This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62013TN0411
Case T-411/13: Action brought on 5 August 2013 — T & L Sugars and Sidul Açúcares v Commission
Kawża T-411/13: Rikors ippreżentat fil- 5 ta’ Awwissu 2013 — T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni
Kawża T-411/13: Rikors ippreżentat fil- 5 ta’ Awwissu 2013 — T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni
ĠU C 274, 21.9.2013, p. 25–27
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 274, 21.9.2013, p. 19–20
(HR)
21.9.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 274/25 |
Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Awwissu 2013 — T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-411/13)
2013/C 274/42
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: T & L Sugars Ltd (Londra, ir-Renju Unit); u Sidul Açúcares, Unipessoal Lda (Santa Iria de Azóia, il-Portugall) (rappreżentanti: D. Waelbroeck, avukat, u D. Slater, Solicitor)
Konvenuti: Il-Kummissjoni Ewropea u l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata f’din il-kawża mill-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
— |
tannulla numru ta’ regolamenti tal-Kummissjoni li jqiegħdu r-raffinaturi taz-zokkor tal-kannamieli fi żvantaġġ kompetittiv, jiġifieri (i) ir-Regolamenti Nru 505/2013 (1) u Nru 629/2013 (2) li jistabbilixxu miżuri eċċezzjonali fir-rigward tar-rilaxx ta’ zokkor u iżoglukożju ’l fuq mill-kwota fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed matul is-sena tas-suq 2012/2013; (ii) ir-Regolamenti Nru 574/2013 (3) u Nru 677/2013 (4) li jiffissaw koeffiċjent tal-allokazzjoni għall-kwantitajiet disponibbli ta’ zokkor barra mill-kwota li jkunu se jinbiegħu fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed; u (iii) ir-Regolament Nru 460/2013 (5) dwar id-dazju doganali minimu li għandu jiġi ffissat bi tweġiba għat-tielet sejħa parzjali għall-offerti u r-Regolament Nru 542/2013 (6) dwar id-dazju doganali minimu li għandu jiġi ffissat bi tweġiba għar-raba’ sejħa parzjali għall-offerti; u tiddikjara ammissibbli u fondata l-eċċezzjoni ta’ illegalità taħt l-Artikolu 277 TFUE kontra r-Regolament Nru 36/2013 (7) li jiftaħ sejħa permanenti għall-offerti għas-sena tas-suq 2012/2013 għall-importazzjonijiet ta’ zokkor tal-Kodiċijiet tan-NM bin-numri 1701 14 10 u 1701 99 10 b’dazju doganali mnaqqas; |
— |
sussidjarament, tiddikjara l-eċċezzjoni ta’ illegalità taħt l-Artikolu 277 TFUE kontra r-Regolamenti Nru 505/2013 u Nru 629/2013 ammissibbli u fondata; |
— |
tiddikjara l-Artikolu 186(a) tar-Regolament Nru 1234/2007 (8) (ir-Regolament irriformulat) illegali taħt l-Artikolu 277 TFUE sa fejn dan ma jittrasponix b’mod korrett id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 318/2006 (9); |
— |
tikkundanna l-Unjoni Ewropea, kif irrappreżentata mill-Kummissjoni, biex tikkumpensa kull dannu li sofrew ir-rikorrenti b’riżultat tal-ksur mill-Kummissjoni tal-obbligi legali tagħha u tistabbilixxi l-kumpens għad-danni sofferti mir-rikorrenti matul il-perijodu mill-1 ta’ April 2013 sat-30 ta’ Ġunju 2013 fl-ammont ta’ EUR 42 261 036 b’żieda ma’ kwalunkwe telf kontinwu li r-rikorrenti sofrew wara dik id-data jew kull ammont ieħor li jirrifletti d-dannu soffert jew li ser isofru r-rikorrenti kif stabbilit minnhom b’mod ulterjuri matul dawn il-proċeduri, b’mod partikolari sabiex jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni danni futuri, bl-imgħaxijiet mid-data tas-sentenza sal-ħlas effettiv, miżjuda mal-ammonti msemmija iktar ’il fuq; u |
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tmien motivi.
(1) |
L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, billi minn naħa, ir-Regolamenti Nru 505/2013 u Nru 629/2013 jipprovdu għas-somma fissa, applikabbli b’mod ġenerali, ta’ EUR 177 u EUR 148 kull tunnellata bħala imposta fuq l-ammont żejjed — jiġifieri inqas minn nofs l-ammont tas-soltu ta’ EUR 500 kull tunnellata — li tapplika għal kwantitajiet speċifiċi (total ta’ 300 000 tunnellata) ta’ zokkor, diviżi b’mod ugwali biss bejn l-applikanti produtturi tal-pitravi. Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 36/2013 jipprovdi għal dazju doganali mhux magħruf u imprevedibbli, applikabbli biss għall-offerenti rebbieħa (li jistgħu jkunu r-raffinaturi tal-kannamieli, il-proċessuri tal-pitravi, jew kwalunkwe terz ieħor) u għal ammont totali mhux speċifikat. |
(2) |
It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tar-Regolament irriformulat/assenza ta’ bażi legali xierqa, billi għal dak li jirrigwarda r-Regolamenti Nru 505/2013 u Nru 629/2013, il-Kummissjoni ma għandha ebda setgħa, tkun xi tkun, li żżid il-kwoti u għall-kuntrarju hija obbligata timponi imposti għoljin u dissważivi fuq ir-rilaxx ta’ zokkor ’l fuq mill-kwota fis-suq tal-UE. Fir-rigward tal-irkanti tat-taxxa, huwa ċar li l-Kummissjoni ma għandha ebda mandat jew setgħa li tadotta miżura ta’ dan it-tip, li qatt ma kienet prevista fil-leġiżlazzjoni bażika. |
(3) |
It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, billi l-Kummissjoni ħolqot sistema li fiha d-dazji doganali ma humiex prevedibbli u fissi permezz tal-applikazzjoni ta’ kriterji konsistenti u oġġettivi, iżda huma minflok stabbiliti minn rieda suġġettiva biex tħallas (barra minn hekk ta’ operaturi li huma suġġetti għal pressjonijiet u inċentivi differenti ħafna f’dan ir-rigward) b’ebda rabta attwali mal-prodotti li effettivament qed jiġu importati. |
(4) |
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn il-Kummissjoni setgħet faċilment adottat miżuri inqas restrittivi biex tittratta n-nuqqas tal-provvista, li ma kinux jittieħdu b’mod esklużiv għad-detriment tar-raffinaturi li jimportaw. |
(5) |
Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-aspettattivi leġittimi, billi r-rikorrenti twasslu leġittimament biex jistennew li l-Kummissjoni kienet se tuża l-istrumenti disponibbli fir-Regolament Nru 1234/2007 biex tistabbilixxi mill-ġdid id-disponibbiltà tal-provvista ta’ zokkor tal-kannamieli mhux raffinat għall-irfinar. Ir-rikorrenti twasslu leġittimament ukoll biex jistennew li l-Kummissjoni se żżomm il-bilanċ bejn ir-raffinaturi li jimportaw u l-produtturi nazzjonali taz-zokkor. |
(6) |
Is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ diliġenza, kura u amministrazzjoni tajba, billi fil-ġestjoni tas-suq taz-zokkor, il-Kummissjoni ripetutament wettqet żbalji u awtokontradizzjonijiet fundamentali li juru, l-iktar l-iktar, nuqqas ta’ għarfien tal-mekkaniżmi bażiċi tas-suq. Pereżempju, il-karta tal-bilanċ tagħha — li tikkostitwixxi waħda mill-għodod ewlenin għall-kontenut u l-ħin l-iktar opportun għall-intervent fis-suq — kienet żbaljata bil-kbir u bbażata fuq metodoloġija difettuża. Barra minn hekk, l-azzjonijiet li ttieħdu mill-Kummissjoni kienu manifestament mhux xierqa fid-dawl tan-nuqqas tal-provvista. |
(7) |
Is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 39 TFUE billi l-Kummissjoni naqset milli tilħaq tnejn mill-għanijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni tat-Trattat. |
(8) |
It-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1006/2011 (10). Id-dazji li japplikaw għaz-zokkor abjad fil-fatt huma biss kemxejn ogħla minn dawk għaz-zokkor mhux raffinat, b’differenza ta’ EUR 20 biss kull tunnellata. Din tikkuntrasta sew mad-differenza ta’ EUR 80 bejn id-dazji fuq l-importazzjoni standard għaz-zokkor raffinat (EUR 419) u għaz-zokkor mhux raffinat għall-irfinar (EUR 339) li huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1006/2011. B’żieda ma’ dan, insostenn tat-talba tagħhom għad-danni, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni eċċediet serjament u manifestament il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lilha mir-Regolament Nru 1234/2007, minħabba l-passività u l-inadegwatezza tal-azzjoni tagħha. Barra minn hekk, in-nuqqas tal-Kummissjoni li tadotta miżuri adegwati jikkostitwixxi ksur manifest ta’ regola tad-dritt “maħsuba li tagħti drittijiet lill-individwi”. Il-Kummissjoni kisret b’mod partikolari l-prinċipji ġenerali tal-UE ta’ ċertezza legali, nondiskriminazzjoni, proporzjonalità, aspettattivi leġittimi u d-dmir ta’ diliġenza, kura u amministrazzjon tajba. |
(1) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 505/2013, tal-31 ta’ Mejju 2013, li jistabbilixxi miżuri ulterjuri eċċezzjonali fir-rigward tar-rilaxx ta’ zokkor u iżoglukożju ’l fuq mill-kwota fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed matul is-sena tas-suq 2012/2013 (ĠU L 147, p. 3)
(2) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 629/2013, tat-28 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi miżuri ulterjuri eċċezzjonali fir-rigward tar-rilaxx ta’ zokkor u iżoglukożju ’l fuq mill-kwota fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed matul is-sena tas-suq 2012/2013 (ĠU L 179, p. 55)
(3) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 574/2013, tad-19 ta’ Ġunju 2013, li jiffissa koeffiċjent tal-allokazzjoni għall-kwantitajiet disponibbli ta’ zokkor barra mill-kwota li jkunu se jinbiegħu fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed matul is-sena tas-suq 2012/2013 (ĠU L 168, p. 29)
(4) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 677/2013, tas-16 ta’ Lulju 2013, li jiffissa koeffiċjent tal-allokazzjoni għall-kwantitajiet disponibbli ta’ zokkor barra mill-kwota li jkunu se jinbiegħu fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed matul is-sena tas-suq 2012/2013 (ĠU L 194, p. 5)
(5) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 460/2013 tas-16 ta’ Mejju 2013 dwar id-dazju doganali minimu għaz-zokkor li għandu jiġi ffissat bi tweġiba għat-tielet sejħa parzjali għall-offerti fil-qafas tal-proċedura tal-offerti li nfetħet bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 36/2013 (ĠU L 133, p. 20)
(6) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 542/2013, tat-13 ta’ Ġunju 2013, dwar id-dazju doganali minimu għaz-zokkor li għandu jiġi ffissat bi tweġiba għar-raba’ sejħa parzjali għall-offerti fil-qafas tal-proċedura tal-offerti li nfetħet bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 36/2013 (ĠU L 162, p. 7)
(7) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 36/2013 tat-18 ta’ Jannar 2013 li jiftaħ sejħa permanenti għall-offerti għas-sena tas-suq 2012/2013 għall-importazzjonijiet ta’ zokkor tal-Kodiċijiet tan-NM bin-numri 1701 14 10 u 1701 99 10 b’dazju doganali mnaqqas (ĠU L 16, p. 7)
(8) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ĠU L 299, p. 1)
(9) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006, tal-20 ta’ Frar 2006 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 58, p. 1)
(10) Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1006/2011 tas-27 ta’ Settembru 2011 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 282, p. 1)