EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0240

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fl-20 ta’ Mejju 2015.
Eleonore Prüller-Frey vs Norbert Brodnig u Axa Versicherung AG.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Korneuburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru f’każ ta’ inċident – Kawża għad-danni – Konvenzjoni ta’ Montréal – Regolament (KE) Nru 2027/97 – Titjira mingħajr ħlas magħmula mill-proprjetarju ta’ proprjetà immobbli bil-għan li tintwera din il-proprjetà lil akkwirent eventwali – Regolament (KE) Nru Regolament Nru 864/2007/2007 – Azzjoni diretta prevista mid-dritt nazzjonali kontra l-assiguratur għal responsabbiltà ċivili.
Kawża C-240/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:325

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MACIEJ SZPUNAR

ippreżentati fl-20 ta’ Mejju 2015 ( 1 )

Kawża C‑240/14

Eleonore Prüller-Frey

vs

Norbert Brodnig,

Axa Versicherung AG

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Korneubourg (l-Awstrija)]

“Responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru f’każ ta’ inċident — Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru — Regolament (KE) Nru 2027/97 — Kamp ta’ applikazzjoni — Titjira magħmula f’inġenju ultralight power driven li l-operatur tiegħu ma għandux liċenzja operattiva għas-servizzi bl-ajru — Titjira li għandha l-istess punt ta’ tluq u nżul u magħmula bil-għan li tintwera proprjetà immobbli lil akkwirent eventwali — Regolament (KE) Nru 864/2007 — Artikolu 18 — Azzjoni diretta kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli”

I – Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Landesgericht Korneubourg (it-tribunal reġjonali ta’ Korneubourg, l-Awstrija) tikkonċerna d-determinazzjoni tal-liġi li tapplika għal talba għal kumpens ta’ individwu, li jirrisjedi fl-Awstrija, magħmula kontra l-operatur ta’ inġenju tal-ajru u l-assiguratur tiegħu kontra r-responsabbiltà ċivili wara inċident fl-ajru li seħħ fi Spanja.

2.

Din it-talba hija interessanti doppjament mill-perspettiva tal-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni. Minn naħa waħda, hija toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tippreċiża l-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru ( 2 ) kif ukoll tar-Regolament (KE) Nru 2027/97 li jimplementa din il-konvenzjoni ( 3 ). Min-naħa l-oħra, hija tippermetti li tiġi ppreċiżata l-portata tal-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) ( 4 ), li tikkontempla l-azzjoni diretta kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Il-Konvenzjoni ta ’ Montreal

3.

L-Artikolu 1(1) u 1(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, intitolat il-“Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“1.   Din il-konvenzjoni tapplika għat-trasport internazzjonali ta’ persuni, bagalji jew merkanzija kollha mwettqa bl-ajruplani għall-ħlas. Tapplika ugwalment għal trasport b’xejn imwettaq permezz ta’ ajruplan minn impriża tat-trasport bl-ajru.

2.   Għall-iskopijiet ta’ din il-konvenzjoni, l-espressjoni trasport internazzjonali tfisser kull trasport li fih, skont il-ftehim bejn il-partijiet, il-post tat-tluq u l-post tad-destinazzjoni, kemm jekk hemm waqfa fit-trasport jew transbord, jinstabu jew fit-territorji ta’ żewġ Stati Partijiet, jew fit-territorju ta’ Stat Parti wieħed, jekk hemm post miftiehem ta’ waqfien fit-territorju ta’ Stat ieħor, ukoll jekk dak l-Istat mhuwiex Stat Parti. It-trasport bejn żewġ punti fit-territorju ta’ Stat Parti wieħed mingħajr tali ftehim ta’ waqfien miftiehem fit-territorju ta’ Stat ieħor mhuwiex trasport internazzjonali għall-iskopijiet ta’ din il-konvenzjoni.

[…]”

4.

L-Artikoli 17 u 21 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal jirregolaw il-kumpens f’każ ta’ mewt jew feriti li jsofri l-passiġġier.

5.

L-Artikolu 29 ta’ din il-konvenzjoni huwa fformulat kif ġej:

“Fit-trasport tal-passiġġieri, bagalji u merkanzija, kull azzjoni għal danni, tkun kif tkun fondata, kemm taħt din il-konvenzjoni jew taħt kuntratt jew delitt jew xort’oħra, tista’ tinġieb biss taħt il-kondizzjonijiet u limiti ta’ responsabbiltà kif stabbiliti f’din il-konvenzjoni, bla ħsara għall-kwistjoni dwar min huma l-persuni li għandhom id-dritt li jġibu l-azzjoni u x’inhuma d-drittijiet rispettivi tagħhom. F’kull azzjoni ta’ din ix-xorta, m’humiex rikoverabbli danni punitivi, eżemplari jew danni oħrajn non-kompensatorji.”

6.

L-Artikolu 33 ta’ din l-istess konvenzjoni jistabbilixxi l-qrati kompetenti biex jisimgħu azzjonijiet biex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà skont l-imsemmija konvenzjoni.

B – Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

7.

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2027/97/KEE jistabbilixxi:

“Dan ir-Regolament jimplimenta d-dispożizzjonijiet relevanti tal-Konvenzjoni ta’ Montreal fir-rigward tat-trasport ta’ passiġġieri u l-bagalji tagħhom bl-ajru u jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet supplimentari. Jestendi wkoll l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għat-trasport bl-ajru fi ħdan Stat Membru wieħed.”

8.

L-Artikolu 2(1)(b), ta’ dan ir-regolament jipprovdi li:

“1.   Għall-fini ta’ dan ir-Regolament:

[…]

b)

‘Trasportatur bl-ajru Komunitarju’, tfisser trasportatur bl-ajru b’liċenzja valida għall-eżerċizzju mogħtija minn Stat Membru skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 2407/92 [ ( 5 )].”

9.

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2027/97 huwa redatt kif ġej:

“Ir-responsabbiltà ta’ trasportatur bl-ajru Komunitarju fir-rigward ta’ passiġġieri u l-bagalji tagħhom tiġi regolata mid-dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni ta’ Montreal pertinenti għal din ir-responsabbiltà”.

10.

L-operat ta’ servizzi tal-ajru ġewwa l-Unjoni Ewropea minn trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni huwa rregolat mir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 ( 6 ).

11.

L-Artikolu 2, punti 4 sa 6, tar-Regolament Nru 1008/2008 jistabbilixxi li:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

[...]

4)   ‘servizz ta’ l-ajru’ tfisser titjira jew serje ta’ titjiriet li jġorru passiġġieri, tagħbija u/jew posta bi ħlas u/jew b’kiri;

5)   ‘titjira’ tfisser tluq minn ajruport speċifikat lejn ajruport speċifiku tad-destinazzjoni;

6)   ‘titjira lokali’ tfisser titjira li ma tinvolvix ġarr ta’ passiġġieri, posta u/jew merkanzija bejn ajruporti differenti jew punti ta’ nżul awtorizzati oħrajn.”

12.

L-Artikolu 3(1) u (3) tal-imsemmi regolament jipprovdi li:

“1.   L-ebda impriża stabbilita fil-Komunità m’għandha titħalla ġġorr bl-ajru passiġġieri, posta u/jew merkanzija għal remunerazzjoni u/jew kiri sakemm hi ma tingħatax l-liċenzja operattiva xierqa.

[…]

3.   Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra applikabbli tal-liġi Komunitarja, nazzjonali jew internazzjonali, il-kategorji li ġejjin ta’ servizzi ta’ l-ajru m’għandhomx ikunu suġġetti għar-rekwiżit ta’ liċenzja operattiva valida:

a)

servizzi ta’ l-ajru mwettqa minn inġenji ta’ l-ajru li ma jkunux power driven u/jew inġenji ta’ l-ajru ultralight power driven, u

b)

titjiriet lokali.”

13.

L-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma II jipprovdi li:

“1.   Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn delitt jew kważi-delitt ċivili għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ id-dannu irrispettivament mill-pajjiż fejn seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu u irrispettivament mill-pajjiż jew pajjiżi fejn iseħħu l-konsegwenzi indiretti ta’ dak l-avveniment.

2.   Madankollu, fejn kemm l-persuna allegatament responsabbli kif ukoll il-persuna li ssofri d-dannu ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-istess pajjiż fil-mument meta jseħħ id-dannu, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi ta’ dak il-pajjiż.

[...]”

14.

L-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li:

“Il-persuna li tkun sofriet id-dannu tista’ tressaq it-talba tagħha direttament kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli sabiex jipprovdi l-kumpens jekk hekk ikun previst mill-liġi applikabbli għall-obbligazzjoni mhux kuntrattwali jew mill-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni.”

III – Il-kawża prinċipali

15.

Fit-30 ta’ Awwissu 2010, E. Prüller-Frey, li hija r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kienet involuta f’inċident viċin Jerez de la Frontera (Spanja) matul titjira f’gyroplane misjuq mill-proprjetarju tiegħu, Felix Preiss. It-titjira kellha bħala l-punti tat-tluq u tad-destinazzjoni tagħha l-ajruport ta’ Medina Sidonia (Spanja) u l-iskop tagħha kien li tiġi osservata l-proprjetà immobbli li tappartjeni lil F. Preiss li kienet ser tkun is-suġġett ta’ tranżazzjoni immobiljari.

16.

Kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, il-polza ta’ asigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tkopri lill-gyroplane inkwistjoni kienet inħarġet mhux mill-proprjetarju tiegħu F. Preiss, imma minn N. Brodnig, bħala detentur tal-inġenju, mingħand kumpannija Ġermaniża Axa Versicherung AG. Din il-polza ta’ assigurazzjoni hija suġġetta għad-dritt Ġermaniż u tipprovdi għal estensjoni tal-ġurisdizzjoni favur il-qrati Ġermaniżi.

17.

Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta wkoll li N. Brodnig ma huwiex impriża li għandu liċenzja bħala trasportatur bl-ajru.

18.

E. Prüller-Frey għandha r-residenza abitwali tagħha fl-Awstrija. Fiż-żmien tal-fatti, N. Brodnig kien iddikjara r-residenza tiegħu kemm fl-Awstrija u kif ukoll fi Spanja. Madankollu, mill-proċess jirriżulta li l-qorti tar-rinviju ttendi li tikkunsidra li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma kellhomx ir-residenza abitwali tagħhom fl-istess pajjiż fil-mument tal-inċident għall-finijiet tal-applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Ruma II.

19.

Quddiem il-qorti tar-rinviju, E. Prüller-Frey ippreżentat talba għall-kumpens għad-dannu li hija sofriet minħabba l-inċident ibbażata fuq ir-responsabbiltà in solidum tal-konvenuti fil-kawża prinċipali.

20.

Kif jirriżulta mill-proċess, ir-rikorrenti ssostni fir-rikors fil-kawża prinċipali li l-qrati Awstrijaċi għandhom il-ġurisdizzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 ( 7 ) u li d-dritt Awstrijak japplika skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Ruma II. Barra minn hekk, hija ssostni li għandha dritt li tippreżenta rikors dirett kontra l-assiguratur skont id-dritt Awstrijak.

21.

Skont E. Prüller-Frey, Axa Versicherung AG tista’ titħarrek quddiem il-qorti Awstrijaka bħala ko-konvenuta u dan kemm skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Brussell I, u kif ukoll skont l-Artikolu 11 tiegħu, dwar l-azzjoni diretta tal-persuna li tkun ġarrbet il-ħsara kontra l-assiguratur.

22.

Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jikkontestaw kemm il-ġurisdizzjoni Awstrijaka kif ukoll l-applikabbiltà tad-dritt Awstrijak, u dan billi jsostnu li d-dritt applikabbli huwa d-dritt Spanjol u li l-qorti inkwistjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni. Dwar il-possibbiltà li ssir azzjoni diretta kontra l-assiguratur, il-konvenuti fil-kawża prinċipali sostnew li la d-dritt Ġermaniż, li għalih hija suġġetta l-polza ta’ assigurazzjoni, u lanqas id-dritt Spanjol applikabbli ma jippermettu tali azzjoni fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

23.

Min-naħa l-oħra, minn ċertifikat li jattesta l-liġi barranija mitlub mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tkun permessa tippreżenta azzjoni diretta kontra l-assiguratur skont id-dritt Spanjol.

24.

Għalkemm jidher li ebda waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali ma invokat il-konvenzjoni ta’ Montreal, il-qorti tar-rinviju, madankollu, għandha ċerti dubji fir-rigward tal-applikabbiltà ta’ din il-konvenzjoni. Hija tistaqsi wkoll dwar is-sistema ta’ responsabbiltà applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, kemm fil-każ fejn tkun tapplika l-konvenzjoni ta’ Montreal kif ukoll f’każ li din ma tapplikax.

IV – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25.

Huwa f’dan il-kuntest li l-Landesgericht Korneubourg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)

L-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) tar-Regolament [Nru 2027/97], l-Artikolu 3(ċ) u (g) tar-Regolament [785/2004 ( 8 )] kif ukoll l-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni [ta’ Montreal] għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-talba għal kumpens tal-persuna leża

li kienet tinsab fuq inġenju tal-ajru li kellu bħala postijiet ta’ tluq u ta’ nżul l-istess post li jinsab fi Stat Membru,

li ġiet ittrasportata b’xejn mill-pilota,

għal titjira ta’ osservazzjoni mill-ajru ta’ proprjetà immobbli, fil-kuntest ta’ proġett ta’ tranżazzjoni ta’ immobbli mal-pilota, u

li sostniet feriti minħabba l-waqgħa tal-inġenju tal-ajru,

għandha tiġi eżaminata biss abbażi tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni [ta’ Montréal] u fis-sens li d-dritt nazzjonali ma huwiex applikabbli?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

2)

L-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni [ta’ Montréal] u l-Artikolu 67 tar-Regolament [Nru 44/2001], għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kompetenza għall-istruttorja u għad-deċiżjoni fuq it-talba għal kumpens imsemmija fl-ewwel domanda għandha tiġi eżaminata biss abbażi tal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni [ta’ Montreal]?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

3)

L-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni [ta’ Montréal] u l-Artikolu 18 tar-Regolament [Ruma II] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu l-azzjoni diretta tal-persuna leża msemmija fl-ewwel domanda kontra l-assiguratur għar-responsabbiltà ċivili tal-awtur tad-dannu?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

4)

L-Artikolu 7(1)(f) tat-Tieni Direttiva [88/357/KEE ( 9 )] u l-Artikolu 18 tar-Regolament [Ruma II] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kundizzjonijiet tal-azzjoni diretta tal-persuna leża msemmija fl-ewwel domanda kontra l-kumpannija ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tal-awtur tad-dannu għandhom jiġu eżaminati abbażi tad-dritt ta’ tielet Stat, meta

il-lex loci delicti tipprevedi l-azzjoni diretta fil-liġi tagħha dwar il-kuntratt ta’ assigurazzjoni,

il-partijiet fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni jagħżlu d-dritt applikabbli, billi jindikaw l-ordinament ġuridiku ta’ tielet Stat,

u minn din l-għażla jirriżulta li d-dritt applikabbli huwa dak tal-Istat tas-sede tal-assiguratur, u meta

l-ordinament ġuridiku ta’ dan l-Istat jipprevedi wkoll l-azzjoni diretta fil-liġi tiegħu dwar il-kuntratt ta’ assigurazzjoni?”

26.

Id-digriet tar-rinviju, datat 12 ta’ Mejju 2014, wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Mejju 2014. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Awstrijak, u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

27.

Iż-żamma ta’ seduta ntalbet b’mod motivat mill-konvenuti fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-Gvern Franċiż, li ma kinux ipparteċipaw fil-proċedura bil-miktub. Il-partijiet fil-kawża prinċipali u partijiet interessati oħra pparteċipaw fis-seduta li nżammet fl-4 ta’ Marzu 2015.

V – Analiżi

28.

Infakkar li l-konvenzjoni ta’ Montreal tagħmel parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tiddeċiedi b’mod preliminari dwar l-interpretazzjoni tagħha ( 10 ).

29.

Għal dak li jirrigwarda l-azzjonijiet għad-danni marbutin ma’ inċidenti li jseħħu waqt trasport bl-ajru, din il-konvenzjoni tirregola, b’mod esklużiv, id-determinazzjoni tal-qorti li għandu jkollha ġurisdizzjoni, kif ukoll ċerti aspetti materjali ta’ kumpens f’każ ta’ mewt jew feriment sofrut minn xi passiġġier. Jekk, min-naħa l-oħra, il-konvenzjoni ta’ Montreal ma tkunx applikabbli, id-determinazzjoni tal-qorti li għandu jkollha ġurisdizzjoni sseħħ skont ir-Regolament Brussell I, u l-qorti li jkollha ġurisdizzjoni teżamina t-talba għall-kumpens filwaqt li tapplika r-regoli tad-dritt nazzjonali indikati mir-regoli ta’ kunflitt.

30.

Għaldaqstant, il-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-konvenzjoni ta’ Montreal għandha tiġi qabel l-eżami tal-kwistjonijiet l-oħra mqajma mill-qorti tar-rinviju.

A – Dwar l-applikabbiltà tal-konvenzjoni ta ’ Montreal (l-ewwel domanda)

31.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf essenzjalment jekk il-konvenzjoni ta’ Montreal tapplikax għall-kawża prinċipali, meta t-titjira kellha bħala punti ta’ tluq u ta’ nżul l-istess ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru u li l-passiġġiera ġiet ittrasportata b’xejn sabiex ittir minn fuq il-proprjetà immobiljari li tappartjeni lill-proprjetarju tal-inġenju tal-ajru bil-għan li ssir tranżazzjoni immobiljari fuqha.

32.

Il-qorti tar-rinviju tindika li l-applikabbiltà tal-konvenzjoni ta’ Montreal għall-fatti fil-kawża prinċipali jidhrilha li tirriżulta mill-fatt li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2027/97 ġie estiż għal titjiriet magħmula ġewwa Stat Membru wieħed. Hija tosserva wkoll li, anki jekk din it-talba għal kumpens ma hijiex diretta kontra trasportatur bl-ajru li għandu liċenzja, din it-talba tikkonċerna madankollu r-responsabbiltà marbuta mal-operat ta’ inġenju tal-ajru. Issa, ir-Regolament Nru 785/2004 jimponi l-ħruġ ta’ polza ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà mhux biss fuq it-trasportaturi bl-ajru, imma wkoll għal dawk li joperaw inġenju tal-ajru.

33.

Il-konvenuti fil-kawża prinċipali, li intervjenew waqt is-seduta, sostnew, b’argument analogu għal dak propost mill-qorti tar-rinviju, li l-konvenzjoni ta’ Montreal fil-fatt tapplika.

34.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Awstrijak u l-Gvern Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu, għalkemm għal raġunijiet xi ftit differenti, li l-konvenzjoni ta’ Montreal ma tapplikax.

35.

Il-Gvern Franċiż isostni li titjira li għandha l-istess punti ta’ tluq u nżul, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax titqies li saret fil-kuntest ta’ “trasport bl-ajru”, fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Montreal u tar-Regolament Nru 2027/97. Inkwantu għall-partijiet l-oħra u persuni interessati l-oħra, dawn isostnu li l-Konvenzjoni ta’ Montreal ma tapplikax u dan billi jibbażaw ruħhom fuq il-fatt li t-titjira ma saritx minn “trasportatur bl-ajru” fis-sens tar-Regolament Nru 1008/2008.

36.

Nosserva li l-konvenzjoni ta’ Montreal tapplika, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, għal kull “trasport internazzjonali [ ( 11 )] ta’ persuni, bagalji jew merkanzija kollha mwettqa bl-ajruplani għall-ħlas”.

37.

L-Artikoli 1 u 3 tar-Regolament Nru 2027/97, li jimplementa l-Konvenzjoni ta’ Montreal fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jestendu l-applikazzjoni tagħha għat-titjiriet magħmula fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed.

38.

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2027/97 jipprovdi, f’dan ir-rigward, li r-responsabbiltà ta’ trasportatur bl-ajru tal-Unjoni hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, mingħajr ma jagħmel distinzjoni bejn titjiriet internazzjonali u titjiriet nazzjonali ġewwa l-Unjoni.

39.

Barra minn hekk, l-Artikolu 2(1)(b) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi t-“[t]rasportatur bl-ajru [tal-Unjoni]”, bħala li jfisser persuna li għandha liċenzja operattiva valida mogħtija minn Stat Membru skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1008/2008 ( 12 ).

40.

Minn dan jirriżulta li l-qafas ta’ responsabbiltà previst fil-Konvenzjoni ta’ Montreal japplika għal titjiriet nazzjonali ġewwa l-Unjoni, meta tali titjiriet isiru minn trasportatur bl-ajru li għandu liċenzja operattiva valida fis-sens tar-Regolament Nru 1008/2008.

41.

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 8 tar-Regolament (KE) Nru 889/2002 ( 13 ), l-estensjoni tad-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni ta’ Montreal għal titjiriet nazzjonali kienet motivata bil-fatt li l-ħolqien tas-suq intern tas-servizzi tal-avjazzjoni elimina d-distinzjoni bejn it-trasport internazzjonali u t-trasport nazzjonali ġewwa l-Unjoni u kien jiġġustifika t-twaqqif ta’ livell u natura ta’ responsabbiltà waħda ( 14 ).

42.

Issa, fil-kawża prinċipali, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li Brodnig ma kellux liċenzja ta’ trasportatur bl-ajru.

43.

Għaldaqstant, it-titjira inkwistjoni ma hijiex milquta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2027/97, u lanqas minn dawk tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, peress li din kienet titjira nazzjonali li ma ġietx operata minn trasportatur bl-ajru li għandu liċenzja. Minn dan isegwi li t-talba għal kumpens inkwistjoni għandha tiġi eżaminata abbażi tad-dritt nazzjonali applikabbli wieħed, li jirriżulta mir-regoli ta’ kunflitt.

44.

Barra minn hekk, nosserva li miċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jirriżulta li N. Brodnig ma kienx obbligat li jkollu liċenzja ta’ trasportatur bl-ajru.

45.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 jipprovdi li l-impriżi li jipprovdu servizzi ta’ trasport bl-ajru ġewwa l-Unjoni għandhom ikunu suġġetti għall-obbligu li jkollhom liċenzja operattiva. Madankollu, skont l-Artikolu 3(3)(a) u (b) tal-istess regolament, ċerti servizzi bl-ajru huma eżentati minn dan l-obbligu. Din l-eżenzjoni tapplika b’mod partikolari għas-“servizzi ta’ l-ajru mwettqa minn inġenji ta’ l-ajru li ma jkunux power driven u/jew inġenji ta’ l-ajru ultralight power driven” u t-“titjiriet lokali” ( 15 ).

46.

Dan hu l-każ tat-titjira inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u dan peress li tinvolvi titjira lokali li kellha l-istess punti ta’ tluq u nżul u li l-inġenju tal-ajru kkonċernat kien wieħed ultralight power driven.

47.

Fid-dawl tas-suespost, nikkunsidra li l-Artikoli 1 u 3(1) tar-Regolament Nru 2027/97 għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni ta’ Montreal ma japplikawx għal titjira nazzjonali li ma tiġix operata minn trasportatur bl-ajru li għandu liċenzja operattiva fis-sens tar-Regolament Nru 1008/2008.

B – Fuq ir-rabta bejn il-Konvenzjoni ta ’ Montreal u r-Regolament Brussell I (it-tieni domanda)

48.

Fid-dawl tal-konklużjoni tiegħi dwar l-ewwel domanda, ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta lit-tieni u t-tielet domandi preliminari, li tressqu biss fil-każ fejn tkun tapplika l-konvenzjoni ta’ Montreal.

49.

Madankollu, jien ser neżaminahom fil-qosor f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-imsemmija konvenzjoni għandha tapplika.

50.

Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq ir-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal u dawk tal-Artikolu 67 tar-Regolament Brussell I.

51.

Infakkar li l-imsemmi Artikolu 67 jipprovdi li r-Regolament Brussell I ma jippreġudikax l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jinsabu f’atti tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali armonizzat, li jiddeterminaw il-ġurisdizzjoni ġudizzjarja f’materji partikolari. Dan l-artikolu jipprevedi, għaldaqstant, espliċitament l-eżistenza ta’ regoli partikolari fir-rigward tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Brussell I.

52.

Barra minn hekk, nosserva li l-Artikolu 67 tar-Regolament Brussell I jirreferi għal lex specialis li tinsab f’att ta’ dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, b’kuntrast mal-Artikolu 71 tal-istess regolament, li jikkonċerna r-regoli tal-ġurisdizzjoni ġudizzjarja li jinsabu fil-konvenzjonijiet li l-Istati Membri kienu diġà kontraenti fihom fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament u li jippermetti l-applikazzjoni tagħhom bil-kundizzjoni li ma jippreġudikawx il-prinċipji li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Brussell I ( 16 ), l-Artikolu 67 ma huwiex mogħni b’xi kundizzjonijiet.

53.

F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa diffiċli li wieħed jikkontesta li l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal jikkostitwixxi tali lex specialis, li tinsab f’att ta’ dritt tal-Unjoni, li teskludi l-applikazzjoni tar-regoli ġenerali ta’ ġurisdizzjoni previsti fir-Regolament Brussell I. Din l-esklużjoni tikkonċerna l-kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni ġudizzjarja li huma rregolati mill-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal.

54.

Madankollu, jeħtieġ li jerġa’ jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 33 japplikax għall-każ ta’ titjira magħmula ġewwa Stat Membru wieħed.

55.

Il-Gvern Awstrijak isostni, f’dan ir-rigward, li l-Konvenzjoni ta’ Montreal tapplika biss għat-trasport internazzjonali u li r-Regolament Nru 2027/97 ma jestendix il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni kkontemplati fl-Artikolu 33 tal-konvenzjoni, iżda dak biss tad-dispożizzjonijiet sostantivi.

56.

Jien m’iniex konvint minn din il-pożizzjoni.

57.

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2027/97, ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru fil-konfront tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom hija rregolata mid-“dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni ta’ Montreal pertinenti għal din ir-responsabbiltà”.

58.

Fil-fehma tiegħi, dan ir-riferiment jolqot id-dispożizzjonijiet kollha tal-kapitolu III tal-Konvenzjoni ta’ Montreal dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru, inkluż dawk li jirrigwardaw ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jinsabu fl-Artikolu 33 ta’ din il-konvenzjoni.

59.

Fil-fatt, ir-Regolament Nru 2027/97 huwa intiż li jissuġġetta r-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru għal sett wieħed ta’ regoli, kemm għat-trasporti internazzjonali kif ukoll dawk nazzjonali ġewwa l-Unjoni. Dan l-għan jitlob interpretazzjoni wiesgħa tar-riferimenti msemmi fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament.

60.

F’dan il-każ, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni jagħmlu parti mis-soluzzjoni globali prevista mill-Konvenzjoni ta’ Montreal li hija intiża li telimina l-kunflitti tal-liġijiet u li tistabbilixxi sistema ta’ responsabbiltà prevedibbli, billi tipproteġi lill-passiġġieri u tippermetti għaldaqstant lit-trasportaturi bl-ajru biex jiġġestixxu r-riskji bl-aħjar mod. Mill-perspettiva tal-istruttura tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, dawn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni jinsabu flimkien mar-regoli sostantivi fil-kapitolu III, dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru u dwar il-portata tal-kumpens għad-dannu.

61.

Barra minn hekk, kif turi din il-kawża, l-integrazzjoni mill-qrib tar-relazzjonijiet ekonomiċi ġewwa s-suq intern ifisser li tilwima, anki jekk tkun qamet wara inċident li jseħħ waqt titjira nazzjonali, tista’ faċilment tikseb dimensjoni transkonfinali. Din il-kunsiderazzjoni tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni uniformi f’dak li jikkonċerna r-responsabbiltà marbutin mat-titjiriet nazzjonali u internazzjonali ġewwa l-Unjoni.

62.

Għaldaqstant, jiena tal-fehma li f’każ li l-Qorti tikkunsidra li l-Konvenzjoni ta’ Montreal u r-Regolament Nru 2027/9 japplikaw fil-kawża prinċipali, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tal-kawża prinċipali għandha tiġi stabbilita skont l-Artikolu 33 tal-imsemmija konvenzjoni.

C – Fuq ir-rabta bejn il-Konvenzjoni ta ’ Montreal u l-Artikolu 18 tar-Regolament Ruma II (it-tielet domanda)

63.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi azzjoni diretta tal-parti leża kontra l-assiguratur tat-trasportatur bl-ajru.

64.

Infakkar li din il-kwistjoni hija rilevanti biss f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, b’kuntrast mal-pożizzjoni meħuda minni, li l-Konvenzjoni ta’ Montreal tapplika fiċ-ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali.

65.

Il-qorti tar-rinviju titlaq mill-ipoteżi li, jekk il-Konvenzjoni ta’ Montreal tirregola b’mod eżawrjenti l-azzjonijiet għal kumpens li jirrigwardaw it-trasport bl-ajru, l-azzjoni diretta prevista mid-dritt nazzjonali ma tistax għaldaqstant issir.

66.

Infakkar li l-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal jistabbilixxi r-regola ta’ esklużività tas-sistema ta’ responsabbiltà li hija prevista hemmhekk, billi jipprovdi li kull azzjoni biex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà skont din il-konvenzjoni tista’ tiġi eżerċitata biss taħt il-kundizzjonijiet u l-limiti ta’ responsabbiltà previsti mill-imsemmija konvenzjoni.

67.

Madankollu, nosserva li l-Konvenzjoni ta’ Montreal tirregola biss ir-responsabbiltà ta’ trasportatur bl-ajru u mhux l-obbligu tal-assiguratur tar-responsabbiltà.

68.

Konsegwentement, din il-konvenzjoni ma għandha ebda impatt fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jagħtu lill-persuna leża d-dritt li tressaq azzjoni diretta kontra l-assiguratur tat-trasportatur bl-ajru responsabbli.

69.

Barra minn hekk, l-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal hija applikabbli “bla ħsara għall-kwistjoni dwar min huma l-persuni li għandhom id-dritt li jġibu l-azzjoni u x’inhuma d-drittijiet rispettivi tagħhom”. Id-dritt tal-persuna leża li taġixxi kontra l-assiguratur ma hijiex għaldaqstant, fi kwalunkwe każ, affettwata mir-regola ta’ esklużività msemmija fl-Artikolu 29 imsemmi.

70.

Konsegwentement, meta r-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, il-persuna leża għandha d-dritt li tressaq azzjoni diretta kontra l-assiguratur tat-trasportatur jekk il-liġi applikabbli skont l-alternattiva msemmija fl-Artikolu 18 tar-Regolament Ruma II tipprevedi tali dritt. Dan id-dritt jista’ jkun previst kemm mil-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni, kif ukoll mil-liġi li tkun applikabbli għall-obbligu mhux kuntrattwali, fin-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Montreal. Fi kliem ieħor, il-konvenzjoni ta’ Montreal ma taffettwax l-applikabbiltà taż-żewġ ipoteżijiet imsemmija fl-Artikolu 18 tar-Regolament Ruma II.

D – Fuq il-kundizzjonijiet ta ’ eżerċizzju tal-azzjoni diretta tal-persuna leża kontra l-assiguratur (ir-raba ’ domanda)

71.

Permezz tar-raba’ domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, fuq il-punt dwar jekk l-Artikolu 18 tar-Regolament Ruma II jippermettix li tiġi eżerċitata azzjoni diretta tal-persuna leża kontra l-assiguratur, meta tali azzjoni hija prevista mil-liġi applikabbli għall-obbligu mhux kuntrattwali iżda li l-kontraenti fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni jkunu għażlu liġi applikabbli oħra.

72.

Fil-fatt, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-Landesgericht Korneubourg ittendi li tikkunsidra li, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II, ir-responsabbiltà ta’ N. Brodnig hija rregolata mil-lex loci damni, jiġifieri, f’dan il-każ, id-dritt Spanjol ( 17 ). Skont iċ-ċertifikat li jattesta l-liġi barranija mitlub mill-qorti tar-rinviju, id-dritt Spanjol jipprevedi l-possibbiltà li l-persuna leża tressaq azzjoni diretta kontra l-assiguratur fil-kundizzjonijiet tal-kawża prinċipali.

73.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva madankollu li l-kontraenti fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni ssuġġettaw lill-imsemmi kuntratt għall-applikazzjoni tad-dritt Ġermaniż. Hija tenfasizza l-importanza tal-prinċipju tal-għażla libera tal-liġi applikabbli, liema għażla hija possibbli fil-kuntratti ta’ assigurazzjoni li jkopri l-hekk imsejħa “riskji għoljin”, inkluż ir-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ inġenji tal-ajru ( 18 ). Fil-fehma tagħha, is-sitwazzjoni tal-persuna leża ma tistax tkun iktar favorevoli minn dik tal-assigurat. Jekk il-kontraenti fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni ssuġġettawh għad-dritt Ġermaniż, din l-għażla għandu jkollha bħala konsegwenza li l-persuna leża ma tistax tibbenefika mid-dritt għal azzjoni diretta kontra l-assiguratur skont id-dritt Spanjol.

74.

Dan ir-raġunament jidhirli li jitlaq minn premessa mhux preċiża.

75.

L-Artikolu 18 tar-Regolament Ruma II ma jikkostitwixxix regola ta’ kunflitt tal-liġijiet fir-rigward tad-dritt sostantiv applikabbli għad-determinazzjoni tal-obbligu li għandu l-assiguratur jew il-persuna responsabbli. Dan l-artikolu għandu bħala għan waħdieni li jiddetermina l-liġi applikabbli għall-kwistjoni dwar jekk il-vittma tistax taġixxi direttament kontra l-assiguratur, u ma jikkonċernax il-portata tal-obbligi tal-assiguratur jew tal-persuna responsabbli.

76.

Skont dan l-istess Artikolu 18, dan id-dritt tal-azzjoni diretta jeżisti meta huwa jkun previst kemm mil-liġi applikabbli għall-obbligu mhux kuntrattwali, kif ukoll mil-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni.

77.

Indipendentement mill-kwistjoni tal-eżistenza stess tad-dritt li wieħed iressaq azzjoni diretta u, jekk ikun il-każ, tal-modi ta’ eżerċizzju ta’ tali azzjoni ( 19 ), l-obbligu tal-assiguratur jibqa’ rregolat mil-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni. F’dan ir-rigward, dan l-istess Artikolu 18 ma għandu ebda effett fuq l-għażla tal-liġi applikabbli magħmula mill-kontraenti fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni.

78.

Barra minn hekk, jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 18 tar-Regolament Ruma II li din hija regola ta’ rabta ma’ sistema alternattiva, fis-sens li huwa biżżejjed li waħda mil-liġijiet ikkonċernati jipprevedu l-possibbiltà tal-azzjoni diretta.

79.

Din il-kunsiderazzjoni tapplika indipendentement mill-fatt li l-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni tirriżulta mill-għażla tal-kontraenti fil-kuntratt jew mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ kunflitt previsti fir-Regolament (KE) Nru°593/2008 ( 20 ).

80.

Għaldaqstant, vittma tista’ tressaq azzjoni diretta kontra l-assiguratur meta din il-possibbiltà tirriżulta jew mil-liġi applikabbli għall-obbligu mhux kuntrattwali, jew mil-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni, kemm jekk dik il-liġi tkun intgħażlet mill-kontraenti fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni jew indikata mir-regoli ta’ kunflitt mir-Regolament Ruma I.

81.

Din l-interpretazzjoni hija kompletament korroborata mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Ruma II ( 21 ). Skont dik il-proposta, ir-regola ta’ kunflitt ikkonċernata tindika l-liġi applikabbli biex jiġi stabbilit jekk il-persuna leża hijiex permessa teżerċita azzjoni diretta kontra l-assiguratur. F’kull każ, il-portata tal-obbligi tal-assiguratur taqa’ taħt il-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni.

82.

Bl-istess mod, mix-xogħol akkademiku li ppreċeda dik il-proposta leġiżlattiva, jiġifieri l-proposta tal-konvenzjoni Ruma II ippreparata mill-Grupp Ewropew tad-Dritt Internazzjonali Privat (GEDIP) ( 22 ), jirriżulta li r-regola inkwistjoni — li ttieħdet mill-proposta tal-Konvenzjoni Ruma II mingħajr tibdil sostanzjali — tipprevedi rabta speċjali għall-azzjoni diretta tal-persuna leża kontra l-assiguratur, inkluż il-limiti eventwali li jaffettwaw l-eżerċizzju ta’ dak id-dritt. Il-portata tal-obbligi tal-assiguratur, min-naħa l-oħra, jaqgħu taħt il-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni. Barra minn hekk, mill-imsemmi kummentarju jirriżulta b’mod ċar li din hija regola alternattiva.

83.

Peress li l-Artikolu 18 tar-Regolament Ruma II jistabbilixxi regola alternattiva, f’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tista’ tressaq azzjoni diretta kontra l-assiguratur, jekk din il-possibbiltà tirriżulta mid-dritt Spanjol applikabbli għal obbligu mhux kuntrattwali, indipendentement minn dak li hu previst fid-dritt Ġermaniż li għalih hu suġġett il-kuntratt ta’ assigurazzjoni.

84.

Din is-soluzzjoni ma tmurx kontra l-awtonomija tal-volontà tal-kontraenti fil-kuntratt, li għal dan il-kuntratt għandhom il-possibbiltà li jagħżlu liberament il-liġi applikabbli. Din l-għażla ma tistax tippreġudika d-drittijiet ta’ terza persuna, u lanqas dawk tal-persuna leża ( 23 ).

85.

Nosserva li l-Artikolu 18 tar-Regolament Ruma II jipprovdi dispożizzjoni li tipproteġi l-interessi tal-persuna leża, billi jagħtiha l-benefiċċju tas-sistema l-iktar favorevoli, f’termini ta’ dritt li taġixxi direttament kontra l-assiguratur ( 24 ). Barra minn hekk, il-leġiżlatur diġà ħa inkunsiderazzjoni l-interessi tal-assiguratur billi llimita l-bażi tal-azzjoni diretta għal żewġ liġijiet li l-assiguratur kien leġittimament jippretendi l-applikazzjoni tagħhom, jiġifieri dawk applikabbli, min-naħa waħda, għall-obbligu mhux kuntrattwali u, min-naħa l-oħra, għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni ( 25 ).

86.

Għaldaqstant, l-għażla tad-dritt applikabbli li ssir bi ftehim bejn min jitlob l-assigurazzjoni u l-assiguratur ma tistax ikollha bħala konsegwenza li tipprekludi lill-persuna leża milli teżerċita d-dritt ta’ azzjoni diretta tagħha, meta dak id-dritt joħroġ mil-liġi applikabbli għall-obbligu mhux kuntrattwali.

87.

Fid-dawl tas-suespost, nikkunsidra li l-Artikolu 18 tar-Regolament Ruma II għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni diretta tal-persuna leża kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli hija possibbli meta din tkun prevista taħt il-liġi applikabbli għall-obbligu mhux kuntrattwali, indipendentement minn dak li jkun previst mil-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni magħżula mill-kontraenti.

VI – Konklużjoni

88.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej id-domandi preliminari mressqa mill-Landesgericht Korneubourg:

1)

L-Artikoli 1 u 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97, tad-9 ta’ Ottubru 1997, dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru fir-rigward tat-trasport ta’ passiġġieri u l-bagalji tagħhom bl-ajru kif emendat bir-Regolament Regolament (KE) Nru 889/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2002 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbiltà ta’ trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta’ inċidenti, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dispożizzjonijiet tal- Konvenzjoni għall-unifikazzjoni ta’ ċerti regoli għat-trasport internazzjonali bl-ajru, konkluża f’Montréal fit-28 ta’ Mejju 1999, li ġiet iffirmata mill-Komunità Ewropea fid-9 ta’ Diċembru 1999 u approvata f’isimha permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE, tal-5 ta’ April 2001 ma japplikawx għal titjira nazzjonali li ma tiġix operata minn trasportatur bl-ajru li għandu liċenzja operattiva fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Settembru 2008, dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità.

2)

L-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”), għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni diretta tal-persuna leża kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli hija possibbli meta din tkun prevista taħt il-liġi applikabbli għall-obbligu mhux kuntrattwali, indipendentement minn dak li jkun previst mil-liġi applikabbli magħżula mill-kontraenti fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Konvenzjoni konkluża f’Montreal fit-28 ta’ Mejju 1999, iffirmata mill-Komunità Ewropea fid-9 ta’ Diċembru 1999 u approvata għan-nom tal-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Montreal”). Il-konvenzjoni ta’ Montreal daħlet fis-seħħ, f’dak li jikkonċerna l-Komunità, fit-28 ta’ Ġunju 2004.

( 3 ) Regolament tal-Kunsill, tad-9 ta’ Ottubru 1997, dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru fir-rigward tat-trasport ta’ passiġġieri u l-bagalji tagħhom bl-ajru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 3, p. 489) kif emendat permezz tar-Regolament (KE) Nru 889/2002, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Mejju 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 6, p. 246, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2027/97”).

( 4 ) Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”), ĠU L 199, p. 40.

( 5 ) Regolament tal-Kunsill, tat-23 ta’ Lulju 1992, dwar liċenzjar ta’ air carriers (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 3).

( 6 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Settembru 2008, dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, p. 3). Dan ir-regolament ħassar ir-Regolament Nru 2407/92 b’effett mill-1 ta’ Novembru 2008.

( 7 ) Regolament tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”). Dan ir-regolament ġie ssostitwit, b’effett mill-10 ta’ Jannar 2015, bir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, p. 1), li ma japplikax, madankollu, għall-kawża prinċipali skont id-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fl-Artikolu 66 tiegħu.

( 8 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar ir-rekwiżiti tal-assigurazzjoni tat-trasportaturi tal-ajru u l-operaturi tal-ajruplani (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 160).

( 9 ) It-Tieni Direttiva Tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1988, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta ta’ xort oħra minn assigurazzjoni tal-ħajja u li jistipulaw id-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li temenda d-Direttiva 73/239/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 198).

( 10 ) Sentenza Wucher Helicopter u Euro-Aviation Versicherung (C‑6/14, EU:C:2015:122, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Enfasi magħmula minni.

( 12 ) Dan ir-regolament issostitwixxa r-Regolament Nru 2407/92 b’effett mill-1 ta’ Novembru 2008.

( 13 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Mejju 2002, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 6, p. 246). Din l-emenda seħħet wara l-konklużjoni tal-konvenzjoni ta’ Montreal.

( 14 ) Ara l-proposta tal-Kummissjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 889/2002 [COM(2000) 340 tas-7 ta’ Ġunju 2000, punt 3 tal-espożizzjoni tal-motivi], kif ukoll il-proposta tal-Kummissjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 2027/97 [COM(95) 724 tal-20 ta’ Diċembru 1995, p. 4]. Ir-Regolament Nru 2027/97 kien jipprovdi, anki qabel il-konklużjoni tal-konvenzjoni ta’ Montreal, sistema ta’ responsabbiltà waħda għat-trasport nazzjonali u t-trasport internazzjonali ġewwa l-Komunità.

( 15 ) L-Artikolu 2, punt 4, tar-Regolament Nru 1008/2007 jiddefinixxi s-“servizz ta’ l-ajru” bħala “titjira jew serje ta’ titjiriet li jġorru passiġġieri, tagħbija u/jew posta [...]”. L-Artikolu 2, punti 5 u 6 ta’ dak ir-regolament jagħmel, barra minn hekk, distinzjoni bejn “titjira”, jiġifieri servizz li jimplika t-tluq minn ajruport speċifikat lejn ajruport speċifiku tad-destinazzjoni, u “titjira lokali” — fejn dan l-aħħar servizz ma jinvolvix ġarr ta’ passiġġieri, posta u/jew merkanzija bejn ajruporti differenti.

( 16 ) Ara s-sentenzi TNT Express Nederland (C-533/08, EU:C:2010:243, punt 49), Nipponkoa Insurance Co. (Europe) (C-452/12, EU:C:2013:858, punt 36) u Nickel & Goeldner Spedition (C-157/13, EU:C:2014:2145, punt 38).

( 17 ) Nosserva li għalkemm ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali indikat, waqt is-seduta, li ma setax, f’dak l-istadju, ikun eskluż li d-dritt Awstrijak japplika skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament ta’ Ruma II, xorta waħda jibqa’ l-fatt li hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi fuq dan is-suġġett.

( 18 ) Ir-“riskji għoljin” huma dawk imniżżla fl-Artikolu 5(d) tal-Ewwel Direttiva Tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Lulju 1973 dwar il-koordinament ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-bidu u t-twettiq tan-negozju ta’ l-assigurazzjoni diretta barra mill-assigurazzjoni tal-ħajja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6 Vol. 1, p. 14 , li fosthom insibu r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ inġenju tal-ajru, fejn dan ir-riskju jaqa’ taħt il-fergħa 11 elenkata fil-punt A tal-Anness ta’ din id-direttiva [ara l-Artikolu 7(1)(f) tad-Direttiva 88/357].

( 19 ) Mill-bqija, nosserva li l-punt dwar jekk din ir-regola ta’ kunflitt tirrigwardax biss il-possibbiltà stess li tiġi eżerċitata l-azzjoni diretta, iżda wkoll il-modi eventwali tagħha, u l-limiti tagħha huma dubjużi fid-dottrina. Ara Żarnowiec, Ł., “Zobowiązania pozaumowne. Bezpośrednie powództwo przeciwko ubezpieczycielowi osoby odpowiedzialnej”, fi: System prawa prywatnego, Tom 20B,Prawo prywatne międzynarodowe, Varsovie, CH Beck, Instytut Nauk Prawnych PAN 2015, p. 872; Fras, M., Pacuła, K., “Umowa ubezpieczenia obowiązkowego w prawie prywatnym międzynarodowym”, fi: System prawny ubezpieczeń obowiązkowych. Przesłanki i kierunki reform, Toruń 2014, p. 177; Dickinson, A., The Rome II Regulation: The Law Applicable to Non-contractual Obligations, Oxford, OUP 2008, p. 610.

( 20 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6).

( 21 ) Ara proposta għal regolament tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali (“RUMA II”) [COM(2003) 427 finali tat-22 ta’ Lulju 2003, p. 27], fir-rigward tal-Artikolu 14 tal-proposta ta’ regolament.

( 22 ) Ara l-kummentarju fuq l-Artikolu 6 tal-proposta ta’ Konvenzjoni Ruma II, M. Fallon, “Commentaire de la proposition pour une convention européenne sur la loi applicable aux obligations non contractuelles”, Groupe européen de droit international privé, réunions de la Haye des 26 à 28 septembre 1997 et de Luxembourg des 25 à 27 septembre 1998, Revue belge de droit international, 1997/2, p. 696.

( 23 ) Għal dak li jikkonċerna l-libertà tal-għażla tal-liġi applikabbli għall-obbligu mhux kuntrattwali, din il-kunsiderazzjoni klassika hija espliċitament prevista fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Ruma II. Jekk la l-liġi tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni u lanqas il-liġi normalment applikabbli għall-obbligu mhux kuntrattwali ma jkunu jippermettu l-azzjoni diretta, il-vittma ma tkunx tista’, għaldaqstant, tressaq tali azzjoni kontra l-assiguratur, anki jekk tkun permessa mil-liġi miftiehma mill-vittma mal-persuna responsabbli.

( 24 ) Għandu jitfakkar li, fil-kwistjonijiet fil-qasam tal-assigurazzjoni, il-vittma li taġixxi kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli tista’ titqies li hija l-parti dgħajfa. Ara s-sentenza FBTO Schadeverzekeringen (C‑463/06, EU:C:2007:792, punt 28). Hija fuq din il-kunsiderazzjoni wkoll huwa mogħti d-dritt ta’ azzjoni diretta ta’ persuna leża kontra l-assiguratur fil-qasam ta’ inċidenti fit-toroq [ara l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Mejju 2000, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri rigward l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/239/KEE u 88/357/KEE (Ir-raba’ Direttiva dwar assigurazzjoni għall-vetturi) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 331)].

( 25 ) Ara Proposta għal regolament COM(2003) 427 finali, p. 27.

Top