Scegli le funzioni sperimentali da provare

Questo documento è un estratto del sito web EUR-Lex.

Documento 62013TN0290

    Kawża T-290/13: Rikors ippreżentat fl- 24 ta’ Mejju 2013 — CMBG vs Il-Kummissjoni u l- BĊE

    ĠU C 226, 3.8.2013, pagg. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 226, 3.8.2013, pagg. 5–5 (HR)

    3.8.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 226/14


    Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Mejju 2013 — CMBG vs Il-Kummissjoni u l- BĊE

    (Kawża T-290/13)

    (2013/C 226/22)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: CMBG Ltd (Totola, il-Gżejjer Virġni Brittaniċi) (rappreżentanti: C. Paschalides, Solicitor, u A. Paschalides, avukat)

    Konvenuti: Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    tordna li jitħallas kumpens fl-ammont ta’ EUR 19 999 121,60 peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Memorandum ta’ Ftehim tas-26 ta’ April 2013 bejn Ċipru u l-konvenuti fil-paragrafi 1.23 sa 1.27 kienu jinkludu rekwiżiti li jiksru b’mod manifest liġi superjuri għall-protezzjoni tal-individwu, jiġifieri: l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 1 tal-Protokoll Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

    tiddikjara nulli l-kundizzjonijiet relevanti u tordna reviżjoni urġenti tal-istrumenti ta’ assistenza finanzjarja skont l-Artikolu 14 sa 18 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (“Trattat MES”) skont l-Artikolu 19 fid-dawl tas-sentenza tal-qorti bil-għan li jsiru emendi sabiex jikkonformaw mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; u

    sa fejn dak il-kumpens taħt l-ewwel kap tat-talba ma jipprovdix għall-fatt li l-kundizzjonijiet relevanti jiġu annullati, ordni għal ksur tal-Artikolu 263 TFUE.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.

    (1)

    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-kundizzjonijiet rilevanti fil-Memorandum ta’ Ftehim kienu jinkludu rekwiżiti li jiksru “jiksru b’mod manifest liġi superjuri għall-protezzjoni tal-individwu” (1) peress li:

    l-imsemmija regola hija superjuri peress li tinsab fil-Karta u fil-KEDB;

    permezz tal-Artikolu 51(1) tal-Karta u 6.2 TUE il-konvenuti huma obbligati li jirrispettaw u jwettqu d-drittijiet fundamentli żgurati mill-Karta u mill-KEDB; u

    depożiti bankarji huma proprjetà fis-sens tal-imsemmi artikolu 17 tal-Karta u l-Artikolu 1 tal-Protokoll 1 tal-KEDB.

    (2)

    It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-istanzi ta’ ksur imsemmija iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, kienu tant mifruxa li jammontaw għal ksur manifest ta’ liġi superjuri, kif ġej:

    fiż-żmien li fih ir-rikorrenti ġew imċaħħda mid-depożiti bankarji tagħhom ma kienx hemm fis-seħħ “kundizzjonijiet previsti mil-liġi,” fl-acquis li jittrattaw iċ-ċaħda tad-depożiti bakarji bi ksur tal-Karta u l-Protokoll;

    ir-rikorrenti ġew mċaħħda mid-depożiti mingħajr “ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli” bi ksur tal-Artikolu 17 tal-Karta u l-Artikolu 1 tal-Protokoll;

    iċ-ċaħda ta’ depożiti hija prima facie illegali sakemm “Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità. [din ma tkunx meħtieġa] u fejn ġenwinament [ikunu] jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.” (2);

    l-interess pubbliku li jikkompeti fil-prevenzjoni tal-paniku u tal-iżbank ta’ flus minn ħafna nies f’daqqa fis-sistema bankarja, fi żmien qasir u fi żmien medju, ma kienx ikkunsidrat fl-evalwazzjoni tal-interess pubbliku taħt l-Artikolu 17 tal-Karta u l-Artikolu 1 tal-Protokoll;

    l-għan ma kienx li ssir ħsara jew li jiġi ppenalizzat Ċipru iżda għall-benefiċċju tiegħu u dak taż-żona euro u b’hekk jingħataw għajnuna u ma jiġux destabbilizzati l-istituzzjonijiet finanzjarji tiegħu u l-vijabbiltà ekonomika tiegħu; u

    ma kien hemm l-ebda relazzjoni ta’ proporzjonalità tal-interferenza għal għan leġittimu peress li permezz tal-Artikolu 3 tat-Trattat MES 2012 l-għan ġenwin kien “sabiex ikun hemm mobilizzazzjoni ta’ finanzjament u jingħata appoġġ ta’ stabbiltà taħt konfidenzjalità stretta. għall-benefiċċju tal-Membri tal-MES li qed jesperjenzaw jew huma mhedda minn problemi finanzjarji severi, jekk huwa indispensabbli sabiex tissalvagwardja ż-żona tal-euro kollha kemm hi u tal-Istat Membru tagħha” mingħajr ma tiġi pparalizzata l-ekonomija tiegħu..

    (3)

    It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li ċ-ċaħda tad-depożiti tar-rikorrenti ma kenitx neċessarja jew proporzjonata.

    (4)

    Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li konsegwentement il-konvenuti kkawżaw iċ-ċaħda tad-depożiti bankarji lir-rikorrenti peress li, kieku mhux għall-ksur manifest, id-depożiti bankarji tar-rikorrenti kienu jkunu protetti mid-drittijiet tagħhom taħt il-Karta u l-Protokoll bir-riżultat li t-telf tar-rikorrenti kien suffiċjentement dirett u prevedibbli.

    (5)

    Il-ħames motiv, huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li jekk is-sottomissjonijiet ta’ hawn fuq huma fondati l-kundizzjonijiet rilevanti għandhom ikunu ddikjarati nulli minkejja li l-kundizzjonijiet rilevanti ġew indirizzati lil Ċipru, peress li huma kienu ta’ interess dirett u individwali għal kull rikorrent fuq il-bażi li l-kundizzjonijiet rilevanti u l-mod tal-implementazzjoni tagħhom jiksru t-Trattat u/jew regola ta’ dritt relatata mal-applikazzjoni tiegħu u/jew, sal-punt li huwa stabbilit li meta d-depożitu bankarju tar-rikorrent jkun mċaħħad, dan jimmina l-istat tad-dritt kontra l-Artikolu 6(1) TUE, kienu abbuż ta’ poter.


    (1)  Ara s-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 1971 fil-Kawża Zuckerfabrik Schoeppenstedt vs Il-Kunsill, C-5/71, Ġabra p. 975

    (2)  Artikolu 52(1) tal-Karta


    In alto