Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0283

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Jääskinen, ippreżentati l-24 ta’ Settembru 2015.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:628

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    JÄÄSKINEN

    ippreżentati fl-24 ta’ Settembru 2015 ( 1 )

    Kawżi magħquda C‑283/14 u C‑284/14

    CM Eurologistik GmbH (C‑283/14)

    vs

    Hauptzollamt Duisburg

    u

    Grünewald Logistik Service GmbH (C‑284/14)

    vs

    Hauptzollamt Hamburg‑Stadt

    [talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (il-Ġermanja) u mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja)]

    “Dazju antidumping stabbilit fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ‑ċitru ppreparat jew ippriżervat li joriġina miċ-Ċina — Impożizzjoni mill-ġdid ta’ dazju antidumping stabbilit minn regolament inizjali ddikjarat invalidu mill-Qorti tal-Ġustizza — Ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni inizjali dwar id-determinazzjoni tal-valur normali — Impożizzjoni mill-ġdid ta’ dazju antidumping abbażi tal-istess informazzjoni”

    I – Introduzzjoni

    1.

    Permezz taż-żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari tagħhom, il-qrati nazzjonali jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tar‑Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 158/2013, tat-18 ta’ Frar 2013, li jimponi mill-ġdid dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ( 2 ). Fil-mertu, dawn it-talbiet juru d-dijalettika bejn il‑leġiżlazzjoni antidumping bħala sistema ta’ miżuri ta’ protezzjoni fil‑kuntest tal-politika kummerċjali, minn naħa waħda, u bħala espressjoni ta’ teħid ta’ deċiżjoni amministrattiva suġġetta għall‑istħarriġ ġudizzjarju, min-naħa l-oħra.

    2.

    Id-domandi tqajmu fil-kuntest tal-kawżi bejn CM Eurologistik GmbH (iktar ’il quddiem “Eurologistik”) u l-Hauptzollamt Duisburg (uffiċċju prinċipali tad-dwana ta’ Duisbourg) u Grünwald Logistik Service GmbH (iktar ’il quddiem “GLS”) u l-Hauptzollamt Hamburg (uffiċċju prinċipali tad-dwana tal-belt ta’ Hamburg) rispettivament fir-rigward tal-ġbir, minn dawn l‑awtoritajiet doganali, ta’ dazju antidumping fuq l-importazzjoni ta’ mandolin ippriżervat mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

    3.

    Il-qrati tar-rinviju jqajmu diversi motivi ta’ invalidità tar‑regolament ta’ implementazzjoni ikkontestat. Madankollu, skont it-talba lill-Qorti tal‑Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu limitati għall-kwistjoni dwar jekk, f’każ ta’ ftuħ mill-ġdid parzjali tal-proċedura antidumping wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ddikjarat l-invalidità ta’ regolament preċedenti li kien jistabbilixxi dazju antidumping definittiv, l‑istituzzjonijiet jistgħux jużaw il-perijodu inizjali tal-investigazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali tal-prodotti kkonċernati fir-Regolament ta’ Implementazzjoni adottat sussegwentement.

    II – Il-kuntest ġuridiku

    4.

    Il-premessa 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l‑importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”) ( 3 ) tipprevedi:

    “Huwa meħtieġ li jiġi previst li l-miżuri għandhom jiddekadu wara ħames snin sakemm analiżi mill-ġdid ma tindikax li għandhom jiġu miżmuma. Huwa wkoll meħtieġ li tiġi prevista, f’każijiet fejn tkun mogħtija evidenza biżżejjed ta’ ċirkustanzi mibdula, analiżi mill-ġdid interim jew investigazzjonijiet biex jiġi stabbilit jekk rifużjonijiet ta’ dazji kontra d-dumping humiex awtorizzati […]”.

    5.

    L-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku, intitolat “Tistabilixxi dumping”, jipprevedi li “[i]l-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti mill-pajjiż esportatur”.

    6.

    L-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku jipprevedi:

    “fil-każ ta’ l-importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx l-ekonomija tas-suq, il-valur normali għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum, f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jew il-prezz minn dan il-pajjiż terz għall-pajjiżi l-oħra, inkluża l-Komunità, jew fejn dawn ma jkunux possibbli, fuq kull bażi oħra raġjonevoli, inkluż il-prezz attwalment imħallas jew li jrid jitħallas fil-Komunità għal prodott simili, aġġustat kif xieraq jekk meħtieġ għaliex jinkludi marġni ta’ profitt raġjonevoli.

    Għandu jiġi magħżul pajjiż terz xieraq b’ekonomija tas-suq b’manjiera li ma tkunx irraġjonevoli, filwaqt jitqies kull tagħrif ta’ min joqgħod fuqu li jkun disponibbli fiż-żmien tal-għażla. […]”

    7.

    Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament bażiku, intitolat “L-investigazzjoni”:

    “1.   Wara l-bidu tal-proċeduri, il-Kummissjoni, li taġixxi f’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri, għandha tibda investigazzjoni fil-livell Komunitarju. Investigazzjoni bħal din għandha tkopri kemm id‑dumping kif ukoll il-ħsara u dawn għandhom jiġu investigati fl-istess ħin. Għall-iskop ta’ sejba rappreżentattiva, perjodu ta’ investigazzjoni għandu jiġi magħżul li, fil-każ ta’ dumping għandu, normalment, ikopri perjodu ta’ mhux inqas min sitt xhur immedjatament qabel l-bidu tal-proċeduri. Informazzjoni li għandha x’taqsam ma perjodu wara l‑perjodu ta’ investigazzjoni ma għandhiex, normalment, tiġi kkunsidrata.

    […]”

    8.

    L-Artikolu 11 tar-Regolament bażiku, intitolat “Id-dewmien, ir‑reviżjonijiet u r-rifużjonijiet” jipprevedi fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

    “2.   Miżura definittiva kontra d-dumping għandha tiskadi ħames snin wara l-impożizzjoni tagħha jew ħames snin mid-data tal-konklużjoni ta’ l-iktar reviżjoni riċenti li kopriet kemm id-dumping kif ukoll il-ħsara, sakemm ma jiġix stabbilit f’reviżjoni li d-data ta’ skadenza kienet x’aktarx twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza tal-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara. […]

    […]

    3.   Il-bżonn ta’ l-impożizzjoni kontinwa ta’ miżuri tista’ tiġi riveduta wkoll, fejn garantita, fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni […]. Reviżjoni interim għanda tinbeda fejn it-talba jkun fiha evidenza biżżejjed li l‑impożizzjoni kontinwa tal-miżura ma għadhiex aktar neċessarja biex twieġeb għall-bejgħ taħt il-prezz u/jew li l-ħsara x’aktarx ma titkompliex jew ma terġax tiġri li kieku l-miżura kellha titneħħa jew tiġi mibdula, jew li l-miżura eżistenti mhix, jew ma għadhiex iktar, biżżejjed sabiex tirribatti għall-bejgħ taħt il-prezz li jkun qiegħed jikkawża ħsara.[…]”

    III – Il-fatti preċedenti għall-adozzjoni tar-Regolament ta ’ Implementazzjoni kkontestat

    9.

    L-aspett determinanti għar-risposta għad-domandi li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jinsab għalhekk fil-portata tas-sentenza GLS ( 4 ) li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat invalidu r‑Regolament (KE) Nru 1355/2008 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ( 5 ). Mill-premessa 3 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-investigazzjoni dwar id-dumping u l-ħsara sofferta tkopri l-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2006 sat-30 ta’ Settembru 2007 ( 6 ).

    10.

    Fis-sentenza GLS, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, billi segwit lill-Avukat Ġenerali ( 7 ), li, fid-dawl tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiż terz li ma għandux l‑ekonomija tas-suq, l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jeżaminaw l‑informazzjoni kollha li kellhom sabiex jidentifikaw pajjiż analogu b’ekonomija tas-suq ( 8 ).

    11.

    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “l-Kummissjoni u l‑Kunsill, sa fejn iddeterminaw il-valur normali tal-prodott inkwistjoni abbażi tal-prezz effettivament imħallas jew pagabbli fl-Unjoni għal prodott simili mingħajr ma wrew id-diliġenza kollha meħtieġa bil-għan li jistabbilixxu dan il-valur mill-prezzijiet mitluba għall-istess prodott f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, kisru r-rekwiżiti li jirriżultaw mill‑Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku” ( 9 ).

    12.

    Wara s-sentenza GLS, fid-19 ta’ Ġunju 2012 il-Kummissjoni ppubblikat avviż għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura antidumping ( 10 ), li fih hija ħabbret li d-dazji antidumping definittivi mħallsa skont ir‑Regolament Nru 1355/2008 kellhom jiġu rimborsati jew imnaqqsa. Barra minn hekk, hija ppreċiżat li minn din is-sentenza jirriżulta “li l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni Ewropea ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (jiġifieri l-mandolin, eċċ.) ( 11 ) ma għadux soġġett għall-miżuri tal-anti-dumping imposti mir-Regolament (KE) Nru 1355/2008”. Dan l-avviż fetaħ parzjalment mill-ġdid ukoll l‑investigazzjoni antidumping dwar l-importazzjoni ta’ ċertu frott taċ‑ċitru ppreparat jew ippriżervat (il-mandolin, eċċ.) li joriġina miċ-Ċina sabiex tiġi implementata s-sentenza tal-Qorti msemmija hawn fuq. L-imsemmi avviż kien jippreċiża li l-ftuħ mill-ġdid jirrigwarda biss l-għażla ta’ pajjiż analogu, jekk ikun il-każ, u d-determinazzjoni, skont l‑Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, tal-valur normali neċessarju għall-kalkolu ta’ marġni ta’ dumping eventwali.

    13.

    Imbagħad, fit-18 ta’ Frar 2013, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni kkontestat li jimponi mill-ġdid dazju antidumping definittiv ġie adottat u daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Frar 2013. Huwa kellu jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2013 ( 12 ). L-investigazzjoni dwar id-dumping u l-ħsara li fuqha kienet bbażata kienet tirrigwarda l-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Ottubru 2006 u t-30 ta’ Settembru 2007 ( 13 ).

    IV – Il-kawżi prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    14.

    Fil-kawża C‑283/14, Eurologistik, kumpannija ta’ servizzi ta’ warehousing u ta’ distribuzzjoni, fl-20 u fil-25 ta’ Marzu 2013 poġġiet mandolin li joriġina miċ-Ċina f’warehouse doganali debitament awtorizzata ( 14 ). Fix-xahar ta’April 2013, Eurologistik ħarġet parti mill-mandolin iċċitat iktar ’il fuq mill-warehouse doganali u mbagħad ippreżentat dikjarazzjoni ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera. Għal dan il-għan, hija kkalkolat dazju antidumping ta’ EUR 9,657.99. B’avviż datat 7 ta’ Mejju 2013, il-Hauptzollamt Duisburg impona fuqha dazji antidumping ta’ EUR 9,657.99.

    15.

    Eurologistik ippreżentat ilment kontra dan l-avviż, fejn allegat li r-Regolament ta’ Implementazzjoni kkontestat kien invalidu. Wara li permezz tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2013, hija rrimborsat EUR 255.25 bħala dazji antidumping, il-Hauptzollamt Duisburg permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Settembru 2013 ċaħad l-ilment għar‑raġuni li hija kienet marbuta b’dan ir- regolament. Għalhekk, Eurologistik ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Finanzgericht Düsseldorf (tribunal tal-finanzi ta’ Düsseldorf), billi invokat l-invalidità tar-Regolament ta’ Implementazzjoni kkontestat.

    16.

    Il-Finanzgericht Düsseldorf iddeċida li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel is-segwenti domanda għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal‑Ġustizzja:

    “Ir-Regolament [ta’ Implementazzjoni kkontestat] huwa validu?”

    17.

    Fil-kawża C‑284/14, permezz ta’ avviż tat-3 ta’ April 2013, il-Hauptzollamt Hamburg Stadt impona fuq GLS, importatur ta’ priżerva ta’ mandolin li joriġina miċ-Ċina, dazji fuq l-importazzjoni, li minnhom EUR 62,983.52 kienu dazji antidumping, abbażi tar‑Regolament ta’ Implementazzjoni kkontestat.

    18.

    Peress li invokat l-invalidità tal-imsemmi regolament, GLS ressqet fit-30 ta’ April 2013, quddiem il-Hauptzollamt Hamburg Stadt ilment kontra l-imsemmi avviż, li kien miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Mejju 2013 bħala infondat. Fis-26 ta’ Ġunju 2013, GLS ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Finanzgericht Hamburg (tribunal tal-finanzi ta’ Hamburg), li ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

    “Ir-Regolament [ta’ Implementazzjoni kkontestat] huwa validu minkejja li ma saritx investigazzjoni tal-antidumping indipendenti ftit qabel id‑data ta’ adozzjoni tiegħu, iżda kien hemm sempliċement kontinwazzjoni ta’ investigazzjoni tal-antidumping li kienet diġà saret dak iż-żmien għall-perijodu bejn l-1 ta’ Ottubru 2006 u t-30 ta’ Settembru 2007, fejn din l-investigazzjoni kienet madankollu tmexxiet, skont ma stabbilixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha GLS, bi ksur tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 384/96, li kellu bħala konsegwenza li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’din is-sentenza, [ikkonstatat l-invalidità tar-Regolament Nru 1355/2008 […], li kien ġie adottat wara din l-investigazzjoni?”

    V – Analiżi

    A – Dwar il-motiv ta ’ invalidità sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja

    19.

    Wieħed mill-motivi ta’ invalidità mqajjem quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja f’din il-proċedura jimplika li għandu jiġi ddeterminat jekk ir-Regolament ta’ Implementazzjoni kkontestat huwiex kuntrarju għall‑Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku sa fejn huwa bbażat fuq il‑perijodu tal-investigazzjoni qadim b’iktar minn ħames snin, mill-1 ta’ Ottubru 2006 sat-30 ta’ Settembru 2007. Il-qrati tar-rinviju jistaqsu lill‑Qorti tal-Ġustizzja dwar il-legalità tat-teħid inkunsiderazzjoni tal‑perijodu tal-investigazzjoni inizjali għall-analiżi tal-eżistenza ta’ pajjiż analogu fil-kuntest tal-impożizzjoni mill-ġdid tad-dazju antidumping inkwistjoni.

    20.

    Skont il-Finanzgericht Düsseldorf, mit-tielet sentenza tal‑Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku jirriżulta li l-analiżi għandha b’mod obbligatorju tirrigwarda perijodu ta’ investigazzjoni attwali, li japplika wkoll fil-każ ta’ impożizzjoni mill-ġdid ta’ dazju antidumping. Il-Finanzgericht Hamburg iżid li anki jekk fil-prinċipju huwa possibbli li jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali, il-fatt li ma jistax jiġi eskluż b’ċertezza suffiċjenti, jekk il-proċedura titmexxa hekk, il-ksur tal-obbligu (ta’ diliġenza) ikkonstatat mill-Qorti tal‑Ġustizzja fis‑sentenza GLS, jipprekludi dan f’din il-kawża. Hija tinnota li l-impriżi ta’ pajjiżi terz huma inqas disponibbli li jirrispondu għal mistoqsijiet jekk il-perijodu ta’ investigazzjoni rilevanti ilu li għadda.

    21.

    Minn naħa tagħhom, Eurologistik u GLS jipproponu analiżi konġunta tal-Artikoli 6(1) u 6(9) tar-Regolament bażiku, li minnha jirriżulta li l-miżuri antidumping jistgħu jiġu introdotti biss abbażi tad-determinazzjoni ta’ perijodu ta’ investigazzjoni kemm attwali kif ukoll possibbli. Huma jsostnu li s-sentenza Industrie des poudres sphériques vs Il‑Kunsill ( 15 ) tikkostitwixxi bażi tal-obbligu li għandhom l-istituzzjonijiet li jagħżlu perijodu ta’ investigazzjoni li ma jkunx ilu li għadda. Fl-aħħar nett, billi jirreferu għall-Artikolu 11(3) tar‑Regolament bażiku, li jirregola l-investigazzjoni interim, l‑imsemmija partijiet isostnu li din id-dispożizzjoni turi wkoll li d-dazji antidumping fis-seħħ ma jipprekludux analiżi ddettaljata bbażata fuq informazzjoni attwali.

    B – Dwar il-legalità tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu ta ’ investigazzjoni rilevanti

    22.

    Sabiex tingħata risposta għall-motiv ta’ invalidità bbażat fuq l‑għażla tal-perijodu ta’ investigazzjoni, jiena nipproponi li nfakkar ċerti prinċipji li jirregolaw l-istabbiliment tad-dazji antidumping, kif ukoll ir‑regoli klassiċi fil-qasam tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet amministrattivi, biex imbagħad nidħol b’mod partikolari fuq l‑osservanza tagħhom fil-kuntest tal-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implementazzjoni kkontestat.

    1. Osservazzjonijiet mill-perspettiva tal-leġiżlazzjoni antidumping bħala sistema ta’ miżuri ta’ protezzjoni li taqa’ fil-politika kummerċjali komuni

    23.

    Huwa stabbilit li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku ma jistabbilixxix b’mod imperattiv il-perijodu tal-investigazzjoni li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-istituzzjonijiet. Huwa jindika biss li l‑perijodu tal-investigazzjoni normalment ikopri perijodu ta’ mhux inqas minn sitt xhur immedjatament qabel il-bidu tal-proċeduri.

    24.

    Qabelxejn, għandu jitfakkar li d-dazji antidumping huma intiżi sabiex jinnewtralizzaw il-marġni ta’ dumping li jirriżulta mid-differenza bejn il-prezz tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni u l-valur normali tal-prodott, u sabiex ineħħu għaldaqstant l-effetti dannużi tal‑importazzjoni tal-merkanzija kkonċernata fl-Unjoni ( 16 ). Il‑proċedura antidumping għandha bħala għan il-protezzjoni tal‑industrija tal-Unjoni, li għandha dritt għal din il-protezzjoni meta r-rekwiżiti previsti mir-Regolament bażiku huma ssodisfatti (Artikoli 5(9) u 6(4) tar-Regolament bażiku) ( 17 ).

    25.

    Kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Industrie des poudres sphériques vs Il‑Kunsill ( 18 ), l-istabbilment ta’ dazji antidumping ma jikkostitwixxux sanzjoni għal aġir preċedenti ( 19 ), iżda miżura ta’ difiża u protezzjoni kontra kompetizzjoni żleali li tirriżulta mill‑eżistenza ta’ prattika ta’ dumping, u li għal din ir-raġuni, id-dazji antidumping ma jistgħux, b’mod ġenerali, jiġu stabbiliti jew miżjuda b’effett retroattiv. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l‑istituzzjonijiet għandhom iwettqu l-investigazzjoni sabiex tiġi kkonstatata l-ħsara“abbażi ta’ informazzjoni kemm attwali kif ukoll possibbli” ( 20 ).

    26.

    Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam, b’mod partikolari, tal-miżuri antidumping, minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma jridu janalizzaw. L-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali evalwazzjoni għandu għalhekk ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex saret l‑għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter ( 21 ).

    27.

    Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-pajjiż analogu għandu jintgħażel b’mod mhux irraġonevoli ( 22 ). B’mod partikolari, l‑għażla ta’ dan il-pajjiż taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-istituzzjonijiet meta janalizzaw sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi. Għalkemm l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali ma huwiex eżenti mill-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġusizzja, il-portata ta’ dan tal-aħħar jibqa’ relattivament limitat ( 23 ). Għaldaqstant, il-portata tal‑iżball ikkonstatat fis-sentenza GLS għandha tinqara f’sens ristrett.

    28.

    Barra minn hekk, nixtieq nagħmel preċiżjoni dwar id-dewmien tal-miżuri antidumping, li kien sors ta’ konfużjoni għall-partijiet fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, mill-Artikolu 11(1) u (2) tar-Regolament bażiku, u fid-dawl tal-premessa 20 ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li miżura antidumping tibqa’ fis-seħħ biss matul iż-żmien neċessarju. Miżura antidumping definittiva tiskadi ħames snin wara li tiġi stabbilita, ħlief jekk eżami mill-ġdid jindika li għandha tinżamm.

    29.

    L-eżami mill-ġdid (ta’ miżuri li waslu biex jiskadu) fis-sens tal‑Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku jimplika għalhekk li l‑Kummissjoni għandha tistabbilixxi perijodu ta’ investigazzjoni ġdid. Barra minn hekk, l-għan ta’ eżami mill-ġdid interim previst mill‑Artikolu 11(3) ta’ dan ir-regolament, huwa li jirrispondi għal bdil taċ-ċirkustanzi. Dan jimplika naturalment l-istabbiliment ta’ perijodu ta’ investigazzjoni ġdid. Barra minn hekk, l-effettività u l‑attwalità tal-perijodu ta’ investigazzjoni għandhom importanza partikolari fil-kuntest tar-rimbors tad-dazji antidumping, skont l‑Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku ( 24 ), ladarba din il-proċedura tagħti lok għal investigazzjoni dwar l‑esportazzjonijiet ta’ produttur esportatur lejn l-Unjoni, kif ukoll għal kalkolu ta’ marġni ta’ dumping ġdid. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tista’ tasal biex tistabbilixxi żewġ perijodi ta’ investigazzjoni ( 25 ). Madankollu, ninnota li l-proċedura li segwiet is-sentenza GLS, kif ukoll l-adozzjoni tar‑Regolament ta’ Implementazzjoni kkontestat, ma jaqgħu fl-ebda wieħed mill-każijiet fuq imsemmija.

    30.

    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li r-Regolament bażiku għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal‑Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal‑1994 (GATT) ( 26 ) li jinsab fl-Anness 1 A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Mondjali tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994 u approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) ( 27 ).

    31.

    Madankollu, mill-ispjegazzjonijiet dwar il-Ftehim antidumping jirriżulta li l-osservanza tal-limiti ratione temporis ma tibqax obbligatorja meta l-prodotti inkwistjoni jkunu s-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji ( 28 ). Huwa minnu li din il-kjarifika tapplika għad‑dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim dwar il-ftuħ tal‑investigazzjoni u għall-iżvolġiment sussegwenti tagħha, li kienet limitata għal 18-il xahar fil-kuntest tad-WTO, filwaqt li jitfakkar li, fid‑dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 6(9) tar-Regolament Nru 384/96 jillimitah għal 15-il xahar. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, din ir-regola tirriżulta mill-prinċipju ġenerali li jipprovdi li l-estensjoni ta’ proċedura antidumping minħabba proċedura ġudizzjarja sussegwenti ma tobbligax li jiġu eżaminati mill-ġdid ir-rekwiżiti materjali tal-impożizzjoni tad‑dazji antidumping sempliċement minħabba li jkun għadda ż-żmien. Madankollu, huwa evidenti li l-kontestazzjoni ġudizzjarja ta’ miżura antidumping ma tistax tagħmel il-proċedura amministrattiva “perpetuum mobile”. Fl-opinjoni tiegħi, dan il-prinċipju jirregola wkoll l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku.

    2. Osservazzjonijiet mill-perspettiva tal-istħarriġ tal-legalità tal‑proċedura amministrattiva

    32.

    Mill-perspettiva tal-istħarriġ tal-legalità u tar-regoli li japplikaw għall-proċedura amministrattiva kollha, il-bażi tal-obbligi li għandhom l-istituzzjonijiet f’dan il-każ tirriżulta mill-Artikolu 266 TFUE, li jipprevedi li l-istituzzjoni li minnha joriġina l-att annullat għandha tieħu l-miżuri għall-implementazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    33.

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-annullament ta’ att li jistabbilixxi terminu għal proċedura amministrattiva li tinkludi stadji differenti, bħall-proċedura tal-antidumping, ma jwassalx neċessarjament għall-annullament tal-proċedura kollha preċedenti għall-adozzjoni tal‑att annullat ( 29 ).

    34.

    Il-proċedura tal-antidumping hija eżempju ta’ tali proċedura magħmula minn diversi stadji. Konsegwentement, l-annullament ta’ regolament li jistabbilixxi miżuri antidumping ma jwassalx ex officio għall-annullament tal-proċedura kollha qabel l-adozzjoni tal-imsemmi regolament. Għaldaqstant, kif ippreċiża l-Kunsill fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-istituzzjonijiet għandhom jipproċedu b’mod sistematiku għal ftuħ mill-ġdid parzjali tal-investigazzjoni inizjali sabiex jirrimedjaw l-illegalità tar-regolament inizjali. Għalhekk il‑portata ta’ dan il-ftuħ mill-ġdid hija limitata għall-implementazzjoni tas-sentenza tal-qorti tal-Unjoni li tannulla r-regolament inizjali ( 30 ).

    35.

    Għalhekk jiena naqbel mal-pożizzjoni tal-istituzzjonijiet li jsostnu li, sabiex tiġi implementata sentenza li tikkonstata invalidità, huwa suffiċjenti li tmur lura u tirrimedja l-ksur iżolat identifikat mill‑Qorti tal-Ġustizzja.

    36.

    Madankollu, għandha ssir distinzjoni tal-motiv tal‑annullament fih innifsu, f’dan il-każ il-ksur tal-obbligu tad-diliġenza fid-determinazzjoni tal-valur normali, mill-portata materjali ta’ tali motiv tal-annullament, jiġifieri l-effetti tiegħu (“spread-effects”) fuq l-att kollu invalidat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-portata ta’ ksur tal‑proċedura għandha fil-fatt tkun evalwata abbażi tal-iżball ikkonstatat ( 31 ). Jidhirli li huwa evidenti li jistgħu jeżistu każijiet fejn l‑investigazzjoni tkun saret kollha kemm hi ħażin tant li jkollha tinbeda mill-ġdid. Madankollu, dan għandu jirriżulta mingħajr ekwivoku mis‑sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja li tiddikjara r-regolament ta’ implementazzjoni invalidu. F’dan il-kuntest nippreċiża li s-sentenza GLS ma kkontestatx il-konstatazzjonijiet l-oħra tar‑Regolament Nru 1355/2008 rigward pereżempju d-dannu, l-interess Komunitarju u l-prezz tal-esportazzjoni. B’mod partikolari, il-valur probatorju fih innifsu ma ġiex ikkontestat. Għall-kuntrarju, in-nuqqas proċedurali kien jirrigwarda l-inċertezza minħabba l-insuffiċjenza ta’ informazzjoni fid-dawl tal-għażla ta’ pajjiż terz analogu.

    3. Dwar l-għażla tal-perijodu ta’ investigazzjoni

    37.

    Fid-dawl tal-iżviluppi preċedenti, il-qofol tal-problema jinsab fl‑osservanza tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali li minnha jgawdu l‑istituzzjonijiet meta jipproċedu bl-implementazzjoni ta’ sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata l-invalidità ta’ regolament antidumping. Din is-setgħa għandha tkun eżerċitata biss fil-limiti tal-għanijiet li jrid jilħaq ir-Regolamen bażiku ( 32 ).

    38.

    Nirrileva li l-perijodu ta’ investigazzjoni previst fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku għandu l-għan, b’mod partikolari, li jiżgura li l‑elementi li fuqhom hija bbażata d-determinazzjoni tad-dumping u tad‑dannu ma jkunux influwenzati mill-aġir tal-produtturi kkonċernati wara l-ftuħ tal-proċedura antidumping u għaldaqstant li d-dazju definittiv impost b’riżultat tal-proċedura jkun adegwat biex jirrimedja b’mod effettiv id-dannu li jirriżulta mid-dumping ( 33 ).

    39.

    F’dan il-każ, l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ motiv ta’ annullament għandha għalhekk tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl ta’ din il‑funzjoni tal-perijodu ta’ investigazzjoni, huwiex possibbli li tiġi rrimedjata l-kritika identifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza GLS mingħajr ma ssir investigazzjoni bbażata fuq perijodu attwali u fuq informazzjoni attwali. Fi kliem ieħor, għandu jiġi stabbilit sa fejn in‑nuqqas ta’ determinazzjoni tal-valur normali seta’ jaffettwa l‑evalwazzjoni tad-dumping ( 34 ).

    40.

    Fil-fatt, mis-sentenza GLS jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet żball proċedurali, u mhux żball fil-mertu. Mill-avviż ta’ ftuħ mill-ġdid jirriżulta li dan “huwa limitat [biss] għall-għażla ta’ pajjiż analogu, jekk hemm, u d‑determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku li jrid jintuża għall-kalkolu ta’ kwalunkwe marġini tad-dumping” ( 35 ).

    41.

    Ninnota li l-premessi 43 u 86 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni kkontestat jistabbilixxu żewġ motivi li jwasslu lill‑istituzzjonijiet għall-għażla kkontestata. Minn naħa waħda, “minħabba li d-dazji ta’ antidumping kienu fis-seħħ, kull dejta miġbura waqt il-perijodu ta’ investigazzjoni l-ġdid kienet waħda distorta bl-eżistenza ta’ dawn id-dazji antidumping” u, min-naħa l-oħra, “l-punti mqajmin mill-partijiet dwar l-allegat nuqqas ta’ dumping f’dan il-punt jistgħu jiġu diskussi b’mod aktar xieraq fil-qafas ta’ reviżjoni interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku”.

    42.

    Barra minn hekk, il-premessa 54 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni kkontestat tikkonferma li, “ikkunsidrati l-kummenti li għamlu l-partijiet, l-analiżi tagħhom u, minkejja l-isforzi sinifikanti tas‑servizzi tal-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn produtturi potenzjali f’pajjiżi terzi, ġie konkluż li ma setax jiġi determinat valur normali abbażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq kif inhu preskritt fl-Artikolu 2(7)(a) tar‑Regolament bażiku”.

    43.

    Barra minn hekk, kif isostni l-Kunsill, id-dazji imposti mir‑Regolament ta’ Implementazzjoni kkontestat jipproduċu effetti biss għall-bqija tal-perijodu tar-Regolament Nru 1355/2008, u mhux għal ħames snin li jibdew mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implementazzjoni kkontestat. Għalhekk dawn il-kawżi ma jirrigwardawx l-investigazzjoni miftuħa skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. Fuq l-istess linja, il‑Kummissjoni żżid li l-eżami l-ġdid juri li l-iżball proċedurali ma kellu effettivament ebda effett fuq ir-riżultat tal-eżami. Għalhekk, ir-riżultati tal-investigazzjoni inizjali huma fi kwalunkwe każ possibbilment integrati fir-riżultat tal-analiżi kif jidher fir-Regolament ta’ Implementazzjoni kkontestat. Investigazzjoni kompletament ġdida għall-perijodu ta’ investigazzjoni attwali tkun tfisser dewmien kunsiderevoli, inġustifikat fir-rigward tad-dritt tal-industrija tal-Unjoni għal din il-protezzjoni u għall-fatt li l-iżball proċedurali kien limitat għal aspett parzjali.

    44.

    Għaldaqstant, jiena tal-opinjoni li, f’dan il-każ, l-iżball fid‑determinazzjoni ta’ pajjiż analogu ma huwiex affettwat minn elementi li jippreġudikaw il-kalkolu antidumping. Għalhekk, għalkemm il-loġika li tirriżulta mir-regoli tal-politika kummerċjali komuni timmilita, mal-ewwel daqqa t’għajn, favur l-użu ta’ informazzjoni li hija l-iktar reċenti, fl-opinjoni tiegħi hija l-loġika amministrattiva, li tipprovdi l‑legalità ta’ att amministrattiv ma għandhiex tiġi kkontestata minn żvilupp ulterjuri tas-sitwazzjoni fattwali, li tipprevali fid-dijalettika bejn dawn iż-żewġ approċċi f’dawn il-kawżi. Għalhekk l-istituzzjonijiet ma qabżux il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom.

    45.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-analiżi tar‑Regolament ta’ Implementazzjoni kkontestat ma tistax twassal għall-konstatazzjoni tal-invalidità tiegħu.

    VI – Konklużjoni

    46.

    Mingħajr preġudizzju għall-analiżi tal-motivi ta’ invalidità l-oħra li ġew invokati, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Finanzgericht Düsseldorf u mill-Finanzgericht Hamburg fis-sens li l-analiżi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 158/2013, tat-18 ta’ Frar 2013, li jimponi mill-ġdid dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il‑mandolin, eċċ.) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ma tirrilevax elementi li jimmilitaw fis-sens tal-invalidità tiegħu.


    ( 1 )   Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 )   ĠU L 49 p. 29, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implementazzjoni kkontestat”.

    ( 3 )   (ĠU L 343, p. 51). Ir-Regolament bażiku li daħal fis-seħħ fil-11 ta’ Jannar 2010, ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l‑oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11 Vol. 10, p. 45), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005, tal-21 ta’ Diċembru 2005 (ĠU L175M, p. 287) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 384/96”).

    ( 4 )   Sentenza GLS (C‑338/10, EU:C:2012:158).

    ( 5 )   Regolament tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2008, li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, (ĠU L 350 p. 35 - iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1355/2008”). Nippreċiża li, permezz tas-sentenza Zhejiang Xinshiji Foods u Hubei Xinshiji Foods vs Il‑Kunsill, (T‑122/09, EU:T:2011:46), il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea annullat ir‑Regolament Nru 1355/2008 sa fejn jirrigwarda lir-rikorrenti Zhejiang Xinshiji Foods Co. Ltd u Hubei Xinshiji Foods Co. Ltd għall-ksur tad-drittijiet ta’ protezzjoni u nuqqas ta’ motivazzjoni.

    ( 6 )   Kif jirriżulta mill-premessa 12 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 642/2008, tal-4 ta’ Lulju 2008, li jimponi dazju provviżorju antidumping fuq l‑importazzjoni ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippreżervat (l-aktar il‑mandolin, eċċ) li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 178, p. 19).

    ( 7 )   Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-Kawża GLS (C‑338/10, EU:C:2011:636, punt 10), li minnhom jirriżulta li “r-Regolament Nru 1355/2008 huwa vvizzjat b’illegalità peress li minn dan ir-regolament ma jirriżultax li l-istituzzjonijiet Komunitarji għamlu sforzi serji u suffiċjenti sabiex jiddeterminaw il-valur normali tal-mandolin u frott taċ-ċitru ieħor simili ppreżervati abbażi tal-prezzijiet utilizzati fi, jew minn, xi wieħed mill-pajjiżi terzi li jipprattikaw ekonomija tas-suq, iċċitati fl-istatistiċi tal-Eurostat bħala pajjiżi li minnhom jiġu prodotti li jaqgħu fl-istess klassifikazzjoni tariffarja bħall-prodott ikkonċernat u li ġew importati fil-Komunità fl-2006 jew fl-2007 fi kwantitajiet li ma humiex manifestament insinjifikanti”.

    ( 8 )   Għalhekk huma għandhom jiżguraw li ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit il-valur normali abbażi tal-prezz jew tal-valur kostrutt f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq jew tal-prezz minn pajjiż terz bħal dan għall-pajjiżi oħra, qabel jistabbilixxu l-valur normali b’referenza għal bażi raġonevoli oħra.

    ( 9 )   Sentenza GLS (C-338/10, EU:C:2012:158, punt 36).

    ( 10 )   Avviż li jikkonċerna l-miżuri antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (jiġifieri l-mandolin, eċċ.) li joriġinaw fir‑Repubblika Popolari taċ-Ċina u dwar il-ftuħ mill-ġdid parzjali ta’ investigazzjoni tal-antidumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (jiġifieri l-mandolin, eċċ.) li joriġinaw fir‑Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2012, C 175, p. 19, iktar ’il quddiem l-“avviż tal-ftuħ mill-ġdid”).

    ( 11 )   Hawn hekk jissemmew il-mandolin (inkluż it-tanġerins u s-satsumas), il‑klementini, il-wilkings u ibridi oħra simili għall-frott taċ-ċitru, kif iddefiniti fil‑pożizzjoni NC 2008, li joriġinaw miċ-Ċina.

    ( 12 )   Għandu jiġi enfasizzat il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-dazju antidumping il-ġdid, li jirreferi għall-perijodu inizjali ta’ ħames snin, jiġifieri li jibda jiġi kkalkolat mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1355/2008. Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni kkontestat li jimplementa s-sentenza GLS għandu għalhekk jiskadi ħames snin wara d-dħul fis-seħħ (il-31 ta’ Diċembru 2008) tar-Regolament 1355/2008, jiġifieri fil-31 ta’ Diċembru 2013.

    ( 13 )   Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 14 )   B’mod iktar partikolari, dan jirrigwarda 48,000 kaxxa ta’ 24 flixkun ta’ kunserva (312 grammi) tal-mandolin mingħajr żieda alkoħolika u b’żieda ta’ zokkor (13.95 %), tas‑subintestatura 2008 30 75 90 bit-tariffa integrata tal-Komunità TARIC. F’din l-okkażżjoni, hija ddikjarat valur doganali ta’ EUR 5,910 kull kaxxa.

    ( 15 )   C‑458/98 P, EU:C:2000:531.

    ( 16 )   Sentenza Carboni e derivati (C‑263/06, EU:C:2008:128, punti 39 sa 41).

    ( 17 )   Ara s-sentenzi 191/82, Fediol vs Il‑Kummissjoni, EU:C:1983:259, punti 15 sa 25, u Eurocoton vs Il‑Kunsill, (C‑76/01 P, EU:C:2003:511, punti 54 sa 74).

    ( 18 )   (C‑458/98 P, EU:C:2000:531).

    ( 19 )   Billi enfasizzat li l-miżuri antidumping ma jistgħux jibqgħu għall-infinit, kif jirriżulta mill-Artikolu 11 tar-Regolament bażiku, għandu jiġi nnotat li, fid-dawl tan-natura tagħhom ta’ miżuri ta’ protezzjoni, u mhux ta’ sanzjonijiet penali, jew amministrattivi, il-prinċipju ne bis in idem ma japplikax għal dawn tal-aħħar.

    ( 20 )   (C‑458/98 P, EU:C:2000:531, punti 9192).

    ( 21 )   Ara s-sentenza Simon, Evers & Co. (C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 29).

    ( 22 )   Sentenzi Nölle (C‑16/90, EU:C:1991:402, punti 1112); Rotexchemie, C‑26/96, (EU:C:1997:261, punti 1011), u GLS, C‑338/10, (EU:C:2012:158, punt 22).

    ( 23 )   Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-Kawża Fliesen-Zentrum Deutschland (C‑687/13, EU:C:2015:349, punt 35).

    ( 24 )   Ara l-punt 3.6 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimbors tad-dazji antidumping (ĠU 2014, C 164, p. 9).

    ( 25 )   Ara d-deċiżjoni ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-talbiet għar-rimbors tad-dazji antidumping imħallsa fuq importazzjonijiet ta’ ferrosilicium li joriġinaw mir-Russja C(2014) 9807 finali.

    ( 26 )   ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 189, iktar ’il quddiem il-“Ftehim antidumping”.

    ( 27 )   ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 82. Ara s-sentenza BEUC vs Il‑Kummissjoni (T‑256/97, EU:T:2000:21, punti 6667).

    ( 28 )   L-Artikolu 9.3.1 tal-Ftehim antidumping huwa fformulat kif ġej: “Meta l-ammont tad-dazju kontra d-damping jiġi eżaminat fuq bażi retrospettiva, id-determinazzjoni tar-responsabbilità finali għal ħlas ta’ dawn id-dazju għandha sseħħ kemm jista’ jkun malajr, normalment fi żmien 12-il xahar, u f’ebda każ fi żmien iktar minn 18-il xahar, wara d-data meta tkun saret it-talba għall-istima finali ta’ l-ammont tad-dazju. Kwalunkwe rimbors għandu jsir fil-pront u normalment fi żmien mhux itwal minn 90 ġurnata wara d-determinazzjoni għar-responsabbilità finali magħmula skont dan is-subparagrafu. Fi kwalunkwe każ, meta r-rimbors ma jsirx fi żmien 90 ġurnata, jekk mitluba l-awtoritajiet għandhom jipprovdu spjegazzjoni għal dan.”

    ( 29 )   Ara s-sentenzi Asteris et vs Il‑Kummissjoni (97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, EU:C:1988:199, punt 30) kif ukoll Fedesa et (C‑331/88, EU:C:1990:391, punt 34).

    ( 30 )   Ara s-sentenzi Il‑Kunsill vs Il‑Parlament (34/86, EU:C:1986:291, punt 47); Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑415/96, EU:C:1998:533, punt 31), u Industrie des poudres sphériques vs Il‑Kunsill (C‑458/98 P, EU:C:2000:531).

    ( 31 )   Pereżempju, fil-każ ta’ ksur ta’ proċedura li ma tmurx kontra l-interessi tal-impriża li pparteċipat fil-proċedura antidumping. Dan huwa l-każ meta l-istituzzjonijiet, wara li jkunu semgħu x-xhieda ta’ impriża, jiddeċiedu li jimponu dazju antidumping mingħajr madankollu ma jinnotifikaw id-deċiżjoni tagħhom lill‑impriża kkonċernata fi żmien xieraq.

    ( 32 )   Sentenza Eurocoton et vs Il‑Kunsill (C‑76/01 P, EU:C:2003:511, punt 70).

    ( 33 )   Sentenza Transnational Company “Kazchrome” u ENRC Marketing vs Il‑Kunsill (T‑192/08, EU:T:2011:619, punti 221 sa 224).

    ( 34 )   Barra minn hekk, jiena naqbel mal-pożizzjoni espressa mill-Avukat Ġenerali Sharpston fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ żbalji fattwali, fejn hija kkunsidrat li s‑sempliċi eżistenza ta’ żbalji fattwali – kienu kemm kienu manifesti – ma għandhiex minnha nnifisha timplika l-invalidità awtomatika ta’ regolament antidumping. Dak li jimporta ma huwiex kemm kienu ovvji l-iżbalji iżda jekk kinux tali li jirrendu inċert jekk il-Kunsill kienx jasal għall-istess konklużjonijiet kieku kellu l-figuri korretti għad-dispożizzjoni tiegħu. Ara l-Konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Sharpston fil-Kawża Bricmate (C‑569/13, EU:C:2015:342, punt 61).

    ( 35 )   Avviż tal-ftuħ mill-ġdid, punt 3.

    Top