EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0103

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati fl-4 ta’ Ġunju 2015.
Bronius Jakutis u Kretingalės kooperatinė ŽŪB vs Nacionalinė mokėjimo agentūra prie Žemės ūkio ministerijos u Lietuvos valstybė.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Regolament (KE) Nru 73/2009 – Artikoli 7(1), 10(1), 121 u 132(2) – Atti li jimplementaw dan ir-regolament – Validità, fid-dawl tat-Trattat FUE, tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 kif ukoll tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba – Modulazzjoni tal-pagamenti diretti mogħtija lill-bdiewa – Tnaqqis tal-ammonti – Livell tal-pagamenti diretti applikabbli fl-Istati Membri tal-Komunità Ewropea kif kienet ikkostitwita fit-30 ta’ April 2004 u fl-Istati Membri li ngħaqdu magħha fl-1 ta’ Mejju 2004 – Nuqqas ta’ pubblikazzjoni u ta’ motivazzjoni.
Kawża C-103/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:368

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

NILS WAHL

ippreżentati fl-4 ta’ Ġunju 2015 ( 1 )

Kawża C‑103/14

Bronius Jakutis,

Kretingalės kooperatinė ŽŪB

vs

Nacionalinė mokėjimo agentūra prie Žemės ūkio ministerijos,

Lietuvos valstybė

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Litwanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika Agrikola Komuni (PAK) — Interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 — Validità tal-Artikoli 10(1) u 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009, kif ukoll tad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C(2012) 4391 finali tal-Kummissjoni u tad-Dokument tax-Xogħol DS2011/14/REV2 tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ Ottubru 2011, fid-dawl tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ kompetizzjoni ġusta u ta’ nondiskriminazzjoni u tal-għanijiet tal-PAK iddikjarati fl-Artikolu 39 TFUE — Modulazzjoni tal-pagamenti diretti mogħtija lill-bdiewa fl-Istati Membri l-ġodda — Tnaqqis tal-pagamenti diretti nazzjonali komplementari — Livelli tal-pagamenti diretti applikabbli fl-Istati Membri l-antiki u fl-Istati Membri l-ġodda — Tqabbil — Standardizzazzjoni tal-livelli ta’ pagamenti diretti fl-2012 — Assenza ta’ dejta li tippermetti li tiġi stabbilita l-uniformità tal-livell ta’ pagamenti diretti applikabbli fl-Istati Membri l-antiki u fl-Istati Membri l-ġodda — Nuqqas ta’ motivazzjoni — Nuqqas ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea”

I – Introduzzjoni

1.

Din il-kawża tirrigwarda l-kwistjoni kumplessa tal-possibbiltà li wieħed iqabbel il-livelli tal-pagamenti diretti lill-bdiewa fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, minkejja d-differenzi sostanzjali bejn l-ammonti ta’ dawn il-pagamenti mogħtija fid-diversi Stati Membri.

2.

Dan it-tqabbil huwa meħtieġ, b’mod partikolari, biex ikun magħruf jekk il-modulazzjoni tal-pagamenti diretti u t-tnaqqis tal-pagamenti diretti nazzjonali komplementari (iktar ’il quddiem il-“PDNK”) kinux applikabbli fl-2012 fl-Istati Membri l-ġodda li ssieħbu fl-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2004 (iktar ’il quddiem l-“Istati UE‑10”). L-importanza kbira ta’ din il-kwistjoni għall-bdiewa fl-Istati UE‑10 ma tistax tiġi miċħuda.

3.

Taħt l-hekk imsejħa skema “ta’ ‘phasing-in’”, il-pagamenti diretti lill-bdiewa fl-Istati UE‑10 ġew introdotti gradwalment wara s-sħubija tagħhom fl-Unjoni, biex laħqu, fl-2013, il-100 % tal-livell ta’ dawn il-pagamenti applikabbli fl-Istati Membri l-oħra. Il-kwistjoni li tqajjem din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda t-tqabbil tal-livelli tal-pagamenti diretti applikabbli fl-2012 fl-Istati UE‑10 u fl-Istati Membri tal-Unjoni kif kienet ikkostitwita fit-30 ta’ April 2004 (iktar ’il quddiem l-“Istati UE‑15”).

4.

It-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Litwanja), tirrigwarda, minn naħa, l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 tal-Kunsill ( 2 ) u, min-naħa l-oħra, il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, tad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C(2012) 4391 finali tal-Kummissjoni ( 3 ), u tad-Dokument tax-Xogħol DS2011/14/REV2 tal-Kummissjoni ( 4 ). L-eżami tad-domandi preliminari jeħtieġ, b’mod partikolari, li jsir riferiment għall-Artikolu 39 TFUE, għall-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 ( 5 ) u għal ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

5.

Għalkemm din hija l-ewwel darba li tressqu domandi dwar l-applikazzjoni tal-modulazzjoni u tat-tnaqqis tal-PDNK fl-Istati UE‑10 quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, diġà tressqu quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea rikorsi diretti li jitolbu l-annullament ta’ atti tal-Unjoni f’dan il-qasam ( 6 ). Madankollu, il-kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “livell ta’ pagamenti diretti”, fis-sens tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 73/2009, għadha ma ġietx solvuta ( 7 ).

II – Il-kuntest ġuridiku – id-dritt tal-Unjoni

A – L-Att ta ’ Adeżjoni tal-2003

6.

L-Artikolu 9 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 jipprevedi li:

“Dawk id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att li għandhom il-fini jew l-effett li jħassru jew jemendaw atti adottati mill-istituzzjonijiet, meta ma jkunux miżuri transitorji, għandhom ikollhom l-istess status fil-liġi bħad-disposizzjonijiet li huma jħassru jew jemendaw u għandhom ikunu suġġetti għall-istess regoli bħal dawk id-dispożizzjonijiet.”

B – Ir-Regolament (KE) Nru 1259/1999

7.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1259/1999 ( 8 ) kien japplika, skont l-ewwel Artikolu tiegħu, għall-pagamenti mogħtija direttament lill-bdiewa taħt l-iskemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) u ffinanzjati totalment jew parzjalment mit-Taqsima “Garanziji” tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) ( 9 ).

8.

Il-punt 27 tal-Kapitolu 6 tal-Anness II tal-Att ta’ Adeżjoni tal- 2003 introduċa xi emendi f’dan ir-Regolament Nru 1259/1999, fosthom l-inklużjoni tal-Artikoli 1a, 1b u 1ċ, dwar l-iskemi ta’ appoġġ fl-Istati Membri l-ġodda.

9.

L-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 1259/1999 jistabbilixxi skema ta’ pagamenti diretti suġġetti għal żieda gradwali (skema ta’ “phasing‑in”) fl-Istati Membri l-ġodda:

“L-introduzzjoni ta’ skemi ta’ appoġġ fl-Istati Membri l-ġodda

Fir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja (minn hawn ’l quddiem magħrufa bħala ’L-Istat Membru l-ġdid u l-Istati Membri l-ġodda’), għandhom jiġu introdotti, skont l-iskemi ta’ appoġġ imsemmija fl-Artikolu 1, pagamenti diretti skont l-iskeda li ġejja ta’ inkrementi espressi bħala persentaġġ tal-livell li jkun applikabbli dakinhar ta’ dawn il-pagamenti fil-Komunità kif kostitwita fit-30 ta’ April 2004.

25 % fl-2004

30 % fl-2005

35 % fl-2006

40 % fl-2007

50 % fl-2008

60 % fl-2009

70 % fl-2010

80 % fl-2011

90 % fl-2012

100 % mill-2013 ’l quddiem.”

10.

L-Artikolu 1b, li wkoll iddaħħal fir-Regolament Nru 1259/1999 permezz tal-punt 27 tal-Kapitolu 6 tal-Anness II għall-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, jistabbilixxi skema ta’ pagament uniku skont l-erja (iktar ’il quddiem l-“SPUE”) li l-Istati UE‑10 jistgħu jagħżlu li japplikaw.

11.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1ċ tar-Regolament Nru 1259/1999 jippermettu lill-Istati Membri l-ġodda li jagħtu PDNK. Skont l-aħħar subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu:

“L-appoġġ globali dirett li l-bidwi jista’ jingħata fl-Istati Membri l-ġodda wara l-adeżjoni taħt l-iskema rilevanti tal-[Unjoni] inkluż kull pagament dirett nazzjonali kumplimentari ma għandux jaqbeż il-livell ta’ appoġġ dirett li l-bidwi jkun intitolat jirċievi taħt l-iskema korrispondenti tal-[Unjoni] applikabbli dakinhar għall-Istati Membri fil-Komunità kif kostitwita fit-30 ta’ April 2004.”

C – Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003

12.

Ir-riforma tal-PAK twettqet b’mod parallel man-negozjati ta’ adeżjoni li saru mal-Istati UE-10. Bħala parti minn dik ir-riforma, ir-Regolament Nru 1259/1999 ġie sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 29/2003 ( 10 ).

13.

Ir-Regolament Nru 1782/2003 introduċa sistema ta’ modulazzjoni tal-pagamenti diretti ( 11 ). L-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“L-ammonti kollha ta’ pagamenti diretti li ser jingħataw lill-bidwi f’sena kalendarja partikolari fi Stat Membru partikolari għandhom jiġu mnaqqsa għal kull sena sal-2012 bil-perċentwali li ġejjin:

2005: 3 %,

2006: 4 %,

2007: 5 %,

2008: 5 %,

2009: 5 %,

2010: 5 %,

2011: 5 %,

2012: 5 %.”

14.

Ir-Regolament Nru 1782/2003 imbagħad ġie emendat fit-22 ta’ Marzu 2004 minn żewġ atti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn naħa, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2004/281/KE ( 12 ) u, min-naħa l-oħra, permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 583/2004 ( 13 ).

15.

L-imsemmi Regolament Nru 583/2004 jipprovdi l-implementazzjoni tal-iskema ta’ modulazzjoni fl-Istati Membri l-ġodda. Skont il-premessa 4 tiegħu:

“Il-bdiewa fl-Istati Membri l-ġodda jridu jirċievu ħlasijiet diretti wara mekkaniżmu ta’ tidħil gradwali. Sabiex jinkiseb il-bilanċ xieraq bejn il-għodod tal-politika ddisinjati sabiex jippromwovu l-agrikoltura sostenibbli u dawk iddisinjati sabiex jippromwovu l-iżvilupp rurali, is-sistema tal-modulazzjoni ma għandhiex tiġi applikata fl-Istati Membri l-ġodda sakemm il-livell tal-ħlasijiet diretti li japplikaw fl-Istati Membri l-ġodda jkun mill-inqas ugwali għal-livell li japplika fil-Komunità kif ikkostitwita fit-30 ta’ April 2004.”

16.

Ir-Regolament Nru 583/2004 daħħal ukoll fir-Regolament Nru 1782/2003 l-Artikolu 12a li jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Artikoli 10 u 12 ma għandhomx japplikaw għall-Istati Membri l-ġodda sal-bidu tas-sena kalendarja, li rigwrd tagħha l-livell tal-ħlasijiet diretti li japplikaw fl-Istati Membri l-ġodda jkun mill-inqas egwali għal-livell li kien japplika għal dawn il-ħlasijiet dak inhar meta kienet ikkonstitwita l-Komunità fit-30 ta’ April 2004.”

17.

F’dak li jirrigwarda t-tieni emenda tar-Regolament Nru 1782/2003, tat-22 ta’ Marzu 2004, id-Deċiżjoni 2004/281 żiedet ma’ dan ir-regolament l-Artikoli 143a, 143b u 143ċ, li jikkorrispondu, essenzjalment, mal-Artikoli 1a, 1b u 1ċ tar-Regolament Nru 1259/1999.

18.

L-imsemmi Artikolu 143a jistabbilixxi l-istess skeda ta’ introduzzjoni tal-pagamenti diretti bħall-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 1259/1999, filwaqt li l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 143ċ(2) tar-Regolament Nru 1782/2003 kif emendat bid-Deċiżjoni 2004/281, jistipula:

“L-appoġġ globali dirett li l-bidwi jista’ jingħata fl-Istati Membri l-ġodda wara l-adeżjoni taħt il-pagament dirett rilevanti nkluż kull pagament dirett nazzjonali komplementari ma għandux jaqbeż il-livell ta’ appoġġ dirett li l-bidwi jkun intitolat jirċievi taħt il-pagament dirett korrispondenti applikabbli dakinhar għall-Istati Membri fil-Komunità kif kostitwita fit- 30 ta’ April 2004.”

D – Ir-Regolament Nru 73/2009

19.

Ir-Regolament Nru 1782/2003 tħassar bir-Regolament Nru 73/2009. Dan tal-aħħar jipprevedi żieda gradwali tat-tnaqqis tal-pagamenti diretti taħt il-modulazzjoni. L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 73/2009 jinkludi d-dispożizzjonijiet dwar il-modulazzjoni fl-Istati UE‑15. Huwa jistipula:

“1.   Kwalunkwe ammont ta’ pagamenti diretti li ser jingħata lil bidwi f’sena kalendarja partikolari li jaqbeż l-EUR 5000 għandu jiġi mnaqqas għal kull sena sal-2012 bil-perċentwali li ġejjin:

a)

fl-2009: b’7 %;

b)

fl-2010: bi 8 %;

c)

fl-2011: b’9 %;

d)

fl-2012: b’10 %.

2.   It-tnaqqis previst fil-paragrafu 1 għandu jiżdied b’4 punti perċentwali għal ammonti li jeċċedu EUR 300000.

[...]”

20.

L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 73/2009 jistabbilixxi r-regoli speċifiċi applikabbli għall-modulazzjoni fl-Istati Membri l-ġodda. Huwa jistipula:

“1.   L-Artikolu 7 għandu japplika għal bdiewa fi Stat Membru ġdid fi kwalunkwe sena kalendarja partikolari biss jekk il-livell ta’ pagamenti diretti applikabbli f’dak l-Istat Membru u għal dik is-sena kalendarja skont l-Artikolu 121 ikun mill-anqas ugwali għal-livell applikabbli fl-Istati Membri minbarra fl-Istati Membri l-ġodda, filwaqt li jittieħed kont ta’ kull tnaqqis applikat skont l-Artikolu 7(1).

2.   Fil-każ li l-Artikolu 7 jkun japplika għal bdiewa fi Stat Membru ġdid, il-perċentwal applikabbli skont l-Artikolu 7(1) għandu jkun limitat għad-differenza bejn il-livell ta’ pagamenti diretti applikabbli għalih skont l-Artikolu 121 u l-livell fl-Istati Membri minbarra l-Istati Membri l-ġodda, filwaqt li jitqies kull tnaqqis applikat skont l-Artikolu 7(1).

[…]”

21.

L-Artikolu 121 tar-Regolament Nru 73/2009 jistabbilixxi l-iskeda ta’ introduzzjoni tal-pagamenti diretti fl-Istati Membri l-ġodda mingħajr tibdil essenzjali meta mqabbla mar-regolamenti preċedenti:

“Fl-Istati Membri ġodda, minbarra l-Bulgarija u r-Rumanija, għandhom jiġu introdotti pagamenti diretti skont l-iskeda ta’ żidiet li ġejja, espressi bħala perċentwali tal-livell applikabbli dakinhar ta’ tali pagamenti fl-Istati Membri għajr dawk li ma humiex Stati Membri ġodda:

60 % fl-2009,

70 % fl-2010,

80 % fl-2011,

90 % fl-2012,

100 % mill-2013 ’il quddiem.

[...]”

22.

L-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 jillimita l-għoti tal-PDNK u inizjalment kien ifformulat hekk:

“L-appoġġ dirett totali li bidwi jista’ jingħata fl-Istati Membri ġodda wara l-adeżjoni skont il-pagament dirett rilevanti, inkluż kull pagament dirett nazzjonali kumplimentari, ma għandux jaqbeż il-livell ta’ appoġġ dirett li bidwi jkun intitolat jirċievi skont il-pagament dirett korrispondenti applikabbli għall-Istati Membri fl-Istati Membri għajr l-Istati l-Membri l-ġodda, mill-2012, b’kont meħud tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7 flimkien mal-Artikolu 10.”

23.

Din id-dispożizzjoni mbagħad ġiet ikkoreġuta fil-lingwi kollha uffiċjali. Wara l-corrigendum tat-18 ta’ Frar 2010 ( 14 ), it-test huwa skont kif ġej:

“L-appoġġ dirett totali li bidwi jista’ jingħata fl-Istati Membri ġodda wara l-adeżjoni skont il-pagament dirett rilevanti, inkluż kull pagament dirett nazzjonali kumplimentari, ma għandux jaqbeż il-livell ta’ appoġġ dirett li bidwi jkun intitolat jirċievi skont il-pagament dirett korrispondenti applikabbli għall-Istati Membri fl-Istati Membri għajr l-Istati l-Membri l-ġodda, b’kont meħud, mill-2012 tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7 flimkien mal-Artikolu 10.”

E – Id-Deċiżjoni ta ’ implementazzjoni C(2012) 4391

24.

Id-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C(2012) 4391, li tawtorizza l-għoti ta’ pagamenti diretti nazzjonali komplementari fil-Litwanja għas-sena 2012, tinkludi żewġ artikoli, ifformulati kif ġej:

“Artikolu 1

1.   Għas-sena 2012, il-Litwanja hija awtorizzata tagħti [PDNK] skont il-kundizzjonijiet stipulati fit-talba tagħha tat-22 ta’ Marzu 2012.

2.   Il-livell sa fejn il-pagament dirett nazzjonali komplementari jista’ jitħallas u r-rata massima korrispondenti huma stabbiliti fl-anness għal din id-Deċiżjoni.

3.   Ir-rata tal-kambju li għandha tintuża għall-pagamenti hija dik applikata għall-pagamenti mogħtija taħt l-iskema tal-pagament uniku skont l-erja prevista fl-Artikolu 122 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009.

4.   Meta l-ammont totali tal-pagamenti diretti li għandu jingħata lil bidwi taħt ir-Regolament (KE) Nru 73/2009, inklużi l-[PDNK] kollha, ikun ogħla minn EUR 5000, ammont ekwivalenti għal 10 % tal-ammont totali ta’ iktar minn EUR 5000 jitnaqqas mill-ammont tal-[PDNK] li għandhom jingħataw lil dan il-bidwi skont l-Anness għal din id-deċiżjoni. Din il-perċentwali tiżdied b’erba’ punti perċentwali meta l-ammont totali tal-pagamenti diretti kollha, inklużi l-[PDNK] kollha, ikun ta’ iktar minn EUR 300000, iżda t-tnaqqis japplika biss għall-porzjon tal-ammont totali ta’ iktar minn EUR 300000 EUR u li jikkonsisti minn [PDNK].

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Litwanja.”

III – It-tilwima fil-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25.

Wara applikazzjoni għall-għajnuna għal uċuħ agrikoli u uċuħ oħra ppreżentata minn Kretingalės kooperatinė ŽŪB (soċjetà kooperattiva agrikola ta’ Kretingalė), in-Nacionalinė mokėjimo agentūra prie Žemės ūkio ministerijos (l-Aġenzija nazzjonali tal-pagamenti fi ħdan il-Ministeru Litwan tal-Agrikoltura, iktar ’il quddiem l-“NMA”) adottat, fit-22 ta’ Mejju 2013, id-Deċiżjoni Nru 165, li permezz tagħha hija applikat il-modulazzjoni tal-pagamenti diretti ffinanzjati permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) kif ukoll it-tnaqqis tal-PDNK. L-imsemmija Deċiżjoni Nru 165 tispeċifika li ġiet adottata skont l-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 73/2009, tal-Artikolu 1(4) tad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C(2012) 4391 u tad-Digriet Nru 55 tal-Gvern tal-Litwanja dwar il-pagamenti diretti nazzjonali komplementari mħallsa għas-sena 2012 (nutarimas Nr. 55 “Dėl 2012 metų papildomų nacionalinių tiesioginių išmokų”), tat-23 ta’ Jannar 2013 (iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-Gvern Nru 55”).

26.

Sussegwentement, wara li rċeviet applikazzjoni għall-għajnuna għal uċuħ agrikoli u uċuħ oħra mressqa minn B. Jakutis, l-NMA adottat id-Deċiżjoni Nru 2223 fil-5 ta’ Ġunju 2013. Skont din id-deċiżjoni, peress li l-ammont totali tal-pagamenti diretti, inklużi l-PDNK kollha, li minnu B. Jakutis ibbenefika għas-sena 2012 kien ta’ iktar minn EUR 5000 (LTL 17264), it-tnaqqis tal-PDNK kien japplika għalih. Id-Deċiżjoni Nru 2223 tispeċifika li hija ġiet adottata b’applikazzjoni tal-Artikolu 1(4) tad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C(2012) 4391 u tad-Digriet tal-Gvern Nru 55.

27.

B. Jakutis u Kretingalės kooperatinė ŽŪB ippreżentaw rikors quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas għall-annullament, rispettivament, tad-Deċiżjoni Nru 2223 tal-NMA tal-5 ta’ Ġunju 2013 u tad-Deċiżjoni Nru 165 tal-NMA tat-22 ta’ Mejju 2013.

28.

Skont B. Jakutis u Kretingalės kooperatinė ŽŪB, ma kien hemm ebda bażi legali biex tiġi applikata fil-Litwanja l-modulazzjoni tal-pagamenti diretti jew it-tnaqqis tal-PDNK għas-sena 2012. Huma jsostnu li, taħt id-dispożizzjonijiet tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, ladarba ma jkunx effettivament stabbilit li l-ammonti u l-livelli tal-pagamenti diretti tal-bdiewa Litwani laħqu dawk tal-Istati UE-15, il-pagamenti diretti li jridu jitħallsu lill-bdiewa Litwani ma jistgħux ikunu modulati skont l-Artikoli 7 u 10 tar-Regolament Nru 73/2009.

29.

L-NMA oġġezzjonat għar-rikorsi mressqa minn B. Jakutis u Kretingalės kooperatinė ŽŪB u enfasizzat li hija ma kinitx kompetenti biex tevalwa l-legalità tad-digriet tal-Gvern u ferm inqas tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Min-naħa l-oħra, il-Ministeru tal-Agrikoltura Litwan, terz ikkonċernat fit-tilwima fil-kawża prinċipali, enfasizza li d-Digriet tal-Gvern Nru 55 kien ġie adottat biex jimplementa r-Regolament Nru 73/2009 u d-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C(2012) 4391, għalkemm kien ikkunsidra li l-modulazzjoni u t-tnaqqis tal-PDNK ma kellhomx japplikaw għall-Istati UE‑10 fl-2012.

30.

Peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni u l-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 73/2009, il-Vilniaus apygardos administracinis teismas iddeċidiet, permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Frar 2014, li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel dawn id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.

Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-livell tal-pagamenti diretti, fl-Istati Membri l-ġodda tal-Unjoni u f’dawk li ma humiex Stati Membri ġodda, għall-finijiet tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 73/2009, applikat flimkien mal-Artikoli 7 u 121 tal-imsemmi regolament:

a)

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 73/2009, applikat flimkien mal-Artikoli 10(1) u 121 tal-imsemmi regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-2012, il-livell ta’ pagamenti diretti ta’ iktar minn EUR 5000 kien ta’ 90 % fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda?

b)

Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, dan ifisser li, fl-2012, il-livell ta’ pagamenti diretti fl-Istati Membri l-ġodda ma laħaqx dak tal-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda, fid-dawl tal-kontenut u tal-għanijiet tal-Artikoli 10(1) u 121 tar-Regolament Nru 73/2009?

c)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(1), in fine, tar-Regolament Nru 73/2009 (‘filwaqt li jittieħed kont ta’ kull tnaqqis applikat skont l-Artikolu 7(1)’) u fid-dokument tax-xogħol tal-Kummissjoni DS/2011/14/REV 2, li jipprevedu li l-paragun tal-pagamenti diretti jsir fuq bażijiet differenti – il-livell tal-pagamenti diretti fl-Istati Membri l-ġodda jiġi evalwat mingħajr ma tiġi applikata l-modulazzjoni (90 %, skont l-Artikolu 121), filwaqt li dak fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda jiġi evalwat wara l-applikazzjoni tal-modulazzjoni [100 % – 10 %, skont l-Artikolu 7(1)(d)] –, imorru kontra l-Att ta’ Adeżjoni [tal-2003] u l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, fosthom dawk ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ kompetizzjoni leali u ta’ nondiskriminazzjoni, kif ukoll kontra l-għanijiet tal-[PAK] stipulati fl-Artikolu 39 TFUE?

2.

Fir-rigward tal-ksur tal-Att ta’ Adeżjoni [tal-2003] u ta’ ċerti prinċipji tad-dritt tal-Unjoni bl-Artikolu 10(1) u bl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2), in fine, tar-Regolament Nru 73/2009, kif ukoll bl-atti tad-dritt tal-Unjoni adottati abbażi tagħhom:

a)

L-Artikolu 10(1), in fine, tar-Regolament Nru 73/2009 (‘filwaqt li jittieħed kont ta’ kull tnaqqis applikat skont l-Artikolu 7(1)’) u l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2), in fine, tal-imsemmi regolament, (‘b’kont meħud, mill-2012, tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7 flimkien mal-Artikolu 10’), kif ukoll id-dokument tax-xogħol tal-Kummissjoni DS/2011/14/REV 2 u d-deċiżjoni ta’ implementazzjoni [C(2012) 4391], adottati fuq il-bażi tagħhom, imorru kontra l-Att ta’ Adeżjoni [tal-2003], li la jipprevedi modulazzjoni tal-pagamenti diretti, la t-tnaqqis tal-pagamenti diretti nazzjonali komplementari fl-Istati Membri l-ġodda, u lanqas sena li minnha l-pagamenti diretti jiġu preżunti bħala li saru ndaqs fl-Istati Membri l-ġodda u f’dawk li ma humiex Stati Membri ġodda?

b)

L-Artikolu 10(1) u l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 kif ukoll id-dokument tax-xogħol tal-Kummissjoni DS/2011/14/REV 2 u d-deċiżjoni ta’ implementazzjoni [C(2012) 4391], sa fejn, skont il-kliem tagħhom u skont l-għanijiet tagħhom, il-modulazzjoni tal-pagamenti diretti u t-tnaqqis tal-pagamenti diretti nazzjonali komplementari huma applikati fl-2012 fl-Istati Membri l-ġodda, li jirċievu għajnuna diretta nettament iżgħar minn dik li jibbenefikaw minnha l-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda, imorru kontra l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, fosthom dawk ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ kompetizzjoni leali u ta’ nondiskriminazzjoni, kif ukoll kontra l-għanijiet tal-[PAK] stipulati fl-Artikolu 39 TFUE, b’mod partikolari dak li tiżdied il-produttività tal-bidwi?

c)

L-emenda tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 (‘b’kont meħud, mill-2012, tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7 flimkien mal-Artikolu 10’) li seħħet b’rettifika (ĠU 2010, L 43, p. 7) (li permezz tagħha ma twettqitx korrezzjoni ta’ natura teknika, iżda bdil tal-kontenut tad-dispożizzjoni fuq il-mertu – huwa preżunt li, fl-2012, il-pagamenti diretti fl-Istati Membri l-ġodda kienu daqs dawk fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda), imorru kontra l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, fosthom dawk ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ nondiskriminazzjoni?

d)

It-tifsira tal-kelma ‘dydis’ [livell] użata fl-Artikolu 1ċ imsemmi fil-punt 27(b) tal-Kapitolu 6, intitolat ‘Agrikoltura’, A, tal-Anness II tal-Att ta’ Adeżjoni [tal-2003] hija l-istess bħal dik tal-kelma ’lygis’ [’livell’] użata fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009?

3.

Id-deċiżjoni ta’ implementazzjoni [C(2012) 4391] u d-dokument tax-xogħol tal-Kummissjoni DS/2011/14/REV 2, li ma ġewx ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u ma humiex immotivati (dawn ġew adottati biss abbażi tal-preżunzjoni li, fl-2012, il-livell ta’ pagamenti diretti fl-Istati Membri l-ġodda kien indaqs għal dak fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda), imorru kontra l-Att ta’ Adeżjoni [tal-2003] u l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, fosthom dawk ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba? Jekk iva, l-Artikolu 1(4) [tal-imsemmija] deċiżjoni ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni għandu jiġi annullat minħabba ksur tar-Regolament Nru 73/2009 u tal-Att ta’ Adeżjoni [tal-2003]?”

31.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew sottomessi minn B. Jakutis u minn Kretingalės kooperatinė ŽŪB, mir-Repubblika tal-Litwanja, mir-Repubblika tal-Polonja, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni Ewropea, li lkoll kemm huma, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, kienu rrappreżentati fis-seduta li nżammet fil-25 ta’ Frar 2015.

IV – Analiżi

A – Osservazzjonijiet preliminari

1. Dwar l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari, billi dawn jirreferu għall-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u għad-Dokument tax-Xogħol DS2011/14/REV2

32.

Il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-konformità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 73/2009 mal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali, ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ kompetizzjoni ġusta u ta’ nondiskriminazzjoni, mingħajr madankollu ma tispjega f’iktar dettall b’liema mod dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiksru xi wħud minn dawn il-prinċipji.

33.

Skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi l-espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu biex il-qorti tar-rinviju tiddubita l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

34.

Ta’ min ifakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex tkun deċiża l-kawża li tkun tressqet quddiemhom. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala prinċipju, tiddeċiedi meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 15 ).

35.

Il-Qorti tal-Ġustizzja insistiet madankollu fuq l-importanza tal-indikazzjoni, mill-qorti nazzjonali, tar-raġunijiet preċiżi li wassluha biex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u li tqis neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 16 ). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tagħti minimu ta’ spjegazzjonijiet fuq ir-raġunijiet li wassluha tagħżel ċerti dispożizzjonijiet Komunitarji li tagħhom hija tkun qiegħda titlob l-interpretazzjoni u fuq ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima ( 17 ).

36.

Jidhirli li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix biżżejjed indikazzjonijiet li jistgħu jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ kompetizzjoni ġusta. Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ kompetizzjoni ġusta, il-qorti tar-rinviju ma tagħti l-ebda spjegazzjoni dwar l-allegati ksur ta’ dawn il-prinċipji.

37.

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li l-qorti tar-rinviju tiddiskuti fil-qosor b’riferiment għad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C(2012) 4391, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jirrigwarda t-trattament tal-kawżi fl-istituzzjonijiet, fil-korpi u fl-organi tal-Unjoni u l-ħtiġijiet ta’ kwalità relatati magħhom.

38.

Id-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C(2012) 4391 tagħmel parti minn proċedura bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Litwanja. F’din il-proċedura, il-bdiewa Litwani la huma partijiet — f’liema każ ikunu mħarsa mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — u lanqas destinatarji ta’ din id-deċiżjoni ta’ implementazzjoni. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma tagħti l-ebda spjegazzjoni dwar l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba li l-Kummissjoni allegatament wettqet fir-rigward tar-Repubblika tal-Litwanja u li jista’ jkollu konsegwenzi legali fil-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward jikkonċernaw pjuttost il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C(2012) 4391, li ser tiġi eżaminata fil-punti 146 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

39.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma tispjega xejn dwar ir-rabta bejn kull wieħed minn dawn il-prinċipji u s-sitwazzjoni fattwali jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Fin-nuqqas ta’ tali indikazzjonijiet, ma huwiex possibbli li wieħed jiddefinixxi l-problema konkreta ta’ interpretazzjoni li tista’ tinħoloq fir-rigward ta’ kull wieħed mill-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom il-qorti titlob l-interpretazzjoni ( 18 ).

40.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li d-domanda 1(c) u d-domanda 2(b) magħmulin lill-Qorti tal-Ġustizzja, huma inammissibbli, sa fejn jirrigwardaw il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ kompetizzjoni ġusta. Min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trattament ugwali ser jiġi eżaminat iktar fid-dettall fil-punti 108 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

41.

F’dak li jirrigwarda d-Dokument tax-Xogħol DS2011/14/REV2, ta’ min ifakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri li jistgħu jipproduċu effetti legali vinkolanti b’mod li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu b’mod sinjifikattiv s-sitwazzjoni legali tiegħu, jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament ( 19 ). Barra minn hekk, il-miżuri li jiddeterminaw b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fi tmiem proċedura amministrattiva u li għandhom l-għan li jipproduċu effetti tad-dritt vinkolanti li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, minbarra l-miżuri intermedji li l-għan tagħhom huwa li jħejju d-Deċiżjoni finali u li ma għandhomx effetti bħal dawn, bħala prinċipju jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati ( 20 ).

42.

Skont il-Kummissjoni, id-Dokument tax-Xogħol DS2011/14/REV2 ġie ppreżentat lill-Istati Membri waqt il-laqgħat tal-Kumitat ta’ Ġestjoni tal-pagamenti diretti li nżammew f’Lulju u f’Ottubru ( 21 ). Din hija, fil-fatt, proposta tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 132 tar-Regolament Nru 73/2009 u l-kundizzjonijiet tal-għoti tal-PDNK fl-2012.

43.

Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni finali li tipproduċi effetti legali dwar l-għoti tal-PDNK hija d-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C(2012) 4391, li permezz tagħha l-Kummissjoni awtorizzat l-għoti tal-PDNK fil-Litwanja fl-2012. Fil-fehma tiegħi, id-Dokument tax-Xogħol DS2011/14/REV2 huwa miżura preparatorja li ma tipproduċix effetti legali. Għaldaqstant, ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament.

44.

Għalhekk, il-validità tiegħu lanqas ma tista’ tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, peress li konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-illegalità tiegħu ma jkollhiex effetti legali ( 22 ).

45.

Nipproponi għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li d-domanda 1(c), id-domanda 2(a) u (b), kif ukoll it-tielet domanda huma inammissibbli sa fejn jirrigwardaw id-Dokument tax-Xogħol DS2011/14/REV2.

2. Dwar punti preliminari oħra

46.

Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi nnotat li, skont is-sentenza LAISA u CPC España vs Il-Kunsill ( 23 ), dispożizzjoni ta’ att ta’ adeżjoni dwar in-natura legali tad-dispożizzjonijiet li jħassru jew jemendaw atti adottati mill-istituzzjonijiet, bħall-Artikolu 9 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, ma għandhiex l-effett li tissuġġetta għall-istħarriġ tal-legalità d-dispożizzjonijiet li tagħmel riferiment għalihom. Għall-kuntrarju, tali dispożizzjoni tikkonkretizza l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 dwar il-proċedura ta’ emenda u ta’ tħassir tad-dispożizzjonijiet tal-Att ta’ Adeżjoni ( 24 ).

47.

Għalhekk, il-legalità tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni sekondarja emendati bl-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, minbarra b’mod tranżitorju, ma tistax tkun ikkontestata.

48.

Min-naħa l-oħra, għalkemm id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 73/2009 inkwistjoni f’din il-kawża għandhom effettivament parzjalment l-istess kontenut tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1259/1999 emendati bl-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, id-dispożizzjonijiet li l-validità tagħhom qiegħda tiġi kkontestata mill-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari l-Artikolu 10(1), in fine (“filwaqt li jittieħed kont ta’ kull tnaqqis applikat skont l-Artikolu 7(1)”) u l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2), in fine (“b’kont meħud, mill-2012, tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7 flimkien mal-Artikolu 10”), huma dispożizzjonijiet li ddaħħlu sussegwentement. Għaldaqstant, huma suġġetti għall-istħarriġ tal-legalità.

49.

Bħala punt preliminari tal-aħħar, għandu jiġi nnotat ukoll li s-sistema ta’ modulazzjoni ntemmet fl-2012, iżda li, biex l-ammont tal-pagamenti diretti għas-sena kalendarja 2013 jinżamm f’livell analogu għal dak tas-sena 2012, ir-Regolament (UE) Nru 671/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 25 ) stabbilixxa mekkaniżmu ta’ aġġustament għas-sena kalendarja 2013 li għandu effett ekwivalenti għal dak tal-modulazzjoni u tal-limiti massimi netti. Dan ir-regolament ma jinkludix regoli partikolari għall-Istati UE‑10 f’dak li jirrigwarda dan l-aġġustament. Min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmu ta’ aġġustament ma japplikax għall-bdiewa tal-Bulgarija u tar-Rumanija, billi, skont il-mekkaniżmu ta’ introduzzjoni gradwali previst fl-Att ta’ Adeżjoni tal-2005 ( 26 ), il-livell ta’ pagamenti diretti għall-Bulgarija u għar-Rumanija għadu iktar baxx mil-livell ta’ pagamenti diretti applikabbli fl-Istati Membri l-oħra fl-2013, wara l-applikazzjoni tal-aġġustament tal-pagamenti lill-bdiewa matul il-perijodu tranżitorju ( 27 ).

50.

Fil-bqija ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser neżamina, l-ewwel nett u flimkien, l-ewwel żewġ domandi sekondarji tal-ewwel domanda preliminari, li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 7(1), 10(1) u 121 tar-Regolament Nru 73/2009. Id-domanda 1(c), id-domanda 2(a) u (b), u t-tielet domanda jirrigwardaw il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 73/2009 u tad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C(2012) 4391 fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, tal-Artikolu 39 TFUE u ta’ ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Id-domanda 1(c) u d-domanda 2(a) u (b) jeħtieġu li jiġu eżaminati flimkien għar-raġunijiet spjegati fil-punt 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Id-domanda 2(c), tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009, fil-formulazzjoni tiegħu li tirriżulta mir-rettifika ppubblikata fit-18 ta’ Frar 2010, u d-domanda 2(d) tirrigwarda t-tifsira taż-żewġ termini Litwani użati, rispettivament, fl-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 u fir-Regolament Nru 73/2009. Dawn id-domandi u t-tielet domanda jeħtieġ li jiġu eżaminati separatament, fl-ordni li saru fiha mill-qorti tar-rinviju.

B – Dwar id-domanda preliminari 1(a) u (b)

51.

Permezz tad-domanda 1(a) u (b) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar jekk il-livell ta’ pagamenti diretti fl-Istati UE‑15, fl-2012, kienx ta’ 90 % u jekk dan ifissirx li l-livell ta’ pagamenti diretti fl-Istati UE‑10, fl-2012, kienx laħaq dak tal-Istati UE‑15, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 73/2009. Jekk il-livell ta’ pagamenti diretti fl-Istati UE‑10 kien laħaq il-livell ta’ pagamenti diretti fl-Istati UE‑15, il-konsegwenza ta’ dan tkun li l-modulazzjoni, fis-sens tad-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikoli 7 u 10 tar-Regolament Nru 73/2009, tkun applikabbli fl-Istati UE‑10 fl-2012.

1. Dwar l-argumenti tal-partijiet

52.

B. Jakutis u Kretingalės kooperatinė ŽŪB kif ukoll il-Gvern Litwan huma tal-opinjoni li, fl-2012, il-livell ta’ pagamenti diretti fl-Istati UE‑15 ma kienx ta’ 90 % filwaqt li l-livell ta’ pagamenti diretti fl-Istati UE-10 kien ta’ 90 %. Dan jimplika li l-livell ta’ pagamenti diretti fl-Istati UE‑10 ma kienx laħaq dak tal-Istati UE‑15 fl-2012. Skont dawn il-partijiet, il-livell ta’ pagamenti diretti li jaqbżu EUR 5000 biss kien ta’ 90 % fl-Istati UE‑15, bil-modulazzjoni tkun applikabbli biss meta l-ammont effettivament imħallas lill-bidwi jaqbeż il-EUR 5000. Il-livell globali tal-pagamenti għaldaqstant kien ogħla minn 90 % fl-Istati UE‑15.

53.

Min-naħa l-oħra, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni jqisu li l-livell ta’ pagamenti diretti fl-Istati UE‑15 kien tabilħaqq ta’ 90 % fl-2012 u li l-livell ta’ pagamenti diretti fl-Istati UE‑15 u fl-Istati UE‑10 kienu ekwivalenti fl-2012.

2. Dwar il-kunċett ta’ “livell ta’ pagamenti diretti”

54.

Biex wieħed ikun jista’ jwieġeb għad-domanda preliminari 1(a) u (b), huwa essenzjali li tiġi stabbilita t-tifsira tal-espressjoni “livell ta’ pagamenti diretti” li tinsab fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 73/2009. Minkejja l-importanza sinjifikattiva tagħha għall-finijiet tal-applikazzjoni tas-sistema ta’ modulazzjoni fl-Istati UE‑10, din l-espressjoni ma hijiex definita fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tirregola l-modulazzjoni.

55.

Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 73/2009 u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 huma bbażati fuq it-tqabbil tal-livelli “komuni” tal-għajnuna u mhux tal-livelli nominali tagħha. Il-Kummissjoni nnotat li dan l-istess approċċ ġie applikat, bl-għan li jitqabblu l-livelli komuni tal-għajnuna, meta ġiet adottata d-Deċiżjoni 2009/444 ( 28 ). B’mod iktar partikolari, l-Artikolu 3 u l-Anness III ta’ din id-deċiżjoni jiffissaw ir-riżultati relatati mal-applikazzjoni tal-modulazzjoni fl-Istati Membri l-ġodda fl-2012. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-legalità tal-imsemmija deċiżjoni ġiet ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Il-Polonja vs Il‑Kummissjoni ( 29 ), li b’mod impliċitu tirrikonoxxi t-tqabbil tal-livelli komuni tal-għajnuna bħala fondat.

56.

Għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza Il-Polonja vs Il-Kummissjoni kienet tirrigwarda t-tqassim, bejn l-Istati Membri, tal-flus iffrankati permezz tal-modulazzjoni. F’din il-kawża, ir-Repubblika tal-Polonja kienet pjuttost ipprovat turi li l-modulazzjoni kienet applikabbli għaliha fl-2012 sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-ammonti li rriżultaw mill-modulazzjoni. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-modulazzjoni fl-Istati UE‑10 fl-2012 bl-ebda mod ma kienet ikkontestata f’dik il-kawża. Din is-sentenza ma tistax, fil-fehma tiegħi, tiġi analizzata fis-sens li l-Qorti Ġenerali kkonfermat din l-interpretazzjoni, tal-inqas b’mod li jaffettwa din il-kawża.

57.

L-espressjoni “livell ta’ pagamenti diretti”, li tidher fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 73/2009, iddaħħlet għall-ewwel darba bir-Regolament Nru 583/2004 li jemenda, b’mod partikolari, ir-Regolament Nru 1782/2003. L-ewwel Regolament daħħal l-Artikolu 12(a) li jirregola l-modulazzjoni fl-Istati UE‑10, fir-Regolament Nru 1782/2003.

58.

Min-naħa l-oħra, l-espressjoni “livell applikabbli [...] ta’ tali pagamenti”, użata fl-Artikolu 121 tar-Regolament Nru 73/2009, u l-espressjoni “l-livell ta’ appoġġ dirett”, użata fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009, diġà kienu jidhru fl-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, fil-punt 27(b) tal-Kapitolu 6 tal-Anness II tiegħu, li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-Artikoli 1a u 1ċ tar-Regolament Nru 1259/1999 ( 30 ).

59.

L-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 1259/1999 kien jipprevedi l-introduzzjoni progressiva ta’ skemi ta’ appoġġ fl-Istati UE-10, li ċ-ċifri tagħhom jikkorrispondu għall-perċentwal tal-“livell li jkun applikabbli dakinhar ta’ dawn il-pagamenti fil-Komunità kif kostitwita fit-30 ta’ April 2004]”. Fir-rigward tal-Artikolu 1ċ ta’ dan ir-regolament, dan kien jirrigwarda l-PDNK, li l-ammont totali tagħhom, ikkombinat mal-pagamenti diretti, “ma għandux jaqbeż il-livell ta’ appoġġ dirett li l-bidwi jkun intitolat jirċievi taħt l-iskema korrispondenti tal-[Unjoni] applikabbli dakinhar għall-Istati Membri fil-Komunità kif kostitwita fit-30 ta’ April 2004” ( 31 ). It-terminu “livell”, użat f’dawn id-dispożizzjonijiet, madankollu lanqas ma huwa definit fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tirregola l-pagamenti diretti u l-PDNK.

60.

Għandu jiġi eżaminat jekk is-siltiet inkwistjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet — “il-livell ta’ pagamenti diretti applikabbli fl-Istati Membri għajr l-Istati Membri l-ġodda”, “il-livell applikabbli ta’ dawn il-pagamenti fil-Komunità kif kostitwita fit-30 ta’ April 2004” u “l-livell ta’ appoġġ dirett li l-bidwi jkun intitolat jirċievi taħt l-iskema korrispondenti tal-[Unjoni], applikabbli dakinhar għall-Istati Membri fil-Komunità kif kostitwita fit-30 ta’ April 2004” — għandhomx l-istess tifsira. L-ewwel tnejn jidhru li huma relatati mal-livell ġenerali tal-pagamenti diretti u t-tielet mal-livell individwali tal-pagamenti diretti, speċifiċi għal kull bidwi.

61.

Peress li l-għanijiet tal-applikazzjoni tal-modulazzjoni u tat-tnaqqis tal-pagamenti diretti fl-Istati UE-10 huma l-istess — li jiġi żgurat li l-livell tal-pagamenti diretti u tal-PDNK li jirċievu l-bdiewa fl-Istati UE‑10 ma jaqbiżx il-livell tal-pagamenti diretti riċevuti mill-bdiewa fl-Istati UE‑15 — jidhirli li l-kunċett ta’ “livell ta’ appoġġ dirett”, li jidher fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009, jista’ jintuża għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “livell ta’ pagamenti diretti”, li jidher fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 73/2009 ( 32 ).

62.

Skont il-Kummissjoni, il-mekkaniżmu ta’ “phasing-in” huwa bbażat fuq it-tqabbil tal-“livelli komuni ta’ appoġġ”. Din il-konstatazzjoni tassumi li effettivament diġà hemm livell komuni ta’ pagamenti diretti applikabbli fl-Istati UE‑15. Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi eżaminat il-livell tal-pagamenti diretti applikabbli fl-Istati UE‑15.

63.

Huwa ċar, pereżempju, mir-rapport tal-Kummissjoni dwar id-distribuzzjoni tal-għajnuna diretta lill-bdiewa fl-Istati Membri għas-sena finanzjarja 2005 ( 33 ), wara l-adeżjoni tal-Istati UE‑10, li l-ammonti totali ta’ għajnuna mogħtija lill-bdiewa jvarjaw b’mod kunsiderevoli, anki bejn l-Istati UE‑15.

64.

Għaldaqstant, huwa ċar li l-“livell” ta’ għajnuna ma jikkorrispondix għall-ammont totali ta’ għajnuna jew għall-valur nominali tal-għajnuna. Fil-fatt, kieku l-livell kien jikkorrispondi għall-ammont, ma jistax ikun hemm livell komuni fl-Istati UE‑15. F’dan ir-rigward, jidher li huwa paċifiku, kif enfasizzat il-Kummissjoni, li t-tqabbil tal-livelli tal-pagamenti diretti fl-Istati UE‑15 u fl-Istati UE‑10 jassumi li l-livelli meħuda inkunsiderazzjoni huma “komuni” għal dawn il-gruppi ta’ Stati Membri, bl-esklużjoni tal-ammonti individwali ta’ kull Stat Membru.

65.

Għalkemm l-espressjoni “livell ta’ pagamenti diretti” ma tirreferix għall-ammont tal-pagamenti diretti, madankollu jidhirli li huwa possibbli li jitqies li tirreferi għall-metodi ta’ kalkolu tal-pagamenti diretti li għandhom jingħataw ( 34 ).

66.

Jekk wieħed jaċċetta din l-interpretazzjoni, ikun possibbli li minnha jiġi dedott li l-livell ta’ pagamenti diretti fl-Istati UE‑10 jikkorrispondi għal dak tal-Istati UE‑15, għall-inqas meta l-metodi ta’ għoti tal-pagamenti diretti jkunu l-istess fl-Istati UE‑10 u fl-Istati UE‑15.

67.

Ir-riferiment għal “livell ta’ appoġġ dirett li l-bidwi jkun intitolat jirċievi taħt l-iskema korrispondenti tal-[Unjoni], applikabbli dakinhar għall-Istati Membri fil-Komunità kif kostitwita fit-30 ta’ April 2004” ( 35 ), li jidher fil-punt 27(b) tal-Kapitolu 6 tal-Anness II tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, fir-rigward tal-Artikolu 1ċ tar-Regolament Nru 1259/1999, jikkonferma din l-interpretazzjoni li timplika t-tqabbil tal-iskemi ta’ pagamenti diretti jew inkella l-metodi tal-għoti tal-pagamenti diretti. Għalhekk, issa għandhom jiġu eżaminati l-metodi ta’ kalkolu tal-pagamenti diretti.

3. Dwar il-metodi ta’ kalkolu tal-pagamenti diretti fl-Istati UE‑15 u fl-Istati UE‑10

68.

Biex ikunu jistgħu jitqabblu l-metodi ta’ kalkolu tal-pagamenti diretti, għandha, qabel kollox, tiġi eżaminata s-sitwazzjoni tal-Istati UE‑15 u l-iżvilupp ta’ dawn il-metodi.

69.

Id-diversi skemi ta’ pagamenti diretti fl-Istati UE‑15 qabel ir-riforma tal-PAK fl-2003 ( 36 ) kienu elenkati fl-Anness għar-Regolament Nru 1259/1999. Ir-Regolament Nru 1782/2003 introduċa skema ta’ pagament uniku (iktar ’il quddiem is-“SPU”), jiġifieri sistema separati ta’ għajnuna għall-introjtu għal kull azjenda agrikola li, mingħajr ma bidlet l-ammonti effettivament imħallsa lill-bdiewa, ġabret flimkien ċertu għadd ta’ pagamenti diretti eżistenti f’pagament uniku ddefinit fuq il-bażi ta’ drittijiet preċedenti matul perijodu ta’ riferiment, adattati b’mod li jieħdu inkunsiderazzjoni l-implementazzjoni sħiħa tal-miżuri introdotti fil-qafas tal-aġenda 2000 u tal-bidliet fl-ammonti tal-għajnuna previsti mir-Regolament Nru 1782/2003 ( 37 ).

70.

Taħt is-SPU, l-Istati Membri kellhom, diversi għażliet fir-rigward tad-definizzjoni tal-iskema u tal-eventwali eċċezzjonijiet għas-separazzjoni totali. Meta ddaħħlet is-SPU, l-Istati Membri setgħu jagħżlu bejn tliet mudelli ewlenin ta’ kalkolu tal-ammont tad-drittijiet għall-ħlas: jiġifieri “mudell storiku” bbażat fuq il-pagamenti riċevuti mill-bidwi individwali matul perijodu ta’ riferiment u li jirriżulta f’ammonti ta’ għajnuna differenti għal kull ettaru, “mudell reġjonali” li jiġbor il-pagamenti kollha riċevuti f’reġjun li mbagħad jiġu diviżi bin-numru ta’ ettari ta’ art eliġibbli u jirriżulta f’ammont ta’ somma f’daqqa, u “mudell imħallat” li jgħaqqad lil dawn iż-żewġ mudelli u jista’ jkun “statiku” jew “dinamiku” ( 38 ). Ir-Regolament Nru 73/2009 imbagħad estenda s-separazzjoni tal-appoġġ dirett u ssimplifika l-funzjonament tas-SPU.

71.

Peress li l-Istati UE‑15, li kollha huma meħtieġa japplikaw is-SPU, għażlu mudelli differenti sabiex jikkalkolaw il-pagamenti diretti, huwa ċar li l-metodi ta’ kalkolu tal-pagamenti diretti applikati minn dawn l-Istati jvarjaw ukoll, anki jekk kollha huma relatati ma’ skema waħda ta’ pagamenti diretti ( 39 ). Madankollu, peress li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 73/2009 huwa bbażat fuq il-premessa ta’ livell “komuni” ta’ pagamenti diretti fl-Istati UE‑15, tali livell bilfors irid jeżisti, anki jekk jeżistu dawn id-differenzi bejn il-metodi ta’ kalkolu.

72.

F’dak li jirrigwarda l-iskema applikabbli fl-Istati UE‑10, mill-punt 27(b) tal-Kapitolu 6 tal-Anness II tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, rigward l-Artikolu 1ċ imdaħħal fir-Regolament Nru 1259/1999, jirriżulta li l-Istati UE‑10 kellhom il-faċilità li jagħżlu skema ġdida tranżitorja, fosthom l-iskema SPUE, applikabbli biss fl-Istati Membri l-ġodda.

73.

Il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-iskema SPUE proposta fl-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 kienet testendi sa tmiem is-sena 2006 u kienet tista’ tiġġedded darbtejn għal sena fuq talba tal-Istat Membru l-ġdid. Peress li, skont l-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, il-“phasing-in” tal-appoġġ dirett fl-Istati UE‑10 kompla sas-sena 2013, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-istess att, l-iskema bażika ( 40 ) tal-pagamenti diretti kellha diġà tkun l-istess fl-Istati UE‑15 u fl-Istati UE‑10 ferm qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ “phasing-in” fl-2013. Madankollu, mid-disa’ paragrafu tal-Artikolu 143b tar-Regolament Nru 1782/2003, kif emendat bl-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 adattat bid-Deċiżjoni 2004/281, jirriżulta li l-perijodu ta’ applikazzjoni tas-SPUE għall-ewwel ġie estiż sa tmiem is-sena 2010, u mill-Artikolu 122(3) tar-Regolament Nru 73/2009, jirriżulta li iktar tard ġie estiż sal-31 ta’ Diċembru 2013 ( 41 ).

74.

Fost l-Istati UE‑10, ir-Repubblika ta’ Malta u r-Repubblika tas-Slovenja biss iddeċidew li japplikaw is-SPU, l-istess skema applikabbli fl-Istati UE‑15. L-Istati UE‑10 l-oħra għadhom japplikaw is-SPUE, skema li ma hijiex miftuħa għall-Istati UE‑15.

75.

Għalhekk, jekk naċċettaw l-interpretazzjoni li tgħid li dawn il-“livelli” tal-pagamenti diretti jindikaw il-metodi ta’ kalkolu tal-pagamenti diretti li għandhom jingħataw, it-tqabbil tal-livelli tal-pagamenti diretti jsir iktar diffiċli peress li l-metodi ta’ għoti huma differenti, b’mod partikolari sa fejn l-iskemi ta’ għajnuna ma humiex l-istess, li kien il-każ għall-parti l-kbira tal-Istati UE‑15 u tal-Istati UE‑10 fl-2012.

76.

Madankollu, kif diġà semmejt fil-punt 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet, peress li livell komuni ta’ pagamenti diretti fl-Istati UE‑15 irid ikun jeżisti fil-preżenza ta’ diversi mudelli ta’ SPU, huwa wkoll possibbli li wieħed jikkonkludi li s-SPU u s-SPUE huma analogi, biex isir it-tqabbil tal-livelli tal-pagamenti diretti.

77.

L-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 73/2009 tikkonferma din l-interpretazzjoni. Dan ir-regolament żamm il-possibbiltà li l-Istati UE‑10 jkomplu japplikaw is-SPUE sal-aħħar tas-sena 2013. Iżda, skont l-Artikolu 121 ta’ dan ir-regolament, dawn l-Istati Membri dejjem kellhom jilħqu, mis-sena 2013, 100 % tal-livell applikabbli ta’ dawn il-pagamenti fl-Istati Membri minbarra l-Istati Membri l-ġodda. Minn dan isegwi li ż-żewġ skemi huma analogi għat-tqabbil tal-livelli tal-pagamenti diretti u, għalhekk, is-sempliċi fatt li l-parti l-kbira tal-Istati UE‑10 għażlu skema ta’ pagamenti diretti differenti minn dak użat fl-Istati UE‑15 ma jeskludix il-possibbiltà ta’ tqabbil tal-livelli komuni.

78.

Issa jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk fl-2012, il-livell tal-pagamenti diretti fl-Istati UE‑10 kienx mill-inqas ugwali għal-livell tal-pagamenti diretti applikabbli fl-Istati UE‑15 skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 73/2009.

4. Dwar it-tqabbil tal-livelli ta’ pagamenti diretti fl-2012

79.

Il-mistoqsija essenzjali biex isir it-tqabbil tal-livelli ta’ pagamenti diretti hija jekk għandux jittieħed inkunsiderazzjoni, biex jiġi ddeterminat il-livell tal-pagamenti diretti fl-Istati UE‑15 fl-2012, il-fatt li l-pagamenti diretti ta’ iktar minn EUR 5000 biss huma mmodulati fl-Istati UE‑15.

80.

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-effett tal-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ EUR 5000 huwa nominali, fid-dawl tal-konsegwenzi prattiċi tal-applikazzjoni tal-imsemmi limitu massimu li huma differenti fid-diversi Stati UE‑15. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, it-tqabbil tal-livelli tal-pagamenti diretti applikabbli fl-Istati UE‑15 kif ukoll fl-Istati UE‑10 jsir ex ante. Għaldaqstant, kien ikun prattikament impossibbli li jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett tal-pagamenti diretti ta’ inqas minn EUR 5000 fl-Istati UE‑15 biex ikun iddeterminat jekk fl-2012 kinitx tapplika l-modulazzjoni fl-Istati UE‑10.

81.

F’dan ir-rigward, kif diġà kkonstatajt, il-livell tal-pagamenti diretti jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-pagamenti diretti. Fis-sistema ta’ modulazzjoni, il-metodu huwa tali li l-pagamenti diretti ta’ iktar minn EUR 5000 biss jitnaqqsu skont il-modulazzjoni. Huwa evidenti li, fl-Istati UE‑15 kollha, ċerti bdiewa jirċievu pagamenti diretti ta’ inqas minn EUR 5000 li allura ma humiex suġġetti għall-modulazzjoni. Għalhekk, jekk il-limitu massimu ta’ EUR 5000 kellu jittieħed inkunsiderazzjoni biex jiġi ddeterminat il-livell tal-pagamenti diretti, il-livell totali tal-pagamenti diretti jkun, fil-fatt, ogħla minn 90 %, peress li fil-każ tal-bdiewa tal-Istati UE‑15 li jirċievu ammonti ta’ inqas minn EUR 5000, il-livell ta’ appoġġ tagħhom huwa dejjem ta’ 100 %.

82.

Madankollu, interpretazzjoni bħal din tmur kontra l-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 73/2009. Fil-fatt, l-indikazzjoni “filwaqt li jittieħed kont ta’ kull tnaqqis applikat skont l-Artikolu 7(1)”, li tinsab fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 73/2009, u l-indikazzjoni “b’kont meħud, mill-2012 tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7 flimkien mal-Artikolu 10”, li tinsab fl-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009, iddaħħlu fir-regolament meta s-sistema ta’ modulazzjoni kienet mistennija li tkompli sa tmiem is-sena 2012 u meta l-livell tal-pagamenti diretti fl-Istati UE‑10 kien mistenni li jilħaq il-100 % tal-livell tal-pagamenti diretti applikabbli fl-Istati UE‑15 fl-2013.

83.

Għalhekk, jidhirli, kif iddikjarat il-Kummissjoni, li l-Artikolu 10 u l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 jassumu b’mod ċar li s-sena 2012 hija l-ewwel — u, peress li l-modulazzjoni ntemmet fl-2012, l-unika — sena kalendarja li matulha l-modulazzjoni obbligatorja tapplika fl-Istati UE‑10 ( 42 ).

84.

Għalkemm l-impatt tal-limitu massimu ta’ EUR 5000 kien rilevanti biex jiġi ddeterminat il-livell tal-pagamenti diretti, bil-konsegwenza li l-livell tal-pagamenti diretti fl-Istati UE‑15 fl-2012 kien ta’ iktar minn 90 %, il-modulazzjoni qatt ma setgħet tkun applikata fl-Istati UE‑10, peress li s-sena 2012 kienet l-unika sena li matulha l-livelli tal-pagamenti diretti setgħu kienu uniformi qabel tmiem il-perijodu ta’ modulazzjoni ( 43 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlatur ma kellu l-ebda raġuni li jdaħħal id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 3 fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 73/2009 u lanqas li jsemmi s-sena 2012 fl-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009. Għaldaqstant, ma hemmx ħtieġa tal-obbligu li tiġi kkunsidrata l-modulazzjoni applikata fl-Istati UE‑15 għall-finijiet tat-tqabbil tal-livelli.

85.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari 1(a) u (b), tkun li l-Artikoli 7(1) u 10(1) u 121 tar-Regolament Nru 73/2009 għandhom ikunu interpretati fis-sens li l-livell tal-pagamenti diretti applikabbli fl-Istati UE‑15 kien, fl-2012, ugwali għal 90 % tal-livell tat-total tal-pagamenti diretti1 u li l-livell tal-pagamenti diretti fl-Istati UE‑10 l-ġodda kien, fl-2012, ugwali għal dak tal-Istati UE‑15.

C – Dwar id-domanda preliminari 1(c) u d-domanda preliminari 2(a) u (b)

86.

Permezz tad-domanda preliminari tagħha 1(c), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li t-tqabbil tal-pagamenti diretti jsirx fuq bażijiet differenti, peress li l-livell tal-pagamenti diretti fl-Istati UE‑10 huwa evalwat mingħajr l-applikazzjoni tal-modulazzjoni filwaqt li l-livell fl-Istati UE‑15 jiġi vvalutat wara l-applikazzjoni tal-modulazzjoni, jiġġustifikax il-konklużjoni li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(1), in fine, tar-Regolament Nru 73/2009 jiksru l-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 kif ukoll ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u l-għanijiet tal-PAK.

87.

Biex infakkar, diġà kkonfermajt, fil-punt 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 73/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) tal-imsemmi Regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tqabbil tal-livelli għandu, effettivament, isir fuq il-bażijiet imsemmija mill-qorti tar-rinviju. Id-domanda 1(c) tirrigwarda għalhekk il-validità tal-Artikolu 10(1), in fine, tar-Regolament Nru 73/2009 fid-dawl tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni indikati u tal-għanijiet tal-PAK.

88.

Għaldaqstant, jeħtieġ li tingħata risposta waħda għal din id-domanda u għad-domanda 2(a) u (b), li wkoll tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 73/2009. Id-domanda 2(a) u (b) tirrigwarda wkoll il-validità tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(1) tar-Regolament Nru 73/2009 kif ukoll il-validità tad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C(2012) 4391. Peress li l-applikazzjoni tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 tiddependi mill-Artikolu 10 tiegħu — peress li l-applikazzjoni tat-tnaqqis tal-PDNK teħtieġ ukoll tqabbil tal-livelli ta’ pagamenti diretti magħmul fuq il-bażi tal-Artikoli 7 u 10 tar-Regolament Nru 73/2009 ( 44 ) — jeħtieġ li dawn id-domandi jiġu indirizzati flimkien, billi fl-ewwel lok jiġi eżaminat l-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, u sussegwentement, rispettivament, il-prinċipji ġenerali u l-għanijiet tal-PAK.

89.

Infakkar li fil-punti 40 u 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet ipproponejt li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li dawn id-domandi huma parzjalment inammissibbli sa fejn dawn jirrigwardaw il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ aspettattivi leġittimi, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ kompetizzjoni ġusta kif ukoll id-Dokument tax-Xogħol DS2011/14/REV2. Għaldaqstant, f’dak li jirrigwarda l-prinċipji ġenerali, ser neżamina biss il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trattament ugwali.

1. Dwar l-Att ta’ Adeżjoni tal-2003

90.

B. Jakutis u Kretingalės kooperatinė ŽŪB jargumentaw li l-Artikolu 10(1), in fine, u l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2), in fine, tar-Regolament Nru 73/2009 kif ukoll id-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C(2012) 4391 jiksru l-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, li la jipprevedi modulazzjoni tal-pagamenti diretti, la tnaqqis tal-PDNK fl-Istati UE‑10 u lanqas sena li minnha l-pagamenti diretti huma preżunti li saru ndaqs fl-Istati UE‑15 u fl-Istati UE‑10. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tqis li l-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni kull tnaqqis magħmul skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 73/2009 kien neċessarju biex jinżamm il-bilanċ bejn il-livelli ta’ għajnuna previsti fl-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 u biex tkun żgurata l-konformità tal-modulazzjoni obbligatorja mad-dispożizzjonijiet tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

91.

Huwa minnu li l-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 ma jipprovdix l-applikazzjoni obbligatorja tal-modulazzjoni lill-bdiewa tal-Istati UE-10. Fil-fatt, il-modulazzjoni hija miżura ġdida, introdotta permezz tar-Regolament Nru 1782/2003 wara l-konklużjoni tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, bħala parti mir-riforma tal-PAK. L-Artikolu 12a tar-Regolament Nru 1782/2003, li jirregola l-modulazzjoni fl-Istati UE‑10, ġie sussegwentement miżjud mar-Regolament Nru 1782/2003 permezz tar-Regolament Nru 583/2004.

92.

L-uniċi dispożizzjonijiet fl-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 li jagħmlu indirettament riferiment għat-tqabbil tal-livelli ta’ għajnuna diretta huma l-Artikoli 1a u 1ċ tar-Regolament Nru 1259/1999, imsemmija fil-punt 27 tal-Kapitolu 6 tal-Anness II tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, li l-kliem tiegħu huwa riprodott hawn fuq ( 45 ).

93.

L-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 1259/1999 jimplika biss li l-livell tal-pagamenti diretti fl-Istati UE‑10 ser ikun ugwali għal 100 % tal-livell tal-pagamenti diretti fl-Istati UE‑15 fl-2013, filwaqt li l-Artikolu 1ċ tal-imsemmi regolament juri b’mod ċar ir-rieda li jiġi evitat li l-iskema applikata fl-Istati UE‑10, inkluż l-għoti tal-PDNK, twassal għal livell ta’ appoġġ dirett ogħla minn dak li jirriżulta mill-iskema applikata fl-Istati UE‑15. Anki jekk, skont l-Artikolu 1, l-ammont totali tal-appoġġ dirett li jista’ jitħallas lil bidwi fl-Istati UE‑10, inklużi l-PDNK, ma jaqbiżx il-livell tal-appoġġ dirett li jkun intitolat għalih taħt l-iskema korrispondenti applikabbli fl-Istati UE‑15, jidhirli li huwa ċar li l-imsemmi Artikolu 1ċ jimplika tqabbil bejn il-livelli tal-pagamenti diretti. Għalhekk, meta l-livelli tal-pagamenti diretti jkunu ekwivalenti fl-Istati UE‑15 u fl-Istati UE‑10, l-ammont tal-PDNK li għandu jingħata lil bidwi individwali fl-Istati UE‑10 għandu jitnaqqas biex ikun jaqbel mal-eventwali bidliet fil-livell tal-Istati UE‑15.

94.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata l-validità tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 73/2009 fid-dawl tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, billi nibdew mill-Artikolu 10(1) tal-imsemmi regolament.

95.

Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 1259/1999, imsemmi fl-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 ma jipprevedix li l-livell tal-pagamenti diretti fl-Istati UE‑10 ma jistax jilħaq il-livell tal-pagamenti diretti fl-Istati UE‑15 qabel is-sena 2013, iżda biss li l-livell ta’ 100 % kellu jintlaħaq fl-2013. Bil-kontra ta’ dan, għalkemm il-livell tal-pagamenti diretti fl-Istati UE‑15 jista’ wkoll ikun inqas minn 100 % qabel is-sena 2013, l-ugwaljanza fil-livelli tal-Istati UE‑15 u tal-Istati UE‑10 hija possibbli anki qabel is-sena 2013.

96.

Għaldaqstant, billi minn naħa, l-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 ma jipprekludix li l-livelli tal-pagamenti diretti fl-Istati UE‑15 u fl-Istati UE‑10 jistgħu jkunu uniformi anki qabel is-sena 2013 u, min-naħa l-oħra, billi skont l-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, il-livell tal-appoġġ dirett, inklużi l-PDNK, fl-Istati UE‑10 ma jistax jaqbeż il-livell tal-pagamenti diretti fl-Istati UE‑15, jidhirli li huwa konformi mal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 li għall-finijiet tat-tqabbil tal-livelli jittieħed inkunsiderazzjoni t-tnaqqis fil-livell tal-pagamenti diretti fl-Istati UE-15.

97.

Infakkar li l-modulazzjoni, applikata fl-Istati UE‑10 fl-2012 wara dan it-tqabbil magħmul fuq bażijiet differenti — wara l-modulazzjoni għall-Istati UE‑15 u qabel il-modulazzjoni għall-Istati UE‑10 – ma hijiex identika għall-modulazzjoni applikata fl-Istati UE‑15, iżda tirrigwarda biss l-ammonti ta’ iktar minn EUR 300000 ( 46 ). Dan il-metodu ta’ applikazzjoni tal-modulazzjoni fl-Istati UE‑10 jippermetti li jiġi evitat li l-konsegwenza tal-modulazzjoni applikata fl-Istati UE‑15 fl-2012 tkun livell iktar baxx ta’ pagamenti diretti fl-Istati UE‑15 meta mqabbel mal-livell tal-pagamenti diretti fl-Istati UE‑10, iżda wkoll li jiġi evitat li l-modulazzjoni applikata fl-Istati UE‑10 fl-2012 twassal għal tnaqqis fil-livell tal-pagamenti diretti fl-Istati UE‑10 taħt il-livell tal-pagamenti diretti fl-Istati UE‑15.

98.

Għaldaqstant, l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 73/2009 huwa, f’dan ir-rigward konformi mal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

99.

F’dak li jirrigwarda l-konformità tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 mal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, għandu jiġi osservat li dan l-artikolu jagħmel espliċitament riferiment għas-sena 2012 għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-modulazzjoni li tirriżulta mill-Artikoli 7 u 10 tar-Regolament Nru 73/2009.

100.

Kif diġà semmejt fil-punti preċedenti, l-obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni l-modulazzjoni fl-Istati UE‑15 biex tiġi applikata l-modulazzjoni fl-Istati UE‑10 fl-2012, li jirriżulta mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 73/2009, huwa konformi mal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003. Għall-istess raġunijiet, l-obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni l-modulazzjoni fl-2012, fl-għoti tal-PDNK, huwa konformi mal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003. Dan huwa meħtieġ, fil-fatt, biex jiġi evitat li l-livell ikkombinat tal-pagamenti diretti u tal-PDNK jkun jista’ jaqbeż il-livell tal-pagamenti diretti fl-Istati UE‑15.

101.

Għalhekk, l-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 ma jipprekludix riferiment espliċitu għas-sena li minnha tnaqqis tal-pagamenti diretti, bħall-modulazzjoni, għandu japplika fl-Istati UE‑10, f’każ ta’ uniformità bejn il-livelli tal-pagamenti diretti fl-Istati UE‑15 u fl-Istati UE‑10, li, fl-opinjoni tiegħi, kien il-każ fl-2012.

102.

Fl-aħħar nett, id-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C(2012) 4391 tikkonferma l-interpretazzjoni tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 sostnuta mill-Kummissjoni u l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu għall-PDNK mogħtija fil-Litwanja fl-2012. Għaldaqstant, fl-evalwazzjoni tal-validità ta’ din id-Deċiżjoni, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk din l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni hijiex korretta.

103.

Id-Dokument tax-Xogħol DS2011/14/REV2, li għalih tagħmel riferiment il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C(2012) 4391, jinkludi spjegazzjonijiet dettaljati dwar il-modulazzjoni u l-mod kif għandu jsir it-tnaqqis tal-PDNK fl-Istati UE‑10 fl-2012. Skont dan id-dokument tax-xogħol, it-tnaqqis tal-PDNK jiġi applikat b’mod differenti fl-Istati Membri li japplikaw is-SPUE u l-Istati Membri li japplikaw is-SPU ( 47 ).

104.

L-Artikolu 132(5) tar-Regolament Nru 73/2009 jippermetti li l-Istati Membri li japplikaw is-SPUE jistabbilixxu pakketti finanzjarji maħsuba għas-setturi speċifiċi ( 48 ). Kif tosserva l-Kummissjoni, l-imsemmija pakketti finanzjarji settorjali jikkorrispondu għad-differenza bejn, minn naħa, l-ammont totali tal-għajnuna skont is-settur speċifiku li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 [jiġifieri 100 % tal-appoġġ mogħti mill-Istati UE‑15 skont il-punt (a) li japplika f’dan il-kuntest], u, min-naħa l-oħra, l-ammont totali tal-pagamenti diretti li huma disponibbli għall-istess settur fil-Litwanja għall-istess sena taħt is-SPUE.

105.

Dejjem skont il-Kummissjoni, b’applikazzjoni tal-modulazzjoni fl-Istati UE‑10 li japplikaw is-SPUE, il-bdiewa li bbenefikaw minn pagamenti diretti u minn PDNK li flimkien ammontaw għal inqas minn EUR 5000, ma kinux suġġetti għal tnaqqis tal-PDNK, peress li l-bdiewa tal-Istati UE‑15 ibbenefikaw minn “eżenzjoni” ta’ EUR 5000 skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 73/2009. Jekk l-ammont totali tal-pagamenti li għandu dritt għalihom il-bidwi jkun ogħla minn EUR 5000, il-porzjon ta’ PDNK li jaqbeż il-EUR 5000 għandu jkun suġġett għal tnaqqis ta’ 10 %, peress li dan it-tnaqqis huwa applikabbli fil-qafas tal-modulazzjoni taħt l-Artikolu 7(1)(d) tar-Regolament Nru 73/2009. Jekk l-ammont totali tal-pagamenti kollha dovuti jkun ogħla minn EUR 300000, il-porzjon ta’ PDNK li jaqbeż EUR 300000 għandu jkun suġġett għal tnaqqis ta’ 4 punti perċentwali addizzjonali.

106.

Jidhirli li din l-interpretazzjoni hija konformi mal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003. Fil-fatt dan il-metodu ta’ kalkolu jiżgura l-konformità tal-modulazzjoni obbligatorja applikata fl-Istati UE‑15 għall-għanijiet tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 mingħajr madankollu ma jbaxxi l-livell ikkombinat tal-pagamenti diretti u tal-PDNK fl-Istati UE‑10 taħt il-livell tal-pagamenti diretti applikabbli fl-Istati UE‑15. Peress li fl-Istati UE‑10 l-PDNK jingħataw addizzjonalment għall-pagamenti diretti, jidhirli li l-ammonti kollha li jaqbżu EUR 5000 għandhom jitnaqqsu b’mod proporzjonat mal-modulazzjoni fl-Istati UE‑15 biex jinżamm il-bilanċ bejn, minn naħa, il-pagamenti diretti mogħtija fl-Istati UE‑15 u, min-naħa l-oħra, il-pagamenti diretti u l-PDNK mogħtija fl-Istati UE‑10.

107.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidher ċar li l-eżami, fid-dawl tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(1) u tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 kif ukoll tad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C(2012) 4391 ma żvela ebda element li jista’ jaffettwa l-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u ta’ din id-deċiżjoni.

2. Dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trattament ugwali

108.

B. Jakutis u Kretingalės kooperatinė ŽŪB jargumentaw li, sa fejn, skont il-formulazzjoni u l-għanijiet tad-dispożizzjonijiet u tal-atti rilevanti, il-modulazzjoni tal-pagamenti diretti u t-tnaqqis tal-PDNK jiġu applikati fl-2012 għall-bdiewa tal-Istati UE‑10, li jirċievu appoġġ dirett ferm iktar baxx minn dak li jgawdu l-bdiewa tal-Istati UE‑15, dawn id-dispożizzjonijiet u atti jiksru l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni u l-għanijiet tal-PAK. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tfakkar li, sa fejn l-Istati UE‑10 japplikaw il-mekkaniżmu ta’ “phasing-in”, is-sitwazzjoni tagħhom ma hijiex identika għal dik tal-Istati UE‑15.

109.

Għandu l-ewwel nett jitfakkar li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trattament ugwali huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni sanċit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jipprekludi li sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat ( 49 ). L-eventwali ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali minħabba trattament differenzjat jippresupponi li s-sitwazzjonijiet ikkunsidrati huma paragunabbli fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom ( 50 ).

110.

Il-partijiet jesprimu żewġ opinjonijiet differenti f’dak li jirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Minn naħa, B. Jakutis u Kretingalės kooperatinė ŽŪB jikkunsidraw li l-fatt li ntużaw bażijiet differenti biex isir it-tqabbil tal-pagamenti diretti wassal għal tnaqqis mhux ġustifikat tal-pagamenti lill-Istati UE‑10 fl-2012 u juri li sitwazzjonijiet komparabbli huma ttrattati b’mod differenti. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Litwan jargumenta li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jinkiser meta l-ammont imħallas għal kull ettaru jvarja b’mod oġġettiv bejn l-Istati UE‑10 u l-Istati UE‑15, peress li dawn il-gruppi ta’ Stati jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti, tant li ma għandhomx ikunu ttrattati b’mod ugwali billi l-modulazzjoni tiġi applikata bl-istess mod.

111.

Fl-opinjoni tiegħi, dawn iż-żewġ dikjarazzjonijiet huma t-tnejn żbaljati.

112.

Din il-kawża ma hijiex kawża “klassika” ta’ diskriminazzjoni. Fl-ewwel lok, id-differenza fit-trattament bejn l-Istati UE‑10 u l-Istati UE‑15 tirriżulta mid-dritt primarju, b’mod partikolari mill-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, li l-għan tiegħu huwa li jistabbilixxi, għall-Istati UE‑10, modalitajiet ta’ adattament tad-dritt tal-Unjoni kemm iktar favorevoli, kemm inqas favorevoli meta mqabbla mal-acquis communautaire applikabbli għall-Istati UE‑15. Għalhekk, dawn iż-żewġ gruppi ta’ Stati Membri ma humiex f’sitwazzjonijiet komparabbli fis-sens tal-ġurisprudenza “klassika” li tirrigwarda l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

113.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tikkonstata li s-sitwazzjoni tal-agrikoltura fl-Istati UE‑10 kienet radikalment differenti minn dik li teżisti fl-Istati UE‑15, u dan kien jiġġustifika applikazzjoni gradwali tal-għajnuna mill-Unjoni, b’mod partikolari ta’ dik relatata mal-iskemi ta’ appoġġ dirett, sabiex ma tfixkilx ir-ristrutturar meħtieġ fis-seħħ fis-settur agrikolu fl-Istati UE‑10. L-Istati UE‑10 jinsabu f’sitwazzjoni li ma hijiex komparabbli ma’ dik tal-Istati UE‑15 li jgawdu mingħajr limitu mill-iskemi ta’ appoġġ dirett, u dan jipprekludi li jsir paragun validu ( 51 ).

114.

Għaldaqstant għandu jiġi osservat li, minn tal-inqas sa tmiem il-perijodu ta’ “phasing-in”, l-Istati UE‑10 ma humiex f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-Istati UE‑15. Minn naħa, l-Istati UE‑10 jirċievu pagamenti diretti li jikkorrispondu għall-perċentwali stabbiliti mill-kalendarju, li oriġinarjament jinsab fl-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, u, min-naħa l-oħra, jistgħu jagħtu PDNK, għażla li l-Istati UE‑15 ma għandhomx ( 52 ). Għalhekk, is-sitwazzjonijiet differenti tal-Istati UE‑15 u tal-Istati UE‑10 jirriżultaw direttament mid-dispożizzjonijiet tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

115.

Barra minn hekk, tajjeb li wieħed ifakkar li, anki jekk il-modulazzjoni tapplika għall-Istati UE‑10 fl-2012, il-perċentwali li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-modulazzjoni hija limitata għad-differenza bejn il-livell tal-pagamenti diretti fl-Istati UE‑10, li tirriżulta mill-mekkaniżmu ta’ “phasing-in”, u l-livell tal-pagamenti diretti osservat fl-Istati UE‑15, waqt li jiġi kkunsidrat kull tnaqqis li jkun sar taħt l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 73/2009 (jiġifieri l-modulazzjoni fl-Istati UE‑15). Fid-Dokument tax-Xogħol DS2011/14/REV2, il-Kummissjoni kkonkludiet minn dan li, peress li din id-differenza fl-2012 kienet ta’ 0 %, il-modulazzjoni “bażika” ma tapplikax fl-Istati UE‑10. Il-modulazzjoni msejħa “gradwali” biss, jiġifieri l-modulazzjoni li tapplika għall-pagamenti diretti ta’ iktar minn EUR 300000, hija applikabbli fl-Istati UE‑10. Għaldaqstant, il-pagamenti diretti ta’ iktar minn EUR 300000 biss huma suġġetti għall-modulazzjoni ta’ 4 %.

116.

Fil-fehma tiegħi, din l-interpretazzjoni tal-applikazzjoni tal-modulazzjoni fl-Istati UE‑10 fl-2012, li tirriżulta direttament mill-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 73/2009, hija korretta. Id-dikjarazzjoni li tgħid li l-modulazzjoni hija applikata bl-istess mod fl-Istati UE‑10 u fl-Istati UE‑15 għalhekk hija żbaljata.

117.

Peress li l-Istati UE‑10 għandhom il-possibbiltà li jagħtu PDNK u peress li l-Istati UE‑10 li japplikaw is-SPUE kollha għażlu approċċ settorjali għall-għoti tal-PDNK ( 53 ) — li, flimkien mal-applikazzjoni tal-SPUE, jagħmel it-tqabbil bejn, minn naħa, il-pagamenti diretti u l-PDNK mogħtija fl-Istati UE‑10 u, min-naħa l-oħra, il-pagamenti diretti mogħtija fl-Istati UE‑15 kważi impossibbli — wieħed ma jistax iqabbel il-livelli tal-pagamenti diretti fl-Istati UE‑15 u l-pagamenti diretti u l-PDNK fl-Istati UE‑10 biex jevalwa l-eżistenza ta’ eventwali ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trattament ugwali f’dak li jirrigwarda t-tnaqqis tal-PDNK.

118.

Fi kwalunkwe każ, kull paragun huwa irrilevanti ladarba l-Istati UE‑15 u l-Istati UE‑10 ma humiex f’sitwazzjonijiet komparabbli u lanqas ma għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod. Din hija, barra minn hekk, konsegwenza diretta tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, u l-legalità tad-dispożizzjonijiet tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 ma tistax, bħala dritt primarju, tiġi kkontestata.

119.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jidhirli li huwa ċar li l-eżami, fid-dawl tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trattament ugwali, tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(1) u tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 kif ukoll tad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C(2012) 4391, li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 132 tar-Regolament Nru 73/2009, ma żvela l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u ta’ din id-Deċiżjoni.

3. Dwar l-għanijiet tal-PAK

120.

F’dak li jirrigwarda l-għanijiet tal-PAK imsemmija fl-Artikolu 39 TFUE, għandu jitfakkar li fil-qasam tal-PAK, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tikkorrispondi għar-responsabbiltajiet politiċi mogħtija lilu taħt l-Artikoli 40 TFUE u 43 TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura adottata f’dan il-qasam, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti tfittex li tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ din il-miżura ( 54 ). Konsegwentement, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkun limitat għall-verifika li l-miżura inkwistjoni ma hijiex ivvizzjata bi żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poteri u li l-awtorità kkonċernata b’mod manifest ma marritx lil hinn mill-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha ( 55 ).

121.

Billi s-sitwazzjoni differenti tal-Istati UE‑15 u tal-Istati UE‑10 u l-prinċipju li jgħid li l-livell ikkombinat tal-pagamenti diretti u tal-PDNK fl-Istati UE‑10 ma għandux jaqbeż il-livell tal-pagamenti diretti fl-Istati UE‑15 jirriżultaw direttament mill-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, ma jidhirlix li l-leġiżlatur tal-Unjoni għamel żball manifest ta’ evalwazzjoni jew eċċeda manifestament il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu meta adotta l-Artikolu 10(1), in fine, u l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2), in fine, tar-Regolament Nru 73/2009, kif ukoll id-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C(2012) 4391.

122.

Fir-realtà, kif diġà għidt, l-obbligu li tiġi kkunsidrata l-modulazzjoni obbligatorja applikabbli fl-Istati UE‑15 għall-finijiet tat-tqabbil bejn il-livelli ta’ pagamenti diretti fl-2012 huwa pjuttost, fil-fehma tiegħi, kundizzjoni meħtieġa biex jiġi ggarantit il-bilanċ bejn il-livelli ta’ pagamenti diretti previst mill-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

123.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidhirli li huwa ċar li l-eżami, fid-dawl tal-għanijiet tal-PAK, tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(1) u tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009, kif ukoll tad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C(2012) 4391, ma żvela l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u ta’ din id-Deċiżjoni.

D – Dwar id-domanda preliminari 2(c)

124.

Bid-domanda 2(c) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-rettifika ppubblikata fit-18 ta’ Frar 2010, jiksirx il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni u b’mod iktar speċifiku, fost dawn il-prinċipji, dawk ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali, ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ kompetizzjoni ġusta u ta’ nondiskriminazzjoni, sa fejn l-emenda msemmija permezz tar-rettifika ma għamlitx korrezzjoni teknika iżda bidla sostantiva.

125.

Biex wieħed jevalwa jekk ir-rettifika tat-18 ta’ Frar 2010 hijiex sempliċi korrezzjoni ta’ żball materjali mingħajr effett fuq il-kontenut tar-Regolament Nru 73/2009, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, biex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss id-diċitura tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha ( 56 ).

126.

Skont il-Kummissjoni, din hija rettifika teknika. Mill-osservazzjonijiet ta’ din tal-aħħar jirriżulta li l-emenda tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 saret bil-lingwi uffiċjali kollha, permezz tar-rettifika tat-18 ta’ Frar 2010. Il-formulazzjoni inizjali tal-imsemmi l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2), bil-lingwi uffiċjali kollha, kienet ċertament tinkludi aċċenn għas-sena 2012, iżda f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi ( 57 ), dan l-aċċenn kien jidher fil-bidu tas-sentenza, filwaqt li f’oħrajn ( 58 ), dan kien fl-aħħar tas-sentenza, f’post li madankollu ma kienx assolutament xieraq.

127.

Il-verżjoni bil-Franċiż, bħall-verżjoni bil-Litwan, jappartjenu għall-ewwel kategorija ta’ verżjonijiet lingwistiċi, li fihom is-sena kienet tissemma fil-bidu tas-sentenza qabel l-emenda. L-emenda li saret kienet tgħid hekk:

“À partir de 2012, le montant total des aides directes pouvant être octroyées, après l’adhésion, à un agriculteur dans les nouveaux États membres au titre du paiement direct applicable, y compris tout paiement direct national complémentaire, ne dépasse pas le niveau de l’aide directe à laquelle cet agriculteur aurait droit au titre du paiement direct correspondant applicable, au moment considéré, dans les États membres autres que les nouveaux États membres, compte tenu, à partir de 2012, de l’application conjointe de l’article 7 et de l’article 10 [ ( 59 )].”

128.

Min-naħa l-oħra, fil-verżjoni bl-Ingliż u fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra kollha li jappartjenu għat-tieni grupp ta’ verżjonijiet lingwistiċi, id-dispożizzjoni tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 ġiet irranġata billi l-aċċenn għas-sena 2012 tressaq fl-aħħar tas-sentenza:“The total direct support which a farmer may be granted in the new Member States after accession under the relevant direct payment, including all complementary national direct payments, shall not exceed the level of direct support a farmer would be entitled to receive under the corresponding direct payment then applicable to the Member States in the Member States other than the new Member States, from 2012, taking into account, from 2012, the application of Article 7 in conjunction with Article 10[ ( 60 )].”

129.

Għandu jiġi osservat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-aċċenn għas-sena 2012 fil-bidu tas-sentenza jimplika li l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 jista’ jiġi interpretat f’sens li l-projbizzjoni — li tgħid li l-bdiewa tal-Istati UE-10 ma jistgħux jibbenefikaw minn pagamenti ogħla mil-livell applikabbli fl-Istati UE‑15 — tirrigwarda biss is-sena 2012. Din l-interpretazzjoni hija manifestament żbaljata u inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

130.

Għalhekk, għalkemm ir-rettifika tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 ġiet adottata fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha, il-verżjonijiet inizjali tad-dispożizzjoni bl-Ispanjol, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Grieg, bl-Ingliż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bil-Finlandiż u bl-Isvediż juru madankollu r-rieda tal-leġiżlatur Ewropew. Għaldaqstant, jidhirli li huwa ċar li l-bidla tal-post tal-aċċenn għas-sena 2012 fis-sentenza inkwistjoni hija biss rettifika teknika u mhux emenda fis-sustanza tal-obbligu legali.

131.

Għaldaqstant, l-emenda magħmula permezz tar-rettifika hija sempliċi rettifika ta’ żball materjali, mingħajr effett fuq il-kontenut tal-leġiżlazzjoni applikabbli, u għalhekk ma tivvizzja b’ebda illegalità lill-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009.

E – Dwar id-domanda preliminari 2(d)

132.

Permezz tad-domanda tagħha 2(d), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-tifsira tal-kelma “dydis” bil-Litwan (“ammont” jew “livell” fil-verżjoni bil-Malti), użata fl-Artikolu 1ċ indikat fl-punt 27(b) tal-Kapitolu 6 tal-Anness II tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, hija l-istess bħal dik tal-kelma “lygis” (“livell” fil-verżjoni bil-Malti), użata fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009.

133.

Infakkar li l-punt 27(b) tal-Kapitolu 6 tal-Anness II tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 daħħal, b’mod partikolari, fir-Regolament Nru 1259/1999 tal-Artikolu 1ċ.

134.

Fl-ewwel lok għandu jiġi nnotat li l-qorti tar-rinviju ma tispeċifikax, la fid-domanda preliminari tagħha u lanqas f’xi parti oħra tad-Deċiżjoni tar-rinviju tagħha, għal liema subparagrafu jew inkella paragrafu tal-imsemmi Artikolu 1ċ qed isir riferiment. L-Artikolu 1ċ tar-Regolament Nru 1259/1999 jinkludi, fil-fatt, għaxar paragrafi u l-kelma “dydis” tintuża diversi drabi f’dan l-artikolu ( 61 ). Anki l-kelma “lygis”, imsemmija fid-domanda preliminari b’riferiment għall-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009, tintuża fl-imsemmi Artikolu 1ċ.

135.

Madankollu jidhirli li huwa possibbli li d-domanda tiġi interpretata biex tingħata risposta utli għaliha.

136.

Rigward il-ġenesi tal-Artikolu 132 tar-Regolament Nru 73/2009, għandu jitfakkar li dan l-artikolu jistabbilixxi sostanzjalment l-istess regoli tal-Artikolu 143ċ tar-Regolament Nru 1782/2003, li, min-naħa tiegħu, irriproduċa l-miżuri msemmija fl-Artikolu 1ċ tar-Regolament Nru 1259/1999.

137.

Fid-dawl ta’ dan l-iżvilupp u b’kunsiderazzjoni tal-aħħar parti tad-domanda 2(d), li timplika li għandu jsir tqabbil bejn il-kelma “dydis” u kelma użata fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009, jidhirli li l-kelma “dydis”, li għaliha tagħmel riferiment il-qorti tar-rinviju fid-domanda preliminari tagħha 2(d), hija dik li tidher fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 1ċ(2) tar-Regolament Nru 1259/1999.

138.

Għandu jiġi osservat li t-terminu Litwan rilevanti użat fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 143ċ(2) tar-Regolament Nru 1782/2003 huwa “dydis”, bħal fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 1ċ(2) tar-Regolament Nru 1259/1999. Dan it-terminu għalhekk ġie emendat biss meta ġie adottat ir-Regolament Nru 73/2009, li juża t-terminu “lygis” fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tiegħu.

139.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata, f’dan ir-rigward, prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet ifformulati bil-lingwi kollha tal-Unjoni. F’każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha ( 62 ).

140.

F’diversi verżjonijiet lingwistiċi, minbarra l-verżjoni bil-Litwan, tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 1ċ(2) tar-Regolament Nru 1259/1999 u tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 (fi kwalunkwe każ għall-verżjonijiet bl-Ispanjol, bid-Daniż, bil-Ġermaniż, bl-Estonjan, bl-Ingliż, bil-Franċiż, bit-Taljan, bil-Portugiż, bil-Finlandiż u bl-Isvediż), it-termini użati baqgħu essenzjalment l-istess bejn dawn iż-żewġ Regolamenti.

141.

Barra minn hekk, ma hemm l-ebda aċċenn rigward din l-emenda fil-premessi tar-Regolament Nru 73/2009. Għall-kuntrarju, il-premessa 48 ta’ dan ir-regolament tiddikjara sempliċement li “l-kundizzjonijiet għall-għoti [tal-PDNK] għandhom jinżammu”.

142.

Għalhekk, jidhirli li huwa stabbilit li l-emenda tat-termini użati fil-verżjoni bil-Litwan tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 meta mqabbel mal-Artikoli tar-regolamenti preċedenti ma tibdilx it-tifsira ta’ dan is-subparagrafu. Din il-konstatazzjoni hija sostnuta mill-fatt li l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 jirriproduċi l-miżuri msemmija fil-punt 27(b) tal-Kapitolu 6 tal-Anness II tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

143.

Għaldaqstant, nipproponi li r-risposta li għandha tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari 2(d) għandha tkun li t-tifsira tal-kelma “dydis”, użata fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 1ċ(2) tar-Regolament Nru 1259/1999, kif imsemmi fil-punt 27(b) tal-Kapitolu 6 tal-Anness II tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, hija l-istess bħal dik tal-kelma “lygis”, użata fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009.

F – Dwar it-tielet domanda preliminari

144.

Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar il-validità tad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C(2012) 4391, li ma ġietx ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u li, skont din il-qorti, ma hijiex immotivata.

145.

F’dak li jirrigwarda l-pubblikazzjoni, ta’ min ifakkar li, skont l-Artikolu 297(2) TFUE, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet li jindikaw destinatarju ma hijiex obbligatorja. Dawn id-deċiżjonijiet jiġu nnotifikati lid-destinatarji tagħhom u jkollhom effett minn meta ssir din in-notifika. Għaldaqstant, il-fatt li d-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C(2012) 4391, li d-destinatarja tagħha hija r-Repubblika tal-Litwanja, ma ġietx ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ma huwiex ksur tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni.

146.

Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda l-motivazzjoni tal-imsemmija Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C(2012) 4391, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li din ġiet adottata mingħajr ma tqies il-fatt li ma kien hemm l-ebda informazzjoni li tikkonferma l-livell uniformi tal-pagamenti diretti fl-Istati UE‑15 u fl-Istati UE‑10 fl-2012.

147.

Fl-ewwel lok jeħtieġ li jkun innotat li l-punt tat-tluq tal-qorti tar-rinviju huwa żbaljat. Fil-fatt, il-fatt li l-livelli tal-pagamenti diretti — li jirreferu għall-metodi ta’ kalkolu tal-pagamenti diretti u mhux għall-ammonti nominali tal-pagamenti diretti — saru ugwali fl-2012 jirriżulta direttament mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 73/2009.

148.

Għal din ir-raġuni, ma kienx meħtieġ li l-Kummissjoni timmotiva d-deċiżjoni tagħha f’dan ir-rigward.

149.

Għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni li tkun l-awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti li l-persuni kkonċernati jifhmu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Il-motivazzjoni ma għandhiex bilfors tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu u tar-regoli kollha tad-dritt li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat ( 63 ).

150.

Fil-premessa 4 tad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni tagħha C(2012) 4391, il-Kummissjoni tagħmel riferiment għall-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009, li minnu jirriżulta li l-ammont totali tal-għajnuna diretta, inklużi l-PDNK, mogħtija lil bidwi fl-Istati UE‑10, ma jistax jaqbeż il-livell tal-pagamenti diretti applikabbli fl-Istati UE‑15, wara li tiġi kkunsidrata l-modulazzjoni taħt l-Artikoli 7 u 10 tar-Regolament Nru 73/2009. Minn dawn l-artikoli jirriżulta li l-livelli tal-pagamenti diretti fl-Istati UE‑15 u fl-Istati UE‑10 kienu ekwivalenti fl-2012.

151.

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C(2012) 4391 hija motivata suffiċjentement fir-rigward tat-tnaqqis ta’ PDNK.

V – Konklużjoni

152.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta li għandha tingħata għad-domandi li saru minn Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Litwanja) għandha tkun skont kif ġej:

1)

Fir-rigward tad-domanda 1(a) u (b), l-Artikoli 7(1), 10(1), u 121 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006 u (KE) Nru 378/2007, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003, għandhom ikunu interpretati fis-sens li l-livell tal-pagamenti diretti applikabbli fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kif kienet ikkostitwita fit-30 ta’ April 2004 kien, fl-2012, ugwali għal 90 % tal-livell tat-total tal-pagamenti diretti u li l-livell tal-pagamenti diretti fl-Istati Membri li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 kien, fl-2012, ugwali għal dak tal-Istati Membri l-antiki.

2)

Fir-rigward tad-domanda 1(c), id-domanda 2(a) u (b) u t-tielet domanda, l-eżami tad-domandi preliminari ma żvela l-ebda element li jista’ jaffettwa la l-validità tal-Artikolu 10(1), in fine, u tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2), in fine, tar-Regolament Nru 73/2009 u lanqas il-validità tad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C(2012) 4391 finali, tat-2 ta’ Lulju 2012, li tawtorizza l-għoti ta’ pagamenti diretti nazzjonali komplementari fil-Litwanja għas-sena 2012 [innotifikata taħt in-numru K(2012) 4391].

3)

Fir-rigward tad-domanda 2(c), l-eżami tad-domanda preliminari ma żvela l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009, fil-verżjoni rettifikata tiegħu ppubblikata fit-18 ta’ Frar 2010 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

4)

Fir-rigward tad-domanda 2(d), it-tifsira tal-kelma “dydis”, użata fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 1ċ(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1259/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, li jistabbilixxi regoli komuni għall-iskemi ta’ appoġġ dirett skont il-politika agrikola komuni, kif imsemmi fil-punt 27(b) tal-Kapitolu 6 tal-Anness II tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika tas-Slovakkja, u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, tat-23 ta’ Settembru 2003, hija l-istess bħal dik tal-kelma “lygis” użata fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009.


( 1 )   Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 )   Regolament tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006 u (KE) Nru 378/2007, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, p. 16).

( 3 )   Deċiżjoni ta’ implementazzjoni tat-2 ta’ Lulju 2012 li tawtorizza l-għoti ta’ pagamenti diretti nazzjonali komplementari fil-Litwanja għas-sena 2012 [innotifikata taħt in-numru K(2012) 4391.

( 4 )   Mill-20 ta’ Ottubru 2011 (iktar ’il quddiem id-“Dokument tax-Xogħol DS2011/14/REV2”).

( 5 )   Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika tas-Slovakkja, u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU L 236, p. 33, iktar ’il quddiem “l-Att ta’ Adeżjoni tal-2003”).

( 6 )   B’hekk, fil-Kawża T‑386/13, id-distrett ta’ Kėdainių, il-Litwanja (Kėdainių rajono Okainių ŽŪB) u 134 rikorrent ieħor talbu lill-Qorti Ġenerali sabiex tannulla d-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C(2012) 4391 — din l-istess Deċiżjoni ta’ implementazzjoni kkontestata fil-kuntest ta’ din id-domanda għal deċiżjoni preliminari — u tiddikjara inapplikabbli, taħt l-Artikolu 277 TFUE, minn naħa, l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 u, min-naħa l-oħra, parti mill-Artikolu 10(1) tal-istess Regolament. Bid-digriet tagħha Kėdainių rajono Okainių et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑386/13, EU:T:2014:754), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli, minħabba li t-talba għall-annullament tal-imsemmija Deċiżjoni ma tressqitx fit-termini preskritti u li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tqajmet b’mod inċidentali. Min-naħa l-oħra, fil-Kawża Il-Litwanja vs Il‑Kummissjoni (T‑533/13), ir-Repubblika tal-Litwanja talbet lill-Qorti Ġenerali tannulla l-Artikolu 1(4) tad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C(2013) 4487 finali tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Lulju 2013, li tawtorizza l-għoti fil-Litwanja ta’ għajnuna nazzjonali tranżitorja fl-2013. L-eżami tal-kawża ġie sospiż sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar id-domandi preliminari f’din il-kawża.

( 7 )   F’dak li jirrigwarda l-modulazzjoni, ir-Repubblika tal-Polonja talbet, fil-Kawża T‑333/09 (sentenza Il-Polonja vs Il-Kummissjoni, T‑333/09, EU:T:2012:449), l-annullament tal-Anness I għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/444/KE, tal-10 ta’ Ġunju 2009, li tiffissa l-ammonti li għandhom jiġu allokati lill-Istati Membri skont il-modulazzjoni msemmija fl-Artikoli 7 u 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 għas-snin 2009-2012 (ĠU L 148, p. 29). Il-Qorti Ġenerali ma indirizzatx b’mod espliċitu l-kwistjoni tal-livelli tal-pagamenti diretti f’din is-sentenza. Fis-sentenza Agrargenossenschaft Neuzelle (C‑545/11, EU:C:2013:169), il-Qorti tal-Ġustizzja kellha wkoll l-okkażjoni li tevalwa l-modulazzjoni u t-tnaqqis supplimentari tal-pagamenti diretti fl-Istati Membri l-antiki għas-snin 2009 sa 2012 mingħajr madankollu ma indirizzat il-kwistjoni tal-livelli tal-pagamenti diretti.

( 8 )   Ir-Regolament, tas-17 ta’ Mejju 1999, li jistabbilixxi regoli komuni għall-iskemi ta’ appoġġ dirett skont il-politika agrikola komuni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 3, Vol. 25, p. 424).

( 9 )   Bl-eċċezzjoni ta’ dawk previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (ĠU L 160, p. 80).

( 10 )   Regolament, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett skont il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KEE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 270, Vol. 1, p. 40).

( 11 )   Skont il-premessa 5 tar-Regolament Nru 1782/2003, is-sistema ta’ tnaqqis gradwali tal-pagamenti diretti, obbligatorja fil-livell Komunitarju għas-snin 2005 sa 2012, iddaħħlet sabiex jinkiseb bilanċ aħjar bejn l-istrumenti politiċi mfassla għall-promozzjoni tal-agrikoltura sostenibbli u dawk intenzjonati sabiex jippromwovu l-iżvilupp rurali. L-iffrankar miksub kien maħsub sabiex jiffinanzja miżuri li jaqgħu taħt l-iżvilupp rurali.

( 12 )   Deċiżjoni li tadatta l-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, u r-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, bħala riżultat tar-riforma tal-politika agrikola komuni (ĠU L 93, p. 1).

( 13 )   Regolament, tat-22 ta’ Marzu 2004, li jemenda r-Regolament Nru 1782/2003, (KE) Nru 1786/2003 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-għalf niexef u r-Regolament (KE) Nru 1257/1999 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG) minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja mal-Unjoni Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 3, Vol. 43, p. 295).

( 14 )   ĠU L 43, p. 7.

( 15 )   Is-sentenza Meilicke (C‑83/91, EU:C:1992:332, punti 2224) kif ukoll id-digriet Dhumeaux u Cie et (C‑116/05, EU:C:2005:738, punti 1819 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 )   Id-digrieti Laguillaumie (C‑116/00, EU:C:2000:350, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Dhumeaux u Cie et (C‑116/05, EU:C:2005:738, punt 21). Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Gullotta u Farmacia di Gullotta Davide & C. (C‑497/12, EU:C:2015:168, punti 88 sa 94).

( 17 )   Id-digrieti Laguillaumie (C‑116/00, EU:C:2000:350, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata); Hanssens et (C‑75/04, EU:C:2005:53, punt 9); kif ukoll Dhumeaux u Cie et (C‑116/05, EU:C:2005:738, punt 21).

( 18 )   Ara, f’dan is-sens, id-digriet Laguillaumie (C‑116/00, EU:C:2000:350, punti 1819).

( 19 )   Is-sentenzi Sucrimex u Westzucker vs Il-Kummissjoni (133/79, EU:C:1980:104, punt 15); IBM vs Il-Kummissjoni (60/81, EU:C:1981:264, punt 9); kif ukoll Schönberger vs Il-Parlament (C‑261/13 P, EU:C:2014:2423, punt 13). Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-Kawża Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:7, punt 74).

( 20 )   Is-sentenzi Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni (C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 42) u NDSHT vs Il-Kummissjoni (C‑322/09 P, EU:C:2010:701, punt 48).

( 21 )   Il-minuti sommarji ta’ dawn il-laqgħat huma disponibbli bl-Ingliż f’dan l-indirizz elettroniku: http://ec.europa.eu/agriculture/committees/direct-payments-pre-2013-reform_en.htm.

( 22 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Friesland Coberco Dairy Foods (C‑11/05, EU:C:2006:312, punti 4041) kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-Kawża Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:7, punt 72). Skont din is-sentenza, il-konklużjonijiet ta’ kumitat stabbilit mid-dritt tal-Unjoni, li ma humiex vinkolanti fuq l-awtoritajiet nazzjonali, ma jistgħux ikunu suġġetti għal eżami tal-validità fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE.

( 23 )   31/86 u 35/86, EU:C:1988:211.

( 24 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza LAISA u CPC España vs Il-Kunsill (31/86 u 35/86, EU:C:1988:211, punt 14).

( 25 )   Regolament, tal-11 ta’ Lulju 2012, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 dwar l-applikazzjoni tal-pagamenti diretti lill-bdiewa fir-rigward tas-sena 2013 (ĠU L 204, p. 11).

( 26 )   L-Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU L 157, p. 203), tal-21 ta’ Ġunju 2005.

( 27 )   Il-premessi 2 u 7 tar-Regolament Nru 671/2012.

( 28 )   Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 29 )   T‑333/09, EU:T:2012:449.

( 30 )   F’dak li jirrigwarda d-diversi termini użati fil-verżjonijiet Litwani ta’ dawn ir-regolamenti, ara l-punti 134 sa 142 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 31 )   Il-kliem ta’ dan l-artikolu fir-Regolament Nru 73/2009 inbidel xi ftit meta mqabbel mal-kliem tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003. Għalhekk, l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 huwa fformulat kif ġej: “ma għandux jaqbeż il-livell ta’ appoġġ dirett li bidwi jkun intitolat jirċievi skont il-pagament dirett korrispondenti applikabbli għall-Istati Membri fl-Istati Membri għajr l-Istati l-Membri l-ġodda”.

( 32 )   Għandu jiġi nnotat li ċerti verżjonijiet lingwistiċi jużaw f’dan ir-rigward espressjonijiet differenti fl-Artikolu 10(1) u fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 (b’mod partikolari l-verżjonijiet bl-Estonjan u bil-Finlandiż), filwaqt li f’diversi verżjonijiet oħra, l-espressjonijiet huma l-istess. Infakkar li, f’każ ta’ diskrepanza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tkun interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza Ivansson et, C‑307/13, EU:C:2014:2058, punt 40). Għaldaqstant, dawn id-diskrepanzi lingwistiċi iżolati ma jaffettwawx din il-konstatazzjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 73/2009.

( 33 )   Ir-rapporti huma disponibbli bl-Ingliż fl-indirizzi elettroniċi li ġejjin: http://ec.europa.eu/agriculture/cap-funding/beneficiaries/direct-aid/pdf/annex1-2005_en.pdf u http://ec.europa.eu/agriculture/cap-funding/beneficiaries/direct-aid/pdf/annex2-2005_en.pdf.

( 34 )   Diversi metodi għall-klassifikazzjoni u l-kejl tal-livell ta’ appoġġ għall-agrikoltura ġew żviluppati fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD). Dawn il-metodi, fosthom il-kejl globali ta’ appoġġ tal-WTO (KGA; bl-Ingliż “Aggregate Measurement of Support”, AMS) u l-istima tal-appoġġ għall-produtturi tal-OECD (SAP; bl-Ingliż “Producer Support Estimate”, PSE) jistgħu jintużaw biex jiġu kklassifikati u mqabbla l-livelli ta’ appoġġ f’diversi pajjiżi. Madankollu, dawn id-diversi sistemi nħolqu għal għanijiet differenti u jipproduċu riżultati varjabbli ħafna (ara, f’dan is-sens, l-istudju ta’ Effland, A.: “Classifying and Measuring Agricultural Support: Identifying Differences Between the WTO and OECD Systems”, EIB-74, U.S. Department of Agriculture, Economic Research Service, Marzu 2011; disponibbli f’dan l-indirizz elettroniku: http://www.ers.usda.gov/media/129064/eib74.pdf). Dawn is-sistemi ma jistgħux jintużaw bħala tali għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “livell” użat fir-Regolament Nru 73/2009.

( 35 )   Enfasi miżjuda minni.

( 36 )   Għandu jitfakkar li r-riforma tal-PAK saret b’mod parallel man-negozjati ta’ sħubija li saru mal-Istati UE‑10.

( 37 )   Il-premessi 24 u 25 tar-Regolament Nru 1782/2003.

( 38 )   Ara d-dokument tal-Kummissjoni dwar is-SPU, disponibbli bil-Franċiż f’dan l-indirizz elettroniku: http://ec.europa.eu/agriculture/direct-support/pdf/factsheet-single-payment-scheme_fr.pdf. Għad-diversi skemi implementati fit-28 Stat Membru, ara l-mappa f’dan l-indirizz elettroniku: http://ec.europa.eu/agriculture/direct-support/images/map-direct-payments_en.gif.

( 39 )   Fil-fatt, din l-iskema tħalli marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-għażla. Għalhekk, kif irrilevaw l-awturi, “b’kont meħud tar-Regolament [Nru 1782/2003] kif ukoll tal-metodi kollha ta’ applikazzjoni, wieħed jasal għal madwar 500 [a]rtikolu u 50 anness li jkopru żewġ ‘skemi separati’ (il-pagament uniku u l-iskema ssimplifikata għall-Istati Membri l-ġodda), sbatax-il skema mhux separati (sitta minnhom tranżitorji), żewġ mudelli ta’ separazzjoni (storiku u reġjonali), sitt modi ta’ reġjonalizzazzjoni (fuq bażi storika, fissa, ibrida, statika jew dinamika u l-varjant għall-Istati Membri l-ġodda), l-għażla ta’ separazzjoni ddifferita għall-primjums tal-ħalib, il-possibbiltà ta’ differenzjazzjoni għall-uċuħ tar-ragħa permanenti jew tar-raba’ bil-ħaxix; 10 għażliet ta’ riakkoppjar parzjali ta’ ċerti prodotti; il-possibbiltà tan-nuqqas ta’ applikazzjoni tas-separazzjoni matul perjodu tranżitorju ta’ tliet snin; il-fakultà li ċerti skemi ta’ għajnuna ma jiġux separati u, dulcis in fundo, finalment mill-inqas għaxar tipi differenti ta’ drittijiet għall-pagament taħt l-iskema ta’ pagament uniku” [traduzzjoni libera] [Bianchi, D., La politique agricole commune (PAC). Toute la PAC, rien d’autre que la PAC, Bruylant, Bruxelles, 2006, p. 294].

( 40 )   Jiġifieri l-iskema qabel it-tnaqqis li sar, b’mod partikolari, taħt il-“phasing-in” jew il-modulazzjoni.

( 41 )   Anki wara din id-data, l-Istati Membri li japplikaw is-SPUE jistgħu, skont l-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 637/2008 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 73/2009 tal-Kunsill (ĠU L 347, p. 608), jiddeċiedu li jkomplu japplikaw din l-iskema sal-31 ta’ Diċembru 2020. Skont in-nota ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Novembru 2014, dwar id-Deċiżjonijiet tal-Istati Membri dwar l-implementazzjoni tal-iskema l-ġdida ta’ appoġġ dirett (Decisions taken by Member States for the implementation of the new direct support system; disponibbli bl-Ingliż f’dan l-indirizz elettroniku: http://ec.europa.eu/agriculture/direct-support/direct-payments/docs/implementation-decisions-ms_en.pdf), l-għaxar Stati Membri li japplikaw is-SPUE, fosthom ir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija, kollha ddeċidew li jkomplu japplikaw din l-iskema sas-sena 2020.

( 42 )   Il-mekkaniżmu ta’ aġġustament, li ddaħħal għas-sena 2013, huwa madankollu applikabbli fl-Istati UE‑10 mingħajr regoli speċifiċi (ara l-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 43 )   Peress li l-perċentwal tal-modulazzjoni fl-2011 kien biss ta’ 9 % għall-Istati UE‑15 u l-livell tal-pagamenti diretti fl-Istati UE‑10 kien ta’ 80 % tal-livell applikabbli fl-Istati UE‑15, huwa ċar li l-livelli tal-pagamenti diretti fl-Istati UE‑15 u fl-Istati UE‑10 fl-2011 kienu għadhom differenti ħafna.

( 44 )   L-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 fih il-kliem “mill-2012, b’kont meħud tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7 flimkien mal-Artikolu 10”.

( 45 )   Ara l-punt 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 46 )   Din l-interpretazzjoni tirriżulta direttament mill-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 73/2009, li l-validità tiegħu ma ġietx ikkontestata fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Skont id-Dokument tax-Xogħol DS2011/14/REV2, id-differenza bejn il-livell tal-pagamenti diretti li tirriżulta mill-mekkaniżmu ta’ “phasing-in” fl-Istati UE‑10 u l-livelli tal-pagamenti diretti osservat fl-Istati UE‑15, meħud inkunsiderazzjoni kull tnaqqis magħmul skont l-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament, kienet żero fl-2012, peress li l-livelli fl-Istati UE-15 u fl-Istati UE-10 kienu ugwali għal 90 %. Peress li l-perċentwal li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa żero, ir-rata ta’ modulazzjoni li tirrigwarda l-ammonti ta’ bejn EUR 5000 u EUR 300000 hija wkoll żero. Għalhekk, ir-rata ta’ modulazzjoni gradwali, jiġifieri t-tnaqqis miżjud b’4 punti perċentwali, li tirrigwarda l-ammonti ta’ iktar minn EUR 300000 hija ta’ 4 %.

( 47 )   Id-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni C(2012) 4391 tirrigwarda biss lir-Repubblika tal-Litwanja, li tapplika s-SPUE. L-eżami ta’ din l-interpretazzjoni, li diġà tirriżulta mid-Dokument tax-Xogħol DS2011/14/REV2, jiffoka fuq l-effetti tagħha għall-Istati UE‑10 li japplikaw is-SPUE.

( 48 )   Skont il-Kummissjoni, fl-2012 dan l-approċċ settorjali ġie applikat fl-Istati Membri kollha li għażlu s-SPUE, inkluża r-Repubblika ta-Litwanja. Skont din l-istituzzjoni, fil-kuntest tas-SPUE, il-PDNK għandhom il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom, peress li jippermettu li l-Istati Membri jappoġġaw is-setturi li, altrimenti, ma jibbenefikawx mill-appoġġ fl-imsemmija Stati Membri. Meta Stat Membru jagħżel is-SPUE, il-pagamenti kollha magħmula fil-kuntest tal-iskemi Ewropej ta’ appoġġ jinġabru biex jitqassmu f’partijiet ugwali skont l-ettari li jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna, biex b’hekk il-bdiewa kollha jibbenefikaw minn ammont uniformi għal kull ettaru fit-territorju nazzjonali kollu. Madankollu, il-pagamenti magħmula fil-kuntest tas-SPU huma iktar differenzjati, peress li Stat Membru jista’ jagħti għajnuna ikbar lil ċerti setturi, billi jiddistingwi l-ammonti relatati mad-drittijiet għall-pagament.

( 49 )   Is-sentenzi Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni (C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punti 5455 u l-ġurisprudenza ċċitata); IBV & Cie (C‑195/12, EU:C:2013:598, punti 4950); kif ukoll Feakins (C‑335/13, EU:C:2014:2343, punt 47).

( 50 )   Is-sentenzi Arcelor Atlantique u Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 25); IBV & Cie (C‑195/12, EU:C:2013:598, punt 51); kif ukoll Feakins (C‑335/13, EU:C:2014:2343, punt 49).

( 51 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Polonja vs Il-Kunsill (C‑273/04, EU:C:2007:622, punti 8788) kif ukoll Il-Polonja vs Il-Kummissjoni (C‑335/09 P, EU:C:2012:385, punti 100101).

( 52 )   Għandu jiġi osservat li l-Istati UE‑10 li japplikaw is-SPUE żammew il-possibbiltà li jagħtu għajnuna komplementari anki wara l-perijodu ta’ “phasing-in”. Il-premessa 8 tar-Regolament Nru 671/2012 hija fformulata kif ġej: “[l]-Istati Membri l-ġodda setgħu jagħtu [PDNK] bħala konsegwenza tal-introduzzjoni gradwali tal-pagamenti diretti f’dawk l-Istati Membri. Possibbiltà bħal din mhix ser tibqa’ disponibbli fl-2013, meta l-iskeda għall-introduzzjoni gradwali ta’ pagamenti diretti fl-Istati Membri ġodda tkun kompluta. Fl-Istati Membri ġodda li japplikaw [is-SPUE], il-[PDNK] kellhom rwol importanti fl-appoġġ tal-introjtu tal-bdiewa f’setturi speċifiċi. […] Għal dik ir-raġuni, u biex jiġi evitat tnaqqis f’daqqa u sostanzjali ta’ appoġġ fl-2013 f’dawk is-setturi li jibbenefikaw, sal-2012, minn [PDNK] […], huwa xieraq li jsir provvediment sabiex, f’dawk l-Istati Membri, ikun possibbli li jingħataw, soġġetti għall-awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni, għajnuniet nazzjonali transitorji lill-bdiewa fl-2013”. Il-possibbiltà li tingħata din l-għajnuna nazzjonali tranżitorji ġiet estiża għal darba oħra permezz tar-Regolament Nru 1307/2013 għall-perijodu ta’ bejn is-sena 2015 u s-sena 2020.

( 53 )   Ara l-punt 104 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 54 )   Is-sentenzi Bavaria u Bavaria Italia (C‑343/07, EU:C:2009:415, punt 81) u Panellinios Syndesmos Viomichanion Metapoiisis Kapnou (C‑373/11, EU:C:2013:567, punt 40).

( 55 )   Is-sentenzi Jippes et (C‑189/01, EU:C:2001:420, punt 80); Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑304/01, EU:C:2004:495, punt 23); Unitymark u North Sea Fishermen’s Organisation (C‑535/03, EU:C:2006:193, punt 55); Bavaria u Bavaria Italia (C‑343/07, EU:C:2009:415, punt 82), kif ukoll Panellinios Syndesmos Viomichanion Metapoiisis Kapnou (C‑373/11, EU:C:2013:567, punt 41).

( 56 )   Is-sentenza Premis Medical (C‑273/09, EU:C:2010:809, punt 30).

( 57 )   Fosthom il-verżjonijiet bil-Bulgaru, bil-Ġermaniż, bil-Franċiż, bil-Litwan u bl-Olandiż.

( 58 )   Il-verżjonijiet bl-Ispanjol, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Grieg, bl-Ingliż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bil-Finlandiż u bl-Isvediż.

( 59 )   Enfasi u qtugħ miżjuda minni. Ir-rettifika bil-Litwan tat-18 ta’ Frar 2010 (ĠU L 43, p. 7) kien fiha żball. Għalkemm l-aċċenn għas-sena 2012 iddaħħal fl-aħħar tad-dispożizzjoni, dan ma tħassarx mill-bidu tas-sentenza. Għal din ir-raġuni, il-verżjoni bil-Litwan tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 kellha tiġi rrettifikata għal darba oħra fil-15 ta’ Mejju 2013 (ĠU L 130, p. 60).

( 60 )   Enfasi u qtugħ miżjuda minni.

( 61 )   Kemm il-kelma “dydis” bħala tali, kif ukoll il-forma ddeklinata tagħha “dydžio”.

( 62 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Ivansson et (C‑307/13, EU:C:2014:2058, punt 40).

( 63 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Franza vs Il-Kunsill (C‑479/07, EU:C:2009:131).

Top