This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CC0387
Opinion of Advocate General Bobek delivered on 24 November 2016.#Esaprojekt sp. z o.o. v Województwo Łódzkie.#Request for a preliminary ruling from the Krajowa Izba Odwoławcza.#Reference for a preliminary ruling — Public procurement — Directive 2004/18/EC — Principles of equal treatment, non-discrimination and transparency — Technical and/or professional abilities of economic operators — Article 48(3) — Possibility to rely on the capacities of other entities — Article 51 — Possibility to supplement the tender — Article 45(2)(g) — Exclusion from participation in a public contract for serious misconduct.#Case C-387/14.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fl-24 ta’ Novembru 2016.
Esaprojekt sp. z o.o. vs Województwo Łódzkie.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Krajowa Izba Odwoławcza.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/18/KE – Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza – Kapaċitajiet tekniċi u/jew professjonali tal-operaturi ekonomiċi – Artikolu 48(3) – Possibbiltà li wieħed jinvoka l-abilitajiet ta’ entitajiet oħra – Artikolu 51 – Possibbiltà li l-offerta tiġi kkompletata – Artikolu 45(2)(g) – Esklużjoni mill-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku minħabba nuqqas serju.
Kawża C-387/14.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fl-24 ta’ Novembru 2016.
Esaprojekt sp. z o.o. vs Województwo Łódzkie.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Krajowa Izba Odwoławcza.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/18/KE – Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza – Kapaċitajiet tekniċi u/jew professjonali tal-operaturi ekonomiċi – Artikolu 48(3) – Possibbiltà li wieħed jinvoka l-abilitajiet ta’ entitajiet oħra – Artikolu 51 – Possibbiltà li l-offerta tiġi kkompletata – Artikolu 45(2)(g) – Esklużjoni mill-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku minħabba nuqqas serju.
Kawża C-387/14.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:899
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOBEK
ippreżentati fl-24 ta’ Novembru 2016 ( 1 )
Kawża C‑387/14
Esaprojekt Sp. z o.o.
vs
Województwo Łódzkie
[talba għall-deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajowa Izba Odwoławcza (awla nazzjonali tal-appelli, il-Polonja)]
“(Direttiva 2004/18/KE — Prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza — Sottomissjoni mill-offerent ta’ informazzjoni addizzjonali dwar provvisti mhux imsemmija fl-offerta inizjali — Possibbiltà li l-esperjenza ta’ żewġ entitajiet tingħaqad — Possibbiltà ta’ dipendenza fuq esperjenza miksuba bħala membru ta’ grupp ta’ impriżi — Possibbiltà li esperjenza minn kuntratti multipli tingħaqad — Rappreżentazzjoni ħażina ta’ ċerta serjetà)”
I – Introduzzjoni
1. |
Din il-kawża tikkonċerna offerta pubblika għall-provvista ta’ sistemi tal-IT għal sptarijiet fil-Polonja. Il-kumpannija Komputer Konsult Sp z o.o. (iktar ’il quddiem “KK”) inizjalment kienet ingħatat il-kuntratt. Esaprojekt Sp z o.o. (iktar ’il quddiem “Esaprojekt”), li kienet ukoll issottomettiet offerta, ikkontestat dan l-għoti quddiem il-qrati nazzjonali. L-għoti ġie annullat minħabba li l-esperjenza li KK straħet fuqha ma kinitx suffiċjenti. KK kienet ġiet mistiedna tiċċara l-lista tagħha ta’ esperjenza. Il-lista emendata ta’ KK kienet tistrieħ fuq esperjenza ġdida ta’ parti terza. KK reġgħet ingħatat il-kuntratt. Esaprojekt reġgħet appellat, li wassal għat-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża. |
2. |
Il-qorti nazzjonali tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja sensiela ta’ domandi bil-għan li jiġu ddeterminati, l-ewwel nett, il-kundizzjonijiet li taħthom offerenti jkunu jistgħu jimmodifikaw il-lista tagħhom ta’ esperjenza u jistrieħu fuq l-esperjenza ta’ partijiet terzi. It-tieni nett, il-qorti nazzjonali titlob li jiġu ċċarati l-kundizzjonijiet li taħthom informazzjoni mogħtija minn offerent tkun tammonta għal “rappreżentazzjoni ħażina” skont l-Artikolu 45(2)(g) tad-Direttiva 2004/18/KE ( 2 ). It-tielet nett, il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk setax ikun hemm dipendenza konġunta fuq esperjenza miksuba minn kuntratti separati sabiex jiġi ssodisfatt rekwiżit ta’ offerta, meta tali possibbiltà ma kinitx prevista espliċitament mill-awtorità kontraenti. |
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
3. |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”) jistabbilixxi l-prinċipju ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni f’offerti għal kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi. |
4. |
L-Artikolu 44(1) jgħid li kuntratti għandhom jingħataw, inter alia, skont il-kriterji ta’ tagħrif u ta’ abbiltà professjonali u tekniċi msemmija fl-Artikolu 48. L-Artikolu 44(2) jipprovdi li kull rekwiżit ta’ kapaċità minima impost “għandu jkun relatat u proporzjonat mal-kontenut suġġettiv tal-kuntratt”. |
5. |
L-Artikolu 45(2)(g), li jidher fit-Taqsima bit-titolu “Kriterji għal għażla kwalitattiva”, jipprevedi li operatur ekonomiku jista’ jkun eskluż minn parteċipazzjoni f’offerta jekk ikun “ħati ta’ rappreżentazzjoni ħażina ta’ ċerta serjetà fil-forniment ta’ l-informazzjoni meħtieġa taħt din it-Taqsima jew ma forniex informazzjoni bħal din” u, fir-rigward tal-Artikolu 45(2) b’mod ġenerali, li “Stati Membri għandhom jispeċifikaw, skond il-liġi nazzjonali tagħhom u b’rigward għal-liġi tal-Kommunità, il-kondizzjonijiet ta’ implimentazzjoni għal dan il-paragrafu”. |
6. |
L-Artikolu 48(2) jistabbilixxi modi kif jista’ jkun hemm provi ta’ esperjenza, li jinkludu fil-paragrafu (a) b’mod partikolari, listi ta’ xogħlijiet imwettqa, kunsinni ewlenin jew servizzi ewlenin ipprovduti. |
7. |
L-Artikolu 48(3) jipprevedi li operatur ekonomiku “jista’, fejn xieraq u għal xi kuntratt partikolari, joqgħod fuq il-ħiliet ta’ entitajiet oħrajn, bla rigward għan-natura legali tar-rabtiet li hu jkollu magħhom”. F’każijiet bħal dawn, l-operatur għandu jġib prova li huwa jkollu “għad-disposizzjoni tiegħu r-riżorsi meħtieġa għat-twettiq tal-kuntratt, per eżempju, billi jipproduċi garanzija mingħand dawk l-entitajiet li jpoġġi r-riżorsi meħtieġa għad-disposizzjoni ta’ l-operatur ekonomiku”. |
8. |
L-Artikolu 51, bit-titolu “Dokumentazzjoni u informazzjoni addizzjonali” jgħid li “L-awtorità kontrattwanti tista’ tistieden lil operaturi ekonomiċi li jissupplimentaw jew jiċċaraw iċ-ċertifikati u dokumenti sottomessi fis-segwitu ta’ l-Artikoli 45 sa 50”. |
B – Id-dritt nazzjonali
9. |
L-Artikolu 2(13) tal-Ustawa Prawo zamówień publicznych (liġi dwar kuntratti pubbliċi) (iktar ’il quddiem l-“Ustawa PZP”), jiddefinixxi l-kunċett ta’ “kuntratti pubbliċi” bħala “kuntratti għal interess finanzjarju konklużi bejn awtorità kontraenti u operatur ekonomiku li s-suġġett tiegħu jkun servizzi, provvisti jew xogħlijiet”. |
10. |
L-Artikolu 24(2)(3) tal-Ustawa PZP jipprovdi għall-esklużjoni ta’ operaturi ekonomiċi li “[…] ikunu ssottomettew informazzjoni skorretta li taffettwa, jew li tista’ taffettwa, ir-riżultat tal-proċeduri mwettqa […]”. |
11. |
L-Artikolu 26 tal-Ustawa PZP jipprevedi l-possibbiltà għall-awtorità kontraenti li titlob lil offerenti jipprovdu informazzjoni nieqsa, jikkoreġu żbalji jew jiċċaraw dikjarazzjonijiet jew dokumenti. |
III – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari
12. |
Din il-kawża tikkonċerna offerta pubblika għal kuntratt għal sistemi tal-IT għal sptarijiet pubbliċi fil-Provinċja ta’ Łódź (il-Polonja). Il-parti rilevanti tal-offerta hija relatata max-xiri u mal-provvista ta’ sistema integrata għal sptarijiet (SIS) sabiex taqdi lis-settur amministrattiv (griż) u lis-settur mediku (abjad) f’Samodzielny Szpital Wojewódzki im. Mikołaja Kopernika (sptar indipendenti provinċjali Nicolaus Copernicus). |
13. |
Skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta, applikazzjonijiet għall-għoti tal-kuntratt setgħu jsiru minn operaturi ekonomiċi li setgħu juru, inter alia, li kienu neċessarjament wettqu mill-inqas żewġ kuntratti li kienu jkopru (fir-rigward ta’ kull wieħed mill-kuntratti msemmija): il-provvista, l-installazzjoni, il-konfigurazzjoni u l-implementazzjoni ta’ SIS fis-setturi bojod u griżi, għal stabbiliment għall-kura tas-saħħa b’mill-inqas 200 sodda, u b’valur ta’ mhux inqas minn PLN 450000 gross. |
14. |
Sabiex juru li kienu ssodisfaw il-kundizzjoni msemmija iktar ’il fuq, operaturi ekonomiċi kellhom jissottomettu dikjarazzjoni u lista ta’ “provvisti ewlenin” ta’ SIS fis-setturi bojod u griżi. |
15. |
Fl-offerta tagħha KK elenkat żewġ entrati ta’ provvisti ta’ SIS fis-setturi bojod u griżi ta’ sptarijiet fi (i) Słupsk (iktar ’il quddiem “Provvista ta’ Słupsk”) u (ii) Nowy Sącz (iktar ’il quddiem “Provvista ta’ Nowy Sącz”). Iż-żewġ provvisti twettqu minn konsorzju ta’ Konsultant IT Sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “KIT”) u KK. |
16. |
KK rebħet l-offerta għax-xiri u l-provvista tas-SIS. Esaprojekt ikkontestat din id-deċiżjoni, essenzjalment billi sostniet li l-kuntratti elenkati minn KK ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-offerta f’termini ta’ esperjenza ta’ SIS. |
17. |
L-appell irnexxa. L-awtorità kontraenti kienet ordnata titlob lil KK tissottometti, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 26(4) tal-Ustawa PZP, kjarifiki dwar il-kamp ta’ applikazzzjoni tal-kuntratti speċifikati sabiex turi bil-provi li l-kundizzjoni għal parteċipazzjoni fil-proċedura f’termini ta’ tagħrif u esperjenza kienet ġiet issodisfatta. |
18. |
Wara t-talba għal kjarifika rriżulta li l-Provvista ta’ Słupsk kienet twettqet fil-qafas ta’ żewġ proċeduri ta’ offerti u ta’ żewġ ftehimiet kuntrattwali separati. Wieħed minn dawn il-ftehimiet ma’ kienx ikopri s-settur abjad, u l-ieħor ma kienx ikopri s-settur griż. L-awtorità kontraenti ddeċidiet li l-Provvista ta’ Słupsk ma kinitx osservat l-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta msemmija iktar ’il fuq fil-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet, minħabba li l-Provvista ta’ Słupsk ma kinitx “kuntratt pubbliku” wieħed, kif iddefinit fl-Artikolu 2(13) tal-Ustawa PZP. Minflok, kien jinvolvi żewġ kuntratti separati. L-awtorità kontraenti, għalhekk, talbet lil KK sabiex tissupplimenta d-dokumenti bħala prova li hija kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-offerta. |
19. |
Sabiex tissupplimenta d-dokumenti, KK issottomettiet lista ġdida ta’ provvisti. Din il-lista kienet tinkludi, bħal qabel, il-Provvista ta’ Nowy Sącz. Flimkien ma’ dan żdiedu żewġ provvisti ġodda, li t-tnejn li huma kienu twettqu minn parti terza, Medinet Systemy Informatyczne Sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “Medinet”) (“il-Provvisti ta’ Medinet”). KK issottomettiet ukoll garanzija ta’ Medinet sabiex tagħmel disponibbli r-riżorsi meħtieġa sabiex twettaq il-kuntratt u tipparteċipa fl-implementazzjoni tal-kuntratt sabiex tagħti pariri u bħala konsulenta. |
20. |
L-awtorità kontraenti aċċettat l-offerta mmodifikata minn KK. Esaprojekt reġgħet ippreżentat appell kontra l-Województwo Łódzkie quddiem il-Krajowa Izba Odwoławcza (awla nazzjonali tal-appelli, il-Polonja). F’dawn iċ-ċirkustanzi din il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel id-domandi li ġejjin għal deċiżjoni preliminari: “Domanda 1: L-Artikolu 51, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni tal-operaturi ekonomiċi u tal-prinċipju ta’ trasparenza, li jidhru fl-Artikolu 2 tad-Direttiva [2004/18/KE], jippermetti li operatur ekonomiku jirreferi għal twettiq ieħor ta’ kuntratti sabiex jikkompleta jew jikkjarifika d-dokumenti (jiġifieri jirreferi għal kunsinni mwettqa) li jkunu jidhru fl-inventarju tal-kunsinni annessi mal-offerta u, b’mod partikolari, li jirreferi għal twettiq ta’ kuntratti ta’ entità oħra li tagħha ma jkunx indika l-użu tal-mezzi fl-offerta? Domanda 2: Fid-dawl tas-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2013, Manova [(C‑336/12, EU:C:2013:647)], li minnha jirriżulta li “l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, wara l-iskadenza tat-terminu mogħti għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, awtorità kontraenti titlob lil applikant jikkomunikalha dokumenti li jiddeskrivu s-sitwazzjoni ta’ dan l-applikant, bħalma hija l-karta tal-bilanċ ippubblikata, li l-eżistenza tagħhom qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet tista’ tiġi vverifikata oġġettivament sakemm id-dokumenti tal-imsemmi kuntratt ma kinux jimponu espliċitament li fil-każ li ma jiġux ikkomunikati l-applikazzjoni tiġi eskluża”, l-Artikolu 51 tad-Direttiva [2004/18/KE] għandu jiġi interpretat fis-sens li jistgħu jiġu kkompletati biss id-dokumenti li l-eżistenza tagħhom, qabel l-iskadenza tat-terminu ffissat għas-sottomissjoni tal-offerta jew tat-talba għal parteċipazzjoni fil-proċedura, tkun tista’ oġġettivament tista’ tiġi vverifikata, jew il-Qorti tal-Ġustizzja indikat biss waħda mill-possibbiltajiet, u għaldaqstant id-dokumenti jistgħu jiġu kkompletati wkoll f’każijiet oħrajn, pereżempju billi jiġu annessi dokumenti li ma kinux jeżistu qabel l-imsemmi terminu, imma li jippermettu oġġettivament li jikkonfermaw li rekwiżit wieħed kien ġie sodisfatt? Domanda 3: Jekk tingħata risposta lit-tieni domanda fis-sens li jistgħu wkoll jiġu kkompletati dokumenti oħra barra minn dawk indikati fis-sentenza C‑336/12 Manova, jistgħu jiġu kkompletati dokumenti stabbiliti minn operatur ekonomiku, subofferent jew entitajiet oħra li tagħhom l-operatur ekonomiku jinvoka l-kapaċitajiet jekk [dawn] id-dokumenti ma jkunux ġew annessi mal-offerta? Domanda 4: L-Artikolu 44 moqri flimkien mal-Artikolu 48(2)(a), u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi li jidhru fl-Artikolu 2 tad-Direttiva [2004/18/KE], jippermettilhom jinvokaw il-mezzi ta’ entità oħra kif imsemmija fl-Artikolu 48(3), billi [jgħaqqdu] l-konoxxenzi u l-esperjenza ta’ żewġ entitajiet li, individwalment, ma jkunux jiddisponu mill-konoxxenzi u mill-esperjenza mitluba mill-awtorità kontraenti meta jkun hemm l-indiviżibbiltà ta’ din l-esperjenza (l-operatur ekonomiku għandu jissodisfa l-kundizzjoni kollha sabiex ikun kandidat) u tat-twettiq tal-kuntratt (li jikkostitwixxi ħaġa waħda)? Domanda 5: L-Artikolu 44 moqri flimkien mal-Artikolu 48(2)(a), u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi li jidhru fl-Artikolu 2 tad-Direttiva [2004/18/KE], jippermetti lil operatur ekonomiku, li jkun wettaq kuntratt bħala membru ta’ grupp ta’ operaturi ekonomiku, jinvoka l-esperjenza ta’ dan il-grupp, indipendentement min-natura tal-parteċipazzjoni tiegħu fit-twettiq tal-kuntratt, jew li jinvoka biss l-esperjenza li jkun verament kiseb waħdu meta jwettaq lott speċifiku ta’ kuntratt li jkun ġie attribwit lilu fil-grupp? Domanda 6: L-Artikolu 45(2)(g) tad-Direttiva [2004/18/KE], li jgħid li kull operatur ekonomiku jista’ jiġi eskluż minn parteċipazzjoni f’kuntratt fejn dak l-operatur eknomiku jkun gravement ħati ta’ dikjarazzjonijiet foloz fl-għoti tal-informazzjoni […] jew ma jkunx ta din l-informazzjoni, jista’ jiġi interpretat fis-sens li jista’ jiġi eskluż mill-parteċipazzjoni f’sejħa għal offerti kull operatur ekonomiku li jkun ta informazzjoni falza li tkun jew li tista’ jkollha effett fuq ir-riżultat tal-proċedura billi dan l-operatur ekonomiku jkun ħati ta’ dikjarazzjonijiet foloz bis-sempliċi fatt li jkun ittrażmetta lill-awtorità kontraenti informazzjoni mhux konformi mal-istat ta’ fatt li jkollha effett fuq id-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li teskludi operatur ekonomiku (u tiċħad l-offerta tiegħu), indipendentement mill-fatt li jsir magħruf jekk l-operatur ikunx aġixxa xjentement u b’disinn jew mhux xjentement, b’imprudenza, negliġenza jew bi ksur tad-dmir ta’ diliġenza? Għandu jitqies li wieħed ma jkunx “[gravement] ħati ta’ […] [dikjarazzjonijiet foloz fl-għoti tal-informazzjoni] […] jew [ta’ nuqqas milli jagħti] informazzjoni bħal din” meta l-operatur ekonomiku jippreżenta informazzjoni falza (mhux konformi mal-istat ta’ fatt) jew ukoll meta jippreżenta informazzjoni ċertament sinċiera, imma b’tali mod li tikkonvinċi lill-awtorità kontraenti li huwa jissodisfa r-rekwiżiti kollha li hija tkun stabbilixxiet, filwaqt li fil-verità huwa ma jkunx qed jissodisfahom? Domanda 7: L-Artikolu 44 moqri flimkien mal-Artikolu 48(2)(a), u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi li jidhru fl-Artikolu 2 tad-Direttiva [2004/18/KE], jippermettu lil operatur ekonomiku jinvoka esperjenza billi jindika fl-istess ħin tnejn jew diversi kuntratti bħala kuntratt wieħed, minkejja li l-awtorità kontraenti ma tkunx indikat din il-possibbiltà, la fl-avviż ta’ kuntratt u lanqas fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt?” |
21. |
Osservazjonijiet bil-miktub kienu sottomessi mill-Gvern Pollakk u mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni. Il-Gvern Pollakk, il-Kummissjoni u Województwo Łódzkie, konvenuta fil-kawża prinċipali, ipparteċipaw fis-seduta li saret fil-21 ta’ Settembru 2016. |
IV – Analiżi
A – Fuq id-domanda 1 (u d-domandi 2 u 3)
22. |
L-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju għandha l-għan li jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl tal-Artikoli 2 u 51 tad-Direttiva, ikunx possibbli għal offerent, wara l-iskadenza tat-terminu għas-sottomissjonijiet tal-offerta, li jagħmel riferiment għall-esperjenza ta’ parti terza, li ma kinitx imsemmija fl-offerta inizjali. |
23. |
It-tieni u t-tielet domanda għandhom l-għan li jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl tas-sentenza Manova ( 3 ), offerent jistax jippreżenta dokumenti bħala prova tal-ħila tiegħu li jistrieħ fuq l-esperjenza ta’ dik il-parti terza wara l-iskadenza tat-terminu għal sottomissjonijiet (f’dan il-każ l-impriża Medinet). |
24. |
Dwar l-ewwel domanda nqis li ż-żieda ta’ tali riferimenti ġeneralment ma hijiex possibbli għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il quddiem. Dik ir-risposta tagħmel kull kunsiderazzjoni dettaljata tat-tieni u tat-tielet domanda superfluwa. |
25. |
L-Artikolu 51 tad-Direttiva jipprovdi li awtoritajiet kontraenti jistgħu jistiednu offerenti sabiex “jissupplimentaw jew jiċċaraw” id-dokumenti li jkunu ssottomettew. Dan il-kliem, “jissupplimentaw jew jiċċaraw”, aktarx huwa pjuttost flessibbli. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita ( 4 ), il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu ta’ trasparenza jipprekludu milli jkun hemm negozjati bejn l-awtorità kontraenti u offerent matul proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Għalhekk, bħala regola ġenerali, meta l-awtorità kontraenti tqis offerta bħala li ma tkunx preċiża jew li tonqos milli tissodisfa r-rekwiżiti tekniċi tal-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta, ma tkunx tista’ teżiġi li l-offerent jipprovdi kjarifika, jew anki toħloq l-impressjoni li tippermetti li offerta tiġi emendata ( 5 ). |
26. |
Madandollu, id-direttiva “ma [t]ipprekludix il-possibbiltà li d-data dwar l-offerta tiġi kkoreġuta jew ikkompletata fuq punti speċifiċi, b’mod partikolari għaliex ikun evidenti li teħtieġ sempliċi kjarifika, jew sabiex jiġu kkoreġuti żbalji materjali manifesti” sakemm din ma tammontax għal offerta ġdida ( 6 ). Diliġenza dovuta hija mistennija minn offerenti ( 7 ), iżda l-formaliżmu eċċessiv għandu jiġi evitat ( 8 ). Dan huwa partikolarment importanti minħabba l-ħtieġa li jiġi żgurat li offerti jibqgħu trasparenti u kompetittivi. |
27. |
Il-possibbiltà li tiġi sottomessa informazzjoni addizzjonali wara l-iskadenza tat-terminu għal sottomissjonijiet titqies, għalhekk, eċċezzjonali, iżda mhux ineżistenti. Il-kwistjoni mbagħad hija fejn eżattament tinqata’ l-linja. |
28. |
Fil-fehma tiegħi, l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizżzja jista’ forsi jinqabad l-aħjar permezz ta’ metafora: l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni sottomessi minn offerent wara l-iskadenza tat-terminu għal sottomissjonijiet jirrappreżentaw ritratt. L-informazzjoni u d-dokumentazzjoni li diġà jkun hemm f’dan ir-ritratt biss tista’ titqies mill-awtorità kontraenti. Dan ma jżommx lill-awtorità kontraenti milli tiffoka fuq kull dettall fl-istampa li jkun ftit imċajpar u titlob li r-riżoluzzjoni tal-istampa titkabbar sabiex hija tara d-dettall b’mod ċar. Iżda l-informazzjoni bażika għandha tkun tinsab, għalkemm f’riżoluzzjoni baxxa, fir-ritratt oriġinali. |
29. |
Jekk insegwi din il-loġika nqis li offerent, bħala prinċipju, ma jistax jitħalla juri li huwa jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi u professjonali ta’ offerta billi jistrieħ fuq l-esperjenza ta’ partijiet terzi mhux imsemmija qabel ma jkun skada t-terminu għal sottomissjonijiet. Dik l-informazzjoni sempliċement ma kinitx tinsab fl-istampa oriġinali. |
30. |
Għalhekk, dipendenza bħal din fuq parti terza ma hijiex ekwivalenti għal kjarifika jew formalità biss. Fil-fatt tikkostitwixxi bidla sinjifikattiva għall-offerta. L-identità stess tal-entitajiet li jwettqu x-xogħol, jew għall-inqas l-esperjenza tagħhom li tkun qiegħda tintalab tagħmel hekk, tkun qiegħda tinbidel. Din hija bidla materjali li tolqot element ewlieni tal-proċedura ( 9 ). Barra minn dan, kif il-Kummissjoni nnotat, bidla bħal din tista’ twassal għal iktar verifiki li jkunu meħtieġa mill-awtorità kontraenti u tista’ taffettwa wkoll l-għażla ta’ kandidati li jiġu mistiedna sabiex jippreżentaw offerta. |
31. |
B’mod iktar ġenerali, jekk modifiki bħal dawn jitħallew isiru jistgħu ċertament ikollhom influwenza fuq il-proċess kompetittiv. Deċiżjoni ta’ offerent li jistrieħ fuq l-esperjenza tiegħu stess jew li jitlobha mingħand parti terza għandha ssir f’ċertu żmien f’waqtu u abbażi ta’ informazzjoni li huwa jkollu f’dak iż-żmien. Offerent li jingħata ċans ieħor sabiex jieħu dik id-deċiżjoni ta’ negozju, meta jkun għadda ż-żmien, jista’ ċertament jikseb vantaġġ li ma jkunx jaqbel mar-rekwiżit ta’ ugwaljanza fit-trattament. Pereżempju, tagħrif dwar l-għadd jew l-identità ta’ kompetituri fit-tiġrija jew li s-suq imur ħażin jistgħu jħeġġu lill-offerent sabiex ifittex jagħżel sieħeb b’iktar esperjenza, sabiex ikollu ċans ikbar ( 10 ). |
32. |
Din il-konklużjoni ssib iktar sostenn b’analoġija ma’ kawżi li jinvolvu l-modifika tal-kompożizzjoni ta’ konsorzja offerenti wara l-iskadenza tat-terminu għal sottomissjonijiet. Fil-kawża reċenti Højgaard, konsorzju ta’ żewġ kumpanniji ġie ppreselezzjonat u pparteċipa f’offerta pubblika, iżda sussegwentement ġie xolt qabel ma ngħata l-kuntratt. Waħda mill-kumpanniji, Aarsleff, imbagħad ipprovat tieħu post il-konsorzju bħala offerenti preselezzjonata fil-proċedura. Din il-bidla kienet aċċettata u Aarsleff sussegwentement rebħet il-kuntratt. L-għoti ġie kkontestat quddiem il-qrati nazzjonali u ġiet magħmula domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ta’ bidla fil-kompożizzjoni ta’ konsorzja. |
33. |
Fis-sentenza tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja qalet li regoli dwar bidliet fil-kompożizzjoni ta’ konsorzja matul proċeduri ta’ offerti ġeneralment huma kwistjoni interna għall-Istati Membri ( 11 ). Madankollu, sabiex tiżgura li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jiġi osservat, Aarsleff kellha tkun f’pożizzjoni li tissodisfa l-kriterji ta’ preselezzjoni fuq il-merti tagħha stess ( 12 ). |
34. |
B’mod simili, meta awtorità kontraenti teżiġi li offerent ineħħi affarijiet mil-lista ta’ esperjenza tiegħu, huwa ċertament ikun jista’ jkompli jistrieħ fuq il-bqija tal-affarijiet. Madankollu, ma jkunx jista’ jżid fil-lista l-esperjenza ġdida ta’ parti terza ( 13 ). |
35. |
Għalhekk nipproponi li nirrispondi għall-ewwel domanda tal-qorti nazzjonali fis-sens li operatur ekonomiku ma jistax jistrieħ fuq l-esperjenza ta’ parti terza għall-ewwel darba wara l-iskadenza tat-terminu għal sottomissjonijiet. Permezz ta’ din ir-risposta, it-tieni u t-tielet domanda tal-qorti nazzjonali (relatati mal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom tista’ tiġi sottomessa prova tal-esperjenza ta’ tali parti terza) jaqgħu. Tabilħaqq, meta operatur ma jkun jista b’xejn jistrieħ fuq parti terza, ma jkunx jagħmel sens li huwa jippreżenta garanziji minn dik il-parti terza, jew provi dwar l-esperjenza tal-parti terza. |
36. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq nipproponi li nagħti r-risposta li ġejja għall-ewwel tliet domandi tal-qorti nazzjonali: L-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18, flimkien mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trattament nondiskriminatorju ta’ operaturi ekonomiċi u mal-prinċipju ta’ trasparenza stabbilit fl-Artikolu 2 tagħha, ma jippermettux li operatur ekonomiku, meta jikkjarifika jew jissupplimenta dokumenti, jagħmel riferiment għat-twettiq ta’ kuntratti minn partijiet terzi, li ma jkunx għamel riferiment għalihom fil-lista ta’ provvisti annessa mal-offerta, jew jissottometti garanzija minn tali parti terza li tqiegħed ir-riżorsi tagħha għad-dispożizzjoni tal-offerent. |
B – Fuq id-domanda 4
37. |
Ir-raba’ domanda hija relatata mal-fatt li, fil-kawża prinċipali, l-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta jeżiġu li offerenti jkunu wettqu “mill-inqas żewġ kuntratti” b’kull wieħed ikopri s-setturi bojod u griżi, kif imsemmi iktar ’il fuq, fil-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Wara li l-awtoritajiet kontraenti talbu għal kjarifika, KK elenkat iż-żewġ Provvisti ta’ Medinet u l-Provvista ta’ Nowy Sącz. |
38. |
F’dan il-kuntest, il-qorti nazzjonali essenzjalment titlob li jiġi ddeterminat jekk l-esperjenza li tirriżulta mill-Provvisti ta’ Medinet u mill-Provvista ta’ Nowy Sącz tistax tkun affidabbli sabiex tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ “mill-inqas żewġ kuntratti” li kienu twettqu skont l-Artikoli 44 u 48(2)(a) tad-Direttiva u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-Artikolu 2 tad-Direttiva. |
39. |
It-test tad-Direttiva jagħmilha ċara li, fil-kuntest ta’ offerti pubbliċi, operaturi ekonomiċi jistgħu, bħala regola ġenerali, jistrieħu fuq il-ħiliet ta’ entitajiet oħra ( 14 ). Din ir-regola ġenerali hija wkoll konformi mal-għan ta’ ftuħ ta’ kuntratti pubbliċi għall-kompetizzjoni ( 15 ) u kienet ripetutament ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 16 ). Ħiliet li operatur jistrieħ fuqhom jistgħu, għalhekk, ikunu “frammentati” jew “maqsuma” fost atturi differenti, ċertament sakemm l-operatur ikollu fil-prattika għad-dispożizzjoni tiegħu r-riżorsi meħtieġa ta’ dawk l-entitajiet l-oħra ( 17 ). |
40. |
Madankollu, sabiex jiġu żgurati “rekwiżiti ta’ kapaċità minima” jew “livelli minimi ta’ kapaċità” ( 18 ), dipendenza fuq partijiet terzi tista’ eċċezzjonalment tkun limitata. Dan huwa minnu fil-każ ta’ “xogħlijiet li għandhom karatteristiċi li jirrikjedu ċerta kapaċità li ma tistax tinkiseb billi ssir akkumulazzjoni tal-kapaċitajiet inferjuri ta’ diversi operaturi, li, individwalment, ikunu inadegwati”. Tali rekwiżiti għandhom ikunu “marbut[a] ma’ u proporzjonat[i] għas-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni” ( 19 ). |
41. |
F’din il-kawża, l-ispeċifikazzjonijiet tal-offerta jeħtieġu “mill-inqas żewġ kuntratti” li jkopru qasam speċifiku (SIS). Mill-punti diskussi iktar ’il fuq isegwi li dan ir-rekwiżit jista’ jiġi impost bħala minimu, u jeskludi d-dipendenza fuq partijiet terzi, bil-kundizzjoni li jkun “marbut ma’ u proporzjonat għas-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni”. |
42. |
Jekk dan huwiex il-każ jew le huwa kwistjoni ta’ fatt għall-qorti nazzjonali li tiddeċiedi. |
43. |
Madankollu, il-qorti nazzjonali timplika li hemm differenza kwalitattiva bejn speċifikazzjonijiet tal-offerta li jeħtieġu, minn naħa, esperjenza akkumulata u ripetuta f’qasam partikolari u, min-naħa l-oħra, esperjenza f’serje ta’ oqsma separati u distinti. |
44. |
Naqbel li, intuwittivament, hemm tali differenza. Mhux dejjem possibbli li esperjenza minn setturi differenti tingħaqad – esperjenza transsettorjali jew esperjenza sħiħa ta’ sistemi integrati tista’ tkun insostitwibbli. Madankollu, dan it-taħlit interdixxiplinarju x’aktarx ikun inqas problematiku milli sempliċement l-għadd ta’ snin jew ta’ kuntratti waħedhom. Kumpannija li teżegwixxi kuntratt ieħor fl-istess qasam tagħmel hekk fil-kuntest tal-esperjenza li kellha qabel, aktarx b’intuwizzjonijiet ġodda u differenti ( 20 ). |
45. |
Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar in-norma ġuridika tibqa’ l-istess fiż-żewġ każijiet. Kemm l-esperjenza ta’ operatur partikolari li jkun wettaq żewġ kuntratti tista’ tkun issostitwita ma’ żewġ operaturi li jkunu wettqu kuntratt wieħed kull wieħed hija kwistjoni ta’ fatt li hija għall-qorti nazzjonali li tiddetermina. |
46. |
Fid-domanda tagħha l-qorti nazzjonali tgħid espliċitament li l-esperjenza rilevanti u t-twettiq tal-kuntratt huma “indiviżibbli”. Dan jimplika li l-qorti nazzjonali diġà kkonkludiet li (a) il-possibbiltà ta’ dipendenza konġunta fuq esperjenza ġiet eskluża u (b) li l-esklużjoni hija “marbuta ma’ u proporzjonata għas-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni”. Jekk dan huwa tabilħaqq il-każ, id-dispożizzjonijiet tad-direttiva ċċitati mill-qorti nazzjonali jippermettu lil awtorità kontraenti teskludi dipendenza fuq ir-riżorsi ta’ entità oħra billi tgħaqqad it-tagħrif u l-esperjenza ta’ żewġ entitajiet. |
47. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li nirrispondi għar-raba’ domanda tal-qorti nazzjonali kif ġej: L-Artikolu 44 tad-Direttiva 2004/18, flimkien mal-Artikolu 48(2)(a) u mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-Artikolu 2 tagħha, ma jippermettux li operatur ekonomiku jistrieħ, skont l-Artikolu 48(3) ta’ din id-direttiva, fuq tagħrif u esperjenza ta’ entità oħra, meta tali dipendenza tkun ġiet espressament eskluża mill-awtorità kontraenti. Madankollu, kull esklużjoni bħal din għandha tkun relatata u proporzjonata mas-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni. |
C – Fuq id-domanda 5
48. |
Permezz tal-ħames domanda tagħha l-qorti nazzjonali titlob kjarifika tal-kundizzjonijiet li fuqhom operatur ekonomiku jista’ jistrieħ għal esperjenza miksuba qabel minn grupp ta’ kumpanniji li tagħhom huwa kien membru. Din id-domanda hija relatata mal-fatt li, fil-kawża prinċipali, il-Provvista ta’ Nowy Sącz u l-Provvista ta’ Słupsk it-tnejn twettqu minn konsorzju ta’ żewġ kumpanniji, KK u KIT. Nifhem allura li l-qorti nazzjonali qiegħda titlob li jiġi ddeterminat jekk KK tistax tistrieħ fuq din l-esperjenza mingħajr kundizzjoni sabiex issostni l-offerta tagħha, jew jekk l-irwol li KK qdiet fil-provvista huwiex rilevanti ( 21 ). |
49. |
Inqis li l-irwol speċifiku u l-esperjenza assoċjata ta’ membru ta’ konsorzju huma tassew kruċjali. |
50. |
L-Artikoli 44 u 48(2)(a) tad-Direttiva jipprevedu l-analiżi ta’ offerti abbażi ta’, inter alia, esperjenza, kif jixhdu listi ta’ xogħlijiet u provvisti mwettqa fis-snin reċenti. L-esperjenza meħtieġa li jkollok sabiex twettaq kuntratt ovvjament ma hijiex l-istess bħal meta tkun taf lil xi ħadd li jkollu. Bl-istess mod, l-esperjenza ma tistax tiksibha sempliċement billi formalment tkun parti f’kuntratt jew f’konsorzju. |
51. |
Il-qorti tar-rinviju tagħti b’mod tajjeb illustrazzjoni ta’ dan il-punt permezz ta’ eżempju ta’ konsorzju ta’ tliet kumpanniji li jkunu qed jibnu awtostrada: bank (li jiffinanzja x-xogħol), kumpannija ta’ kostruzzjoni (li attwalment tibniha) u fornitur ta’ servizzi (li jipprovdi assistenza legali, amministrattiva u ż-żamma tal-kotba). Ċertament il-finanzjament ta’ xogħol bħal dan ma jipprovdix lill-bank bl-esperjenza meħtieġa għall-bini ta’ awtostrada. |
52. |
Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, ir-rwol preċiż ta’ kull kumpannija u l-esperjenza li hija tikseb jiddependu minn ċirkustanzi speċifiċi. Huwa possibbli, pereżempju, li l-bank kien ħa l-inizjattiva fil-finanzjament, iżda li l-fornitur ta’ servizzi kellu rabta mill-qrib ma’ dik il-parti tax-xogħol, sabiex b’hekk kiseb ċertu livell ta’ esperjenza f’dak il-qasam. Tali livell ta’ esperjenza jista’ jkun għalkollox f’loku u suffiċjenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ offerti oħra għal proġett differenti. Jew jista’ ma jkunx. Dawn huma kwistjonijiet ta’ fatt. |
53. |
B’mod simili, ir-rwol preċiż li KK qdiet fil-Provvista ta’ Nowy Sącz (u fil-Provvista ta’ Słupsk) ( 22 ), u jekk dan jikkorrispondix mar-rekwiżit ta’ esperjenza fl-avviż ta’ offerta huma kwistjonijiet ta’ fatt għall-qorti nazzjonali. |
54. |
Fl-aħħar nett, l-osservazzjonijiet esposti iktar ’il fuq huma relatati ma’ sitwazzjoni fejn operatur ekonomiku jippreżenta provvisti preċedenti mwettqa minn grupp ta’ operaturi speċifikament bħala l-esperjenza tiegħu stess. Dawn l-osservazzjonijiet huma mingħajr ħsara għall-possibbiltà li operatur ekonomiku jistrieħ fuq il-kapaċitajiet ta’ partijiet terzi, kif previst, pereżempju, fl-Artikolu 48(3) tad-Direttiva u diskuss f’iktar dettall iktar ’il fuq fil-punt 39. |
55. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni ta’ iktar ’il fuq, nipproponi li nirrispondi għall-ħames domanda tal-qorti nazzjonali kif ġej: L-Artikoli 44 u 48(2)(a) tad-Direttiva 2004/18 għandhom jiġu interpretati b’mod li operatur ekonomiku, li jkun wettaq kuntratt bħala wieħed minn grupp ta’ operaturi ekonomiċi, ikun jista’ jistrieħ bħala esperjenza tiegħu nnifsu biss fuq l-esperjenza li huwa stess ikun kiseb fit-twettiq ta’ dak il-kuntratt. Din il-konklużjoni hija mingħajr ħsara għall-possibbiltà għall-operatur ekonomiku li jistrieħ fuq il-kapaċitajiet ta’ partijiet terzi, taħt il-kundizzjonijiet ipprovduti f’din id-direttiva. |
D – Fuq id-domanda 7
56. |
Is-seba’ domanda hija relatata mal-fatt li, fil-kawża prinċipali, il-Provvista ta’ Słupsk kienet tikkonsisti f’żewġ kuntratti separati li kienu jattribwixxu esperjenza komplementari (fis-setturi bojod u griżi), filwaqt li l-avviż tal-kuntratt u d-dokumenti tal-offerta jagħmlu riferiment għal kuntratti li jinvolvu kemm l-oqsma bojod kif ukoll dawk griżi flimkien ( 23 ). |
57. |
F’dan il-kuntest, il-qorti nazzjonali titlob kjarifika tal-kundizzjonijiet li taħthom esperjenza miksuba fil-kuntest taż-żewġ kuntratti separati tista’ tiġi ppreżentata b’mod konġunt, sabiex tissodisfa rekwiżit li ma kienx ippreżentat espliċitament bħala li huwa diviżibbli. |
58. |
Għar-raġunijiet żviluppati iktar ’il quddiem inqis li r-risposta għal din id-domanda hija li operaturi għandhom ġeneralment ikunu jistgħu jiġbru flimkien esperjenza “frammentata” b’dan il-mod. Esklużjoni kompleta ta’ tali possibbiltà mill-awtorità kontraenti għandha tkun eċċezzjonali. |
59. |
Mir-risposti proposti għar-raba’ u l-ħames domanda iktar ’il fuq isegwi, inter alia, li d-Direttiva ma tiddettax b’mod preċiż kif u minn min għandha tinġabar esperjenza rilevanti. Għalhekk, mingħajr ħsara għall-ċerti kundizzjonijiet, ikun, pereżempju, ġeneralment possibbli li operatur jistrieħ fuq esperjenza miksuba: (a) fil-kuntest ta’ kuntratti ffirmati minnu biss; (b) fil-kuntest ta’ kuntratti ffirmati minn grupp ta’ operaturi li minnhom huwa jkun jagħmel parti; jew (c) minn partijiet terzi. |
60. |
Dak li huwa kritiku huwa jekk l-esperjenza globali li l-operatur ekonomiku jkun jista’ ġenwinament jistrieħ fuqha, sew jekk tkun tiegħu, sew jekk tkun ta’ parti terza, tkunx suffiċjenti sabiex jitwettaq il-kuntratt. |
61. |
Konsegwentement, il-fatt li esperjenza tkun inkisbet b’mod tekniku permezz ta’ żewġ kuntratti separati jew iktar u mhux bi ftehim kuntrattwali wieħed għandu ġeneralment ikun irrilevanti. Jekk l-esperjenza konġunta tkun suffiċjenti sabiex jitwettaq il-kuntratt, dan għandu jkun biżżejjed. |
62. |
Tabilħaqq, ir-rekwiżiti ta’ offerta jistgħu jiġu ssodisfatti billi jinġiebu flimkien kapaċitajiet jew esperjenza maqsuma bejn operaturi differenti. A fortiori, ikun sempliċement illoġiku li tiġi eskluża, bħala materja ta’ prinċipju, il‑possibbiltà li jinġiebu flimkien kapaċitajiet jew esperjenza miksuba mill-istess operatur fir-rigward ta’ kuntratti differenti. |
63. |
Meta l-esperjenzi ta’ operaturi differenti jingħaqdu jistgħu jiġu imposti limitazzjonijiet meta jkunu “marbuta ma’ u proporzjonati għas-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni” ( 24 ). Fil-fehma tiegħi, dan ir-raġunament u dawn il-limitazzjonijiet jistgħu jiġu applikati b’analoġija mal-frammentazzjoni ta’ esperjenza għal kuntratti differenti eżegwiti mill-istess operatur. Għalhekk, pereżempju, awtorità kontraenti tista’, bħala prinċipju, tgħid li ċerti rekwiżiti ta’ esperjenza jistgħu jiġu ssodisfatti biss b’dipendenza fuq kuntratti individwali li kull wieħed minnhom ikun jinvolvi esperjenza minn oqsma differenti. Madankollu, tali rekwiżit għandu wkoll ikun meħtieġ, proporzjonat u relatat mas-suġġett tal-kuntratt. |
64. |
Huwa għall-qorti tar-rinviju li tiddetermina jekk l-esperjenza li qiegħda tintalab fl-offerta speċifika inkwistjoni tissodisfax dawn il-kundizzjonijiet. Madankollu, il-punti ġenerali li ġejjin huma ta’ min jenfasizzahom. |
65. |
L-ewwel nett, offerti għandhom, bħala prinċipju, ikunu miftuħa għall-kompetizzjoni ( 25 ). Sabiex tirrifletti dan l-għan l-esklużjoni ta’ dipendenza fuq l-esperjenza ta’ parti terza hija l-eċċezzjoni. Hekk għandha tkun ukoll l-esklużjoni ta’ esperjenza “frammentata”. Bħala riżultat, fl-assenza ta’ tali esklużjoni fl-avviż jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, din l-esklużjoni ma tistax sempliċement tkun preżunta. Għandha tkun iddikjarata b’mod ċar. |
66. |
It-tieni nett, il-qorti nazzjonali speċifikament tagħmel riferiment għall-Artikolu 2 tad-Direttiva li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fl-opinjoni tiegħi, dan tal-aħħar ma għandux joħloq tħassib dwar id-dipendenza konġunta fuq esperjenza miksuba f’kuntratti separati sa fejn jew (a) kull operatur ekonomiku li jissottometti offerta jitħalla, bħala prinċipju, b’mod konġunt jistrieħ fuq tali kuntratti; jew (b) ebda operatur ekonomiku ma jkun jista’ jagħmel hekk (meta tali possibbiltà tkun ġiet eskluża mill-awtorità kontraenti). |
67. |
It-tielet nett, sa fejn ma tkunx ġiet eskluża d-dipendenza konġunta, huwa għall-awtorità kontraenti, mingħajr ħsara għal stħarriġ mill-qrati nazzjonali, li jiġi ddeterminat jekk l-esperjenza konġunta minn żewġ kuntratti jew iktar, f’każ konkret, tkunx suffiċjenti sabiex tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fi speċifikazzjonijiet ta’ offerta. Tabilħaqq, anki fejn żewġ kuntratti jew iktar ikunu jistgħu, bħala prinċipju, jingħaqdu, jista’ jkun li f’każ speċifiku l-esperjenza globali tkun sempliċement inadegwata. Meta ssir din l-analiżi, għandhom jitqiesu l-elementi rilevanti kollha, inkluż, pereżempju, ir-relazzjoni bejn id-diversi kuntratti ( 26 ) u r-rekwiżiti speċifiċi ( 27 ). |
68. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li nirrispondi għas-seba’ domanda tal-qorti nazzjonali kif ġej: L-Artikoli 44 u 48(2)(a) tad-Direttiva 2004/18, flimkien mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, jippermettu li jkun hemm dipendenza fuq esperjenza minn operatur ekonomiku b’mod li huwa jistrieħ b’mod konġunt fuq żewġ ftehimiet kuntrattwali jew iktar bħala kuntratt pubbliku wieħed, sakemm tali dipendenza konġunta ma tkunx ġiet espressament eskluża mill-awtorità kontraenti. Kull esklużjoni bħal din għandha tkun marbuta ma’ u proporzjonata għas-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni. |
E – Fuq id-domanda 6
69. |
Permezz tas-sitt domanda tagħha l-qorti nazzjonali tistaqsi jekk offerent jistax jiġi eskluż bħala “ħati ta’ rappreżentazzjoni ħażina ta’ ċerta serjetà” (billi jipprovdi jew jonqos milli jipprovdi informazzjoni) skont l-Artikolu 45(2)(g) tad-Direttiva, irrispettivament mill-mod ta’ ħsieb tiegħu. Tistaqsi wkoll jekk id-dispożizzjoni tippermettix ikun hemm esklużjoni tal-offerta jekk l-offerent attwalment ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-offerta iżda b’mod kreattiv ikun ippreżenta informazzjoni li teknikament tkun korretta sabiex jagħti l-impressjoni li jkun issodisfa l-kundizzjonijiet. |
70. |
Il-kliem tal-Artikolu 45(2)(g) joħloq possibbiltà ( 28 ) għal Stat Membru li jeskludi offerenti f’ċerti każijiet ta’ rappreżentazzjoni ħażina. Tali rappreżentazzjoni ħażina tista’ sseħħ meta tingħata jew titħalla barra informazzjoni “meħtieġa”, pereżempju bħala prova tal-kapaċitajiet tagħhom. |
71. |
Dwar it-tifsira loġika tal-kliem, l-Artikolu 45(2)(g) juri, għalhekk, tħassib dwar sitwazzjonijiet fejn operatur iħalli barra jew jinkludi ċerta informazzjoni li twassal lill-awtorità kontraenti sabiex tifhem b’mod skorrett il-kapaċitajiet tiegħu. |
72. |
Mhux kull rappreżentazzjoni ħażina tikkostitwixxi motivi għal esklużjoni. L-użu tal-kliem “serjetà” jew “ta’ ċerta serjetà” jimplika li l-għoti biss ta’ informazzjoni skorretta ma huwiex biżżejjed sabiex jagħti lok għall-Artikolu 45(2)(g), u li għandu jkun issodisfatt ċertu limitu ta’ serjetà. |
73. |
Madankollu, ma huwiex ċar kif tiġi stabbilita serjetà. Paragun ta’ verżjonijiet lingwistiċi jżid biss l-ambigwità f’dan ir-rigward. F’xi verżjonijiet lingwistiċi l-kelma li tindika gravità jew serjetà hija abbinata mal-kelma “ħati” ( 29 ), li x’aktarx tfisser li teħtieġ ċertu mod ta’ ħsieb jew livell ta’ intelliġenza. F’verżjonijiet oħra lingwistiċi l-kelma li tindika gravità jew serjetà hija abbinata mar-rappreżentazzjoni ħażina, li jimplika li l-attenzjoni hija fuq l-att innifsu u/jew fuq il-konsegwenzi tiegħu ( 30 ). |
74. |
L-aħħar paragrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva jista’ jkun ta’ xi għajnuna. Jeżiġi li l-Istati Membri jispeċifikaw skont il-liġi nazzjonali tagħhom “il-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni” tal-Artikolu 45(2). Għalhekk l-Artikolu 45(2)(g) jista’ jiġi interpretat bħala li jiffissa kundizzjonijiet minimi sabiex tiġi stabbilita rappreżentazzjoni ħażina li tkun serja biżżejjed li tippermetti lill-Istati Membri jeskludu offerent. Madankollu huwa ma jipprovax jarmonizza għalkollox il-kunċett ( 31 ). Din l-interpretazzjoni taqbel ukoll ma’ interpretazzjoni stretta tar-raġunijiet għal esklużjoni u l-ħtieġa ta’ evalwazzjoni ta’ kull każ ta’ kull operatur fuq bażi individwali. |
75. |
Dan il-livell minimu ta’ gravità ma’ xiex jikkorrispondi? Għar-ragunijiet li ġejjin inqis li “gravità” għandha jkollha rabta mal-konsegwenzi (oġġettivi) tad-dispożizzjoni jew mal-omissjoni ta’ informazzjoni, irrispettivament minn dak il-mod ta’ ħsieb jew dik l-intenzjoni (suġġettivi) tal-persuna li tipprovdiha. |
76. |
Fil-fehma tiegħi, atti jew omissjonijiet biss li jirriżultaw f’vantaġġ kompetittiv li jżomm operatur fil-proċedura tal-offerti, meta mod ieħor huwa ma’ joqgħodx fiha, jistgħu jaqgħu taħt l-Artikolu 45(2)(g) ( 32 ). Fi kliem ieħor, meta rappreżentazzjoni ħażina (bl-għoti jew bl-omissjoni ta’ informazzjoni) ma tkunx tista’ jkollha effett fuq ir-riżultat, hija ma tkunx tista’ tikkostitwixxi ġustifikazzjoni valida għall-esklużjoni tal-operatur. Nagħmel riferiment għal dan iktar ’il quddiem bħala l-“Kundizzjoni ta’ Riżultat”. |
77. |
Din l-interpretazzjoni hija sostnuta b’verżjonijiet lingwistiċi li jenfasizzaw il-gravità tar-rappreżentazzjoni ħażina. Tista’ titqies bħala kompatibbli ma’ verżjonijiet li jenfasizzaw il-gravità tal-“ħtija”. Tirrifletti wkoll l-objettiv ta’ ftuħ għall-kompetizzjoni u hija konformi ma’ interpretazzjoni stretta tar-raġunijiet għal esklużjoni. Jekk offerent ikun fl-aħjar pożizzjoni għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, kemm jekk abbażi tal-aħjar prezz jew ta’ offerta l-iktar vantaġġuża ( 33 ), allura l-esklużjoni tiegħu tmur kontra l-objettiv tad-Direttiva sabiex ikun żgurat li kuntratti jingħataw abbażi ta’ kriterji oġġettivi, sabiex jinkiseb l-aħjar valur għall-flus ( 34 ). |
78. |
Isegwi li l-Kundizzjoni ta’ Riżultat hija kundizzjoni sine qua non għal kull esklużjoni abbażi ta’ rappreżentazzjoni ħażina. |
79. |
Barra minn dan, inqis li l-Artikolu 45(2)(g) jista’ teoretikament jiġi applikat f’kull każ fejn tiġi ssodisfatta l-Kundizzjoni ta’ Riżultat. Tabilħaqq, jekk l-għoti jew l-omissjoni ta’ ċerta informazzjoni jistgħu jaffettwaw riżultat, dan diġà huwa gravi fih innifsu. F’dan ir-rigward, jista’ jkun li f’ċirkustanzi partikolari żball “manifest” jew “żgħir” jew “sempliċement żball klerikali” jista’ jkollu l-konsegwenza mhux mistennija li materjalment jibdel ir-riżultat ta’ offerta. Tali żbalji jistgħu jkunu għalkollox mhux intenzjonati. Madankollu, manifestament ma humiex żbalji żgħar jew trivjali f’għajnejn kompetitur li jitlef offerta jew, bħala riżultat, jitqiegħed fi żvantaġġ sinjifikattiv. |
80. |
Għalhekk inqis li t-twettiq tal-Kundizzjoni ta’ Riżultat waħedha huwa suffiċjenti sabiex jippermetti esklużjoni minħabba rappreżentazzjoni ħażina, mingħajr il-ħtieġa li jiġu ssodisfatti kundizzjonijiet ulterjuri. Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ rappreżentazzjoni ħażina, jiġifieri meħlusa minn kull element suġġettiv ta’ intenzjoni min-naħa tal-offerent, skont l-Artikolu 45(2)(g), hija sostnuta minn tliet argumenti ulterjuri. |
81. |
L-ewwel nett, l-Artikolu 45(2)(g) tad-Direttiva lanqas biss jagħmel riferiment għal mod ta’ ħsieb b’mod ġenerali, jew b’mod speċifiku għal intenzjoni, nuqqas ta’ ħsieb jew negliġenza, aħseb u ara attentat sabiex jitlaħħmu dawn il-kunċetti. Taħt tali kundizzjonijiet ma jkunx xieraq nipprova niddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45(2)(g) abbażi ta’ tali kunċetti kumplessi li effettivament ikolli nġibhom f’faqgħa ta’ saba’. Dan il-fatt waħdu jitlob interpretazzjoni oġġettiva tad-dispożizzjoni, bħal dik li ssuġġerejt hawnhekk. Barra minn dan, l-Artikolu 45(2) jistabbilixxi biss il-kundizzjonijiet bażiċi li taħthom il-liġi tal-Unjoni toħloq possibbiltà sabiex jiġu esklużi offerenti. Meta tagħmel hekk hija espliċitament tagħmel riferiment għad-dritt nazzjonali sabiex jispeċifika l-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni, li jistgħu jinvolvu, pereżempju, kunċetti ta’ negliġenza jew intenzjoni fid-dritt nazzjonali. |
82. |
It-tieni nett, ma’ dan hemm relatat punt prattiku: jista’ verament ikun raġonevolment mistenni li awtorità amministrattiva fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li sikwit taġixxi taħt pressjoni sinjifikattiva ta’ żmien u potenzjalment b’għadd ta’ sottomissjonijiet voluminużi quddiemha, tintalab tistħarreġ u tistabbilixxi intenzjoni korporattiva? Huwa tassew ċar li tali propożizzjoni ma hijiex prattikabbli. |
83. |
It-tielet nett, anki jekk awtorità amministrattiva setgħet taċċerta dwar intenzjoni korporattiva, din kemm kienet tkun fil-fatt utli? Operaturi parteċipanti f’offerti ġeneralment ikunu mistennija jeżerċitaw diliġenza dovuta ( 35 ). Wieħed sempliċement jassumi li persuna professjonali tkun taf u taġixxi b’attenzjoni kif imiss. Dan jimplika li minbarra l-intenzjoni, forom oħra ta’ negliġenza aktarx li jkunu kkunsidrati. Jekk dan huwa tabilħaqq il-każ, allura l-mod ta’ ħsieb fil-fatt ma jkun jikkostitwixxi ebda kriterju ġenwin ta’ distinzjoni. |
84. |
Il-Kundizzjoni ta’ Riżultat hija, għalhekk, kundizzjoni sine qua non u hija wkoll suffiċjenti minnha nfisha għall-applikazzjoni tal-Artikolu 45(2)(g). Madankollu, dan jagħti lok għall-possibbiltà li l-Istati Membri jeskludu operatur. Skont l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 45(2), huwa fil-livell nazzjonali li jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet iddettaljati li taħthom operaturi għandhom fil-prattika jiġu esklużi. |
85. |
Bħala l-aħħar osservazzjoni b’rabta mal-Artikolu 45(2)(g) tad-Direttiva, il-qorti nazzjonali espliċitament għamlet id-domanda dwar jekk din id-dispożizzjoni tkunx tista’ tiġi applikata b’informazzjoni korretta li tiġi ppreżentata b’mod tendenzjuż. Fi kliem ieħor, b’ċertu mod dan jagħmilha tidher bħallikieku r-rekwiżiti tal-offerta jkunu ġew issodisfatti meta fir-realtà ma jkunux. Id-domanda tal-qorti nazzjonali f’dan ir-rigward tipprevedi sitwazzjoni fejn operatur ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-offerta. |
86. |
F’sitwazzjoni bħal din l-operatur normalment jiġi eskluż, sempliċement għaliex ma jkunx issodisfa r-rekwiżiti tal-offerta. Tali offerent għandu biss ikompli fil-proċedura jekk l-offerta tiegħu tiġi mmodifikata b’mod li verament tkun tissodisfa r-rekwiżiti. Huwa wkoll f’tali sitwazzjoni biss li esklużjoni abbażi tal-Artikolu 45(2)(g) tad-Direttiva tkun wara kollox jeħtiġilha titqies. |
87. |
Kif għidt fl-analiżi tiegħi tal-ewwel domanda, huwa ċar li hemm limiti għal modifikazzjonijiet għal offerta aċċettabli wara l-iskadenza tat-terminu għal sottomissjonijiet. Tali limiti jistgħu tassew jinqabżu fejn modifiki jagħmlu differenza kbira bħal din inkwistjoni (jiġifieri d-differenza bejn rekwiżiti ta’ offerta li ma jiġux issodisfatti qabel il-modifika, u dawk ir-rekwiżiti li jiġu ssodisfatti wara l-modifika). |
88. |
Madankollu, jekk nassumu li tali modifiki jkunu teoretikament possibbli, minkejja dan, ikun jista’ l-operatur rilevanti jiġi eskluż minħabba rappreżentazzjoni ħażina fl-offerta inizjali tiegħu? |
89. |
Inqis li r-risposta għal din id-domanda hija fl-affermattiv: tali operatur jista’ potenzjalment jiġi eskluż. Dan huwa minħabba li (a) inizjalment huwa jkun naqas milli jipprovdi informazzjoni li tkun meħtieġa skont l-Artikolu 48(2)(a) (li hija waħda mit-tipi ta’ rappreżentazzjoni ħażina msemmija fl-Artikolu 45(2)(g) tad-Direttiva), u (b) din l-omissjoni kienet rilevanti fis-sens li seta’ jkollha effett fuq ir-riżultat tal-offerta (Kundizzjoni ta’ Riżultat). |
90. |
Il-kwistjoni, għalhekk, ma hijiex l-iktar li l-operatur forsi wettaq xi “tqegħid ambigwu fis-suq” tal-esperjenza attwali tiegħu. Pjuttost huwa li, kienet kif kienet imlibbsa l-esperjenza tiegħu, l-operatur inizjalment naqas milli jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 48(2)(a), u l-għoti sussegwenti ta’ dik l-informazzjoni bidel ir-riżultat tal-offerta. |
91. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li nirrispondi għas-sitt domanda tal-qorti nazzjonali kif ġej: Operatur ekonomiku jista’ jinstab ħati ta’ rappreżentazzjoni ħażina ta’ ċerta serjetà skont l-Artikolu 45(2)(g) tad-Direttiva 2004/18 f’każijiet biss meta l-allegata rappreżentazzjoni ħażina tkun tista’ taffettwa d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti billi tinżamm fil-proċedura meta xorta oħra ma tinżammx. L-applikazzjoni ta’ din id-diżpożizzjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li tingħata jew fin-nuqqas li tingħata informazzjoni meħtieġa skont it-Taqsima 2 tal-Kapitolu VII tad-Direttiva 2004/18/KE. L-applikazzjoni tal-Artikolu 45(2)(g) ta’ din id-direttiva ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li tingħata informazzjoni fattwalment skorretta jew għall-mod ta’ ħsieb speċifiku tal-operatur ekonomiku. |
V – Konklużjoni
92. |
Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula lilha mill-Krajowa Izba Odwoławcza (awla nazzjonali tal-appelli, il-Polonja) kif ġej: Fuq id-domandi 1-3: L-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (“Direttiva 2004/18/KE”), flimkien mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trattament nondiskriminatorju ta’ operaturi ekonomiċi u mal-prinċipju ta’ trasparenza stabbilit fl-Artikolu 2 tagħha, ma jippermettux li operatur ekonomiku, meta jikkjarifika jew jissupplimenta dokumenti, jagħmel riferiment għat-twettiq ta’ kuntratti minn partijiet terzi, li ma jkunx għamel riferiment għalihom fil-lista ta’ provvisti annessa mal-offerta, jew jissottometti garanzija minn tali parti terza li tqiegħed ir-riżorsi tagħha għad-dispożizzjoni tal-offerent. Fuq id-domanda 4: L-Artikolu 44 tad-Direttiva 2004/18, flimkien mal-Artikolu 48(2)(a) u mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-Artikolu 2 tagħha, ma jippermettux operatur ekonomiku jistrieħ, skont l-Artikolu 48(3) ta’ din id-direttiva, fuq tagħrif u esperjenza ta’ entità oħra, meta tali dipendenza tkun ġiet espressament eskluża mill-awtorità kontraenti. Madankollu, kull esklużjoni bħal din għandha tkun relatata u proporzjonata mas-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni. Fuq id-domanda 5: L-Artikoli 44 u 48(2)(a) tad-Direttiva 2004/18 għandhom jiġu interpretati b’mod li operatur ekonomiku, li jkun wettaq kuntratt bħala wieħed minn grupp ta’ operaturi ekonomiċi, ikun jista’ jistrieħ bħala esperjenza tiegħu nnifsu biss fuq l-esperjenza li huwa stess ikun kiseb fit-twettiq ta’ dak il-kuntratt. Din il-konklużjoni hija mingħajr ħsara għall-possibbiltà għall-operatur ekonomiku li jisrieħ fuq il-kapaċitajiet ta’ partijiet terzi, taħt il-kundizzjonijiet ipprovduti f’din id-direttiva. Fuq id-domanda 6: Operatur ekonomiku jista’ jinstab ħati ta’ rappreżentazzjoni ħażina ta’ ċerta serjetà skont l-Artikolu 45(2)(g) tad-Direttiva 2004/18/KE f’każijiet biss meta l-allegata rappreżentazzjoni ħażina tkun tista’ taffettwa d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti billi tinżamm fil-proċedura meta xorta oħra ma tinżammx. L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li tingħata jew fin-nuqqas li tingħata informazzjoni meħtieġa skont it-Taqsima 2 tal-Kaptolu VII tad-Direttiva 2004/18/KE. L-applikazzjoni tal-Artikolu 45(2)(g) ta’ din id-direttiva ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li tingħata informazzjoni fattwalment skorretta jew għall-mod ta’ ħsieb speċifiku tal-operatur ekonomiku. Fuq id-domanda 7: L-Artikoli 44 u 48(2)(a) tad-Direttiva 2004/18, flimkien mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, jippermettu li jkun hemm dipendenza fuq esperjenza minn operatur ekonomiku b’mod li huwa jistrieħ b’mod konġunt fuq żewġ ftehimiet kuntrattwali jew iktar bħala kuntratt pubbliku wieħed, sakemm tali dipendenza konġunta ma tkunx ġiet espressament eskluża mill-awtorità kontraenti. Kull esklużjoni bħal din għandha tkun marbuta ma’ u proporzjonata għas-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol, 7, p. 132).
( 3 ) Sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2013 (C‑336/12, EU:C:2013:647).
( 4 ) Ara s-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2012, SAG ELV Slovensko et (C‑599/10, EU:C:2012:191, punt 36); tal-10 ta’ Ottubru 2013, Manova (C‑336/12, EU:C:2013:647, punt 31); u tas-7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz (C‑324/14, EU:C:2016:214, punt 62).
( 5 ) Sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, SAG ELV Slovensko et (C‑599/10, EU:C:2012:191, punt 41).
( 6 ) Ara s-sentenzi tas-7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz (C‑324/14, EU:C:2016:214, punti 63 u 64); tad-29 ta’ Marzu 2012, SAG ELV Slovensko et (C‑599/10, EU:C:2012:191, punt 40); u tal-10 ta’ Ottubru 2013, Manova (C‑336/12, EU:C:2013:647, punti 32 sa 36).
( 7 ) Sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, SAG ELV Slovensko et (C‑599/10, EU:C:2012:191, punt 38).
( 8 ) Sentenza tas-6 ta’ Novembru 2014, Cartiera dell’Adda (C‑42/13, EU:C:2014:2345, punt 45).
( 9 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2014, Cartiera dell’Adda (C‑42/13, EU:C:2014:2345, punt 45), fejn bidliet fir-rigward tal-identità tal-persuna indikata bħala direttur tekniku tqiesu li kienu iktar milli formali u, bħala tali, ikkostitwew bażi suffiċjenti għall-esklużjoni tal-offerent.
( 10 ) Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża MT Højgaard u Züblin (C‑396/14, EU:C:2015:774, punt 80 et seq.).
( 11 ) Sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, MT Højgaard u Züblin (C‑396/14, EU:C:2016:347, punt 35).
( 12 ) Ara wkoll is-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2003, Makedoniko Metro u Michaniki (C‑57/01, EU:C:2003:47). F’din il-kawża, konsorzju offerent ipprova jespandi s-sħubija tiegħu wara s-sottomissjoni ta’ offerti. Kien formalment prekluż milli jagħmel dan mid-dritt nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li tali projbizzjoni kienet kompatibbli mad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322) (li ppreċediet id-Direttiva 2004/18).
( 13 ) Għalkemm ma hijiex l-istess kwistjoni f’din il-kawża, ma neskludix il-possibbiltà li l-offerent seta’ jitħalla jistrieħ fuq esperjenza oħra tiegħu stess.
( 14 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 4(2) (rikors għal konsorzja), l-Artikolu 25 (sottokuntrattar) u l-Artikolu 48(3) (dipendenza fuq partijiet terzi) tad-Direttiva.
( 15 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2013, Swm Costruzioni 2 u Mannocchi Luigino (C‑94/12, EU:C:2013:646, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 16 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-10 ta’ Ottubru 2013, Swm Costruzioni 2 u Mannocchi Luigino (C‑94/12, EU:C:2013:646, punti 30 sa 32); tat-2 ta’ Diċembru 1999, Holst Italia (C‑176/98, EU:C:1999:593, punti 26 u 27); u tat-18 ta’ Marzu 2004, Siemens u ARGE Telekom (C‑314/01, EU:C:2004:159, punt 43).
( 17 ) Artikolu 48(3) tad-Direttiva.
( 18 ) Ara l-Artikolu 44(2) tad-Direttiva.
( 19 ) Sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2013, Swm Costruzioni 2 u Mannocchi Luigino (C‑94/12, EU:C:2013:646, punt 35), li tirrifletti l-kliem tal-Artikolu 44(2) tad-Direttiva.
( 20 ) Bħala illustrazzjoni ta’ dan il-punt, jekk infittex li nqabbad avukat b’esperjenza ta’ disa’ snin fil-liġi tat-taxxa, tal-kumpanniji u tal-kummerċ, nista’ naċċetta tliet avukati, kull wieħed minnhom b’disa’ snin esperjenza fil-liġi tat-taxxa, tal-kumpanniji u tal-kummerċ rispettivament. Madankollu, forsi neżita iktar jekk inqabbadx tliet avukati kull wieħed minnhom bi tliet snin esperjenza fit-tliet oqsma flimkien. U zgur li mhux ser inqabbad disa’ avukati b’sena esperjenza kull wieħed.
( 21 ) Huwa ċar mit-talba li KK bl-ebda mod ma qiegħda tipprova tistrieħ fuq l-esperjenza ta’ KIT bħala “entità oħra” fis-sens tal-Artikolu 48(3) tad-Direttiva, iżda pjuttost qiegħda tippreżenta esperjenza miksuba fil-konsorzju bħala tagħha stess.
( 22 ) Kien ikkonfermat minn Województwo Lódzkie fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali li KK ma għadhiex tistrieħ iktar fuq il-Provvista ta’ Słupsk.
( 23 ) Sakemm KK ma tkunx għadha tistrieħ fuq il-Provvista ta’ Słupsk, din id-domanda tista titqies ipotetika. Madankollu, minħabba li n-nuqqas ta’ dipendenza kontinwa fuq il-Provvista ta’ Słupsk ma hijiex ċara mit-talba għal deċiżjoni preliminari, tkun tapplika l-preżunzjoni ġenerali ta’ rilevanza tad-domanda.
( 24 ) Ara l-punt 40 iktar ’il fuq.
( 25 ) Ara l-punt 25 iktar ’il fuq.
( 26 ) Kull rabta formali bejn il-kuntratti u similaritajiet f’termini ta’ kamp ta’ applikazzjoni, klijent jew perijodu ta’ żmien għal eżekuzzjoni, eċċ.
( 27 ) In-natura integrata tas-servizz mitlub, il-perijodu ta’ żmien għal kunsinna u kull rekwiżit ta’ kapaċità minima korrispondenti, eċċ.
( 28 ) “Kull operatur ekonomiku jista’ jkun eskluż …” (enfasi miżjuda).
( 29 ) Bil-Franċiż, bit-Taljan, bl-Ispanjol u bl-Olandiż: “gravement coupable”; “gravamente colpevole”; “gravamente culpable”“in ernstige mate schuldig” rispettivament.
( 30 ) Bl-Ingliż, bil-Ġermaniż u biċ-Ċek: “guilty of serious misrepresentation”; “in erheblichem Maße falscher Erklärungen schuldig”; “který se dopustil vážného zkreslení” rispettivament. Madankollu verżjonijiet lingwistiċi oħra, l-iktar dik Slovakka, iħallu barra għalkollox kull riferiment għal gravità, kemm b’rabta mal-intenzjoni jew mal-konsegwenzi tal-att – “bol uznaný vinným zo skresľovanie skutočností”.
( 31 ) Ara wkoll l-Artikolu 45(2)(d) tad-Direttiva li jipprevedi li jista’ jkun hemm esklużjoni meta operatur ekonomiku jinstab “ħati ta’ kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità”. Kif kien osservat mill-Kummissjoni, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment għall-irwol tal-Istati Membri sabiex jiġi ddefinit dan il-kunċett, kif ukoll għall-ħtieġa ta’ livell minimu ta’ gravità qabel ma jingħata bidu għal din id-dispożizzjoni.
( 32 ) Li materjalment jaffettwa, pereżempju, il-preselezzjoni jew l-għoti tal-kuntratt.
( 33 ) Ara l-Artikolu 53(1) tad-Direttiva.
( 34 ) Ara, pereżempju, il-premessa 46 tad-Direttiva.
( 35 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, SAG ELV Slovensko et (C‑599/10, EU:C:2012:191, punt 38).