This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CC0008
Opinion of Advocate General Szpunar delivered on 13 May 2015.#BBVA SA v Pedro Peñalva López and Others.#Request for a preliminary ruling from the Juzgado de Primera Instancia n° 4 de Martorell.#Reference for a preliminary ruling — Directive 93/13/EEC — Mortgage loan agreement — Unfair terms — Enforcement proceedings — Opposition — Time limits.#Case C-8/14.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fit-13 ta’ Mejju 2015.
BBVA SA, anciennement Unnim Banc SA vs Pedro Peñalva López et.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia n° 4 de Martorell.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Kuntratt ta’ self ipotekarju – Klawżoli inġusti – Proċedura ta’ sekwestru – Kwistjoni ta’ oppożizzjoni – Termini ta’ dekadenza.
Kawża C-8/14.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fit-13 ta’ Mejju 2015.
BBVA SA, anciennement Unnim Banc SA vs Pedro Peñalva López et.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia n° 4 de Martorell.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Kuntratt ta’ self ipotekarju – Klawżoli inġusti – Proċedura ta’ sekwestru – Kwistjoni ta’ oppożizzjoni – Termini ta’ dekadenza.
Kawża C-8/14.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:321
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fit-13 ta’ Mejju 2015 ( 1 )
Kawża C‑8/14
BBVA SA, li kienet Unnim Banc SA,
vs
Diego Fernández Gabarro,
Pedro Peñalva López,
Clara López Durán
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no 4 de Martorell (Spanja)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Self ipotekarju — Proċedura ta’ eżekuzzjoni — Oppożizzjoni — Terminu ta’ dekadenza ta’ xahar mill-jum wara l-pubblikazzjoni ta’ liġi — Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività”
I – Introduzzjoni
1. |
Il-Juzgado de Primera Instancia no 4 de Martorell (qorti tal-ewwel istanza Nru 4 ta’ Martorell, Spanja) essenzjalment tixtieq tkun taf jekk il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni jipprekludux dispożizzjoni nazzjonali tranżitorja li tissuġġetta lill-konsumaturi għal terminu ta’ dekadenza ta’ xahar, li jibda jiddekorri mill-jum wara l-pubblikazzjoni tal-liġi li fiha tinsab din id-dispożizzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat, sabiex iressqu oppożizzjoni bbażata fuq in-natura allegatament inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali fil-kuntest ta’ sekwestru ipotekarju pendenti. |
2. |
Din id-domanda tiżdied mal-lista twila ta’ domandi magħmula fil-kuntest ta’ rinviji għal deċiżjoni preliminari dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet nazzjonali Spanjoli relatati mal-proċeduri ta’ sekwestru ipotekarju li bdiet bis-sentenza Aziz ( 2 ). |
3. |
Il-kawża preżenti għalhekk toffri l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża l-ġurisprudenza tagħha dwar termini raġonevoli fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi. |
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
4. |
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi ( 3 ): “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.” |
5. |
L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jiddisponi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.” |
B – Id-dritt Spanjol
6. |
Id-Direttiva 93/13 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Spanjol bil-Liġi 7/1998, dwar il-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti (Ley 7/1998 sobre condiciones generales de la contratación), tat-13 ta’ April 1998 ( 4 ) u bid-Digriet Rjali Leġiżlattiv 1/2007, li jirrevedi l-liġi ġenerali dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti u liġijiet komplementari oħrajn (Real Decreto Legislativo 1/2007, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios y otras leyes complementarias), tas-16 ta’ Novemberu 2007 ( 5 ). |
7. |
Il-Liġi 1/2013, dwar miżuri li jsaħħu l-protezzjoni tad-debituri ipotekarji, ir-ristrutturazzjoni tad-dejn u l-kiri soċjali (Ley 1/2013, de medidas para reforzar la protección a los deudores hipotecarios, reestructuración de deuda y alquiler social), tal-14 ta’ Mejju 2013 ( 6 ), iktar ’il quddiem il-“Liġi 1/2013”), emendat il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Ley de enjuiciamiento civil, iktar ’il quddiem il-“LEC”), tas-7 ta’ Jannar 2000 ( 7 ), huwa stess emendat bid-Digriet-Liġi 7/2013, li jistabbilixxi miżuri fiskali u baġitarji urġenti u jippromwovi r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (decreto-ley 7/2013, de medidas urgentes de naturaleza tributaria, presupuestarias y de fomento de la investigación, el desarrollo y la innovación), tat-28 ta’ Ġunju 2013 ( 8 ). |
8. |
Ir-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 1/2013 (iktar ’il quddiem ir-“raba’ dispożizzjoni tranżitorja”) tirrigwarda l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni miftuħa qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi 1/2013 u li għadhom pendenti. Din id-dispożizzjoni hija fformulata kif ġej:
|
9. |
Il-proċedura ta’ sekwestru ipotekarju hija rregolata mill-Artikoli 681 sa 698 tal-LEC. Minbarra dawn id-dispożizzjonijiet partikolari, huma rilevanti dispożizzjonijiet ġenerali oħrajn tal-LEC sabiex tiġi mifhuma tajjeb din il-proċedura. |
10. |
L-Artikolu 556 tal-LEC jipprevedi terminu ta’ għaxart ijiem li jibda jiddekorri mill-jum tan-notifika tal-att li jordna l-eżekuzzjoni sabiex il-konvenut fl-eżekuzzjoni jressaq oppożizzjoni għaliha. Dan it-terminu huwa applikabbli għas-sekwestri ipotekarji minħabba li hemm riferiment għal dan it-terminu fl-Artikolu 557 tal-LEC, dwar il-proċedura ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni abbażi ta’ titoli mhux ġudizzjarji jew arbitrali (li jinkludi b’mod partikolari l-atti awtentiċi fi kwistjonijiet ta’ self ipotekarju li jservu bħala bażi għas-sekwestri ipotekarji). |
11. |
L-Artikolu 557 tal-LEC, kif jinsab ifformulat fil-Liġi 1/2013 jiddisponi: “1. Meta l-eżekuzzjoni tkun ordnata għat-titoli msemmija fil-punti 4, 5, 6 u 7 tal-Artikolu 517(2), kif ukoll għal dokumenti oħrajn li għandhom is-saħħa eżekuttiva msemmija fil-punt 9 tal-Artikolu 517(2), il-konvenut għall-eżekuzzjoni jista’ jopponiha biss, fit-termini u l-forom previsti fl-artikolu preċedenti, jekk jinvoka wieħed mill-motivi li ġejjin: [...]
2. Jekk l-oppożizzjoni msemmija fil-paragrafu preċedenti tiġi ppreżentata, ir-Reġistru tal-qorti jissospendi l-eżekuzzjoni permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.” |
12. |
Il-punt 4 tal-Artikolu 695 tal-LEC, anki fil-verżjoni li tirriżulta mil-Liġi 1/2013, huwa fformulat kif ġej: “1. Fil-proċeduri msemmija f’dan il-kapitolu, l-oppożizzjoni tal-konvenut għall-eżekuzzjoni għandha tintlaqa’ biss meta tkun ibbażata fuq il-motivi li ġejjin: [...]
2. Ladarba tiġi magħmula l-oppożizzjoni msemmija fil-paragrafu preċedenti, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali għandu jissospendi l-eżekuzzjoni u jsejjaħ lill-partijiet sabiex jidhru quddiem il-qorti li ħarġet l-ordni ta’ sekwestru. Iċ-ċitazzjoni għandha ssir mill-inqas ħmistax-il ġurnata qabel is-seduta inkwistjoni. F’din is-seduta, il-qorti għandha tisma’ lill-partijiet, teżamina d-dokumenti ppreżentati u tadotta d-deċiżjoni li hija tqis xierqa, permezz ta’ digriet, fit-tieni jum.” 3. Id-deċiżjoni li tilqa’ l-oppożizzjoni bbażata fuq l-ewwel u t-tielet motivi tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu twassal għas-sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm lok li ssir l-eżekuzzjoni; dik li tilqa’ l-oppożizzjoni bbażata fuq it-tieni motiv tistabbilixxi l-ammont li fir-rigward tiegħu l-eżekuzzjoni għandha titkompla. Jekk jintlaqa’ r-raba’ motiv, jiġi ddikjarat li ma hemmx lok li ssir l-eżekuzzjoni jekk il-klawżola kuntrattwali tikkostitwixxi l-bażi tal-eżekuzzjoni. Jekk le, l-eżekuzzjoni titkompla filwaqt li tiġi eliminata l-applikazzjoni tal-klawżola inġusta” [...].” |
III – Il-fatti tal-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
13. |
Il-kumpannija Banco Bilbao Vizcaya (li kienet Unnim Banc SA, iktar ’il quddiem il-“BBVA”) bdiet proċedura ta’ sekwestru ipotekarju kontra Diego Fernández Gabarro, Pedro Peñalva López u Clara López Durán. Din il-proċedura nfetħet qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi 1/2013, fil-15 ta’ Mejju 2013. F’din id-data, din il-proċedura kienet għadha pendenti. |
14. |
Il-konvenuti fil-kawża prinċipali ressqu oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ dan is-sekwestru ipotekarju b’mod straordinarju fis-17 ta’ Ġunju 2013, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahar previst mir-raba’ dispożizzjoni tranżitorja għall-introduzzjoni, b’mod inċidentali u straordinarju, ta’ oppożizzjoni għas-sekwestru ipotekarju. Huma sostnew quddiem il-qorti tar-rinviju li l-iffissar ta’ terminu ta’ dekadenza biex jinvokaw in-natura inġusta tal-klawżoli inklużi fit-titolu eżekuttiv ma kienx konformi mad-Direttiva 93/13. Biex isostnu din l-affermazzjoni, il-konvenuti fil-kawża prinċipali għamlu riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari s-sentenza Cofidis ( 9 ). |
15. |
Barra minn hekk, huma affermaw li, fi kwalunkwe każ, it-terminu ta’ xahar huwa magħruf bħala wieħed qasir u li, minħabba l-għadd kbir ta’ persuni kkonċernati, il-professjonisti legali ma setgħux ilaħħqu u ma setgħux jeżaminaw is-sitwazzjonijiet kollha li nġiebu għall-attenzjoni tagħhom. |
16. |
Il-qorti tar-rinviju tqis li huwa meħtieġ, sabiex tkun tista’ tieħu deċiżjoni dwar il-kawża pendenti quddiemha, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar is-supremazija jew l-effett tat-termini proċedurali għall-finijiet li jiġu invokati jew ifformulati l-allegazzjonijiet dwar in-natura possibbilment inġusta ta’ klawżola inġusta li tinsab fit-titolu eżekuttiv. |
17. |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Juzgado de Primera Instancia no 4 de Martorell, b’deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 2013, li waslet għand ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Jannar 2014, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja: “It-terminu ta’ xahar previst mir-[raba’ dispożizzjoni tranżitorja] għandu jiġi interpretat fis-sens li jmur kontra l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13/KEE?” |
18. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mir-Renju ta’ Spanja kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. |
19. |
L-osservazzjonijiet orali tal-partijiet fil-kawża prinċipali, ir-Renju ta’ Spanja kif ukoll tal-Kummissjoni nstemgħu waqt is-seduta li saret fil-11 ta’ Frar 2015. |
IV – Analiżi
A – Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari
20. |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-BBVA tikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Fl-ewwel lok, hija ssostni li d-domanda magħmula hija ta’ natura ipotetika u li ma hijiex utli għall-qorti tar-rinviju għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża li għandha quddiemha. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ma tindikax il-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni. Il-BBVA fit-tieni lok tqis li din l-istess qorti, wara l-għoti tas-sentenza Aziz ( 10 ), hija kapaċi tevalwa ex officio l-klawżoli inkwistjoni. Fit-tielet lok, hija ssostni li l-klawżoli inġusti allegati, li huma inklużi fil-kuntratt li qed tintalab l-eżekuzzjoni tiegħu, diġà ġew iddenunzjati darbtejn quddiem il-qorti tar-rinviju. |
21. |
Jien inqis li dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda. L-ewwel nett, kuntrarjament għal dak li tafferma l-BBVA, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jsir riferiment għalih hija marbuta mad-domanda preliminari. Imbagħad, inqis li l-qorti tar-rinviju tindika b’mod ċar ir-raġunijiet li wassluha sabiex tqis li kienet meħtieġa interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni biex tagħti s-sentenza tagħha, u li d-domanda preliminari seta’ jkollha effett fuq is-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Finalment, il-fatt li l-qorti tar-rinviju tista’, wara l-għoti tas-sentenza Aziz ( 11 ), tqajjem ex officio l-eżistenza ta’ dawn il-klawżoli inġusti ma għandu l-ebda effett fuq id-dritt tal-partijiet fil-kawża prinċipali li jinvokaw il-preżenza ta’ klawżoli inġusti fit-titolu eżekuttiv li fuqu hija bbażata l-proċedura ta’ eżekuzzjoni. |
22. |
F’dan ir-rigward infakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja istitwita mill-Artikolu 267 TFUE, il-kwistjonijiet b’rabta mad-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss f’ċerti sitwazzjonijiet partikolari ( 12 ). Barra minn hekk, il-qorti nazzjonali hija l-unika waħda kompetenti sabiex tevalwa kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 13 ). |
23. |
Għaldaqstant inqis li d-domanda preliminari hija ammissibbli. |
B – L-analiżi tad-domanda preliminari
24. |
Din id-domanda preliminari, kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju, tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/13 fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju li l-eżekuzzjoni tiegħu kienet pendenti fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 1/2013. |
25. |
L-ewwel nett, huwa meħtieġ li jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. F’din il-perspettiva, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha ( 14 ). Għal dan l-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tislet, mill-elementi kollha li tkun ipprovditilha l-qorti nazzjonali u, b’mod partikolari, mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, ir-regoli u l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni b’kunsiderazzjoni għas-suġġett tal-kawża prinċipali ( 15 ). |
26. |
F’dan il-każ, jien tal-fehma li, bid-domanda preliminari tagħha, il-Juzgado de Primera Instancia no 4 de Martorell fir-realtà tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13, sabiex tkun tista’ tevalwa l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni mir-raba’ dispożizzjoni tranżitorja inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
27. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li d-domanda preliminari tiġi mifhuma bħala waħda bl-għan li, essenzjalment, issir taf jekk fir-rigward tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13 jipprekludux dispożizzjoni nazzjonali tranżitorja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta lill-konsumaturi għal terminu ta’ dekadenza ta’ xahar, li jibda mill-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tal-liġi li tinkludi din id-dispożizzjoni, sabiex iressqu oppożizzjoni bbażata fuq il-karattru allegatament inġust ta’ klawżoli kuntrattwali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sekwestru ipotekarju pendenti. |
28. |
Bl-għan li tingħata risposta għal din id-domanda, ser nagħmel analiżi f’erba’ stadji. L-ewwel nett, se nippreżenta l-kuntest li fih tinsab il-kawża preżenti billi niżvela ċerti kunsiderazzjonijiet dwar il-Liġi 1/2013 inġenerali u dwar ir-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tagħha b’mod partikolari. It-tieni nett, fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni tranżitorja, ser nindirizza l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, kif japplikaw għat-tipi differenti ta’ termini. It-tielet nett, ser nanalizza, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, l-ispeċifiċitajiet tat-terminu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u fl-aħħar nett, ser nagħti indikazzjonijiet utli lill-qorti tar-rinviju sabiex tiddetermina jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix tali terminu. |
1. Osservazzjonijiet preliminari
29. |
Il-qorti tar-rinviju, il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Spanjol kif ukoll il-Kummissjoni kollha għamlu riferiment għall-portata tal-Liġi 1/2013 u tar-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tagħha. |
a) Fuq il-Liġi 1/2013
30. |
Mill-fajl li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi 1/2013, il-konsumatur ma setax jinvoka n-natura inġusta possibbli ta’ klawżoli ta’ kuntratt ta’ self biex jopponi sekwestru ipotekarju. Fil-fatt, in-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli ma setgħet tiġi evalwata la ex officio, mill-qorti ta’ eżekuzzjoni, u lanqas fuq talba tal-konsumatur. Għalhekk il-konsumatur kien miċħud, kemm fil-proċedura speċifika ta’ sekwestru ipotekarju applikabbli għall-beni ipotekati jew mirhuna kif ukoll fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni ordinarja applikabbli għal titoli extraġudizzjarji ( 16 ), mill-possibbiltà li jikseb is-sospensjoni ta’ din il-proċedura mill-qorti ta’ eżekuzzjoni, meta tali miżura kienet neċessarja biex tiggarantixxi l-effikaċja tad-deċiżjoni finali. |
31. |
Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, din is-sitwazzjoni żviluppat wara l-għoti tas-sentenza Aziz ( 17 ). Il-Liġi 1/2013 emendat l-artikoli tal-LEC dwar, b’mod partikolari, il-proċedura ta’ sekwestru tal-beni ipotekati jew mirhuna sabiex tadatta l-proċedura ta’ sekwestru ipotekarju għal din il-ġurisprudenza ( 18 ). B’mod iktar speċifiku, il-leġiżlatur Spanjol emenda l-LEC, minn naħa, billi ppermetta lill-qorti ta’ eżekuzzjoni tevalwa ex officio, fi kwalunkwe mument tal-proċedura, in-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli ( 19 ) u, min-naħa l-oħra, billi żied motiv ta’ oppożizzjoni ġdid, ibbażat fuq in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tikkostitwixxi l-bażi tal-eżekuzzjoni jew li tkun ippermettiet li jiġi stabbilit l-ammont dovut ( 20 ). Dawn l-emendi ġew ikkunsidrati mid-duttrina bħala innovazzjoni assoluta tal-ordinament ġuridiku Spanjol ( 21 ). |
32. |
Mill-fajl jirriżulta wkoll li l-oppożizzjoni tal-konvenut għall-eżekuzzjoni bbażata fuq in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali minn issa ’l quddiem tippermetti s-sospensjoni tal-proċedura ta’ sekwestru ipotekarju sas-soluzzjoni tal-kwistjoni li tirriżulta mill-oppożizzjoni ppreżentata b’mod inċidentali ( 22 ). Fil-fatt, tali oppożizzjoni hija applikabbli għall-proċeduri ta’ eżekuzzjoni ordinarji kif ukoll ipotekarji ( 23 ), miftuħa wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi 1/2013 u għandha titressaq f’terminu ordinarju ta’ għaxart ijiem mid-data tan-notifika tal-att li jordna l-eżekuzzjoni. |
33. |
Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni li kienu pendenti fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi 1/2013 li fihom it-terminu ta’ oppożizzjoni ta’ għaxart ijiem ( 24 ) kien diġà beda jiddekorri jew skada, il-leġiżlatur ipprovda r-raba’ dispożizzjoni tranżitorja. Din id-dispożizzjoni tintroduċi terminu ta’ dekadenza ta’ xahar li jibda jiddekorri mill-jum ta’ wara dak tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi sabiex il-konvenut għall-eżekuzzjoni jressaq oppożizzjoni b’mod inċidentali u straordinarju fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-eżistenza ta’ klawżoli inġusti ( 25 ). |
b) Fuq ir-raba’ dispożizzjoni tranżitorja
34. |
Ir-raġuni għar-raba’ dispożizzjoni tranżitorja hija relatata mal-effett retroattiv tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13 mogħtija mis-sentenza Aziz ( 26 ), fis-sens li l-interpretazzjoni mogħtija hija dik li għandha tipprevali mill-mument tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjoni interpretata ( 27 ). Konsegwentement, il-leġiżlatur Spanjol kien obbligat jipprevedi mekkaniżmu li jippermetti li jiġi evitat li d-deċiżjonijiet li kien għandhom iridu jittieħdu fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni pendenti mibdija taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti u li kienu għadhom pendenti fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi 1/2013, ma jkunux inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni ( 28 ). |
35. |
Id-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju hija proprju dwar din ir-regola proċedurali, li tinsab fir-raba’ dispożizzjoni tranżitorja. Fit-tilwima fil-kawża prinċipali, l-oppożizzjoni bbażata fuq in-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali, motiv ta’ oppożizzjoni ġdid previst minn din il-liġi, saret wara li skada t-terminu. Il-qorti tar-rinviju għalhekk tixtieq tkun taf, kif jirriżulta mill-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jekk it-terminu inkwistjoni jiksirx id-dritt tal-Unjoni. |
36. |
Hija din il-kwistjoni li ser neżamina issa, billi l-ewwel nett nitratta l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, kif japplikaw għat-tipi differenti ta’ termini. |
2. Deskrizzjoni qasira tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja
37. |
Il-kwistjoni li tqum, b’mod preliminari, hija jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-termini raġonevoli hijiex rilevanti sabiex jiġi analizzat terminu ffissat minn dispożizzjoni tranżitorja ta’ liġi nazzjonali li l-punt tat-tluq tagħha huwa kkalkolat skont il-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tal-liġi fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat. Bħall-Kummissjoni, jien naħseb li dan huwa l-każ, u li konsegwentement, din il-ġurisprudenza toffrilna elementi ta’ interpretazzjoni utli, anki jekk ma analizzatx espressament terminu bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
38. |
L-ewwel nett infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset bosta drabi li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fi kwistjonijiet ta’ leġiżlazzjoni proċedurali, din il-kwistjoni taqa’ taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Minkejja dan, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li dawn il-proċeduri għandhom jissodisfaw il-kundizzjoni doppja li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jagħmlux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) ( 29 ). |
39. |
Fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza din tal-aħħar tippresupponi li r-regola nazzjonali inkwistjoni tapplika bl-istess mod għal rikorsi bbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk ibbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt intern li jkollhom suġġett u kawża simili. Sabiex tivverifika jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza huwiex osservat, hija l-qorti nazzjonali, li hija l-unika li għandha għarfien dirett tar-regoli proċedurali applikabbli għal rikorsi fil-qasam tad-dritt intern, li għandha tistħarreġ jekk ir-regoli proċedurali intiżi sabiex jiżguraw, fid-dritt intern, l-osservanza tad-drittijiet li l-partijiet jisiltu mid-dritt tal-Unjoni humiex konformi ma’ dan il-prinċipju u għandha teżamina kemm l-għan kif ukoll l-elementi essenzjali tar-rikorsi allegatament simili ta’ natura interna. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti għandha tevalwa s-similaritajiet bejn ir-rikorsi kkonċernati mill-angolu tal-għan tagħhom, il-kawża tagħhom u l-elementi essenzjali tagħhom. Sabiex jiġi ddeterminat jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali hijiex inqas favorevoli, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-rwol tad-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tal-imsemmija proċedura u l-karatteristiċi partikolari ta’ dawn ir-regoli ( 30 ). |
40. |
F’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat ukoll li f’kull każ li fih tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt tal-Unjoni, din għandha tiġi analizzata billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha quddiem id-diversi qrati nazzjonali. F’din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċeduri ( 31 ). |
41. |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-iffissar ta’ termini raġonevoli ta’ dekadenza għar-rikorsi. Skont il-ġurisprudenza tagħha, tali termini ma humiex ta’ natura li jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċitar tad-drittijiet mogħtija mis-sistema ġuridika tal-Unjoni ( 32 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fir-rigward tal-liġijiet nazzjonali li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huwa l-kompitu tal-Istati Membri li jistabbilixxu termini li jkollhom rabta, b’mod partikolari, mal-importanza għall-persuni kkonċernati tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu, mal-kumplessità tal-proċeduri u tal-leġiżlazzjoni li għandha tiġi applikata, man-numru ta’ persuni li jistgħu jkunu kkonċernati u mal-interessi l-oħra pubbliċi jew privati li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ( 33 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li t-termini għandhom ikunu materjalment suffiċjenti sabiex jiġi ppreparat u ppreżentat rikors effettiv ( 34 ). |
42. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja wriet il-fehma tagħha wkoll f’kawżi relatati ma’ dispożizzjonijiet tranżitorji simili għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Hija sostniet li, jekk l-Istati Membri jnaqqsu t-terminu li matulu jista’ jintalab ir-rimbors ta’ somom imħallsa bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, dan ikun suġġett mhux biss għall-kundizzjoni li t-terminu l-ġdid iffissat ikun ta’ natura raġonevoli, iżda wkoll li din il-leġiżlazzjoni l-ġdida tinkludi sistema tranżitorja li tippermetti li l-partijiet fil-kawża jkollhom terminu suffiċjenti, wara l-adozzjoni tagħha, biex ikunu jistgħu jressqu t-talbiet għal rimbors li kellhom dritt iressqu taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti ( 35 ). |
43. |
Finalment, skont ġurisprudenza stabbilita, ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt intern, peress li dan huwa biss kompitu tal-qorti tar-rinviju li, f’dan il-każ, għandha tiddetermina jekk ir-rekwiżiti ta’ ekwivalenza u ta’ effettività humiex issodisfatti mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti ( 36 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’, jekk ikun il-każ, tagħti indikazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fl-evalwazzjoni tagħha ( 37 ). |
44. |
Wara li spjegajt fil-qosor il-kuntest ġurisprudenzjali ġenerali li jirrigwarda l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, kif japplikaw għat-tipi ta’ termini differenti, nipproponi li issa nwettaq l-analiżi tal-karatteristiċi partikolari tat-terminu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, qabel ma nivverifika jekk dan josservax dawn il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni. |
3. Analiżi tal-karatteristiċi partikolari tat-terminu inkwistjoni fil-kawża prinċipali
45. |
It-terminu inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kkaratterizzat minn żewġ elementi essenzjali, jiġifieri, minn naħa, it-tul ta’ xahar u, min-naħa l-oħra, il-mument li minnu jibda jiddekorri dan it-terminu, jiġifieri l-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tal-Liġi 1/2013 fil-Boletín Oficial del Estado (BOE). |
a) Fuq it-tul tat-terminu
46. |
Jien tal-opinjoni li terminu proċedurali ta’ xahar huwa biżżejjed biex titressaq oppożizzjoni għal sekwestru ipotekarju. Din il-pożizzjoni jidhirli li hija kkorroborata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ spiss ippermettiet termini proċedurali iktar qosra, b’mod partikolari ta’ erbatax u ta’ ħmistax‑il jum. B’hekk, għall-finijiet ta’ talba ta’ rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat fil-kuntest ta’ proċedura aċċellerata, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat terminu ta’ ħmistax-il jum bħala suffiċjenti biex jiġi ppreparat u ppreżentat rikors effettiv ( 38 ). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset raġonevoli terminu ta’ erbatax‑il jum introdott għall-finijiet li tiġi kkontestata sanzjoni amministrattiva għal nuqqas ta’ żvelar ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ kumpannija kummerċjali ( 39 ). |
47. |
Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, it-tul ta’ xahar, bħala tali, ma jikkawża l-ebda diffikultà mill-perspettiva tal-konformità tar-raba’ dispożizzjoni tranżitorja inkwistjoni mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. |
48. |
Minkejja dan, għad irid jiġi eżaminat il-mument li minnu jibda jiddekorri t-terminu inkwistjoni. |
b) Fuq il-mument li minnu jibda jiddekorri t-terminu
49. |
It-tieni subparagrafu tal-punt 2 tar-raba’ dispożizzjoni tranżitorja jipprevedi li t-terminu inkwistjoni fil-kawża prinċipali jibda jiddekorri mill-jum ta’ wara dak tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi 1/2013. F’dan ir-rigward, ir-raba’ dispożizzjoni finali ta’ din il-liġi tipprevedi li din tidħol fis-seħħ fl-istess jum tal-pubblikazzjoni fil-BOE. Barra minn hekk, il-punt 4) tar-raba’ dispożizzjoni tranżitorja jispeċifika li din il-pubblikazzjoni “tgħodd bħala komunikazzjoni kompluta għall-finijiet tan-notifika u tal-kalkolu tat-termini previsti fil-paragrafi 2 u 3 [ta’ din id-dispożizzjoni tranżitorja], peress li fl-ebda każ ma hija neċessarja l-adozzjoni ta’ deċiżjoni espressa għal dan l-iskop”. |
50. |
F’termini iktar sempliċi, dan ifisser li l-leġiżlatur Spanjol assimila l-pubblikazzjoni tal-Liġi 1/2013 fil-BOE ma’ notifika ta’ natura proċedurali. |
51. |
Jeħtieġ li jiġi enfasizzat li huwa proprju l-fatt li t-terminu inkwistjoni fil-kawża prinċipali jibda jiddekorri mill-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tal-Liġi 1/2013 fil-BOE, mingħajr ma jkun ġie nnotifikat lill-konvenuti fil-kawża prinċipali, li joħloq problema f’dan il-każ fir-rigward tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. |
i) L-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza
52. |
BBVA u l-Gvern Spanjol iqisu li l-ebda element ma jippermetti li jiġi konkluż li t-terminu inkwistjoni huwa inqas favorevoli minn termini oħrajn simili fid-dritt Spanjol. Minn naħa, BBVA tirreferi għat-terminu għall-preżentata ta’ rikors quddiem it-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) għall-ksur tad-drittijiet fundamentali li jirriżultaw immedjatament u direttament mill-atti tal-qrati. Dan it-terminu jibda jiddekorri ladarba ssir in-notifika tad-deċiżjoni ġudizzjarja. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Spanjol iqabbel it-terminu inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali ma’ termini proċedurali oħrajn tad-dritt Spanjol, bħal dak sabiex tingħata risposta għal rikors fi proċedura dwar il-mertu ordinarja, li jibda jiddekorri ladarba jiġi kkomunikat ir-rikors ( 40 ). Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tinnota li t-terminu inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa intiż espressament sabiex jippermetti l-protezzjoni tranżitorja, fil-perijodu bejn il-liġi l-antika u dik ġdida, tad-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi mid-Direttiva 93/13. Konsegwentement, id-drittijiet ibbażati fuq l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ma humiex suġġetti għal kundizzjonijiet inqas favorevoli. |
53. |
Jiena ma ninsabx konvint minn dawn l-argumenti. It-termini msemmija minn BBVA u mill-Gvern Spanjol ma jidhrux analogi għat-terminu inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, għalkemm għandi dubji dwar l-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza mit-terminu inkwistjoni, qiegħed insib diffikultà biex nidentifika termini proċedurali komparabbli li jippermettuli nikkonkludi b’ċertezza li r-raba’ dispożizzjoni tranżitorja, ibbażata fuq id-dritt tal-Unjoni, hija inqas favorevoli minn dispożizzjonijiet oħrajn simili intiżi sabiex jiżguraw is-salvagwardja ta’ drittijiet simili tal-partijiet fil-kawża fid-dritt Spanjol, li huwa kompitu tal-qorti nazzjonali li tivverifikaha. |
ii) L-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività
54. |
Kif ser nuri fil-punti li ġejjin, għall-kuntrarju, diversi aspetti jippermettuli nqis li t-terminu inkwistjoni fil-kawża prinċipali rrenda impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 93/13. |
55. |
Fl-ewwel lok, mill-fajl li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-dritt proċedurali Spanjol, ma huwiex komuni li terminu proċedurali jibda jiddekorri mid-data tal-pubblikazzjoni fil-BOE, sakemm ma jkunx rikors inizjali kontra att ta’ portata ġenerali ( 41 ). Il-Kummissjoni tinnota li, fir-rigward tal-atti proċedurali ta’ proċedura pendenti, it-termini normalment jibdew jiddekorru mal-wasla tan-notifiki differenti mibgħuta mill-qorti kompetenti, li jiggarantixxi li l-persuna kkonċernata jew ir-rappreżentanti legali tagħha jibbenefikaw bis-sħiħ mit-termini ( 42 ). |
56. |
Barra minn hekk, infakkar li t-termini proċedurali analizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha huma differenti mit-terminu tranżitorju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li dawn jibdew jiddekorru ladarba ssir notifika proċedurali speċifika ( 43 ). Dan ifisser li, ladarba tasal in-notifika indirizzata lilhom, il-partijiet fil-kawża jew ir-rappreżentanti legali tagħhom jistgħu jużaw it-terminu bis-sħiħ biex jippreparaw id-difiża tagħhom u jaġixxu. Għall-kuntrarju, it-terminu inkwistjoni fil-kawża prinċipali jibda jiddekorri mill-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tal-Liġi 1/2013, li ma jiggarantixxix id-disponibbiltà sħiħa tat-terminu, li tiddependi mill-għarfien effettiv mill-persuni kkonċernati tal-eżistenza tar-raba’ dispożizzjoni tranżitorja. |
57. |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet kontra terminu ta’ dekadenza fil-kuntest ta’ miżuri intiżi sabiex jippromwovu t-titjib tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema nisa tqal ( 44 ), minħabba l-fatt li dan it-terminu ma jibdiex jiddekorri mal-wasla tal-ittra ta’ tkeċċija, iżda ladarba din tittieħed il-posta. Konsegwentement, jistgħu jgħaddu diversi jiem minn dan it-terminu qabel ma l-mara tqila tkun tista’ tieħu parir b’mod utli u ssostni d-drittijiet tagħha b’azzjoni ġudizzjarja ( 45 ). |
58. |
Għaldaqstant jidhirli li huwa ċar li t-terminu inkwistjoni fil-kawża prinċipali seta’ kellu l-konsegwenza li biċċa kbira minnu, jew kollu kemm hu, kif inhu l-każ fil-kawża prinċipali, ikun għadda mingħajr ma l-konsumaturi ma jkunu setgħu jieħdu parir b’mod utli jew jieħdu l-azzjonijiet neċessarji għas-salvagwardja tad-drittijiet tagħhom. |
59. |
Fit-tieni lok, mill-fajl jirriżulta wkoll li, fl-ordinament ġuridiku Spanjol, l-intervent ta’ avukat huwa neċessarju biex titressaq oppożizzjoni għall-att li jordna l-eżekuzzjoni ( 46 ). Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li, għal maġġoranza kbira ta’ sekwestri ipotekarji, l-eżekuzzjoni tiġi investigata mingħajr ma l-konvenuti għall-eżekuzzjoni jidhru jew iressqu oppożizzjoni. Is-sitwazzjoni finanzjarja ħażina li jsibu ruħhom fiha dawn il-partijiet, id-diffikultà li jopponu għall-eżekuzzjoni u l-ispiża tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni huma elementi li jaħdmu kontra l-konsumaturi, li b’mod ġenerali jirrinunzjaw milli jintervjenu f’din il-proċedura ( 47 ). F’dan il-kuntest, jidhirli li ma hemm l-ebda dubju li, b’mod ġenerali, il-konsumaturi kkonċernati kienu jinsabu f’riskju kbir li ma jkunux jistgħu jressqu oppożizzjoni għas-sekwestru ipotekarju. Fil-fehma tiegħi, dan ir-riskju huwa marbut kemm mal-ispejjeż potenzjalment dissważivi tal-oppożizzjoni (l-obbligu li dak li jkun ikollu avukat u prokuratur) kif ukoll mal-fatt li dawn il-konsumaturi injoraw id-drittijiet tagħhom minħabba n-nuqqas ta’ għarfien tal-pubblikazzjoni tal-Liġi 1/2013 u tar-raba’ dispożizzjoni tranżitorja ( 48 ), jew, jekk kellhom għarfien tagħha, minħabba li dan inkiseb tard, ladarba t-terminu straordinarju diġà beda jiddekorri. |
60. |
Infakkar f’dan ir-rigward li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat li sitwazzjoni kkaratterizzata minn inċertezza legali kbira tista’ tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ effettività, filwaqt li enfasizzat il-ħtieġa li t-termini jkunu jistgħu jiġu ddeterminati bi grad ta’ ċertezza raġonevoli ( 49 ). Madankollu, fil-kawża prinċipali, il-fatt li t-terminu tranżitorju beda jiddekorri mill-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tal-Liġi 1/2013 fil-BOE wassal, kif indikajt fil-punti 58 sa 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għal grad għoli ħafna ta’ inċertezza legali għall-konvenuti fil-kawża prinċipali, u dan jidhirli li huwa inammissibbli f’qasam bħal dak tal-protezzjoni tal-konsumaturi. Fil-fehma tiegħi, dan it-terminu ma huwiex adegwat biex dak li jkun jipprepara u jippreżenta rikors effettiv. |
61. |
Fl-aħħar nett, kif fakkart fil-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa l-kompitu tal-Istati Membri li jistabbilixxu, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, termini li jkollhom rabta, b’mod partikolari, mal-importanza għall-persuni kkonċernati tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu, mal-kumplessità tal-proċeduri u tal-leġiżlazzjoni li għandha tiġi applikata, man-numru ta’ persuni li jistgħu jkunu kkonċernati u mal-interessi l-oħra pubbliċi jew privati li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ( 50 ). |
62. |
F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-importanza għall-partijiet ikkonċernati tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu, jidhirli li huwa evidenti li, peress li dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jwasslu għat-telf irriversibbli tal-proprjetà immobbli tagħhom, l-importanza tagħhom għall-konsumaturi kkonċernati hija partikolarment kbira ( 51 ). |
63. |
It-tieni nett, fir-rigward tal-kumplessità tal-proċeduri u tal-leġiżlazzjoni li għandha tiġi applikata, huwa wkoll evidenti li l-artikolazzjoni bejn il-proċedura ta’ eżekuzzjoni, il-proċedura fil-mertu u l-leġiżlazzjoni dwar l-ipoteki tifforma qafas ġuridiku kumpless ħafna, b’mod partikolari għall-konsumaturi. |
64. |
It-tielet nett, fir-rigward tal-għadd ta’ persuni li jistgħu jkunu kkonċernati mir-raba’ dispożizzjoni tranżitorja, mill-osservazzjonijiet tal-konvenuti fil-kawża prinċipali u tal-Kummissjoni jirriżulta li, fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi 1/2013, kienu pendenti mijiet ta’ eluf ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni. Il-Kummissjoni, filwaqt li ċċitat ċifri li joriġinaw mir-rapport tal-Consejo General del Poder Judicial, tenfasizza li, fl-2013 inbdew 82680 sekwestru ipotekarju ( 52 ). |
65. |
Konsegwentement, fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għadu jista’ jitqies li t-terminu inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa terminu raġonevoli? Ippermettuli niddubita. |
66. |
Jien tal-fehma li, fil-kuntest proċedurali eżaminat, l-għoti mil-leġiżlatur Spanjol ta’ terminu raġonevoli li jippermetti lill-konsumaturi jressqu oppożizzjoni għas-sekwestru u, b’dan il-mod, itemmu l-użu ta’ klawżoli inġusti, huwa indispensabbli għall-eżerċizzju xieraq u effikaċi tad-drittijiet mogħtija lilhom mid-Direttiva 93/13. Ninsab konvint li dan l-għan ma ntlaħaqx mir-raba’ dispożizzjoni tranżitorja. |
67. |
Għaldaqstant, dan wassalni sabiex nikkonkludi li, finalment, huwa minħabba li t-terminu inkwistjoni fil-kawża prinċipali beda jiddekorri mill-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tal-Liġi 1/2013 li dan ma għandux jitqies bħala raġonevoli u li għamel eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 93/13. |
4. Kunsiderazzjonijiet finali
68. |
L-ewwel nett, jidhirli li huwa importanti li nfakkar li s-sistema ta’ protezzjoni implementata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħ jew tal-fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni” ( 53 ). |
69. |
Sabiex tiżgura l-protezzjoni mitluba mid-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet diversi drabi li s-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza li teżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur tista’ tiġi kkumpensata biss b’intervent pożittiv, li ma jiġix mill-partijiet fil-kuntratt ( 54 ). Dan l-intervent pożittiv jinkludi b’mod partikolari l-istħarriġ ex officio, mill-qorti kompetenti, tal-eżistenza jew le ta’ klawżoli inġusti. |
70. |
Fil-kuntest tal-proċedura ta’ sekwestru ipotekarju Spanjola, tali stħarriġ ma kienx jeżisti qabel l-għoti tas-sentenza Aziz ( 55 ). Kif jirriżulta mill-punti 31 u 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet, wara din is-sentenza, il-qorti ngħatat is-setgħa tqajjem ex officio l-eżistenza ta’ tali klawżoli ( 56 ). Madankollu, jekk dan l-istħarriġ ex officio jkun neċessarju, ma huwiex suffiċjenti biex jiġu protetti, b’mod komplut u effikaċi, id-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi mid-Direttiva 93/13. Konsegwentement, bħall-Kummissjoni, jien konvint li intervent pożittiv u li ma jiġix mill-partijiet għall-kuntratt għandu jinkludi wkoll termini suffiċjenti li jippermettu lill-konsumaturi jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod effikaċi. |
71. |
Ninnota wkoll li, fil-qasam tad-dritt tal-konsumaturi, il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, bħala limitu għall-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, huma partikolarment importanti, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura l-osservanza stretta tagħhom. |
72. |
Fl-aħħar nett, jidhirli li huwa evidenti li dispożizzjoni tranżitorja li tissuġġetta lill-konsumaturi għal terminu ta’ dekadenza straordinarju li jibda jiddekorri mill-juma wara dak tal-pubblikazzjoni ta’ liġi fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat, ma tissodisfax l-obbligu li tinġieb għall-attenzjoni tal-konsumaturi l-possibbiltà li jressqu oppożizzjoni bbażata fuq in-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali li jikkostitwixxu l-bażi għall-eżekuzzjoni. Għaldaqstant jidhirli li huwa essenzjali li l-konsumaturi jkunu informati personalment dwar it-terminu disponibbli għalihom biex ikunu jistgħu jieħdu parir b’mod utli u jressqu l-azzjonijiet neċessarji għas-salvagwardja tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 93/13 ( 57 ). F’dan ir-rigward infakkar li l-massima ignorantia iuris nocet ma għandiex tapplika jew, mill-inqas, tapplika biss suġġetta għall-personalitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi ( 58 ). |
73. |
Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha huma favur terminu li għandu jiġi nnotifikat personalment lill-persuni kkonċernati. Fi kliem ieħor, għandu jiġi rrimedjat in-nuqqas tan-notifika lill-partijiet bl-istess mezz bħal dak użat fid-dritt nazzjonali biex il-konvenuti jiġu nnotifikati dwar l-eżistenza ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni miftuħa kontrihom. Konsegwentement, bħall-Kummissjoni, naħseb li l-leġiżlatur Spanjol kellu jipprevedi n-notifika lill-konvenuti kollha, fi proċeduri ta’ eżekuzzjoni bħal dawn, tal-possibbiltà li jressqu oppożizzjoni b’mod straordinarju f’terminu ta’ xahar minn meta ssir din in-notifika. Dan seta’ jsir permezz tal-qrati li għandhom ġurisdizzjoni biex jieħdu konjizzjoni ta’ sekwestri ipotekarji, kemm permezz tar-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll bin-notifika fid-domiċilju tagħhom, jekk dawn il-partijiet ma jkunux dehru matul il-proċedura ta’ sekwestru ipotekarju. |
74. |
Konsegwentement, fid-dawl tal-elementi preċedenti, jien tal-fehma li, fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13 jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali tranżitorja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta lill-konsumaturi għal terminu ta’ dekadenza ta’ xahar li jibda jiddekorri mill-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tal-liġi li tinkludi din id-dispożizzjoni sabiex iressqu oppożizzjoni bbażata fuq in-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sekwestru ipotekarju pendenti. |
V – Konklużjoni
75. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Juzgado de Primera Instancia no 4 de Martorell bil-mod kif ġej: Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali tranżitorja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta lill-konsumaturi għal terminu ta’ dekadenza ta’ xahar li jibda jiddekorri mill-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tal-liġi li tinkludi din id-dispożizzjoni sabiex iressqu oppożizzjoni bbażata fuq in-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sekwestru ipotekarju pendenti. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) C‑415/11, EU:C:2013:164.
( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).
( 4 ) BOE Nru 89, tal-14 ta’ April 1998, p. 12304.
( 5 ) BOE Nru 287, tat-30 ta’ Novembru 2007, p. 49181.
( 6 ) BOE Nru 116, tal-15 ta’ Mejju 2013, p. 36373.
( 7 ) BOE Nru 7, tat-8 ta’ Jannar 2000, p. 575.
( 8 ) BOE Nru 155, tad-29 ta’ Ġunju 2013, p. 48767.
( 9 ) C‑473/00, EU:C:2002:705.
( 10 ) C‑415/11, EU:C:2013:164.
( 11 ) C‑415/11, EU:C:2013:164.
( 12 ) Sentenza Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 35).
( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Rosado Santana (C‑177/10, EU:C:2011:557; punt 32).
( 14 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Krüger (C‑334/95, EU:C:1997:378, punti 22 u 23); Byankov (C‑249/11, EU:C:2012:608, punt 57), u Efir (C‑19/12, EU:C:2013:148, punt 19).
( 15 ) Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Redmond (83/78, EU:C:1978:214, punt 26) u Byankov (C‑249/11, EU:C:2012:608, punt 58).
( 16 ) Pereżempju atti awtentiċi jew “polzi” ta’ kuntratti kummerċjali bħall-kuntratti bankarji.
( 17 ) C‑415/11, EU:C:2013:164. Tajjeb infakkar li f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li d-Direttiva 93/13 “għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru […], li, filwaqt li fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni ipotekarja [sekwestru ipotekarju] ma tipprevedix raġunijiet ta’ oppożizzjoni bbażati fuq in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tikkostitwixxi l-bażi tat-titolu eżekuttiv, ma tippermettix lill-qorti li quddiemha titressaq il-proċedura dwar il-mertu, li jkollha l-kompetenza sabiex tevalwa n-natura inġusta ta’ tali klawżola, tadotta miżuri provviżorji, fosthom, b’mod partikolari, is-sospensjoni tal-imsemmija proċedura ta’ eżekuzzjoni, meta l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri tkun neċessarja sabiex tiġi ggarantita l-effikaċità kompleta tad-deċiżjoni finali tagħha.”
( 18 ) Ara l-premessi 13 u 16 tal-Liġi 1/2013.
( 19 ) Ara l-Artikolu 552(1) tal-LEC. Dan l-artikolu huwa inkluż fost id-dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għal kull proċedura ta’ eżekuzzjoni. Konsegwentement, l-istħarriġ ex officio tal-qorti jikkonċerna kemm il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni ordinarja kif ukoll il-proċeduri ta’ sekwestru ipotekarju. Madankollu, ma għandux jintesa l-fatt li l-ewwel paragrafu tar-raba’ dispożizzjoni tranżitorja jiddisponi li l-emendi tal-LEC introdotti minn din il-liġi japplikaw għall-proċeduri ta’ eżekuzzjoni miftuħa fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, fil-konfront biss ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni li għad iridu jittieħdu. Skont il-Kummissjoni, mil-leġiżlazzjoni Spanjola ma jirriżultax b’mod ċar jekk, fl-istadji avvanzati tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni (pereżempju, fil-mument tal-organizzazzjoni tal-attribuzzjoni jew it-tkeċċija), għadux possibbli li jitwettaq tali stħarriġ ex officio tal-klawżoli inġusti. Ara l-kawża Banco Primus (C‑326/12), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li tindirizza kwistjoni simili.
( 20 ) F’dak li jikkonċerna l-proċedura ta’ sekwestru ipotekarju, ara l-Artikolu 695(1)(4) tal-LEC. Fir-rigward tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni ordinarja, ara l-Artikolu 557(1)(7) tal-LEC. Il-klawżola ta’ skadenza antiċipata inkluża f’polza tal-assigurazzjoni ta’ kreditu personali tikkostitwixxi eżempju ta’ klawżola kuntrattwali li tikkostitwixxi l-bażi tal-eżekuzzjoni.
( 21 ) Ara, b’mod partikolari, Cordero Lobato, E., “Control judicial sobre cláusulas abusivas y ejecuciones hipotecarias”, Revista Aranzadi Doctrinal, 2, 2013, p. 205 sa 212, u Sánchez González, M. P., Revista de Derecho Comunitario Europeo, 2013, p. 327 sa 344.
( 22 ) Ara l-Artikolu 695(1)(4) tal-LEC.
( 23 ) Minkejja dan, il-Liġi 1/2013 ma pprevedietx il-possibbiltà għall-qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu li tissospendi s-sekwestru ipotekarju bħala miżura ta’ protezzjoni sad-deċiżjoni li permezz tagħha tiddikjara n-natura inġusta tal-klawżoli tat-titolu eżekuttiv li kienu jikkostitwixxu l-bażi għall-eżekuzzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 698 tal-LEC, li ma ġiex emendat mil-Liġi 1/2013, jipprevedi li “[k]ull ilment li d-debitur, it-terz detentur jew kwalunkwe persuna oħra kkonċernata tista’ tagħmel u li ma huwiex fl-artikoli preċedenti, inklużi dawk li jirrigwardaw in-nullità tat-titolu jew il-maturità, in-natura ċerta, l-estinzjoni jew l-ammont tad-dejn, għandu jiġi deċiż b’sentenza adattata, mingħajr qatt ma jkollu bħala effett li jissospendi jew iwaqqaf il-proċedura ta’ eżekuzzjoni prevista fil-kapitolu inkwistjoni”. B’hekk, l-aġġudikazzjoni finali ta’ oġġett ipotekat lil terz għandha dejjem natura irriversibbli, ħlief fil-każ li l-konsumatur ikkonċernat ikun għamel iskrizzjoni preventiva tat-talba għan-nullità tal-ipoteka qabel l-imsemmija nota fil-marġni tal-ħruġ taċ-ċertifikat tal-obbligi. Ara s-sentenzi Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punti 55 sa 59) kif ukoll Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 42). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, “mingħajr din il-possibbiltà [ta’ sospensjoni], fil-każijiet kollha fejn [...] l-eżekuzzjoni tal-ipoteka fuq il-proprjetà immobbli ipotekata titwettaq qabel l-għoti tad-deċiżjoni tal-qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu li tiddikjara n-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali li fuqha kienet ibbażata l-ipoteka u għalhekk in-nullità tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni, din id-deċiżjoni tippermetti li dan il-konsumatur jiġi żgurat biss protezzjoni a posteriori ta’ natura purament kumpensatorja, li tirriżulta inkompleta u insuffiċjenti u tikkostitwixxi mezz li la huwa adegwat u lanqas effikaċi sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ din l-istess klawżola, kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13”. Ara s-sentenza Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 60), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Aziz (EU:C:2012:700, punt 50). Ara wkoll is-sentenza Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 50). Skont parti mid-duttrina, l-għażla tal-leġiżlatur Spanjol li jagħti l-possibbiltà, mhux lill-qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu, iżda lill-qorti li tiddeċiedi, li tissospendi l-proċedura dwar l-eżekuzzjoni, hija relatata mal-osservanza tal-għanijiet tal-proċedura ta’ sekwestru ipotekarju. Ara, b’mod partikolari, Benaloche Palao, J., “Cláusulas abusivas y suspensión de la ejecución hipotecaria: una práctica equivocada”, La Ley, Nru 86, 2014, p. 1 sa 6.
( 24 ) Ara l-Artikolu 556(1) tal-LEC.
( 25 ) Il-punt 4 tal-Artikolu 695(1) tal-LEC jipprevedi “klawżoli inġusti li jikkostitwixxu l-bażi tal-eżekuzzjoni jew li ppermettew li jiġi stabbilit l-ammont dovut”.
( 26 ) C‑415/11, EU:C:2013:164.
( 27 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Kempter (C‑2/06, EU:C:2008:78, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 28 ) Il-proċeduri ta’ sekwestru ipotekarju kompluti qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi 1/2013 ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi. Fil-fatt, ir-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tiddisponi li hija applikabbli “għal kull proċedura ta’ eżekuzzjoni li ma wasslitx għall-pussess tal-proprjetà immobbli mix-xerrej”. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fir-rigward tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-osservanza tar-res judicata li jiffurmaw il-bażi tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali, l-illegalità possibbli tagħhom fil-prinċipju ma tiġġustifikax il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269, punti 46 u 47) kif ukoll Kapferer (C‑234/04, EU:C:2006:178, punt 21): “[i]d-dritt [tal-Unjoni] ma jimponix fuq qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli interni ta’ proċedura li jikkonferixxu lil deċiżjoni l-kwalità ta’ res judicata lil deċiżjoni, anki jekk li kieku jsir hekk, dan jippermetti li jiġi rimedjat ksur tad-dritt [tal-Unjoni] mid-deċiżjoni inkwistjoni”. F’dan ir-rigward jeħtieġ li jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni jimponi fuq l-Istati Membri li jirrimedjaw kull dannu kkawżat lil individwi bi ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilhom. Ara wkoll is-sentenza Impresa Pizzarotti (C‑213/13, EU:C:2014:2067, punt 59).
( 29 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral (33/76, EU:C:1976:188, punt 5); Peterbroeck (C‑312/93, EU:C:1995:437, punt 12) u Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punti 44 sa 46). Ara wkoll is-sentenzi Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 50) u Barclays Bank (C‑280/13, EU:C:2014:279, punt 37).
( 30 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Rosado Santana (C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 90).
( 31 ) Sentenzi Peterbroeck (C‑312/93, EU:C:1995:437, punt 14) u Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 39).
( 32 ) Ara s-sentenzi Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral (33/76, EU:C:1976:188, punt 5); Marks & Spencer (C‑62/00, EU:C:2002:435, punt 35); Grundig Italiana (C‑255/00, EU:C:2002:525, punt 34), kif ukoll Kempter (C‑2/06, EU:C:2008:78, punt 35).
( 33 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Sopropé (C‑349/07, EU:C:2008:746, punt 40) u Pontin (C‑63/08, EU:C:2009:666, punt 48).
( 34 ) Ara s-sentenzi Samba Diouf (C‑69/10, EU:C:2011:524, punt 66) u Texdata Software (C‑418/11, EU:C:2013:588, punt 80).
( 35 ) Ara s-sentenzi Marks & Spencer (C‑62/00, EU:C:2002:435, punt 38); Grundig Italiana (C‑255/00, EU:C:2002:525, punt 37), u Test Claimants in the Franked Investment Income Group Litigation (C‑362/12, EU:C:2013:834, punt 37).
( 36 ) Ara s-sentenzi Angelidaki et (C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 163) kif ukoll Pontin (C‑63/08, EU:C:2009:666, punt 49).
( 37 ) Ara s-sentenzi Haim (C‑424/97, EU:C:2000:357, punt 58); Marrosu u Sardino (C‑53/04, EU:C:2006:517, punt 54); Vassallo (C‑180/04, EU:C:2006:518, punt 39) kif ukoll Fiamingo et (C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 66).
( 38 ) Ara s-sentenza Samba Diouf (C‑69/10, EU:C:2011:524, punti 67 u 68).
( 39 ) Ara s-sentenza Texdata Software (C‑418/11, EU:C:2013:588, punt 81). Madankollu, f’kawża li tikkonċerna t-terminu għat-tressiq ta’ oppożizzjoni fi proċedura ta’ ordni għal ħlas wara n-notifika ta’ ordni b’digriet tal-qorti nazzjonali kompetenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li t-terminu ta’ 20 jum previst sabiex konsumatur ikun jista’ jopponi l-eżekuzzjoni kien “partikolarment qasir”. Ara s-sentenza Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 54). Ara wkoll Półtorak, N., European Union Rights in National Courts, Wolters Kluwer, 2015, p. 266.
( 40 ) Ara l-Artikolu 404 tal-LEC.
( 41 ) F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tistabbilixxi paragun mas-sistema tal-aħħar paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.
( 42 ) L-Artikolu 133(1) tal-LEC jipprevedi li “[i]t-termini jibdew jiddekorru mill-jum ta’ wara d-data tal-att tal-iżvelar li fuqu l-liġi tagħmel dipendenti l-punt tal-bidu tat-terminu, u huma kkalkolati billi tingħadd id-data tal-jum tal-iskadenza, li tiskadi f’nofsillejl”. L-Artikoli 149 sa 168 tal-LEC, li jirrigwardaw l-atti ta’ komunikazzjoni ġudizzjarja, jiddisponu li l-komunikazzjonijiet proċedurali huma notifikati lir-rappreżentanti tal-partijiet, jew lil dawn tal-aħħar jekk ma jkunux irrappreżentati, jew, fil-każ tal-ewwel intimazzjoni jew ċitazzjoni, billi jintbagħtu fid-domiċilju (l-Artikolu 155 tal-LEC). Jekk ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat id-domiċilju tal-konvenut, tista’ ssir il-pubblikazzjoni (l-Artikolu 164 tal-LEC), li għandha natura eċċezzjonali. Din id-dispożizzjoni tispeċifika li “huwa biss fuq talba ta’ parti u bi spejjeż tagħha li l-pubblikazzjoni ssir fil-Ġurnal Uffiċjali tal-provinċja jew tal-Komunità awtonoma, fil-[BOE] jew f’gazzetta nazzjonali jew provinċjali”.
( 43 ) Ara s-sentenzi Samba Diouf (C‑69/10, EU:C:2011:524, punti 67 u 68); Texdata Software (C‑418/11, EU:C:2013:588, punt 81), kif ukoll Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 54).
( 44 ) Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110).
( 45 ) Ara s-sentenza Pontin (C‑63/08, EU:C:2009:666, punti 62sa 65). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet deċiżjoni kontra dan it-terminu ta’ dekadenza filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni li kienet fiha mara li kien għadha kemm inqabdet tqila.
( 46 ) Ara l-Artikoli 23 u 31 tal-LEC. Għal lista mhux eżawrjenti tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk terminu partikolari huwiex konformi mal-prinċipju ta’ effettività, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Recheio – Cash & Carry (C‑30/02, EU:C:2003:666, punti 29 u 32).
( 47 ) Dan ir-riskju huwa kkorraborat mill-istatistika ppreżentata mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Fil-fatt, skont dawn iċ-ċifri, wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 1/2013, il-konvenuti għall-eżekuzzjoni dehru u ressqu oppożizzjoni biss f’19.79 % tal-proċeduri ta’ sekwestru ipotekarju. Qabel l-adozzjoni ta’ din il-liġi, il-perċentwali kien inqas minn 5 % [data tas-Servizz tal-Istatistika Ġudizzjara tal-Consejo General del Poder Judicial (Kunsill Ġudizzjarju Suprem)]. Il-Kummissjoni tenfasizza li din id-data hija parzjali. Fil-fatt, għalkemm it-tabella tal-Ministeru tal-Ġustizzja ma tkoprix ċerti komunitajiet awtonomi (Andalucía, País Vasco, Canarias, Catalunya, Madrid, Navarra u Valencia), madankollu din tagħti idea tan-numru limitat ta’ sekwestri ipotekarji li wasslu għal oppożizzjoni. Għalhekk, fl-2013, l-oppożizzjonijiet imressqa kienu jirrappreżentaw 19.79 % tas-sekwestri ipotekarji fir-reġistru (3826 oppożizzjoni għal 19330 sekwestru ipotekarju fir-reġistru), fl-2012, 4.92 % (1078 oppożizzjoni għal 21896 sekwestru ipotekarju) u, fl-2001, 3.84 % (700 oppożizzjoni għal 18201 sekwestru ipotekarju).
( 48 ) Ara s-sentenza Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 54).
( 49 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Danske Slagterier (C‑445/06, EU:C:2009:178, punt 33).
( 50 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Sopropé (C‑349/07, EU:C:2008:746, punt 40) u Pontin (C‑63/08, EU:C:2009:666, punt 48).
( 51 ) Il-proprjetà immobbli kkonċernata fil-kawża prinċipali hija parkeġġ. Madankollu, waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-konvenuti fil-kawża prinċipali sostnew li huma ma setgħux jopponu għall-proċedura ta’ eżekuzzjoni li tikkonċerna l-akkomodazzjoni tagħhom minħabba li din il-proċedura ta’ eżekuzzjoni ipotekarja kienet saret qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi 1/2013. F’dak li jikkonċerna l-parkeġġ tagħhom, kif jirriżulta mill-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-oppożizzjoni bbażata fuq in-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali, motiv ta’ oppożizzjoni ġdid previst minn din il-liġi, ġiet ippreżentata wara li għadda t-terminu.
( 52 ) Għas-snin preċedenti, dan ir-rapport jgħodd 91622 sekwestru ipotekarju fl-2012, 77854 fl-2011, 96636 fl-2010 u 93319 fl-2009.
( 53 ) Ara s-sentenzi Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punt 25); Mostaza Claro (C‑168/05, EU:C:2006:675, punt 25); Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 9); Barclays Bank (C‑280/13, EU:C:2014:279, punt 32); Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 44), kif ukoll Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 22).
( 54 ) Ara s-sentenzi Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punt 27; Mostaza Claro (C‑168/05, EU:C:2006:675, punt 26); Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 31), kif ukoll Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 41).
( 55 ) C‑415/11, EU:C:2013:164.
( 56 ) Ara wkoll l-Artikolu 27 tal-Liġi 3/2014, tas-27 ta’ Marzu, li jirrevedi l-liġi ġenerali dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti u liġijiet komplementari oħrajn (Ley 3/2014, de 27 de marzo, por la que se modifica el texto refundido de la Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios y otras leyes complementarias), tas-27 ta’ Marzu 2014.
( 57 ) Ara, b’mod simili, is-sentenzi RWE Vertrieb (C‑92/11, EU:C:2013:180) u Invitel (C‑472/10, EU:C:2012:242, punt 29).
( 58 ) Ara Mikłaszewicz, P., Obowiązki informacyjne w umowach z udziałem konsumentów na tle prawa Unii Europejskiej, Biblioteka Sądowa, Wolters Kluwer Polska, Warsavja, 2008, p. 46, 185, 272 u 317.