Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013TJ0483

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-20 ta’ Lulju 2016 (Estratti).
    Athanassios Oikonomopoulos vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Danni kkawżati mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni tal-OLAF u mill-OLAF – Rikors għad-danni – Talba għal konstatazzjoni tal-ineżistenza ġuridika u tal-inammissibbiltà ta’ atti tal-OLAF, għall-finijiet probatorji quddiem l-awtoritajiet nazzjonali – Ammissibbiltà – Użu ħażin ta’ poter – Ipproċessar ta’ data personali – Drittijiet tad-difiża.
    Kawża T-483/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2016:421

    T‑483/1362013TJ0483EU:T:2016:4210001112525TSENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)20 ta’ Lulju 2016 (

    *1

    )

    “Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Danni kkawżati mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni tal-OLAF u mill-OLAF — Rikors għad-danni — Talba għal konstatazzjoni tal-ineżistenza ġuridika u tal-inammissibbiltà ta’ atti tal-OLAF, għall-finijiet probatorji quddiem l-awtoritajiet nazzjonali — Ammissibbiltà — Użu ħażin ta’ poter — Ipproċessar ta’ data personali — Drittijiet tad-difiża”

    Fil-Kawża T‑483/13,

    Athanassios Oikonomopoulos, residenti f’Ateni (il-Greċja), inizjalment irrappreżentat minn N. Korogiannakis u I. Zarzoura, avukati, sussegwentement minn G. Georgios, avukat.

    rikorrent,

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Baquero Cruz u A. Sauka, bħala aġenti,

    konvenuta,

    li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għal kumpens għal danni kkawżati mill-Kummissjoni, kif ukoll mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u, min-naħa l-oħra, talba sabiex l-atti tal-OLAF jiġu ddikjarati ġuridikament ineżistenti u inammissibbli għall-finijiet probatorji quddiem l-awtoritajiet nazzjonali,

    IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn M. Prek (Relatur), President tal-Awla, I. Labucka u V. Kreuschitz, Imħallfin,

    Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

    wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-10 ta’ Ġunju 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza ( 1 )

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Ir-rikorrent, Athanassios Oikonomopoulos, huwa inġinier elettriku u kummerċjant attiv fis-suq tar-robotika fil-qasam tal-informatika. Huwa waqqaf, u mbagħad mexxa, bejn l-1987 u l-2006, il-kumpannija stabbilita fil-Greċja, Zenon Automation Technologies SA (iktar 'il quddiem “Zenon”).

    2

    Bejn l-2004 u l-2006, Zenon ikkonkludiet diversi kuntratti mad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Medja” (iktar 'il quddiem “DĠ Soċjetà tal-Informazzjoni”) tal-Kummissjoni Ewropea, taħt is-Sitt Programm Qafas dwar l-attivitajiet ta’ riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni li jikkontribwixxu għall-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u għall-innovazzjoni (2002-2006) (iktar 'il quddiem is-“Sitt programm qafas”).

    3

    F’Novembru 2008, fuq talba tal-Kummissjoni, twettaq awditu minn kumpannija esterna ta’ awditjar fuq Zenon fir-rigward tal-proġetti Alladin u Gnosys taħt is-Sitt programm qafas. Dan l-awditu wassal, b’mod partikolari, għar-rapport fir-rigward tal-awditu 08-BA59-028, tat-13 ta’ Mejju 2009 (iktar 'il quddiem ir-“rapport ta’ awditu inizzjali”).

    4

    Mir-rapport ta’ awditu inizjali jirriżulta li kien hemm xi anomaliji relatati mal-ispejjeż tal-persunal. Zenon kienet talbet lill-Kummissjoni finanzjament sinjifikattiv biex tkopri l-ispejjeż li, fil-fatt, kienu ġew iffatturati lilha mill-kumpannija Ċiprijotta Comeng Computerised Engineering (iktar 'il quddiem “Comeng”). Dawn l-ispejjeż ġew ippreżentati, b’mod żbaljat, fil-kategorija ta’ spejjeż diretti relatati mal-persunal bħala spejjeż ta’ “konsulenti interni”, meta fil-fatt kellhom jiġu ppreżentati bħala spejjeż ta’ subappalt. Din il-prattika kienet ta’ natura sistematika. Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn l-ispejjeż ma setgħux jitqiesu ammissibbli la bħala spejjeż tal-persunal u lanqas bħala spejjeż ta’ subappalt.

    5

    F’dan il-kuntest, fl-10 ta’ Diċembru 2009, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) fetaħ investigazzjoni dwar il-proġett GR/RESEARCH-INFSO-FP6-Robotics and informatics imwettaq għall-implementazzjoni tas-Sitt programm qafas. Skont ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Volum 3, p. 91), dan tal-aħħar huwa responsabbli li jwettaq investigazzjonijiet esterni, jiġifieri barra l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u, investigazzjonijiet interni, jiġifieri fi ħdan l-istituzzjonijiet.

    6

    Fil-25 u fis-26 ta’ Frar 2010, l-OLAF wettaq żjara ta’ verifika fil-bini ta’ Comeng.

    7

    Fis-6 ta’ Awwissu 2010, id-DĠ Soċjetà tal-Informazzjoni ppreparat abbozz ta’ rapport ta’ awditu finali.

    8

    Fit-18 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni adottat ir-rapport ta’ adwitu finali.

    9

    F’Lulju 2011, l-OLAF informa lir-rikorrent li kien meqjus persuna kkonċernata mill-investigazzjoni msemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq. Fis-7 ta’ Settembru 2011, rrappreżentati tal-OLAF intervistaw lir-rikorrent fil-post ta’ residenza tiegħu, li dak iż-żmien kien f’Patmos (il-Greċja).

    10

    B’ittra tad-19 ta’ Settembru 2012, l-OLAF informa lir-rikorrent bit-tmiem tal-investigazzjoni. Fir-rapport huwa indika li, skont il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni, hemm indikazzjoni li twettqu reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Huwa indika wkoll li kien irrakkomanda lill-awtoritajiet ġudizzjarji Griegi jibdew proċedimenti ġudizzjarji fuq dan il-każ. Barra minn hekk, l-OLAF stieden lid-DĠ Netwerks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija, li ssostitwixxa lid-DĠ Soċjetà tal-Informazzjoni, jadotta miżuri xierqa sabiex jiġi ggarantit l-irkupru tas-somma ta’ EUR 1.5 miljun mingħand Zenon.

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    [omissis]

    19

    Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiddikjara li l-atti u l-miżuri meħuda mill-OLAF huma ġuridikament ineżistenti;

    tiddikjara li l-informazzjoni u d-data li jirrigwardawh u li kull prova rilevanti mibgħuta lill-awtoritajiet nazzjonali huma provi inammissibbli;

    tikkundanna lill-Kummissjoni tħallsu l-ammont ta’ żewġ miljun euro bħala rikonoxximent tal-aġir illegali tagħha u tad-dannu kkawżat lill-attivitajiet professjonali u lir-reputazzjoni tiegħu;

    tordna li jittieħdu miżuri istruttorji u miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikoli 64 u 65 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 fil-forma ta’ produzzjoni ta’ dokumenti u xhieda;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    20

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondat jew, fi kwalunkwe każ, bħala infondat fl-intier tiegħu;

    tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż, inklużi dawk tal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

    Id-dritt

    1. Fuq l-ammissibbiltà ta ’ ċerti kapi tat-talbiet

    [omissis]

    25

    L-ewwel nett, għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tat-talba intiża sabiex jiġi ddikjarat li l-miżuri meħudin mill-OLAF huma ġuridikament ineżistenti. F’dan il-kuntest, għandhom jitfakkru s-setgħat tal-imħallef tal-Unjoni meta jkollu quddiemu rikors għad-danni.

    26

    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, huwa suġġett għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir ikkritikat tal-Unjoni, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir tal-istituzzjoni u d-dannu invokat (ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2006, Agraz et vs Il‑Kummissjoni, C‑243/05 P, EU:C:2006:708, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward tar-rekwiżit dwar l-aġir ikkritikat, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li l-għan tagħha huwa li tagħti drittijiet lill-individwi (sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punti 4243, u tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 173). Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rikors għad-danni huwa rimedju awtonomu, li għandu l-funzjoni partikolari tiegħu fis-sistema ta’ rimedji u huwa suġġett għal kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju kkonċepiti fid-dawl tal-għan speċifiku tiegħu (sentenza tat-28 ta’ April 1971, Lütticke vs Il‑Kummissjoni, 4/69, EU:C:1971:40, punt 6, u digriet tal-15 ta’ Ottubru 2013, Andechser Molkerei Scheitz vs Il-Kummissjoni, T‑13/12, mhux ippubblikat, EU:T:2013:567, punt 46).

    27

    Għandu jitqies li t-talba intiża sabiex jiġi ddikjarat li l-miżuri meħudin mill-OLAF huma ġuridikament ineżistenti, effettivament tammonta għal talba sabiex il-Qorti Ġenerali fl-istess ħin tinvalida l-miżuri meħudin mill-OLAF u tiddeċiedi li ma pproduċew l-ebda effett ġuridiku [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, dm-drogerie markt vs UASI – Distribuciones Mylar (dm), T‑36/09, EU:T:2011:449, punt 83]. Dan imur lil hinn minn sempliċi konstatazzjoni ta’ illegalità li l-Qorti Ġenerali jista’ jkollha tagħmel fil-kuntest ta’ rikors għad-danni.

    28

    Minn dan isegwi li l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrent għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

    29

    Din id-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà ma tikkostitwixxix ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jew tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ ekonomija tal-ġudizzju. Fil-fatt, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa żgurat, kif jirriżulta mill-Artikolu 19(1) TUE, mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mill-qrati tal-Istati Membri. Għal dan il-għan, it-Trattat FUE, permezz tal-Artikoli 263 TFUE u 277 TFUE tiegħu, minn naħa, u permezz tal-Artikolu 267 TFUE tiegħu, min-naħa l-oħra, stabbilixxa sistema sħiħa ta’ rimedji u ta’ proċeduri maħsuba sabiex jiġi żgurat l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni, filwaqt li ħalla dan l-istħarriġ fir-responsabbiltà tal-qrati tal-Unjoni (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il-Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 57). Issa, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali abbażi tal-informazzjoni tal-OLAF għandhom ikunu jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-qrati nazzjonali, li min-naħa tagħhom, jistgħu jressqu talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma jqisu li hija meħtieġa sabiex jagħtu s-sentenza tagħhom [ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-19 ta’ April 2005, Tillack vs Il-Kummissjoni, C‑521/04 P(R), EU:C:2005:240, punti 3839].

    30

    Jeħtieġ li jkun ippreċiżat li r-rikorrent ma pproduċa l-ebda prova oħra li turi li kien hemm ksur tad-dritt u tal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq.

    31

    Konsegwentement, is-sempliċi fatt li kap tat-talba jiġi ddikjarat inammissibbli ma huwiex biżżejjed sabiex jintwera’ ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jew tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ ekonomija tal-ġudizzju.

    32

    It-tieni nett, il-kap tat-talbiet intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tiddikjara li l-informazzjoni u d-data tar-rikorrent, u kull prova rilevanti mibgħuta lill-awtoritajiet nazzjonali jikkostitwixxu provi inammissibbli, għandu wkoll jiġi miċħud.

    33

    Fil-fatt, dan il-kap tat-talbiet jista’ biss jiġi interpretat fis-sens li huwa intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li l-provi huma inammissibbli quddiem il-qrati nazzjonali. Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-azzjoni li għandha tittieħed mill-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-informazzjoni mibgħuta lilhom mill-OLAF taqa’ kompletament u unikament taħt ir-responsabbiltà tagħhom u li huma dawn l-awtoritajiet stess li għandhom jivverifikaw jekk tali informazzjoni tiġġustifikax jew teħtieġx li jinbdew proċeduri kriminali. Konsegwentement, il-protezzjoni ġudizzjarja kontra tali proċeduri għandha tkun żgurata fuq il-livell nazzjonali bil-garanziji kollha previsti mid-dritt intern, inklużi dawk li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali, u l-possibbiltà li l-qorti adita tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE (ara, id-digriet tad-19 ta’ April 2005, Tillack vs Il-Kummissjoni, C‑521/04 P(R), EU:C:2005:240, punti 3839 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ġie wkoll speċifikat li, f’każ li l-awtoritajiet nazzjonali jiddeċiedu li jiftħu investigazzjoni, dawn għandhom jevalwaw il-konsegwenzi li jirriżultaw minn eventwali illegalitajiet imwettqa mill-OLAF u li din l-evalwazzjoni tkun tista’ tiġi kkontestata quddiem il-qorti nazzjonali. F’każ li ma tinfetaħx proċedura kriminali jew f’każ li din tingħalaq b’sentenza ta’ liberazzjoni, il-preżentazzjoni ta’ rikors għad-danni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jkun suffiċjenti sabiex jiggarantixxi li l-interessi tal-persuna kkonċernata jiġu protetti billi jippermettulha tikseb kumpens għal kwalunkwe dannu kkawżat mill-aġir illegali tal-OLAF (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Il-Kummissjoni vs Violetti et, T‑261/09 P, EU:T:2010:215, punt 59).

    34

    Għandu jitqies li, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 33 iktar ’il fuq, deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiddikjara l-inammissibbiltà tal-provi prodotti quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji Griegi, tmur evidentement lil hinn mill-ġurisdizzjoni tagħha. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex il-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi li l-informazzjoni u d-data tar-rikorrent u kull prova rilevanti mibgħuta lill-awtoritajiet nazzjonali huma provi inammissibbli quddiem il-qrati nazzjonali.

    35

    Għalhekk, it-tieni kap tat-talbiet għandu jiġi miċħud mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat fuq il-mertu.

    2. Fuq il-mertu

    36

    Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi eżaminat l-argument imressaq mill-Kummissjoni li r-rikors għad-danni huwa prematur. Fil-fatt, hija ssostni li l-trażmissjoni tar-rapport tal-OLAF, sa issa, ma wassal għal ebda miżura mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda dannu sakemm ma jkunx hemm tixrid jew żvelar pubbliku tal-informazzjoni.

    37

    Huwa paċifiku li proċedura ġudizzjarja nazzjonali għadha għaddejja. Madankollu, ir-riżultati eventwali ta’ din il-proċedura ma jistgħux jaffettwaw din il-proċedura. Fil-fatt, f’dan il-każ din ma hijiex kwistjoni li jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrent wettaqx irregolarità jew frodi, iżda li jiġi eżaminat il-mod li bih l-OLAF mexxa u kkonkluda investigazzjoni li tindikah b’ismu u eventwalment timputalu r-responsabbiltà għall-irregolaritajiet ikkonstatati pubblikament qabel deċiżjoni finali, kif ukoll il-mod kif ġabet ruħha l-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni. Jekk l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali jqisu li r-rikorrent ma huwiex ħati, tali fatt ma jirrimedjax neċessarjament id-dannu eventwali li dan kien għalhekk sofra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑48/05, EU:T:2008:257, punti 9091).

    38

    Għalhekk, billi l-allegat dannu invokat fil-kuntest ta’ dan ir-rikors huwa distint minn dak li tista’ tattesta dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ ħtija tar-rikorrent mill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, it-talbiet għal kumpens ma jistgħux jiġu miċħuda bħala prematuri b’mod li r-rikorrent jista’ jressaq tali talba biss wara l-eventwali deċiżjonijiet finali tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali.

    39

    Konsegwentement, billi r-rikors ma huwiex ta’ natura prematura, ma hemmx lok li l-eżami tal-kwistjonijiet dwar in-natura u l-portata tad-dannu jiġi rriżervat għal fażi ulterjuri eventwali.

    40

    Fil-kuntest tat-tielet kap tat-talbiet, ir-rikorrent isostni li għandha tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

    [omissis]

    Fuq l-aġir illegali

    [omissis]

    Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tar-Regolamenti Nru 45/2001 u Nru 1073/1999, tal-obbligu ta’ protezzjoni tal-kunfidenzjalità u tas-sigriet professjonali, tad-dritt għall-ħajja privata u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

    [omissis]

    51

    Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001 huma dispożizzjonijiet legali li għandhom l-għan li jagħtu drittijiet lill-persuni kkonċernati mid-data personali miżmuma mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni. Fil-fatt, l-għan stess ta’ dawn ir-regoli huwa l-protezzjoni ta’ dawn il-persuni kontra eventwali pproċessar illegali tad-data li tirrigwardahom (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, Nikolaou vs Il-Kummissjoni, T‑259/03, mhux ippubblikat, EU:T:2007:254, punti 210232).

    – Fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet ilmenti bbażati fuq ksur tal-Artikoli 4, 5, 7, 8 u 12 tar-Regolament Nru 45/2001, tal-obbligu ta’ protezzjoni tal-kunfidenzjalità, tas-sigriet professjonali, tad-dritt għall-ħajja privata kif ukoll tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u b’mod partikolari, tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1073/99 u tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2185/96.

    52

    F’dan ir-rigward, preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 45/2001 jipprevedi li “data personali” tfisser “kull informazzjoni relatata ma’ persuna naturali [fiżika] identifikata jew identifikabbli” u li “persuna identifikabbli hija waħda li tkun tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għall-numru ta’ identifikazzjoni jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiku għall-identità tiegħu jew tagħha fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali”. L-Artikolu 2(b) tal‑imsemmi Regolament jiddefinixxi “proċessar ta’ data personali” bħala “kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li hija mwettqa fuq data personali, sew jekk b’mezzi awtomatiċi sew jekk le, bħal ġbir, rekordjar, organizzazzjoni, ħażna, adattazzjoni jew bdil, ksib lura, konsultazzjoni, użu, kxif permezz ta’ trasmissjoni, disseminazzjoni jew li tintgħamel disponibbli b’mod ieħor, allinjament jew kombinazzjoni, ibblukkar, tħassir jew distruzzjoni”.

    53

    Skont il-ġurisprudenza, it-trażmissjoni ta’ dan id-data taqa’ fid-definizzjoni ta’ “proċessar” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 45/2001 (sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, C‑28/08 P, EU:C:2010:378, punti 6869, u tas-7 ta’ Lulju 2011, Valero Jordana vs Il-Kummissjoni, T‑161/04, mhux ippubblikat, EU:T:2011:337, punt 91). F’dan il-każ, l-informazzjoni dwar ir-rikorrent għandha titqies li hija “data personali” u li din ġiet “ipproċessata” fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-OLAF, fatt li l-partijiet ma jikkontestawx.

    [omissis]

    59

    L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat l-ilment li ebda waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 45/2001 ma ġiet issodisfatta.

    60

    Fir-rigward tat-trażmissjoni mill-OLAF tal-informazzjoni lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali Griegi, għandu jitfakkar li, bħala prinċipju, l-OLAF iwettaq il-funzjonijiet tiegħu fl-interess pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 5(a) tar-Regolament Nru 45/2001. F’dan il-każ, l-ipproċessar tad-data personali tar-rikorrent sar fil-kuntest tal-investigazzjoni mmexxija mill-OLAF sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ xi possibbiltà ta’ frodi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Għalhekk, tali pproċessar tad-data mill-OLAF kien neċessarju biex iwettaq il-funzjoni tiegħu. Għalhekk għandu jitqies li t-trażmissjoni mill-OLAF tal-informazzjoni lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali Griegi sar fl-interess pubbliku. Għaldaqstant, l-OLAF ma eċċediex il-limiti tas-setgħat diskrezzjonali tiegħu skont l-Artikolu 5(a) tar-Regolament Nru 45/2001.

    61

    Fir-rigward it-trażmissjoni tal-informazzjoni mill-Kummissjoni lil Zenon, għandu jitqies li, bħala prinċipju, tali trażmissjoni hija konformi mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 45/2001.

    62

    Fil-fatt, huwa b’mod leġittimu li l-Kummissjoni bagħtet lil Zenon rapport ta’ awditu finali b’konklużjonijiet ibbażati fuq estratti mir-rapport tal-OLAF li kienu jinkludu informazzjoni li tinsab fir-rapport ta’ missjoni tal-OLAF, fir-rapport tal-OLAF relatat mal-verifika fil-post li twettqet fil-bini ta’ Comeng fil-25 u fis-26 ta’ Frar 2010, fil-minuti tas-smigħ tad-direttur ta’ Comeng u fid-dokumenti skanjati bil-kunsens tad-direttur ta’ Comeng waqt iż-żjara ta’ verifika tal-investigaturi tal-OLAF u li ntbagħtu mill-OLAF lid-DĠ Soċjetà tal-Informazzjoni fl-4 ta’ Mejju 2010.

    63

    Din l-informazzjoni ppermettiet li l-Kummissjoni tikkonferma li Zenon ma kinitx osservat id-dispożizzjonijiet tal-kuntratti FP6 konklużi għall-implementazzjoni tas-Sitt programm qafas u li tiċħad l-ispejjeż kollha mitluba minn Zenon f’dan il-kuntest.

    64

    Kieku ma ssemmewx il-konklużjonijiet tal-OLAF fir-rapport ta’ awditu finali tal-Kummissjoni, din ma kinitx tkun tista’ tiġġustifika r-raġuni għaliex applikat aġġustament fir-rigward ta’ Zenon. F’dan il-kuntest, bħala prinċipju, id-DĠ Soċjetà tal-Informazzjoni ma tistax tiġi kkritikata talli bagħtet rapport ta’ awditu finali lil Zenon li fih informazzjoni li kellha neċessarjament tkun taf biex tifhem ir-raġunijiet għaliex kien hemm bżonn li jsiru aġġustamenti finanzjarji. Għalhekk, lanqas ma jista’ jiġi sostnut li t-trażmissjoni lil Zenon ta’ tali rapport li fih informazzjoni dwar l-investigazzjoni mmexxija mill-OLAF ma hijiex, bħala prinċipju, konformi mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 45/2001.

    65

    Għandu jiġi ppreċiżat li, fost l-informazzjoni li ġabar l-OLAF u li ġiet inkluża fir-rapport ta’ awditu finali tad-DĠ Soċjetà tal-Informazzjoni, dik li ssemmi isem ir-rikorrent fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet bankarji mwettqa bejn l-2002 u l-2006 f’isem Comeng fuq ordni tar-rikorrent kienet meħtieġa biex turi li dawn it-tranżazzjonijiet bankarji ma kellhom ebda rabta mal-eżekuzzjoni tal-kuntratti FP6 konklużi għall-implementazzjoni tas-Sitt programm qafas. Ir-rapport ta’ awditu jsemmi wkoll isem ir-rikorrent fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji mwettqa matul l-istess perijodu għall-benefiċċju ta’ kumpanniji oħra miżmuma jew ikkontrollati minnu u jippreċiża li dan tal-aħħar ma weriex li dawn it-tranżazzjonijiet seħħew fil-kuntest tal-eżekuzzjoni min-naħa ta’ Zenon tal-kuntratti konklużi għall-implementazzjoni tas-Sitt programm qafas. Tali informazzjoni kienet ukoll meħtieġa sabiex tiġi ġġustifikata l-assenza ta’ rabta bejn dawn it-tranżazzjonijiet u l-eżekuzzjoni tal-kuntratti FP6 minn Zenon. Barra minn hekk, mir-rapport ta’ awditu jirriżulta li huwa r-rikorrent li ddeċieda li juża lil Comeng biex jipprovdi l-fatturi lil Zenon u jwettaq it-tranżazzjonijiet bankarji bejn din tal-aħħar u Comeng. Għandu jiġi kkonstatat li din l-informazzjoni tista’ tiġi dedotta mill-posta elettronika tad-29 ta’ Settembru 2010, mibgħuta mir-rikorrent nnifsu lid-direttur il-ġdid ta’ Zenon u ġiet mibgħuta lill-Kummissjoni mill-azzjonisti l-ġodda ta’ din il-kumpannija. Ir-rikorrent indika li huwa kien uża s-servizzi ta’ Comeng biex jintefħu l-profitti b’10 % mingħajr ma l-kumpannija tagħmel telf. Din id-data għalhekk ippermettiet li l-Kummissjoni tikkonferma li l-użu ta’ Comeng fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti konklużi għall-implementazzjoni tas-Sitt programm qafas ma kienx “żball”, iżda kienet operazzjoni intenzjonata, fatt li jwassal għaċ-ċaħda tat-teżi ta’ sempliċi żball ta’ kalkolu u konsegwentement, għall-esklużjoni tal-proposta ta’ sempliċi rettifika tal-kalkolu tal-ispejjeż tal-persunal magħmula minn Zenon fil-posta elettronika tagħha tat-18 ta’ Ottubru 2010 u, għalhekk, li sservi bħala ġustifikazzjoni tal-portata tal-aġġustament finanzjarju mwettaq fir-rigward ta’ Zenon. Għalhekk, ma jidhirx li t-trażmissjoni lil Zenon ta’ din l-informazzjoni permezz tar-rapport ta’ awditu ma hijiex konformi mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 45/2001.

    [omissis]

    67

    Fir-rigward tal-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrent, dan isostni li l-Artikolu 5(a) u (b) tar-Regolament Nru 45/2001 ma ġiex osservat minħabba li huwa terz fir-rigward tal-kuntratti konklużi minn Zenon mal-Unjoni u l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tawtorizza lill-Kummissjoni tipproċessa data personali ta’ terzi. Kif ġustament tinnota l-Kummissjoni, għandu jiġi enfasizzat li, fil-mument ta’ meta ġraw il-fatti kontenzjużi, ir-rikorrent kien direttur ta’ Zenon, kif ukoll ir-rappreżentant legali tagħha għal diversi kuntratti FP6 konklużi għall-implementazzjoni tas-Sitt programm qafas u kien id-direttur ġenerali ta’ Comeng sal-2006, kif ukoll il-proprjetarju aħħari tagħha.

    68

    Barra minn hekk, ir-rikorrent josserva li, fil-kuntest tal-kuntratti FP6, il-Kummissjoni aġixxiet bħala parti kontraenti u mhux bħala awtorità pubblika meta bagħtet ir-rapport ta’ awditu finali lil Zenon u, għalhekk, minn dan jirriżulta neċessarjament li ebda waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 45/2001 ma ġiet issodisfatta. L-argument tar-rikorrent jidher li għandu jinftiehem fis-sens li r-rapport ta’ awditu finali sar fil-kuntest purament kuntrattwali, li l-imsemmi rapport kien strettament marbut ma’ dan il-kuntest u, għalhekk, f’dan il-kuntest id-DĠ Soċjetà ta’ Informazzjoni ma setax jibgħat id-data personali tar-rikorrent lil Zenon.

    69

    Ċertament, ir-rapport ta’ awditu finali jifforma parti mill-kuntest kuntrattwali. Madankollu, il-konklużjonijiet tiegħu kienu bbażati fuq l-informazzjoni li tinsab fir-rapport tal-OLAF, li eżerċita s-setgħat tiegħu fl-interess pubbliku fis-sens tal-Artikolu 5(a) tar-Regolament Nru 45/2001.

    70

    Għalhekk, l-ilment li l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 45/2001 ma ġiet issodisfatta għandu jiġi miċħud.

    71

    It-tieni nett, ir-rikorrent isostni b’mod żbaljat li, minkejja li wieħed jista’ jassumi li l-OLAF kellu d-dritt jiġbor id-data personali tiegħu, xorta waħda kiser l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 45/2001 meta bagħathom lil diversi DĠ tal-Kummissjoni, lill-awtoritajiet nazzjonali Griegi, lil Zenon u lill-impjegati tagħha, kif ukoll lil Comeng u lill-impjegati tagħha.

    72

    It-trażmissjoni tad-data mill-OLAF lid-DĠ Soċjetà tal-Informazzjoni kienet meħtieġa għall-eżekuzzjoni leġittimu tal-funzjoni li taqa’ fil-kompetenza ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, il-konklużjonijiet ta’ awditu finali setgħu jiġu żviluppati fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-OLAF. Din id-data ppermettiet lid-DĠ Soċjetà tal-Informazzjoni tikkonstata li ż-żieda fl-ispejjeż tal-persunal kienet tikkorrispondi għall-ispejjeż tal-persunal iffatturati minn Comeng u li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu II.6 tal-kuntratti standard tas-Sitt programm qafas ma ġewx osservati, peress li spejjeż li kienu ġew ippreżentati bħala spejjeż ta’ “konsultenti interni”, kienu fil-fatt spejjeż ta’ subappalt. Huwa wkoll abbażi ta’ din l-informazzjoni li, sussegwentement, il-Kummissjoni għamlet aġġustament tal-ispejjeż. Għalhekk, ma kienx hemm ksur tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 45/2001.

    73

    Barra minn hekk, ir-rikorrent jikkritika lid-DĠ Soċjetà tal-Informazzjoni talli bagħat ir-rapport ta’ awditu finali lid-DĠ “Enerġija u trasport” u lid-DĠ “Intrapriża u Industrija” u, għalhekk, li għaddielhom data personali.

    74

    Għandu jiġi nnotat li, b’risposta għal domanda dwar din il-kwistjoni magħmula lill-Kummissjoni, din indikat li d-DĠ “Intrapriża u Industrija” u d-DĠ “Enerġija u Trasport” jifformaw parti mill-“familja ‘tar-riċerka’”, li jamministraw il-programmi-kwadri ta’ riċerka. Il-Kummissjoni ppreċiżat li l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ir-rapporti ta’ awditu, fi ħdan id-Direttorati Ġenerali tal-“familja ‘tar-riċerka’”, kienet prattika komuni intiża għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u biex tiġi ggarantita implementazzjoni koerenti tal-programmi-kwadri, peress li l-benefiċjarji huma ta’ spiss involuti f’bosta ftehimiet ta’ sussidju amministrati minn diversi direttorati ġenerali.

    75

    F’dan il-każ, it-trażmissjoni tar-rapport ta’ awditu finali li fih id-data personali tar-rikorrent lid-DĠ “Intrapriża u Industrija” u lid-DĠ “Enerġija u Trasport” ma saritx bi ksur tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 45/2001. Fil-fatt, fid-dawl tar-rwol ta’ dawn iż-żewġ DG, li jifformaw parti mid-direttorat ġenerali tal-“familja ‘tar-riċerka’”, fl-implementazzjoni tas-Sitt programm qafas, għandu jitqies, bħalma huwa indikat fil-punt 65 iktar ’il fuq, li t-trażmissjoni tad-data personali kienet meħtieġa għall-eżekuzzjoni leġittima tal-funzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom.

    76

    Ir-rikorrent isostni wkoll li hemm ksur tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 45/2001. Huwa jsostni li, fil-kuntest tat-trażmissjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru taħt id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), l-OLAF kellu jistabbilixxi li d-data kienet meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ funzjoni ta’ interess pubbliku. Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, huwa manifest li d-data miġbura mill-OLAF, li hija b’mod partikolari dik li tinsab fir-rapport ta’ awditu finali tal-Kummissjoni, u li ntbagħtet lill-awtoritajiet nazzjonali Griegi, kienet min-natura tagħha stess meħtieġa minn dawn tal-aħħar sabiex ikunu jistgħu jeżegwixxu l-funzjoni tagħhom ta’ interess pubbliku fir-rigward tal-prosekuzzjoni ta’ eventwali reati kriminali mwettqa mir-rikorrent fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti konklużi għall-implementazzjoni tas-Sitt programm qafas.

    77

    It-tielet nett, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1073/99 u tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2185/96 ma jistax jintlaqa’. Moqrija flimkien, dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu essenzjalment li l-informazzjoni miġbura fil-kuntest tal-investigazzjonijiet esterni hija koperta mis-sigriet professjonali u tgawdi mill-protezzjoni mogħtija lil data personali. Billi bagħtet lil Zenon id-data msemmija fil-punti 62 u 65 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni sempliċement ikkonfermat dak li r-rikorrent kien diġà ddikjara lid-direttur ġenerali l-ġdid ta’ Zenon fil-posta elettronika tiegħu tad-29 ta’ Settembru 2010, jiġifieri li huwa kien uża s-servizzi ta’ Comeng bil-għan li jneffaħ il-profitti. Billi għamel dan, ir-rikorrent għalhekk ammetta li deliberatament uża mekkaniżmu ta’ subappalt u li għalhekk is-sitwazzjoni ma kinitx ir-riżultat ta’ żball ta’ kalkolu. Barra minn hekk, kif imfakkar fil-punti 62 u 65 iktar ’il fuq, din l-informazzjoni kellha neċessarjament tiġi trażmessa lil Zenon sabiex tiġi miċħuda t-teżi ta’ sempliċi żball ta’ kalkolu u fl-istess ħin tiġi miċħuda l-proposta ta’ sempliċi rettifika tal-kalkolu tal-ispejjeż tal-persunal magħmula minn din il-kumpannija lill-Kummissjoni fil-posta elettronika tagħha tat-18 ta’ Ottubru 2010.

    78

    Ir-raba’ nett, ir-rikorrent isostni, għalxejn, li kien hemm ukoll ksur tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 45/2001, minħabba li qatt ma ġie informat bit-trażmissjoni tad-data personali tiegħu. Għandu jiġi nnotat li l-OLAF iddeċieda li jipposponi għall-31 ta’ Marzu 2010 d-data ta’ meta jinforma lir-rikorrent. Fil-fatt, l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 45/2001 jipprevedi li “l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità jistgħu jirrestrinġu l-applikazzjoni […] tal-Artikolu 12(1), […]fejn dik ir-restrizzjoni tikkostitwixxi miżura meħtieġa biex tissalvagwardja: a) il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-kxif jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali”. F’dan il-każ, kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-posponiment tad-data ta’ meta jiġi informat ir-rikorrent seta’ faċilment jiġi ġġustifikat min-neċessità li tiġi ssalvagwardata l-investigazzjoni, l-kxif jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, kif ukoll sabiex jiġi evitat riskju serju ta’ qerda ta’ provi li kieku huwa sar jaf bl-investigazzjoni tal-OLAF. Sussegwentement, ir-rikorrent ġie bosta drabi debitament informat bl-ipproċessar tad-data tiegħu mill-OLAF, b’mod partikolari meta ġie mistieden għall-intervista, waqt l-intervista stess u fi tmiem l-investigazzjoni.

    79

    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel u t-tieni lmenti bbażati fuq ksur tal-Artikoli 4, 5, 7, 8 u 12 tar-Regolament Nru 45/2001, għandhom jiġu miċħuda. Għandu jiġi miċħud ukoll it-tielet ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ protezzjoni tas-sigriet professjonali u tal-kunfidenzjalità tad-data personali, previst essenzjalment fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1073/99 u fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2185/96, moqrija flimkien.

    – Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq ipproċessar illegali mid-DĠ Soċjetà tal-Informazzjoni tad-data personali tar-rikorrent matul l-awditi finanzjarji li saru fil-kuntest tal-kuntratti

    80

    Ir-rikorrent isostni li l-awditi li fuqhom hija bbażata l-investigazzjoni tal-OLAF huma vvizzjati b’illegalità minħabba li l-ebda dispożizzjoni legali ma tawtorizza lill-Kummissjoni tipproċessa data personali matul l-awditi finanzjarji magħmula fil-kuntest tal-kuntratti. L-ebda wieħed mill-kriterji tal-Artikolu 5(a) sa (c) u (e) tar-Regolament Nru 45/2001 ma ġie ssodisfatt. Barra minn hekk, huwa allega ksur tal-Artikolu 5(d) tal-istess regolament minħabba li l-kunsens tar-rikorrent għall‑ipproċessar tad-data personali lanqas biss ma kien intalab. Kien hemm ukoll allegat ksur tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 45/2001, minħabba li r-rikorrent qatt ma ġie informat bit-trażmissjoni tal-imsemmija data.

    81

    Essenzjalment, id-DĠ Soċjetà tal-Informazzjoni qiegħed jiġi kkritikat, minn naħa, talli pproċessa data personali matul l-awditu bi ksur tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 45/2001 u, min-naħa l-oħra, talli bagħatha lill-OLAF.

    82

    L-ewwel nett, fir-rigward tal-kritika magħmula lid-DĠ Soċjetà tal-Informazzjoni ta’ pproċessar ta’ data personali bi ksur tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 45/2001, għandu jiġi enfasizzat li l-awditu twettaq sabiex jiġi vverifikat jekk il-kuntratt ġiex eżegwit b’mod korrett. Il-Kummissjoni ma tikkontestax li pproċessat data personali f’dan il-kuntest. Madankollu, hija ġustament tinnota li l-kuntratt kien jipprevedi li l-benefiċjarji tas-Sitt programm qafas kellhom jindikaw l-ispejjeż reali tal-persunal, jiġifieri s-sigħat effettivament maħduma mill-persuni li jwettqu x-xogħlijiet direttament u l-ispejjeż fis-siegħa tal-konsulenti. Għaldaqstant, kien leġittimu għall-Kummissjoni li jkollha aċċess għal ċertu data personali sabiex tkun tista’ tagħmel awditu b’mod effiċjenti.

    83

    F’dan ir-rigward, fir-rapport ta’ awditu inizjali, huwa nnotat li l-awdituri kkonstataw li konsulenti ppreżentati bħala impjegati ta’ Zenon donnhom kienu fil-fatt konsulenti ta’ kumpannija oħra, jiġifieri ta’ Comeng, li kien hemm kuntratt bejn dawn iż-żewġ kumpanniji f’dan ir-rigward u li l-impjieg ta’ dawn il-konsulenti kellu impatt f’termini ta’ spejjeż tal-persunal minħabba li t-tariffa fis-siegħa ta’ dawn tal-aħħar dehret sinjifikattivament iktar għolja minn dik tal-impjegati ta’ Zenon. Bi tweġiba għal din il-konstatazzjoni, Zenon osservat li l-eżekuzzjoni tal-kuntratt kien jirrikjedi livell għoli ta’ għarfien xjentifiku u li għal din ir-raġuni kellha tirreferi għall-konsulenti ta’ Comeng, peress li dawn kellhom għarfien u kompetenza speċjalizzata f’dan ir-rigward. F’dan il-kuntest, u kif tenfasizza l-Kummissjoni, kien meħtieġ li l-awdituri jkollhom aċċess għad-data kollha sabiex ikunu jistgħu jevalwaw l-ispejjeż individwali tal-persuni li jaħdmu fuq il-proġett sabiex jistabbilixxu jekk l-ispejjeż tal-persunal jikkuntrastawx kunsiderevolment mal-ispejjeż reali. Minn dan isegwi li l-ipproċessar ta’ ċerta data personali kien meħtieġ f’dan il-każ u li data anonimizzat ma kinitx tippermetti li l-awdituri jiżvolġu l-funzjoni tagħhom b’mod effiċjenti.

    84

    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-isem tar-rikorrent jidher biss fl-Anness 2 tar-rapport ta’ awditu inizjali f’tabella li telenka l-membri tal-persunal u s-sigħat maħduma minnhom fil-kuntest tal-proġetti Ewropej li fihom hija involuta Zenon. Min-naħa l-oħra, ma hemm ebda riferiment għal data personali oħra tar-rikorrent li tista’ tagħti x’tifhem li dan wettaq jew kien kompliċi ta’ irregolarità jew ta’ frodi.

    85

    Fid-dawl tan-natura tad-data personali u taċ-ċirkustanzi tal-każ, għandu jitqies li l-ipproċessar ta’ din id-data kien meħtieġ għall-eżekuzzjoni mill-Kummissjoni tal‑funzjoni tagħha li tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u, għalhekk, kien jissodisfa l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 5(a) tar-Regolament Nru 45/2001.

    86

    It-tieni nett, fir-rigward tal-kritika magħmula lid-DĠ Soċjetà tal-Informazzjoni li bagħat data personali lill-OLAF, għandu jiġi enfasizzat li r-rapport ta’ awditu inizjali indika li l-konstatazzjonijiet dwar l-użu ta’ konsulenti ta’ kumpannija terza kienu jiżvelaw prattika potenzjalment sistematika. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni setgħet leġittimament tistaqsi kienx hemm xi frodi jew irregolaritajiet potenzjali.

    87

    Issa, kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni, f’kwistjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet potenzjali, il-kuntest kuntrattwali ma jaffettwax. Fil-fatt, f’tali kuntest, il-Kummissjoni setgħet leġittimament tinforma lill-OLAF dwar is-sitwazzjoni kontenzjuża u tibgħatlu l-informazzjoni miġbura fil-kuntest tal-awditu. It-trażmissjoni lill-OLAF tad-data personali kienet meħtieġa għall-eżekuzzjoni minn dan tal-aħħar tal-funzjoni tiegħu li jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u għalhekk kienet tissodisfa l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 45/2001. Il-fatt li tintlaqa’ t-teżi mressqa mir-rikorrent ikun ifisser li, minkejja li għandha suspetti ta’ frodi, l-Kummissjoni ma tkunx tista’ tinforma lill-OLAF minħabba li hija tkun f’relazzjoni kuntrattwali mal-impriża li fuqha jkollha dawn is-suspetti. Tali interpretazzjoni tkun f’kontradizzjoni manifesta mal-ħtieġa li tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra. Barra minn hekk, ir-rapport ta’ awditu inizjali jsemmi l-isem tar-rikorrent biss bħala konsulent u ma jqajjimx suspetti ta’ frodi fir-rigward tiegħu.

    88

    Għandu jiġi miċħud ukoll l-argument li jgħid li kien hemm ksur tal-Artikolu 4(1)(b) u (e) u tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 45/2001 minħabba li, meta ntbagħtu mid-DĠ Soċjetà tal-Informazzjoni lill-OLAF, id-data ta’ Zenon u l-proġetti inkwistjoni ma kinux iktar miżmuma għall-għan oriġinali tagħhom (jiġifieri, l-analiżi ta’ jekk din l-impriża osservatx il-kundizzjonijiet finanzjarji tal-kuntratt).

    89

    Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 45/2001, “Id-data personali għandha tkun: a) ipproċessata b’mod ġust u legali; b) miġbura għal għanijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux aktar ipproċessata b’mod inkompatibbli ma’ dawk l-għanijiet; [...] e) miżmuma f’forma li tippermetti li l-identifikazzjoni tas-suġġett tad-data tinżamm għal żmien li ma jkunx itwal minn dak meħtieġ għall-għanijiet li għalihom id-data kienet inġabret jew li għalihom tkun ġiet aktar ipproċessata”. L-Agrikolu 6(1) tal-imsemmi Regolament jipprevedi li “d-data personali għandha tkun ipproċessata biss għal għanijiet barra minn dawn li għalihom tkun ġiet miġbura jekk il-bidla fil-għan tkun espressament permessa bir-regoli nterni ta’ l-istituzzjoni jew korp tal-Komunità”.

    90

    F’dan il-każ, l-għan li għalih il-Kummissjoni ġabret id-data mingħand Zenon u bagħtitha lill-OLAF hija l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

    91

    Fl-aħħar nett, ir-rikorrent isostni li kien hemm ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 45/2001 għaliex l-interessi finanzjarji tal-Unjoni xorta waħda kienu jkunu perfettament protetti li kieku l-OLAF u d-DĠ Soċjetà tal-Informazzjoni evitaw li jsemmuh b’ismu fir-rapport finali tal-investigazzjoni u fir-rapporti ta’ awditu li ntbagħtu lill-awtoritajiet Griegi. Fil-fehma tiegħu, l-indikazzjoni ta’ ismu ma kinitx meħtieġa peress li l-awtoritajiet Griegi kellhom il-kompetenza jistabbilixxu huma stess ir-responsabbiltà tal-membri tal-Bord tad-diretturi ta’ Zenon u jimputawlhom din ir-responsabbiltà.

    92

    Dan l-ilment huwa infondat. Minn naħa, l-indikazzjoni ta’ isem ir-rikorrent u tar-relazzjonijiet bejn Comeng u Zenon fiż-żmien meta huwa kien amministratur ta’ Zenon ippermettiet li jiġu ġġustifikati, f’dan l-istadju, ir-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni kienet imponiet aġġustament fuq Zenon fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti tas-Sitt programm qafas. Min-naħa l-oħra, il-fatt li ssemma isem ir-rikorrent bl-ebda mod ma jippreġudika s-setgħa tal-awtoritajiet kompetenti Griegi li jistabbilixxu huma stess l-eventwali responsabbiltà tal-membri tal-Bord tad-diretturi ta’ Zenon. Il-ġbir u l-ipproċessar ta’ data personali tar-rikorrent kienu għalhekk meħtieġa u ma sarux bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 45/2001.

    93

    Minn dan isegwi li r-raba’ lment ibbażat fuq l-ipproċessar illegali tad-data personali matul l-awditi finanzjarji mwettqa fil-kuntest tal-kuntratti, għandu jiġi miċħud.

    – Fuq il-ħames ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 25, 27 u 28 tar-Regolament Nru 45/2001

    94

    Skont ir-rikorrent, l-Artikoli 25, 27 u 28 tar-Regolament Nru 45/2001 inkisru għaliex l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data ma ġiex informat dwar l-ipproċessar tad-data personali u għaliex l-OLAF ma talabx lill-KEPD iwettaq verifika minn qabel.

    [omissis]

    98

    Qabel kollox, fir-rigward tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 45/2001, ir-rikorrent jinnota, mingħajr ma ġie kkontestat mill-Kummissjoni, li d-DĠ Soċjetà tal-Informazzjoni beda jibgħat notifiki għall-ipproċessar tad-data lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data mis-sena 2011.

    99

    Il-Kummissjoni tirreferi għad-dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità għall-investigazzjonijiet esterni sabiex turi li osservat l-obbligu ta’ notifika minn qabel impost fuqha mill-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 45/2001. Madankollu, ir-rikorrent josserva li d-dokument invokat mill-Kummissjoni fil-fatt ġie ppreżentat fit-18 ta’ Ġunju 2013 u li għalhekk huwa irrilevanti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-osservanza tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq. Il-Kummissjoni tipprova tiġġustifika dan id-dewmien bill-fatt li l-prattiki meħtieġa mill-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 45/2001 jistgħu jsiru biss gradwalment u li, f’deċiżjoni relatata ma’ notifika tardiva, l-KEPD qies li ma hemm l-ebda raġuni biex jiġi konkluż li kien hemm ksur tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq meta l-ksur ġie rrimedjat.

    100

    Madankollu, ma jistax jiġi aċċettat li r-regolarizzazzjoni tas-sitwazzjoni tippermetti li tiġi kkonstatata l-assenza ta’ ksur. Għalhekk kien hemm ksur tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 45/2001 minħabba li n-notifika tad-data saret wara l-ipproċessar tagħha. Għaldaqstant, għandu jitqies li l-Kummissjoni kisret dispożizzjoni legali intiża sabiex tagħti drittijiet lill-persuni kkonċernati mid-data personali miżmuma mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 51 iktar ’il fuq). Madankollu, tqum il-kwistjoni dwar jekk tali ksur jistax jitqies li huwa suffiċjentement serju fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 42 iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li, skont ir-Regolament Nru 45/2001, ir-rwol tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data huwa li jiżgura li l-ipproċessar tad-data personali ma jippreġudikax id-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni kkonċernati mill-imsemmi pproċessar. F’dan il-kuntest, huwa għandu b’mod partikolari l-funzjoni li jwissi lill-KEPD kontra pproċessar ta’ data li jista’ jirrappreżenta riskju fis-sens tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 45/2001. Konsegwentement, jekk huwa ma jkunx informat bl-ipproċessar tad-data, huwa ma jistax jinforma lill-KEPD u, għaldaqstant ma jistax jiżvolġi effiċjentement il-funzjoni essenzjali ta’ sorveljanza mogħtija lilu mill-leġiżlatur Ewropew.

    101

    Min-naħa l-oħra għandu jitfakkar li, bħalma huwa indikat fil-premessa 14 tar-Regolament Nru 45/2001, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament japplikaw għal kull ipproċessar ta’ data personali magħmul mill-istituzzjonijiet kollha. Għalhekk, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni ma għandhom l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 45/2001.

    102

    Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi – in-natura essenzjali tal-funzjoni ta’ sorveljanza tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data u l-assenza ta’ kull marġni ta’ diskrezzjoni tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni – għandu jitqies li s-sempliċi ksur tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 45/2001 huwa biżżejjed, f’dan il-każ, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi.

    103

    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għalxejn issostni li f’deċiżjoni tas- 17 ta’ Mejju 2014, il-KEPD qies li d-dewmien fl-implementazzjoni progressiva tar-Regolament Nru 45/2001 kien dovut għad-diversi fażijiet meħtieġa mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament innifsu. Fil-fatt, tali ġustifikazzjoni ma tippermettix li tiġi kkonfutata l-konklużjoni li tgħid li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni wettqet ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali.

    104

    Il-kwistjoni dwar sa fejn dan il-ksur ikkawża dannu lir-rikorrent ser tiġi eżaminata fil-punt 247 iktar ’il quddiem.

    105

    Konsegwentement, ir-rikorrent jallega ksur tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 45/2001 minħabba li l-ipproċessar li għandu jsir fil-kuntest tal-awditi ma ġiex suġġett għall-kontroll minn qabel tal-KEPD. Madankollu, minn naħa, għandu jiġi nnotat li r-rikorrent ma ppreżenta ebda argument biex juri li l-awditi kellhom jitqiesu li huma pproċessar li x’aktarx jippreżenta riskji speċifiċi għad-drittijiet u għal-libertajiet tal-persuni kkonċernati minħabba n-natura tagħhom, il-portata tagħhom jew l-għanijiet tagħhom. Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, kif proposta mill-Kummissjoni, għandha tiġi approvata. Fil-fatt, din ġustament tosserva li, sakemm l-ipproċessar ma jirrappreżentax riskji speċifiċi għad-drittijiet u għal-libertajiet tal-persuni kkonċernati minħabba n-natura tagħhom, il-portata tagħhom jew l-għanijiet tagħhom, ma huwiex meħtieġ li tingħata notifika minn qabel lill-KEPD fil-każ ta’ awditi bħalma huwa dak inkwistjoni. Għandu jiġi enfasizzat li l-għan ewlieni tal-awditu tal-Kummissjoni kien li tiġi vverifikata l-eżekuzzjoni xierqa tal-kuntratt u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet finanzjarji mwettqa għall-implementazzjoni tal-proġett iffinanzjat u mhux biex jinkixef eventwali frodi li jista’ jwassal għall-ftuħ ta’ investigazzjoni tal-OLAF.

    106

    Huwa minnu li, sabiex awditu jitwettaq b’mod effikaċi u utli u sabiex minnu jkunu jistgħu jinsiltu konklużjoni xierqa minnu, jista’ jinħtieġ li jsir ġbir u analiżi ta’ data personali. Madankollu, fid-dawl tal-għan tal-awditu, dan ma jimplikax li għandu jkun hemm il-verifika minn qabel prevista mill-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 45/2001. F’dan il-każ, l-awditur ipproċessa data personali tar-rikorrent u ta’ konsulenti oħra, partikolarment f’dak li jirrigwarda r-rwol tagħhom, in-numru ta’ sigħat maħduma minnhom, kif ukoll l-ispejjeż diretti tal-persunal għal kull siegħa ta’ xogħol. Madankollu, l-għan tal-ipproċessar la kien li ssir evalwazzjoni mmirata tar-rendiment individwali tar-rikorrent u tal-konsulenti l-oħra u lanqas sabiex jinkixef eventwali frodi. Għaldaqstant, il-verifika minn qabel previst mill-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 45/2001 ma kinitx tapplika għal dan il-każ u, għalhekk, ma seta’ kien hemm ebda ksur tagħha.

    107

    F’dan il-kuntest, huwa utli li jiġi enfasizzat li għandu jkun hemm il-verifika minn qabel tal-KEPD, abbażi tal-Artikolu 27(2)(a) tar-Regolament Nru 45/2001, fil-każ ta’ ipproċessar ta’ informazzjoni li tinsab fir-rapport ta’ investigazzjoni tal-OLAF, minħabba li dan l-ipproċessar jista’ jwassal lill-OLAF tissuspetta li individwi wettqu ksur.

    108

    F’dan ir-rigward, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-rikorrent li tgħid li l-OLAF ma talabx lill-KEPD jwettaq verifika minn qabel tal-kontrolli u tal-ispezzjonijiet fuq il-post u li għalhekk kiser l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 45/2001, il-Kummissjoni tosserva li t-twettiq tal-investigazzjonijiet tal-OLAF hija konformi mal-pariri li ngħataw f’diversi opinjonijiet (tal-4 ta’ Ottubru 2007 u tat-3 ta’ Frar 2012) tal-KEPD u li l-investigazzjonijiet esterni tal-OLAF kienu s-suġġett ta’ opinjoni ta’ dan tal-aħħar fl-4 ta’ Ottubru 2007, jiġifieri sew qabel l-investigazzjoni esterna li twettqet fuq il-proġett inkwistjoni f’dan il-każ. Madankollu, ir-rikorrent jqis li l-bażi ġuridika tal-opinjoni tal-4 ta’ Ottubru 2007, jiġifieri l-Artikolu 18 u 20 tar-Regolament (KE) Nru 2321/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2002, dwar ir-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ intrapriżi, ċentri ta’ riċerka u universitajiet fi, u għad-diffużjoni tar-riżultati ta’ riċerka għall-implimentazzjoni tas-Sitt programm qafas (2002‑2006) tal-Komunità Ewropea (2002-2006) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31, p. 46), ma tikkostitwix ġustifikazzjoni xierqa għall-investigazzjonijiet esterni tal-OLAF dwar il-proġetti tas-Sitt programm qafas. Fir-rigward tal-opinjoni tat-3 ta’ Frar 2012 imsemmija wkoll mill-Kummissjoni, din ma hijiex rilevanti għall-verifika mwettqa għand Comeng fi Frar 2010.

    109

    Għandu jiġi nnotat li l-KEPD ħareġ opinjoni fl-4 ta’ Ottubru 2007 dwar l-investigazzjonijiet esterni tal-OLAF fir-rigward, b’mod partikolari, tas-Sitt programm qafas. Għalhekk, l-argument tar-rikorrent huwa infondat fil-fatt.

    110

    Barra minn hekk, dan l-argument huwa wkoll infondat fid-dritt. Fil-fatt, l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2321/2002, jipprevedi s-segwenti:

    “Ħarsien ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità

    Il-Kummissjoni għandha tassigura [tiżgura] li, meta jkunu implimentati azzjonijiet indiretti, l-interessi finanzjarji tal-Komunità jkunu mħarsa permezz ta’ kontrolli effettivi u miżuri ta’ deterrent u, jekk xi irregolaritajiet jiġu osservati, permezz ta’ sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u disswasivi, skond ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988[/]95 u (Euratom, KE) Nru 2185[/]96, u skond ir-Regolament (KE) Nru 10731999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.”

    111

    Din id-dispożizzjoni tirreferi b’mod ċar għar-Regolament Nru 1073/1999 u hija bażi ġuridika xierqa li tippermetti lill-OLAF iwettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent ma jindikax għaliex din l-interpretazzjoni hija żbaljata u jgħid biss li l-Artikolu 20 tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq ma jawtorizzax lill-OLAF iwettaq investigazzjonijiet esterni fuq il-kontraenti tal-proġetti tas-Sitt programm qafas.

    112

    Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li l-awditi finanzjarji esterni jikkostitwixxu miżura amministrattiva fir-rigward tal-konsulenti kkonċernati u li, għalhekk, kellha ssir notifika lill-KEPD skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 45/2001. Madankollu, ir-rikorrent ma jindikax għaliex id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq hija applikabbli f’dan il-każ. L-argument għandu għalhekk jiġi miċħud.

    113

    Fl-aħħar, ir-rikorrent isostni li n-notifika tad-dokument fit-2 ta’ Frar 2011 lill-uffiċjal għall-protezzjoni tad-data saret bi ksur tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 45/2001, minħabba li dan id-dokument kien fih żewġ dikjarazzjonijiet foloz, waħda relatata mal-opinjoni tal-KEPD li tgħid li kien hemm assenza ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 45/2001, u l-oħra dwar l-assenza ta’ indikazzjoni ta’ isem is-“subappaltatur” (ara l-punti 152 sa 155 iktar ’il quddiem).

    114

    Fir-rigward tal-ewwel dikjarazzjoni allegatament falza, mill-punti 105 u 106 iktar ’il fuq jirriżulta li, fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 45/2001 ma kienx applikabbli għal dan il-każ. Għaldaqstant, in-notifika ma tinvolvi l-ebda żball fuq dan il-punt.

    115

    Fir-rigward tat-tieni dikjarazzjoni allegatament falza dwar il-punt 3 tan-notifika relatata mas-“subappaltatur”, l-assenza ta’ riferiment espliċitu għas-subappaltatur, l-iktar l-iktar tippermetti li jitqies li n-notifika hija impreċiża u mhux li hija falza. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li kien hemm ksur tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 45/2001 minħabba din l-unika impreċiżjoni.

    116

    Mill-punti 98 sa 102 iktar ’il fuq jirriżulta li l-motiv għandu jiġi milqugħ fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 45/2001 u li l-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

    Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq l-użu ħażin ta’ poter mill-OLAF

    [omissis]

    – Fuq is-setgħa tal-OLAF li jmexxi investigazzjoni dwar l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt

    128

    Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-OLAF ma kienx kompetenti jmexxi investigazzjoni dwar l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż għall-implementazzjoni ta’ programm qafas.

    129

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 310(6) TFUE jipprevedi li “[l]-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, skond l-Artikolu 325, jiġġieldu l-frodi u kwalunkwe attività oħra illegali li tolqot [tippreġudika] l-interessi finanzjarji ta’ l-Unjoni” u l-Artikolu 325 TFUE dwar il-ġlieda kontra l-frodi jipprevedi li “[l]-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkumbattu l-frodi u l-attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw [jippreġudikaw] l-interessi finanzjarji ta’ l-Unjoni permezz ta’ miżuri […] li jservu ta’ deterrent kif ukoll li jkunu tali li joffru protezzjoni effettiva fl-Istati Membri, kif ukoll fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni”.

    130

    Fil-fatt, għandu jiġi nnotat li parti sostanzjali tal-fondi tal-Unjoni tintilef kull sena minħabba frodi u irregolaritajiet oħra mwettqa minn persuni fiżiċi u ġuridiċi u li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri taw lill-Unjoni bażi legali speċifika biex taġixxi fil-qasam tal-prevenzjoni tal-frodi, tistabbilixxi strutturi amministrattivi u tadotta miżuri leġiżlattivi intiżi għall-prevenzjoni tal-frodi mwettqa mid-destinatarji individwali tal-fondi tal-Unjoni fl-Istati Membri jew mill-membri u persunal tal-istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Il-Kummissjoni vs BEI, C‑15/00, EU:C:2002:557, punt 4).

    131

    Huwa b’dan il-għan li twaqqaf l-OLAF bid-deċiżjoni 1999/352. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tal-imsemmija deċiżjoni jipprevedi dan li ġej:

    “L-Uffiċċju għandu jeżerċita l-poteri tal-Kummissjoni biex jagħmel investigazzjonijiet amministrattivi esterni bil-għan li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra li tolqot ħażin [tippreġudika] lill-interessi finanjarji tal-Komunità, kif ukoll kull att ta’ operaturi bil-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Komunità.”

    132

    Fir-rigward tal-investigazzjonijiet imwettqa mill-OLAF, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1073/1999 jipprevedi dan li ġej:

    “1.   Sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi, l-korruzzjoni u kull attività oħra illegali li taffettwa [tippreġudika] l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, l-[OLAF] […] għandu jeżerċita l-poteri ta’ investigazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni mir-regoli tal-Komunità u Regolamenti u ftehim fis-seħħ f’dawk l-oqsma.

    2.   L-[OLAF] għandu jipprovdi lill-Istati Membri b’għajnuna mingħand il-Kummissjoni sabiex jorganizzaw kooperazzjoni mill-qrib u regolari bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom sabiex jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom bil-għan li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi. L-[OLAF] għandu jikkontribwixxi lejn it-tfassil u l-iżvilupp ta’ metodi tal-ġlieda kontra l-frodi u kull attività oħra illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea.”

    133

    L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1073/1999 jagħti s-segwenti tifsira lill-kunċett ta’ “investigazzjonijiet amministrattivi”:

    “Skond it-tifsira ta’ dan ir-Regolament, ‘investigazzjonijiet amministrattivi’ (minnhawn iżjed il quddiem imsejħa ‘investigazzjonijiet’) għandha tfisser kull spezzjoni, kontroll u miżura oħra meħuda minn impjegati ta’ l-[OLAF] fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom, skond Artikoli 3 u 4, bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti f’Artikolu l u li jistabilixxu, fejn ikun meħtieġ, in-natura irregolari ta’ l-attivitajiet li jkunu qegħdin jiġu investigati. Dawn l-investigazzjonijiet m’għandhomx jaffettwaw il-poteri ta’ l-Istati Membri li jieħdu proċeduri kriminali.”

    134

    L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1073/1999, intitolat “Investigazzjoni esterni”, jipprevedi dan li ġej:

    “L-[OLAF] għandu jeżerċita l-poter mogħti lill-Kummissjoni mir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 sabiex iwettaq spezzjonijiet u kontrolli [verifiki] fuq il-post fl-Istati Membri u, skond il-ftehim ta’ kooperazzjoni fis-seħħ, f’pajjiżi terzi.

    Bħala parti mill-funzjoni investigattiva tiegħu, l-Uffiċċju għandu jagħmel spezzjonijiet u kontrolli kif stabbilt f’Artikolu 9(1) ta’ Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 u fir-regoli settorjali li għalihom issir referenza f’Artikolu 9(2) ta’ dak ir-Regolament fl-Istati Membri u, skond il-ftehim ta’ koperazzjoni fis-seħħ, f’pajjiżi terzi.”

    135

    Fir-rigward tad-deċiżjoni li tinfetaħ investigazzjoni, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1073/1999 jipprevedi li “għandhom jinfetħu investigazzjonijiet fuq deċiżjoni tad-Direttur tal-[OLAF] li jista’ jaġixxi fuq inizjattiva tiegħu stess jew wara talba mill-Istat Membru in kwestjoni”.

    136

    Fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-investigazzjonijiet, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1073/1999 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għalihom kif ġej:

    “1.   Id-Direttur ta’ l-[OLAF] għandu jidderiġi l-mod kif jitmexxew l-investigazzjonijiet.

    2.   L-impjegati ta’ l-[OLAF] għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom wara li jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li turi l-identità u l-kapaċità tagħhom.

    3.   L-impjegati ta’ l-[OLAF] għandhom ikunu attrezzati għal kull intervent b’awtorità bil-miktub maħruġa mid-Direttur li tindika s-suġġett ta’ l-investigazzjoni.

    4.   Waqt l-ispezzjonijiet u l-verifiki fuq il-post, l-impjegati ta’ l-[OLAF] għandhom jadottaw attitudni li tikkonforma mar-regoli u l-prassi li jirregolaw uffiċjali ta’ l-Istat Membru involut, mar-Regolamenti tal-Persunal u mad-deċiżjonijiet li ssir referenza għalihom fit-tieni subparagrafu ta’ Artikolu 4(1).

    5.   L-investigazzjonijiet għandhom jitwettqu kontinwament matul perijodu li għandu jkun proporzjonat għaċ-ċirkostanzi u l-kumplessità tal-każ.

    6.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu ċert illi l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali, jagħtu l-għajnuna neċessarja sabiex l-impjegati ta’ l-[OLAF] jkunu jistgħu jwettqu xogħolhom. L-istituzzjonijiet u l-korpi għandhom jagħmlu ċert li l-membri u l-Persunal tagħhom jagħtu l-għajnuna meħtieġa sabiex l-aġenti ta’ l-[OLAF] jkunu jistgħu jwettqu xogħolhom; l-uffiċċji u aġenziji għandhom jagħmlu ċert illi l-managers u l-Persunal tagħhom jagħmlu l-istess.”

    137

    L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1073/1999 jipprevedi wkoll obbligu għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji li jgħaddu lill-OLAF mingħajr dewmien kull informazzjoni relatata ma’ eventwali każijiet ta’ frodi jew korruzzjoni jew kull attività illegali oħra.

    138

    Ir-rapport tal-investigazzjoni u l-azzjoni meħuda wara l-investigazzjoni huma previsti fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1073/1999, li jgħid li:

    “1.   Malli titlesta investigazzjoni mwettqa mill-[OLAF], dan ta’ l-aħħar għandu jħejji rapport, taħt l-awtorità tad-Direttur, li jispeċifika l-fatti stabbiliti, it-telf finanzjarju, jekk ikun hemm, u s-sejbiet ta’ l-investigazzjoni, inklużi r-rakkomandazzjonijiet tad-Direttur ta’ l-[OLAF] dwar l-azzjoni li għandha tittieħed.

    2.   Meta jiġu mħejjija dawn ir-rapporti, għandhom jiġu meqjusa r-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fil-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru involut Ir-rapporti preparati fuq dik il-bażi għandhom jikkostitwixxu prova ammissibbli fi proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru li fih l-użu tagħhom jirriżulta li huwa meħtieġ, bl-istess mod u taħt l-istess kondizzjonijiet bħar-rapporti amministrattivi mħejjija minn spetturi amministrattivi nazzjonali. Għandhom ikunu soġġetti għall-istess regoli ta’ valutazzjoni bħal dawk applikabbli għar-rapporti amministrattivi mħejjija minn spetturi amministrattivi nazzjonali u huma ta’ valur identiku għal dawk ir-rapporti.

    3.   Rapporti magħmula wara investigazzjoni esterna u kull dokument relatat li jkun utli għandhom jintbagħtu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri in kwistjoni skond ir-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ investigazzjonijiet esterni […]”

    139

    Għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2321/2002 jikkonċerna l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Din id-dispożizzjoni tirreferi espliċitament għar-Regolament Nru 1073/1999 u, għaldaqstant, tikkonferma l-awtorità tal-OLAF fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni fit-termini li ġejjin:

    “Il-Kummissjoni għandha tassigura [tiżgura] li, meta jkunu implimentati azzjonijiet indiretti, l-interessi finanzjarji tal-Komunità jkunu mħarsa permezz ta’ kontrolli [verifiki] effettivi u miżuri ta’ deterrent u, jekk xi irregolaritajiet jiġu osservati, permezz ta’ sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u disswasivi, skont ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988[/]95 u (Euratom, KE) Nru 2185[/]96, u skont ir-Regolament (KE) Nru 10731999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.”

    140

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta test tad-dritt sekondarju tal-Unjoni jeħtieġ interpretazzjoni, dan għandu jiġi interpretat, sa fejn possibbli, fis-sens li jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat (sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 1993, Dr Tretter, C‑90/92, EU:C:1993:264, punt 11, u tal-10 ta’ Settembru 1996, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑61/94, EU:C:1996:313, punt 52).

    141

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni biss kliemha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW etC‑17/03, EU:C:2005:362, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    142

    Barra minn hekk, meta l-interpretazzjonijiet letterali u storiċi ta’ test tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, u b’mod partikolari ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet tiegħu, ma jippermettux li tiġi evalwata l-portata preċiża tiegħu, l-interpretazzjoni tat-test inkwistjoni għandha tiġi bbażata kemm fuq l-għan tiegħu kif ukoll fuq l-istruttura ġenerali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il‑Kummissjoni, C‑68/94 u C‑30/95 EU:C:1998:148, punt 168, u tal-25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il-Kummissjoni, T‑102/96, EU:T:1999:65, punt 148).

    143

    Huwa fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq li għandha tiġi analizzata l-leġiżlazzjoni dwar l-awtorità tal-OLAF li jmexxi investigazzjoni fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż għall-implementazzjoni ta’ programm qafas.

    144

    Mid-dispożizzjonijiet imfakkra fil-punti 129 sa 139 iktar ’il fuq jirriżulta li l-OLAF ingħata awtorità estiża fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi, kontra l-korruzzjoni u kontra kull attività illegali oħra li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

    145

    Sabiex il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni stabbilita fl-Artikolu 325 TFUE tkun effettiva, huwa neċessarju li l-iskoraġġiment u l-ġlieda kontra l-frodi u l-irregolaritajiet l-oħra ssir fuq il-livelli kollha u għall-attivitajiet kollha li fil-kuntest tagħhom dawn l-interessi jistgħu jkunu affettwati minn tali fenomeni. Huwa sabiex dan il-għan jintlaħaq bl-aħjar mod possibbli li l-Kummissjoni stabbilixxiet li l-OLAF jeżerċita l-kompetenzi tiegħu fil-qasam ta’ investigazzjonijiet amministrattivi esterni.

    146

    Huwa wkoll f’dan is-sens li, b’mod konkret, l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2321/2002, iċċitat fil-punt 139 iktar ’il fuq, dwar ir-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ intrapriżi, għall-implementazzjoni tas-Sitt programm qafas, ippreveda li l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti permezz ta’ verifiki effettivi mwettqa skont ir-Regolament Nru 1073/1999. B’mod speċifiku, dan ir-regolament tal-aħħar ippreveda li l-OLAF kellu l-kompetenza, mogħtija lill-Kummissjoni bir-Regolament Nru 2185/96, jwettaq kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post fl-Istati Membri.

    147

    Għalhekk jidher li l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn l-Unjoni u l-persuni ġuridiċi u fiżiċi ssuspettati li wettqu attivitajiet illegali ma taffettwax is-setgħa ta’ investigazzjoni tal-OLAF. Dan tal-aħħar jista’ jwettaq investigazzjonijiet dwar dawn il-persuni jekk fir-rigward tagħhom ikun hemm suspetti ta’ frodi jew ta’ attivitajiet illegali, minkejja li jeżisti kuntratt bejn il-partijiet imsemmija iktar ’il fuq.

    148

    Huwa għalhekk għalxejn li r-rikorrent isostni li d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kompetenzi tal-OLAF huma esklużi fil-każ fejn jeżistu kuntratti konklużi f’isem l-Unjoni. Tali interpretazzjoni, li timplika għalhekk limitazzjoni tal-kompetenza tal-istituzzjonijiet fil-ġlieda kontra l-frodi u kull attività illegali oħra, la hija konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, la mal-għanijiet u lanqas mal-istruttura ġenerali tad-dispożizzjonijiet.

    149

    F’dan il-kuntest, ir-rikorrent ma huwiex iġġustifikat li jikkonfuta l-indipendenza tal-OLAF għaliex issuspetta kunflitt ta’ interessi tal-Kummissjoni f’każ ta’ kuntratt konkluż minn din tal-aħħar f’isem l-Unjoni. Fil-fatt, il-premessa 12 tar-Regolament Nru 1073/1999 tenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-indipendenza tal-OLAF fl-eżekuzzjoni tal-kompiti mogħtija lilu mill-imsemmi regolament, billi tagħti lid-direttur tiegħu d-dritt li jiftaħ investigazzjoni ex officio. L-Artikolu 12(3) tal-istess Regolament jimplementa l-imsemmija premessa billi jipprevedi li “d-Direttur m’għandu la jfittex u lanqas jieħu struzzjonijiet minngħand xi gvern jew xi istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija waqt l-eżekuzzjoni tad-doveri tiegħu fir-rigward tal-ftuħ u t-twettieq ta’ investigazzjonijiet esterni u interni jew tat-tħejjija ta’ rapporti wara dawk l-investigazzjonijiet” u li “[j]ekk id-Direttur jidhirlu li xi miżura meħuda mill-Kummissjoni titfa’ xi dubju fuq l-indipendenza tiegħu, ikun intitolat li jressaq azzjoni kontra din l-istituzzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”.

    150

    Din l-indipendenza tal-OLAF hija kkonfermata fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 1999/352, kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/478/UE, tas-27 ta’ Settembru 2013 (ĠU 2013, L 257, p. 19), li jiddisponi dan li ġej:

    “Indipendenza tal-funzjoni investigattiva”

    L-[OLAF] għandu jeżerċita l-poteri ta’ investigazzjoni li saret referenza għalihom fl-Artikolu 2(1) fl-indipendenza kompluta. Fl-eżerċizzju ta’ dawn il-poteri, id-Direttur [Ġenerali] ta’ l-[OLAF] la għandu jfittex u lanqas jieħu struzzjoni mill-Kummissjoni, kull istituzzjoni jew korp ieħor tal-gvern.”

    [omissis]

    – Fuq il-legalità tal-klawżola kuntrattwali dwar il-verifiki u l-awditi

    157

    Ir-rikorrent għalxejn isostni li l-klawżola kuntrattwali li tipprevedi l-parteċipazzjoni tal-OLAF fil-verifiki u l-awditi mwettqa fil-kuntest tal-kuntratti tas-Sitt programm qafas hija inġusta u illegali. Fil-fatt, fil-punti 144 u 145 iktar ’il fuq ġie enfasizzat li l-OLAF kellu l-kompetenza jwettaq investigazzjonijiet esterni għand persuni ġuridiċi jew fiżiċi ssuspettati bi frodi jew attivitajiet illegali li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, minkejja l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn l-istituzzjoni u dawn il-persuni. F’dan il-kuntest l-OLAF ma jaġixxix skont l-Artikolu II.29 tal-kuntratt standard FP6 – li jipprevedi li l-Kummissjoni tista’ twettaq spezzjonijiet u verifiki fuq il-post u f’dan ir-rigward jagħmel riferiment għar-Regolamenti Nru 2185/96 u Nru 1073/1999 – iżda jaġixxi skont is-setgħat mogħtija lilu permezz tar-regolamenti msemmija iktar ’il fuq u tad-Deċiżjoni 1999/352.

    158

    Il-klawżola kuntrattwali hija, għalhekk, sempliċi tfakkira tas-setgħat li diġà għandhom il-Kummissjoni u l-OLAF. Għaldaqstant, ma jidhirx li l-applikazzjoni tagħha minn dawn tal-aħħar tikkostitwixxi żball li jista’ jikkawża dannu lir-rikorrent.

    [omissis]

    – Fuq l-assenza ta’ suspetti serji biżżejjed fir-rigward ta’ atti ta’ frodi jew ta’ korruzzjoni

    [omissis]

    175

    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-deċiżjoni tad-direttur tal-OLAF li jiftaħ investigazzjoni, l-istess, barra minn hekk, bħal deċiżjoni ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu stabbiliti minn jew fuq il-bażi tat-Trattati li jitolbu tali ftuħ, ma tistax tittieħed fl-assenza ta’ suspetti suffiċjentement serji fir-rigward ta’ atti ta’ frodi jew ta’ korruzzjoni jew ta’ attivitajiet illegali oħra li jistgħu jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs BĊE, C‑11/00, EU:C:2003:395, punt 141, u Il-Kummissjoni vs BEI, C‑15/00, EU:C:2003:396, punt 164).

    176

    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk is-suspetti tal-OLAF kinux serji biżżejjed.

    177

    F’dan ir-rigward, ir-rapport ta’ awditu inizjali jinkludi ċerta informazzjoni li minnha joħroġ li Zenon ma ppreżentatx il-formola tal-ispejjeż tal-persunal meħtieġ għal-ċerti perijodi, li parti kbira mill-ispejjeż tal-persunal iddikjarati minn Zenon kienu jirrigwardaw persuni mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha mill-kumpannija Comeng, li t-tariffa fis-siegħa ta’ impjegat imqiegħed għad-dispożizzjoni minn Comeng kienet sinjifikattivament iktar għolja minn dik ta’ impjegat ta’ Zenon u li l-ispejjeż tal-persunal ta’ Comeng ma setgħux jitqiesu li huma spejjeż ta’ “konsulenti interni”. Minn din l-informazzjoni jirriżulta wkoll li din il-prattika intiża sabiex l-ispejjeż ta’ persunal ta’ Comeng jitqiesu li huma spejjeż ta’ konsulenti interni kienet potenzjalment sistematika. Barra minn hekk jiġi enfasizzat il-fatt li r-rabtiet bejn dawn iż-żewġ kumpanniji ma kinux magħrufa u li kien permezz tal-awditu li setgħet tiġi kkonfermata l-eżistenza ta’ ftehim iffirmat fl-1 ta’ April 2005 bejn Comeng u Zenon.

    178

    Għandu jiġi enfasizzat li din l-informazzjoni tirrappreżenta biss parti mill-informazzjoni li tinsab fid-dokument kunfidenzjali li fih l-evalwazzjoni tal-informazzjoni inizjali mill-OLAF.

    179

    Għandu jitqies li, fid-dawl ta’ dawn l-elementi – ikkaratterizzati mill-assenza ta’ informazzjoni dwar ir-rabtiet bejn Zenon u Comeng, spejjeż tal-persunal apparentement esaġerati, dikjarazzjonijiet dwar il-persunal mhux konformi mar-realtà, prattika apparentement sistematika fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-ispejjeż tal-persunal – l-OLAF seta’ ġustament iqis li kien hemm suspetti suffiċjentement serji fir-rigward ta’ atti ta’ frodi jew ta’ attivitajiet illegali oħra li jistgħu jippreġudikaw il-baġit tal-Unjoni sabiex jiftaħ investigazzjoni.

    [omissis]

    – Fuq l-assenza ta’ setgħa tal-OLAF li jwettaq intervisti fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet esterni

    [omissis]

    187

    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li żewġ membri tal-OLAF intervistaw lir-rikorrent f’Patmos fis-6 ta’ Settembru 2011.

    188

    F’dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni, minn perspettiva strettament letterali, għandu jiġi rrikonoxxut li, bil-kontra ta’ dak li huwa previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1073/1999 għall-investigazzjonijiet interni, ma hemm l-ebda dispożizzjoni li tipprevedi espressament li l-OLAF jista’ jitlob informazzjoni orali fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet esterni.

    189

    Madankollu, l-assenza ta’ dispożizzjoni speċifika f’dan ir-rigward ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-OLAF huwa pprojbit milli jwettaq intervisti fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet esterni. Fil-fatt, is-setgħa li jwettaq spezzjonijiet u verifiki fuq il-post jimplika mingħajr dubju d-dritt li jwettaq intervisti mal-persuni kkonċernati minn dawn l-ispezzjonijiet u verifiki. Barra minn hekk, l-intervisti tal-OLAF ma humiex vinkolanti u l-persuni kkonċernati jistgħu jirrifjutaw li jipparteċipaw jew li jirrispondu għal ċerti mistoqsijiet.

    190

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2185/96 u l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1073/1999, moqrija flimkien, jindikaw li l-OLAF għandu aċċess, “taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-ispetturi amministrattivi nazzjonali u konformement mal-leġislazzjoni nazzjonali”, għall-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha dwar l-operazzjonijiet inkwistjoni li jkunu meħtieġa għall-iżvolġiment xieraq tal-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post.

    191

    Ir-rikorrent ma ppreżenta ebda argument sabiex juri żball tal-OLAF f’dan ir-rigward. Fil-fatt, ir-rikorrent ma indikax b’liema mod il-proċedura li biha l-OLAF stiednu għall-intervista bħala persuna kkonċernata minn dawn il-verifiki u spezzjonijiet ma kinitx konformi mal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2185/96 u mal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1073/1999, moqrija flimkien.

    192

    Għal din l-istess raġuni, l-argument ibbażat fuq l-Opinjoni 2/2012 tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF insostenn tal-impossibbiltà tal-OLAF li jitlob informazzjoni orali fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet esterni, għandha wkoll tiġi miċħuda.

    193

    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ setgħa tal-OLAF li jwettaq intervisti fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet esterni, għandha tiġi miċħuda.

    – Fuq in-nuqqas ta’ setgħa tal-OLAF li jwettaq investigazzjonijiet għand terzi

    [omissis]

    196

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2185/96 jiddisponi li “fejn ikun strettament meħtieġ biex jiġi stabbilit jekk tkunx teżisti irregolarità, il-Kummissjoni tista’ twettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post fuq operaturi ekonomiċi oħra involuti, sabiex ikollha aċċess għall-informazzjoni relevanti li jkollhom dawk l-operaturi dwar fatti soġġetti għall-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post”.

    197

    Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 2185/96 jew, mill-bqija, ta’ xi regolament ieħor ma tipprekludi lill-Kummissjoni jew, f’dan il-każ, lill-OLAF milli jwettaq verifika jew spezzjoni fuq il-post għand subappaltatur mingħajr ma qabel ikun wettaq verifika u spezzjoni fuq il-post għand operatur ekonomiku ssuspettat bi frodi. Fil-fatt, sakemm dan ikun strettament meħtieġ biex jiġi stabbilit jekk tkunx teżisti irregolarità, l-OLAF jista’ jwettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post għand operaturi ekonomiċi oħra.

    198

    Issa, għandu jitfakkar li Comeng speċifikament aġixxiet bħala subappaltatur ta’ Zenon fil-kuntest tal-eżekuzzjoni kontenzjuża tal-kuntratti FP6 konklużi għall-implementazzjoni tas-Sitt programm qafas. Tali spezzjoni ta’ dan l-operatur kienet meħtieġa sabiex tinġabar informazzjoni rilevanti miżmuma minnu dwar il-fatti li kienu qegħdin jiġu investigati.

    199

    Fir-rigward tal-għażla li titwettaq spezzjoni ta’ dan l-operatur qabel ma titwettaq spezzjoni għand Zenon, din tista’ tiġi ġġustifikata bil-ħtieġa li jkollha l-effett ta’ sorpriża. Fi kwalunkwe każ, sakemm l-ispezzjonijiet jitwettqu skont ir-Regolament Nru 2185/96, li huwa l-każ fl-ispezzjoni li twettqet għand Comeng, l-għażla tal-ordni tal-ispezzjonijiet hija fid-diskrezzjoni esklużiva tal-Kummissjoni u tal-OLAF.

    200

    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u tal-eżistenza ta’ suspetti suffiċjentement serji kif imfakkar fil-punti 177 sa 181 iktar ’il fuq, għandu jiġi nnotat li l-ispezzjoni mwettqa għand Comeng kienet strettament meħtieġa u kienet fil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tal-OLAF.

    201

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda ksur tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2185/96.

    – Fuq l-illegalità tal-estensjoni tal-investigazzjoni għat-tranżazzjonijiet finanzjarji tal-perijodu 2002‑2006

    [omissis]

    210

    It-tieni nett, għandhom jiġu eżaminati flimkien l-argumenti bbażati fuq il-preskrizzjoni u dawk ibbażati fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ terminu raġonevoli u ta’ ċertezza legali.

    [omissis]

    213

    Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, ir-regola ta’ preskrizzjoni prevista fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 hija applikabbli kemm għall-irregolaritajiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva, fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll għal dawk li huma s-suġġett ta’ miżura amministrattiva, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, miżura li l-għan tagħha huwa l-irtirar tal-vantaġġ indebitament miksub mingħajr madankollu ma jkollha n-natura ta’ sanzjoni (sentenzi tad-29 ta’ Jannar 2009, Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb etC‑278/07 sa C‑280/07, EU:C:2009:38, punt 22; tal-15 ta’ April 2011, IPK International vs Il-Kummissjoni, T‑297/05, EU:T:2011:185, punt 147, u tad-19 ta’ April 2013, Aecops vs Il-Kummissjoni, T‑53/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:205, punt 41).

    214

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 2988/95 u, b’mod partikolari, tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi regola ġenerali ta’ preskrizzjoni applikabbli f’dan il-qasam u li permezz tagħha kellu l-intenzjoni, minn naħa, li jiddefinixxi terminu minimu applikat fl-Istati Membri kollha u, min-naħa l-oħra, li jirrinunzja għall-possibbiltà ta’ rkupru tal-ammonti rċevuti indebitament mill-baġit tal-Unjoni wara li jkun skada perijodu ta’ erba’ snin wara t-twettiq tal-irregolarità li affettwat il-ħlasijiet kontenzjużi. Minn dan jirriżulta li, mid‑data tad‑dħul fis‑seħħ tar‑Regolament Nru 2988/95, kull vantaġġ indebitament miksub mill-baġit tal-Unjoni jista’, bħala prinċipju u bl‑eċċezzjoni ta’ dawk is‑setturi fejn il‑leġiżlatur tal‑Unjoni stabbilixxa termini iqsar, jiġi rkuprat mill‑awtoritajiet kompetenti tal‑Istati Membri f’terminu ta’ erba’ snin (sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et, C‑278/07 sa C‑280/07, EU:C:2009:38, punti 2728).

    215

    Fid-dawl tal-portata tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, kif imfakkra mill-ġurisprudenza, u tal-fatt li l-investigazzjoni tal-OLAF, sa fejn tikkonċerna r-rikorrent, setgħet biss twassal għal miżuri jew għal sanzjonijiet amministrattivi jew kriminali meħuda skont id-dritt nazzjonali u mhux skont id-dritt tal-Unjoni, dan ma jistax jinvoka kwalunkwe preskrizzjoni skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

    216

    Fi kwalunkwe każ, anki li kieku kellu jitqies li r-regoli ta’ preskrizzjoni previsti fir-Regolament Nru 2988/95 kienu japplikaw għall-qrati nazzjonali Griegi fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali eventwali, għandu jiġi enfasizzat li, kif diġà ġie ġustament irrilevat mill-Kummissjoni, l-irregolarità mwettqa fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt tas-Sitt programm qafas kienet waħda kontinwa. Għandu jiġi nnotat ukoll li din intemmet fit-30 ta’ Settembru 2007, jiġifieri fid-data tat-tmiem tal-aħħar proġett tas-Sitt programm qafas li kienet topera fih Zenon (f’dan il-każ Gnosys). Hija minn din id-data li ntemmet l-irregolarità preżunta. Konsegwentement, il-perijodu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri mill-1 ta’ Ottubru 2007.

    217

    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, interruzzjoni tal-perijodu ta’ preskrizzjoni tal-proċeduri kontra r-rikorrent tista’ ssir biss permezz ta’ att innotifikat lilu. Issa, waqt is-seduta, ir-rikorrent ammetta li kien ġie informat bl-investigazzjoni permezz ta’ ittra f’Lulju 2011. Barra minn hekk, huwa utli li jiġi enfasizzat li din l-ittra kienet tgħid li r-rikorrent kien meqjus bħala “persuna kkonċernata” mill-investigazzjoni inkwistjoni u li kellu kuntatti ma’ rappreżentanti tal-OLAF, peress li fiha kien hemm riferiment għall-posta elettronika tar-rikorrent tas-6 ta’ Lulju 2011 lill-OLAF, li biha kien ikkonferma li kien jaqbel dwar id-data tas-smigħ f’daru fil-Greċja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ittra ta’ Lulju 2011 lir-rikorrent għandha titqies li hija interruzzjoni tal-perijodu ta’ preskrizzjoni b’riżultat li l-perijodu ta’ preskrizzjoni ġdid ta’ erba’ snin reġa’ beda jiddekorri mid-data tal-ittra msemmija (ara, f’dan is-sens u bħala analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2003, José Martí Peix vs Il-Kummissjoni, T‑125/01, EU:T:2003:72, punt 94).

    218

    Konsegwentement, l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq il-preskrizzjoni tal-proċeduri għandu jiġi miċħud.

    219

    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq ksur tal-obbligu li jiġi osservat terminu raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi, għandu jiġi nnotat li tali obbligu jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tal-Unjoni għandha tiżgura l-osservanza tiegħu u li, barra minn hekk, jissemma bħala element kostituttiv tad-dritt għal amministrazzjoni tajba fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2014, Catinis vs Il-Kummissjoni, T‑447/11, EU:T:2014:267, punt 34). Bl-istess mod, għandu jitfakkar li n-natura raġonevoli tat-tul ta’ proċedura amministrattiva hija evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża u, b’mod partikolari, tal-kuntest tagħha, tad-diversi stadji proċedurali li ġew segwiti, tal-kumplessità tal-kawża kif ukoll tal-importanza tagħha għad-diversi partijiet ikkonċernati (sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1997, SCK u FNK vs Il-Kummissjoni, T‑213/95 u T‑18/96, EU:T:1997:157, punt 57; tas-16 ta’ Settembru 1999, Partex vs Il-Kummissjoni, T‑182/96, EU:T:1999:171, punt 177; u tad-19 ta’ April 2013, Aecops vs Il-Kummissjoni, T‑53/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:205, punt 57). F’dan il-każ, il-kuntratti konklużi għall-implementazzjoni tas-Sitt programm qafas kienu jirrigwardaw il-perjodu 2002‑2006 u għalhekk kienu jkopru diversi snin. Barra minn hekk, l-irregolarità kkonstata mill-Kummissjoni kienet waħda kontinwa u kienet mifruxa fuq dan l-istess perijodu. Għalhekk, ir-rikorrent ma jistax jikkritika lill-OLAF talli wettaq investigazzjoni fuq perijodu li jmur lura diversi snin. Barra minn hekk, l-OLAF osserva l-Artikolu 6(5) tar-Regolament Nru 1073/1999, fis-sens li l-investigazzjoni tmexxiet kontinwament matul perijodu li kien proporzjonat għaċ-ċirkustanzi u l-kumplessità tal-każ. Fil-fatt, l-OLAF fetaħ l-investigazzjoni tiegħu f’Diċembru 2009. Fi Frar 2010, huwa wettaq spezzjoni fil-bini ta’ Comeng. F’Awwissu 2010, il-Kummissjoni ppreparat l-abbozz tar-rapport ta’ awditu finali u ppreżentatu lil Zenon li ssottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha fuqu f’Ottubru u f’Novembru 2010. Il-Kummissjoni adotta r-rapport ta’ awditu finali fi Frar 2011. Fid-dawl tal-elementi tar-rapport ta’ awditu finali, f’Lulju 2011 l-OLAF informa lir-rikorrent li huwa kien persuna kkonċernata, intervistah f’Settembru 2011, għalaq l-investigazzjoni tiegħu f’Settembru 2012 u bagħat ir-rapport ta’ investigazzjoni finali tiegħu lill-awtoritajiet Griegi f’Ottubru 2012. Minn dan isegwi li l-OLAF la kiser l-obbligu li josserva terminu raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi u lanqas id-dritt għal amministrazzjoni tajba, li minnu l-imsemmi obbligu jifforma parti. Fl-istess sens, fid-dawl ta’ dak li ġie espost preċedentement, l-OLAF lanqas ma kiser il-prinċipju ta’ diliġenza.

    [omissis]

    Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

    225

    Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrent isostni li, fil-mument tas-smigħ tiegħu u sad-data tal-preżentata tar-rikors tiegħu, huwa kellu biss ftit informazzjoni dwar is-suġġett tal-investigazzjonijiet u tal-allegazzjonijiet tal-OLAF dwaru. Huwa jqis li, bħala persuna kkonċernata, kellu jiġi informat b’mod preċiż u ċar dwar kull wieħed mill-fatti li jikkonċernawh. Issa, huwa la ġie informat b’mod definittiv u ddettaljat dwar l-allegazzjonijiet kontrih u tal-fatti li ġie akkużat bihom, u lanqas dwar l-akkużi u l-informazzjoni li ntbagħtu lid-DĠ Soċjetà tal-Informazzjoni u lill-awtoritajiet Griegi, u huwa ma kellux il-possibbiltà li jiddefendi ruħu u li jinstema’ dwar dawn il-fatti, u lanqas li jikkontesta eventwali allegazzjonijiet żbaljati.

    226

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

    227

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, permezz tat-tielet motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li d-drittijiet tad-difiża tiegħu ġew miksura u, essenzjalment, jagħmel żewġ ilmenti. Minn naħa, ma ġiex informat b’mod preċiż u ċar dwar kull wieħed mill-fatti li ġie akkużat bihom u għalhekk ma kienx f’pożizzjoni li jinstema’ dwar dawn il-fatti. Min-naħa l-oħra, la kellu aċċess għall-fajl tal-OLAF qabel ma dan ipprepara r-rapport tiegħu u qabel ma indika ismu u lanqas ma kellu aċċess għar-rapport finali nnifsu.

    228

    Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, f’kull proċedura miftuħa kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi ggarantit anki fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċeduri inkwistjoni. Dan il-prinċipju jeżiġi li kull persuna li kontriha tista’ tittieħed deċiżjoni li tippreġudikaha tingħata l-opportunità li tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha fir-rigward tal-elementi li ntużaw kontriha mill-Kummissjoni bħala bażi tad-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal et, C‑32/95 P, EU:C:1996:402, punt 21).

    229

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment li r-rikorrent ma ġiex informat b’mod suffiċjentement ċar tal-fatti li ġie akkużat bihom u għalhekk ma setax jinstema’ fuq dawn il-fatti, għandu l-ewwel nett jiġi nnotat li l-ebda leġiżlazzjoni ma pprevediet l-obbligu li l-persuni kkonċernati jiġu informati fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet esterni tal-OLAF. Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ investigazzjonijiet interni, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396/KE, KEFA, Euratom tal-Kummissjoni, tat-2 ta’ Ġunju 1999, dwar it-termini u l-kondizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni rigward il-prevenzjoni ta’ frodi, korruzzjoni u kull xorta ta’ attività illegali li hija ta’ ħsara lejn l-interess tal-Komunitajiet (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 118), intitolat “Notifika lill-parti interessata”, jiddisponi dan li ġej:

    “Fejn l-implikazzjonijiet possibbli ta’ Membru, uffiċjal jew impjegat tal-Kummissjoni isiru evidenti, il-parti interressata għandha tkun informata malajr, basta dan ma jkunx ta’ ħsara għall-investigazzjonijiet […].

    F’każijiet li jinħtieġu li tinżamm is-segretezza assoluta għal fini ta’ l-investigazzjonijiet u li jkollhom il-ħtieġa ta’ proċeduri invetigativi li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni ta’ l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali, l-obbligazzjoni li tistieden lill-membru, l-uffiċjal u l-impjegat tal-Kummissjoni biex jagħtu il-fehmiet tagħhom tista titħalla biex dawn jiġu deċiżi flimkien ma’ l-President tal-Kummissjoni jew mas-Segretarju Ġenerali tagħha rispettivament.”

    230

    Il-Qorti Ġenerali diġà kkunsidrat li r-rispett tad-drittijiat tad-difiża kien suffiċjentement iggarantit fil-kuntest ta’ investigazzjoni interna tal-OLAF meta dan jimxi skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, Nikolaou vs Il-Kummissjoni, T‑259/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:254, punt 245).

    231

    L-istess japplika għall-proċedura ta’ investigazzjoni esterna tal-OLAF. Għaldaqstant, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża huwa suffiċjentement iggarantiti fil-kuntest ta’ tali investigazzjoni jekk, bħalma huwa previst fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396, il-persuna kkonċernata tiġi informata malajr bil-possibbiltà ta’ involviment personali f’fatti ta’ frodi, ta’ korruzzjoni jew f’attivitajiet illegali li jaffettwaw l-interessi tal-Unjoni, meta ma jkunx hemm riskju li dan ikun ta’ ħsara għall-investigazzjoni.

    232

    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, sa mix-xahar ta’ Lulju 2011, l-OLAF bagħat ittra lir-rikorrent sabiex jinformah li kien meqjus persuna kkonċernata mill-investigazzjoni relatata mal-proġett GR/RESEARCH-INFSO-FP6-Robotics and informatics. F’din l-ittra l-OLAF indika b’mod ċar li huwa kien qiegħed jitlob lir-rikorrent spjegazzjonijiet u informazzjoni dwar l-involviment ta’ Zenon u ta’ Comeng fil-kuntest tal-proġetti ta’ riċerka tas-Sitt programm qafas. Permezz ta’ din l-istess ittra, l-OLAF stieden lir-rikorrent għal smigħ sabiex jagħtih il-“possibbiltà jesprimi l-fehmiet u l-kummenti [tiegħu] dwar il-fatti kollha li jikkonċernaw[h] inkwantu parti interessata”. Huwa indika li sabiex jiffaċilita s-smigħ, ir-rikorrent kien mitlub jiġbor id-dokumenti meħtieġa dwar l-involviment ta’ Zenon u ta’ Comeng f’dawn il-proġetti ta’ riċerka tal-Unjoni, jiġifieri kopji tal-fatturi maħruġa minn Comeng lil Zenon, il-provi ta’ ħlas, il-kopji tal-kuntratti ta’ servizz konklużi bejn Zenon u Comeng, il-kopji tad-dokumenti relatati max-xogħol imwettaq mill-konsulenti f’isem Comeng, il-kopji tal-iskedi bil-ħinijiet tax-xogħol tal-konsulenti kif ukoll il-kopji tal-kuntratti ta’ servizz konklużi bejn Comeng u kumpanniji oħra bħal [kunfidenzjali] ( 2 ).

    233

    L-OLAF speċifika wkoll li r-rikorrent kellu d-dritt li jkun assistit minn konsulent legali jew minn rappreżentant ieħor, li, fi tmiem is-smigħ, kien ser jintalab jaqra r-rapport u jiffirmah jekk jaqbel mal-kontenut tiegħu, li s-smigħ seta’ jintuża f’kuntest ta’ proċedura amministrattiva, dixxiplinarja, ġudizzjarja jew kriminali u li l-investigazzjoni setgħet twassal għal irkupru finanzjarju jew li l-każ jintbagħat quddiem l-awtoritajiet dixxiplinari tal-Unjoni jew quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali kompetenti.

    234

    Fis-7 ta’ Settembru 2011, żewġ rappreżentanti tal-OLAF iltaqgħu mar-rikorrent f’daru. Mir-rapport tal-intervista ffirmat mill-partijiet jirriżulta li r-rikorrent mill-bidu ġie informat li l-OLAF kien qiegħed jipprova jivverifika l-fatti essenzjali u jiġbor l-informazzjoni dwar ir-relazzjonijiet ta’ bejn Zenon u Comeng fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti tas-Sitt programm qafas. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-rapport juri l-ewwel nett [kunfidenzjali].

    235

    B’ittra tad-19 ta’ Settembru 2012, ir-rikorrent ġie informat li l-OLAF kien temm l-investigazzjoni tiegħu u kien hemm raġunijiet sabiex jitqies li kienu twettqu reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-ittra kienet tispeċifika li, abbażi tal-konklużjonijiet tal-investigazzjoni, l-OLAF kien irrakkomanda li l-awtoritajiet ġudizzjarji Griegi kompetenti jibdew proċedura ġudizzjarja.

    236

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għandu jitqies li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, ir-rikorrent ġie kompletament informat bir-raġunijiet tal-investigazzjoni esterna mwettqa mill-OLAF, kif ukoll bir-raġunijiet għaliex kien persuna kkonċernata mill-imsemmija investigazzjoni u li setgħa, suffiċjentement skont il-liġi, jinstema’. B’mod partikolari, mir-rapport tal-intervista jirriżulta li huwa kien totalment konxju [kunfidenzjali].

    237

    Konsegwentement, l-ilment li r-rikorrent ma ġiex informat b’mod suffiċjentement ċar bil-fatti li ġie akkużat bihom u għalhekk ma setax jinstema’ fuq dawn il-fatti għandu jiġi miċħud.

    238

    F’dan il-kuntest u fit-tieni lok, l-ilment tar-rikorrent li la kellux aċċess għall-fajl tal-OLAF u lanqas għar-rapport finali nnifsu għandu wkoll jiġi miċħud.

    239

    Fil-fatt, l-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-aċċess għall-fajl tal-OLAF, għandu jitqies li dan ma huwiex obbligat li jagħti lil persuna kkonċernata minn investigazzjoni esterna aċċess għad-dokumenti li jkunu s-suġġett ta’ tali investigazzjoni jew għal dawk redatti mill-OLAF innifsu f’din l-okkażjoni, inkella, l-effikaċja u l-kunfidenzjalità tal-funzjoni fdata lill-OLAF kif ukoll l-indipendenza tiegħu jistgħu jiġu ostakolati. Fil-fatt, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent ġie suffiċjentement iggarantit mill-informazzjoni li ngħatatlu (ara, bħala analoġija, id-digriet tat-18 ta’ Diċembru 2003, Gómez-Reino vs Il-Kummissjoni, T‑215/02, EU:T:2003:352, punt 65, u s-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2007, Nikolaou vs Il-Kummissjoni, T‑259/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:254, punt 241, u tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑48/05, EU:T:2008:257, punt 255) u mill-fatt li nstema’ fil-kuntest ta’ intervista.

    240

    It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-aċċess għar-rapport finali ta’ investigazzjoni esterna, ma hemm l-ebda dispożizzjoni li tipprevedi li l-OLAF għandu tali obbligu. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ kontradittorju, l-eżistenza ta’ illegalità fir-rigward tal-OLAF tista’ tiġi stabbilita biss fil-każ fejn ir-rapport finali jkun ippubblikat jew sa fejn ikun segwit mill-adozzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, Nikolaou vs Il-Kummissjoni, T‑259/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:254, punti 267268, u tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑48/05, EU:T:2008:257, punt 259).

    241

    Sa fejn id-destinatarji tar-rapporti finali, jiġifieri l-Kummissjoni u l-awtoritajiet ġudizzjarji Griegi, għandhom l-intenzjoni li jadottaw att bħal dan fir-rigward tar-rikorrent billi jibbażaw ruħhom fuq ir-rapporti finali, huma dawn l-awtoritajiet l-oħra, u mhux l-OLAF, li għandhom, jekk ikun il-każ, jagħtu lir-rikorrent aċċess għal dawn ir-rapporti b’mod konformi mar-regoli proċedurali tagħhom stess.

    [omissis]

    243

    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent u li, għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

    Fuq id-dannu u r-rabta kawżali

    [omissis]

    247

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li r-rikorrent irnexxielu jistabbilixxi ksur tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 45/2001 (ara l-punti 98 sa 102 u 172 iktar ’il fuq). Madankollu, ir-rikorrent ma weriex l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan il-ksur u d-dannu allegat. Fil-fatt, huwa ma ppreżenta ebda argument li jippermetti li jinftiehem kif, f’dan il-każ, in-notifika tardiva li tinforma lill-uffiċjal tal‑protezzjoni tad-data bl-ipproċessar ta’ data personali li tirrigwardah setgħet ippreġudikat ir-reputazzjoni tiegħu u wasslitu jtemm l-attivitajiet professjonali tiegħu u jinterrompi l-attivitajiet akkademiċi tiegħu. Huwa lanqas ma spjega kif l-imsemmija notifika tardiva kienet ikkawżatlu xi danni morali. Għaldaqstant, sa fejn hija bbażata fuq il-ksur imsemmi iktar ’il fuq, it-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    248

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    [omissis]

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

    Taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    M. Athanassios Oikonomopoulos huwa kkundannat għall-ispejjeż, inklużi dawk tal-proċedura għall-miżuri provviżorji.

     

    Prek

    Labucka

    Kreuschitz

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Lulju 2016.

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    ( 1 ) Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.

    ( 2 ) Data kunfidenzjali moħbija.

    Top