tkun ippreżentat jew li tkun ser tippreżenta talba għall-immunità lill-Kummissjoni tista’ tindirizza talba sommarja lil kull awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali li din l-impriża tikkunsidra bħala ‘f’pożizzjoni tajba’ sabiex taġixxi fil-kuntest tal-Komunikazzjoni dwar in-netwerk. It-talbiet sommarji għandhom jinkludu l-informazzjoni segwenti fil-qosor:

    l-isem u l-indirizz tal-impriża li tippreżenta t-talba;

    il-parteċipanti l-oħra tal-akkordju preżunt;

    il-prodott jew prodotti kkonċernati;

    it-territorju jew territorji affetwati;

    it-tul ta’ żmien;

    in-natura tal-akkordju preżunt;

    l-Istat Membru jew l-Istati Membri li fihom jistgħu jinsabu l-provi, u

    l-informazzjoni dwar kull talba għall-klemenza diġà ppreżentata fir-rigward tal-akkordju preżunt”.

    12.

    Il-punt 24 tal-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006 jipprovdi li “[j]ekk awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali li jkollha quddiemha talba sommarja tiddeċiedi li titlob ċerta informazzjoni supplimentari, l-impriża għandha tipprovdiha mingħajr dewmien. Jekk awtorità tal-kompetizzjoni tiddeċiedi li taġixxi f’din il-kawża, hija tistabilixxi terminu li fih l-impriża għandha tipprovdi l‑informazzjoni u l-provi neċessarji sabiex tilħaq il-livell ta’ prova meħtieġ. Jekk l-impriża twettaq dan fit-termini stabbiliti, l-informazzjoni pprovduta tiġi kkunsidrata bħala li kienet ikkomunikata fid-data li fiha ġiet ippreżentata t-talba sommarja”.

    D – Id-dritt nazzjonali

    13.

    Fil-15 ta’ Frar 2007, l-Autorità adottat il-Komunikazzjoni dwar l-immunità u dwar it-tnaqqis tal-multi skont l-Artikolu 15 tal-Liġi Nru 287/90 (Communicazione sulla non imposizione e sulla riduzione delle sanzioni ai sensi dell’articolo 15 della legge 287/90), li tinkludi l-programm ta’ klemenza nazzjonali (iktar ’il quddiem il‑“Komunikazzjoni tal-Autorità”).

    14.

    L-Artikolu 16 ta’ dan il-programm intitolat, “Talba sommarja”, jipprevedi:

    “Jekk il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni aħjar sabiex titratta l-kawża u tibda l-proċedura, l-impriża li tkun diġà ppreżentat jew li tkun ser tippreżenta lill‑Kummissjoni talba sabiex ma jiġux imposti sanzjonijiet, tista’ tippreżenta lill-awtorità talba għall-klemenza simili, magħmula taħt il-forma imsejħa ‘sommarja’, meta hija tqis li l-awtorità wkoll tista’ tintervjeni f’dan il-każ. Skont il-[punt] 14 tal-Komunikazzjoni tal‑Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fil-kuntest tan-netwerk tal‑awtoritajiet li jiggarantixxu l-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tinsab fl-aħjar pożizzjoni meta ftehim wieħed jew iktar jew prattiki, inkluż in‑netwerks ta’ ftehim jew ta’ prattiki simili, jaffetwaw il-kompetizzjoni f’iktar minn tliet Stat Membri”.

    15.

    L-Artikolu 17 ta’ dan il-programm jipprevdi li “[i]t-talba sommarja għall-klemenza intiża sabiex tikseb in-nuqqas ta’ impożizzjoni tas-sanzjonijiet għandha tinkludi mill-inqas:

    a)

    l-isem u l-indirizz tal-impriża applikanta;

    b)

    l-isem u l-indirizz tal-impriżi l-oħra li jipparteċipaw fl-akkordju;

    ċ)

    deskrizzjoni tal-akkordju inkwistjoni, li tinkludi:

    il-partikolarità tan-natura tal-akkordju;

    l-indikazzjoni tal-oġġetti u tas-servizzi li huma s-suġġett tal-akkordju, l-estensjoni ġeografika u t-tul taż-żmien tiegħu;

    d)

    l-indikazzjoni tal-Istati Membri li fihom jistgħu probabbilment jinstabu l-provi tal-ksur;

    e)

    informazzjoni dwar talbiet għall-klemenza oħra li l-impriża diġà indirizzat jew beħsiebha tindirizza lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni oħra fir-rigward tal-istess ksur”.

    16.

    Skont l-Artikolu 18 ta’ dan il-programm “[l-]awtorità toħroġ, fuq talba tal-impriża, irċevuta li tikkonferma d-data u l-ħin li fih hija rċeviet it-talba sommarja u tinformaha jekk fil-prinċipju għadux possibbli li tingħata l-benefiċċju tan-nuqqas ta’ impożizzjoni tas-sanzjonijiet fir-rigward tal-akkordju inkwistjoni. Jekk l-awtorità tqis utili li titlob informazzjoni supplimentari, hija tistabbilixxi terminu li fih l-impriża għandha tipprovdi din l-informazzjoni. Jekk l-awtorità tiddeċiedi li tintervjeni f’dan il-każ, hija tistabbilixxi terminu sabiex tlesti t-talba għall-klemenza u tippermetti lill-impriża tipproduċi l-informazzjoni u l-provi imsemmija fil-paragrafu 3. Jekk it-talba titlesta fit-terminu stabbilit mill-awtorità, din tkun ikkunsidrata riċevuta fl-intier tagħha fid-data tal‑preżentazzjoni tat-talba sommarja […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    III – Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    17.

    Fil-5 ta’ Ġunju 2007, DHL ippreżentat talba għal ħatra ta’ persuna li timmarka l-immunità lill-Kummissjoni Ewropea skont il-Komunikazzjoni tagħha dwar l-immunità mill-multi u t-tnaqqis tal‑ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji ( 6 ), f’dan il-każ akkordju li jikser l-Artikolu 101 TFUE fis-settur tal-ispedizzjonijiet internazzjonali tal-merkanzija b’mezzi marittimi, bl-ajru jew bit-triq ( 7 ).

    18.

    Fl-24 ta’ Settembru 2007, il-Kummissjoni tat lid-DHL l‑immunità kundizzjonali għas-settur kollu tal-ispedizzjonijiet internazzjonali, jiġifieri s-settur marittimu, tal-ajru u tat-triq.

    19.

    Fl-20 ta’ Diċembru 2007, DHL ġabet għall-attenzjoni tal‑Kummissjoni ċerti elementi dwar l-aġir tal-impriżi fis-settur tal-ispedizzjonijiet internazzjonali fl-Italja bit-triq.

    20.

    Madankollu, il-Kummissjoni ddeċidiet sussegwentement li ssegwi biss il-parti tal-akkordju dwar is-servizzi ta’ tranżitu bl-ajru internazzjonali. B’deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2012, hija kkonstatat li diversi impriżi kienu pparteċipaw matul diversi snin f’akkordju fis-settur tas-servizzi ta’ tranżitu bl-ajru internazzjonali, bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE ( 8 ). Hija kkunsidrat li l-grupp Deutsche Post AG kien l-ewwel impriża li pprovdiet informazzjoni u provi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punt 8(a) tal-Komunikazzjoni tagħha dwar il-klemenza u l-ammont tal-multa imposta fuqu tnaqqset b’100 % għall-ksur inkwistjoni.

    21.

    B’mod parallel, fit-12 ta’ Lulju 2007, DHL ippreżentat lill‑Awtorità talba sommarja għall-immunità skont l-Artikolu 16 tal‑Komunikazzjoni tal-Awtorità. Hija pprovdiet informazzjoni dwar aġir fis-settur tal-ispedizzjonijiet internazzjonali tal-merkanzija.

    22.

    Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li skont l-Awtorità u l-partijiet intervenjenti, jiġifieri Agility Logistics Srl (iktar ’il quddiem “Agility”) u Schenker Italiana SpA, sussidjarja ta’ Deutsche Bahn AG (iktar ’il quddiem “Schenker”, it-talba sommarja għall-immunità ppreżentata mid-DHL ma tirrigwardax is-settur tal-ispedizzjonijiet internazzjonali tal-merkanzija bit-triq.

    23.

    Mill-banda l-oħra, skont DHL, it-talba sommarja tagħha tat‑12 ta’ Lulju 2007, kienet tirrigwarda aġir illegali osservat fis-suq tal‑ispedizzjoni u tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija kollu. DHL tqis b’mod partikolari li, għalkemm huwa minnu li din it-talba sommarja ma kinitx tinkludi eżempji konkreti u speċifiċi tal-aġir osservat fil-kuntest tal-ispedizzjoni tal-merkanzija bit-triq, dan kien biss minħabba l-fatt li dakinhar kienu għadhom mhux mikxufa.

    24.

    Fit-23 ta’ Ġunju 2008, DHL ippreżentat lill-Autorità talba sommarja addizzjonali għall-immunità mill-multa, sabiex tikkumplimenta t-talba ppreżentata inizjalment fit-12 ta’ Lulju 2007. Skont DHL, “din id-dikjarazzjoni tikkostitwixxi, għal kull fini u effett, is-sempliċi tlestija tat-talba ppreżentata fit-12 ta’ Lulju 2007, sa fejn l-aġir addizzjonali li hija ssemmi ma jikkostitwixxix ksur distint mhux kopert mid-dikjarazzjoni oriġinali, u ma hija xejn għajr manifestazzjoni tal-ksur diġà rrappurtat, u bħala tali, il-Kummissjoni ħaditha inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-klemenza mogħtija lill-impriża”.

    25.

    Fil-5 ta’ Novembru 2007, Deutsche Bahn AG ippreżentat lill‑Kummissjoni talba għall-klemenza, f’isimha u b’mod partikolari għan-nom ta’ Schenker, dwar aġir marbut mal-ispedizzjonijiet internazzjonali marittimi. Din id-dikjarazzjoni tlestiet fid-19 ta’ Novembru 2007, meta Deutsche Bahn AG/Schenker ipprovdiet lill-Kummissjoni informazzjoni dwar l-akkordju Taljan tal-kunsinnatarji tal‑merkanzija bit-triq.

    26.

    Fit-12 ta’ Diċembru 2007, Schenker ippreżentat lill-Autorità talba sommarja għall-klemenza li tipprovdi informazzjoni dwar l‑akkordju Taljan tal-ispedituri tal-merkanzija bit-triq.

    27.

    Fl-20 ta’ Novembru 2007, Agility ippreżentat lill-Kummissjoni talba sommarja għat-tnaqqis tal-multa għan-nom tal-grupp li minnu tagħmel parti.

    28.

    Fit-12 ta’ Mejju 2008, Agility Logistics International BV, kumpannija parent tal-grupp li minnu tagħmel parti Agility, ippreżentat verbalment lill-Autorità, għan-nom ukoll tal-kumpannija li hija tikkontrolla, li fosthom hemm Agility, talba sommarja għall-klemenza.

    29.

    Permezz tad-deċiżjoni tal-15 ta’ Ġunju 2011 fil-Kawża I722 ‑ Logistique internationale (proċedura Nru 22521, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Autorità ddeċidiet li diversi impriżi, fosthom DHL, Schenker u Agility Logistics International BV, kienu pparteċipaw f’akkordju fis-settur tas-servizzi ta’ tranżitu internazzjonali tal-merkanzija bit-triq bi tluq u destinazzjoni fl-Italja, bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

    30.

    Fid-deċiżjoni kkontestata, l-Autorità rrikonoxxiet lil Schenker bħala l-ewwel kumpannija li talbet l-immunità mill-multa fl-Italja għall-ispedizzjonijiet bit-triq tal-merkanzija. Bl-applikazzjoni tal-programm ta’ klemenza nazzjonali, din il-kumpannija ma kienet ikkundannata għal ebda multa. Mill-banda l-oħra, DHL u Agility ġew ikkundannati għall‑ħlas ta’ multa ta’ 49 % u 50 % tal-ammont inizjali rispettivament.

    31.

    L-Autorità kkunsidrat li, fit-talba tagħha tat-12 ta’ Lulju 2007, DHL kienet talbet l-immunità mill-multi għall-ispedizzjonijiet bl-ajru u għall-ispedizzjonijiet marittimi tal-merkanzija biss, filwaqt li t-talba għall‑ispedizzjonijiet bit-triq ġiet ippreżentata biss minn DHL fit-23 ta’ Ġunju 2008.

    32.

    DHL ippreżentat rikors għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (l-Italja) (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Lazio, l-Italja, iktar ’il quddiem it‑“TAR”) għar-raġuni li hija ma ngħatatx l-ewwel post fil-klassifika tal‑programm ta’ klemenza nazzjonali u għalhekk fl-immunità mill‑multi. DHL talbet ukoll, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti minn din id-deċiżjoni.

    33.

    Skont DHL, talba ppreżentata lill-Kummissjoni u talba sommarja ppreżentata lill-Autorità għandhom ikunu kkunsidrati flimkien bħala ħaġa waħda, minħabba r-rabta li teżisti bejn il-proċeduri, fatt li għandu effett fuq l-ordni ta’ prijorità tat-talbiet għall-klemenza, abbażi tal-prijorità ratione temporis rigward kull ksur. Permezz ta’ rikorsi inċidentali ppreżentati fit-18 u fit-23 ta’ Ġunju 2011 rispettivament, Schenker u Agility sostnew l-illegalità tal-ammissjoni ta’ DHL fil‑programm ta’ klemenza. Skont Schenker u Agility, DHL kellha tkun eskluża mill-programm ta’ klemenza peress li kienet kisret l-obbligu ta’ kooperazzjoni tagħha mal-Autorità.

    34.

    It-TAR ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn DHL, billi ddikjarat l‑eżistenza tal-prinċipju ta’ awtonomija u ta’ indipendenza tal-programmi ta’ klemenza tal-Kummissjoni u tal-Autorità. DHL appellat mis-sentenza tat-TAR quddiem il-Consiglio di Stato.

    35.

    Il-Consiglio di Stato jikkunsidra neċessarju li jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura vinkolanti jew le għall-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (iktar ’il quddiem l-“ANKs” ta’ programmi mudelli fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006 kif ukoll tal-2012 u b’mod partikolari dwar il‑kwistjoni jekk il-prinċipju ta’ assenza ta’ effetti legali vinkolanti tal‑imsemmi programm għall-qrati nazzjonali, stabbilit mill-Qorti tal‑Ġustizzja fis-sentenza Pfleiderer (C‑360/09, EU:C:2011:389), huwiex validu wkoll għall-ANKs. Huwa jistaqsi wkoll dwar l-eżistenza possibbli ta’ rabta legalment rilevanti bejn it-talba għall-immunità ppreżentata lill-Kummissjoni u talba sommarja ppreżentata lil ANK. Fl-aħħar nett il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-legalità tal-aġir tal‑Autorità, qabel il-pubblikazzjoni ta’ programm mudell fil-qasam ta’ klemenza tan-NEK tal-2012, peress li hija ppermettiet lil impriżi li kienu ppreżentaw talba għal tnaqqis tal-multa lill-Kummissjoni, jippreżentaw talbiet sommarji għall-immunità.

    36.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    37.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn DHL, Schenker, Agility, il-Gvern Taljan, Ġermaniż, Franċiż, Awstrijak, il-Gvern tar-Renju Unit u mill-Kummissjoni. Bl-eċċezzjoni tal-Gvern Ġermaniż u dak Awstrijak, kollha ppreżentaw osservazzjonijiet orali waqt is-seduta li nżammet fid-9 ta’ Lulju 2014.

    A – Fuq l-ewwel domanda preliminari

    38.

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tirreferi għall-punti 21 u 22 tas-sentenza Pfleiderer (C‑360/09, EU:C:2011:389), tistaqsi essenzjalment jekk l-atti tan-NEK, b’mod partikolari l-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tal-2006 tiegħu, humiex vinkolanti għall-ANKs jew jekk għall-kuntrarju jistgħux jevitaw l-applikazzjoni ta’ instrumenti ddefiniti u adottati min-NEK ( 9 ).

    39.

    Il-partijiet kollha, bl-eċċezjoni ta’ DHL, jikkunsidraw li l‑programm mudell fil-qasam ta’ klemenza tan-NEK tal-2006 ma huwiex vinkolanti għall-ANKs.

    40.

    Għandu jitfakkar li fil-punt 22 tas-sentenza Pfleiderer (C‑360/09, EU:C:2011:389) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-programm mudell fil-qasam ta’ klemenza tan-NEK tal-2006 ma għandux effett vinkolanti fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri ( 10 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat ukoll li għalkemm komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar, minn naħa, il-kooperazzjoni fi ħdan in-NEK ( 11 ) u, min-naħa l-oħra, l-immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji ( 12 ) jista’ jkollhom effetti fuq il-prattika tal‑ANK ( 13 ), la d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal‑kompetizzjoni u lanqas ir-Regolament Nru 1/2003 ma jipprevedu regoli komuni ta’ klemenza ( 14 ).

    41.

    Jiena nikkunsidra li l-atti tan-NEK inkluż il-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tal-2006 tiegħu ma humiex vinkolanti fir-rigward tal-ANKs.

    42.

    Qabelxejn hemm lok li jiġi enfasizzat li bl-applikazzjoni tal-Artikolu 35(1) tar-Regolament Nru 1/2003 “[Anks] jistgħu jinkludu qrati” innominati mill-Istati Membri sabiex japplikaw l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE. Minn dan isegwi li b’applikazzjoni tas-sentenza Pfleiderer (C‑360/09, EU:C:2011:389), l-atti tan-NEK, inkluż il-programm mudell tiegħu fil-qasam tal-klemenza tal-2006 ma humiex vinkolanti fir‑rigward tal-ANKs li huma qrati tal-Istati Membri. L-Artikolu 5 tar‑Regolament Nru 1/2003, li jirrigwarda l-kompetenzi tal-ANKs, jipprevedi li huma għandhom is-setgħa japplikaw l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE u jelenka d-deċiżjonijiet li huma jistgħu jieħdu. Peress li din id-dispożizzjoni ma tagħmel ebda distinzjoni bejn l-ANKs skont in‑natura amministrattiva jew ġudizzjarja tagħhom, jiena nikkunsidra inkoerenti li l-atti tan-NEK ikunu vinkolanti għall-ANKs ta’ natura amministrattiva u mhux vinkolanti għall-ANKs ta’ natura ġudizzjarja.

    43.

    Barra minn hekk, mill-punt 1 tal-Komunikazzjoni dwar il‑kooperazzjoni fi ħdan in-NEK jirriżulta b’mod ċar li dan in-netwerk jikkostitwixxi forum ta’ diskussjoni u ta’ kooperazzjoni għall-applikazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u huwa previst b’mod partikolari sabiex jipprovdi qafas li minnu tagħmel parti l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet Ewropew tal-kompetizzjoni fil-kawżi fejn japplikaw l‑Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE. Minn dan isegwi li n-NEK, li ma għandux setgħa leġiżlattiva, ma jistax jadotta atti li jorbtu lill-ANKs. Dawn tal-aħħar jistgħu għalhekk jevitaw l-applikazzjoni ta’ strumenti ddefiniti u adottati min-NEK ( 15 ).

    44.

    F’dan ir-rigward, il-fatt li xi ANKs huma formalment marbuta ( 16 ) li josservaw il-prinċipji stabbiliti fil-Komunikazzjoni dwar il‑kooperazzjoni fi ħdan in-NEK la jbiddel in-natura tal-forum ta’ diskussjoni u ta’ kooperazzjoni u lanqas in-natura mhux vinkolanti tal‑atti tiegħu. Barra minn hekk, b’mod iktar partikolari fir-rigward tal‑programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK, anki mill-isem tiegħu bħala programm “mudell” kif ukoll mill-kontenut tiegħu jirriżulta li huwa ta’ natura purament programmatika ( 17 ). Fil-fatt, l-għan iddikjarat tal-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal‑2006 huwa li jinkoraġġixxi lill-ANKs jiħduh inkunsiderazzjoni waqt l-eventwali adozzjoni u implementazzjoni tal-programm nazzjonali għal klemenza ( 18 ), mingħajr madankollu ma jobbligahom jimxu miegħu ( 19 ). Fi kliem ieħor, il-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal‑2006 huwa intiż li jippromwovi, permezz ta’ “soft-law”, l‑allinjament volontarju tal-eventwali programmi għal klemenza tal-Istati Membri ( 20 ) fil-qasam tal-kompetizzjoni.

    45.

    Barra minn hekk, l-ANKs ma humiex obbligati jistabbilixxu programmi għal klemenza bl-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, tar‑Regolament Nru 1/2003 u lanqas bl-obbligu tagħhom ta’ kooperazzjoni leali bl-applikazzjoni tal-Artikolu 4(3) TUE. Madankollu, meta Stat Membru jistabbilixxi programm għal klemenza ( 21 ), ibbażat jew le fuq il-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006, huwa għandu josserva d-dritt tal-Unjoni u jiżgura li r-regoli li huwa jistabbilixxi jew japplika ma jippreġudikawx l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE ( 22 ).

    46.

    Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 51(1), id-dispożizzjonijiet tal‑Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) huma indirizzati lill-Istati Membri meta huma jimplementaw tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk l-Istati Membri, inkluż l-ANKs tagħhom, huma marbuta bid-dispożizzjonijiet tal-Karta u bil-prinċipji ġenerali tal-Unjoni meta huma jimplementaw l‑Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE. Għaldaqstant, meta ANK tadotta programm ta’ klemenza, li fil-prinċipju huwa xieraq sabiex ikollu effetti legali, hija għandha tosserva, il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fosthom il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ( 23 ) u d-dritt għal amministrazzjoni tajba ( 24 ).

    47.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006 ma għandux effett vinkolanti fir-rigward tal-ANKs. Madankollu, meta Stat Membru jadotta programm ta’ klemenza, abbażi jew le tal-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tas-2006, huwa għandu josserva d-dritt tal‑Unjoni u b’mod speċifiku fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, jiżgura li r-regoli li jistabbilixxi jew li japplika ma jippreġudikawx l‑applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE. Barra minn hekk, l-Istati Membri, inkluż l-ANKs tagħhom, huma marbuta bid‑dispożizzjonijiet tal-Karta u bil-prinċipji ġenerali tal-Unjoni meta jimplementaw l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE. Għaldaqstant, meta ANK tadotta programm ta’ klemenza, li fil-prinċipju huwa xieraq sabiex ikollu effetti legali, dan il-programm għandu josserva l-Karta u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fosthom il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġitimi u d-dritt għal amministrazzjoni tajba.

    B – Fuq it-tieni domanda preliminari

    48.

    It-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-eżistenza jew le ta’ rabta legali “bejn it-talba prinċipali għall-immunità li impriża ppreżentat jew li ser tippreżenta lill-Kummissjoni u t-talba sommarja għall-immunità li hija ppreżentat lil ANK għall-istess akkordju” ( 25 ).

    1. Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari 2(a)

    49.

    Permezz tat-domanda preliminari 2(a) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod iktar partikolari dwar il‑kwistjoni jekk talba sommarja għall-immunità ppreżentata lil ANK għandhiex tkun evalwata fid-dawl ta’ talba ppreżentata lill-Kummissjoni “taħt il-kunidzzjoni li t-talba simplifikata [sommarja] tirrifletti b’mod fidil il-kontenut tat-talba prinċipali” ( 26 ) ippreżentata lill-Kummissjoni.

    50.

    Il-Gvern Franċiża jikkunsidra li d-domanda preliminari 2(a) hija ipotetika u għalhekk inammissibbli. Fil-fatt mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mill-fajl quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li fil-kawża prinċipali, it-talba sommarja għall-immunità ppreżentata lill-Autorità minn DHL ma tirriflettix b’mod fidil il-kontenut tat-talba għal immunità ppreżentata lill‑Kummissjoni.

    51.

    Id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tieħu deċiżjoni dwar talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l‑interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni, ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun waħda ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji biex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha ( 27 ).

    52.

    Mill-fajl quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li fil-5 ta’ Ġunju 2007, DHL ippreżentat lill-Kummissjoni talba għal persuna li timmarka l-immunità dwar ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni fis-settur marittimu, tal-ajru u tat-triq tal-ispedizzjonijiet internazzjonali tal-merkanzija filwaqt li skont id-deċiżjoni kkontestata, it-talba sommarja għall-immunità ta’ DHL ippreżentata fit-12 ta’ Lulju 2007 quddiem l-Autorità kienet tirrigwarda biss l-ispedizzjonijiet internazzjonali bl‑ajru u marittimi tal-merkanzija u ma kinitx tirrigwarda s-settur tal‑ispedizzjonijiet internazzjonali tal-merkanzija bit-triq.

    53.

    Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, DHL sostniet li t-talba sommarja għall-immunità tagħha lill-Autorità tat-12 ta’ Lulju 2007, ma kinitx tinkludi eżempji speċifiċi u konkreti tal-aġir illegali fis-settur tat‑triq fl-Italja għar-raġuni biss li, f’dik id-data, kienet għadha ma skopritux. Minkejja dan, skont DHL, l-Autorità kellha tinterpreta l‑kontenut tat-talba sommarja tagħha billi tieħu inkunsiderazzjoni r-rabta tagħha mat-talba għall-immunità ppreżentata lill-Kummissjoni.

    54.

    Il-kawża prinċipali tnislet, tal-inqas parzjalment, minn din id‑diverġenza bejn il-portata tat-talba għall-immunità ppreżentata minn DHL lill-Kummissjoni u l-portata, skont id-deċiżjoni kkontestata, tat‑talba sommarja ppreżentata minn DHL lill‑Autorità, kif ukoll mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ssegwi biss il‑parti tal-akkordju li jirrigwarda s-servizzi ta’ tranżitu bl-ajru internazzjonali.

    55.

    Fl-opinjoni tiegħi, mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax b’mod ċar li din id-diverġenza ta’ evalwazzjoni tal-fatti kienet ġiet deċiża b’mod definittiv mill-qrati Taljani. Waqt is-seduta tad-9 ta’ Lulju 2015, il-Gvern Taljan kkonferma barra minn hekk li l-proċedura tal-appell quddiem il-qorti tar-rinviju kienet ta’ ġurisdizzjoni sħiħa. Għaldaqstant, jiena nikkunsidra li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni fid-domanda preliminari 2(a) hija utili għall-qorti tar-rinviju.

    2. Fuq il-mertu

    56.

    Fl-opinjoni tiegħi, huwa opportun li tingħata risposta konġunta għad-domandi preliminari 2(a) u (b).

    57.

    DHL issostni li talba sommarja tikkostitwixxi essenzjalment l‑“appendiċi” u l-ankraġġ, fuq livell nazzjonali, tat-talba prinċipali ppreżentata lill-Kummissjoni. Fl-opinjoni tagħha, li t-talba sommarja tiġi kkunsidrata b’mod separat mill-kuntest globali li fih hija titnissel, kif għamlet l-Autorità fid-deċiżjoni kkontestata, jagħti lok għall‑iżnaturament tal-funzjoni tagħha. Ladarba t-talba sommarja għall-immunità ma għandha tkun xejn ħlief deskrizzjoni qasira tal‑akkordju rrappurtat lill-Kummissjoni, DHL targumenta li hija għandha tkun evalwata fid-dawl tat-talba prinċipali, taħt il-kundizzjoni li hija tirrifletti b’mod fidil il-kontenut. DHL ma tallegax li, kemm formalment kif ukoll fil-mertu, it-talba sommarja tagħha fuq livell nazzjonali u t-talba prinċipali tagħha fuq livell tal-Unjoni huma identiċi; fil-fatt dawn jirrigwardaw żewġ talbiet distinti, iżda strettament marbuta min-natura tagħhom, peress li t-talba għall-immunità sommarja ma tistax teżisti ħlief fil-preżenza ta’ talba għall-immunità prinċipali.

    58.

    Bħall-partijiet l-oħra kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet, jiena ma naqbilx mal-pożizzjoni ta’ DHL.

    a) Id-dritt nazzjonali

    59.

    Għandu jerġa’ jiġi enfasizzat li l-programm mudell fil-qasam tal‑klemenza tan-NEK tal-2006, inkluż il-punt 22 tiegħu, ma huwiex vinkolanti fuq l-ANKs u li l-Istati Membri ma humiex obbligati, bl‑applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jistabbilixxu sistema ta’ talbiet sommarji għall-klemenza. Madankollu, meta ANK tistabbilixxi sistema ta’ talbiet sommarj, hija għandha, skont ir-risposta tiegħi għall-ewwel domanda, tosserva d-dritt tal-Unjoni b’mod partikolari l‑Artikolu 101 TFUE, id-dispożizzjonijiet tal-Karta u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

    60.

    Mill-fajl quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l‑Autorità stabbilixxiet sistema ta’ talbiet sommarji għall-klemenza li hija bbażata ferm fuq il-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan‑NEK tal-2006, b’mod partikolari, il-punt 22 tiegħu ( 28 ). Barra minn hekk, jidher, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-àrtikolu 17 tal‑Komunikazzjoni tal-Autorità jimponi fost oħrajn lill-applikant għall-klemenza l-“indikazzjoni tal-oġġetti u servizzi li huma s-suġġett tal-akkordju, l-estensjoni ġeografika tiegħu u t-tul taż-żmien tiegħu”.

    61.

    Mingħajr ħsara wkoll ta’ verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li l‑Komunikazzjoni tal-Autorità ma timponix obbligu lill-Autorità li “tikkuntattja lill-Kummissjoni jew lill-impriża nnifisha, sabiex jiġi stabbilit jekk, wara l-preżentata tat-talba sommarja, fil-kuntest tat‑twettiq tal-missjonijiet tagħha ta’ investigazzjonijiet interni, il‑Kummissjoni kkonstatatx l-eżistenza ta’ eżempji konkreti u speċifiċi ta’ aġir fis-settur allegatament kopert mit-talba prinċipali għall‑immunità iżda mhux mit-talba sommarja għall-immunità” ( 29 ).

    62.

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju, tistaqsi b’mod iktar partikolari dwar il-kwistjoni jekk id-dritt tal-Unjoni jimponix fuq ANK obbligu li tevalwa t-talba sommarja għall-klemenza indirizzata lilha fid-dawl tat-talba għall-klemenza ppreżentata lill-Kummissjoni “għall-istess akkordju” u f’ċerti ċirkustanzi tikkuntattja lill-Kummissjoni jew lill‑impriża nnifisha.

    b) Il-punt 38 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in‑NEK

    63.

    Skont ir-risposta tiegħi għall-ewwel domanda, jiena nikkunsidra li barra l-fatt li l-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan‑NEK tal‑2006 ma huwiex legalment vinkolanti fuq l-ANKs, mill‑punt 38 tal-Komunikazzjoni dwar il‑kooperazzjoni fi ħdan in-NEK jirriżulta b’mod ċar li, fin-nuqqas ta’ sistema ċentralizzata u unifikata ta’ klemenza fi ħdan l-Unjoni, talba għall-klemenza indirizzata lill‑Kummissjoni, ma tistax tkun ikkunsidrata bħala talba indirizzata lil ANK ( 30 ).

    64.

    Minn dan isegwi li fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ma jeżistix “ċentru uniku” (jew “one-stop-shop”) għall-ipproċessar tat‑talbiet għall-klemenza u lanqas, kif irrilevat il-Kummissjoni fis‑seduta tad-9 ta’ Lulju 2015, skambju awtomatiku ta’ dawn it-talbiet bejn l-ANKs u l-Kummissjoni bl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tar‑Regolament Nru 1/2003.

    65.

    Sabiex jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura eventwali mibdija minn dawn l-awtoritajiet, l-applikant għandu jitlob il‑klemenza quddiem l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kollha kompetenti sabiex japplikaw l-Artikolu 101 TFUE fit-territorju affettwat bil-ksur u li jistgħu jkunu kkunsidrati bħala f’pożizzjoni tajba sabiex jaġixxi kontra dan il-ksur. Fil-fatt, “[h]uwa l-applikant li għandu jagħmel il-passi li huwa jaħseb li huma indikati sabiex jiddefendi l‑pożizzjoni tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura eventwali mibdija minn dawn l-awtoritajiet” ( 31 ).

    66.

    Għaldaqstant, il-punt 38 tal-Komunikazzjoni dwar il‑kooperazzjoni fi ħdan in-NEK jistabbilixxi prinċipju ta’ awtonomija u ta’ indipendenza tad-diversi programmi ta’ klemenza tal-Kummissjoni u tal-ANKs, kif ukoll tat-talbiet relattivi.

    c) Il-punti 1 u 22 tal-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan‑NEK tal-2006 u l-punt 45 tan-noti ta’ spjega annessi mal-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006

    67.

    Qabelxejn nirrileva li l-punt 1 tal-programm mudell fil‑qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006 jipprovdi li “[f]is-sistema tal‑kompetenzi paralleli bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, talba għal-klemenza indirizzata lil awtorità partikolari ma tistax tkun ikkunsidrata bħala talba għall-klemenza indirizzata lil awtorità oħra. L-impriża għandha għalhekk interess li titlob il-klemenza quddiem l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kollha li huma kompetenti li japplikaw l-Artikolu [101 TFUE] fit-territorju affettwat mill-ksur u li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala f’pożizzjoni tajba li jaġixxu kontra l-ksur inkwistjoni” ( 32 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    68.

    Peress li l-obbligu tal-applikant li jitlob il-klemenza quddiem l‑awtoritajiet kompetenti kollha jista’ jagħti lok għal diversi talbiet għall-klemenza paralleli, il-punt 22 tal-programm mudell fil-qasam tal‑klemenza tan-NEK tal-2006 jirrakkomanda mudell uniformi tat‑talbiet sommarji sabiex iħaffef il-piż li dawn id-diversi talbiet jirrappreżentaw għall-impriżi u l-ANKs ( 33 ).

    69.

    Il-punt 22 tal-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006 jipprevedi wkoll li, meta impriża tkun ippreżentat jew tkun ser tippreżenta talba għall-immunità lill-Kummissjoni, hija tista’ tindirizza talba sommarja li tinkludi informazzjoni speċifika fil-qosor lil kull ANK li din l-impriża tikkunsidra bħala “f’pożizzjoni tajba” li taġixxi. “Billi tippreżenta talba sommarja, l-impriża tiżgura l-pożizzjoni tagħha fl-ordni li fih ġew ippreżentati t-talbiet quddiem l-awtorità tal‑kompetizzjoni kompetenti għall-akkordju preżunt” ( 34 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    70.

    Barra minn hekk, il-punt 22 tal-programm mudell fil-qasam tal‑klemenza tan-NEK tal-2006 jagħti lista ta’ informazzjoni li “għandha” ( 35 ) tingħata fit-talba sommarja. Nirrileva li din il-lista tinkludi informazzjoni dwar il-portata tal-akkordju inkwistjoni u “informazzjoni dwar kull talba għall-klemenza diġà ppreżentata jew li ser tiġi ppreżentata fir-rigward tal-akkordju preżunt”.

    71.

    Mill-punt 45 tan-noti ta’ spjega annessi mal-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006 jirriżulta li l-għan ta’ din l‑informazzjoni huwa sabiex tippermetti lill-ANK tiddeċiedi, minn naħa, jekk hija tridx taġixxi fil-kawża inkwistjoni, u min-naħa l-oħra, jekk l-informazzjoni pprovduta tippermettix lill-awtorità tal‑kompetizzjoni tiddetermina jekk l-impriża tinsabx f’sitwazzjoni tat‑“tip 1A” ( 36 ) prevista fil-punt 5 tal-programm mudell fil-qasam tal‑klemenza tan-NEK tal-2006.

    72.

    Issa, għalkemm il-preżentazzjoni ta’ talba sommarja quddiem ANK tippreżumi l-preżentazzjoni minn qabel jew wara ta’ talba għall‑immunità quddiem il-Kummissjoni ( 37 ) u għalkemm il-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006 jipprovdi tnaqqis (temporanju) tal-informazzjoni u provi li għandhom jiġu pprovduti minn impriża lil ANK, dan il-programm madankollu ma jipprevedi ebda rabta legali bejn it-talba għall-immunità magħmula lill-Kummissjoni u dik sommarja ppreżentata lil ANK ( 38 ).

    73.

    It-talba ppreżentata quddiem il-Kummissjoni u t-talba ppreżentata quddiem ANK huma fil-fatt talbiet awtonomi, peress li jirriżulta b’mod ċar mill-punt 22 tal-programm mudell fil-qasam tal‑klemenza tan-NEK tal-2006 u mill-obbligi tal-informazzjoni imposti fuq l-applikant, b’mod partikolari dwar il-prodott/i previst/i u t‑territorju/i affettwat/i, li huwa l-applikant biss li għandu jiddetermina b’mod korrett il-portata tat-talba sommarja tiegħu.

    74.

    Għaldaqstant, għalkemm l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fit-talba sommarja b’mod partikolari dwar il-portata tal‑ksur inkwistjoni hija ċertament inqas, hija għandha tkun preċiża biżżejjed sabiex tiżgura l-protezzjoni tal-applikant u l-post tiegħu fl‑ordni tal-preżentazzjoni tat-talbiet għall-immunità fil-każ fejn, bħal fil-kawża prinċipali, il-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tintervjenix abbażi tat-talba għall-immunità ppreżentata quddiemha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li jekk il-portata tal-akkordju previst mit-talba sommarja ma jkunx daqshekk preċiż, l-applikant jirriskja li jitlef postu fl-ordni tal-preżentazzjoni tat-talbiet għall-klemenza quddiem l‑ANK, li tidher li hija s-sitwazzjoni ta’ DHL skont id-deċiżjoni kkontestata ( 39 ).

    75.

    Għalhekk, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk it-talba sommarja ppreżentata lil ANK tirriflettix b’mod fidil jew le t-talba għall-immunità ppreżentata lill-Kummissjoni, ANK ma hijiex obbligata tevalwa t-talba sommarja fid-dawl tat-talba għall-immunità ppreżentata lill-Kummissjoni, u dan anki jekk l-ANK ikollha informazzjoni dwar talbiet oħra għall-klemenza li jirrigwardaw l-istess akkordju skont il-punt 22 tal-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006.

    76.

    Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni u l-ANK jistgħu jiskambjaw fi ħdan in-NEK informazzjoni miġbura ( 40 ), inkluż fil-kuntest tat-talbiet għall‑klemenza ( 41 ), f’każ li l-ANK ( 42 ) tqis li t-talba sommarja għandha kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae iktar ristrett minn dak tat-talba ppreżentata mill-istess impriża lill-Kummissjoni, hija ma għandhiex “tikkuntattja lill‑Kummissjoni jew lill-impriża nnifisha, sabiex jiġi stabbilit jekk, wara l-preżentata tat-talba sommarja, fil-kuntest tat-twettiq tal‑missjonijiet tagħha ta’ investigazzjonijiet interni, il-Kummissjoni kkonstatatx l-eżistenza ta’ eżempji konkreti u speċifiċi ta’ aġir fis-settur allegatament kopert mit-talba prinċipali għall-immunità iżda mhux mit‑talba sommarja għall-immunità” ( 43 ).

    77.

    Bħall-Gvern Awstrijak, jiena nikkunsidra li obbligu tal‑ANKs li jivverifikaw it-talba sommarja quddiem il-Kummissjoni “jikkontradixxi l-intenzjoni ddikjarata tal-awtoritajiet magħquda fin‑NEK li ma jistabbilixxux ‘one-stop-shop’ għat-talbiet għall-klemenza fi ħdan l-Unjoni Ewropea u li jiksbu l-awtonomija ta’ kull programm ta’ klemenza”. Fl-opinjoni tiegħi, il-fatt li, bl-applikazzjoni tal-punt 22 tal‑programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006, l‑applikant għandu jipprovdi waqt il-preżentazzjoni tat-talba sommarja tiegħu “informazzjoni dwar kull talba għall-klemenza diġà ppreżentata jew li ser tkun ippreżentata fir-rigward tal-akkordju preżunt” ma jimponix fuq l-ANKs obbligu li jivverifikaw it-talba sommarja quddiem il-Kummissjoni.

    78.

    Barra minn hekk l-impożizzjoni fuq l-ANKs tal-obbligu li jikkuntattjaw lill-Kummissjoni jew lill-impriża nnifisha fiċ-ċirkustanzi msemmija fit-tieni domanda preliminari, tmur mhux biss kontra l‑prinċipju ta’ awtonomija u ta’ indipendenza tal-programmi tal-klemenza fi ħdan l-Unjoni, iżda tirriskja wkoll li tippreġudika indebitament l‑obbligu ta’ kooperazzjoni tal-applikanti għall-klemenza, li huwa wieħed mill-pilastri tas-sistema tal-klemenza. Jiena nikkunsidra wkoll li kull nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu ta’ kooperazzjoni jirriskja li jaffettwa l-ordni tal-preżentazzjoni mogħti lit-talbiet għall-klemenza u konsegwentement, jikkawża preġudizzju lill-applikanti għall-klemenza oħra fir-rigward tal-istess akkordju, u dan bi ksur tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fosthom il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u d-dritt għal amministrazzjoni tajba.

    d) Il-punti 13 u 24 tal-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006

    79.

    Huwa manifest li l-effiċjenza tal-programmi ta’ klemenza tal‑Kummissjoni u tal-ANKs tibbaża b’mod partikolari, fuq l-obbligu tal‑applikant għall-klemenza li juri lill-awtoritajiet, bl-applikazzjoni tal‑punt 13(2) tal-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006, “kooperazzjoni ġenwina, totali u permanenti sa mill‑preżentazzjoni tat-talba tiegħu quddiem l-awtorità tal‑kompetizzjoni sal-konklużjoni tal-kawża” ( 44 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    80.

    Fil-fatt, skont il-punt 24 ta’ dan il-programm mudell, l-impriża li tippreżenta talba sommarja għandha, fuq talba tal-ANK, tipprovdi informazzjoni supplimentari, u jekk din tal-aħħar “tiddeċiedi li taġixxi f’dik il-kawża […] l-impriża għandha tipprovdi l-informazzjoni kollha u l-provi neċessarji sabiex jintlaħaq il-livell ta’ provi meħtieġ” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    81.

    Għalhekk jiena naqbel mal-osservazzjonijiet tal-Gvern Franċiż ippreżentati waqt is-seduta li jipprovdu li hija biss l-impriża li tippreżenta t-talba sommarja li għandha tikkomunika lill-ANK l‑informazzjoni kollha utili għat-talba tagħha. L-informazzjoni pprovduta wara l-preżentazzjoni tat-talba sommarja ma tistax madankollu tbiddel il-kamp materjali ta’ din it-talba, pereżempju billi żżid settur ieħor ( 45 ) li għalih hija ma tistax tibbenefika mill-istess klassifikazzjoni fl-ordni tal‑preżentazzjoni tat-talbiet għall-klemenza bħas-setturi kkonċernati mit-talba sommarja.

    82.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni ma jistabbilixxi ebda rabta legali bejn it-talba għall-immunità li impriża ppreżentat jew se tippreżenta lill-Kummissjoni u t-talba sommarja għall-immunità li hija ppreżentat lil ANK għall-istess akkordju, li tirrikjedi li ANK tkun obbligata, skont il-punt 22 tal-programm mudell fil‑qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006 u tal-punt 45 tan-noti ta’ spjega annessi mal-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal‑2006, li tevalwa t-talba sommarja għall-immunità li ġiet ippreżentata lilha fid-dawl tat-talba ppreżentata jew li ser tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni jew li tikkuntattja lill-Kummissjoni jew lill‑impriża nnifisha, sabiex tistabbilixxi jekk din tal-aħħar, wara l-preżentazzjoni tat-talba sommarja, ikkonstatatx l-eżistenza ta’ eżempji konkreti u speċifiċi ta’ aġir fis-settur allegatament kopert mit‑talba għall-immunità ppreżentata lill-Kummissjoni, iżda mhux mit-talba sommarja għall-immunità.

    C – Fuq it-tielet talba preliminari

    83.

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk, skont il-programm mudell fil-qasam tal‑klemenza tan-NEK tal-2006, ANK tistax, bl-applikazzjoni tal‑programm nazzjonali ta’ klemenza tagħha u għall-akkordju li għalih l-ewwel impriża ppreżentat jew ser tippreżenta lill-Kummissjoni talba għall-immunità, taċċetta talba sommarja għall-klemenza mingħand din l-impriża biss jew jekk hija tistax taċċetta wkoll it-talbiet ta’ impriżi oħra.

    1. Fuq l-ammissibbiltà

    84.

    Il-Gvern Taljana u dak Awstrijak jikkunsidraw li t-tielet domanda preliminari mressqa mill-qorti tar-rinviju hija inammissibbli għaliex hija ma tirrigwardax interpretazzjoni tad-dritt tal‑Unjoni iżda interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, jiġifieri l-portata tal-programm ta’ klemenza stabbilit permezz tal-Komunikazzjoni tal‑Autorità. Minn naħa tagħha, Schenker tikkunsidra li t-tielet domanda hija inammissibbli jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l‑programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006 ma huwiex vinkolanti.

    85.

    Jiena nikkunsidra li t-tielet domanda hija ammissibbli. Għandu jitfakkar li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l‑interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali u lanqas li tevalwa l-effetti tagħha fil-kuntest tal-proċedura tal-Artikolu 267 TFUE, peress li din il-funzjoni hija esklużivament tal-qorti tar-rinviju jew, jekk ikun il-każ, tal-qrati nazzjonali kompetenti. Jiena nikkunsidra li mill-formulazzjoni tal-istess tielet domanda, mill-proċess kif ukoll mid-dibattiti li saru quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-tielet domanda titlob interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, anki jekk din id-domanda tagħmel riferiment ukoll għad-dritt nazzjonali, jiġifieri għall-programm nazzjonali ta’ klemenza. Għalhekk hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, f’din il-kawża, tillimita l-eżami tagħha għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni billi tipprovdi interpretazzjoni li tkun utili għall-qorti tar‑rinviju. Barra minn hekk, il-fatt li l-programm mudell fil-qasam tal‑klemenza tan-NEK tal-2006 ma huwiex, fl-opinjoni tiegħi, vinkolanti, ma jipprekludix l-applikabbiltà ta’ dispożizzjonijiet oħra tad‑dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

    2. Fuq il-mertu

    86.

    Jiena naħseb li t-tielet domanda titnissel mill-fatt li l-punti 22 sa 25 tal-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006 jsemmu l-preżentazzjoni tat-talbiet sommarji għall-immunità quddiem l-ANK fil-kawżi tat-“tip 1A” biss u meta l-impriża tkun ppreżentat jew tkun ser tippreżenta talba għall-immunità lill-Kummissjoni ( 46 ). Minn dan isegwi li dan il-programm ma jipprovdix talbiet sommarji b’mod partikolari meta impriża titlob biss tnaqqis ta’ multa quddiem il‑Kummissjoni u/jew l-ANK. Madankollu, il-programm mudell fil‑qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2012 wessa’ kunsiderevolment dan il-punt dwar is-sitwazzjonijiet li fihom talba sommarja tista’ tiġi ppreżentata lil ANK ( 47 ).

    87.

    F’dan ir-rigward, skont DHL, l-Artikolu 16 tal-Komunikazzjoni tal-Autorità ma jippermettix il-preżentazzjoni ta’ talba sommarja ħlief mill-impriża li diġà ppreżentat jew li ser tippreżenta lill‑Kummissjoni talba sabiex tikseb in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ sanzjonijiet. Hija tqis li minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-unika talba sommarja li tista’ ssir hija talba għall-immunità u li, fiċ‑ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, it-talbiet sommarji ta’ Schenker u ta’ Agility ma jissodisfawx din il-kundizzjoni u ma jistgħux għalhekk jipproteġu l-pożizzjoni tagħhom fuq livell nazzjonali billi jippreżentaw talbiet sommarji lill-Autorità. DHL iżżid tgħid li, peress li hija ppreżentat talba għall-immunità quddiem il-Kummissjoni, “l-impriżi l-oħra li wara offrew il-kooperazzjoni tagħhom lill-Kummissjoni – bħal Schenker u Agility, f’dan il-każ – jistgħu eventwalment jipproteġu l-pożizzjoni tagħhom fuq livell nazzjonali biss billi jippreżentaw lill-ANK ikkonċernata talbiet prinċipali għat-tnaqqis tal-multi, peress li […] dan it-tnaqqis ma jistax jintalab taħt il-forma sommarja f’dak il-mument. Għalhekk, isegwi li l-preżentazzjoni tat-talbiet regolari għall-klemenza lill-[Autorità] minn Schenker u Agility għandha tkun datata korrettament fil-ġurnata tat-tlestija tat-talbiet sommarji rispettivi – jiġifieri, fil-11 ta’ Ġunju 2009 għal Schenker, u fil-11 ta’ Jannar 2010 għal Agility. Fiż-żewġ każijiet, din id-data hija wara t-23 ta’ Ġunju 2008, data tal-preżentazzjoni tat-talba sommarja ta’ DHL, li skont l-[Autorità], tinkludi l-ewwel u l-unika talba għal trattament favorevoli tal-kumpanniji appellanti fil-kawża prinċipali dwar is-settur tat-triq tal-ispedizzjoniji internazzjonali tal-merkanzija” ( 48 ).

    88.

    Għandu jitfakkar li la l-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006 u lanqas il-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2012 ma huma vinkolanti għall-ANKs. Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006 jipprevedi l-preżentazzjoni tat-talbiet sommarji għall-immunità quddiem l-ANKs fil-kawżi tat-“tip 1A” biss, mill-punt 3 tal-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006 jirriżulta b’mod ċar li ANK “tista’” tadotta approċċ iktar favorevoli lejn l-impriżi li jitolbu l-klemenza fil-kuntest tal-programm tagħha.

    89.

    Għalhekk jiena nikkunsidra li ANK tista’ tipprovdi fil-programm ta’ klemenza tagħha sistema ta’ talbiet sommarji li ma hijiex ibbażata fuq il-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006 u lanqas fuq il-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2012, bil-kundizzjoni madankollu li din is-sistema tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fosthom il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ dritt ta’ amministrazzjoni tajba.

    90.

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub ( 49 ) tiegħu l-Gvern Taljan indika li fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali l-programm ta’ klemenza tal-Autorità ma kienx jipprovdi espressament il-possibbiltà li l-Autorità “tilqa’ talba sommarja ppreżentata wara talba prinċipali għal sempliċi tnaqqis tas-sanzjoni”. Huwa jqis madankollu li dan ma jikser ebda dispożizzjoni jew prinċipju tad-dritt tal-Unjoni, peress li l‑programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006 ma jikkostitwixxix dokument legalment vinkolanti għall-ANKs u li, fi kwalunke każ, huwa dan il-programm stess li jikkunsidra mixtieqa l‑ikbar parteċipazzjoni ta’ impriżi fis-sistema tal-klemenza ( 50 ).

    91.

    Skont DHL, il-punt 16 tal-Komunikazzjoni tal-Autorità “fi żmien il-fatti kien ċar u kien jippermetti l-preżentazzjoni ta’ talba sommarja mill-impriża li kienet diġà ppreżentat jew li kienet ser tippreżenta lill‑Kummissjoni talba sabiex tikseb in-nuqqas ta’ impożizzjoni tas‑sanzjonijiet”. Hija tqis li “l-aċċettazzjoni, mill-[Autorità], ta’ talbiet għall-immunità ppreżentati taħt il-forma sommarja minn Schenker u Agility fl-assenza tar-rekwiżiti previsti [fil-punt 16 tal-Komunikazzjoni tal-Autorità] kienet tikkostitwixxi, […] verament l-evitar tal-proċedura […]. F’Diċembru 2007, meta Schenker ippreżentat it-talba sommarja tagħha, il-Kummissjoni kienet diġà ilha tliet xhur li tat lil DHL l‑immunità kundizzjonali (għat-tliet setturi tas-suq inkwistjoni). […] Fl-assenza tar-rekwiżit fundamentali għat-talba sommarja, ma kienx hemm l-inqas dubju interpretattiv li t-talbiet għall‑immunità ta’ Schenker u ta’ Agility kienu inammissibbli” ( 51 ).

    92.

    Barra minn hekk, Schenker tqis li, bl-applikazzjoni tal-komunikazzjoni tagħha, l-Autorità tista’ taċċetta talba sommarja minn naħa tal-impriżi li ppreżentaw lill-Kummissjoni talba għal tnaqqis tal-multi. Hija tqis li l-unika rekwiżit imsemmi mill-punt 16 tal-Komunikazzjoni tal-Autorità applikabbli ratione temporis fil-kawża prinċipali huwa li impriża li beħsiebha tippreżenta talba għall-klemenza “sommarja” għandha tkun “[…] diġà ppreżentat jew ser tippreżenta talba għall-immunità lill-Kummissjoni […]”. “Fil-mument li kwalunkwe impriża li ma tkunx għada ppreżentat talba għall-immunità lill-Kummissjoni ma tistax ovvjament tkun taf jekk hija hux ser tkun ’l-ewwel waħda fl-ordni kronoloġiku’ fid-dawl tal-ksur li hija trid tirrapporta (jiġfieri jekk it-talba għall-immunità tagħha hux ser tkun ‘aċċettata’), il-fatt li impriża oħra tkun diġa talbet l-immunità lill-Kummissjoni għall-istess ksur, u/jew hija tkun diġà kisbet l-immunità kundizzjonali korrispondenti ma huwiex importanti u ma jistax jikkomprometti d-dritt tal-impriża inkwistjoni li tippreżenta wkoll lill-[Autorità] (jew lil ANK oħra) talba għall-klemenza taħt il-forma ‘sommarja’” ( 52 ).

    93.

    Agility żżid tgħid li “wieħed faċilment jiddeduċi mill-formulazzjoni tal-programm ta’ klemenza nazzjonali l-possibbiltà li l-[Autorità] tirċievi diversi dikjarazzjonijiet sommarji. L-Artikolu 16 tal‑leġiżlazzjonijiet nazzjonali u [il-punt 22 tal-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006] jipprovdu l-possibbiltà li tiġi ppreżentata talba sommarja mill-impriża ‘li ppreżentat jew li ser tippreżenta talba għall-immunità lill-Kummissjoni’. Ladarba hija s‑sempliċi intenzjoni li tiġi ppreżentata talba għall-klemenza (u mhux il‑preżentazzjoni effettiva tagħha) li hija importanti u li hija qabel il‑konoxxenza tal-impriża tal-ordni tal-preżentazzjoni tagħha (u l‑eventwali għoti tal-immunità kundizzjonali), il-formulazzjoni [tal‑punt 22 tal-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal‑2006 u tal-Artikolu 16 tal-Komunikazzjoni tal-Autorità] tammetti b’mod manifest li diversi impriżi jinsabu fl-istess sitwazzjoni, b’tali mod li t-talbiet sommarji tagħhom huma ammissibbli” ( 53 ).

    94.

    Għalkemm huwa ċert li l-eventwali adozzjoni ta’ regoli nazzjonali fil-qasam tal-klemenza u l-applikazzjoni tagħhom jaqgħu fil‑kompetenza tal-Istati Membri u li huma jistgħu jadottaw approċċ iktar favorevoli lejn l-impriżi li jitolbu l-klemenza fil-kuntest tal‑programmi ta’ klemenza tagħhom minn dak previst mill-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006, taħt il-kundizzjoni li jiġi osservat id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 101 TFUE, id‑dispożizzjoni tal-Karta u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ( 54 ), jirriżulta madankollu mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal‑Ġustizzja, inċertezza reali dwar is-sens u/jew il-portata tal‑komunikazzjoni tal-Autorità.

    95.

    Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina s‑sens u l-portata ta’ din il-komunikazzjoni sabiex tivverifika jekk l‑Autorità tbegħditx effettivament minnha, u jekk ikun il-każ, jekk billi għamlet dan, hija kisritx id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, il-prinċipji ġenerali tad-dritt. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha b’mod partikolari tivverifika fil-kawża prinċipali jekk l-ugwaljanza fit‑trattament tal-applikanti għall-klemenza kollha u d-dritt għal amministrazzjoni tajba ġewx osservati u li l-aspettattivi leġittimi kienu protetti.

    V – Konklużjoni

    96.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’dan il-mod għad-domandi preliminari magħmula mill-Consiglio di Stato:

    1)

    Il-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni (NEK) tal-2006 ma għandux effett vinkolanti fir-rigward tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri (ANKs). Madankollu, meta Stat Membru jadotta programm ta’ klemenza, abbażi tal-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006 jew le, huwa għandu josserva d‑dritt tal-Unjoni u b’mod speċifiku, fil-qasam tad-dritt tal‑kompetizzjoni, jiżgura li r-regoli li huwa jistabbilixxi jew japplika ma jippreġudikawx l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE. Barra minn hekk, l-Istati Membri, inkluż l-ANKs tagħhom, huma marbuta bid-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u bil‑prinċipji ġenerali tal-Unjoni meta huma jimplementaw l‑Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE. Għaldaqstant, meta ANK tadotta programm ta’ klemenza, li fil-prinċipju huwa xieraq sabiex ikollu effetti legali, dan il-programm għandu josserva l-Karta u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fosthom il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ dritt għal amministrazzjoni tajba.

    2)

    Id-dritt tal-Unjoni ma jistabbilixxi ebda rabta legali bejn it-talba għall-immunità li impriża ppreżentat jew ser tippreżenta lill‑Kummissjoni Ewropea u t-talba sommarja għall-immunità li hija ppreżentat lil ANK għall-istess akkordju, li teħtieġ li ANK hija obbligata, skont il-punt 22 tal-programm mudell fil-qasam tal‑klemenza tan-NEK tal-2006 u l-punt 45 tan-noti ta’ spjega annessi mal-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006, tevalwa t-talba sommarja għall-immunità ppreżentata lilha fid-dawl tat-talba ppreżentata jew li ser tiġi ppreżentata lill‑Kummissjoni jew li tikkuntattja lill-Kummissjoni jew lill‑impriża nnifisha, sabiex tistabbilixxi jekk din tal-aħħar, wara l‑preżentazzjoni tat-talba sommarja, ikkonstatatx l-eżistenza ta’ eżempji konkreti u speċifiċi ta’ aġir fis-settur allegatament kopert mit-talba għall-immunità ppreżentata lill-Kummissjoni, iżda mhux mit-talba sommarja għal immunità.

    3)

    L-Istati Membri jistgħu jadottaw approċċ iktar favorevoli lejn l‑impriżi li jitolbu l-klemenza fil-kuntest tal-programmi ta’ klemenza tagħhom minn dak previst mill-programm mudell fil‑qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006, taħt il-kundizzjoni li jiġi osservat id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l‑Artikolu 101 TFUE, id-dispożizzjoni tal-Karta u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.


    ( 1 )   Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 )   ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205.

    ( 3 )   ĠU 2004, C 101, p.43 (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-NEK”).

    ( 4 )   http://ec.europa.eu/competition/ecn/model_leniency_fr.pdf.

    ( 5 )   http://ec.europa.eu/competition/ecn/mlp_revised_2012 _en.pdf.

    ( 6 )   ĠU 2006, C 298, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-klemenza”.

    ( 7 )   Il-persuna li timmarka għandha l-funzjoni li tippermetti lill-applikant għall-immunità li “jirriżerva” l-ewwel post fl-ordni li fih isiru t-talbiet għall-klemenza u li jlesti din it-talba iktar tard. Il-punt 14 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-klemenza jipprovdi li “[k]ull impriża li tixtieq titlob l-immunità mill-multa għandha tagħmel kuntatt mad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni. Hija tista’ jew l-ewwel titlob l-għoti ta’ persuna li timmarka, jew tippreżenta immedjatament talba formali għall-immunità mill-multa lill-Kummissjoni [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont il-punt 15 tal-istess komunikazzjoni “[i]d-dipartimenti tal-Kummissjoni jistgħu jagħtu persuna li timmarka li tirriżerva l-post ta’ impriża fl-ordni li fih isiru t-talbiet matul perijodu li jkun iddeterminat każ b’każ sabiex tippermettilha tiġbor l-informazzjoni u l-provi neċessarji. Sabiex tkun tista’ tikseb persuna li timmarka, l-impriża għandha tikkomunika lill-Kummissjoni informazzjoni dwar l-isem u l-indirizz tagħha, il-parteċipanti fl-akkordju preżunt, il-prodott jew prodotti inkwistjoni, it-territorju jew territorji affetwati, stima tat-tul taż-żmien tal-akkordju preżunt u n-natura tal-akkordju preżunt. Hija għandha wkoll tinforma lill-Kummissjoni dwar kull talba għall-klemenza diġà ppreżentata jew li ser tkun ippreżentata lill-awtoritajiet oħra fir-rigward tal-akkordju preżunt u tiġġustifika t-talba tagħha għal persuna li timmarka. Meta huma jagħtu persuna li timmarka, id-dipartimenti tal-Kummissjoni jistabbilixxu terminu li fih l-impriża għandha tlesti t-talba tagħha billi tipprovdi l-informazzjoni u l-provi neċessarji sabiex tilħaq il-livell ta’ prova meħtieġ għall-immunità. […] Jekk l-impriża taġixxi fit-termini stabbiliti mid-dipartimenti tal‑Kummissjoni, l-informazzjoni u l-provi jkunu kkunsidrati bħala li ġew ikkomunikati fid-data tal-għoti tal-persuna li timmarka”.

    ( 8 )   Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Marzu 2012 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Il-każ COMP/39.462 – Spedizzjoni tal-Merkanzija (Freight Forwarding)) (C(2012) 1959).

    ( 9 )   Ir-risposta tiegħi għall-ewwel domanda dwar il-programm mudell fil-qasam ta’ klemenza tan-NEK tal-2006 tapplika mutatis mutandis għall-programm mudell fil-qasam ta’ klemenza tan-NEK tal-2012, anki jekk dan tal-aħħar ma huwiex applikabbli ratione temporis għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    ( 10 )   Enfasi miżjud minni. “Il-Programm Mudell tan-NEK għal klemenza huwa strument li mhux vinkolanti u li jipprova joħloq armonizzazzjoni de facto jew ‘moderata’ tal-programmi ta’ klemenza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni biex jiżgura li applikanti prospettivi ma jiġux skoraġġuti milli japplikaw għall-klemenza minħabba d-diskrepanzi bejn il-programmi ta’ klemenza fin-NEK. […] Minkejja n-natura mhux leġiżlattiva ta’ dan l-istrument u fil-fatt ta’ strumenti oħra bħalma huma l-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni u d-Dikjarazzjoni Komuni, l-effetti prattiċi tagħhom, b’mod partikolari għal dak li għandu x’jaqsam mal-attivitajiet tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u tal-Kummissjoni ma jistgħux jiġu injorati”, enfasi miżjud minni. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-Kawża Pfleiderer (C‑360/09, EU:C:2010:782, punt 26). Ara wkoll, il-punt 7 tan‑noti ta’ spjega annessi mal-programm mudell fil-qasam ta’ klemenza tan-NEK tal-2006 li jipprovdi b’mod partikolari li dan il-programm “għandu jippromwovi armonizzazzjoni moderata tal-programmi għal klemenza eżistenti u jiffaċilita l-adozzjoni ta’ tali programmi għal xi awtoritajiet tal-kompetizzjoni li għad ma għandhomx” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    ( 11 )   Ara, f’dan is-sens, il-punt 38 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tan-NEK. Ara wkoll, il-punt 4 tar-Rapport dwar l-istat ta’ konverġenza tal-programmi għal klemenza tal-2009 li jipprevedi li l-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006 ma huwiex dokument legalment vinkolanti. Madankollu l‑awtoritajiet huma politikament marbuta sabiex jagħmlu l-isforzi tagħhom kollha sabiex jallinjaw il-programmi rispettivi għal klemenza tagħhom mal-programm mudell jew, fin-nuqqas, li jintroduċu programmi alinjati. Dokument disponibbli biss fil-lingwa Ingliża fuq is-sit tal-internet http://ec.europa.eu/competition/ecn/model_leniency_programme.pdf.

    ( 12 )   ĠU 2006, C 298, p. 17

    ( 13 )   Sentenza Pfleiderer (C‑360/09, EU:C:2011:389, punti 2123).

    ( 14 )   Ibidem (punt 20). Fil-fatt, kif enfasizzat il‑Kummissjoni “kull Stat Membru huwa liberu li jadotta jew ma jadottax programm għal klemenza fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni. Jekk awtorità tal‑kompetizzjoni tiddeċiedi li tadotta programm nazzjonali għal klemenza, dan ikun awtonomu mill-programmi għal klemenza tal-Istati Membri l-oħra u mill‑programm għal klemenza tal-Kummissjoni Ewropea, bil-kundizzjoni evidenti li dan josserva d-dritt Ewropew, b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) TUE, ir‑Regolament Nru 1/2003, kif ukoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt Ewropew”.

    ( 15 )   Fosthom il-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006.

    ( 16 )   Ara l-punt 72 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-NEK, li jipprevedi li “[i]l-prinċipji deskritti f’din il-komunikazzjoni għandhom jiġu segwiti wkoll mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri li ffirmaw dikjarazzjoni konformi mal-anness ta’ din il-komunikazzjoni, li fiha jiddikjaraw li ħadu konjizzjoni tal-prinċipji stabbiliti f’din il-komunikazzjoni, inkluż il-prinċipju dwar il-protezzjoni tal-persuni li talbu li jibbenefikaw minn miżuri ta’ klemenza, u jaċċettaw li josservawhom. Il-lista ta’ dawn l-awtoritajiet kienet ippubblikata fis-sit tal-internet tal-Kummissjoni Ewropea. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-Autorità tinsab fost l-ANKs li ffirmaw id-dikjarazzjoni inkwistjoni.

    ( 17 )   Nirrileva wkoll li l-programm mudell għal klemenza fil-qasam tan-NEK tal-2006 la kien ippubblikat fis-serje L ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li għandu l-għan li jippubblika l-atti legalment vinkolanti, u lanqas fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jinkludi atti mhux vinkolanti bħal informazzjoni, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet rigward l-Unjoni. Ara, b’analoġija, is-sentenza Expedia (C‑226/11, EU:C:2012:795, punt 30). Il-programm mudell fil-qasam tal‑klemenza tan-NEK tal-2006 jista’ jiġi kkonsultat fuq is-sit tal-internet tal‑Kummissjoni http://ec.europa.eu/competition/ecn/model_leniency_fr.pdf.

    ( 18 )   Ara l-punt 3 tal-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006, li jipprevedi li l-“membri tan-NEK huma marbuta li jimplementaw kollox, fil-limiti u l-kompetenzi tagħhom, sabiex jallinjaw il-programmi rispettivi tagħħhom mal-programm mudell tan-NEK. Dan tal-aħħar ma jipprekludix lil awtorità tal-kompetizzjoni milli tadotta approċċ iktar favorevoli lejn l-impriżi li jitolbu l-klemenza fil-kuntest tal‑programm tagħha. Fih innifsu, il-programm mudell tan-NEK ma jistax inissel aspettattivi leġittimi ta’ ebda natura f’dawn l-impriżi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], (enfasi magħmul minni). Ara l-punt 4 tar-Rapport tan-NEK tal-2009 dwar il-konverġenza tal-programmi ta’ klemenza fi ħdan in-NEK, li jikkonferma li “[i]l-programm mudell ma huwiex att vinkolanti”, jiġifieri, “il-programm mudell ma huwiex dokument legalment vinkolanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dokument disponibbli biss fil-lingwa Ingliża fis-sit tal-internet http://ec.europa.eu/competition/ecn/model_leniency_programme.pdf.

    ( 19 )   Ara, b’analoġija, is-sentenza Expedia (C‑226/11, EU:C:2012:795, punt 31).

    ( 20 )   Fl-opinjoni tiegħi, il-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006 jikkostitwixxi forma ta’ “dokument ta’ gwida” għall-eventwali programmi għal klemenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, jekk programm nazzjonali huwa bbażat fuq il-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006, il-programm mudell jista’ eventwalment iservi, bħala sors ta’ interpretazzjoni skont id-dritt nazzjonali.

    ( 21 )   Fil-punt 25 tas-sentenza Pfleiderer (C‑360/09, EU:C:2011:389) il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li “l-programmi ta’ klemenza jikkostitwixxu għodod utli fil-ġlieda effikaċi biex jinkixef u jintemm il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u jservu, għaldaqstant, l-għan tal-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE”. Ara wkoll, is-sentenza Donau Chemie et (C‑536/11, EU:C:2013:366, punt 42).

    ( 22 )   Ara s-sentenzi Pfleiderer (C‑360/09, EU:C:2011:389, punt 24) u Donau Chemie et (C‑536/11, EU:C:2013:366, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 23 )   Ara, b’analoġija, is-sentenza Expedia (C‑226/11, EU:C:2012:795, punt 28).

    ( 24 )   Id-dritt għal amministrazzjoni tajba huwa stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta. Skont il‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 41 tal‑Karta jirriżulta li dan l-artikolu ma japplikax għall-Istati Membri, iżda għall‑istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-organi tal-Unjoni biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Cicala, C‑482/10, EU:C:2011:868, punt 28; YS et, (C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081, punt 67, kif ukoll Mukarubega,C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 44). Għalhekk, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, peress li, fil‑kawża prinċipali, l-Autorità timplementa l-Artikolu 101 TFUE, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ġenerali tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, japplikaw. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punti 4950).

    ( 25 )   Ara t-termini tat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

    ( 26 )   Idem.

    ( 27 )   Sentenza Ioannis Katsivardas – Nikolaos Tsitsikas (C‑160/09, EU:C:2010:293, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 28 )   Ara l-Artikoli 16 sa 18 tal-Komunikazzjoni tal-Autorità. Jiena nirrileva wkoll, li l‑Autorità tinsab fil-“[l]ist of authorities accepting summary applications as provided by the ECN Model Leniency Programme in Type 1A cases”, jiġifieri, fuq “il-lista ta’ awtoritajiet li jaċċettaw talbiet sommarji skont il-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK fil-kawżi tat-Tip 1A” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. It-terminu “tip 1A” ikopri s-sitwazzjonijiet li jippermettu benefiċċju mill‑eżenzjoni minn kull multa. Dokument disponibbli biss fil-lingwa Ingliża fis-sit internet tal-Kummissjoni http://ec.europa.eu/competition/ecn/list_of_authorities.pdf.

    ( 29 )   Ara l-kliem tat-tieni domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju.

    ( 30 )   Mill-kliem tat-tieni domanda u mit-termini tagħha jirriżulta li “minkejja l-kontenut tal-punt 38 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in‑NEK” il-qorti tar-rinviju stess tikkunsidra li din id-dispożizzjoni teskludi, bħala regola, kull rabta ġuridika bejn it-talba għall-immunità li impriża ppreżentat jew li ser tippreżenta lill-Kummissjoni u “it-talba simplifikata [sommarja] għall-immunità li hija ppreżentat lil ANK għall-istess akkordju”. Peress li l-programm fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal‑2006 ġie adottat wara l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in‑NEK (2004), jiena nikkunsidra li t-tieni domanda fir-realtà tfittex li jkun magħruf jekk il-programm inkwistjoni bidilx il-punt 38 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-NEK.

    ( 31 )   Enfasi miżjud minni. Ara l-punt 38 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-NEK.

    ( 32 )   Enfasi miżjud minni.

    ( 33 )   Ara l-punti 39 u 40 tan-noti ta’ spjega tal-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006. Għalhekk il-punt 22 tal-programm mudell fil-qasam tal‑klemenza tan-NEK tal-2006 jikkonferma t-termini tal-punt 38 tal‑Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-NEK.

    ( 34 )   Ara l-punt 40 tan-noti ta’ spjega annessi mal-programm mudell fil-qasam tal‑klemenza tan-NEK tal-2006.

    ( 35 )   Għandu jitfakkar li dan il-programm mudell, inkluża l-lista inkwistjoni, ma huwiex, fl-opinjoni tiegħi, vinkolanti fuq l-ANKs.

    ( 36 )   Fil-fatt, il-punti 22 sa 25 tal-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal‑2006 jipprevedu l-preżentazzjoni tat-talbiet sommarji għall-immunità quddiem l-ANK biss fil-kawżi tat-“tip 1A” li skont il-punt 5 tal-progromm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006 jipprevedu l-livell ta’ assistenza mogħti mill-applikant għall-klemenza lill-ANK.

    ( 37 )   Ara l-punt 22 tal-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006.

    ( 38 )   Fir-rigward tal-formulazzjoni tat-tieni domanda preliminari, għandu jiġi nnotat li l‑programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006 ma jużax il-kunċett ta’ “talba prinċipali”. F’dan ir-rigward, jiena naqbel mal-osservazzjoni tal-Gvern Ġermaniż li din id-denominazzjoni ma hijiex utili għaliex jista’ jinftiehem li t-talba sommarja ppreżentata lil ANK hija tip ta’ anness għat-talba ppreżentata quddiem il-Kummissjoni.

    ( 39 )   Sitwazzjoni li hija kkontestata bil-qawwa minn DHL.

    ( 40 )   Il-Gvern Taljan annetta flimkien mal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu posta elettronika tad-9 ta’ Lulju 2008 tad-dipartimenti tad-Direzzjoni Ġenerali tal-kompetizzjoni (“DG COMP”) indirizzata lill-Autorità. Minn din il-posta elettronika jirriżulta li matul il-laqgħa tan-NEK l-Autorità ppreżentat lill-Kummissjoni kwistjoni dwar l-ipproċessar tad-diversi talbiet għall-klemenza ppreżentati dak iż-żmien minn DHL lill-Kummissjoni u l-Autorità. Fl-posta elettonika tiegħu,d-DG COMP ikkonferma li, “ [a]pplicants should be aware (and are informed so by the Commission) that any conditional immunity granted by the Commission does not extend to member states/NCA and a separate application is required. If Company A, in making its application in Italy, has not covered itself fully by omitting road freight forwarding it is quite simply an error on its part”. [“L‑applikanti għal klemenza għandhom ikunu jafu (u huma informata f’dan ir‑rigward mill-Kummissjoni) li kull immunità kundizzjonali mogħtija mill‑Kummissjoni ma torbotx lill-Istati Membri/ANK u li hija meħtieġa talba distinta. Jekk l-impriża A, fit-talba għall-klemenza tagħha fl-Italja, ma pproteġietx b’mod sħiħ il-pożizzjoni tagħha billi ma semmietx l-ispedizzjoni bit-triq, dan jikkostitwixxi sempliċement żball minn naħa tagħha”.] [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għall-kuntrarju tal-osservazzjonijiet ta’ DHL waqt is-seduta, il-kontenut stess ta’ din il-posta elettronika jikkonferma li minkejja l-fakultà tal-Kummissjoni u tal-ANK li jiskambjaw informazzjoni fi ħdan in-NEK, l-ANK ma għandhiex l-obbligu li tikkuntattja lill-Kummissjoni fir-rigward tad-diversi talbiet għall-klemenza. Hija tikkonferma wkoll, minn naħa waħda, il-prinċipju ta’ awtonomija u ta’ indipendenza tat-talbiet għall-klemenza ppreżentati lill-Kummissjoni u tat-talbiet għall-klemenza ppreżentati lill-ANK, u min-naħa l-oħra, il-fatt li huwa l-applikant biss li għandu jiddelimita b’mod korrett il-portata tat-talba għall-klemenza (sommarja) tiegħu ppreżentata quddiem l-ANK.

    ( 41 )   Ara l-punt 25 tal-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006, punt 41(1) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-NEK u Artikoli 11 u 12 tar-Regolament Nru 1/2003.

    ( 42 )   Bl-applikazzjoni tal-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006.

    ( 43 )   Ara t-termini tat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

    ( 44 )   Enfasi miżjud minni. Ara l-punt 13(2) tal-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006.

    ( 45 )   Barra minn hekk, nirrileva li l-prinċipju ta’ awtonomija u ta’ indipidenza tat-talbiet għall-klemenza ppreżentati lill-Kummissjoni u tat-talbiet sommarji ppreżentati lill-ANK kien enfasizzat fil-punt 46 tan-noti ta’ spjega annessi mal-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2012 li jipprovdi li “talba sommarja tippreżenta ġabra fil-qosor korretta tat-talba għall-klemenza indirizzata lill‑Kummissjoni. Għalhekk, jekk applikant għall-klemenza jikseb minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni persuna li timmarka u li mbagħad jagħti informazzjoni u provi lill-Kummissjoni li jindikaw li l-portata tal-akkordju preżunt hija ferm differenti minn dik inkwistjoni fit-talba sommarja tiegħu indirizzata lill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni (pereżempju l-akkordju jkopri prodott addizzjonali), l-applikant għandu jiżgura li jagħti lill-imsemmija awtorità, li quddiemha ppreżenta talba sommarja, informazzjoni aġġornata, b’mod li jżomm il-portata tal-protezzjoni tiegħu mill-awtorità fuq l-istess livell tal-protezzjoni mill‑Kummissjoni”, enfasi miżjud minni.

    ( 46 )   Fil-fatt, skont il-punt 46 tan-noti ta’ spjega annessi mal-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006 “[i]l-programm mudell tan-NEK jipprovdi l-preżentazzjoni tat-talbiet sommarji għall-każijiet tat-tip 1A biss”. Dan il-punt jipprovdi wkoll li “[i]t-talbiet sommarji tat-tip 1B u 2 la huma utili u lanqas prattiċi. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    ( 47 )   Skont il-punt 42 tan-noti ta’ spjega annessi mal-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2012 “Summary applications will be possible irrespective of the applicant’s position(s) in the leniency queue at the Commission and the NCA, i.e. in Type 1A, Type 1B and Type 2 applications”. “It-talbiet sommarji huma possibbli irrispettivament mill-pożizzjoni tal-applikant(i) fl-ordni tal-preżentazzjoni tat-talbiet għall-klemenza quddiem il-Kummissjoni u l-ANKs, jiġifieri għat-talbiet tat-Tip 1A, Tip 1B u Tip 2” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    ( 48 )   Ara l-punt 26 tal-osservazzjonijiet ta’ DHL.

    ( 49 )   Ara l-punt 77.

    ( 50 )   Huwa jirrileva li l-punt 8 tan-noti ta’ spjega annessi mal-programm mudell fil-qasam tal-klemenza tan-NEK tal-2006 jipprevedi espressament il-“possibbiltà li awtorità tal-kompetizzjoni żżid dispożizzjonijiet iktar iddettaljati addatti għas-sistema tagħha ta’ implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni jew li tirriżerva trattament iktar favorevoli lill-applikanti jekk hija tqis li huwa xieraq għal raġunijiet ta’ effettività” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    ( 51 )   DHL iżżid tgħid li “Schenker u Agility talbu lill-Kummissjoni trattament favorevoli fil-5 u fl-20 ta’ Novembru 2007 – jiġifieri inqas minn ħames xhur wara t-talba għall‑immunità ta’ DHL lill-Kummissjoni u wara wkoll l-investigazzjonijiet mibdija minn din tal-aħħar, b’mod partikolari fl-Italja – u, fil-mument tat-talba tagħhom lill-Kummissjoni, huma kienu diġà ġew informati li l-immunità kundizzjonali kienet diġà ingħatat lill-impriża oħra. Għalhekk, fil-mument li t‑talbiet ‘sommarji’ ta’ Schenker u Agility lill-[Autorità] kienu marbuta ma’ sempliċi talbiet ta’ tnaqqis tal-multa quddiem il-Kummissjoni, huma setgħu jagħtu lok biss għal tnaqqis fuq livell nazzjonali wkoll. Madankollu, sa fejn dawn ġew ifformulati bħala talba għall-immunità, huma lanqas ma kellhom jiġu ppreżentati fil-fajl ta’ investigazzjoni tal-[Autorità]”.

    ( 52 )   Ara l-punti 58 sa 60 tal-osservazzjonijiet ta’ Shenker.

    ( 53 )   Ara l-punt 63 tal-osservazzjonijiet ta’ Agility.

    ( 54 )   Ara, b’analoġija, is-sentenzi Pfleiderer (C‑360/09, EU:C:2011:389, punt 24) u Donau Chemie et (C‑536/11, EU:C:2013:366, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    Top