This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62013TJ0171
Judgment of the General Court (Second Chamber) of 2 February 2016.#Benelli Q. J. Srl v Office for Harmonisation in the Internal Market (Trade Marks and Designs) (OHIM).#Community trade mark — Revocation proceedings — Community figurative mark MOTOBI B PESARO — Genuine use of the mark — Article 51(1)(a) of Regulation (EC) No 207/2009 — Evidence submitted against the application for revocation after the expiry of the period set for that purpose — Failure to take account thereof — Discretion of the Board of Appeal — Provision to the contrary — Circumstances precluding additional or supplementary evidence from being taken into account — Article 76(2) of Regulation No 207/2009 — Rule 50(1), third subparagraph, of Regulation (EC) No 2868/95.#Case T-171/13.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-2 ta’ Frar 2016.
Benelli Q. J. Srl vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni).
Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ revoka — Trade mark Komunitarja figurattiva MOTOBI B PESARO — Użu ġenwin mit-trade mark — Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Provi prodotti kontra t-talba għal revoka wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit — Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Appell — Dispożizzjoni kuntrarja — Ċirkustanzi li jipprekludu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi ġodda jew supplimentari — Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 — It-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95.
Kawża T-171/13.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-2 ta’ Frar 2016.
Benelli Q. J. Srl vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni).
Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ revoka — Trade mark Komunitarja figurattiva MOTOBI B PESARO — Użu ġenwin mit-trade mark — Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Provi prodotti kontra t-talba għal revoka wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit — Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Appell — Dispożizzjoni kuntrarja — Ċirkustanzi li jipprekludu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi ġodda jew supplimentari — Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 — It-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95.
Kawża T-171/13.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2016:54
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)
2 ta’ Frar 2016 ( *1 )
“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ revoka — Trade mark Komunitarja figurattiva MOTOBI B PESARO — Użu ġenwin mit-trade mark — Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Provi prodotti kontra t-talba għal revoka wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit — Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Appell — Dispożizzjoni kuntrarja — Ċirkustanzi li jipprekludu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi ġodda jew supplimentari — Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 — It-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95”
Fil-Kawża T‑171/13,
Benelli Q. J. Srl, stabbilita f’Pesaro (l-Italja), irrappreżentata minn P. Lukácsi u B. Bozóki, avukati,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), inizjalment irrappreżentat minn F. Mattina, sussegwentement minn P. Bullock, bħala aġenti,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija
Demharter GmbH, stabbilita f’Dillingen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn A. Kohn, avukat,
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tas-16 ta’ Jannar 2013 (Każ R 2590/2011‑2), dwar proċedimenti ta’ revoka bejn Demharter GmbH u Benelli Q. J. Srl,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),
komposta minn M. E. Martins Ribeiro (Relatur), President, S. Gervasoni u L. Madise, Imħallfin,
Reġistratur: I. Dragan, Amministratur,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Marzu 2013,
wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Ġunju 2013,
wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Ġunju 2013,
wara li rat id-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawża lit-Tieni Awla,
wara s-seduta tas-7 ta’ Lulju 2015,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 |
Fl-14 ta’ Ġunju 2001, ir-rikorrenti, Benelli Q. J. Srl, li kienet Benelli SpA, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1). |
2 |
It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej: |
3 |
Il-prodotti li għalihom ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 9, 12 u 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja:
|
4 |
L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 5/2002, tal-14 ta’ Jannar 2002, u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ġiet irreġistrata fl-1 ta’ Awwissu 2002. |
5 |
Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Novembru 2009, l-intervenjenti, Demharter GmbH, talbet lir-rikorrenti tirtira t-trade mark ikkontestata minħabba assenza ta’ użu minn din tal-aħħar fil-ħames snin preċedenti, u jekk ir-rikorrenti ma tagħmilx dan hija kienet ser tressaq talba għal revoka quddiem l-UASI. |
6 |
Fit-22 ta’ Diċembru 2009, l-intervenjenti ressqet talba għal revoka, skont l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti kollha previsti fil-punt 3 iktar ’il fuq, filwaqt li invokat assenza ta’ użu ġenwin matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin li kien jippreċedi l-preżentata tat-talba għal revoka, minkejja li, sa fejn kienet taf, l-imsemmija trade mark kienet intużat bejn l-1950 u l-1974 għal muturi. |
7 |
Fis-6 ta’ April 2010, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet u provi tal-użu fit-terminu stabbilit. Fit-28 ta’ Lulju, fid-29 ta’ Ottubru 2010 u fl-4 ta’ Marzu 2011, insegwitu għall-osservazzjonijiet ippreżentati mill-intervenjenti, hija hemżet provi ġodda. |
8 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2011, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni qieset li l-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark ikkontestata ma kinitx ġiet prodotta, b’tali mod li hija ddikjarat ir-revoka tad-drittijiet tar-rikorrenti mit-22 ta’ Diċembru 2009. |
9 |
Fid-19 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Fil-21 ta’ Frar 2012, ir-rikorrenti ppreżentat in-nota li tispjega l-aggravji, li kienet akkumpanjata minn provi ġodda. |
10 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Jannar 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell. Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-provi prodotti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, il-Bord tal-Appell, wara li, minn naħa, fakkar fid-dokumenti kollha li r-rikorrenti kienet ipproduċiet fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u, min-naħa l-oħra, innota li r-rikorrenti kienet diġà ipproduċiet provi tal-użu erba’ darbiet, fil-punt 34 tal-imsemmija deċiżjoni, iddikjara li jikkondividi l-konklużjoni tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni fir-rigward tal-insuffiċjenza evidenti tad-dokumenti prodotti mir-rikorrenti sabiex jiġi stabbilit l-użu ġenwin mit-trade mark ikkontestata. Fil-punti 35 sa 44 ta’ din id-deċiżjoni, il-Bord tal-Appell żviluppa l-argument proprju tiegħu li skontu l-provi prodotti kienu insuffiċjenti għal dan l-għan. |
11 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu, il-Bord tal-Appell, qabel kollox fakkar, fil-punt 46 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009 jagħti setgħa diskrezzjonali lill-UASI sabiex jiddeċiedi jekk ikunx hemm lok jew le li jieħu inkunsiderazzjoni l-fatti u l-provi prodotti tardivament u żied, fil-punt 47 ta’ din id-deċiżjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li, bħala regola ġenerali u sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni kuntrarja, il-produzzjoni ta’ fatti u ta’ provi mill-partijiet baqgħet possibbli wara l-iskadenza tat-termini li għalihom kienet suġġetta tali produzzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, u li l-UASI bl-ebda mod ma kien ipprojbit milli jieħu inkunsiderazzjoni fatti u provi invokati jew prodotti tardivament. |
12 |
Il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 50 tad-deċiżjoni kkontestata, li, f’dan il-każ, kienet teżisti dispożizzjoni kuntrarja li tipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-provi prodotti tardivament, jiġifieri l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, kif applikat mir-Regola 40(5) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95 tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), kif jirriżulta mill-verżjoni emendata tiegħu mir-Regolament (KE) Nru 1041/2005 tal-Kummissjoni, tad-29 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 287M, p. 12), b’tali mod li l-produzzjoni ta’ provi tal-użu mit-trade mark Komunitarja wara l-iskadenza tat-terminu kienet twassal għar-revoka tal-imsemmija trade mark. |
13 |
Madankollu, il-Bord tal-Appell iddikjara, fil-punt 51 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95 ma tistax tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi supplimentari, fir-rigward tal-eżistenza ta’ provi ġodda, anki jekk dawn jiġu prodotti wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu perentorju. Wara li fakkar, fil-punti 52 sa 54 tal-imsemmija deċiżjoni, il-kundizzjonijiet li taħthom il-provi setgħu jitqiesu li huma supplimentari u ammissibbli, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 55 ta’ din id-deċiżjoni, li l-kundizzjoni sabiex il-provi prodotti tardivament jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-verità ġiet issodisfatta biss parzjalment. |
14 |
Fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 9 u 25, il-provi (l-Annessi 6 u 7 tal-ispjega tal-aggravji) tqiesu li huma ġodda u mhux li huma supplimentari. Il-Bord tal-Appell, fil-punt 56 tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, qies li l-provi relatati mal-oġġetti tal-ħwejjeġ li kienu ġew prodotti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienu manifestament irrilevanti peress li ma kinux jikkonċernaw it-trade mark ikkontestata u, min-naħa l-oħra, li ma kienet ġiet prodotta l-ebda prova fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 9. Il-provi għalhekk ġew iddikjarati inammissibbli. |
15 |
Fil-punt 57 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li l-provi prodotti tardivament kellhom jitqiesu li huma “supplimentari” fir-rigward tal-muturi li jaqgħu fil-klassi 12, sa fejn dawn kellhom l-għan li “jikkompletaw” il-provi prinċipali. Madankollu, il-Bord tal-Appell ikkonstatata li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet diġà eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali tagħha billi aċċettat il-provi tal-użu supplimentari prodotti mir-rikorrenti mal-osservazzjonijiet tagħha bħala risposta għall-intervenjenti. Konsegwentement, skont il-Bord tal-Appell, ir-rikorrenti diġà kellha l-opportunità diversi drabi li tipproduċi provi rilevanti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u, għaldaqstant, kellha l-ħin kollu sabiex tiġborhom u tippreparahom sabiex tissodisfa r-rekwiżiti legali. Għalhekk, il-Bord tal-Appell iddikjara li ċ-ċirkustanzi ma humiex favur l-aċċettazzjoni ta’ dokumenti supplimentari. |
16 |
Fil-punt 58 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell żied jgħid li, fi kwalunkwe każ, irrispettivament minn jekk dawn id-dokumenti jittiħdux inkunsiderazzjoni jew le, huma ma kinux juru l-użu ġenwin mit-trade mark ikkontestata matul il-perijodu bejn it-22 ta’ Diċembru 2004 u l-21 ta’ Diċembru 2009 (iktar ’il quddiem il-“perijodu rilevanti”) għar-raġunijiet li huwa kien żvolġa fil-punti 59 sa 69 tal-imsemmija deċiżjoni, fir-rigward tad-dokumenti prodotti mir-rikorrenti quddiemu, bl-esklużjoni tal-Annessi 6 u 7, li ġew iddikjarati inammissibbli (ara l-punt 14 iktar ’il fuq). |
It-talbiet tal-partijiet
17 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
18 |
L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
Fuq l-ammissibbiltà tar-riferiment ġenerali mir-rikorrenti għall-argumenti mressqa bil-miktub matul il-proċedimenti quddiem l-UASI
19 |
L-UASI sostna li r-riferiment ġenerali mir-rikorrenti għall-argumenti kollha mressqa bil-miktub matul il-proċedura amministrattiva huwa inammissibbli. |
20 |
Skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, ir-rikors għandu jinkludi sunt tar-raġunijiet imressqa. Skont ġurisprudenza stabbilita sew, għalkemm il-korp tar-rikors jista’ jiġi sostnut u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet minn dokumenti annessi miegħu, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra ma jistax jikkumpensa għall-assenza ta’ elementi essenzjali tal-argument legali, li, skont id-dispożizzjonijiet imfakkra iktar ’il fuq, għandhom jidhru fir-rikors innifsu [ara s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Engelhorn vs UASI – The Outdoor Group (peerstorm), T‑30/09, Ġabra, EU:T:2010:298, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata]. |
21 |
Matul is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ppreċiżat li r-riferiment li hija għamlet għal ċerti punti tar-rikors ma għandux jiġi interpretat bħala li huwa riferiment ġenerali, iżda li l-argument tagħha kien limitat biss għall-punti speċifiċi żviluppati fir-rikors. Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet, hemm lok li jitqies li l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà invokati mill-UASI għandhom jiġu miċħuda. |
Fuq l-ammissibbiltà tal-ilmenti mressqa kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni
22 |
L-UASI jsostni li l-kontestazzjonijiet tar-rikorrenti kontra l-konstatazzjonijiet magħmula mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli. |
23 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 65(1) tar-Regolament Nru 207/2009, ir-rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea jista’ jsir biss kontra d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell, b’tali mod li, fil-kuntest ta’ rikors bħal dan, huma ammissibbli biss motivi indirizzati kontra d-deċiżjoni tal-istess Bord tal-Appell [sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, Lidl Stiftung vs UASI – REWE-Zentral (Salvita), T‑303/03, Ġabra, EU:T:2005:200, punt 59]. |
24 |
Matul is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat, b’risposta għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, li r-rikors għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ilmenti li kienu ddikjarati fih kienu mressqa biss kontra d-deċiżjoni kkontestata. Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà invokati mill-UASI għandhom jiġu miċħuda. |
Fuq l-ammissibbiltà ta ’ provi ġodda prodotti mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali
25 |
Ir-rikorrenti hemżet prova ġdida mar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali li tikkonsisti minn dikjarazzjoni bil-miktub magħmula taħt ġurament tas-sindku tal-Komun ta’ Pesaro (l-Italja), dikjarazzjoni li, skont l-UASI, hija inammissibbli. |
26 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali jikkonċerna l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI fis-sens tal-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009. Għaldaqstant, il-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemha [sentenzi tad-19 ta’ Novembru 2008, Rautaruukki vs UASI (RAUTARUUKKI),T‑269/06, EU:T:2008:512, punt 20, u tal-25 ta’ Ġunju 2010, MIP Metro vs UASI – CBT Comunicación Multimedia (Metromeet), T‑407/08, Ġabra, EU:T:2010:256, punt 16]. Minn dan jirriżulta li fatti li ma jiġux invokati mill-partijiet quddiem id-dipartimenti tal-UASI ma jistgħux jiġu invokati fl-istadju tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali (ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul,C‑29/05 P, Ġabra, EU:C:2007:162, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
27 |
Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ma kkontestatx li s-sindku ta’ Pesaro, li ilu sindku mill-2004, seta’ jirrediġi, matul il-proċedura amministrattiva, u fuq talba tar-rikorrenti, affidavit, li bih, minkejja li kien ikun differenti minħabba d-dati msemmija fih u li huma sussegwenti għad-data tal-proċedura amministrattiva, madankollu kien ikun simili għal dak redatt fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. |
28 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, bħalma jsostni l-UASI, l-anness imsemmi fil-punt 25 iktar ’il fuq, li ma ġiex prodott mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, għandu jiġi ddikjarat inammissibbli. |
Fuq il-mertu
29 |
Ir-rikorrenti essenzjalment tinvoka żewġ motivi kontra d-deċiżjoni kkontestata: l-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 u t-tieni wieħed fuq il-ksur tat-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95. |
30 |
Qabel kollox, hemm lok li jiġi eżaminat il-motiv ibbażat fuq il-ksur tat-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95. |
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tat-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95
31 |
Ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-provi prodotti, minħabba li dan tal-aħħar, fil-punt 57 tad-deċiżjoni kkontestata, iddikjara li ċ-ċirkustanzi ma humiex favur l-aċċettazzjoni ta’ dokumenti supplimentari. |
32 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell qies li l-kundizzjoni ta’ ammissjoni tal-provi prodotti tardivament fir-realtà kienet issodisfatta biss parzjalment, peress li l-provi dwar l-oġġetti tal-ħwejjeġ li jaqgħu fil-klassi 25 prodotti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ma kinux jikkonċernaw it-trade mark ikkontestata u ma ġiet prodotta l-ebda prova quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 9, b’tali mod li l-provi prodotti tardivament fir-rigward tal-muturi li jaqgħu fil-klassi 12 biss setgħu jitqiesu li huma “supplimentari”, fis-sens tar-Regola 50 tar-Regolament Nru 2868/95. |
33 |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-provi li jikkonċernaw il-muturi li jaqgħu fil-klassi 12, il-Bord tal-Appell, fil-punti 59 sa 68 tad-deċiżjoni kkontestata, irrefera espressament għad-dokumenti kkonċernati, ħadhom inkunsiderazzjoni u analizzahom u indika r-raġunijiet għaliex l-imsemmija provi ma kienu jipprovdu l-ebda informazzjoni addizzjonali rilevanti dwar il-portata tal-użu mit-trade mark ikkontestata matul il-perijodu rilevanti. |
34 |
Minn dan jirriżulta li, peress li l-Bord tal-Appell eżamina r-rilevanza tad-dokumenti li jikkonċernaw il-muturi li jaqgħu fil-klassi 12, l-ilment tar-rikorrenti huwa ineffettiv f’dan ir-rigward. |
35 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-provi dwar il-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 9 u 25, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 56 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-provi (l-Annessi 6 u 7 tan-nota li tispjega l-aggravji) kienu ġodda u mhux supplimentari, b’tali mod li huwa ddikjarahom inammissibbli. |
36 |
Ir-rikorrenti kkontestat l-inammissibbiltà ta’ dawn il-provi u tallega li l-Bord tal-Appell, b’mod żbaljat, irrifjuta li juża s-setgħa diskrezzjonali li huwa seta’ jagħmel użu minnha. |
37 |
Għall-kuntrarju ta’ dak li jidher li jqis l-UASI, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta preċiżament li l-Bord tal-Appell ma eżaminax dawn il-provi u li l-affermazzjoni tiegħu li skontha ċ-ċirkustanzi ma humiex favur l-aċċettazzjoni ta’ dokumenti supplimentari kienet tapplika għall-annessi biss, li barra minn hekk ġew analizzati minnu, li jikkonċernaw il-muturi u mhux għall-Annessi 6 u 7 tan-nota li tispjega l-aggravji, li ma tinsabx fost id-dokumenti, elenkati fil-punti 59 sa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, li kienu ġew prodotti għall-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell. Fil-fatt, fil-punt 63 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Bord tal-Appell irrefera għal u eżamina l-Anness 5 tal-imsemmija nota u, fil-punt segwenti, l-Anness 8 ta’ din in-nota, mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni bl-ebda mod l-Annessi 6 u 7 tal-istess nota. |
38 |
Barra minn hekk, l-argument tal-UASI li skontu r-rikorrenti ma qajmitx dubju dwar l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-valur probatorju tal-provi l-ġodda prodotti għall-ewwel darba quddiemu u lanqas fuq ir-raġunijiet għaliex huwa qies li dawn il-provi kienu insuffiċjenti sabiex jagħtu prova tal-użu ġenwin mit-trade mark ikkontestata, ma jistax jintlaqa’. |
39 |
Fil-fatt, ir-rikorrenti tallega b’mod partikolari, li l-fatturi, li jinsabu fl-Annessi 6 u 7 tan-nota li tispjega l-aggravji, kienu jippermettu, flimkien mal-provi l-oħra li kienet ipproduċiet għall-evalwazzjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li jiġi pprovat l-użu ġenwin mit-trade mark ikkontestata. |
40 |
Għandu jiġi ddeterminat jekk, billi ddikjara li l-provi prodotti quddiemu fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 9 u 25 kienu inammissibbli, minħabba li kienu ġodda u mhux supplimentari, il-Bord tal-Appell wettaqx żball li jivvizzja l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. |
41 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi nnotat li l-Bord tal-Appell fakkar, fil-punt 47 tad-deċiżjoni kkontestata, li fir-rigward tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li, bħala regola ġenerali u sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni kuntrarja, il-produzzjoni ta’ fatti u ta’ provi mill-partijiet baqgħet possibbli wara l-iskadenza tat-termini li għalihom kienet suġġetta tali produzzjoni skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-istess regolament u, fil-punt 49 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-UASI bl-ebda mod ma kien ipprojbit milli jieħu inkunsiderazzjoni fatti u provi invokati jew prodotti tardivament, b’tali mod li dan kellu setgħa diskrezzjonali sabiex jiddeċiedi jekk kienx hemm lok li jeħodhom inkunsiderazzjoni jew le. |
42 |
Il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 50 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, kif applikat mir-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95, kien preċiżament dispożizzjoni kuntrarja u li minn dawn id-dispożizzjonijiet kien jirriżulta li l-produzzjoni ta’ provi tal-użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja wara l-iskadenza tat-terminu kienet twassal għar-revoka tat-trade mark. |
43 |
Madankollu, il-Bord tal-Appell żied jgħid, fil-punt 51 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95 ma setgħetx tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi supplimentari, fir-rigward tal-eżistenza ta’ provi ġodda, anki jekk jiġu prodotti wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu perentorju, u, fil-punt 52 tal-istess deċiżjoni, li t-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tal-imsemmi regolament kien jagħmel l-ammissibbiltà ta’ provi ġodda suġġetta għall-kundizzjoni li l-provi jkunu supplimentari. |
44 |
Il-Bord tal-Appell ippreċiża, fil-punt 53 tad-deċiżjoni kkontestata, li mit-terminu “supplimentari” kien jirriżulta b’mod ċar li l-provi supplimentari kellhom ikunu elementi addizzjonali u mhux il-provi prinċipali, b’tali mod li, jekk ma kienet ġiet prodotta l-ebda prova tal-użu fit-terminu stabbilit jew jekk il-provi prodotti kienu manifestament insuffiċjenti jew irrilevanti, il-parti ma setgħetx tiġi ppremjata bil-possibbiltà li tipproduċi l-provi tal-użu għall-ewwel darba jew il-parti prinċipali tal-provi wara l-iskadenza tat-terminu. |
45 |
Il-Bord tal-Appell żied jgħid, fil-punt 54 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95 kellha tinftiehem fis-sens li xejn ma setgħa jipprekludi milli jittieħdu inkunsiderazzjoni provi supplimentari, li sempliċement kienu żdiedu ma’ provi oħra prodotti fit-terminu stabbilit, sakemm il-provi inizjali ma kinux irrilevanti, iżda kienu tqiesu insuffiċjenti. Dan ir-raġunament, li bl-ebda mod, skont il-Bord tal-Appell, ma kien irendi superfluwa r-Regola 22(2) tal-imsemmi regolament, kien iktar u iktar validu peress li l-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja ma abbużax mit-termini stabbiliti, billi rrikorra deliberatament għal tattiċi ta’ dewmien jew billi wera negliġenza manifesta, u peress li l-provi supplimentari li kien ippreżenta kienu limitati sabiex jikkorroboraw l-indizji li kienu rriżultaw diġà mid-dikjarazzjonijiet bil-miktub prodotti fit-terminu stabbilit. |
46 |
Il-Bord tal-Appell kkonkluda, fil-punt 56 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Annessi 6 u 7 tan-nota li tispjega l-aggravji li kienu ġew prodotti għall-evalwazzjoni tiegħu mir-rikorrenti kienu inammissibbli għar-raġuni li ġejja: “Fir-rigward tal-prodotti inklużi fil-klassijiet 9 u 25, il-provi (l-Annessi 6 u 7 tal-ispjega tal-aggravji) huma ġodda iżda mhux supplimentari. Il-provi dwar l-oġġetti tal-ħwejjeġ li ġew prodotti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienu manifestament irrilevanti peress li dawn ma kinux jikkonċernaw it-trade mark inkwistjoni. Ma ġiet prodotta l-ebda prova fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 9. Il-provi għalhekk huma inammissibbli.” |
47 |
Hemm lok li jitfakkar li, ċertament, huwa eżatt li l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jiddisponi li l-UASI jista’ ma jikkunsidrax fatti li l-partijiet ma invokawx jew provi li ma pproduċewx fi żmien xieraq. |
48 |
Bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, bħala regola ġenerali u sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni kuntrarja, il-produzzjoni ta’ fatti u ta’ provi mill-partijiet tibqa’ possibbli wara l-iskadenza tat-termini li għalihom hija suġġetta tali produzzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, u l-UASI ma huwa bl-ebda mod ipprojbit milli jqis fatti u provi invokati jew prodotti tardivament (sentenzi UASI vs Kaul, punt 26 iktar ’il fuq, EU:C:2007:162, punt 42; tat-18 ta’ Lulju 2013, New Yorker SHK Jeans vs UASI,C‑621/11 P, Ġabra, EU:C:2013:484, punt 22; u tat-3 ta’ Ottubru 2013, Rintisch vs UASI,C‑122/12 P, Ġabra, EU:C:2013:628, punt 23). |
49 |
Billi tippreċiża li dan tal-aħħar “jista’”, f’każ bħal dan, jiddeċiedi li ma jiħux inkunsiderazzjoni tali provi, l-imsemmija dispożizzjoni fil-fatt tagħti lill-UASI setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeċiedi, filwaqt li jagħti r-raġunijiet għad‑deċiżjoni tiegħu fuq dan il-punt, jekk hemmx lok li jeħodhom inkunsiderazzjoni jew le (sentenza Rintisch vs UASI, punt 48 iktar ’il fuq, EU:C:2013:628, punt 24). |
50 |
Sa fejn it-tieni motiv imressaq mir-rikorrenti jikkonċerna biss il-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li skontha s-setgħa diskrezzjonali li huwa seta’ jagħmel użu minnha kienet tikkonċerna biss il-provi supplimentari għal dawk diġà prodotti, u mhux għal dawk li ser jiġu prodotti biss fl-istadju tal-appell filwaqt li ma kienet ġiet prodotta l-ebda prova rilevanti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, għandu jiġi ddeterminat biss jekk il-Bord tal-Appell qiesx ġustament lil dawn tal-aħħar bħala inammissibbli. |
51 |
Hemm lok li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dan li ġej fil-punti 32 u 33 tas-sentenza Rintisch vs UASI, punt 48 iktar ’il fuq (EU:C:2013:628):
|
52 |
Bħalma indikat l-Avukat Ġenerali Sharpston fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 li tinsab fil-konklużjonijiet tagħha għas-sentenza Rintisch vs UASI, punt 48 iktar ’il fuq (EU:C:2013:628), “[i]l-verżjonijiet ta’ lingwi differenti tat-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) [tar-Regolament Nru 2868/95] ma jaqblux kompletament” u, “[p]ereżempju, it-test Franċiż jirreferi għal ‘faits et preuves nouveaux ou supplémentaires’ u t-test Olandiż jipprovdi ‘aanvullende feiten en bewijsstukken’”. |
53 |
Ta’ min iżid jgħid li l-espressjoni “faits ou preuves nouveaux” (fatti u provi ġodda), meħuda fis-sens li, fil-kuntest tal-proċedura quddiem l-istanza inferjuri, ma kien ġie prodott l-ebda fatt jew l-ebda prova, la tidher fil-verżjoni Ingliża b’mod partikolari (additional or supplementary facts and evidence), la fil-verżjoni Ġermaniża (zusätzliche oder ergänzende Sachverhalte und Beweismittel), la fil-verżjoni Daniża (yderligere eller supplerende kendsgerninger og beviser), la fil-verżjoni Estonjana (lisa- või täiendavaid fakte ja tõendeid), la fil-verżjoni Spanjola (hechos y pruebas adicionales), la fil-verżjoni Taljana (fatti e prove ulteriori o complementari), la fil-verżjoni Portugiża (factos adicionais ou suplementares), la fil-verżjoni Ċeka (měly být vzaty v úvahu dalši nebo doplňkové skutečnosti a důkazy), u lanqas fil-verżjoni Svediża (att ytterligare eller kompletterande sakförhållanden och bevis bör). |
54 |
Mill-verżjonijiet lingwistiċi differenti jirriżulta li l-provi ġodda fis-sens tal-verżjoni Franċiża għandhom jissupplimentaw provi oħra diġà prodotti, b’tali mod li, bħalma indikat l-Avukat Ġenerali Sharpston fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tagħha għas-sentenza Rintisch vs UASI, punt 48 iktar ’il fuq (EU:C:2013:628), “huwa ċar li, sabiex il-provi jkunu kkaratterizzati hekk [ġodda jew supplimentari], provi oħra għandhom ikunu ġew ippreżentati fi stadju iktar kmieni tal-proċeduri”. |
55 |
Din l-interpretazzjoni, li tirriżulta mill-punt 33 tas-sentenza Rintisch vs UASI, punt 48 iktar ’il fuq (EU:C:2013:628), tapplika wkoll fir-rigward tas-setgħa diskrezzjonali li għandu l-Bord tal-Appell u li ma tistax tiġi estiża għal provi prodotti għall-ewwel darba quddiemu, filwaqt li ma kienet ġiet prodotta l-ebda prova quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. |
56 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti setgħet, fil-kuntest tal-proċedura quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, tipproduċi diversi drabi (jiġifieri fit-8 ta’ Jannar, fit-28 ta’ Lulju, fid-29 ta’ Ottubru 2010 u fl-4 ta’ Marzu 2011) il-fatti u l-provi li kellhom juru l-użu ġenwin mit-trade mark ikkontestata għat-tliet klassijiet li l-imsemmija trade mark kienet ġiet irreġistrata għalihom. |
57 |
Għalkemm fir-realtà kienu ġew prodotti l-provi fir-rigward tal-muturi li jaqgħu fil-klassi 12, għandha tiġi kkonfermata l-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li skontha l-provi dwar l-oġġetti tal-ħwejjeġ li jaqgħu fil-klassi 25 li kienu ġew prodotti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienu manifestament irrilevanti peress li ma kinux jikkonċernaw it-trade mark ikkontestata (punt 56 tad-deċiżjoni kkontestata), filwaqt li, barra minn hekk, l-elementi figurattivi li dehru ma tantx kienu leġġibbli, u li ma kienet ġiet prodotta l-ebda prova fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 9, b’tali mod li dawn il-provi kellhom jiġu ddikjarati inammissibbli. |
58 |
Fil-fatt hemm lok li jitqies li, peress li fil-kuntest tal-proċedura quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ma pproduċiet l-ebda fatt jew prova dwar il-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 9 u 25, ir-rikorrenti ma setgħetx tikkumpensa għal dan in-nuqqas billi tipproduċi provi għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell sabiex turi n-natura ġenwina tal-użu tat-trade mark ikkontestata fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu f’dawn iż-żewġ klassijiet. |
59 |
F’dan ir-rigward, barra minn hekk għandu jiġu rrilevat li, b’risposta għal domanda magħmula matul is-seduta mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma setgħet issemmi l-annessi prodotti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li kienu juru li l-konstatazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell fil-punt 56 tad‑deċiżjoni kkontestata, li skontha hija ma kinitx ipproduċiet provi tal-użu mit-trade mark ikkontestata fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 9 u 25, kienet żbaljata. |
60 |
Ir-rikorrenti għamlet biss riferiment għall-“katalgu ta’ aċċessorji u lbiesi Benelli 2008/2009 li jelenka partijiet ta’ bdil u ħwejjeġ [mingħajr ma hemm] riferiment għal MOTOBI”, filwaqt li talbet lill-Qorti Ġenerali nnifisha tivverifika jekk din il-konstatazzjoni kinitx żbaljata, iżda mingħajr ma invokat dokument preċiż li jipproduċi l-prova tal-iżball allegatament imwettaq. |
61 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm dan il-katalgu effettivament jagħmel riferiment għal Benelli, it-trade mark ikkontestata nnifisha, għall-kuntrarju, ma tinsab bl-ebda mod fid-dokumenti inklużi fil-katalgu previst fil-punt 60 iktar ’il fuq. |
62 |
Minn dan jirriżulta li, meta kkonstata li r-rikorrenti kienet naqset milli tipproduċi kwalunkwe element dwar l-użu mit-trade mark ikkontestata fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 9 u 25 fl-istadju tal-proċedura quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, il-Bord tal-Appell ma wettaq l-ebda żball li jivvizzja l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. |
63 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud. |
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009
64 |
Ir-rikorrenti essenzjalment tikkritika lill-Bord tal-Appell li qies li l-provi li hija kienet ipproduċiet sabiex jiġu evalwati minnu kienu insuffiċjenti għall-finijiet li juru l-użu ġenwin mit-trade mark ikkontestata. |
65 |
Għandu jitfakkar li mill-premessa 10 tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li l-leġiżlatur qies li l-protezzjoni tat-trade mark Komunitarja kienet iġġustifikata biss sa fejn din kienet tintuża fir-realtà. Konformement ma’ din il-premessa, l-Artikolu 51(1)(a) tal-imsemmi regolament jipprevedi li d-drittijiet ta’ proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja għandhom jiġu ddikjarati bħala revokati, b’mod partikolari malli ssir applikazzjoni lill-UASI, jekk, għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin, ma jkunx sar użu ġenwin mit-trade mark fl-Unjoni Ewropea għall-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun irreġistrata, u ma jkunx hemm raġunijiet siewja għal dan in-nuqqas ta’ użu. Din id-dispożizzjoni żżid li l-bidu jew l-issoktar ta’ użu waqt terminu ta’ tliet xhur qabel il-preżentata tal-applikazzjoni, terminu li jkun beda l-iktar kmieni mal-iskadenza tal-perijodu kontinwu ta’ ħames snin li matulu t-trade mark ma ntużatx, madankollu, ma għandux jitqies meta l-preparamenti għall-bidu jew għall-issoktar iseħħu biss wara li l-proprjetarju jsir jaf li l-applikazzjoni setgħet tiġi ppreżentata. |
66 |
Ir-Regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95, li hija applikabbli għat-talbiet għal revoka skont ir-Regola 40(5) tal-istess regolament, tiddisponi li l-prova tal-użu mit-trade mark għandha tirrigwarda l-post, it-tul, l-importanza u n-natura tal-użu li sar mit-trade mark ikkontestata [sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2008, Boston Scientific vs UASI – Terumo (CAPIO), T‑325/06, EU:T:2008:338, punt 27, u tal-24 ta’ Mejju 2012, TMS Trademark-Schutzrechtsverwertungsgesellschaft vs UASI – Comercial Jacinto Parera (MAD), T‑152/11, EU:T:2012:263, punt 17]. |
67 |
Ir-ratio legis tar-rekwiżit li skontu trade mark għandha tintuża b’mod ġenwin sabiex tkun protetta taħt id-dritt tal-Unjoni huwa bbażat fuq il-fatt li r-Reġistru tal-UASI ma jistax jitqies li huwa maħżen strateġiku u statiku li jagħti lil detentur inattiv monopolju legali għal żmien indeterminat. Għall-kuntrarju, u konformement mal-premessa 10 tar-Regolament Nru 207/2009, l-imsemmi reġistru għandu jirrifletti fedelment l-indikazzjonijiet li l-impriżi jużaw fis-suq fir-realtà sabiex jiddistingwu l-prodotti u s-servizzi tagħhom fil-kummerċ (ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tas-27 ta’ Jannar 2004, La Mer Technology,C‑259/02, Ġabra, EU:C:2004:50, punti 18 sa 22). |
68 |
Fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu ġenwin”, għandu jitqies il-fatt li r-ratio legis tar-rekwiżit li skontu t-trade mark ikkontestata għandha tkun is-suġġett ta’ użu ġenwin la huwa intiż sabiex jevalwa s-suċċess kummerċjali, la sabiex jikkontrolla l-istrateġija ekonomika ta’ impriża u lanqas sabiex jirriżerva l-protezzjoni tat-trade marks biss fejn sar użu kummerċjali sinjifikattiv minnhom mil-lat kwantitattiv (ara s-sentenza MAD, punt 66 iktar ’il fuq, EU:T:2012:263, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
69 |
Bħalma jirriżulta mill-punt 43 tas-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul (C‑40/01, Ġabra, EU:C:2003:145), trade mark tkun is-suġġett ta’ użu ġenwin meta tintuża, konformement mal-funzjoni essenzjali tagħha, li hija li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm żbokk għal dawn il-prodotti u servizzi, bl-esklużjoni ta’ użijiet ta’ natura simbolika li għandhom l-iskop uniku li jżommu d-drittijiet mogħtija mit-trade mark. Barra minn hekk, il-kundizzjoni dwar l-użu ġenwin mit-trade mark teżiġi li din tal-aħħar, kif protetta fit-territorju rilevanti, tintuża pubblikament u esternament (ara s-sentenza MAD, punt 66 iktar ’il fuq, EU:T:2012:263, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza Ansul, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2003:145, punt 37). |
70 |
L-evalwazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu mit-trade mark għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha xierqa sabiex jiġi stabbilit jekk hijiex qed tintuża b’mod kummerċjali fir-realtà, b’mod partikolari l-użi kkunsidrati li huma ġġustifikati fis-settur ekonomiku kkonċernat sabiex jinżammu jew jinħolqu partijiet mis-suq favur prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, il-portata u l-frekwenza tal-użu mit-trade mark (ara s-sentenza MAD, punt 66 iktar ’il fuq, EU:T:2012:263, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza Ansul, punt 69 iktar ’il fuq, EU:C:2003:145, punt 43). |
71 |
Fir-rigward tal-firxa tal-użu li sar mit-trade mark ikkontestata, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-volum kummerċjali tal-atti kollha ta’ użu, minn naħa, u t-tul tal-perijodu li matulu twettqu atti ta’ użu kif ukoll il-frekwenza ta’ dawn l-atti, min-naħa l-oħra (ara s-sentenza MAD, punt 66 iktar ’il fuq, EU:T:2012:263, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
72 |
Sabiex tiġi eżaminata, f’każ partikolari, in-natura ġenwina tal-użu minn trade mark Komunitarja, għandha ssir evalwazzjoni ġenerali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. Din l-evalwazzjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni. Għalhekk, volum żgħir ta’ prodotti kkummerċjalizzati taħt l-imsemmija trade mark jista’ jkun ikkumpensat minn intensità qawwija jew regolarità kbira fiż-żmien tal-użu minn din it-trade mark u bil-maqlub. Barra minn dan, id-dħul mill-bejgħ magħmul kif ukoll il-kwantità ta’ prodotti mibjugħa taħt it-trade mark ikkontestata ma jistgħux jiġu evalwati f’termini assoluti, iżda jridu jiġu evalwati fid-dawl ta’ fatturi rilevanti oħra, bħall-volum tal-attività kummerċjali, il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni jew ta’ kummerċjalizzazzjoni jew il-livell ta’ diversifikazzjoni tal-impriża li tuża t-trade mark kif ukoll il-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi fis-suq ikkonċernat. Minħabba dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li ma huwiex meħtieġ li l-użu mit-trade mark ikkontestata jkun dejjem kwantitattivament sinjifikattiv sabiex jiġi kkwalifikat bħala ġenwin. Għaldaqstant, anki użu minimu jista’ jkun suffiċjenti sabiex jiġi kkwalifikat bħala ġenwin, bil-kundizzjoni li jitqies li huwa ġġustifikat, fis-settur ekonomiku kkonċernat, sabiex jinżammu jew jinħolqu ishma fis-suq għall-prodotti jew is-servizzi protetti mit-trade mark (ara s-sentenza MAD, punt 66 iktar ’il fuq, EU:T:2012:263, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
73 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid ukoll, fil-punt 72 tas-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2006, Sunrider vs UASI (C‑416/04 P, Ġabra, EU:C:2006:310), li ma kienx possibbli li jiġi ddeterminat minn qabel, b’mod astratt, liema livell kwantitattiv kellu jitqies sabiex jiġi ddeterminat jekk l-użu kellux natura ġenwina jew le, b’tali mod li regola de minimis, li ma tippermettix lill-UASI jew, fuq rikors, lill-Qorti Ġenerali jevalwaw iċ-ċirkustanzi kollha tat-tilwima quddiemhom ma setgħetx, għaldaqstant, tiġi stabbilita. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta din tissodisfa ġustifikazzjoni kummerċjali reali, użu anki minimu jista’ jkun suffiċjenti biżżejjed biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ natura ġenwina (ara s-sentenza MAD, punt 66 iktar ’il fuq, EU:T:2012:263, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
74 |
Madankollu, iktar ma huwa limitat il-volum kummerċjali tal-użu mit-trade mark, iktar huwa neċessarju li l-proprjetarju tat-trade mark jipproduċi provi supplimentari sabiex jitneħħew eventwali dubji dwar il-ġenwinità tal-użu mit-trade mark ikkonċernata [sentenza tat-18 ta’ Jannar 2011, Advance Magazine Publishers vs UASI – Capela & Irmãos (VOGUE), T‑382/08, EU:T:2011:9, punt 31]. |
75 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-użu ġenwin minn trade mark ma jistax jiġi pprovat permezz ta’ probabbiltajiet jew ta’ preżunzjonijiet, iżda għandu jkun ibbażat fuq elementi konkreti u oġġettivi li jagħtu prova tal-użu effettiv u suffiċjenti mit-trade mark fis-suq ikkonċernat (ara s-sentenza MAD, punt 66 iktar ’il fuq, EU:T:2012:263, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
76 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell, billi kkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, ikkonkludiex ġustament li l-assenza ta’ użu ġenwin mit-trade mark ikkontestata matul ħames snin li jippreċedu d-data tat-talba għal revoka tal-imsemmija trade mark. |
77 |
Peress li t-talba għal revoka tat-trade mark ikkontestata ġiet imressqa fit-22 ta’ Diċembru 2009, il-perijodu ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, li tfakkar fil-punt 16 iktar ’il fuq, bħalma rrileva ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa bejn it-22 ta’ Diċembru 2004 u l-21 ta’ Diċembru 2009. |
78 |
Hemm lok li jiġi rrilevat li l-provi prodotti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni dwar l-użu mit-trade mark ikkontestata huma dawn li ġejjin: |
79 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti pproduċiet provi oħra quddiem il-Bord tal-Appell, li ġew eżaminati minn dan tal-aħħar fil-punti 59 sa 67 tad-deċiżjoni kkontestata u li sussegwentement kienu s-suġġett tal-osservazzjonijiet segwenti. |
80 |
Il-Bord tal-Appell ikkonstata li l-fattura, li kienet mehmuża mal-Anness 1 tan-nota li tispjega l-aggravji, kellha d-data tat-2 ta’ Awwissu 2010, jiġifieri data lil hinn mill-perijodu rilevanti, u ssemmi l-bejgħ ta’ tliet skuters għall-prezz konġunt ta’ EUR 680, jiġifieri kwantità żgħira. Insegwitu, huwa qies li d-dikjarazzjonijiet mehmuża fl-Anness 2 tal-imsemmija nota kienu ambigwi u bl-ebda mod ma kienu jindikaw li l-prodotti kienu nbiegħu, iżda kienu jindikaw biss li kienu ġew immanifatturati. L-Anness 3 ta’ din in-nota ma kienx jirrigwarda l-prodotti PESARO B MOTOBI. L-Anness 4 tal-istess nota kien jirreferi għad-dritt li jintużaw il-logos “Benelli” u “MotoBi” fil-kuntest tal-wirjiet ippjanati fl-2005, mingħajr ma tintwera l-prova tal-użu tagħhom. L-Anness 5 tal-imsemmija nota kien fih artiklu bl-Ingliż dwar l-istorja tat-trade mark MOTOBI. L-aħħar data msemmija kienet l-1972. Dan l-anness tal-aħħar kien juri wkoll ritratti ta’ skuters mingħajr dati. L-Anness 8 ta’ din in-nota kien juri ritratti ta’ muturi mingħajr dati. L-Anness 9 tal-istess nota kien juri ritratti ta’ skuters mingħajr dati u stampati fl-2011. L-Anness 10 tan-nota msemmija iktar ’il fuq kien juri l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ żewġ mudelli MOTOBI tal-2004. Fl-aħħar nett, l-Anness 11 tan-nota msemmija iktar ’il fuq kien fih artikli tal-istampa u ritratti ta’ muturi msejħa “benelli”, mingħajr ma tissemma t-trade mark PESARO B MOTOBI. |
81 |
Għandu jiġi kkonstatat li, kemm għar-raġunijiet imsemmija mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li huma riprodotti fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll dawk imsemmija mill-Bord tal-Appell, li jinsabu fil-punti 59 sa 68 tal-imsemmija deċiżjoni, il-provi kollha prodotti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva huma manifestament insuffiċjenti għall-finijiet li juru l-użu ġenwin mit-trade mark ikkontestata. |
82 |
Bħalma rrileva ġustament l-UASI, il-parti l-kbira tad-dokumenti prodotti mir-rikorrenti għall-finijiet li turi l-użu ġenwin mit-trade mark ikkontestata ma għandhomx valur probatorju, sa fejn dawn jew ma għandhomx data jew għandhom data li tiġi wara jew qabel il-perijodu rilevanti, jew ma jinkludu l-ebda riferiment għat-trade mark ikkontestata jew huma ritratti mingħajr data u li ma jistgħux jitqabblu ma’ dokumenti oħra bħal katalgi ta’ prodotti jew listi ta’ referenzi. L-ebda dokument ma fih informazzjoni fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ jew tan-numru ta’ prodotti mibjugħa bit-trade mark matul il-perijodu rilevanti. |
83 |
Fil-fatt, l-uniċi provi prodotti mir-rikorrenti lill-Bord tal-Appell u li fihom data li taqa’ fi ħdan il-perijodu rilevanti mfakkra fil-punt 77 iktar ’il fuq huma: ordni tal-15 ta’ Ottubru 2009 għal 26 skuter tat-trade mark MOTOBI, akkumpanjata minn tweġiba tal-25 ta’ Novembru 2009 u li wasslet għal fattura waħda, tal-20 ta’ Lulju 2010, li nħarġet wara l-perijodu rilevanti u li tikkonċerna skuter wieħed biss u mhux 26. |
84 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġu rrilevat li, għalkemm l-ordni tal-15 ta’ Ottubru 2009 għal 26 skuter tat-trade mark MOTOBI saret fil-perijodu rilevanti għall-finijiet tal-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark, hemm lok, madankollu, li jiġi kkonstatat li t-tweġiba tar-rikorrenti għall-imsemmija ordni għandha data ta’ meta hija kienet għadha kif ġiet informata bl-imminenza tal-ftuħ ta’ proċedura ta’ revoka mill-intervenjenti (ara l-punt 5 iktar ’il fuq) u li, konformement mal-aħħar sentenza tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, dawn il-provi huma inklużi fil-perijodu ta’ tliet xhur ta’ qabel id-data tat-tressiq tat-talba għal revoka. |
85 |
Barra minn hekk, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li skontu hija kienet ipproduċiet diversi provi, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt waħdu li fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva r-rikorrenti, bħalma ssostni hija stess, bagħtet “diversi provi” huwa irrilevanti għall-finijiet tad-demostrazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu mit-trade mark ikkontestata, billi din il-prova ma tiddependix fuq il-volum ta’ dokumenti annessi, speċjalment meta dawn id-dokumenti ma jagħmlu l-ebda riferiment għall-imsemmija trade mark figurattiva kkontestata jew, fil-biċċa l-kbira tagħhom, għandhom data li tiġi qabel jew wara l-perijodu rilevanti, iżda tiddependi fuq il-kwalità u r-rilevanza tad-dokumenti li għandhom jippermettu lir-rikorrenti tipproduċi l-prova ta’ dan l-użu ġenwin, billi dan tal-aħħar ma jistax jiġi preżunt abbażi ta’ provi frammentarji u insuffiċjenti. |
86 |
Barra minn hekk, billi tinvoka dokumenti b’data li tiġi qabel jew wara l-perijodu rilevanti u bl-indikazzjoni li “għandu jiġi preżunt li dawn id-dokumenti għandhom effett ukoll fuq il-perijodu rilevanti”, ir-rikorrenti manifestament twettaq żewġ żbalji; minn naħa, meta ssostni li dokumenti li ma jirrigwardawx il-perijodu rilevanti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-prova tan-natura ġenwina tal-użu mit-trade mark ikkontestata u, min-naħa l-oħra, billi tqis li tali prova tista’ tingħata minn sempliċi preżunzjonijiet jew suppożizzjonijiet, għall-kuntrarju tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 75 iktar ’il fuq. |
87 |
Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 34 tad-digriet La Mer Technology, punt 67 iktar ’il fuq (EU:C:2004:50), li ċirkustanzi li seħħew wara l-preżentata tat-talba għal revoka setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni. Madankollu, din ippreċiżat li ċirkustanzi bħal dawn jistgħu jippermettu li jiġi kkonfermat jew li tiġi evalwata aħjar il-portata tal-użu mit-trade mark fil-perijodu rilevanti kif ukoll l-intenzjonijiet reali tal-proprjetarju tul l-istess perijodu. |
88 |
Barra minn hekk, in-natura ġenwina tal-użu mit-trade mark ikkontestata ma setgħetx tiġi pprovata minn elementi li ma jirrigwardawx il-perijodu rilevanti. |
89 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, id-dokumenti sussegwenti prodotti mir-rikorrenti kemm quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kif ukoll quddiem il-Bord tal-Appell ma jippermettux li tiġi evalwata aħjar il-portata tal-użu mit-trade mark matul il-perijodu rilevanti, peress li dawn ma jikkonfermaw l-ebda informazzjoni relatata mal-imsemmi perijodu. |
90 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li skontu l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni “s-sinjifikat tal-parteċipazzjoni fil-fiera magħrufa madwar id-dinja bħala EICMA” li ssir, skont ir-rikorrenti nnifisha, kull sena fix-xahar ta’ Novembru, filwaqt li hija invokat il-preżenza tagħha fl-2003 u l-2004, għandu jitfakkar li l-perijodu rilevanti jibda fit-22 ta’ Diċembru 2004, b’tali mod li, anki jekk jiġi preżunt li r-rikorrenti kienet ipparteċipat f’din il-fiera, il-parteċipazzjoni tagħha kienet seħħet qabel il-perijodu li matulu kellu tiġi prodotta l-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark ikkontestata. |
91 |
Il-fatt li, skont ir-rikorrenti, minħabba din il-parteċipazzjoni fl-2003 u l-2004 fl-imsemmija fiera, it-trade mark ikkontestata kienet ġiet ippreżentata fis-suq matul is-snin segwenti ma huwa ssostanzjat bl-ebda mod u ma jistax jiġi dedott biss minn din il-parteċipazzjoni li r-rikorrenti kienet uriet li għamlet użu ġenwin mill-imsemmija trade mark, speċjalment peress li għandu jitfakkar, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 75 iktar ’il fuq, li tali prova ma tistax tiġi prodotta minn sempliċi preżunzjonijiet jew suppożizzjonijiet. |
92 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li skontu l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni kif dovut il-fatt li l-prodotti bit-trade marks sekondarji ta’ MOTOBI, jiġifieri Adiva u Velvet, kienu ġew prodotti b’mod partikolari fl-2004, għandu jiġi ppreċiżat, fi kwalunkwe każ, li l-provi dwar dawn it-trade marks sekondarji huma insuffiċjenti sabiex juru l-użu ġenwin mit-trade mark ikkontestata. |
93 |
B’mod partikolari, l-Anness 1 tan-nota li tispjega l-aggravji, li huwa fattura tat-2 ta’ Awwissu 2010 għal Keeway France SAS, li għalhekk inħarġet f’data sussegwenti għal dik tat-talba għal revoka, hija dwar il-bejgħ ta’ żewġ mudelli “velvet 125 c. nero – motobi” u ta’ mudell “velvet 125 c. grigio – motobi”. L-Annessi 8 u 9 tal-imsemmija nota fihom ritratti ta’ skuters u ta’ muturi u l-Anness 10 ta’ din in-nota fih l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ żewġ mudelli “motobi” tal-2004. |
94 |
Għandu jiġi kkonstatat li, bħalma sostna l-UASI matul is-seduta, dawn l-elementi, anki meta jiġu evalwati globalment flimkien ma’ dawk prodotti mir-rikorrenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, huma insuffiċjenti wkoll sabiex juru l-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark ikkontestata, minn naħa, minħabba d-data tal-fattura li nħarġet wara d-data tat-tressiq tat-talba għal revoka u, min-naħa l-oħra, anki jekk jiġi preżunt li din il-prova sussegwenti tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, minħabba n-natura simbolika tal-bejgħ li sar. |
95 |
Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li skontu l-Bord tal-Appell naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 12, jiġifieri skuters, ma humiex oġġetti mibjugħa ta’ kuljum fi kwantità kbira, għandu jiġi rrilevat li d-dokumenti prodotti mir-rikorrenti u li jirrigwardaw il-perijodu rilevanti ma jagħmlu riferiment għall-ebda bejgħ ta’ skuter, hekk kif l-uniku bejgħ li jidher fid-dokumenti prodotti fil-proċess, u li huwa msemmi fil-punt 38 tad-deċiżjoni kkontestata, kien sar wara l-imsemmi perijodu. |
96 |
Għaldaqstant, anki jekk jiġi preżunt li, bħalma tallega r-rikorrenti, is-suq tal-iskuters ma huwiex, suq li huwa kkaratterizzat minn numru għoli ta’ bejgħ, ir-rikorrenti ma wriet l-ebda bejgħ matul il-perijodu rilevanti, għajr ordni ta’ 26 skuter ikkonkretizzata minn bejgħ wieħed, b’tali mod li, minkejja li dan il-bejgħ uniku kien ittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark ikkontestata, kellu jiġi kkonstatat li dan il-bejgħ kien manifestament insuffiċjenti għall-finijiet ta’ tali prova. Barra minn hekk, il-fattura supplimentari li nħarġet fit-30 ta’ Ġunju 2010 fuq talba ta’ Motor Show Center Sport Srl f’Pesaro għall-bejgħ ta’ tliet skuters għall-ammont ta’ EUR 3448.14 ukoll inħarġet wara dan il-perijodu, issemmi biss lil Motobi u, anki jekk jiġi preżunt li din għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, turi biss użu li sar b’mod simboliku minn din it-trade mark tal-aħħar. |
97 |
Issa, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-użu ġenwin għandu jinftiehem bħala użu li ma sarx b’mod simboliku, sempliċement għall-finijiet li jinżammu d-drittijiet mogħtija mit-trade mark (sentenza Ansul, punt 69 iktar ’il fuq, EU:C:2003:145, punt 36). |
98 |
Fil-ħames lok, fir-rigward tal-affidavits tal-impjegati tar-rikorrenti prodotti quddiem il-Bord tal-Appell (ara l-punt 57 tad-deċiżjoni kkontestata), li huma dokumenti li joriġinaw mill-impriża nnifisha, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju tagħhom, qabel kollox, kellha tiġi vverifikata l-kredibbiltà tal-informazzjoni li kien hemm fihom. Din żiedet tgħid li għalhekk kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi li fihom tħejja, lil min huwa indirizzat, u għandu jiġi mistoqsi jekk, abbażi tal-kontenut tiegħu, kienx jidher raġonevoli u affidabbli [sentenzi Salvita, punt 23 iktar ’il fuq, EU:T:2005:200, punt 42, u tas-16 ta’ Novembru 2011, Dorma vs UASI – Puertas Doorsa (doorsa FÁBRICA DE PUERTAS AUTOMÁTICAS), T‑500/10, EU:T:2011:679, punt 49]. |
99 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-affidavits differenti, kollha miktuba b’mod identiku, li jsemmu li l-vetturi bit-trade mark MOTOBI rrappreżentati fir-ritratti annessi kienu ġew żviluppati, ippreparati u promossi mir-rikorrenti matul is-snin 2004 u 2005, li joriġinaw mingħand ir-rikorrenti nnifisha, għaldaqstant, minħabba din l-oriġini, ma jistgħux jikkostitwixxu prova suffiċjenti tal-użu ġenwin mit-trade mark meta jitqiesu waħedhom. L-indikazzjonijiet li jinsabu fihom għalhekk jikkostitwixxu biss indizji li jridu jiġu kkoroborati b’elementi probatorji oħrajn [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, BIC vs UASI (Forma ta’ lajter biż-żnied),T‑262/04, Ġabra, EU:T:2005:463, punt 79]. |
100 |
Għalhekk, fl-assenza ta’ kwalunkwe prova oħra li tissostanzja l-informazzjoni li tinsab f’dawn l-affidavits, li setgħu jikkorroboraw il-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti bit-trade mark ikkontestata, l-imsemmija affidavits, eżaminati fid-dawl tal-elementi l-oħra kollha prodotti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, ma setgħux juru li l-imsemmija trade mark kienet intużat b’mod ġenwin matul il-perijodu rilevanti. |
101 |
Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li skontu l-Bord tal-Appell ma wettaqx evalwazzjoni ġenerali, iżda ssepara l-elementi differenti prodotti għall-evalwazzjoni tiegħu, huwa minnu li ma jistax jiġi eskluż li sensiela ta’ elementi tippermetti li jiġu stabbiliti l-fatti li għandhom jintwerew, anki jekk kull wieħed minn dawn l-elementi, meqjus separatament, ma jkunx biżżejjed sabiex jipproduċi l-prova tal-eżattezza ta’ dawn il-fatti (sentenza tas-17 ta’ April 2008, Ferrero Deutschland vs UASI,C‑108/07 P, EU:C:2008:234, punt 36). |
102 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-evalwazzjoni ġenerali tal-provi kollha prodotti mir-rikorrenti lanqas ma tippermetti li jitqies li fir-realtà seħħ bejgħ ta’ skuters matul il-perijodu rilevanti, b’tali mod li huwa impossibbli li jiġi ddeterminat il-parti fis-suq tar-rikorrenti jew l-attività ekonomika effettiva ta’ din tal-aħħar. |
103 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġu miċħud kif ukoll ir-rikors kollu kemm hu. |
Fuq l-ispejjeż
104 |
Hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-UASI u tal-intervenjenti. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Martins Ribeiro Gervasoni Madise Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-2 tta’ Frar 2016. Firem |
( *1 ) * Lingwa tal-proċedura : l-Ingliż