Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013TN0135

    Kawża T-135/13: Rikors ippreżentat fit- 28 ta’ Frar 2013 — Hitachi Chemical Europe et vs ECHA

    ĠU C 129, 4.5.2013, p. 26–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.5.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 129/26


    Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Frar 2013 — Hitachi Chemical Europe et vs ECHA

    (Kawża T-135/13)

    2013/C 129/51

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Hitachi Chemical Europe GmbH (Düsseldorf, il-Ġermanja); Polynt SpA (Scanzorosciate, l-Italja); u Sitre Srl (Milano, l-Italja) (rappreżentanti: K. Van Maldegem u C. Mereu, avukati)

    Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

    Talbiet tar-rikorrenti

    tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

    tannulla parzjalment id-Deċiżjoni ED/169/2012 tal-ECHA dwar l-inklużjoni tal-Hexahydromethylphthalic anhydride, tal-Hexahydro-4-methylphthalic anhydride, tal-Hexahydro-1-methylphthalic anhydride u tal-Hexahydro-3-methylphthalic anhydride (ilkoll flimkien imsejħa l-“MHHPA”) bħala sustanzi li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57(f) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (1) (“REACH”), b’konformità mal-Artikolu 59 tar-REACH, sa fejn din tirrigwarda l-MHHPA u l-monomeri tagħha.

    tordna lill-konvenuta tħallas l-ispejjeż tal-proċeduri.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

    (1)

    L-ewwel motiv ibbażat fuq allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni/liġi: (i) is-sensibilizzaturi respiratorji ma humiex koperti bl-Artikolu 57(f) tar-REACH u (ii) l-ECHA ma pprovdietx ġustifikazzjoni u evidenza suffiċjenti sabiex turi li l-MHHPA kienet ta’ “tħassib ekwivalenti” għal karċenoġenu, mutaġenu jew tossikant għar-riproduzzjoni (“KMR”), kategorija 1, peress li:

    is-sustanzi KMR iqanqlu effetti irriversibbli filwaqt li, fil-każ tal-MHHPA, l-effetti tas-sensitizzazzjoni respiratorja ma humiex irriversibbli;

    il-konsumaturi u l-ħaddiema ma humiex esposti għall-MHHPA;

    l-evalwazzjoni tal-MHHPA hija bbażata fuq data li hija antika u skaduta;

    l-evalwazzjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-data rilevanti kollha; u

    l-evalwazzjoni hija prinċipalment ibbażata fuq analoġija ma’ sustanza oħra li hija xjentifikament dubjuża u li turi d-data fqira u limitata użata għall-evalwazzjoni tal-MHHPA.

    (2)

    It-tieni motiv ibbażat fuq allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża, peress li r-rikorrenti ma kellhomx l-opportunità li jiddefendu l-każ tagħhom b’mod komplet minħabba n-nuqqas ta’ kriterji oġġettivi sabiex jiġi kkunsidrat jekk sustanza hijiex ta’ tħassib ekwivalenti skont l-Artikolu 57(f) tar-REACH, speċjalment fil-każ ta’ sensibilizzatur respiratorju bħall-MHHPA, u peress li l-ECHA ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha disponibbli jew ipprovduta mill-industrija matul il-perijodu għall-kummenti.

    (3)

    It-tielet motiv ibbażat fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-ECHA kellha għażla ta’ miżuri fir-rigward tal-MHHPA u, billi identifikat l-MHHPA bħala Sustanza ta’ Tħassib Serju Ħafna (“STSĦ”), ikkawżat żvantaġġi lir-rikorrenti li huma sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet segwiti.


    (1)  Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1)


    Top