Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013TN0034

    Kawża T-34/13: Rikors ippreżentat fit- 23 ta’ Jannar 2013 — Meta Group vs Il-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C 79, 16.3.2013, p. 27–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.3.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 79/27


    Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Jannar 2013 — Meta Group vs Il-Kummissjoni Ewropea

    (Kawża T-34/13)

    2013/C 79/48

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Partijiet

    Rikorrenti: Meta Group Srl (Ruma, l-Italja) (rappreżentanti: A. Bartolini, V. Colcelli, u A. Formica, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla n-Nota Nru 1687862 tad-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriża u l-Industrija tal-11 ta’ Diċembru 2012;

    tannulla r-Rapport tal-Verifika Nru S12.16817;

    u sa fejn meħtieġ:

    tannulla n-Nota tad-DĠ għall-implementazzjoni tal-Baġit (baġit ġenerali u EDF) tal-Kummissjoni Ewropea, tat-12 ta’ Novembru 2012, dwar il-“Pagament permezz ta’ tpaċija ma kreditu tal-Kummissjoni” li biha l-Kummissjoni kkomunikat li l-kreditu ta’ EUR 69 061,80 li Meta Group iddikjarat li kien dovut mingħand il-Kummissjoni fir-rigward tal-kuntratt Take-it-Up (Nru 245637) kien ġie mpaċi mad-debitu korrispondenti dovut minn Meta Group kif jidher fin-Nota ta’ Debitu Nru 32412078833;

    tannulla n-Nota Nru 1380282 tad-DĠ għall-implimentazzjoni tal-Baġit (baġit ġenerali u EDF) tal-Kummissjoni Ewropea, tal-21 ta’ Novembru 2012, dwar it-tpaċija tal-kreditu ta’ EUR 16 772,36 li Meta Group iddikjarat li kien dovut mingħand il-Kummissjoni fir-rigward tal-kuntratt BCreative (Nru 245599), mad-debitu korrispondenti, kif jidher fin-Nota ta’ Debitu Nru 32412078833;

    tannulla n-Nota Nru 1380323 tad-DĠ għall-implimentazzjoni tal-Baġit (baġit ġenerali u EDF) tal-Kummissjoni Ewopea, tal-21 ta’ Novembru 2012, dwar it-tpaċija tal-kreditu ta’ EUR 16 772,36 li Meta Group iddikjarat li kien dovut mingħand il-Kummissjoni fir-rigward tal-kuntratt BCreative mad-debitu ekwivalenti korrispondenti;

    tannulla n-Nota Nru 1387638 tad-DĠ għall-implimentazzjoni tal-Baġit (baġit ġenerali u EDF) tal-Kummissjoni Ewropea, tat-22 ta’ Novembru 2012, dwar it-tpaċija tal-kreditu ta’ EUR 220 518,25 li Meta Group iddikjarat li kien dovut mingħand il-Kummissjoni fir-rigward tal-kuntratt Take-it-Up (Nru 245637) u l-kuntratt Ecolink+ (Nru 256224) mas-somma ta’ EUR 209 108,92, kif tirriżulta fin-Nota ta’ Debitu Nru 32412078833;

    u għaldaqstant, tikkundanna lill-Amministrazzjoni għal ħlas favur ir-rikorrenti fl-ammont ta’ EUR 424 787,9, bl-interessi moratorji;

    tikkundanna lill-Amministrazzjoni għall-ħlas tad-dannu konsegwenti subit mir-rikorrenti.

    u tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Dan ir-rikors jirrigwarda l-ftehim ta’ għajnuna konkluż bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni fil-kuntest tal-“Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) (2007-2013)”.

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

    (1)

    L-ewwel motiv ibbażat fuq allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatt, fuq ksur tal-Emenda Nru 1 tal-kuntratt Ecolink+, tal-14 ta’ Ottubru 2011, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, u ksur tal-prinċipji ta’ rispett tad-drittijiet kweżiti, ta’ ċertezza legali u ta’ dmir ta’ premura.

    Fuq dan il-punt, huwa sostnut li l-aġir tal-Kummissjoni kien jinkludi ksur tal-impenji kuntrattwali li daħlet għalihom fil-konfront ta’ Meta Group, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-aċċettazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu propost mir-rikorrenti.

    (2)

    It-tieni motiv ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 11 tal-ftehim ta’ għajnuna li jikkonċerna l-Programm CIP (BCreative, Take-it-Up, Ecolink+), fuq ksur tal-prinċipju ta’ raġonevolezza, kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti.

    Fuq dan il-punt, huwa sostnut li r-rikorrenti pproduċiet il-prova li r-remunerazzjoni tal-ħaddiema tagħha kienet konformi kemm mal-valur tas-suq kif ukoll mar-remunerazzjoni ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom parasubordinati (“konsulenti in house”) u ta’ impjegati li jwettqu attivitajiet simili. Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, dawn il-minimi jistgħu jiżdiedu anki b’100 % jekk is-servizz mitlub huwa “partikolarment importanti, kumpless jew diffiċli” (ara l-Artikolu 6(1) tad-Digriet Ministerjali Nru 169 tat-2 ta’ Settembru 2010). L-ingaġġ, minn naħa ta’ Meta Group, ta’ esperti internazzjonali midħla f’attivitajiet marbuta mal-proġetti inkwistjoni abbażi ta’ “kollaborazzjoni kuntrattwali kontinwa u koordinata” huwa wkoll perfettament leġittimu.

    (3)

    It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-azzjoni amministrattiva u fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ trasparenza u ta’ predeterminazzjoni tal-kriterji.

    F’dan ir-rigward, huwa sostnut li l-eżistenza ta’ numru ta’ kriterji li jistgħu jintużaw għad-determinazzjoni tal-metodi li jikkalkulaw ir-remunerazzjonijiet kellu jwassal lill-amministrazzjoni sabiex tadotta l-iktar kriterju favorevoli għal individwi privati. Ladarba ġie magħruf li hemm diskrepanza konsiderevoli bejn ir-rata mħallsa fis-swieq Taljani u dawk Ewropej għall-istess servizzi, l-aġir xieraq tal-amministrazzjoni kellu jkun li tiġi adottata s-soluzzjoni li tikkawża l-inqas detriment possibbli lir-rikorrenti.

    (4)

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti, fuq ksur tal-Emenda Nru 1 tal-kuntratt Ecolink+, tal-14 ta’ Ottubru 2011, u fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ bona fide, ta’ rispett tad-drittijiet kweżiti, ta’ ċertezza legali u ta’ dmir ta’ premura

    Fuq dan il-punt, huwa sostnut li d-deċiżjonijiet ta’ tpaċija huma illegali, peress illi s-somom indikati bħala krediti dovuti lil Meta Group fir-rigward tal-kuntratti msemmija iktar ’il fuq huma ħafna inqas minn dawk attwalment dovuti. B’mod partikolari l-Kummissjoni, permezz tal-final audit report ikkontestat f’din il-kawża, applikat b’mod arbitrarju, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ispejjeż eliġibbli li jikkonċernaw il-ħaddiema, rata fis-siegħa sostanzjament inqas minn dik proposta minn Meta Group.

    (5)

    Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll fuq motivazzjoni insuffiċjenti.

    Fuq dan il-punt, huwa sostnut li d-deċiżjonijiet ta’ tpaċija huma kompletament nieqsa minn motivazzjoni, anki fir-rigward tal-kriterji u tal-parametri użati fil-kalkolu. Għalhekk, peress li l-konklużjonijiet finali tar-rapport ta’ verifika ma kinux disponibbli għall-Meta Group meta ġiet innotifikata bid-deċiżjonijiet ta’ tpaċija inkwistjoni, il-Kummissjoni kellha tipprovdi kjarifika fir-rigward tal-evalwazzjonijiet magħmula abbażi tad-deċiżjoni li tuża metodi differenti għall-kalkolu tal-ispejjeż eliġibbli mill-metodi ddeterminat fil-kuntratti.

    (6)

    Is-sitt motiv ibbażat fuq allegat żball manifest fil-kalkolu mwettaq fil-kuntest tad-determinazzjoni tas-somom dovuti lir-rikorrenti.

    F’dan ir-rigward, huwa sostnut li anki l-kalkoli mwettqa mill-Kummissjoni għal finijiet ta’ tpaċija jidhru li huma żbaljati, anki jekk tiġi applikata r-rata fissa li tikkonċerna l-Programm “Marie Curie”, il-kontijiet huma inkonsistenti.


    Top