EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0232

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Wathelet, ippreżentati fl-10 ta’ Settembru 2015.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:583

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fl-10 ta’ Settembru 2015 ( 1 )

Kawża C‑232/14

Portmeirion Group UK Limited

vs

Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (ir-Renju Unit)]

“Dumping — Validità tar-Regolament ta’ implementazzjoni (UE) Nru 412/2013 — Importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina”

I – Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tar-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 412/2013, tat‑13 ta’ Mejju 2013, li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ( 2 ) (iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”).

2.

Ir-rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali ( 3 ) kontra r-regolament ikkontestat minn wieħed mill‑esportaturi kkonċernati minn dan ir-regolament kien miċħud mill‑Qorti Ġenerali. L-appell ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn dan l-esportatur għadu pendenti fid-data tal-qari ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 4 ).

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

3.

L-Artikolu 236(1) tal-Kapitolu 5 intitolat “Ħlas lura u maħfra ta’ dazju”, tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità ( 5 ) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), jipprevedi dan li ġej:

“Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jitħallsu lura sakemm jiġi stabbilit li meta kien tħallas l-ammont ta’ dawk id-dazji ma kienx legalment dovut […]”.

4.

Ir-regolament ikkontestat ġie adottat abbażi tar-Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il‑protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ( 6 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”). Fl-ewwel artikolu tiegħu, intitolat “Il‑Prinċipji”, dan ir-regolament jipprevedi:

“1.   Dazju kontra dumping jista’ jiġi applikat għal kwalunkwe prodott oġġett ta’ dumping li l-liberazzjoni tiegħu għal ċirkulazzjoni ħielsa fil‑Komunità tikkawża ħsara.

2.   Prodott għandu jiġi kkunsidrat bħala oġġett ta’ dumping jekk il‑prezz ta’ l-esportazzjoni tiegħu għall-Komunità ikun inqas minn prezz paragonabbli għal prodott simili, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, kif stabbilit għall-pajjiż esportatur.

3.   Il-pajjiż esportatur għandu normalment ikun il-pajjiż ta’ oriġini. Madanakollu, jista’ jkun pajjiż intermedjarju, ħlief fejn, per eżempju, il‑prodotti jkunu sempliċiment trasbordati minn dak il-pajjiż, jew il‑prodotti konċernati ma jkunux ġew magħmula f’dak il-pajjiż, jew ma jkunx hemm prezz paragunabbli għalihom f’dak il-pajjiż.

4.   Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu ‘prodott simili’ għandu jiġi interpretat biex ifisser prodott li jkun identiku, jiġifieri, l-istess f’kull lat, bħall-prodott taħt kunsiderazzjoni, jew fin‑nuqqas ta’ prodott bħal dan, prodott ieħor li għalkemm ma jkunx l‑istess f’kull lat, ikollu karatteristiċi li jixbħu mill-qrib dawk tal-prodott ikkunsidrat.”

5.

Skont il-premessi 24, 25, 51, 52 u 54 sa 57 tar-Regolament tal‑Kummissjoni (UE) Nru 1072/2012, tal-14 ta’ Novembru 2012, li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika ta’ fuq il-mejda u tal-kċina li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ( 7 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament provviżorju”):

“(24)

Il-prodott ikkonċernat [ ( 8 )] huwa oġġetti taċ-ċeramika ta’ fuq il‑mejda u tal-kċina li bħalissa jaqgħu fl-ambitu tal-kodiċi CN 6911 10 00, ex 6912 00 10, ex 6912 00 30, ex 6912 00 50 u ex 6912 00 90 u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ([iktar ’il quddiem] il-“prodott ikkonċernat”). Dan il-prodott jista’ jkun tal-porċellana jew tal-kina, ta’ fuħħar komuni, tal-ġebel, taċ‑ċaqquf jew ta’ fuħħar fin jew xi materjal ieħor. Il-materja prima ewlenija tinkludi minerali bħal kaolin, feldspar u quartz u l-kompożizzjoni tal-materja prima użata tiddetermina t-tip tal-prodott taċ-ċeramika finali.

(25)

L-oġġetti taċ-ċeramika ta’ fuq il-mejda u tal-kċina jiġu kkummerċjalizzati f’varjetà kbira ta’ forom li komplew jevolvu tul iż-żmien. Huma jintużaw f’firxa wiesgħa ta’ postijiet, pereżempju; djar, lukandi, ristoranti jew stabbilimenti tal-kura tas-saħħa.

[…]

(51)

Importatur sostna li l-ambitu tal-prodott tal-investigazzjoni kien wiesa’ wisq biex jippermetti li jsir tqabbil raġonevoli fost it-tipi ta’ prodotti. Importatur b’interessi ta’ produzzjoni fiċ-Ċina esprima opinjoni simili. F’dan ir-rigward, xi partijiet irreferew ukoll għall-oġġetti purament dekorattivi.

(52)

F’dan ir-rigward, huwa innotat li l-kriterji rilevanti applikati sabiex jiġi stabbilit jekk il-prodott, soġġett għal investigazzjoni, jistax jitqies bħala prodott wieħed jew le, jiġifieri, il-karatteristiċi tekniċi u fiżiċi bażiċi tiegħu, huma stipulati fid-dettall hawn taħt. Għalhekk, oġġetti li huma purament dekorattivi mhumiex koperti. Barra minn hekk, anki jekk id-diversi tipi ta’ oġġetti taċ‑ċeramika ta’ fuq il-mejda u tal-kċina jista’ fil-fatt ikollhom ċerti karatteristiċi speċifiċi differenti, l-investigazzjoni wriet li, bl-eċċezzjoni tas-skieken taċ-ċeramika, il-karatteristiċi bażiċi tagħhom jibqgħu identiċi. Barra minn hekk, il-fatt li l-prodott ikkonċernat jista’ jiġi manifatturat b’xi varjazzjonijiet fil-proċess tal-manifattura fih innifsu mhuwiex kriterju li jista’ jirriżulta f’sejba ta’ żewġ prodotti distinti jew aktar. Fl-aħħar nett, l‑investigazzjoni żvelat ukoll li d-diversi tipi tal-prodott ikkonċernat ġeneralment inbiegħu permezz tal-istess mezzi ta’ bejgħ. Filwaqt li ċerti ħwienet speċjalizzati jistgħu jiffokaw fuq ċerti tipi speċifiċi, parti kbira mid-distributuri (bejjiegħa bl‑imnut, kumplessi kummerċjali, supermarkets) ibiegħu diversi tipi ta’ oġġetti taċ-ċeramika ta’ fuq il-mejda u tal-kċina, sabiex joffru firxa wiesgħa ta’ għażliet lill-klijenti tagħhom. Għalhekk, il-pretensjonijiet li l-ambitu tal-prodott tal-investigazzjoni kien wiesa’ wisq ġew miċħuda b’mod provviżorju.

[…]

(54)

L-investigazzjoni wriet li t-tipi kollha ta’ oġġetti taċ-ċeramika ta’ fuq il-mejda u tal-kċina, minkejja d-differenzi f’dak li għandu x’jaqsam mal-proprjetajiet u l-istil, għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi u fiżiċi bażiċi, jiġifieri l-prodotti taċ‑ċeramika kienu mmirati primarjament sabiex ikunu f’kuntatt mal-ikel, bażikament jintużaw għall-istess għanijiet u jistgħu jitqiesu bħala tipi differenti tal-istess prodott.

(55)

Minbarra l-fatt li għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi u fiżiċi bażiċi, dawk id-diversi stili u tipi kollha huma f’kompetizzjoni diretta u huma fil-biċċa l-kbira tagħhom interkambjabbli. Dan jidher b’mod ċar mill-fatt li ma hemmx linji diviżorji ċari bejniethom, jiġifieri hemm ċerta sovrapożizzjoni u kompetizzjoni bejn it-tipi ta’ prodotti differenti, filwaqt li l-bejjiegħa standard mhux sikwit jagħmlu distinzjoni, pereżempju, bejn prodotti tal-porċellana u prodotti mhux magħmula mill-porċellana.

(56)

Madankollu, kif ġie spjegat fil-premessi (29)-(34) aktar ’il fuq, kien meqjus ukoll bħala xieraq li tiġi limitata d-definizzjoni tal‑ambitu tal-prodott li abbażi tagħha kienet inbdiet l‑investigazzjoni attwali billi jiġu esklużi s-skieken taċ-ċeramika. Għalhekk, il-prodott ikkonċernat huwa definit b’mod provviżorju bħala oġġetti taċ-ċeramika ta’ fuq il-mejda u tal-kċina, minbarra skieken taċ-ċeramika, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ‑Ċina u li bħalissa jaqgħu fl-ambitu tal-kodiċi CN ex 6911 10 00, ex 6912 00 10, ex 6912 00 30, ex 6912 00 50 u ex 6912 00 90.

(57)

Fl-aħħar nett, għall-finijiet ta’ din il-proċedura u skont il-prattika konsistenti tal-Unjoni, huwa għalhekk ikkunsidrat li t-tipi kollha tal-prodott imsemmija hawn fuq, bl-eċċezzjoni tas-skieken taċ‑ċeramika, għandhom jitqiesu bħala li jifformaw prodott wieħed.”

6.

Il-premessi 35 sa 37 tar-regolament ikkontestat jipprevedu:

“(35)

It-tipi kollha ta’ prodotti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda jew fil-kċina jistgħu jkunu meqjusa bħala tipi differenti tal-istess prodott. Għaldaqstant, it-talba li saret wara d-divulgazzjoni provviżorja u għal darb’oħra wara d-divulgazzjoni finali li l‑investigazzjoni tkopri firxa kbira ta’ prodotti simili u li konsegwentement ikun meħtieġ li jsiru analiżi separati dwar il‑pożizzjoni, id-dumping, id-dannu, il-kawżalità u l-interess tal‑Unjoni għal kull segment tal-prodott, instab li hija bla bażi. Parti li lmentat li l-ambitu tal-prodott huwa wiesa’ wisq, ressqet paragun ta’ prodotti b’livelli differenti ta’ dekorazzjoni, iżda d‑dikjarazzjonijiet tagħha rigward l-użu aħħari (f’każ minnhom għall-ġnien u għat-tfal, u f’każ ieħor għal dekorazzjoni) huma diskutibbli minħabba li ma hemmx distinzjoni ċara u dawk id‑dikjarazzjonijiet jistgħu jidhru iktar bħala konferma tal-punt li sar fil-premessa 55 tar-Regolament provviżorju. Għandu jkun innutat ukoll li importatur bi produzzjoni fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina issottometta li iktar minn 99 % tal-prodotti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li jinbiegħu fl-Unjoni kienu b’mod predominanti jew esklussiv bojod. Xi partijiet ikkontestaw il-premessa 58 tar-Regolament provviżorju fuq il-bażi li fil‑kuntest tal-investigazzjoni, l-istituzzjonijiet ma wettqu ebda test dwar jekk ċertu merkanzija kinetx adattata għall-kummerċ ħieles fl-Unjoni. Madankollu, dan il-fatt ma jtellifx il‑konklużjoni tal-premessa 63 tar-Regolament provviżorju.

(36)

Fl-isfond ta’ dak li ntqal sa issa, l-ambitu tal-prodott huwa definit b’mod definittiv bħala oġġett taċ-ċeramika li jintuża fuq il-mejda u fil-kċina minbarra skieken taċ-ċeramika, oġġetti taċ-ċeramika li jaħżnu kondiment jew imtieħen żgħar tal-ħwawar u l-partijiet taċ-ċeramika tagħhom li jitħnu, għodod li jqaxxru l-frott u l-ħaxix magħmula miċ-ċeramika, senniena tas-skieken taċ-ċeramika, ġebel tal-pizza taċ-ċeramika cordierite tat-tip użat għall-ħami tal-pizza jew il-ħobż, li joriġina mir-RPĊ, li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet tan-NM ex69111000, ex69120010, ex69120030, ex69120050 u ex69120090.

(37)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra dwar il-prodott ikkonċernat u l‑prodott simili, id-determinazzjonijiet kollha fil-premessi 24 sa 63 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.”

B – Id-dritt tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

7.

Il-Ftehim fuq l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT) ( 9 ) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim antidumping tal-1994”) jinsab fl-Anness 1A tal‑Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), approvat permezz tad-Deċiżjoni tal‑Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil‑kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) ( 10 ).

8.

L-Artikolu 2 ta’ dan il-Ftehim antidumping tal-1994, intitolat “Determinazzjoni ta’ d-damping” jipprevedi dan li ġej:

“2.1   Ghall-għan ta’ dan il-Ftehim, prodott għandu jitqies bħala damping, jiġifieri introdott fil-kummerċ ta’ pajjiż ieħor bi prezz inqas minn normal, jekk il-prezz ta’ esportazzjoni tal-prodott minn pajjiż għall-ieħor huwa inqas mill-prezz komparabbli, fid-direzzjoni ordinarju tal-kummerċ, għall-prodotti simili meta dawn ikunu destinati għall‑konsum fil-pajjiż li jkun qed jesporta.

[…]

2.6   Tul dan il-Ftehim it-terminu ‘prodott simili’ (produit similaire) għandu jiġi nterpretat li jfisser prodott li huwa identiku, jiġifieri simili f’kull rispett lill-prodott in konsiderazzjoni, jew fin-nuqqas ta’ dan il‑prodott, prodott ieħor li, għalkemm mhux l-istess f’kull rigward, għandu karatteristiċi li jixbħu ħafna dawk tal-prodott in konsiderazzjoni.”

III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9.

Ir-rikorrenti, Portmeirion Group UK Limited (iktar ’il quddiem “Portmeirion”), hija stabbilita fi Stoke-on-Trent (ir-Renju Unit). Din tipproduċi oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda ta’ kwalità għolja, u hija fuq ta’ quddiem f’dan is-suq u tikkompleta l-produzzjoni li twettaq fir-Renju Unit b’importazzjonijiet li minnhom bejn wieħed u ieħor 14 % ġejjin miċ-Ċina.

10.

Fis-16 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni Ewropea tat bidu għal proċedura antidumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ‑ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw miċ-Ċina.

11.

Fl-14 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament provviżorju li jimponi dazji antidumping provviżorji stabbiliti f’rati bejn 17.6 % sa 58.8 %.

12.

Fit-18 ta’ Diċembru 2012, Portmeirion ippreżentat l-ewwel osservazzjonijiet li jikkontestaw id-definizzjoni mogħtija mill‑investigazzjoni fir-rigward tal-prodott ikkonċernat u li jinvokaw fatturi oħrajn li jipprekludu, fl-opinjoni tagħha, l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping. Wara li l-Kummissjoni bagħtet id-dokument ta’ informazzjoni tagħha tal-25 ta’ Frar 2013, inżammet seduta nhar il-5 ta’ Marzu 2013 bejn Portmeirion u il-Kummissjoni, li matulha Portmeirion esprimiet l-opinjoni tagħha dwar, fost oħrajn, id‑definizzjoni tal-“prodott ikkonċernat” mill-investigazzjoni.

13.

Fit-13 ta’ Mejju 2013, fuq proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta ir-regolament ikkontestat li jimponi, fuq l-importazzjonijiet inkwistjoni, dazju antidumping definittiv minn 13.1 % sa 36.1 % b’effett mis-16 ta’ Mejju 2013.

14.

Fit-2 ta’ Awwissu 2013, Portmeirion talbet, skont l-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali, ir-rimbors tad-dazji antidumping imħallsa lill‑Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs, filwaqt li allegat li dawn ma kinux dovuti legalment, minħabba l-illegalità fid-dritt tal-Unjoni tar-regolament ikkontestat.

15.

Fis-16 ta’ Diċembru 2013, il-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs irrifjutaw it-talba ta’ Portmeirion.

16.

Fl-14 ta’ Jannar 2014, Portmeirion ippreżentat appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-First-tier Tribunal (Tax chamber) sabiex tikkontesta l-validità tar-regolament ikkontestat.

17.

Il-qorti tar-rinviju, peress li kkunsidrat li l-motivi mressqa minn Portmeirion setgħu jikkontestaw il-validità tar-regolament ikkontestat, issospendiet il-proċeduri quddiemha sabiex tirrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“Ir-regolament ikkontestat huwa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea sa fejn dan:

(i)

huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, u b’hekk jinvalida l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni anti-dumping; u

(ii)

huwa nieqes minn raġunijiet xierqa meħtieġa mill‑Artikolu 296 TFUE?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Mejju 2014. Il-Gvern Taljan, il-Kunsill u l‑Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

19.

Fil-15 ta’ Lulju 2015 inżammet seduta li fiha Portmeirion, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

V – Analiżi

A – Dwar l-ammissibbiltà

20.

Skont il-Gvern Taljan, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli peress li Portmeirion kellha d-dritt li tikkontesta r-regolament ikkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 263 TFUE.

21.

F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “[i]l-prinċipju ġenerali, li huwa intiż sabiex jiggarantixxi li kull persuna jkollha jew kellha possibbiltà li tikkontesta att Komunitarju li jservi bħala bażi għal deċiżjoni li taffettwaha b’mod ħażin, bl-ebda mod ma jxekkel milli regolament isir definittiv għal individwu li fir-rigward tiegħu għandu jitqies li hija deċiżjoni individwali u li mingħajr ebda dubju seta’ jitlob l-annullament tagħha skont l-Artikolu [263 TFUE], fatt li jimpedixxi lil dan l-individwu milli jeċċepixxi l-illegalità ta’ dan ir-regolament quddiem il-qorti nazzjonali. Tali konklużjoni tapplika fir-rigward tar‑regolamenti li jimponu dazji antidumping minħabba n-natura doppja tagħhom bħala atti ta’ natura normattiva u ta’ atti li jistgħu jaffettwaw direttament u individwalment lil ċerti kummerċjanti” ( 11 ).

22.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “ir-regolamenti li jistabbilixxu dazju antidumping, minkejja li min-natura u mill-portata tagħhom għandhom natura normattiva, jistgħu jikkonċernaw direttament u individwalment lil dawk fost il-produtturi u l-esportaturi tal-prodott inkwistjoni li għalihom huma imputati l-prattiki ta’ dumping billi tintuża data li toriġina mill-attività kummerċjali tagħhom” ( 12 ).

23.

Dan huwa l-każ, bħala regola, tal-entitajiet li ġejjin:

l-impriżi produtturi u esportaturi li jistgħu juru li huma kienu identifikati fl-atti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill jew ikkonċernati mill-investigazzjonijiet preparatorji ( 13 );

l-importaturi tal-prodott ikkonċernat li l-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid tagħhom ittieħdu inkunsiderazzjoni għat-tfassil tal-prezzijiet tal-esportazzjoni u li huma, għalhekk, ikkonċernati mill‑konstatazzjonijiet relatati mal-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping ( 14 ); u

l-importaturi assoċjati ma’ esportaturi ta’ pajjiżi terzi li l-prodotti tagħhom intlaqtu minn dazji antidumping, b’mod partikolari fil‑każ fejn il-prezz tal-esportazzjoni ġie ikkalkolat abbażi tal‑prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni pprattikati minn dawn l-importaturi u fil-każ fejn id-dazju antidumping stess huwa ikkalkolat skont dawn il-prezzijiet tal-bejgħ mill‑ġdid ( 15 ).

24.

Barra minn hekk, ir-rikonoxximent tad-dritt ta’ ċerti kategoriji ta’ operaturi ekonomiċi li jippreżentaw rikors għal annullament ta’ regolament antidumping ma jistax jipprekludi li operaturi oħra jistgħu wkoll ikunu individwalment ikkonċernati minn tali regolament, minħabba ċerti karatteristiċi partikolari tagħhom u li jikkaraterrizzawhom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra ( 16 ).

25.

Fir-rigward tal-kawża prinċipali, il-Gvern Taljan ma stabbilixxiex li Portmeirion kellha tkun ikkunsidrata bħala li tappartjeni għal waħda mill‑kategoriji ta’ operaturi ekonomiċi identifikati hawn fuq.

26.

Fil-fatt, kif ikkonfermat il-Kummissjoni fis-seduta, hija kienet importatur tal-prodott ikkonċernat li l-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid tagħha ma ttieħdux inkunsiderazzjoni fit-tfassil tal-prezzijiet tal‑esportazzjoni jew fil-kalkolu tad-dazju antidumping. Lanqas ma hija kwistjoni dwar l-assoċjazzjoni tagħha ma’ esportaturi. Barra minn hekk, ma jidhirx li hija għandha kwalitajiet li huma partikolari għaliha u li jikkaratterizzawha meta mqabbla ma’ kull persuna oħra.

27.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li Portmeirion setgħet tqajjem l-eċċezzjoni tal-illegalità tar-regolament ikkontestat quddiem il-qorti tar-rinviju, li għaldaqstant ma kinitx marbuta bin-natura definittiva tad-dazju antidumping stabbilit minn dan ir-regolament u setgħet tagħmel dawn id-domandi.

28.

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondihom.

B – Fuq il-mertu

1. Fuq l-ewwel domanda preliminari

29.

Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il‑validità tar-regolament ikkontestat sa fejn huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-definizzjoni ta’ prodott ikkonċernat, fatt li jinvalidixxi l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni antidumping.

a) L-argumenti tal-partijiet

30.

Portmeirion u l-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs ma ppreżentawx osservazzjonijiet bil-miktub. Madankollu, fit‑talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tesponi b’mod ċar ħafna u ddettaljat l-argumenti ta’ Portmeirion, filwaqt li l-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs iqisu li ma huwiex fil‑kompitu tagħhom li jikkummentaw jew jiddeċiedu dwar il-validità ta’ regolament vinkolanti fir-rigward tagħhom.

31.

Portmeirion issostni li r-regolament ikkontestat kien adottat abbażi ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat li vvizzja l-iżvilupp tal-investigazzjoni antidumping kollha li wasslet għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat. L-ebda bażi fid-dritt tal-Unjoni ma tippermetti li jiġi konkluż li l‑prodotti differenti koperti mill-investigazzjoni jistgħu jkunu ikkunsidrati bħala “prodott uniku”, fatt li kien jiġġustifika investigazzjoni unika.

32.

Skont Portmeirion, l-investigazzjoni wasslet u r-regolament ikkontestat impona dazji fuq prodotti taċ-ċeramika li huma differenti ħafna bħal lembuba, platt, kikkra tat-té, kontenitur tal-melħ, dixx tal‑forn, kitla tat-té, jew platt tal-forn u li, kuntrarjament għal dak li jgħidu l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, ma għandhomx l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi (bħal pereżempju l-qies, il-piż, il-forma, ir‑reżistenza għas-sħana, eċċ).

33.

F’dan ir-rigward, Portmeiron tibbaża ruħha fuq tliet punti.

34.

L-ewwel nett, l-uniku element komuni bejn il-prodotti suġġetti għad-dazji antidumping huwa l-fatt li dawn il-prodotti huma (parzjalment) magħmula miċ-ċeramika. Dan l-element, fih innifsu, ma huwiex biżżejjed sabiex ikun ikkunsidrat li l-prodotti kollha koperti mill‑investigazzjoni jikkostitwixxu tipi differenti tal-istess prodott. Kieku kien mod ieħor, qafas ta’ tieqa u karozza huma prodott uniku minħabba l-fatt li huma magħmula (bosta drabi) mill-aluminju.

35.

It-tieni nett, il-kunsiderazzjoni li l-prodotti kollha huma intiżi essenzjalment biex ikollhom kuntatt mal-ikel u intiżi sabiex iservu bħala reċipjenti għall-affarijiet tal-ikel hija manifestament żbaljata, għaliex prodotti li ma humiex intiżi essenzjalment sabiex ikollhom kuntatt mal-ikel (bħal maggijiet tal-birra) u li ma humiex intiżi sabiex iservu bħala reċipjenti għall-affarijiet tal-ikel (bħal-lembubi) huma koperti wkoll mill-investigazzjoni.

36.

It-tielet nett, l-istess japplika għall-indikazzjoni li l-prodotti suġġetti għad-dazji antidumping “huma f’kompetizzjoni diretta u fil‑parti l-kbira tagħhom interkambjabbli ħafna”. Fil-fatt, kif tista’ sservi pereżempju t-té bil-lembuba, jew isservi ikla ġo reċipjent tal-melħ jew tuża kitla tal-kafé biex isservi l-ispagetti?

37.

Portmeirion tikkontesta wkoll il-koerenza tal-evalwazzjoni tal‑Kunsill sa fejn:

ċerti prodotti taċ-ċeramika ġew esklużi mill-kamp tal‑investigazzjoni u tar-regolament ikkontestat abbażi tad‑differenzi fil-forma, fis-solidità u fid-disinn;

lembuba u platt jikkostitwixxu l-istess prodott minħabba l-fatt biss li huma magħmula miċ-ċeramika, filwaqt li żewġ platti, li huma identiċi u direttament interkambjabbli, jikkostitwixxu żewġ prodotti differenti għax huma magħmula minn materjal differenti (pereżempju ħġieġ jew ċeramika);

l-investigazzjoni semmiet ukoll prodotti li ma għandhomx l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi jew kimiċi u li ma għandhomx l-istess għan, ikun xi jkun l-għan applikabbli (pereżempju, il-ktieli tat-té u l-lembubi).

38.

Il-Gvern Taljan, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkunsidraw li d‑definizzjoni tal-“prodott ikkonċernat” ma hijiex ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

39.

L-ewwel nett, huma jfakkru li l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddefinixxu l-prodott ikkonċernat fl‑investigazzjonijiet antidumping. F’dan ir-rigward, l-istituzzjonijiet jistgħu jikkunsidraw bosta fatturi, bħall-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tal-prodotti, l-użu tagħhom, l-interkambjabbiltà tagħhom, il‑perċezzjoni li l-konsumatur għandu tagħhom, il-mezzi ta’ distribuzzjoni, il-proċess tal-manifattura, l-ispejjeż tal-produzzjoni, il‑kwalità, eċċ.

40.

Minn dan isegwi li prodotti differenti jistgħu jidħlu fid‑definizzjoni tal-“prodott ikkonċernat” u jkunu s-suġġett tal-istess investigazzjoni sakemm dawn ikollhom l-istess karatteristiċi essenzjali. F’dan il-każ, il-prodotti għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi essenzjali: huma taċ-ċeramika u huma maħluqa sabiex ikunu f’kuntatt mal-ikel u sabiex jikkonservawh.

41.

Portmeirion, il-Kunsill u l-Kummissjoni ma jaqblux fuq il‑konklużjonijiet li jistgħu jinġibdu mir-rapporti tal-grupp speċjali tad‑WTO fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett tal-“prodott ikkonċernat”.

b) Evalwazzjoni

i) Osservazzjonijiet preliminari

42.

L-ewwel domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett tal-“prodott ikkonċernat”, jiġifieri tal-prodott li “għandu jiġi kkunsidrat bħala oġġett ta’ dumping” ( 17 ) u li kien suġġett għal investigazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

43.

F’dan ir-rigward, qabel xejn għandu jiġi nnotat li, kuntrarjament għall-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ntalbet tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett.

44.

Peress li l-imsemmi kunċett ġej mid-dritt tad-WTO, jiġifieri l‑Artikolu 2 tal-Ftehim antidumping tal-1994, li ġie traspost fid-dritt tal‑Unjoni bl-Artikolu 1 tar-Regolament bażiku, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tad-WTO, li l-ewwel istanza tiegħu huwa l-grupp speċjali tad-WTO u speċjalment peress li l-qorti tar-rinviju u l-partijiet jiċċitaw ir-rapporti ta’ dan il-grupp.

ii) Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali

45.

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “[i]r-Regolament bażiku ma jispeċifikax kif irid ikun iddefinit il-prodott jew il-firxa ta’ prodotti li jistgħu jkunu suġġett ta’ investigazzjoni antidumping u lanqas jeżiġi li jkun hemm klassifikazzjoni ddettaljata tal-prodott” ( 18 ).

46.

Skont il-ġurisprudenza stabbilita tagħha, “id-definizzjoni tal‑prodott ikkonċernat fil-kuntest ta’ investigazzjoni antidumping għandha bħala għan li tgħin fit-tfassil tal-lista tal-prodotti li, skont il‑każ, ikunu s-suġġett għall-impożizzjoni tad-dazji antidumping. Għall‑finijiet ta’ din l-operazzjoni, l-istituzzjonijiet jistgħu jikkunsidraw bosta fatturi, bħal, b’mod partikolari, il-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tal-prodotti, l-użu tagħhom, l-interkambjabbiltà tagħhom, il-perċezzjoni li l-konsumatur għandu tagħhom, il-mezzi ta’ distribuzzjoni, il-proċess tal‑manifattura, l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-kwalità” ( 19 ).

47.

Skont il-Qorti Ġenerali, “minn dan jirriżulta neċessarjament li prodotti li ma humiex identiċi jistgħu jinġabru fl-istess definizzjoni tal‑prodott [ikkonċernat] u flimkien ikunu suġġetti għal investigazzjoni antidumping. Fuq din il-bażi, għalhekk qabel xejn għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l‑prodott [ikkonċernat] jista’ jikkonċerna biss prodott wieħed jew prodotti identiċi” ( 20 ).

48.

Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li, għalkemm “fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet [tal-Unjoni] għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma għandhom jeżaminaw” ( 21 ) xorta huwa l-kompitu tal-Qorti Ġenerali “li tivverifika jekk ir-rikorrenti humiex f’pożizzjoni li juru jew li l-istituzzjonijiet wettqu evalwazzjoni żbaljata fir-rigward tal-fatturi li huma ikkunsidraw rilevanti, jew li l-applikazzjoni ta’ fatturi oħra iktar rilevanti kienet timponi l-esklużjoni ta’ dan il-prodott mid-definizzjoni tal-prodott [ikkonċernat]” ( 22 ).

49.

Minkejja dan, b’mod konkret, f’dak li jirrigwarda l-kunċett tal‑“prodott ikkonċernat”, il-Qorti Ġenerali qatt ma aċċettat ( 23 ) argumenti li jistabbilixxu li l-“prodott ikkonċernat” li huwa s-suġġett ta’ investigazzjoni għandu jinkludi biss “prodotti simili” fis-sens tal‑Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku, jiġifieri “prodott[i] li jkun[u] identi[ċi], jiġifieri, l-istess f’kull lat, bħall-prodott taħt kunsiderazzjoni, jew fin-nuqqas ta’ prodott[i] bħal da[w]n, prodotti [oħra] li għalkemm ma jkun[u]x l-istess f’kull lat, ikoll[hom] karatteristiċi li jixbħu mill-qrib dawk tal‑prodott ikkunsidrat”.

50.

Għandu jiġi nnutat ukoll li, fil-punti 36 sa 51 tas-sentenza tagħha Photo USA Electronic Graphic vs Il-Kunsill (T‑394/13, EU:T:2014:964), il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti ta’ wieħed mill‑esportaturi msemmija fir-regolament ikkontestat li “minn naħa waħda, l-istituzzjonijiet wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi deċiża din l-inklużjoni [fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat], f’dan il-każ, id-dehra, l-użu finali u l-eżistenza ta’ produtturi fl-Unjoni ta’ maggijiet taċ-ċeramika miksija b’poliester sempliċi [u,] min-naħa l-oħra, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi oħra, f’dan il-każ il-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiki, il-mezzi ta’ distribuzzjoni, il-perċezzjoni tal‑konsumatur u l-interkambjalità, jiġġustifikaw l-esklużjoni tal-imsemmija maggijiet mill-prodotti kkonċernati” (ara, ukoll, il-punt 27). Madankollu, dan ir-rifjut huwa kkontestat f’appell mill-esportatur inkwistjoni fil-kawża pendenti Photo USA Electronic Graphic vs Il-Kunsill (C‑31/15 P).

iii) Il-ġurisprudenza tal-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tad-WTO

51.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “minħabba n‑natura u l-istruttura tagħhom, il-Ftehim tad-WTO mhumiex, bħala regola, inklużi fost ir-regoli li fid-dawl tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-legalità ta’ l-azzjoni ta’ l-istituzzjonijiet [tal-Unjoni] skont l‑ewwel paragrafu tal-Artikolu [263] [TFUE]” ( 24 ).

52.

Madanakollu, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 40 tal‑kawża tagħha Il-Kummissjoni vs Rusal Armenal (C‑21/14 P, EU:C:2015:494), “f’żewġ sitwazzjonijiet eċċezzjonali, li jirriżultaw mir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jillimita huwa stess il-marġni diskrezzjonali fl-applikazzjoni tar-regoli tad-WTO, […] hija l-qorti tal‑Unjoni, fejn meħtieġ, li għandha tistħarreġ il-legalità ta’ att tal‑Unjoni u l-atti adottati għall-implementazzjoni tagħha taħt il-Ftehim WTO”.

53.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[f]l-ewwel lok, tali sitwazzjoni tkun fejn l-Unjoni kellha l-intenzjoni timplementa obbligu partikolari assunt fil-kuntest ta’ dawn il-ftehimiet u, fit-tieni lok, fejn l-att tad-dritt tal‑Unjoni inkwistjoni jirreferi espressament għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-ftehim stess” ( 25 ).

54.

F’dan il-każ, id-diskussjoni bejn Portmerion u l-istituzzjonijiet tiffoka fuq il-kunċett tal-“prodott ikkonċernat” li jippermetti li jiġi stabbilit il-“prodott oġġett ta’ dumping” imsemmi fl-Artikolu 1(1) tar‑Regolament bażiku.

55.

Dan ir-regolament jittrasponi t-termini tal-Ftehim antidumping tal-1994 fid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, kif tindika l-premessa 3, “[dan il-ftehim] fih regoli fid-dettall, li għandhom x’jaqsmu b’mod partikolari mal-kalkolu dumping, il-proċeduri għall-bidu u t-tkomplija ta’ investigazzjoni, li jinkludu l-istabbiliment u t-trattament tal-fatti, l‑imposizzjoni ta’ miżuri proviżorji, l-imposizzjoni u l-ġbir ta’ dazji kontra dumping, it-tul u l-ħarsien mill-ġdid tal-miżuri kontra dumping u t-tagħrif pubbliku ta’ l-informazzjoni li jkollu x’jaqsam ma l-investigazzjonijiet kontra dumping. Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni xierqa u trasparenti ta’ dawn ir-regoli, il-lingwa tal-ftehim għandha tinġieb fil-leġislazzjoni tal-[Unjoni] sa fejn ikun possibbli”.

56.

Skont il-premessa 4 tal-istess regolament, “[f]l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli huwa essenzjali, sabiex jiġi miżmum il-bilanċ tad‑drittijiet u l-obbligi li l-Ftehim tal-GATT jistabilixxi, li l-[Unjoni] tagħti każ ta’ kif inhuma interpretati mis-soċji kummerċjali ewlenin”.

57.

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fir-rigward ta’ verżjoni preċedenti tar-Regolament bażiku, jiġifieri, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ( 26 ), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2331/96, tat-2 ta’ Diċembru 1996 ( 27 ), “huwa għalhekk stabbilit li [l-Unjoni] adottat ir-Regolament bażiku sabiex tissodisfa l-obbligi internazzjonali tagħha li jirriżultaw mill-[Ftehim] antidumping tal-1994” ( 28 ) u li, bl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, hija riedet teżegwixxi l-obbligi partikolari li għandu l-Artikolu 2 ta’ dan il-ftehim.

58.

F’dan ir-rigward, u kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil‑punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistħarreġ il-legalità tar-regolament ikkontestat fir-rigward tal‑Artikolu 2 ta’ dan il-ftehim.

59.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat, li kuntrarjament għall-Qorti tal-Ġustizzja, il-grupp speċjali tad-WTO sikwit kellu l-okkażjoni jittratta argumenti analogi għal dawk ippreżentati minn Portmeirion f’din il-kawża u li huma intiżi sabiex juru li l-prodott ikkonċernat għandu jkun kompost minn “prodotti simili” abbażi tal-Artikoli 2.1 u 2.6 tal‑Ftehim antidumping tal-1994 ( 29 ).

60.

Fil-fatt, il-Kanada, ir-Renju tan-Norveġja u r-Repubblika popolari taċ-Ċina allegaw quddiem il-grupp speċjali li l-“prodott ikkonċernat” kopert mill-investigazzjoni antidumping ma jistax ikun iffurmat minn firxa vasta ta’ prodotti li ma tikkostitwixxix prodott wieħed u uniku omoġenju, iżda għandu jkun kompost minn prodotti simili għal xulxin ( 30 ).

61.

Il-grupp speċjali tad-WTO qatt ma vvalida dan l-argument. Huwa bbaża l-analiżi tiegħu fuq il-konstatazzjoni li l-Ftehim antidumping tal-1994 ma kien jinkludi l-ebda definizzjoni tal-“prodott ikkonċernat” ( 31 ) u li l-formulazzjoni tal-Artikoli 2.1 u 2.6 ta’ dan il‑ftehim ma tippermettix li jiġi interpretat li fihom il-kundizzjoni li l‑“prodott ikkonċernat” għandu jkun kompost minn “prodotti simili” ( 32 ).

62.

Fil-fatt, skont il-grupp speċjali tad-WTO, “filwaqt li l-kwistjoni li jkun magħruf jekk tali approċċ [jiġifieri dak użat mill-Kanada, mir‑Renju tan-Norveġja u mir-Repubblika popolari taċ-Ċina] jistax ikun xieraq minn perspettiva ta’ politika ġenerali tista’ tiġi diskussa, huma l‑Membri li għandhom jiddeċiedu permezz ta’ negozjati jekk kienx meħtieġ li jintalab tali approċċ. Bħala grupp speċjali, ir-rwol tagħna ma huwiex li noħolqu obbligi li ma jinstabux b’mod ċar fil-Ftehim antidumping innifsu” ( 33 ).

63.

Abbażi ta’ din il-konstatazzjoni, il-grupp speċjali tad-WTO jikkunsidra li “minkejja li l-Artikolu 2.1 jipprevedi li għandha tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping għal prodott uniku u l-istess kkonċernat, dan l-artikolu ma fihx indikazzjonijiet li jippermettu li jiġu stabbiliti l-parametri ta’ dan il-prodott, u bl-ebda mod ma jippreskrivi l-omoġenjità fuq il‑livell intern ta’ dan il-prodott” ( 34 ).

64.

Skont dan l-istess grupp, “anki jekk l-Artikolu 2.6 jippreskrivi evalwazzjoni tas-similarità f’dak li jirrigwarda l-prodott ikkonċernat ‘kollu kemm hu’ sabiex jiġi stabbilit il-prodott simili […] dan ma jfissirx li evalwazzjoni tas-‘similarità’ bejn kategoriji ta’ prodotti li fihom il-prodott ikkonċernat hija meħtieġa sabiex tiġi ddefinita l‑estensjoni tal-prodott ikkonċernat. Is-sempliċi fatt li jiġi ddikjarat li l‑prodott ikkonċernat għandu jkun ittrattat ‘kollu kemm hu’ sabiex tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-prodott simili ma jippemettix li jiġi konkluż li l-prodott ikkonċernat għandu fih innifsu jkun prodott omoġenju fuq il‑livell intern” ( 35 ).

65.

Barra minn hekk, il-grupp speċjali tad-WTO ċaħad l-argument tar-Renju tan-Norveġja li “l-assenza ta’ limiti fir-rigward tal-estensjoni tal-prodott ikkonċernat tista’ twassal għal konstatazzjonijiet żbaljati tal‑eżistenza ta’ dumping mill-awtoritajiet responsabbli mill‑investigazzjonijijiet” ( 36 ).

66.

F’dan il-kuntest, ir-Renju tan-Norveġja sostna li “jekk prodotti li ma humiex ‘simili’ huma ttrattati bħall-prodott ikkonċernat fl-istess investigazzjoni unika, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ dumping ma tkunx tista’ turi jekk hux parti minn jew dawn il-prodotti kollha huma s-suġġett ta’ dumping. Hija [semmiet], bħala eżempju, investigazzjoni li fil-kuntest tagħha l-karozzi u r-roti jiġu ttrattati bħala prodott kopert mill-investigazzjoni” ( 37 ).

67.

Billi ma kienx konvint minn dan l-argument, il-grupp speċjali tad-WTO ddeċieda li “kull ġabra ta’ prodotti f’prodott wieħed u l-istess prodott ikkonċernat ikollha riperkussjonijiet matul l-investigazzjoni kollha; iktar ma’ din il-ġabra tkun vasta, iktar jistgħu jkunu gravi r‑riperkussjonijiet, ħaġa li tikkomplika l-kompitu tal-awtorità responsabbli mill-investigazzjoni li għandha tiġbor u tevalwa l‑informazzjoni rilevanti u tistabilixxi konstatazzjonijiet kompatibbli mal-Ftehim antidumping [tal-1994]. Konsegwentement, jidhirlu li l‑eventwalità ta’ konstatazzjoni żbaljata tal-eżistenza ta’ dumping ibbażata fuq prodott ikkonċernat li l-estensjoni tiegħu tkun twila wisq ma hijiex probabbli. Din l-eventwalità ċertament ma [kinitx] biżżejjed biex tikkonvinċih li l-Ftehim antidumping [tal-1994] jinqara b’mod li jinkludi obbligi li għalihom [huwa ma jista’ jsib] l-ebda bażi fit-test tal-Ftehim” ( 38 ).

iv) Applikazzjoni għal din il-kawża

68.

Fl-opinjoni tiegħi, is-sovrappożizzjoni tal-ġurisprudenza tal‑Qorti Ġenerali u tad-dritt tad-WTO dwar il-kunċett tal-“prodott ikkonċernat” juri l-eżistenza ta’ diverġenza sinjifikattiva inkwantu, kuntrarjament għall-Qorti Ġenerali, il-grupp speċjali tad-WTO ma jeżerċita l-ebda stħarriġ fuq id-definizzjoni tal-“prodott ikkonċernat” użata mill-awtorità responsabbli tal-investigazzjoni antidumping. Madankollu din id-diverġenza ma teżistix ħlief fil-prinċipju għaliex l‑istħarriġ li għandha l-Qorti Ġenerali għadu ma wassalx għall‑kontestazzjoni f’każ konkret ta’ definizzjoni mill-istituzzjonijiet tal‑Unjoni tal-“prodott ikkonċernat”.

69.

Fil-fatt, kif diġà indikajt fil-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet, filwaqt li huwa rrikonoxxut li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li huwa fil‑kompitu tagħha li “tivverifika jekk ir-rikorrenti humiex f’pożizzjoni li juru jew li l-istituzzjonijiet wettqu evalwazzjoni żbaljata fir-rigward tal-fatturi li huma kkunsidraw rilevanti, jew li l-applikazzjoni ta’ fatturi oħra iktar rilevanti kienet timponi l-esklużjoni ta’ dan il-prodott mid‑definizzjoni tal-prodott ikkonċernat” ( 39 ).

70.

Dan huwa stħarriġ li l-grupp speċjali tad-WTO qatt ma aċċetta li jeżerċita. Kuntrarjament għall-Qorti Ġenerali, dan jikkunsidra li l‑awtoritajiet responsabbli mill-investigazzjoni antidumping għandhom diskrezzjoni totali fir-rigward tad-definizzjoni ta’ “prodott ikkonċernat”, anki fil-każ ta’ eżempji ipotetiċi li huma deskritti “estremi” ( 40 ) fejn dawn l-awtoritajiet jiġbru fid-definizzjoni tal-“prodott ikkonċernat” karozzi u roti ( 41 ) jew tuffieħ u tadam ( 42 ).

71.

Il-grupp speċjali tad-WTO jikkunsidra li l-eventwalità li konstatazzjoni żbaljata tal-eżistenza ta’ dumping tista’ tirriżulta mill-fatt tal-assenza ta’ limiti imposti fil-kamp tal-“prodott ikkonċernat”“ma hijiex probabbli” ( 43 ), għaliex “taħlita” ta’ prodotti kompletament eteroġenji fid‑definizzjoni ta’ “prodott ikkonċernat” tagħmel il-ħidma tal-awtorità responsabbli mill-investigazzjoni eċċessivament diffiċli. Hija għalhekk toqgħod attenta ħafna sabiex dan tevitah.

72.

Fil-fatt, “kull ġabra ta’ prodotti f’prodott wieħed u l-istess prodott ikkonċernat ikollha riperkussjonijiet matul l-investigazzjoni; iktar ma’ din il-ġabra tkun vasta, iktar jistgħu jkunu gravi r‑riperkussjonijiet, ħaġa li tikkomplika l-kompitu tal-awtorità responsabbli mill-investigazzjoni li għandha tiġbor u tevalwa l‑informazzjoni rilevanti u tistabilixxi konstatazzjonijiet kompatibbli mal-Ftehim antidumping [tal-1994]” ( 44 ). Pereżempju, “dan iwassal manifestament għal diffikultajiet meta jasal il-mument li tkun stabbilita l-ħsara ikkawżata lill-fergħa tal-produzzjoni nazzjonali li tipproduċi l-prodott simili” ( 45 ).

73.

Fl-opinjoni tiegħi, fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, meta adottat dispożizzjonijiet bħall-Artikolu 1 tar-Regolament bażiku, l-Unjoni riedet timplementa obbligu partikolari meħud fil-kuntest tad-WTO, bħall-Artikolu 2 tal-Ftehim antidumping tal-1994, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, waqt l-istħarriġ tagħha tal-legalità tal-att tal-Unjoni tagħti lil dawn it-termini s-sens li huma għandhom fid-dritt tad-WTO. L-istess japplika meta, bħal f’dan il-każ, l-att tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 1 tar-Regolament bażiku, juża l-istess termini bħall-ftehim u l‑memorandi li jinsabu fl-annessi tal-Ftehim WTO, bħall-Ftehim antidumping tal-1994.

74.

Fil-fatt, ma jagħmilx sens li jiġi impost oneru iktar diffiċli fuq l‑istituzzjonijiet minn dak impost fuq l-awtoritajiet kompetenti fil-kuntest tal-Ftehim WTO, b’mod partikolari meta l-formulazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni, f’dan il-każ l-Artikolu 1 tar-Regolament bażiku, ma fiha l-ebda indikazzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jitbiegħed mit-test ta’ dan il-ftehim.

75.

Kif il-Kunsill irrileva fis-seduta, ma hemmx limitazzjonijiet f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni tal-“prodott ikkonċernat” fid-dritt tad-WTO u, għalhekk, fid-dritt tal-Unjoni.

76.

Konsegwentement, hija l-awtorità responsabbli mill‑investigazzjoni li għandha tiddefinixxi l-“prodott ikkonċernat” mingħajr mal-qrati tal-Unjoni jistgħu jistħarrġu jekk l-istituzzjonijiet wettqux evalwazzjoni żbaljata fir-rigward tal-fatturi li huma kkunsidraw bħala rilevanti sabiex jinkludu ċertu prodotti fil-“prodott ikkonċernat” jew jekk l-applikazzjoni ta’ fatturi oħra iktar rilevanti kienet timponi l‑esklużjoni ta’ ċerti prodotti mid-definizzjoni tal-“prodott ikkonċernat”.

77.

Peress li, dwar id-definizzjoni tal-“prodott ikkonċernat” li tinsab fil-premessa 36 tar-regolament ikkontestat ( 46 ), Portmeirion tressaq biss l-istess tip ta’ argumenti bħal dawk imressqa mill-Kanada, mir-Renju tan‑Norveġja u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina fil-kuntest tat-tilwim imsemmija hawn fuq u miċħuda mill-grupp speċjali, dawn għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma.

78.

Għalhekk, jien nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex ir-risposta għall-ewwel domanda tkun li d-definizzjoni tal-“prodott ikkonċernat” użata fil-premessa 36 tar-regolament ikkontestat bl-ebda mod ma taffettwa l-validità ta’ dan ir-regolament.

2. Fuq it-tieni domanda preliminari

79.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ir-regolament ikkontestat huwiex invalidu minħabba l-fatt li dan ma fihx motivazzjoni xierqa, kif mitlub mill-Artikolu 296 KE.

a) L-argument tal-partijiet

80.

Mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li skont Portmeirion l‑istituzzjonijiet ma identifikawx u ma ddefinixxewx b’mod preċiż biżżejjed il-fatturi li huma kkunsidraw bħala rilevanti sabiex jiddeskrivu l-“prodott ikkonċernat”. Minn dan jirriżulta ksur tal‑Artikolu 296 TFUE.

81.

L-informazzjoni msemmija fir-regolament ikkontestat la hija ċara u lanqas univoka inkwantu din ma tippermettix li jiġi mistħarreġ b’mod sistematiku jekk prodott partikolari kellux ikun jew setax ikun inkluż fid-dawl tal-kriterji li l-istituzzjonijiet ikkunsidraw bħala rilevanti.

82.

Peress li dan l-approċċ ma jippermettix lill‑partijiet ikkonċernati jikkontestaw l-evalwazzjoni mwettqa mill-istituzzjonijiet tal-fatturi li dawn tal-aħħar jikkunsidraw bħala rilevanti, u lanqas li jsostnu li fatturi oħra rilevanti setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, minn dan jirriżulta ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif previst fl-Artikolu 296 TFUE.

83.

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu, min-naħa l-oħra, li r‑regolament ikkontestat jirrispetta r-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE billi jippermetti lil dawk kkonċernati jagħrfu l-ġustifikazzjonijiet tal‑miżura adottata u jiddefendu d-drittijiet tagħhom u lill-qrati jeżerċitaw l-istħarriġ tagħhom. Fil-fatt, ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat ingħataw kemm fir‑Regolament provviżorju kif ukoll fir-regolament ikkontestat. B’mod partikolari l-premessi 24, 25, 54 u 55 tar-Regolament provviżorju kif ukoll il-premessa 35 tar-regolament ikkontestat juru biċ-ċar il-fatturi rilevanti.

84.

Skont il-Gvern Taljan, ma hemm l-ebda dubju li r-regolament ikkontestat huwa motivat. L-istituzzjonijiet jippreċiżaw fih li d-diversi oġġetti għandhom jinġabru f’prodott wieħed li huma l-“oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina” għaliex dawn l-oġġetti jippreżentaw affinità ta’ tip teknika, huma mitluba mill-konsumaturi u jitqassmu mill-grossisti bħala oġġett wieħed u dawn kollha flimkien huma intiżi essenzjalment sabiex ikunu f’kuntatt ma’ affarijiet tal-ikel.

85.

Il-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs jikkunsidraw, bħal fil-każ tal-ewwel domanda, li huma la jistgħu jikkummentaw u lanqas jiddeċiedu dwar il-legalità ta’ regolament partikolari tal-Unjoni għaliex dan ma jaqax fil-kompetenza tagħhom u li huma obbligati japplikaw ir-regolament ikkontestat peress li dan huwa vinkolanti fir-rigward tagħhom.

b) Evalwazzjoni

86.

Fl-opinjoni tiegħi, l-argumenti ta’ Portmeiron ibbażati fuq allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jinsab fl-Artikolu 296 TFUE jistgħu jkunu faċilment miċħuda, inkwantu huma intiżi sabiex jikkontestaw mill-ġdid id-definizzjoni tal-“prodott ikkonċernat”.

87.

Għalkemm, skont il-ġurisprudenza tal-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tad-WTO analizzata fil-punti 51 sa 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 2.1 u l-Artikolu 2.6 tal-Ftehim antidumping tal-1994 ma jimponix limitazzjonijiet partikolari fir-rigward tad‑definizzjoni tal-“prodott ikkonċernat” inkwantu l-awtorità responsabbli mill-investigazzjoni ma hijiex obbligata li tinkludi f’ din id‑definizzjoni biss prodotti simili jew omoġenji, l-istituzzjonijiet ma humiex obbligati jipprovdu motivazzjoni partikolari fir-rigward tal‑fatturi li huma kkunsidraw bħala rilevanti sabiex jiddefinixxu l-“prodott ikkonċernat”. Il-fatt li huma taw definizzjoni lill-prodott ikkonċernat b’mod li jippermetti li jkunu identifikati l-oġġetti inklużi fih u li huma taw r-raġuni li għaliha dawn l-oġġetti nġabru flimkien għandu jkun biżżejjed sabiex jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tal‑Artikolu 296 TFUE.

88.

Fi kwalunkwe każ, skont ġurisprudenza stabbilita, “il‑motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu [296 TFUE] għandha tkun adattata għan-natura ta’ l-att in kwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni li tkun adottat l-att b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjoni tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat skond iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut ta’ l-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, billi l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ l-imsemmi Artikolu [296 TFUE] għandha tiġi evalwata mhux biss b’referenza għall-kliem użat fiha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat” ( 47 ).

89.

F’dan il-każ, ir-regolament ikkontestat, moqri fid-dawl tar‑Regolament provviżorju, jidher tassew li fih motivazzjoni suffiċjenti, fir‑rigward tal-kriterji msemmija fil-punt preċedenti.

90.

Fil-fatt, kif tindika l-Kummissjoni fil-premessa 54 tar‑Regolament provviżorju, “it-tipi kollha ta’ oġġetti taċ-ċeramika ta’ fuq il-mejda u tal-kċina, minkejja d-differenzi f’dak li għandu x’jaqsam mal-proprjetajiet u l-istil, għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi u fiżiċi bażiċi, jiġifieri l-prodotti taċ-ċeramika kienu mmirati primarjament sabiex ikunu f’kuntatt mal-ikel, bażikament jintużaw għall-istess għanijiet u jistgħu jitqiesu bħala tipi differenti tal-istess prodott’’ ( 48 ).

91.

Fil-premessa 55 ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni żżid li, “[m]inbarra l-fatt li għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi u fiżiċi bażiċi, dawk id-diversi stili u tipi kollha huma f’kompetizzjoni diretta u huma fil-biċċa l-kbira tagħhom interkambjabbli. Dan jidher b’mod ċar mill-fatt li ma hemmx linji diviżorji ċari bejniethom, jiġifieri hemm ċerta sovrapożizzjoni u kompetizzjoni bejn it-tipi ta’ prodotti differenti, filwaqt li l-bejjiegħa standard mhux sikwit jagħmlu distinzjoni, pereżempju, bejn prodotti tal-porċellana u prodotti mhux magħmula mill-porċellana”.

92.

L-elementi ta’ din il-motivazzjoni jinsabu fil-premessa 35 tar‑regolament ikkontestat li tipprevedi li “[i]t-tipi kollha ta’ prodotti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda jew fil-kċina jistgħu jkunu meqjusa bħala tipi differenti tal-istess prodott. Għaldaqstant, it-talba li saret wara d-divulgazzjoni provviżorja u għal darb’oħra wara d‑divulgazzjoni finali li l-investigazzjoni tkopri firxa kbira ta’ prodotti simili u li konsegwentement ikun meħtieġ li jsiru analiżi separati dwar il-pożizzjoni, id-dumping, id-dannu, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni għal kull segment tal-prodott, instab li hija bla bażi. Parti li lmentat li l‑ambitu tal-prodott huwa wiesa’ wisq, ressqet paragun ta’ prodotti b’livelli differenti ta’ dekorazzjoni, iżda d-dikjarazzjonijiet tagħha rigward l-użu aħħari (f’każ minnhom għall-ġnien u għat-tfal, u f’każ ieħor għal dekorazzjoni) huma diskutibbli minħabba li ma hemmx distinzjoni ċara u dawk id-dikjarazzjonijiet jistgħu jidhru iktar bħala konferma tal-punt li sar fil-premessa 55 tar-Regolament provviżorju” ( 49 ).

93.

Għalhekk, jien nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex ir-risposta għat-tieni domanda tkun li l-motivazzjoni tar-regolament ikkontestat tissodisfa l‑kundizzjonijiet rikjesti mill-Artikolu 296 TFUE.

VI – Konklużjoni

94.

Jien nipproponi għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-First-tier Tribunal (Tax Chamber) li l-eżami tad-domandi li huwa għamel ma żvela l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tar‑Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 412/2013 tat‑13 ta’ Mejju 2013, li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU L 131, p. 1.

( 3 ) Ara s-sentenza Photo USA Electronic Graphic vs Il-Kunsill (T‑394/13, EU:T:2014:964).

( 4 ) Ara s-sentenza Photo USA Electronic Graphic vs Il-Kunsill (C‑31/15 P).

( 5 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307.

( 6 ) ĠU L 343, p. 51.

( 7 ) ĠU L 318, p. 28. Ara wkoll, ir-rettifika ta’ dan ir-regolament (ĠU 2013, L 36, p. 11).

( 8 ) L-atti tal-Unjoni dwar dan is-suġġett jużaw it-termini “prodott ikkunsidrat” u “prodott ikkonċernat” b’mod interkambjabbli. Fil-lingwa Ingliża tintuża biss l‑espressjoni “product concerned”. Fil-każ tal-Organizzazzjoni Dinjija tal‑Kummerċ (WTO), it-terminu użat huwa dak ta’ “prodott ikkonċernat”. Għal raġunijiet ta’ koerenza u uniformità, f’dawn il-konklużjonijiet ser nuża biss it‑terminu “prodott ikkonċernat”.

( 9 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 189.

( 10 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80.

( 11 ) Sentenza TMK Europe (C‑143/14, EU:C:2015:236, punt 18). Ara wkoll, f’dan is‑sens, is-sentenza Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Sentenza TMK Europe (C‑143/14, EU:C:2015:236, punt 19).

( 13 ) Ara s-sentenzi Allied Corporation et vs Il-Kummissjoni (239/82 u 275/82, EU:C:1984:68, punti 1112); Nachi Europe (C‑239/99, EU:C:2001:101, punt 21); Valimar (C‑374/12, EU:C:2014:2231, punt 30), kif ukoll TMK Europe (C‑143/14, EU:C:2015:236, punt 19).

( 14 ) Ara s-sentenzi Nashua Corporation et vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill (C‑133/87 u C‑150/87, EU:C:1990:115, punt 15); Gestetner Holdings vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑156/87, EU:C:1990:116, punt 18); Valimar (C‑374/12, EU:C:2014:2231, punt 31), kif ukoll TMK Europe (C‑143/14, EU:C:2015:236, punt 20).

( 15 ) Ara s-sentenzi Neotype Techmashexport vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill (C‑305/86 u C‑160/87, EU:C:1990:295, punti 19 u 20); Valimar (C‑374/12, EU:C:2014:2231, punt 32), kif ukoll TMK Europe (C‑143/14, EU:C:2015:236, punt 21).

( 16 ) Ara s-sentenzi Extramet Industrie vs Il-Kunsill (C‑358/89, EU:C:1991:214, punt 16); Valimar (C‑374/12, EU:C:2014:2231, punt 33), kif ukoll TMK Europe (C‑143/14, EU:C:2015:236, punt 22).

( 17 ) Ara l-Artikolu 1(2) tar-Regolament bażiku.

( 18 ) Sentenza Shanghai Bicycle vs Il-Kunsill (T‑170/94, EU:T:1997:134, punt 61). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Photo USA Electronic Graphic vs Il-Kunsill (T‑394/13, EU:T:2014:964, punt 28).

( 19 ) Sentenza Gem-Year u Jinn-Well Auto-Parts (Zhejiang) vs Il-Kunsill (T‑172/09, EU:T:2012:532, punt 59). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill (T‑401/06, EU:T:2010:67, punt 131); Whirlpool Europe vs Il‑Kunsill (T‑314/06, EU:T:2010:390, punt 138); EWRIA et vs Il-Kummissjoni (T‑369/08, EU:T:2010:549, punt 82), kif ukoll Photo USA Electronic Graphic vs Il-Kunsill (T‑394/13, EU:T:2014:964, punt 29).

( 20 ) Sentenza Gem-Year u Jinn-Well Auto-Parts (Zhejiang) vs Il-Kunsill (T‑172/09, EU:T:2012:532, punt 60). Ara ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza Photo USA Electronic Graphic vs Il-Kunsill (T‑394/13, EU:T:2014:964, punt 30).

( 21 ) Sentenza Gem-Year u Jinn-Well Auto-Parts (Zhejiang) vs Il-Kunsill (T‑172/09, EU:T:2012:532, punt 62).

( 22 ) Ibidem (punt 61). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill (T‑401/06, EU:T:2010:67, punt 132), kif ukoll EWRIA et vs Il‑Kummissjoni (T‑369/08, EU:T:2010:549, punt 83).

( 23 ) Ara s-sentenza Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill (T‑401/06, EU:T:2010:67, punt 133). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Gem-Year u Jinn‑Well Auto-Parts (Zhejiang) vs Il-Kunsill (T‑172/09, EU:T:2012:532, punti 6667).

( 24 ) Sentenza Petrotub u Republica vs Il-Kunsill (C‑76/00 P, EU:C:2003:4, punt 53). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Portugall vs Il-Kunsill (C‑149/96, EU:C:1999:574, punt 47); Van Parys (C‑377/02, EU:C:2005:121, punt 39); LVP (C‑306/13, EU:C:2014:2465, punt 44), u Il-Kummissjoni vs Rusal Armenal (C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punt 38), kif ukoll id-Digriet OGT Fruchthandelsgesellschaft (C‑307/99, EU:C:2001:228, punt 24).

( 25 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Rusal Armenal (C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punt 41). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Fediol vs Il-Kummissjoni (70/87, EU:C:1989:254, punt 19); Nakajima vs Il-Kunsill (C‑69/89, EU:C:1991:186, punt 31); Il‑Portugall vs Il-Kunsill (C‑149/96, EU:C:1999:574, punt 49), kif ukoll Petrotub u Republica vs Il-Kunsill (C‑76/00 P, EU:C:2003:4, punt 54).

( 26 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45.

( 27 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 76.

( 28 ) Sentenza Petrotub u Republica vs Il-Kunsill (C‑76/00 P, EU:C:2003:4, punt 56).

( 29 ) Ara t-Tilwim DS264 “United States – Final Dumping Determination on Softwood Lumber from Canada”, DS337 “European Communities – Anti-Dumping Measure on Farmed Salmon from Norway”, u DS397 “European Communities — Definitive Anti-Dumping Measures on Certain Iron or Steel Fasteners from China”. Ir‑rapporti tal-grupp speċjali tad-WTO f’dan it-tilwim huma aċċessibli fuq is-sit internet tad-WTO https://www.wto.org/english/tratop_e/dispu_e/dispu_status_e.htm.

( 30 ) Ara r-rapport tal-grupp speċjali tad-WTO tat-13 ta’ April 2004 fit-tilwima DS264 “United States – Final Dumping Determination on Softwood Lumber from Canada” (punt 7.155). Dan ir-rapport ġie biss parzjalment mibdul mill-korp tal-appell tad-WTO u fi kwalunkwe każ mhux fuq dan il-punt (ara l-punti 99 u 183 tar‑rapport tal-korp tal-appell tal-11 ta’ Awwissu 2004 aċċessibli fuq is-sit internet tad-WTO: https://www.wto.org/english/tratop_e/dispu_e/cases_e/ds264_e.htm). Ara wkoll, f’dan is-sens, ir-rapport tal-grupp speċjali tad-WTO tas-16 ta’ Novembru 2007 fit-tilwima DS337 “European Communities – Anti-Dumping Measure on Farmed Salmon from Norway”, punt 7.44, kif ukoll ir-rapport tal-grupp speċjali tad-WTO tat-3 ta’ Diċembru 2010 fit-tilwima DS397 “European Communities – Definitive Anti-Dumping Measures on Certain Iron or Steel Fasteners from China” (punti 7.246 u 7.247). Dan ir-rapport ġie biss parzjalment mibdul mill-korp tal-appell tad-WTO u fi kwalunkwe każ mhux fuq dan il-punt (ara l-punt 624 tar-rapport tal-korp tal-appell tal-15 ta’ Lulju 2011 aċċessibli fuq is-sit internet tad-WTO: https://www.wto.org/english/tratop_e/dispu_e/ cases_e/ds397_e.htm).

( 31 ) Ara r-rapport tal-grupp speċjali tad-WTO tat-13 ta’ April 2004 fit-tilwima DS264 “United States – Final Dumping Determination on Softwood Lumber from Canada” (punt 7.156); ir-rapport tal-grupp speċjali tad-WTO tas-16 ta’ Novembru 2007 fit-tilwima DS337 “European Communities – Anti-Dumping Measure on Farmed Salmon from Norway” (punt 7.43), kif ukoll ir-rapport tal‑grupp speċjali tad-WTO tat-3 ta’ Diċembru 2010 fit-tilwima DS397 “European Communities – Definitive Anti-Dumping Measures on Certain Iron or Steel Fasteners from China” (punt 7.271).

( 32 ) Ara r-rapport tal-grupp speċjali tad-WTO tat-13 ta’ April 2004 fit-tilwima DS264 “United States – Final Dumping Determination on Softwood Lumber from Canada”, punt 7.157; ir-rapport tal-grupp speċjali tad-WTO tas-16 ta’ Novembru 2007 fit-tilwima DS337 “European Communities – Anti-Dumping Measure on Farmed Salmon from Norway” punt 7.48; ir-rapport tal‑grupp speċjali tad-WTO tat-3 ta’ Diċembru 2010 fit-tilwima DS397 “European Communities – Definitive Anti-Dumping Measures on Certain Iron or Steel Fasteners from China” (punt 7.271).

( 33 ) Ara r-rapport tal-grupp speċjali tad-WTO tat-13 ta’ April 2004 fit-tilwima DS264 “United States – Final Dumping Determination on Softwood Lumber from Canada” (punt 7.157).

( 34 ) Ara r-rapport tal-grupp speċjali tad-WTO tas-16 ta’ Novembru 2007 fit-tilwima DS337 “European Communities – Anti-Dumping Measure on Farmed Salmon from Norway” (punt 7.49).

( 35 ) Ibidem (punt 7.53).

( 36 ) Ibidem (punt 7.58).

( 37 ) Idem.

( 38 ) Ibidem (punt 7.58). Ara wkoll, f’dan is-sens, ir-rapport tal-grupp speċjali tad-WTO tat-3 ta’ Diċembru 2010 fit-tilwima DS397 “European Communities – Definitive Anti-Dumping Measures on Certain Iron or Steel Fasteners from China” (punt 7.271).

( 39 ) Kawża Gem-Year u Jinn-Well Auto-Parts (Zhejiang) vs Il-Kunsill (T‑172/09, EU:T:2012:532, punt 61). Ara wkoll, f’dan is-sens, il-kawżi Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill (T‑401/06, EU:T:2010:67, punt 132), kif ukoll EWRIA et vs Il-Kummissjoni (T‑369/08, EU:T:2010:549, punt 83).

( 40 ) Ara r-rapport tal-grupp speċjali tad-WTO tas-16 ta’ Novembru 2007 fit-tilwima DS337 “European Communities – Anti-Dumping Measure on Farmed Salmon from Norway” (punt 7.58).

( 41 ) Idem.

( 42 ) Ara r-rapport ta’ grupp speċjali tad-WTO tat-3 ta’ Diċembru 2010 fit-tilwima DS397 “European Communities – Definitive Anti-Dumping Measures on Certain Iron or Steel Fasteners from China” (punt 7.269).

( 43 ) Ara r-rapport tal-grupp speċjali tad-WTO tas-16 ta’ Novembru 2007 fit-tilwima DS337 “European Communities — Anti-Dumping Measure on Farmed Salmon from Norway” (punt 7.58), kif ukoll ir-rapport tal-grupp speċjali tad-WTO tat-3 ta’ Diċembru 2010 fit-tilwima DS397 “European Communities — Definitive Anti-Dumping Measures on Certain Iron or Steel Fasteners from China (punt 7.270).

( 44 ) Ara r-rapport tal-grupp speċjali tad-WTO tas-16 ta’ Novembru 2007 fit-tilwima DS337 “ European Communities — Anti-Dumping Measure on Farmed Salmon from Norway” (punt 7.58). Ara wkoll, f’dan is-sens, ir-rapport tal-grupp speċjali tad-WTO tat-3 ta’ Diċembru 2010 fit-tilwima DS397 “European Communities — Definitive Anti-Dumping Measures on Certain Iron or Steel Fasteners from China ” (punt 7.270).

( 45 ) Rapport tal-grupp speċjali tad-WTO tat-3 ta’ Diċembru 2010 fit-tilwima DS397 “European Communities — Definitive Anti-Dumping Measures on Certain Iron or Steel Fasteners from China”, punt 7.270.

( 46 ) “[…] l-ambitu tal-prodott huwa definit b’mod definittiv bħala oġġett taċ-ċeramika li jintuża fuq il-mejda u fil-kċina minbarra skieken taċ-ċeramika, oġġetti taċ‑ċeramika li jaħżnu kondiment jew imtieħen żgħar tal-ħwawar u l-partijiet taċ‑ċeramika tagħhom li jitħnu, għodod li jqaxxru l-frott u l-ħaxix magħmula miċ-ċeramika, senniena tas-skieken taċ-ċeramika, ġebel tal-pizza taċ-ċeramika cordierite tat-tip użat għall-ħami tal-pizza jew il-ħobż, li joriġina mir-RPĊ, li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet tan-NM ex69111000, ex69120010, ex69120030, ex69120050 u ex69120090”.

( 47 ) Sentenza Nuova Agricast (C‑390/06, EU:C:2008:224, punt 79). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63); Atzeni et (C‑346/03 u C‑529/03, EU:C:2006:130, punt 73); Sison vs Il-Kunsill (C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 80), kif ukoll Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português (C‑667/13, EU:C:2015:151, punt 44).

( 48 ) Enfażi miżjuda minni.

( 49 ) Enfażi miżjuda minni.

Top