EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0258

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fil-21 ta’ Diċembru 2016.
Eugenia Florescu et vs Casa Judeţeană de Pensii Sibiu et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea de Apel Alba Iulia.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 143 TFUE – Diffikultajiet dwar il-bilanċ tal-pagamenti ta’ Stat Membru – Għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea – Memorandum ta’ Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat Membru benefiċjarju – Politika soċjali – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-kumulu bejn pensjoni tal-irtirar pubblika u dħul mis-salarju li jirriżulta mit-twettiq ta’ attivitajiet ma’ istituzzjoni pubblika – Differenza fit-trattament bejn il-persuni li t-tul tal-ħatra tagħhom huwa previst mill-kostituzzjoni u l-imħallfin professjonali.
Kawża C-258/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:995

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fil-21 ta’ Diċembru 2016 ( 1 )

Kawża C‑258/14

Eugenia Florescu et

vs

Casa Judeţeană de Pensii Sibiu,

Casa Națională de Pensii și alte Drepturi de Asigurări Sociale,

Ministerul Muncii, Familiei și Protecției Sociale,

Statul român,

Ministerul Finanțelor Publice

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Alba Iulia (qorti tal-appell ta’ Alba Iulia, ir-Rumanija)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Prinċipji tad-dritt tal-Unjoni — Politika soċjali u ugwaljanza fit-trattament — Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti r-reviżjoni ta’ deċiżjonijiet nazzjonali fil-każ ta’ ksur tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, iżda biss fil-qasam amministrattiv (u mhux f’kontenzjuż ieħor) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-kumulu ta’ pensjoni tal-irtirar mad-dħul minn impjieg — Interpretazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni mill-qorti kostituzzjonali Rumena li tista’ twassal għal diskriminazzjoni bejn il-persuni li t-tul tal-ħatra tagħhom huwa previst mill-kostituzzjoni u l-imħallfin professjonali”

1. 

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita mill-Curtea de Apel Alba Iulia (qorti tal-appell ta’ Alba Iulia, ir-Rumanija) b’diversi domandi preliminari li jirrigwardaw il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ miżura nazzjonali li tipprevedi l-projbizzjoni tal-kumulu tal-pensjoni netta fis-settur pubbliku mad-dħul minn attivitajiet eżerċitati ma’ istituzzjonijiet pubbliċi jekk il-livell tagħha jeċċedi l-livell tas-salarju gross medju nazzjonali li serva ta’ bażi għall-istabbiliment tal-baġit tas-sigurtà soċjali tal-Istat.

2. 

Din il-qorti tistaqsi, b’mod partikolari, jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78/KE ( 2 ), u l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 3 ), jipprekludux miżura bħal din.

3. 

Dawn id-domandi ser iwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa n-natura tal-Memorandum ta’ Qbil bejn il-Komunità Ewropea u r-Rumanija li ġie konkluż f’Bukarest u fi Brussell fit-23 ta’ Ġunju 2009 ( 4 ), sabiex tiddetermina jekk dan jistax jiġi kkunsidrat bħala att adottat mill-istituzzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Barra minn hekk, dawn id-domandi ser ikunu l-okkażjoni, għall-Qorti tal-Ġustizzja, li teżamina jekk il-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi kkunsidrata bħala implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

4. 

F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega r-raġunijiet li għalihom jien inqis li l-Memorandum ta’ Qbil għandu jiġi kkunsidrat bħala att adottat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE u jista’, għalhekk, jiġi suġġett għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ser nispjega r-raġuni li għaliha jien naħseb li dan il-protokoll għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-projbizzjoni tal-kumulu tal-pensjoni netta fis-settur pubbliku mad-dħul minn attivitajiet eżerċitati ma’ istituzzjonijiet pubbliċi jekk il-livell tagħha jeċċedi l-livell tas-salarju gross medju nazzjonali li serva ta’ bażi għall-istabbiliment tal-baġit tas-sigurtà soċjali tal-Istat.

5. 

Ser nindika, ukoll, għaliex l-Artikolu 17 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal din.

6. 

Imbagħad, ser nesponi r-raġunijiet li għalihom inqis li l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex applikabbli għal din il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

7. 

Fl-aħħar nett, ser nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, li qorti nazzjonali ma jkollhiex il-possibbiltà li tirrevedi deċiżjoni ġudizzjarja definittiva mogħtija fil-kuntest ta’ rikors ta’ natura ċivili, meta dik id-deċiżjoni tirriżulta inkompatibbli ma’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja wara d-data li fiha din id-deċiżjoni tkun saret definittiva, minkejja li din il-possibbiltà teżisti f’dak li jikkonċerna d-deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni mogħtija fil-kuntest ta’ rikorsi ta’ natura amministrattiva.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-dritt primarju

a) Il-Karta

8.

Taħt it-titolu “Id-dritt għall-proprjetà”, l-Artikolu 17(1) tal-Karta jipprovdi kif ġej:

“Kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku.”

9.

L-Artikolu 51 tal-Karta jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha b’dan il-kliem:

1.   “Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u fir-rispett tal-limiti tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati.

2.   Il-Karta ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi ta’ l-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi ta’ l-Unjoni jew ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti definiti fit-Trattati.”

b) It-Trattat TUE

10.

L-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 6(1) TUE jipprovdu kif ġej:

“L-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-[Karta] tas-7 ta’ Diċembru 2000, kif adattata fit-12 ta’ Diċembru 2007 ġo Strasburgu, li għandha jkollha l-istess valur legali bħat-Trattati.

Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta m’għandhom bl-ebda mod jestendu l-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif definiti mit-Trattati.”

c) It-Trattat TFUE

11.

Skont l-Artikolu 143 TFUE:

“1.   Meta Stat Membru b’deroga ikollu diffikultajiet jew ikun mhedded b’mod serju b’diffikultajiet dwar il-bilanċ tal-pagamenti tiegħu bħala riżultat ta’ skwilibriju totali fil-bilanċ tal-pagamenti tiegħu, jew bħala riżultat tat-tip ta’ munita li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, u meta dawk id-diffikultajiet x’aktarx li jistgħu b’mod partikolari jipperikolaw il-funzjonament tas-suq intern jew l-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali komuni, il-Kummissjoni għandha minnufih, tinvestiga il-pożizzjoni ta’ l-Istat partikolari u l-azzjoni li dak l-Istat ikun ħa jew jista’ jieħu waqt li juża l-meżżi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati. Il-Kummissjoni għandha tgħid liema miżuri tkun qegħda tirrakkomanda lil dak l-Istat sabiex jieħu.

Jekk l-azzjoni meħuda minn Stat Membru b’deroga u l-miżuri ssuġġeriti mill-Kummissjoni ma jkunux suffiċjenti sabiex jingħelbu d-diffikultajiet li jkunu qamu jew li jheddu li jqumu, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-Kumitat ekonomiku u finanzjarju, tirrakkomanda lill-Kunsill li tiġi mogħtija assistenza reċiproka u l-metodi adattati għaldaqshekk.

Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kunsill regolarment informat bis-sitwazzjoni u kif din tkun qiegħda tiżviluppa.

2.   Il-Kunsill għandu jagħti din l-assistenza reċiproka; huwa għandu jadotta direttivi jew deċiżjonijiet li jiffissaw il-kondizzjonijiet u d-dettalji ta’ dik l-assistenza, li tista’ tieħu forom bħal:

a)

konċertazzjoni dwar il-mod kif wieħed jittratta ma’ jew fi ħdan kull organizzazzjoni internazzjonali li għaliha l-Istati Membri b'deroga jistgħu jirrikorru;

b)

miżuri neċessarji li jevitaw tibdil tar-rotta tal-kummerċ meta l-Istat Membru b’deroga li jkun jinsab f’diffikultà iżomm jew jintroduċi mill-ġdid restrizzjonijiet kwantitattivi kontra pajjiżi terzi;

ċ)

l-għoti ta’ kreditu limitat minn Stati Membri oħra, suġġett għall-qbil tagħhom ma’ dan.

3.   Jekk l-assistenza reċiproka rrakomandata mill-Kummissjoni ma tingħatax mill-Kunsill jew jekk dik l-assistenza reċiproka u l-passi li jittieħdu ma jkunux biżżejjed, il-Kummissjoni għandha tawtorizza lill-Istat Membru b’deroga li jkun jinsab f’diffikultà sabiex jieħu miżuri protettivi, li l-kondizzjonijiet u d-dettalji tagħhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill.

Dik l-awtorizzazzjoni tista’ tiġi rrevokata u dawk il-kondizzjonijiet u d-dettalji jistgħu jiġu mibdula mill-Kunsill.”

2. Id-dritt sekondarju

a) Ir-Regolament Nru 332/2002, id-Deċiżjoni 2009/458/KE u d-Deċiżjoni 2009/459/KE

12.

Ir-Regolament Nru 332/2002 jistabbilixxi l-modalitajiet applikabbli għall-mekkaniżmu ta’ assistenza reċiproka previst fl-Artikolu 143 TFUE.

13.

B’dan il-mod, l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi kif ġej:

“1.   Għandha tiġi stabbilita faċilita’ għal assistenza finanzjarja għal żmien medju li tippermetti li jingħata self lil wieħed jew aktar mill-Istati Membri li jkunu qed jesperjenzaw, jew ikunu qed jiġu mhedda serjament minn, diffikultajiet fil-bilanċ ta’ pagamenti kurrenti tagħhom jew fiċ-ċaqliq tal-kapitali tagħhom. Dawk l-Istati Membri biss li ma adottawx il-euro jistgħu jgawdu minn din il-faċilita tal-Komunità.

L-ammont pendenti ta’ self li jrid jingħata lill-Istati Membri taħt din il-faċilità għandu jkun limitat għal EUR 50 biljun bħala kapital.

2.   Għal dan il-għan, skond deċiżjoni adottata mill-Kunsill taħt l-Artikolu 3 u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata li tikkuntratta self minn fuq is-swieq u istituzzjonijiet finanzjarji f’isem il-Komunità Ewropea.”

14.

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament huwa redatt kif ġej:

“1.   Il-faċilità ta’ assistenza finanzjarja għal żmien medju tista’ tiġi implimentata mill-Kunsill fuq l-inizjattiva ta’:

a)

l-Kummissjoni, waqt li tagixxi skond l-Artikolu 119 tat-Trattat bi ftehim ma’ l-Istat Membru li jkun qed jitlob iffinanzjar mill-Komunità;

b)

Stat Membru li jkun qed jesperjenza, jew ikun qed jiġi mhedded serjament minn, diffikultajiet fir-rigward tal-bilanċ tal-pagamenti kurrenti jew ċaqliq fil-kapitali tiegħu.

2.   L-Istat Membru li jitlob għajnuna finanzjarja għal żmien medju għandu jiddiskuti l-istima tal-bżonnijiet finanzjarji tiegħu mal-Kummissjoni u jissottometti abbozz ta’ programm ta’ aġġustament lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju. Il-Kunsill, wara li jeżamina s-sitwazzjoni fl-Istat Membru konċernat u l-programm ta’ aġġustament ippreżentat bħala sostenn tal-applikazzjoni tiegħu, għandu jiddeċiedi, bħala regola, waqt l-istess laqgħa:

(a)

jekk jagħtix is-self jew faċilita’ xierqa ta’ ffinanzjar, l-ammont u t-tul medju tagħhom;

(b)

il-kondizzjonijiet ta’ politika ekonomika marbutin mal-għajnuna finanzjarja għal żmien medju bil-ħsieb li terġa’ tiġi stabbilita jew li tkun żgurata sitwazzjoni sostenibbli fil-bilanċ tal-pagamenti;

(ċ)

il-metodi tekniċi kif jinħarġu l-flus tas-self jew tal-faċilità ta’ ffinanzjar, li r-rilaxx jew il-ġbid tagħhom, bħala regola, għandhom isiru permezz ta’ pagamenti suċċessivi, filwaqt li r-rilaxx ta’ kull pagament ikun suġġett għal verifika tar-riżultati miksuba fit-twettiq tal-programm abbażi tal-objettivi ffissati.”

15.

L-Artikolu 3a tar-Regolament Nru 332/2002 jipprovdi kif ġej:

“Il-Kummissjoni u l-Istati Membru kkonċernat għandhom jikkonkludu Memorandum ta’ Ftehim li jistipula dettaljatament il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill taħt l-Artikolu 3. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-Memorandum ta’ Ftehim lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.”

16.

Bis-saħħa tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2009/458/KE ( 5 ), il-Komunità tagħti assistenza reċiproka lir-Rumanija taħt l-Artikolu 143 TFUE. Barra minn hekk, bid-Deċiżjoni 2009/459/KE ( 6 ), il-Komunità tqiegħed għad-dispożizzjoni tar-Rumanija self għal terminu medju b’ammont massimu ta’ EUR 5 biljun ( 7 ).

17.

Skont l-Artikolu 2(1) u (2):

“1.   L-għajnuna għandha titmexxa mill-Kummissjoni b’mod konsistenti mal-impenji tar-Rumanija u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, b’mod partikolari r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma kif ukoll il-programm ta’ konverġenza.

2.   Il-Kummissjoni għandha taqbel mal-awtoritajiet tar-Rumanija, wara li tikkonsulta l-KEF, dwar il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ politika ekonomika marbutin mal-għajnuna finanzjarja, kif stipulat fl-Artikolu 3(5). Dawk il-kundizzjonijiet għandhom jiġu stipulati f’Memorandum ta’ Ftehim konsistenti mal-impenji u r-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 [...]”

18.

Wara dawn id-deċiżjonijiet, ġie konkluż il-Memorandum ta’ Qbil.

19.

Il-punt 5(d) ta’ dan il-Memorandum ta’ Qbil, intitolat “Ir-riforma strutturali”, jinkludi rakkomandazzjonijiet dwar miżuri intiżi sabiex itejbu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-amministrazzjoni pubblika, sabiex itejbu l-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika f’diversi oqsma, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-istrutturi deċiżjonali, it-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn l-istituzzjonijiet, l-organizzazzjoni interna tal-ministeri prinċipali, il-kamp ta’ applikazzjoni u r-responsabbillizzazzjoni marbuta mal-implementazzjoni u mal-livelli adegwati tal-persunal u tal-ġestjoni tar-riżorsi umani.

b) Id-Direttiva 2000/78

20.

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, din għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplementa fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

21.

L-Artikolu 2(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprovdi kif ġej:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1:

a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

b)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

i)

meta dik id-disposizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika ikunu oġġettivament ġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji [...]”

B – Id-dritt Rumen

22.

L-Artikolu 83 tal-legea no 303/2004 privind statutul judecătorilor şi al procurorilor (Liġi Nru 303/2004 fuq l-istatut tal-imħallfin u tal-prosekuturi), tat-28 ta’ Ġunju 2004 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 826, tat-13 ta’ Settembru 2005), jippermetti l-kumulu tal-funzjoni ġudizzjarja biss mal-funzjoni ta’ tagħlim fil-kuntest tal-edukazzjoni għolja. Barra minn hekk, din il-liġi kienet tipprovdi li l-imħallfin u l-prosekuturi li jkunu waqfu mix-xogħol minħabba li jirtiraw jistgħu jakkumulaw il-pensjoni tal-irtirar tagħhom mad-dħul minn attività professjonali, ikun xi jkun il-livell tal-imsemmi dħul.

23.

Fil-5 ta’ Novembru 2009 ġiet adottata l-legea no 329/2009 privind reorganizarea unor autorităţi şi instituţii publice, raţionalizarea cheltuielilor publice, susţinerea mediului de afaceri şi respectarea acordurilor-cadru cu Comisia Europeană şi Fondul Monetar Internaţional [Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 761, tad-9 ta’ Novembru 2009 (Liġi Nru 329/2009 dwar ir-riorganizzazzjoni ta’ ċerti awtoritajiet u istituzzjonijiet pubbliċi, limitazzjoni tal-ispejjeż pubbliċi, appoġġ għan-negozji u osservanza tal-ftehim qafas konklużi mal-Kummissjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali)] ( 8 )

24.

L-Artikolu 2 ta’ din il-liġi jipprovdi li l-miżuri stabbiliti minnha għandhom ikunu ta’ natura eċċezzjonali, bl-għan li jitnaqqsu l-effetti tal-kriżi ekonomika u t-twettiq tal-obbligi riżultanti mill-Memorandum ta’ Qbil u mill-ftehim ta’ konferma konkluż bejn ir-Rumanija u l-Kummissjoni kif ukoll il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI).

25.

B’mod partikolari, l-imsemmija liġi imponiet tnaqqis fis-salarji, miżura li kienet ġiet applikata fil-kuntest tat-tagħlim universitarju. Bis-saħħa tal-Artikolu 3 ta’ din l-istess liġi, il-miżuri adottati skont il-Memorandum ta’ Qbil huma intiżi sabiex jegħlbu l-kriżi finanzjarja. Huma jikkonsistu fit-tnaqqis tal-ispejjeż tal-persunal fil-livell tal-amministrazzjoni pubblika, fit-tnaqqis tas-salarji, kif ukoll fir-riorganizzazzjoni jew it-tneħħija ta’ awtoritajiet jew ta’ istituzzjonijiet pubbliċi, wara l-konsolidazzjoni tagħhom permezz ta’ akkwist, għaqda, diviżjoni jew tnaqqis fil-persunal.

26.

L-Artikoli 17 sa 26 tal-Liġi Nru 329/2009 jipprojbixxu l-kumulu tal-pensjoni netta mad-dħul minn attivitajiet ma’ istituzzjonijiet pubbliċi jekk il-livell tagħha jeċċedi l-livell tas-salarju gross medju nazzjonali, li serva ta’ bażi għall-istabbiliment tal-baġit tas-sigurtà soċjali tal-Istat.

27.

B’mod iktar preċiż, l-Artikolu 17 ta’ din il-liġi jindika li l-persuni li jibbenefikaw minn dritt għal pensjoni li jidħol fis-sistema pubblika ta’ pensjonijiet jew ta’ sistemi mhux integrati fis-sistema pubblika, li jirċievu dħul ta’ salarju jew, fejn applikabbli, assimilat għas-salarji, skont il-liġi, provenjenti mill-eżerċizzju ta’ attività taħt kuntratt individwali ta’ xogħol, ta’ relazzjoni ta’ servizz jew ta’ att ta’ ħatra, skont il-liġi, ma’ awtorità jew ma’ istituzzjoni pubblika ċentrali jew lokali, ikun xi jkun il-metodu ta’ finanzjament jew il-livell ta’ subordinazzjoni tiegħu, ma’ awtorità awtonoma, ma’ soċjetà nazzjonali jew ma’ kumpannija nazzjonali li l-kapital soċjali tagħha jappartjeni kompletament jew fil-maġġoranza tiegħu lill-Istat jew lil entità amministrattiva jew territorjali, jistgħu jakkumulaw il-pensjoni netta tagħhom mad-dħul hekk rċevut jekk il-livell ta’ din ma jeċċedix is-salarju gross medju nazzjonali li serva ta’ bażi għall-istabbiliment tal-baġit tas-sigurtà soċjali tal-Istat u li kien ġie approvat bil-liġi fuq il-baġit tas-sigurtà soċjali tal-Istat.

28.

L-Artikolu 18 ta’ din il-liġi jipprovdi li l-pensjonanti, imsemmija fl-Artikolu 17 tagħha, li jwettqu attivitajiet tax-xogħol bis-saħħa ta’ kuntratt individwali ta’ xogħol, ta’ relazzjoni ta’ servizz jew ta’ att ta’ ħatra huma obbligati li, f’perijodu ta’ ħmistax-il jum wara d-dħul fis-seħħ tal-kapitolu li taħtu hija redatta dik id-dispożizzjoni, jesprimu bil-miktub l-għażla tagħhom bejn is-sospensjoni tal-ħlas tal-pensjoni matul it-twettiq tal-attività u t-temm tar-relazzjoni tax-xogħol, tar-relazzjoni ta’ servizz jew tal-effetti tal-att ta’ ħatra jekk il-livell tal-pensjoni netta li titħallas lilhom tkun ogħla mis-salarju gross medju nazzjonali.

29.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 20 tal-Liġi Nru 329/2009 jipprovdi li n-nuqqas tat-twettiq ta’ dan l-obbligu ta’ espressjoni tal-għażla fit-terminu previst jikkostitwixxi kawża ġusta ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol stabbilita taħt il-kuntratt individwali ta’ xogħol jew tal-att ta’ ħatra, u tar-relazzjoni ta’ servizz.

30.

La l-Memorandum ta’ Qbil u lanqas din il-liġi ma jirreferu għall-qrati jew għall-prosekuturi, jew għall-imħallfin jew il-prosekuturi li jirtiraw.

31.

Skont l-Artikolu 21(2) tal-legea no 554/2004 contenciosului administrativ (Liġi Nru 554/2004 fuq it-tilwim amministrattiv) ( 9 ), tat-2 ta’ Diċembru 2004 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 1154, tas-7 ta’ Diċembru 2004), jikkostitwixxi motiv għal reviżjoni,b’żieda ma’ dak ipprovdut mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, l-għoti ta’ sentenzi li jkunu saru finali u rrevokabbli, bi ksur tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt Komunitarju previst mill-Artikolu 148(2) moqri flimkien mal-Artikolu 20(2) tal-Kostituzzjoni Rumena, kif ippubblikata mill-ġdid.

II – Il-kuntest fattwali

32.

Ir-rikorrenti huma maġistrati li, wara li daħlu fil-maġistratura, kienu lkoll jaħdmu bħala lecturers fil-fakultà tal-liġi, karigi li huma kienu assumew wara kompetizzjoni. Għalhekk huma eżerċitaw, b’mod kumulattiv, l-impjieg ta’ maġistrat u l-impjieg ta’ lecturer universitarju.

33.

Matul is-sena 2009, ir-rikorrenti rtiraw mill-kariga tagħhom ta’ maġistrat u baqgħu jgħallmu l-Università. Qabel l-2009, dan il-kumulu ta’ pensjoni tal-irtirar provenjenti mis-servizz pubbliku flimkien ma’ impjieg f’dan l-istess servizz kien awtorizzat, irrispettivament mil-livell ta’ dħul provenjenti minn din l-attività professjonali.

34.

Wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 329/2009, ir-rikorrenti ma għadhomx jistgħu jakkumulaw il-pensjoni tagħhom bħala maġistrat flimkien mas-salarju tagħhom provenjenti mill-universitajiet meta l-livell ta’ din il-pensjoni jkun jeċċedi l-livell tas-salarju gross medju nazzjonali li serva bħala bażi għall-istabbliment tal-baġit tas-sigurtà soċjali tal-Istat. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fid-data tal-implementazzjoni ta’ din il-projbizzjoni, f’dak il-pajjiż ma kienx hemm iktar minn għaxar imħallfin u prosekuturi li kienu jakkumulaw il-pensjoni kontributtiva ta’ maġistrat flimkien mas-salarju ta’ lecturer universitarju.

35.

B’sentenza tal-4 ta’ Novembru 2009, il-Curtea Constituţională (qorti kostituzzjonali, ir-Rumanija) ikkonstatat li l-Liġi Nru 329/2009 kienet konformi mal-Kostituzzjoni.

36.

Fit-28 ta’ Diċembru 2009, il-Casa Judeţeană de Pensii Sibiu (fond tal-pensjonijiet ta’ Sibiu, ir-Rumanija) iddeċieda li jissospendi l-ħlas tal-pensjonijiet maħruġa għal kull wieħed mir-rikorrenti.

37.

B’rikors tal-1 ta’ Marzu 2010, ir-rikorrenti adixxew lit-Tribunalul Sibiu (qorti għolja ta’ Sibiu, ir-Rumanija) sabiex jitolbu, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Diċembru 2009. B’sentenza tat-3 ta’ Mejju 2012, din il-qorti ċaħdet ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti.

38.

Dawn tal-aħħar ippreżentaw appell kontra din is-sentenza quddiem il-Curtea de Apel Alba Iulia (qorti tal-appell ta’ Alba Iulia) fejn talbu, għall-ewwel darba, li titressaq domanda ta’ interpretazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. B’sentenza tad-9 ta’ Novembru 2012, il-Curtea de Apel Alba Iulia, Secția pentru conflicte de muncă și asigurări sociale (qorti tal-appell ta’ Alba Iulia, sezzjoni tat-tilwim tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali, ir-Rumanija) ċaħdet ir-rikors.

39.

Quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti jitolbu r-reviżjoni ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari għaliex huma jikkunsidraw li l-qorti li tat din is-sentenza ma esponietx, fl-imsemmija sentenza, il-motivi li għalihom hija rrifjutat li tagħti effett dirett u li tagħti s-supremazija lid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u li għalihom hija rrifjutat li tapplika l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja,

III – Fuq id-domandi preliminari

40.

Il-Curtea de Apel Alba Iulia (qorti tal-appell ta’ Alba Iulia) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

[Il-Memorandum ta’ Qbil] jista’ jitqies li huwa att, deċiżjoni, komunikazzjoni, etc., li għandu saħħa legali, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja [sentenzi tat-3 ta’ Frar 1976, Manghera et (59/75, EU:C:1976:14), u tal-20 ta’ Marzu 1997, Franza vs Il-Kummissjoni (C-57/95, EU:C:1997:164)], u jista’ jkun suġġett għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?

2.

Fil-każ ta’ risposta affermattiva, il-[Memorandum ta’ Qbil] għandu jiġi interpretat fis-sens li, bil-għan li jitnaqqsu l-effetti tal-kriżi ekonomika permezz tat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-persunal, il-Kummissjoni Ewropea tista’ validament timponi l-adozzjoni ta’ liġi nazzjonali li ċċaħħad lil persuna mid-dritt tagħha li tirċievi l-pensjoni kontributorja għal iktar minn 30 sena ta’ kontribuzzjonijiet, stabbilita skont il-liġi u rċevuta qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija liġi, għar-raġuni li din il-persuna tirċievi salarju għal attività mwettqa abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol, differenti minn dik li fir-rigward tagħha hija tirċievi l-pensjoni?

3.

Il-[Memorandum ta’ Qbil] għandu jiġi interpretat fis-sens li, bil-għan li titnaqqas il-kriżi ekonomika, il-Kummissjoni Ewropea tista’ validament timponi l-adozzjoni ta’ liġi nazzjonali li ċċaħħad lil persuna, b’mod komplet u għal żmien indefinit, mid-dritt tagħha li tirċievi l-pensjoni kontributorja għal iktar minn 30 sena ta’ kontribuzzjonijiet, stabbilita skont il-liġi u rċevuta qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija liġi, għar-raġuni li din il-persuna tirċievi salarju għal attività mwettqa abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol, differenti minn dik li fir-rigward tagħha hija tirċievi l-pensjoni?

4.

L-imsemmi memorandum fit-totalità tiegħu, u b’mod iktar partikolari l-punt 5(d) tiegħu, dwar ir-riorganizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u t-tisħiħ tal-effiċjenza tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li, bil-għan li titnaqqas il-kriżi ekonomika, il-Kummissjoni Ewropea imponiet validament l-adozzjoni ta’ liġi nazzjonali li tistabbilixxi l-projbizzjoni tal-kumulu tal-pensjoni mas-salarju għall-uffiċjali rtirati tal-istituzzjonijiet pubbliċi?

5.

L-Artikoli 17, 20, 21 u 47 tal-Karta, l-Artikolu 6 TUE, l-Artikolu 110 TFUE, il-prinċipju ta’ ċertezza legali li jirriżulta mid-dritt Komunitarju u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal- Ġustizzja jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni bħall-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 554/2004, li tipprovdi, fil-każ ta’ ksur tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, għall-possibbiltà ta’ reviżjoni tad-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjon[al]i mogħtija biss fil-qasam tal-kontenzjuż amministrattiv u li ma tippermettix il-possibbiltà ta’ reviżjoni tad-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali mogħtija f’oqsma oħra (ċivili, kriminali, kummerċjali, etc.), fil-każ ta’ ksur tal-istess prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni permezz tal-imsemmija deċiżjonijiet?

6.

L-Artikolu 6 TUE, fil-verżjoni kkonsolidata tiegħu tal-2010, jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-ħlas tal-pensjoni tal-imħallfin professjonali, stabbilita abbażi tal-kontribuzzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar matul iktar minn 30 sena ta’ servizz ġudizzjarju, għat-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom fil-qasam tat-tagħlim tal-liġi fuq livell universitarju?

7)

L-Artikolu 6 TUE, fil-verżjoni kkonsolidata tiegħu tal-2010, l-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 83 tat-30 ta’ Marzu 2010) u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprekludu leġiżlazzjoni li tesproprija lid-detentur ta’ pensjoni mid-dritt tiegħu li jirċievi pensjoni, minkejja li din tal-aħħar ġiet stabbilita abbażi ta’ iktar minn 30 sena ta’ kontribuzzjonijiet, u minkejja li l-imħallfin ikkontribwew u jikkontribwixxu, b’mod separat, għall-fond tal-pensjonijiet, abbażi tal-attività universitarja tagħhom?

8.

L-Artikolu 6 TUE, fil-verżjoni kkonsolidata tiegħu tal-2010, u l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78/KE, dwar l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuni, mingħajr distinzjoni ta’ razza jew ta’ oriġini etnika, u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jipprekludu deċiżjoni mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali ta’ Stat Membru li, fl-istħarriġ tal-kostituzzjonalità ta’ liġi, tiddeċiedi li d-dritt għall-kumulu tal-pensjoni mas-salarju jappartjeni biss lill-persuni maħtura b’mandat, u b’hekk iċċaħħad minn dan id-dritt lill-imħallfin professjonali li huma pprojbiti milli jirċievu l-pensjoni stabbilita abbażi tal-kontribuzzjonijiet personali tagħhom imħallsa matul iktar minn 30 sena, għar-raġuni li żammew il-kariga tagħhom ta’ lecturer fil-kuntest tat-tagħlim tal-liġi fuq livell universitarju?

9.

L-Artikolu 6 TUE, fil-verżjoni kkonsolidata tiegħu tal-2010, u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprekludu leġiżlazzjoni li tissuġġetta, għal żmien indefinit, il-ħlas tal-pensjoni tal-imħallfin stabbilita abbażi tal-kontribuzzjonijiet tagħhom imħallsa matul iktar minn 30 sena għat-tmiem tal-attività universitarja tagħhom?

10.

L-Artikolu 6 TUE, fil-verżjoni kkonsolidata tiegħu tal-2010, u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprekludu leġiżlazzjoni li xxejjen il-bilanċ ġust li għandu jinżamm bejn il-protezzjoni tal-proprjetà individwali u r-rekwiżit tal-interess ġenerali, billi tobbliga biss lil ċerta kategorija ta’ persuni tbati t-telf tal-pensjoni ta’ mħallef għar-raġuni li l-imsemmija persuni jwettqu attività universitarja?”

IV – L-analiżi tiegħi

41.

Sabiex nirrispondi utilment lill-qorti tar-rinviju nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tifformula mill-ġdid id-domandi li sarulha bil-mod li ġej.

42.

Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-Memorandum ta’ Qbil jistax jiġi kkunsidrat bħala att adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE u suġġett, f’dan il-każ, għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

43.

Bit-tieni sar-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, dan il-Memorandum ta’ Qbil jistax ikollu l-effett li jimponi l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-projbizzjoni tal-kumulu tal-pensjoni netta fis-settur pubbliku mas-salarju għal attivitajiet eżerċitati ma’ istituzzjonijiet pubbliċi jekk il-livell tagħha jeċċedi l-livell tas-salarju gross medju nazzjonali li serva bħala bażi għall-istabbiliment tal-baġit tas-sigurtà soċjali tal-Istat.

44.

Bis-sitta, is-seba’, id-disa’ u l-għaxar domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kwistjoni, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6 TUE kif ukoll l-Artikoli 17, 20 u 21 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-projbizzjoni tal-kumulu tal-pensjoni netta fis-settur pubbliku mad-dħul magħmul minn attivitajiet eżerċitati ma’ istituzzjonijiet pubbliċi jekk il-livell ta’ din jaqbeż ċertu livell.

45.

Bit-tmien domanda tagħha, jiena nifhem li l-qorti tar-rinviju titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, tiddeċiedi jekk l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, għall-persuni impjegati fis-settur pubbliku, il-projbizzjoni tal-kumulu tal-pensjoni netta mad-dħul minn attivitajiet eżerċitati ma’ istituzzjonijiet pubbliċi jekk il-livell tagħha jeċċedi l-livell tas-salarju gross medju nazzjonali li serva ta’ bażi għall-istabbiliment tal-baġit tas-sigurtà soċjali tal-Istat, filwaqt li din il-leġiżlazzjoni ma tapplikax għall-persuni impjegati fis-settur pubbliku f’sitwazzjoni ta’ kumulu li jirċievu salarju mill-eżerċizzju ta’ ħatra prevista mill-Kostituzzjoni Rumena.

46.

Fl-aħħar nett, bil-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 47 tal-Karta u l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, fil-każ ta’ ksur tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, huma biss id-deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi u irrevokabbli mogħtija fil-kuntest ta’ rikorsi ta’ natura amministrattiva li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ reviżjoni u mhux id-deċiżjonijiet iddikjarati fl-oqsma l-oħra, bħalma huma l-oqsma ċivili, kriminali jew kummerċjali

A – Fuq l-ewwel domanda dwar il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta l-Memorandum ta ’ Qbil

47.

Fil-verità, l-ewwel domanda li saret mill-qorti tar-rinviju hija intiża sabiex jiġi ddefinit jekk memorandum ta’ qbil, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jidħolx fost l-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 267(b) TFUE u għalhekk jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpretah.

48.

Infakkar li dan l-artikolu jipprovdi li l-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tiddeċiedi, preliminarjament, fuq il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet, korpi jew organi tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni tattribwilha “l-kompetenza sabiex tiddeċiedi, preliminarjament, fuq il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet ta[l-Unjoni], mingħajr l-ebda eċċezzjoni” ( 10 ) .

49.

Taħt dan it-titolu, ma hemm l-ebda dubju, fil-fehma tiegħi, li l-Memorandum ta’ Qbil huwa att adottat mill-istituzzjonijiet. Effettivament, dan ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 143 TFUE li jagħti lill-Unjoni kompetenza sabiex tiżgura impenji fil-konfront ta’ Stat Membru. B’dan il-mod, dan l-artikolu jipprovdi li assistenza reċiproka tista’ tingħata lil Stat Membru li jkollu diffikultajiet jew li jkun mhedded b’mod serju b’diffikultajiet fil-bilanċ tal-pagamenti, u l-Kummissjoni hija l-istituzzjoni li tirrakkomanda din l-assistenza reċiproka u l-Kunsill huwa dak li japprovaha permezz ta’ deċiżjoni.

50.

Huwa b’dan il-mod li r-Regolament Nru 332/2002 jistabbilixxi l-modalitajiet applikabbli għall-mekkaniżmu ta’ assistenza reċiproka prevista fl-imsemmi artikolu. B’mod partikolari, l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament jindika li l-Kummissjoni tista’ tikkuntratta, f’isem il-Komunità, b’applikazzjoni ta’ deċiżjoni adottata mill-Kunsill taħt l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, self finanzjarju fis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji.

51.

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 3a ta’ dan ir-regolament tipprevedi li l-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat għandhom jikkonkludu Memorandum ta’ Qbil li jistabbilixxi, fid-dettall, il-kundizzjonijiet iffissati mill-Kunsill b’applikazzjoni tal-Artikolu 3 tal-istess regolament. Il-Memorandum ta’ Qbil konkluż bejn il-Komunità Ewropea u r-Rumanija ġie adottat preċiżament skont din il-proċedura, billi l-Kunsill kien adotta żewġ deċiżjonijiet suċċessivi, waħda li tagħti assistenza reċiproka lir-Rumanija taħt l-Artikolu 143 TFUE ( 11 ), u l-oħra li tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ dan l-Istat Membru self għal żmien medju f’ammont massimu ta’ EUR 5 biljun ( 12 ).

52.

Għaldaqstant, il-Memorandum ta’ Qbil huwa konkretizzazzjoni ta’ impenn bejn l-Unjoni u Stat Membru fuq programm ekonomiku, innegozjat minn dawn il-partijiet, li permezz tiegħu dan l-Istat Membru jintrabat li jirrispetta l-għanijiet ekonomiċi ddefiniti minn qabel sabiex ikun jista’ jibbenefika, suġġett għall-osservanza ta’ dan l-impenn, mill-assistenza finanzjarja tal-Unjoni.

53.

Ċertament, kif fakkret il-Kummissjoni waqt is-seduta, il-Memorandum ta’ Qbil ma jipproduċix effetti legali vinkolanti. Madankollu, kuntrarjament għall-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà meħtieġa għar-rikors għal annullament taħt l-Artikolu 263 TFUE, il-proċedura tar-rinviju preliminari prevista mill-Artikolu 267 TFUE ma titlobx li l-att li għandu jiġi interpretat ikun intiż sabiex jipproduċi effetti legali. Huwa suffiċjenti li l-att inkwistjoni jkun “[att] ta’ l-istituzzjonijiet, korpi jew organi ta’ l-Unjoni”. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rinviju preliminari jista’ jirrigwarda wkoll atti tal-Unjoni li ma humiex vinkolanti ( 13 ).

54.

Għalhekk, in-natura partikolari tal-Memorandum ta’ Qbil ma tipprekludix l-interpretazzjoni tiegħu mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ rinviju preliminari.

55.

Għaldaqstant jiena tal-fehma li l-Memorandum ta’ Qbil għandu jiġi kkunsidrat bħala att adottat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE u li l-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tinterpretah.

B – Fuq it-tieni sar-raba ’ domanda dwar l-interpretazzjoni tal-Memorandum ta ’ Qbil

56.

B’dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-Memorandum ta’ Qbil jistax ikollu l-effett li jimponi l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-projbizzjoni tal-kumulu tal-pensjoni netta mas-salarju għal attivitajiet eżerċitati ma’ istituzzjonijiet pubbliċi jekk il-livell tagħha jeċċedi l-livell tas-salarju gross medju nazzjonali li serva ta’ bażi għall-istabbiliment tal-baġit tas-sigurtà soċjali tal-Istat.

57.

Kif semmejt fil-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Memorandum ta’ Qbil jissuġġetta l-għoti ta’ assistenza finanzjarja mill-Komunità għall-osservanza tal-impenji ekonomiċi meħuda mir-Rumanija. L-ewwel paragrafu tal-punt 5 ta’ dan il-memorandum jindika, f’dan ir-rigward, li l-ħlas ta’ kull pagament għandu jkun suġġett għall-implementazzjoni tal-programm ekonomiku mill-Gvern Rumen. Għal kull pagament, huwa stabbilixxa kriterji speċifiċi ta’ politika ekonomika li huma elenkati fl-Anness I ta’ dan il-memorandum.

58.

Imbagħad, il-Memorandum ta’ Qbil jiddefinixxi l-għanijiet ġenerali tal-programm ekonomiku stabbilit mir-Rumanija. Jekk huwa minnu li dan il-memorandum jipprevedi li s-sistema tal-pensjonijiet għandha tiġi rriformata, filwaqt li jippreċiża ċerti miżuri konkreti bħat-tnaqqis tal-età tal-irtirar jew l-indiċjar tal-pensjonijiet tas-settur pubbliku mal-prezzijiet tal-konsumatur ( 14 ), għandu jiġi kkonstatat li mkien ma tissemma projbizzjoni tal-kumulu tal-pensjoni tas-settur pubbliku mad-dħul minn attivitajiet eżerċitati ma’ istituzzjonijiet pubbliċi.

59.

Kif tippreċiża l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ( 15 ), huma l-awtoritajiet Rumeni li għandhom jimplementaw il-miżuri li huma jqisu adegwati u neċessarji sabiex jissodisfaw l-għanijiet ġenerali ddefiniti fil-Memorandum ta’ Qbil.

60.

Għaldaqstant dan il-memorandum għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-projbizzjoni tal-kumulu tal-pensjoni netta fis-settur pubbliku mad-dħul minn attivitajiet eżerċitati ma’ istituzzjonijiet pubbliċi jekk il-livell tagħha jeċċedi l-livell tas-salarju gross medju nazzjonali li serva ta’ bażi għall-istabbiliment tal-baġit tas-sigurtà soċjali tal-Istat.

C – Fuq is-sitt, is-seba ’, id-disa ’ u l-għaxar domanda dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 17, 20 u 21 tal-Karta

61.

Bis-sitt, is-seba’, id-disa’ u l-għaxar domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, fuq il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 6 TUE u l-Artikoli 17, 20 u 21 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-projbizzjoni tal-kumulu tal-pensjoni netta fis-settur pubbliku mad-dħul minn attivitajiet eżerċitati ma’ istituzzjonijiet pubbliċi jekk il-livell ta’ din jeċċedi ċertu livell.

62.

F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jitfakkar li, fir-rigward tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, huma jorbtu lill-Istati Membri fil-każijiet kollha fejn huma msejħa sabiex japplikaw id-dritt tal-Unjoni ( 16 ).

63.

Fil-fatt, id-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet. Huwa minħabba f’hekk li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret diġà li hija ma tistax tevalwa, fid-dawl tal-Karta, leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tagħmilx parti mill-qafas tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, ladarba tali leġiżlazzjoni nazzjonali tidħol fil-kamp tal-applikazzjoni ta’ dan id-dritt, il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’domanda preliminari, għandha tipprovdi l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni, mill-qorti nazzjonali, tal-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-drittijiet fundamentali, li hija tiżgura r-rispett tagħhom ( 17 ).

64.

Għalhekk, il-kwistjoni kollha hija jekk, f’dan il-każ, il-Liġi Nru 329/2009 tikkostitwixxix implementazzjoni tal-Memorandum ta’ Qbil fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta u tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq.

1. Fuq l-applikazzjoni tal-Karta

65.

Il-Liġi Nru 329/2009 ġiet adottata preċiżament sabiex ir-Rumanija tikkonforma ruħha mal-impenji meħuda minnha fil-konfront tal-Komunità, impenji li jidhru fil-Memorandum ta’ Qbil, kif jirriżulta b’mod espliċitu mill-kliem stess dik il-liġi, li hija intitolata “Liġi dwar ir-riorganizzazzjoni ta’ ċerti awtoritajiet u istituzzjonijiet pubbliċi, limitazzjoni tal-ispejjeż pubbliċi, appoġġ għan-negozji u osservanza tal-ftehim qafas konklużi mal-[Kummissjoni] u l- FMI”.

66.

Bl-istess mod, l-Artikolu 2 ta’ din il-liġi ma fih l-ebda ambigwità sa fejn jindika li l-miżuri li huwa jistabbilixxi huma ta’ natura eċċezzjonali, li għandhom l-iskop li jnaqqsu l-effetti tal-kriżi ekonomika u li jwettqu l-obbligi li jirriżultaw mill-Memorandum ta’ Qbil u mill-ftehim ta’ konferma konkluż bejn ir-Rumanija u l-Kummissjoni kif ukoll l-FMI.

67.

Kif rajna fil-punti 49 sa 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan il-Memorandum ta’ Qbil jikkonkretizza l-proċedura li tirriżulta mill-Artikolu 143 TFUE. Fuq din il-bażi, ġew adottati żewġ deċiżjonijiet tal-Kunsill, fosthom id-Deċiżjoni 2009/459 li tipprevedi l-ħlas ta’ kull pagament ġdid ta’ għajnuna finanzjarja ladarba l-implementazzjoni tal-programm ekonomiku ġdid tal-Gvern Rumen, li l-kundizzjonijiet tagħha huma stabbiliti f’dan il-Memorandum ta’ Qbil, tkun sodisfaċenti ( 18 ).

68.

Fost dawn il-kundizzjonijiet, nirrileva li l-punt 5(a) tal-Memorandum ta’ Qbil jipprevedi tnaqqis tal-massa tas-salarju tas-settur pubbliku, filwaqt li r-raba’ subparagrafu tal-punt 5(b) jindika li, sabiex jittejbu l-finanzi pubbliċi fit-tul, il-parametri qofol tas-sistema tal-pensjonijiet ser jiġu rriformati.

69.

Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-Liġi Nru 329/2009 ġiet adottata sabiex timplementa dawn l-impenji meħuda mir-Rumanija fil-Memorandum ta’ Qbil li, kif rajna fil-punti 49 sa 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jagħmel parti mid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija effettivament irregolata mid-dritt tal-Unjoni.

70.

F’dan ir-rigward, ma huwiex rilevanti li l-Memorandum ta’ Qbil iħalli marġni ta’ manuvra lir-Rumanija sabiex tiddeċiedi l-aħjar miżuri sabiex iwasslu għall-osservanza ta’ dawn l-impenji, bħalma hija l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprevedi l-projbizzjoni tal-kumulu tal-pensjoni netta fis-settur pubbliku mad-dħul minn attivitajiet eżerċitati ma’ istituzzjonijiet pubbliċi jekk il-livell tagħha jeċċedi ċertu livell. Fil-fehma tiegħi, l-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni 2009/459, u mill-Memorandum ta’ Qbil, huma suffiċjentement iddettaljati u preċiżi sabiex jikkostitwixxu regoli tad-dritt tal-Unjoni speċifiċi fil-qasam, kuntrarjament għal sempliċi rakkommandazzjonijiet adottati mill-Kunsill, fuq il-bażi tal-Artikolu 126 TFUE, indirizzati lill-Istati Membri li d-defiċit pubbliku tagħhom jiġi kkunsidrat bħala eċċessiv.

71.

Konsegwentement, inqis li l-Liġi Nru 329/2009 timplementa d-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta u għaldaqstant din hija applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

2. Fuq il-ksur tal-Artikoli 17, 20 u 21 tal-Karta

72.

Qabelxejn, nippreċiża li l-analiżi tiegħi ser tirrigwarda biss l-Artikolu 17 tal-Karta. Fil-fatt, f’dak li jikkonċerna l-Artikoli 20 u 21 tagħha, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju sempliċement issemmihom fid-domanda preliminari mingħajr madankollu ma tispjega kif il-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikser dawn l-artikoli.

73.

Skont l-Artikolu 17 tal-Karta, “[l]-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku.”

74.

Sabiex tiġi ddeterminata l-portata tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-proprjetà, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-Artikolu 1 tal-Protokoll addizzjonali Nru 1 għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, li tistabbilixxi dan id-dritt ( 19 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kellha l-opportunità tiddikjara ruħha f’diversi okkażjonijiet fuq id-dritt għall-pensjoni.

75.

B’dan il-mod, hija ddeċidiet li “[dan l-artikolu] ma joħloqx dritt għall-akkwist tal-proprjetà. [Huwa] ma jimponi l-ebda restrizzjoni fuq il-libertà tal-Istati kontraenti li jiddeċiedu li jistabbilixxu jew le sistema ta’ protezzjoni soċjali jew li jagħżlu t-tip jew il-livell tal-benefiċċji li jistgħu jingħataw taħt tali sistema. Għall-kuntrarju, meta Stat kontraenti jistabbilixxi leġiżlazzjoni li tipprevedi l-ħlas awtomatiku ta’ benefiċċju soċjali – kemm jekk l-għoti ta’ dak il-benefiċċju jkun jiddependi fuq il-ħlas minn qabel ta’ kontribuzzjonijiet, kemm jekk le –, dik il-leġiżlazzjoni għandha tiġi kkunsidrata li toħloq interess patrimonjali li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 għall-persuni li jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet.” ( 20 )

76.

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, id-dritt għall-pensjoni ma huwiex bħal dak li huwa ggarantit mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ( 21 ) u l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jagħti dritt għal pensjoni f’ammont determinat ( 22 ).

77.

Ma nara l-ebda raġuni sabiex nadotta pożizzjoni differenti f’din il-kawża mibdija quddiem il-Qorti tagħna. Huwa stabbilit li d-dritt għall-pensjoni, li għandhom ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tnissel mill-kontribuzzjonijiet tal-assigurati, f’dan il-każ maġistrati. Dawn akkwistaw dritt għall-proprjetà fuq il-pensjoni stabbilita taħt l-attività tagħhom u għaldaqstant il-pensjoni tagħmel parti mid-drittijiet patrimonjali tagħhom. Barra minn hekk, għal tlieta mir-rikorrenti, dan id-dritt ġie trażmess lill-eredi tal-assigurat de cujus. Għaldaqstant, id-dritt għall-pensjoni jidħol effettivament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 17 tal-Karta.

78.

Din id-dispożizzjoni tikkunsidra żewġ forom possibbli ta’ ksur tad-dritt tal-proprjetarju, jiġifieri ċ-ċaħda pura u sempliċi ta’ dan id-dritt (“[l]-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha”) jew ir-restrizzjoni tal-użu tagħha (“[l]-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi”) ( 23 ).

79.

F’dan il-każ, naħseb li l-projbizzjoni tal-kumulu tal-pensjoni fis-settur pubbliku mad-dħul minn attivitajiet eżerċitati ma’ istituzzjonijiet pubbliċi ma tistax tiġi kkunsidrata bħala att li jinvolvi ċaħda pura u sempliċi tal-proprjetà, sa fejn il-“proprjetarju” jibqa’ liberu li jiddisponi mill-proprjetà tiegħu, f’dan il-każ il-pensjoni. Fil-fatt, il-persuni fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhom jagħmlu għażla bejn li jirċievu din il-pensjoni jew ikomplu r-relazzjoni tax-xogħol tagħhom. Huma bl-ebda mod ma huma mċaħħda mill-imsemmija pensjoni.

80.

Għall-kuntrarju, ma hemm l-ebda dubju li din il-projbizzjoni stabbilita permezz tal-Liġi Nru 329/2009 tirrestrinġi effettivament l-użu tal-proprjetà, billi tillimita l-użu tagħha b’mod temporanju. Din ir-restrizzjoni tista’ tiġi ammessa, bis-saħħa tal-Artikolu 17 tal-Karta, biss jekk hija “[rregolata] mil-liġi safejn meħtieġ fl-interess ġenerali”. Fil-fehma tiegħi, din il-frażi tirrifletti l-Artikolu 52(1) tal-Karta li jipprevedi li “[k]ull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijet u tal-libertajiet rikonoxxuti [minnha] għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet [għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet u ta’ dawn il-libertajiet] f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”.

81.

Minkejja li r-restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà bil-projbizzjoni tal-kumulu tal-pensjoni netta fis-settur pubbliku mad-dħul minn attività eżerċitata ma’ istituzzjoni pubblika hija ċertament irregolata mil-liġi Rumena, għad irid jiġi stabbilit jekk hija tirrispettax il-kontenut essenzjali tad-dritt għall-proprjetà, jekk hijiex meħtieġa u jekk hija tissodisfax għan ta’ interess ġenerali.

82.

Rigward dan l-aħħar punt, jidhirli li ma jistax ikun ikkontestat li l-għan li jfittex li jirriduċi l-effetti tal-kriżi ekonomika u jissodisfa l-obbligi riżultanti mill-Memorandum ta’ Qbil u mill-ftehim ta’ konferma konklużi bejn ir-Rumanija u l-Kummissjoni u l-FMI huwa għan ta’ interess ġenerali.

83.

Barra minn hekk, naħseb li l-Liġi Nru 329/2009 ma tqigħedx inkwistjoni l-garanzija nnifisha tad-dritt għall-proprjetà. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 2 ta’ dik il-liġi, din tal-aħħar hija ta’ natura eċċezzjonali. Hija mhix imsejħa sabiex tibqa’ fis-seħħ għal żmien twil. Barra minn hekk, hija ma tqigħedx inkwistjoni l-prinċipju nnifsu tad-dritt għall-pensjoni, imma tillimita l-użu tiegħu f’ċirkustanzi definiti u inkwadrati tajjeb, jiġifieri meta l-pensjoni hija kkumulata ma’ attività eżerċitata ma’ istituzzjonijiet pubbliċi u meta l-pensjoni teċċedi ċertu livell.

84.

Fir-rigward tan-neċessità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, jidhirli li, fil-kuntest speċifiku ħafna tal-kriżi ekonomika li biha huma kkonfrontati l-Istati Membri, dawn, kif ukoll l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, huma ċertament l-aħjar sabiex jiddeterminaw liema miżuri jista’ jkollhom l-aħjar effett sabiex jissanaw l-ispiża pubblika. Għalhekk, jien naħseb li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ f’dan il-qasam. Mill-bqija, infakkar li l-persuni kkonċernati mill-miżura għandhom jagħmlu għażla bejn li jżommu l-ħlas tal-pensjoni jew ikomplu jeżerċitaw attività ma’ istituzzjoni pubblika biss meta l-pensjoni tagħhom teċċedi l-livell tas-salarju gross medju nazzjonali li serva ta’ bażi għall-istabbiliment tal-baġit tas-sigurtà soċjali tal-Istat. Barra minn hekk, is-sospensjoni tal-ħlas tal-pensjoni tar-rikorrenti hija biss temporanja, sakemm tispiċċa r-relazzjoni ta’ xogħol.

85.

Lanqas ma huma mċaħħda minn kull sors ta’ dħul għaliex huma jagħmlu dħul preċiżament mill-attività professjonali eżerċitata mal-istituzzjoni pubblika.

86.

Fl-aħħar nett, fil-fehma tiegħi, il-Liġi Nru 329/2009 ma tqigħedx fuq ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali piż sproporzjonat u eċċessiv peress li f’kull mument huma jistgħu jagħmlu l-għażla li jitterminaw ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom, u jirċievu mill-ġdid, il-pensjoni tagħhom.

87.

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jiena tal-fehma li l-Artikolu 17 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevdi l-projbizzjoni tal-kumulu tal-pensjoni netta fis-settur pubbliku mad-dħul minn attivitajiet eżerċitati ma’ istituzzjonijiet pubbliċi jekk il-livell tagħha jeċċedi ċertu livell.

D – Fuq it-tmien domanda dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78

88.

Fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, SCMD ( 24 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mitluba tiddeċiedi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17 tal-Liġi Nru 329/2009, li jimponi t-terminazzjoni ipso jure tar-relazzjoni ta’ xogħol jew tar-relazzjoni ta’ servizz tal-impjegati tas-settur pubbliku li jibbenefikaw ukoll minn pensjoni tal-irtirar ogħla mis-salarju gross medju, meta dawn ma jkunux għażlu li jkomplu din ir-relazzjoni ta’ xogħol jew din ir-relazzjoni ta’ servizz f’terminu stabbilit, jistabbilixxix diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(2) u tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/78. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex applikabbli għal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni f’dik il-kawża.

89.

Billi l-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija fil-kawża li wasslet għas-sentenza SCMD ( 25 ) hija wkoll dik li hija kkontestata inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma nara l-ebda raġuni li nitbiegħed mir-raġunament u mid-deċiżjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża, u dan iktar u iktar għaliex la l-qorti tar-rinviju fil-kawża li tressqet quddiemna – u, fl-aħħar mill-aħħar, lanqas ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali – ma jispjegaw ir-rabta li suppost teżisti bejn l-istatus ta’ pensjonanti akkwistat mill-maġistrati kkonċernati f’din il-kawża u xi wieħed mill-motivi ta’ diskriminazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78.

90.

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju sempliċement tikkwota minn sentenza tal-Curtea Constituţională (qorti kostituzzjonali) tal-4 ta’ Novembru 2009, fejn ġie kkonstatat li l-Liġi Nru 329/2009 hija konformi mal-Kostituzzjoni, sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV tagħha, li minnu jagħmlu parti l-Artikoli 17 sa 26 ta’ din il-liġi, ma jikkonċernawx il-persuni li jkollhom it-tul tal-ħatra tagħhom iffissat b’mod espliċitu mill-Kostituzzjoni, u għaldaqstant ġiet ikkonfermata l-kostituzzjonalità ta’ dik il-liġi f’dak li jikkonċerna l-maġistrati tal-karriera.

91.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, il-“prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament” għandu jinftiehem li ma għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta, ibbażata fuq xi wieħed mill-motivi msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, fosthom l-età ( 26 ).

92.

Issa, kif innotat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li wasslet għas-sentenza SCMD, it-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol jew tar-relazzjoni ta’ servizz huwa, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, impost biss fuq il-persuni impjegati fis-settur pubbliku li jibbenefikaw minn pensjoni tal-irtirar f’ammont ogħla mis-salarju gross medju nazzjonali u ma jkunux għażlu, f’terminu stabbilit, li jkomplu r-relazzjoni ta’ xogħol jew ir-relazzjoni ta’ servizz ( 27 ).

93.

Għaldaqstant id-differenza fit-trattament ma hijiex ibbażat fuq l-età imma fuq il-kwalità ta’ impjegat fis-settur pubbliku u fuq il-fatt li l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar li jirċievi dak l-impjegat huwa ogħla mis-salarju gross medju nazzjonali ( 28 ).

94.

Konsegwentement, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 31 tas-sentenza SCMD, sitwazzjoni bħal dik li tressqet quddiemna llum ma taqax fil-qafas ġenerali stabbilit bl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78 sabiex jiġu miġġielda ċerti diskriminazzjonijiet.

95.

Naħseb għaldaqstant li dan l-artikolu għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex applikabbli għal leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprevedi, għall-persuni impjegati fis-settur pubbliku, il-projbizzjoni tal-kumulu tal-pensjoni netta mad-dħul minn attivitajiet eżerċitati ma’ istituzzjonijiet pubbliċi jekk il-livell tagħha jeċċedi l-livell tas-salarju gross medju nazzjonali li serva ta’ bażi għall-istabbiliment tal-baġit tas-sigurtà soċjali tal-Istat.

E – Fuq il-ħames domanda, dwar dritt għal rimedju effettiv u għall-osservanza tal-prinċipji ta ’ ekwivalenza u ta ’ effettività

96.

Bil-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, fuq il-punt dwar jekk l-Artikolu 47 tal-Karta u l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, fil-każ ta’ ksur tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, huma biss id-deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi u irrevokabbli mogħtija fil-kuntest ta’ rikorsi ta’ natura amministrattiva li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ reviżjoni u mhux id-deċiżjonijiet mogħtija fl-oqsma l-oħra, bħalma huma l-oqsma ċivili, kriminali, jew kummerċjali.

97.

Infakkar li, fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju hija adita b’rikors għal reviżjoni kontra sentenza ċivili mogħtija mill-Curtea de Apel Alba Iulia, Secţia pentru conflicte de muncă şi asigurări sociale (qorti tal-appell ta’ Alba Iulia, sezzjoni tat-tilwim tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali) li għandu bħala suġġett il-kontestazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rtirar.

98.

Qabelxejn, għandu jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà eżaminat din il-kwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia ( 29 ). Fil-fatt, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mistoqsija mit-Tribunalul Sibiu (qorti għolja ta’ Sibiu) fuq il-punt dwar jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, kellux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi li qorti nazzjonali ma jkollhiex il-possibbiltà li tirrevedi deċiżjoni ġudizzjarja definittiva mogħtija fil-kuntest ta’ rikors ta’ natura ċivili, meta dik id-deċiżjoni tirriżulta inkompatibbli ma’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja wara d-data li fiha l-imsemmija deċiżjoni saret definittiva, anki jekk din il-possibbiltà teżisti f’dak li jikkonċerna d-deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni mogħtija fil-kuntest ta’ rikors ta’ natura amministrattiva.

99.

Fil-kawża Târșia, bħal f’din il-kawża, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li ġiet ikkontestata kienet l-Artikolu 21 tal-Liġi Nru 554/2004 fuq il-kontenzjuż amministrattiv.

100.

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 34 ta’ din is-sentenza li “[l-prinċipju ta’ ekwivalenza] jimplika trattament ugwali għar-rimedji bbażati fuq ksur tad-dritt nazzjonali u dawk simili bbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni u mhux l-ekwivalenza tar-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli għal proċeduri ta’ natura differenti bħal, fil-kawża prinċipali, il-proċeduri ċivili minn naħa u l-proċeduri amministrattivi min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, [dan] il-prinċipju ma huwiex rilevanti f’sitwazzjoni li, bħal fil-kawża prinċipali, tikkonċerna żewġ tipi ta’ rikorsi bbażati, kemm wieħed kif ukoll l-ieħor, fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni”. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li dan il-prinċipju ma kienx jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma huwa l-Artikolu 21 tal-Liġi Nru 554/2004.

101.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat fil-punt 38 tal-imsemmija sentenza li “[hija], fakkret, diversi drabi, l-importanza li għandu l-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata [...]. Għaldaqstant, ġie deċiż li d-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix li, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni rilevanti ta’ dan id-dritt adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja wara d-deċiżjoni ta’ korp ġudizzjarju li jkollha l-awtorità ta’ res judicata, dan għandu, bħala prinċipju jirriforma din id-deċiżjoni”.

102.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkonkludiet li l-prinċipju ta’ effettività ma kienx jipprekludi, lanqas, leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma huwa l-Artikolu 21 tal-Liġi Nru 554/2004.

103.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fil-punt 40 tas-sentenza Târșia ( 30 ) li “hija ġurisprudenza stabbilita li, minħabba, fost oħrajn, il-fatt li ksur tad-drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni minn [deċiżjoni ġudizzjarja definittiva] ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat, l-individwi ma jistgħux jiġu miċħuda l-possibbiltà li jżommu lill-Istat responsabbli sabiex b’dan il-mezz jiksbu protezzjoni legali tad-drittijiet tagħhom”.

104.

Għalhekk, għall-istess raġunijiet bħal dawk invokati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Târșia, inqis li l-Artikolu 47 tal-Karta u l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li qorti nazzjonali ma jkollhiex il-possibbiltà li tirrevedi deċiżjoni ġudizzjarja definittiva mogħtija fil-kuntest ta’ rikors ta’ natura ċivili, meta din id-deċiżjoni tirriżulta inkompatibbli ma’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja li din il-possibbiltà teżisti f’dak li jikkonċerna d-deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi li jkunu inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni mogħtija fil-kuntest ta’ rikorsi ta’ natura amministrattiva.

V – Konklużjonijiet

105.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Curtea de Apel Alba Iulia (qorti tal-appell ta’ Alba Iulia, ir-Rumanija) bil-mod li ġej:

Il-Memorandum ta’ Qbil bejn il-Komunità Ewropea u r-Rumanija, konkluż f’Bukarest u fi Brussell fit-23 ta’ Ġunju 2009, għandu jiġi kkunsidrat bħala att adottat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE; il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tinterpretah.

Dan il-memorandum għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-projbizzjoni tal-kumulu tal-pensjoni netta fis-settur pubbliku mad-dħul minn attivitajiet eżerċitati ma’ istituzzjonijiet pubbliċi jekk il-livell tagħha jeċċedi l-livell tas-salarju gross medju nazzjonali li serva ta’ bażi għall-istabbiliment tal-baġit tas-sigurtà soċjali tal-Istat.

L-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-projbizzjoni tal-kumulu tal-pensjoni netta fis-settur pubbliku mad-dħul minn attivitajiet eżerċitati ma’ istituzzjonijiet pubbliċi jekk il-livell tagħha jeċċedi ċertu livell.

L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza ta’ trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprevedi, għall-persuni impjegati fis-settur pubbliku, il-projbizzjoni tal-kumulu tal-pensjoni netta fis-settur pubbliku mad-dħul minn attivitajiet eżerċitati ma’ istituzzjonijiet pubbliċi jekk il-livell tagħha jeċċedi l-livell tas-salarju gross medju nazzjonali li serva ta’ bażi għall-istabbiliment tal-baġit tas-sigurtà soċjali tal-Istat.

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, li qorti nazzjonali ma jkollhiex il-possibbiltà li tirrevedi deċiżjoni ġudizzjarja finali mogħtija fil-kuntest ta’ rikors ta’ natura ċivili, meta din id-deċiżjoni tirriżulta li tkun inkompatibbli ma’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea wara d-data li fiha l-imsemmija deċiżjoni tkun saret finali, minkejja li tali possibbiltà teżisti fir-rigward tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji finali li jkunu inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni mogħtija fil-kuntest ta’ rikorsi ta’ natura amministrattiva.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza ta’ trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

( 3 ) Iktar ’il quddiem, il-“Karta”.

( 4 ) Iktar ’il quddiem, il-“Memorandum ta’ Qbil”. Dan il-Memorandum ta’ Qbil huwa disponibbli fuq l-indirizz tal-internet li ġej: http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/publication15409_en.pdf. Għandu jiġi nnotat li l-verżjoni fil-lingwa Ingliża tar-Regolamenet tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002, tat-18 ta’ Frar 2002 li jistabbilixxi facilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagament tal-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 3, p. 81) , kif emendat mir-Regolament KE Nru 431/2009 tat-18 ta’ Mejju 2009 (ĠU 2009, L 128, p. 1), tuża l-frażi “memorandum of understanding”. Madankollu, billi l-verżjoni bil-lingwa Franċiża tuża l-frażi “Memorandum ta’ Qbil”, jien ser nuża din tal-aħħar għal finijiet ta’ koerenza.

( 5 ) Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009, li tagħti għajnuna reċiproka lir-Rumanija (ĠU 2009, L 150, p. 6).

( 6 ) Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009, li tagħti għajnuna finanzjarja tal-Komunità lir-Rumanija fuq medda medja ta’ żmien (ĠU 2009, L 150, p. 8).

( 7 ) L-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni.

( 8 ) Iktar ’il quddiem, il-“Liġi Nru 329/2009”

( 9 ) Iktar ’il quddiem, il-“Liġi Nru 554/2004”.

( 10 ) Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1989, Grimaldi (C‑322/88, EU:C:1989:646, punt 8) u tal-11 ta’ Mejju 2006, Friesland Coberco Dairy Foods (C‑11/05, EU:C:2006:312, punt 36). Enfasi miżjud minni.

( 11 ) Ara d-Deċiżjoni 2009/458.

( 12 ) Ara d-Deċiżjoni 2009/459.

( 13 ) Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1989, Grimaldi (C‑322/88, EU:C:1989:646, punt 8) u tat-8 ta’ April 1992, Wagner (C‑94/91, EU:C:1992:181, punti 1617).

( 14 ) Ara r-raba’ subparagrafu tal-punt 5(b) ta’ dan il-memorandum.

( 15 ) Ara l-punt 25 tal-osservazzjonijiet.

( 16 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, Möllendorf u Möllendorf-Niehuus (C‑117/06, EU:C:2007:596, punt 78) u d-digriet tas-7 ta’ Marzu 2013, Sindicato dos Bancários do Norte et (C‑128/12, mhux ippubblikata, EU:C:2013:149, punt 10).

( 17 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19). Ara wkoll, għal ġurisprudenza reċenti, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630)

( 18 ) Ara l-Artikolu 3(5) ta’ din id-deċiżjoni.

( 19 ) Ara s-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 356).

( 20 ) Ara l-QEDB, 7 ta’ Lulju 2011, Stummer vs L-Awstrija [GC], CE:ECHR:2011:0707JUD003745202, § 82.

( 21 ) Ara l-QEDB, 2 ta’ Frar 2006, Buchheit u Meinberg vs Il-Ġermanja, CE:ECHR:2006:0202DEC005146699, p. 10.

( 22 ) Ara l-QEDB, 12 ta’ Ottubru 2004, Kjartan Ásmundsson vs L-Islanda, CE:ECHR:2004:1012JUD006066900, § 39.

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 1979, Hauer (44/79, EU:C:1979:290, punt 19).

( 24 ) C‑262/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:336.

( 25 ) Sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015 (C‑262/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:336).

( 26 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, SCMD (C‑262/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:336, punt 22).

( 27 ) Sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, SCMD (C‑262/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:336, punt 24).

( 28 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, SCMD (C‑262/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:336, punt 30).

( 29 ) C‑69/14, EU:C:2015:662.

( 30 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015 (C‑69/14, EU:C:2015:662)

Top