EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0067

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Wathelet, ippreżentati fis-26 ta’ Marzu 2015.
Jobcenter Berlin Neukölln vs Nazifa Alimanovic et.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundessozialgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Ċittadinanza tal-Unjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 24(2) – Benefiċċji tal-assistenza soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikoli 4 u 70 – Benefiċċji speċjali li ma humiex kontributorji u li jingħataw fi flus – Ċittadini ta’ Stat Membru li qegħdin ifittxu impjieg residenti fi Stat Membru ieħor – Esklużjoni – Żamma tal-istatus ta’ ħaddiem.
Kawża C-67/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:210

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fis-26 ta’ Marzu 2015 ( 1 )

Kawża C‑67/14

Jobcenter Berlin Neukölln

vs

Nazifa Alimanovic,

Sonita Alimanovic,

Valentina Alimanovic,

Valentino Alimanovic

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundessozialgericht (il‑Ġermanja)]

“Regolament (KE) Nru 883/2004 — Direttiva 2004/38/KE — Ċittadinanza tal-Unjoni — Ugwaljanza fit-trattament — Ċittadini tal‑Unjoni li jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li ma għadx għandhom il-kwalità ta’ ħaddiema — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-esklużjoni ta’ dawn il-persuni mill-benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus”

I – Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem, essenzjalment, il‑kwistjoni dwar jekk Stat Membru jistax jeskludi mill-benefiċċji tal-għajxien li ma humiex kontributorji, fis-sens tar‑Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali ( 2 ), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1244/2010, tad-9 ta’ Diċembru 2010 ( 3 ) (iktar ’il quddiem ir‑“Regolament Nru 883/2004”), lil ċittadini ta’ Stati Membri oħra li ma humiex, jew li ma għadhomx, ekonomikament attivi u jinsabu f’sitwazzjoni ta’ dħul baxx.

2.

Il-problema hija delikata, umanament u ġuridikament. Hija neċessarjament ser twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fl-istess waqt fuq il-protezzjoni li joffri d-dritt tal-Unjoni lil dawn iċ-ċittadini, kemm għal dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom kif ukoll id-dinjità tagħhom, u fuq il-portata attwali tad-dritt fundamentali tal-moviment liberu, element bażiku tal-Unjoni Ewropea.

3.

Sabiex tagħmel dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tibbaża ruħha mill-ġdid fuq ir-relazzjoni bejn ir-Regolament Nru 883/2004 u d‑Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal‑familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal‑Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE ( 4 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/38”).

4.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għadha kif tat l-ewwel element ta’ risposta għal dawn id-domandi fl-okkażjoni tal-Kawża Dano ( 5 ). L-impatt mhux tas-soltu li kellha s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-media Ewropea kif ukoll fl-interpretazzjonijiet politiċi kollha li akkumpanjawha, jikkonfermaw l‑importanza u s-sensittività tas-suġġett.

5.

Wara din is-sentenza, ġie rrikonoxxut li l-Istati Membri jistgħu — mingħajr ma huma obbligati jagħmlu hekk — jirrifjutaw il-benefiċċji ta’ assistenza soċjali lil ċittadini tal-Unjoni li jaslu fit-territorju tagħhom mingħajr il-volontà li jsibu xogħol hemm u mingħajr ma jkollhom riżorsi suffiċjenti biex jgħixu bil-mezzi tagħhom stess.

6.

Madankollu, għalkemm il-prinċipju huwa ċar, il-kwistjoni tal‑applikazzjoni tiegħu tista’ tqum f’sitwazzjonijiet fattwali differenti ferm, u din it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħti lill-Qorti tal‑Ġustizzja l-okkażjoni li tippreċiża waħda minnhom.

7.

Dan huwa l-każ fejn, wara li jkun ħadem għal inqas minn sena fit-territorju ta’ Stat Membru li mhux ċittadin tiegħu, ċittadin tal-Unjoni jitlob li jkun jista’ jibbenefika mill-benefiċċji tal-għajxien tal-Istat ospitanti.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

8.

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE “[f]il-kamp ta’ l‑applikazzjoni tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm, kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita”.

9.

L-Artikolu 20 TFUE jippreċiża li ċittadinanza tal-Unjoni hija stabbilita u li kull persuna li għandha ċittadinanza ta’ Stat Membru tibbenefika minnha. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, iċ‑ċittadini tal-Unjoni għandhom, b’mod partikolari, “id-dritt ta’ moviment liberu u d-dritt ta’ residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri”. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(2) TFUE, dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat “skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fit-Trattati u permezz tal-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom”.

10.

L-Artikolu 45 TFUE jiżgura b’mod iktar speċifiku l-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l‑artikolu, dan il-moviment liberu “jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema ta’ l-Istati Membri dwar l-impjieg, il-paga u l-kondizzjonijiet l-oħra tax-xogħol”.

2. Ir-Regolament Nru 883/2004

11.

Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 883/2004 huwa deskritt kif ġej fl-Artikolu 3 tiegħu:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

[…]

(h)

benefiċċji mogħtija lil persuni li ma jkunux impjegati;

[…]

2.   Sakemm l-Anness XI ma jgħidx mod ieħor, dan ir-Regolament għandu japplika għal skemi ġenerali u speċjali ta’ sigurtà soċjali, kemm jekk kontributorji u kemm jekk le, u għal skemi marbutin ma’ l-obbligi ta’ min iħaddem jew ta’ sid il-vapur.

3.   Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal benefiċċji speċjali, li mhumiex kontributorji, li jingħataw fi flus u li huma koperti mill-Artikolu 70.

[…]

5.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal:

(a)

għajnuna soċjali jew medika

[…]”

12.

Skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Trattament ugwali”:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom igawdu l-istess benefiċċji u għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”

13.

Il-Kapitolu 9 tat-Titolu III tar-Regolament Nru 883/2004 huwa ddedikat għall-“[b]enefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus”. Dan huwa magħmul mill-Artikolu 70 biss, li huwa intitolat “Dispożizzjoni ġenerali” u jipprovdi:

“1.   Dan l-Artikolu għandu japplika għal benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus taħt il-leġislazzjoni li, minħabba l‑ambitu personali, objettivi u/jew kondizzjonijiet dwar l-intitolar, għandha karatteristiċi kemm tal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1) u kemm ta’ assistenza soċjali.

2.   Għall-għanijiet ta’ dan il-Kapitolu, ‘benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus’ tfisser dawn il-benefiċċji li:

(a)

huma maħsuba biex jagħtu jew:

(i)

protezzjoni supplimentari, sostituta jew sekondarja kontra r-riskji koperti mill-fergħat ta’ sigurtà soċjali msemmija fl‑Artikolu 3(1), u li jiggarantixxu lill-persuni konċernati dħul minimu għall-għajxien fil-waqt li jikkunsidraw is‑sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Istat Membru konċernat;

(ii)

protezzjoni speċifika biss għal persuni b’diżabilità, liema protezzjoni hija marbuta ma’ l-ambjent soċjali tal-persuna konċernata fl-Istat Membru konċernat,

u

(b)

meta l-iffinanzjar jiġi b’mod esklużiv minn taxxi obbligatorji maħsubin biex ikopru l-ispiża pubblika ġenerali u l-kondizzjonijiet biex jingħataw u biex ikunu ikkalkulati l-benefiċċji ma jiddependux fuq xi kontribuzzjoni fir-rigward tal-benefiċjarju. Madanakollu, benefiċċji mogħtija biex jissupplimentaw benefiċċju kontributorju ma għandhomx jitqiesu bħala benefiċċji kontributorji minħabba din ir-raġuni biss,

u

(ċ)

huma elenkati fl-Anness X.

3.   L-Artikolu 7 u l-kapitoli l-oħra ta’ dan it-Titolu ma għandhomx japplikaw għall-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Il-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jingħataw biss fl‑Istat Membru fejn il-persuni konċernati għandhom ir-residenza tagħhom u skond il-leġislazzjoni ta’ dan l-Istat Membru. Dawn il‑benefiċċji għandhom jingħataw u għandhom jitħallsu mill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza.”

14.

L-Anness X tar-Regolament Nru 883/2004, li jirregola l‑“[b]enefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji mogħtija fi flus”, jinkludi taħt it-titolu “Ġermanja” il-preċiżjoni segwenti:

“[…]

(b)

Benefiċċji li jkopru spejjeż ta’ sussistenza taħt id-dispożizzjoni bażika għal min ikun qed ifittex impjieg sakemm, fir-rigward ta’ dawn il-benefiċċji, il-ħtiġiet ta’ eliġibbiltà għal suppliment temporanju wara li jkunu rċivew il-benefiċċju tal-qgħad (l‑Artikolu 24 (1) tal-Ktieb II tal-Kodiċi Soċjali) ma jkunux ġew sodisfatti.”

3. Id-Direttiva 2004/38

15.

Il-premessi 10, 16 u 21 tad-Direttiva 2004/38 huma fformulati kif ġej:

“(10)

Dawk il-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ residenza m’għandhomx, madankollu, ikunu ta’ piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu inizjali ta’ residenza. Għalhekk, id-dritt ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom għal perjodi li jaqbżu t-tliet xhur għandu jkun bla ħsara għal kondizzjonijiet.

[…]

(16)

Sakemm il-benefiċjarji tad-dritt ta’ residenza ma jsirux piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti, dawn m’għandhomx jitkeċċew. Għalhekk, miżura ta’ tkeċċija m’għandhiex tkun il-konsegwenza awtomatika jekk iduru għas-sistema ta’ l-għajnuna soċjali. L-Istat Membru ospitanti għandu jeżamina jekk hux każ ta’ diffikultajiet temporanji u jqis id-dewma tar-residenza, iċ-ċirkostanzi personali u l‑ammont ta’ għajnuna awtorizzat qabel jikkunsidra lill-benefiċjarju piż mhux raġonevoli fuq is-sistema tiegħu ta’ għajnuna soċjali u jipproċiedi għat-tkeċċija tiegħu. Fl-ebda każ m’għandha tiġi adotatta miżura ta’ tkeċċija kontra ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom jew persuni li qed ifittxu xogħol kif imfissra mill-Qorti tal-Ġustizzja ħlief minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika.

[…]

(21)

Madankollu, għandu jkun l-Istat Membru ospitanti li jiddeċiedi jekk jagħtix għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza, jew għal perjodu itwal f’każ ta’ dawk li qed ifittxu xogħol, liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għajr dawk li huma ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom jew li jżommu dan l-istatus jew lill-membri tal-familja tagħhom, jew manteniment għall‑istudji, inkluż it-taħriġ professjonali, qabel l-akkwist tad‑dritt ta’ residenza permanenti minn dawn l-istess persuni.”

16.

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ residenza sa tliet xhur”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi kif ġej:

“Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur mingħajr xi kondizzjonijiet jew formalitajiet għajr il-ħtieġa li jkollhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi.”

17.

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur” jipprovdi:

“1.   Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit‑territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

(a)

ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

(b)

għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; […]

[…]

3.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1(a), ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għadux jaħdem jew li m’għadux jaħdem għal rasu għandu jżomm l-istatus ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

[…]

(b)

il-persuna kkonċernata, wara li tkun spiċċat involontarjament bla xogħol wara li ħadmet għal aktar minn sena, tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti;

(ċ)

il-persuna kkonċernata spiċċat involontarjament bla xogħol wara li lestiet kuntratt ta’ xogħol għal żmien fiss ta’ anqas minn sena jew wara li spiċċat involontarjament bla xogħol matul l-ewwel tnax-il xahar u rreġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l‑uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti. F’dan il-każ, l-istatus ta’ ħaddiem għandu jinżamm għal perjodu li mhux inqas minn sitt xhur;

[…]”

18.

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/38 huwa ddedikat liż-“[ż]amma tad-dritt ta’ residenza”. Skont din id-dispożizzjoni:

“1.   Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id‑dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikolu 6, sakemm ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti.

[…]

3.   Miżura ta’ tkeċċija m’għandhiex tkun konsegwenza awtomatika meta ċittadin ta’ l-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu jirrikorru għas‑sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti.

4.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 u 2 u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu VI, m’għandha fl-ebda każ tiġi adotatta miżura ta’ tkeċċija kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew kontra membri tal-familja tagħhom jekk:

(a)

iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni huma ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom, jew

(b)

iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni daħlu fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti sabiex ifittxu impjieg. F’dan il-każ, iċ-ċittadini ta’ l‑Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom m’għandhomx jitkeċċew sakemm iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni jistgħu jipprovdu evidenza li qed ikomplu jfittxu xogħol u li għandhom ċans ġenwin li jsibuh.”

19.

Fl-aħħar l-Artikolu 24 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Trattament ugwali”, jistabbilixxi:

“1.   Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit‑Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat li jattribwixxi d-dritt ta’ għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew, fejn xieraq, matul il-perjodu itwal previst fl‑Artikolu 14(4)(b), lanqas mhu obbligat, qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jawtorizza għajnuna ta’ manteniment għall‑istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet ta’ l-istudenti [boroż ta’ studju] jew f’self għal studenti lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom.”

B – Id-dritt Ġermaniż

1. Il-Kodiċi Soċjali

20.

L-Artikolu 19a(1) tal-Ktieb I tal-Kodiċi Soċjali (Sozialgesetzbuch Erstes Buch, iktar ’il quddiem is-“SGB I”), jiddeskrivi ż-żewġ tipi ta’ benefiċċji ta’ assigurazzjoni bażika għal dawk li qed ifittxu xogħol kif ġej:

“(1)   Taħt id-dritt għall-assigurazzjoni bażika ta’ dawk li qed ifittxu xogħol jistgħu jintalbu:

1.

benefiċċji li jinvolvu d-dħul f’xogħol,

2.

benefiċċji li jinvolvu li jiġi żgurat l-għajxien.

[…]”

21.

Fil-Ktieb II tal-Kodiċi Soċjali (Sozialgesetzbuch Zweites Buch, iktar ’il quddiem is-“SGB II”), l-Artikolu 1 tiegħu, intitolat “Funzjoni u għan tal-assigurazzjoni bażika għal dawk li jkunu qe[għ]din ifittxu xogħol”, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu jipprovdi:

“(1)   L-assigurazzjoni bażika [(«Grundsicherung»)] għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol hija intiża li tippermetti lill-benefiċjarji tagħha li jgħixu ħajja li tixraq lid-dinjità tal-bniedem.

[…]

(3)   L-assigurazzjoni bażika għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol tinvolvi benefiċċji

1.

intiżi li jtemmu jew li jnaqqsu l-istat ta’ bżonn, b’mod partikolari billi jinstab ix-xogħol u

2.

intiżi li jiżguraw l-għajxien.”

22.

L-Artikolu 7 tas-SGB II, intitolat “Benefiċjarji” jistabbilixxi:

“(1)   Il-benefiċċji skont dan il-ktieb huma intiżi għall-persuni li:

1.

laħqu l-età ta’ 15-il sena u għadhom ma laħqux il-limitu tal-età msemmi fl-Artikolu 7a,

2.

huma kapaċi jaħdmu,

3.

jinsabu fil-bżonn u

4.

jirrisjedu abitwalment fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (benefiċjarji kapaċi li jaħdmu).

Huma esklużi

1.

il-barranin, nisa u rġiel, li ma humiex impjegati jew ħaddiema li jaħdmu għal rashom fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u li ma għandhomx id-dritt għall-moviment liberu skont l-Artikolu 2(3) tal-liġi dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni [(Freizügigkeitsgesetz/EU, iktar ’il quddiem il-‘FreizügG/EU’)], u l‑membri tal-familja tagħhom, matul l-ewwel tliet xhur tal-perijodu ta’ residenza tagħhom,

2.

il-barranin, nisa u rġiel, li d-dritt ta’ residenza tagħhom huwa ġġustifikat biss minħabba li qegħdin ifittxu xogħol, u l-membri tal-familja tagħhom,

[…]

Il-punt 1 tat-tieni sentenza ma japplikax għall-barranin, nisa u rġiel, li jirrisjedu fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja taħt permess ta’ residenza maħruġ skont il-kapitolu 2, taqsima 5 tal-liġi dwar id-dritt ta’ residenza. Id-dispożizzjonijiet fil-qasam tad-dritt ta’ residenza jibqgħu japplikaw.

[…]”

23.

L-Artikolu 8 tas-SGB II, iddedikat għall-kunċett ta’ “[k]apaċità għall-ħidma”, jipprovdi:

“(1)   Hija kapaċi li taħdem kull persuna li ma hijiex inkapaċi matul il-ġejjieni prevedibbli, minħabba mard jew diżabbiltà, li teżerċita attività professjonali tal-inqas tliet sigħat kuljum fil-kundizzjonijiet abitwali tas-suq tax-xogħol.

[…]”

24.

L-Artikolu 9 tas-SGB II jipprovdi:

“(1)   Hija fil-bżonn kull persuna li ma tistax tiżgura l-għajxien tagħha, jew li tiżgurah b’mod suffiċjenti, abbażi tad-dħul jew tal-patrimonju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni u ma tirċevix l-għajnuna neċessarja minn persuni oħra, b’mod partikolari mill-membri tal-familja tagħha jew mill-benefiċjarji ta’ benefiċċji soċjali oħra. […]

[…]”

25.

L-Artikoli 14 sa 18e tas-SGB II, li jifformaw l-ewwel Taqsima tal‑Kapitolu 3, jiżviluppaw il-benefiċċji relatati mal-inklużjoni fis-suq tax-xogħol.

26.

L-Artikolu 20 tas-SGB II jipprovdi, min-naħa tiegħu, dispożizzjonijiet komplementari fuq il-bżonnijiet bażiċi għall-għajxien, l‑Artikolu 21 tas-SGB II fuq il-bżonnijiet addizzjonali, u l‑Artikolu 22 tas-SGB II fuq il-bżonnijiet tal-akkomodazzjoni u l-provvista tas-sħana. Fl-aħħar nett, l-Artikoli 28 sa 30 tas-SGB II jirrigwardaw il-benefiċċji ta’ taħriġ u parteċipazzjoni.

27.

Fil-Ktieb XII tal-Kodiċi Soċjali (Sozialgesetzbuch Zwölftes Buch, iktar ’il quddiem is-“SGB XII”), l-Artikolu 1 tiegħu, li jirrigwarda l-għajnuna soċjali, jipprovdi:

“Il-funzjoni tal-għajnuna soċjali hija dik li tippermetti lill-benefiċjarji tagħha li jgħixu ħajja li tixraq lid-dinjità tal-bniedem. […]”

28.

L-Artikolu 21 tas-SGB XII jipprovdi li:

“Il-benefiċċji għall-għajxien ma jingħatawx lill-persuni li huma benefiċjarji ta’ benefiċċji skont il-Ktieb II sa fejn dawn ikunu kapaċi jaħdmu jew minħabba r-rabta familjari tagħhom. […]”

2. Il-FreizügG/EU

29.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-FreizügG/EU huwa ddefinit fl‑Artikolu 1 ta’ din il-liġi:

“Din il-liġi tirregola d-dħul u r-residenza taċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea (ċittadini tal-Unjoni) u tal-membri tal-familja tagħhom.”

30.

L-Artikolu 2 tal-FreizügG/EU jipprovdi, għal dak li jirrigwarda d-dritt ta’ dħul u residenza:

“(1)   Iċ-ċittadini tal-Unjoni li jibbenefikaw mill-moviment liberu u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt li jidħlu u li jirrisjedu fit-territorju federali skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.

(2)   Għandhom jibbenefikaw mill-moviment liberu taħt id-dritt Komunitarju:

1.

Iċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu jixtiequ jirresjedu bħala ħaddiema, sabiex ifittxu impjieg jew biex jieħdu taħriġ professjonali.

[…]

5.

iċ-ċittadini tal-Unjoni mingħajr attività professjonali, b’mod konformi għall-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4,

6.

il-membri tal-familja, skont il-kundizzjonijiet tal-Artikoli 3 u 4,

[…]

(3)   Għall-impjegati jew ħaddiema li jaħdmu għal rashom id-dritt previst fil-paragrafu 1 huwa mingħajr preġudizzju.

[…]

2.

qgħad involontarju kkonfermat mill-awtorità kompetenti jew it‑tmiem ta’ attività indipendenti wara ċirkustanzi indipendenti mill‑volontà tal-ħaddiem li jaħdem għal rasu, wara perijodu ta’ iktar minn sena ta’ attività.

[…].

Id-dritt ibbażat fuq il-paragrafu 1 jinżamm għal sitt xhur f’każ ta’ qgħad involontarju kkonfermat mill-awtorità tax-xogħol kompetenti wara perijodu ta’ xogħol ta’ inqas minn sena.

[…]”

31.

L-Artikolu 4 tal-FreizügG/EU jipprovdi, fir-rigward tal-persuni li jibbenefikaw mill-moviment liberu li ma jeżerċitawx attività professjonali:

“Iċ-ċittadini tal-Unjoni mingħajr attività professjonali u l-membri tal-familja tagħhom li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom, għandhom jibbenefikaw mid-dritt previst fl-Artikolu 2(1) jekk huma jkollhom assigurazzjoni tal-mard suffiċjenti u mezzi ta’ għajxien suffiċjenti. Jekk ċittadin tal-Unjoni jirrisjedi fit-territorju federali taħt l‑istat ta’ student, għandhom jibbenefikaw minn dan id-dritt biss il‑konjuġi jew sieħeb/sieħba tiegħu/tagħha u t-tfal tiegħu/tagħha, li l‑għajxien tagħhom ikun żgurat.”

3. Il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Soċjali u Medika

32.

L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Soċjali u Medika (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar l-Assistenza”) jipprovdi l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

33.

Madankollu, skont l-Artikolu 16(b) tal-Konvenzjoni dwar l‑Assistenza, il-Gvern Ġermaniż ħareġ riżerva (iktar ’il quddiem ir-“riżerva”) fid-19 ta’ Diċembru 2011, li tipprovdi “l-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma għandux jagħti liċ-ċittadini tal-partijiet kontraenti l-oħra, bl-istess mod bħaċ-ċittadini tiegħu stess u taħt l-istess kundizzjonijiet, il-benefiċċji previsti fit-tieni Ktieb tal-Kodiċi Ġermaniż tas-Sigurtà Soċjali – Protezzjoni soċjali bażika għall-persuni li qed ifittxu xogħol fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ rispettivament”.

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali

34.

N. Alimanovic u t-tlett itfal tagħha, Sonita, Valentina u Valentino, kollha għandhom nazzjonalità Svediża. Dawn it-tlett itfal kollha twieldu fil-Ġermanja, rispettivament fl-1994, 1998 u 1999.

35.

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali telqu mit-territorju Ġermaniż bejn l-1999 u l-2010. Mingħajr ma speċifikat il-punt tat-tluq u lanqas ir-raġuni għal din l-assenza, il-qorti tar‑rinviju spjegat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali rritornaw “mill-ġdid” fil-Ġermanja f’Ġunju 2010.

36.

Wara dan ir-ritorn fil-Ġermanja, fl-1 ta’ Lulju 2010, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali rċevew dikjarazzjoni skont l-Artikolu 5 tal-FreizügG/EU. N. Alimanovic u t-tifla l-kbira tagħha Sonita, li huma kapaċi jaħdmu fis‑sens tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża, kienu attivi, bejn ix-xahar ta’ Ġunju 2010 u x‑xahar ta’ Mejju 2011, jiġifieri għal inqas minn sena, fil-kuntest ta’ impjiegi ta’ tul qasir jew ta’ miżuri ta’ promozzjoni tal-impjieg.

37.

Il-qorti tar-rinviju, il-Bundessozialgericht (Qorti Federali tal-Kawżi Soċjali, il-Ġermanja), tispjega li r-rikorrenti kollha fil-kawża prinċipali kienu jirċievu, barra minn hekk, benefiċċji intiżi sabiex jiżguraw riżorsi għall-għajxien skont is-SGB II, u dan, fl-aħħar lok, għall-perijodu li jibda mill-1 ta’ Diċembru 2011 sal-31 ta’ Mejju 2012. N. Alimanovic u bintha Sonita kienu jirċievu, minn naħa, benefiċċji tal-għajxien għall-benefiċjarji kapaċi għax-xogħol (“Arbeitslosengeld II”), filwaqt li ż-żewġ itfal l-oħra tagħha, Valentina u Valentino, kienu jibbenefikaw, min-naħa l-oħra, mill-benefiċċji soċjali għall-persuni li mhux kapaċi jaħdmu.

38.

Matul l-għoti tal-benefiċċji, l-awtorità kompetenti, il-Jobcenter Berlin Neukölln (iktar ’il quddiem il-“Jobcenter”), kienet telqet mill‑prinċipju li r-regola ta’ esklużjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni li qed ifittxu xogħol prevista fil-punt 2 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu (7)(1) tas‑SGB II, kienet ipprojbita mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar l-Assistenza. Madankollu, abbażi tar-riżerva, il-Jobcenter waqqaf l-għoti tal-benefiċċji kollha fix‑xahar ta’ Mejju 2012.

39.

Fuq rikors ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, is-Sozialgericht Berlin annullat din id-deċiżjoni. Skont din il-qorti, għalkemm, wara li waqfu mix‑xogħol fl-2011, N. Alimanovic u bintha Sonita setgħu jipprevalixxu ruħhom biss minn dritt ta’ residenza sabiex ifittxu xogħol, madankollu l-esklużjoni mill-benefiċċji skont il-punt 2 tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 7(1) tas-SGB II ma setgħetx tkun applikata sa fejn l‑Artikolu 4 tar‑Regolament Nru 883/2004 jipprojbixxi, fir-rigward tal‑benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus inkwistjoni, kull diskriminazzjoni fil-konfront taċ-ċittadini tal-Unjoni meta mqabbla maċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat. Skont is‑Sozialgericht Berlin, ma kien hemm ebda kontradizzjoni mal‑possibbiltà li l-“għajnuna soċjali” tkun limitata, b’mod partikolari skont l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38. Il-qorti msemmija kkunsidrat, barra minn hekk, li l-prinċipju speċjali ta’ nondiskriminazzjoni rrikonoxxut fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar l-Assistenza jibqa’ jimponi l-projbizzjoni tar-regola ta’ esklużjoni, għaliex, fl-opinjoni tagħha, ir-riżerva ma nbidlitx jew saret valida fid-dritt nazzjonali.

40.

Peress li kkunsidra li l-esklużjoni mill-benefiċċji ma tmurx kontra d-dritt tal-Unjoni, il-Jobcenter ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Fl-opinjoni tiegħu, peress li l‑benefiċċji intiżi sabiex jiżguraw riżorsi għall-għajxien skont is-SGB II jikkostitwixxu “għajnuna soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad‑Direttiva 2004/38, il-persuni li qed ifittxu xogħol jistgħu, minħabba dan il-fatt, jiġu rrifjutati dawn il-benefiċċji. L-imsemmija benefiċċji ma għandhomx l-għan, skont il-Jobcenter, li jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol, peress li s-SGB II jipprovdi, fl-Artikoli 16 et seq tiegħu, benefiċċji oħra mħallsa speċifikatament għall-inklużjoni tal-persuni li qed ifittxu impjieg fis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, il-punt 2 tat-tieni frażi tal‑Artikolu 7(1) tas-SGB II ma hijiex kuntrarja għar-Regolament Nru 883/2004 u l-esklużjoni mill-benefiċċji lanqas ma hija kuntrarja għall-Konvenzjoni dwar l-Assistenza peress li r-riżerva hija valida u konformi mal-Kostituzzjoni Ġermaniża.

41.

Il-qorti tar-rinviju tispjega wkoll li, skont il-konstatazzjonijiet tas-Sozialgericht Berlin li hija marbuta bihom, N. Alimanovic u bintha Sonita ma jistgħux jipprevalixxu ruħhom iktar mid-dritt ta’ residenza bħala ħaddiema skont l-Artikolu 2 tal-FreizügG/EU. Wara x-xahar ta’ Ġunju 2010, huma kienu attivi biss fil-kuntest ta’ impjiegi ta’ tul qasir jew ta’ miżuri ta’ promozzjoni tal-impjieg ta’ inqas minn sena, u wara Mejju 2011, huma ma eżerċitaw ebda attività oħra la bħala impjegati u lanqas għal rashom. Il‑Bundessozialgericht titlaq għalhekk mill-prinċipju li, fl-iskadenza ta’ perijodu ta’ sitt xhur wara tmiem l-attivitajiet professjonali tagħhom, jiġifieri f’Diċembru 2011, l-imsemmija rikorrenti fil-kawża prinċipali tilfu l-kwalità tagħhom bħala ħaddiema, u dan bl-applikazzjoni flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tal‑FreizügG/EU u tal-Artikolu 7(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/38.

42.

Konsegwentement, N. Alimanovic u bintha Sonita għandhom jitqiesu li huma persuni li qed ifittxu xogħol fis-sens tal-punt 1 tal‑Artikolu 2(2) tal-FreizügG/EU peress li fil-Ġermanja huma kienu attivi biss fil-kuntest ta’ impjiegi ta’ tul qasir jew ta’ miżuri ta’ promozzjoni tal-impjieg ta’ inqas minn sena. Għalhekk, skont id-dispożizzjonijiet tas-SGB II, u b’mod iktar speċifiku skont il-punt 2 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tiegħu, id-dritt tagħhom għall-benefiċċji tal-għajxien, u għalhekk, id-dritt derivat ta’ Valentina u ta’ Valentino għal benefiċċju soċjali intiż sabiex jiggarantilhom riżorsi għall-għajxien, huma esklużi ( 6 ).

IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja

43.

Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il‑kompatibbiltà tar-regola tal-esklużjoni tal-punt 2 tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 7(1) tas-SGB II fid-dawl tar-regoli differenti tad-dritt tal‑Unjoni.

44.

Għalhekk, permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 2013, li wasslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Frar 2014, il‑Bundessozialgericht, iddeċieda li jissospendi l-proċedura u jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE, id-domandi preliminari segwenti:

“1)   Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst fl-Artikolu 4 tar‑Regolament [Nru 883/2004] japplika wkoll – bl‑eċċezzjoni tal-esklużjoni tal-esportazzjoni tal-benefiċċji prevista fl-Artikolu 70(4) tal-imsemmi regolament – għall‑benefiċċji speċjali li ma humiex kontributorji u li jingħataw fi flus fis-sens tal-Artikolu 70(1) u (2) tar-Regolament [Nru 883/2004]?

2)   Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, restrizzjonijiet għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst fl‑Artikolu 4 tar-Regolament [Nru 883/2004] permezz ta’ dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38/CE li bis-saħħa tagħhom l-aċċess għal dawn il-benefiċċji ma jeżisti taħt l-ebda cirkustanza meta dritt ta’ residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru ieħor jirriżulta unikament mill-għan ta’ tfittxija ta’ xogħol, huma possibbli u f’dak il-każ sa liema estent?

3)   L-Artikolu 45(2) TFUE, flimkien mal-Artikolu 18 TFUE, jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tirrifjuta, mingħajr eċċezzjoni, għat-tul tad-dritt ta’ residenza unikament għall‑finijiet ta’ tfittxija ta’ xogħol u indipendentement minn rabta mal-Istat Membru ospitanti, liċ-ċittadini tal-Unjoni li bħala persuni li jkunu qed ifittxu xogħol jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu, benefiċċju soċjali li jservi sabiex jiġu ggarantiti l-mezzi tal-għajxien u li fl-istess waqt jiffaċilita wkoll l-aċċess għas-suq tax-xogħol?”

45.

Il-Gvern tal-Ġermanja, l-Irlanda, il-gvernijiet tal-Italja, tal-Isvezja u tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

46.

Barra minn hekk, kollha (bl-eċċezzjoni tal-Gvern Taljan) għamlu sottomissjonijiet orali waqt is-seduta li nżammet fit-3 ta’ Frar 2015. Ir‑rappreżentanti ta’ N. Alimanovic kif ukoll tal-Gvernijiet tad‑Danimarka u ta’ Franza, li ma kinux ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, esponew ukoll l-argumenti tagħhom waqt din is-seduta.

V – Analiżi

A – Fuq l-ewwel domanda preliminari

47.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar‑rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 japplikax għall-benefiċċji speċjali li ma humiex kontributorji u li jingħataw fi flus fis-sens tal-Artikolu 70 ta’ dan ir-regolament.

48.

Din id-domanda kienet tressqet fl-istess termini fil-kawża li wasslet għas-sentenza Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358) u l-Qorti tal‑Ġustizzja rrispondiet b’mod pożittiv: “ir-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-‘benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus’ fis-sens tal-Artikoli 3(3) u 70 ta’ dan ir-regolament jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-regolament imsemmi” ( 7 ).

B – Fuq it-tieni u t-tielet domandi preliminari

49.

Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar il-kompatibbiltà, minn naħa, mal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 u, min-naħa l-oħra, mal-Artikoli 18 TFUE u 45(2) TFUE ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li ċittadini ta’ Stat Membri oħra li użaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu bil-għan li jfittxu xogħol huma esklużi milli jibbenefikaw minn ċerti benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004 filwaqt li dawn il-benefiċċji huma żgurati għaċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat li jinsabu fl-istess sitwazzjoni ( 8 ).

50.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża li benefiċċju speċjali mhux kontributorju u li jingħata fi flus fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004 jista’ jaqa’ wkoll fil-kunċett ta’ “sistema ta’ l-għajnuna soċjali”, li jinsab fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 ( 9 ). Madankollu, jekk tali benefiċċji finanzjarji huma intiżi sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol, huma ma jistgħux għalhekk jitqiesu li huma “benefiċċji ta’ għajnuna soċjali”, fis-sens tal‑Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 ( 10 ).

51.

Għaldaqstant, skont in-natura tal-benefiċċji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija biss it-tieni jew it-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju li għandha tingħata risposta.

1. In-natura tal-benefiċċji tal-“assigurazzjoni bażika” (“Grundsicherung”) ( 11 ) fid-dawl tar-Regolament Nru 883/2004 u tad‑Direttiva 2004/38

52.

Il-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija essenzjali għaliex tiddetermina r-regola li fir-rigward tagħha għandha tiġi evalwata l‑kompatibbiltà ta’ sistema bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali: l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 jekk hija benefiċċju tal-għajnuna soċjali jew l-Artikolu 45(2) TFUE f’każ ta’ miżura intiża sabiex tiffaċilita l-aċċess għas-suq tax-xogħol.

53.

F’dan ir-rigward, sa fejn il-leġiżlazzjoni inkwistjoni f’din il‑kawża hija identika għal dik li dwarha saret id-domanda fis-sentenza Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358), ser nirreferi qabel kollox għall‑analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja. Sabiex inkun eżawrjenti, ser nindirizza fit-tieni lok il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju u l-effett tan‑natura possibbilment imħallta tal-benefiċċju fuq il-klassifikazzjoni tal-miżura (jiġifieri l-każ fejn il-benefiċċju inkwistjoni jkollu fl-istess ħin aspetti li jaqgħu taħt l-għajnuna soċjali u aspetti intiżi għall‑inklużjoni fis-suq tax-xogħol).

a) L-analiżi tal-benefiċċji tal-“assigurazzjoni bażika” (“Grundsicherung”) fis-sentenza Dano

54.

Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-konformità ta’ regola bħal dik prevista mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 u mhux fir-rigward tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Madankollu hija kklassifikat il-miżura kkontestata bħala “benefiċċju soċjali” fis-sens tal-imsemmija direttiva.

55.

Fil-fatt, wara li fakkret li l-kunċett ta’ “benefiċċji ta’ għajnuna soċjali” fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 jirreferi għall‑“iskemi ta’ għajnuna kollha stabbiliti mill-awtoritajiet pubbliċi, kemm fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, li jirrikorri għalihom individwu li ma għandux biżżejjed riżorsi biex jaffronta l-bżonnijiet elementari tiegħu kif ukoll dawk tal-familja tiegħu u li għalhekk, jirriskja li jsir, matul ir-residenza tiegħu, piż fuq il-finanzi pubbliċi tal‑Istat Membru ospitanti li jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali tal-għajnuna li tista’ tingħata minn dan l-Istat” ( 12 ), il-Qorti tal‑Ġustizzja kkunsidrat li għandu “jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 jipprekludux ir-rifjut tal-għoti ta’ benefiċċji soċjali f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali” ( 13 ).

56.

B’hekk, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja effettivament analizzat il‑benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala li huwa benefiċċju soċjali fis-sens tad-Direttiva 2004/38. Din il-perċezzjoni hija kkonfermata mid-dikjarazzjoni magħmula fil-punt 69 tal-istess sentenza li jipprovdi li “ċittadin tal-Unjoni, f’dak li jirrigwarda l-aċċess għal benefiċċji soċjali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ biss jinvoka ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti jekk ir-residenza tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti tosserva l-kundizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38” ( 14 ).

57.

Barra minn hekk, nosserva li d-deskrizzjoni tal-benefiċċji inkwistjoni magħmula mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl‑osservazzjonijiet bil-miktub tagħha tikkorrispondi mad-definizzjoni ta’ “benefiċċji ta’ għajnuna soċjali” skont id-Direttiva 2004/38 kif imfakkar fil-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, skont dan l‑Istat Membru, “[i]l-benefiċċji intiżi sabiex jiżguraw mezzi ta’ għajxien previsti fis-SGB II huma ffinanzjati mill-Istat Federali u l-awtoritajiet komunali u mħallsa mill-Jobcenter li f’dan is-sens huma awtoritajiet pubbliċi. Dawn il-benefiċċji jservu essenzjalment sabiex jiggarantixxu l‑mezzi ta’ għajxien sa fejn dan ma jistax ikun żgurat permezz tal-mezzi tal-individwu stess u f’dan ir-rigward għandhom jikkumpensaw l‑insuffiċjenza tad-dħul tiegħu. Bħall-benefiċċji stabbiliti mis-SGB XII, il-benefiċċji intiżi sabiex jiżguraw mezzi ta’ għajxien jitħallsu f’każ ta’ persuni bi dħul baxx u bħala regola għandhom l-istess ammont u l-istess metodu ta’ kalkolu. Essenzjalment l-ammont tagħhom huwa limitat għall-mezzi neċessarji sabiex ikun żgurat minimu ta’ ħajja dinjituża u huwa bbażat fuq l-ispejjeż tal-konsum domestiku appartenenti għal‑livelli ta’ dħul inferjuri kif jirriżultaw mill-istatistika [ara l‑Artikolu 4 tal-Liġi dwar il-kalkolu tal-minimu neċessarju (Gesetz zur Ermittlung der Regelbedarfe)]. L-għan tal-benefiċċji huwa essenzjalment li jiżguraw l-għajxien” ( 15 ).

58.

Il-qorti tar-rinviju stess tindika, fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, li huwa f’kapitolu speċifiku li s-SGB II tistipula l‑miżuri ta’ inklużjoni fis-suq tax-xogħol li jinkludu benefiċċji previsti speċjalment għall-persuni li kapaċi jaħdmu fis-sens tagħha ( 16 ).

59.

Konsegwentement, sabiex ma nerġax lura mill-prinċipju tas‑sentenza Vatsouras u Koupatantze ( 17 ) li jipprovdi li benefiċċji finanzjarji intiżi sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol ma jkunux jistgħu jitqiesu li huma benefiċċji ta’ għajnuna soċjali, fis‑sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 ( 18 ), ser niffoka l‑analiżi tiegħi fuq din l-aħħar dispożizzjoni u mhux fuq l‑Artikolu 45(2) TFUE.

60.

Fil-fatt, dan l-artikolu kien rilevanti biss fil-każ fejn il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha l-għan li tiffaċilita l-aċċess għas-suq tax-xogħol — ħaġa li teskludi awtomatikament il-klassifikazzjoni tagħha bħala miżura ta’ għajnuna soċjali fis-sens tad-Direttiva 2004/38 — peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisprudenza stabbilita li “ma kienx iktar possibbli li jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu [45(2) TFUE], li huwa dikjarazzjoni tal-prinċipju fundamentali ta’ ugwaljanza fit-trattament iggarantit mill-Artikolu [18 TFUE], benefiċċju ta’ natura finanzjarja intiż sabiex jiffaċilita l-aċċess għall-impjieg fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru” ( 19 ).

b) Il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju u l-effett tan-natura eventwalment imħallta tal-benefiċċji tal-“assigurazzjoni bażika” (“Grundsicherung”)

61.

Il-konklużjonijiet li nislet mis-sentenza Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358) fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-benefiċċji ta’ assigurazzjoni bażika inkwistjoni, fil-kawża prinċipali jistgħu jidhru awdaċi sa fejn, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddefinixxi l-kuntest ġuridiku u fattwali, kif ukoll tapplika r‑regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-każ tal-kawża prinċipali ( 20 ). Fis-sentenza Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddikjarat barra minn hekk, fir-rigward ta’ benefiċċju tas‑SBG II, li “huma l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, u, jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali, li […] janalizzaw l-elementi li jiffurmaw lill‑imsemmi benefiċċju, b’mod partikolari l-għanijiet tiegħu u l-kundizzjonijiet għall-għoti tiegħu” ( 21 ).

62.

Il-Gvernijiet tal-Isvezja u tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu din l-idea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom. Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkjarifika l-benefiċċji inkwistjoni fid-dawl tal‑kontroversja ġurisprudenzjali li tipprevali fi ħdan il-qrati Ġermaniżi.

63.

F’din il-perspettiva, mingħajr ma tasal sabiex hija stess tikklassifika l-miżura nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, tal-inqas “tagħti lill-qorti nazzjonali l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jistgħu jkunu utli fl-evalwazzjoni ta’ l-effetti tad-dispożizzjonijiet tagħha” ( 22 ).

64.

Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawża Winner Wetten, l‑Avukat Ġenerali Bot iddikjara wkoll li, meta l-fondatezza ta’ evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju setgħet tiġi kkontestata, huwa kien tal‑fehma li, “skont l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li jirregola l-proċedura preliminari u bil-għan li l-qorti tar-rinviju tiġi pprovduta bl-elementi kollha li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jistgħu jkunu utli biex hija tiddeċiedi l-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil din il-qorti l-indikazzjonijiet li jippermettulha teżamina mill-ġdid il-fondatezza tal-premessa tagħha” ( 23 ).

65.

F’dan il-każ, jistgħu jitfakkru wkoll żewġ elementi:

minn naħa, skont il-kriterju metodoloġiku użat mill‑Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565), il-kunċett ta’ “sistema ta’ l-għajnuna soċjali” fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni u mhux abbażi ta’ kriterji formali ( 24 ), u

min-naħa l-oħra, skont is-sentenzi Brey ( 25 ) u Dano ( 26 ), sabiex tissodisfa d-definizzjoni ta’ benefiċċju ta’ għajnuna soċjali skont id-Direttiva 2004/38, il-benefiċċju inkwistjoni għandu jkun integrat f’sistema ta’ għajnuna stabbilita mill-awtoritajiet pubbliċi, kemm jekk fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, li għaliha għandu aċċess individwu li ma għandux riżorsi suffiċjenti sabiex jissodisfa l-bżonnijiet bażiċi tiegħu kif ukoll dawk tal-familja tiegħu.

66.

Għaldaqstant, jekk l-għan tal-benefiċċju kkontestat jikkorrispondi mal-għan deskritt fil-punt preċedenti, huwa għandu jitqies li huwa benefiċċju ta’ għajnuna soċjali fis-sens tad‑Direttiva 2004/38.

67.

F’dan ir-rigward, għalkemm l-Artikolu 19a tas-SGB I jipprevedi li kemm benefiċċji intiżi sabiex jiżguraw l-għajxien kif ukoll benefiċċji intiżi għall-inklużjoni fix-xogħol jistgħu jintalbu abbażi tad-dritt ta’ assigurazzjoni bażika għall-persuni li qed ifittxu xogħol, l-Artikolu 1(1) tas-SGB II, intitolat “Funzjoni u għan tal-assigurazzjoni bażika għall‑persuni li qed ifittxu xogħol” jippreċiża li “l-assigurazzjoni bażika għall-persuni li qed ifittxu xogħol hija intiża sabiex tippermetti lill‑benefiċjarji tagħha jgħixu ħajja konformi mad-dinjità umana”.

68.

L-Artikolu 1(3) tas-SGB II ukoll ifakkar li l-assigurazzjoni bażika għall-persuni li qed ifittxu xogħol tinkludi benefiċċji intiżi sabiex itemmu jew inaqqsu l-istat ta’ bżonn, b’mod partikolari permezz tal‑inklużjoni fid-dinja tax-xogħol, u billi jiżguraw l-għajxien.

69.

Madankollu, skont l-Artikolu 19 tas-SGB II, il-benefiċċji inkwistjoni jkopru “l-bżonnijiet bażiċi, il-bżonnijiet addizzjonali u l‑bżonnijiet tal-akkomodazzjoni u l-provvista tas-sħana”. Min-naħa tagħhom, il-benefiċċji ta’ għajnuna għall-inklużjoni professjonali jaqgħu, skont il-qorti tar-rinviju, f’kapitolu speċifiku tas-SGB II ( 27 ).

70.

Min-naħa tagħha, il-kundizzjoni dwar il-kapaċità li taħdem imposta mill-Artikolu 7 tas-SGB II u ddefinita fl-Artikolu 8 tas-SGB II sabiex tibbenefika mill-benefiċċji tal-assigurazzjoni bażika, ma hijiex kriterju formali għall-għoti tagħhom skont is-sentenza Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565) imfakkra fil-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għaldaqstant, din ma għandhiex effett fuq il-klassifikazzjoni tal-miżura.

71.

Fil-fatt, din hija sempliċi kriterju għall-għoti, bl-istess mod bħall‑età u l-fatt li persuna hija fil-bżonn, li hija ddefinita fl-Artikolu 9 tal-istess SGB II.

72.

Fl-aħħar nett, kieku l-qorti nazzjonali kellha tikkonstata li l-benefiċċji mitluba għandhom għan doppju, minn naħa, li jiżguraw l-għoti ta’ bżonnijiet bażiċi, u min-naħa l-oħra, li jiffaċilitaw l‑aċċess għas-suq tax-xogħol, jiena naqbel mal-opinjoni tal-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Italja u tal-Isvezja kif esposta fl-osservazzjonijiet bil‑miktub tagħhom li l-bażi għandha tkun il-funzjoni predominanti tal‑benefiċċji, li, f’dan il-każ, hija mingħajr kontestazzjoni li jiggarantixxu l-mezzi tal-għajxien neċessarji sabiex jgħixu ħajja konformi mad-dinjità umana.

2. L-interpretazzjoni tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 u l-portata tal‑marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri fit-traspożizzjoni tiegħu

a) Il-validità tal-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38

73.

Skont l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, “[l]-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat li jattribwixxi d-dritt ta’ għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew, fejn xieraq, matul il‑perjodu itwal previst fl-Artikolu 14(4)(b)”, jiġifieri l-perijodu tat‑tfittxija ta’ xogħol għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jidħlu fit-territorju tal‑Istat Membru ospitanti għal dan l-għan.

74.

Għaldaqstant, għalkemm “l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 ifakkru l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, l-Artikolu 24(2) tad-direttiva msemmija jinkludi deroga mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni” ( 28 ).

75.

Għal dak li jirrigwarda l-ewwel tliet xhur previsti minn din id‑dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat, fis-sentenza Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358), li “[a]bbażi tal-Artikolu 24(2) tad‑Direttiva 2004/38, l-Istat Membru ospitanti ma [kienx] marbut li jagħti d-dritt għal benefiċċju soċjali lil ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jew lill-membri tal-familja tiegħu matul dan il-perijodu” ( 29 ).

76.

Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda d-dritt taċ-ċittadini tal‑Istati Membri li qegħdin ifittxu xogħol fi Stat Membru ieħor, jiġifieri t-tieni perijodu temporanju previst fl-Artikolu 24(2) tad‑Direttiva 2004/38, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-analiżi tagħha fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ma kien “żvela l‑ebda element li jista’ jaffettwa l-validità [tiegħu]” ( 30 ).

77.

Fir-realtà l-eżistenza ta’ inugwaljanza fit-trattament bejn iċ‑ċittadini tal-Unjoni li użaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tagħhom u ċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti fir-rigward tal-għoti tal-benefiċċji soċjali hija “konsegwenza inevitabbli tad‑Direttiva 2004/38 [minħabba] r-relazzjoni li stabbilixxa l-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 7 tad-direttiva bejn, minn naħa, il‑ħtieġa ta’ riżorsi suffiċjenti bħala kundizzjoni ta’ residenza u, min‑naħa l-oħra, ix-xewqa li ma jinħoloqx piż għas-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istati Membri” ( 31 ).

78.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prinċipju ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jeskludi minn benefiċċju speċjali mhux kontributorju u li jingħata fi flus, fis-sens tar‑Regolament Nru 883/2004 (li barra minn hekk jikkostitwixxi benefiċċju ta’ għajnuna soċjali fis-sens tad-Direttiva 2004/38), lill‑persuni li jidħlu fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru bl-iskop li jfittxu xogħol ma jidhirlix li jmur kontra l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, u lanqas tas-sistema stabbilita bid-Direttiva 2004/38.

79.

Madankollu, il-mod kif din l-awtorizzazzjoni hija implementata jeħtieġ analiżi fil-fond. Fil-fatt, ma għandux jintesa l-kuntest ġuridiku globali li fih taqa’ d-Direttiva 2004/38 kif tfakkar mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358).

b) Il-pożizzjoni tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni

80.

Fis-sentenza Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358), il-Qorti tal‑Ġustizzja fakkret li, “[p]reliminarjament, […] l-Artikolu 20(1) TFUE jagħti lil kull persuna li għandha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru l‑istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni (sentenza N., C‑46/12, EU:C:2013:97, punt 25)” ( 32 ).

81.

Hija tkompli bil-ġurisprudenza stabbilita tagħha li “l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż sabiex ikun l-istatus fundamentali taċ‑ċittadini tal-Istati Membri li permezz tiegħu dawk fosthom li jinsabu fl-istess sitwazzjoni jistgħu jiksbu, l-istess trattament ġuridiku fil-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat FUE, irrispettivament min‑nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward (sentenza Grzelczyk, C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31; D’Hoop, C‑224/98, EU:C:2002:432, punt 28, kif ukoll N., C-46/12, EU:C:2013:97, punt 27)” ( 33 ).

82.

Minn dan jirriżulta li “[k]ull ċittadin tal-Unjoni jista’ għalhekk jinvoka l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità stabbilita fl-Artikolu 18 TFUE fis-sitwazzjonijiet kollha li jifformaw parti mill-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni. Dawn is-sitwazzjonijiet jinkludu dawk li jidħlu fl-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri kkonferiti mill-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikoli 20(2) TFUE u 21 TFUE (ara s-sentenza N., C-46/12, EU:C:2013:97, punt 28 u l‑ġurisprudenza ċċitata)” ( 34 ).

83.

Il-Qorti tal-Ġustizzja żżid ukoll li “[f]’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 18(1) TFUE jipprekludi kull diskriminazzjoni eżerċitata minħabba n-nazzjonalità ‘[f]il-kamp ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm’. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(2) TFUE jippreċiża espressament li d-drittijiet li jikkonferixxi dan l-artikolu liċ‑ċittadini tal-Unjoni għandhom jiġu eżerċitati ‘skond il‑kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fit-Trattati u permezz tal-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom’. Barra minn hekk, l‑Artikolu 21(1) TFUE jissuġġetta, ukoll, id-drittijiet taċ-ċittadini tal‑Unjoni li jiċċirkolaw u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri għall-osservanza tal-’limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq’ (ara s-sentenza Brey, C-140/12, EU:C:2013:565, punt 46 u l‑ġurisprudenza ċċitata)” ( 35 ).

84.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li “l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, stabbilit b’mod ġenerali fl-Artikolu 18 TFUE, huwa ppreċiżat fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 fir-rigward taċ‑ċittadini tal-Unjoni li […] jeżerċitaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri. Dan il-prinċipju huwa barra minn hekk ippreċiżat fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni, […] li jinvokaw fl-Istat Membru ospitanti, benefiċċji msemmija fl-Artikolu 70(2) tar-regolament imsemmi” ( 36 ).

85.

Fi kliem ieħor, l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 li jawtorizza trattament differenzjat bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni u ċ‑ċittadini tal-Istat Membru ospitanti huwa “deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE, u li l‑Artikolu 24(1) ta[l-istess] direttiva […] jikkostitwixxi biss espressjoni speċifika tiegħu” ( 37 ) Għaldaqstant, għandu jiġi interpretat b’mod strett u b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, inklużi dawk dwar iċ‑ċittadinanza tal-Unjoni u l-moviment liberu tal-ħaddiema.

86.

Barra minn hekk, ir-restrizzjonijiet tal-għoti ta’ benefiċċji soċjali liċ-ċittadini tal-Unjoni li ma għandhomx, jew ma għadx baqgħalhom, il‑kwalità ta’ ħaddiem u li huma stabbiliti abbażi tal-Artikolu 24(2) tad‑Direttiva 2004/38 għandhom ikunu leġittimi ( 38 ).

87.

Dan il-kuntest u dawn ir-regoli li jipprovdu, minn naħa, li l-eċċezzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett u, min-naħa l-oħra, li l-limiti li jirriżultaw minnha għandhom ikunu leġittimi, jwassluni sabiex nipproponi distinzjoni bejn tliet każijiet:

dak ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li ilu jirrisjedi fih għal inqas minn tliet xhur jew għal iktar minn tliet xhur iżda mingħajr l-għan li jfittex xogħol (każ 1);

dak ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor sabiex ifittex xogħol hemm (każ 2), u

dak ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li ilu jirrisjedi għal iktar minn tliet xhur fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li fih kellu impjieg (każ 3).

i) Il-każ 1 : ċittadin ta’ Stat Membru li jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li ilu jirrisjedi fih għal inqas minn tliet xhur jew għal iktar minn tliet xhur iżda mingħajr l-għan li jfittex xogħol

88.

L-ewwel sitwazzjoni hija, globalment, dik li ġiet sottomessa għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358).

89.

Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[a]bbażi tal‑Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, l-Istat Membru ospitanti ma huwiex marbut li jagħti d-dritt għal benefiċċju soċjali lil ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jew lill-membri tal-familja tiegħu [għal residenza sa tliet xhur]” ( 39 ).

90.

Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għan tal-preżervazzjoni tal-ekwilibriju finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 2004/38 ( 40 ). Peress li l-Istati Membri ma jistgħux jeżiġu li ċ-ċittadini tal-Unjoni jkollhom mezzi ta’ għajxien suffiċjenti u assigurazzjoni medika personali għal residenza ta’ tliet xhur, huwa leġittimu li l-Istati Membri ma jkunux obbligati li jieħdu r-responsabbiltà tagħhom.

91.

Fil-fatt, fil-każ kuntrarju, jekk id-dritt għall-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali jingħata liċ-ċittadini tal-Unjoni li ma humiex obbligati jkollhom mezzi ta’ għajxien suffiċjenti jkun hemm riskju ta’ ċaqliq massiv li jista’ joħloq piż mhux raġonevoli għas-sistemi nazzjonali ta’ sigurtà soċjali.

92.

Barra minn hekk, ir-rabta mal-Istat Membru ospitanti tkun, wisq probabbli, limitata matul dan il-perijodu inizjali.

93.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll fis‑sentenza Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358) li Stat Membru għandu “jkollu l-possibbiltà, b’applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 7 [tad‑Direttiva 2004/38], li jirrifjuta l-għoti ta’ benefiċċji soċjali lil ċittadini tal-Unjoni ekonomikament inattivi li jeżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom bl-uniku skop li jiksbu l-benefiċċju tal-għajnuna soċjali minn Stat Membru filwaqt li ma jkollhomx riżorsi suffiċjenti biex jippretendu l-benefiċċju ta’ dritt ta’ residenza” ( 41 ).

ii) Il-każ 2: ċittadin ta’ Stat Membru li jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor sabiex ifittex xogħol hemm

94.

Id-distinzjoni bejn iċ-ċittadin ta’ Stat Membru li jiċċaqlaq sabiex ifittex xogħol u dak li diġà daħal fis-suq tax-xogħol hija determinanti.

95.

Fil-fatt, għalkemm il-qorti tar-rinviju llimitat it-tieni u t-tielet domandi tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikoli 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u 24 tad-Direttiva 2004/38, kif ukoll għall-Artikoli 18 u 45(2) TFUE “[dan] il-fatt ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża li jkollha quddiemha, u dan irrispettivament minn jekk il-qorti tar-rinviju tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha” ( 42 ).

96.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li “għalkemm iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri li jiċċaqalqu biex ifittxu impjieg jibbenefikaw mill-prinċipju tat-trattament ugwali biss fir-rigward ta’ l‑aċċess għall-istess impjieg, dawk li jkunu diġà daħlu fis-suq tax‑xogħol jistgħu jitolbu, abbażi ta’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament [tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità ( 43 ) issostitwit bl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni ( 44 )], l-istess benefiċċji soċjali u fiskali bħall-ħaddiema nazzjonali” ( 45 ).

97.

Fid-dawl tal-motivazzjoni tas-sentenza Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358) dwar l-ekwilibriju tad-Direttiva 2004/38 ( 46 ) u tad‑distinzjoni magħmula mid-dritt tal-Unjoni u mill-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja bejn il-ħaddiem li jasal fit-territorju ta’ Stat Membru u dak li diġà daħal f’dan is-suq tax-xogħol, il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi minn benefiċċju speċjali mhux kontributorju u li jingħata fi flus, fis-sens tar‑Regolament Nru 883/2004 (minbarra li jikkostitwixxi benefiċċju ta’ għajnuna soċjali fis-sens tad-Direttiva 2004/38), lill-persuni li jidħlu fit‑territorju tal-imsemmi Stat Membru bl-iskop li jfittxu xogħol ma jidhirlix li tmur kontra l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament u lanqas kontra s-sistema implementata mill-imsemmija direttiva.

98.

Din l-esklużjoni mhux biss hija konformi mal-formulazzjoni tal‑Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 inkwantu tawtorizza lill-Istati Membri jirrifjutaw wara l-perijodu tal-ewwel tliet xhur ta’ residenza l‑benefiċċju ta’ għajnuna soċjali lil ċittadini ta’ Stati Membri oħra li daħlu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti sabiex ifittxu xogħol, iżda wkoll mad-differenza oġġettiva tas-sitwazzjoni — stabbilita mill‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll, b’mod partikolari, mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 — bejn iċ-ċittadini li jfittxu l-ewwel impjieg fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti u dawk li diġà daħlu f’dan is-suq ( 47 ).

iii) Il-każ 3: ċittadin ta’ Stat Membru li ilu jirrisjedi għal iktar minn tliet xhur fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li fih kellu impjieg

99.

L-effett awtomatiku tal-esklużjoni mill-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali marbuta mat-telf tal-kwalità ta’ “ħaddiem” iqajjem iktar diffikultajiet.

100.

Skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, wara l-wasla tagħhom fil-Ġermanja fix-xahar ta’ Ġunju 2010, N. Alimanovic u bintha Sonita kienu attivi biss fil-kuntest ta’ impjiegi ta’ tul qasir jew ta’ miżuri ta’ promozzjoni tal-impjiegi li t-tul tagħhom kien ta’ inqas minn sena. Huma ma eżerċitaw ebda attività (la bħala impjegati u lanqas għal rashom) wara x-xahar ta’ Mejju 2011. Għalhekk huma tilfu l-kwalità tagħhom ta’ “ħaddiema” fix-xahar ta’ Diċembru 2011.

101.

Fil-fatt, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tal‑FreizügG/EU, iċ‑ċittadini tal-Unjoni li kellhom attività professjonali għal inqas minn sena jżommu d-dritt ta’ residenza tagħhom fit-territorju Ġermaniż għal sitt xhur f’każ ta’ waqfien b’mod involontarju mix-xogħol ikkonfermat mill-aġenzija tal-impjieg kompetenti.

102.

Peress li ma kellhomx iktar il-kwalità ta’ “ħaddiema”, N. Alimanovic u bintha Sonita tqiesu mill-ġdid li huma persuni li qed ifittxu xogħol. Għalhekk, huma awtomatikament reġgħu waqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 2 tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 7(1) tas-SGB II li jeskludi d-dritt għall-benefiċċji ta’ għajxien għall-persuni qiegħda għal żmien twil. Konsegwentement, iż‑żewġt ulied l-oħra Valentina u Valentino tilfu wkoll id-dritt derivat tagħhom għall-benefiċċju soċjali intiż sabiex jiżgura l-mezzi ta’ għajxien skont is-SGB II.

103.

Għalkemm it-tmiem tal-istatus ta’ ħaddiem jidher li huwa traspożizzjoni xierqa, għalkemm restrittiva, tal-Artikolu 7(3)(ċ) tad‑Direttiva 2004/38 ( 48 ), il-konsegwenzi awtomatiċi tagħha fuq id-dritt għall-benefiċċji ta’ għajxien tas-SGB II jidhru li jmorru kontra s-sistema ġenerali implementata minn din id-direttiva.

104.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 77 tas-sentenza Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565), li “esklużjoni awtomatika mill-Istat Membru ospitanti taċ-ċittadini ekonomikament inattivi ta’ Stati Membri oħra mill-għoti ta’ benefiċċju soċjali partikolari, anki wara l-perijodu ta’ tliet xhur ta’ residenza previst fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, ma tippermettix li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, meta r-riżorsi tal-persuna kkonċernata jkunu inferjuri għall-ammont ta’ referenza għall-għoti ta’ dan il-benefiċċju, iwettqu, skont ir-rekwiżiti li jirriżultaw b’mod partikolari mill-Artikoli 7(1)(b) u 8(4) ta’ din id‑direttiva, kif ukoll mill-prinċipju ta’ proporzjonalità, evalwazzjoni globali tal-piż li jirrappreżenta b’mod konkret l-għoti ta’ dan il-benefiċċju fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali fl-intier tagħha skont iċ-ċirkustanzi individwali li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata”.

105.

Għall-kuntrarju ta’ dak li kien sostnut fis-seduta tat-3 ta’ Frar 2015 minn uħud mill-Gvernijiet, għalkemm f’dan il-punt tas‑sentenza tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel riferiment għad‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 dwar id-dritt ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur, ir-rekwiżit ta’ analiżi personalizzata tirrigwarda fuq kollox it-talba għal benefiċċji soċjali u mhux ir‑regolarità tar-residenza.

106.

Għaldaqstant, skont din il-ġurisprudenza, huwa neċessarju li l‑awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, meta janalizzaw it-talba ta’ ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv li jkun jinsab f’sitwazzjoni bħal dik ta’ N. Alimanovic u bintha Sonita, jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-importanza u r-regolarità tad-dħul li jkollhom iċ-ċittadini tal-Unjoni inkwistjoni, kif ukoll il-perijodu li matulu jista’ jingħata l-benefiċċju mitlub ( 49 ).

107.

Barra minn hekk, bl-istess mod li l-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat ġurisprudenza li tawtorizza li d-dritt għal ċerti benefiċċji għaċ-ċittadini tal-Unjoni ekonomikament inattivi jkun suġġett għal rekwiżit ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti ( 50 ), id-dimostrazzjoni ta’ rabta reali miegħu għandha tipprekludi l-esklużjoni awtomatika mill‑imsemmija benefiċċji.

108.

Fil-fatt, fil-kuntest ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kundizzjoni unika li għandha natura wisq ġenerali u esklużiva peress li tipprivileġġa indebitament element li ma huwiex neċessarjament rappreżentattiv tal-livell reali u effettiv ta’ rabta bejn l-applikant tal-allowances u s-suq ġeografiku inkwistjoni, bl-esklużjoni ta’ kull element rappreżentattiv ieħor, tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex ( 51 ).

109.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, elementi li jirriżultaw mill-kuntest tal-familja, bħall-eżistenza ta’ rabtiet mill-qrib ta’ natura personali, jikkontribwixxu wkoll sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta reali bejn il-persuna interessata u l-Istat Membru ospitanti l-ġdid tiegħu ( 52 ). F’dawn iċ‑ċirkustanzi, leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi kundizzjoni li “tipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi oħra potenzjalment rappreżentattivi tal-livell reali ta’ rabta tal-applikant mal-allowances tal‑istennija fis-suq ġeografiku tax-xogħol inkwistjoni […] teċċedi dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li hija ssegwi” ( 53 ).

110.

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar preċiż il-prinċipju ta’ ugwaljanza kif stabbilit fl‑Artikolu 18 TFUE u ppreċiżat fl-Artikoli 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u 24 tad-Direttiva 2004/38, jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi awtomatikament lil ċittadin tal-Unjoni milli jibbenefika minn benefiċċju speċjali mhux kontributorju u li jingħata fi flus fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004 (li barra minn hekk huwa benefiċċju ta’ għajnuna soċjali fis-sens tad-Direttiva 2004/38), lil hinn minn perijodu ta’ qagħad involontarju ta’ sitt xhur wara attività professjonali ta’ inqas minn sena mingħajr ma tawtorizza lil dan iċ-ċittadin juri l‑eżistenza ta’ din ir-rabta reali mal-Istat Membru ospitanti.

111.

F’dan ir-rigward, minbarra l-elementi li jirriżultaw mill-kuntest familjari (bħall-edukazzjoni tat-tfal), it-tfittxija ta’ xogħol, b’mod effettiv u reali, matul perijodu ta’ tul raġonevoli, hija element li tista’ turi l-eżistenza tal-imsemmija rabta mal-Istat Membru ospitanti ( 54 ). L‑eżerċizzju ta’ impjieg fil-passat, jew saħansitra l-fatt li jkun instab xogħol ġdid wara li tkun saret it-talba għall-għoti ta’ benefiċċji soċjali, għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni għal dan il-għan.

3. Analiżi qasira fir-rigward tal-Artikolu 45 TFUE

112.

Għal kull fini utli, nippreċiża wkoll li jekk il-Qorti tal‑Ġustizzja tħalli lill-qorti tar-rinviju d-dmir li tikklassifika l-benefiċċji ta’ assigurazzjoni bażika skont id-dritt tal-Unjoni u jekk din tal-aħħar tikkunsidra li l-imsemmija benefiċċji kienu intiżi essenzjalment sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol, għandu japplika l-istess raġunament.

113.

Fil-fatt, kif fakkart, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti li ma huwiex “iktar possibbli li jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [45(2) TFUE], li huwa dikjarazzjoni tal‑prinċipju fundamentali ta’ ugwaljanza fit-trattament iggarantit mill‑Artikolu [18 TFUE], benefiċċju ta’ natura finanzjarja intiż sabiex jiffaċilita l-aċċess għall-impjieg fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru” ( 55 ).

114.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fis-sentenza Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344), li huwa “leġittimu li Stat Membru jagħti tali għajnuna biss wara li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta reali bejn il-persuna li qed tfittex ix-xogħol u s-suq tax-xogħol ta’ dak l-Istat” ( 56 ).

115.

Kif indikajt preċedentement, l-eżistenza ta’ tali rabta tista’ tiġi vverifikata, b’mod partikolari, permezz tal-konstatazzjoni li l-persuna inkwistjoni, matul perijodu ta’ żmien raġonevoli, effettivament u realment kienet qed tfittex impjieg fl-Istat Membru inkwistjoni ( 57 ).

116.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, “[i]ċ-ċittadini tal-Istati Membri li qegħdin ifittxu impjieg fi Stat Membru ieħor li stabbilixxew rabtiet reali mas-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat jistgħu jinvokaw l-Artikolu [45(2) TFUE] sabiex jibbenefikaw minn benefiċċju ta’ natura finanzjarja intiż sabiex jiffaċilita l-aċċess għas-suq tax-xogħol” ( 58 ), u huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u, jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali li għandhom jikkonstataw dan.

4. Riflessjoni sussidjarja dwar is-sitwazzjoni ta’ wild ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li mar fi Stat Membru ieħor sabiex ifittex xogħol

117.

Skont l-ispjegazzjoni ġuridika u fattwali tal-qorti tar-rinviju, ladarba N. Alimanovic titqies li hija persuna li qed tfittex xogħol fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2(2) tal-FreizügG/EU mix-xahar ta’ Diċembru 2011, hija tilfet id-dritt personali tagħha, li tirċievi benefiċċji ta’ għajxien għall-persuni qiegħda għal żmien twil. Minħabba dan il‑fatt, l-iżgħar żewġt itfal tagħha, Valentina u Valentino, ukoll tilfu d‑dritt li jirċievu benefiċċju soċjali intiż sabiex jiżguralhom mezzi ta’ għajxien skont is-SGB II, peress li l-punt 2 tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 7(1) tas-SGB II jeskludi mill-benefiċċji tal-għajxien “il‑barranin, nisa u rġiel, li d-dritt ta’ residenza tagħhom huwa ġġustifikat biss, minħabba li qegħdin ifittxu xogħol, u l-membri tal-familja tagħhom” ( 59 ).

118.

Kif indikajt preċedentement, għalkemm il-qorti tar-rinviju llimitat it-tieni u t-tielet domandi tagħha għall-interpretazzjoni tal‑Artikoli 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u 24 tad-Direttiva 2004/38, kif ukoll għall-Artikoli 18 TFUE u 45(2) TFUE, dan il-fatt ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħti l-punti kollha ta’ interpretazzjoni tad‑dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li hija għandha quddiemha, irrispettivament minn jekk din il-qorti tkunx għamlet riferiment għalihom jew le fl-imsemmija domandi.

119.

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li t-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jaħdem jew li ħadem fl-Istat Membru ospitanti u l‑ġenitur li effettivament għandu l-kustodja tagħhom jistgħu jipprevalixxu ruħhom, f’dan l-aħħar Stat, minn dritt ta’ residenza abbażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 waħdu ( 60 ).

120.

Dan id-dritt ta’ residenza tat-tfal huwa kklassifikat mill‑ġurisprudenza bħala “awtonomu” sa fejn huwa marbut biss mad-dritt ta’ aċċess tagħhom għat-tagħlim ( 61 ), peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat espressament li d-Direttiva 2004/38 ma kinitx tissuġġetta d-dritt ta’ residenza tat-tfal li qegħdin jistudjaw u tal-ġenitur li għandu l‑kustodja tagħhom, għall-fatt li dawn tal-aħħar ikollhom riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni medika komprensiva ( 62 ) jew b’mod iktar ġenerali għall-kundizzjonijiet iddefiniti fid-Direttiva 2004/38 ( 63 ).

121.

Konsegwentement, jekk jintwera, liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, li Valentina u Valentino Alimanovic isegwu b’mod regolari l-edukazzjoni tagħhom fi ħdan stabbiliment li jinsab fil‑Ġermanja, huma għandhom — bħall-omm, Nazifa Alimanovic — dritt ta’ residenza fit-territorju Ġermaniż minkejja l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tal‑FreizügG/EU.

122.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-punt 2 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tas-SGB II ma japplikax għas-sitwazzjoni ta’ N. Alimanovic u lanqas għal dik tal-iżgħar żewġt itfal tagħha peress li din id-dispożizzjoni tikkonċerna biss lill-persuni “li d-dritt ta’ residenza tagħhom huwa ġġustifikat biss minħabba li qegħdin ifittxu xogħol, u l-membri tal-familja tagħhom”.

VI – Konklużjonijiet

123.

Id-dritt ta’ moviment u ta’ impjieg huwa libertà fundamentali u assoluta tad-dritt tal-Unjoni. B’dan ikkunsidrat, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li kien neċessarju li d-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal‑Istati Membri jkun irregolat.

124.

Għal dan il-għan, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi, essenzjalment, li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jirrisjedi fit‑territorju ta’ Stat Membru ieħor għal tul ta’ iktar minn tliet xhur jekk huwa impjegat jew jaħdem għal rasu fl-Istat Membru ospitanti, jew jekk huwa għandu, għalih u għall-membri tal-familja tiegħu, riżorsi suffiċjenti sabiex ma jsirx piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal‑Istat Membru ospitanti matul ir-residenza tiegħu, u assigurazzjoni medika komprensiva f’dan l-Istat.

125.

Bħala prova tan-natura fundamentali tal-moviment liberu u tad-dritt ta’ residenza li jirriżulta minnu, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/38 jistabbilixxi b’mod ristrett il-possibbiltajiet ta’ tkeċċija ta’ ċittadin tal‑Unjoni li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq.

126.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari mressqa mill‑Bundessozialgericht kif ġej:

“(1)

L-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id‑Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi ċerti ‘benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus’ fis‑sens tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 883/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 1244/2010, u li jikkostitwixxu wkoll ‘benefiċċju ta’ għajnuna soċjali’ fis-sens tad-Direttiva 2004/38, liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza lil hinn minn tliet xhur sabiex ifittxu xogħol abbażi tal-Artikolu 14(4)(b) tad‑Direttiva 2004/38, minkejja li dawn il-benefiċċji huma żgurati għaċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti li jinsabu fl-istess sitwazzjoni.

(2)

L-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi ċerti ‘benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus’ fis-sens tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 883/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 1244/2010, u li jikkostitwixxu wkoll “benefiċċju ta’ għajnuna soċjali” fis-sens tad-Direttiva 2004/38, b’mod awtomatiku u mingħajr analiżi individwali, liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li qed ifittxu xogħol fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti wara li jkunu daħlu fl-imsemmi suq tax-xogħol, minkejja li dawn il‑benefiċċji huma żgurati għaċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti li jinsabu fl-istess sitwazzjoni.

(3)

F’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, it-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jaħdem jew li kien jaħdem fl-Istat Membru ospitanti u l-ġenitur li effettivament ikollu l-kustodja tagħhom jistgħu jinvokaw, f’dan l-aħħar Stat, dritt ta’ residenza abbażi biss tal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, mingħajr ma tali dritt huwa suġġett għall-kundizzjoni li dawn ikollhom riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni komprensiva kontra l-mard f’dan l‑Istat.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72 u rettifika ĠU L 200, p. 1.

( 3 ) ĠU L 338, p. 35.

( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46 u rettifiki ĠU 2004 L 229, p. 35 u ĠU 2005, L 197, p. 34.

( 5 ) C‑333/13, EU:C:2014:2358.

( 6 ) Jekk dawn id-drittijiet inżammu fil-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Diċembru 2001 sa Mejju 2012, dan kien minħabba l-fatt li l-esklużjoni stabbilita fl‑Artikolu 7 tas-SGB II kienet imwarrba mill-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar l‑Assistenza. L-effetti tal-Artikolu 1 spiċċaw madankollu fid-19 ta’ Diċembru 2011 minħabba r-riżerva maħruġa mir-Repubblika Federali tal‑Ġermanja.

( 7 ) Punti 55 u 93, kif ukoll il-punt 1 tad-dispożittiv.

( 8 ) Fil-bqija tal-analiżi tiegħi, ser ikolli nagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, iċ‑ċittadini ta’ Stat Membru li għadhom kif jaslu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u, min-naħa l-oħra, dawk li diġà ħadmu f’dan l-Istat qabel ma saru ekonomikament inattivi.

( 9 ) Sentenza Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 58).

( 10 ) Sentenza Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 45).

( 11 ) Kif imsejħa fis-SGB II.

( 12 ) Sentenza Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 63), il-Qorti tal-Ġustizzja tikkwota d-definizzjoni mogħtija fil-punt 61 tas-sentenza Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565).

( 13 ) Sentenza Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 67). Jidher li l-espressjonijiet “benefiċċji ta’ għajnuna soċjali” u “benefiċċji soċjali” jintużaw it-tnejn li huma mill-Qorti tal-Ġustizzja mingħajr ma tista’ tiġi identifikata ebda differenza bejniethom. Għalhekk ser nikkunsidrahom sinonimi (ara wkoll, f’dan is-sens, il‑punti 69, 70, 74 u 77 ta’ din is-sentenza).

( 14 ) Ibidem (punt 69). Enfasi miżjuda minni.

( 15 ) Punt 74 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Ara wkoll, f’dan is-sens, il-punti 65 sa 72 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Dano (C‑333/13, EU:C:2014:341).

( 16 ) Punt 47 tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Dan huwa l-Kapitolu 3, kompost mill‑Artikoli 14 sa 18e. Il-qorti tar-rinviju tkompli tiċċita eżempji differenti bħall‑allowance tal-bidu (Artikolu 16b tas-SGB II), il-miżuri ta’ promozzjoni ta’ impjieg (Artikolu 16d tas-SGB II) jew anki l-promozzjoni ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol permezz ta’ sussidji għall-impjegati mħallsa lill-persuni li jimpjegaw (Artikolu 16e tas-SGB II).

( 17 ) C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344.

( 18 ) Ibidem (punt 45).

( 19 ) Sentenza Prete (C‑367/11, EU:C:2012:668, punt 25). Ara wkoll, f’dan is-sens, il‑punt 49 tal-istess sentenza; is-sentenzi Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 37); Collins (C‑138/02, EU:C:2004:172, punt 63); u Ioannidis (C‑258/04, EU:C:2005:559, punt 22).

( 20 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Asociación Profesional de Empresas de Reparto y Manipulado de Correspondencia (C‑220/06, EU:C:2007:815, punt 36).

( 21 ) Punt 41.

( 22 ) Sentenza Asociación Profesional de Empresas de Reparto y Manipulado de Correspondencia (C‑220/06, EU:C:2007:815, punt 36).

( 23 ) C‑409/06, EU:C:2010:38, punt 35.

( 24 ) Punt 60.

( 25 ) Ibidem (punt 61).

( 26 ) C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 63.

( 27 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 28 ) Sentenza Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 64). Enfasi miżjuda minni.

( 29 ) Punt 70.

( 30 ) Sentenza Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 46). Huwa minnu li din il-konstatazzjoni ta’ validità saret fir-rigward tal-Artikoli 12 KE u 39(2) KE (illum l-Artikoli 18 TFUE u 45(2) TFUE). Madankollu, peress li “[k]ull ċittadin tal-Unjoni jista’ […] jinvoka l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità stabbilita fl-Artikolu 18 TFUE fis-sitwazzjonijiet kollha li jifformaw parti mill-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni” [ara l-punt 59 tas-sentenza Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358), enfasi miżjuda minni], jidhirli li l-konstatazzjoni ta’ validità tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tkun limitata biss għas‑sitwazzjoni tal-“ħaddiem”, fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE.

( 31 ) Sentenza Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 77).

( 32 ) Punt 57.

( 33 ) Ibidem (punt 58).

( 34 ) Ibidem (punt 59).

( 35 ) Sentenza Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 60).

( 36 ) Ibidem (punt 61). Enfasi miżjuda minni.

( 37 ) Sentenza N. (C‑46/12, EU:C:2013:97, punt 33).

( 38 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 57).

( 39 ) Sentenza Dano (C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 70).

( 40 ) Ara l-premessa 10 ta’ din id-direttiva.

( 41 ) Punt 78.

( 42 ) Sentenza Alokpa u Moudoulou (C‑86/12, EU:C:2013:645, punt 20)

( 43 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Vol. 1, p. 15.

( 44 ) ĠU L 141, p. 1.

( 45 ) Sentenza Collins (C‑138/02, EU:C:2004:172, punti 31 u 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 46 ) Punti 67 sa 79.

( 47 ) Sentenza Collins (C‑138/02, EU:C:2004:172, punti 30 u 31).

( 48 ) Skont l-Artikolu 7(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/38, iċ-ċittadin tal-Unjoni li ma għadux jaħdem jew ma għadux jaħdem għal rasu jżomm l-istatus ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha “jekk il-persuna kkonċernata spiċċat involontarjament bla xogħol wara li lestiet kuntratt ta’ xogħol għal żmien fiss ta’ inqas minn sena jew wara li spiċċat involontarjament bla xogħol matul l-ewwel tnax-il xahar u rreġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti. F’dan il-każ, l-istatus ta’ ħaddiem għandu jinżamm għal perjodu li mhux inqas minn sitt xhur”.

( 49 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Brey (C‑140/12, EU:C:2013:565, punti 78 u 79).

( 50 ) Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-ispejjeż ta’ manteniment tal-istudenti, is-sentenzi Bidar (C‑209/03, EU:C:2005:169, punt 57) u Förster (C‑158/07, EU:C:2008:630, punt 49). Ara wkoll, fir-rigward ta’ allowances lil żgħażagħ li jkunu qegħdin ifittxu l-ewwel xogħol jew ta’ allowance għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol, is‑sentenzi Collins (C‑138/02, EU:C:2004:172, punt 67), Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 38), kif ukoll Prete (C‑367/11, EU:C:2012:668).

( 51 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prete (C‑367/11, EU:C:2012:668, punt 34 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

( 52 ) Ibidem (punt 50).

( 53 ) Ibidem (punt 51).

( 54 ) Tal-inqas mas-suq tax-xogħol tiegħu. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Collins (C‑138/02, EU:C:2004:172, punt 70); Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 39); kif ukoll Prete (C‑367/11, EU:C:2012:668, punt 46).

( 55 ) Sentenza Prete (C‑367/11, EU:C:2012:668, punt 25). Ara wkoll, f’dan is-sens, il‑punt 49 tal-istess sentenza; is-sentenzi Collins (C‑138/02, EU:C:2004:172, punt 63); Ioannidis (C‑258/04, EU:C:2005:559, punt 22); kif ukoll Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 37).

( 56 ) Punt 38.

( 57 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Collins (C‑138/02, EU:C:2004:172, punt 70), Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 39), kif ukoll Prete (C‑367/11, EU:C:2012:668, punt 46).

( 58 ) Sentenza Vatsouras u Koupatantze (C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 40).

( 59 ) Enfasi miżjuda minni.

( 60 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Ibrahim u Secretary of State for the Home Department (C‑310/08, EU:C:2010:80, punt 59); Teixeira (C‑480/08, EU:C:2010:83, punt 36); kif ukoll Alarape u Tijani (C‑529/11, EU:C:2013:290, punt 26). Id-dispożizzjoni applikabbli f’dawn il-kawżi kienet l-Artikolu 12 tar‑Regolament Nru 1612/68, illum imħassar bir-Regolament Nru 492/2011. Madankollu, il-ġurisprudenza invokata tibqa’ rilevanti għaliex l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament il-ġdid huwa identiku għall-Artikolu 12 iċċitat iktar ’il fuq. Skont l‑ewwel inċiż ta’ dan l-artikolu “t-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li hu jew kien impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandhom ikunu ammessi għall‑korsijiet edukattivi ġenerali, ta’ apprendistat u ta’ taħriġ professjonali ta’ dak l-Istat taħt l-istess kondizzjonijiet bħal ċittadini ta’ dak l-Istat, jekk dawn it-tfal ikunu qegħdin jgħixu fit-territorju tiegħu”.

( 61 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Baumbast u R (C‑413/99, EU:C:2002:493, punt 63); Ibrahim u Secretary of State for the Home Department (C‑310/08, EU:C:2010:80, punt 35); u Teixeira (C‑480/08, EU:C:2010:83, punti 36 u 46).

( 62 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Ibrahim u Secretary of State for the Home Department (C‑310/08, EU:C:2010:80, punti 56 u 59) u Teixeira (C‑480/08, EU:C:2010:83, punt 70).

( 63 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Teixeira (C‑480/08, EU:C:2010:83, punt 61).

Top