Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013TN0003

    Kawża T-3/13: Rikors ippreżentat fis- 7 ta’ Jannar 2013 — Ronja vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 79, 16.3.2013, p. 22–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.3.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 79/22


    Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Jannar 2013 — Ronja vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-3/13)

    2013/C 79/39

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrenti: Ronja s.r.o. (Znojmo, ir-Repubblika Ċeka) (rappreżentant: E. Engin Deniz, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrent titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tipproċedi għall-proċedura orali;

    tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni f’Gestdem 2012/3329 u tippermetti l-aċċess għad-dokumenti kollha;

    tikkonstata li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi ma tatx bidu għal proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika tal-Awstrija minħabba ksur tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2001/37/KE (1) u tal-Artikolu 34 TFUE abbażi tal-Artikolu 7a tal-Att Awstrijak dwar it-Tabakk;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża u tar-rappreżentazzjoni.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka fost oħrajn il-motivi li ġejjin.

    (1)

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (2)

    Fuq dan il-punt, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess sħiħ għad-dokumenti mitluba (ittri bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Kummissjoni b’konnessjoni mal-ilment Nru 2008/4340 fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ konformità tal-Att Awstrijak dwar it-Tabakk mad-Direttiva 2001/37) għall-biċċa l-kbira fuq il-bażi tal-argumenti tal-awtoritajiet Awstrijaċi, mingħajr ma eżaminat il-kontenut ta’ dawn l-argumenti. Skont ir-rikorrenti, madankollu, ma huwiex l-aċċess għad-dokumenti, iżda r-rifjut ta’ aċċess li kellu effetti negattivi fuq il-proċedura dwar ir-responsabbiltà tal-Istat li hija bdiet quddiem il-Verfassungsgerichthof tal-Awstrija. Hija żżid li l-iskop tad-deroga fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 kien pjuttost jeżiġi l-għoti ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni.

    (2)

    It-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas li jingħata bidu għal proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika tal-Awstrija minħabba ksur tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2001/37 u tal-Artikolu 34 TFUE abbażi tal-Artikolu 7a tal-Att Awstrijak dwar it-Tabakk

    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti b’mod partikolari ssostni li kieku ngħata bidu għal proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, fid-deċiżjoni tagħha fuq ir-responsabbiltà tal-Istat, il-Verfassungsgerichthof tal-Awstrija ma setgħetx tasal fid-deċiżjoni tagħha dwar id-drittijiet tar-rikorrenti li jirriżultaw mir-responsabbiltà tal-Istat għall-konklużjoni li d-Direttiva 2001/37 tagħti biss drittijiet lill-konsumaturi iżda mhux lill-impriżi.


    (1)  Direttiva 2001/37/KE tal-Parlament Ewropej u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Ġunju 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrelataw mal-manifattura, preżentazzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 147).

    (2)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).


    Top