Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0404

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fil-25 ta’ Ġunju 2015.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:428

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    KOKOTT

    ippreżentati fil-25 ta’ Ġunju 2015 ( 1 )

    Kawża C‑404/14

    Marie Matoušková, Kummissarju tal-qorti fil-proċedura ta’ suċċessjoni

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší soud České republiky (ir-Repubblika Ċeka)]

    “Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Ġurisdizzjoni tal-qrati u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae — Ftehim dwar it-tqassim tal-massa ereditarja bejn il-konjuġi tal-persuna mejta u t-tfal tagħha rrappreżentati minn tutur ad litem — Kundizzjoni ġudizzjarja ta’ approvazzjoni”

    I – Introduzzjoni

    1.

    Fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tispeċifika l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-hekk imsejjaħ Regolament Brussell IIa ( 2 ) għal “kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri”.

    2.

    Essenzjalment, dawn il-proċeduri huma koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell IIa. Madankollu, skont l-Artikolu 1(3)(f) tiegħu, dan ir-regolament ma japplikax għal “fondi fiduċjarji jew ta’ suċċessjoni”.

    3.

    Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-deroga prevista fl-Artikolu 1(3)(f) hijiex rilevanti jekk jinħatar tutur ad litem għall-werrieta minuri fil-proċedura ta’ suċċessjoni, li jikkonkludi ftehim f’isem il-minuri dwar it-tqassim tal-massa ereditarja, liema ftehim għandu mbagħad ikun approvat permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja.

    4.

    Filwaqt li tagħti risposta għal din id-domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja toffri wkoll l-opportunità li tissepara minn xulxin il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tar-Regolament Brussell IIa u tal-hekk imsejjaħ Regolament dwar is-suċċessjonijiet ( 3 ).

    II – Il-kuntest ġuridiku

    5.

    Skont il-premessi 5 u 9 ir-Regolament Brussell IIa jkopri “d-deċiżjonijiet kollha dwar ir-responsabbiltà ta’ l-ġenituri” u għalhekk, inter alia, “in-nomina u l-funzjonijiet ta’ persuna jew korp li għandu l-karigu ta’ l-proprjetà ta’ l-minuri, li jirrapreżenta jew li jgħin lill-minuri, u […] l-amministrazzjoni, il-konservazzjoni, jew il-ħelsien ta’ l-proprjetà ta’ l-minuri. […]”

    6.

    L-Artikolu 1 tar-Regolament Brussell IIa jirregola l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u jipprevedi:

    “(1)   Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar:

    […]

    b)

    l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri.

    (2)   Il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu1(b) jistgħu, partikolarment, jittrattaw fi:

    […]

    b)

    kuratura, tutela w istituzzjonijiet simili;

    ċ)

    in-nomina u l-funzjonijiet ta’ xi persuni jew korp li għandhom l-inkarigu ta’ l-minuri jew ta’ l-proprjetà, ir-rappreżentanza jew l-għajnuna ta’ l-minuri;

    […]

    e)

    il-miżuri għall-protezzjoni ta’ l-minuri dwar l-amministrazzjoni, il-konservazzjoni u l-ħelsien ta’ l-proprjetà tagħhom.

    (3)   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal:

    […]

    f)

    il-fondi fiduċjarji jew ta’ suċċessjoni;

    […]”

    7.

    Skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Brussell IIa, “il-kliem ‘responsabbiltà ta’ l-ġenituri’ għandhom ifissru d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma mogħtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament, “kwalunkwe persuna li għandha r-responsabilità ta’ l-ġenituri fuq il-minuri” għandha titqies li hija “min għandu r-responsabilità ta’ l-ġenituri”.

    III – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    8.

    F’Mejju tal-2009 mietet ċittadina Ċeka fir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Hija ħalliet warajha lill-konjuġi tagħha u żewġ ulied minuri li kellhom flimkien (iktar ’il quddiem il-“werrieta”). Meta mietet, il-werrieta kienu residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    9.

    F’April tal-2010 il-Městsky soud v Brně (il-Qorti tal-Belt ta’ Brno) nediet proċedura ta’ suċċessjoni u ħatret lin-nutar Matoušková bħala Kummissarju tal-qorti sabiex timplementa l-istadji sussegwenti tal-proċedura. Fir-rigward tal-kunflitti ta’ interess possibbli tal-werrieta, din il-qorti, barra minn hekk, ħatret “tutur għall-kunflitti” biex jirrappreżenta lill-ulied minuri.

    10.

    F’Lulju tal-2011, il-werrieta ffirmaw “ftehim ta’ suċċessjoni” għall-kondiviżjoni tal-patrimonju, filwaqt li l-ulied minuri kienu rrappreżentati permezz tat-tutur għall-kunflitti tagħhom.

    11.

    F’Awwissu tal-2012, il-konjuġi superstiti, fil-proċedura ta’ suċċessjoni, ippreżenta bħala fatt ġdid li l-persuna deċeduta fil-mument tal-mewt tagħha fil-verità kellha r-residenza tagħha fir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u mhux, kif kien preżunt sa dak il-mument, fir-Repubblika Ċeka. Barra minn hekk, huwa ppreżenta ċertifikat Olandiż tal-14 ta’ Marzu 2011 dwar il-liġi tas-suċċessjoni (iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikat tas-suċċessjoni”) li kien inħareġ fil-kuntest ta’ proċedura ta’ suċċessjoni Olandiża.

    12.

    Fid-dawl ta’ dan, il-“ftehim ta’ suċċessjoni” li ġie konkluż f’Lulju tal-2011 ġie emendat sabiex jikkonforma mal-proċedura ta’ suċċessjoni Olandiża li diġà twettqet.

    13.

    F’Awwissu tal-2012 il-Kummissarju tal-qorti talbet lill-Qorti tal-Belt ta’ Brno għall-approvazzjoni tal-“ftehim ta’ suċċessjoni” għall-ulied minuri.

    14.

    Il-Qorti tal-Belt ta’ Brno la approvat it-talba tal-Kummissarju tal-qorti f’din il-kwistjoni, għaliex l-ulied minuri inkwistjoni għexu għal perijodu twil barra mir-Repubblika Ċeka, u lanqas ma kienet lesta tiddikjara li ma kellhiex ġurisdizzjoni jew li tirreferi l-każ lin-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Ċeka) għad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni.

    15.

    F’dan il-kuntest, il-Kummissarju tal-qorti fl-10 ta’ Lulju 2013, immedjatament talbet l-għajnuna tan-Nejvyšší soud sabiex tiġi ddeterminata l-qorti li għandha ġurisdizzjoni territorjali għall-approvazzjoni tal-“ftehim ta’ suċċessjoni”.

    16.

    In-Nejvyšší soud issospendiet il-proċedura li kienet pendenti quddiemha u ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda li ġejja għal deċiżjoni preliminari:

    Meta t-tutur ta’ minuri jikkonkludi, f’isem il-minuri, ftehim ta’ suċċessjoni li jeħtieġ approvazzjoni ta’ qorti sabiex ikun validu, ikun hemm inkwistjoni, mill-perspettiva tal-qorti, miżura fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b), jew miżura fis-sens tal-Artikolu 1(3)(f) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000?

    IV – Analiżi legali

    17.

    Is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali kkomunikata mill-qorti tar-rinviju u l-iżviluppi proċedurali nazzjonali jħallu ħafna mistoqsijiet mhux imwieġba, b’tali mod li l-ewwel għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

    A – L-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

    18.

    Fuq il-bażi tal-informazzjoni kkomunikata mill-qorti tar-rinviju, ma huwiex possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti stampa sħiħa u kompluta dwar il-kawża tas-suċċessjoni inkwistjoni. Dan jgħodd, b’mod partikolari, għall-proċedura ta’ suċċessjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi li l-iżviluppi proċedurali tagħha, essenzjalment, għadhom ma humiex magħrufa.

    19.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja la ġiet mgħarrfa għaliex kienet introdotta proċedura ta’ suċċessjoni mhux biss fir-Repubblika Ċeka, iżda wkoll fil-Pajjiżi l-Baxxi, u lanqas ma huwa ċar mit-talba għal deċiżjoni preliminari jekk l-ulied minuri ġewx irrappreżentati fil-proċedura Olandiża. Barra minn hekk, ma huwiex ċar jekk iċ-ċertifikat tas-suċċessjoni Olandiż jirregolax biss id-drittijiet tal-missier jew ukoll dawk tal-ulied, bl-istess mod bħad-domanda għalfejn wara l-implementazzjoni tal-proċedura ta’ suċċessjoni Olandiża, kien għad hemm il-bżonn li tittieħed azzjoni ulterjuri mill-Kummissarju tal-qorti Ċeka jew mill-Qorti tal-Belt ta’ Brno.

    20.

    Irrispettivament minn dawn l-ambigwitajiet, il-Qorti tal-Ġustizzja xorta għandha disponibbli informazzjoni suffiċjenti sabiex tiddeċiedi dwar id-domanda ppreżentata lilha mill-qorti tar-rinviju.

    21.

    B’mod partikolari, id-domanda preliminari tirreferi biss għall-kwistjoni jekk l-approvazzjoni tal-qorti mitluba li qiegħda tirreferi għall-“ftehim ta’ suċċessjoni” konkluż fil-proċedura ta’ suċċessjoni Ċeka, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell IIa, u għaldaqstant ma tirrigwardax il-proċedura ta’ suċċessjoni Olandiża.

    22.

    Il-qorti tar-rinviju spjegat b’mod komprensiv il-proċedura ta’ suċċessjoni Ċeka li hija l-unika waħda inkwistjoni, b’tali mod li l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tat-talba għal deċiżjoni preliminari jkun suffiċjentement ċar għall-Qorti tal-Ġustizzja.

    23.

    Huwa minnu li domandi dwar il-validità tal-ftehimiet inkwistjoni ma ġewx diskussi f’dan ir-rigward, iżda dawn jistgħu wkoll jibqgħu mhux imwieġba. Dan għaliex fl-istadju proċedurali li jikkonċernawha, il-qorti tar-rinviju għandha biss tieħu deċiżjoni dwar il-ġurisdizzjoni. Barra minn hekk, hija trid tkun taf jekk tistax tagħmel użu mir-Regolament Brussell IIa jew jekk dan ma huwiex applikabbli ( 4 ).

    24.

    Għaldaqstant, ma jeżisti l-ebda dubju dwar ir-rilevanza tad-domanda preliminari, li għandha tiġi evalwata mill-qorti nazzjonali.

    25.

    L-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari lanqas ma tipprekludi l-fatt li s-suġġett tal-kawża prinċipali għandu jiġi allokat lill-hekk imsejħa proċedura mhux kontenzjuża.

    26.

    Huwa minnu li proċeduri mhux kontenzjużi mingħajr natura ġudizzjarja — bħal pereżempju l-azzjoni ta’ qorti nazzjonali bħala awtorità amministrattiva ( 5 ) — bħala prinċipju ma jipprovdu l-ebda raġuni għal talba għal deċiżjoni preliminari. Madankollu, talba għal deċiżjoni preliminari fil-qasam tal-proċedura mhux kontenzjuża xorta tista’ tkun ammissibbli, jekk fil-kuntest ta’ tali proċedura, essenzjalment stabbilita bħala waħda mhux ikkontestata, ma tintlaqax it-talba u tirriżulta kawża dwar dan ( 6 ).

    27.

    Fid-dawl tal-attitudni negattiva tal-Qorti tal-Belt ta’ Brno, wieħed għandu jassumi dan, u għaldaqstant it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

    B – Evalwazzjoni tal-mertu tad-domanda preliminari

    28.

    Bid-domanda preliminari tagħha, essenzjalment il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ir-Regolament Brussell IIa japplikax fir-rigward tal-approvazzjoni tal-“ftehim ta’ suċċessjoni” Ċek jew jekk tapplikax id-deroga tal-Artikolu 1(3)(f) tar-Regolament, li jistipula li “fondi […] ta’ suċċessjoni” ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament iċċitat.

    29.

    Mal-ewwel daqqa t’għajn, din id-dispożizzjoni tidher li hija kontra l-possibbiltà li r-Regolament Brussell IIa jitqies applikabbli għall-kawża prinċipali.

    30.

    Dan japplika wisq iktar fid-dawl tal-fatt li s-suċċessjonijiet li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell IIa, ser ikunu s-suġġett tar-Regolament dwar is-suċċessjonijiet li — apparti minn ftit eċċezzjonijiet partikolari — ser jirregola l-“aspetti kollha [ ( 7 )] tal-liġi ċivili tas-suċċessjoni għall-patrimonju ta’ persuna deċeduta”.

    31.

    Iż-żewġ regolamenti huma mfasslin b’mod komplementari kunċettwalment: ir-Regolament Brussell IIa, billi l-fondi ta’ suċċessjoni huma eżenti mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, ma għandux ikun f’kunflitt mar-Regolament dwar is-suċċessjonijiet. Min-naħa l-oħra, dak li diġà huwa rregolat b’mod eżawrjenti fir-Regolament Brussell IIa, ma jeħtieġx li jiġi rregolat mir-Regolament dwar is-suċċessjonijiet.

    32.

    Huwa minnu li r-Regolament dwar is-suċċessjonijiet għadu ma huwiex applikabbli għall-kawża prinċipali Ċeka mil-lat temporali, madankollu l-kamp ta’ applikazzjoni fattwali tiegħu jippermetti li dak li jkun jasal għal konklużjonijiet dwar liema portata l-leġiżlatur ser jattribwixxi lill-kriterju ta’ esklużjoni tal-“fondi […] ta’ suċċessjoni” fir-Regolament Brussell IIa.

    33.

    F’dak li jirrigwarda l-“ftehim ta’ suċċessjoni” Ċek inkwistjoni, f’dan il-kuntest l-ewwel nett għandu jsir riferiment għall-fatt li fir-rigward tiegħu ma huwiex ikkonċernat ftehim ta’ suċċessjoni kif stipulat fir-Regolament dwar is-suċċessjonijiet.

    34.

    Dan għaliex, skont l-Artikolu 3(1)(b) tiegħu, patt ta’ suċċessjoni tfisser “ftehim […] li […] joħloq, jimmodifika jew itemm drittijiet għall-patrimonju jew patrimonji futuri ta’ persuna waħda jew aktar li tkun parti għall-ftehim”. Madankollu, fil-proċedura ta’ suċċessjoni Ċeka ma huwiex ikkonċernat patrimonju futur, iżda l-eżekuzzjoni ta’ suċċessjoni li diġà saret fil-kuntest ta’ arranġament kuntrattwali bejn il-werrieta.

    35.

    Madankollu, skont l-Artikolu 23 tiegħu, ir-Regolament dwar is-suċċessjonijiet ma jkoprix biss il-ftehimiet ta’ suċċessjoni, iżda b’mod ġenerali “s-suċċessjoni fl-intier tagħha” inkluż “il-kondiviżjoni tal-patrimonju”.

    36.

    Hija tali kondiviżjoni tal-wirt li — sa fejn huwa ċar — hija kkonċernata fil-każ tal-ftehim Ċek inkwistjoni. Dan mal-ewwel jitkellem favur l-idea li anki l-kundizzjoni ta’ approvazzjoni li tikkonċernah tista’ tkun ikklassifikata bħala relatata mas-suċċessjoni u tista’ titneħħa mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell IIa skont l-Artikolu 1(3)(f) tiegħu.

    37.

    Madankollu, mill-kuntest b’rabta mal-liġi tas-suċċessjoni tal-kundizzjoni ta’ approvazzjoni Ċeka, ma jistax jiġi konkluż b’mod prematur u ġenerali li r-Regolament Brussell IIa ma jkunx applikabbli fir-rigward tagħha.

    38.

    Fil-fatt, “il-kapaċità ġuridika tal-persuni fiżiċi” hija eżentata mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament dwar is-suċċessjonijiet skont l-Artikolu 1(2)(b) tiegħu ( 8 ), jiġifieri b’mod partikolari dawk l-oqsma legali li huma kkonċernati fil-kawża prinċipali li tirrigwarda kurazija proċedurali tal-ulied minuri u l-approvazzjoni tal-qorti tal-kuntratt konkluż mit-tutur tiegħu.

    39.

    Għaldaqstant, ma għandux ikun hemm raġuni ta’ biża’ dwar kunflitt sostantiv tar-Regolament Brussell IIa mal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar is-suċċessjonijiet, iżda għall-kuntrarju: sa fejn hija kkonċernata l-kapaċità tal-persuni fiżiċi, teżisti n-neċessità li tingħalaq lakuna regolatorja miftuħa li tippreżenta ruħha fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar is-suċċessjonijiet.

    40.

    Sabiex din tiġi eliminata, jidher xieraq li wieħed jirrikorri għar-Regolament Brussell IIa. Bl-għajnuna tiegħu, it-tilwim fil-kawża prinċipali — fil-każ ta’ interpretazzjoni restrittiva tad-deroga tal-“fondi […] ta’ suċċessjoni” fl-Artikolu 1(3)(f) — jista’ jforni għal sett ta’ regoli awtonomu li huwa komplementari u kkaratterizzat mid-dritt tal-Unjoni.

    41.

    Barra minn hekk, il-fatt li l-kapaċità u l-kwistjonijiet ta’ rappreżentanza b’rabta ma’ din, bħala prinċipju għandhom jiġu deċiżi skont l-istandards tagħhom stess u ma għandhomx jitqiesu li huma domandi preliminari dipendenti tat-tranżazzjonijiet legali inkwistjoni kull darba, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà sostnietu fil-kawża Schneider ( 9 ). F’din il-kawża wkoll kienu kkonċernati problemi tal-proċedura mhux kontenzjuża li madankollu kienu marbutin mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 10 ).

    42.

    F’din il-kawża, “ċittadin parzjalment legalment inkompetenti” ta’ Stat Membru kien nieda proċedura mhux kontenzjuża quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor u fittex li jingħata l-awtorizzazzjoni sabiex ikun jista’ jbigħ is-sehem li kien fil-pussess tiegħu ta’ art li tinsab f’dan l-Istat Membru ieħor.

    43.

    Il-qorti li quddiemha tressqet il-kawża fil-pajjiż fejn tinsab il-proprjetà kellha dubji dwar il-ġurisdizzjoni tagħha għall-proċedura mhux kontenzjuża, minkejja li skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Brussell I, il-qrati ta’ dak l-Istat Membru, li fih tkun tinstab il-proprjetà immobbli, huma responsabbli għal proċedimenti li jkollhom bħala s-suġġett tagħhom drittijiet in rem fi proprjetajiet immobbli.

    44.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward iddeċidiet li r-Regolament Brussell I ma għandux japplika għal tali proċedura mhux kontenzjuża. Dan jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kapaċità ġuridika kif ukoll ir-rappreżentanza legali ta’ persuni fiżiċi kif stipulat fl-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 li hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Brussell I ( 11 ).

    45.

    L-istess għandu japplika fil-każ preżenti għar-Regolament dwar is-suċċessjonijiet. Billi dan ir-regolament lanqas ma huwa applikabbli għall-kapaċità ġuridika ta’ persuni fiżiċi, huwa ma jipprekludix l-applikabbiltà tar-Regolament Brussell IIa u fehim restrittiv tad-deroga tal-“fondi […] ta’ suċċessjoni” fis-sens tal-Artikolu 1(3)(f).

    46.

    Interpretazzjoni fl-istess sens tingħata fir-rapport spjegattiv ta’ Paul Lagarde ( 12 ) dwar il-Konvenzjoni fuq il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent, l-infurzar u l-kooperazzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri u miżuri għall-protezzjoni tat-tfal, tad-19 ta’ Ottubru 1996 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tat-tfal”) ( 13 ).

    47.

    Ir-rapport ta’ Lagarde għandu effett indikattiv għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-regolament fil-kuntest tal-interpretazzjoni b’rabta mal-evoluzzjoni storika u sistematika tar-Regolament Brussell IIa. Dan għaliex id-dispożizzjonijiet dwar id-dritt ta’ kustodja tar-regolament huma bbażati fuq ix-xogħlijiet preparatorji għall-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tat-tfal u huma konformi magħhom f’għadd ta’ partijiet. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tar-regolament u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Konvenzjoni għandhom, sa fejn ikun possibbli, jiġu interpretati bl-istess mod sabiex jiġi evitat li l-eżitu jkun differenti skont jekk il-każ ikunx jikkonċerna Stat Membru ieħor jew Stat terz ( 14 ).

    48.

    Dwar id-deroga tal-“fondi ta’ suċċessjoni”, fl-Artikolu 4(f) tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tat-tfal li tikkorrispondi mar-Regolament Brussell IIa, ir-rapport ta’ Lagarde l-ewwel nett jiċċara li s-suċċessjonijiet, bħala prinċipju, għandhom ikunu eżenti mill-Konvenzjoni. Fl-istess waqt, ir-rapport “sa fejn ir-regoli tas-suċċessjoni jipprevedu l-intervent tar-rappreżentant legali tat-tfal [ma jeskludix] li dan ikun stabbilit skont l-istipulazzjoni tal-Konvenzjoni”, u għaldaqstant huwa favur li d-deroga prevista għas-suċċessjonijiet tkun interpretata b’mod restrittiv.

    49.

    Billi, kif ġie stabbilit fil-punti 37 et seq, l-ebda kunsiderazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludu dan, l-istess għandu jgħodd ukoll għall-interpretazzjoni tar-Regolament Brussell IIa u d-deroga tiegħu li tirreferi għas-suċċessjonijiet ma għandhiex tapplika għall-approvazzjoni tal-“ftehim ta’ suċċessjoni” inkwistjoni.

    50.

    L-approvazzjoni mitluba fil-kawża prinċipali u d-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni f’dan ir-rigward, wara kollox, għandha titqies li hija kwistjoni ċivili li bħala s-suġġett tagħha għandha “l-attribuzzjoni, l-eżerċizzju [jew] id-delegazzjoni […] tar-responsabbiltà ta’ l-ġenituri” kif stipulat fl-Artikolu 1(1)(b) u l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Brussell IIa.

    V – Konklużjoni

    51.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari bil-mod kif ġej:

    L-approvazzjoni minn qorti ta’ ftehim dwar it-tqassim tal-massa ereditarja, konkluż minn tutur għal ulied minuri taqa’ taħt l-Artikolu 1(1)(b) u mhux taħt l-Artikolu 1(3)(f) tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003.


    ( 1 )   Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

    ( 2 )   Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243).

    ( 3 )   Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Lulju 2012, dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU L 201, p. 107); fir-rigward tad-dħul fis-seħħ u tal-validità tagħhom ara l-Artikolu 84 tar-Regolament dwar is-suċċessjonijiet.

    ( 4 )   Il-kwistjoni jekk l-approvazzjoni tal-qorti hijiex assolutament legalment neċessarja u liema dritt huwa deċiżiv f’dan ir-rigward lanqas ma huwa s-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari; din il-kwistjoni tista’ ma tiġix iddeterminata f’dan l-istadju proċedurali u għalhekk ma għandhiex tkun diskussa mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    ( 5 )   Ara, pereżempju, is-sentenza Job Centre (C‑111/94, EU:C:1995:340, punti 9 sa 11) għall-awtorizzazzjoni ta’ statut ta’ kumpannija bl-iskop ta’ reġistrazzjoni fil-kuntest tal-giurisdizione volontaria Taljana.

    ( 6 )   Ara s-sentenza Job Centre ċċitata iktar ’il fuq, li fil-punt 11 tagħha tosserva: “huwa biss jekk persuna li għandha s-setgħa taħt id-dritt nazzjonali li tapplika għal din il-konferma, titlob reviżjoni ġudizzjarja ta’ deċiżjoni li tiċħad dik l-applikazzjoni — u għalhekk tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni — li l-qorti inkwistjoni tista’ titqies li qed teżerċita funzjoni ġudizzjarja […] fir-rigward ta’ rikors għal annullament ta’ miżura li taffettwa b’mod ħażin lir-rikorrenti [ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1974, Haaga (32/74, Ġabra p. 1201)].”

    ( 7 )   Enfasi miżjuda minni.

    ( 8 )   Din l-esklużjoni tapplika “mingħajr preġudizzju għall-punt (c) tal-Artikolu 23(2) u għall-Artikolu 26”. Madankollu, iż-żewġ dispożizzjonijiet tad-dritt ma humiex rilevanti fil-każ preżenti: l-Artikolu 23 jirreferi għall-kapaċità ta’ persuna li tiret u l-Artikolu 26 jirregola, inter alia, “l-ammissibbiltà ta’ prokura bil-għan li jsir trasferiment causa mortis”.

    ( 9 )   Sentenza Schneider (C‑386/12, EU:C:2013:633).

    ( 10 )   ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”.

    ( 11 )   Sentenza Schneider (C‑386/12, EU:C:2013:633, punt 31).

    ( 12 )   Iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ Lagarde”, aċċessibbli fil-verżjoni Ġermaniża taħt http://www.hcch.net/upload/expl34d.pdf.

    ( 13 )   Hija aċċessibbli wkoll traduzzjoni bil-Ġermaniż fuq is-sit elettroniku tal-Konferenza ta’ Den Haag: http://hcch.e-vision.nl/upload/text34d.pdf.

    ( 14 )   Ara l-opinjoni tiegħi fil-kawża Health Service Executive (C‑92/12 PPU, EU:C:2012:177, punt 17).

    Top