EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0125

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fl-24 ta’ Marzu 2015.
Iron & Smith kft vs Unilever NV.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trade mark — Reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali identika jew simili għal trade mark Komunitarja preċedenti — Trade mark Komunitarja li għandha reputazzjoni fl-Unjoni Ewropea — Portata ġeografika tar-reputazzjoni.
Kawża C-125/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:195

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fl-24 ta’ Marzu 2015 ( 1 )

Kawża C‑125/14

Iron & Smith kft

vs

Unilever NV

[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l‑Ungerija)]

“Trade mark — Reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali identika jew simili għal trade mark Komunitarja preċedenti — Trade mark Komunitarja li għandha reputazzjoni — Portata ġeografika u ekonomika tar-reputazzjoni”

1. 

Din il-kawża tirrigwarda l-interpretazzjoni xierqa tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2008/95/KE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”) ( 2 ). Il-kwistjoni hija dwar il-korrelazzjoni bejn it-trade marks nazzjonali, minn naħa, u t-trade marks Komunitarji, min-naħa l-oħra, u l-portata tal-protezzjoni li għandha tingħata lil trade marks Komunitarji preċedenti li għandhom reputazzjoni.

2. 

F’dan il-kuntest, iqumu żewġ domandi: (i) kif għandha tiġi interpretata “reputazzjoni fil-Komunità” għall-finijiet tal-Artikolu 4(3) u (ii) tista’ tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali sussegwenti fi Stat Membru fejn trade mark Komunitarja – li tgawdi reputazzjoni f’partijiet oħra tal-Unjoni Ewropea – ma hijiex wisq magħrufa f’dak l-Istat Membru?

I – Il-kuntest ġuridiku

3.

Il-premessa 10 tad-Direttiva tenfasizza l-importanza fundamentali li jiġi żgurat li t-trade marks irreġistrati jgawdu l-istess livell ta’ protezzjoni fl-Istati Membri kollha. Madankollu huwa speċifikat li din ma għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli volontarjament jagħtu protezzjoni estensiva lil trade marks li għandhom reputazzjoni.

4.

L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva jipprovdi raġuni relattiva għal rifjut li tiġi rreġistrata trade mark, jew għal dikjarazzjoni tal-invalidità tagħha, fil-każ ta’ kunflitt ma’ trade mark Komunitarja preċedenti li għandha reputazzjoni. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li trade mark ma għandhiex tiġi rreġistrata (jew, jekk irreġistrata, għandha tkun tista’ tiġi ddikjarata invalida) jekk hija tkun identika, jew simili, għal trade mark Komunitarja preċedenti fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva u għandha tiġi (jew ġiet) irreġistrata għal prodotti jew servizzi li ma humiex simili għal dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja preċedenti hija rreġistrata, fejn it-trade mark Komunitarja preċedenti jkollha reputazzjoni fil-Komunità u fejn l-użu tat-trade mark sussegwenti, mingħajr raġuni valida, tieħu vantaġġ indebitu minn, jew tippreġudika, il-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark Komunitarja preċedenti.

5.

L-Artikolu 4(4)(a) tad-Direttiva jipprovdi raġuni għal rifjut simili, għalkemm volontarja, fir-rigward ta’ trade marks nazzjonali li għandhom reputazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat.

II – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

6.

Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li, abbażi tat-trade mark Komunitarja verbali preċedenti IMPULSE, Unilever NV opponiet applikazzjoni minn Iron & Smith Kft. għar-reġistrazzjoni tas-sinjal figurattiv bil-kulur “be impulsive” bħala trade mark Ungeriża. L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali Ungeriż (Szellemi Tulajdon Nemzeti Hivatal; iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju Ungeriż”) ikkonstata li Unilever kienet biegħet kwantitajiet kbar u rreklamat il-prodotti koperti mit-trade mark Komunitarja tagħha IMPULSE fir-Renju Unit u fl-Italja, b’dik it-trade mark tgawdi sehem mis-suq ta’ 5 % fir-Renju Unit, u sehem mis-suq ta’ 0.2 % fl-Italja. Abbażi ta’ din il-konstatazzjoni tas-sehem mis-suq – li ma kinitx tikkonċerna lill-Ungerija – l-Uffiċċju Ungeriż ikkonstata li r-reputazzjoni tat-trade mark Komunitarja kienet ġiet ipprovata f’parti sostanzjali mill-Unjoni Ewropea ( 3 ). Ikkonstata wkoll li ma setax jiġi eskluż ir-riskju li t-trade mark sussegwenti tieħu vantaġġ indebitu.

7.

Billi għalhekk l-Uffiċċju Ungeriż irrifjuta li jirreġistra t-trade mark tagħha, Iron & Smith adixxiet il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti Muniċipali ta’ Budapest; jew il-“qorti tar-rinviju”) bil-għan li tikseb l-annullament tad-deċiżjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Billi għandha dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva, il-qorti tar-rinviju ressqet talba għal deċiżjoni preliminari fir-rigward tad-domandi li ġejjin:

“1)

Għall-finijiet tal-prova tar-reputazzjoni ta’ trade mark Komunitarja fis-sens tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva [...], huwa suffiċjenti li din it-trade mark tkun tgawdi minn reputazjoni fi Stat Membru wieħed, inkluż il-każ fejn l-applikazzjoni għal trade mark nazzjonali, li fir-rigward tagħha tkun saret l-oppożizzjoni fuq il-bażi ta’ din ir-reputazzjoni, tkun ġiet ippreżentata f’pajjiż ieħor li ma jkunx l-Istat Membru inkwistjoni?

2)

Fil-kuntest tal-kriterji territorjali użati fl-eżami tar-reputazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, jista’ jsir użu mill-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja [...] fir-rigward tal-użu ġenwin tat-trade mark Komunitarja?

3)

Meta l-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja preċedenti jkun ipprova r-reputazzjoni tat-trade mark tiegħu f’pajjiżi – li jkopru parti sostanzjali mit-territorju tal-Unjoni Ewropea – li ma jinkludux l-Istat Membru fejn ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal trade mark nazzjonali, jista’ dan jiġi obbligat, minkejja dan il-fatt, li jressaq prova konklużiva wkoll fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru?

4)

Fil-każ li r-risposta [għat-tielet domanda] tkun negattiva, jista’ jkun il-każ, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tas-suq intern, li trade mark li tkun ġiet użata b’mod intensiv f’parti sostanzjali mill-Unjoni Ewropea ma tkunx magħrufa mill-pubbliku nazzjonali rilevanti u li, minħabba f’hekk, it-tieni kundizzjoni meħtieġa għar-raġuni ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva ma tkunx ġiet issodisfatta, jiġifieri ma jkunx hemm probabbiltà li t-trade mark nazzjonali tieħu vantaġġ żleali [indebitu] mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni ta’ din it-trade mark preċedenti jew li tippreġudikahom; u jekk iva, liema huma l-elementi li tagħhom il-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja għandu jġib il-prova sabiex il-kundizzjoni hawn fuq imsemmija tkun issodisfatta?”

8.

Iron & Smith, Unilever, il-Gvernijiet Ungeriż, Daniż, Franċiż, Taljan u tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub f’din il-kawża. Bl-eċċezzjoni tal-Gvern Taljan, il-partijiet kollha ppreżentaw osservazzjonijiet orali fis-seduta tal-4 ta’ Frar 2015.

III – Analiżi

A – Sfond

9.

L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva għandu jkun applikabbli biss meta jiġu ssodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: (i) it-trade mark Komunitarja preċedenti trid tgawdi reputazzjoni f’parti sostanzjali mill-Unjoni Ewropea (l-“ewwel kundizzjoni”) u (ii) l-użu tat-trade mark (nazzjonali) sussegwenti jrid jieħu vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark Komunitarja preċedenti jew ikun ta’ dannu għalihom (it-“tieni kundizzjoni”). Madankollu, il-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja preċedenti ma huwiex meħtieġ iġib prova ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark tiegħu u t-trade mark nazzjonali sussegwenti ( 4 ).

10.

Fid-dawl ta’ din l-osservazzjoni, huwa ċar li l-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda huma marbuta mill-qrib. Dawn it-tliet domandi kollha jikkonċernaw l-ewwel kundizzjoni, jiġifieri, il-kriterji li għandhom jintużaw sabiex jiġi ddeterminat jekk trade mark Komunitarja preċedenti tgawdix reputazzjoni f’parti sostanzjali mill-Unjoni Ewropea. F’dak il-kuntest, il-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari, ma hijiex ċerta dwar x’importanza (jekk inhu l-każ) għandha tiġi attribwita lill-fruntieri ġeografiċi sabiex twettaq dik l-analiżi. B’hekk, primarjament ser nikkunsidra l-ewwel tliet domandi flimkien, qabel ma nindirizza r-raba’ domanda, li tikkonċerna t-tieni kundizzjoni. Madankollu, qabel ngħaddi sabiex nikkunsidra dawn il-kwistjonijiet, jeħtieġ ngħaddi xi rimarki fil-qosor dwar ir-raġunament li fuqu hija bbażata r-raġuni relattiva għal rifjut li tikkonċerna r-reputazzjoni.

11.

Ir-raġuni għal rifjut (u invalidità) prevista fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva (u fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament li jikkorrispondi għal din id-dispożizzjoni) jirrifletti l-idea li l-valur ta’ trade mark jista’ jmur lil hinn mill-kapaċità tagħha li tindika l-oriġini: il-valur ta’ trade marks jista’, fost l-oħrajn, jeżisti fl-immaġini li tagħti dik it-trade mark. Dan ġie ddefinit bħala l-“funzjoni reklamattiva” tat-trade marks ( 5 ). F’dan is-sens, dak li qed jiġi protett ma huwiex tant l-indikazzjoni tal-oriġini iżda s-suċċess ekonomiku ta’ ċerti trade marks. Meta wieħed iżomm f’moħħu dawn l-aspetti, ovvjament ma jistax jiġi injorat il-fatt li l-immaġini ta’ trade mark partikolari tista’ tkun ostakolata jekk jiġi aċċettat l-użu ta’ trade mark identika jew simili. Din hija possibbiltà anki (u b’mod partikolari) meta l-prodotti u s-servizzi koperti minn din it-trade mark sussegwenti ma humiex fl-istess kategorija bħal dik koperta mit-trade mark preċedenti. Jista’ jitqies li din hija r-raġuni għaliex huwa meħtieġ li l-protezzjoni tat-trade mark Komunitarja tiġi estiża lil hinn mill-kategoriji ta’ prodotti u servizzi li għalihom dik it-trade mark tkun irreġistrata. Minħabba n-natura pjuttost wiesgħa tal-protezzjoni mogħtija lil trade mark abbażi tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva, ma hijiex sorprendenti li din ir-raġuni għal rifjut tista’ biss tiġi invokata meta t-trade mark tgawdi reputazzjoni fl-Unjoni Ewropea.

B – L-ewwel kundizzjoni

12.

Kif diġà ntqal, il-problema sottostanti għall-ewwel tliet domandi tirriżulta mill-fatt li kemm id-Direttiva kif ukoll ir-Regolament huma kompletament siekta fir-rigward tat-territorju ġeografiku li għandu jiġi kopert fi ħdan l-Unjoni Ewropea, jew kriterji oħra li għandhom jiġu ssodisfatti, sabiex jiġi stabbilit li trade mark Komunitarja għandha reputazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, minħabba l-fatt li l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament huma fformulati b’mod identiku, huwa evidenti li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod koerenti ( 6 ).

13.

Madankollu, jidhirli illi l-kwistjoni ta’ reputazzjoni hija materja li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fuqha, minkejja l-fatt li l-qorti tar-rinviju hija inċerta dwar l-applikabbiltà ta’ din il-ġurisprudenza preċedenti għall-kawża li għandha quddiemha. Sabiex nispjega, ser niddeskrivi fil-qosor il-prinċipji bażiċi li fuqhom hija bbażata din il-ġurisprudenza.

14.

Fil-kawża General Motors ( 7 ), kawża li tikkonċerna r-reputazzjoni fil-kuntest ta’ trade marks nazzjonali (f’dik il-kawża, trade marks tal-Benelux), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li huwa suffiċjenti għat-trade mark li jkollha reputazzjoni f’“parti sostanzjali” mit-territorju ta’ Stat Membru ( 8 ). Hawnhekk, punt partikolarment interessanti huwa l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li trade mark ma tistax tkun meħtieġa li jkollha reputazzjoni fit-territorju “kollu” tal-Istat Membru. Fil-każ tal-Benelux, din kienet tfisser li fejn it-trade mark kienet magħrufa minn parti sinjifikattiva tal-pubbliku kkonċernat f’parti sostanzjali minn dak it-territorju, dan kien suffiċjenti għal dik it-trade mark sabiex ikollha reputazzjoni. F’dik iċ-ċirkustanza, “parti sostanzjali mit-territorju” setgħet tikkonsisti wkoll f’parti biss minn wieħed mill-pajjiżi li jifforma dak it-territorju ( 9 ).

15.

Dan id-dictum tal-Qorti tal-Ġustizzja ġie traspost fil-kuntest tat-trade mark Komunitarja fil-kawża Pago International ( 10 ). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat il-kwistjoni jekk trade mark Komunitarja (il-forma ta’ flixkun tal-meraq) setgħetx titqies li tgawdi reputazzjoni f’parti sostanzjali mill-Unjoni Ewropea f’ċirkustanzi fejn kien ġie kkonstatat li kellha reputazzjoni fi Stat Membru wieħed biss. F’dak il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li sabiex jintlaħaq il-livell minimu meħtieġ, trade mark Komunitarja għandha tkun magħrufa minn parti sinjifikattiva mill-pubbliku kkonċernat mill-prodotti jew mis-servizzi koperti mit-trade mark, f’parti sostanzjali tat-territorju tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, “fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali”, it-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni (l‑Awstrija), seta’ jitqies li jikkostitwixxi parti sostanzjali mit-territorju tal-Unjoni Ewropea. ( 11 )

16.

Minkejja l-kwalifika magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja rigward dik l-aħħar dikjarazzjoni (“fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali”), nemmen li minn dik is-sentenza jista’ jiġi dedott li, anki b’mod ġenerali, reputazzjoni fi Stat Membru wieħed – kemm-il darba li parti sostanzjali mill-pubbliku kkonċernat mill-prodotti u mis-servizzi koperti mit-trade mark tikkonċidi mal-pubbliku rilevanti f’dak l-istess Stat Membru – tista’ tkun suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li t-trade mark ikkonċernata fil-fatt tgawdi minn reputazzjoni fl-Unjoni Ewropea għall-finijiet tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva ( 12 ).

17.

Tabilħaqq, fl-aħħar mill-aħħar, il-kwistjoni tar-reputazzjoni tiddependi mis-suq rilevanti għall-prodotti u għas-servizzi inkwistjoni. Ir-risposta għad-domanda dwar x’jikkostitwixxi parti sostanzjali mill-Unjoni Ewropea tirrikjedi għalhekk analiżi fattwali li tista’ tagħmel biss il-qorti nazzjonali li qed tittratta l-kawża. Kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja, is-sehem mis-suq miżmum mit-trade mark preċedenti, l-intensità, il-firxa ġeografika u t-tul ta’ żmien tal-użu tagħha kif ukoll id-daqs tal-investiment magħmul mill-impriża sabiex tippromwovi t-trade mark, huma kollha fatturi li jridu jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dik l-analiżi ( 13 ). Fi kliem ieħor, ir-reputazzjoni tikkostitwixxi rekwiżit ta’ limitu minimu ta’ għarfien, li għandu jiġi evalwat abbażi ta’ kriterji kwantitattivi. Id-determinazzjoni jekk trade mark speċifika għandhiex reputazzjoni f’parti sostanzjali mill-Unjoni Ewropea, tirrikjedi, għalhekk, kombinazzjoni ta’ kriterji ġeografiċi u ekonomiċi. Għaldaqstant, is-sinjifikat tas-suq rilevanti għal prodotti u servizzi partikolari għandu jassumi rwol fundamentali fl-analiżi.

18.

B’mod iktar speċifiku, kif jista’ jiġi dedott mill-kawża Pago International, il-kwistjoni dwar x’jikkostitwixxi parti sostanzjali mill-Unjoni Ewropea tiddependi neċessarjament – u dan huwa punt li ma jistax jiġi enfasizzat iżżejjed ‑ mit-trade mark speċifika li hija deskritta li tgawdi reputazzjoni u għalhekk, mill-pubbliku kkonċernat. Minħabba li, f’dan il-kuntest, hija l-proporzjon iktar milli n-numri assoluti li hija rilevanti, il-fatt li s-suq rilevanti jista’ jkun ta’ daqs globali limitat, fir-realtà, ma jżommx trade mark milli takkwista reputazzjoni. Filwaqt li fl-opinjoni tiegħi t-territorju ta’ Stat Membru (sew jekk kbir jew żgħir) jista’ tabilħaqq, skont il-każ, jikkostitwixxi parti sostanzjali mill-Unjoni Ewropea, l-analiżi li twassal għal dik il-konklużjoni għandha madankollu ssir mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fruntieri ġeografiċi ( 14 ).

19.

Huwa minnu li wieħed jista’ jargumenta li s-sentenza Pago International ma tikkostitwixxix għajnuna awtorevoli minħabba li f’dik il-kawża (b’kuntrast mal-kawża inkwistjoni), reputazzjoni ġiet stabbilita fl-Istat Membru li fih il-proprjetarju tat-trade mark ibbaża fuq r-reputazzjoni tat-trade mark tiegħu. Madankollu, punt li għandu jiġi enfasizzat huwa li t-trade mark Komunitarja hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ uniformità. Fi kliem ieħor, hekk kif il-proprjetarju jakkwista trade mark Komunitarja, it-trade mark għandha tipproduċi effetti matul it-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea (għajr għal ċerti eċċezzjonijiet imniżżlin fir-Regolament) ( 15 ). Għalhekk, ma nagħtix wisq importanza dwar jekk reputazzjoni hijiex stabbilita fit-territorju tal-Istat Membru li fih saret l-applikazzjoni għat-trade mark sussegwenti ( 16 ). Tabilħaqq, protezzjoni uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha tkun ippreġudikata jekk trade mark Komunitarja li għandha reputazzjoni tista’ tgawdi biss protezzjoni fiż-żona ġeografika li fiha ġiet stabbilita r-reputazzjoni ( 17 ). Madankollu, dan ma jfissirx – kif ser jiġi spjegat f’iktar dettall iktar ’il quddiem – li proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja jista’ awtomatikament jibbaża fuq dik ir-reputazzjoni kullimkien fl-Unjoni Ewropea sabiex, per eżempju, jopponi reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali.

20.

Dan iwassalni għall-aħħar punt, jiġifieri r-rilevanza tad-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-kunċett ta’ “użu ġenwin”. Fil-kawża Leno Merken ( 18 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddeċiedi jekk l-użu ta’ trade mark Komunitarja fi Stat Membru wieħed setax jikkostitwixxi użu ġenwin fi ħdan il-Komunità. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kjarament warrbet l-idea li tadotta d-dikjarazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Pago International, rigward il-kwistjoni ta’ reputazzjoni, bħala kriterju sabiex tistabbilixxi jekk effettivament kienx sar użu ġenwin fil-Komunità. Essenzjalment dan kien minħabba l-fatt li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament (reputazzjoni) u l-Artikolu 15 tiegħu (użu ġenwin) ifittxu li jilħqu għanijiet differenti għalkollox. Filwaqt li tal-ewwel jirrigwarda l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-protezzjoni estiża lil hinn mill-kategoriji tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom ġiet irreġistrata trade mark Komunitarja, l-espressjoni “użu ġenwin” tindika r-rekwiżit minimu ta’ użu li kull trade mark għandha tissodisfa sabiex tiġi protetta: skont l-Artikolu 15 tar-Regolament, sabiex jiġi evitat użu ħażin tar-reġistrazzjoni, għandu jsir “użu ġenwin fil-Komunità” mit-trade mark Komunitarja fi żmien ħames snin. Fin-nuqqas, it-trade mark tista’ tiġi suġġetta għal revoka ( 19 ).

21.

Huwa minnu li, kif irrimarkaw uħud mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet, jista’ ċertament jingħad li d-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Leno Merken dwar l-assenza ta’ rilevanza rigward fruntieri ġeografiċi (meta jiġi kkunsidrat jekk sarx użu ġenwin mit-trade mark) għandha ċertu sinjifikat periferiku anki f’dan il-każ. Dan minħabba li dik id-dikjarazzjoni tirrifletti l-idea ta’ protezzjoni unitarja mogħtija mit-trade mark Komunitarja f’suq intern. Minkejja dan il-fatt, ma jidhirx utli li jiġi applikat f’dan il-kuntest, anki jekk b’analoġija, dan l-approċċ ġurisprudenzjali li jikkonċerna l-kriterju li għandu jiġi applikat sabiex jiġi ddeterminat jekk sarx użu ġenwin minn trade mark. Tabilħaqq, kif irrimarkat il-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha, għandha ssir distinzjoni ċara bejn il-kriterju sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx użu ġenwin u dawk applikabbli fir-rigward tar-reputazzjoni ( 20 ).

22.

Filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li trade mark Komunitarja tista’ tgawdi reputazzjoni f’parti sostanzjali mill-Unjoni Ewropea anki f’ċirkustanzi fejn ir-reputazzjoni hija stabbilita fi Stat Membru wieħed biss – li ma għandux neċessarjament ikun dak l-istess Stat Membru li fih tressqet oppożizzjoni – issa hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk it-trade mark Unilever tgawdix reputazzjoni f’parti sostanzjali mill-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-pubbliku kkonċernat mill-prodotti jew mis-servizzi koperti minn dik it-trade mark. Anki jekk jitqies li l-prerekwiżit marbut mal-istabbiliment ta’ reputazzjoni jkun issodisfatt (kif jidher li tqis il-qorti tar-rinviju), il-qorti tar-rinviju xorta trid tiddetermina jekk it-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva hijiex issodisfatta qabel ma tilqa’ l-oppożizzjoni mressqa minn Unilever fil-kawża prinċipali.

C – It-tieni kundizzjoni

23.

Ir-raba’ domanda tikkonċerna t-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva. Sabiex jiġi deċiż jekk dik it-tieni kundizzjoni hijiex issodisfatta, għandu jiġi ddeterminat jekk it-trade mark nazzjonali sussegwenti tiħux (jew hijiex ser tieħu) vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark Komunitarja preċedenti jew hijiex (jew hijiex ser tkun) ta’ dannu għalihom.

24.

Hawnhekk iqumu żewġ kwistjonijiet. L-ewwel nett, x’inhuma l-kriterji li għandhom jiġu adottati sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx dannu minħabba tiċpir ( 21 ) jew titbigħ ( 22 ), jew tabilħaqq, free-riding ( 23 ) f’ċirkustanzi bħal dawn? It-tieni nett, f’dan il-kuntest, x’rilevanza (jekk inhu l-każ) għandha tiġi attribwita lill-fatt li t-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni ma hijiex wisq magħrufa (jew hija kompletament mhux magħrufa) fl-Istat Membru li fiha qed tintalab ir-reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali? Għalkemm dawn iż-żewġ domandi jistgħu biss jiġu kkunsidrati fl-astratt b’ċerta diffikultà, ser nipprova nagħti ċerta gwida lill-qorti tar-rinviju dwar il-fatturi li għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tittratta dawn iż-żewġ kwistjonijiet.

1. Il-pubbliku rilevanti

25.

Il-partikolarità ta’ dan il-każ tinsab fil-fatt li, skont il-qorti tar-rinviju, it-trade mark Komunitarja preċedenti tista’, fil-fatt, tkun kompletament mhux magħrufa mill-pubbliku rilevanti fl-Ungerija. Għal raġunijiet ovvji, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk it-trade mark Unilever użata fir-Renju Unit u fl-Italja hijiex magħrufa (jew le) mill-konsumaturi rilevanti Ungeriżi. Fuq dan il-punt, nirrimarka biss li għalkemm jista’ jkun li t-trade mark preċedenti ma tgawdix reputazzjoni (jew ma hijiex wisq magħrufa) fl-Ungerija, dan ma jimplikax awtomatikament li t-trade mark hija totalment mhux magħrufa mill-pubbliku rilevanti f’dak l-Istat Membru ( 24 ).

26.

B’hekk, huwa kompletament konċepibbli li trade mark Komunitarja preċedenti tissodisfa l-ewwel kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva, iżda mhux it-tieni. Kif jissuġġerixxu wħud mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet, sabiex jiġi ddeterminat jekk trade mark Komunitarja preċedenti li għandha reputazzjoni għandhiex tingħata protezzjoni estiża fi Stat Membru partikolari, jeħtieġ li tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni fl-Istat Membru li fih qed jiġi invokat id-dritt esklużiv mogħti mit-trade mark Komunitarja. Fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, dan l-Istat Membru huwa l-Ungerija.

27.

F’dan ir-rigward, fis-sentenza General Motors, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà osservat li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark sussegwenti tista’ tkun biss ta’ dannu għat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni meta jkun hemm livell ta’ għarfien suffiċjenti ta’ dik it-trade mark. B’hekk biss jista’ jkun possibbli għall-pubbliku, meta kkonfrontat bit-trade mark sussegwenti, li jagħmel assoċjazzjoni bejn iż-żewġ trade marks, anki jekk jintużaw għal prodotti u servizzi li ma humiex simili ( 25 ). Tabilħaqq, meta l-funzjonijiet essenzjali tat-trade mark preċedenti ma huma bl-ebda mod affettwati, jinħoloq dubju jekk tistax issir ħsara lil dik it-trade mark.

28.

Kif josserva l-Gvern tar-Renju Unit, dan jindika li, minkejja l-fatt li tkun ġiet stabbilita reputazzjoni [f’parti sostanzjali mill-Unjoni Ewropea, iżda, kif spjegajt iktar ’il fuq, mhux neċessarjament fl-Istat Membru li fih jiġi invokat l-Artikolu 4(3)], l-għarfien tal-pubbliku rilevanti fl-Istat Membru tat-trade mark sussegwenti huwa ta’ importanza fundamentali sabiex jiġi ddeterminat jekk dik it-trade mark nazzjonali sussegwenti hijiex kapaċi tikkawża ħsara lit-trade mark preċedenti. Ċertament, jista’ jingħad li din il-pożizzjoni hija problematika, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni uniformi: trade mark Komunitarja preċedenti ta’ reputazzjoni tista’ tgawdi protezzjoni ikbar, li testendi għal prodotti u servizzi li ma humiex simili, f’27 Stat Membru, iżda mhux fit-28 wieħed.

29.

Madankollu, kif aċċettat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza DHL Express France, id-dritt esklużiv ta’ proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja għandu jinftiehem fil-kuntest tiegħu. Dan id-dritt huwa mogħti sabiex jippermetti lill-proprjetarju jipproteġi l-interessi speċifiċi tiegħu sabiex jiżgura li t-trade mark hija kapaċi tissodisfa l-funzjonijiet tagħha. Konsegwentement, id-dritt esklużiv tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja u, għaldaqstant, il-portata territorjali ta’ dan id-dritt, ma jistgħux imorru lil hinn minn dak li dan id-dritt jippermetti lill-proprjetarju tagħha jagħmel sabiex jipproteġi t-trade mark tiegħu, fi kliem ieħor, sempliċement li jiġi pprojbit biss kull użu li jista’ jippreġudika l-funzjonijiet tat-trade mark ( 26 ). Ċertament, din id-dikjarazzjoni saret fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-portata territorjali ta’ projbizzjoni ta’ vjolazzjoni jew ta’ theddida ta’ vjolazzjoni ulterjuri ta’ trade mark Komunitarja. Madankollu, li kieku din id-dikjarazzjoni ma kinitx applikabbli bl-istess mod fil-kuntest ta’ reġistrazzjoni, proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja preċedenti, kif tosserva l-Kummissjoni, ikun jista’ jopponi reġistrazzjoni ta’ trade mark sussegwenti, iżda ma jkunx jista’ jipprojbixxi l-użu tagħha.

30.

F’dan l-istadju, huwa importanti wkoll li jiġi enfasizzat li trade marks nazzjonali għandhom jitħallew jeżistu b’mod parallel ma’ trade marks Komunitarji ( 27 ). Li kieku l-għarfien tal-pubbliku rilevanti fl-Istat Membru li fih tintalab ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ma kellux jingħata importanza xierqa fil-kuntest tat-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva, l-eżistenza parallela taż-żewġ sistemi ta’ trade marks kienet tkun kunċett mingħajr sinjifikat. Bla dubju, tali approċċ ikun jinvolvi spejjeż kunsiderevoli għal dawk li jfittxu li jiksbu reġistrazzjoni biss abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-trade marks (fid-dawl tal-ispejjeż involuti sabiex jiġi żgurat li ma teżisti diġà l-ebda trade mark Komunitarja simili għal kull kategorija possibbli ta’ prodotti jew servizzi).

31.

Fil-fatt, sabiex jiġu protetti l-interessi tal-proprjetarji ta’ trade marks Komunitarji preċedenti, l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva jista’ wkoll ikun applikabbli wara r-reġistrazzjoni. F’mument partikolari, il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni jista’ ma jkollux suċċess fl-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali għal prodotti jew servizzi simili (jew ma humiex simili). Madankollu, jekk l-ewwel kundizzjoni tiġi ssodisfatta mill-bidu, dan ma jkun ifisser li dikjarazzjoni ta’ invalidità fir-rigward tat-trade mark nazzjonali sussegwenti ma setgħetx tiġi prevista fi stadju ulterjuri, skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva, bil-kundizzjoni li t-tieni kundizzjoni tiġi ssodisfatta wkoll dak iż-żmien.

2. Għandha tiġi stabbilita rabta

32.

B’mod ġenerali, jista’ jingħad li l-kwistjoni ta’ ħsara teħtieġ evalwazzjoni globali tal-fatturi rilevanti kollha, inklużi, iżda mhux biss, is-saħħa tat-trade mark preċedenti, il-pubbliku rilevanti u l-kategoriji ta’ prodotti u servizzi koperti mit-trade mark preċedenti u minn dik sussegwenti. F’dan ir-rigward, jistgħu jittieħdu numru ta’ lezzjonijiet oħra mill-ġurisprudenza.

33.

B’mod partikolari, mis-sentenza Intel Corporation ( 28 ), każ li jikkonċerna r-raġuni fakultattiva għal rifjut tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva, jirriżulta li iktar ma l-evokazzjoni tat-trade mark li għandha reputazzjoni mit-trade mark sussegwenti tkun immedjata u b’saħħitha, iktar ikun kbir ir-riskju li l-użu attwali jew futur tas-sinjal jieħu vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni ta’ dik it-trade mark, jew ikun ta’ dannu għalihom ( 29 ). Fejn ma tiġix stabbilita rabta bejn it-trade marks preċedenti u sussegwenti f’moħħ il-pubbliku rilevanti ( 30 ), ma huwiex probabbli li l-użu tat-trade mark sussegwenti jikkawża dannu lit-trade mark preċedenti jew jieħu vantaġġ indebitu minnha ( 31 ).

34.

Punt ieħor li għandu jiġi rrilevat abbażi tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Intel Corporation huwa li, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, ma tistax tiġi eliminata l-possibbiltà li s-sezzjoni rilevanti tal-pubbliku fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark preċedenti ma tikkonverġix mas-sezzjoni rilevanti tal-pubbliku fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark sussegwenti. F’dan is-sens, in-natura tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom huma rreġistrati t-trade marks kunfliġġenti għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta. Bla dubju, dan ikun eħfef meta t-trade mark preċedenti hija magħrufa mill-pubbliku inġenerali jew meta l-konsumaturi tal-prodotti u tas-servizzi rilevanti jikkoinċidu fil-parti l-kbira tagħhom. ( 32 )

35.

B’mod iktar speċifiku, mill-ġurisprudenza tas-sentenza Intel Corporation isegwi li rabta bejn iż-żewġ trade marks ma tistax teżisti meta t-trade mark sussegwenti ma tevokax it-trade mark preċedenti f’moħħ il-pubbliku rilevanti fl-Istat Membru li fih tintalab ir-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti. Tabilħaqq, meta tali rabta ma tistax tiġi stabbilita, ikun jidher illoġiku li jiġi affermat li l-użu tat-trade mark sussegwenti tkun parassita fuq, jew jista’ jkollha effett dannuż fuq, ir-reputazzjoni jew il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti ( 33 ).

36.

Madankollu, nixtieq nenfasizza differenza importanti bejn din il-kawża u Intel Corporation: f’dan il-każ, il-punt tat-tluq huwa li t-trade mark preċedenti Unilever ma hijiex partikolarment magħrufa (jekk mhux ma hija magħrufa xejn) fl-Ungerija. Fis-sentenza Intel Corporation, min-naħa l-oħra, jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat il-konstatazzjonijiet tagħha fuq il-preżunzjoni li t-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni kienet magħrufa sew fl-Istat Membru inkwistjoni (ir-Renju Unit) kollu. Huwa għalhekk li s-sentenza ma tipprovdix gwida ċara dwar x’proprozjon mill-pubbliku rilevanti għat-trade marks inkwistjoni – jiġifieri, l-importanza ta’ dik is-sezzjoni tal-pubbliku – għandha tistabbilixxi r-rabta meħtieġa.

37.

Fl-opinjoni tiegħi, il-konsumaturi li jistabbilixxu din ir-rabta għandhom jikkostitwixxu proporzjon tant sostanzjali tal-pubbliku rilevanti fl-Istat Membru kkonċernat li l-implikazzjonijiet kummerċjali ser ikunu kunsiderevoli (“proporzjon kummerċjalment rilevanti”). Altrimenti, it-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikollu 4(3) tad-Direttiva tkun nieqsa minn kwalunkwe kontenut reali. Tabilħaqq, huma biss dawk familjari mat-trade mark preċedenti li jistgħu jagħmlu din ir-rabta fl-ewwel lok. Għaldaqstant, għaliex huwa meħtieġ li jintalab li proporzjon kummerċjalment rilevanti minn dak il-pubbliku tkun ġiet ikkonfrontata mat-trade mark Komunitarja preċedenti u għalhekk tkun tista’ toħloq ir-rabta meħtieġa?

38.

Hawnhekk, punt li bla dubju huwa importanti huwa li t-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva tiffoka fuq dannu attwali jew potenzjali lit-trade mark preċedenti b’riżultat tar-reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali sussegwenti. Ovvjament, sabiex iseħħ dannu, il-proporzjon tal-pubbliku li jrid ikun konxju mit-trade mark ma hemmx għalfejn tkun daqstant għolja daqs dak meħtieġ għar-reputazzjoni. Però għandu jkun hemm konsegwenzi notevoli. Fl-opinjoni tiegħi – u, ukoll, jiddependi mit-tip ta’ prodotti u servizzi involuti – tali ħsara tista’ sseħħ biss jekk porzjon kummerċjalment rilevanti mill-pubbliku rilevanti fl-Istat Membru kkonċernat tagħmel ir-rabta. Huwa biss fi ħdan dak il-grupp li l-utenti jistgħu jiġu influwenzati mill-assoċjazzjoni illi jagħmlu.

39.

Fi kwalunkwe każ, bl-ebda mod ma jista’ jitqies li l-fatt biss li l-parti li tapplika għal reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti hija konxja mill-eżistenza tat-trade mark Komunitarja preċedenti li għandha reputazzjoni, huwa rilevanti sabiex jiġi ddeterminat li qed iseħħ free-riding. Tabilħaqq, l-għarfien tal-applikant rigward it-trade mark preċedenti bl-ebda mod ma jestendi għall-possibbiltà li l-utenti medji ser jassoċjaw it-trade marks inkwistjoni.

40.

Ma nistax ma nerġax nenfasizza li, filwaqt li l-pubbliku rilevanti tal-Istat Membru li fih saret l-applikazzjoni għat-trade mark sussegwenti ma huwiex deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk it-trade mark Komunitarja preċedenti tgawdix reputazzjoni fl-Unjoni Ewropea għall-finijiet tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva, dak il-pubbliku huwa – għall-kuntrarju – ta’ importanza kbira sabiex jiġi ddeterminat jekk it-trade mark nazzjonali sussegwenti tiħux vantaġġ indebitu mit-trade mark Komunitarja preċedenti li għandha reputazzjoni jew tkunx ta’ dannu għaliha. Għandu jitfakkar li l-protezzjoni mogħtija lil trade mark nazzjonali hija ċirkoskritta, bħala punt ta’ prinċipju, mit-territorju tal-Istat Membru li fih ssir l-applikazzjoni għat-trade mark. Huwa għalhekk li, meta jiġu kkunsidrati r-raġunijiet għal rifjut fir-rigward ta’ trade marks nazzjonali, huwa loġiku li l-pubbliku rilevanti għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ dannu jew ta’ vantaġġ indebitu għandu jkun il-pubbliku rilevanti f’dak l-Istat Membru.

41.

Tabilħaqq, speċjalment f’sitwazzjoni ta’ free-riding, li hija ta’ rilevanza partikolari f’dan il-każ, jidher diffiċli li jiġi argumentat li free-riding jista’ jseħħ fejn il-pubbliku lokali ma huwiex konxju mit-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni (suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju). Fi kwalunkwe każ, kif jirrimarka b’mod partikolari l-Gvern Daniż, anki jekk il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-pubbliku rilevanti jista’ jistabbilixxi rabta bejn it-trade mark Unilever u t-trade mark nazzjonali sussegwenti, ir-riskju tal-effett dannuż jew ta’ free-riding ma jistax jibqa’ sempliċi preżunzjoni. ( 34 ) Fir-rigward ta’ azzjonijiet ta’ oppożizzjoni, spiss ikun il-każ (kif jidher ukoll li hija s-sitwazzjoni fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju) li l-allegat dannu għadu ma seħħx.

3. Is-saħħa tat-trade mark preċedenti

42.

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju speċifikament titlob gwida dwar it-tip ta’ provi li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti għandu jipproduċi rigward ir-riskju ta’ dannu għat-trade mark tiegħu. Madankollu, il-kwistjoni hija rilevanti biss jekk il-qorti tar-rinviju tkun kapaċi tiddetermina li proporzjon tant sostanzjali tal-pubbliku rilevanti fl-Istat Membru kkonċernat tagħmel ir-rabta meħtieġa bejn it-trade marks li jkun hemm implikazzjonijiet kummerċjali kunsiderevoli, jiġifieri, jekk tikkonstata li proporzjon kummerċjalment rilevanti tal-pubbliku rilevanti fl-Istat Membru kkonċernat tagħmel ir-rabta meħtieġa.

43.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti f’moħħ is-sezzjoni rilevanti tal-pubbliku ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li seħħ jew ser iseħħ dannu lit-trade mark preċedenti. Huwa għalhekk li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti għandu jġib prova tad-dannu attwali u preżenti lit-trade mark tiegħu, jew possibbiltà serja li tali dannu ser iseħħ fil-futur ( 35 ). Filwaqt li l-prova tar-riskju ta’ titbigħ tidher li hija indipendenti mill-kategorija ta’ prodotti u servizzi involuti, jidhirli illi iktar ma l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni huma simili, iktar ikun ħafif li jintwera li jista’ jseħħ tiċpir (speċjalment permezz ta’ “ġeneriċidju” ( 36 ) ta’ indikazzjoni ta’ oriġini, kif kien il-każ fil-kawża Interflora u Interflora British Unit ( 37 )).

44.

Hu x’inhu l-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet grad ta’ prova pjuttost għoli (permezz ta’ tiċpir u titbigħ) rigward id-dannu. Sabiex jintlaħaq dan il-grad, tinħtieġ prova li turi bidla fl-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark preċedenti b’riżultat tal-użu tat-trade mark sussegwenti, jew possibbiltà serja li tali bidla sseħħ fil-futur. Kif diġà semmejt, jidher li din id-dikjarazzjoni tikkonċerna speċifikament tipi ta’ dannu marbuta ma’ tiċpir u titbigħ ( 38 ).

45.

Fl-opinjoni tiegħi, huwa dubjuż jekk dan it-test jistax jiġi traspost direttament għall-kuntest ta’ free-riding. Fil-każ ta’ free-riding, il-perspettiva hija differenti sal-punt li l-enfażi hija fuq utenti medji tat-trade mark sussegwenti u fuq il-vantaġġ li t-trade mark sussegwenti hija mistennija li tista’ tikseb minn fuq dik preċedenti. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ma jidhirx li teħtieġ li l-benefiċċju miksub irid ikun espress, pereżempju, f’termini ta’ żieda fil-bejgħ.

46.

Pjuttost, kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza L’Oreal et ( 39 ), vantaġġ indebitu huwa miksub meta persuna tipprova, permezz tal-użu ta’ sinjal simili għal trade mark li għandha reputazzjoni, tirkeb fuq dahar dik it-trade mark sabiex tibbenefika mis-setgħa tagħha li tattira, mir-reputazzjoni tagħha u mill-prestiġju tagħha, u sabiex tisfrutta, mingħajr ma tħallas xi kumpens finanzjarju u mingħajr ma tkun mitluba tagħmel sforzi tagħha stess f’dan ir-rigward, l-isforzi tat-tqegħid fis-suq magħmula mill-proprjetarju ta’ dik it-trade mark sabiex joħloq u jsostni l-immaġini ta’ dik it-trade mark, u l-vantaġġ li jirriżulta minn tali użu għandu jkun ikkunsidrat li huwa vantaġġ li nkiseb b’mod indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni ta’ dik it-trade mark ( 40 ). Minn dan jirriżulta li l-vantaġġ miksub għandu jkun b’xi mod indebitu. Madankollu, skont l-interpretazzjoni tiegħi tal-ġurisprudenza, il-valur miżjud ta’ dak li huwa “indebitu” huwa limitat – jekk mhux noneżistenti – meta l-parti li tapplika għar-reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali sussegwenti tirkeb b’mod intenzjonali fuq dahar ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.

47.

B’mod ġenerali, jidhirli li meta, b’mod partikolari, il-prodotti u s-servizzi jkunu differenti (ħafna), l-analiżi li l-qorti tar-rinviju għandha tagħmel għandha tiffoka fuq il-karattru distintiv tat-trade mark Komunitarja preċedenti li għandha reputazzjoni: iktar ma tkun b’saħħitha r-reputazzjoni u iktar ma l-evokazzjoni tat-trade mark preċedenti mis-sinjal li għalih saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni fuq livell nazzjonali tkun immedjata u b’saħħitha, iktar ikun kbir ir-riskju li l-użu attwali jew futur tas-sinjal qiegħed jieħu, jew ser jieħu, vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark, jew qiegħed ikun, jew ser ikun, ta’ dannu għalihom (b’mod partikolari permezz ta’ tiċpir) ( 41 ).

48.

Għalkemm id-digriet tar-rinviju jinkludi biss ammont limitat ta’ informazzjoni li jista’ jippermettili nagħmel osservazzjonijiet iktar dettaljati marbuta mal-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, ma neskludix, mill-bidu, il-possibbiltà li t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti u servizzi koperti mit-trade mark nazzjonali sussegwenti jista’ jkun eħfef fid-dawl tat-trade mark preċedenti Unilever. Fl-evalwazzjoni dwar jekk jeżistix riskju serju ta’ vantaġġ indebitu, il-qorti tar-rinviju għandha għalhekk tiffoka, b’mod partikolari, fuq il-firxa ta’ kemm hija magħrufa t-trade mark Unilever u l-immaġini li tipproġetta ( 42 ), u jekk xi vantaġġ kienx (jew ser ikun) ittrasferit lejn it-trade mark sussegwenti. Tabilħaqq, fil-każ ta’ prodotti identiċi jew simili, it-trasferiment tal-vantaġġ ikun jidher kważi evidenti fih innifsu ( 43 ). Għall-kuntrarju, fil-każ ta’ prodotti u servizzi li ma humiex simili, dak it-tip ta’ “dakkir inkroċjat” ( 44 ) jista’, b’mod ġenerali, ikun iktar diffiċli li jiġi stabbilit.

49.

Għalhekk, fit-twettiq tal-analiżi tagħha fir-rigward tat-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva, il-qorti tar-rinviju għandha tagħti importanza partikolari lill-għarfien tal-pubbliku rilevanti fl-Ungerija. F’dan ir-rigward, iktar kemm tkun b’saħħitha r-reputazzjoni u iktar ma l-evokazzjoni tat-trade mark Unilever mis-sinjal li għalih saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tkun immedjata u b’saħħitha, iktar ikun kbir ir-riskju li l-użu attwali u futur tas-sinjal qiegħed jieħu, jew ser jieħu, vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark, jew ikun, jew ser ikun, ta’ dannu għalihom.

IV – Konklużjoni

50.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari tal-Fővárosi Törvényszék kif ġej:

(1)

Għall-finijiet tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, jista’ – jiddependi mit-trade mark speċifika li hija deskritta li tgawdi reputazzjoni u, għaldaqstant, mill-pubbliku kkonċernat – ikun suffiċjenti li trade mark Komunitarja tgawdi reputazzjoni fi Stat Membru wieħed, li ma hemmx bżonn li jkun l-Istat li fih tiġi invokata din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, għall-finijiet tad-determinazzjoni jekk teżistix reputazzjoni fis-sens tal-Artikolu 4(3), il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza fir-rigward tar-rekwiżit li jintwera użu ġenwin tat-trade mark ma humiex rilevanti.

(2)

Meta t-trade mark Komunitarja preċedenti ma tgawdix reputazzjoni fl-Istat Membru li fih jiġi invokat l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva, sabiex jiġi pprovat li, mingħajr raġuni valida, qiegħed jittieħed vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark Komunitarja jew qiegħed jiġi kkawżat dannu lilhom fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa meħtieġ li jintwera li proporzjon kummerċjalment rilevanti tal-pubbliku f’dak l-Istat Membru ser toħloq rabta mat-trade mark preċedenti. F’dan ir-rigward, is-saħħa tat-trade mark preċedenti tikkostitwixxi fattur importanti għall-finijiet li tiġi pprovata din l-assoċjazzjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25).

( 3 ) Il-prodotti li għalihom hija rreġistrata t-trade mark Unilever ma humiex speċifikati; lanqas ma jiġi ċċarat għal liema prodotti jirrelataw l-ishma mis-suq ikkonstatati.

( 4 ) Pereżempju, is-sentenzi Adidas-Salomon u Adidas Benelux, C‑408/01, EU:C:2003:582, punti 27 sa 31, u Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punti 57, 58 u 66 u l-ġurisprudenza ċċitata. Fejn ma hemm ebda probabbiltà ta’ konfużjoni, wieħed ma jistax jibbaża fuq ir-raġunijiet għal rifjut previsti fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva. Madankollu, ma hemmx dan ir-rekwiżit fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva. Huwa għalhekk li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jista’ jkollu interess partikolari li jibbaża fuq l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva sabiex jipproteġi lilu nnifsu kontra dannu lill-karattru distintiv jew lir-reputazzjoni tat-trade mark. Ara wkoll, reċentement, is-sentenza Intra‑Presse vs UASI, C‑581/13 P u C‑582/13 P, EU:C:2014:2387, punt 72 u ġurisprudenza ċċitata, fir-rigward ta’ dak li llum huwa l-Artikolu 8(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1) (ir-“Regolament”).

( 5 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Interflora et, C‑323/09, EU:C:2011:173, punt 50.

( 6 ) B’mod ġenerali u sa fejn jikkonċerna dan il-kuntest partikolari, dispożizzjonijiet paralleli għandhom jiġu interpretati bl-istess mod; ara s-sentenza PAGO International, C‑301/07, EU:C:2009:611, punt 22 et seq.

( 7 ) Sentenza General Motors, C‑375/97, EU:C:1999:408.

( 8 ) Ibidem, punt 28.

( 9 ) Ibidem, punt 31.

( 10 ) Sentenza PAGO International, C‑301/07, EU:C:2009:611.

( 11 ) Ibidem, punt 30.

( 12 ) Għalkemm il-kawżi General Motors u PAGO International kienu jikkonċernaw ir-“reputazzjoni” fil-konfront ta’ possibbiltà ta’ vjolazzjoni, fl-opinjoni tiegħi l-istess prinċipji għandhom japplikaw għall-Artikolu 4(3) tad-Direttiva. Tabilħaqq, ma narax kif tista’ ssir distinzjoni bejn ir-reputazzjoni meħtieġa għal oppożizzjonijiet għal reġistrazzjoni abbażi ta’ kunflitt ma’ trade marks preċedenti, minn naħa, u vjolazzjoni, min-naħa l-oħra. Iż-żewġ forom ta’ rimedju jipprovdu protezzjoni lill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti.

( 13 ) Ara s-sentenza General Motors, C‑375/97, EU:C:1999:408, punti 23, 24 u 27.

( 14 ) Ara, b’mod simili, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża PAGO International, C‑301/07, EU:C:2009:274, punt 30 et seq.

( 15 ) Ara l-premessa 3 tar-Regolament.

( 16 ) Ara wkoll il-premessa 10 tad-Direttiva.

( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza DHL Express France, C‑235/09, EU:C:2011:238, punt 44.

( 18 ) Sentenza Leno Merken, C‑149/11, EU:C:2012:816.

( 19 ) Ara l-premessa 10 tar-Regolament. Għall-ġurisprudenza ara, pereżempju, is-sentenzi Ansul, C‑40/01, EU:C:2003:145, u Construcción, Promociones e Instalaciones vs UASI — Copisa Proyectos y Mantenimientos Industriales (CPI COPISA INDUSTRIAL), T‑345/13, EU:T:2014:614.

( 20 ) Ara s-sentenza Leno Merken, EU:C:2012:816, punti 52 sa 54.

( 21 ) Dan it-tip ta’ ħsara jirreferi għad-dannu lill-karattru distintiv tat-trade mark, magħruf ukoll bħala “taħlit” u “tnaqqir”. Fi kliem il-Qorti tal-Ġustizzja, “dan id-dannu jseħħ meta tiddgħajjef il-kapaċità ta’ din it-trade mark li tidentifika l-prodotti jew is-servizzi li għalihom hija rreġistrata, peress li l-użu ta’ sinjal identiku jew simili minn terż iwassal għall-frammentazzjoni tal-identità tat-trade mark [preċedenti] u tal-influwenza tagħha fuq il-pubbliku. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta t-trade mark, li kienet tqanqal assoċjazzjoni immedjata mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom hija rreġistrata, ma tkunx iktar f’pożizzjoni li tagħmel dan” (sentenza L’Oréal et, C‑487/07, EU:C:2009:378, punt 39).

( 22 ) Dan huwa dannu għar-reputazzjoni tat-trade mark, magħruf ukoll bħala “degradazzjoni”. Dan it-tip ta’ ħsara huwa kkawżat, fi kliem il-Qorti tal-Ġustizzja, “meta l-prodotti jew is-servizzi li għalihom is-sinjal identiku jew simili jintuża minn terz jistgħu jintgħoġbu mill-pubbliku b’mod li s-saħħa ta’ attrazzjoni tat-trade mark tonqos. Il-probabbiltà ta’ tali dannu tista’ tirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li l-prodotti u s-servizzi offruti minn terz ikollhom karatteristika jew kwalità li tista’ terżerċità influwenza negattiva fuq l-immaġni tat-trade mark” (sentenza L’Oréal et, C‑487/07, EU:C:2009:378, punt 40).

( 23 ) Fir-rigward ta’ dan it-tielet tip ta’ ħsara, li huwa wkoll magħruf bħala “parassitiżmu”, din il-frażi timplika vantaġġ miksub minn parti terza b’riżultat tal-użu ta’ sinjal identiku jew simili. Dan japplika, b’mod partikolari, f’sitwazzjonijiet fejn minħabba trasferiment tal-immaġini tat-trade mark jew tal-karatteristiċi li tipproġetta fuq il-prodotti identifikati mis-sinjal identiku jew simili, teżisti esplojtazzjoni ċara minn fuq dahar it-trade mark li għandha reputazzjoni. Ara s-sentenza L’Oréal et, C‑487/07, EU:C:2009:378, punt 41.

( 24 ) Mid-digriet tar-rinviju, kif ukoll mis-sottomissjonijiet magħmula fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li Unilever jidher li qiegħdet fis-suq il-prodotti tagħha fl-Ungerija f’xi perjodu ta’ żmien qabel. Fl-opinjoni tiegħi dan jindika (suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju) li t-trade mark Unilever ma tistax, fil-fatt, tkun kompletament mhux magħrufa mill-pubbliku rilevanti fl-Ungerija.

( 25 ) Sentenza General Motors, C‑375/97, EU:C:1999:408, punt 23. Ara wkoll is-sentenza Adidas-Salomon u Adidas Benelux, C‑408/01, EU:C:2003:582, punt 29.

( 26 ) Sentenza DHL Express France, C‑235/09, EU:C:2011:238, punti 47 u 48. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Interflora u Interflora British Unit, C‑323/09, EU:C:2011:604, punt 37.

( 27 ) Ara l-premessa 6 tar-Regolament.

( 28 ) Sentenza Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655.

( 29 ) Ibidem, punt 67. Fir-rigward tal-fatturi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk teżistix tali rabta, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Adidas-Salomon u Adidas Benelux, C‑408/01, EU:C:2003:582, punt 30, u adidas u adidas Benelux, C‑102/07, EU:C:2008:217, punt 42.

( 30 ) Għandu jiġi osservat li l-pubbliku rilevanti jiddependi mit-tip ta’ ħsara inkwistjoni: filwaqt li l-eżistenza ta’ ħsara abbażi ta’ dannu għandha tiġi evalwata b’referenza għall-konsumaturi tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom hija rreġistrata t-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni, l-eżistenza ta’ ħsara li tirriżulta minn free-riding (għalkemm jista’ jiġi argumentat li t-telf huwa inqas evidenti hawn) għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-konsumaturi tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija rreġistrata t-trade mark sussegwenti. Fiż-żewġ każijiet, il-punt tat-tluq tal-analiżi huwa l-konsumatur medju li huwa informat tajjeb u raġjonevolment attent u prudenti. Ara s-sentenza Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punti 35 u 36.

( 31 ) Ibidem, punt 31.

( 32 ) Madankollu, dan ma huwiex neċessarjament il-każ u spiss jista’ jiġi preżunt li trade mark tista’ tkun akkwistat reputazzjoni tant mifruxa li tmur lil hinn mill-pubbliku rilevanti fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom ġiet irreġistrata dik it-trade mark. Dwar dawn il-kwistjonijiet, ara s-sentenza Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punti 48 sa 51.

( 33 ) F’dan is-sens, ma jkunx hemm bżonn li l-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja jopponi r-reġistrazzjoni sabiex jissalvagwarda l-interessi tiegħu. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza DHL Express France, C‑235/09, EU:C:2011:238, punti 46 u 47.

( 34 ) Ara fost l-oħrajn, pereżempju, id-digrieti Aktieselskabet af 21. November 2001 vs UASI, C‑197/07 P, EU:C:2008:721, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Japan Tobacco vs UASI, C‑136/08 P, EU:C:2009:282, punti 42 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 35 ) Ara s-sentenza Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punt 38. Tal-inqas, ir-riskju ma għandux ikun purament ipotetiku. Ara wkoll is-sentenza Rubinstein u L’Oréal vs UASI, C‑100/11 P, EU:C:2012:285, punt 95.

( 36 ) Bently, L. u Sherman, B., Intellectual Property Law, ir-raba’ edizzjoni, Oxford University Press, 2014, p. 1004.

( 37 ) Sentenza Interflora u Interflora British Unit, C‑323/09, EU:C:2011:604.

( 38 ) Ara s-sentenza Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punt 77. Ara wkoll is-sentenza Environmental Manufacturing vs UASI, C‑383/12 P, EU:C:2013:741, punti 36 u 37.

( 39 ) Sentenza L’Oréal et, C‑487/07, EU:C:2009:378.

( 40 ) Ibidem, punt 49.

( 41 ) Ibidem, punt 44.

( 42 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi Sigla vs UASI – Elleni Holding (VIPS), T‑215/03, EU:T:2007:93, punt 35, u Antartica vs UASI – Nasdaq Stock Market (nasdaq), T‑47/06, EU:T:2007:131, punt 60.

( 43 ) Diġà fis-sentenza Davidoff, C‑292/00, EU:C:2003:9, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li, għalkemm il-kliem ta’ dak li llum huwa l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva jista’ jidher li jissuġġerixxi mod ieħor, din id-dispożizzjoni tista’ tiġi invokata, mhux biss kontra sinjali identiċi jew simili użati fir-rigward ta’ prodotti u servizzi li ma humiex simili, iżda wkoll fir-rigward ta’ prodotti u servizzi identiċi jew simili għal dawk koperti mit-trade mark li għandha reputazzjoni. Ara, b’mod partikolari, il-punti 24, 25 u 30 tas-sentenza.

( 44 ) Bently u Sherman, op.cit., p. 1007.

Top