EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0168

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fit-3 ta’ Ġunju 2015.
Grupo Itevelesa SL et vs Oca Inspección Técnica de Vehículos SA u Generalidad de Cataluña.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 49 TFUE u 51 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Direttiva 2006/123/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2009/40/KE – Aċċess għall-attivitajiet ta’ testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq – Eżerċizzju minn korp privat – Attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika – Skema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel – Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali – Sigurtà fit-toroq – Tqassim territorjali – Distanza minima bejn iċ-ċentri fejn isiru t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq – Sehem tas-suq massimu – Ġustifikazzjoni – Natura adegwata sabiex jintlaħaq l-għan segwit – Koerenza – Proporzjonalità.
Kawża C-168/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:351

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fit-3 ta’ Ġunju 2015 ( 1 )

Kawża C‑168/14

Grupo Itevelesa SL

Applus Iteuve Technology

Certio ITV SL

Asistencia Técnica Industrial SAE

vs

OCA Inspección Técnica de Vehículos SA,

Generalidad de Cataluña

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja)]

“Direttiva 2006/123/KE — Servizzi fis-suq intern — Direttiva 2009/40/KE — Testijiet tal-kundizzjoni ta’ vetturi għat-triq — Regoli applikabbli għal servizzi fil-qasam tat-trasport — Libertà ta’ stabbiliment — Attività mwettqa taħt liċenzja minn entitajiet privati — Eżerċizzju ta’ awtorità pubblika — Rekwiżiti dwar pożizzjoni ġeografika u sehem tas-suq”

1. 

Suq intern li jiffunzjona sewwa jippresupponi possibbiltajiet adegwati ta’ trasport li, min-naħa tagħhom, jeħtieġu li s-sigurtà fit-triq tkun prijorità ewlenija. Tabilħaqq, il-politika tal-Unjoni Ewropea tiffissa mira li ma jkun hemm ebda fatalità sal-2050 ( 2 ).

2. 

L-ittestjar perijodiku tal-kundizzjoni ta’ vetturi bil-mutur għat-triq (iktar ’il quddiem l-“ittestjar tal-kundizzjoni ta’ vetturi għat-triq” jew il-“VRT”) għandu l-għan li jtejjeb is-sigurtà tat-trasport bit-triq. Fil-każ inkunsiderazzjoni, li huwa dwar, inter alia, il-kompatibbiltà ta’ ċerti regoli Katalani dwar il-VRT mad-dritt tal-Unjoni, il-VRT isir minn operaturi privati minflok minn awtoritajiet pubbliċi. F’dan ir-rigward, it-Tribunal Supremo (Qorti Suprema, Spanja) qed jitlob gwida dwar firxa ta’ kwistjonijiet, jiġifieri (i) kemm l-hekk imsejħa Direttiva dwar is-Servizzi ( 3 ) hija applikabbli, (ii) il-kunċett ta’ “eżerċizzju tal-awtorità pubblika”, u (iii) il-kompatibbiltà tal-iskema Katalana ta’ liċenzjar tal-VRT mar-regoli tal-Unjoni dwar il-libertà ta’ moviment.

3. 

Fil-qosor, il-fehma tiegħi hija li l-Istati Membri jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiddeterminaw jekk operaturi privati għandhomx jitħallew jagħmlu l-VRT u kif għandha tiġi rregolata din l-attività, bil-kundizzjoni li huma jħarsu d-dritt tal-Unjoni. Fil-każ inkunsiderazzjoni, għar-raġunijiet mogħtija iktar ’il quddiem, nibża li l-liġijiet tal-Unjoni ma kinux osservati għalkollox.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva dwar is-Servizzi

4.

Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva dwar is-Servizzi (intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”), id-Direttiva tapplika għal servizzi pprovduti minn fornituri stabbiliti fi Stat Membru, bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(2). Id-Direttiva ma tapplikax, skont l-Artikolu 2(2)(d), la għal “servizzi fil-qasam tat-trasport […] li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-[Titolu VI TFUE]”, u lanqas, skont l-Artikolu 2(2)(i), għal “attivitajiet li huma konnessi ma’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità uffiċjali [pubblika] kif stipulat fl-Artikolu [51 TFUE]”.

5.

L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva dwar is-Servizzi (intitolat “Relazzjoni ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-liġi Komunitarja”) jgħid li l-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva skont ir-regoli dwar id-dritt ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi.

2. Id-Direttiva 2009/40 ( 4 )

6.

Id-Direttiva 2009/40 kienet adottata skont l-Artikolu 71 KE (attwalment l-Artikolu 91 TFUE) u ħassret id-Direttiva 96/96 ( 5 ).

7.

L-Artikoli 1(1) u 2 tad-Direttiva 2009/40 (bl-intestatura “Dispożizzjonijiet ġenerali”) jipprovdu, rispettivament, li vetturi bil-mutur irreġistrati fi Stat Membru għandhom jiġu suġġetti għal testijiet perijodiċi tal-kundizzjoni għat-triq tagħhom konformement mad-Direttiva. Testijiet bħal dawn għandhom jitwettqu mill-Istat Membru jew minn korp pubbliku inkarigat mill-Istat jew minn korpi jew stabbilimenti indikati u b’superviżjoni diretta mill-Istat, inklużi korpi privati debitament awtorizzati.

B – Il-liġi Spanjola

8.

Fil-Katalunja, l-Artikoli 34 sa 38 tal-Liġi Nru 12/2008 ( 6 ) jirregolaw il-VRT perijodiku. Skont l-Artikolu 35 ta’ din il-liġi, l-obbligi ta’ operaturi ta’ siti tal-VRT huma, fost oħrajn, li jwettqu testijiet tal-kundizzjoni għat-triq ta’ vetturi u li ma jħallux isir użu ta’ vetturi li, la darba jkunu ġew ittestjati, jinstabu li jkollhom difetti ta’ sigurtà li jġibu magħhom perikolu imminenti. Filwaqt li l-Artikolu 36 ta’ din il-liġi jimponi ċerti rekwiżiti fuq dawn l-operaturi, l-Artikolu 37 huwa dwar il-liċenzjar tagħhom. Dawn ir-rekwiżiti jitlaħħmu iktar bid-Digrieti Nru 30/2010 ( 7 ) u Nru 45/2010 ( 8 ) (iktar ’il quddiem “id-digrieti kkontestati”).

9.

B’mod partikolari, l-Artikolu 73 tad-Digriet Nru 30/2010 jgħid li s-siti tal-VRT għandhom ikunu konformi mal-pjan lokali. Barra minn dan, l-Artikolu 74 ta’ dan id-digriet jipprekludi kull impriża lliċenzjata (jew grupp ta’ impriżi ( 9 )) milli jkollhom sehem tas-suq ta’ iktar minn 50 % ( 10 ). Flimkien ma’ dan, l-Artikolu 75 jistabbilixxi distanzi minimi permessi bejn siti tal-VRT illiċenzjati lill-istess impriża jew grupp ta’ impriżi ( 11 ).

II – Il-fatti, il-proċeduri u domandi preliminari magħmula

10.

Fil-5 ta’ Mejju 2010, OCA Inspección Técnica de Vehículos SA (iktar ’il quddiem “OCA”), operatriċi ta’ sit tal-VRT, ippreżentat proċeduri quddiem ir-Reġistratur tat-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (Qorti Għolja tal-Katalunja), li fil-kuntest tagħhom talbet li jsir stħarriġ ġudizzjarju tad-digrieti kkontestati. It-talba ewlenija ta’ OCA kienet u hija li l-kundizzjonijiet marbuta mal-iskema ta’ liċenzjar tal-VRT jiksru d-Direttiva dwar is-Servizzi u l-Artikolu 49 TFUE.

11.

Erba’ operaturi oħra ta’ siti tal-VRT, jiġifieri Grupo Itevelesa SL (iktar ’il quddiem “Itevelesa”), Applus Iteuve Technology (iktar ’il quddiem “Applus”), Certio ITV SL (iktar ’il quddiem “Certio”), Asistencia Técnica Industrial SAE (iktar ’il quddiem “ATI”), kif ukoll il-Generalidad de Cataluña (iktar ’il quddiem “il-Generalidad”), ippreżentaw sottomissjonijiet insostenn tal-legalità tad-digrieti kkontestati.

12.

Permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ April 2012, it-Tribunal Superior de Justicia laqa’ t-talba ta’ OCA, billi qal li l-iskema ta’ liċenzjar kienet inkompatibbli mal-leġiżlazzjoni Spanjola li timplementa d-Direttiva dwar is-Servizzi. Għaldaqstant huwa annulla għadd ta’ dispożizzjonijiet tad-Digriet Nru 30/2010, kif ukoll id-Digriet Nru 45/2010 fl-intier tiegħu.

13.

Il-Generalidad ma ressqitx appell minn dik is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Madankollu, l-erba’ operaturi l-oħra ta’ siti tal-VRT appellaw. Fil-15 ta’ Jannar 2014, il-Generalidad talbet lill-qorti tar-rinviju tagħtiha l-istatus ta’ konvenut fil-proċeduri tal-appell. It-Tribunal Supremo aċċetta din it-talba fl-20 ta’ Jannar 2014.

14.

It-Tribunal Supremo ma huwiex ċert, l-ewwel nett, dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “servizzi fil-qasam tat-trasport”. It-tieni nett, dik il-qorti qed titlob gwida dwar jekk l-operaturi ta’ siti tal-VRT jeżerċitawx attivitajiet li għandhom ikunu kkaratterizzati bħala ta’ “awtorità pubblika”. Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-possibbiltà, bħala tali, li wieħed jirrikorri għal skema ta’ liċenzjar għall-VRT, kif ukoll dwar ċerti rekwiżiti skont din l-iskema relatati, b’mod partikolari, ma’ distanzi minimi u ma’ pussess ta’ sehem tas-suq (iktar ’il quddiem “ir-rekwiżiti kkontestati”). Fuq din il-bażi, filwaqt li tesprimi dubji dwar il-kompatibbiltà tad-digrieti kkontestati mad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi li ġejjin għal deċiżjoni preliminari:

“(1)

L-Artikolu 2(2)([d]) [tad-Direttiva dwar is-Servizz] jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq meta dawn jitwettqu, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali, minn entitajiet kummerċjali privati taħt is-superviżjoni tal-amministrazzjoni ta’ Stat Membru?

(2)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domanda preċedenti (jiġifieri jekk it-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq jaqgħu, bħala prinċipju, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni [tad-Direttiva dwar is-Servizzi]), il-motiv ta’ esklużjoni previst fl-Artikolu 2(2)(i) ta’ din id-direttiva jista’ japplika minħabba l-fatt li l-entitajiet privati li jipprovdu s-servizz għandhom is-setgħa, bħala miżura kawtelatorja, li jimmobilizzaw il-vetturi li għandhom difetti ta’ sigurtà tali li ċ-ċirkulazzjoni tagħhom twassal għal periklu imminenti?

(3)

Jekk [id-Direttiva dwar is-Servizzi] tapplika għat-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq, l-interpretazzjoni tagħha flimkien ma’ dik tal-Artikolu 2 [tad-Direttiva 2009/40] (jew mad-dispożizzjoni analoga tad-Direttiva 96/96/KE li ppreċedietha) tippermetti, f’kull każ, li dawn it-testijiet jiġu suġġetti għal awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel? Il-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 26 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ottubru 2009 [Il-Kummissjoni vs Il-Portugall,C‑438/08, EU:C:2009:651] għandhom effett fuq ir-risposta?

(4)

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta n-numru ta’ awtorizzazzjonijiet sabiex jiġu stabbiliti ċentri fejn isiru t-testijiet li jiċċertifikaw li l-vetturi huma tajba għat-triq għall-kontenut ta’ pjan territorjali li jindika, bħala motivi li jiġġustifikaw ir-restrizzjoni kwantitattiva, il-garanzija tal-kopertura territorjali adatta, il-garanzija tal-kwalità tas-servizz u l-promozzjoni tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi, u għal dan il-għan tinkludi elementi ta’ ppjanar ekonomiku, hija konformi mal-Artikoli 10 u 14 [tad-Direttiva dwar is-Servizz] u, skont il-każ, jekk din id-direttiva ma hijiex applikabbli, mal-Artikolu 43 KE (attwalment l-Artikolu 49 TFUE)?”

15.

Skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura, b’ittra tat-28 ta’ Jannar 2015, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-qorti tar-rinviju tikkjarifika ċerti kwistjonijiet b’rabta mal-kuntest ġuridiku nazzjonali applikabbli qabel l-24 ta’ ttFrar 2015. B’ittra bid-data tat-23 ta’ Frar 2015, it-Tribunal Supremo pprovda lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-informazzjoni mitluba.

16.

Sottomissjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn OCA, Itevelesa, Applus, Certio, ATI, mill-Generalidad, mill-Gvern Spanjol u mill-Gvern Svediż, kif ukoll mill-Kummissjoni. Waqt is-seduta li saret fid-19 ta’ Marzu 2015 ġew ippreżentati sottomissjonijiet orali minn OCA, Itevelesa, Applus, Certio, ATI, mill-Generalidad, mill-Gvern Spanjol, mill-Gvern Irlandiż u mill-Gvern Svediż, kif ukoll mill-Kummissjoni.

III – Analiżi

A – Domanda 1: L-applikabbiltà tad-Direttiva dwar is-Servizzi

17.

Id-domanda 1 hija deskritta bħala d-“domanda ewlenija” mit-Tribunal Supremo. Essenzjalment it-Tribunal Supremo jistaqsi jekk il-VRT huwiex “servizz fil-qasam tat-trasport”. Sabiex infakkar, l-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva dwar is-Servizzi jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha dawk is-servizzi li jaqgħu, minflok, fil-kamp ta’ applikazzjoni (attwalment) tat-Titolu VI TFUE. Dan jikkopja r-regola li tinsab fl-Artikolu 58(1) TFUE ( 12 ).

18.

Kif ser naraw, din il-kwistjoni fil-fatt ma hijiex essenzjali għall-eżitu fil-kawża prinċipali. Madankollu, fid-dawl tas-sinjifikat potenzjali tagħha għal kawżi fil-ġejjieni, ser nittrattaha b’mod sħiħ.

19.

Mill-bidu nett, wieħed għandu jiftakar li, skont it-Trattati, minħabba n-natura speċifika tat-trasport, l-applikazzjoni tal-prinċipji li jirregolaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandha titwettaq bl-introduzzjoni ta’ politika komuni tat-trasport ( 13 ). Madankollu, l-għan tar-regoli marbuta mal-politika komuni tat-trasport ma huwiex li jitbiegħed mir-regoli fundamentali dwar il-moviment liberu iżda li, permezz ta’ azzjoni komuni, jiġu implementati u kkomplementati dawk ir-regoli dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ( 14 ).

20.

It-Titolu VI TFUE ma jagħtix definizzjoni ta’ x’jikkostitwixxi servizz fil-qasam tat-trasport. Fl-assenza ta’ definizzjoni ġenerali fil-leġiżlazzjoni primarja, fil-leġiżlazzjoni sekondarja adottata skont it-Titolu VI TFUE jistgħu jinstabu definizzjonijiet speċifiċi ta’ servizzi li jaqgħu fl-ambitu ta’ dawn il-partijiet tal-leġiżlazzjoni.

21.

Waqt li mmur lura għall-kwistjoni inkunsiderazzjoni, għalkemm id-Direttiva 96/96 tarmonizza r-regoli għal testijiet dwar jekk vetturi u karrijiet tagħhom humiex tajbin għat-triq, hija “[…] m’għandha l-ebda dispożizzjoni dwar ir-regoli dwar l-aċċess għall-attivitajiet ta’ testijiet ta’ vetturi” ( 15 ). Dan huwa minnu wkoll għad-Direttiva 2009/40. Fi kliem ieħor, il-jedd li wieħed jistabbilixxi ruħu bħala operatur ta’ sit tal-VRT — b’differenza mir-regoli materjali applikabbli għall-ittestjar stess — ma huwiex armonizzat mid-Direttiva 2009/40. A fortiori, lanqas ma hija armonizzata l-provvista ta’ servizzi offruti fil-kuntest ta’ din l-attività. Għaldaqstant, jekk il-VRT jiġi kkaratterizzat bħala “servizz fil-qasam tat-trasport” skont l-Artikolu 58(1) TFUE, il-konklużjoni li għandu jkun hemm hija li d-dritt tal-Unjoni ma jiżgurax, għalissa, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tal-VRT ( 16 ).

22.

Konsegwentement, il-kunċett ta’ x’jikkostitwixxi “servizz fil-qasam tat-trasport” għandu jiġi interpretat b’attenzjoni. Dan huwa partikolarment il-każ fir-rigward ta’ servizzi li jkunu biss inċidentali, anċillari jew anki tanġenzjalment konnessi mat-trasport. Madankollu, dan ifisser li wieħed għandu jadotta viżjoni verament dejqa ta’ dan il-kunċett? Din hija domanda importanti. Itini x’naħseb li, fid-dawl tal-fatt li r-regoli dwar politika komuni tat-trasport jimplementaw u jikkomplementaw dawk dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara l-punt 19 iktar ’il fuq), ikun problematiku jekk wieħed jasal tant li jinterpreta t-Titolu VI TFUE — anki meta jitqies l-Artikolu 58(1) TFUE — bħala “eċċezzjoni” għar-regoli dwar il-libertà ta’ moviment li għandha, għaldaqstant, tiġi interpretata b’mod ristrettiv ( 17 ).

23.

Il-maġġoranza tal-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet issostni li l-VRT jippromwovi s-sigurtà fit-trasport, qasam ta’ politika msemmi espliċitament fl-Artikolu 91(1)(c) TFUE. Dawn il-partijiet jagħmlu riferiment għall-fatt li d-Direttivi 96/96, 2009/40 u 2014/45 ( 18 ) kienu adottati skont l-Artikolu 71 KE (jew is-suċċessur tiegħu). Għaldaqstant, jista’ jiġi argumentat li l-prattika tal-leġiżlatur tal-Unjoni tindika li l-VRT huwa servizz fil-qasam tat-trasport.

24.

Għalkemm inqis li dawn l-argumenti jistgħu jkunu rilevanti, bir-rispett kollu ninnota, l-ewwel nett, li linja ta’ argumenti bbażata fuq il-bażi legali ta’ direttiva ma tistax tkun deċiżiva fejn din id-direttiva tarmonizza biss il-kontenut tas-servizz inkwistjoni iżda mhux id-provvista attwali tiegħu (aċċess). It-tieni nett, ir-raġunijiet għall-adozzjoni ta’ miżuri leġiżlattivi taħt it-Titolu VI TFUE ma humiex dejjem ċari u koerenti. Biex nagħti eżempju, filwaqt li r-regoli dwar il-ħin ta’ sewqan u perijodi ta’ mistrieħ ġew adottati bis-saħħa tal-Artikolu 71 KE ( 19 ), dan ma kienx il-każ fir-rigward tar-regoli dwar it-trasport ta’ annimali ( 20 ). Bla dubju t-tnejn għandhom x’jaqsmu ma’ trasport. F’dan ir-rigward jidhirli li l-bażi legali ta’ att leġiżlattiv tal-Unjoni ma tistax tkun l-uniku fattur determinanti fir-rigward ta’ x’jikkostitwixxi servizz ta’ trasport ( 21 ).

25.

Wieħed jista’ jargumenta li l-VRT ma jikkostitwixxix effettivament servizz ta’ trasport, imma servizz anċillari jew sekondarju għalih. In-natura anċillari għal trasport effettiv tagħmel l-istatus ta’ servizzi bħal dawn mhux ċar. Sabiex nagħti eżempju, fis-sentenza Bowden et ( 22 ), il-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet, fir-rigward ta’ direttiva li tirregola l-ħin tax-xogħol u li ma kinitx tapplika għas-settur tat-trasport bit-triq, li l-persunal tal-uffiċċju li jaħdem ma’ servizz ta’ kunsinna ta’ pakketti kien jaqa’ f’dan is-settur. Madankollu, minħabba n-natura speċifika ta’ dik il-kawża, li kienet dwar tilwima relatata mad-dritt tal-impjieg, ma naħsibx li wieħed jista’ jistrieħ ħafna fuq dik is-sentenza.

26.

Issa, l-Artikolu 58(1) TFUE jirreferi għal “servizzi fil-qasam tat-trasport”, li għalija tidher li għandha kamp ta’ applikazzjoni usa’ milli “servizzi ta’ trasport”. Din l-espressjoni tista’ tinkludi — għall-inqas f’ċerti limiti — servizzi li jkunu anċillari jew sekondarji għat-trasport.

27.

Ċerti premessi fil-preambolu tad-Direttiva dwar is-Servizzi jitfgħu iktar dawl fuq din il-kwistjoni. Minn naħa, il-premessa 21 — li tagħmel riferiment għall-kunċett xi ftit iktar dejjaq ta’ “servizzi ta’ trasport” — tispjega li dawn jinkludu “trasport urban, taxis u ambulanzi kif ukoll servizzi fil-portijiet” u “għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni [tad-Direttiva dwar is-Servizzi]”. Min-naħa l-oħra, il-premessa 33 issemmi espliċitament li s-“servizzi koperti b’din id-Direttiva [jkopru] varjetà wiesgħa ta’ attivitajiet li dejjem jinbidlu, inklużi servizzi ta’ negozju bħal […] kiri ta’ karozzi; aġenziji tal-ivvjaġġar” ( 23 ).

28.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, u minħabba li ma hemmx definizzjoni ċara fit-testi legali, nemmen li “servizz fil-qasam tat-trasport” għandu jikkonsisti fi jew għandu jkun intrinsikament marbut ma’ att fiżiku tal-moviment tal-persuni jew tal-merkanzija minn post għal ieħor permezz ta’ vetturi, inġenji tal-ajru jew tal-ilma. Jekk is-servizz inkwistjoni ma jkunx jinvolvi prinċipalment trasport effettiv, allura s-sempliċi fatt li jista’ jkollu rabta b’xi mod jew ieħor ma’ trasport ma jkunx ifisser, fih innifsu, li dan is-servizz għandu jiġi kkaratterizzat bħala tali. Jekk isir hekk ikun hemm ir-riskju li l-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva dwar is-Servizzi jingħata kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ żżejjed u d-Direttiva titlef l-għan tagħha. B’riskju li jingħad l-ovvju, pereżempju, ħlief għal fejn ikunu jinsabu, servizzi ta’ konsum ġenerali li tipikament ikunu jinsabu fi stazzjon tal-ferrovija ċentrali b’attività kbira, bħal dawk ta’ tiswija ta’ żraben u ta’ ċwievet, ma għandhomx rabta mat-trasport.

29.

Madankollu, din il-loġika ma għandhiex tinftiehem ħażin bħala motiv favur viżjoni dejqa tal-kunċett ta’ “servizz fil-qasam tat-trasport”. Tabilħaqq, meta jitqies il-kliem tal-Artikolu 91(1) TFUE, ċerti fatturi jistgħu jorbtu servizz li ma jkunx jinvolvi trasport fih innifsu mal-qasam tat-trasport, għar-raġuni li jkun essenzjali għat-trasport. Is-sigurtà fit-trasport tidher li hija biss fattur bħal dan, bl-għan tagħha jkun li jitjieb it-trasport għal kulħadd.

30.

Dan iwassalni sabiex nikkonkludi, għar-raġunijiet li ġejjin, li l-VRT jikkostitwixxi servizz fil-qasam tat-trasport.

31.

Tabilħaqq, huwa minnu li l-VRT jista’ ma jinvolvix trasport effettiv iżda biss servizz anċillari jew indirett għal trasport effettiv. Madankollu, meta test tal-kundizzjoni għat-triq juri li vettura għandha nuqqasijiet perikolużi, jista’ jkun legalment impossibbli li din il-vettura tintuża għal finijiet ta’ trasport ( 24 ). Fi kliem ieħor, il-VRT jidher li huwa prerekwiżit meħtieġ għat-trasport. Barra dan, ikkunsidrat b’dan il-mod, il-VRT jikkontribwixxi sabiex titjieb is-sigurtà tat-trasport, għall-ġid ta’ dawk kollha li jużawh sabiex imorru minn post għal ieħor regolarment. Għaldaqstant, il-VRT huwa intrinsikament marbut mat-trasport. B’kuntrast, sabiex nuża l-eżempju tas-servizzi ta’ kiri ta’ karozzi li wieħed jista’ jargumenta huma wkoll anċillari għat-trasport, ftehim ta’ kiri fih innifsu ma huwiex prerekwiżit meħtieġ għat-trasport iżda sempliċement metodu legali (fost oħrajn) sabiex jinkiseb mezz ta’ trasport.

32.

Minħabba din il-pożizzjoni, ma huwiex rilevanti li l-VRT jista’ jixxebbah ukoll ma’ ċertifikazzjoni, sorveljanza teknika u/jew servizz ta’ ttestjar, li bħala prinċipju huma koperti mid-Direttiva dwar is-Servizzi ( 25 ). Tabilħaqq, ma hemm xejn li jipprekludi lil servizz partikolari milli jinvolvi ċertifikazzjoni, sorveljanza teknika u/jew ittestjar, minn naħa, u milli jkun “servizz fil-qasam tat-trasport” min-naħa l-oħra. F’tali xenarju ibridu, dan is-servizz ikun xorta waħda eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi, minħabba li l-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva dwar is-Servizzi [u l-Artikolu 58(1) TFUE] fil-fehma tiegħi jieħu preċedenza fuq l-Artikolu 2(1).

33.

Abbażi ta’ dan, jiena tal-opinjoni li l-provvista ta’ servizzi tal-VRT taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu VI TFUE. Konsegwentement, la l-libertà li jiġu pprovduti servizzi [Artikolu 58(1) TFUE] u lanqas id-Direttiva dwar is-Servizzi [Artikolu 2(2)(d) tagħha] ma japplikaw. Barra dan, minħabba li ma tarmonizzax il-provvista ta’ servizzi tal-VRT, id-Direttiva 2009/40 lanqas ma tista’ toħloq dubji dwar ir-regoli Katalani inkunsiderazzjoni.

34.

Madankollu, sabiex it-Tribunal Supremo jingħata risposta utli li biha jkun jista’ jiddetermina l-kawża quddiemu, jeħtieġ li mmorru lil hinn mill-kliem tad-domanda 1. Tabilħaqq, il-fatt li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma hijiex applikabbli taħt l-Artikolu 58(1) TFUE ma jeskludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment. Din id-dispożizzjoni tapplika direttament għat-trasport ( 26 ). Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-Artikolu 49 TFUE fil-kliem tad-domanda 4.

35.

Minħabba li l-operat ta’ siti tal-VRT jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “stabbiliment” ( 27 ), il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domanda 1 fis-sens li attivitajiet bħal dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE.

36.

Fl-aħħar nett, minħabba li Applus u ATI jqajmu punt ta’ ammissibbiltà, għandu jkun ċar li s-soluzzjoni li qiegħed nipproponi — jiġifieri li r-risposta għad-domandi preliminari magħmula tingħata abbażi tal-libertà ta’ stabbiliment u mhux abbażi tad-Direttiva dwar is-Servizzi — ma għandhiex impatt fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tirrispondi għal talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt primarju dwar il-moviment liberu tal-persuni fejn l-elementi kollha jkunu limitati, fir-rigward ta’ kull aspett rilevanti, għal Stat Membru wieħed ( 28 ). Madankollu, f’ċerti okkażjonijiet l-effetti transkonfinali ta’ parti kkontestata ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ma jkunux jistgħu jiġu esklużi ( 29 ). Dan ikun il-każ b’mod partikolari fil-każ ta’ leġiżlazzjoni li tistabbilixxi skema ta’ liċenzjar, li biha jiġi llimitat l-għadd ta’ operaturi ekonomiċi, u li torbot magħha ċerti rekwiżiti, pereżempju dwar distanza ġeografika. Każijiet bħal dawn tipikament kienu analizzati fuq il-mertu ( 30 ), fejn ir-raġuni l-iktar konvinċenti kienet li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni setgħet fil-fatt tipproduċi effetti transkonfinali — għall-inqas dan ma setax jiġi eskluż. Minħabba li l-iskema Katalana inkunsiderazzjoni tista’ tagħmel proprju hekk, għaldaqstant insib li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tittratta l-mertu tad-domandi preliminari ma hijiex affettwata.

B – Domanda 2: L-eżenzjoni ta “awtorità pubblika

37.

Id-domanda 2 tesplora l-mogħdija mbattma sewwa tal-eżenzjoni mir-regoli tal-moviment liberu ta’ attivitajiet li jikkwalifikaw bħala eżerċizzji ta’ awtorità pubblika. Il-kliem tad-domanda huwa bbażat fuq il-premessa li d-Direttiva dwar is-Servizzi tapplika għall-każ inkunsiderazzjoni. Madankollu, fid-dawl tar-risposta tiegħi għad-domanda 1 — u għal darba oħra sabiex nagħti risposta utli — nemmen li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tindirizza din id-domanda mill-perspettiva tal-Artikolu 51(1) TFUE, minħabba li din id-dispożizzjoni hija rilevanti wkoll għal-libertà ta’ stabbiliment.

38.

Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-fatt li operaturi ta’ siti tal-VRT jistgħu jordnaw li vettura, minħabba li ma tkunx għaddiet mit-test tal-kundizzjoni għat-triq titqies li hija perikolu imminenti, titneħħa mit-triq, ifissirx li dawn l-operaturi jeżerċitaw awtorità pubblika skont it-tifsira tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE.

39.

Din id-domanda għandha b’mod ċar titwieġeb fin-negattiv.

40.

Għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li, bħala deroga mil-libertà ta’ stabbiliment, l-Artikolu 51 TFUE għandu jiġi interpretat b’mod strett ( 31 ). It-tieni nett, din l-eċċezzjoni hija ristretta għal attivitajiet li fihom infushom huma konnessi direttament u speċifikament mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika ( 32 ). It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja baqgħet xettika dwar argumenti li awtorità pubblika ġenwina kienet ġiet iddelegata lil korpi ta’ ċertifikazzjoni privati bil-konsegwenza li l-Artikolu 51 TFUE kien japplika għalihom ( 33 ).

41.

Tabilħaqq, huwa stabbilit li deċiżjonijiet ta’ ċertifikazzjoni, li essenzjalment jirreġistraw biss ir-riżultati ta’ test tekniku, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 51 TFUE. Bl-istess mod, rwol awżiljarju u ta’ preparazzjoni mogħti lil korpi privati ma jistax jitqies li huwa konness direttament u speċifikament mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika skont it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni ( 34 ).

42.

Bħala eżempju, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ ksur imressqa kontra l-Portugall minħabba li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 96/96, l-ispezzjonijiet li twettqu f’ċentri privati tal-VRT kienu jsiru f’żewġ stadji. Fl-ewwel stadju, l-operatur kien jagħmel spezzjoni teknika tal-vettura. Fit-tieni stadju, l-operatur kien jiċċertifika l-vettura jew kien jirrifjuta li jagħmel hekk. Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx li l-ewwel stadju kien eżerċizzju tal-awtorità pubblika, hija ma eskludietx dan fir-rigward tat-tieni stadju, minħabba li l-operatur kien jislet il-konsegwenzi legali tal-konstatazzjonijiet tekniċi. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-operaturi tas-sit tal-VRT: (i) ma kellhomx l-indipendenza li jieħdu deċiżjonijiet; (ii) kienu joperaw taħt is-superviżjoni tal-Istat kif iddikjarat fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 96/96; u (iii) ma kellhomx is-setgħa jordnaw (li baqgħet għand l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi), l-Artikolu 45 KE ma kienx japplika għal din l-attività ( 35 ).

43.

Applus, ATI, Certio u Itevelesa lkoll jiddistingwu l-każ inkunsiderazzjoni mill-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, jew jargumentaw li r-regoli Katalani inkwistjoni huma kompatibbli ma’ dik is-sentenza.

44.

Kif nifhimha jiena, ma hemmx differenza legali rilevanti bejn din il-kawża u l-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall. Argument li operaturi ta’ siti tal-VRT ma għandhomx sempliċement rwol ta’ preparazzjoni jew li l-amministrazzjoni ma tagħmilx “attivament” superviżjoni tal-attivitajiet tagħhom ma huwiex konvinċenti. Tabilħaqq, l-Artikolu 2 kemm tad-Direttiva 96/96 kif ukoll tad-Direttiva 2009/40 [kif ukoll l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2014/45] espliċitament jgħid li meta l-Istati Membri jagħżlu li jilliberalizzaw l-attivitajiet tal-VRT, l-operaturi privati ta’ siti tal-VRT għandhom ikunu “direttament immexxija mill-Istat” ( 36 ). Id-Direttiva 2009/40 hija xi ftit meqjusa meta tiġi sabiex tiddeskrivi l-limiti ta’ dan il-kontroll ( 37 ). Madankollu, ċerti dispożizzjonijiet tagħha huma intrinsikament ibbażati fuq l-idea ta’ superviżjoni ( 38 ). Għalhekk, il-fatt li operaturi ta’ siti tal-VRT jistgħu jkunu meħtieġa jkopru lilhom infushon b’assigurazzjoni jew jadottaw skemi ta’ verifika interna ma jfissirx li huma jaġixxu indipendentement mis-superviżjoni tal-Istat skont it-tifsira ta’ dik is-sentenza.

45.

Din il-kwistjoni kienet f’kull każ iċċarata bl-informazzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja mit-Tribunal Supremo. Minn dik ir-risposta issa jirriżulta, l-ewwel nett, li sid ta’ vettura li kienet ordnata titneħħa mit-toroq jista’ fl-aħħar mill-aħħar iressaq ilment quddiem awditur tekniku — uffiċjal pubbliku responsabbli mis-superviżjoni tas-siti tal-VRT — li jista’ jħassar l-ordni. It-tieni nett, skont ir-regoli nazzjonali applikabbli, deċiżjoni sabiex karozza titneħħa mit-triq tista’ tittieħed biss “fis-sitwazzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni applikabbli, skont l-istruzzjonijiet u l-protokolli approvati” mill-awtorità kompetenti ( 39 ). Il-manwal applikabbli għall-ispezzjoni ta’ vetturi juża l-imperattiv, li ftit iħalli spazju għall-eżerċizzju ta’ diskrezzjoni mill-operaturi ta’ siti tal-VRT ( 40 ). It-tielet nett, it-Tribunal Supremo jagħmilha perfettament ċara li għalkemm siti tal-VRT jistgħu jordnaw li vettura titneħħa mit-toroq għal raġunijiet ta’ sigurtà, l-infurzar ta’ dik l-ordni jagħmlu l-Gvern Katalan jew il-pulizija, filwaqt li s-siti tal-VRT ma għandhomx il-jedd li jagħmlu tali infurzar.

46.

Fuq din il-bażi, u minħabba l-interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 51 TFUE, ma nsibx problema naqbel mal-Generalidad u mal-Kummissjoni li l-operazzjoni ta’ siti tal-VRT ma tinvolvix l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda 2 fis-sens li l-possibbiltà għal operaturi privati ta’ siti tal-VRT li jordnaw li vetturi misjuba li jkollhom difetti ta’ sigurtà tali li jippreżentaw perikolu imminenti jekk jinsaqu, għandhom jitneħħew mit-triq, ma hijiex eżerċizzju tal-awtorità pubblika skont it-tifsira tal-Artikolu 51 TFUE f’ċirkustanzi fejn il-liġi nazzjonali titlob li tiġi imposta ordni bħal din bħala konsegwenza tal-ispezzjoni teknika u, f’kull każ, meta l-applikazzjoni ta’ miżuri li jimponu t-tneħħija tal-karozza tkun irriżervata għall-aġenziji tal-infurzar tal-liġi.

C – Domandi 3 u 4: L-iskema ta ’ liċenzjar u l-kundizzjonijiet mehmuża magħha

47.

Bid-domanda 3 tiegħu t-Tribunal Supremo essenzjalment jistaqsi jekk huwiex kompatibbli mad-Direttiva dwar is-Servizzi, moqrija flimkien mal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/40, li l-Istati Membri jirrikorru għal sistema amministrattiva ta’ liċenzjar sabiex jirregolaw it-twettiq ta’ servizzi tal-VRT. Din id-domanda saret fid-dawl tal-fatt li, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall ( 41 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-aċċess għal attivitajiet ta’ testijiet ta’ vetturi ma huwiex armonizzat bid-Direttiva 96/96.

48.

Bid-domanda 4 tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi speċifikament jekk huwiex kompatibbli mal-Artikoli 10 u 14 tad-Direttiva dwar is-Servizzi jew, alternattivament, mal-Artikolu 49 TFUE, li leġiżlazzjoni nazzjonali timponi ċerti rekwiżiti dwar distanza minima u s-saħħa fis-suq sabiex tiġi żgurata kopertura lokali adegwata, tiżdied il-kwalità tas-servizz u tiġi inkuraġġita l-kompetizzjoni bejn operaturi. Dawn ir-rekwiżiti jirrestrinġu l-għadd ta’ liċenzji disponibbli u, kif ikkonfermat waqt is-seduta, jagħtu protezzjoni territorjali de facto lil detenturi ta’ liċenzji.

49.

Ser nagħti risposta waħda għal dawn iż-żewġ domandi, peress li għandhom rabta bejniethom. Għar-raġuni li diġà ngħatat iktar ’il fuq fil-punt 37, ser nindirizza ż-żewġ domandi mill-aspett tal-libertà ta’ stabbiliment.

1. L-iskema ta’ liċenzjar bħala tali

50.

Ma hemmx dubju li l-Istati Membri jistgħu jirrikorru għal skema amministrattiva ta’ liċenzjar meta jiġu sabiex jirregolaw attivitajiet tal-VRT.

51.

Kif ingħad, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-Direttiva 96/96 ma tirregolax l-aċċess għal din l-attività. Dan ma nbidilx bl-adozzjoni tad-Direttiva 2009/40. Minħabba li la l-aċċess għal attivitajiet tal-VRT u lanqas is-sigurtà fit-triq b’mod ġenerali ma ġew armonizzati, l-Istati Membri jistgħu jirregolawhom bil-mod li huma jqisu l-aħjar ( 42 ). Tabilħaqq, l-Artikolu 2 taż-żewġ Direttivi jikkonferma dan espliċitament billi jgħid li testijiet tal-kundizzjoni għat-triq jistgħu jitwettqu minn korpi jew stabbilimenti indikati u b’superviżjoni diretta mill-Istat, inklużi korpi privati debitament awtorizzati.

52.

Madankollu, meta tkun qed tagħmel hekk, skema amministrattiva nazzjonali ta’ liċenzjar għandha tħares id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 49 TFUE.

53.

L-Artikolu 49 TFUE jipprekludi restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment, jiġifieri kull miżura nazzjonali li tista’ xxekkel jew tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju minn ċittadini tal-Unjoni tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mit-Trattat. “Restrizzjoni” tkopri miżuri meħuda minn Stat Membru li, minkejja li jkunu applikabbli mingħajr distinzjoni, jaffettwaw l-aċċess għas-suq għall-impriżi ta’ Stati Membri oħra u b’hekk ixekklu l-kummerċ fl-Unjoni ( 43 ).

54.

Regola li tissuġġetta l-istabbiliment ta’ fornitur ta’ servizz ta’ Stat Membru ieħor għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel taqa’ f’din il-kategorija, peress li din tista’ tostakola l-eżerċizzju minn dan il-fornitur ta’ servizz tal-libertà ta’ stabbiliment billi ma tħallihx jeżerċita liberament l-attivitajiet tiegħu permezz ta’ post fiss tan-negozju ( 44 ).

55.

L-iskema ta’ liċenzjar Katalana inkunsiderazzjoni tinvolvi sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel li tirrestrinġi t-twaqqif ta’ aġenziji, fergħat jew sussidjarji — materja speċifikament imsemmija fl-Artikolu 49 TFUE. Skont it-Tribunal Supremo, dawn ir-regoli jillimitaw l-għadd ta’ operaturi tal-VRT. Għalhekk, l-iskema tista’ xxekkel jew tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju miċ-ċittadini tal-Unjoni tal-libertà tagħhom li jistabbilixxu lilhom infushom bħala operaturi tal-VRT u, għaldaqstant, tinvolvi restrizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 49 TFUE.

56.

Skont id-duttrina li tirriżulta mis-sentenza Gebhard, restrizzjonijiet għandhom jaqdu erba’ kundizzjonijiet sabiex ikunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni: għandhom jiġu applikati b’mod mhux diskriminatorju; għandhom ikunu ġġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku; għandhom ikunu adatti sabiex jiżguraw il-kisba tal-għan li jsegwu; u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li jkun meħtieġ sabiex jinkiseb dan l-għan ( 45 ).

57.

L-iskema ta’ liċenzjar Katalana ma hijiex diskriminatorja (għall-inqas mhux fil-beraħ), minħabba li ma timponix restrizzjoni għal-libertà ta’ operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stati Membri oħra li joħolqu aġenziji jew stabbilimenti oħra fil-Katalunja ( 46 ). Għalhekk, l-unika kwistjoni li tqum hija jekk hijiex iġġustifikata u proporzjonata.

58.

F’dan ir-rigward, it-Tribunal Supremo jagħmel riferiment għall-preambolu tad-Digriet Nru 45/2010 ( 47 ). Filwaqt li jibda bil-ħsieb li l-għan li tiżdied is-sigurtà fit-triq ma jistax jiġġustifika, waħdu, li jkunu stabbiliti r-rekwiżiti kkontestati, dik il-qorti tistaqsi jekk raġunijiet imperattivi oħra jistgħux ikunu ta’ ġustifikazzjoni biżżejjed ( 48 ), u jekk rekwiżiti bħal dawn humiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

59.

Ħlief għal OCA, il-Gvern Svediż u — sa fejn huma kkonċernati r-rekwiżiti kkontestati — il-Kummissjoni, il-partijiet li qed jidhru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jidhru li huma tal-fehma li s-sigurtà fit-triq waħidha tista’ tiġġustifika r-regoli Katalani inkunsiderazzjoni.

60.

Ma hemmx dubju li s-sigurtà fit-triq tikkostitwixxi, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku ( 49 ). Dan huwa minnu wkoll għall-għanijiet ta’ kwalità għolja ta’ servizz għal min jirċevih ( 50 ) u ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni li, fl-aħħar mill-aħħar, għandha bħala għan il-protezzjoni tal-konsumaturi ( 51 ). Fir-rigward tal-għan li tkun żgurata kopertura adegwata u distribuzzjoni territorjali ta’ prodott jew servizz partikolari, jidhirli li dan huwa mezz pjuttost milli għan fih innifsu, minħabba li huwa l-prodott jew is-servizz inkwistjoni li għandu juri karatteristiċi ta’ importanza vitali ( 52 ).

61.

Issa, peress li wieħed jista’ jassumi li l-VRT b’mod ġenerali jikkontribwixxi għas-sigurtà fit-triq ( 53 ), l-iskema Katalana ta’ liċenzjar għandha l-ewwel u qabel kollox titqies minn dan l-aspett.

62.

Wara li għidt dan, inżid li l-eżami tal-proporzjonalità tal-iskema ta’ liċenzjar ikkontestata b’rabta mal-għan segwit ma jistax isir in abstracto, iżda jiddependi mill-kundizzjonijiet partikolari marbuta mal-iskema ( 54 ). U, għalhekk, għalkemm l-aħħar kelma hija tal-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi gwida sabiex dik il-qorti tkun tista’ tagħti sentenza ( 55 ). Għalhekk ser neżamina iktar bir-reqqa r-rekwiżiti kkontestati.

2. Il-kompatibbiltà tar-rekwiżiti kkontestati mal-Artikolu 49 TFUE

63.

L-ewwel nett, ikolli ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha informazzjoni mill-inqas dwar is-sitwazzjoni qabel u wara r-riforma li seħħet fil-Katalunja bl-adozzjoni tal-Liġi Nru 12/2008 u bid-digrieti kkontestati. Tabilħaqq, dak li jirriżulta minn biċċiet ta’ informazzjoni mxerrda fid-digriet tar-rinviju ( 56 ) (u mis-seduta) huwa li l-iskema tal-VRT Katalana kienet qabel ibbażata fuq konċessjoni b’għadd ta’ persuni mogħtija konċessjoni, u li l-iskema attwali tinvolvi l-għoti ta’ liċenzji amministrattivi wara proċedura ta’ sejħa għal offerti. Madankollu d-digriet tar-rinviju ma jiddeskrivix il-materjal tas-sejħa għal offerti, il-kriterji tal-għoti u l-piż mogħtija, u lanqas ma jipprovdi data konkreta (pereżempju dwar l-għadd ta’ liċenzji). Mingħajr ma jistax jonqos milli jaffettwa l-kwalità tar-risposta mitluba mill-qorti tar-rinviju u jagħmel l-osservazzjonijiet ġenerali magħmula iktar ’il fuq b’rabta mad-domanda 3 anki iktar rilevanti ( 57 ). Barra dan, dan in-nuqqas ta’ ċarezza jħalli mingħajr spjegazzjoni għadd ta’ paradossi.

64.

L-ewwel paradoss huwa l-idea li s-sigurtà fit-triq tkun b’xi mod moqdija aħjar bl-impożizzjoni ta’ rekwiżiti ta’ liċenzjar, inkluża distanza minima bejn siti tal-VRT. Rekwiżiti bħal dawn pjuttost jillimitaw l-aċċess għal siti tal-VRT u, għalhekk, imorru kontra l-għan tas-sigurtà fit-triq. It-tieni paradoss huwa li, fid-dawl tal-osservazzjonijiet magħmula iktar ’il quddiem, l-ippjanar ċentrali huwa b’xi mod ippreferut minn kundizzjonijiet ta’ suq miftuħ meta tiġi sabiex tkun irregolata attività ekonomika bħall-VRT. It-tielet paradoss huwa li r-rekwiżiti suppost tfasslu sabiex jitħaffef l-aċċess tal-utenti għall-VRT u, b’hekk, sabiex tkun inkuraġġita u tiżdied il-konformità tas-sidien magħhom. Madankollu, li tiġi żgurata l-konformità — fi kliem ieħor, li jiġu infurzati r-regoli applikabbli — ma hijiex xi ħaġa li għandha titwettaq mis-sidien iżda pjuttost mill-awtoritajiet. Is-soluzzjoni ta’ din il-problema, li għaliha l-awtoritajiet huma esklużivament responsabbli, bir-restrizzjoni tal-aċċess għal attivitajiet tal-VRT tidher li tmur kontra s-sens komun.

65.

Issa, meta wieħed jeżamina iktar mill-qrib, l-ewwel nett, ir-rekwiżit tad-distanza, il-kwistjoni inkunsiderazzjoni tidher li hija pjuttost differenti mill-każijiet fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li rekwiżiti ta’ distanza minima huma kompatibbli mal-libertà ta’ stabbiliment. Kif imsemmi iktar ’il fuq fil-punt 60, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li vvalidat rekwiżiti ta’ distanza minima biss fejn dawn jiżguraw aċċess għal prodott jew servizz li juri karatteristiċi ta’ importanza vitali.

66.

Sabiex nuża s-sentenza Venturini ( 58 ) bħala eżempju, f’dik il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja ppermettiet regola li tipprovdi li spiżeriji stabbiliti tul “il-mappa nazzjonali” (li stabbilixxiet rekwiżit ta’ distanza minima bejniethom) biss kellhom id-dritt ibigħu prodotti mediċinali bir-riċetta, inklużi dawk li ma jiġux irrimborsati. Li kieku dan ma kienx il-każ, prevedibbilment spiżeriji ma kinux ikunu jridu jistabbilixxu lilhom infushom f’żoni mbiegħda fuq din il-mappa, minħabba kompetizzjoni intensa għal sehem tas-suq lukrattiv għal prodotti mediċinali b’riċetta li ma jiġux irrimborsati minn spiżeriji u paraspiżeriji mhux stabbiliti tul il-mappa. Min-naħa tiegħu, dan imbagħad seta’ joħloq vojt fl-aċċess għas-suq mhux ta’ tant profitt għal prodotti mediċinali b’riċetta li jiġu rrimborsati. Fi kliem ieħor, dik il-kawża kienet tinvolvi falliment tas-suq fir-rigward ta’ suq iktar vitali li seta’ — għall-inqas parzjalment — jiġi rrimedjat permezz ta’ regolamentazzjoni.

67.

B’kuntrast, fil-kwistjoni inkunsiderazzjoni, il-konsum tas-servizzi ġġenerati minn attivitajiet tal-VRT huwa, skont il-liġi, mandatorju (jekk tabilħaqq ikun maħsub li l-vettura tibqa’ tintuża) u rikorrenti ( 59 ). Dan ifisser li d-domanda tista’ tkun faċilment ikkalkolata minn operaturi ta’ siti tal-VRT mingħajr intervent tal-Istat. Tista’ wkoll tkun ta’ profitt f’żoni iżolati jew b’popolazzjoni żgħira — bil-kundizzjoni li ż-żona moqdija tkun kbira biżżejjed. Ma hemm, għalhekk, ebda indikazzjoni ta’ falliment tas-suq. Fil-fatt, ma ngħatat ebda informazzjoni konkreta lill-Qorti tal-Ġustizzja li tissuġġerixxi li, fin-nuqqas ta’ rekwiżit ta’ distanza bħal dan, ebda operatur ma kien jagħżel li jistabbilixxi lilu nnifsu f’żona bħal din. Dan isib sostenn mill-fatt li, kif intqal fis-seduta, l-awtoritajiet Katalani ma jistgħux iġiegħlu operaturi ta’ siti tal-VRT jistabbilixxu lilhom infushom f’żoni b’popolazzjoni żgħira.

68.

Min-naħa l-oħra, ma neskludix li rekwiżit ta’ distanza jista’, f’ċerti każijiet, iwessa’ ż-żona ta’ aċċess mill-utenti għal siti tal-VRT u jżid il-possibbiltà ta’ konformità. F’dan is-sens, rekwiżit bħal dan jista’, għall-inqas parzjalment, jaqdi l-għan li tiżdied is-sigurtà fit-triq. Madankollu, minħabba li operaturi ta’ siti tal-VRT ma jistgħux jintalbu jistabbilixxu lilhom infushom fiż-żoni inqas lukrattivi, niddubita kemm rekwiżit ta’ distanza jista’ jiggarantixxi effetti pożittivi sinjifikattivi. Hu x’inhu, ma ngħatat ebda informazzjoni affidabbli dwar din il-kwistjoni.

69.

Waqt is-seduta, il-Generalidad tat l-eżempju ta’ diviżjoni amministrattiva lokali (iktar ’il quddiem “comarca”) li qabel kellha sit wieħed biss tal-VRT għad-dispożizzjoni tagħha. Liċenzja oħra kienet imbagħad ingħatat lit-tieni operatur wara proċess ta’ sejħa għal offerti, li b’hekk wassal sabiex ikun hemm rata ta’ konformità aħjar mal-VRT għal dik il-comarca. Kien kemm kien ta’ min ifaħħru dan, għaliex jista’ jkun aħjar li suq b’ħafna difetti regolatorji jinbidel b’wieħed b’inqas difetti? Fid-dawl tal-karatteristiċi tal-VRT imsemmija iktar ’il fuq, ma nistax nifhem kif mingħajr ebda ppjanar bħal dan — jiġifieri li jkun hemm għażla għal suq b’aċċess li ma jkunx ristrett — ma kienx ser jinkiseb l-istess għan, iżda b’mod inqas diffiċli.

70.

Għalhekk, minkejja l-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri dwar jekk miżura tmurx lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ sabiex tkun żgurata s-sigurtà fit-triq ( 60 ), nistqarr li għandi dubji dwar jekk rekwiżit ta’ distanza minima bħal dak li qed jitqies hawnhekk huwiex fil-fatt adatt sabiex jinkiseb dan l-għan. F’dan ir-rigward, jiġini f’moħħi l-ħsieb li regoli nazzjonali dwar l-ippjanar ikunu adegwati sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq l-għan mixtieq biss jekk ġenwinament jirriflettu l-preokkupazzjoni li dan l-għan jintlaħaq b’mod konsistenti u sistematiku ( 61 ). Madankollu, minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni msemmi iktar ’il fuq fil-punt 63, ma naħsibx li l-Qorti tal-Ġustizzja tinsab f’pożizzjoni li tagħti deċiżjoni dwar din il-kwistjoni. Jidhirli li l-qorti tar-rinviju tinsab f’pożizzjoni aħjar sabiex tiddeċiedi dwar il-proporzjonalità ta’ dan ir-rekwiżit ta’ liċenzjar, filwaqt li tieħu debitament inkunsiderazzjoni l-mod li bih jintgħażlu fil-prattika l-operaturi ta’ siti tal-VRT.

71.

Madankollu, meta nqisu l-limitu ta’ 50 % tas-sehem tas-suq, dan ir-rekwiżit suppost għandu l-għan li jiskuraġġixxi l-konċentrazzjoni eċċessiva ta’ servizzi tal-VRT offruti, għax dan jista’ jikkawża tnaqqis fil-kwalità tas-servizzi tal-VRT, minħabba n-natura obbligatorja tagħhom — jew minn tal-inqas dan hu l-argument.

72.

OCA u l-Gvern Svediż isostnu li r-rekwiżit relatat ma’ pussess ta’ sehem tas-suq isegwi għan purament ekonomiku li ma jistax, skont ġurisprudenza stabbilita, jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku ( 62 ). Il-qorti tar-rinviju u OCA jirreferu hawnhekk għal rapport maħruġ mill-Autoridad catalane de la Competencia ( 63 ) (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni tal-Katalunja), li skontu jista’ jiġi argumentat li l-leġiżlazzjoni inkunsiderazzjoni timplika ostakoli li ma humiex iġġustifikati għal dħul ta’ operaturi ġodda fis-suq.

73.

Onestament ma nistax nifhem kif limitu ta’ sehem tas-suq jippromwovi s-sigurtà fit-triq. Il-konnessjoni bejn it-tnejn sempliċement ma teżistix. Il-kwistjoni vera minflok tidher li hija jekk il-limitu tas-sehem tas-suq ġenwinament għandux l-għan li jkun żgurat livell għoli ta’ kwalità ta’ servizz għall-klijenti u għall-konsumaturi — li jikkostitwixxi raġuni imperattiva (ara l-punt 60 iktar ’il fuq) — jew jekk huwiex pjuttost immotivat ekonomikament billi jipproteġi lin-negozjanti żgħar minn akkwiżizzjonijiet fuq skala kbira. Ġurisprudenza reċenti turi li l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda, korrettament, tkun attenta fir-rigward ta’ Stati Membri li jindaħlu fil-libertà ta’ stabbiliment billi jirregolaw fid-dettall struttura ta’ suq jew sitwazzjoni kompetittiva partikolari, inter alia bl-iskuża li jiżguraw kwalità għolja ta’ servizz għall-klijenti u għall-konsumaturi ( 64 ).

74.

Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, regoli li kienu japplikaw limiti massimi fir-rigward tas-sehem tas-suq u tal-effett fuq il-kummerċ eżistenti, limiti li meta jinqabżu kien impossibbli li jinfetħu stabbilimenti ta’ bejgħ bl-imnut kbar u/jew ta’ daqs medju, la kienu ġġustifikati sabiex tiġi żgurata protezzjoni ambjentali, la għal finijiet ta’ ppjanar u lanqas minħabba l-protezzjoni tal-konsumatur, imma kienu jsegwu kunsiderazzjonijiet purament ekonomiċi ( 65 ). Fis-sentenza Attanasio Grupp, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċensurat rekwiżit ta’ distanza li kien japplika għal stazzjonijiet ta’ servizzi ġodda li kien ifixkel l-aċċess ta’ operaturi ġodda għas-suq u ma kienx jagħti benefiċċji (konkreti) lill-konsumaturi ( 66 ). Fl-aħħar nett, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, il-Qorti tal-Ġustizzja ma aċċettatx, inter alia, rekwiżit ta’ kapital azzjonarju minimu ta’ EUR 100000 sabiex jiġi stabbilit negozju tal-VRT ( 67 ).

75.

Anki jekk wieħed jassumi li l-miżura inkwistjoni ma tiżgurax kwalità għolja ta’ servizz għall-klijenti u għall-konsumaturi, għandu jiġi nnotat li l-kontenut tal-proċedura tal-VRT — jiġifieri s-servizz bażiku li jixtru l-klijenti u l-konsumaturi — huwa armonizzat fil-livell tal-Unjoni ( 68 ). Bla ħsara għall-varjazzjonijiet permessi mid-Direttiva 2009/40 infisha, il-klijenti u l-konsumaturi huma intitolati jistennew l-istess livell għoli ta’ kwalità, irrispettivament mis-sit tal-VRT inkwistjoni ( 69 ). Il-miżura tista’, għalhekk, tixxebbah ma’ obbligu li jinkiseb riżultat speċifiku (“obligation de résultat”). Għalhekk, fil-każ li ċerti operaturi ta’ siti tal-VRT inaqqsu l-kwalità tas-servizzi tagħhom, dan għandu jiġi indirizzat ex post mill-Istat fil-kuntest tar-rwol ta’ superviżjoni tiegħu. Madankollu, rekwiżit ex ante ta’ sehem massimu tas-suq ta’ din ix-xorta jippresupponi, fil-fatt, li operaturi ’l fuq minn dan il-limitu ma jipprovdux servizz li jkun skont id-Direttiva. Dan ma jistax jiġi ssostanzjat.

76.

Fir-rigward tal-elementi li jmorru mas-servizz bażiku tal-VRT li jistgħu jkunu suġġetti għal modulazzjoni kwalitattiva, bħalma huma l-ħinijiet ta’ stennija, din hija kwistjoni li jixirqilha tingħata kunsiderazzjoni ( 70 ). Madankollu, l-Istati Membri ma għandhomx l-istess marġni ta’ diskrezzjoni msemmi iktar ’il fuq fil-punt 70 fir-rigward ta’ restrizzjonijiet li għandhom l-għan li tingħata kwalità għolja ta’ servizz lill-klijenti u lill-konsumaturi. Il-ġurisprudenza fil-fatt tissuġġerixxi li l-ġustifikazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn analiżi tal-opportunità u tal-proporzjonalità tal-miżura restrittiva, kif ukoll minn provi reali ( 71 ). Barra minn hekk, dewmien jew nuqqasijiet kwalitattivi kollaterali oħra għandhom jiġu ttrattati ex post permezz ta’ kundizzjonijiet ta’ liċenzjar speċifiċi għal żoni fejn il-provvista ma tkunx qiegħda tlaħħaq mad-domanda, minflok ma jiġi impost limitu pjuttost mingħajr raġuni tas-sehem tas-suq b’mod ġenerali ( 72 ).

77.

Għalhekk insib li l-limitu tas-sehem tas-suq jikser l-Artikolu 49 TFUE.

78.

Abbażi ta’ dan, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi 3 u 4 fis-sens li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, skont l-Artikolu 49 TFUE, jekk skema ta’ liċenzjar statutorja bħal dik deskritta fil-kawża prinċipali li tirregola aċċess għall-attività bħala operatur ta’ sit tal-VRT hijiex adatta sabiex jinkiseb l-għan ta’ sigurtà fit-triq u jekk tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ. Madankollu, din id-dispożizzjoni tipprekludi rekwiżit ta’ liċenzjar statutorju li jistabbilixxi limitu speċifiku fuq is-sehem tas-suq li jistgħu jżommu operaturi privati ta’ siti ta’ ttestjar tal-kundizzjoni ta’ vetturi għat-triq.

3. Osservazzjoni finali

79.

Fl-aħħar nett, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx miegħi fuq il-kwistjoni dwar jekk servizzi tal-VRT għandhomx ikunu kkaratterizzati bħala “servizzi fil-qasam tat-trasport” u, bl-istess mod, fuq il-kwistjoni tal-applikabbiltà tad-Direttiva dwar is-Servizzi ( 73 ), fil-fehma tiegħi, dan ma jaffettwax ir-riżultat ta’ dawn il-proċeduri b’mod sostanzjali.

80.

Ma huwiex meħtieġ li wieħed jidħol f’dibattitu dwar il-portata tal-armonizzazzjoni li tinvolvi d-Direttiva dwar is-Servizzi ( 74 ). Biżżejjed jingħad li, skont l-Artikolu 1(3) tagħha, rekwiżiti ta’ liċenzjar nazzjonali li jmorru lil hinn minn dak li huwa permess skont l-Artikolu 49 TFUE — kif issuġġerit iktar ’il fuq — ma jistgħux jaħarbu minn ċensura bl-iskuża li jkunu konformi ma’ din id-direttiva. Barra dan, għall-istess raġunijiet mogħtija iktar ’il fuq, l-eċċezzjoni ta’ awtorità pubblika stabbilita fl-Artikolu 2(2)(i) tad-Direttiva lanqas ma tkun tapplika.

81.

Għaldaqstant, fil-każ li jseħħ hekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi, fir-rigward tal-bqija, bl-istess mod kif indikat fil-punt 50 sa 78 iktar ’il fuq.

IV – Konklużjoni

82.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula fil-Kawża C‑168/14 mit-Tribunal Supremo kif ġej:

La d-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern, u lanqas l-Artikolu 56 TFUE ma japplikaw għall-provvista ta’ servizzi ta’ ttestjar tal-kundizzjoni ta’ vetturi għat-triq. Madankollu, attivitajiet ta’ ttestjar tal-kundizzjoni ta’ vetturi għat-triq jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE.

Il-possibbiltà għal operaturi privati ta’ siti ta’ ttestjar tal-kundizzjoni ta’ vetturi għat-triq li jordnaw li vetturi li jkunu nstabu li jkollhom difetti ta’ sigurtà ta’ natura li jippreżentaw perikolu imminenti jekk jinsaqu, għandhom jitneħħew mit-triq, ma hijiex eżerċizzju tal-awtorità pubblika skont it-tifsira tal-Artikolu 51 TFUE f’ċirkustanzi fejn il-liġi nazzjonali titlob l-impożizzjoni ta’ ordni bħal din bħala konsegwenza tal-ispezzjoni teknika u, f’kull każ, fejn l-applikazzjoni ta’ miżuri li jimponu t-tneħħija tal-vettura tkun irriżervata għall-aġenziji tal-infurzar tal-liġi.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, skont l-Artikolu 49 TFUE, jekk skema ta’ liċenzjar statutorja bħal dik deskritta fil-kawża prinċipali li tirregola aċċess għall-attività ta’ operatur ta’ sit għall-ittestjar tal-kundizzjoni ta’ vetturi għat-triq hijiex adatta sabiex jinkiseb l-għan ta’ sigurtà fit-triq u jekk tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ. Madankollu, din id-dispożizzjoni tipprekludi rekwiżit ta’ liċenzjar statutorju li jistabbilixxi limitu speċifiku fuq is-sehem tas-suq li jistgħu jżommu operaturi privati ta’ siti ta’ ttestjar tal-kundizzjoni ta’ vetturi għat-triq.


( 1 )   Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 )   Whitepaper tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Marzu 2011 (COM(2011) 144 finali), “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti”, sezzjoni 2.5, punt 9.

( 3 )   Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36).

( 4 )   Direttiva 2009/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Mejju 2009, dwar testijiet tal-kondizzjoni ta’ vetturi u tal-karrijiet tagħhom għat-triq (Tfassil mill-ġdid) (ĠU L 141, p. 12).

( 5 )   Direttiva tal-Kunsill 96/96/KE, tal-20 ta’ Diċembru 1996, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-testijiet dwar jekk il-vetturi u l-karrijiet tagħhom humiex tajba għat-triq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 514).

( 6 )   Ley 12/2008, de 31 de julio, de seguridad industrial, BOE Nru 204 tat-23 ta’ Awwissu 2008.

( 7 )   Decreto 30/2010, de 2 de marzo, por el que se aprueba el reglamento de desarrollo de la Ley 12/2008, de 31 de julio, de seguridad industrial, DOGC Nru 5582 tat-8 ta’ Marzu 2010.

( 8 )   Decreto 45/2010, de 30 de marzo, por el que se aprueba el Plan territorial de nuevas estaciones de inspección técnica de vehículos de Cataluña para el periodo 2010-2014, DOGC Nru 5600 tal-1 ta’ April 2010.

( 9 )   Skont l-Artikolu 36(b) tal-Liġi Nru 12/2008, il-kunċett ta’ “impriża jew grupp ta’ impriżi”, għall-fini ta’ din il-liġi, huwa stabbilit band’oħra fil-leġiżlazzjoni Spanjola. Il-qorti tar-rinviju ma qisitx li kien hemm ħtieġa li tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja bid-definizzjoni ta’ dan il-kunċett skont il-dritt nazzjonali.

( 10 )   Is-sehem tas-suq ta’ operatur jiġi ddeterminat b’riferiment għall-għadd ta’ linji lliċenzjati ta’ ttestjar f’siti permanenti tal-VRT użati minn kull operatur b’rabta mal-għadd totali ta’ linji fil-Katalunja [ara l-Artikolu 74(2) tad-Digriet Nru 30/2010].

( 11 )   Dawk id-distanzi minimi huma — b’mod ġenerali — 4 km f’muniċipalitajiet b’iktar minn 30000 abitant; 20 km f’partijiet oħra tal-Katalunja; u 10 km f’postijiet imħallta. Għal siti li kienu diġà joperaw fiż-żmien li daħal fis-seħħ id-Digriet 45/2010, dawn id-distanzi jistgħu jitnaqqsu sa 20 %.

( 12 )   Skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva dwar is-Servizzi — li tikkodifika l-prinċipju li sorsi tad-dritt li jkunu ta’ gradazzjoni inferjuri għandhom jiġu interpretati skont sorsi ta’ gradazzjoni superjuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ordre des barreaux francophones et germanophone et, C‑305/05, EU:C:2007:383, punt 28) — l-Artikolu 2(2)(d) għandu jiġi interpretat b’mod konsistenti mal-Artikolu 58(1) TFEU.

( 13 )   Ara s-sentenza Yellow Cab Verkehrsbetrieb, C‑338/09, EU:C:2010:814, punt 30.

( 14 )   Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, 167/73, EU:C:1974:35, punt 25.

( 15 )   Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-438/08, EU:C:2009:651, punt 26. Enfasi miżjuda minni.

( 16 )   Ara, mutatis mutandis, is-sentenza Yellow Cab Verkehrsbetrieb, C-338/09, EU:C:2010:814, il-punt 31 u 32.

( 17 )   Fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑251/04, EU:C:2006:565, punti 2829), l-Avukat Ġenerali Sharpston tidher li aċċettat l-idea li l-kunċett ta’ “servizz fil-qasam tat-trasport” għandu jiġi interpretat b’mod dejjaq. Għal approċċ iktar olistiku, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Yellow Cab Verkehrsbetriebs, C-338/09, EU:C:2010:568, nota ta’ qiegħ il-paġna 10. Għal pożizzjoni indeċiża, ara C. Barnard, “Unravelling the Services Directive”, 45 C.M.L.Rev. [2008] 2, p. 341.

( 18 )   Direttiva 2014/45/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ April 2014, dwar testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali għal vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom u li tħassar id-Direttiva 2009/40 (ĠU L 127, p. 51).

( 19 )   Ara r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU L 102, p. 1).

( 20 )   Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005, tat-22 ta’ Diċembru 2004, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li [jemenda] d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (ĠU 2005 L 3, p. 1). Dan ir-regolament kien adottat bis-saħħa tal-Artikolu 37 KE.

( 21 )   F’dan is-sens irrid infakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-adozzjoni ta’ regoli komuni xierqa fil-qasam tat-trasport. Il-ħin tax-xogħol ta’ operaturi tat-trasport tqies li jaqa’ f’dan il-marġni: ara s-sentenza Spanja u Il-Finlandja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑184/02 u C‑223/02, EU:C:2004:497, punti 2930, 33 sa 36, u 39 sa 41.

( 22 )   C‑133/00, EU:C:2001:514, punti 38 sa 40.

( 23 )   Enfasi miżjuda minni. Filwaqt li jelabora fuq din il-kwistjoni, il-Manwal tal-Kummissjoni dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva dwar is-servizzi (2007), p. 11, jgħid li “[l]-esklużjoni tas-servizzi tat-trasport ma tkoprix servizzi li mhumiex servizzi tat-trasport fihom infishom bħal servizzi ta’ l-iskejjel tas-sewqan, servizzi tal-ġarr, servizzi tal-kiri tal-karozzi, servizzi tal-funerali jew servizzi tal-fotografija mill-ajru. Ma tkoprix attivitajiet kummerċjali fil-portijiet jew fl-ajruporti bħall-ħwienet u r-ristoranti”.

( 24 )   Id-digriet tar-rinviju jgħid li jista’ jkun hemm ordni sabiex vettura titneħħa mit-triq meta jkollha difetti ta’ sigurtà [ara, f’dan is-sens, l-Artikoli 7(2)(c) u 9(3) tad-Direttiva 2014/45].

( 25 )   Ara, b’mod partikolari, il-premessa 33 fil-preambolu tad-Direttiva dwar is-Servizzi u l-Artikolu 25(1)(b) tagħha.

( 26 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Yellow Cab Verkehrsbetrieb, C-338/09, EU:C:2010:814, punt 33. Ara wkoll is-sentenza Ottica New Line, C‑539/11, EU:C:2013:591, punti 17 sa 23.

( 27 )   Ara s-sentenza Attanasio Group, C‑384/08, EU:C:2010:133, punt 36.

( 28 )   Ara s-sentenza Airport Shuttle Express, C‑162/12 u C‑163/12, EU:C:2014:74, punti 41 sa 43 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 29 )   Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Venturini, C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:529, punt 33.

( 30 )   Ara s-sentenzi Attanasio Group, C-384/08, EU:C:2010:133, punt 24; Blanco Pérez u Chao Gómez, C‑570/07 u C‑571/07, EU:C:2010:300, punti 3940; Venturini, C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:791, punt 26; u Susisalo et, C‑84/11, EU:C:2012:374, punti 18 sa 22.

( 31 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C‑451/03, EU:C:2006:208, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 32 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Peñarroja Fa, C‑372/09 u C‑373/09, EU:C:2011:156, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 33 )   Ara, inter alia, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑393/05, EU:C:2007:722; Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑404/05, EU:C:2007:723; u Soa Nazionale Costruttori, C‑327/12, EU:C:2013:827.

( 34 )   Ara s-sentenza Soa Nazionale Costruttori, C-327/12, EU:C:2013:827, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 35 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-438/08, EU:C:2009:651, punti 38 sa 45.

( 36 )   Skont il-premessa 15 tad-Direttiva 2014/45, “L-ittestjar tal-affidabilità stradali hija attività sovrana u għalhekk, għandha ssir mill-Istati Membri jew minn korpi pubbliċi jew privati fdati bit-twettiq ta’ tali ttestjar taħt is-superviżjoni tagħhom. L-Istati Membri għandhom jibqgħu invarjabbli responsabbli għall-ittestjar tal-affidabilità stradali fil-każijiet kollha anke meta s-sistema nazzjonali tippermetti l-awtorizzazzjoni ta’ korpi privati, inklużi dawk li jtwettqu wkoll it-tiswija tal-vetturi” (enfasi miżjuda minni).

( 37 )   Mhux bħad-Direttiva 2014/45; ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 14 (“Superviżjoni taċ-ċentri tal-ittestjar”) tagħha, kif ukoll l-Anness V tagħha.

( 38 )   Bħall-Artikoli 4 u 5 (“Eċċezzjonijiet”) u, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(1), li l-kliem tiegħu huwa kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri li jqisu neċessarji biex ikun possibbli li tingħata prova li vettura għaddiet minn test tal-kondizzjoni għat-triq li jikkonforma ma’ mill-inqas id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva”.

( 39 )   Nagħmel riferiment, b’mod partikolari, għall-Artikolu 79(1)(c) tad-Digriet Nru 30/2010, iċċitat minn OCA fis-sottomissjonijiet tagħha. Fir-risposta tiegħu għat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja għal kjarifiki, it-Tribunal Supremo jgħid li l-awtorità lokali msemmija f’dik id-dispożizzjoni (l-Agencia Catalana de Seguridad Industrial) qatt ma nħolqot u, għalhekk, ma ħarġitx linji gwida. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għall-manwal imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna li ġejja, maħruġ mill-amministrazzjoni ċentrali Spanjola.

( 40 )   Ara Manual de procedimiento de inspección de las estaciones I.T.V., Jannar 2012, p. 11, li jgħid li “[j]ekk, fil-każ ta’ test negattiv tal-kundizzjoni għat-triq, il-vettura turi difetti ta’ tip tali li l-użu tagħha joħloq riskju għal min ikun fiha jew għal min juża t-toroq pubbliċi, is-sit tal-VRT jikkaratterizza d-difett bhaħa gravi ħafna (DGĦ) u t-test bħala li jkun negattiv” (enfasi miżjuda minni).

( 41 )   EU:C:2009:651, punt 26.

( 42 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nasiopoulos, C‑575/11, EU:C:2013:430, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑110/05, EU:C:2009:66, punt 61.

( 43 )   Ara s-sentenza Soa Nazionale Costruttori, C-327/12, EU:C:2013:827, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 44 )   Ara s-sentenza Ottica New Line, C-539/11, EU:C:2013:591, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 45 )   Ara s-sentenz Gebhard, C‑55/94, EU:C:1995:411, punt 37 u, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-438/08, EU:C:2009:651, punt 46.

( 46 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Yellow Cab Verkehrsbetrieb, C-338/09, EU:C:2010:814, punt 34.

( 47 )   Dan il-preambolu jgħid: “[…] Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-provvista ta’ servizzi [tal-VRT] tkun adegwata sabiex tilħaq mal-bżonnijiet eżistenti, kemm jekk sabiex ikunu koperti żoni li bħalissa qed iġarrbu nuqqas ta’ provvista, sabiex is-servizz ikun jista’ jinġieb eqreb min jużah, jew sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas li jkun hemm fis-servizz f’żoni fejn siti [tal-VRT] ikunu iktar ikkonċentrati u l-ħinijiet ta’ stennija jkunu itwal […] Huwa mixtieq, minħabba n-natura lokali tas-servizz [tal-VRT], li tiġi evitata konċentrazzjoni eċċessiva tas-servizz f’żona partikolari għal raġunijiet ta’ profitt biss, bi ħsara għal żoni oħra, li, minħabba li jkun hemm inqas vetturi, ma jkollhomx servizz, għad-detriment tal-utenti. Għall-kuntrarju, f’żoni fejn id-domanda hija għolja minħabba għadd ikbar ta’ vetturi, id-densità għolja ta’ ċentri tista’ twassal li operaturi jistgħu jikkompetu billi jnaqqsu l-istandards tagħhom bir-riżultat li tonqos il-kwalità tas-servizz”.

( 48 )   Id-digriet tar-rinviju jsemmi speċifikament il-ħtieġa li jkunu żgurati kopertura territorjali adegwata, kwalità għolja ta’ servizz u kompetizzjoni effettiva, iżda jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja b’rabta mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, tal-ambjent u tal-konsumaturi.

( 49 )   Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-438/08, EU:C:2009:651, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 50 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C‑451/03, EU:C:2006:208, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 51 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Essent et, C‑105/12 sa C‑107/12, EU:C:2013:677, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 52 )   Ara, fir-rigward ta’ stabbilimenti tas-saħħa, fornituri ta’ mediċini u farmaċewtika, inter alia s-sentenzi Blanco Pérez u Chao Gómez, C-570/07 u C-571/07, EU:C:2010:300, punt 70, u Venturini, C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:791, punt 46. Ara, għal approċċ iktar kawt, fir-rigward ta’ oftalmiċi, is-sentenza Ottica New Line, C-539/11, EU:C:2013:591, punt 43. B’kuntrast, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ppermettitx rekwiżiti ta’ popolazzjoni minima fir-rigward ta’ stabbilimenti kbar ta’ bejgħ bl-imnut: ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑400/08, EU:C:2011:172, punti 80 sa 83. Fis-sentenza Attanasio Group, C-384/08, EU:C:2010:133, intqal li rekwiżit ta’ distanza bejn stazzjonijiet ta’ servizzi kienu jippromwovu s-saħħa pubblika (ara l-punti 47 u 52 sa 54). Dan ukoll ma kienx permess.

( 53 )   Skont il-premessa 2 tad-Direttiva 2009/40, “[f]il-qafas tal-politika tat-trasport komuni, ċertu traffiku tat-triq fi ħdan il-Komunità għandu jopera taħt l-iktar ċirkostanzi favorevoli fir-rigward […] [tas]-sigurtà”.

( 54 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C-400/08, EU:C:2011:172, punti 7576.

( 55 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ottica New Line, C-539/11, EU:C:2013:591, punti 4849 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 56 )   Id-digriet tar-rinviju jagħmel riferiment, inter alia, għall-Artikolu 37(2) tal-Liġi Nru 12/2008, li jipprovdi li, fil-każ li l-Gvern Katalan jillimita l-għadd ta’ siti tal-VRT u linji ta’ ttestjar, kellu jkun hemm proċeduri għal sejħiet pubbliċi u kompetittivi għal offerti. Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta wkoll li t-Tribunal Superior de Justicia kien annulla ċerti dispożizzjonijiet tad-Digriet Nru 30/2010, minħabba li l-għoti skont is-sistema tranżizzjonali ta’ liċenzja lill-persuni li diġà kellhom liċenzja mingħajr ma għamlu offerta kien jammonta għal diskriminazzjoni meta mqabbla mal-offerenti l-ġodda.

( 57 )   Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni fil-fatt qalet li d-digriet tar-rinviju ma kienx preċiż biżżejjed sabiex jippermetti li jitwettaq eżami tal-kompatibbiltà tas-sistema tal-VRT Katalana mal-Artikolu 49 TFEU. Madankollu, waqt is-seduta, il-Kummissjoni sussegwentement argumentat li din is-sistema ma kinitx konformi ma’ din id-dispożizzjoni.

( 58 )   C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:791.

( 59 )   Ara l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/40, kif ukoll l-Anness 1 tagħha.

( 60 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-110/05, EU:C:2009:66, punti 6566. Ara wkoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C-400/08, EU:C:2011:172, punt 75.

( 61 )   Ara s-sentenza Sokoll-Seebacher, C-367/12, EU:C:2014:68, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 62 )   Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C-400/08, EU:C:2011:172, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 63 )   Rapport Nru IR 7/2010 tal-31 ta’ Mejju 2010.

( 64 )   Ara s-sentenza Attanasio Group, C-384/08, EU:C:2010:133, punt 55, fejn jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li għan li jikkonsisti fir-“razzjonalizzazzjoni tas-servizz mogħti lill-utenti” kien għan ta’ natura purament ekonomika. Madankollu restrizzjoni tista’ tkun iġġustifikata meta tkun meħtieġa għal raġunijiet ta’ natura ekonomika sabiex jinkiseb għan ta’ interess pubbliku: ara s-sentenza Essent et, C‑105/12 sa C‑107/12, EU:C:2013:677, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 65 )   EU:C:2011:172, punti 95 sa 98. Ara wkoll il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja, C-400/08, EU:C:2010:588, punti 8485.

( 66 )   EU:C:2010:133, punt 56.

( 67 )   EU:C:2009:651, punt 53. Għandu jingħad li l-Portugall ma ppreżenta ebda argument vijabbli għad-difiża tiegħu, ara l-punt 49.

( 68 )   Ara l-Anness II tad-Direttiva 2009/40, kif ukoll l- Artikolu 1(2) tagħha.

( 69 )   Ara l-premessa 24 tad-Direttiva 2009/40, li tindika li “[k]ull Stat Membru għandu jassigura, fiż-żona tiegħu ta’ ġurisdizzjoni, li t-testijiet dwar il-kondizzjoni tal-vetturi għat-triq jiġu mmexxija metodikament u jkunu ta’ standard għoli”. Il-premessa 5 tiddeskrivi dan l-istandard bħala “minimu”.

( 70 )   Il-premessa 4 tad-Direttiva 2009/40 tgħid li “[l]-ittestjar tul iċ-ċiklu ta’ ħajja tal-vettura għandu jkun relattivament sempliċi, ta’ malajr u mhux għali”.

( 71 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C-400/08, EU:C:2011:172, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 72 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Attanasio Group, C-384/08, EU:C:2010:133, punt 54.

( 73 )   Jekk il-VRT ma għandux jiġi kkwalifikat bħala servizz fil-qasam tat-trasport, allura għandu jkun kopert mill-kunċett ta’ “servizz” (u operatur ta’ sit tal-VRT ikun “fornitur”) kif iddefinit fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar is-Servizzi (intitolat “Definizzjonijiet”). Għalhekk, din id-direttiva tkun applikabbli skont l-Artikolu 2(1) tagħha.

( 74 )   Nagħmel riferiment hawnhekk għall-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Rina Services et, C‑593/13, EU:C:2015:159, punt 23.

Top