Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0115

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati fid-9 ta’ Settembru 2015.
    RegioPost GmbH & Co. KG vs Stadt Landau in der Pfalz.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Koblenz.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 56 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Direttiva 96/71/KE – Artikolu 3(1) – Direttiva 2004/18/KE – Artikolu 26 – Kuntratti pubbliċi – Servizzi postali – Leġiżlazzjoni ta’ entità reġjonali ta’ Stat Membru li timponi fuq l-offerenti u s-subappaltaturi tagħhom li jintrabtu li jħallsu paga minima lill-persunal li jkun qed jeżegwixxi s-servizzi fil-mira ta’ kuntratt pubbliku.
    Kawża C-115/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:566

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    MENGOZZI

    ppreżentati fid-9 ta’ Settembru 2015 ( 1 )

    Kawża C‑115/14

    RegioPost GmbH & Co. KG

    vs

    Stadt Landau

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Koblenz (il-Ġermanja)]

    “Sitwazzjoni purament interna — Identità nazzjonali — Artikolu 4(2) TUE — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Artikolu 56 TFUE — Direttiva 96/71/KE — Artikolu 3(1) — Direttiva 2004/18/KE — Artikolu 26 — Kuntratti pubbliċi — Servizzi postali — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq l-offerenti u s-subappaltaturi tagħhom, li jintrabtu li jħallsu paga minima lill-persunal li jkun qed iwettaq is-servizzi fil-mira tal-kuntratt pubbliku”

    I – Introduzzjoni

    1.

    Fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, awtorità kontraenti ta’ Stat Membru hija awtorizzata, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, li teżiġi, mill-offerenti u mis-subappaltaturi tagħhom, li jintrabtu li jħallsu paga minima fis-siegħa lil persunal li jkun ser jeżegwixxi s-servizzi fil-mira tal-imsemmi kuntratt?

    2.

    Dan huwa essenzjalment, il-qofol tad-domandi preliminari magħmula mill-Oberlandesgericht Koblenz (il-Ġermanja) fil-kuntest tat-tilwima bejn RegioPost GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “RegioPost”), fornitur ta’ servizzi postali u Stadt Landau in der Pfalz, komun li jinsab fil-Land ta’ Rheinland-Pfalz.

    3.

    Din il-kwistjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonfrontat fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Rüffert (C‑346/06, EU:C:2008:189) u Bundesdruckerei (C‑549/13, EU:C:2014:2235), għalkemm f’ċirkustanzi legali u fattwali differenti, teħtieġ, essenzjalment, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi ( 2 ) u l-Artikolu 56 TFUE fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    4.

    Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, fit-23 ta’ April 2013, l-iStadt Landau in der Pfalz ħareġ sejħa għal offerti fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea, li kellha fil-mira tagħha kuntratt pubbliku relatat mas-servizzi postali ta’ din il-belt, maqsuma f’żewġ lottijiet.

    5.

    Huwa paċifiku li fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, la kien hemm paga minima ġenerali fil-Ġermanja, peress li din ma ġietx introdotta, bir-rata ta’ EUR 8.50 fis-siegħa (gross), ħlief mill-1 ta’ Jannar 2015, u lanqas ftehim kollettiv li japplika b’mod ġenerali u mandatorju, li jkopri r-relazzjonijiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tas-servizzi postali.

    6.

    Dan premess, skont l-indikazzjonijiet fl-avviż tal-kuntratt maħruġ mill-iStadt Landau in der Pfalz dwar il-“kapaċità ekonomika u finanzjarja” tal-kontraent, dan tal-aħħar kellu josserva d-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Land ta’ Rheinland-Pfalz relatata mal-garanzija tal-osservanza tal-ftehim kollettiv u tal-paga minima fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi [(Landesgesetz zur Gewährleistung von Tariftreue und Mindestentgelt bei öffentlichen Auftragsvergaben (Landestariftreuegesetz), iktar ’il quddiem il-“LTTG”] tal-1 ta’ Diċembru 2010.

    7.

    L-Artikolu 1 tal-LTTG jistabbilixxi li din il-liġi għandha l-għan li tissielet kontra t-tixkil tal-kompetizzjoni fil-kuntest tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi, li jirriżulta mill-użu ta’ persunal b’salarji baxxi u li ttaffi l-piżijiet fuq is-sistemi tas-sigurtà soċjali. L-awtorità kontraenti ma tistax għalhekk tagħti kuntratti pubbliċi ħlief lil impriżi li jħallsu lill-impjegati tagħhom il-paga minima prevista fil-liġi.

    8.

    L-Artikolu 3(1) tal-LTTG jippreċiża li l-kuntratti pubbliċi ma jistgħux jingħataw ħlief lil impriżi li fil-mument tad-depożitu tal-offerta tagħhom jintrabtu bil-miktub li jħallsu lil persunal tagħhom, għat-twettiq tas-servizz, paga ta’ mill-inqas EUR 8.50 (gross) fis-siegħa (paga minima) u li jimplementaw favur l-impjegati, matul il-perijodu tal-eżekuzzjoni, emendi fil-paga minima. Fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 3(2) tal-LTTG, il-paga minima fis-siegħa stabbilita fl-Artikolu 3 tal-LTTG, żdiedet għal EUR 8.70 (gross) permezz tar-regolament tal-Gvern tal-Land ta’ Rheinland-Pfalz. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(1) tal-LTTG iżid jgħid li, jekk id-dikjarazzjoni relatata mal-paga minima tkun nieqsa meta tiġi ddepożitata l-offerta u jekk lanqas ma tiġi ppreżentata wara li ssir talba f’dan is-sens, l-offerta tiġi eskluża mill-evalwazzjoni.

    9.

    L-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni kien fihom “mudell tad-dikjarazzjoni” skont l-Artikolu 3 tal-LTTG li kien jistieden lil offerenti sabiex jippreżentaw, fil-mument tad-depożitu tal-offerta tagħhom, id-dikjarazzjoni f’isimhom, dwar l-osservanza tal-paga minima u d-dikjarazzjonijiet f’isem is-subappaltaturi tagħhom.

    10.

    Fis-16 ta’ Mejju 2013, RegioPost saħqet li d-dikjarazzjonijiet dwar il-paga minima msemmija fl-Artikolu 3 tal-LTTG kienu jmorru kontra d-dritt tal-kuntratti pubbliċi. Hija hemżet, mal-offerta tagħha, li ġiet iddepożitata fiż-żmien rikjest, id-dikjarazzjonijiet tas-subappaltaturi li ħejjiet hija stess, mingħajr iżda ma ddepożitat waħda għaliha stess.

    11.

    Fil-25 ta’ Ġunju 2013, l-iStadt Landau in der Pfalz ta lil RegioPost il-possibbiltà li tippreżenta, a posteriori, fi żmien erbatax-il jum, id-dikjarazzjonijiet relatati mal-paga minima msemmija fl-Artikolu 3 tal-LTTG, filwaqt li indika li kien ser jeskludi l-offerta ta’ RegioPost kemm-il darba din tal-aħħar tonqos li tissodisfa din it-talba.

    12.

    Fis-27 ta’ Ġunju 2013, mingħajr ma ppreżentat id-dikjarazzjonijiet mitluba mill-awtorità kontraenti, RegioPost sostniet l-ilmenti tagħha u stqarret li, fil-każ tal-esklużjoni tal-offerta tagħha, hija kienet ser tressaq azzjoni ta’ kontestazzjoni.

    13.

    Fil-11 ta’ Lulju 2013, l-awtorità kontraenti informat lil RegioPost li l-offerta tagħha ma setgħetx tiġi evalwata fin-nuqqas tad-dikjarazzjonijiet mitluba. Hija indikat ukoll li ż-żewġ lottijiet tal-kuntratt inkwistjoni kienu ser jingħataw rispettivament lil PostCon Deutschland GmbH u lil Deutsche Post AG.

    14.

    Fit-23 ta’ Ottubru 2013, il-Vergabekammer Rheinland-Pfalz (il-kamra tal-kuntratti pubbliċi tal-Land ta’ Rheinland-Pfalz) ċaħdet l-azzjoni mressqa minn RegioPost, billi qieset, b’mod partikolari, li l-offerta kienet ġiet ġustament eskluża minħabba n-nuqqas tad-dikjarazzjonijiet relatati mal-paga minima, li kienu ġew mitluba kif suppost, mill-awtorità kontraenti.

    15.

    Adita bit-tilwima fl-appell, il-qorti tar-rinviju qieset li s-soluzzjoni għal dan tal-aħħar tiddependi fuq id-determinazzjoni tal-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 3 tal-LTTG huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

    16.

    B’mod iktar preċiż, hija qieset li l-Artikolu 3 tal-LTTG fih “kundizzjoni partikolari li tikkonċerna l-eżekuzzjoni tal-kuntratt”, liema kundizzjoni għandha fil-mira tagħha “kunsiderazzjonijiet soċjali” fis-sens tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18, kundizzjoni li tkun biss leċita jekk tkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    17.

    Il-qorti tar-rinviju tqis li ma hijiex f’pożizzjoni li tivverifika din il-kompatibbiltà, fid-dawl ukoll tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari tas-sentenza Rüffert (C‑346/06, EU:C:2008:189).

    18.

    Għal dak li għandu x’jaqsam mal-kompatibbiltà tal-Artikolu 3 tal-LTTG mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 TFUE, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-obbligu impost fuq l-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra, li jadattaw is-salarji mħallsa lill-impjegati tagħhom għal-livell tar-remunerazzjoni, li normalment huwa ogħla, applikabbli fil-post tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt fil-Ġermanja, itellef lil dawn l-impriżi minn vantaġġ kompetittiv. Għalhekk, l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 3 tal-LTTG jikkostitwixxi ostakolu li, fil-prinċipju, huwa pprojbit mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 TFUE.

    19.

    Il-qorti tar-rinviju tqis madankollu li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 3 tal-LTTG għall-imsemmija impriżi, kemm-il darba jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi ( 3 ), kienu ġew issodisfatti.

    20.

    Hija għandha madankollu xi dubji f’dan ir-rigward.

    21.

    Minn naħa, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, jekk l-Artikolu 3 tal-LTTG jikkostitwixxi dispożizzjoni leġiżlattiva li tistabbilixxi hija stess ir-rata tal-paga minima, din id-dispożizzjoni ma tiggarantixxix il-ħlas ta’ tali paga lill-persunal kollu tal-kontraenti. Hija tillimita ruħha, fil-fatt, għall-projbizzjoni imposta fuq l-awtoritajiet kontraenti li jagħtu kuntratt pubbliku lil offerenti li ma jintrabtux li jħallsu l-paga minima lil ħaddiema mqabbda sabiex jeżegwixxu l-imsemmi kuntratt biss.

    22.

    Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 3 tal-LTTG japplika biss għal kuntratti pubbliċi u mhux għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratti privati. Ħaddiem li jkun tqabbad sabiex jeżegwixxi tali kuntratt ma jistħoqqlux inqas protezzjoni soċjali minn ħaddiem li jeżegwixxi kuntratt pubbliku. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-applikazzjoni tas-sentenza Rüffert (C-346/06, EU:C:2008:189) f’sitwazzjoni bħalma hija dik fi-kawża prinċipali tkun kontroversjali fil-Ġermanja. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha dubji serji dwar it-teżi li r-rekwiżit tal-applikazzjoni ġenerali ta’ rata ta’ paga minima għat-tipi kollha ta’ kuntratti inkwistjoni ma huwiex limitat ħlief għas-sitwazzjoni, li minnha oriġinat is-sentenza Rüffert, li fiha din ir-rata tkun stabbilita permezz ta’ ftehim kollettiv u mhux permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi.

    23.

    Fl-aħħar nett, f’każ li jiġi konkluż li r-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 3 tal-LTTG huwa kompatibbli mal-Artikolu 56 TFUE, il-qorti tar-rinviju tqis li jkun hemm lok, sussegwentement, li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà, mal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18, tas-sanzjoni prevista fl-Artikolu 3 tal-LTTG, jiġifieri l-esklużjoni tal-offerent mill-parteċipazzjoni fil-proċedura għall-għoti tal-kuntratt. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju għandha d-dubji tagħha dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-kundizzjoni tal-Artikolu 3 tal-LTTG tistax tiġi kklassifikata bħala kriterju ta’ selezzjoni kwalitattiva, li n-nuqqas tal-osservazzjoni tiegħu jkun jista’ jiġġustifika l-esklużjoni tal-offerent. Barra minn hekk, hija tqis li s-sanzjoni stabbilita fl-Artikolu 3 tal-LTTG hija inutli peress li l-kontraenti jkun kuntrattwalment marbut li jħallas il-paga minima legali ladarba l-kuntratt ikun ġie konkluż, filwaqt li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu huwa suġġett għall-penali stabbilita fl-Artikolu 7 tal-LTTG.

    24.

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-[ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 TFUE], flimkien mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [96/71], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tobbliga lil awtorità kontraenti pubblika tagħti kuntratti biss lil impriżi li jimpenjaw ruħhom, b’subappaltaturi li wkoll jimpenjaw ruħhom bil-miktub, meta tiġi ppreżentata l-offerta, li jħallsu lill-impjegati tagħhom inkarigati bl-eżekuzzjoni tal-kuntratt, salarju minimu li jiġi stabbilit mill-Istat għall-kuntratti pubbliċi biss, iżda mhux għall-kuntratti privati, meta la jkun jeżisti salarju minimu ġenerali legali u lanqas ftehim kollettiv ta’ portata ġenerali li jorbot lill-eventwali offerent magħżul u lill-eventwali subappaltaturi tiegħu?

    2)

    Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

    Id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, b’mod partikolari l-Artikolu 26 tad-Direttiva [2004/18], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali bħat-tielet sentenza tal-Artikolu 3(1) LTTG li jipprevedi l-esklużjoni obbligatorja ta’ offerta fil-każ fejn operatur ekonomiku ma jimpenjax ruħu, mal-preżentazzjoni tal-offerta, f’dikjarazzjoni separata, għal att li, fil-każ tal-għoti tal-kuntratt, ikun kuntrattwalment marbut iwettaq anki jekk ma jkunx ippreżenta din id-dikjarazzjoni?”

    25.

    Dawn id-domandi kienu fil-mira tal-osservazzjonijiet bil-miktub min-naħa tal-iStadt Landau in der Pfalz, ta’ Deutsche Post AG, tal-Gvernijiet Ġermaniżi, Daniżi, Taljani, Awstrijaċi u Norveġiżi, kif ukoll min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea. Bl-eċċezzjoni tal-Gvern Taljan u dak Awstrijak, dawn il-partijiet kif ukoll RegioPost ittrattaw oralment il-kawża waqt is-seduta tad-29 ta’ April 2015.

    II – Analiżi

    A – Dwar l-ewwel domanda preliminari

    26.

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà mal-Artikolu 56 TFUE u mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, ta’ leġiżlazzjoni adottata minn entità federata ta’ Stat Membru li tobbliga lil offerenti u lis-subappaltaturi tagħhom li jintrabtu, permezz ta’ dikjarazzjoni bil-miktub li għandha tiġi mehmuża mal-offerta tagħhom, li jħallsu lil persunal li jkun ser jitqabbad sabiex jeżegwixxi s-servizzi fil-mira tal-kuntratt pubbliku, paga minima ta’ EUR 8.70 (gross) fis-siegħa, stabbilit mill-imsemmija leġiżlazzjoni.

    1. Dwar il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

    27.

    L-iStadt Landau in der Pfalz kif ukoll il-Gvernijiet Ġermaniżi u Taljani jsostnu li, kemm-il darba l-elementi kollha tal-kawża prinċipali jkunu limitati għall-konfini tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ma hemmx lok li tingħata risposta għal din id-domanda, peress li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni relatati mal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi ma jkunux applikabbli għal tali sitwazzjoni.

    28.

    Dan l-argument ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, jirnexxi.

    29.

    Huwa minnu li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju, l-impriżi kollha li pparteċipaw fil-proċedura għall-għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni huma stabbiliti fil-Ġermanja, dan il-kuntratt huwa eżegwit fit-territorju tal-Ġermanja, mingħajr ma jidher, fuq kollox, mill-elementi tal-proċess, li sejħu xi impriżi subappaltaturi stabbiliti fit-territorju ta’ Stati Membri oħra sabiex jipparteċipaw fl-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt.

    30.

    Huwa minnu wkoll li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma japplikawx għal attivitajiet li t-totalità tal-elementi rilevanti tagħhom, hija limitata għall-intern ta’ Stat Membru wieħed biss ( 4 ).

    31.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis mandankollu li hija kompetenti sabiex tirrispondi għad-domandi li jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertajiet fundamentali, f’kuntesti fejn l-elementi kollha jkunu limitati għal Stat Membru wieħed biss u dan fi tliet każijiet: fejn “imkien ma huwa eskluż” li ċittadini ta’ Stati Membri oħra jistgħu, f’sitwazzjonijiet simili, iħabbtu wiċċhom mal-miżuri nazzjonali kontenzjużi tal-Istat Membru inkwistjoni meta jiġu biex jeżerċitaw wieħed mill-imsemmija libertajiet ( 5 ), meta d-dritt intern jipprojbixxi d-diskriminazzjoni hekk imsejħa “diskriminazzjoni inversa” ( 6 ) u/jew meta, sabiex tissolva tilwima purament interna, id-dritt intern jirreferi, fil-prinċipju u b’mod “dirett u mhux kundizzjonali”, għan-normi tad-dritt tal-Unjoni ( 7 ).

    32.

    Fil-kuntest tal-ewwel linja ta’ ġurisprudenza li għadha kif issemmiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fis-sentenzi Venturini et u Sokoll-Seebacher, li hija kienet kompetenti sabiex tirrispondi għal domandi preliminari li, minkejja n-natura purament interna tas-sitwazzjonijiet li taw lok għall-imsemmija domandi, kienu jikkonċernaw il-kompatibbiltà, mal-libertà ta’ stabbiliment ggarantita mit-trattat, tar-regoli nazzjonali li setgħu jipproduċu effetti li ma humiex limitati għal Stat Membru wieħed. Fil-fatt, f’dawn il-każijiet, “imkien ma huwa eskluż” li ċittadini ta’ Stati Membri oħra setgħu kienu jew kienu interessati li jagħmlu użu mil-libertà fundamentali inkwistjoni f’dawn il-kawżi ( 8 ).

    33.

    Lil hinn mis-sitwazzjoni partikolari tat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher għalhekk li hija marbuta li tivverifika jekk, minħabba l-għan jew l-istess natura tagħha, il-miżura nazzjonali inkwistjoni tistax tipproduċi effetti transkonfinali. Jekk dan huwa l-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha taċċetta li tirrispondi għad-domandi rreferuti lilha.

    34.

    Din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta għal din il-kawża.

    35.

    Il-LTTG għandha l-għan li timponi fuq l-kontraenti ta’ kuntratti pubbliċi organizzati mill-awtoritajiet kontraenti tal-Land ta’ Rheinland-Pfalz, l-osservanza tal-paga minima stabbilita minn dan il-Land fl-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kuntratti. L-Artikolu 3 tal-LTTG jobbliga lil kull wieħed mill-offerenti kif ukoll lis-subappaltaturi eventwali tagħhom, indipendentement minn nazzjonalità jew mil-lok tar-residenza tagħhom, li jintrabtu bil-miktub, meta jiddepożitaw l-offerta, li josservaw l-imsemmija paga minima f’każ li l-kuntratt jiġi finalment mogħti lilhom. Bħala tali, il-LTTG tista’ tipproduċi għalhekk effetti li jmorru lil hinn mit-territorju Ġermaniż, peress li r-rekwiżiti li dan it-test jistabbilixxi japplikaw, mingħajr distinzjoni, għas-sejħiet kollha għal offerti, inklużi dawk fil-livell tal-Unjoni Ewropea, maħruġa mill-awtoritajiet kontraenti tal-Land ta’ Rheinland-Pfalz.

    36.

    Din kienet, barra minn hekk, is-sitwazzjoni fil-mument tas-sejħa għal offerti li tat lok għall-kawża prinċipali. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-proċess mibgħut mill-qorti tar-rinviju u kif ġie kkonfermat waqt is-seduta mill-iStadt Landau in der Pfalz, il-kuntratt pubbliku inkwistjoni nħareġ fuq il-livell tal-Unjoni u l-valur tiegħu huwa stmat li jeċċedi sewwa l-limitu ta’ EUR 200000 previst mill-Artikolu 7(b) tad-Direttiva 2004/18, li kien applikabbli fil-mument tal-fatti fil-kawża prinċipali għal kuntratti pubbliċi għal servizzi ( 9 ).

    37.

    Bl-ebda mod ma jista’ jiġi eskluż għalhekk li, meta ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, din is-sejħa għal offerti setgħet interessat ċertu numru ta’ impriżi stabbiliti f’dawn l-Istati Membri għajr ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, iżda li finalment ma pparteċipawx fil-proċedura għall-għoti, minħabba raġunijiet li jistgħu jkunu marbuta mar-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 3 tal-LTTG.

    38.

    Iżda hija fuq kollox ir-rabta li l-kawża prinċipali għandha mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18, li l-applikabbiltà tagħha hija inekwivoka, li tikkonvinċini sabiex inwarrab l-oġġezzjoni tal-inkompetenza u tal-inammissibbiltà sollevata mill-iStadt Landau in der Pfalz u mill-Gvern Ġermaniż u dak Taljan ( 10 ).

    39.

    Kif ġustament stqarret il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 26 ta’ din id-direttiva jagħti lill-awtoritajiet kontraenti d-dritt li “jniżżlu kondizzjonijiet speċjali relatati mat-twettiq [...] [tal-]kuntratt”, li jistgħu jipprevedu “kunsiderazzjonijiet soċjali”, kemm-il darba dawn ikunu indikati fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u jkunu “kompatibbli mal-liġi tal-[Unjoni]”.

    40.

    Ir-riferiment, għalhekk li jagħmel l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18 għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, ifisser li l-kundizzjonijiet relatati mal-osservanza ta’ rata ta’ paga minima, previsti mill-Artikolu 3 tal-LTTG li huma marbuta mal-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku, għandhom ikunu kompatibbli mal-imsemmija dispożizzjonijiet, inkluża għalhekk, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, iggarantita mit-Trattat.

    41.

    Barra minn hekk, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkorrispondi għall-qofol stess tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, li għandhom l-għan, b’mod partikolari, li jiffavorixxu l-iżvilupp tal-kompetizzjoni effettiva u jistabbilixxu kriterji għall-għoti tal-kuntratt bl-għan li jiggarantixxu tali kompetizzjoni ( 11 ).

    42.

    Peress li l-qorti tar-rinviju għandha, l-istess bħall-awtorità kontraenti, tiżgura l-garanzija tal-ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti li jkunu qed jipparteċipaw fis-sejħa għal offerti fir-rigward ta’ kuntratt li jaqa’ fl-ambitu tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18, din tal-aħħar timponi għalhekk, fuq l-imsemmija qorti, li tikkonforma, fl-għoti tas-soluzzjonijiet f’sitwazzjoni purament interna, mas-soluzzjonijiet ipprovduti fid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari sabiex tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi jew tixkil eventwali tal-kompetizzjoni ( 12 ).

    43.

    Għalhekk, fi kwalunkwe każ, inkwantu l-avviż tal-kuntratt fil-kawża prinċipali jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18, jidhirli li huma qabel kollox il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 26 ta’ din tal-aħħar li huma, fil-fatt, fil-mira tal-interpretazzjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda preliminari tagħha. Għalhekk, jekk l-ewwel domanda rreferuta mill-qorti tar-rinviju tiġi fformulata mill-ġdid b’mod li din tkun tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun neċessarjament kompetenti sabiex tinterpreta dan l-artikolu. Fil-fatt, l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18 ma tiddependix mir-rabta effettiva mal-moviment liberu bejn l-Istati Membri; dawn id-dispożizzjonijiet isiru rilevanti jekk l-ammont tal-kuntratt fil-kawża prinċipali jeċċedi l-limiti ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ( 13 ), li huwa l-każ fil-kawża prinċipali.

    44.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari rreferuta mill-qorti tar-rinviju. Kif indikat, tali kompetenza hija, fl-opinjoni tiegħi, evidenti jekk din id-domanda kellha tiġi fformulata mill-ġdid, fis-sens li hija għandha fil-mira tagħha l-interpretazzjoni tal-portata tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18.

    2. Fuq il-mertu

    45.

    Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti relatati mal-formulazzjoni mill-ġdid tad-domanda rreferuta mill-qorti tar-rinviju, inqis li din tal-aħħar tixtieq tkun taf, sostantivament, jekk hemmx lok li l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18 jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ entità reġjonali ta’ Stat Membru, li tobbliga lil offerenti u s-subappaltaturi tagħhom li jintrabtu, permezz ta’ dikjarazzjoni bil-miktub li għandha tiġi mehmuża mal-offerta tagħhom, li jħallsu lil persunal li jkun ser jeżegwixxi s-servizzi fil-mira tal-kuntratt pubbliku, paga minima fis-siegħa ta’ EUR 8.70 (gross), stabbilit fl-imsemmija liġi.

    46.

    L-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18 jawtorizza lill-awtoritajiet kontraenti li jissuġġettaw l-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku għal “kondizzjonijiet speċjali”, li jistgħu jipprevedu “kunsiderazzjonijiet soċjali”, kemm-il darba, minn naħa, dawn il-kundizzjonijiet ikunu indikati fl-avviż jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, u min-naħa l-oħra jkunu “kompatibbli mal-liġi tal-[Unjoni]”.

    47.

    Fil-kawża prinċipali, l-osservanza mill-kontraenti tad-dispożizzjonijiet tal-LTTG, b’mod partikolari tal-Artikolu 3 tagħha, kienet indikata b’mod ċar kemm fl-avviż kif ukoll fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Barra minn hekk, ma hemmx dubju, fl-opinjoni tiegħi, li l-“kunsiderazzjonijiet soċjali”, imsemmija fl-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18, jinkludu l-osservanza, mill-impriża kontraenti u mill-eventwali subappaltaturi tagħha, fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku, tar-rata ta’ paga minima stabbilita mil-liġi għall-benefiċċju tal-ħaddiema li jingħataw din il-biċċa xogħol.

    48.

    Il-premessa 34 ta’ din l-istess direttiva tikkonferma li l-“liġijiet, regoli […], nazzjonali […], li huma fis-seħħ fl-oqsma tal-kondizzjonijiet tax-xogħol […], japplikaw matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku, bil-kondizzjoni illi dawn ir-regoli, u l-applikazzjoni tagħhom, jikkonformaw mal-liġi [tal-Unjoni]” ( 14 ). L-osservanza ta’ rata ta’ paga minima tista’ perfettament tagħmel parti mill-kategorija tal-kundizzjonijiet tax-xogħol ( 15 ).

    49.

    Skont l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18, moqri fid-dawl tal-premessa 34 ta’ din tal-aħħar, il-possibbiltà li l-osservanza ta’ tali rata ta’ paga minima tiġi imposta, għandha madankollu tkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

    50.

    Għalhekk, il-kwistjoni hija waħda li jiġi vverifikat jekk ir-rekwiżit tal-osservanza ta’ rata ta’ paga minima fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku, bħalma huwa dak fil-kawża prinċipali, huwiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet rilevant tad-dritt tal-Unjoni.

    51.

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-partijiet ikkonċernati jqisu li tali eżami għandu jsir l-ewwel u qabel kollox, jekk mhux esklużivament, fid-dawl tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, inkwantu din id-dispożizzjoni tirregola l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg li jistgħu jeżiġu l-Istati Membri min-naħa tal-impriżi li jimpjegaw ħaddiema, għal żmien temporanju, fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi.

    52.

    Din il-linja ta’ ħsieb ma tikkonvinċinix.

    53.

    Ir-raġuni għal dan hija li huwa stabbilit li l-kawża prinċipali ma tikkonċerna l-ebda miżura ta’ impjieg tal-ħaddiema msemmija fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 96/71. B’mod partikolari, għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt li għalih għamlet l-offerta tagħha RegioPost, li hija stabbilita fil-Ġermanja, hija ma kellhiex l-intenzjoni li tqabbad xi stabbiliment jew xi impriża fil-grupp tagħha sabiex timpjega ħaddiema fit-territorju Ġermaniż, lanqas li tuża s-servizzi ta’ impriża ta’ xogħol temporanju jew ta’ impriża li tipprovdi ħaddiema minn Stat Membru ieħor, sabiex tibbenefika mill-impjieg ta’ dawn tal-aħħar fil-Ġermanja.

    54.

    Mill-perspettiva tal-applikazzjoni tad-Direttiva 96/71, is-sitwazzjoni li minnha oriġinat il-kawża preżenti ma hijiex daqshekk differenti, sostantivament, minn dik li tat lok għas-sentenza Bundesdruckerei (C‑549/13, EU:C:2014:2235), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet li teżamina l-kompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, tal-leġiżlazzjoni tal-Land Ġermaniż li kienet timponi l-osservanza, mill-impriżi kontraenti tal-kuntratt pubbliku, ta’ rata ta’ paga minima stabbilita minn din l-istess leġiżlazzjoni, għar-raġuni li s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali ma kinitx koperta minn waħda mit-tliet miżuri transnazzjonali msemmija fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 96/71 ( 16 ).

    55.

    Fil-fatt, mit-talba għal deċiżjoni preliminari f’dik il-kawża kien jirriżulta li l-impriża Bundesdruckerei ma kellhiex l-intenzjoni li teżegwixxi l-kuntratt pubbliku inkwistjoni (li kien jirreferi għall-enumerazzjoni ta’ dokumenti u għall-konverżjoni ta’ data għal komun Ġermaniż) permezz tal-impjieg ta’ ħaddiema fit-territorju Ġermaniż, iżda billi tagħtih f’idejn ħaddiema ta’ waħda mill-impriżi sussidjarji tagħha, stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, jiġifieri r-Repubblika tal-Polonja ( 17 ).

    56.

    Fi kliem ieħor, skont ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm is-sitwazzjoni kienet waħda transnazzjonali, din tal-aħħar ma kinitx timplika ċ-ċaqliq, għal żmien temporanju, lejn it-territorju Ġermaniż, għall-eżekuzzjoni tal-provvista ta’ servizzi inkwistjoni.

    57.

    Irid jingħad ukoll li sabiex warrbet l-applikazzjoni tad-Direttiva 96/71, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ffokatx fuq is-sitwazzjoni kif kienet fil-mument meta l-awtorità kontraenti ħarġet l-avviż tagħha għall-kuntratt fuq livell Ewropew, mument li fih l-impjieg ta’ ħaddiema fit-territorju Ġermaniż kien għadu possibbli, iżda fuq is-sitwazzjoni preċiża tal-impriża Bundesdruckerei, li tat lok għar-rinviju preliminari.

    58.

    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, minn dawn iċ-ċirkustanzi, li kien biss l-Artikolu 56 TFUE li kien rilevanti għall-kawża Bundesdruckerei (C‑549/13, EU:C:2014:2235, punt 29).

    59.

    Din hija wkoll l-attitudni, fl-opinjoni tiegħi, li għandha tiġi adottata fil-kawża preżenti.

    60.

    Għalhekk, f’sitwazzjoni bħalma hija dik fil-kawża prinċipali, inqis li r-rinviju abbażi tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18, għad-dritt tal-Unjoni, għandu biss fil-mira tiegħu l-Artikolu 56 TFUE.

    61.

    Għal dak li għandu x’jaqsam mal-verifika tal-kompatibbiltà ta’ regola tad-dritt nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 3 tal-LTTG, mal-Artikolu 56 TFUE, din teħtieġ essenzjalment li jiġi ddeterminat jekk ir-rata ta’ paga minima, prevista fil-leġiżlazzjoni tal-Land ta’ Rheinland-Pfalz, tikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li tista’ tiġi ġġustifikata abbażi tal-għan tal-ġlieda kontra t-tixkil tal-kompetizzjoni jew l-għan tal-protezzjoni tal-ħaddiema, kif sostnew kemm l-iStadt Landau in der Pfalz kif ukoll il-Gvern Ġermaniż.

    62.

    L-ewwel nett, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma hemm l-ebda dubju li, meta wieħed jeżiġi l-osservanza ta’ rata ta’ paga minima fis-siegħa ta’ EUR 8.70 (gross) min-naħa tal-kontraenti tal-kuntratti pubbliċi u tas-subappaltaturi eventwali tagħhom, leġiżlazzjoni bħalma hija dik tal-Land ta’ Rheinland-Pfalz, tista’ tpoġġi, fuq fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja, fejn ir-rati tal-paga minima huma inferjuri, piż ekonomiku supplimentari li jista’ jipprojbixxi, itellef jew jagħmel inqas attraenti l-eżekuzzjoni tas-servizzi tagħhom fil-Ġermanja. Għalhekk, tali miżura nazzjonali tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE ( 18 ).

    63.

    Sussegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk tali miżura nazzjonali tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl, b’mod partikolari, tal-għan tal-protezzjoni tal-ħaddiema.

    64.

    F’dan ir-rigward, kemm RegioPost kif ukoll il-Kummissjoni jqisu li, b’riferiment, b’mod partikolari, għall-punti 29 u 39 tas-sentenza Rüffert (C‑346/06, EU:C:2008:189), dan mhux il-każ peress li l-protezzjoni li joffri l-Artikolu 3(1) tal-LTTG ma testendix għall-ħaddiema li jitqabbdu jeżegwixxu kuntratti privati.

    65.

    Jiena ma naqbilx ma’ din il-pożizzjoni.

    66.

    Fil-kawża Rüffert, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija dwar il-kwistjoni tal-kompatibbiltà mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 u mal-Artikolu 56 TFUE tal-leġiżlazzjoni ta’ Land Ġermaniż li kienet teżiġi mill-kontraenti ta’ kuntratti pubbliċi tal-kostruzzjoni u ta’ trasporti pubbliċi lokali, li josservaw, fl-eżekuzzjoni tal-imsemmija kuntratti, ir-rata ta’ paga stabbilita minn ftehim kollettiv li għalih kienet tirreferi l-leġiżlazzjoni tal-Land inkwistjoni.

    67.

    Fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 96/71 li, fid-dawl tar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Rüffert (C‑346/06, EU:C:2008:189) hija wkoll rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE, qamet għalhekk il-kwistjoni dwar jekk il-ftehim kollettiv inkwistjoni f’din il-kawża kienx ġie ddikjarat bħala wieħed ta’ applikazzjoni ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan ma kienx il-każ u li għalhekk il-modalitajiet sabiex tiġi stabbilita r-rata tal-paga minima previsti fid-Direttiva 96/71 ma kinux ġew issodisfatti.

    68.

    Jekk wieħed iħares daqsxejn lil hinn minn din il-problema ( 19 ) u jeżamina l-effett ġenerali u vinkolanti ta’ ftehim kollettiv bħalma huwa dak inkwistjoni f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 29 tas-sentenza Rüffert (C‑346/06, EU:C:2008:189), li tali effett ma setax jiġi kkonstatat peress li, b’mod partikolari, il-“leġiżlazzjoni” tal-Land inkwistjoni, li kienet tirreferi għall-osservanza ta’ rata ta’ paga stabbilita permezz ta’ dan il-ftehim, “[kienet] tapplika biss għall-kuntratti pubbliċi u mhux għall-kuntratti privati”.

    69.

    Fil-punt 39 tas-sentenza Rüffert (C‑346/06, EU:C:2008:189), punt li jidħol fir-raġunament “konfermattiv” tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 56 TFUE, din tal-aħħar adottat kelma b’kelma l-evalwazzjoni ċċitata iktar ’il fuq, misjuba fil-punt 29 tal-imsemmija sentenza.

    70.

    Il-portata tal-evalwazzjoni li tirriżulta mill-punti 29 u 39 tas-sentenza Rüffert għandha madankollu u minn issa ’l quddiem tittieħed b’mod relattiv fid-dawl tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18, dispożizzjoni li hija għal kollox ġdida fid-dritt tal-Unjoni tal-kuntratti pubbliċi u li ma kinitx applikabbli fil-mument tal-fatti li taw lok għall-imsemmija sentenza ( 20 ).

    71.

    Kif diġà indikat, l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18 jawtorizza lill-Istati Membri li jeżiġu, min-naħa tal-kontraenti ta’ kuntratti pubbliċi, l-osservanza ta’ kundizzjonijiet partikolari, inklużi l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kuntratti. Sabiex tiġi kkonservata l-effettività ta’ din l-awtorizzazzjoni, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu, fl-opinjoni tiegħi, jadottaw dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi li jistabbilixxu kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluża rata ta’ paga minima fil-kuntest speċifiku tal-kuntratti pubbliċi, għall-benefiċċju tal-ħaddiema li jipprovdu servizzi għat-twettiq ta’ dawn il-kuntratti.

    72.

    Huwa evidenti li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri u l-awtoritajiet kontraenti għandhom jaċċertaw ruħhom li l-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni, kif jirriżultaw mill-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18 b’riferiment għad-dritt tal-Unjoni, jkunu osservati.

    73.

    Madankollu, l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, jiġi ssuġġettat għall-fatt li l-kundizzjonijiet tax-xogħol partikolari, bħal, fil-kawża preżenti, ir-rata ta’ paga minima, ikunu wkoll applikabbli għal ħaddiema li jkunu qed jeżegwixxu kuntratti privati. Kieku dan kellu jkun il-każ, dawn il-kundizzjonijiet b’hekk jitilfu l-kwalità tagħhom ta’ “kondizzjonijiet speċjali” fis-sens tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18. Fuq kollox, l-impożizzjoni ta’ tali estensjoni għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratti privati twassal, in fine, sabiex l-Istati Membri jkunu kostretti jintroduċu rata ta’ paga minima, ta’ applikazzjoni ġenerali, fit-territorju kollu tagħhom jew f’parti minnu, li bl-ebda mod ma huwa l-każ attwali tad-dritt tal-Unjoni ( 21 ).

    74.

    F’kuntest bħalma huwa dak fil-kawża prinċipali, tali estensjoni, motivata minn preokkupazzjoni ta’ koerenza fil-leġiżlazzjoni tal-Land, jidhirli li tista’ anki twassal sabiex tippreġudika l-kompetenzi tal-Länder.

    75.

    Kif ġie enfasizzat minn bosta partijiet ikkonċernati, filwaqt li l-Länder huma kompetenti, fid-dritt Ġermaniż, sabiex jistabbilixxu regoli relatati mar-remunerazzjoni minima fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, dawn ma għandhom l-ebda kompetenza sabiex jistabbilixxu rata ta’ paga minima applikabbli għall-ħaddiema kollha.

    76.

    Kieku t-teżi ta’ RegioPost u tal-Kummissjoni kellha tintlaqa’, ikun ifisser li f’kawża bħalma hija dik prinċipali, il-Land ma jkunx jista’ japplika leġiżlazzjoni tiegħu li l-għan tagħha huwa t-traspożizzjoni tal-awtorizzazzjoni mogħtija permezz tad-Direttiva 2004/18, għar-raġuni li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni jkollu jestendi lil hinn mis-settur partikolari tal-kuntratti pubbliċi li fir-rigward tiegħu il-Land eżerċita l-kompetenza tiegħu.

    77.

    Għalhekk, il-Land ikun kostrett li jħalli inapplikata din il-leġiżlazzjoni sal-mument meta l-Istat federali jiddeċiedi li jintroduċi rata ta’ paga minima, ta’ applikazzjoni ġenerali.

    78.

    Fil-livell tal-Istat federali, dan il-perkors, li jekk wieħed isegwi l-loġika tal-argumentazzjoni ta’ RegioPost u tal-Kummissjoni, ikun meħtieġ għall-osservanza tar-rekwiżit tal-estensjoni għal kuntratti privati, tat-trattament li sa issa huwa riżervat għall-kuntratti pubbliċi, iwassal, fir-realtà, sabiex jittrasforma l-fakultà offruta lill-Istati Membri li jintroduċu paga minima fit-territorju tagħhom, f’obbligu konkret, li kif diġà ppreċiżajt, bl-ebda mod ma jirriżulta mill-istat ta’ żvilupp attwali tad-dritt tal-Unjoni.

    79.

    Fil-livell tal-Land, l-introduzzjoni ta’ tali rata ta’ paga minima mill-Istat federali, irendi superfluwi d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi tal-Land li l-għan speċifiku tagħhom huwa li jiżguraw l-osservanza mill-kontraenti tal-ħlas ta’ paga minima għall-benefiċċju tal-ħaddiema li jkunu qed jeżegwixxu l-kuntratt pubbliku fit-territorju tiegħu.

    80.

    F’ċirkustanzi bħal dawn, il-kompetenza tal-Land f’dan il-qasam titnaqqas b’mod kunsiderevoli, jekk ma ssirx ukoll ineżistenti.

    81.

    Wieħed jista’ ċertament jipprova jsostni li, fix-xenarji msemmija fil-punti preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Länder dejjem huma awtorizzati li jadottaw rata ta’ paga (minima) li hija ogħla minn dik stabbilita fil-livell federali sabiex, b’mod partikolari, ikunu jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż tal-ħajja lokali. Madankollu, xorta tibqa’ l-kwistjoni dwar jekk tali rata tibqax tikkwalifika bħala rata ta’ paga minima u jekk, fuq kollox, għandhiex hija stess tiġi estiża għall-ħaddiema li jitqabbdu sabiex jeżegwixxu kuntratti privati. Definittivament, il-Länder ikollhom sempliċement jirrinunzjaw għall-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom fis-settur tal-kuntratti pubbliċi, billi japplikaw f’dan is-settur ir-rata ta’ paga minima adottata fil-livell federali.

    82.

    Issa, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 4(2) TUE, l-Unjoni hija marbuta li tosserva l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, inerenti fl-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali, inkluża l-awtonomija lokali u reġjonali.

    83.

    Huwa minnu li l-Istati Membri li għandhom struttura federali, bħalma hija r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ma jistgħux jeċċepixxu d-distribuzzjoni interna tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet tal-entitajiet reġjonali jew lokali u l-awtoritajiet federali, bl-għan li jaħarbu mill-osservanza tal-obbligi tagħhom li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni ( 22 ). Sabiex jiżguraw l-osservanza tal-imsemmija obbligi, dawn id-diversi awtoritajiet huma marbuta li jikkoordinaw l-eżerċizzju tal-kompetenzi rispettivi tagħhom ( 23 ).

    84.

    Dan ir-rekwiżit jippreżupponi madankollu li l-kompetenzi ta’ dawn l-awtoritajiet jistgħu jiġu effettivament eżerċitati. Fl-opinjoni tiegħi, jirriżulta mill-Artikolu 4(2) TUE li d-dritt tal-Unjoni ma jistax iċaħħad entità reġjonali jew lokali mill-eżerċizzju effettiv tal-kompetenzi kkonferiti lilha fi ħdan l-Istat Membru kkonċernat. Kif għandhom tendenza li juru l-iżviluppi preċedenti, din tkun definittivament il-konsegwenza tal-argument ta’ RegioPost u tal-Kummissjoni, li sabiex tkun kompatibbli mal-Artikolu 56 TFUE, ir-regola stabbilita fl-Artikolu 3 tal-LTTG għall-benefiċċju tal-ħaddiema li jeżegwixxu kuntratti pubbliċi, għandha tkun estiża għal ħaddiema li jitqabbdu sabiex jeżegwixxu kuntratti privati.

    85.

    Jidhirli għalhekk li huwa perfettament koerenti li, fid-dawl tal-kompetenza tal-Land ta’ Rheinland-Pfalz, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 tal-LTTG jillimita ruħu għall-ħaddiema li jeżegwixxu kuntratti pubbliċi.

    86.

    Dan huwa wkoll, f’għajnejja, koerenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja żviluppata fil-kuntest tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali partikolari, indistintament applikabbli, li jistgħu jiġu imposti mill-awtoritajiet kontraenti. Din il-ġurisprudenza tirrikonoxxi b’mod partikolari, li dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jitqiesu fil-kuntest tal-eżami ta’ kriterji għall-għoti ta’ provvisti ta’ servizzi ta’ trasport urban, fil-mira ta’ kuntratti pubbliċi u huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, mingħajr ma huwa meħtieġ li dawn il-kunsiderazzjonijiet, barra minn hekk, jiġu estiżi għal impriżi tat-trasport urban fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratti privati ( 24 ). Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18 jirreferi għall-kunsiderazzjonijiet ambjentali u għall-kunsiderazzjonijiet soċjali fil-kawża preżenti, bl-istess mod. Jidhirli li l-analoġija li l-Gvern Ġermaniż jagħmel bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ kunsiderazzjonijiet turi biċ-ċar il-ħtieġa li l-Istati Membri jkunu jistgħu jadottaw miżuri speċifiċi għas-settur tal-ħajja ekonomika li jikkostitwixxi l-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

    87.

    Barra minn hekk, jidhirli li miżura nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 3 tal-LTTG, hija għal kollox proporzjonata. Fil-fatt, hija timponi l-osservanza tal-paga minima stabbilita mil-Land ta’ Rheinland-Pfalz fuq l-awtoritajiet kontraenti jew is-subappaltaturi tagħhom biss għall-benefiċċju ta’ dawk li fost il-ħaddiema tagħhom jeżegwixxu kuntratti pubbliċi u mhux għall-benefiċċju tal-impjegati kollha tagħhom.

    88.

    Konsegwentement, inqis li l-Artikolu 3 tal-LTTG jista’ jiġi ġġustifikat abbażi tal-għan tal-protezzjoni tal-ħaddiema u li għalhekk l-Artikolu 56 TFUE ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni f’sitwazzjoni bħalma hija dik fil-kawża prinċipali, mingħajr il-ħtieġa li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jiġi estiż għall-kuntratti privati.

    89.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari li saret mill-qorti tar-rinviju għandha tkun kif ġej: l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ entità reġjonali ta’ Stat Membru, li tobbliga lill-offerenti u lis-subappaltaturi tagħhom li jintrabtu, permezz ta’ dikjarazzjoni bil-miktub li għandha tiġi mehmuża mal-offerta tagħhom, li jħallsu lil persunal li jkun ser jeżegwixxi s-servizzi fil-mira tal-kuntratt pubbliku, paga minima fis-siegħa ta’ EUR 8.70 (gross), stabbilita permezz tal-imsemmija leġiżlazzjoni.

    B – Dwar it-tieni domanda preliminari

    90.

    Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18 għandux, madankollu, jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni ta’ entità reġjonali ta’ Stat Membru, bħalma huwa l-Artikolu 3(1) tal-LTTG, li tistabbilixxi l-esklużjoni mandatorja tal-offerta f’każ li l-offerent ma jintrabatx, mill-mument tad-depożitu tal-offerta, f’dikjarazzjoni separata, li josserva ir-rata tal-paga minima stabbilita fl-imsemmija dispożizzjoni, li biha jintrabat kuntrattwalment f’każ li l-kuntratt jingħata lilu.

    91.

    Din id-domanda titlob l-eżami, minn naħa, tal-mezzi li permezz tagħhom l-Istati Membri huma awtorizzati jivverifikaw l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18 u, min-naħa l-oħra, fil-każ li dawn il-kundizzjonijiet ma jikkonkorrux, tal-punt li jiġi stabbilit jekk sanzjoni, bħalma hija l-esklużjoni mill-parteċipazzjoni fil-proċedura għall-għoti tal-kuntratt pubbliku, hijiex xierqa.

    92.

    Bl-eċċezzjoni ta’ RegioPost, il-partijiet kollha li ppreżentaw l-osservazzjonijiet dwar din id-domanda jqisu li l-Istati Membri jistgħu jivverifikaw l-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18, b’mod partikolari permezz ta’ sistema ta’ dikjarazzjoni ta’ impenn fil-mument tad-depożitu tal-offerta tal-offerent u li, fin-nuqqas ta’ tali dikjarazzjoni, l-awtorità kontraenti hija awtorizzata teskludi lil offerent mill-proċedura tal-għoti.

    93.

    Naqbel mal-pożizzjoni difiża minn dawn il-partijiet tal-aħħar.

    94.

    Għal dak li għandu x’jaqsam mal-ewwel punt, huwa evidenti, fl-opinjoni tiegħi li, jekk kif naħsibha jiena, l-Istati Membri huma awtorizzati, abbażi tad-dritt tal-Unjoni, li jadottaw dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji li l-għan tagħhom huwa li jimponu fuq l-impriżi kontraenti kundizzjonijiet tax-xogħol partikolari, bħalma hija l-osservanza ta’ rata ta’ paga minima fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratti pubbliċi, din l-awtorizzazzjoni bilfors li timplika li dawn jistgħu jieħdu ċerti miżuri li jippermettu lill-awtorità kontraenti li taċċerta ruħha li l-offerenti u s-subappaltaturi tagħhom huma lesti li josservaw dawn il-kundizzjonijiet f’każ li l-kuntratt ikun mogħti lilhom.

    95.

    Fil-kawża preżenti, il-miżura inkwistjoni tieħu l-forma ta’ dikjarazzjoni ta’ impenn bil-miktub, li għandu jipprovdi l-offerent kemm għalih innifsu kif ukoll, jekk ikun il-każ, għas-subappaltaturi tiegħu.

    96.

    Kuntrarjament għal dak li jidher li ġie indikat fl-avviż tal-kuntratt fil-kawża prinċipali, din id-dikjarazzjoni ma tidhirx li tikkorrispondi għal dokument relatat mal-livell minimu tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja, li l-offerent jista’ jintalab li jipprovdi fis-sens tal-Artikolu 47 tad-Direttiva 2004/18, livell li jista’ jiġi ppruvat permezz ta’ riferiment jew ta’ bosta riferimenti elenkati għal dan l-artikolu jew permezz ta’ kwalunkwe dokument meqjus xieraq mill-awtorità kontraenti, relatati b’mod partikolari mal-karta tal-bilanċ jew mad-dħul mill-bejgħ globali jew settorjali tal-operatur ekonomiku.

    97.

    Il-kwistjoni tikkonċerna, fil-fatt, l-ewwel u qabel kollox, dikjarazzjoni ta’ impenn għall-osservanza tal-liġi, jiġifieri, iktar preċiżament, tal-kundizzjonijiet tax-xogħol rikjesti mil-leġiżlazzjoni tal-Land ta’ Rheinland-Pfalz fl-eżekuzzjoni tas-servizzi fil-mira tal-kuntratt.

    98.

    Huwa ċertament possibbli li jiġi sostnut, kif għamlet il-Kummissjoni waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-prova tal-fatt li l-offerent jew is-subappaltaturi tiegħu huma f’pożizzjoni li jħallsu l-paga minima stabbilita mil-leġiżlazzjoni tal-Land ta’ Rheinland-Pfalz lil impjegati mqabbda sabiex jeżegwixxu l-kuntratt pubbliku, teħtieġ ċerta kapaċità finanzjarja.

    99.

    Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li d-dikjarazzjoni ta’ impenn għall-ħlas tal-paga minima hija relatata mal-kapaċità finanzjarja tal-offerent, ir-rekwiżit tad-depożitu ta’ tali dikjarazzjoni bl-ebda mod ma huwa pprojbit mill-Artikolu 47 tad-Direttiva 2004/18. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-enumerazzjoni tal-elementi li tippermetti l-evalwazzjoni tal-livell minimu tal-kapaċità ekonomika rikjest, ma hijiex eżawrjenti ( 25 ).

    100.

    Fi kwalunkwe każ, tali dikjarazzjoni ta’ impenn għall-ħlas tal-paga minima stabbilit permezz tal-leġiżlazzjoni tal-Land ta’ Rheinland‑Pfalz ma tistax, waħidha, timponi piż supplimentari fuq l-offerent, li jkun tali li jrendi l-proċedura għall-għoti iktar diffiċli milli kieku l-produzzjoni ta’ tali dikjarazzjoni ma kinitx rikjesta. Fil-fatt, permezz ta’ din id-dikjarazzjoni, l-awtorità kontraenti għandha biss l-għan li tivverifika li l-offerent jintrabat li josserva l-kundizzjoni tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, prevista fl-Artikolu 3 tal-LTTG. Kif issostni l-Kummissjoni, tali dikjarazzjoni hija, barra minn hekk, mezz tanġibbli ta’ verifika li l-offerenti u s-subappaltaturi tagħhom ser jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti pubbliċi. Ir-rekwiżit tad-depożitu ta’ tali dikjarazzjoni jippermetti wkoll li tiġi żgurata t-trasparenza tal-kundizzjonijiet partikolari tal-avviż tal-kuntratt u/jew tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, billi l-offerenti jsiru sensibbli għall-importanza li l-awtorità kontraenti tagħti lil dawn il-kundizzjonijiet.

    101.

    Għal dak li għandu x’jaqsam mat-tieni punt, jiġifieri l-esklużjoni mill-proċedura għall-għoti tal-kuntratt f’każ li l-offerent jirrifjuta li jippreżenta din id-dikjarazzjoni ta’ impenn, naderixxi ruħi mal-argument tal-Kummissjoni li din is-sitwazzjoni tawtorizza l-preżuppożizzjoni li l-offerent ma għandux l-intenzjoni jissuġġetta ruħu għall-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 3 tal-LTTG.

    102.

    Ikun paradossali u mhux wisq kompatibbli mal-użu razzjonali tal-finanzi pubbliċi, li titwettaq il-proċedura għall-għoti tal-kuntratt ma’ tali operatur ekonomiku u, jekk ikun il-każ, li jiġi konkluż il-kuntratt ma’ dan l-operatur biex sussegwentement ikollhom jiġu imposti fuqu penali kuntrattwali minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni preskritta fl-Artikolu 3 tal-LTTG.

    103.

    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi osservat li l-premessa 34 tad-Direttiva 2004/18 tistabbilixxi, b’mod partikolari, li f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi marbuta man-nuqqas ta’ osservanza tal-liġijiet u tar-regoli fis-seħħ, b’mod partikolari, fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-Istati Membri jistgħu jikklassifikaw tali nuqqas ta’ osservanza bħala nuqqas gravi jew reat li jaffetwa l-moralità professjonali tal-operatur ekonomiku, li jista’ jwassal għall-esklużjoni ta’ dan l-operatur mill-proċedura tal-kuntratt pubbliku.

    104.

    Jekk ir-rifjut tad-depożitu tad-dikjarazzjoni ta’ impenn li tikkonċerna l-paga minima ma jistax, fl-opinjoni tiegħi u bħala tali, jitqies bħala nuqqas gravi, l-idea li ssejjes l-premessa 34 tad-Direttiva 2004/18, hija dik tar-rikonoxximent li l-Istati Membri għandhom id-dritt li jeskludu operatur ekonomiku li ma għandu l-ebda intenzjoni li josserva l-kundizzjonijiet tax-xogħol applikabbli fil-post tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku. Fl-opinjoni tiegħi, wieħed ma jistax jeżiġi mill-Istati Membri li jirriżervaw tali miżura unikament għal sitwazzjonijiet meta l-awtoritajiet tagħhom jikkonstataw ksur tal-obbligi marbuta mal-osservanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol mill-kontraenti tal-kuntratt pubbliku.

    105.

    L-esklużjoni tal-offerent mill-proċedura għall-għoti tal-kuntratt minħabba r-rifjut li jippreżenta d-dikjarazzjoni ta’ impenn imsemmija fl-Artikolu 3 tal-LTTG tikkostitwixxi għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, miżura xierqa sabiex jiġi evitat li l-awtorità kontraenti tasal li tagħżel kandidat li ma għandux l-intenzjoni li jissodisfa r-rekwiżiti rikjesti minn din l-awtorità kontraenti fil-qasam tal-osservanza tal-paga minima.

    106.

    Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-fatti fil-kawża prinċipali, irid jingħad li l-esklużjoni tal-offerent li fil-mument tad-depożitu tal-offerta tiegħu ma jkunx hemeż id-dikjarazzjoni ta’ impenn relatata mal-paga, ma hijiex awtomatika. Fil-fatt, skont l-Artikolu 3 tal-LTTG, qabel ma tkun awtorizzata teskludi tali offerta, l-awtorità kontraenti għandha mill-ġdid titlob li tiġi pprovduta d-dikjarazzjoni ta’ impenn sa ċertu żmien, li jippermetti r-rettifikazzjoni f’każ li wieħed ikun nesa jew f’każ ta’ żball min-naħa tal-offerent fil-mument tad-depożitu tal-offerta. Tali obbligu li huwa impost fuq l-awtorità kontraenti jidher li huwa miżura għal kollox proporzjonata.

    107.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi li nirrispondi kif ġej għat-tieni domanda preliminari: l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ entità reġjonali ta’ Stat Membru li tipprevedi l-esklużjoni mandatorja ta’ offerta f’każ li offerent ta’ kuntratt pubbliku ma jintrabatx, għalih u għas-subappaltaturi tiegħu, f’dikjarazzjoni separata fil-mument tad-depożitu tal-offerta u sussegwentement wara li jkun ġie mitlub jagħmel dan mill-awtorità kontraenti, li josserva r-rata tal-paga minimu stabbilita permezz tal-imsemmija leġiżlazzjoni, f’każ li dan l-offerent jingħata l-eżekuzzjoni tas-servizzi fil-mira tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni.

    III – Konklużjoni

    108.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li nirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Oberlandesgericht Koblenz:

    “1)

    L-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ entità reġjonali ta’ Stat Membru, li tobbliga lill-offerenti u lis-subappaltaturi tagħhom li jintrabtu, permezz ta’ dikjarazzjoni bil-miktub li għandha tiġi mehmuża mal-offerta tagħhom, li jħallsu lil persunal li jkun ser jeżegwixxi s-servizzi fil-mira tal-kuntratt pubbliku, paga minima fis-siegħa ta’ EUR 8.70 (gross), stabbilita permezz tal-imsemmija leġiżlazzjoni.

    2)

    L-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li lanqas ma jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ entità reġjonali ta’ Stat Membru li tipprevedi l-esklużjoni mandatorja ta’ offerta f’każ li offerent ta’ kuntratt pubbliku ma jintrabatx, għalih u għas-subappataturi tiegħu, f’dikjarazzjoni separata fil-mument tad-depożitu tal-offerta u sussegwentement wara li jkun ġie mitlub jagħmel dan mill-awtorità kontraenti, li josserva r-rata tal-paga minima stabbilita permezz tal-imsemmija leġiżlazzjoni, f’każ li dan l-offerent jingħata l-eżekuzzjoni tas-servizzi fil-mira tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni.”


    ( 1 )   Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 )   ĠU L 134, p. 114, li ġie emendat permezz ta’ ĠU L 351, p. 44. Din id-direttiva ġiet emendata fl-aħħar lok permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1251/2011 tat-30 ta’ Novembru 2011 li jemenda d-Direttivi 2004/17/KE, 2004/18/KE u 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-limiti tal-applikazzjonijiet tagħhom għall-proċeduri tal-għoti tal-kuntratti (ĠU L 319, p. 43). Ġiet issostitwita permezz tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18 (ĠU L 94, p. 65). Din l-aħħar direttiva ma kinitx applikabbli madankollu fiż-żmien tal-fatti li taw lok għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

    ( 3 )   ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431.

    ( 4 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Omalet (C‑245/09, EU:C:2010:808, punt 12) u d-digriet Tudoran (C‑92/14, EU:C:2014:2051, punt 37).

    ( 5 )   Ara, b’mod partikolari, fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment, is-sentenza Blanco Pérez u Chao Gómez (C‑570/07 u C‑571/07, EU:C:2010:300, punt 40) u fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, is-sentenzi Garkalns (C‑470/11, EU:C:2012:505, punt 21) u Citroën Belux (C‑265/12, EU:C:2013:498, punt 33).

    ( 6 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Guimont (C‑448/98, EU:C:2000:663, punt 23); Salzmann (C‑300/01, EU:C:2003:283, punt 34); Susisalo u (C‑84/11, EU:C:2012:374, punti 21 u 22) u Ordine degli Ingegneri di Verona e Provincia et (C‑111/12, EU:C:2013:100, punt 34).

    ( 7 )   Ara, fost oħrajn, is-sentenzi Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punt 37); Cicala (C‑482/10, EU:C:2011:868, punt 19); Nolan (C‑583/10, EU:C:2012:638, punt 47) u Romeo (C‑313/12, EU:C:2013:718, punt 23).

    ( 8 )   Is-sentenzi Venturini et (C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:791, punti 2526) u Sokoll‑Seebacher (C‑367/12, EU:C:2014:68, punti 10 u 11).

    ( 9 )   Is-servizzi li jissemmew fid-Direttiva 2004/18 jinkludu servizzi tat-trasport tal-posta bl-art, skont il-punt 4 tal-Anness II A. Il-limitu ta’ EUR 200000 previst fil-punt 7(b) tad-Direttiva 2004/18 ġie stabbilit mill-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1251/2011.

    ( 10 )   Għalkemm dawn il-partijiet ikkonċernati jsostnu li l-ewwel domanda hija inammissibbli, il-konsegwenzi tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ sitwazzjoni purament interna kellhom iwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara, fil-prinċipju, l-inkompetenza tagħha sabiex tirrispondi għad-domanda. Fil-fatt, il-kwistjoni hija waħda, hawnhekk, ta’ sitwazzjoni li ma għandha l-ebda rabta mad-dritt tal-Unjoni u li għalhekk ma tistax tiġi rrettifikata billi tintbagħat domanda ġdida għal deċiżjoni preliminari.

    ( 11 )   Ara s-sentenzi Concordia Bus Finland (C‑513/99, EU:C:2002:495, punt 81) u Fabricom (C‑21/03 u C‑34/03, EU:C:2005:127, punt 26).

    ( 12 )   Ara, b’analoġija, għal dak li għandu x’jaqsam mal-obbligu li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali, tal-estensjoni tas-soluzzjonijiet li jipprovdi d-dritt tal-Unjoni għal sitwazzjonijiet purament interni: is-sentenzi Modehuis A. Zwijnenburg (C‑352/08, EU:C:2010:282, punt 33) u Isbir (C‑522/12, EU:C:2013:711, punt 28).

    ( 13 )   Ara, b’analoġija, għal dak li għandu x’jaqsam mad-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 163), li ġie mħassar permezz tad-Direttiva 2004/18, is-sentenza Michaniki (C‑213/07, EU:C:2008:731, punti 29 u 30).

    ( 14 )   Il-korsiv huwa tiegħi.

    ( 15 )   Bħala eżempju, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, li jelenka “t-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg” li l-Istati Membri għandhom id-dritt li jeżiġu mill-impriżi li jimpjegaw ħaddiema fit-territorju tagħhom għat-twettieq ta’ provvisti ta’ servizzi, isemmi b’mod partikolari, “ir-rati minimi ta’ ħlas”.

    ( 16 )   Is-sentenza Bundesdruckerei (C‑549/13, EU:C:2014:2235, punt 27).

    ( 17 )   Idem (punti 25 u 26).

    ( 18 )   Ara s-sentenza Rüffert (C‑346/06, EU:C:2008:189, punt 37). Ara wkoll is-sentenza Bundesdruckerei (C‑549/13, EU:C:2014:2235, punt 30).

    ( 19 )   Il-Qorti tal-Ġustizzja vverifikat fil-fatt jekk il-ftehim kollettiv inkwistjoni kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet ratione materiae tal-Artikolu 3(8) tad-Direttiva 96/71, dispożizzjoni li ma tapplikax, kif ikkonfermat hija stess fil-punt 27 tas-sentenza Rüffert (C‑346/06, EU:C:2008:189), ħlief għall-Istati Membri li ma għandhomx sistema għad-dikjarazzjoni tal-applikazzjoni ġenerali tal-fethim kollettivi (kif kien il-każ tar-Renju tal-Iżvezja, fil-kawża Laval un PartneriC‑341/05, EU:C:2007:809). Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tali sistema, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 3(8) tad-Direttiva 96/71 ġewx issodisfatti.

    ( 20 )   Fil-fatt, filwaqt li ż-żmien għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/18 kien stabbilit għall-31 ta’ Jannar 2006, il-fatti li taw lok għall-kawża Rüffert seħħew matul is-snin 2003 u 2004.

    ( 21 )   Dwar in-nuqqas ta’ tali obbligu li jirriżulta b’mod partikolari mid-Direttiva 96/71, ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑341/02, EU:C:2005:220, punt 26) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Laval un Partneri (C‑341/05, EU:C:2007:291, punt 196).

    ( 22 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Carmen Media Group (C‑46/08, EU:C:2010:505, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 23 )   Ara s-sentenzi Carmen Media Group (C‑46/08, EU:C:2010:505, punt 70) u Digibet u Albers (C‑156/13, EU:C:2014:1756, punt 35).

    ( 24 )   Ara s-sentenza Concordia Bus Finland (C‑513/99, EU:C:2002:495, punti 83 sa 86).

    ( 25 )   Ara s-sentenza Édukövízig u Hochtief Construction (C‑218/11, EU:C:2012:643, punt 28).

    Top