Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0230

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Cruz Villalón, ippreżentati l-25 ta’ Ġunju 2015.

    Court reports – general ; Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:426

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    CRUZ VILLALÓN

    ippreżentati fil-25 ta’ Ġunju 2015 ( 1 )

    Kawża C‑230/14

    Weltimmo s.r.o.

    vs

    Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kúria (l-Ungerija)]

    “Protezzjoni ta’ data personali — Direttiva 95/46/KE — Artikoli 4(1) u 28(1), (3) u (6) — Kontrollur stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor — Determinazzjoni tal-liġi applikabbli u tal-awtorità ta’ superviżjoni kompetenti — Setgħat tal-awtorità ta’ superviżjoni — Setgħa ta’ impożizzjoni ta’ sanzjoni — Kunċett ta’ ‘pproċessar tad-data’”

    1. 

    Id-domandi preliminari magħmula mill-Kúria (Qorti Suprema tal-Ungerija) joriġinaw f’tilwima bejn il-Magyar Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (iktar ’il quddiem, “l-Awtorità Ungeriża għall-Protezzjoni tad-Data”) u kumpannija li topera “sit tal-internet” li jippubblika riklami dwar proprjetà immobbli, irreġistrat fis-Slovakkja, fejn isiru riklami ta’ proprjetajiet immobbli li jinsabu fl-Ungerija.

    2. 

    Għalhekk, dan il-każ jerġa’ jagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar id-determinazzjoni tad-dritt applikabbli għall-ipproċessar tad-data skont l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali ( 2 ), diġà interpretat fis-sentenza Google Spain u Google ( 3 ). Barra minn hekk, din il-kawża tqajjem mistoqsijiet ġodda kemm dwar id-determinazzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti għall-protezzjoni tad-data kif ukoll dwar id-dritt applikabbli minn tali awtorità u s-setgħat ta’ azzjoni tagħha, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda s-setgħa ta’ impożizzjoni ta’ sanzjonijiet.

    I – Il-kuntest ġuridiku

    A – Id-dritt tal-Unjoni

    3.

    Id-Direttiva 95/46 tistabbilixxi kriterji differenti għad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali. Il-premessa 18 tagħha tipprovdi li, “[…] sabiex ikun assigurat li individwi ma jiċċaħdux mill-protezzjoni li għandhom dritt għaliha b’din id-Direttiva, kull ipproċessar ta’ data personali fil-Komunità għandu jsir skond il-liġi ta’ wieħed mill-Istati Membri; […] f’dan il-qasam, l-ipproċessar magħmul taħt ir-responsabbiltà ta’ kontrollur li jkun stabbilit fi Stat Membru għandha jkun regolat bil-liġi ta’ dak l-Istat.”

    4.

    Min-naħa l-oħra, il-premessa 19 tad-Direttiva tistipula li […] “stabbiliment fit-territorju ta’ Stat Membru jfisser l-eżerċizzju effettiv u reali ta’ attività permezz ta’ arranġamenti stabbli; billi l-forma legali ta’ stabbiliment bħal dan, kemm jekk sempliċi fergħa jew sussidjarju b’personalità ġuridika, mhux il-fattur determinanti dwar dan […].” Din l-istess premessa tindika li “meta kontrollur wieħed ikun stabbilit fit-territorju ta’ diversi Stati Membri, partikolarment permezz ta’ sussidjarji, huwa għandu jassigura, sabiex ma jkunux skartati regoli nazzjonali, li kull stabbiliment jissodisfa l-obbligazzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jkunu japplikaw għall-attivitajiet tiegħu.”

    5.

    L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva li l-ittra (a) tiegħu hija relatata mal-effetti tal-kawża preżenti, jikkostitwixxi r-regola relatata mad-dritt applikabbli għat-trattament tad-data, billi jistabbilixxi li:

    “1.   Kull Stat Membru għandu japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali li hu jadotta skond din id-Direttiva għall-ipproċessar ta’ data personali meta:

    a)

    l-ipproċessar isir fil-kuntest ta’ l-attivitajiet ta’ stabbiliment tal-kontrollur fit-territorju ta’ l-Istat Membru; meta l-istess kontrollur ikun stabbilit fit-territorju ta’ diversi Stati Membri, hu għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jassigura li kull wieħed minn dawk l-istabbilimenti jkunu konformi ta’ l-obbligazzjonijiet meħtieġa mill-liġi nazzjonali li tkun tapplika;

    […]”

    6.

    L-Artikolu 28, li jikkostitwixxi d-dispożizzjoni relatata mal-awtoritajiet ta’ kontroll fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, jipprovdi dan li ġej fil-paragrafi 1, 3, 4 u 6 tiegħu:

    “1.   Kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika waħda jew aktar ikunu responsabbli tas-sorveljanza ta’ l-applikazzjoni fit-territorju tiegħu tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skond din id-Direttiva.

    Dawn l-awtoritajiet għandhom jaġixxu b’indipendenza sħiħa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet fdati lilhom.

    […]

    3.   Kull awtorità għandu jkollha partikolarment:

    setgħat investigattivi, bħalma huma setgħat ta’ aċċess għal data li tagħmel parti mis-suġġett ta’ operazzjonijiet ta’ ipproċessar u setgħat għal ġbir ta’ l-informazzjoni kollha meħtieġa biex twettaq id-dmirijiet tagħha ta’ superviżjoni;

    setgħat effettivi ta’ intervent, bħalma hu, per eżempju, dak li tagħti opinjonijiet qabel ma jsiru operazzjonijiet ta’ ipproċessar, skond l-Artikolu 20, u li tassigura li dawn l-opinjonijiet ikollhom pubblikazzjoni sewwa, li tordna l-imblokk, tħassir jew distruzzjoni ta’ data, li ma tħallix għal xi żmien jew għal dejjem milli jsir ipproċessar, li twissi jew twiddeb lill-kontrollur, jew li tirreferi l-kwistjoni lill-parlamenti nazzjonali jew istituzzjonijiet pubbliċi oħra;

    is-setgħa li tidħol fi proċeduri legali meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva jkunu ġew miksura jew li tressaq dan il-ksur quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji.

    Deċiżjonijiet ta’ l-awtorità ta’ superviżjoni li jagħtu lok għal ilmenti jistgħu jkunu appellati fil-qrati.

    4.   Kull awtorità ta’ superviżjoni għandha tisma’ talbiet maghmulin minn kull persuna, jew minn għaqda li tirrappreżenta lil dik il-persuna, dwar il-protezzjoni tad-drittijiet jew libertajiet tagħha fl-ipproċessar ta’ data personali.

    Il-persuna kkonċernata għandha tkun mgħarrfa bir-riżultat tat-talba. Kull awtorità ta’ superviżjoni għandha, partikolarment, tisma’ talbiet għal verifiki dwar il-legalità ta’ ipproċessar ta’ data mressqa minn kull persuna meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond l-Artikolu 13 ta’ din id-Direttiva jkunu japplikaw. Il-persuna għandha f’kull każ tkun mgħarrfa li tkun saret verifika.

    […]

    6.   Kull awtorità ta’ superviżjoni hija kompetenti, tkun liema tkun il-liġi nazzjonali li tkun applika għall-ipproċessar in kwistjoni, li teżerċita, fit-territorju ta’ l-Istat Membru tagħha nfisha, is-setgħat mogħtija lilha skond il-paragrafu 3. Kull awtorità tista’ tintalab li teżerċita s-setgħat tagħha minn awtorità ta’ Stat Membru ieħor.

    L-awtoritajiet ta’ superviżjoni għandhom jikkooperaw ma xulxin f’dak li jkun meħtieġ biex iwettqu dmirijiethom, partikolarment billi jaqsmu flimkien kull informazzjoni utli.

    […]”

    B – Id-dritt Ungeriż

    7.

    Il-Liġi CXII tal-2011, dwar id-dritt ta’ awtodeterminazzjoni fir-rigward tal-informazzjoni u l-libertà tal-informazzjoni (2011. évi CXII. törvény az információs önrendelkezési jogról és az információszabadságról szóló 2011, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-Informazzjoni”), tikkostitwixxi l-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 95/46.

    8.

    L-Artikolu 2 tal-Liġi tal-Informazzjoni jipprovdi kif ġej:

    “(1)   Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi jkopri t-trattament u l-ipproċessar kollu tad-data ġestita fit-territorju tal-Ungerija fir-rigward tad-data ta’ persuni fiżiċi kif ukoll data ta’ interess pubbliku jew data aċċessibbli għal raġunijiet ta’ interess pubbliku.

    (2)   Din il-liġi tapplika kemm għat-trattament kif ukoll għall-ipproċessar tad-data, ġestita permezz ta’ mezzi kompletament jew parzjalment awtomatiċi, jew manwalment.

    (3)   Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi meta l-kontrollur li jipproċessa data li tikkonsisti f’data personali barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea jafda l-ipproċessar tad-data lil kontrollur li jkollu l-uffiċċju prinċipali jew l-istabbiliment, il-fergħa, id-dar privata jew ir-residenza tiegħu fit-territorju tal-Ungerija, jew juża xi mezz li jinsab f’dan it-territorju, ħlief fil-każ li dan il-mezz ikun jintuża biss għal skopijiet ta’ tranżitu mit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Il-kontrollur għandu jinnomina rappreżentant fit-territorju tal-Ungerija.”

    9.

    Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 3 tal-Liġi tal-Informazzjoni jistabbilixxi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din il-liġi:

    “(9)   kontrollur (‘adatkezelő’): tfisser persuna fiżika jew ġuridika jew entità mingħajr personalità ġuridika li, waħedha jew ma’ oħrajn, tiddetermina l-iskop tal-ipproċessar tad-data, tieħu deċiżjonijiet dwar tali pproċessar (inklużi l-mezzi użati għal dan l-iskop) u timplementahom hi stess jew permezz ta’ persuna responsabbli għat-trattament tad-data (‘adatfeldolgozó’);

    (10)   ipproċessar tad-data (‘adatkezelés’): tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet imwettqa rigward id-data, tkun xi tkun il-proċedura użata, b’mod partikolari l-ġbir, il-qbid, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, il-ħażna, il-modifika, l-użu, l-applikazzjoni, it-trażmissjoni, il-pubblikazzjoni, it-tqabbil jew interkonnessjoni, l-imblukkar, it-tħassir jew il-qerda, kif ukoll il-prevenzjoni ta’ użu ieħor tad-data, il-qbid ta’ ritratti, ħsejjes jew stampi, jew ir-reġistrazzjoni tal-karatteristiċi fiżiċi li jservu għall-identifikazzjoni ta’ persuni (pereżempju, marki tas-swaba’ jew tal-pala tal-id, kampjuni tad-DNA jew immaġni tal-iris);

    (11)   trażmissjoni tad-data: tfisser it-tqegħid ta’ data għad-dispożizzjoni ta’ terzi persuni speċifiċi;

    […]

    (17)   ipproċessar tad-data (‘adatfeldolgozás’): tfisser it-twettiq ta’ kompiti tekniċi fir-rigward tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data, ikun x’ikun il-metodu u l-mezzi użati biex jitwettqu operazzjonijiet kif ukoll il-post li jsiru fih, sakemm il-kompiti tekniċi jsiru fil-qasam tad-data;

    (18)   persuna inkarigata mit-trattament ta’ data (“adatfeldolgozó”): tfisser persuna fiżika jew ġuridika jew entità mingħajr personalità ġuridika li, skont kuntratt – inklużi l-kuntratti konklużi fuq obbligu legali –, twettaq it-trattament tad-data;

    […]”.

    II – Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

    10.

    Din id-domanda preliminari titqajjem f’appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Kúria kontra s-sentenza tal-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti amministrattiva suprema u tal-kapital azzjonarju), fil-proċedura amministrattiva ta’ protezzjoni tad-data bejn il-kumpannija Weltimmo s.r.o. (iktar ’il quddiem, “Weltimmo”) u l-Awtorità Ungeriża għall-protezzjoni tad-data.

    11.

    Weltimmo hija kumpannija li tamministra sit tal-internet li jippubblika riklami dwar proprjetà immobbli, bl-uffiċċju prinċipali fis-Slovakkja. L-attività tagħha tikkonsisti fl-amministrazzjoni tat-tali sit tal-internet, li jippubblika riklami dwar proprjetà immobbli li tinsab fl-Ungerija. Tali riklami huma mingħajr ħlas għar-reklamant matul l-ewwel xahar, u wara dan, is-servizz jibda jingħata bi ħlas. Numru kbir ta’ reklamanti, permezz ta’ messaġġ elettroniku, talbu li jitħassru r-riklami rispettivi tagħhom, kif ukoll id-data personali tagħhom peress li, wara li għadda l-ewwel xahar, ma xtaqux jgħaddu għas-servizz bi ħlas. Weltimmo, madankollu, ma rrispettatx dawn it-talbiet, u ħarġet fatturi għas-servizzi tagħha. Meta dawn il-fatturi ma tħallsux, Weltimmo bagħtet id-data personali tar-reklamanti lil kumpanniji li jiġbru d-dejn.

    12.

    Bi tweġiba għall-ilmenti ppreżentati mir-reklamanti, l-Awtorità Ungeriża għall-protezzjoni tad-data kkonfermat il-ġurisdizzjoni tagħha, kif ukoll l-applikabbiltà tal-liġi nazzjonali (skont l-Artikolu 3(1) tal-Liġi tal-Informazzjoni, il-ġbir tad-data jikkostitwixxi pproċessar tad-data), u imponiet multa ta’ għaxar miljun forint Ungeriż (HUF). Din id-deċiżjoni ġiet appellata minn Weltimmo quddiem il-qorti amministrattiva u tax-xogħol tal-belt kapitali li, filwaqt li ma kkontestatx il-ġurisdizzjoni tal-awtorità għall-protezzjoni tad-data jew il-liġi applikabbli, annullat id-deċiżjoni amministrattiva minħabba nuqqas ta’ ċarezza suffiċjenti ta’ wħud mill-allegazzjonijiet.

    13.

    Fl-appell ta’ kassazzjoni tagħha, Weltimmo titlob, fost l-oħrajn, li jiġi ddikjarat li ma hemmx bżonn ta’ iktar kjarifika tal-fatti, peress li, b’mod konformi mal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46, l-Awtorità Ungeriża għall-protezzjoni tad-data ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tittratta proċedura u tapplika d-dritt Ungeriż għal fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor, u tinnota b’mod partikolari f’dan ir-rigward li, skont l-Artikolu 28(6) tad-Direttiva 95/46, tali awtorità missha talbet lill-kontroparti Slovakka tagħha biex tieħu azzjoni kontra r-rikorrenti.

    14.

    L-Awtorità Ungeriża għall-protezzjoni tad-data tallega fil-kawża prinċipali, sabiex tissostanzja l-ġurisdizzjoni tagħha u l-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni Ungeriża, li Weltimmo għandha “persuna ta’ kuntatt Ungeriża” – wieħed mis-sidien tagħha, ta’ nazzjonalità Ungeriża –, li rrappreżentatha kemm fil-proċedura amministrattiva kif ukoll fil-proċess ġudizzjarju nazzjonali. Hija tinnota wkoll, li s-sidien ta’ Weltimmo huma residenti fl-Ungerija. Fi kwalunkwe każ, din l-awtorità tqis li l-Artikolu 28(6) tad-Direttiva 95/46 jipprovdi ġurisdizzjoni favuriha, irrispettivament mid-dritt applikabbli.

    III – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    15.

    F’dan il-kuntest, meta wieħed iqis li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 95/46 ma humiex ċari biżżejjed, il-Kúria, fir-riżoluzzjoni tagħha tat-22 ta’ April 2014, għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Mejju 2014:

    “1)

    L-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46/KE [...], jista’ jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali huma applikabbli, fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, fir-rigward ta’ kontrollur li jopera sit tal-internet li jippubblika riklami dwar proprjetà immobbli u li huwa esklużivament stabbilit fit-tieni Stat Membru, li jippubblika wkoll riklami dwar proprjetà immobbli li tinsab fl-ewwel Stat Membru u fejn il-proprjetarji jitrażmettu d-data personali tagħhom lejn l-apparat (server) li jaħżen u li jipproċessa d-data tal-operatur tas-sit tal-internet, li jinsab fit-tieni Stat Membru?

    2)

    L-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46, fid-dawl tal-premessi 18 sa 20, tal-Artikolu 1(2) u tal-Artikolu 28(1) tal-istess direttiva, jista’ jiġi interpretat fis-sens li [l-Awtorità Ungeriża għall-protezzjoni tad-data] ma tistax tapplika l-liġi Ungeriża dwar il-protezzjoni tad-data, inkwantu dritt nazzjonali, fir-rigward tal-operatur ta’ sit tal-internet li jippubblika riklami dwar proprjetà immobbli li huwa stabbilit esklużivament fi Stat Membru ieħor, anki meta huwa jippubblika riklami dwar proprjetà immobbli li tinsab fl-Ungerija u li d-data dwarha tiġi trażmessa mill-proprjetarji tagħha, probbabbilment, mit-territorju tal-Ungerija lejn lejn l-apparat (server) li jaħżen u li jipproċessa d-data tal-operatur tas-sit tal-internet, li jinsab f’dan l-Istat Membru l-ieħor?

    3)

    Il-kwistjoni dwar jekk servizz ipprovdut minn kontrollur li jopera sit tal-internet huwiex orjentat lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor hija rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni?

    4)

    Il-kwistjoni dwar jekk id-data dwar il-proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, jew id-data personali tal-proprjetarji tagħhom, effettivament tniżżlitx mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, hija rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni?

    5)

    Il-fatt li d-data personali marbuta ma din il-proprjetá immobbli hija d-data personali ta’ ċittadini ta’ Stat Membru ieħor huwa rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni?

    6)

    Il-fatt li l-proprjetarji tal-impriża stabbilita fis-Slovakkja għandhom residenza fl-Ungerija huwa rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni?

    7)

    Jekk mir-risposti mogħtija għad-domandi magħmula iktar il-fuq jirriżulta li l-awtorità ta’ superviżjoni Ungeriża tista’ taġixxi, iżda għandha tapplika, minflok id-dritt nazzjonali, id-dritt tal-Istat Membru ta’ stabbiliment, l-Artikolu 28(6) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ta’ superviżjoni Ungeriża tista’ teżerċità biss is-setgħat previsti fl-Artikolu 28(3) ta’ din l-istess direttiva, u dan b’mod konformi mad-dritt tal-Istat Membru ta’ stabbiliment, u li konsegwentement hija ma tistax timponi multa?

    8)

    Il-kunċett ta’ ‘adatfeldolgozás’ [operazzjonijiet tekniċi ta’ pproċessar ta’ data] kemm fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) kif ukoll f’dak tal-Artikolu 28(6) [tal-verżjoni Ungeriża] tad-Direttiva 95/46, huwa, fit-terminoloġija ta’ din id-direttiva, identiku għall-kunċett ta’ ‘adatkezelés’ [ipproċessar tad-data]?”

    16.

    Il-Gvern Ungeriż, il-Gvern Slovakk, il-Gvern tar-Renju Unit, l-Awtorità Ungeriża għall-protezzjoni tad-data u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta, li saret fit-12 ta’ Marzu 2015, ipparteċipaw il-Gvern Ungeriż, il-Gvern Slovakk, il-Gvern Pollakk, l-Awtorità Ungeriża għall-protezzjoni tad-data, u l-Kummissjoni Ewropea.

    IV – Analiżi

    17.

    Id-diversi domandi preliminari magħmula mill-Kúria jikkonċernaw żewġ problemi li, għalkemm ippreżentati b’mod interrelatat, jixirqilhom attenzjoni separata – kif huwa rifless ukoll fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali ppreżentati fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja –, jiġifieri, dik tal-liġi applikabbli għall-ipproċessar tad-data u dik tad-determinazzjoni tal-awtorità superviżorja kompetenti. Għal din ir-raġuni, se naqsam ir-raġunament tiegħi f’żewġ partijiet ewlenin. L-ewwel, se nindirizza l-kwistjoni tal-liġi applikabbli għall-ipproċessar tad-data, u finalment, il-kwistjoni ta’ “stabbiliment”, billi neżamina l-ewwel sas-sitt domanda flimkien. It-tieni, se neżamina l-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-awtorità superviżorja kompetenti u tas-setgħat tagħha – filwaqt li nanalizza, bl-istess mod, il-kwistjoni tas-separazzjoni possibbli bejn l-awtorità superviżorja kompetenti u l-liġi applikabbli – (is-seba’ domanda). Fl-aħħar nett, se nittratta l-kwistjoni tat-terminoloġija mqajma mit-tmien domanda preliminari.

    A – Dwar il-liġi applikabbli għall-ipproċessar tad-data u dwar il-kunċett ta ’ stabbiliment (l-ewwel sas-sitt domanda)

    18.

    Permezz tal-ewwel sas-sitt domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-Kúria tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1)(a) u l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46, jistgħux jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, jippermettu l-applikazzjoni tal-liġi Ungeriża għall-protezzjoni tad-data, kif ukoll li l-awtorità Ungeriża għall-protezzjoni tad-data tapplika din il-liġi għal operatur ta’ sit tal-internet stabbilit esklużivament fi Stat Membru ieħor. F’dan ir-rigward, il-Kúria tistaqsi, wkoll, dwar l-impatt ta’ serje ta’ fatturi speċifiċi, bħal li s-servizzi tal-imsemmija kumpannija jkunu indirizzati lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor, il-post minn fejn id-data dwar il-proprjetà immobbli tkun tniżżlet, in-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati jew il-fatt li s-sidien tal-kumpannija jkunu domiċiljati fl-Ungerija.

    19.

    Il-Kúria, fl-ewwel żewġ domandi tagħha, għamlet riferiment kemm għall-Artikolu 28(1), kif ukoll għall-Artikolu 4(1)(a) tad-direttiva. Madankollu, għall-finijiet tar-risposta għad-domandi tagħha naħseb li huwa perfettament possibbli li tiġi mwarrba l-analiżi tal-ambitu tal-ewwel wieħed minn dawn l-artikoli. Fil-fatt, l-Artikolu 28(1) sempliċiment jiddikjara li “kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika waħda jew aktar ikunu responsabbli tas-sorveljanza ta’ l-applikazzjoni fit-territorju tiegħu tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skond din id-Direttiva”. Nemmen li din id-dispożizzjoni ma hijiex determinanti għall-finijiet tal-istabbiliment tal-liġi applikabbli. L-ewwel nett, u minn perspettiva sistematika, l-Artikolu 28 jinsab fil-Kapitolu VI tad-direttiva, li jirregola l-awtoritajiet ta’ superviżjoni u l-gruppi ta’ ħidma għall-protezzjoni ta’ individwi fl-ipproċessar ta’ data personali, u mhux il-kwistjoni tal-liġi applikabbli. It-tieni, il-kliem stess tal-Artikolu 28(1) tad-direttiva, ma joffri ebda kriterji addizzjonali għad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-ipproċessar tad-data. Għalhekk, din id-dispożizzjoni ma fiha ebda element li jista’ jiġi interpretat biex jippermetti li tingħata risposta differenti għad-domanda tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, li huwa dak li speċifikament jirregola l-kwistjoni tal-liġi applikabbli.

    20.

    Għalhekk filwaqt li niffukaw fuq l-Artikolu 4(1)(a) tad-direttiva, għandna nibdew billi niddikjaraw li kemm l-osservazzjonijiet ippreżentati waqt is-seduta kif ukoll dawk ippreżentati matul il-proċedura bil-miktub juru r-rilevanza ta’ din id-dispożizzjoni biex tingħata risposta għad-domandi relatati mal-liġi applikabbli, kif ukoll l-importanza partikolari li jiġi ddeterminat il-post ta’ stabbiliment ta’ Weltimmo.

    21.

    Il-problema tal-liġi applikabbli f’sitwazzjonijiet transkonfinali ta’ pproċessar tad-data ilha kwistjoni kontroversjali għal għexieren ta’ snin fix-xena internazzjonali ( 4 ). L-Artikoflu 4 tad-direttiva, maħsub biex jiġi ddeterminat id-dritt nazzjonali applikabbli, sar l-ewwel liġi li rnexxielha tistabbilixxi regola biex jiġi ddeterminat id-dritt applikabbli f’dan ir-rigward ( 5 ). Din id-dispożizzjoni tipprovdi kriterji differenti biex jiġi ddeterminat jekk id-dritt nazzjonali adottat sabiex jittrasponi d-direttiva huwiex applikabbli, u għalhekk jistabbilixxi, indirettament (permezz tal-immarkar tal-applikabbiltà ta’ dawk ir-regoli nazzjonali), il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-istess direttiva.

    22.

    Għalhekk l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46 huwa importanti b’mod partikolari għas-sitwazzjonijiet fejn hija rilevanti l-kwistjoni tal-liġi applikabbli bejn l-Istati Membri tal-Unjoni, li jipprovdi li “kull Stat Membru għandu japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali li hu jadotta ( 6 ) skond din id-Direttiva għall-ipproċessar ta’ data personali meta: a) l-ipproċessar isir fil-kuntest ta’ l-attivitajiet ta’ stabbiliment tal-kontrollur fit-territorju ta’ l-Istat Membru.”

    23.

    L-Artikolu 4(1)(a) għalhekk għandu funzjoni doppja. Minn naħa waħda, jippermetti l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni permezz tal-liġi ta’ wieħed mill-Istati Membri tagħha meta l-ipproċessar tad-data jseħħ biss “fil-kuntest” tal-attivitajiet ta’ stabbiliment li jinsab fihom, u dan minkejja li l-ipproċessar ta’ data “attwali” jseħħ fi stat terz (li kien il-każ fil-kwistjoni Google Spain u Google ( 7 )). Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni sservi bħala r-regola li tiddetermina l-liġi applikabbli bejn l-Istati Membri (li hija l-kwistjoni kkontestata hawnhekk). F’din it-tieni sitwazzjoni, l-Artikolu 4(1)(a) tad-direttiva huwa d-dispożizzjoni li tiddetermina l-liġi applikabbli bħala standard ta’ disparità bejn il-liġijiet tal-Istati Membri differenti.

    24.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-qorti nazzjonali tifformula d-domandi tagħha fir-rigward ta’ operatur ta’ sit tal-internet iddedikat għar-riklami tal-proprjetà immobbli li huwa stabbilit esklużivament fi Stat Membru ieħor – liema asserzjoni hija miċħuda mill-Awtorità ta’ superviżjoni Ungeriża –. Ir-Renju Unit iqis li huwa ovvju li għandu jitqies li l-liġi applikabbli f’dan il-każ għandha tkun dik tal-Istat Membru ta’ stabbiliment, f’dan il-każ, is-Slovakkja, peress li l-awtorità Ungeriża ma għandhiex il-possibbiltà li tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali proprju tagħha. Fl-istess sens, il-Kummissjoni tenfasizza l-fatt li, indipendentement mill-fatt li setgħet tiġi aċċettata l-applikazzjoni tad-dritt Ungeriż jekk jitqies li r-rikorrenti tkun stabbilita wkoll fit-territorju Ungeriż, il-Kúria indikat li f’dan il-każ il-kumpannija hija stabbilita b’mod esklużiv fi Stat Membru ieħor.

    25.

    F’dan ir-rigward, u lil hinn mill-kunsiderazzjoni fattwali inkluża fil-kontenut tad-domandi preliminari dwar il-post ta’ stabbiliment attwali, it-tielet sas-sitt domanda magħmula mill-Kúria jippermettu li tinħass xi inċertezza min-naħa tal-qorti tar-rinviju rigward il-kunċett ta’ stabbiliment, fis-sens tad-direttiva, bħala kunċett forsi mhux purament formali. Għal din ir-raġuni, nemmen li risposta utli għall-ewwel sas-sitt domanda teħtieġ li jiġu ddeterminati l-kriterji li jippermettu li jiġi konkluż jekk jeżistix ipproċessar tad-data li sar “fil-kuntest ta’ l-attivitajiet ta’ stabbiliment tal-kontrollur” fit-territorju Ungeriż, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva.

    26.

    Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat, f’dan il-każ, jekk il-leġiżlazzjoni applikabbli hijiex dik Ungeriża jew, għall-kuntrarju, dik Slovakka, ikun neċessarju li ssir analiżi maqsuma f’żewġ partijiet, skont l-approċċ użat fis-sentenza Google Spain u Google ( 8 ). Għalhekk, l-ewwel għandu jiġi ċċarat jekk Weltimmo kellhiex stabbiliment fit-territorju tal-Ungerija u, t-tieni, jekk l-ipproċessar tad-data seħħx fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ dak l-istabbiliment. Madankollu, għandu jiġi nnotat li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, u għall-kuntrarju ta’ dawk li huwa bbażat fuqhom il-każ ta’ Google Spain u Google, ma hijiex ikkontestata l-kwistjoni ta’ jekk l-ipproċessar tad-data seħħx “fil-kuntest ta’ l-attivitajiet ta’ stabbiliment”. Il-kwistjoni determinanti hija proprju dik tal-eżistenza jew le ta’ stabbiliment fl-Ungerija u/jew fis-Slovakkja. Għalhekk, l-analiżi tiegħi se tiffoka, primarjament, fuq din l-ewwel parti tal-analiżi.

    27.

    Fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, il-Gvern Ungeriż indika fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li l-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ din id-dispożizzjoni jappoġġjaw interpretazzjoni tal-kunċett ta’ stabbiliment li ma tista’ ma tkunx taqbel mas-sempliċi riferiment għall-istabbiliment fis-sens tal-liġi tal-kumpanniji. Il-Gvern Slovakk, li juża wkoll approċċ mhux formali tal-kunċett ta’ stabbiliment, jgħid li huwa rilevanti f’dan il-kuntest, li jsir riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward il-libertà ta’ stabbiliment. Bl-istess mod, l-Awtorità Ungeriża ta’ protezzjoni tad-data teħtieġ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ stabbiliment fejn ma tkunx determinanti l-forma ġuridika tiegħu, u tindika li l-istabbiliment jista’ jkun magħmul minn rappreżentant fl-Ungerija ta’ Weltimmo, Benkö f’dan il każ. Din il-persuna, fil-fatt, irrappreżentat lil din il-kumpannija fil-proċedura amministrattiva u ta’ litigazzjoni fl-ewwel istanza, kienet f’kuntatt mal-partijiet interessati li ppreżentaw ilmenti, u hija rreġistrata fir-reġistru tal-kumpanniji tas-Slovakkja b’indirizz fl-Ungerija. Barra minn hekk, l-Awtorità enfasizzat waqt is-seduta li Weltimmo għandha kaxxa postali fl-Ungerija biex tamministra n-negozju attwali tagħha, u li, wara konsultazzjoni informali mal-Awtorità Slovakka għall-protezzjoni tad-data, din ikkonfermat in-nuqqas ta’ attività effettiva fis-Slovakkja min-naħa tal-kumpannija. Il-Gvern Pollakk biss enfasizza, fis-sottomissjonijiet tiegħu magħmula matul is-seduta, il-ħtieġa li tiġi kkunsidrata esklużivament ir-reġistrazzjoni tal-kumpannija fi Stat Membru, li hija l-uniku element oġġettiv u verifikabbli.

    28.

    B’kunsiderazzjoni ta’ dan, għandu jsir riferiment għall-premessa 19 tad-direttiva, li tikkostitwixxi element interpretattiv fundamentali sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut tal-kunċett ta’ stabbiliment, fis-sens ta’ din id-direttiva. L-imsemmija premessa, fil-fatt, tirreferi għal interpretazzjoni flessibbli tal-kunċett, ’il bogħod minn approċċ formali, skont liema kumpannija tkun stabbilita biss fil-post li tkun irreġistrata fih. Għaldaqstant, l-ewwel, din il-premessa tinkorpora kriterju ta’ effettività u element ta’ permanenza meta tipprovdi li “stabbiliment fit-territorju ta’ Stat Membru jfisser l-eżerċizzju effettiv u reali ta’ attività permezz ta’ arranġamenti stabbli [...].” It-tieni, toffri flessibbiltà kunsiderevoli fid-determinazzjoni li “l-forma legali ta’ stabbiliment bħal dan, kemm jekk sempliċi fergħa jew sussidjarju b’personalità ġuridika, mhux il-fattur determinanti dwar dan”.

    29.

    Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ stabbiliment hija konformi mal-interpretazzjoni li dan il-kunċett ġie milqugħ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’oqsma oħrajn tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, skont ġurisprudenza stabbilita, “il-kunċett tal-istabbiliment, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà tal-istabbiliment, jimplika l-eżerċizzju effettiv ta’ attività ekonomika permezz ta’ installazzjoni stabbli f’dan l-Istat għal żmien indeterminat” ( 9 ), li “tippresupponi l-installazzjoni reali tal-kumpannija kkonċernata fl-Istat Membru ospitanti u l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika effettiva fih” ( 10 ).

    30.

    Barra minn hekk, l-Opinjoni 8/2010 tal-Artikolu 29 Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni tad-Dejta (iktar ’il quddiem “il-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29”) ( 11 ), tirreferi għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ stabbiliment bħala kriterju ta’ konnessjoni għall-finijiet tat-taxxa fil-qasam tal-VAT ( 12 ). Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kwistjoni hija partikolarment interessanti – peress li l-kunċett ta’ stabbiliment jitqies bħala kriterju ta’ konnessjoni biex jiġi ddeterminat l-issuġġettar għal-leġiżlazzjoni tat-taxxa fil-livell nazzjonali –, u jesplora l-kunċett ta’ stabbiliment permanenti, li “[...] għandu jkun ikkaratterizzat minn grad ta’ permanenza suffiċjenti u struttura adatta f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi, li jippermettulu li jirċievi u juża s-servizzi li huma fornuti lilu għall-bżonnijiet tiegħu stess” ( 13 ). Barra minn hekk, il-kunċett ta’ stabbiliment preżenti kemm fl-ambitu tal-Konvenzjoni ta’ Ruma ( 14 ), kif ukoll fil-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 15 ) jirrikjedi interpretazzjoni mhux formali ( 16 ).

    31.

    Indipendentement mid-differenza ovvja fil-kuntesti u l-għanijiet fost l-ambiti fejn tapplika l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-oqsma li għadu kif sar referiment għalihom u fil-kawża inkwistjoni, jirriżulta fi kwalunkwe każ sinjifikanti li d-dritt tal-Unjoni, f’ambiti differenti, jenfasizza interpretazzjoni tal-kunċett ta’ stabbiliment ibbażata fuq l-effettività tal-eżerċizzju tal-attivitajiet ekonomiċi u f’ċertu livell ta’ stabbiltà, li għalhekk jikkoinċidi mal-indikazzjonijiet li jinsabu wkoll fil-premessa 19 tad-Direttiva 95/46.

    32.

    Barra minn hekk, b’kunsiderazzjoni tal-għan speċifiku tad-Direttiva 95/46, kif huwa rifless fl-Artikolu 1(1) li “jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ persuna naturali, u partikolarment tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata dwar l-ipproċessar ta’ data personali” nemmen li għandu jiġi interpretat kemm il-livell ta’ stabbiltà tal-faċilità kif ukoll l-effettività tal-iżvilupp tal-attivitajiet b’kunsiderazzjoni tan-natura speċifika tal-attivitajiet ekonomiċi u tat-twettiq tas-servizzi inkwistjoni.

    33.

    Għalhekk, kif indikaw l-Awtorità Ungeriża għall-protezzjoni tad-data u l-Gvern tas-Slovakkja, u skont il-kriterji pprovduti mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 ( 17 ), aġent wieħed huwa biżżejjed biex jitqies li ninsabu fil-preżenza ta’ stabbiliment fiss jekk dan ikun jaġixxi b’livell ta’ stabbiltà suffiċjenti permezz tal-preżenza tal-mezzi meħtieġa għall-provvista tas-servizzi speċifiċi fl-Istat Membru inkwistjoni.

    34.

    Fil-fatt, kif indika l-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Google Spain u Google, il-mudell tan-negozju tar-rikorrent inkwistjoni għandu jitqies fl-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-direttiva ( 18 ). Għalhekk, huwa meħtieġ f’dan il-każ li tiġi kkunsidrata l-karatteristika tal-kumpanniji li joperaw esklużivament permezz tal-internet, li l-mudell ta’ negozju tagħhom jagħmel il-kunċett ta’ installazzjoni fiżika permanenti relattiv, u jikkundizzjona wkoll l-intensità ta’ riżorsi kemm umani kif ukoll materjali. Fil-fatt, f’ċerti ċirkustanzi, aġent bi preżenza fit-tul li jkollu ftit iktar minn laptop, jista’ jikkostitwixxi struttura suffiċjenti sabiex titwettaq attività effettiva, reali, u b’livell ta’ stabbiltà suffiċjenti. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, huwa meħtieġ li meta jiġu kkunsidrati dawn ir-riżorsi umani u tekniċi, jitqiesu bir-reqqa l-ispeċifiċitajiet tal-kumpanniji li joffru servizzi permezz tal-internet, fuq il-bażi tal-ispeċifiċitajiet ta’ kull sitwazzjoni partikolari.

    35.

    L-ispeċifiċità tal-attivitajiet ekonomiċi pprovduti permezz tal-internet, fil-fatt, diġà kienet ġiet ikkunsidrata għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kontenut tal-kunċett ta’ stabbiliment fi strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, id-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku ( 19 ) fil-premessa 19 tagħha tipprovdi li “[...] il-lokalità ta’ stabbiliment ta’ kumpanija li tipprovdi servizzi permezz ta’ website ta’ l-internet mhix il-lokalità fejn it-teknoloġija li ssostni l-website tkun tinstab jew il-lokal li fih il-website tkun aċċessibli imma l-post fejn hi twettaq l-attività ekonomika tagħha.” Din id-definizzjoni ġiet ikkunsidrata bħala rilevanti mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 95/46 ( 20 ).

    36.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, wieħed jista’ jikkonkludi li, mingħajr ma jiġi kkontestat li Weltimmo hija kumpannija formalment irreġistrata fis-Slovakkja, ma jistax jiġi eskluż li din il-kumpannija teżerċita l-attività effettiva u reali tagħha fit-territorju ta’ Stat ieħor, f’dan il-każ, l-Ungerija, permezz ta’ arranġamenti stabbli —li jistgħu jitwettqu permezz ta’ aġent wieħed—. Jekk dan kien il-każ, Weltimmo kellha stabbiliment fl-Ungerija, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46.

    37.

    Il-fatturi addizzjonali differenti indikati mill-Kúria fid-domandi preliminari tagħha —il-post minn fejn tniżżlet id-data, l-Istat Membru lejn fejn huma indirizzati s-servizzi, in-nazzjonalità tal-persuni interessati, jew il-post tar-residenza tas-sidien tal-kumpannija—, ma għandhomx, f’dan ir-rigward, impatt dirett u deċiżiv fuq id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli ( 21 ). Fil-fatt, dawn l-elementi ma humiex fid-direttiva bħala kriterji rilevanti li jippermettu li jiġi injorat il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 4(1)(a) ( 22 ).

    38.

    Minkejja dan, uħud minn dawn il-fatturi differenti jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, jikkostitwixxu evidenza tan-natura reali u effettiva tal-attività — għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-post ta’ stabbiliment— u, b’mod partikolari, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-ipproċessar tad-data jkunx sar fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ dak l-istabbiliment.

    39.

    Għalhekk, b’mod partikolari, fir-rigward tat-tieni element —li l-ipproċessar tad-data jsir fil-kuntest tal-attivitajiet tal-istabbiliment li jinsab fi Stat Membru—, għandu jsir riferiment għall-interpretazzjoni pprovduta fis-sentenza Google Spain u Google ( 23 ). Skont din, l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46 “ma jeżiġix li l-ipproċessar ta’ data personali inkwistjoni jsir ‘minn’ l-istabbiliment ikkonċernat stess, iżda jeżiġi biss li dan isir ‘fil-kuntest ta’ l-attivitajiet’ tiegħu” ( 24 ). Barra minn hekk – il-Qorti tal-Ġustizzja tkompli tgħid – b’kunsiderazzjoni tal-għan tad-direttiva – li “din l-espressjoni tal-aħħar ma għandhiex tingħata interpretazzjoni ristrettiva” ( 25 ).

    40.

    L-applikazzjoni ta’ dan it-tieni kriterju huwa partikolarment rilevanti fil-każ li l-qorti tar-rinviju tqis li Weltimmo hija stabbilita –b’applikazzjoni tal-kriterji msemmija preċedentement – fiż-żewġ Stati Membri kkonċernati. F’dan il-każ, kif enfasizzaw fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom il-Gvern Slovakk u l-Kummissjoni, għandhom jiġu indirizzati speċifikament l-attivitajiet li fil-kuntest tagħhom sar it-trattament u, b’mod partikolari, il-livell ta’ konnessjoni ma’ stabbiliment b’mod partikolari ( 26 ). Barra minn hekk, elementi oħra li huma determinanti f’dan ir-rigward ġew indikati mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 fir-rigward tal-magni tat-tiftix, peress li jistgħu jkunu utli sabiex jiġi stabbilit jekk l-attivitajiet humiex fil-kuntest tal-istabbiliment: il-fatt li l-istabbiliment huwa responsabbli għar-relazzjonijiet mal-utenti; li huwa involut fil-bejgħ tar-riklami diretti lejn l-abitanti ta’ dak l-Istat; jew li jwieġeb għall-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru fir-rigward tad-data tal-utenti ( 27 ).

    41.

    Fl-aħħar nett, sabiex jiġi ddeterminat, f’dan il-każ, jekk id-dritt Ungeriż jistax ikun applikabbli għall-attività ta’ Weltimmo fl-Ungerija, għandu jiġi vverifikat jekk Weltimmo għandhiex stabbiliment f’dak l-Istat Membru, li fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet tagħha sar l-ipproċessar tad-data kkontestat. Sabiex isir dan, għandu jiġi ddeterminat jekk l-aġent li jirreferi għalih id-digriet tar-rinviju għandux stabbiliment fiss, irrispettivament mill-forma legali tiegħu, li permezz tiegħu jwettaq l-eżerċizzju effettiv u reali ta’ attività, li fil-qafas tagħha sar l-ipproċessar tad-data kkontestat.

    42.

    Bħala konklużjoni, nemmen li għandha tingħata risposta waħda għall-ewwel sas-sitt domanda tal-Kúria fis-sens li l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46, jipprekludi l-Awtorità Ungeriża għall-protezzjoni tad-data milli tapplika d-dritt Ungeriż lil kontrollur stabbilit b’mod esklużiv fi Stat Membru ieħor. Għal dan il-għan, il-kunċett ta’ stabbiliment għandu jiġi interpretat bħala l-eżistenza ta’ stabbiliment fiss, indipendentement mill-forma ġuridika tiegħu, li permezz tiegħu jiġi mwettaq l-eżerċizzju effettiv u reali ta’ attività. Aġent wieħed jista’ jitqies bħala stabbiliment stabbli jekk juri livell ta’ stabbiltà suffiċjenti permezz tal-preżenza ta’ riżorsi umani u tekniċi meħtieġa għall-forniment tas-servizzi speċifiċi inkwistjoni.

    Elementi oħra, bħall-post minn fejn titniżżel id-data, in-nazzjonalità tal-persuni interessati, id-domiċilju tas-sidien tal-kumpannija responsabbli għall-ipproċessar tad-data, jew il-fatt li s-servizz ipprovdut minn dak il-kontrollur huwa dirett lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ma għandhomx rilevanza diretta u deċiżiva għad-determinazzjoni tad-dritt applikabbli, irrispettivament minn jekk dawn jistgħux jikkostitwixxu evidenza ta’ natura reali u effettiva tal-attività – għall-finijiet li jiġi ddeterminat il-post ta’ stabbiliment – u, b’mod partikolari, fil-mument li jiġi ddeterminat jekk l-ipproċessar tad-data sarx fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ dak l-istabbiliment.

    B – Dwar l-awtorità kompetenti ta ’ superviżjoni u s-separazzjoni possibbli bejn id-dritt applikabbli u l-awtorità kompetenti (is-seba ’ domanda)

    43.

    Permezz tas-seba’ domanda preliminari l-Kúria titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, “jekk mir-risposti mogħtija għad-domandi magħmula iktar il-fuq jirriżulta li l-awtorità ta’ superviżjoni Ungeriża tista’ taġixxi, iżda għandha tapplika, minflok id-dritt nazzjonali, id-dritt tal-Istat Membru ta’ stabbiliment, l-Artikolu 28(6) tad-Direttiva 95/46 [għandux] jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ta’ superviżjoni Ungeriża tista’ teżerċità biss is-setgħat previsti fl-Artikolu 28(3) ta’ din l-istess direttiva, u dan b’mod konformi mad-dritt tal-Istat Membru ta’ stabbiliment, u li konsegwentement hija ma tistax timponi multa.”

    44.

    Kif jidher, din id-domanda preliminari hija deċiżiva biss jekk il-qorti tar-rinviju tqis li, b’mod konformi mal-kriterji stabbiliti preċedentement, Weltimmo ma għandhiex stabbiliment fl-Ungerija, iżda hija stabbilita b’mod esklużiv fis-Slovakkja. Sabiex tkun tista’ tingħata risposta utli għal din id-domanda preliminari – peress li dan ma jirriżultax b’mod espliċitu mir-risposta mogħtija lid-domandi preċedenti – għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li awtorità superviżorja ta’ Stat Membru tista’ taġixxi anki meta, skont il-kriterji tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva, jirriżulta li huwa applikabbli d-dritt ta’ Stat Membru ieħor. Risposta pożittiva għal din id-domanda twassal, fit-tieni lok, għall-ħtieġa li tiġi ddeterminata l-firxa u l-kontenut tas-setgħat ta’ dik l-awtorità.

    45.

    B’mod preliminari, għalhekk, titqajjem il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 4, dwar il-liġi applikabbli jikkostitwixxix, minbarra klawżola ta’ determinazzjoni tal-liġi applikabbli, klawżola ta’ ġurisdizzjoni u, jekk applikabbli, il-valur tad-dettalji pprovduti mill-Artikolu 28 fir-rigward tal-kompetenza tal-awtoritajiet pubbliċi. U dan kollu, fil-kuntest ta’ riforma estensiva tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-protezzjoni tad-data ( 28 ).

    46.

    L-osservazzjonijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja juru diversi interpretazzjonijiet tal-paragrafi 1, 3 u 6 tal-Artikolu 28 tad-direttiva. Għalhekk, l-Awtorità Ungeriża għall-protezzjoni tad-data ssostni l-ġurisdizzjoni tagħha biex timponi sanzjoni finanzjarja anki meta jkun applikabbli d-dritt ta’ Stat Membru ieħor. Il-Gvern Ungeriż għandu l-istess opinjoni fejn, skont dan, huwa ċar li l-modalitajiet tal-istatut u l-proċedura għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni msemmija fl-Artikolu 28(3) tad-direttiva, huma rregolati mid-dritt nazzjonali tal-Istat li fih ikollha s-sede tagħha din l-awtorità, bir-riżultat li l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet għandha ssir b’mod konformi mad-dritt nazzjonali tiegħu.

    47.

    Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet superviżorji ta’ Stat Membru għandhom id-dritt li jeżerċitaw is-setgħat elenkati fl-Artikolu 28(3), tad-direttiva, sakemm dawn ikunu jistgħu jeżerċitawhom fit-territorju tagħhom stess, skont l-Artikolu 28(1) u (6). Għall-kuntrarju, jekk ġurisdizzjoni tkun tista’ tiġi eżerċitata biss fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, din l-awtorità ma jkollha ebda għażla ħlief li titlob il-kooperazzjoni amministrattiva tal-awtorità ta’ superviżjoni tal-Istat Membru inkwistjoni. L-awtorità ta’ superviżjoni tal-Istat Membru inkwistjoni għalhekk ma tistax timponi sanzjoni fuq kontrollur stabbilit b’mod esklużiv fi Stat Membru ieħor. Bl-istess mod, il-Gvern Slovakk jikkunsidra li, kieku d-dritt Slovakk kien applikabbli, l-Awtorità Ungeriża għall-protezzjoni tad-data tkun kompetenti, skont l-Artikolu 28(3) u (6), biex twettaq investigazzjoni u biex teżamina l-ilmenti ppreżentati quddiemha, billi taġixxi skont ir-regoli ta’ proċedura tagħha, iżda għandha titlob il-kooperazzjoni tal-awtorità tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu tkun applikabbli, peress li hija din l-awtorità ta’ superviżjoni li għandha tiddeċiedi dwar l-impożizzjoni eventwali ta’ sanzjoni. Il-Polonja tenfasizza li l-possibbiltà li jiġi applikat id-dritt sostantiv ta’ Stat Membru mill-awtoritajiet ta’ Stat ieħor ma hijiex prevista fid-direttiva, u targumenta li kieku l-leġiżlatur xtaq jipprovdi għal tali possibbiltà ambizzjuża, din kien ikun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Fl-aħħar nett, il-Gvern tar-Renju Unit iqis li, peress li d-dritt Slovakk huwa applikabbli, l-Awtorità Ungeriża għall-protezzjoni tad-data ma għandhiex ġurisdizzjoni.

    48.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, tispikka d-diviżjoni fil-pożizzjonijiet fl-osservazzjonijiet imressqa, fejn, huma biss dawk tar-Renju Unit u tal-Polonja li jidhru li jassumu l-ħtieġa assoluta li jkun hemm konsistenza bejn id-dritt applikabbli u l-ġurisdizzjoni tal-awtorità ta’ superviżjoni – b’tali mod li d-determinazzjoni tad-dritt applikabbli skont l-Artikolu 4(1)(b) tad-direttiva, tiddetermina wkoll l-awtorità ta’ superviżjoni kompetenti ( 29 ).

    49.

    Kif se nargumenta iktar ’il quddiem, nemmen li l-kwistjoni kumplessa li qed naffaċċjaw għandha tiġi solvuta billi nippruvaw nirrikonċiljaw l-għanijiet partikolari tad-direttiva mal-prinċipji li jirregolaw l-azzjoni tal-awtoritajiet amministrattivi ta’ superviżjoni.

    50.

    Fil-kwistjonijiet imqajma minn din id-domanda preliminari hemm kwistjoni fundamentali maġġuri, bħal dik ta’ jekk għandux jiġi aċċettat li d-direttiva ttaffi jew saħansitra tħassar il-validità tar-regola skont liema l-awtoritajiet amministrattivi ta’ Stat, fil-prinċipju, jaġixxu skont, u japplikaw id-dritt nazzjonali tagħhom. Fil-fatt, fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi, u fil-każ għalhekk tal-eżerċizzju tas-setgħat tad-dritt pubbliku, b’mod partikolari tal-ius puniendi, jirriżulta bħala imperattiv li nibdew mir-rekwiżiti li jirriżultaw mis-sovranità territorjali tal-Istat ( 30 ), il-prinċipju tal-legalità, u fl-aħħar nett il-kunċett tal-Istat tad-Dritt ( 31 ), li jimponu l-ħtieġa li jkun hemm sovrappożizzjoni bejn il-ġurisdizzjoni tal-awtorità ta’ superviżjoni u l-liġi applikabbli ( 32 ). F’dan ir-rigward, l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ sanzjonar —li hija dik li tikkonċerna lilna speċifikament f’dan il-każ— ma jistax isir, bħala prinċipju, barra mill-konfini legali li fih awtorità amministrattiva hija awtorizzata li taġixxi suġġetta għad-dritt nazzjonali tagħha ( 33 ). Separazzjoni ta’ din ir-regola jidher li teħtieġ, mill-inqas, bażi legali speċifika li tawtorizza u tiddelimita l-applikazzjoni tad-dritt pubbliku ta’ Stat Membru ieħor, u tagħmilha possibbli wkoll, b’mod preċiż u ċar, li s-suġġetti tad-dritt ikunu jistgħu jantiċipaw taħt liema dritt taqa’ l-imġiba tagħhom, u l-konsegwenzi ta’ dan ( 34 ).

    51.

    B’mod konformi ma’ dak imsemmi iktar ’il fuq, ma nikkunsidrax li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 28(6), li tgħid li “[k]ull awtorità ta’ superviżjoni hija kompetenti, tkun liema tkun il-liġi nazzjonali li tkun applika għall-ipproċessar in kwistjoni, li teżerċita, fit-territorju ta’ l-Istat Membru tagħha nfisha, is-setgħat mogħtija lilha skond il-paragrafu 3”, tikkostitwixxi dispożizzjoni suffiċjenti biex tiġi affaċċjata konsegwenza tant importanti ( 35 ). Din id-dispożizzjoni, fil-fatt, ma tipprovdi ebda speċifikazzjoni rigward il-kamp ta’ applikazzjoni, il-portata u l-garanziji li jistgħu jippermettu applikazzjoni mill-awtoritajiet amministrattivi ta’ Stat Membru tad-dispożizzjonijiet – b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar sanzjonijiet – ta’ stat ieħor.

    52.

    L-Artikolu 28(1) tad-direttiva lanqas ma jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, bażi legali suffiċjenti għal din it-talba bbażata fuq is-sempliċi fatt, allegat mill-Gvern Ungeriż u l-Awtorità Ungeriża għall-protezzjoni tad-data, li din id-dispożizzjoni tuża l-plural biex tistabbilixxi li “[k]ull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika waħda jew aktar ikunu responsabbli tas-sorveljanza ta’ l-applikazzjoni fit-territorju tiegħu tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skond din id-Direttiva” ( 36 ).

    53.

    Minkejja dak imsemmi iktar ’il fuq, dawn id-dispożizzjonijiet jindikaw il-possibbiltà li ssir separazzjoni bejn l-awtorità kompetenti u d-dritt applikabbli. Fi kwalunkwe każ, huma jippermettu l-possibbiltà li l-awtorità ta’ Stat Membru tissorvelja l-attivitajiet eżerċitati fit-territorju tiegħu anki meta l-liġi ta’ Stat Membru ieħor tkun applikabbli.

    54.

    F’dan il-punt, inqis li huwa possibbli li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 28(1), (3) u (6), tintrabat mal-prinċipji bażiċi li jirregolaw l-eżerċizzju tas-setgħa amministrattiva ta’ sanzjonar. Dan ġie pprovdut permezz ta’ kunsiderazzjoni konġunta tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 28(6) u t-tieni sentenza tal-istess paragrafu —li tipprovdi li l-awtorità teżerċita s-setgħat fit-territorju tal-Stat Membru tagħha “tista’ tintalab li teżerċita s-setgħat tagħha minn awtorità ta’ Stat Membru ieħor” –, u t-tieni paragrafu tal-istess dispożizzjoni – li jipprovdi li “l-awtoritajiet ta’ superviżjoni għandhom jikkooperaw ma xulxin f’dak li jkun meħtieġ biex iwettqu dmirijiethom [...]”–.

    55.

    F’dan ir-rigward, il-possibbiltà ta’ azzjoni disponibbli taħt l-Artikolu 28(6) għall-awtoritajiet ta’ kontroll anki meta ma japplikax id-dritt tal-Istat Membru tagħhom għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni sistematika li tqis kemm l-eżistenza ta’ mandat ċar għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi, kif ukoll il-fatt li awtorità tista’ tintalab teżerċita s-setgħat tagħha minn awtorità oħra. Valutazzjoni ġenerali ta’ din id-dispożizzjoni għandha l-għan, fil-fatt, li taqsam il-kompiti bejn l-awtoritajiet ta’ superviżjoni varji, fil-kuntest ta’ kooperazzjoni u assistenza reċiproka.

    56.

    Il-fatt li l-liġi applikabbli tinstab li hija dik ta’ Stat Membru ma jċaħħadx lill-awtoritajiet ta’ superviżjoni ta’ Stati Membri oħra mill-kapaċità tagħhom li jaġixxu, speċjalment meta wieħed iqis li, f’ċerti sitwazzjonijiet, minkejja li japplika d-dritt ta’ Stat Membru ieħor skont il-kriterju tal-Artikolu 4(1)(a) tad-direttiva, jista’ jkun hemm bosta elementi oħra ta’ konnessjoni mat-territorju – bħal mezzi tekniċi jew, b’mod partikolari, il-persuni affettwati mill-ipproċessar tad-data –. Dan kollu jirrikjedi, għall-finijiet tal-implementazzjoni effettiva tad-direttiva, li l-awtorità lokali tkun tista’ tinvestiga u tieħu ċerti miżuri, anki qabel ma jkun seta’ ġie ddeterminat id-dritt applikabbli.

    57.

    B’mod iktar konkret, awtorità ta’ superviżjoni mitluba biex taġixxi permezz ta’ applikazzjoni jew talba individwali ppreżentata lilha, għandha tkun tista’ tuża l-kapaċitajiet tagħha ta’ istruzzjoni fit-territorju tagħha stess. Ma hemmx dubju dwar dan fid-dawl tal-Artikolu 28(4) tad-direttiva, – li jistabbilixxi l-obbligu tal-awtoritajiet superviżorji biex jisimgħu talbiet magħmulin minn kull persuna dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tagħha fl-ipproċessar tad-data personali –. Fl-istess ħin, din l-evalwazzjoni hija konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa 108 tal-1981 għall-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar awtomatiku ta’ data personali ( 37 ), li l-Artikolu 14 tagħha jipprovdi li jekk persuna tkun residenti fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra “għandu jkollha l-għażla li tissottometti t-talba tagħha permezz tal-awtorità nnominata minn dik il-Parti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    58.

    Dan l-approċċ diġà jista’ jagħti risposta suffiċjenti għat-tħassib muri mill-Gvern Ungeriż waqt is-seduta, billi jindika li, peress li l-Awtorità Ungeriża għall-protezzjoni tad-data ma għandhiex is-setgħa tal-protezzjoni tad-data, l-effettività tar-rimedji previsti fid-direttiva tkun mhedda kieku l-partijiet interessati kellhom jkunu obbligati li jduru għal awtoritajiet barranin b’lingwi li ma jafux.

    59.

    Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet ta’ superviżjoni, irrispettivament mid-dritt sostantiv applikabbli f’dan il-każ, għandhom is-setgħat investigattivi u ta’ intervent stabbiliti fl-Artikolu 28(3) tad-direttiva, iżda rregolati biss bid-dritt nazzjonali tagħhom, fl-ambitu territorjali tagħhom ( 38 ), u b’kunsiderazzjoni tal-osservanza tal-prinċipji fil-paragrafu 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    60.

    Għalhekk, huwa ċar li l-kapaċità li awtorità ta’ superviżjoni ta’ Stat Membru taġixxi fejn il-liġi sostantiva ta’ Stat Membru ieħor tkun applikabbli ma hijiex mingħajr limitu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li jibqa’ japplika l-prinċipju li, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha, l-awtorità ta’ superviżjoni għandha tkun marbuta bil-limiti imposti minħabba l-fatt li hija suġġetta għad-dritt pubbliku li huwa suġġett għal-liġi tal-Istat Membru tagħha, u li tista’ teżerċita l-kompetenzi tagħha fit-territorju tagħha biss. B’mod partikolari, l-evalwazzjoni tal-atti illeċiti u l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet li tirriżulta għall-ksur li jirriżulta mill-illegalità tal-ipproċessar tad-data għandha inevitabbilment issir mill-awtorità tal-Istat Membru li d-dritt sostantiv tiegħu jkun applikabbli għall-ipproċessar tad-data, skont il-kriterji tal-Artikolu 4(1)(a) tad-direttiva.

    61.

    Għalhekk, għalkemm xejn ma jimpedixxi li s-setgħa ta’ impożizzjoni ta’ sanzjonijiet titqies bħala waħda mis-setgħat imsemmija fl-Artikolu 28(3) tad-Direttiva (li t-tielet punt tagħha jirreferi għas-“setgħa li tidħol fi proċeduri legali meta d-dispożizzjonijiet [...] jkunu ġew miksura” tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni), skont l-obbligu ta’ kooperazzjoni stabbilit fl-Artikolu 28(6) tad-Direttiva, għandha ssir talba lill-awtorità tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu tapplika għall-ipproċessar tad-data sabiex jiġi ddeterminat il-ksur eventwali skont il-liġi applikabbli kif ukoll l-impożizzjoni eventwali ta’ sanzjonijiet, fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura, u trażmessa jekk applikabbli, mill-awtorità tal-ewwel Stat Membru.

    62.

    Din l-interpretazzjoni ma tikkontradixxix il-fehma espressa fid-dokumenti differenti tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29. L-ewwel, kif enfasizzat fl-Opinjoni tiegħu 8/2010, dwar id-dritt applikabbli, l-għan tal-Artikolu 28(6), huwa preċiżament li “jimla l-lakuna potenzjali bejn il-liġi applikabbli u l-ġurisdizzjoni superviżorja, li tista’ titfaċċa fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta fis-suq intern” ( 39 ). Għal dan il-għan, għalkemm din l-Opinjoni tiddikjara espressament li “[...]meta liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta ta’ Stat Membru ieħor tkun applikabbli, l-awtorità ta’ superviżjoni se tkun f’pożizzjoni li teżerċità bis-sħiħ fit-territorju tagħha s-setgħat kollha kkonferiti lilha mis-sistema legali nazzjonali tagħha”, hija tesprimi wkoll dubji serji dwar l-estensjoni tas-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji f’dan il-qasam ( 40 ). Fil-fatt, bħala riżultat tar-riflessjonijiet sussegwenti tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, fuq talba tal-Kummissjoni, dan speċifika l-pożizzjoni tiegħu rigward il-kwistjoni ta’ separazzjoni bejn id-dritt applikabbli u l-ġurisdizzjoni fir-rapport tiegħu dwar l-implementazzjoni prattika tal-Artikolu 28(6) ( 41 ). F’sitwazzjoni fattwali ta’ separazzjoni, il-Grupp ikkonkluda li l-awtorità għandha tapplika d-dispożizzjonijiet proċedurali u amministrattivi tas-sistema legali tagħha, filwaqt li l-aspetti materjali tal-protezzjoni tad-data jikkorrispondu għall-Istat Membru li l-liġi tiegħu hija applikabbli ( 42 ).

    63.

    Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti huma integrati f’kuntest ġuridiku partikolari fejn l-istrument ta’ intervent tad-dritt tal-Unjoni huwa direttiva, li ppermettiet li tinżamm latitudni kunsiderevoli mil-liġijiet tal-Istati Membri fejn isir referiment uniku għar-regolamentazzjoni u l-possibbiltajiet ta’ sanzjoni mill-awtoritajiet ta’ superviżjoni ( 43 ). Għalhekk, diffiċilment ikun kompatibbli mar-rekwiżiti tal-prinċipji ta’ sovranità territorjali u l-legalità, fin-nuqqas ta’ bażi legali ċara u garanziji li jiżguraw kooperazzjoni mill-qrib fl-interpretazzjoni tal-ksur u l-ekwivalenza tas-sanzjonijiet ( 44 ), li s-separazzjoni bejn l-awtorità kompetenti u d-dritt applikabbli twassal, għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet taħt id-dritt tal-Istat tal-awtorità ta’ superviżjoni lokali – li jistgħu ma jkunux previsti fl-ordinament ġuridiku tal-Istat li l-liġi tiegħu tkun applikabbli għall-ipproċessar tad-data –, għall-applikazzjoni minn awtorità lokali tad-dritt ta’ sanzjoni ta’ Stat Membru ieħor.

    64.

    Fl-aħħar nett, it-talba għal applikazzjoni analoga tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża UPC DTH ( 45 ), magħmula mill-Gvern Ungeriż u mill-Awtorità ta’ superviżjoni Ungeriża biex tiġi ġġustifikata l-ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fil-każ inkwistjoni ma twassalx għal konklużjoni differenti. F’din is-sentenza, li tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ ċerti strumenti fil-qafas regolatorju tal-komunikazzjonijiet elettroniċi ( 46 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “il-proċeduri ta’ sorveljanza relatati mas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi [...] [jaqgħu] taħt l-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih jirrisjedu d-destinatarji tal-imsemmija servizzi” ( 47 ).

    65.

    Bi tweġiba għal din l-allegazzjoni, huwa biżżejjed li jingħad li, irrispettivament minn jekk dik l-interpretazzjoni kinitx qed tirreferi għal sitwazzjoni ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u kinitx limitata għal qafas legali li l-objettivi u l-istruttura tiegħu huma differenti sew minn dik preżenti f’din il-kawża, b’mod iktar rilevanti, dan huwa każ fejn il-kunsiderazzjonijiet saru f’sitwazzjoni fejn ma kien hemm ebda dubju dwar id-dritt applikabbli ( 48 ).

    66.

    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, nikkunsidra li s-seba’ domanda preliminari magħmula mill-Kúria għandha tingħata risposta kif ġej:

    F’każ li l-qorti nazzjonali tiddetermina li, skont il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46, ma jkunx japplika d-dritt nazzjonali tagħha, l-Artikolu 28(6) tal-imsemmija direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet għal ksur relatat mal-ipproċessar tad-data għandha ssir mill-awtorità ta’ superviżjoni tal-Istat Membru li d-dritt tiegħu jkun applikabbli, irrispettivament minn liema awtorità ta’ superviżjoni lokali tista’ teżerċita s-setgħat kollha elenkati fl-Artikolu 28(3), fit-territorju tiegħu, u skont il-proċeduri ddefiniti fid-dritt nazzjonali tiegħu.

    C – Dwar il-kunċett tal- “ipproċessar ” tad-data (it-tmien domanda preliminari)

    67.

    Fit-tmien domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja din id-domanda: “Il-kunċett ta’ ‘adatfeldolgozás’” [operazzjonijiet tekniċi ta’ pproċessar ta’ data] kemm fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) kif ukoll f’dak tal-Artikolu 28(6) [tal-verżjoni Ungeriża] tad-Direttiva 95/46, huwa, fit-terminoloġija ta’ din id-direttiva, identiku għall-kunċett ta’ ‘adatkezelés’ [ipproċessar ta’ data]?”

    68.

    L-osservazzjonijiet kollha ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jaqblu fil-konklużjoni li d-distinzjoni terminoloġika indikata mill-qorti tar-rinviju ma hijiex relevanti.

    69.

    Id-Direttiva 95/46, fid-dispożizzjonijiet tagħha, tuża b’mod sistematiku t-terminu “‘[adat]feldolgozás’ biex tirreferi għall-kunċett tal-ipproċessar tad-data, kif iddefinit fl-Artikolu 2(b) tad-direttiva. Huwa biss fil-Liġi tal-Informazzjoni fejn jidher li ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ ‘adatkezelés’ u dak ta’ ‘adatfeldolgozás’ ( 49 ), fejn dan tal-aħħar jiġi ddefinit bħala “it-twettiq ta’ kompiti tekniċi fir-rigward tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data [...]” ( 50 ).

    70.

    Madankollu, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “[adat]feldolgozás” li tinsab fl-Artikolu 2(b) tad-direttiva, u użata kemm fl-Artikolu 4(1)(a), kif ukoll fl-Artikolu 28(6) hija wiesgħa ħafna u tinkludi kull operazzjoni użata għal data personali, imwettqa jew le permezz ta’ mezzi awtomatiċi. Għalhekk, dan il-kunċett wiesa’ ta’ pproċessar se jinkludi l-kunċett iktar limitat tat-twettiq tal-kompiti tekniċi fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar tad-data.

    71.

    Għaldaqstant, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tmien domanda preliminari kif ġej:

    Il-kunċett ta’ “adatfeldolgozás” użat fl-Artikoli 4(1)(a), 28(6) tal-verżjoni Ungeriża tad-Direttiva 95/46, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi kemm l-ipproċessar tad-data b’mod wiesa’, kif ukoll it-twettiq ta’ kompiti tekniċi mwettqa b’rabta mal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data.

    V – Konklużjoni

    72.

    Fid-dawl tal-motivi esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Kúria kif ġej:

    “1)

    L-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46, jipprekludi l-Awtorità Ungeriża għall-protezzjoni tad-data milli tapplika l-liġi Ungeriża għal kontrollur stabbilit esklużivament fi Stat Membru ieħor. Għal dan il-għan, il-kunċett ta’ stabbiliment għandu jiġi interpretat bħala l-eżistenza ta’ stabbiliment fiss, irrispettivament mill-forma ġuridika tiegħu, li permezz tiegħu jitwettaq l-eżerċizzju effettiv u reali ta’ attività. Aġent wieħed jista’ jitqies stabbiliment fiss jekk ikollu livell ta’ stabbiltà suffiċjenti permezz tal-preżenza ta’ riżorsi umani u tekniċi meħtieġa għall-forniment tas-servizzi speċifiċi inkwistjoni.

    Elementi oħrajn, bħal ma huma l-post fejn titniżżel id-data, in-nazzjonalità tal-persuni interessati, id-domiċilju tas-sidien tal-kumpannija responsabbli għall-ipproċessar tad-data, jew il-fatt li s-servizz ipprovdut minn dak il-kontrollur ikun dirett lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ma għandhomx importanza diretta u deċiżiva biex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli, irrispettivament mill-fatt li dawn jistgħu jikkostitwixxu evidenza tan-natura reali u effettiva tal-attività – sabiex jiġi stabbilit il-post ta’ stabbiliment – u, b’mod partikolari, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-ipproċessar tad-data jkunx sar fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ dak l-istabbiliment.

    2)

    F’każ li l-qorti nazzjonali tiddetermina li, skont il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 4(1)(a) Direttiva 95/46/KE, ma jkunx japplika d-dritt nazzjonali tagħha, l-Artikolu 28(6) tal-imsemmija għandu jiġi interpretat fis-sens li l-impożizzjoni tas-sanzjoni għall-ksur relatat mal-ipproċessar tad-data għandha ssir mill-awtorità ta’ superviżjoni tal-Istat Membru li d-dritt tiegħu jkun applikabbli, irrispettivament minn liema awtorità lokali ta’ superviżjoni tista’ teżerċita s-setgħat kollha elenkati fl-Artikolu 28(3) fit-territorju tiegħu, u skont il-proċeduri ddefiniti fid-dritt nazzjonali tiegħu.

    3)

    Il-kunċett ta’ ‘adatfeldolgozás’ użat fl-Artikoli 4(1)(a), u 28(6), tal-verżjoni Ungeriża tad-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi kemm l-ipproċessar tad-data b’mod wiesa’, kif ukoll il-kompiti tekniċi mwettqa b’rabta mal-operazzjonijiet ta’ pproċessar tad-data.”


    ( 1 )   Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

    ( 2 )   Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Nru 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355.

    ( 3 )   C‑131/12, EU:C:2014:317.

    ( 4 )   Ara, fuq kollox, Rigaux, F. “La loi applicable à la protection des individus à l’égard du traitement automatisé des données à caractère personnel”, Revue critique de droit international privé, 1980, p. 443 sa 478.

    ( 5 )   Bygrave, L., “Determining applicable law pursuant to European Data Protection Legislation”, Computer Law and Security Report, Nru 16, 2000, p. 252.

    ( 6 )   Hemm żball żgħir fit-traduzzjoni bl-Ispanjol ta’ din id-dispożizzjoni peress li l-verb huwa singular. Dan jidher li huwa kkonfermat mill-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra “each Member State shall apply the national provisions it adopts pursuant to this Directive (…)”, “chaque État membre applique les dispositions nationales qu’il arrête en vertu de la présente directive”, eċċ.

    ( 7 )   C‑131/12, EU:C:2014:317.

    ( 8 )   C‑131/12, EU:C:2014:317, punti 48 sa 50.

    ( 9 )   Ara s-sentenzi Factortame et, C‑221/89, EU:C:1991:320, punt 20, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit,C‑246/89, EU:C:1991:375, punt 21.

    ( 10 )   Sentenza Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C‑196/04, EU:C:2006:544, punt 54.

    ( 11 )   Opinjoni 8/2010 dwar il-liġi applikabbli, adottata fis-16 ta’ Diċembru 2010, 0836-02/10/ES, WP 179.

    ( 12 )   Fil-fatt, din l-opinjoni tirreferi għas-sentenza Berkholz, 168/84, EU:C:1985:299, punt 18, u Lease PlaniC‑390/96, EU:C:1998:206, li ttrattaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, is-Sitt Direttiva fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud bażi uniformi ta’ stima, Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap. 9, Vol. 1, p. 23; EE 01/09, p. 54.

    ( 13 )   Sentenza Welmory, C‑605/12, EU:C:2014:2298, punt 58, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1), kif emendata bid-Direttiva 2008/8/KE tat-12 ta’ Frar 2008 (ĠU L 44, p. 11). Ara wkoll, is-sentenza Planzer Luxembourg, C‑73/06, EU:C:2007:397, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 14 )   Il-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU L 266, p 1; EE 03/01, p 36).

    ( 15 )   Il-Konvenzjoni ta’ Brussell, tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar tas-sentenzi fuq kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 1972 L 299, p 32; test ikkonsolidat f’ĠU 1998 C 27, p 1).

    ( 16 )   Filwaqt li jiġi nnutat li “l-kunċett ta’ fergħa, ta’ aġenzija jew ta’ xi stabbiliment ieħor jimplika ċentru ta’ operazzjonijiet li jimmanifestaw ruħhom fit-tul lejn l-estern bħall-estensjoni ta’ kumpannija prinċipali, li għandha direzzjoni u hija materjalment mgħammra b’mod li tista’ twettaq kummerċ ma’ terzi persuni [...]” (is-sentenzi Somafer, 33/78, EU:C:1978:205, punt 12 u Blanckaert & Willems, 139/80, EU:C:1981:70, punt 11), u jiġi sostnut li “[...]l-frażi ‘post tan-negozju’ tirreferi għall kull struttura stabbli ta’ impriża. Konsegwentement, mhux biss il-kumpanniji sussidjarji u l-fergħat, iżda anki unitajiet oħra, bħalma huma l-uffiċini ta’ impriża, jistgħu jikkostitwixxu postijiet tan-negozju fis-sens tal-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, minkejja li dawn ma jkollhomx personalità ġuridika.” (Sentenza Voogsgeerd, C‑384/10, EU:C:2011:842, punt 54).

    ( 17 )   Opinjoni 8/2010 dwar il-liġi applikabbli, adottata fis-16 ta’ Diċembru 2010, 0836-02/10/MT, WP 179, p. 14.

    ( 18 )   C‑131/12, EU:C:2013:424, punt 65.

    ( 19 )   Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2000/3I/KE, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern. Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 13, Vol. 25, p. 399.

    ( 20 )   Ara d-Dokument ta’ ħidma dwar id-determinazzjoni tal-applikazzjoni internazzjonali tal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data għall-ipproċessar tad-data personali fuq l-internet minn siti elettroniċi mhux ibbażati fl-UE, WP 56, 5035/01/MT/Final, 30 ta’ Mejju 2002, p. 8.

    ( 21 )   L-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huma differenti fil-kunsiderazzjoni ta’ dawn il-fatturi. Filwaqt li l-Awtorità Ungeriża għall-protezzjoni tad-data tqis li dawn l-elementi huma rilevanti, ir-Renju Unit iqis li l-ebda wieħed mill-fatturi msemmija ma huwa rilevanti, peress li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva ma jsemmi l-ebda wieħed minnhom. Il-Kummissjoni Ewropea taqbel ma’ dan. Għall-Gvern Ungeriż, huma rilevanti biss il-fatt li s-servizzi huma diretti lejn it-territorju ta’ Stat Membru u l-post fejn tniżżlet id-data fis-sistema tal-informatika. Il-Gvern Slovakk jikkunsidra li dawn ma humiex rilevanti biex tiġi ddeterminat id-dritt nazzjonali applikabbli, lanqas il-post minn fejn tiġi mogħtija d-data, u lanqas in-nazzjonalità tal-persuni affettwati, jew ir-residenza tas-sidien tal-kumpannija.

    ( 22 )   F’dan ir-rigward il-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 jipprovdi wkoll li “la n-nazzjonalità jew il-post tar-residenza abitwali tas-suġġetti tad-dejta, u lanqas il-lokazzjoni fiżika tad-dejta personali, m’huma deċiżivi [għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli.]” Opinjoni 8/2010, p. 10. Ara wkoll il-punti 55 sa 58 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen dwar il-kawża Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2013:424.

    ( 23 )   C‑131/12, EU:C:2014:317, punti 48 sa 50.

    ( 24 )   Ibid., punt 52.

    ( 25 )   Ibid, punt 53.

    ( 26 )   Ara wkoll, rigward dan, l-Opinjoni 8/2010 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29,

    ( 27 )   Opinjoni 1/2008 dwar kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-data relatati mal-magni ta’ riċerka tal-4 ta’ April 2008, WP 148, 00737/MT.

    ( 28 )   Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta, COM (2012) 11 finali.

    ( 29 )   Barra minn hekk, il-ġurisprudenza hija maqsuma f’dan ir-rigward. Xi awturi jikkunsidraw l-Artikolu 4 tad-direttiva bħala r-regola li tiddetermina l-ġurisdizzjoni wkoll (pereżempju, Bing, J., “Data Protection, Jurisdiction and the Choice of Law”, Privacy Law & Policy Reporter, 1999), filwaqt li oħrajn iqisu l-kontra. Ara, pereżempju, Swire, P. P., “Of Elephants, Mice and Privacy: International Choice of Law and the Internet”, The International Lawyer, 1998, p. 991. Bl-istess mod, dwar dan l-argument, Kuner, C., “Data Protection Law and International Jurisdiction on the Internet (Part 1)”, International Journal of Law and Information Technology, Nru 18, 2010, p. 176.

    ( 30 )   Il-premessa 21 tad-direttiva tipprovdi espressament li din “hija bla ħsara għar-regoli ta’ territorjalità applikabbli f’materji kriminali”. Nemmen li din l-evalwazzjoni tista’ tapplika wkoll għal sanzjonijiet amministrattivi.

    ( 31 )   Li l-punt prinċipali tiegħu jista’ jiġi ddefinit fis-sens li l-awtoritajiet pubbliċi kollha fil-livelli kollha, “must exercise the powers conferred on them reasonably, in good faith, for the purpose for which the powers were conferred and without exceeding the limits of such powers”, Lord Bingham, “The Rule of Law”, The Cambridge Law Journal, Nru 66, 2007, p. 78.

    ( 32 )   Il-ġurisprudenza indikat li “bħala riżultat tan-natura bażikament amministrattiva jew ġuridika-pubblika tas-sistema ta’ superviżjoni, hemm korrelazzjoni mill-qrib bejn il-liġi applikabbli u l-awtorità kompetenti biex jiġi ppenalizzat ksur eventwali” ta’ Miguel Asensio, P. A., Derecho Privado de Internet, ir-raba’ ed., Madrid, 2011, p. 33. Ġie ddikjarat b’mod simili fil-ġurisprudenza rigward is-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji fil-qasam tal-ġurisdizzjoni, li, fil-kuntest tal-azzjoni pubblika, l-applikabbiltà tar-regola tiddetermina l-ġurisdizzjoni tal-awtorità li għandha tapplikaha. Ara, pereżempju, Basedow, J. “Antitrust or Competition Law, International”, f’Wolfrum, R. (ed.), Max Planck Encyclopedia of Public International Law, 2009.

    ( 33 )   F’dan is-sens, Rigaux: “On ne conçoit guère que les autorités administratives, les commissions de contrôle […] les organes de surveillance soumettent les fichiers du secteur privé à d’autres normes de conduite et qu’ils obéissent eux-mêmes à d’autres règles de fonctionnement qu’à celles qui sont contenues dans la lex fori ”, op. cit. p. 469.

    ( 34 )   C. Ohler, Die Kollisionsordnung des allgemeinen Verwaltungsrechts, Mohr Siebeck, 2005, pp. 109, 314.

    ( 35 )   Enfasi magħmula minni.

    ( 36 )   Enfasi miżjuda. Dwar dan l-argument, ara Damman U. y Simitis S., EG-Datenschutzrichtlinie, Nomos Verlagsgesellschaft, Baden-Baden, 1997, p. 306.

    ( 37 )   (ETS 108), li huma parti minnha l-Istati Membri kollha. Skont il-premessa 11 tad-direttiva, din tipprovdi u testendi l-protezzjoni mogħtija minn din il-Konvenzjoni.

    ( 38 )   Dwar dan, ara Damman, U., u Simitis S., EG-Datenschutzrichtlinie, Nomos Verlagsgesellschaft, Baden-Baden, 1997, p. 313.

    ( 39 )   Opinjoni 8/2010 dwar il-liġi applikabbli, p. 29

    ( 40 )   Għalhekk, min-naħa waħda, l-Opinjoni 8/2010 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 tenfasizza li l-kontenut dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji, kif indikat, mhux biss ikopri l-iskambju ta’ informazzjoni, iżda wkoll “l-immaniġġjar ta’ lmenti transkonfini, il-ġbir ta’ provi għal DPAs oħrajn, jew l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet”. (p. 31). Madankollu, din l-opinjoni tesprimi dubji dwar il-portata tas-setgħat li għandhom jiġu eżerċitati minn kull awtorità ta’ protezzjoni: “B’mod partikolari, sa liema punt id-DPA tal-post se teżerċità s-setgħat tagħha fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipji materjali u s-sanzjonijiet? Għandha tillimita l-użu tas-setgħat tagħha għall-verifika tal-fatti, tista’ tieħu miżuri temporanji ta’ infurzar jew anki miżuri definittivi? Tista’ tagħti l-interpretazzjoni tagħha stess tad-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli, jew hija l-prerogattiva tad-DPA tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu hija applikabbli? [...]” (p. 30).

    ( 41 )   Advice paper on the practical implementation of the Article 28(6) of the Directive 95/46/EC, Ref. Ares (2011)444105, tal-20 ta’ April 2011.

    ( 42 )   L-eżempju Nru 10 offrut mill-opinjoni jagħti stampa ċara ħafna għal dawn il-finijiet, fejn każ ipotetiku fejn id-dritt Ġermaniż huwa applikabbli għal ipproċessar ta’ data li jsir fir-Renju Unit, jgħid li “Id-DPA tar-Renju Unit teħtieġ li jkollha s-setgħa li tispezzjona l-post fir-Renju Unit, u li tistabbilixxi s-sejbiet, li għandhom jiġu trażmessi lid-DPA Ġermaniża. Id-DPA Ġermaniża għandha tkun kapaċi timponi sanzjoni fuq il-kontrollur stabbilit fil-Ġermanja fuq il-bażi tas-sejbiet tad-DPA tar-Renju Unit.”, ibid, p. 31.

    ( 43 )   Dan huwa rikonoxxut fil-premessa 9 tad-direttiva. F’dan ir-rigward, jista’ jsir riferiment għad-dokument maħruġ mill-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, Data Protection in the European Union: the role of National Data Protection Authorities, 2010, li jenfasizza s-setgħat differenti tal-awtoritajiet superviżorji fl-Istati Membri.

    ( 44 )   F’dan ir-rigward, ma hemmx dubju dwar ir-rilevanza u n-natura innovattiva tad-dritt tal-Unjoni rigward il-protezzjoni tad-data fl-ispazju amministrattiv Ewropew. Il-proposta għal regolament futur ġenerali għall-protezzjoni tad-data, biex tirnexxi, għandha tinvolvi bidla maġġuri f’dan il-qasam, b’mod partikolari fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ sistema kumplessa u elaborata ta’ kooperazzjoni, koerenza u qsim ta’ responsabbiltajiet bejn l-awtoritajiet superviżorji differenti.

    ( 45 )   Sentenza UPC DTH, C‑475/12, EU:C:2014:285.

    ( 46 )   B’mod partikolari, id-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU L 108, p 21), kif emendata permezz tad-Direttiva 2009/140 (Direttiva “awtorizzazzjoni”") u d-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (ĠU L 108, p. 33), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 337, p. 37).

    ( 47 )   Ibid., punt 88.

    ( 48 )   Fil-fatt, is-sanzjoni imposta f’dak il-każ kienet riżultat tar-rifjut tal-kumpannija kkonċernata li tipprovdi informazzjoni lill-Awtorità Nazzjonali tal-Komunikazzjonijiet. Il-Qorti nnutat li “skont l-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva ta’ ‘awtorizzazzjoni’ [...] l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jeħtieġu li l-impriżi jipprovdu informazzjoni li hija proporzjonata u oġġettivament iġġustifikata sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw l-osservanza tal-kundizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-konsumatur, meta jirċievu lment jew fil-każ ta’ investigazzjoni magħmula fuq l-inizjattiva tagħhom stess” (punt 85).

    ( 49 )   Fid-Direttiva tidher kelma waħda biss “adatkezelés”, li tirreferi għall-kontrollur.

    ( 50 )   L-Artikolu 3(17) tal-Liġi tal-Informazzjoni. L-Artikolu 3(1) tal-Liġi tal-Informazzjoni jiddefinixxi l-kunċett ta’ “adatkezelés” b’mod wiesa’, li jikkorrispondi, essenzjalment, għall-kunċett ta’ pproċessar tad-data definit fl-Artikolu 2(b) tad-direttiva.

    Top