EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0207

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Jääskinen, ippreżentati fl-14 ta’ April 2015.
Hotel Sava Rogaška, Gostinstvo, turizem in storitve, d.o.o. vs Republika Slovenija.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vrhovno sodišče Republike Slovenije.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Ilmijiet minerali naturali — Direttiva 2009/54/KE — Artikolu 8(2) — Anness I — Projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni taħt diversi ismijiet kummerċjali ta’ ‘ilma minerali naturali mill-istess nixxiegħa waħdanija’ — Kunċett.
Kawża C-207/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:220

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fl-14 ta’ April 2015 ( 1 )

Kawża C‑207/14

Hotel Sava Rogaška, gostinstvo, turizem in storitve, d.o.o.

vs

Republika Slovenija

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vrhovno sodišče (is‑Slovenja)]

“Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Direttiva 2009/54/KE — Artikolu 8(2) — Anness I — Kunċett ta’ ‘ilma minerali naturali mill-istess nixxiegħa waħdanija’ — Kriterji ta’ interpretazzjoni”

I – Introduzzjoni

1.

Matul is-seklu dsatax, il-konsum tal-ilmijiet termali min-nixxiegħa sar popolari, u dan ġie segwit, wara l-iżvilupp soċjali u kulturali, mill-kummerċjalizzazzjoni fil-fliexken. Fl-1870, l-ewwel riklam għan-nixxiegħa ta’ ilma minerali naturali Perrier kien jirreferi għall-kunċett ta’ “l-prinċipessa tal-ilma tal-mejda” (“la princesse des eaux de table”). Fid-dritt tal-Unjoni, il-qafas ġuridiku tal-ilma minerali naturali jaqa’ taħt l-objettiv intiż biex jistabbilixxi u jiżgura l-moviment liberu tal-merkanzija, waqt li jenfasizza b’mod partikolari l-protezzjoni tal-konsumaturi.

2.

F’dan il-kuntest, din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ilma minerali naturali mill-istess nixxiegħa waħdanija”, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2009/54/KE ( 2 ), li, filwaqt li wettqet il-kodifikazzjoni tad-Direttiva 80/777/KEE ( 3 ) li kienet l-ewwel waħda li tirregola l-problema tas-suq tal-ilma minerali fil-fliexken taħt id-dritt tal-Unjoni, issostitwixxiet lil din tal-aħħar. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2009/54, huwa pprojbit li wieħed iqiegħed fis-suq ilma minerali naturali mill-istess nixxiegħa waħdanija taħt iktar minn isem kummerċjali wieħed.

3.

Il-kawża prinċipali b’hekk hija bejn l-impriża Hotel Sava Rogaška, gostinstvo, turizem in storitve, d.o.o. (iktar ’il quddiem “HSR”) u r-Republika Slovenija (ir-Repubblika tas-Slovenja), irrappreżentata mill-Ministrstvo za kmetijstvo in okolje (Ministeru tal-Agrikoltura u l-Ambjent, iktar ’il quddiem il-“Ministeru”), dwar ir-rifjut minn dan tal-aħħar li jassenja l-isem “ilma minerali naturali” favur HSR. Kif jirriżulta mill-proċess, ir-rifjut inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa bbażat fuq il-fatt li l-istess water table ta’ taħt l-art isservi żewġ punti ta’ ħruġ, fosthom dak li għalih HSR ingħatat konċessjoni ta’ sfruttament. L-ilma meħud mit-tieni punt ta’ ħruġ diġà ġie rrikonoxxut fis-Slovenja taħt isem partikolari fejn jiġi kkummerċjalizzat legalment bħala tali.

4.

Din il-kawża, li hija ankrata fuq kunċetti relattivament tekniċi u li tiżvela diffikultà interpretattiva bbażata fuq l-enfasi bejn il-kriterji relatati mal-karatteristiċi oġġettivi tal-ilma minerali, min-naħa l-waħda, u dawk relatati mal-istruttura idroġeoloġika tal-punt ta’ ħruġ tiegħu, min-naħa l-oħra, tikkostitwixxi opportunità għall-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddikjara għall-ewwel darba l-pożizzjoni tagħha dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2009/54 sabiex tikkjarifika l-objettivi tagħha u l-valuri li wasslu għall-adozzjoni tagħha.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

5.

Skont il-premessi 5 u 9 tad-Direttiva 2009/54:

“(5)

L-għanijiet primarji ta’ kull regola dwar ilmijiet minerali naturali għandhom ikunu biex iħarsu s-saħħa tal-konsumaturi, biex jevitaw li l-konsumaturi jisfaw mqarrqa u jassiguraw kummerċ ġust.

[...]

(9)

L-inklużjoni tad-dikjarazzjoni tal-kompożizzjoni analitika tal-ilma minerali naturali għandha tkun obbligatorja biex tassigura li l-konsumaturi jkunu informati.”

6.

L-Artikolu 1(1) ta’ din id-Direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva tikkonċerna l-ilmijiet estratti mill-art ta’ Stat Membru u rikonoxxuti mill-awtorità responsabbli ta’ dak l-Istat Membru bħala ilmijiet minerali naturali li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet tal-Anness I, Taqsima I.”

7.

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2009/54/KE jippreċiża:

“Għandu jkun ipprojbit li wieħed iqiegħed fis-suq ilma minerali naturali mill-istess nixxiegħa waħdanija taħt iktar minn deskrizzjoni kummerċjali waħda.”

8.

Fl-Anness I tad-Direttiva 2009/54, fil-parti I tiegħu bit-titolu “Definizzjoni”, insibu l-punti segwenti:

“1.

‘Ilma minerali naturali’ tfisser ilma mikrobijoloġikament tajjeb għas-saħħa, fit-tifsira tal-Artikolu 5, li joriġina minn water table ta’ taħt l-art jew minn depożitu ta’ taħt l-art u li joħroġ minn nixxiegħa meħud minn ħruġ naturali wieħed jew aktar jew minn ħruġ imtaqqab.

Ilma minerali naturali jista’ jingħaraf faċilment minn ilma tax-xorb ordinarju:

a)

min-natura tiegħu, li hi karatterizzata mill-kontenut minerali tagħha, minn oligo-elementi jew minn kostitwenti oħrajn u, fejn adattat, minn ċerti effetti;

b)

mill-purità oriġinali tiegħu,

fejn iż-żewġ karatteristiċi ġew ikkonservati intatti minħabba l-oriġini minn taħt l-art ta’ ilma bħal dan […]

[…]

3.

Il-kompożizzjoni, it-temperatura u l-karatteristiċi essenzjali l-oħra tal-ilma minerali naturali għandhom jibqgħu stabbli fil-limiti ta’ varjazzjoni naturali; b’mod partikolari, m’għandhomx jiġu affettwati bil-varjazzjonijiet possibbli fir-rata ta’ ċirkolazzjoni.

[...]”

9.

Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma ( 4 ), tiddefinixxi qafas għall-ġestjoni u l-protezzjoni komuni tal-ilmijiet ibbażata mhux fuq il-fruntieri jew il-politiki nazzjonali, iżda fuq il-formazzjonijiet idroloġiċi, jiġifieri skont l-għadira idrografika, f’perspettiva ta’ żvilupp sostenibbli. Fuq il-pjan terminoloġiku, din tistabbilixxi, fl-Artikolu 2 tagħha, struttura kumplessa ta’ definizzjonijiet ta’ livell tekniku ħafna, bħal akwifikatur jew korp ta’ ilma ta’ taħt l-art.

B – Id-dritt nazzjonali

10.

Id-Direttiva 80/777, issostitwita mid-Direttiva 2009/54, ġiet trasposta fid-dritt Sloven, b’mod partikolari, permezz tar-regolament dwar l-ilmijiet minerali naturali, l-ilmijiet tan-nixxiegħa u l-ilmijiet tal-mejda ( 5 ). L-Artikolu 4(1) ta’ dak ir-regolament jipprovdi li l-ilma minerali huwa l-ilma li, minbarra ċerti rekwiżiti mikrobijoloġiċi, jissodisfa, fost affarijiet oħrajn, il-kundizzjoni li dan ikun joriġina minn water table jew depożitu ta’ taħt l-art, protett kontra kull forma ta’ kontaminazzjoni possibbli u provenjenti minn nixxiegħa sfruttata minn ħruġ wieħed jew iktar naturali jew imtaqqba. L-Artikolu 12(4) tar-regolament jipprovdi li l-ilma minerali naturali provenjenti mill-istess nixxiegħa, fil-kummerċ bilfors irid juża l-istess marka kummerċjali.

III – Il-fatti tal-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

11.

Jirriżulta mill-proċess li, fit-18 ta’ Lulju 2011, HSR ressqet quddiem il-Ministeru talba sabiex jiġi rrikonoxxut fis-Slovenja l-isem kummerċjali “ROI Roitschocrene” għall-ilma minerali naturali meħud minn punt ta’ ħruġ bl-isem “RgS‑2/88”.

12.

B’deċiżjoni tas-26 ta’ Frar 2012, il-Ministeru ċaħad dik it-talba fuq il-bażi li ilma minerali naturali mill-istess nixxiegħa waħdanija, skont l-Artikolu 12(4) tar-regolament u l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2009/54, bilfors irid jiġi kkummerċjalizzat taħt isem kummerċjali wieħed u li ilma minerali naturali meħud mill-istess akwifikatur bħall-ilma inkwistjoni, iżda minn punt ta’ ħruġ ieħor (imsejjaħ “V‑3/66‑70”), diġà ġie rrikonoxxut bħala ilma minerali naturali taħt l-isem kummerċjali “Donat Mg” b’deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2001 u kkummerċjalizzat bħala tali.

13.

HSR ippreżentat rikors għall-annullament ta’ dik id-deċiżjoni quddiem l-Upravno sodišče (tribunal amministrattiv) fejn sostniet, minn naħa waħda, li l-punt ta’ ħruġ “RgS‑2/88” ma jipproduċix l-istess ilma bħall-punt ta’ ħruġ “V‑3/66‑70” u, min-naħa l-oħra, li għandha ssir distinzjoni bejn il-kunċetti ta’ “nixxiegħa” u ta’ “akwifikatur”. Peress li dan ir-rikors ġie miċħud, HSR ippreżentat rikors għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn argumentat, b’mod partikolari, li t-tribunal amministrattiv interpreta b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “nixxiegħa” li jinsab fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2009/54.

14.

Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Vrhovno sodišče (Qorti Suprema) tippreċiża li l-punti ta’ ħruġ “V‑3/66‑70” u “RgS‑2/88” jaqsmu l-istess water table jew depożitu ta’ taħt l-art ( 6 ). Barra minn hekk, hija tinnota li l-ilma minerali naturali Donat Mg huwa mniżżel fir-reġistru tal-ilmijiet minerali naturali rikonoxxuti fis-Slovenja kif ukoll fil-lista tal-ilmijiet minerali naturali rikonoxxuti mill-Istati Membri ( 7 ), u n-nixxiegħa indikata hija n-nixxiegħa Donat ( 8 ).

15.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-espressjoni “ilma minerali naturali mill-istess nixxiegħa waħdanija” fis-sens tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/54. Hija tosserva li l-kelma “nixxiegħa”, li tintuża diversi drabi fl-imsemmija direttiva, ma hijiex iddefinita hemmhekk. Fid-dawl tad-diverġenzi lingwistiċi tad-definizzjoni ta’ “ilma minerali naturali” li tinsab fl-Anness I, Kapitolu I, punt 1, tal-istess direttiva, diversi interpretazzjonijiet ta’ din l-espressjoni huma possibbli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vrhovno sodišče ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva [2009/54] għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jitqies li huwa ‘ilma minerali naturali mill-istess nixxiegħa waħdanija’:

a)

l-ilma provenjenti mill-istess sors [punt ta’ ħruġ] individwali, iżda mhux l-ilma miġbur minn sors [punt ta’ ħruġ] ieħor minkejja li dan huwa ilma li joriġina mill-istess akwifikatur tal-istess korp ta’ ilma ta’ taħt l-art fis-sens tad-definizzjoni tal-kunċetti ta’ ‘akwifikatur’ u ta’ ‘korp ta’ ilma ta’ taħt l-art’ tad-[DKE];

b)

l-ilma li joriġina mill-istess sors [punt ta’ ħruġ] individwali, iżda mhux l-ilma miġbur minn sors [punt ta’ ħruġ] ieħor minkejja li dan huwa ilma li joriġina mill-istess akwifikatur tal-istess korp ta’ ilma ta’ taħt l-art fis-sens tad-definizzjoni tal-kunċetti ta’ ‘akwifikatur’ u ta’ ‘korp ta’ ilma ta’ taħt l-art’ tad-[DKE], għalkemm f’din id-definizzjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi bħad-distanza bejn is-sorsi [il-punti ta’ ħruġ], il-fond tas-sorsi [tal-punti ta’ ħruġ], il-kwalità speċifika tal-ilma tas-sors [tal-punt ta’ ħruġ] individwali (bħall-kompożizzjoni kimika u mikrobijoloġika), il-konnessjoni idroloġika [idrolika] tas-sorsi [tal-punti ta’ ħruġ], in-natura magħluqa jew miftuħa tal-akwifikatur;

ċ)

l-ilma kollu li joriġina mill-istess akwifikatur tal-istess korp ta’ ilma ta’ taħt l-art fis-sens tad-definizzjoni tal-kunċetti ta’ ‘akwifikatur’ u ta’ ‘korp ta’ ilma ta’ taħt l-art’ tad-[DKE], indipendentement mill-fatt li dan jitla’ fil-wiċċ minn diversi sorsi [punti ta’ ħruġ];

d)

l-ilma kollu li joriġina mill-istess akwifikatur tal-istess korp ta’ ilma ta’ taħt l-art fis-sens tad-definizzjoni tal-kunċetti ta’ ‘akwifikatur’ u ta’ ‘korp ta’ ilma ta’ taħt l-art’ tad-[DKE], indipendentement mill-fatt li dan jitla’ fil-wiċċ minn diversi sorsi [punti ta’ ħruġ], għalkemm f’din id-definizzjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi bħad-distanza bejn is-sorsi [il-punti ta’ ħruġ], il-fond tas-sorsi [tal-punti ta’ ħruġ], il-kwalità speċifika tal-ilma tas-sors [tal-punt ta’ ħruġ] individwali (bħall-kompożizzjoni kimika u mikrobijoloġika), il-konnessjoni idroloġika [idrolika] tas-sorsi [tal-punti ta’ ħruġ], in-natura magħluqa jew miftuħa tal-akwifikatur[?]

2)

Għall-każ fejn ikun impossibbli li tingħażel waħda mill-proposti tal-ewwel domanda, għandha tiġi sostnuta l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ‘ilma minerali naturali mill-istess nixxiegħa waħdanija’ fuq ċerti ċirkustanzi bħad-distanza tal-bjar, il-kwalità speċifika tal-ilma tas-sors [tal-punt ta’ ħruġ] individwali (bħall-kompożizzjoni kimika u mikrobijoloġika), il-konnessjoni idroloġika [idrolika] tas-sorsi [tal-punti ta’ ħruġ], in-natura magħluqa jew miftuħa tal-akwifikatur?”

16.

It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ April 2014. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn HSR, mill-Gvern Sloven, mill-Gvern Ċek u mill-Gvern Elleniku, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. HSR, il-Gvern Sloven u l-Gvern Elleniku kif ukoll il-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta li saret fl-4 ta’ Marzu 2015.

IV – Analiżi

A – Fuq it-trattament tad-domandi preliminari

17.

Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-projbizzjoni ddikjarata fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2009/54, li tipprovdi li huwa pprojbit li jiġi kkummerċjalizzat taħt diversi ismijiet kummerċjali “ilma minerali naturali mill-istess nixxiegħa waħdanija”. Waqt li d-domandi huma ppreżentati mill-qorti tar-rinviju fil-forma ta’ deklinazzjoni ta’ ipoteżijiet interpretattivi varjati, għandu jiġi enfasizzat li dawn kollha jiffokaw fuq l-istess u l-uniku kunċett. B’hekk, minkejja l-istruttura tagħhom, nipproponi, l-istess bħall-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub f’din il-kawża, li dawn id-domandi jiġu indirizzati b’mod konġunt.

B – Fuq il-leġiżlazzjoni tal-ilma minerali naturali taħt id-dritt tal-Unjoni

18.

Jirriżulta mill-proċess li d-diffikultà prinċipali li tiffaċċja l-qorti tar-rinviju hija relatata mal-fatt li d-Direttiva 2009/54 ma tipprovdi ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “nixxiegħa” u li b’hekk dak il-kunċett jista’ jagħti lok għal diversi interpretazzjonijiet. Jekk l-objettiv essenzjali huwa li jiġi evitat li jiġi mqarraq il-konsumatur, il-kunċett tal-“istess nixxiegħa” għandu jiġi llimitat għall-kunċett tal-“istess punt ta’ ħruġ”. B’hekk, l-ilma biss meħud mill-istess punt ta’ ħruġ, u li jkollu l-istess kompożizzjoni kimika u mikrobijoloġika, jaqa’ taħt dik l-espressjoni. Jekk, għall-kuntrarju, għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa, ikollu jitqies li l-kunċett ta’ “l-istess nixxiegħa” ikopri l-ilma meħud minn diversi punti ta’ ħruġ, filwaqt li lkoll ikollhom akwifikatur komuni fis-sens tad-DKE ( 9 ).

19.

F’dan ir-rigward, huwa utli li jiġi ddelimitat, fl-ewwel lok, il-kamp tal-interpretazzjoni inkwistjoni.

20.

Għandu jitfakkar li t-twettiq tal-armonizzazzjoni fil-qasam tal-kummerċjalizzazzjoni tal-ilma fil-fliexken kien proċess partikolarment twil u kumpless fi ħdan is-suq intern. L-oppożizzjoni prinċipali bejn l-Istati Membri kienet iffokata fuq diverġenza dwar il-kunċett proprju ta’ ilma minerali naturali ( 10 ). Konsegwentement, għalkemm il-kwistjoni tal-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi fil-qasam tal-prodotti tal-ikel u x-xarbiet ilha li tqajmet mit-tmiem tas-snin ħamsin, id-direttiva dwar l-armonizzazzjoni tal-isfruttament u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ilmijiet naturali ġiet stabbilita biss fl-1980 ( 11 ). Fuq livell internazzjonali, dik l-istess battalja mmaterjalizzat fid-dibattiti madwar l-adozzjoni tal-Codex alimentarius ( 12 ).

21.

Id-Direttiva 80/777 kienet tirrigwarda l-isfruttament u t-tqegħid għall-kummerċ ta’ prodotti tal-ikel iddestinati għall-konsum mill-bniedem, billi kienet tinsisti, b’mod partikolari, fuq in-neċessità li jitħarsu kontra r-riskji ta’ tniġġis, inkwantu s-saħħa pubblika kienet ikkonċernata. Min-naħa l-oħra, din kienet tiggarantixxi d-drittijiet tal-konsumatur billi tiżgura, permezz tal-ibbottiljar fin-nixxiegħa u mezz ta’ għeluq xieraq, li l-likwidu kien iżomm il-karatteristiċi li jkunu ġġustifikaw ir-rikonoxximent tiegħu bħala ilma minerali ( 13 ). Bħala suċċessura tad-Direttiva 80/777, id-Direttiva 2009/54 b’hekk tirriproduċi, fuq livell ġenerali, l-istess prinċipji ta’ gwida.

22.

Id-Direttiva 2009/54, li ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE (Artikolu 114 TFUE), taqa’ taħt il-qafas tal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet li għandhom bħala skop l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, fil-qasam tal-prodotti tal-ikel ( 14 ). Element essenzjali għall-finijiet tal-interpretazzjoni tagħha jinsab fil-premessa 5 tagħha, li tipprovdi li kull regolamentazzjoni dwar l-ilmijiet minerali naturali għandha jkollha bħala objettivi primordjali l-protezzjoni tas-saħħa tal-konsumaturi u li jiġi evitat li jiġu mqarrqa, kif ukoll biex tiġi ggarantita l-lealtà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali. Fil-fatt, kif jenfasizza l-Gvern Elleniku, dik il-premessa ġiet miżjuda mar-ratio legis tad-Direttiva 2009/54 fil-kuntest tal-formulazzjoni mill-ġdid tad-Direttiva 80/777.

23.

Ċertament, huwa minnu li l-problema tal-ilma tajjeb għax-xorb, u tal-ilma fil-fliexken b’mod partikolari, hija kkaratterizzata minn leġiżlazzjoni transversali. Din hija rregolata minn diversi atti li fosthom insibu, b’mod partikolari, id-Direttiva dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem ( 15 ), id-Direttiva li tistabbilixxi l-komponenti tal-ilma minerali naturali li jistgħu jippreżentaw riskju għas-saħħa pubblika ( 16 ) u d-Direttiva li tintroduċi l-kunċett ta’ ilma mediċinali ( 17 ). Fir-rigward, b’mod partikolari, tar-regoli dwar it-tikkettjar, id-Direttiva 2009/54 tinkludi supplimenti u derogi għar-regoli ġenerali tar-leġiżlazzjoni dwar it-tikkettjar tal-prodotti tal-ikel ( 18 ).

24.

Madankollu, meta jitqiesu d-diverġenzi bejn l-objettivi u l-oġġetti rregolati, jidhirli li l-assenza ta’ definizzjoni legali tal-kelma “nixxiegħa” fid-Direttiva 2009/54 ma jidhirlix li timplika li għandha ssir kontroreferenza għad-definizzjonijiet li jinsabu fid-DKE. Tali għażla tista’ saħansitra tikkostitwixxi żball ġuridiku.

25.

Fil-fatt, kif diġà enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, id-DKE hija direttiva qafas adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 175(1) KE (li sar l-Artikolu 192 TFUE). Hija tistabbilixxi xi prinċipji komuni u qafas globali ta’ azzjoni għall-protezzjoni tal-ilmijiet, l-integrazzjoni, kif ukoll, għal medda ta’ żmien itwal, l-iżvilupp tal-prinċipji ġenerali u tal-istrutturi li jippermettu l-protezzjoni u l-użu ekoloġikament vijabbli tal-ilma fl-Unjoni Ewropea ( 19 ). Madankollu d-DKE ma tipprevedix armonizzazzjoni totali tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri fis-settur tal-ilma ( 20 ). Jirriżulta mill-premessa 19 tagħha li l-għan tagħha huwa ż-żamma u t-titjib tal-ambjent akwatiku tal-Unjoni. Dan l-objettiv ta’ natura ekoloġika huwa marbut prinċipalment mal-kwalità tal-ilmijiet inkwistjoni ( 21 ).

26.

Ċertament, ma jistax jiġi eskluż li l-espressjonijiet provenjenti minn diversi direttivi jiddefinixxu, fir-realtà, l-istess fenomenu naturali, inkwantu akwifikatur, water table jew depożitu ta’ taħt l-art ilkoll huma intiżi li jiddeskrivu forma ta’ akkumulazzjoni ta’ ilma taħt l-art. Għaldaqstant, in-natura impreċiża tar-relazzjoni bejn l-imsemmija kunċetti timmilita kontra referenza diretta għall-kunċetti tekniċi tad-DKE fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2009/54.

27.

Finalment, nirrileva li d-domandi mqajma fil-kuntest tal-kawża prinċipali li jirrigwardaw il-prattika tal-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-attribuzzjoni ta’ konċessjonijiet għall-estrazzjoni tal-ilma minerali naturali huma rrilevanti għall-interpretazzjoni mitluba, fis-sens li dawn ma jistgħux jinfluwixxu fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett proprju ta’ “ilma minerali naturali mill-istess nixxiegħa waħdanija” fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2009/54.

28.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandna nipproċedu għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2009/54.

C – Il-kunċett ta “ilma minerali naturali mill-istess nixxiegħa waħdanija ” fis-sens tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/54

1. Fuq l-approċċ adottat għall-finijiet tal-interpretazzjoni inkwistjoni

29.

Skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2009/54, għandu jkun ipprojbit li wieħed iqiegħed fis-suq ilma minerali naturali mill-istess nixxiegħa waħdanija taħt iktar minn isem kummerċjali wieħed. Huwa interessanti li wieħed jinnota li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/54 ma kienx suġġett għal emendi meta mqabbel mal-proposta tad-Direttiva 80/777 ippreżentata mill-Kummissjoni fl-1970 ( 22 ). B’hekk din hija dispożizzjoni kostanti daqs kemm hi lakonika.

30.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi ddeterminata l-portata ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li jitqiesu kemm l-espressjonijiet tagħha, kif ukoll il-kuntest u l-għanijiet tagħha, waqt li l-ġenesi tad-dispożizzjoni tista’ wkoll tiżvela elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha ( 23 ).

31.

F’dan ir-rigward, ninnota li, f’din il-kawża, l-interpretazzjoni tat-terminu l-“istess nixxiegħa” toħloq tensjoni partikolari bejn il-karatteristiċi objettivi tal-ilma minerali, minn naħa waħda, u l-karatteristiċi idroġeoloġiċi marbuta mal-mogħdija tiegħu lejn l-art, minn naħa oħra. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rilevanza, b’mod partikolari, tad-distanza bejn il-punti ta’ ħruġ, il-kwalità speċifika tal-ilma, il-konnessjoni idrolika tal-punti ta’ ħruġ u l-fond tal-punti ta’ ħruġ. Il-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jinkludi diversi opinjonijiet li jittrattaw dawn l-aspetti. B’mod partikolari, HSR tinsisti dwar id-differenza bejn il-kunċett ta’ nixxiegħa u dak ta’ akwifikatur.

32.

Fil-fehma tiegħi, tali konfrontazzjoni teknika trendi l-interpretazzjoni mitluba inutilment vaga. Min-naħa tiegħi, sabiex nispjega l-kontenut tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/54, nixtieq nitlaq mill-kunċett bażiku tad-Direttiva 2009/54, jiġifieri l-kunċett ta’ ilma minerali naturali, b’rabta mal-objettiv primordjali ta’ din id-direttiva li jirrigwarda l-protezzjoni tal-konsumaturi. Dan il-punt ta’ tluq jippermetti li jiġi kkonstatat li l-istatus tal-elementi idroloġiċi jista’ jitqies, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett tal-“istess nixxiegħa”, li huwa komplementari.

2. Fuq il-kunċett ta’ ilma minerali naturali fid-dawl tal-objettiv tal-protezzjoni tal-konsumaturi

33.

Permezz tal-espressjoni “ilma minerali naturali”, fis-sens tal-Anness I, parti I, punt 1, tad-Direttiva 2009/54, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jirreferi għal “ilma mikrobijoloġikament tajjeb għas-saħħa [ ( 24 ) ], li joriġina minn water table ta’ taħt l-art jew minn depożitu ta’ taħt l-art u li joħroġ minn nixxiegħa meħud minn ħruġ naturali wieħed jew aktar jew minn ħruġ imtaqqab”. Id-definizzjoni inkwistjoni b’hekk tirreferi b’mod kumulattiv għal żewġ livelli, minn naħa waħda, l-oriġini tal-ilma minerali naturali u, min-naħa l-oħra, minn fejn joħroġ l-ilma. Barra minn hekk, skont l-imsemmi punt 1, l-ilma minerali naturali huwa distint mill-ilma tax-xorb ordinarju minħabba n-natura u l-purità oriġinali tiegħu.

34.

Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “nixxiegħa”, dik id-definizzjoni madankollu ma hijiex eżenti minn dubji, b’mod partikolari meta titqabbel ma’ verżjonijiet lingwistiċi oħrajn ( 25 ), notevolment il-verżjonijiet fejn il-kunċetti tal-oriġini tal-ilma u tal-punt minn fejn joħroġ tintuża l-istess espressjoni, bħal ma huwa l-każ tal-verżjoni Slovena ( 26 ).

35.

Fil-każ ta’ diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ test tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha ( 27 ).

36.

F’dan ir-rigward, kif diġà rrilevajt, il-leġiżlatur jagħti importanza partikolari lill-protezzjoni tal-konsumaturi. Dak l-għan huwa rifless fid-Direttiva 2009/54 f’diversi livelli. Fl-ewwel lok, fuq il-pjan tal-interferenza mal-objettiv tal-moviment liberu tal-ilma minerali naturali, id-Direttiva timponi li jiġu stabbiliti regoli komuni applikabbli fir-rigward tal-kundizzjonijiet meħtieġa fil-qasam mikrobijoloġiku li jippermettu li ilma jiġi kkwalifikat bħala ilma minerali naturali u sistema ta’ rikonoxximent mill-awtorità responsabbli ta’ Stat Membru ta’ ilma li jissodisfa l-preskrizzjonijiet tad-Direttiva. Fit-tieni lok, fuq il-pjan tal-interferenza mal-objettiv ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-konsumaturi, id-Direttiva 2009/54 tistabbilixxi rekwiżiti li jirrigwardaw l-indikazzjoni tal-kompożizzjoni analitika ta’ ilma minerali b’rabta mar-rekwiżiti marbuta mat-tikkettjar b’mod ġenerali ( 28 ). F’dan il-kuntest, id-Direttiva tippreskrivi wkoll il-miżuri ta’ emerġenza li jippermettu reazzjoni għar-riskji għas-saħħa pubblika. Fit-tielet lok, fuq il-pjan tal-interferenza mal-objettiv li tiġi ggarantita l-lealtà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali u li jiġi evitat li l-konsumaturi jiġu mqarrqa ( 29 ), id-Direttiva 2009/54 tinsisti dwar l-identifikazzjoni tal-provenjenza unika tal-ilma minerali, kif muri mill-projbizzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 8(2) tagħha.

37.

Nirrileva li, fit-totalità tiegħu, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/54 jiffoka fuq il-kwistjoni tal-isem kummerċjali fis-sens tal-indikazzjoni tal-provenjenza ġeografika tal-ilma. B’hekk, l-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva jippreċiża b’mod partikolari li isem ta’ lokalità jista’ jinsab fil-kliem ta’ isem kummerċjali sakemm dan ikollu x’jaqsam ma’ ilma minerali li n-nixxiegħa tiegħu tkun sfruttata fil-post indikat f’dak l-isem. Fuq il-bażi tal-istess ħsieb, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni tal-ilma provenjenti mill-istess nixxiegħa taħt diversi ismijiet kummerċjali. Finalment, l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2009/54 jinsisti dwar il-kwistjoni tal-identifikazzjoni korretta tan-nixxiegħa u tal-post tal-isfruttament tal-ilma minerali naturali fil-kuntest tat-tikkettjar u tal-pubbliċità.

38.

B’hekk, għall-kuntrarju tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tat-trade marks fejn huwa fil-fatt permessibbli li jintużaw diversi trade marks għall-istess prodott, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/54 huwa intiż sabiex tkun tista’ tiġi identifikata b’mod inekwivoku n-nixxiegħa u l-oriġini ġeografika, kif jirriżultaw mill-isem kummerċjali tal-ilma minerali naturali.

39.

Finalment, għaldaqstant huwa essenzjali li l-kompożizzjoni analitika tal-ilma tkun tikkorrispondi għar-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/54 u li din tkun magħrufa mill-konsumatur li, permezz tal-isem kummerċjali u/jew tat-tikketta għandu jkun jista’ jidentifika l-elementi tal-provenjenza ġeografika tiegħu.

40.

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-imsemmija direttiva, l-ilma minerali naturali huwa dak li jnixxi jew jinġibed min-nixxiegħa u li l-kompożizzjoni, it-temperatura u l-karatteristiċi essenzjali oħrajn tiegħu għandhom ikunu stabbli fil-kuntest tal-varjazzjonijiet naturali. Kif jenfasizza l-gvern Ċek, l-objettivi tal-premessa 5 tad-Direttiva 2009/54 ma jistgħux jintlaħqu jekk ilma minerali li jkollu l-istess karatteristiċi, minkejja li jkun meħud minn diversi punti ta’ ħruġ, jiġi kkummerċjalizzat taħt ismijiet differenti.

41.

Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “ilma minerali naturali” interpretat b’rabta mal-premessa 5 tad-Direttiva 2009/54 iwassal biex jiġi kkonstatat li l-objettiv tal-leġiżlatur jintlaħaq meta d-definizzjoni tal-“istess nixxiegħa” fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2009/54 ikun limitat għal livell ta’ ħruġ tal-ilma minerali naturali, jiġifieri minn fejn joħroġ fis-sens tal-punt 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2009/54.

3. Fuq l-istatus tal-elementi idroġeoloġiċi għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kunċett tal-“istess nixxiegħa”

42.

Sabiex tiġi mmirata aħjar il-portata tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2009/54, l-eżami ta’ ċerti aspetti tekniċi huwa meħtieġ. Għal dan l-għan, huwa utli li ssir referenza għal rapport tal-Agence française de sécurité sanitaire de l’Alimentation (AFSSA) ( 30 ), li għalih il-Kummissjoni tagħmel riferiment fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Fir-rigward tal-kuntest idroġeoloġiku, minn dan jirriżulta li kull ilma minerali naturali jiġi mill-iffiltrar ta’ ilmijiet meteoriċi ( 31 ) li jerġgħu jitilgħu fil-wiċċ wara mogħdija twila taħt l-art ( 32 ). L-ilmijiet ta’ taħt l-art jinżlu permezz tal-gravità sakemm jiltaqgħu ma’ ostakolu għall-penetrazzjoni vertikali tagħhom ( 33 ) u jakkumulaw fil-pori u l-qasmiet ta’ taħt l-art (akwifikaturi) ( 34 ) minn fejn inixxu lateralment. Meta l-pressjoni idrolika fil-parti saturata tal-akwifikatur issir superjuri għal dik fil-punti ta’ ħruġ possibbli, l-ilma ta’ taħt l-art inixxi mill-iżbokki naturali li huma n-nixxiegħat. Dak ir-rapport iqabbel ukoll il-kunċett ta’ depożitu ta’ taħt l-art ( 35 ) u l-kunċett ta’ sistema ta’ akwifikatur ( 36 ) għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-istruttura ġeoloġika tal-ilmijiet.

43.

Jidhirli li l-fattur determinanti għall-interpretazzjoni tal-kunċett tal-“istess nixxiegħa” kif propost iktar ’il fuq huwa, minn naħa waħda, il-konstatazzjoni li “s-sitwazzjonijiet idroġeoloġiċi li jwasslu għall-ħruġ ta’ ilmijiet minerali naturali huma multipli u spiss ferm kumplessi” ( 37 ) u, min-naħa l-oħra, il-konferma tal-multitudni ta’ żbokki naturali li huma n-nixxiegħat ta’ ilmijiet minerali naturali meta mqabbla mas-saffi tal-akkumulazzjoni laterali ta’ dawn l-ilmijiet.

44.

Barra minn hekk, bl-istess mod bħall-Avukat Ġenerali Elmer fil-Kawża Badische Erfrischungs-Getränke li ddikjara l-pożizzjoni tiegħu dwar id-definizzjoni tal-ilma minerali ( 38 ), l-assenza tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “nixxiegħa” jidhirli li tiżvela l-intenzjoni tal-leġiżlatur. Fil-fatt, kieku huwa ried jissuġġetta, fuq bażi prinċipali, il-kunċett ta’ “nixxiegħa” għal karatteristiċi idroġeoloġiċi bħal struttura ta’ water tables, ta’ depożiti ta’ taħt l-art jew ta’ punti ta’ ħruġ, kien ikun loġiku li jagħtih kontenut speċifikat. L-użu tal-kelma “nixxiegħa” fid-Direttiva 2009/54 jikkonferma li dak il-kunċett pjuttost jirreferi għal multitudni ta’ forom ta’ ħruġ, naturali jew imtaqqba, tal-ilma minerali ( 39 ). Għall-kuntrarju, l-istruttura ġeoloġika hija fundamentali għall-identifikazzjoni tal-ilma minerali naturali per se u tal-karatteristiċi tiegħu.

45.

Għal dik ir-raġuni, indipendentement mill-konfigurazzjoni idroġeoloġika tal-art min fejn jinġibed l-ilma, l-element rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-“istess nixxiegħa” huwa minkejja kollox l-identiċità tal-ilma minerali naturali.

46.

Fil-fatt, l-ilmijiet minerali naturali huma ddefiniti b’rabta mal-kompożizzjoni kimika tagħhom bi provenjenza unika identifikata (li tikkostitwixxi l-bażi tad-distinzjoni tagħhom meta mqabbla mal-ilmijiet li jsiru tajbin għax-xorb permezz ta’ proċessar u li jkollhom eżattament l-istess kompożizzjoni kimika) ( 40 ). B’hekk, għall-konsumatur, huwa importanti li l-istess isem kummerċjali jintuża għall-istess ilma minerali naturali. Minn din il-perspettiva, il-kriterju tal-istruttura idroġeoloġika ta’ water table, ta’ depożitu ta’ taħt l-art jew ta’ akwifikatur fis-sens xjentifiku ma huwiex determinanti per se għaliex hija l-mogħdija ġeoloġika lejn il-wiċċ tal-art li taffettwa l-kompożizzjoni tal-ilma. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “nixxiegħa” fis-sens tad-Direttiva 2009/54 jirreferi għal ħruġ wieħed jew iktar, naturali jew imtaqqba, minn fejn joħroġ ilma identiku fis-sens tal-Anness I tad-Direttiva 2009/54.

47.

Fi kwalunkwe każ, infakkar li l-ilma minerali naturali fis-sens tad-Direttiva 2009/54 għandu jiġi sfruttat hekk kif ikun fil-ħruġ, mingħajr proċessar, ħlief għas-separazzjoni ta’ elementi instabbli jew mhux mixtieqa ( 41 ). Barra minn hekk, il-punt 3 tal-parti I tal-Anness I tad-Direttiva 2009/54 jippreċiża li “l-kompożizzjoni, it-temperatura u l-karatteristiċi essenzjali l-oħra tal-ilma minerali naturali għandhom jibqgħu stabbli fil-limiti ta’ varjazzjoni naturali; b’mod partikolari, m’għandhomx jiġu affettwati bil-varjazzjonijiet possibbli fir-rata ta’ ċirkolazzjoni”. Dik il-premessa barra minn hekk issostni l-argument li hija l-kompożizzjoni tal-ilma, u mhux l-istruttura tal-ħruġ ġeoloġiku tiegħu, li hija preponderanti għall-finijiet tal-preżervazzjoni tal-objettiv tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

48.

Barra minn hekk, nixtieq nenfasizza li l-fatt li l-ilma joriġina mill-istess water table jew mill-istess depożitu ta’ taħt l-art huwa kundizzjoni neċessarja, iżda mhux suffiċjenti, sabiex jitqies li huwa l-istess ilma minerali naturali. B’hekk, l-ilmijiet li jkunu kimikament identiċi iżda li jkollhom oriġini idroloġiċi u ġeoloġiċi indipendenti ma jikkostitwixxux l-istess ilma minerali naturali.

49.

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jidhirli li “ilma minerali naturali mill-istess nixxiegħa waħdanija” fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2009/54 tirreferi għal ilma provenjenti minn punt ta’ ħruġ wieħed jew iktar, naturali jew imtaqqba, li jkun joriġina mill-istess water table jew l-istess depożitu ta’ taħt l-art, jekk dak l-ilma jkollu karatteristiċi identiċi stabbli għal kull punt ta’ ħruġ naturali jew imtaqqba fi ħdan varjazzjonijiet naturali. Għall-kuntrarju, l-ilmijiet naturali li jiġu minn diversi punti ta’ ħruġ naturali jew imtaqqba, u li jaqsmu l-istess water table jew l-istess depożitu ta’ taħt l-art, iżda li l-karatteristiċi analitiċi tagħhom ma jkunux identiċi fir-rigward tal-kriterji li jirriżultaw mill-Anness I tad-Direttiva 2009/54, ma jistgħux jitqiesu li joħorġu mill-istess nixxiegħa.

V – Konklużjoni

50.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi mressqa mill-Vrhovno sodišče kif ġej:

L-espressjoni “ilma minerali naturali mill-istess nixxiegħa waħdanija” fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2009/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ġunju 2009, dwar l-isfruttament u t-tqegħid fis-suq ta’ ilmijiet minerali naturali, tirreferi għal ilma provenjenti minn punt ta’ ħruġ wieħed jew iktar, naturali jew imtaqqba, li jkun joriġina mill-istess water table jew l-istess depożitu ta’ taħt l-art, jekk dak l-ilma jkollu karatteristiċi identiċi stabbli għal kull punt ta’ ħruġ naturali jew imtaqqba fi ħdan varjazzjonijiet naturali.


( 1 )   Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 )   Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta Ġunju 2009, dwar l-isfruttament u t-tqegħid fis-suq ta’ ilmijiet minerali naturali (ĠU L 164, p. 45).

( 3 )   Direttiva tal-Kunsill, tal-15 ta’ Lulju 1980, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-isfruttament u t-tqegħid fis-suq ta’ ilmijiet minerali naturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 6, p. 50).

( 4 )   ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009 (ĠU L 140, p. 114, iktar ’il quddiem id-“DKE”). Għandu jiġi ppreċiżat li dik id-Direttiva ġiet issupplimentata bid-Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar il-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art kontra t-tniġġiż u d-deterjorament (ĠU L 372, p. 19).

( 5 )   Pravilnik o naravni mineralni vodi, izvirski vodi in namizni vodi (Uradni list RS, Nru 50/04, tas-6.5.2004), kif emendat bil-Pravilnik o spremembah in dopolnitvah Pravilnika o naravni mineralni vodi, izvirski vodi in namizni vodi (Uradni list RS, Nru 75/05, tad-9.8.2005, iktar ’il quddiem ir-“regolament”).

( 6 )   Kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet ta’ HSR, HSR tiġbed mill-punt ta’ ħruġ “RgS‑2/88” ilma minerali naturali minn fond ta’ 274 metru. Il-kumpannija Droga Kolinska d.d. (iktar ’il quddiem “Droga Kolinska”) tiġbed l-ilma minerali mill-punt ta’ ħruġ “Donat Mg V‑3/66‑70” f’fond ta’ 606 metru. Il-punti ta’ ħruġ huma mbiegħda minn xulxin iktar minn 5 kilometri.

( 7 )   Ara ĠU 2013, C 95, p. 38

( 8 )   Jirriżulta mill-proċess li b’deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2001, il-Ministeru rrikonoxxa l-ilma meħud mill-punti ta’ ħruġ “RgS‑2/88” u “V‑3/66‑70” bħala ilma minerali naturali taħt l-isem kummerċjali “Donat Mg”, minkejja l-fatt li l-kumpannija li bbenefikat minn dik id-deċiżjoni, Droga Kolinska, ma għandhiex konċessjoni għall-użu tal-ilma meħud mill-punt ta’ ħruġ “RgS‑2/88”, billi dik il-konċessjoni tappartjeni lil HSR skont deċiżjoni tal-14 ta’ Frar 2008. B’hekk, Droga Kolinska ma tistax tikkummerċjalizza dak l-ilma taħt l-isem kummerċjali “Donat Mg”.

( 9 )   Skont l-Artikolu 2(11) tad-DKE, akwifikatur huwa ddefinit bħala “saff jew saffi ta’ blat taħt il-wiċċ jew ta’ saffi ġeoloġiċi fuq xulxin ta’ porożità suffiċenti u permeabilità biex jitħalla jew tnixxija sinifikanti tal-ilma ta’ taħt l-art jew li jkunu mtella’ kwantitajiet sinifikanti ta’ ilma ta’ taħt l-art”. Skont l-Artikolu 2(12) tad-DKE, il-kunċett ta’ “korp ta’ ilma ta’ taħt l-art” ifisser “volum distint ta’ ilma ta’ taħt l-art b’akwifikatur jew akwifikaturi”.

( 10 )   Dan b’hekk kien mudell “latin” fejn l-intervent mill-Istat relatat ma’ klassifikazzjoni huwa bbażat fuq għerf xjentifiku u fejn it-tqegħid tal-prodotti fis-suq jeħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel. Skont il-mudell Ġermaniż, l-impriżi jaġixxu permezz ta’ ftehimiet settorjali sempliċement fuq il-bażi tal-kompożizzjoni kimika tal-prodott (il-livell ta’ mineralizzazzjoni). Skont il-mudell Brittaniku, għall-kuntrarju, essenzjalment huwa f’idejn il-konsumatur biex jagħmel l-aħjar għażla fost il-prodotti ferm diversi fis-suq. F’dan ir-rigward, ara Marty, N., La construction d’un marché européen des eaux embouteillées: enjeux, acteurs et déroulement des négociations de la directive 80/777 sur les eaux minérales (années 1950-années 1980), Revue d’histoire de l’intégration européenne, Vol. 19 (2013), Nru 2, p. 227 sa 242.

( 11 )   Għal deskrizzjoni storika dettaljata, ara Marty, N., op. cit.

( 12 )   Doussin, J.‑P., Les eaux minérales dans le Codex alimentariusUn choc des cultures, Annales des Mines, Mejju 1998, p. 30. Il-Kummissjoni tal-Codex alimentarius, maħluqa fl-1963 mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Alimentazzjoni u l-Agrikoltura (FAO) u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), tistabbilixxi regoli alimentari, linji gwida u kodiċi ta’ użu internazzjonali u armonizzati intiżi biex jipproteġu s-saħħa tal-konsumaturi u sabiex jiġu żgurati prattiki leali fil-kummerċ tal-prodotti tal-ikel. Ara s-sit internet http://www.codexalimentarius.org/codex‑home/fr/.

( 13 )   Id-Direttiva 80/777 ġiet adottata, preċiżament, sabiex jiġu eliminati l-ostakoli għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawk ix-xarbiet u sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament tas-suq komuni. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑463/01, EU:C:2004:290, punt 56).

( 14 )   Għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 404, p. 9, u r-rettifika ĠU 2007, L 12, p. 3), dan ir-regolament japplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 80/777. Ir-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ atti tikkostitwixxi waħda mid-domandi ġuridiċi li saru fil-kuntest tal-kawża Neptune Distribution (C‑157/14), li tinsab pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

( 15 )   Id-Direttiva tal-Kunsill 80/778/KEE tal-15 ta’ Lulju 1980, dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 229, p. 11) [traduzzjoni mhux uffiċjali], li tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE, tat-3 ta’ Novembru 1998, dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 90), kif emendata.

( 16 )   Id-Direttiva tal-Kummissjoni Nru 2003/40/KE, tas-16 ta’ Mejju 2003, li tistabbilixxi l-lista, il-limiti ta’ konċentrazzjoni u l-ħtiġiet ta’ tikkettjar għall-kostitwenti tal-ilmijiet minerali naturali u l-kondizzjonijiet għall-użu ta’ arja arrikkita b’ożonu għat-trattament ta’ ilmijiet minerali naturali u ilmijiet min-nixxiegħat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31, p. 193).

( 17 )   Id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Novembru 2001, dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69).

( 18 )   Id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Marzu 2000, dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 75). Ara l-premessa 8 tad-Direttiva 2009/54.

( 19 )   Fuq il-kumplessità tas-suġġett innifsu tad-DKE, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2014:2324).

( 20 )   Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-32/05, EU:C:2006:749, punt 41).

( 21 )   Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-525/12, EU:C:2014:2202, punt 51).

( 22 )   ĠU 1970, C 69, p. 14.

( 23 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il‑Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 )   Fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/54, li, flimkien mal-Anness I, parti III tal-imsemmija Direttiva, jindika l-kontenut totali f’mikro-organiżmi ta’ ilma minerali naturali.

( 25 )   Bil-lingwa Ingliża: “originating in an underground water table or deposit and emerging from a spring tapped at one or more natural or bore exits”; bil-lingwa Taljana: “un’acqua microbiologicamente pura, la quale abbia per origine una falda o un giacimento sotterranei e provenga da una sorgente con una o più emergenze naturali o perforate”; u bil-lingwa Finlandiża: “vettä, jonka alkuperä on maanalainen vesikerrostuma tai ‑varasto ja joka tulee esille lähteestä, josta sitä otetaan yhden tai useamman luontaisen tai poratun ulostulopaikan kautta”.

( 26 )   Bil-lingwa Ġermaniża: “das seinen Ursprung in einem unterirdischen Quellvorkommen hat und aus einer oder mehreren natürlichen oder künstlich erschlossenen Quellen gewonnen wird”; bil-lingwa Pollakka: “pochodzącą ze złoża podziemnego lub poziomu wodonośnego i wydobywaną z tych źródeł jednym lub kilkoma ujęciami naturalnymi lub wierconymi”; u bil-lingwa Slovena: “ki ima svoj izvor v podzemnem vodnem viru in izteka ali se črpa na izviru iz enega ali več naravnih iztokov ali vrtin”.

( 27 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Eleftheri tileorasi u Giannikos (C‑52/10, EU:C:2011:374, punti 23 u 24).

( 28 )   Ara l-premessa 8 tad-Direttiva 2009/54 u l-konnessjoni li ssir hemmhekk b’rabta mad-Direttiva 2000/13.

( 29 )   Dan l-approċċ protettiv fir-rigward tal-konsumaturi u tal-lealtà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali jirriżulta wkoll mill-premessa 9 tad-Direttiva 2009/54, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(2) tagħha, dwar il-garanziji relatati mal-informazzjoni maħsuba għall-konsumaturi b’rabta mal-kompożizzjoni tal-ilma minerali.

( 30 )   L-AFSSA hija stabbiliment pubbliku Franċiż, maħluqa fl-1999, wara l-kriżi tal-enċefalopatija sponġiformi bovina, li l-missjoni prinċipali tagħha kienet li tevalwa r-riskji għas-saħħa u għan-nutrizzjoni ppreżentati mill-prodotti kollha tal-ikel, inkluż l-ilma. Sa minn Lulju 2010, din saret l-Agence nationale chargée de la sécurité sanitaire de l’alimentation, de l’environnement et du travail (ANSES). Ara, lignes directrices pour l’évaluation des eaux minérales naturelles au regard de la sécurité sanitaire (AFSSA), ta’ Mejju 2008, disponibbli fl-indirizz elettroniku https://www.anses.fr/sites/default/files/documents/EAUX‑Ra‑EauxMinerales.pdf.

( 31 )   Il-kunċett ta’ “ilmijiet meteoriċi” jikkostitwixxi frażi idroloġika biex jiddefinixxi l-ilma preżenti għal żmien twil taħt l-art (fuq livell ġeoloġiku) u li jiġi mix-xita. L-ilmijet meteoriċi huma essenzjalment ikkostitwiti minn ilmijiet ta’ taħt l-art, u l-forom l-oħrajn ta’ oriġini tal-ilmijiet ma għandhomx rwol importanti fiċ-ċiklu idroloġiku. Għal iktar dettall ara s-sit internet http://www.aquaportail.com/definition‑12538‑eau‑meteorique.htmlixzz3QIVmcJAt.

( 32 )   L-ilmijiet meteoriċi jiffiltraw fil-fond favur il-permeabbiltà “fiċ-ċokon” ta’ ċertu blat poruż (ramel jew ġebla ramlija) u l-permeabbiltà “fil-kobor” ta’ blat iebes li, għalkemm ma jkunx permeabbli, jixxaqqaq jew jinqasam. Ara r-rapport tal-AFSSA, op. cit.

( 33 )   Frażi li tirreferi għal saff impermeabbli, li jagħlaq ix-xquq jew il-qsim.

( 34 )   Fis-sens xjentifiku tal-frażi.

( 35 )   Depożitu ta’ taħt l-art bħala kunċett statiku, skont id-definizzjoni tad-dizzjunarju: akkumulazzjoni ta’ materjal minerali, solidu jew likwidu. Ir-rapport tal-AFFSA jirrakkomanda li din il-frażi ma tintużax fil-qasam tal-ilmijiet ta’ taħt l-art sabiex tiġi ssostitwita bil-kliem “sistema ta’ akwifikatur”. Ara r-rapport tal-AFSSA, op. cit., p. 66.

( 36 )   Is-sistema ta’ akwifikatur fis-sens xjentifiku tal-frażi tikkorrispondi, skont ir-rapport tal-AFSSA, kemm għal struttura ġeoloġika partikolari notevolment bħala ċirkwit taħt l-art, kif ukoll għal proċess dinamiku inkwantu jkopri l-fluss tal-ilma flimkien mas-sistema, il-kundizzjonijiet, il-limiti u l-kundizzjonijiet inizjali u finali tiegħu.

( 37 )   Rapport tal-AFSSA, op. cit., p. 15, punt I.

( 38 )   C‑17/96, EU:C:1997:244, punti 16 u 17.

( 39 )   Ara l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2009/54, fejn il-kunċetti ta’ “nixxiegħa” u tal-“post tal-isfruttament” jintużaw b’mod alternattiv. Fir-rigward tal-isfruttament tan-nixxiegħat, ara l-Artikolu 3 tal-istess direttiva; fir-rigward tal-protezzjoni tan-nixxiegħa, ara l-Artikolu 5 ta’ dik id-Direttiva; ara, ukoll, l-Anness II(2)(d) tad-Direttiva 2009/54.

( 40 )   Fuq it-tliet tipi ta’ ilmijiet ibbottiljati, jiġifieri l-ilmijiet li jsiru tajbin għax-xorb permezz ta’ trattament, l-ilmijiet minerali naturali u l-ilmijiet min-nixxiegħat, ara l-analiżi li tinsab fis-sit internet https://www.anses.fr/fr/content/eaux‑conditionn%C3%A9es.

( 41 )   Ara l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/54.

Top