EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CC0049

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fil-11 ta’ Novembru 2015.
Finanmadrid EFC SA vs Jesús Vicente Albán Zambrano et.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia n ° 5 de Cartagena.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti – Proċedura għal ordni ta’ ħlas – Proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata – Kompetenza tal-qorti nazzjonali tal-eżekuzzjoni sabiex tqajjem ex officio n-nullità tal-klawżola inġusta – Prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata – Prinċipju ta’ effettività – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni ġudizzjarja.
Kawża C-49/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:746

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fil-11 ta’ Novembru 2015 ( 1 )

Kawża C‑49/14

Finanmadrid EFC SA

vs

Jesús Vicente Albán Zambrano,

María Josefa García Zapata,

Jorge Luis Albán Zambrano,

Miriam Elisabeth Caicedo Merino

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no5 de Cartagena (qorti tal-ewwel istanza nru 5 ta’ Cartagena, Spanja)]

“Direttiva 93/13/KEE — Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal‑konsumaturi — Proċedura għal ordni ta’ ħlas — Proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata — Kompetenza tal-qorti nazzjonali sabiex tqajjem ex officio l-ineffettività ta’ klawżola inġusta waqt l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas — Ordni ta’ ħlas maħruġa mir-reġistratur ta’ qorti — Prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata — Prinċipju ta’ effettività”

I – Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tippermetti lill-Qorti tal‑Ġustizzja tispeċifika l-portata tas-setgħat tal-qorti nazzjonali meta teżamina klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13/KEE ( 2 ).

2.

Il-qorti tar-rinviju, adita b’talba għall-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas, tistaqsi jekk għandhiex tkun hi li tirrileva ex officio l-ineffettività ta’ klawżola inġusta f’kuntratt minkejja li ma jkun sar l-ebda stħarriġ tal‑klawżoli inġusti waqt l-eżami tat-talba għall-ordni ta’ ħlas ( 3 ).

3.

Din il-kwistjoni tikkonċerna l-każ fejn il-proċedura għal ordni ta’ ħlas tkun segwita minn proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, każ li l‑Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-okkażjoni teżamina fil-ġurisprudenza vasta tagħha dwar l-istħarriġ ġudizzjarju tal-klawżoli inġusti.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

4.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

5.

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

B – Id-dritt Spanjol

6.

Il-proċedura għal ordni ta’ ħlas hija rregolata mill-Kodiċi tal‑Proċedura Ċivili (Ley de Enjuiciamiento Civil), tas-7 ta’ Jannar 2000 (BOE n 7, tat-8 ta’ Jannar 2000, p. 575), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima (iktar ’il quddiem, il-“Kodiċi tal-Proċedura Ċivili”).

7.

L-Artikolu 812(1) tal-imsemmi Kodiċi jipprevedi:

“Kull min jitlob lil persuna oħra l-ħlas ta’ dejn pekunjarju dovut, eżiġibbli, ikun xi jkun l-ammont, jista’ jirrikorri għall-proċedura ta’ ordni, sakemm l-ammont ta’ dan id-dejn ikun stabbilit skont dawn il‑modi:

1)

jew permezz tal-preżentazzjoni ta’ dokumenti, taħt kwalunkwe forma, tip jew mezz fiżiku, iffirmati mid-debitur […];

[…]”

8.

L-Artikolu 815(1) u (3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprevedi:

“1.   Jekk id-dokumenti annessi mat-talba […] jikkostitwixxu bidu ta’ prova tad-dritt tal-applikant, ikkonfermat mill-kontenut tat-talba, is‑secretario judicial (reġistratur) għandu jordna lid-debitur iħallas f’terminu ta’ 20 ġurnata u jipprovdi l-provi ta’ dan il-ħlas lill-qorti, jew jidher quddiemha u jindika b’mod qasir, fl-att tal-oppożizzjoni, ir-raġunijiet għalfejn jikkunsidra li ma għandux iħallas, parti jew it-total tal-ammont mitlub.

[…]

3.   Jekk mid-dokumenti annessi mat-talba jirriżulta li l-ammont mitlub ma huwiex eżatt, is-secretario judicial (reġistratur) jinforma lill-qorti dwar dan, li tista’, jekk ikun il-każ, tistieden lill-applikant, permezz ta’ digriet, jaċċetta jew jirrifjuta proposta ta’ ordni ta’ ħlas ta’ ammont inqas minn dak inizjalment mitlub, u li jiġi stabbilit minnha.

[…]”

9.

L-Artikolu 816(1) u (2) tal-istess kodiċi jipprevedi:

“1.   Jekk id-debitur ma jonorax l-ordni ta’ ħlas jew ma jidhirx quddiem it-tribunal, is-secretario judicial (reġistratur) jagħti deċiżjoni mmotivata li tagħlaq il‑proċedura għal ordni ta’ ħlas u jinforma dwar dan lill-kreditur sabiex dan tal-aħħar jitlob l-implementazzjoni tal-eżekuzzjoni, u din issir b’sempliċi talba.

2.   Ladarba l-eżekuzzjoni tiġi implementata, din issir skont ir-regoli applikabbli għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, peress li l‑oppożizzjoni prevista f’dawn il-każijiet tkun tista’ ssir […]

[…]”

10.

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 818(1) tal-imsemmi kodiċi, dwar l-oppożizzjoni tad-debitur, jipprevedi:

“Jekk id-debitur iressaq oppożizzjoni fi żmien utli, il-kawża għandha tiġi deċiża definittivament fi tmiem il-proċedura xierqa u d-deċiżjoni mogħtija ssir res judicata.”

11.

Il-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata hija rregolata mid‑dispożizzjonijiet tal-Ktieb III tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Il‑proċedura prevista għall-eżekuzzjoni ta’ titolu ġudizzjarju jew ta’ arbitraġġ hija distinta minn dik prevista għall-eżekuzzjoni ta’ titoli eżekuttivi oħra.

12.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 552(1) tal-imsemmi kodiċi jippermetti lill-qorti tal-eżekuzzjoni tirrifjuta l-implementazzjoni tal‑eżekuzzjoni meta wieħed mit-titoli eżekuttivi elenkati fl-Artikolu 557(1) jinkludi klawżoli inġusti. L-oppożizzjoni prevista fl-Artikolu 557 tirrigwarda biss it-titoli eżekuttivi mhux ġudizzjarji jew ta’ arbitraġġ.

III – Il-kawża prinċipali

13.

Fid-29 ta’ Ġunju 2006, J. V. Albán Zambrano kkonkluda kuntratt ta’ self ta’ EUR 30,000 ma’ Finanmadrid, sabiex jiffinanzja x-xiri ta’ vettura.

14.

Skont it-termini tal-kuntratt, M. J. García Zapata, J. L. Albán Zambrano u M. E. Caicedo Merino ntrabtu bħala garanti solidali. Il‑kuntratt kien jipprevedi perijodu ta’ self ta’ 84 xahar b’rata ta’ interessi annwali ta’ 7 %, b’rata ta’ interessi moratorji ta’ 1.5 % fix‑xahar u b’penalità għal nuqqas ta’ ħlas ta’ EUR 30 għal kull pagament mhux imħallas.

15.

Peress li J. V. Albán Zambrano waqaf iħallas il-pagamenti fid‑bidu tas-sena 2011, Finanmadrid iddikjarat ir-rexissjoni antiċipata tal‑kuntratt u, fit-8 ta’ Novembru 2011, bdiet proċedura għal ordni ta’ ħlas kontra l-erba’ konvenuti fil-kawża prinċipali, għal ammont ta’ EUR 13,447.01.

16.

Is-secretario judicial (reġistratur tal-qorti tar-rinviju) iddikjara din it-talba ammissibbli, mingħajr ma rreferiha għal qorti. It-talba għal ordni ta’ ħlas, li ġiet innotifikata lil J. V. Albán Zambrano u lil M. J. García Zapata, kienet titlobhom jibagħtu t-talba liż-żewġ konvenuti l-oħra.

17.

Peress li l-konvenuti fil-kawża prinċipali ma segwewx l-ordni ta’ ħlas u lanqas opponewha, is-secretario judicial (reġistratur tal-qorti tar‑rinviju) għalaq il-proċedura għal ordni ta’ ħlas permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ġunju 2012.

18.

Fit-8 ta’ Lulju 2013, Finanmadrid ressqet talba ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni msemmija fil-punt preċedenti quddiem il-Juzgado de Primera Instancia no 5 de Cartagena (qorti tal-ewwel istanza nru 5 ta’ Cartagena).

19.

Fit-13 ta’ Settembru 2013, il-qorti tar-rinviju stiednet lill-partijiet fil-kawża prinċipali jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar in‑natura possibbilment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali ikkonċernati, dwar il-kwistjoni jekk kienx għadu possibbli stħarriġ ġudizzjarji ex officio ta’ dawn il-klawżoli, kif ukoll dwar il-possibbli ksur tad-dritt ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

20.

Kienet biss ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li ppreżentat osservazzjonijiet.

21.

Il-qorti tar-rinviju tindika li, fid-dritt proċedurali Spanjol, il-qorti ma tiġix informata bil-proċedura għal ordni ta’ ħlas, ħlief jekk is‑secretario judicial (reġistratur) iqis li dan ikun opportun jew sakemm id-debituri ma jressqux oppożizzjoni. B’hekk, kif ġara f’dan il-każ, il-qorti tieħu konjizzjoni ta’ din il-proċedura biss fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tas‑secretario judicial. Issa, peress li d-deċiżjoni tas‑secretario judicial hija titolu ġudizzjarju eżekuttiv li għandu l‑awtorità ta’ res judicata, il‑qorti tal-eżekuzzjoni ma tistax teżamina ex officio l-eventwali eżistenza ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratt li wassal għall-proċedura għal ordni ta’ ħlas.

22.

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kwistjoni jekk din il‑leġiżlazzjoni, inkwantu ma tipprevedi l-istħarriġ ex officio tal‑klawżoli inġusti fl-ebda stadju tal-proċedura, hijiex konformi mad‑Direttiva 93/13.

IV – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja

23.

Huwa f’dan il-kuntest li l-Juzgado de Primera Instancia no 5 de Cartagena (qorti tal-ewwel istanza nru 5 ta’ Cartagena) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Id-Direttiva [93/13] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fis-seħħ li tirregola l-proċedura għal ordni ta’ ħlas Spanjola – Artikoli 815 u 816 [tal‑Kodiċi tal-Proċedura Ċivili] – li la tipprevedi b’mod mandatorju l-istħarriġ ta’ klawżoli inġusti u lanqas l-intervent ta’ qorti, sakemm is-secretario judicial (reġistratur) ma jqisx li dan ikun opportun jew sakemm id-debituri ma jressqux oppożizzjoni, sa fejn din tagħmel l-istħarriġ ġudizzjarju ex officio ta’ kuntratti li x’aktarx jinkludu klawżoli abbużivi iktar diffiċli jekk mhux saħansitra impossibbli?

2)

Id-Direttiva [93/13] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-ordinament ġuridiku Spanjol li ma tippermettix l-istħarriġ ex officio [in] limine litis, fi proċedura ta’ implementazzjoni ulterjuri, tat-titolu eżekutorju ġudizzjarju – deċiżjoni motivata mogħtija mis-secretario judicial (reġistratur) li ttemm il-proċedura għal ordni ta’ ħlas –, fejn l-eżistenza ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratt li ta lok għal din id-deċiżjoni motivata li tagħha qed tintalab l-eżekuzzjoni, minħabba li d-dritt nazzjonali jikkunsidra li din saret res judicata (dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 551, 552 u 816(2) [tal‑Kodiċi tal-Proċedura Ċivili])?

3)

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura għal ordni ta’ ħlas u l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-titoli ġudizzjarji, li qatt ma tipprevedi stħarriġ ġudizzjarju matul il-fażi dikjaratorja u li lanqas ma tippermetti, fil-fażi eżekutorja, li l-qorti li quddiemha titressaq il-kawża tistħarreġ id-deċiżjoni motivata diġà mogħtija mis-secretario judicial (reġistratur)?

4)

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix l-istħarriġ ex officio tal-osservanza tad-dritt għal smigħ minħabba li d-deċiżjoni saret res judicata?”

24.

Id-deċiżjoni tar-rinviju, bid-data tat-23 ta’ Jannar 2014, waslet fir‑Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Frar 2014. Il-Gvern Spanjol, dak Ġermaniż u dak Ungeriż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea lkoll ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il-persuni kkonċernati, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Ungeriż, ipparteċipaw ukoll fis-seduta li saret fit-2 ta’ Settembru 2015.

V – Analiżi

A – Osservazzjonijiet preliminari

25.

Id-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju jikkonċernaw l-kompetenzi tal-qorti nazzjonali fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ ordni ta’ ħlas u tal-eżekuzzjoni tagħha, mill-perspettiva kemm tad‑Direttiva 93/13 kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”).

26.

Qabel xejn ser neżamina ż-żewġ domandi li jirrigwardaw id‑Direttiva 93/13, peress li fl-opinjoni tiegħi ż-żewġ domandi dwar l‑interpretazzjoni tal-Karta huma sussidjarji.

27.

Il-proċedura għal ordni ta’ ħlas tikkostitwixxi proċedura li tippermetti lil kreditur jikseb b’mod rapidu u bi ftit formalitajiet titolu eżekuttiv għal debiti mhux ikkontestati. Minkejja li l-modalitajiet preċiżi jvarjaw minn pajjiż għal ieħor, essenzjalment hija proċedura li ma tinvolvi l-ebda dibattitu kontradittorju dwar il-mertu, ħlief fil-każ fejn id-debitur jibdih meta jressaq oppożizzjoni. Dan it-trasferiment tal‑inizjattiva proċedurali fuq il-konvenut – imsejħa l-inverżjoni tal‑kontenzjuż – tfisser li huwa d-destinatarju tal-ordni ta’ ħlas li għandu jibda proċedura kontradittorja sabiex jipprevjeni li din issir eżekuttiva ( 4 ).

28.

Proċedura simili hija prevista fil-livell Ewropew għal ċertu dejn transkonfinali mhux ikkontestat ( 5 ).

29.

L-implikazzjonijiet ta’ dan id-dibattitu jistgħu għalhekk jinġabru fil-qosor hekk: kif jista’ l-istħarriġ ex officio tal-klawżoli inġusti jiġi żgurat fil‑kuntest ta’ tali proċedura ssimplifikata, li ma tipprevedix dibattitu kontradittorju quddiem qorti ħlief f’każ ta’ oppożizzjoni? Il-qorti hija obbligata tipproċedi għal tali stħarriġ ex officio, anki fl-istadju tal‑eżekuzzjoni ta’ ordni, meta ma kinitx mitluba tintervjeni fi stadju preċedenti, minħabba n-nuqqas ta’ oppożizzjoni?

B – Il-portata tas-setgħat tal-qorti waqt l-eżekuzzjoni ta ’ ordni ta ’ ħlas (l-ewwel u t-tieni domandi)

1. Ir-riformulazzjoni tal-ewwel u t-tieni domandi

30.

Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi preliminari, il-qorti tar‑rinviju tistaqsi dwar jekk id-Direttiva 93/13 tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, l-ewwel nett, ma tipprevedix b’mod imperattiv l-istħarriġ ex officio ta’ klawżoli inġusti fl-istadju tal-eżami tat-talba ta’ ordni ta’ ħlas u, it-tieni nett, ma tippermettix tali stħarriġ ex officio fl-istadju tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija ordni ta’ ħlas.

31.

Iż-żewġ domandi huma marbuta mill-qrib, inkwantu jirrigwardaw żewġ proċeduri konsekuttivi intiżi, l-ewwel nett, għall‑adozzjoni, imbagħad għall-eżekuzzjoni, ta’ ordni ta’ ħlas. Il‑kwistjoni tal-istħarriġ tal-klawżoli inġusti fl-istadju tal-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas tqum biss fil-każ fejn tali stħarriġ kellu jiġi żgurat b’mod imperattiv fl-istadju preċedenti, qabel l-adozzjoni tal-ordni, iżda li ma jkunx sar.

32.

Għalhekk, sabiex jiġi analizzat jekk il-mekkaniżmu Spanjol tal‑ordni ta’ ħlas jiżgurax l-effettività tal-protezzjoni prevista bid‑Direttiva 93/13, għandhom jiġu kkunsidrati r-regoli proċedurali rilevanti kollha.

33.

Konsegwentement, m’iniex konvint mill-argument tal-Gvern Ġermaniż, li l-ewwel domanda dwar l-adozzjoni tal-ordni ta’ ħlas hija inammissibbli minħabba l-fatt li l-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju tirrigwarda biss l-istadju tal-eżekuzzjoni ta’ ordni.

34.

Sabiex tingħata risposta utli għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, jeħtieġ għalhekk li jiġi eżaminat jekk id-Direttiva 93/13 tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li ma tipprevedix stħarriġ ex officio tal-klawżoli inġusti fl-istadju tal-eżami tat-talba għal ordni ta’ ħlas, lanqas ma tippermetti lill-qorti inkarigata mill-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas tagħmel tali stħarriġ.

2. Tfakkir tal-ġurisprudenza

35.

Qabel xejn infakkar li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi.

36.

Din hija dispożizzjoni imperattiva li, fir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-persuna professjonista u l-konsumatur, hija intiża sabiex tistabilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn il-partijiet kontraenti ( 6 ).

37.

Fis-sentenza Océano Grupo Editorial ( 7 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan segwit mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13 ma jistax jintlaħaq ħlief jekk il-qorti nazzjonali tingħata s-setgħa li tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali.

38.

Minn din is-sentenza ’l quddiem, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti li r-rwol mogħti lill-qorti nazzjonali fil-qasam inkwistjoni ma huwiex limitat għal sempliċi setgħa, iżda jinkludi wkoll l-obbligu tagħha li tistħarreġ ex officio l-klawżoli inġusti, meta jkollha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan ( 8 ).

39.

Barra minn hekk, il-qorti nazzjonali hija obbligata tieħu miżuri istruttorji sabiex tkun tista’ twettaq dan l-istħarriġ ex officio ( 9 ).

40.

Fis-sentenza Banco Español de Crédito ( 10 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-obbligu ta’ stħarriġ ex officio tal-klawżoli inġusti jestendi wkoll għall-proċedura għal ordni ta’ ħlas, u dan qabel ma l-konsumatur iressaq oppożizzjoni għall-ordni.

41.

Infakkar, f’dan ir-rigward, li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-mekkaniżmi nazzjonali ta’ rkupru ta’ krediti mhux ikkontestati, il‑modalitajiet ta’ implementazzjoni ta’ proċeduri nazzjonali ta’ ordni ta’ ħlas jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku nazzjonali tal-Istati Membri, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, bil‑kundizzjoni madankollu li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza), u li ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill‑konsumaturi mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) ( 11 ).

42.

Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 93/13 tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tippermettix lill-qorti li jkollha quddiemha talba ta’ ordni ta’ ħlas tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola, minkejja li jkollha punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan ir-rigward, u dan fl-assenza ta’ oppożizzjoni mressqa mill‑konsumatur. Din il-konklużjoni hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li, fid-dawl tat-totalità tal-iżvolġiment u tal-karatteristiċi partikolari tal‑proċedura għal ordni ta’ ħlas kif prevista fid-dritt Spanjol, jeżisti riskju mhux żgħir li l-konsumaturi ma jressqux oppożizzjoni ( 12 ).

3. Obbligu ta’ stħarriġ ex officio tal-klawżoli inġusti fl-istadju tal‑eżami tat-talba għal ordni ta’ ħlas

43.

Fl-opinjoni tiegħi, is-sentenza Banco Español de Crédito ( 13 ) għandha tiġi kkunsidrata bħala soluzzjoni ta’ prinċipju li, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas fid-dritt Spanjol, tintroduċi ekwilibriju bejn l-idea li l-qorti għandha tikkumpensa ommissjoni ta’ natura proċedurali ta’ konsumatur li ma jkunx jaf bid-drittijiet tiegħu, u dik li ma għandux isir tajjeb għall-passività totali ta’ dan tal‑aħħar ( 14 ).

44.

B’hekk, ħlief jekk terġa’ tiġi kkunsidrata s-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Banco Español de Crédito, ma tistax tiġi aċċettata l-pożizzjoni tal-Gvern Ġermaniż u ta’ dak Ungeriż, li qorti ma għandhiex tintalab tistħarreġ il-klawżoli inġusti fil-proċedura għal ordni ta’ ħlas meta konsumatur jibqa’ passiv u ma jressaqx oppożizzjoni.

45.

Nosserva wkoll li s-sentenza Banco Español de Crédito hija kompletament rilevanti fil-kawża prinċipali, minkejja li tirrigwarda l‑proċedura għal ordni ta’ ħlas kif kienet qabel ir-riforma li saret fid‑dritt Spanjol fl-2009 ( 15 ).

46.

Fil-fatt, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-għan ta’ din ir‑riforma kien li l-kompetenza ġudizzjarja relatata mal-proċedura għal ordni ta’ ħlas tiġi ttrasferita lir-reġistratur tal-qorti, is-secretario judicial, b’tali mod li minn dakinhar ’il quddiem il-qorti ma tintervjenix fil-proċedura ħlief jekk is-secretario judicial iqis li dan ikun opportun jew jekk id-debitur iressaq oppożizzjoni, u b’hekk jibdew il‑proċedura ordinarja.

47.

Fl-opinjoni tiegħi, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rwol ta’ qorti fl-istħarriġ tal-klawżoli inġusti għandha tiġi estiża għall-korpi oħra tal-qrati, bħar-reġistraturi, meta l‑kompetenzi li jinvolvu direttament l-implementazzjoni tad‑Direttiva 93/13 ikunu ġew ittrasferiti lilhom.

48.

Dan huwa l-każ f’din il-kawża, peress li s-secretario judicial (reġistratur) ingħata l-kompetenza li jadotta deċiżjonijiet li, bis-saħħa tad-dritt proċedurali Spanjol, jipproduċu effetti analogi għal dawk ta’ deċiżjoni ġudizzjarja.

49.

Peress li, fid-dritt Spanjol, il-kompetenza sabiex tiġi eżaminata t‑talba għal ordni ta’ ħlas u sabiex jiġu adottati d-deċiżjonijiet assimilati għal deċiżjonijiet ġudizzjarji issa hija mogħtija lis-secretario judicial (reġistratur), il‑leġiżlazzjoni nazzjonali għandha timponi fuqu l-obbligu li jqajjem ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u, f’każ ta’ dubju, li jirreferi l-każ lil qorti, u dan jippermetti l-eżami ta’ klawżola kuntrattwali matul proċedura b’konformità mal-prinċipju tal‑kontradittorju ( 16 ).

50.

Il-kawża prinċipali f’dan ir-rigward hija differenti minn dik li waslet għas-sentenza reċenti ERSTE Bank Hungary ( 17 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, billi ispirat ruħha mill-proposta tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón, li l-ġurisprudenza relatata mal-istħarriġ ex officio tal-klawżoli inġusti ma hijiex applikabbli għan-nutara, fid-dawl tad-differenzi fundamentali bejn il-funzjonijiet ta’ qorti u dawk ta’ nutar.

51.

Fil-fatt, bid-differenza ta’ nutar, l-uniku rwol li għandu s‑secretario judicial (reġistratur) huwa li jikkontribwixxi għall-eżerċizzju tal‑ġustizzja, peress li huwa assenjat ma’ qorti u jaġixxi taħt il-kontroll tagħha.

52.

Issa, l-Istat Membru ma jistax jabdika mill-obbligu tiegħu li jiżgura l-istħarriġ ex officio tal-klawżoli inġusti fil-proċedura għal ordni ta’ ħlas billi jittrasferixxi lir-reġistratur ta’ qorti l-kompetenza sabiex tiġi adottata ordni ta’ ħlas. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tissuġġetta tali organu għall-obbligu li jeżerċita l-imsemmi stħarriġ ex officio u li jressaq il-kawża quddiem qorti, f’każ ta’ dubju.

4. Obbligu ta’ stħarriġ ex officio tal-klawżoli inġusti fl-istadju tal‑eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas

53.

Imbagħad għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni, essenzjali għall‑finijiet ta’ din il-kawża, dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandhiex tippermetti wkoll lill-qorti tal-eżekuzzjoni li tistħarreġ l‑klawżoli inġusti, fil-każ fejn tali stħarriġ ma seħħx fl-istadju tal-eżami tat-talba għal ordni ta’ ħlas.

54.

Jiena nara diversi raġunijiet li għalihom ma jidhirx mixtieq, fil‑prinċipju, li jkun previst tali stħarriġ ex officio fl-istadju tal‑eżekuzzjoni.

55.

L-ewwel nett, il-proċedura ta’ eżekuzzjoni ftit hija adattata għall‑eżami tal-fondatezza tal-allegazzjonijiet. Il-qorti, jekk tintervjeni f’din il-proċedura, rarament ikollha l-elementi fattwali meħtieġa sabiex jiġu eżaminati l-klawżoli kuntrattwali u għalhekk tkun regolarment obbligata tadotta miżuri istruttorji sabiex tiksibhom.

56.

It-tieni nett, meta l-proċedura hija intiża sabiex teżegwixxi ordni ddikjarata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, l-istħarriġ tal-klawżoli inġusti għandu mnejn imur kontra l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata.

57.

It-tielet nett, is-soluzzjoni li titlob lill-qorti tistħarreġ il-klawżoli inġusti waqt l-eżekuzzjoni ta’ titolu li jirriżulta mill-proċedura għal ordni ta’ ħlas hija diffiċilment rikonċiljabbli mal-mudell imfassal mill‑atti tad-dritt tal-Unjoni li jistabbilixxu l-proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas kif ukoll it-titolu eżekuttiv Ewropew għad-dejn mhux ikkontestat.

58.

Fil-kuntest tal-proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas, ordni ta’ ħlas Ewropea ma tista’ tiġi riveduta taħt l-ebda ċirkustanza għal dak li jirrigwarda l-mertu tagħha fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ( 18 ). L-istess japplika, għat-titolu eżekuttiv Ewropew, fil-kuntest tas-sistema Ewropea tal‑eżekuzzjoni tad-dejn mhux ikkontestat ( 19 ).

59.

Peress li l-istħarriġ ex officio tal-klawżoli inġusti huwa espliċitament eskluż waqt l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas jew ta’ titolu eżekuttiv Ewropew minn Stat Membru ieħor u li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistemi Ewropej iċċitati iktar ’il fuq, jidher li ftit huwa koerenti li jiġi previst tali stħarriġ waqt l-eżekuzzjoni tal-ordnijiet li jaqgħu purament taħt id-dritt nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 20 ).

60.

Filwaqt li l-valur ta’ dawn l-argumenti, imressqa mill-Gvern Spanjol, dak Ġermaniż u dak Ungeriż huwa aċċettat, madankollu xorta nqis li l-kunsiderazzjoni dwar l-effettività tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13 għandha tipprevalixxi fil-każ fejn l-obbligu ta’ stħarriġ ex officio tal‑klawżoli inġusti ma ġie previst, fid-dritt nazzjonali, fl-ebda stadju tal‑proċedura konsekuttiva għat-talba għal ordni ta’ ħlas.

61.

Dan ma huwiex każ li jiġu rrimedjati l-eventwali ommissjonijiet li jseħħu fil-kuntest tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas, iżda li tiġi solvuta problema sistematika, skont il-kunsiderazzjoni li l-istħarriġ ex officio tal-klawżoli inġusti għandu jkun previst f’wieħed mill-istadji tal‑proċedura relatata mal-adozzjoni u mal-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas.

62.

B’hekk, bħala eċċezzjoni u fin-nuqqas ta’ soluzzjoni aħjar, meta r-regoli ta’ proċedura nazzjonali ma pprevedewx tali stħarriġ ex officio fl-ebda stadju preċedenti, għandha tkun il-qorti ta’ eżekuzzjoni li tiżgura dan l-istħarriġ fl-aħħar istanza.

63.

Dan jidher li huwa l-każ fil-kawża prinċipali, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

64.

Fil-fatt, minkejja li l-Gvern Spanjol jispjega li l-proċedura għal ordni ta’ ħlas qed tiġi emendata sabiex tieħu inkunsiderazzjoni s‑sentenza Banco Español de Crédito ( 21 ) u li, wara din ir-riforma, is‑secretario judicial ser ikun obbligat, qabel ma jiddikjara ordni ta’ ħlas, li jinforma lill-qorti dwar talbiet li jirrigwardaw kuntratti ma’ konsumaturi, sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tistħarreġ il-klawżoli inġusti, dan il-gvern jindika wkoll li tali riforma għadha ma daħlitx fis‑seħħ ( 22 ).

65.

Barra minn hekk, anki jekk jingħad li, kif isostni l-Gvern Spanjol, ir‑regoli l-ġodda, de facto, diġà qed jiġu applikati minn meta ngħatat is-sentenza Banco Español de Crédito u li, konsegwentement, is‑secretarios judiciales (reġistraturi) jinformaw lill-qrati bit-talbiet ta’ ftuħ ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas li jirrigwardaw kuntratti ma’ konsumaturi, jibqa’ l-fatt li tali applikazzjoni de facto ma hijiex suffiċjenti sabiex tiżgura l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet li jirriżultaw mid‑Direttiva 93/13. Fi kwalunkwe każ, kif jammetti l-Gvern Spanjol fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-proċedura għal ordni ta’ ħlas fil-kawża prinċipali kienet preċedenti għad-data tal-għoti tas-sentenza Banco Español de Crédito.

66.

Fl-opinjoni tiegħi, f’tali sitwazzjoni kkaratterizzata mill-assenza ta’ kwalunkwe stħarriġ ex officio tal-klawżoli inġusti f’xi mument tal‑proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-ordni ta’ ħlas, ir-rekwiżit tal‑protezzjoni effettiva tad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13 għandu jipprevalixxi fuq l-argumenti ta’ ordni prattika li jimmilitaw kontra l-ammissjoni ta’ tali stħarriġ fl-istadju tal-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas.

67.

Madankollu għad għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk stħarriġ ex officio tal-klawżoli inġusti fl-istadju tal-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas imurx kontra l-prinċipju tar-res judicata li jirriżulta mir‑regoli tad-dritt proċedurali Spanjol, li jagħtu lil deċiżjoni tas‑secretario judicial (reġistratur) l-istess effetti bħal dawk ta’ deċiżjoni ġudizzjarja.

68.

Infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli proċedurali nazzjonali li jikkonferixxu l-awtorità tar‑res judicata lil deċiżjoni, anki jekk dan kien jippermetti li jingħata rimedju għal ksur, bid-deċiżjoni inkwistjoni, ta’ dispożizzjoni, tkun xi tkun in-natura tagħha, tad-dritt tal-Unjoni ( 23 ).

69.

Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-prinċipju tal-awtorità tar-res judicata jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku nazzjonali tal-Istati Membri bis-saħħa tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn il-modalitajiet għandhom josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ( 24 ).

70.

F’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ ekwivalenza, l-ebda element fil-kawża prinċipali ma jippermetti li jiġi konkluż li l-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-prinċipju tal-awtorità tar-res judicata fid-dritt Spanjol fil-kawżi relatati mad-Direttiva 93/13 huma inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

71.

F’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, skont il‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id‑dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem il-varji istanzi nazzjonali ( 25 ).

72.

Nosserva li l-għoti tal-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni li tirrigwarda ordni ta’ ħlas tista’ tqajjem mistoqsijiet, inklużi meta tali deċiżjoni hija adottata minn qorti, u mhux, bħal f’dan il-każ, mir-reġistratur ta’ qorti. Dawn id-dubji jirriżultaw b’mod partikolari mill‑fatt li l-proċedura għal ordni ta’ ħlas ma timplika l-ebda eżami kontradittorju tat-talba u tqiegħed oneru kunsiderevoli fuq il-konvenut, billi tagħtih ir-responsabbiltà li jiftaħ id-dibattitu kontradittorju ( 26 ).

73.

B’hekk, f’din il-kawża, id-deċiżjoni tas-secretario judicial (reġistratur) li permezz tagħha ngħalqet il-proċedura għal ordni ta’ ħlas saret definittiva bis-sempliċi fatt li l-konsumaturi ma ressqux oppożizzjoni għall-ordni fit-terminu previst għal dan il-għan u li s-secretario judicial (reġistratur) ma qiesx opportun li jressaq il-kawża quddiem qorti. F’dan ir-rigward, mill‑modalitajiet tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas jirriżulta li s‑secretario judicial illimita ruħu li jwettaq stħarriġ formali tat‑talba skont l-Artikolu 185(1) u (3) tal-Kodiċi tal‑Proċedura Ċivili. Ma huwiex kompitu tiegħu li jevalwa l-kontenut tal-klawżoli tal‑kuntratt, u lanqas li jinforma lill-qorti b’dan il-kontenut.

74.

Issa, dawn ir-regoli proċedurali għandhom l-effett li mhux biss jagħtu lir-reġistratur ta’ qorti l-kompetenza sabiex dan jadotta ordni ta’ ħlas, minkejja li huwa ma għandux setgħa li jistħarreġ il-klawżoli inġusti, iżda jagħtu, barra minn hekk, l-awtorità ta’ res judicata lid‑deċiżjonijiet tiegħu, fatt li jagħmel impossibbli l-istħarriġ ta’ klawżoli inġusti fl-istadju tal-eżekuzzjoni ta’ ordni.

75.

Fl-opinjoni tiegħi, tali modalitajiet tal-implementazzjoni tal‑prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata fil-kuntest tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas imorru kontra l-prinċipju ta’ effettività, inkwantu jipprekludu lill-qorti nazzjonali milli tiżgura l-applikazzjoni effettiva tal‑Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13.

76.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tal-eżekuzzjoni li għandha tiżgura protezzjoni effettiva tad-drittijiet li jirriżultaw mid‑Direttiva 93/13, billi twarrab ir-regola tad-dritt nazzjonali li tagħti l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni, adottata mir-reġistratur ta’ qorti, li tirrigwarda ordni ta’ ħlas.

77.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi li r‑risposta għall-ewwel u t-tieni domandi preliminari tal-qorti tar-rinviju tkun li d-Direttiva 93/13, b’mod partikolari l-Artikoli 6 u 7 tagħha, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, minkejja li ma tipprevedix l‑obbligu li titqajjem ex officio l-ineffettività ta’ eventwali klawżola inġusta fl-istadju tal-eżami tat-talba għal ordni ta’ ħlas, li ssir quddiem ir‑reġistratur ta’ qorti, lanqas tippermetti lill-qorti responsabbli mill‑eżekuzzjoni tal-imsemmija ordni ta’ ħlas li tqajjem ex officio din l-ineffettività.

C – Fuq il-kompatibbiltà tar-regoli proċedurali kkonċernati mal‑Karta (it-tielet u r-raba ’ domandi)

78.

Permezz tat-tielet u tar-raba’ domandi preliminari tagħha, il-qorti tar‑rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tar-regoli ta’ dritt proċedurali Spanjol mad-drittijiet fundamentali stabbiliti bil-Karta u, iktar preċiżament, mad-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta.

79.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu l-proposta tiegħi dwar l-ewwel żewġ domandi, ma tibqax il-ħtieġa li jingħataw risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar il-Karta. Fil-fatt, mill-proposta tiegħi jirriżulta li l-qorti nazzjonali għandha l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli nazzjonali kkonċernati, mingħajr il-ħtieġa li teżamina l‑kompatibbiltà tagħhom mal-Artikolu 47 tal-Karta.

80.

Minkejja dan, ser nitratta fil-qosor il-kwistjoni tal-konformità mar-rekwiżiti tal-Karta f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tapplika soluzzjoni differenti.

81.

Fir-rigward qabelxejn tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, il‑Gvern Ġermaniż isostni li r-regoli ta’ dritt proċedurali Spanjol ikkonċernati f’dan il-każ jaqgħu fil-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tad-dritt nazzjonali, b’tali mod li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta.

82.

Jiena ma nistax naqbel ma’ din il-pożizzjoni.

83.

Il-qorti nazzjonali għandha tosserva r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif iggarantita mill-Artikolu 47 tal-Karta, fil‑kuntest ta’ kull kawża ġudizzjarja li għandha bħala għan il‑protezzjoni tad-drittijiet mogħtija lil parti fil-kawża permezz tad-dritt tal‑Unjoni ( 27 ).

84.

Din il-kunsiderazzjoni hija marbuta mal-fatt li l-protezzjoni tad‑drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni tistrieħ, b’mod ġenerali fuq ir-rimedji ġudizzjarji previsti fid-dritt nazzjonali. Li kieku l-Istati Membri jistgħu jiskartaw l-obbligu li josservaw l-Artikolu 47 tal‑Karta billi jinvokaw il-prinċipju tal-awtonomija tad-dritt proċedurali nazzjonali, il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni ssir mingħajr skop.

85.

Nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-okkażjoni li tikkjarifika l-artikolazzjoni bejn ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill‑Artikolu 47 tal-Karta u dawk, qrib ħafna, li jirriżultaw mill‑prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Fil-fatt, dan it-tieni prinċipju, b’mod partikolari, huwa tradott, min-naħa tiegħu, fl-obbligu ġenerali li għandhom l-Istati Membri li jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, tista’ tqum il‑kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 47 tal-Karta għandux jingħaqad mal-prinċipju ta’ effettività jew jekk jissostitwihx ( 28 ).

86.

Minkejja din l-eżitazzjoni, ma hemm l-ebda dubju li l-Istati Membri huma obbligati jiżguraw l-osservanza tal-Artikolu 47 tal-Karta anki fil-qasam tad-dritt proċedurali.

87.

B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita li tikkonċerna l‑applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża għandhom bis‑saħħa ta’ din id-direttiva kontra l-użu ta’ klawżoli inġusti jimplika rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja, stabbilita wkoll fl-Artikolu 47 tal‑Karta, li l-qorti nazzjonali għandha l-obbligu li tosserva ( 29 ).

88.

Sabiex immorru lura għad-domandi relatati mal-interpretazzjoni tal-Karta mqajma mill-qorti tar-rinviju, din tistaqsi, permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, jekk il-Karta tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ fejn il-konvenut ma jressaq l-ebda oppożizzjoni, ma tipprevedix stħarriġ ġudizzjarju tal-mertu tal-pretensjonijiet la fl-istadju tal-eżami tal-ordni ta’ ħlas, u lanqas fl-istadju tal-eżekuzzjoni tagħha. Permezz tar-raba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tistaqsi jekk il-Karta tipprekludix leġiżlazzjonali nazzjonali li ma tippermettix lill-qorti tal-eżekuzzjoni tistħarreġ ex officio l-osservanza tad-dritt għal smigħ fil-kuntest ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas.

89.

F’dan ir-rigward, minkejja li diġà kkonkludejt li d‑Direttiva 93/13 u l-prinċipju ta’ effettività jipprekludu r-regoli nazzjonali inkwistjoni, tali konklużjoni ma tistax, fl-opinjoni tiegħi, tiġi misluta biss mill-Artikolu 47 tal-Karta.

90.

Din id-diverġenza tispjega ruħha bil-fatt li l-livell tal-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-konsumaturi għandhom bid-Direttiva 93/13 huwa iktar wiesa’ minn dak li jirriżulta, għall-partijiet kollha f’kawża ċivili li tinvolvi d-dritt tal-Unjoni, mill-Artikolu 47 tal-Karta.

91.

B’hekk, kif tindika ġustament il-Kummissjoni, l-Artikolu 47 tal‑Karta ma jipprekludix, b’mod ġenerali, li ċerti deċiżjonijiet li jaqgħu fl-eżerċizzju tal-funzjoni ġudizzjarja jingħataw minn korp mhux ġudizzjarju, peress li dawn id-deċiżjonijiet jistgħu a posteriori jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju. Min-naħa l-oħra, id-dritt mogħti lil tribunal stabbilit permezz tal-imsemmi Artikolu 47 ma jinkludix, bħala tali, ir-rekwiżit ta’ eżami ex officio minn qorti sabiex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet li l-partijiet għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni.

92.

Ir-rekwiżit ta’ stħarriġ ex officio hija partikolarità tat-tilwim ikkaratterizzat minn nuqqas ta’ ekwilibriju bejn il-partijiet. F’dan il-każ, dan ir-rekwiżit jista’ jirriżulta biss mill-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumatur prevista fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13.

93.

B’hekk, fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 47 tal-Karta ma jipprekludix proċedura nazzjonali ssimplifikata li ma tipprevedix l‑eżami tal-mertu tal-pretensjonijiet ħlief fil-każ ta’ oppożizzjoni mill‑konvenut u li għalhekk ma tippermettix lill-qorti tipproċedi bl‑eżami ex officio ta’ klawżoli inġusti fl-assenza ta’ kwalunkwe oppożizzjoni. Barra minn hekk, l-imsemmi Artikolu 47 ma jipprekludix regola proċedurali li timpedixxi lill-qorti tal-eżekuzzjoni milli tqajjem ex officio ksur tad-drittijiet tad-difiża li jirriżultaw min-notifika irregolari, fl-assenza ta’ oppożizzjoni tal-konvenut.

94.

F’dan ir-rigward infakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma huwiex prerogattiva assoluta u jista’ jkollu xi restrizzjonijiet. Fil‑ġurisprudenza tagħha relatata mal-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 ( 30 ), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat il-possibbiltà li jissoktaw il-proċeduri mingħajr l-għarfien tal-konvenut, sakemm ikunu saru t‑tfittxijiet kollha mitluba skont il-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ bona fide sabiex jinstab il-konvenut, filwaqt li jiġi kkunsidrat li dan tal-aħħar jista’ mbagħad jopponi r-rikonoxximent tas-sentenza ( 31 ).

95.

Ikun hemm bżonn ta’ soluzzjoni oħra jekk il-konvenut ma jkollux rimedju effettiv li jippermettilu jopponi l-ordni, pereżempju, minħabba l-modalitajiet restrittivi tal-kalkolu tat-terminu mogħti sabiex titressaq oppożizzjoni ( 32 ), l-ispiża għolja wisq tal-proċedura jew l-assenza stess ta’ proċedura li tippermetti li tiġi eżaminata mill‑ġdid ordni ta’ ħlas adottata mingħajr l-għarfien tal-konvenut ( 33 ).

96.

Issa, id-deċiżjoni tar-rinviju ma għandhiex biżżejjed elementi sabiex jiġu mwieġba dawn il-mistoqsijiet. B’mod partikolari, minkejja li l-qorti tar-rinviju tidher tikkunsidra li l-proċedura għal ordni ta’ ħlas tinkludi, f’dan il-każ, notifika irregolari, hija ma tispjegax f’hiex tikkonsisti din l-irregolarità u ma tindikax jekk hemmx rimedji ġudizzjarji li jippermettu lill-partijiet ikkonċernati jopponu l‑eżekuzzjoni, meta finalment isiru jafu bid-deċiżjoni meħuda mingħajr ma kienu jaf biha.

97.

Konsegwentement nikkunsidra li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tasal sabiex tirrispondi t-tielet u r-raba’ domandi preliminari, ir-risposta għandha tkun li l-Artikolu 47 tal-Karta ma jopponix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi lill-qorti tal-eżekuzzjoni milli tistħarreġ ex officio t-titolu eżekuttiv u li tqajjem ex officio l-ksur tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas, bil-kundizzjoni li l-konvenut ikollu rimedju effettiv li jippermettilu jopponi l-ordni ta’ ħlas u li jsostni ksur eventwali tad‑drittijiet tad-difiża tiegħu.

VI – Konklużjoni

98.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Juzgado de Primera Instancia no 5 de Cartagena (qorti tal-ewwel istanza nru 5 ta’ Cartagena) bil-mod segwenti:

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal‑konsumatur, kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali relatata mal-proċedura għal ordni ta’ ħlas li, filwaqt li ma tipprevedix l‑obbligu li titqajjem ex officio l-ineffettività ta’ eventwali klawżola inġusta fl-istadju tal-eżami tat-talba għal ordni ta’ ħlas, li ssir quddiem ir‑reġistratur ta’ qorti, lanqas ma tippermetti lill-qorti inkarigata bl‑eżekuzzjoni ta’ ordni tqajjem ex officio din l-ineffettività.


( 1 )   Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 )   Direttiva tal-Kunsill tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal‑konsumatur (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

( 3 )   Kwistjoni simili tqajmet, mill-istess qorti Spanjola, fil-Kawża Aktiv Kapital Portfolio Investment (C-122/14, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja).

( 4 )   Ara, għal analiżi komparattiva fi żmien id-diskussjoni dwar il-proċedura Ewropea f’dan il-qasam, ir-rapport ta’ E. Serverin, “Des procédures de traitement judiciaire des demandes de faible importance ou non contestées dans les droits des États membres de l’Union européenne”, p. 27-28 (http://ec.europa.eu/civiljustice), kif ukoll il-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas [COM(2002) 746 tal-20 ta’ Diċembru 2002, p. 11-12].

( 5 )   Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU L 399, p. 1).

( 6 )   Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Mostaza Claro (C‑168/05, EU:C:2006:675, punt 36) u Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 30).

( 7 )   C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punti 2628.

( 8 )   Sentenzi Mostaza Claro (C‑168/05, EU:C:2006:675, punt 38); Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 32), kif ukoll Pannon GSM (C‑243/08, EU:C:2009:350, punt 32).

( 9 )   Ara s-sentenzi VB Pénzügyi Lízing (C‑137/08, EU:C:2010:659, punt 56); Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 44), u Banif Plus Bank (C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 24).

( 10 )   C‑618/10, EU:C:2012:349, punti 5354.

( 11 )   Ibidem, punt 46.

( 12 )   Ibidem, punt 57.

( 13 )   C‑618/10, EU:C:2012:349.

( 14 )   Ara, għal artikulazzjoni bejn dawn iż-żewġ ideat, is-sentenza Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 47).

( 15 )   Bis-saħħa tal-Liġi 13/2009 dwar ir-riforma tal-leġiżlazzjoni proċedurali fid-dawl tal-introduzzjoni ta’ reġistru ġdid (Ley 13/2009 de reforma de la legislación procesal para la implantación de la nueva oficina judicial), tat-3 ta’ Novembru 2009 (BOE no266, tal-4 ta’ Novembru 2009, p. 92103).

( 16 )   Dan il-prinċipju jitlob, bħala regola ġenerali, lill-qorti nazzjonali li tkun ikkonstatat ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tinforma b’dan lill-partijiet fit-tilwima u li tagħtihom il-possibbiltà jiddiskutuha b’mod kontradittorju skont il‑formalitajiet previsti f’dan ir-rigward mir-regoli proċedurali nazzjonali. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Banif Plus Bank (C‑472/11, EU:C:2013:88, punti 17 sa 36).

( 17 )   C‑32/14, EU:C:2015:637, punti 4748.

( 18 )   Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 1896/2006.

( 19 )   Artikolu 21(2) tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38).

( 20 )   Nosserva, de lege ferenda, li huwa mixtieq li jiġi emendat ir-Regolament Nru 1896/2006, li potenzjalment ikopri d-dejn li jirriżulta minn kuntratti ma’ konsumaturi, sabiex jipprevedi espliċitament l-istħarriġ ex officio ta’ klawżoli inġusti fl-istadju tal-adozzjoni ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea.

( 21 )   C‑618/10, EU:C:2012:349.

( 22 )   Nosserva li l-Liġi 42/2015 dwar riforma tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Ley 42/2015 de reforma de la Ley de Enjuiciamiento Civil), tal‑5 ta’ Ottubru 2015 (BOE no239, tas-6 ta’ Ottubru 2015, p. 90240) ġiet adottata ftit taż-żmien wara s-seduta li saret f’din il-kawża. Madankollu, mid‑dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Liġi 42/2015 jirriżulta li r-riforma ma affetwatx il-proċeduri ta’ ordni ta’ ħlas – bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali – magħluqa qabel id-dħul fis-seħħ tagħha.

( 23 )   Sentenzi Kapferer (C‑234/04, EU:C:2006:178, punt 21), u Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 37). Ara, għal analiżi tat‑tensjoni bejn il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali u l-mekkaniżmi tad-dritt tal-Unjoni li jippermettu li tiġi limitata s-saħħa vinkolanti tas-sentenzi definittivi fid-dritt nazzjonali, M. Taborowski, Konsekwencje naruszenia prawa Unii Europejskiej przez sądy krajowe (Il-konsegwenzi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mill-qrati nazzjonali), Lex – Wolters Kluwer, Varsavja 2012, p. 259 et seq.

( 24 )   Sentenza Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 38 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

( 25 )   Sentenzi Peterbroeck (C‑312/93, EU:C:1995:437, punt 14) u Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 39).

( 26 )   Ara, għal riflessjoni kritika fuq din il-kwistjoni, il-Green Paper tal-Kummissjoni [dokument COM(2002)746, mistoqsijiet 23 sa 26].

( 27 )   Ara, f’dan is-sens, is-sentenza DEB (C‑279/09, EU:C:2010:811, punti 2829). Ara wkoll, a contrario, is-sentenza Torralbo Marcos (C‑265/13, EU:C:2014:187, punt 34) u d-digriet Sociedade Agrícola e Imobiliária da Quinta de S. Paio (C‑258/13, EU:C:2013:810, punt 23).

( 28 )   Ara, fir-rigward tal-artikolazzjoni bejn dawn il-prinċipji, il-Konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Bot fil-Kawża Agrokonsulting-04 (C‑93/12, EU:C:2013:172, punt 30), il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-Kawża E.ON Földgáz Trade (C‑510/13, EU:C:2014:2325, punt 43), u l-Konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Jääskinen fil-Kawża Orizzonte Salute (C‑61/14, EU:C:2015:307, punt 24).

( 29 )   Ara s-sentenzi Banif Plus Bank (C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 29); Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 35), kif ukoll Kušionová (C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 47).

( 30 )   Regolament tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

( 31 )   Sentenzi Gambazzi (C‑394/07, EU:C:2009:219, punt 29) u Hypoteční banka (C‑327/10, EU:C:2011:745, punt 50).

( 32 )   Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża BBVA (C‑8/14, EU:C:2015:321, punti 54 sa 67).

( 33 )   B’hekk, pereżempju, fl-istruttura tar-Regolament Nru 1896/2006, l-assenza ta’ notifika korretta tista’ twassal għall-eżami mill-ġdid tal-ordni ta’ ħlas Ewropew quddiem il-qorti kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini (Artikolu 20).

Top