Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013TJ0546

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tas-26 ta’ Frar 2016.
Ante Šumelj et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Adeżjoni tal-Kroazja fl-Unjoni – Tħassir qabel l-adeżjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-ħolqien tal-professjoni ta’ uffiċjal pubbliku ta’ eżekuzzjoni – Dannu subit mill-persuni li ġew preċedentement maħtura uffiċjali pubbliċi ta’ eżekuzzjoni – Nuqqas ta’ adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ miżuri maħsuba sabiex jiġu osservati l-obbligi tal-adeżjoni – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Artikolu 36 tal-Att ta’ adeżjoni.
Kawżi magħquda T-546/13, T-108/14 u T-109/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2016:107

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

26 ta’ Frar 2016 ( *1 )

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Adeżjoni tal-Kroazja fl-Unjoni — Tħassir qabel l-adeżjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-ħolqien tal-professjoni ta’ aġent pubbliku ta’ eżekuzzjoni — Dannu subit mill-persuni li ġew preċedentement maħtura uffiċjali pubbliċi ta’ eżekuzzjoni — Nuqqas ta’ adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ miżuri maħsuba sabiex jiġu osservati l-obbligi tal-adeżjoni — Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi — Artikolu 36 tal-Att ta’ adeżjoni”

Fil-Kawżi magħquda T‑546/13, T‑108/14 u T‑109/14,

Ante Šumelj, residenti f’Zagreb (il-Kroazja), u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness, irrappreżentati minn M. Krmek, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Ćutuk u G. Wils kif ukoll, fil-Kawżi T‑546/13 u T‑108/14, minn S. Ječmenica, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett rikors għad-danni maħsub sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu allegatament subit mir-rikorrenti minħabba l-aġir żbaljat tal-Kummissjoni fis-sorveljanza tagħha tal-osservanza tal-obbligi tal-adeżjoni mir-Repubblika tal-Kroazja,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Gervasoni (Relatur) u L. Madise, Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-15 ta’ Settembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-kuntest ġuridiku

1

L-Artikolu 36 tal-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2012, L 112, p. 21, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ adeżjoni”), anness mat-Trattat bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u r-Repubblika tal-Kroazja dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (ĠU 2012, L 112, p. 10, iktar ’il quddiem it-“Trattat ta’ adeżjoni”), jistabbilixxi:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja mill-qrib l-impenji kollha meħudin mill-Kroazja fin-negozjati dwar l-adeżjoni, inklużi dawk li għandhom jintlaħqu qabel jew sad-data tal-adeżjoni. Il-monitoraġġ mill-Kummissjoni għandu jikkonsisti minn tabelli ta’ monitoraġġ aġġornati regolarment, id-djalogu taħt il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Kroazja, min-naħa l-oħra [...], missjonijiet ta’ valutazzjoni mill-pari, il-programm ekonomiku ta’ qabel l-adeżjoni, notifiki fiskali u, fejn meħtieġ, ittri ta’ twissija bikrija lill-awtoritajiet Kroati. Fil-ħarifa tal-2011, il-Kummissjoni għandha tippreżenta Rapport ta’ Progress lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fil-ħarifa tal-2012 hija għandha tippreżenta Rapport ta’ Monitoraġġ Komprensiv lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Tul il-proċess kollu ta’ monitoraġġ, il-Kummissjoni għandha tagħmel użu wkoll mill-kontribut mill-Istati Membri u tikkunsidra l-kontribut minn organizzazzjonijiet internazzjonali u tas-soċjetà ċivili kif adatt.

Il-monitoraġġ tal-Kummissjoni għandu jiffoka b’mod partikolari fuq l-impenji li ttieħdu mill-Kroazja fil-qasam tad-drittijiet ġudizzjarji u fundamentali (l-Anness VII), inkluż l-iżvilupp kontinwu ta’ rekords dwar ir-riforma u l-effiċjenza ġudizzjarja, it-trattament imparzjali ta’ każijiet ta’ reati tal-gwerra, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

[...]

Bħala parti integrali mit-tabelli u r-rapporti ta’ monitoraġġ regolari tagħha, il-Kummissjoni għandha toħroġ valutazzjonijiet ta’ kull sitt xhur sal-adeżjoni tal-Kroazja dwar l-impenji meħudin mill-Kroazja f’dawn l-oqsma.

2.   Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jieħu l-miżuri kollha adatti jekk jiġu identifikati kwistjonijiet ta’ tħassib waqt il-proċess ta’ monitoraġġ. Il-miżuri ma għandhomx jinżammu aktar milli huwa strettament meħtieg u, fi kwalunkwe każ, għandhom jitneħħew mill-Kunsill, waqt li jaġixxi skont l-istess proċedura, meta jkunu ġew indirizzati b’mod effettiv il-kwistjonijiet rilevanti ta’ tħassib.”

2

Skont l-Anness VII tal-Att ta’ adeżjoni, intitolat “Impenji speċifiċi meħudin mir-Repubblika tal-Kroazja fin-negozjati tal-adeżjoni” (imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 36 tal-Att ta’ adeżjoni)”:

“1.   Li tkompli tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha għar-Riforma Ġudizzjarja.

2.   Li tkompli ssaħħaħ l-indipendenza, id-dmir ta’ rendikont, l-imparzjalità u l-professjonaliżmu tal-ġudikatura.

3.   Li tkompli ttejjeb l-effiċjenza tal-ġudikatura..

[...]

6.   Li tkompli ttejjeb ir-rekord tagħha ta’ miżuri ta’ prevenzjoni msaħħa fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-konflitt ta’ interess.

[...]

9.   Li tkompli ttejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.

[...]”

3

L-Artikolu 36 tal-Att ta’ adeżjoni japplika, skont l-Artikolu 3(5) tat-Trattat ta’ adeżjoni, mid-data tal-iffirmar tal-imsemmi Trattat, jiġifieri mid-9 ta’ Diċembru 2011.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

4

Bil-ħsieb tal-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Kroazja ffirmat, fid-29 ta’ Ottubru 2001, il-ftehim ta’ stabilizzazzjoni u ta’ assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Kroazja, min-naħa l-oħra (ĠU 2005, L 26, p. 3), li permezz tiegħu hija impenjat ruħha li tosserva l-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll il-prinċipji tad-dritt internazzjonali u tal-istat tad-dritt.

5

Wara l-ħruġ ta’ opinjoni favorevoli tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-osservanza tal-kriterji rikjesti għall-ftuħ tan-negozjati tal-adeżjoni, in-negozjati marbuta mal-Kapitolu 23 tan-negozjati tal-adeżjoni, intitolat “Setgħa ġudizzjarja u drittijiet fundamentali”, infetħu waqt il-konferenza intergovernattiv tat-30 ta’ Ġunju 2010.

6

Fit-titwil tal-pjan ta’ azzjoni rivedut għar-riforma ġudizzjarja tal-20 ta’ Mejju 2010 (iktar ’il quddiem il-“pjan ta’ azzjoni 2010”), li jipprevedi b’mod partikolari l-istituzzjoni ta’ aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni, il-Parlament Kroat adotta fit-23 ta’ Novembru 2010 l-Ovršni zakon (liġi dwar l-eżekuzzjoni forzata) (NN 139/10, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar l-eżekuzzjoni forzata”) u z-Zakon o javnim ovršiteljima (liġi dwar l-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni) (NN 139/10, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar l-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni”), li stabbilixxew reġim ġdid ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji. Skont l-Artikolu 122 tal-liġi dwar l-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni, ċerti dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi kellhom jidħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2012, filwaqt li d-dispożizzjonijiet l-oħra kellhom jidħlu fis-seħħ fil-jum tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja tal-Unjoni. Il-Parlament Kroat adotta wkoll fil-15 ta’ Diċembru 2010 l-istrateġija ta’ riforma tal-ġustizzja għall-perijodu 2011-2015 (iktar ’il quddiem l-“istrateġija ta’ riforma ġudizzjarja 2011-2015”), li tispeċifika li l-awtoritajiet Kroati kienu ddeċidew li jsolvu l-problema tal-ineffiċjenza tas-sistema ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji permezz ta’ riforma radikali tas-sistema bbażata fuq it-trasferiment tal-eżekuzzjoni forzata tal-qrati lil aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni.

7

In-negozjati marbuta mal-Kapitolu 23 ingħalqu waqt il-konferenza intergovernattiva tat-30 ta’ Ġunju 2011, wara l-għoti lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Kroati tar-rapport tagħhom tat-12 ta’ Mejju 2011 marbut mal-osservanza tal-obbligi previsti mill-imsemmi kapitolu.

8

Wara l-pubblikazzjoni, fid-19 ta’ Awwissu 2011, ta’ sejħa pubblika għal kandidaturi bil-ħsieb li jinħatru aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni mill-ministeru ta-ġustizzja Kroat, Ante Šumelj u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jinsabu fl-Anness, li għaddew mill-kompetizzjoni inkwistjoni, inħatru aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni permezz tad-deċiżjonijiet ministerjali tal-24 ta’ Ottubru 2011, ħadu l-ġurament fit-12 ta’ Diċembru 2011 u kisbu l-awtorizzazzjoni sabiex jibdew jeżerċitaw l-attività tagħhom.

9

Fit-tabella ta’ segwitu tal-progress miksub fl-impenji meħuda fit-titolu tal-Kapitolu 23 għall-perijodu ta’ bejn it-30 ta’ Ġunju u l-1 ta’ Settembru 2011 kif ukoll fir-rapporti tagħha u l-opinjoni tat-12 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni indikat b’mod partikolari li r-Repubblika tal-Kroazja kienet tipprogressa b’osservanza tal-impenji tagħha u li r-riforma ġudizzjarja kienet ser issir u tirrikjedi attenzjoni kostanti, b’mod partikolari fir-rigward tal-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja.

10

Fid-9 ta’ Diċembru 2011, ġie ffirmat bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u r-Repubblika tal-Kroazja, it-Trattat ta’ adeżjoni. It-Trattat ta’ adeżjoni, li ġie rratifikat f’Jannar tal-2012 mir-Repubblika tal-Kroazja, ġie ppubblikat fl-24 ta’ April 2012 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-Att ta’ adeżjoni, anness mat-Trattat ta’ adeżjoni, jipprevedi fl-Artikolu 36 is-sorveljanza mill-Kummissjoni tal-impenji meħuda mir-Repubblika tal-Kroazja matul in-negozjati ta’ adeżjoni (ara l-punti 1 sa 3 iktar ’il fuq).

11

Fit-22 ta’ Diċembru 2011, il-Parlament Kroat, fis-seduta inawgurali tiegħu wara l-elezzjonijiet leġiżlattivi tar-4 ta’ Diċembru 2011, iddeċieda li jipposponi l-applikazzjoni tal-liġi dwar l-eżekuzzjoni forzata u tal-liġi dwar l-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni għall-1 ta’ Lulju 2012.

12

Waqt laqa’ bejn ir-rappreżentanti tad-delegazzjoni tal-Unjoni mir-Repubblika tal-Kroazja u l-awtoritajiet Kroati li nżammet fil-25 ta’ Jannar 2012, il-ministeru tal-ġustizzja Kroat spjega dan ir-rapport u impenja ruħu li jikkonsulta lill-Kummissjoni dwar inizjattivi leġiżlattivi ġodda kif ukoll dwar l-analiżi u l-viżjoni tas-sistema ta’ eżekuzzjoni. F’ittra tat-30 ta’ Jannar 2012 mibgħuta lil ċerti aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni, il-kap tal-imsemmija delegazzjoni tal-Unjoni indika li, fil-kuntest tal-missjoni li hija ġiet fdata biha li ssegwi mill-qrib l-impenji meħuda mir-Repubblika tal-Kroazja, il-Kummissjoni kienet issegwi r-riforma tas-sistema ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet tal-ġustizzja u li kienet ser taqsam mal-awtoritajiet Kroati, jekk dan ikun neċessarju, l-opinjoni tagħha fil-kuntest ta’ dan is-segwitu.

13

Fit-tabella ta’ segwitu għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Settembru 2011 u d-29 ta’ Frar 2012 bħal, essenzjalment, fir-rapport tagħha tal-24 ta’ April 2012, il-Kummissjoni enfasizzat li r-riforma tas-sistema ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji kellha titmexxa bi prijorità, billi jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-posponiment tad-dħul fis-seħħ tal-liġi dwar l-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni.

14

Matul iż-żewġ laqgħat tad-9 ta’ Marzu 2012 u permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni talbet spjegazzjonijiet marbuta ma’ dan ir-rapport. Hija esprimiet ukoll it-tħassib tagħha dwar l-assenza ta’ konsultazzjoni tal-awtoritajiet tal-Unjoni qabel l-imsemmi rapport u enfasizzat in-neċessità għall-awtoritajiet Kroati li jiddefinixxu kemm jista’ jkun malajr pożizzjoni ċara dwar il-kwistjoni tas-sistema ta’ eżekuzzjoni tas-deċiżjonijiet ġudizzjarji filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti ta’ effiċjenza.

15

Permezz tal-ittri tal-21 u 22 ta’ Mejju 2012, l-awtoritajiet Kroati ttrażmettew lill-Kummissjoni spjegazzjonijiet marbuta mar-riforma tas-sistema ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji kif ukoll mal-abbozzi tal-liġijiet korrispondenti.

16

Waqt laqgħa tal-5 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni indikat lill-awtoritajiet Kroati li l-emendi tal-miżuri maqbula matul in-negozjati ta’ adeżjoni kellhom jiġu ġġustifikati permezz ta’ raġunijiet serji u kellhom jippermettu li jintlaħqu riżultati ekwivalenti, filwaqt li talbet il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni marbuta ma’ tali riżultati.

17

Fil-21 ta’ Ġunju 2012 ġiet adottata l-liġi li temenda l-liġi dwar l-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni, billi tipposponi d-dħul fis-seħħ tagħha għall-15 ta’ Ottubru 2012.

18

Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Ġunju 2012 indirizzata lill-awtoritajiet Kroati, il-Kummissjoni speċifikat il-kriterji li fid-dawl tagħhom kellha tiġi evalwata r-riforma tas-sistema ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, talbet il-komunikazzjoni tad-data tal-istatistika marbuta mal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni u pproponiet l-għajnuna tad-dipartimenti tagħha.

19

Fit-tabella ta’ segwitu għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Marzu sal-1 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni tenniet essenzjalment l-opinjoni tagħha maħruġa fit-tabella ta’ segwitu preċedenti u indikat li, fid-dawl tal-osservanza, fil-ġeneralità, tal-impenji tagħha mir-Repubblika tal-Kroazja, din tal-aħħar għandha tkun f’pożizzjoni li timplementa l-acquis tal-Unjoni mill-adeżjoni.

20

Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Settembru 2012, wieħed mir-rikorrenti ppreżenta lment lill-Kummissjoni fejn ġibdilha l-attenzjoni dwar l-inosservanza mir-Repubblika tal-Kroazja tal-impenji tagħha ta’ adeżjoni u fejn allega li din ma aġixxietx sabiex tiżgura din l-osservanza.

21

Fil-25 ta’ Settembru 2012, fl-okkażjoni ta’ laqa’ bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Kroati, ġew diskussi s-soluzzjonijiet previsti mil-liġi l-ġdida dwar l-eżekuzzjoni forzata matul l-adozzjoni kif ukoll il-possibbiltà li jsir titjib addizzjonali.

22

Permezz ta’ liġi tat-28 ta’ Settembru 2012, il-liġi dwar l-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni tħassret peress li din il-professjoni tħassret sa mill-15 ta’ Ottubru 2012.

23

Fir-rapport tagħha tal-10 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni esprimiet it-tħassib tagħha fir-rigward taż-żieda ta’ numru ta’ kawżi marbuta mal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji mhux riżolti u indikat li waħda mill-azzjonijiet li kellha tingħata attenzjoni partikolari mill-awtoritajiet Kroati fix-xhur li ġejjin kienet l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida fil-qasam tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji u li jitnaqqas in-numru ta’ kawżi b’lura li huma marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi.

24

Permezz ta’ ittri tat-8 u tad-19 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni wieġbet lil diversi aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni li hija kienet tiżgura s-segwitu tal-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida fil-qasam tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, billi tistabbilixxi rapporti u billi tiżgura b’mod partikolari l-kontribuzzjoni ta’ sistema ġdida għat-tnaqqis tal-proċeduri ġudizzjarji b’lura.

25

Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Diċembru 2012, li twieġeb għall-ittra tal-awtoritajiet Kroati tal-10 ta’ Ottubru 2012 billi tinformahom bl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida fil-qasam tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, il-Kummissjoni fakkret il-kriterji li jippermettu li jitkejlu r-riżultati ta’ din il-leġiżlazzjoni l-ġdida u enfasizzat in-neċessità ta’ miżuri ta’ urġenza sabiex l-imsemmija leġiżlazzjoni tipproduċi riżultati konklużivi qabel l-1 ta’ Lulju 2013.

26

Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2013, l-Ustavni sud (qorti kostituzzjonali, il-Kroazja) ċaħdet it-talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ stħarriġ tal-kostituzzjonalità tal-liġi li tipposponi l-applikazzjoni tal-liġi dwar l-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni. Madankollu dik il-qorti rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ ħsara għall-aspettattivi leġittimi tal-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni maħtura sabiex jibdew jeżerċitaw l-attività tagħhom mill-1 ta’ Jannar 2012 u għal din ir-raġuni, ordnat, bħala kumpens, il-ħlas ta’ somma f’pagament wieħed lil dawn l-aġenti, mingħajr preġudizzju għad-dritt tagħhom li jitolbu kumpens skont ir-regoli ġenerali tad-dritt tal-obbligazzjonijiet.

27

Fit-tabella ta’ segwitu għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Settembru 2012 u t-28 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni enfasizzat il-progress milħuq mir-Repubblika tal-Kroazja, billi għamlet riferiment għat-tnaqqis tal-kawżi ċivili mhux riżolti fil-qasam tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji bejn Settembru u Diċembru 2012 (tnaqqis ta’ bejn 4.28 % u 28.85 %).

28

Fir-rapport tagħha tas-26 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni indikat li r-Repubblika tal-Kroazja kienet mexxiet sewwa l-azzjoni prioritarja marbuta mal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida fil-qasam tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi bil-għan li tiżgura l-applikazzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji u li jitnaqqas in-numru ta’ kawżi b’lura li huma marbuta mal-eżekuzzjoni tas-sentenzi.

29

Fit-22 ta’ April 2013, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea laqa’ b’sodisfazzjon dan ir-rapport ta’ segwitu tal-Kummissjoni, kif ukoll it-tabelli ta’ segwitu li jakkumpanjawh, u ħa nota tal-konklużjoni li, b’mod ġenerali, ir-Repubblika tal-Kroazja kienet tosserva l-impenji tagħha u kienet tissodisfa r-rekwiżiti naxxenti min-negozjati ta’ adeżjoni. Huwa rrileva wkoll li l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja kienet tikkostitwixxi t-tlestija ta’ proċess ta’ negozju mmexxi b’qawwa u ta’ segwitu attent tal-preparamenti ta’ qabel l-adeżjoni.

30

Fir-risposta tagħha tat-23 ta’ April 2013 lill-president tal-assoċjazzjoni kkostitwita bil-għan li jiġu rrappreżentati l-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni, il-Kummissjoni enfasizzat li hija kienet segwiet mill-qrib ir-riforma tas-sistema ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi u speċifikat li hija kienet tħalli lill-pajjiż kandidat il-possibbiltà li jagħżel il-mudell tiegħu tas-sistema ta’ eżekuzzjoni, bil-kundizzjoni li dan il-mudell jipproduċi r-riżultati rikjesti u li jkun konformi mal-istandards tal-Unjoni kif ukoll mal-aħjar prattiki.

31

Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ April 2013, l-Ustavni sud ċaħdet it-talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ stħarriġ tal-kostituzzjonalità tal-liġi li tħassar il-liġi dwar l-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni. Hija indikat b’mod partikolari li ma eżaminatx l-allegazzjonijiet tal-assoċjazzjoni Kroata tal-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni marbuta man-nuqqas ta’ osservanza tat-Trattat ta’ adeżjoni, peress li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet, fir-rapport tagħha tas-26 ta’ Marzu 2013, l-osservanza mir-Repubblika tal-Kroazja tal-impenji ta’ adeżjoni tagħha.

32

Ir-Repubblika tal-Kroazja saret membru tal-Unjoni fl-1 ta’ Lulju 2013.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

33

Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Settembru 2013 (Kawża T-546/13) u fis-17 ta’ Frar 2014 (Kawżi T-108/14 u T-109/14), ir-rikorrenti ppreżentat dawn ir-rikorsi.

34

Permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Mejju 2014, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali għaqqad flimkien il-Kawżi T‑546/13, T‑108/14 u T‑109/14 għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali possibbli u tad-deċiżjoni li ttemm din il-kawża.

35

Permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Lulju 2014, huwa għaqqad it-tliet eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà invokati f’dawn it-tliet kawżi mal-mertu.

36

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż marbuta ma’ dawn l-eċċezzjonijiet;

tikkonstata, permezz ta’ sentenza dikjaratorja, li l-Unjoni hija responsabbli għad-danni li huma batew u tissospendi l-istanza marbuta mal-istabbiliment tal-ammont tal-imsemmija danni sal-mument li s-sentenza dikjaratorja tkun akkwistat l-awtorità ta’ res judicata;

tirriżerva l-ispejjeż u, fl-ipoteżi li l-Qorti Ġenerali ma tagħtix sentenza dikjaratorja, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

37

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

prinċipalment, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

sussidjarjament, tiċħad ir-rikorsi bħala infondati;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

38

B’risposta għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, il-Kummissjoni rrinunzjat għall-eċċezzjonijiet tagħha ta’ inammissibbiltà, u ta’ dan ittieħdet nota fil-verbal tas-seduta.

Id-dritt

39

Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE għal aġir illegali tal-korpi tagħha hija suġġetta għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l‑illegalità tal-allegat aġir tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu, u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegat aġir u d-dannu invokat (ara s-sentenzi tad-19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il-Kummissjoni, C‑221/10 P, Ġabra, EU:C:2012:216, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Mejju 2013, Gap granen & producten vs Il-Kummissjoni, T‑437/10, EU:T:2013:248, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta man-natura illegali tal-aġir allegat tal-istituzzjonijiet, ukoll skont ġurisprudenza stabbilita, huwa biss ksur suffiċjentement gravi ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet lil individwi, li jippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98 P, Ġabra, EU:C:2000:361, punti 4243 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-2 ta’ Marzu 2010, Arcelor vs Il-Parlament u l-Kunsill, T‑16/04, Ġabra, EU:T:2010:54, punt 141 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Preliminarjament jeħtieġ li jiġi speċifikat li l-aġir allegatament illegali li ġie allegat f’dan il-każ fil-konfront tal-Kummissjoni jikkonsisti unikament f’ommissjoni illegali, jiġifieri dik li ma adottatx il-miżuri li kienu jippermettu li jwaqqfu t-tħassir tal-liġi dwar l-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni. Fil-fatt, b’mod kuntrarju għal dak li sostnew ir-rikorrenti waqt is-seduta, il-fatt li nħarġet opinjoni favorevoli fl-aħħar rapport ta’ segwitu tal-preparazzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja (ara l-punt 28 iktar ’il fuq) hija inkluża fit-total ta’ ommissjonijiet tal-Kummissjoni li allegatament ivvizzjaw is-segwitu tal-proċess ta’ adeżjoni minn din l-istituzzjoni. Il-Kummissjoni ma waqqfitx jew issospendiet dan il-proċess billi ħarġet opinjoni negattiva. L-opinjoni li hija ħarġet fir-rapport suespost tagħha ma jistax b’hekk jitqies li huwa azzjoni illegali awtonoma, u dan iktar u iktar meta r-rikorrenti enfasizzaw huma stess fir-replika li huma jallegaw ommissjoni illegali fil-konfront tal-Kummissjoni.

42

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-ommissjonijiet tal-istituzzjonijiet jistgħu jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni fil-każ biss meta l-istituzzjonijiet ikunu kisru obbligu legali li jaġixxu naxxenti minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑146/91, Ġabra, EU:C:1994:329, punt 58, u tat-13 ta’ Novembru 2008, SPM vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑128/05, EU:T:2008:494, punt 128). Barra minn hekk mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-rekwiżit tal-ksur ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet lil individwi japplika wkoll fil-każ ta’ ommissjoni illegali (ara s-sentenza tad-29 ta’ Jannar 1998, Dubois u Fils vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑113/96, Ġabra, EU:T:1998:11, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

F’dan il-każ, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-obbligu li taġixxi tal-Kummissjoni jirriżulta mill-Artikolu 36 tal-Att ta’ adeżjoni. Huma jsemmu wkoll l-Artikoli 13 TUE u 17 TUE kif ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

Dwar l-interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 36 tal-Att ta ’ adeżjoni

44

Jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni kinitx obbligata, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, li tikkonstata fit-tabelli ta’ segwitu u r-rapporti tagħha l-inosservanza mill-awtoritajiet Kroati tal-impenji tagħha, minħabba l-posponiment u sussegwentement it-tħassir tal-liġi dwar l-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni, u li tibgħatilhom ittri ta’ twissija prekoċi li jwissuhom dwar din l-inosservanza, skont l-Artikolu 36(1) tal-Att ta’ adeżjoni, kif ukoll li tipproponi miżuri adegwati korrispondenti lill-Kunsill, skont l-Artikolu 36(2) tal-istess att.

45

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jibbażaw l-eżistenza ta’ tali obbligu fuq dak li kellhom l-awtoritajiet Kroati li jistabbilixxu l-funzjoni ta’ aġenti pubbliku ta’ eżekuzzjoni, liema obbligu jirriżulta mit-Trattat ta’ adeżjoni.

46

Ma huwiex ikkontestat li huma ta’ natura obbligatorja għall-awtoritajiet Kroati, il-prinċipji stabbiliti fil-Kapitolu 23 tan-negozjati ta’ adeżjoni, marbuta mal-implementazzjoni ta’ għodda ġudizzjarja indipendenti u effiċjenti u mar-rispett lejn id-drittijiet fundamentali. Dawn il-prinċipji ġew inklużi fl-Anness VII tal-Att ta’ adeżjoni fil-forma ta’ għaxar impenji speċifiċi assunti mir-Repubblika tal-Kroazja. Minbarra l-impenn marbut mal-“implimentazzjoni effettiva tal-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha għar-Riforma Ġudizzjarja” (impenn Nru 1), ir-Repubblika tal-Kroazja impenjat ruħha wkoll li “tkompli ssaħħaħ l-indipendenza, ir-responsabbiltà, l-imparzjalità u l-professjonaliżmu tas-sistema ġudizzjarja” (impenn Nru 2), li “tkompli ttejjeb l-effiċjenza tal-ġudikatura” (impenn Nru 3), li “tkompli ttejjeb ir-rekord tagħha ta’ miżuri ta’ prevenzjoni msaħħa fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-konflitt ta’ interess” (impenn Nru 6) u li “tkompli ttejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem” (impenn Nru 9) (ara l-punt 2 iktar ’il fuq). B’hekk, kienet biss l-inosservanza ta’ dawn l-impenji li setgħet issejjes obbligu ta’ azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni f’dan il-każ.

47

Fir-rigward tal-impenn Nru 1, jista’ jiġi rrilevat li jirriżulta mill-kliem tiegħu li dan ma jirrigwardax strateġija ta’ riforma ġudizzjarja u pjan ta’ azzjoni ddeterminati. Fil-fatt, kif tirrileva b’mod pertinenti l-Kummissjoni, dan l-impenn jagħmel riferiment b’mod ġenerali għall-“istrateġija ta’ riforma ġudizzjarja” u għal “pjan ta’ azzjoni” tal-awtoritajiet Kroati, mingħajr ebda speċifikazzjoni oħra, anki meta l-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni inkwistjoni setgħu jiġu identifikati, waqt li jissemmew dawk fis-seħħ fid-data tal-iffirmar tat-trattat ta’ adeżjoni, jiġifieri l-istrateġija ta’ riforma ġudizzjarja 2011-2015 u l-pjan ta’ azzjoni 2010, li jipprovdu għaż-żewġ istituzzjonijiet il-funzjoni ta’ aġent pubbliku ta’ eżekuzzjoni (ara l-punt 6 iktar ’il fuq).

48

Tali dikjarazzjonijiet ġenerali jispjegaw ruħhom bil-fatt li l-perijodu li jiddekorri bejn id-data tal-iffirmar tal-Att ta’ adeżjoni u d-data ta’ adeżjoni effettiva, u b’mod partikolari s-segwitu tal-impenji ta’ adeżjoni li jitwettaq matul dan il-perijodu, huwa kkaratterizzat minn skambji regolari bejn l-awtoritajiet tal-Unjoni u dawk tal-Istat aderenti, kif jixhdu l-fatti li taw lok għall-kawża odjerna. Issa, dawn l-iskambji, filwaqt li jistgħu jiġu kklassifikati bħala skambji ta’ negozjati fis-sens strett, peress li n-negozjati kienu bħala definizzjoni magħluqa fid-data tal-Att ta’ adeżjoni li jistabbilixxi l-impenji inkwistjoni, iwasslu neċessarjament, kif tenfasizza l-Kummissjoni, għal aġġustamenti minn naħa jew minn oħra skont ir-riżultati miksuba mill-Istat aderenti u evalwazzjonijiet tal-awtorità responsabbli mis-segwitu. B’hekk spiss matul il-perijodu ta’ segwitu tal-impenji ta’ adeżjoni, jiġu adottati mill-Istat aderenti, miżuri addizzjonali jew korrettivi, b’mod partikolari fil-każ ta’ riżultati diżappuntanti kkonstatati mill-Kummissjoni.

49

Minn dan jirriżulta li l-istrateġija ta’ riforma u l-pjan ta’ azzjoni ċċitati fl-Anness VII tal-Att ta’ adeżjoni ma jagħmlux riferiment biss għall-istrateġija ta’ riforma ġudizzjarja 2011-2015 u għall-pjan ta’ azzjoni 2010, fis-seħħ fid-data tal-Att ta’ adeżjoni, u dan iktar u iktar peress li l-pjan ta’ azzjoni 2010 kien jistabbilixxi essenzjalment għanijiet fuq bażi qasira ta’ żmien li kellhom jitwettqu fl-2010, fatt li jimplika li dan kellu neċessarjament jiġi segwit anki minn diversi pjanijiet ġodda sad-data ta’ adeżjoni effettiva. Barra minn hekk, l-istrateġija ta’ riforma ġudizzjarja 2011-2015 kienet tipprevedi hija stess li għandhom jiġu elaborati miżuri ta’ implementazzjoni fil-kuntest ta’ diversi pjanijiet ta’ azzjoni annwali. Bl-istess mod, il-Kummissjoni speċifikat waqt is-seduta, mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt mir-rikorrenti, li l-awtoritajiet Kroati kienu adottaw strateġija ġdida ta’ riforma ġudizzjarja f’Diċembru 2012 akkumpanjata minn pjan ta’ azzjoni ġdid korrispondenti.

50

Il-fatt, enfasizzat mir-rikorrenti, li l-istrateġija ta’ riforma ġudizzjarja 2011-2015 u l-pjan ta’ azzjoni 2010 jissemmew f’diversi atti adottati ’l barra mill-ftuħ u mill-għeluq tan-negozjati marbuta mal-Kapitolu 23, fosthom, b’mod partikolari, ir-rapport tal-awtoritajiet Kroati tat-12 ta’ Mejju 2011 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), kif ukoll fir-rapporti u t-tabelli ta’ segwitu tal-Kummissjoni, ma jippermettux li tinċaħad din l-analiżi. Fil-fatt, dawn ir-riferimenti għall-istrateġija ta’ riforma ġudizzjarja 2011-2015 u għall-pjan ta’ azzjoni 2010 jispjegaw ruħhom mill-fatt li s-suġġett kien l-istrateġija ta’ riforma u ta’ pjan ta’ azzjoni fis-seħħ fid-data tad-dokumenti inkwistjoni, kif tikkonferma d-dikjarazzjoni f’diversi dokumenti ulterjuri tal-Kummissjoni ta’ strateġija ta’ riforma u ta’ pjan ta’ azzjoni ieħor (ara, b’mod partikolari, it-tabella ta’ segwitu għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Settembru 2012 u t-28 ta’ Frar 2013 li ssemmi l-istrateġija adottata f’Diċembru 2012 u l-pjan ta’ azzjoni li l-adozzjoni tagħha kienet prevista f’Marzu tal-2013).

51

Għaldaqstant mill-impenn Nru 1 ma jirriżulta l-ebda obbligu għall-awtoritajiet Kroati sabiex jistabbilixxu l-funzjoni ta’ aġent pubbliku ta’ eżekuzzjoni.

52

Madankollu minn dan ma jistax jiġi dedott li l-awtoritajiet Kroati, inklużi dawk li jirriżultaw minn maġġoranza politika ġdida, bħal fil-każ tal-awtoritajiet li pposponew u wara ħassru l-liġi dwar l-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni, kellhom il-libertà sħiħa sabiex jemendaw l-istrateġija ta’ riforma ġudizzjarja 2011-2015 u l-pjan ta’ azzjoni 2010. Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Att ta’ adeżjoni, b’mod partikolari tal-Artikolu 36 tiegħu u tal-Anness VII tiegħu, dawn l-awtoritajiet kienu obbligati li josservaw mhux biss l-impenn Nru 1, iżda wkoll l-impenji l-oħra kollha previsti fl-imsemmi anness, b’mod partikolari l-impenji Nru 2, Nru 3, Nru 6 u Nru 9 li qegħdin jiġu invokati mir-rikorrenti.

53

Fir-rigward tal-impenn Nru 3, hemm lok li jiġi rrilevat li dan jirrigwarda biss l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja u bl-ebda mod ma jimponi l-attribuzzjoni tal-kompetenza ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji lil korp, b’mod partikolari, skont proċeduri ddefiniti minn qabel. Fil-fatt, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, is-sistema ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fl-Istati Membri ma hijiex irregolata mid-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, ma taqax taħt l-acquis tal-Unjoni li għandu jiġi adottat mill-Istat aderenti, fatt li ma huwiex barra minn dan ikkontestat mir-rikorrenti. It-Trattati bħall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxu ċerti prinċipji li għandhom jirregolaw il-ġustizzja mogħtija fl-Istati Membri, bħall-imparzjalità tal-qrati jew il-preżunzjoni tal-innoċenza, kif ukoll ċerti regoli maħsuba sabiex jiżguraw il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri, sa fejn neċessarju permezz tal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali. Il-Kummissjoni kellha wkoll l-okkażjoni li tintervjeni fir-rigward tal-awtoritajiet Kroati, kif barra minn hekk irrilevaw ir-rikorrenti billi invokaw il-kawża msejħa “tal-Lex Perković”, minħabba problemi ta’ traspożizzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet armonizzati fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja. Għall-kuntrarju, l-ebda dispożizzjoni tad-dritt primarju jew tad-dritt derivat ma tiddefinixxi sistema armonizzata ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, ir-rikorrenti enfasizzaw li diversi Stati Membri tal-Unjoni kienu għażlu sistema ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li tekwivali għal dik tal-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni, filwaqt li jirrikonoxxu fl-istess ħin li tali sistema ma kinitx kondiviża mill-Istati Membri kollha.

54

B’hekk ma jistax jiġi dedott mill-impenn Nru 3, l-obbligu li jafdaw il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni lil aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni. L-uniku obbligu impost fuq l-awtoritajiet Kroati huwa dak li tiġi żgurata l-effiċjenza tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni indipendentement mill-motivi stabbiliti sabiex dan jitwettaq.

55

Fir-rigward tal-impenn Nru 9 marbut mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, għalkemm ir-rikorrenti jinvokaw il-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni u jikkontendu anki li huma informaw lill-Kummissjoni bil-ksur tagħhom mill-awtoritajiet Kroati, huma ma jipproduċu ebda element konkret, ħlief l-interpretazzjoni skorretta tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (għall-eżami ta’ din l-allegazzjoni, ara l-punti 72 sa 77 iktar ’il fuq), ta’ natura li jistabbilixxu li t-tħassir tal-professjoni ta’ aġent pubbliku ta’ eżekuzzjoni tippreġudika dawn id-drittijiet.

56

Fl-aħħar, fir-rigward tal-impenji Nru 2 u Nru 6, marbuta rispettivament mal-imparzjalità kif ukoll mal-professjonaliżmu tas-setgħa ġudizzjarja u mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kunflitti tal-interessi, imsemmija wkoll mir-rikorrenti, ma tistax minn dan tiġi dedotta, fl-assenza ta’ spjegazzjoni f’dan ir-rigward, xi implikazzjoni evidenti dwar il-professjoni ta’ aġent pubbliku ta’ eżekuzzjoni.

57

Konsegwentement ma jirriżulta minn ebda impenn tal-Anness VII tal-Att ta’ adeżjoni invokati mir-rikorrenti, l-obbligu tar-Repubblika tal-Kroazja li tistabbilixxi l-professjoni ta’ aġent pubbliku ta’ eżekuzzjoni u, għaldaqstant, lanqas l-obbligu tal-Kummissjoni li tirrikorri, abbażi ta’ dan, għall-azzjonijiet previsti fl-Artikolu 36 tal-Att ta’ adeżjoni bil-għan li twaqqaf it-tħassir tal-liġi dwar l-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni. Isegwi wkoll li ma jistax jiġi allegat li l-Kummissjoni, billi ma rrikorrietx għal dawn l-azzjonijiet, approvat it-tibdil tal-impenji ta’ adeżjoni bi ksur tat-trattat ta’ adeżjoni u tal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar id-dritt tat-trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969, intitolat “Pacta sunt servanda”.

58

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jibbażaw l-eżistenza ta’ obbligu tal-Kummissjoni li taġixxi f’dan il-każ bil-ħsieb li twaqqaf it-tħassir tal-liġi dwar l-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni fuq il-fatt li s-sistema ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji finalment adottata, wara dan it-tħassir, ma kinitx tippreżenta l-istess garanziji ta’ effiċjenza. Huma jikkontendu, f’dan ir-rigward, li ġibdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni fuq il-problemi naxxenti mill-posponiment u t-tħassir tal-liġi dwar l-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni.

59

Qabel xejn, hemm lok li jiġi rrilevat li insostenn ta’ din l-allegazzjoni, ir-rikorrenti jipproduċu dokument wieħed, jiġifieri l-ilment indirizzat minn wieħed mir-rikorrenti lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Settembru 2012 (ara l-punt 20 iktar ’il fuq).

60

Sussegwentement, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-kampanja ta’ denigrazzjoni li kienu suġġetti għaliha l-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni, imsemmija f’dan l-ilment u riprodott fir-replika, hija kemm hija ta’ dispjaċir, ma hijiex pertinenti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-effiċjenza tas-sistema ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fil-Kroazja. Fil-fatt, tali effiċjenza titkejjel essenzjalment fid-dawl tan-numru ta’ kawżi pendenti fil-qasam tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet, tat-tul u l-ispejjeż tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni kif ukoll tar-rata ta’ rkupru, kif indikat il-Kummissjoni fl-ittri tagħha tas-27 ta’ Ġunju u tat-3 ta’ Diċembru 2012 (ara l-punti 18 u 25 iktar ’il fuq), mingħajr ebda kontestazzjoni dwar dan il-punt. Issa, il-kampanja ta’ denigrazzjoni tal-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni fil-medja kjarament ma għandha ebda konnessjoni ma’ dawn il-kriterji ta’ evalwazzjoni.

61

Fir-rigward tal-allegata sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi li kien jinsab fiha l-ministru tal-ġustizzja Kroat, invokata fl-ilment u fir-replika, din waħidha ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-ineffiċjenza tas-sistema ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fil-Kroazja, fid-dawl tal-kriterji msemmija iktar ’il fuq. Fil-fatt, din tista’ addizzjonalment tispjega l-għażla ta’ eżekuzzjoni mill-qrati bl-obbligu ta’ rappreżentazzjoni tal-partijiet, għad-detriment ta’ eżekuzzjoni mill-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni mingħajr l-intervent ta’ avukat u, b’hekk tissuġġerixxi li l-ispejjeż tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni jkunu ogħla fis-sistema l-ġdida ta’ eżekuzzjoni meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mis-sistema ta’ eżekuzzjoni bbażata fuq l-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni, minħabba l-intervent tal-avukati. Issa, l-ispejjeż tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni huma biss wieħed mill-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-effiċjenza ta’ sistema ta’ eżekuzzjoni, u mhux neċessarjament il-kriterju essenzjali f’din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkunsidrat, filwaqt li qajmet it-tnaqqis tal-kawżi b’lura marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fil-livell ta’ azzjoni prijoritarja li għandha titmexxa mill-awtoritajiet Kroati fir-rapport tagħha tal-10 ta’ Ottubru 2012 (ara l-punt 23 iktar ’il fuq), li n-numru ta’ kawżi pendenti fil-qasam tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet jikkostitwixxi kriterju deċiżiv fl-evalwazzjoni tal-effiċjenza tas-sistema ta’ eżekuzzjoni fil-Kroazja. Għaldaqstant, l-ispejjeż tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni ma jistgħux għaldaqstant waħidom jippermettu li tiġi stabbilita l-inosservanza tal-impenn Nru 3 tal-Anness VII tal-Att ta’ adeżjoni dwar l-effiċjenza ta’ dawn il-proċeduri.

62

Fl-aħħar, l-allegazzjoni fl-ilment, imtenni fir-replika, li s-sistema ta’ eżekuzzjoni l-ġdida li għandha tissostitwixxi dik ibbażata fuq l-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni twassal essenzjalment għal żieda fin-numru ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni u ta’ kawżi pendenti fil-qasam tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ma hija bl-ebda mod fondata.

63

Konsegwentement, ma tistax tiġi dedotta mill-elementi prodotti fl-ilment tas-16 ta’ Settembru 2012 l-inosservanza tal-impenn Nru 3 tal-Anness VII tal-Att ta’ adeżjoni u b’hekk obbligu li l-Kummissjoni taġixxi bil-għan li twaqqaf it-tħassir tal-liġi dwar l-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma rrendietx ruħha responsabbli għal ommissjoni illegali billi astjeniet milli tagħmel użu għal dan l-għan mill-azzjonijiet previsti mill-Artikolu 36 tal-Att ta’ adeżjoni.

64

Jeħtieġ li jiżdied, f’dan ir-rigward, li lanqas ma jista’ jiġi allegat lil-Kummissjoni ma kinitx diliġenti fis-segwitu tagħha tal-osservanza mill-awtoritajiet Kroati tal-impenn Nru 3 dwar l-effiċjenza tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni.

65

Fil-fatt, b’kuntrarju għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kkuntentatx ruħha, waqt is-seduta tal-5 ta’ Ġunju 2012 (ara l-punt 16 iktar ’il fuq), li teżiġi mill-awtoritajiet Kroati li s-sistema ta’ eżekuzzjoni l-ġdida tagħhom tipproduċi riżultati ekwivalenti għal dawk li kienet tilħaq is-sistema bbażata fuq l-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni. Minn naħa, matul il-proċedura ta’ adeżjoni, u b’mod partikolari sa mit-tieni rapport tad-dħul fis-seħħ tal-liġi dwar l-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni, hija talbet b’mod regolari lill-awtoritajiet Kroati sabiex jispeċifikaw l-istat ta’ avvanz tar-riforma tas-sistema ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fl-assenza ta’ aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni, b’mod partikolari permezz tat-talba għall-komunikazzjoni tad-data tal-istatistika, u insistiet fuq il-kisba neċessarja ta’ riżultati konklużivi qabel id-data ta’ adeżjoni (ara l-ittri tas-27 ta’ Ġunju u tat-3 ta’ Diċembru 2012 kif ukoll ir-rapport tal-10 ta’ Ottubru 2012, imsemmija fil-punti 18, 25 u 23 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kisbet komunikazzjoni ta’ din id-data tal-istatistika, marbuta b’mod partikolari mal-kriterju tal-effiċjenza deċiżiv tan-numru ta’ kawżi pendenti (ara l-punt 61 iktar ’il fuq), u eżaminathom regolarment sabiex tikkonstata, fir-rapport tagħha tas-26 ta’ Marzu 2013, tnaqqis fin-numru ta’ kawżi mhux deċiżi fil-qasam tal-eżekuzzjoni (ara l-punt 28 iktar ’il fuq). Għaldaqstant ma jistax jiġi allegat li l-Kummissjoni ma wettqitx analiżi diliġenti tal-effiċjenza tas-sistema ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fil-Kroazja.

66

Minn dan jirriżulta li la l-obbligu ta’ diliġenza tal-Kummissjoni fl-eżerċizzju tagħha ta’ segwitu tal-impenji ta’ adeżjoni abbażi tal-Artikolu 36 tal-Att ta’ adeżjoni, u lanqas l-Artikolu 36 tal-Att ta’ adeżjoni nnifsu, jekk jiġi preżunt li din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet lil individwi, ma nkisru f’dan il-każ.

Dwar il-ksur tal-Artikoli 13 TUE u 17 TUE

67

Skont l-Artikolu 13 TUE, l-Unjoni għandha qafas istituzzjonali, li jinkludi b’mod partikolari l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, maħsub sabiex jippromwovi l-valuri tagħha, isegwi l-objettivi tagħha, iservi l-interessi tagħha, dawk taċ-ċittadini tagħha u dawk tal-Istati Membri, kif ukoll sabiex jassigura l-koerenza, l-effiċjenza u l-kontinwità tal-politika u tal-azzjonijiet tagħha.

68

Peress li r-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni ma osservatx l-obbligi imposti fuqha mit-Trattati, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dan l-artikolu, li jiddefinixxi l-qafas istituzzjonali tal-Unjoni, ma huwiex pertinenti f’dan il-każ, u dan iktar u iktar meta r-rikorrenti invokaw ukoll il-ksur tal-Artikolu 17 TUE, speċifikament iddedikat għall-irwol u l-attribuzzjonijiet tal-Kummissjoni.

69

L-Artikolu 17 TUE fil-fatt jipprovdi li l-Kummissjoni tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni u tieħu l-inizjattivi adegwati għal dan l-għan u li hija teżerċita l-funzjonijiet tagħha ta’ koordinazzjoni, ta’ eżekuzzjoni u ta’ ġestjoni skont il-kundizzjonijiet previsti mit-Trattati.

70

Skont il-ġurisprudenza, mill-Artikolu 17(1) TUE jirriżulta li l-Kummissjoni Kummissjoni, bħala gwardjan tat-Trattati u tal-ftehimiet konklużi abbażi tagħhom, hija obbligata li tiżgura l-applikazzjoni korretta minn Stat terz tal-obbligi li huwa jkun assuma kuntrattwalment skont ftehim previst mit-Trattati permezz tal-mezzi previsti minn dan il-ftehim (ara d-digriet tat-12 ta’ Lulju 2012, Mugraby vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑581/11 P, EU:C:2012:466, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

Isegwi li, sa fejn l-Artikolu 36 tal-Att tal-adeżjoni huwa intiż li jispeċifika l-obbligi tal-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 17 TUE fil-kuntest tal-adeżjoni fl-Unjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u sa fejn dan ma ġiex miksur f’dan il-każ (ara l-punt 66 iktar ’il fuq), ma jistax jitqies li ġie miksur l-Artikolu 17 TUE.

Dwar il-ksur tal-prinċipju ta ’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

72

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jikkonferixxi drittijiet lil individwi (sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1992, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑104/89 u C‑37/90, Ġabra, EU:C:1992:217, punt 15, u tas-6 ta’ Diċembru 2001, Emesa Sugar vs Il-Kunsill, T‑43/98, Ġabra, EU:T:2001:279, punt 64). Konsegwentement, il-ksur ta’ dan il-prinċipju jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni (ara s-sentenza SPM vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, EU:T:2008:494, punt 146 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

Id-dritt li tiġi invokata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa estiż għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni nisslet fih aspettattivi fondati, billi pprovdietlu assigurazzjonijiet preċiżi fil-forma ta’ informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konkordanti, li toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1995, O’Dwyer et vs il-Kunsill, T‑466/93, T‑469/93, T‑473/93, T‑474/93 u T‑477/93, Ġabra, EU:T:1995:136, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Ottubru 1996, Efisol vs Il-Kummissjoni, T‑336/94, Ġabra, EU:T:1996:148, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, ħadd ma jista’ jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li huwa kien ingħata mill-amministrazzjoni. Tikkostitwixxi tali assigurazzjonijiet, informazzjoni preċiża, inkundizzjonali, konkordanti u li tkun naxxenti minn sorsi awtorizzati u affidabbli (ara s-sentenza SPM vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, EU:T:2008:494, punt 149 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74

F’dan il-każ, ir-rikorrenti għamlu riferiment biss, essenzjalment, għal assigurazzjonijiet preċiżi li ngħataw lilhom mill-awtoritajiet nazzjonali billi ħatruhom aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni. Kif enfasizzaw, l-Ustavni sud, fid-deċiżjoni tagħha tat-23 ta’ Jannar 2013, barra minn dan, irrikonoxxiet l-eżistenza ta’ “ħsara [għall-]aspettattivi leġittimi [tal-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni maħtura] ibbażati fuq atti leġiżlattivi validi maħruġa mill-Istat u [għall-] fiduċja li l-individwi għandhom fir-rigward tal-istituzzjoniojiet tal-Istat u d-dritt li huma ħolqu” (ara l-punt 26 iktar ’il fuq).

75

Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti ma invokaw l-ebda element li juri jew li jippermetti li jiġi preżunt li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fosthom b’mod partikolari l-Kummissjoni, ħolqu fihom aspettattivi fondati li huma kienu ser jiżguraw iż-żamma tal-professjoni ta’ aġent pubbliku ta’ eżekuzzjoni. Iċ-ċirkustanza, barra minn hekk mhux fondata, li l-Kummissjoni kienet ipparteċipat fl-iżvilupp tal-liġi dwar l-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni, li kienet iffinanzjatha, jekk anki tatha bidu, ma tistax, waħidha, tikkostitwixxi assigurazzjoni preċiża mogħtija mill-Kummissjoni li hija kienet tikkunsidra l-istituzzjoni ta’ aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni bħala l-unika waħda li tosserva l-impenji ta’ adeżjoni. Sabiex tali assigurazzjonijiet ikunu stabbiliti, dawn l-atti ta’ appoġġ inizjali favur il-liġi dwar l-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni kellhom, fid-dawl tal-assenza tal-obbligu tar-Repubblika tal-Kroazja li toħloq il-professjoni ta’ aġent pubbliku ta’ eżekuzzjoni, ikunu kkompletati minn atti ulterjuri konkordanti u espliċiti f’dan is-sens.

76

Issa, l-ebda wieħed mill-elementi invokati mir-rikorrenti ma jista’ jiġi kklassifikat b’dan il-mod. Ir-rapport tal-24 ta’ April 2012 invokat mir-rikorrenti fil-fatt sempliċement jieħu kont tar-rapport tal-liġi dwar l-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni (ara l-punt 13 iktar ’il fuq), mingħajr f’ebda mument ma jikkritika dan ir-rapport, u lanqas a fortiori ma jeżiġi d-dħul fis-seħħ tal-liġi inkwistjoni. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tikkonstata anki, wara li ħadet kont tal-Att tal-imsemmi rapport, l-implementazzjoni mill-awtoritajiet Kroati tal-miżuri differenti maħsuba sabiex itejbu l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja kif ukoll għat-titjib tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Bl-istess mod, wara l-laqa’ tal-5 ta’ Ġunju 2012 invokata mir-rikorrenti waqt is-seduta, il-Kummissjoni sempliċement talbet lill-awtoritajiet Kroati l-komunikazzjoni ta’ data marbuta mas-sistema ta’ eżekuzzjoni li għandha tissostitwixxi lil dik ibbażata fuq l-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni, sabiex jiġi vverifikat jekk din is-sistema l-ġdida kisbitx riżultati ekwivalenti (ara l-punt 16 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, il-liġi dwar l-aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni ssemmiet matul l-imsemmija laqgħa biss bħala mezz fost l-oħrajn sabiex jintlaħaq l-għan ta’ effiċjenza tas-sistema ta’ eżekuzzjoni segwita mill-Kummissjoni u mhux bħala għan li l-Kummissjoni imponiet fuq ir-Repubblika tal-Kroazja sabiex issegwi.

77

Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-Kummissjoni kienet ħolqot fihom aspettattiva leġittima u b’hekk li, permezz tan-nuqqas ta’ azzjoni tagħha, kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

78

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li ma jistax jiġi allegat li l-Kummissjoni wettqet xi ommissjoni illegali.

79

Isegwi li waħda mit-tliet kundizzjonijiet kumulattivi għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni ma hijiex issodisfatta u li r-rikorsi preżenti b’hekk għandhom jiġu miċħuda, mingħajr il-bżonn li jsir eżami tal-kundizzjonijiet l-oħra neċessarji għall-istabbiliment ta’ din ir-responsabbiltà.

Fuq l-ispejjeż

80

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minn din tal-aħħar.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikorsi huma miċħuda.

 

2)

Ante Šumelj u r-rikorrenti l-oħra li isimhom huwa inkluż fl-anness huma kkundannati għall-ispejjeż.

 

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Frar 2016.

Firem

Anness

Dubravka Bašljan, residenti f’Zagreb (il-Kroazja),

Đurđica Crnčević, residenti f’Sv. Ivan Zeline (il-Kroazja),

Miroslav Lovreković, residenti f’Križevaci (il-Kroazja),

rikorrenti fil-Kawża T‑546/13,

Drago Burazer, residenti f’Zagreb,

Nikolina Nežić, residenti f’Zagreb,

Blaženka Bošnjak, residenti f’Sv. Ivan (il-Kroazja),

Bosiljka Grbašić, residenti f’Križevaci,

Tea Tončić, residenti f’Pula (il-Kroazja),

Milica Bjelić, residenti f’Dubrovnik (il-Kroazja),

Marijana Kruhoberec, residenti f’Varaždin (il-Kroazja),

rikorrenti fil-Kawża T‑108/14,

Davor Škugor, residenti f’Sisak (il-Kroazja),

Ivan Gerometa, residenti f’Vrsar (il-Kroazja),

Kristina Samardžić, residenti f’Split (il-Kroazja),

Sandra Cindrić, residenti f’Karlovac (il-Kroazja),

Sunčica Gložinić, residenti f’Varaždin,

Tomislav Polić, residenti f’Kaštel Novi (il-Kroazja),

Vlatka Pižeta, residenti f’Varaždin,

rikorrenti fil-Kawża T‑109/14.


( *1 )   Lingwa tal-kawża: il-Kroat.

Top